Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2973(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-1348/2015

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 17/12/2015 - 9.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0474

Testi adottati
PDF 371kWORD 106k
Il-Ħamis, 17 ta' Diċembru 2015 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni fil-Burundi
P8_TA(2015)0474RC-B8-1348/2015

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi (2015/2973(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim rivedut ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Arusha għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Burundi tat-28 ta' Awissu 2000,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Burundi u partikolarment l-Artikolu 96 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza (ACDEG),

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-13 ta' Diċembru 2015 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u l-Kummissarju inkarigat mill-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali, Neven Mimica, dwar is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-konsultazzjonijiet UE-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, adottat fit-8 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU Nru 2248 (2015) tat-12 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-12 ta’ Novembru 2015 mill-Viċi Segretarju Ġenerali tan-NU, Jan Eliasson, il-President tal-Unjoni Afrikana, Nkosazana Dlamini-Zuma, u lill-VP/RGħ, Federica Mogherini, dwar il-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kunsill għall-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana (UA) tat-13 ta' Ġunju, tas-17 ta' Ottubru u tat-13 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet maħruġa mill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant fil-31 ta' Mejju u fis-6 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE tad-9 ta’ Diċembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1755 tal-1 ta' Ottubru 2015 li jikkonċerna l-miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonjiet tal-Kunsill tas-16 ta' Marzu, tat-18 ta' Mejju, tat-22 ta' Ġunju u tas-16 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Burundi(1),

–  wara li kkunsidra l-ittra approvata mill-Kunsill fis-26 ta' Ottubru 2015 li titlob li jinfetħu l-konsultazzjonijiet mal-awtoritajiet tal-Burundi skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta’ Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija li saret fis-6 ta' Novembru 2015 mill-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, is-Sra Fatou Bensouda,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà fil-Burundi ddeterjorat b'mod gravi tul dawn l-aħħar jiem, wara l-attakki ta' tliet kampijiet militari f'Bujumbura; billi l-forzi ta' sigurtà tal-Burundi qatlu mill-anqas 87 persuna fil-11 u t-12 ta' Diċembru 2015; billi jidher li ħafna minn dawn l-imwiet kienu minħabba eżekuzzjonijiet aleatorji;

B.  billi l-Artikolu 96 tal-Kostituzzjoni tal-Burundi u l-Artikolu 7(3) tal-Protokoll II tal-Ftehim ta' Arusha għall-Paċi u r-Rikonċiljazzjoni fil-Burundi jistipulaw li l-President ma jistax iservi aktar minn żewġ mandati; billi l-President Pierre Nkurunziza ilu fil-kariga mill-2005, billi ġie elett mill-ġdid fl-2010;

C.  billi fil-Burundi saru elezzjonijiet leġiżlattivi u lokali fid-29 ta' Ġunju 2015 u elezzjonijiet presidenzjali fil-21 ta' Lulju 2015; billi ż-żewġ proċessi elettorali kienu meqjusa mill-komunità internazzjonali bħala mhux trasparenti, mhux inklusivi, mhux ħielsa u mhux kredibbli; billi għal din ir-raġuni l-Unjoni Afrikana (UA) rrifjutat li tibgħat osservaturi biex isegwu l-elezzjonijiet, l-UE ssospendiet il-missjoni elettorali tagħha fil-Burundi u parti kbira tal-oppożizzjoni fil-Burundi ddeċidiet li tibbojkottja l-elezzjonijiet;

D.  billi l-kandidatura tal-President Nkurunziza għat-tielet mandat u l-elezzjoni tiegħu mill-ġdid wara l-elezzjonijiet tal-21 ta' Lulju 2015 tefgħu lill-pajjiż fl-agħar kriżi politika tiegħu minn tmiem il-gwerra ċivili;

