Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2981(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-1394/2015

Dibattiti :

PV 17/12/2015 - 2
CRE 17/12/2015 - 2

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2015 - 9.12
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0473

Testi adottati
PDF 257kWORD 75k
Il-Ħamis, 17 ta' Diċembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-privattivi u d-drittijiet ta' min inissel il-pjanti
P8_TA(2015)0473RC-B8-1394/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar il-privattivi u d-drittijiet ta' min inissel il-pjanti (2015/2981(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012 fuq il-privattivi ta' proċessi bijoloġiċi essenzjali(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 98/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 1998 dwar il-protezzjoni legali tal-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi(2), b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha, li jiddikjara li l-prodotti miksuba minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi m'għandhomx jedd għal privattiva,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Privattivi (KEP) tal-5 ta' Ottubru 1973, b'mod partikolari l-Artikolu 53(b) tagħha,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell Imkabbar tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) tal-25 ta' Marzu 2015 fil-Każijiet G2/12 (dwar it-tadam) u G2/13 (dwar il-brokkoli),

–  wara li kkunsidra r-Regolamenti ta' Implimentazzjoni tal-KEP, b'mod partikolari l-Artikolu 26 tagħhom, li jiddikjara li għal applikazzjonijiet għal privattivi Ewropej u privattivi li jikkonċernaw invenzjonijiet bijoteknoloġiċi, id-Direttiva 98/44/KE għandha tintuża bħala mezz ta' interpretazzjoni supplementari,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Protezzjoni ta' Varjetajiet Ġodda ta' Pjanti tat-2 ta' Diċembru 1961, kif riveduta f'Ġinevra fl-10 ta' Novembru 1972, fit-23 ta' Ottubru 1978 u fid-19 ta' Marzu 1991 (minn hawn 'il quddiem il-'Konvenzjoni tal-UPOV tal-1991'),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94 tas-27 ta' Lulju 1994 dwar Drittijiet ta' Varjetajiet ta' Pjanti fil-Komunità(3) (minn hawn 'il quddiem ir-'Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94'), b'mod partikolari l-Artikolu 15(c) u (d) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-Kunsill dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi tad-19 ta' Frar 2013(4) (minn hawn 'il quddiem il-'Ftehim tal-QUP'), b'mod partikolari l-Artikolu 27(c) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar l-Aspetti tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali Relatati mal-Kummerċ (TRIPS), inkluż il-Kummerċ f'Oġġetti Falsifikati, b'mod partikolari l-Artikolu 27(3) tiegħu, li jiddikjara li l-membri jistgħu jeskludu proċessi essenzjalment bijoloġiċi mill-privattivabilità,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-aċċess għal materjal bijoloġiku tal-pjanti li għandu karatteristiċi tal-pjanti huwa assolutament neċessarju biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u biex jiġu żviluppati varjetajiet ġodda sabiex tiġi garantita s-sigurtà globali tal-ikel, jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima u jiġu evitati monopolji fis-settur tat-tnissil, waqt li fl-istess ħin l-SMEs jingħataw aktar opportunitajiet;

B.  billi d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali huma importanti għas-salvagwardja tal-inċentivi ekonomiċi maħsuba biex jiġu żviluppati prodotti tal-pjanti ġodda u tiġi żgurata l-kompetittività;

C.  billi privattivi fuq prodotti derivati mit-tnissil konvenzjonali jew fuq materjal ġenetiku meħtieġ għat-tnissil konvenzjonali jistgħu jikkompromettu l-esklużjoni stabbilita fl-Artikolu 53(b) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-Privattivi u fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 98/44/KE;

D.  billi l-prodotti miksuba minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi, bħal pjanti, żrieragħ, karatteristiċi awtoktoni u ġeni, għandhom jiġu esklużi mill-privattivabilità;

E.  billi t-tnissil tal-pjanti huwa proċess innovattiv li ilu jintuża mill-bdiewa u l-komunitajiet tal-biedja sa mill-ħolqien tal-agrikoltura, u billi l-varjetajiet u l-metodi ta' tnissil mingħajr privattiva huma importanti għad-diversità ġenetika;

