Indiċi 
Testi adottati
L-Erbgħa, 8 ta' Lulju 2015 - StrasburguVerżjoni finali
Negozjati għas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP)
 Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (protokoll sabiex jittieħed kont tal-adeżjoni tal-Kroazja) ***
 Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mas-Serbja (protokoll sabiex jittieħed kont tal-adeżjoni tal-Kroazja) ***
 Kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika mal-Indja: tiġdid tal-ftehim ***
 Kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika ma-Gżejjer Faeroe: Orizzont 2020 ***
 Involviment fit-tul tal-azzjonisti u d-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva ***I
 Riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta' negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni ***I
 Il-baħħara ***I
 Ftehim ta' kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika mal-Isvizzera: Orizzont 2020 u attivitajiet ITER ***
 Il-linji gwida tal-politika tal-Istati Membri għall-impjiegi *
 Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2015/001 FI/Broadcom il-Finlandja)
 Baġit 2016 - Mandat għat-trilogu
 Inzjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Nisfruttaw il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi
 L-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa bħala sfidi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw

Negozjati għas-Sħubija Trans-Atlantika ta’ Kummerċ u ta’ Investiment (TTIP)
PDF 448kWORD 190k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2015 li tinkludi r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni Ewropea dwar in-negozjati għas-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) (2014/2228(INI))
P8_TA(2015)0252A8-0175/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-direttivi tal-UE għan-negozjar dwar is-Sħubija Trans-Atlantika għall-Kummerċ u l-Investiment (TTIP) bejn l-UE u l-Istati Uniti adottati b'mod unanimu mill-Kunsill fl-14 ta' Ġunju 2013(1) u li ġew iddeklassifikati u tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mill-Kunsill fid-9 ta' Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 168 sa 191 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-prinċipju ta' prekawzjoni mnaqqax fl-Artikolu 191(2),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tas-Summit bejn l-UE u l-Istati Uniti tas-26 ta' Marzu 2014(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-20 ta' Marzu 2015 mill-Kummissarju Cecilia Malmström u r-Rappreżentant tal-Istati Uniti fil-qasam tal-Kummerċ, Michael Froman, fir-rigward tal-esklużjoni tas-servizzi pubbliċi fil-ftehimiet kummerċjali bejn l-UE u l-Istati Uniti;

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-TTIP tal-20 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-TTIP tal-21 ta' Novembru 2014(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tas-16 ta' Novembru 2014 mill-President tal-Istati Uniti Barack Obama, il-President tal-Kummissjoni Jean-Claude Juncker, il-President tal-Kunsill Ewropew Herman Van Rompuy, il-Prim Ministru tar-Renju Unit David Cameron, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, il-President Franċiż François Hollande, il-Prim Ministru Taljan Matteo Renzi u l-Prim Ministru Spanjol Mariano Rajoy, b'segwitu għal-laqgħa tagħhom fil-marġini tas-Summit tal-G20 fi Brisbane, l-Awstralja(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-26 u s-27 ta' Ġunju 2014(5),

–  wara li kkunsidra l-linji gwida politiċi tal-President Juncker tal-15 ta' Lulju 2014 indirizzati lill-Kummissjoni li jmiss u intitolati "Bidu ġdid għall-Ewropa: L-Aġenda Tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku(6)",

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kulleġġ tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 2014 dwar it-trasparenza fin-negozjati tat-TTIP (C(2014)9052)(7), u d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni tal-25 ta' Novembru 2014 dwar il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar laqgħat li saru bejn Membri tal-Kummissjoni u organizzazzjonijiet jew individwi li jaħdmu għal rashom (C(2014)9051) u dwar il-pubblikazzjoni ta' informazzjoni dwar laqgħat li jsiru bejn id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni u organizzazzjonijiet jew persuni li jaħdmu għal rashom (C(2014)9048), is-sentenzi u l-opinjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (C-350/12 P, 2/13, 1/09) dwar aċċess għal dokumenti tal-istituzzjonijiet u d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tas-6 ta' Jannar 2015 li tagħlaq l-inkjesta fuq inizjattiva proprja tagħha (OI/10/2014/RA) fir-rigward tal-Kummissjoni Ewropea dwar kif għandha tittratta t-talbiet għal informazzjoni u aċċess għal dokumenti (Trasparenza),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-3 ta' Diċembru 2014 mill-Kunsill tal-Enerġija bejn l-UE u l-Istati Uniti(8),