E.  billi l-Gvern tal-Burundi injora d-deċiżjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet adotatti mill-UA u l-Komunità tal-Afrika tal-Lvant (EAC) fit-13 ta' Ġunju 2015 u s-6 ta' Lulju 2015 rispettivament, li l-implimentazzjoni sħiħa tagħhom kieku kienet twitti t-triq għal elezzjonijiet kredibbli u inklusivi;

F.  billi, skont l-OHCHR u organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem oħrajn, twettqu vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem motivati politikament, abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u atti ta' vjolenza fil-pajjiż kemm fil-perjodu ta' qabel l-elezzjoni kif ukoll wara, immirati b'mod partikolari lejn attivisti tal-oppożizzjoni, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u b’mod partikolari ġurnalisti, inklużi Pierre Claver Mbonimpa, li t-tifel tiegħu nstab mejjet wara li ġie arrestat mill-pulizija, Marguerite Barankitse, Antoine Kaburahe u Bob Rugurika; billi hemm perċezzjoni mifruxa li dawn l-atti huma fil-parti l-kbira tagħhom, iżda mhux esklussivament, marbuta mal-istituzzjonijiet tal-istat; billi r-responsabbiltà ewlenija biex tiġi żgurata s-sigurtà fil-Burundi u tiġi protetta l-popolazzjoni tal-Burundi, bir-rispett dovut għall-istat tad-dritt, għad-drittijiet tal-bniedem u l-liġi umanitarja internazzjonali, hija f'idejn il-Gvern tal-Burundi;

G.  billi aktar minn 200 000 persuna ġew spostati f'pajjiżhom jew fittxew kenn f'pajjiżi ġirien minħabba d-deterjorament tas-sitwazzjoni politika fil-Burundi; billi f'Lulju 2015 l-UE żiedet l-għajnuna umanitarja tagħha u mmobilizzat EUR 4,5 miljun addizzjonali f'għajnuna għal popolazzjonijiet spostati;

H.  billi l-Burundi huwa wieħed mill-pajjiżi l-inqas żviluppati fid-dinja; billi kważi nofs (45 %) l-10,6 miljun abitant tal-Burundi huma ta' 15-il sena jew inqas (bi tfal taħt il-5 snin jirrappreżentaw 19,9 % tal-popolazzjoni); billi l-Burundi jinsab fl-ewwel post fl-Indiċi Globali tal-Ġuħ, bi tlieta minn kull ħamest itfal bi problemi ta' saħħa fl-iżvilupp fiżiku tagħhom; billi bejn l-2013 u l-2014, il-Burundi mar lura żewġ postijiet mill-178 post għall-180 post, fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tal-UNDP; billi erba' minn kull ħames persuni fil-Burundi jgħixu b'inqas minn USD 1,25 kuljum, u billi 66,9 % tal-popolazzjoni tgħix taħt is-soll tal-faqar;

I.  billi fis-26 ta' Ottubru 2015 l-UE talbet il-ftuħ ta' konsultazzjonijiet skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, biex jiġi investigat in-nuqqas ta' rispett tal-elementi essenzjali tal-Ftehim, partikolarment id-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt; billi dawn il-konsultazzjonijiet bdew fit-8 ta' Diċembru 2015;

J.  billi fit-8 ta' Diċembru 2015 l-UE kkunsidrat li l-pożizzjonijiet espressi mill-Burundi matul il-konsultazzjonijiet dwar l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou jagħmluha impossibbli li jinstab rimedju għall-falliment tal-Burundi li jirrispetta l-elementi essenzjali tal-partnership tiegħu mal-UE; billi l-UE kkunsidrat ukoll li l-pożizzjonijiet espressi mill-Burundi ma jippermettux reazzjoni sodisfaċenti għad-deċiżjonijiet tas-17 ta' Ottubru u tat-13 ta' Novembru 2015, meħuda mill-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-Unjoni Afrikana, b'mod partikolari fir-rigward tal-bżonn li jiġi stabbilit mingħajr dewmien djalogu sinċier u inklusiv skont il-Ftehim ta' Arusha;