F.  billi d-Direttiva 98/44/KE tilleġiżla favur l-invenzjonijiet bijoteknoloġiċi, b'mod partikolari l-inġinerija ġenetika, iżda billi – kif indikat fil-Premessi 52 u 53 tagħha – ma kinitx l-intenzjoni tal-leġiżlatur li jippermetti l-privattivabilità ta' prodotti miksuba minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva;

G.  billi bosta applikazzjonijiet li jikkonċernaw prodotti miksuba minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi attwalment qed jistennew deċiżjoni mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP), u billi għalhekk hemm ħtieġa urġenti li jiġu ċċarati l-kamp ta' applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-Direttiva 98/44/KE, b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha;

H.  billi d-Direttiva 98/44/KE tirrikonoxxi b'mod impliċitu l-libertà li jintuża materjal li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' privattiva għal skopijiet sperimentali, skont l-Artikoli 12(3)(b) u 13(3)(b);

I.  billi l-eżenzjoni għal min inissel prevista fl-Artikolu 27(c) tal-Ftehim tal-QUP tkun applikabbli biss għal privattivi mogħtija skont is-sistema tal-privattiva unitarja u ma tapplikax awtomatikament għal privattivi nazzjonali fl-UE, u dan se jirriżulta f'sitwazzjoni mhux armonizzata fir-rigward tal-possibbiltà ta' tnissil b'materjal miksub minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' privattiva;

J.  billi huwa prinċipju fundamentali tas-sistema internazzjonali tad-drittijiet ta' varjetajiet ta' pjanti bbażata fuq il-Konvenzjoni tal-UPOV tal-1991, u tas-sistema tal-UE bbażata fuq ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2100/94, li d-detentur ta' varjetà ta' pjanta ma jistax iwaqqaf lil oħrajn milli jużaw il-pjanta protetta għal attivitajiet oħra ta' tnissil;

1.  Jesprimi l-preokkupazzjoni tiegħu li d-deċiżjoni reċenti tal-Bord tal-Appell Imkabbar tal-UEP dwar il-Każijiet G2/12 (tadam) u G2/13 (brokkoli) tista' twassal biex jingħataw aktar privattivi mill-UEP fir-rigward ta' karatteristiċi naturali mdaħħla f'varjetajiet ġodda permezz ta' proċessi essenzjalment bijoloġiċi bħall-inkroċjar u s-selezzjoni;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika l-kamp ta' applikazzjoni u l-interpretazzjoni tad-Direttiva 98/44/KE, u b'mod partikolari l-Artikoli 4, 12(3)(b) u 13(3)(b) tagħha, sabiex tiżgura ċ-ċarezza tad-dritt rigward il-projbizzjoni tal-privattivabilità ta' prodotti miksuba minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi, u tikkjarifika l-fatt li t-tnissil b'materjal bijoloġiku li jaqa' fil-kamp ta' applikazzjoni ta' privattiva huwa awtorizzat;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkomunika l-kjarifika imminenti tagħha rigward il-privattivabilità ta' prodotti miksuba minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi lill-UEP sabiex tkun tista' tintuża bħala mezz ta' interpretazzjoni supplementari;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-Unjoni tissalvagwardja l-aċċess garantit għal, u l-użu ta', materjal miksub minn proċessi essenzjalment bijoloġiċi għat-tnissil tal-pjanti sabiex – fejn applikabbli – ma tinterferixxix mal-prattiki li jiggarantixxu eżenzjoni għal min inissel;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem favur l-esklużjoni mill-privattivabilità ta' proċessi essenzjalment bijoloġiċi fil-kuntest ta' diskussjonijiet multilaterali dwar l-armonizzazzjoni tad-dritt tal-privattivi;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar l-iżvilupp u l-implikazzjonijiet tad-dritt tal-privattivi fil-qasam tal-bijoteknoloġija u l-inġinerija ġenetika, kif meħtieġ skont l-Artikolu 16(c) tad-Direttiva 98/44/KE u kif mitlub mill-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012 fuq il-privattivi ta' proċessi bijoloġiċi essenzjali;

7.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi.

(1) ĠU C 261 E, 10.9.2013, p. 31.
(2) ĠU L 213, 30.7.1998, p. 13.
(3) ĠU L 227, 1.9.1994, p. 1.
(4) ĠU C 175, 20.6.2013, p. 1.

Avviż legali