–  wara li kkunsidra l-approċċ integrat tal-UE fir-rigward tas-sikurezza fl-ikel ("mill-farm sal-furketta"), stabbilit fl-2004(9),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-13 ta' Jannar 2015 dwar il-konsultazzjoni pubblika fuq l-internet rigward il-protezzjoni tal-investiment u s-soluzzjoni ta' tilwim bejn investituri u stati (ISDS) fit-TTIP (SWD(2015)0003),

–  wara li kkunsidra l-proposti testwali tal-UE mqiegħda fuq il-mejda għal diskussjoni mal-Istati Uniti fiċ-ċikli tan-negozjati dwar it-TTIP, b'mod partikolari dawk li ġew deklassifikati u mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-pubbliku mill-Kummissjoni, inter alia d-dokumenti ta' pożizzjoni tal-UE intitolati "Kwistjonijiet regolatorji tat-TTIP - l-industriji tal-inġinerija"(10), "Każ li jservi ta' test rigward l-ekwivalenza funzjonali: metodoloġija proposta għal ekwivalenza regolatorja awtomobilistika"(11), u "Kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli/xogħol u ambjent: dokument tal-UE li jiddeskrivi l-kwistjonijiet u l-elementi ewlenin għad-dispożizzjonijiet fit-TTIP"(12), u l-proposti testwali dwar l-ostakli tekniċi għall-kummerċ (OTK)(13), il-miżuri sanitarji u fitosanitarji (SPS)(14), id-dwani u l-faċilitazzjoni kummerċjali(15), l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs)(16), id-dispożizzjonijiet possibbli rigward il-kompetizzjoni(17), id-dispożizzjonijiet possibbli rigward l-impriżi statali u l-impriżi li jingħataw drittijiet jew privileġġi speċjali jew esklużivi(18), id-dispożizzjonijiet possibbli rigward is-sussidji(19), is-soluzzjoni ta' tilwim(20), u d-dispożizzjonijiet inizjali rigward il-kooperazzjoni regolatorja(21),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni dwar "Is-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP)" tal-Kumitat tar-Reġjuni (ECOS-V-063) adottata matul il-110 sessjoni plenarja (11-13 ta' Frar 2015), u l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-4 ta' Ġunju 2014 dwar "Ir-relazzjonijiet trans-Atlantiċi kummerċjali u l-fehma tal-KESE dwar kooperazzjoni mtejba u ftehim ta' kummerċ ħieles eventwali bejn l-UE u l-Istati Uniti",

–  wara li kkunsidra r-Rapport Inizjali Finali tat-28 ta' April 2014 minn ECORYS għall-Kummissjoni, intitolat "Valutazzjoni tal-Impatt fuq is-Sostenibilità tal-Kummerċ (VIS Kummerċ) b'appoġġ għan-negozjati rigward ftehim komprensiv dwar il-kummerċ u l-investiment bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti tal-Amerika"(22),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-2015 dwar l-Ostakli għall-Kummerċ u l-Investiment (COM(2015)0127)(23),

–  wara li kkunsidra l-"Evalwazzjoni Dettaljata tal-Valutazzjoni tal-Impatt tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment" ippubblikata f'April 2014 minn CEPS għall-Parlament,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, b'mod partikolari dik tat-23 ta' Ottubru 2012 dwar ir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali mal-Istati Uniti(24), dik tat-23 ta' Mejju 2013 dwar in-negozjati dwar il-ftehim UE-Stati Uniti dwar il-kummerċ u l-investiment(25), u dik tal-15 ta' Jannar 2015 dwar ir-rapport annwali li jikkonċerna l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2013(26),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 108(4) u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, il-Kumitat għall-Iżvilupp, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0175/2015),

