Indiċi 
Testi adottati
L-Erbgħa, 24 ta' Ġunju 2015 - BrussellVerżjoni finali
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Sotirios Zarianopoulos
 Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Udo Voigt
 Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi ***I
 Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: EGF/2015/000 TA 2015 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni
 Ir-rieżami tal-qafas ta’ governanza ekonomika: analiżi u sfidi

Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Sotirios Zarianopoulos
PDF 286kWORD 72k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ġunju 2015 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Sotirios Zarianopoulos (2015/2015(IMM))
P8_TA(2015)0234A8-0191/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Sotirios Zarianopoulos, imressqa fit-8 ta' Diċembru 2014 mill-Viċi Prosekutur tal-Arios Pagos (Qorti Suprema) tal-Greċja, b'rabta mal-proċediment C2010/1744 pendenti quddiem it-Tielet Monomeles Plimmeliodikio (Qorti Monokratika tal-Maġistrati) ta' Salonka, u mħabbra fis-seduta plenarja fit-13 ta' Jannar 2015,

–  wara li sema' lil Sotirios Zarianopoulos, skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u fil-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0191/2015),

A.  billi l-Viċi Prosekutur Pubbliku tal-Arios Pagos (Qorti Suprema) tal-Greċja talab it-tneħħija tal-immunità ta' Sotirios Zarianopoulos, Membru tal-Parlament Ewropew, fil-kuntest ta' istruttorja dwar l-allegat reat;

B.  billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri tal-Parlament Ewropew jibbenefikaw fit-territorju nazzjonali mill-immunitajiet rikonoxxuti lill-Membri tal-Parlament ta' pajjiżhom;

C.  billi, skont l-Artikolu 62 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Ellenika, matul il-leġislatura, mingħajr il-kunsens tal-parlament deputat la jista' jkun sottopost għal proċediment kriminali, arrest jew detenzjoni u lanqas suġġett għal miżuri restrittivi oħrajn tal-libertà;

D.  billi Sotirios Zarianopoulos huwa akkużat li rrikorra għal theddid ta' vjolenza fiżika, daħal illegalment fis-sede tat-televiżjoni pubblika Griega ERT-3 fl-4 ta' Marzu 2010 biex jinterrompi il-bullettin tal-aħbarijiet ta' nofsinhar u jaqra komunikat;

E.  billi huwa ċar li l-allegat reat ma għandu l-ebda rabta mal-pożizzjoni ta' Sotirios Zarianopoulos inkwantu Membru tal-Parlament Ewropew, peress li l-allegat reat huwa marbut ma' azzjoni tat-trade union Griega PAME u li Sotirios Zarianopoulos ma kienx Membru tal-Parlament Ewropew meta seħħew il-fatti;

F.  billi, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, opinjoni espressa fil-qadi tal-mandat ta' Membru tal-Parlament Ewropew hija definita bħala valutazzjoni suġġettiva li tippreżenta rabta diretta u evidenti mal-qadi tal-funzjonijiet parlamentari, iżda billi l-allegati azzjonijiet ta' Sotirios Zarianopoulos ma jidħlux f'din id-definizzjoni;

G.  billi għaldaqstant il-proċediment kriminali ma jirrigwarda l-ebda opinjoni espressa jew vot mitfugħ fil-qadi tal-mandat ta' Membru tal-Parlament Ewropew skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea;

H.  billi, skont l-Artikolu 9(7) tar-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ;

I.  billi, peress li Sotirios Zarianopoulos isostni li l-akkuża hija motivata minn raġunijiet politiċi, il-Kumitat, wara li sema' lill-parlamentari u wara l-eżami tad-dokumenti fornuti minn dan tal-aħħar, eżamina anki d-dikjarazzjonijiet imressqa lill-awtoritajiet ta' investigazzjoni mix-xhieda fl-2010, li jikkostitwixxu l-bażi tal-akkuża;

J.  billi l-imsemmijin dikjarazzjonijiet tressqu fl-ambitu tal-proċediment ġudizzjarju a karigu ta' Sotirios Zarianopoulos u li, min-naħa l-oħra, mhuwiex id-dmir tal-Kumitat li jipproċedi b'investigazzjoni dwar il-mertu tal-każ u wisq inqas jiddeċiedi dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru tal-Parlament Ewropew sottopost għal proċediment ġudizzjarju;

K.  billi, għalhekk, fid-dawl tal-informazzjoni li l-Kumitat għandu fil-pussess tiegħu, ma tissussisti l-ebda raġuni biex jiġi preżunt li l-proċediment jiddependi mill-intenzjoni li tiġi preġudikata l-attività politika tal-Membru (fumus persecutionis), meta dak li jkun iqis ukoll li l-proċediment beda bosta snin qabel il-bidu tal-mandat tal-Membru;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Sotirios Zarianopoulos;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-Prosekutur tar-Repubblika tal-Arios Pagos (Qorti Suprema) tal-Greċja u lil Sotirios Zarianopoulos.

(1)1 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure u oħrajn, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 1986, Marra vs De Gregorio u Clemente, C 200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C 163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 et T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.


Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Udo Voigt
PDF 254kWORD 69k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ġunju 2015 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Udo Voigt (2015/2072(IMM))
P8_TA(2015)0235A8-0192/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Udo Voigt, mibgħuta fid-9 ta' Frar 2015 mill-imħallef li jippresiedi l-Kammergericht ta' Berlin (Ref. (3) 161 Ss 189/14 (14/15)) u mħabbra fis-seduta tal-plenarja tal-25 ta' Marzu 2015,

–  wara li sema' lil Udo Voigt skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-12 ta' Mejju 1964, tal-10 ta' Lulju 1986, tal-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, tad-19 ta' Marzu 2010, tas-6 ta' Settembru 2011 u tas-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 46 tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5(2), u l-Artikoli 6(1), u (9) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0192/2015),

Α.  billi l-imħallef li jippresiedi l-Kammergericht ta' Berlin ressaq talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Udo Voigt b'rabta ma' azzjoni legali dwar reat allegat;

Β.  billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, il-Membri jgawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament ta' pajjiżhom;

C.  billi, skont l-Artikolu 46(2) tal-Liġi Fundamentali tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja, membru tal-parlament ma jistax jiġi miżmum responsabbli jew arrestat għal reat punibbli mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-parlament, għajr għal ċerti ċirkostanzi speċifiċi;

D.  billi Udo Voigt jinsab akkużat b'inċitament u insulti kollettivi f'pubblikazzjoni maħruġa mill-Partit Demokratiku Nazzjonali tal-Ġermanja, li hu kien responsabbli għaliha bħala l-president tal-partit, fi żmien it-Tazza tad-Dinja tal-FIFA tal-2006;

Ε.  billi l-akkużi huma manifestament mhux relatati mal-pożizzjoni ta' Udo Voigt bħala Membru tal-Parlament Ewropew u jirriżultaw mill-pożizzjoni tiegħu bħala President tal-Partit Demokratiku Nazzjonali tal-Ġermanja;

F.  billi l-azzjonijiet allegati mhumiex marbuta ma' opinjonijiet espressi jew voti mitfugħa mill-Membru tal-Parlament Ewropew fil-qadi ta' dmirijietu skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, filwaqt li jiġi kkunsidrat li l-akkuża hija marbuta ma' azzjonijiet imwettqa fl-2006, ferm qabel ma Udo Voigt ġie elett fil-Parlament Ewropew fl-2014;

G.  billi Udo Voigt isostni li t-tul tal-proċeduri, li bdew fl-2006, għandu l-għan li jostakolaw ix-xogħol parlamentari tiegħu; billi, madankollu, it-talba preżenti għat-tneħħija tal-immunità hija sostnuta bi proċeduri ulterjuri li nfetħu bħala azzjoni ta' rimedju minn Udo Voigt innifsu, u għaldaqstant il-prinċipju nemo auditur propriam turpitudinem allegans japplika għal din l-oġġezzjoni;

H.  billi ma hemm l-ebda suspett li l-proċeduri huma attentat ta' ostakolu għax-xogħol parlamentari ta' Udo Voigt (fumus persecutionis), inkwantu li dawn bdew għadd ta' snin qabel ma huwa ħa l-kariga tas-siġġu tiegħu fil-Parlament Ewropew;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Udo Voigt;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-Kammergericht ta' Berlin u lil Udo Voigt.

(1) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-20 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure u oħrajn, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 1986, Marra vs De Gregorio u Clemente, C 200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C 163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 et T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.


Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi ***I
PDF 352kWORD 92k
Riżoluzzjoni
Test
Anness
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ġunju 2015 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 (COM(2015)0010 – C8-0007/2015 – 2015/0009(COD))
P8_TA(2015)0236A8-0139/2015

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0010),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikoli 172 u173, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 175 u l-Artiolu 182(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8–0007/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Regjuni(2),

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill b'ittra tad-9 ta' Ġunju 2015 sabiex japprova l-pożizzjoni tal-Parlament, f'konformità mal-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijet konġunti tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji kif ukoll l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0139/2015),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni, li se tiġi ppubblikata fis-serje L tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-att leġiżlattiv finali;

3.  Jieħu nota tad-dikjarazzjonijiet tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni, li se jiġu ppubblikati fis-serje L tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea flimkien mal-att leġiżlattiv finali;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fl-24 ta' Ġunju 2015 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2015/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2015/1017.)

ANNESS MAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

1.  Dikjarazzjoni konġunta mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar it-tqassim għal Orizzont 2020

"Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu li l-linji baġitarji li ġejjin mhumiex ser jikkontribwixxu għall-finanzjament tal-FEIS: "It-tisħiħ tar-riċerka fil-fruntieri fil-Kunsill Ewropew għar-Riċerka", "L-azzjonijiet Marie Sklodowska-Curie" u "It-tixrid tal-eċċellenza u t-twessigħ tal-parteċipazzjoni". L-ammont li jifdal li jirriżulta mill-użu addizzjonali tal-marġini kif imqabbel mal-proposta tal-Kummissjoni ser jerġa' jitqiegħed fil-linji baġitarji l-oħra ta' Orizzont 2020 fi proporzjon mat-tnaqqis propost mill-Kummissjoni. It-tqassim indikattiv huwa stabbilit fl-Anness I għar-Regolament dwar il-FEIS."

2.  Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-abbozz ta' baġit għall-2016

"Il-Kummissjoni ser tanalizza l-impatt potenzjali tal-kontribuzzjonijiet għall-FEIS mil-linji baġitarji differenti ta' Orizzont 2020 fuq l-implimentazzjoni effettiva tal-programmi rispettivi u, jekk xieraq, ser tipproponi ittra emendatorja għall-abbozz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-2016 biex taġġusta t-tqassim tal-linji baġitarji ta' Orizzont 2020."

3.  Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni dwar il-valutazzjoni tagħha ta' kontribuzzjonijiet ta' darba fil-kuntest tal-inizjattiva tal-FEIS sabiex ikun implimentat il-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir

"Mingħajr preġudizzju għall-prerogattivi tal-Kunsill fl-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbilità u Tkabbir (PST), kontribuzzjonijiet ta' darba mill-Istati Membri, jew minn Stat Membru jew minn banek promozzjonali nazzjonali kklassifikati fis-settur pubbliku ġenerali jew li jaġixxu f'isem Stat Membru, fil-FEIS jew fi pjattaformi ta' investiment, tematiċi jew multinazzjonali stabbiliti għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Investiment, bħala prinċipju għandhom jikkwalifikaw bħala miżuri ta' darba, fis-sens tal-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 u tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97."

(1) Opinjoni tad-19 ta' Marzu 2015 (għadha mhiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).
(2) Opinjoni tas-16 ta' April 2015 (għadha mhiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).


Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: EGF/2015/000 TA 2015 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni
PDF 439kWORD 93k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ġunju 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2014/000 TA 2015 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni) (COM(2015)0156 – C8-0093/2015 – 2015/2076(BUD))
P8_TA(2015)0237A8-0185/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0156 – C8‑0093/2015),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Settembru 2014 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta ' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2014/000 TA 2014 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)(4),

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0185/2015),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex toffri appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'konsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex tiżdied il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu finanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi l-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG fl-2015 huwa ta’ EUR 150 miljun (fi prezzijiet tal-2011) u billi l-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG jiddikjara li 0,5 % ta’ dan l-ammont (jiġifieri EUR 811 825 fl-2015) jista’ jsir disponibbli għal għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, sabiex jiffinanzja l-preparazzjoni, il-monitoraġġ, il-ġbir tat-tagħrif u l-ħolqien ta’ bażi ta’ għarfien, l-appoġġ amministrattiv u tekniku, attivitajiet ta’ tagħrif u komunikazzjoni, kif ukoll l-attivitajiet ta’ awditjar, kontroll u evalwazzjoni meħtieġa biex jiġi implimentat ir-Regolament dwar il-FEG;

E.  billi l-Parlament Ewropew spiss enfasizza l-ħtieġa ta' viżibbiltà aħjar tal-FEG bħala strument komunitarju ta' solidarjetà mal-ħaddiema li ngħataw is-sensja;

F.  billi l-ammont propost ta' EUR 630 000 jikkorrispondi għal madwar 0,39 % tal-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG fl-2015;

1.  Jaqbel mal-miżuri proposti mill-Kummissjoni bħala għajnuna teknika biex tiffinanzja n-nefqa msemmija fl-Artikoli 11(1) u (4) kif ukoll fl-Artikoli 12(2), (3) u (4) tar-Regolament dwar il-FEG;

2.  Ifakkar fl-importanza tan-netwerking u tal-iskambju ta' informazzjoni dwar il-FEG, partikolarment fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament dwar il-FEG il-ġdid; jappoġġa, għalhekk, il-finanzjament tal-Grupp ta’ Esperti ta’ Persuni ta’ Kuntatt tal-FEG u s-seminars ta’ netwerking dwar l-implimentazzjoni tal-FEG;

3.  Jenfasizza li objettiv ewlieni ta' dawn il-laqgħat għandu jkun li tiġi analizzata l-evalwazzjoni ex-post tal-FEG (2007-2013) u li r-rakkomandazzjonijiet tagħha jiġu diskussi bir-reqqa; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta analiżi u rapport kompluti tal-fondi FEG diġà implimentati lill-Parlament Ewropew;

4.  Jilqa’ l-ħidma kontinwa fuq il-proċeduri standardizzati għall-applikazzjonijiet tal-FEG u l-ġestjoni li jużaw il-funzjonalitajiet tas-sistema ta' skambju elettroniku tad-data (SFC2014), li tippermetti s-simplifikazzjoni u l-ipproċessar aktar mgħaġġel tal-applikazzjonijiet kif ukoll rappurtar aħjar;

5.  Jinnota li l-proċess ta’ integrazzjoni tal-FEG fis-sistema ta' skambju elettroniku tad-data (SFC2014) ilha għaddejja għal snin twal u l-ispejjeż rilevanti mill-baġit tal-FEG se jkomplu jkunu relattivament għolja għas-sentejn jew it-tliet snin li ġejjin, sakemm jitlesta l-proċess ta’ integrazzjoni;

6.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta l-progress tal-integrazzjoni fl-SFC2014 mill-bidu tagħha fl-2011 sal-2014;

7.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiffukaw l-attivitajiet ta' netwerking tagħhom b'mod partikolari fuq li ġej:

   a. titjib tal-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-impatt tal-appoġġ tal-FEG fuq individiwi parteċipanti bil-modi li ġejjin:
   il-baġit għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni għandhom jintużaw biex jiġi vvalutat l-impatt aktar fit-tul fuq benefiċjarji tal-FEG.
   il-formula ta’ applikazzjoni tal-EGF u l-mudell għar-rapport finali dwar l-eżekuzzjoni ta’ kontribuzzjoni mill-EGF għandhom ifakkru b’mod ċar l-obbligu li hemm fuq il-koordinatur tal-FEG u fuq l-Istat Membru li jipprovdu d-data dwar l-eżiti tal-impjiegi tal-benefiċjarji tnax-il xahar wara l-implimentazzjoni tal-miżuri, kif ukoll id-data rigward ir-rata ta’ impjieg fl-aħħar 12-il xahar, sa mill-implimentazzjoni tal-FEG fil-qasam konċernat, sabiex tinkiseb perspettiva iktar wiesgħa tal-impatt tal-FEG.
   informazzjoni aktar dettaljata dwar il-miżuri li kellhom aċċess għalihom parteċipanti individwali għandha tiġi reġistrata u kkomunikata b’mod ċar sabiex, pereżempju, ikun hemm valutazzjoni aktar ċara tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji ta’ miżuri differenti.
   l-approvazzjoni ta’ rapporti finali tal-applikazzjoni u l-għeluq finali tal-applikazzjoni għandhom isiru flimkien mal-għoti ta’ informazzjoni sħiħa dwar l-eżitu tal-benefiċjarji (f’livell aggregat). Qabel, id-data dwar l-eżitu tal-benefiċjarji ma kinitx kompluta.
   b. simplifikazzjoni ulterjuri tal-proċess ta’ applikazzjoni bil-modi li ġejjin:
   fuq il-livell nazzjonali l-proċess ta’ għoti ta’ assistenza għall-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandu jitħeġġeġ aktar biex jibda mingħajr stennija għall-approvazzjoni tal-applikazzjonijiet;
   meta dan ma jkunx possibbli, il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom iqisu li jgħoddu l-perjodu ta’ implimentazzjoni tal-FEG mid-data li fiha tiġi approvata applikazzjoni. Dan jippermetti li jiġi sfruttat il-perjodu ta’ finanzjament sħiħ ta’ 24 xahar.
   c. l-għoti ta' flessibbiltà akbar matul il-perjodu ta’ kunsinna bil-modi li ġejjin:
   il-Kummissjoni għandha tipprovdi flessibbiltà akbar għall-Istati Membri biex jipprovdu miżuri addizzjonali hekk kif opportunitajiet/domandi ġodda jinqalgħu matul il-perjodu ta’ kunsinna lil hinn mill-miżuri deskritti fil-formola ta' applikazzjoni.
   il-perjodu ta’ referenza meħtieġ biex jingħaddu s-sensji għall-applikazzjoni tal-FEG huwa meqjus bħala miżura restrittiva li taffettwa l-għan ta’ solidarjetà u s-suċċess tal-FEG u dan il-perjodu jista’ jiġi rivedut biex jippermetti flessibbiltà fil-forma ta’ addendum mal-formola ta’ applikazzjoni fejn jista’ jintwera li s-sensji seħħew minħabba l-istess raġunijiet u huma marbuta mas-sensji preżentati fl-applikazzjoni.