K.  billi l-istaġnar politiku fil-Burundi, karatterizzat minn nuqqas ta' djalogu fost il-partijiet interessati tal-Burundi u deterjorament fis-sitwazzjoni tas-sigurtà u konsegwentement dik ekonomika, qed ikollhom konsegwenzi serji għall-popolazzjoni u joħolqu riskju serju għall-istabilità tar-reġjun, fejn hu ppjanat li jsiru bosta elezzjonijiet fis-sentejn li ġejjin (l-Uganda, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, ir-Rwanda);

L.  billi l-komunità internazzjonali għandha rwol sinifikanti bħala l-garanti tal-Ftehimiet ta' Arusha; billi s'issa l-isforzi reġjonali u sottoreġjonali kollha mmirati biex tiġi indirizzata l-kriżi u jiġi stabbili mill-ġdid id-djalogu bejn il-forzi politiċi kollha ma tawx ir-riżultati pożittivi mistennija;

M.  billi, fl-1 ta' Awwissu 2015 l-oppożizzjoni politika u s-soċjetà ċivili ltaqgħu f'Addis Ababa biex joħolqu l-Kunsill Nazzjonali għall-Irkupru tal-Ftehimiet ta' Arusha u tal-Istat tad-Dritt;

N.  billi fit-23 ta' Settembru 2015 il-President ffirma digriet għall-ħolqien ta' kummissjoni nazzjonali għad-djalogu inter-Burundjan għat-tmexxija tan-negozjati għal sitt xhur; billi s-soċjetà ċivili wriet xettiċiżmu qawwi għall-kisbiet potenzjali ta' din il-kummissjoni għaliex ħafna mill-partijiet mill-oppożizzjoni jew mis-soċjetà ċivili li jopponu t-tielet mandat tal-President Nkurunziza qed jiġu ppersegwitati u akkużati b’insurrezzjoni u kompliċità fil-falliment tat-tentattiv ta' kolp ta' stat tat-13 u l-14 ta' Mejju 2015; billi l-Ispeaker tal-Assemblea Nazzjonali l-ġdida, Pascal Nyabenda, iddikjara li "l-persuni involuti fl-organizzazzjoni u l-implimentazzjoni tal-kolp ta' stat (...) mhux ser jiġu inklużi fid-djalogu";

O.  billi l-UA, l-UE u l-Istati Uniti imponew iffriżar tal-assi u projbizzjoni tal-ivvjaġġar fuq il-mexxejja tal-gvern u tal-oppożizzjoni, li l-azzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tagħhom jikkontribwixxu biex tkompli l-vjolenza u jostakolaw is-sejbien ta' soluzzjoni politika għall-kriżi fil-Burundi;

P.  billi l-Istati Uniti u numru ta' pajjiżi oħrajn taw parir liċ-ċittadini tagħhom biex jitilqu mill-Burundi b'mod immedjat minħabba s-sitwazzjoni ta' sigurtà li qed tiddeterjora;

Q.  billi fis-17 ta' Ottubru 2015 il-Kunsill tal-Paċi u s-Sigurtà tal-UA talab il-finalizzazzjoni tal-ippjanar ta' kontinġenza għall-iskopijiet ta' tnedija fil-Burundi jekk is-sitwazzjoni tkun hekk teħtieġ, ta' Missjoni mmexxija mill-Afrika għall-prevenzjoni tal-vjolenza fil-pajjiż, u qabel mat-tnedija ta' investigazzjoni bir-reqqa dwar il-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u abbużi oħra kontra l-popolazzjoni ċivili fil-Burundi;

R.  billi fit-30 ta' Novembru 2015 is-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Ban Ki Moon għamel tliet proposti lill-Kunsill tas-Sigurtà fejn irrakkomanda reviżjoni tal-mandat tal-preżenza tan-NU fil-Burundi abbażi tal-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni, bil-għan li jkun hemm possibbiltà għal missjoni ta' żamma tal-paċi f'każ li l-kriżi tmur għall-agħar;