A.  billi l-esportazzjonijiet permezz tal-kummerċ u t-tkabbir permezz ta' investimenti huma muturi kruċjali għall-impjiegi u t-tkabbir ekonomiku li ma jirrikjedux investimenti min-naħa tal-gvern;

B.  billi l-PDG tal-UE hu dipendenti ħafna mill-kummerċ u mill-esportazzjonijiet u jibbenefika minn kummerċ u investiment ibbażati fuq ir-regoli u billi ftehim ambizzjuż u bbilanċjat mal-Istati Uniti għandu jkun ta' appoġġ għall-industrijalizzazzjoni mill-ġdid tal-Ewropa u jgħin biex jintlaħaq l-objettiv għall-2020 ta' żieda fil-PDG tal-UE ġġenerat mill-industrija minn 15 % għal 20 % billi jsaħħaħ il-kummerċ trans-Atlantiku kemm fil-prodotti, kif ukoll fis-servizzi; billi dan għandu l-potenzjal li joħloq opportunitajiet, speċjalment għall-SMEs, il-mikroimpriżi (bi qbil mad-definizzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2003/361/KE), ir-raggruppamenti u n-netwerks ta' impriżi li jsofru sproporzjonalment aktar minn ostakli nontariffarji (ONT) minn kumpaniji li jkunu akbar, peress li dawn tal-aħħar ikollhom ekonomiji ta' skala li jippermettulhom aċċess aktar faċli għas-swieq fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku; billi ftehim bejn l-akbar żewġ blokok ekonomiċi fid-dinja għandu l-potenzjal li joħloq standards, normi u regoli li se jiġu adottati fuq livell globali, li kieku jservu wkoll bħala vantaġġ għall-pajjiżi terzi u li kieku jipprevjenu frammentazzjoni ulterjuri tal-kummerċ dinji; billi, jekk ifallu n-negozjati għal ftehim, pajjiżi terzi oħra bi standards u valuri differenti minflok ikunu jistgħu jassumu dan ir-rwol;

C.  billi disa' Stati Membri tal-Unjoni Ewropea diġà ffirmaw ftehim bilaterali mal-Istati Uniti, u minħabba f'hekk it-TTIP tista' tiġi ispirata minn prattika tajba u tippermetti li jiġu megħluba l-ostakli li ltaqgħu magħhom dawn l-Istati Membri;

D.  billi l-kriżijiet reċenti fil-fruntieri tal-UE u l-iżviluppi madwar id-dinja juru l-ħtieġa li jsir investiment fil-governanza globali u sistema bbażata fuq regoli u valuri;

E.  billi, minħabba ż-żieda fl-interkonnettività tas-swieq globali - huwa ta' importanza kruċjali li dawk li jfasslu l-politika jsawru u jippromwovu l-interazzjoni tas-swieq; billi regoli kummerċjali xierqa u t-tneħħija tal-ostakli mhux meħtieġa huma fundamentali biex jinħoloq valur miżjud waqt li tinżamm u tiġi żviluppata bażi industrijali b'saħħitha, kompetittiva u diversifikata fl-Ewropa;

F.  billi t-tentattivi tal-UE li tindirizza l-isfidi tat-tibdil fil-klima, il-ħarsien tal-ambjent u s-sikurezza tal-konsumatur rriżultaw fi spejjeż regolatorji għoljin għall-impriżi tal-UE, flimkien ma' prezzijiet għoljin tal-materja prima għall-enerġija u tal-elettriku, li - jekk jibqgħu mhux indirizzati fit-TTIP - jistgħu jħaffu l-proċessi ta' delokalizzazzjoni, deindustrijalizzazzjoni u telf ta' impjiegi u b'hekk jheddu ir-riindustrijalizzazzjoni tal-UE u l-objettivi tagħha fil-qasam tal-impjiegi, u dan se jegħleb ukoll dawk l-objettivi politiki li r-regolamenti tal-UE qed ifittxu speċifikament li jilħqu;