8.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tevalwa r-raġunijiet li rriżultaw, għal xi proġetti, f’dewmien f’termini ta’ approvazzjoni jew ta’ implimentazzjoni u li tippreżenta r-rakkomandazzjonijiet tagħha pubblikament.

9.  Jenfasizza l-importanza li tiżdied is-sensibilizzazzjoni ġenerali dwar il-FEG u l-viżibbiltà tiegħu; ifakkar lill-Istati Membri applikanti dwar ir-rwol tagħhom li jippubbliċizzaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-FEG lill-benefiċjarji, l-awtoritajiet, is-sħab soċjali, il-media u l-pubbliku ġenerali fil-mira, kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament dwar il-FEG;

10.  Jinnota li l-ispiża tal-attivitajiet ta' informazzjoni tkompli tkun imnaqqsa b'mod sinifikanti fl-2015; iqis li dan ma għandux ikollu effett negattiv fuq il-produzzjoni u d-distribuzzjoni meħtieġa ta' materjal ta’ informazzjoni u gwida neċessarja;

11.  Jissottolinja l-ħtieġa li jissaħħu iżjed il-kuntatti bejn dawk kollha involuti fl-applikazzjonijiet tal-FEG, inklużi b’mod partikolari, is-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati fil-livell reġjonali u lokali, sabiex jinħoloq l-ogħla għadd ta' sinerġiji possibbli; l-interazzjoni bejn il-persuna ta' kuntatt nazzjonali u s-sħab responsabbli mill-ġestjoni tal-każijiet fil-livell reġjonali jew lokali għandha tissaħħaħ u l-arranġamenti ta’ komunikazzjoni u ta' appoġġ kif ukoll il-flussi ta’ informazzjoni (id-diviżjonijiet interni, il-kompiti u r-responsabbiltajiet) għandhom isiru espliċiti u maqbula mis-sħab kollha kkonċernati;

12.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi estiż l-aċċess għall-appoġġ mill-FEG lil żgħażagħ sal-età ta’ 25 sena li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg, jew taħriġ (NEETs) f'livell indaqs tal-ħaddiema li jirċievu appoġġ f’reġjuni b’qgħad għoli fost iż-żgħażagħ, jekk jintwera fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu li hemm bżonn li tinżamm din il-miżura wara Diċembru 2017;

13.  Isejjaħ lill-Kummissjoni biex tistieden lill-Parlament għal-laqgħat u s-seminars ta' gruppi ta' esperti skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(5); jenfasizza barra minn hekk l-importanza ta’ iktar koordinazzjoni fost dawk kollha involuti fl-applikazzjonijiet tal-FEG, inklużi s-sħab soċjali;

14.  Jitlob għall-pubblikazzjoni f'waqtha tal-evalwazzjoni finali skont l-iskadenza stabbilita fl-Artikolu 17 tar-Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.(6)

15.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet kollha involuti jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex itejbu l-arranġamenti proċedurali u baġitarji sabiex iħaffu l-mobilizzazzjoni tal-FEG; jinnota, f’dan ir-rigward, ir-rieda tal-Parlament li jabbozza rapport fuq inizjattiva proprja bbażat fuq l-evalwazzjoni mill-Kummissjoni li tqis il-funzjonament tar-Regolament il-ġdid dwar il-FEG u l-applikazzjonijiet eżaminati; jinnota li l-proċedura mtejba stabbilita mill-Kummissjoni, li ssegwi t-talba tal-Parlament biex tiżgura li l-FEG ikun verament strument ta' urġenza u biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet, għandha l-għan li tippreżenta lill-Parlament u lill-Kunsill il-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-eliġibbiltà ta' applikazzjoni tal-FEG flimkien mal-proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG; jilqa' t-tħaffif sinifikanti tal-eżami u l-awtorizzazzjoni ta' applikazzjonjiet li nħoloq permezz tal-Regolament il-ġdid dwar il-FEG;;

16.  Jenfasizza li evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu li se titnieda fl-2015 għandha tqis ukoll l-impatt fit-tul tal-kriżi u tal-globalizzazzjoni fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju u għalhekk tevalwa l-possibbiltà li jitnaqqsu l-kriterji ta’ 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament dwar il-FEG, kif issuġġerit mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta’ Settembru 2014.

17.  Jitlob lill-Istati Membri biex jenfasizzaw l-addizzjonalità tal-applikazzjonijiet tal-FEG, biex jinħolqu rabtiet aktar ċari ma’ fondi oħrajn u biex iqisu l-aktar modi xierqa għall-FEG biex jiżdied il-valur u jiġu evitati effetti ta’ ċaqliq;

18.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni EGF/2015/000 TA 2015 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (EU) 2015/1179.)

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Testi adottati, P8_TA(2014)0016.
(5) ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.
(6) Regolament (KE) Nru 1927/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (ĠU L 406, 30.12.2006, p. 1).


Ir-rieżami tal-qafas ta’ governanza ekonomika: analiżi u sfidi
PDF 408kWORD 147k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-24 ta' Ġunju 2015 dwar ir-rieżami tal-qafas ta’ governanza ekonomika: analiżi u sfidi (2014/2145(INI))
P8_TA(2015)0238A8-0190/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro(2),

–  wara li kkunsidra l-ittra tat-3 ta’ Lulju 2013 minn dak li kien il-Viċi President tal-Kummissjoni, Olli Rehn, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 5(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet tal-budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1177/2011 tat-8 ta’ Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar miżuri ta’ infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta’ Marzu 2014 dwar l-inkjesta dwar ir-rwol u l-attivitajiet tat-Trojka (BĊE, Kummissjoni u FMI) fir-rigward tal-pajjiżi tal-programm taż-żona tal-euro(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2013 dwar problemi kostituzzjonali ta’ governanza b’diversi livelli fl-Unjoni Ewropea(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-1 ta' Diċembru 2011 dwar is-Semestru Ewropew għall-Koordinazzjoni tal-Politika Ekonomika(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2011 dwar il-kriżi finanzjarja, ekonomika u soċjali: rakkomandazzjonijiet rigward il-miżuri u l-inizjattivi li għandhom jittieħdu(12),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2014 bit-titolu 'Rieżami tal-governanza ekonomika – Rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolamenti (EU) Nru 1173/2011, 1174/2011, 1175/2011, 1176/2011, 1177/2011, 472/2013 u 473/2013' (COM(2014)0905);

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Jannar 2015 dwar "l-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u Tkabbir"(COM(2015)0012),

–  wara li kkunsidra s-Sitt Rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tat-23 ta' Lulju 2014 (COM(2014)0473),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew ta’Ġunju u Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-summit tal-Ewro ta' Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra d-diskors tal-15 ta’ Lulju 2014 tal-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker fil-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-diskors tat-22 ta’ Awwissu 2014 mill-President tal-BĊE Mario Draghi fis-simpożju annwali tal-Bank Ċentrali f'Jackson Hole,

–  wara li kkunsidra Dokument Okkażjonali Nru 157 tal-BĊE ta’ Novembru 2014 bit-titolu “The identification of fiscal and macroeconomic imbalances – unexploited synergies under the strengthened EU governance framework” (L-identifikazzjoni tal-iżbilanċi fiskali u makroekonomiċi — sinerġiji mhux sfruttati fil-qafas ta’ governanza msaħħa tal-UE),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma Nru 163 tal-OECD dwar aspetti Soċjali, tal-Impjieg u tal-Migrazzjoni, tad-9 ta’ Diċembru 2014 intitolat “Trends in income inequality and its impact on economic growth” (Tendenzi fl-inugwaljanza tal-introjtu u l-impatt tagħha fuq it-tkabbir ekonomiku),