S.  billi se jkun immobilizzat tim ta' appoġġ tan-NU bil-għan li jappoġġa djalogu inter-Burundjan, li joffri konsulenza lill-gvern dwar it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet tal-istat tad-dritt u dwar kwistjonijiet ta' diżarm, b'koordinament mal-partijiet reġjonali, li jimmonitorja u jirrapporta dwar is-sitwazzjoni lokali u jiffaċilita l-ippjanar tan-NU għal preżenza akbar fil-Burundi;

T.  billi l-UA u l-partijiet internazzjonali oħra ripetutament talbu djalogu ġenwin u inklużiv li jinvolvi l-partijiet interessati kollha, imsejjes fuq ir-rispett tal-Ftehim ta' Arusha u l-Kostituzzjoni tal-Burundi, sabiex tinstab soluzzjoni konsenswali għall-kunflitt fil-Burundi; billi l-UE u n-NU jappoġġaw din il-pożizzjoni;

U.  billi l-isforzi ta' medjazzjoni għadhom għaddejjin, bl-appoġġ sħiħ tal-UA, l-UE u n-NU, sabiex jiġi promoss id-djalogu inter-Burundjan bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni konsenswali u paċifika għall-kriżi fil-Burundi;

V.  billi l-UE tikkontribwixxi b'mod sinifikanti għall-baġit annwali tal-Burundi, li madwar nofsu jiġi minn għajnuna internazzjonali, u billi reċentement allokat EUR 432 miljun għall-Burundi mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp 2014-2020;

W.  billi, permezz tad-Digriet 530/1597, l-awtoritajiet tal-Burundi ssospendew l-attivitajiet ta' 10 organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, partikolarment l-ACAT-Burundi, APRODH, AMINA, FOCODE, FORSC, FONTAINE-ISOKO, Maison Shalom, PARCEM, RCP u SPPDF, u imblokkaw il-kontijiet bankarji tagħhom;

1.  Jesprimi t-tħassib mill-aktar serju tiegħu dwar is-sitwazzjonijiet serji ta' politika u ta' sigurtà fil-Burundi, u s-sitwazzjoni umanitarja li rapidament sejra għall-agħar u l-konsegwenzi li dan jista' jkollu għas-sigurtà u l-istabilità fis-sottoreġjun sħiħ;

2.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki vjolenti reċenti u ż-żieda fil-każijiet ta' vjolazzjonijiet u abbużi tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi l-assassinji, l-assassinji extraġudizzjarji, il-vjolazzjonijiet tal-integrità fiżika tal-persuni, l-atti ta' tortura u trattament krudili, inuman u/jew degradanti ieħor, l-arresti arbitrarji u d-detenzjonijiet illegali, inkluż ta' tfal u l-okkupar tal-iskejjel mill-militar u mill-pulizija, u l-vjolazzjonijiet tal-libertà tal-istampa u tal-espressjoni, kif ukoll il-prevalenza tal-impunità; jitlob inkjesta bir-reqqa u indipendenti tal-assassinji u l-abbużi u biex dawk li wettqu r-reati jitressqu quddiem il-ġustizzja;

3.  Jitlob tmiem immedjat tal-vjolenza, tal-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem u tal-intimidazzjoni politika tal-avversarji u d-diżarm immedjat tal-gruppi armati kollha marbuta ma' partiti politiċi, b'konformità stretta mal-liġi internazzjonali u d-drittijiet tal-bniedem;

4.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha jistabbilixxu l-kundizzjonijiet meħtieġa għall-bini mill-ġdid tal-fiduċja u t-trawwim tal-unità nazzjonali u jitlob li minnufih jerġa' jinbeda djalogu nazzjonali inklusiv u trasparenti, li jinkludi l-Gvern, il-partiti tal-oppożizzjoni u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