G.  billi ftehim kummerċjali ddisinjat tajjeb jista' jikkontribwixxi biex jiġu utilizzati l-opportunitajiet tal-globalizzazzjoni;billi ftehim kummerċjali b'saħħtu u ambizzjuż m'għandux jiffoka biss fuq it-tnaqqis tat-tariffi u l-ONT, iżda għandu jkun ukoll għodda għall-protezzjoni tal-ħaddiema, tal-konsumaturi u tal-ambjent; billi ftehim kummerċjali b'saħħtu u ambizzjuż jikkostitwixxi opportunità għall-ħolqien ta' qafas billi jsaħħaħ ir-regolamentazzjoni biex tilħaq l-ogħla standards, bi qbil mal-valuri kondiviżi tagħna, biex b'hekk jipprevjeni d-dumping soċjali u ambjentali u jiżgura livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur fid-dawl tal-objettiv kondiviż ta' kompetizzjoni miftuħa fejn il-kundizzjonijiet ikunu l-istess għal kulħadd;

H.  billi, minkejja l-fatt li standards għolja komuni huma fl-interess tal-konsumaturi, għandu jiġi rikonoxxut li l-konverġenza tagħmel sens ukoll għall-impriżi, peress li l-ispejjeż ogħla li joriġinaw minn standards ogħla jistgħu jiġu kkumpensati aħjar minn żieda fl-ekonomiji ta' skala f'suq potenzjali ta' 850 miljun konsumatur;

I.  billi l-ftehimiet kummerċjali preċedenti wrew benefiċċji sinifikanti għall-ekonomija Ewropea, huwa diffiċli li jiġi vvalutat l-impatt reali tat-TTIP kemm fuq l-ekonomija tal-UE kif ukoll fuq dik tal-Istati Uniti u li jsiru previżjonijiet waqt li n-negozjati jkunu għadhom għaddejjin u l-istudji juru riżultati kontradittorji; billi t-TTIP waħedha mhux se ssolvi l-problemi ekonomiċi strutturali li ilhom jeżistu u l-kawżi sottostanti tagħhom fl-UE, iżda għandha titqies bħala element fi strateġija Ewropea aktar estensiva għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir, u l-aspettattivi għat-TTIP għandhom ikunu proporzjonati għal-livell ta' ambizzjoni li se jintlaħaq fin-negozjati;

J.  billi l-konsegwenzi tal-embargo Russu wrew b'mod ċar ir-rilevanza ġeopolitika kontinwa tal-agrikoltura, l-importanza li jkun hemm aċċess għal firxa ta' swieq agrikoli differenti u l-ħtieġa għal sħubiji kummerċjali b'saħħithom u strateġiċi ma' sħab kummerċjali affidabbli;

K.  billi huwa importanti għall-agrikoltura Ewropea li jiġi żgurat ftehim kummerċjali ta' benefiċċju reċiproku mal-Istati Uniti b'mod li jsir progress fir-rigward tal-pożizzjoni tal-Ewropa bħala attur fundamentali fis-suq globali mingħajr ma jiġu pperikolati l-istandards ta' kwalità attwali tal-prodotti agrikoli Ewropej u t-titjib ta' dawk l-istandards fil-ġejjieni, filwaqt li jiġi ppreżervat il-mudell agrikolu Ewropew u tiġi żgurata l-vijabbiltà ekonomika u soċjali tiegħu;

L.  billi l-flussi tal-kummerċ u tal-investiment mhumiex fini fihom infushom u l-benessri taċ-ċittadini ordinarji, tal-ħaddiema u tal-konsumaturi, kif ukoll aktar opportunitajiet għall-impriżi bħala l-muturi tat-tkabbir u l-impjiegi, huma l-parametri referenzjarji għal ftehim kummerċjali; billi t-TTIP għandu jiġi kkunsidrat bħala mudell għal ftehim kummerċjali tajjeb li jwieġeb għal dawn ir-rekwiżiti sabiex iservi bħala eżempju għan-negozjati tagħna fil-ġejjieni ma' sħab kummerċjali oħra;