–  wara li kkunsidra n-nota ta’ diskussjoni tal-persunal tal-Fond Monetarju Internazzjonali ta’ Settembru 2013 bit-titolu “Towards a fiscal union for the euro area”(Lejn Unjoni Fiskali għaż-Żona tal-Euro),

–  wara li kkunsidra l-proposti tal-Kunsill Governattiv tal-BĊE tal-10 ta' Ġunju 2010 bit-titolu "Reinforcing Economic Governance in the Euro Area" (Insaħħu l-Governanza Ekonomika fiż-Żona tal-Euro),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi, adottati mill-Kunsill Affarijiet Ġenerali (Koeżjoni) fid-19 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0190/2015),

A.  billi l-governanza ekonomika fiż-żona tal-euro li kienet maħsuba biex tevita finanzi pubbliċi insostenibbli u tikkoordina politiki fiskali mibdija mill-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST) li jikkonsisti f'żewġ regoli sempliċi sabiex jiġu evitati effetti negattivi fuq l-Unjoni Ekonomika Monetarja (UEM) kollha kemm hi;

B.  billi immedjatament wara l-introduzzjoni tal-euro, bdiet tinħass l-għejja tal-konsolidazzjoni rigward l-implimentazzjoni ta' dawn ir-regoli, li kienet ir-raġuni ta' wieħed mill-elementi tal-kriżi attwali fl-UEM;

C.  billi riforma tal-PST oriġinali seħħet fl-2005 li introduċiet għadd ta' rfinamenti u żiedet il-flessibbiltà u li ma indirizzatx biżżejjed il-problemi ta' dgħjufija tad-dispożizzjonijiet tal-infurzar u l-koordinazzjoni;

D.  billi meta diversi pajjiżi kienu f'riskju ta' inadempjenza fuq id-dejn tagħhom, li kien ser jirriżulta f'firxa madwar id-dinja tal-kriżi u d-dipressjoni, is-sitwazzjoni tista' tiġi evitata billi jiġu stabbiliti mekkaniżmi ad hoc bħall-EFSF u l-EFSM;

E.  billi, sabiex tkun evitata rikorrenza ta' dan it-tip ta' kriżi, kif ukoll il-firxa tal-kriżi lejn pajjiżi oħrajn permezz tas-settur bankarju, ittieħdu għadd ta' miżuri, inkluż il-ħolqien tal-Unjoni Bankarja, l-MES, leġiżlazzjoni ta' governanza ekonomika mtejba fil-forma tas-6-pack u t-2-pack, it-TSKG u s-Semestru Ewropew, li lkoll għandhom jitqiesu bħala pakkett;

F.  billi, skont l-aħħar tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni, wara sentejn konsekuttivi ta' tkabbir negattiv, il-prodott domestiku gross (PDG) fiż-żona tal-euro huwa previst li jiżdied, li jfisser li l-irkupru ekonomiku qiegħed jitjieb bil-mod il-mod u jeħtieġ jissaħħaħ aktar peress li l-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni ser jibqa' kbir;

G.  billi jibqgħu jiddominaw differenzi kbar bejn l-Istati Membri f'termini tal-proporzjonijiet tad-dejn, il-proporzjonijiet tal-iżbilanċ, il-livelli tal-qgħad, il-bilanċi tal-kont kurrenti u l-livelli ta' ħarsien soċjali anki wara l-implimentazzjoni tal-programmi, u dan jirrifletti d-differenzi fl-oriġini tal-kriżijiet u l-punt tat-tluq tiegħu, u fl-ambizzjoni, l-impatt u s-sjieda nazzjonali waqt l-implimentazzjoni tal-miżuri miftiehma bejn l-Istituzzjonijiet u l-Istati Membri kkonċernati;

H.  billi l-investiment fiż-żona tal-euro naqas bi 17 % mill-perjodu ta' qabel il-kriżi, u għadu dgħajjef; billi kemm nuqqas ta' investiment orjentat fil-futur u li jsaħħaħ it-tkabbir u kemm dejn pubbliku u privat mhux sostenibbli huma ta' piż għal ġenerazzjonijiet futuri;

I.  billi qed jitwaqqaf pjan ta' investiment Ewropew bħala strument importanti biex jistimola l-investiment privat biex jimmobilizza EUR 315 biljun f'investimenti ġodda matul it-tliet snin li ġejjin; billi jekk jintlaħqu l-miri finanzjarji proposti, dan il-pjan huwa biss element wieħed destinat biex jegħleb id-diskrepanza fl-investiment akkumulata, flimkien mal-implimentazzjoni ta' riformi strutturali biex jinħoloq ambjent favorevoli għall-investitur fl-Istati Membri;

Rendikont tal-qafas ta' governanza ekonomika attwali

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2014 dwar ir-rieżami tal-governanza ekonomika; iqis li l-valutazzjoni mill-Kummissjoni tagħti stampa ta' kif u sa liema punt l-għodod differenti u l-proċeduri ġew użati u implimentati;

2.  Jenfasizza li fil-qalba tas-sistema ta' governanza ekonomika hemm il-prevenzjoni ta' livelli eċċessivi ta' defiċit u dejn u żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi, kif ukoll il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika; jissottolinja għaldaqstant li l-mistoqsija ċentrali hija jekk l-UEM ġietx magħmula aktar reżiljenti permezz tal-qafas il-ġdid ta' governanza ekonomika, speċjalment fir-rigward tal-kapaċità tagħha li tevita li Stat Membru jonqos milli jħallas id-dejn tiegħu, filwaqt li tikkontribwixxi għall-koordinazzjoni aktar mill-qrib tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri u tiżgura livell għoli ta' trasparenza, kredibilità u responsabbiltà demokratika;

3.  Jieħu nota tal-fatt li f'xi Stati Membri, sar progress fl-indirizzar tal-livell tad-dejn jew fil-ħruġ mill-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv;

4.  Jikkondividi l-analiżi tal-Kummissjoni li partijiet tal-qafas il-ġdid kisbu riżultati iżda li l-kapaċità li wieħed jasal għal konklużjonijiet dwar l-effikaċja tar-regolamenti fi żminijiet ekonomiċi normali hija limitata;

5.  Jirrikonoxxi li valutazzjoni tal-applikazzjoni tas-6-pack u t-2-pack f'dan l-istadju għadha parzjali u ma tistax tiġi iżolata mis-Semestru Ewropew, it-TFUE u l-Patt Fiskali;

6.  Jilqa' l-fatt li s-6-pack u t-2-pack iwessgħu l-kamp ta' applikazzjoni tal-patt ta' stabbiltà u tkabbir permezz taż-żieda ta' proċeduri li jipprevjenu u jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi ġewwa u fost l-Istati Membri u li jċaqilqu d-dipendenza żejda fuq il-kriterju tad-defiċit għall-attenzjoni ta' kemm id-defiċit u kemm id-dejn globali, u għaldaqstant jippruvaw jidentifikaw u jikkoreġu problemi possibbli u jipprevjenu l-emerġenza ta' kriżijiet fl-aktar stadju bikri filwaqt li fl-istess waqt jippermettu flessibbiltà f'forma ta' klawżoli għal riformi strutturali, investimenti u kundizzjonijiet ta' ċiklu tan-negozju negattivi; ifakkar li l-flessibbiltà ma tistax tipperikola n-natura preventiva tal-Patt;

7.  Jissottolinja l-importanza tat-tabella ta' valutazzjoni biex tidentifika żbilanċi makroekonomiċi fi stadju bikri u l-importanza ta' riformi strutturali sostenibbli meta wieħed jipprova jegħleb żbilanċi makroekonomiċi;

8.  Jenfasizza li implimentazzjoni konsistenti u ġusta tal-qafas fil-pajjiżi differenti u fuq tul ta' żmien iżżid il-kredibilità; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex japplikaw u jaġixxu fl-ispirtu tal-bidliet li saru lill-PST taħt is-6-pack u t-2-pack, notevolment fir-rigward tad-dispożizzjonijiet ta' infurzar;

9.  Jemmen li s-sitwazzjoni ekonomika attwali bit-tkabbir fraġli tagħha u b'rata għolja ta' qgħad titlob miżuri urġenti, komprensivi u deċiżivi f'approċċ olistiku bbażat fuq konsolidazzjoni fiskali li tiffavorixxi t-tkabbir, ir-riformi strutturali u t-tisħiħ tal-investiment biex jerġa' jkun hemm tkabbir sostenibbli u kompetittività, biex titrawwem l-innovazzjoni u biex jiġi miġġieled il-qgħad filwaqt li jiġi indirizzat ir-riskju ta' inflazzjoni baxxa persistenti jew it-theddida possibbli ta' pressjonijiet deflazzjonarji, kif ukoll l-iżbilanċi makroekonomiċi persistenti; jenfasizza li l-qafas ta' governanza ekonomika jrid jikkostitwixxi komponent ewlieni ta' dan l-approċċ olistiku li jkun kapaċi jindirizza dawn l-isfidi;