5.  Jenfasizza li dan id-djalogu, immirat lejn il-ksib tal-paċi, is-sigurtà u l-istabilità dejjiema, u għall-irkupru tad-demokrazija u l-istat tad-dritt, fl-interessi taċ-ċittadini tal-Burundi, għandu jkun ibbażat fuq il-Ftehim ta' Arusha u l-Kostituzzjoni tal-Burundi, li teħtieġ il-konformità mal-liġi internazzjonali u t-trattati;

6.  Jindika, b'mod partikolari, il-preżenza ta' ħafna żgħażagħ, inklużi tfal taħt l-età ta' 18-il sena, fi ħdan il-gruppi armati li qed joperaw fil-Burundi u jistieden lill-komunità internazzjonali biex tagħti attenzjoni speċifika lill-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom u biex tkun promossa l-parteċipazzjoni tagħhom fi proċess politiku paċifiku;

7.  Jitlob li l-partijiet kollha fil-Burundi jżommu lura minn kwalunkwe azzjoni li thedded il-paċi u s-sigurtà fil-pajjiż; jikkundanna bil-qawwa d-dikjarazzjonijiet pubbliċi kollha li għandhom l-għan li jinċitaw vjolenza jew il-mibegħda lejn gruppi differenti tas-soċjetà tal-Burundi, li għandhom il-potenzjal li jaggravaw it-tensjoni attwali, u jistieden lill-partijiet kollha jibqgħu lura milli jagħmlu tali dikjarazzjonijiet;

8.  Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Burundi dwar l-obbligu tagħhom li jiżguraw is-sigurtà fi ħdan it-territorju tal-pajjiż u li jiggarantixxu d-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet ċivili u politiċi u l-libertajiet fundamentali, kif previst fil-Kostituzzjoni tal-Burundi, fil-Karta Afrikana tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli, u fi strumenti internazzjonali u reġjonali oħra tad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Ifakkar, f'dan il-kuntest, li s-sħubija bejn UE-Burundi hija rregolata mill-Ftehim ta' Cotonou, u li l-partijiet kollha huma marbuta li jirrispettaw u jimplimentaw it-termini ta' dak il-ftehim, b'mod partikolari r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; ifakkar, b'mod partikolari, li l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou jipprevedi l-possibilità li jiġu istitwiti proċeduri ta' konsultazzjoni f'każijiet ta' nuqqas ta' rispett tad-drittijiet tal-bniedem, il-prinċipji demokratiċi u l-istat tad-dritt, u jilqa', f'dan ir-rigward, id-deċiżjoni tal-UE li titlob il-ftuħ ta' konsultazzjonijiet kif previst f'dak l-Artikolu;

10.  Jikkundanna bil-qawwa l-vjolazzjoni tal-Ftehim ta' Arusha mill-President Nkurunziza meta ħa l-ġurament tal-ħatra għat-tielet mandat presidenzjali;

11.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Burundi biex iħeġġu sabiex tiġi stabbilita l-verità dwar id-delitti tal-massa mwettqa bejn l-1962 u l-2008, permezz ta' miżuri ġudizzjarji u mhux ġudizzjarji, bħal kummissjoni għall-verità u r-rikonċiljazzjoni u tribunali speċjali, u l-promozzjoni tar-rikonċiljazzjoni nazzjonali;

12.  Jilqa' l-isforzi ta' medjazzjoni mmexxija mid-Direttorat Ġenerali għall-Edukazzjoni u l-Kultura (EAC), bl-appoġġ tal-UA u n-NU, biex jiffaċilitaw id-djalogu fost il-partijiet interessati tal-Burundi; jistieden lill-VP/RGħ wkoll biex tappoġġa dawn l-isforzi ta' medjazzjoni; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Burundi u partijiet interessati oħra kkonċernati biex jikkooperaw bis-sħiħ mal-medjatur;