M.  billi ċertu grad ta' kunfidenzjalità hu rikjest fin-negozjati sabiex jinkiseb eżitu ta' kwalità għolja, u l-livell limitat ta' trasparenza li fih twettqu in-negozjati fil-passat wassal għal nuqqasijiet f'termini ta' kontroll demokratiku tal-proċess ta' negozjar;

N.  billi l-President Juncker tenna b'mod ċar fil-Linji Gwida politiċi tiegħu li huwa jixtieq ftehim kummerċjali bbilanċjat u raġonevoli mal-Istati Uniti u li - waqt li l-UE u l-Istati Uniti jistgħu jagħmlu pass 'il quddiem sinifikanti fir-rikonoxximent reċiproku tal-istandards tal-prodotti ta' xulxin u fil-ħidma lejn standards trans-Atlantiċi - l-UE mhux se tissagrifika l-istandards tagħha fl-oqsma tas-sigurtà (alimentari), tas-saħħa, tas-saħħa tal-annimali, soċjali, ambjentali u tal-protezzjoni tad-data u d-diversità kulturali tagħha; filwaqt li jfakkar li s-sigurtà tal-ikel li nieklu u l-protezzjoni tad-data personali tal-Ewropej u s-servizzi tagħha ta' interess ġenerali ma jistgħux jiġu nnegozjati sakemm l-għan ma jkunx il-ksib ta' livell ogħla ta' protezzjoni;

O.  billi hu importanti li tiġi żgurata konklużjoni sodisfaċenti tan-negozjati dwar il-Ftehim dwar Safe Harbour u l-Ftehim Qafas dwar il-Protezzjoni tad-Data;

P.  billi l-President Juncker diġà ddikjara b'mod ċar fil-linji gwida politiċi tiegħu li mhux se jaċċetta li l-ġurisdizzjoni tal-qrati fl-Istati Membri tiġi limitata minn reġimi speċjali għal tilwim rigward investimenti; billi issa li r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika dwar il-protezzjoni tal-investimenti u l-ISDS fit-TTIP huma disponibbli, attwalment għaddej proċess ta' riflessjoni - waqt li jitqiesu l-kontribuzzjonijiet - fi ħdan u bejn it-tliet istituzzjonijiet, waqt li jsiru skambji mas-soċjetà ċivili u s-settur kummerċjali, dwar l-aħjar mod kif għandhom jintlaħqu l-protezzjoni tal-investimenti u t-trattament ugwali tal-investituri waqt li jiġi żgurat id-dritt tal-istati li jirregolamentaw;

Q.  billi l-Parlament jappoġġa bis-sħiħ kemm id-deċiżjoni tal-Kunsill li jiddeklassifika d-direttivi għan-negozjar kif ukoll l-inizjattiva ta' trasparenza tal-Kummissjoni; billi d-dibattitu pubbliku mqanqal li sar fl-Ewropa kollha fir-rigward tat-TTIP wera l-ħtieġa biex in-negozjati għat-TTIP jiġu konklużi b'mod aktar trasparenti u inklużiv waqt li jqisu t-tħassib espress miċ-ċittadini Ewropej u jikkomunikaw ir-riżultati tan-negozjati lill-pubbliku ġenerali;

R.  billi t-taħditiet bejn l-Istati Uniti u l-UE ilhom għaddejjin minn Lulju 2013, iżda s'issa ma ntlaħaq l-ebda ftehim dwar test komuni;

S.  billi hu mistenni li t-TTIP ikun ftehim imħallat li jirrikjedi r-ratifika mill-Parlament Ewropew u t-28 Stat Membru tal-UE kollha kemm huma;

1.  Jemmen li l-UE u l-Istati Uniti huma sħab strateġiċi ewlenin; jisħaq fuq il-fatt li s-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) hija l-aktar proġett sinifikanti ta' dan l-aħħar bejn l-UE u l-Istati Uniti u għandha tagħti enerġija ġdida lis-sħubija trans-Atlantika kollha kemm hi, lil hinn mill-aspetti kummerċjali tagħha; jenfasizza li l-konklużjoni b'suċċess tiegħu hija ta' importanza politika kbira;

2.  Jindirizza, fil-kuntest tan-negozjati dwar it-TTIP li għaddejjin attwalment, dawn ir-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni:

