Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2979(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-1362/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2015 - 9.10
CRE 17/12/2015 - 9.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0471

Testi adottati
PDF 253kWORD 68k
Il-Ħamis, 17 ta' Diċembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
L-20 anniversarju mill-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton
P8_TA(2015)0471RC-B8-1362/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar l-20 anniversarju mill-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton (2015/2979(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton, il-qafas ġenerali u t-tnax-il anness tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-7 ta' Lulju 2005(1), tal-15 ta' Jannar 2009(2) u tad-9 ta' Lulju 2015(3) dwar Srebrenica,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tal-11 ta' Marzu 2005 dwar ir-riforma kostituzzjonali fil-Bożnija-Ħerzegovina,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton ġie ffirmat fl-14 ta' Diċembru 1995 f'Pariġi u temm l-aktar gwerra mdemmija fl-Ewropa mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn;

B.  billi l-Ftehim temm il-gwerra, iżda naqas milli joħloq stat li jiffunzjona u li kapaċi jsostni lilu nnifsu, u billi l-istruttura istituzzjonali tal-pajjiż hija kumplessa żżejjed u rriżulta li mhijiex effikaċi;

1.  Ifakkar fl-importanza tal-iffirmar tal-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton, jiftakar fil-vittmi traġiċi kollha tal-gwerra fil-Bożnija-Ħerzegovina u jagħti l-kondoljanzi sinċieri tiegħu lill-familji ta' dawk li tilfu ħajjithom;

2.  Jieħu nota, b'dispjaċir, li 20 sena wara tmiem il-gwerra u t-twaqqif ta' Ftehim ta' Qafas Ġenerali li jistabbilixxi l-aspetti prinċipali tal-ftehim ta' paċi u tal-forma futura tal-pajjiż, il-gvernijiet suċċessivi naqsu milli jibnu stat li jiffunzjona bis-sħiħ u li kapaċi jsostni lilu nnifsu;

3.  Jilqa' r-riżultati miksuba bir-ritorn ta' refuġjati u ta' persuni spustati internament (IDPs), bir-rikostruzzjoni u bir-restituzzjoni tal-proprjetà, f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Anness VII tal-Ftehim ta' Dayton; jinsisti fuq il-ħtieġa li l-anness u l-istrateġija relatata jiġu implimentati bis-sħiħ biex jiżguraw ritorn sostenibbli, kif ukoll soluzzjonijiet ġusti, komprensivi u dejjiema għall-persuni spustati internament, għar-rifuġjati u għal persuni oħra affettwati mill-gwerra; jenfasizza f'dan ir-rigward il-bżonn għar-ritorn sostenibbli ta' Kroati, Bożnijaċi u oħrajn fir-Repubblika Srpska; jisħaq fuq il-ħtieġa li jsir progress fit-titjib tal-integrazzjoni soċjoekonomika ta' dawk li rritornaw; jitlob li l-isforzi fil-livelli kollha jiġu kkoordinati aħjar u li l-persuni spustati l-aktar vulnerabbli, inklużi r-Rom u l-vittmi ta’ vjolenza nisa, jingħataw aktar attenzjoni; jieħu nota, b'dispjaċir, li, skont il-Kumitat Internazzjonali tas-Salib l-Aħmar, għad hemm madwar 7 000 ruħ nieqsa, li għadu mhux magħruf x'sar minnhom;

4.  Jirrikonoxxi t-trasformazzjoni pożittiva li għaddiet minnha l-Bożnija-Ħerzegovina f'dawn l-aħħar 20 sena, minn pajjiż mifni bil-gwerra u ħiereġ minn kunflitt, għal stat li jaspira għall-adeżjoni mal-Unjoni Ewropea;

5.  Itenni l-impenn tal-UE rigward il-perspettiva Ewropea u t-tkomplija tal-proċess ta’ adeżjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina u tal-pajjiżi kollha tal-Balkani tal-Punent; jemmen li l-kooperazzjoni reġjonali u l-proċess ta' integrazzjoni Ewropea huma l-aħjar mod biex tiġi promossa r-rikonċiljazzjoni u biex jingħelbu l-mibegħda u l-firdiet;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet jużaw l-20 anniversarju mill-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton bħala inċentiva biex jimxu 'l quddiem bir-riformi meħtieġa – speċjalment fid-dawl tal-applikazzjoni li jmiss tal-Bożnija-Ħerzegovina għall-adeżjoni mal-UE; ifakkar li l-prijorità trid tkun l-indirizzar tal-ħtiġijiet soċjoekonomiċi taċ-ċittadini, kif ukoll l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' koordinament effikaċi dwar kwistjonijiet tal-UE; itenni li huwa kruċjali wkoll li jitkomplew, b'mod parallel, ir-riformi politiċi u kostituzzjonali u d-demokratizzazzjoni tas-sistema politika, li sejrin imexxu lill-pajjiż fid-direzzjoni li jiżgura ugwaljanza reali u rappreżentanza demokratika tat-tliet popli kostitwenti kollha u taċ-ċittadini kollha tiegħu; jissottolinja li jeħtieġ li ċ-ċittadini kollha tal-Bożnija-Ħerzegovina jkollhom opportunitajiet ugwali li jiġu eletti fil-livelli kollha tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tal-Bożnija-Ħerżegovina u lill-entitajiet tiegħu, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent.

(1) ĠU C 157 E, 6.7.2006, p. 468.
(2) ĠU C 46 E, 24.2.2010, p. 111.
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0276.

Avviż legali