13.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar in-numru ta' vittmi u każijiet ta' vjolazzjonijiet serji tad-drittijiet tal-bniedem irrappurtati mill-bidu tal-kriżi; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu investigazzjoni bir-reqqa u immedjata dwar iċ-ċirkostanzi u l-motivi wara dawn id-delitti u jiżguraw li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja; itenni li ma jista' jkun hemm l-ebda impunità għal dawk responsabbli għal vjolazzjonijiet jew abbużi serji tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-awtoritajiet jiżguraw li l-iskejjel jibqgħu post tal-kenn għat-tagħlim; jitlob lill-Prosekutur tal-QKI biex isegwi mill-qrib is-sitwazzjoni fil-Burundi u jappoġġa d-dikjarazzjoni tagħha tas-6 ta' Novembru 2015;

14.  Jitlob li jiġi revokat id-Digriet 530/1597 li jipprevedi s-sospensjoni provviżorja tal-attivitajiet ta' bosta organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, u jitlob li jitneħħa immedjatament l-iffriżar fuq il-kontijiet tal-bank tagħhom, sabiex dawn l-organizzazzjonijiet ikunu jistgħu jeżerċitaw liberament l-attivitajiet tagħhom;

15.  Jitlob ir-ritorn sikur ta' ġurnalisti u ta' difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'eżilju, il-ftuħ mill-ġdid tal-mezzi tax-xandir li ngħalqu wara li falla l-attentat ta' kolp ta' stat tat-13 u l-14 ta' Mejju 2015 u li jitwaqqgħu l-akkużi miġjuba kontra dawk il-ġurnalisti akkużati li ħadu sehem, direttament jew indirettament, fl-attentat fallut ta' kolp ta' stat;

16.  Huwa partikolarment imħasseb dwar il-livelli drammatiċi ta' diskriminazzjoni kontra l-persuni LGBTI fil-Burundi u l-kriminalizzazzjoni tagħhom; jinnota għal darb'oħra li l-orjentazzjoni sesswali tifforma parti mil-libertà ta' espressjoni u mid-dritt tal-persuni għal ħajja privata, kif stabbilit mil-liġi internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, li bis-saħħa tagħha għandhom jiġu rrispettati l-prinċipji tal-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, u l-libertà tal-espressjoni għandha tiġi ggarantita; jistieden, għalhekk, lill-Assemblea Nazzjonali u lill-Gvern tal-Burundi jħassru l-artikoli tal-kodiċi penali li jiddiskriminaw kontra l-persuni LGBTI;

17.  Jissottolinja l-impatt gravi tal-kriżi fuq it-tfal u jitlob lill-Kummissjoni tibqa' involuta mal-imsieħba internazzjonali sabiex jiġi żgurat il-forniment tas-servizzi tal-kura tas-saħħa, inkluż mediċini essenzjali, l-aċċess sikur għall-edukazzjoni u l-protezzjoni tat-tfal mill-forom kollha ta' vjolenza u biex jiġi żgurat l-aċċess għal servizzi soċjali oħrajn;

18.  Jilqa' l-fatt li ġew mibgħuta mill-UA osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem u esperti biex jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, u jenfasizza l-importanza li jkun hemm kooperazzjoni magħhom sabiex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-mandat tagħhom; jistieden barra minn hekk lill-Qorti Kriminali Internazzjonali biex, fl-ambitu tal-ġurisdizzjoni tagħha, tinvestiga l-allegati vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem li twettqu matul il-kriżi reċenti;

19.  Jilqa' s-sanzjonijiet immirati approvati mill-UE, konsistenti mad-deċiżjoni meħuda mill-UA, li timponi sanzjonijiet immirati, inkluża projbizzjoni fuq l-ivjaġġar u l-iffriżar tal-assi kontra Burundjani li l-azzjonijiet u d-dikjarazzjonijiet tagħhom ikkontribwew għall-perpetwazzjoni tal-vjolenza u l-ostruzzjoni tal-isforzi biex tinkiseb soluzzjoni politika għall-kriżi; jitlob li l-UE testendi tali sanzjonijiet għal dawk kollha li l-azzjonijiet tagħhom jirrappreżentaw theddida għall-paċi u l-istabilità fir-reġjun, li jinċitaw il-mibegħda u li jiksru l-Ftehim ta' Arusha;