   (a) rigward il-kamp ta' applikazzjoni u l-kuntest fuq livell usa':
   (i) li tiżgura li n-negozjati trasparenti dwar it-TTIP iwasslu għal ftehim dwar il-kummerċ u l-investiment ambizzjuż, komprensiv, ibbilanċjat u ta' standard għoli li kieku jippromwovi t-tkabbir sostenibbli, b'benefiċċji kondiviżi bejn l-Istati Membri, b'benefiċċji għal xulxin u reċiproċi bejn is-sħab, iżid il-kompetittività internazzjonali, u jiftaħ opportunitajiet ġodda għall-kumpaniji tal-UE, b' mod partikolari l-SMEs, jappoġġa l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja għaċ-ċittadini Ewropej, ikun ta' benefiċċju dirett għall-konsumaturi Ewropej; il-kontenut u l-implimentazzjoni tal-ftehim huma aktar importanti mill-ħeffa li biha jitwettqu n-negozjati;
   (ii) li tenfasizza li waqt li n-negozjati dwar it-TTIP jikkonsistu minn negozjati dwar tliet oqsma ewlenin - it-titjib ambizzjuż tal-aċċess reċiproku għas-suq (għall-prodotti, is-servizzi, l-investiment u l-akkwist pubbliku fil-livelli kollha tal-gvern), it-tnaqqis tal-ONT u t-titjib tal-kompatibbiltà tar-reġimi regolatorji, u l-iżvilupp ta' regoli komuni biex jiġu indirizzati l-isfidi u l-opportunitajiet kondiviżi dwar il-kummerċ globali – dawn l-oqsma kollha għandhom l-istess importanza u jeħtieġ li jiġu inklużi f'pakkett komprensiv; it-TTIP għandha tkun ambizzjuża u vinkolanti fil-livelli kollha tal-gvern fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, il-ftehim għandu jwassal għal aċċess miftuħ ġenwin u dejjiemi tas-suq fuq bażi reċiproka u l-faċilitazzjoni kummerċjali fuq il-post, u għandu jagħti attenzjoni partikolari lill-miżuri strutturali biex tinkiseb kooperazzjoni trans-Atlantika akbar waqt li jitħarsu l-istandards regolatorji u l-protezzjoni tal-konsumatur u jiġi pprevenut id-dumping soċjali, fiskali u ambjentali;
   (iii) li tibqa' tikkunsidra l-importanza strateġika tar-relazzjoni ekonomika bejn l-UE u l-Istati Uniti b'mod ġenerali u tat-TTIP b'mod partikolari, fost oħrajn bħala opportunità biex jiġu promossi l-prinċipji u l-valuri, b'għeruq f'qafas ibbażat fuq regoli, li l-UE u l-Istati Uniti jikkondividu u jħaddnu u li tfassal approċċ u viżjoni komuni għall-kummerċ globali, l-investiment u l-kwistjonijiet marbuta mal-kummerċ bħal standards għoljin, normi u regolamenti, sabiex tiġi żviluppata viżjoni trans-Atlantika aktar estensiva u grupp komuni ta' għanijiet strateġiċi; li żżomm f'moħħha l-fatt li minħabba d-daqs tas-suq trans-Atlantiku, it-TTIP hija opportunità biex jissawwar u jiġi regolat l-ordni tal-kummerċ internazzjonali bil-għan li jiġi żgurat li ż-żewġ blokok jiffjorixxu f'dinja interkonnessa;
   (iv) li tiżgura, b'mod speċjali minħabba l-iżviluppi pożittivi reċenti fl-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), li ftehim mal-Istati Uniti se jservi bħala tarġa għal negozjati kummerċjali aktar estensivi u mhux b'mod preventiv jew b'oppożizzjoni għall-proċess fid-WTO; il-ftehimiet kummerċjali bilaterali u plurilaterali għandhom ġeneralment jiġu kkunsidrati bħala t-tieni l-aqwa għażla u m'għandhomx jipprevjenu li jsiru sforzi b'mod li jintlaħaq titjib sinifikanti fuq il-livell multilaterali; it-TTIP trid tiżgura sinerġiji mal-ftehimiet kummerċjali l-oħra li attwalment qed jiġu negozjati;