10.  Jaqbel mad-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Thyssen li l-pajjiżi li jipprovdu impjiegi ta' kwalità għolja u protezzjoni soċjali aħjar u li jinvestu fil-kapital uman huma iżjed reżiljenti għall-kriżijiet ekonomiċi; jistieden lill-Kummissjoni biex għall-ġejjieni tirrifletti fuq din il-pożizzjoni fil-politiki kollha tagħha tas-semestru Ewropew u fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

11.  Jenfasizza l-fatt li l-qafas ta' governanza ekonomika attwali jeħtieġ li jiġi implimentat u fejn meħtieġ imtejjeb biex iwassal stabbiltà fiskali, jiffavorixxi dibattitu xieraq dwar il-valutazzjoni globali taż-żona tal-euro kollha kemm hi filwaqt li jippermetti responsabbiltà fiskali li tiffavorixxi t-tkabbir, biex itejjeb il-konverġenza ekonomika mill-perspettiva taż-żona tal-euro u biex jindirizza fuq bażi ugwali s-sitwazzjonijiet ekonomiċi u fiskali differenti tal-Istati Membri; jinsisti li l-qafas isofri minn nuqqas ta' sjieda fil-livell nazzjonali u minn attenzjoni limitata tal-perspettiva ekonomika internazzjonali fil-mekkaniżmu ta' responsabbiltà demokratika xierqa;

12.  Jenfasizza li s-sitwazzjoni attwali titlob koordinazzjoni ekonomika msaħħa u inklużiva li tqis liż-żona tal-euro kollha kemm hi u li ttejjeb is-sjieda nazzjonali u r-responsabbiltà demokratika għall-implimentazzjoni tar-regoli (biex terġa' tinkiseb il-fiduċja, tiġi favorita l-konverġenza bejn l-Istati Membri, tittejjeb s-sostenibbiltà fiskali, jiġu inkoraġġuti riformi strutturali sostenibbli u tingħata spinta lill-investimenti) kif ukoll reazzjoni rapida biex jiġu kkoreġuti l-aktar nuqqasijiet ovvji, biex titjieb l-effikaċja tal-qafas ta' governanza ekonomika u biex tiġi żgurata implimentazzjoni konsistenti u ġusta tal-qafas bejn il-pajjiżi u tul iż-żmien;

13.  Jissottolinja l-importanza ta' proċeduri sempliċi u trasparenti tal-governanza ekonomika u jwissi li l-kumplessità tal-qafas attwali kif ukoll in-nuqqas ta' implimentazzjoni u s-sjieda huma ta' detriment għall-effikaċja u l-aċċettazzjoni tagħha mill-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali, is-sħab soċjali u ċ-ċittadini fl-Istati Membri;

14.  Jirrikonoxxi li sar xi ftit progress permezz ta' dibattitu dwar l-Objettiv ta' Terminu Medju (OTM) u f'termini ta' sjieda aħjar tad-dibattitu nazzjonali fl-Istati Membri taż-żona tal-euro, permezz ukoll tal-kontribuzzjoni tal-kunsilli fiskali nazzjonali li jaġixxu bħala korpi indipendenti li jissorveljaw il-konformità mar-regoli fiskali u mat-tbassir makroekonomiku; jitlob lill-Kummissjoni biex tippreżenta ħarsa ġenerali dwar l-istruttura u l-funzjonament tal-kunsilli fiskali nazzjonali tal-Istati Membri u kif dawn il-kunsilli jistgħu jtejbu s-sjieda fil-livell nazzjonali;

15.  Iqis il-qafas tal-governanza ekonomika bħala inizjattiva politika ewlenija li ssostni l-pedamenti tal-għanijiet tal-Ewropa 2020 u inizjattivi ewlenin li għandhom l-għan li jisfruttaw b'mod sħiħ il-potenzjal ta' tkabbir mhux sfruttat tas-Suq Uniku; jemmen li billi jinfetaħ il-potenzjal ta' tkabbir tas-Suq Uniku, l-Istati Membri se jissodisfaw aktar faċilment il-miri integrati fil-qafas tal-governanza ekonomika; barra minn hekk, iqis li l-atturi primarji fis-Suq Uniku huma l-konsumaturi u n-negozji;

Liema hija l-aħjar applikazzjoni ta' flessibbiltà fir-regoli eżistenti?

16.  Jenfasizza li l-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (PST) li ġie stabbilit biex jiżgura s-sostenibbiltà fiskali tal-Istati Membri li jipparteċipaw fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, jippermetti lill-Istati Membri jwettqu politika antiċiklika meta jkun meħtieġ, u jippermetti l-ispazju fiskali possibbli għall-istabbilizzaturi awtomatiċi biex jaħdmu sew; jissottolinja li mhux l-Istati Membri kollha laħqu bilanċ favorevoli meta l-ekonomija kienet qed tiffjorixxi u li xi klawżoli ta' flessibbiltà eżistenti previsti fil-leġiżlazzjoni ma sarx użu minnhom bis-sħiħ fis-snin preċedenti;

17.  Jilqa' l-fatt li fil-komunikazzjoni interpretattiva tagħha dwar il-flessibbiltà, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-mod kif jiġu interpretati r-regoli fiskali attwali huwa wieħed mill-elementi biex titnaqqas id-differenza fl-investiment fl-UE u biex tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali li jsaħħu t-tkabbir, sostenibbli u bbilanċjati soċjalment; jinnota li l-komunikazzjoni ma tagħmel l-ebda bidla fir-rigward tal-kalkolu tad-defiċit iżda li ċerti investimenti jistgħu jiġġustifikaw devjazzjoni temporanja mill-Objettiv ta' Terminu Medju (OTM) tal-Istat Membru kkonċernat jew mill-pjan ta' aġġustament biex dan jintlaħaq;

18.  Jappoġġja kull inċentiv propost mill-Kummissjoni Ewropea biex jiġi ffinanzjat il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) il-ġdid, l-aktar billi jsiru kontribuzzjonijiet nazzjonali għall-fond li jkunu fiskalment newtrali fir-rigward tal-kisba tal-OTM u l-isforz ta' aġġustament fiskali meħtieġ mingħajr ma jiġi mmodifikat fit-taqsima preventiva jew fit-taqsima korrettiva tal-PST; jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tevita milli tniedi l-proċedura ta' defiċit eċċessiv (EDP) jekk, biss minħabba l-kontribuzzjoni addizzjonali lejn il-FEIS, defiċit ta' Stat Membru jmur kemmxejn u temporanjament lil hinn mil-limitu tad-defiċit ta' 3 %; jiġbed l-attenzjoni għall-kontribut vitali tal-PST għall-bini tal-fiduċja meta jkun qed jiġi attirat investiment barrani; jenfasizza l-importanza tal-addizjonalità tal-iffinanzjar tal-FEIS peress li proġetti ffinanzjati mill-FEIS ma jridu, bl-ebda mod, sempliċement jissostitwixxu investiment diġà ppjanat u minflok, irid jiżdied b'mod effikaċi l-investiment nett bħala riżultat ta' dan;

19.  Jilqa' l-fatt li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni għandha l-għan li tikkjarifika l-kamp ta' applikazzjoni tal-klawsola dwar l-investiment, fejn tippermetti li jkun hemm ċerta flessibbiltà fit-taqsima preventiva tal-PST, fil-forma ta' devjazzjoni temporanja mill-OTM, sakemm din id-devjazzjoni ma twassalx għal eċċess fuq il-valur ta' referenza tad-defiċit ta' 3 % u marġini ta' sikurezza xieraq biex jakkomoda programmi ta' investiment mill-Istati Membri, b'mod partikolari fir-rigward tan-nefqa fuq proġetti skont il-politika strutturali u ta' koeżjoni, inklużi l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, netwerks trans-Ewropej u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, u l-kofinanzjament taħt il-FEIS;

20.  Jemmen li prekundizzjoni għall-applikazzjoni tal-klawsola tar-riforma strutturali taħt it-taqsima preventiva u l-kunsiderazzjoni tal-pjanijiet ta' riforma strutturali taħt it-taqsima korrettiva huma adozzjoni parlamentari nazzjonali formali ta' riforma u l-implimentazzjoni reali tagħha, li tippermetti aktar effiċjenza u sjieda; jenfasizza li l-proċess ta' riforma għandu jinvolvi bis-sħiħ lis-sħab soċjali fl-istadji kollha;