20.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri tagħha, fid-dawl tal-evoluzzjoni tal-konsultazzjoni pubblika mwettqa skont l-Artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou, biex jikkunsidraw l-iffriżar tal-assistenza non-umanitarja lill-Gvern tal-Burundi sakemm jieqaf l-użu eċċessiv tal-forza u l-vjolazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem minn forzi governattivi, kif reġistrat mill-OHCHR, u sakemm tinstab soluzzjoni politika li tirriżulta minn djalogu inter-Burundjan ġenwin, u biex l-għajnuna tkun imqassma mill-ġdid bil-għan li tissaħħaħ is-soċjetà ċivili; iqis li l-għajnuna tal-UE għandha titratta l-problemi bażiċi ta' inugwaljanza, faqar u malnutrizzjoni kronika sabiex jinkisbu l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli li ġew approvati dan l-aħħar;

21.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar l-eżodu kontinwu ta' refuġjati Burundjani lejn pajjiżi ġirien; itenni l-appoġġ tiegħu għall-organizzazzjonijiet umanitarji kollha li joperaw fuq il-post, kif ukoll għall-pajjiżi ospitanti ġirien; jappella lill-komunità internazzjonali u l-aġenziji umanitarji biex ikomplu jagħtu assistenza lil dawk kollha li issa huma refuġjati u persuni spostati bħala riżultat tal-kunflitt; jilqa' l-impenn tal-UE biex iżżid l-appoġġ finanzjarju u l-għajnuna umanitarja sabiex tindirizza l-bżonnijiet urġenti ta' dawn il-popli;

22.  Jistieden lill-UA, lin-NU u lill-UE biex iqisu serjament id-dimensjoni reġjonali u jevitaw kwalunkwe destabbilizzazzjoni ulterjuri tar-reġjun, billi jżidu l-preżenza tagħhom fil-post b'mod partikolari billi jinżamm djalogu politiku permanenti bejn il-pajjiżi fir-reġjun; iħeġġeġ lill-UA, f'dan il-kuntest, biex tikkunsidra, b'koordinament mal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li tibgħat missjoni għaż-żamma tal-paċi mmexxija mill-Afrika jekk is-sitwazzjoni tas-sigurtà u tad-drittijiet tal-bniedem fil-Burundi tkompli tiddeterjora;

23.  Iħeġġeġ lill-VP/ RGħ, Federica Mogherini, tkompli fl-isforzi tagħha biex tiżgura l-ħelsien immedjat ta’ Richard Spiros Hagabimana, li hu uffiċjal tal-pulizija fil-Burundi, li qed jinżamm il-ħabs illegalment u li ġie ttorturat għaliex bħala pulizija, irrifjuta li jispara fuq il-folla fit-28 ta’ Lulju 2015;

24.  Hu tal-fehma li l-problemi tal-Burundi huma interkonnessi ma' tilwim relatat mal-kontroll ta' art agrikola fertili, mal-inguwaljanza ta' introjtu u mad-diskriminazzjoni; jappella, f'dan il-kuntest, biex jitwaqqaf qafas regolatorju responsabbli li jirregola l-mod li bih il-korporazzjonijiet jikkonformaw mal-obbligi dwar id-drittijiet tal-bniedem u mal-obbligi fir-rigward tal-istandards soċjali u ambjentali;

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Gvern u lill-Parlament tal-Burundi, lill-Kunsill AKP-UE, lill-Kummissjoni, lill-Kunsill, lill-Komunità tal-Afrika tal-Lvant u lill-gvernijiet tal-istati membri tagħha, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Afrikana u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0275.

Avviż legali