   (v) li żżomm f'moħħha li t-TFUE jiddefinixxi l-politika kummerċjali tal-UE bħala parti integrali mill-azzjoni esterna kumplessiva tal-Unjoni u li, għalhekk, tevalwa l-implikazzjonijiet tal-ftehim finali, filwaqt li tirrikonoxxi l-opportunitajiet, bħal aċċess għas-suq aktar faċli dovut għal standards trans-Atlantiċi komuni, u r-riskji, bħal pereżempju devjazzjoni tat-traffiku kummerċjali mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw minħabba l-erożjoni tal-preferenzi tariffarji;
   (vi) li tiżgura li l-ftehim jiggarantixxi rispett sħiħ tal-istandards tal-UE fil-qasam tad-drittijiet fundamentali permezz tal-inklużjoni ta' klawsola legalment vinkolanti u sospensiva dwar id-drittijiet tal-bniedem bħala parti standard mill-ftehimiet kummerċjali tal-UE ma' pajjiżi terzi;
   (b) rigward l-aċċess għas-suq:
   (i) li tiżgura li l-offerti ta' aċċess għas-suq fl-oqsma differenti jkunu reċiproċi, ambizzjużi bl-istess mod u jirriflettu l-aspettattivi taż-żewġ partijiet, jissottolinja li l-proposti differenti għal dawn l-oqsma jridu jkunu bbilanċjati;
   (ii) li jkollha l-għan li telimina d-dazji tariffarji kollha, waqt li tirrispetta l-fatt li hemm għadd ta' prodotti industrijali u agrikoli sensittivi fuq iż-żewġ naħat li se jkollu jintlaħaq ftehim fir-rigward ta' listi eżawrjenti tagħhom matul il-proċess tan-negozjar; li jiġu previsti perjodi ta' tranżizzjoni u kwoti xierqa għall-aktar prodotti sensittivi u, fi ftit każijiet, l-esklużjoni tagħhom, filwaqt li jitqies il-fatt li f’ħafna każijiet, dawk il-prodotti għandhom spejjeż ogħla tal-produzzjoni fl-UE minħabba r-regoli tal-UE;
   (iii) sabiex klawżola ta' salvagwardja tiġi inkorporata fil-ftehim, kif inhu stabbilit b'mod ċar fil-mandat ta' negozjar, li kieku tiġi invokata fejn żieda fl-importazzjonijiet ta’ prodott partikolari thedded li tikkawża ħsara serja għall-produzzjoni domestika, b’referenza speċifika għall-produzzjoni tal-ikel u għas-setturi kimiċi, tal-materja prima u tal-azzar li huma intensivi fl-użu tal-enerġija u r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta’ karbonju fl-UE;
   (iv) li tibqa' tikkunsidra li, peress li l-UE hija l-akbar blokk kummerċjali fid-dinja, jeżistu interessi offensivi importanti għall-UE fis-settur tas-servizzi speċjalizzati ħafna, pereżempju fl-oqsma tal-inġinerija u servizzi professjonali oħra, tat-telekomunikazzjonijiet u tas-servizzi finanzjarji jew tat-trasport;
   (v) li żżid l-aċċess għas-suq għas-servizzi skont approċċ ibbażat fuq "lista ibrida", li fir-rigward tal-aċċess għas-suq juża "listi pożittivi", li permezz tagħhom is-servizzi li għandhom jinfetħu għall-kumpaniji barranin jissemmew b'mod espliċitu u s-servizzi ġodda jiġu esklużi waqt li jiġi żgurat li l-klawżoli possibbli ta' sospensjoni ("stand-still") u ta' aġġustament predefinit ("ratchet") japplikaw biss għad-dispożizzjonijiet nondiskriminatorji u jippermettu biżżejjed flessibbiltà sabiex is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali jitqiegħdu mill-ġdid fil-kontroll pubbliku kif ukoll sabiex jitqies il-feġġien ta' servizzi ġodda u innovattivi, u li fir-rigward tat-trattament nazzjonali juża approċċ ibbażat fuq "listi negattivi";