21.  Jitlob djalogu msaħħaħ bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri dwar il-kontenut u t-tipi ta' riformi strutturali l-aktar xierqa u effikaċi li għandhom jiġu proposti mill-Kummissjoni fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi, kompatibbli mat-Trattat u mal-liġi sekondarja, filwaqt li jqisu l-analiżi tal-kostbenefiċċju, il-valutazzjoni orjentata lejn ir-riżultati u l-impatt tal-iskeda taż-żmien, u jikkontribwixxu għall-kisba tal-OTM;

22.  Iħeġġeġ lill-Kumitati dwar il-Finanzi tal-parlamenti nazzjonali biex sistematikament jistiednu lill-Kummissarji Ewropej responsabbli fil-qasam ta' governanza ekonomika jattendu dibattitu pubbliku mal-kumitati tagħhom qabel l-adozzjoni tal-abbozzi ta' baġits tal-Istati Membri;

23.  Jemmen li r-riformi strutturali mwettqa fil-Programmi Nazzjonali ta' Riforma għandhom, fit-terminu medju u twil, ikollhom redditi pożittivi ekonomiċi, soċjali u ambjentali, u jtejbu l-effiċjenza u l-effikaċja tal-kapaċità amministrattiva;

24.  Jinnota li minħabba li setgħet wasslet għal eżerċizzju biex jiġu stabbiliti t-tipi kollha ta' ipoteżi bil-periklu li titħalla barra dik li fil-fatt se jseħħ, il-komunikazzjoni ma tittrattax in-natura ta' "ċirkostanzi mhux normali" li jaqgħu barra l-kontroll ta' Stat Membru li jwassluh biex jiddevja temporanjament mill-perkors ta' aġġustament biex jilħaq l-OTM tiegħu; jissottolinja l-ħtieġa li sitwazzjonijiet simili jiġu ttrattati b'modi simili;

25.  Jappella li tiġi pprovduta koeżjoni ekonomika u soċjali akbar permezz ta' tisħiħ tal-Fond Soċjali Ewropew u tal-Fond ta' Koeżjoni sabiex jiġu mħarsa u maħluqa impjiegi bi drittijiet billi jiġu appoġġjati miżuri li jiġġieldu l-qgħad u l-faqar;

26.  Jissottolinja l-importanza li jissaħħaħ it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda, b'mod partikolari l-impjiegi għaż-żgħażagħ, għall-aċċettazzjoni pubblika tal-qafas Ewropew ta' governanza ekonomika;

27.  Jinnota bi tħassib kbir li l-qgħad fit-tul irdoppja matul il-kriżi; jinnota wkoll li din iż-żieda kienet anke ogħla fost il-ħaddiema bi ftit kwalifiki; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ġlieda kontra l-qgħad fit-tul tiġi riflessa fil-politiki tagħha u fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

28.  Jemmen li l-livelli ta' inugwaljanza li qegħdin jiżdiedu fl-Ewropa għandhom jingħataw l-ikbar importanza fil-kuntest tal-qafas ekonomiku Ewropew; jemmen li wieħed mill-aħjar modi kif tiġi miġġielda din l-inugwaljanza li qed tiżdied huwa billi jiġu rdoppjati l-isforzi fil-ħolqien ta' iżjed impjiegi ta' kwalità fl-Ewropa;

Koordinazzjoni aktar mill-qrib, konverġenza ekonomika u simplifikazzjoni tas-Semestru Ewropew

29.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tapplika bis-sħiħ il-PST u tiżgura l-implimentazzjoni ġusta skont ir-reviżjoni reċenti tagħha tas-6-pack u t-2-pack u l-komunikazzjoni dwar il-flessibbiltà; jemmen li, fejn ikun meħtieġ u possibbli, is-Semestru Ewropew għandu jiġi ssimplifikat u msaħħaħ fi ħdan il-qafas leġiżlattiv attwali; jenfasizza li kull simplifikazzjoni u kull rinforz bħal dawn fil-futur għandhom fi kwalunkwe każ ikunu orjentati lejn l-istabbiltà;

30.  Jemmen li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tiċċara fejn jeżisti spazju għall-flessibbiltà taħt il-leġiżlazzjoni eżistenti; jilqa' t-tentattiv biex ikun hemm aktar ċarezza f'dan il-qasam ikkumplikat u jistenna li l-Kummissjoni tagħmel użu mill-flessibbiltà li hija mibnija fir-regoli eżistenti f'konformità mal-komunikazzjoni filwaqt li tiżgura l-prevedibbiltà, it-trasparenza u l-effikaċja tal-qafas ta' governanza ekonomika;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ifasslu aħjar l-oqfsa fiskali u makroekonomiċi sabiex ikun jista' jsir dibattitu aktar bikri u aktar konsistenti bejn il-partijiet interessati kollha, filwaqt li jittieħed kont tal-interessi Ewropej servuti b'dawn l-oqfsa, il-ħtieġa li tiżdied il-konverġenza bejn l-Istati Membri taż-żona tal-euro, id-deliberazzjoni bejn il-parlamenti nazzjonali u r-rwol tas-sħab soċjali jew tal-awtoritajiet lokali dwar is-sjieda ta' riformi strutturali sostenibbli u bbilanċjati soċjalment;

32.  Jinsisti li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT) kif ukoll ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSR) iridu jiġu implimentati aħjar u jqisu l-valutazzjoni tas-sitwazzjoni u l-prospetti baġitarji kemm fiż-żona tal-euro kollha kemm hi kif ukoll fl-Istati Membri individwali; jissuġġerixxi li din il-valutazzjoni ġenerali prevista fir-Regolament (UE) Nru 473/2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro għandha tiġi ppreżentata f'dibattitu fil-plenarja tal-Parlament Ewropew mal-Kunsill, il-President tal-Grupp tal-Euro u l-Kummissjoni qabel il-Kunsill tar-Rebbiegħa u tiġi implimentata kif xieraq matul is-Semestru Ewropew;

33.  Jirrikonoxxi li s-Semestru Ewropew sar veikolu importanti biex iwassal riformi fil-livelli nazzjonali u tal-UE billi jiżgura li l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkoordinaw il-politiki ekonomiċi tagħhom; jiddispjaċih madankollu bin-nuqqas ta' responsabbiltà li qed jirriżulta f'livell insodisfaċenti tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

34.  Jemmen li s-Semestru Ewropew għandu jiġi ssimplifikat u msaħħaħ, mingħajr ma jiġi mmodifikat il-qafas legali attwali, u li d-dokumenti relatati mas-Semestru għandhom ikunu kkoordinati aħjar, biex b'hekk jiżdiedu l-attenzjoni, l-effikaċja u s-sjieda sabiex jinkisbu l-għanijiet Ewropej ta' governanza ekonomika tajba;

35.  Jitlob li r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż (CSRs) ikunu, fejn rilevanti, ikkoordinati aħjar mar-rakkomandazzjonijiet tal-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv (EDP) sabiex tiġi żgurata l-konsistenza bejn is-sorveljanza tal-pożizzjoni fiskali u l-koordinazzjoni tal-politika ekonomika;

36.  Jiffavorixxi proċedura msaħħa fil-livell tal-UE u dak nazzjonali dwar it-tfassil, is-segwitu, l-appoġġ u l-monitoraġġ tar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż li jippermetti wkoll li ssir il-verifika tal-implimentazzjoni reali tagħhom u tal-paragun bejn il-kwalità u t-twassil;

37.  Ifakkar li l-leġiżlazzjoni teħtieġ lill-Kummissjoni li tqis, fost l-oħrajn, il-miri tal-2020 meta tħejji r-rakkomandazzjonijiet tagħha u tistabbilixxi l-prinċipju li skontu "l-Kunsill mistenni, bħala regola, isegwi r-rakkomandazzjonijiet u l-proposti tal-Kummissjoni jew jispjega l-pożizzjoni tiegħu pubblikament";

38.  Jinsab imħasseb dwar iż-żieda fid-dejn f'pajjiżi li diġà għandhom livell għoli ta' dejn, li huwa kontradizzjoni qawwija mar-regola 1/20 dwar it-tnaqqis tad-dejn; jitlob lill-Kummissjoni tispjega kif biħsiebha tindirizza din il-kontradizzjoni u tiżgura li l-proporzjon tad-dejn jitnaqqas għal livelli sostenibbli f'konformità mal-PST;

39.  Jappoġġa l-istrateġija tat-tliet pilastri tal-Kummissjoni (investimenti li jsaħħu t-tkabbir, il-konsolidazzjoni fiskali u r-riformi strutturali), ippreżentata fis-SAT 2015 u jitlobha biex tagħmilha aktar konkreta skont il-valutazzjoni kumplessiva tas-sitwazzjoni baġitarja u tal-prospetti fiż-żona tal-euro u fis-CSRs;

40.  Jirrikonoxxi l-bżonn ta' analiżi indipendenti u pluralistika tal-perspettivi ekonomiċi tal-Istati Membri fil-livell tal-UE; f'dan il-kuntest iħeġġeġ biex tiġi żviluppata aktar l-Unità tal-Kummissjoni magħrufa bħala l-Analist Prinċipali tal-Ekonomija biex tipprovdi analiżi oġġettiva, indipendenti u trasparenti tad-data rilevanti, li għandha ssir pubblika u sservi ta' bażi għal dibattitu infurmat sew u t-teħid ta' deċiżjonijiet fil-Kummissjoni, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew; jitlob li l-Analist Prinċipali tal-Ekonomija jintbagħtulu d-dokumenti rilevanti kollha fi żmien opportun biex iwettaq il-kompiti tiegħu; jenfasizza r-rwol utli tal-kunsilli fiskali nazzjonali kemm fil-livell nazzjonali u kif ukoll fil-livell tal-UE u jinkoraġġixxi t-twaqqif ta' netwerk Ewropew;

41.  Ifakkar li l-MIP hija maħsuba biex tevita li tinqala' kriżi permezz tal-identifikazzjoni bikrija ta' żbilanċi makroekonomiċi dannużi fuq il-bażi ta' valutazzjoni oġġettiva tal-iżvilupp tal-varjabbli makroekonomiċi ewlenin; jemmen li l-MIP trid tintuża biex jiġi vvalutat b'mod effiċjenti u effikaċi l-iżvilupp ta' fatturi varjabbli makroekonomiċi prinċipali kemm f'pajjiżi b'defiċit kif ukoll b'surplus, partikolarment fir-rigward tat-tisħiħ tal-kompetittività u b'kunsiderazzjoni aħjar taż-żona tal-euro kollha kemm hi, inklużi l-effetti konsegwenzjali; ifakkar li s-sorveljanza makroekonomika għandha l-għan ukoll li tidentifika l-pajjiżi li x'aktarx se jesperjenzaw żbilanċi futuri u biex tevitahom permezz tat-tnedija f'waqtha ta' riformi strutturali sostenibbli u soċjalment ibbilanċjati, meta jkun għad hemm lok għal azzjoni;

42.  Jissottolinja d-differenzjazzjoni ċara tal-Kummissjoni bejn it-taqsimiet preventivi u korrettivi tal-PST, fir-rigward ta' investiment li jippermetti devjazzjoni temporanja mill-OTM, jew mill-pjan ta' aġġustament lejn l-objettiv, fi ħdan l-eżistenza ta' marġni ta' sigurtà taħt it-taqsima preventiva; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ikunu konsistenti f'dan il-qasam mal-eżitu tal-pożizzjoni tal-koleġiżlaturi rigward ir-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi;

43.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra fl-analiżi tagħha l-fatturi importanti kollha, fosthom it-tkabbir reali, l-inflazzjoni, l-investiment pubbliku fit-tul u r-rati tal-qgħad meta tevalwa s-sitwazzjonijiet ekonomiċi u fiskali tal-Istati Membri, u tindirizza b'mod urġenti d-diskrepanza fl-investiment fl-UE billi ċċaqlaq l-infiq lejn it-tkabbir u l-impjiegi l-aktar produttivi, sostenibbli u li jsaħħu l-investiment;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-mod kif jitqiesu l-azzjonijiet effikaċi taħt l-EDP għandu jkun ibbażat fuq kriterji ċari, numerikament kwantifikabbli u kwalitattivi;

45.  Jinsisti li l-attenzjoni fuq id-defiċits strutturali sa mir-riforma tal-2005 tal-PST, flimkien mal-introduzzjoni ta' regola tal-infiq bir-riforma tal-2011, kif ukoll il-kunċett tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni li huwa diffiċli ħafna li jiġi kwantifikat, joħolqu inċertezza, kumplessità u marġni ta' flessibilità u għaldaqstant id-diskrezzjoni ta' implimentazzjoni tal-PST; jibża' li l-kalkolu ta' tkabbir u l-output potenzjali, li huwa l-bażi tal-valutazzjoni tad-defiċit strutturali, u dak tar-regola tal-infiq, huma soġġetti għal diversi suppożizzjonijiet dubjużi li jwasslu għal reviżjonijiet sostanzjali bejn il-previżjonijiet tal-Ħarifa u dawk tar-Rebbiegħa tal-Kummissjoni u għalhekk iwasslu għal kalkoli differenti u valutazzjonijiet diverġenti rigward l-implimentazzjoni tal-PST;

46.  Jistieden lill-Kummissjoni, meta tkun qed timmonitorja u tevalwa l-pożizzjonijiet fiskali tal-Istati Membri, biex tikkunsidra l-implikazzjonijiet prattiċi tal-miżuri u r-riformi fiskali miftiehma; jistieden lill-Kummissjoni timmira għal tfassil ta' politika konsistenti u prevedibbli, tibbaża l-analiżi tagħha fuq fatti konkreti u data affidabbli u teżerċita l-akbar kawtela meta tuża stimi f'kunċetti bħall-istima tal-potenzjal ta' tkabbir tal-PDG u l-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni;

47.  Jissottolinja l-importanza ta' tkabbir ġdid u ħolqien tal-impjiegi għall-aċċettazzjoni pubblika tal-qafas tal-governanza ekonomika, u jitlob, għaldaqstant, lill-Kummissjoni ttejjeb l-ambjent tan-negozju fl-Ewropa b'attenzjoni partikolari għall-SMEs, it-tneħħija ta' burokrazija u l-aċċess għall-finanzi; ifakkar, f'dan ir-rigward, il-bżonn li jiġi pprovdut appoġġ lill-SMEs biex ikunu jistgħu jkollhom aċċess ukoll għas-swieq mhux tal-UE bħal dak tal-Istati Uniti, il-Kanada, iċ-Ċina u l-Indja;

Ir-responsabbiltà demokratika u l-isfidi għall-ġejjieni fit-tisħiħ tal-governanza ekonomika

48.  Jemmen li UEM aktar profonda u aktar reżiljenti teħtieġ b'mod urġenti inqas kumplessità, sjieda aħjar u aktar trasparenza, aktar milli sempliċement iżżid saffi ġodda ta' regoli ma' dawk li diġà jeżistu; jissottolinja li, kif ir-responsabbiltajiet fil-qasam tal-UEM huma maqsuma bejn il-livell nazzjonali u dak Ewropew, jeħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari biex tiġi żgurata l-koerenza u r-responsabbiltà tal-governanza ekonomika kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f'dak Ewropew; jemmen, barra minn hekk, li istituzzjonijiet soġġetti għal responsabbiltà demokratika għandhom jaqdu rwol prinċipali u jissottolinja l-ħtieġa għal aktar involviment parlamentari, fejn iridu jittieħdu r-responsabbiltajiet fil-livell ta' teħid jew implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet;

49.  Jirrikonoxxi, abbażi tas-sitwazzjoni attwali, li l-qafas ta' governanza ekonomika jrid jiġi ssimplifikat, infurzat aħjar u fejn meħtieġ, korrett u kkompletat biex ikun possibbli li l-UE u ż-żona tal-euro jilqgħu l-isfidi ta' konverġenza, tkabbir sostenibbli, impjieg sħiħ, benessri taċ-ċittadini, kompetittività, finanzi pubbliċi sodi u sostenibbli, futur orjentat b'investiment fit-tul li jkollu redditu soċjoekonomiku għoli u reżiljenza;

50.  Jemmen li, minħabba li l-kontribut parlamentari għal-linji gwida dwar il-politika ekonomika huwa aspett importanti ta' kull sistema demokratika, leġittimità akbar fil-livell Ewropew tista' tiġi żgurata permezz tal-adozzjoni ta' Linji Gwida ta' Konverġenza li jkollhom fil-mira l-prijoritajiet għas-snin li ġejjin, soġġetti għal proċedura ta' kodeċiżjoni li għandha tiġi introdotta fil-bidla li jmiss tat-Trattat;

51.  Ifakkar fir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew li jispeċifikaw li l-ħolqien tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) u t-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza ("il-Patt Fiskali") barra l-istruttura tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jirrappreżenta intopp għall-integrazzjoni politika tal-Unjoni u, għalhekk, jitlob li l-MES u l-Patt Fiskali jiġu integrati bis-sħiħ fil-qafas Komunitarju abbażi ta' valutazzjoni tal-esperjenza tal-implimentazzjoni tiegħu, kif stipulat fl-Artikolu 16 tat-TSKG u konsegwentement ikunu formalment responsabbli quddiem il-Parlament;

52.  Ifakkar it-talba tiegħu biex jiġu żviluppati għażliet għal qafas legali ġdid għal programmi ta' aġġustament makroekonomiku futur, li jissostitwixxi t-Trojka, sabiex jiżdiedu t-trasparenza u s-sjieda ta' dawn il-programmi u jiġi żgurat li d-deċiżjonijiet kollha tal-UE jittieħdu, fejn hu possibbli, skont il-metodu tal-Komunità; jemmen li għandu jkun hemm konsistenza bejn in-natura tal-mekkaniżmu ta' stabbiltà użat u l-istituzzjoni responsabbli għall-mobilizzazzjoni tiegħu, filwaqt li jirrikonoxxi li, peress li l-assistenza finanzjarja hija garantita mill-Istati Membri taż-żona tal-euro, għandha titqies il-kelma tagħhom rigward ir-rilaxx tiegħu;

53.  Jitlob li titnieda valutazzjoni mill-ġdid tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Grupp tal-Euro sabiex tkun prevista responsabbiltà demokratika xierqa; jilqa' r-rieda tal-President tal-Grupp tal-Euro li jipparteċipa b'mod regolari fil-laqgħat tal-Kumitat ECON bl-istess mod bħall-President tal-Kunsill ECOFIN, u b'hekk jikkontribwixxi għal livell simili ta' responsabbiltà demokratika;

54.  Ifakkar li s-6-pack u t-2-pack huma bbażati fuq rwol imsaħħaħ ta' Kummissarju indipendenti li għandu jiżgura l-applikazzjoni ġusta u mhux diskriminatorja tar-regoli, jemmen li passi ulterjuri fl-istabbiliment istituzzjonali tal-governanza ekonomika, bħat-tisħiħ tar-rwol tal-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jew il-ħolqien ta' Uffiċċju tat-Teżor Ewropew iridu jirrispettaw is-separazzjoni tal-poteri bejn l-istituzzjonijiet differenti u jkunu marbuta ma' mezzi adegwati għar-responsabbiltà demokratika u l-leġittimità, bl-involviment tal-Parlament Ewropew;

55.  Ifakkar li l-Unjoni Bankarja kienet ir-riżultat tar-rieda politika biex jiġi evitat it-tiġdid ta' kriżi finanzjarja, biex jinqata ċ-ċirku vizzjuż bejn il-banek u s-sovrani kif ukoll biex jiġu minimizzati l-konsegwenzi negattivi li jirriżultaw minn kriżi tad-dejn sovran, u li l-istess rieda hija meħtieġa biex tinkiseb UEM approfondita;

56.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta pjan direzzjonali ambizzjuż għall-istabbiliment ta' unjoni ekonomika u monetarja approfondita li tqis il-proposti kif spjegati f'din ir-riżoluzzjoni, u tibni fuq il-mandat mogħti mis-summit taż-żona tal-euro, ikkonfermat mill-Kunsill biex "jitħejjew il-passi li jmiss għal governanza ekonomika aħjar fiż-żona tal-euro" kif ukoll tibni fuq xogħol preċedenti bħar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-20 ta' Novembru 2012 "Lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja Ġenwina"(13), u l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2012 "Pjan ta' Azzjoni għal Unjoni Ekonomika u Monetarja profonda u ġenwina. It-tnedija ta' Dibattitu Ewropew" (COM(2012)0777) u r-rapport finali tal-Erba' Presidenti tal-5 ta' Diċembru 2012;

57.  Jistieden lill-partijiet interessati f'dan il-pass meħtieġ li jmiss tal-UEM biex iqisu tkabbir possibbli fil-futur viċin taż-żona tal-euro u biex jesploraw il-possibbiltajiet kollha li japprofondixxu u jsaħħu lill-UEM u jagħmluha aktar reżiljenti u li twassal għal tkabbir, impjiegi u stabbiltà, bħal pereżempju:

   a) mekkaniżmi ta' responsabbiltà demokratika msaħħa kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali, fejn ir-responsabbiltajiet iridu jittieħdu fil-livell tat-teħid ta' deċiżjonijiet u bbażati fuq l-adozzjoni ta' linji gwida ta' konverġenza taħt il-proċedura ta' kodeċiżjoni, filwaqt li jiġi fformalizzat ir-rwol ta' skrutinju tal-Parlament Ewropew fis-Semestru Ewropew bħala Ftehim Interistituzzjonali u jiġi żgurat li l-parlamenti nazzjonali taż-żona tal-euro kollha jsegwu kull pass tal-proċess tas-Semestru Ewropew;
   b) dimensjoni soċjali maħsuba biex tippreserva l-ekonomija tas-suq soċjali tal-Ewropa, filwaqt li tirrispetta d-dritt għal negozjar kollettiv, li taħtha l-koordinazzjoni tal-politiki soċjali tal-Istati Membri tiġi garantita, inklużi l-paga minima jew il-mekkaniżmu ta' dħul xieraq deċiżi minn kull Stat Membru u biex tappoġġa l-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, l-integrazzjoni mill-ġdid ta' ħaddiema fis-suq tax-xogħol, il-mobbiltà volontarja u l-flessibbiltà bejn il-professjonijiet u l-Istati Membri;
   c) kapaċità fiskali taż-żona tal-euro bbażata fuq riżorsi proprji speċifiċi li għandha, fil-qafas tal-baġit tal-Unjoni b'kontroll parlamentari Ewropew, tassisti lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni ta' riformi strutturali miftiehma skont ċerti kundizzjonijiet, inkluża l-implimentazzjoni effettiva tal-Programmi Nazzjonali ta' Riforma; f'dan ir-rigward jilqa' l-ħidma tal-Grupp tal-UE dwar ir-riżorsi proprji ppresedut minn Mario Monti;
   d) iż-żieda tar-reżiljenza tal-UEM biex tiffaċċja xokkijiet ekonomiċi u emerġenzi direttament konnessi mal-Unjoni Monetarja filwaqt li tevita kwalunkwe forma ta' trasferimenti fiskali permanenti;
   e) rigward it-tassazzjoni, impenn għall-miżuri mifruxa fl-Ewropa kollha kontra l-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa korporattiva, il-kooperazzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa sabiex jiskambjaw informazzjoni dwar l-evażjoni tat-taxxa u l-frodi fiskali, miżuri biex tinkiseb konverġenza tal-politiki ta' tassazzjoni tal-Istati Membri, bażi fiskali korporattiva komuni u konsolidata, aktar sempliċi u aktar trasparenti tas-sistemi fiskali u rappurtar pajjiż b'pajjiż għal kumpaniji, ħlief għall-SMEs;
   f) l-ikkompletar tal-Unjoni Bankarja, pass wara pass;
   g) l-inklużjoni tal-MES u tat-TSKG fid-dritt tal-Unjoni li timxi id f'id mal-koordinazzjoni msaħħa tal-politika ekonomika, konverġenza reali, tisħiħ tar-regoli komuni u impenn ċar għal riformi strutturali ekonomikament u soċjalment sostenibbli;
   h) l-indirizzar tan-nuqqasijiet fil-qafas attwali li jippermetti lil ċerti partijiet tat-Trattat biex jiġu ssorveljati mill-Qorti filwaqt li oħrajn jiġu esklużi;
   i) rwol estern akbar taż-żona tal-euro, inkluż l-aġġornament tar-rappreżentanza tagħha;

58.  Jitlob li jiġu elaborati aktar passi possibbli fl-UEM abbażi ta' approċċ ta' "4+1 Presidenti", inkluż il-President tal-PE, li għandu jkun mistieden għal-laqgħat kollha, jingħata l-informazzjoni kollha, u jingħata d-dritt li jipparteċipa fid-dibattiti; jinnota li l-President tal-Kummissjoni indika l-intenzjoni tiegħu li jibbaża ruħu fuq l-input mill-President tal-Parlament Ewropew fir-riflessjonijiet tiegħu matul il-preparazzjoni tar-rapporti tal-4 Presidenti;

59.  Jitlob lill-President tiegħu, biex iwettaq koordinament ex-ante mal-Presidenti tal-gruppi politiċi jew ma' dawk il-Membri speċifikament maħtura mill-gruppi tagħhom jew mill-Parlament, biex jirrappreżenta lill-Parlament fil-kompitu li jmiss fuq il-bażi tal-mandat mogħti minn din ir-Riżoluzzjoni u jindirizza, inter alia, il-mistoqsijiet fin-Nota Analitika tal-Erba' Presidenti dwar "Preparing Next Steps on Better Economic Governance in the Euro area" (Inħejju l-Passi li jmiss dwar Governanza Ekonomika Aħjar fiż-Żona tal-Euro);

o
o   o

60.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Presidenti tal-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Grupp taż-Żona tal-Euro u l-BĊE, kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.
(2) ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11.
(3) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 12.
(4) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 33.
(5) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1.
(6) ĠU L 306, 23.11.2011, p.41.
(7) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(8) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 8.
(9) Testi Adottati, P7_TA(2014)0239.
(10) Testi adottati, P7_TA(2013)0598.
(11) ĠU C 165 E, 11.6.2013, p. 24.
(12) ĠU C 33 E, 5.2.2013, p. 140.
(13) Testi adottati, P7_TA(2012)0430.

Avviż legali