   (vi) in-negozjati għandhom jindirizzaw b'mod sinifikanti u jneħħu r-restrizzjonijiet attwali tal-Istati Uniti fuq is-servizzi tat-trasport marittimu u bl-ajru li huma l-proprjetà ta' negozji Ewropej bħala riżultat tal-leġiżlazzjoni tal-Istati Uniti, bħal pereżempju l-Jones Act, il-Foreign Dredging Act, il-Federal Aviation Act u l-Air Cabotage law tal-Istati Uniti, u fir-rigward tar-restrizzjonijiet ta' kapital fuq is-sjieda tal-linji tal-ajru minn barranin, li jxekklu serjament l-aċċess għas-suq għall-kumpaniji tal-UE kif ukoll l-innovazzjoni fl-Istati Uniti nnifisha;
   (vii) li tibni fuq id-dikjarazzjoni konġunta li tirrifletti l-impenn ċar tan-negozjaturi li jeskludu lis-Servizzi ta' Interess Ġenerali attwali u futuri, kif ukoll lis-Servizzi ta' Interess Ekonomiku Ġenerali mill-kamp ta' applikazzjoni tat-TTIP, (inklużi, iżda mhux biss, l-ilma, is-saħħa, is-servizzi soċjali, is-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-edukazzjoni), biex tiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali u, jekk ikun applikabbli, dawk lokali jżommu d-dritt sħiħ li jintroduċu, jadottaw, iżommu jew jirrevokaw kwalunkwe miżura fir-rigward tal-ikkummissjonar, l-organizzazzjoni, il-finanzjament u l-provvista ta' servizzi pubbliċi kif dispost fit-Trattati kif ukoll fil-mandat ta' negozjar tal-UE; din l-esklużjoni għandha tapplika irrispettivament minn kif jiġu pprovduti u ffinanzjati s-servizzi;
   (viii) li tirsisti ħafna biex tiżgura r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki professjonali, b'mod speċifiku permezz tal-ħolqien ta' qafas ġuridiku mal-istati federali li jkollhom setgħat regolatorji f'dan il-qasam, b'mod li l-professjonisti mill-UE u l-Istati Uniti jitħallew jipprattikaw fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku u li tiġi ffaċilitata l-mobbiltà tal-investituri, il-professjonisti, il-ħaddiema b'kapaċitajiet għoljin ħafna u t-tekniċi bejn l-UE u l-Istati Uniti fis-setturi koperti mit-TTIP;
   (ix) li żżomm f'moħħha li l-faċilitazzjoni tal-viżi għall-fornituri ta' servizzi u prodotti Ewropej hija element kruċjali biex jiġi sfruttat il-ftehim u biex tiżdied, fil-kuntest tan-negozjati, il-pressjoni politika fuq l-Istati Uniti biex tiggarantixxi reċiproċità sħiħa tal-viżi u trattament ugwali għaċ-ċittadini kollha tal-Istati Membri tal-UE mingħajr diskriminazzjoni fir-rigward tal-aċċess tagħhom għall-Istati Uniti;
   (x) li tikkombina negozjati dwar l-aċċess għas-suq fir-rigward tas-servizzi finanzjarji mal-konverġenza fir-regolamentazzjoni finanzjarja fl-ogħla livell, sabiex tappoġġa l-introduzzjoni u l-kompatibbiltà ta' regolamentazzjoni meħtieġa b'mod li tissaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja, tiġi żgurata protezzjoni xierqa għall-konsumaturi ta' prodotti u servizzi finanzjarji u jiġu appoġġati l-isforzi ta' kooperazzjoni kontinwa f'forums internazzjonali oħrajn, bħall-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja u l-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja; li tiżgura li dawn l-isforzi ta' kooperazzjoni ma jillimitawx is-sovranità regolatorja u superviżorja tal-UE u l-Istati Membri, inkluża l-kapaċità tagħhom li jipprojbixxu ċerti prodotti u attivitajiet finanzjarji;
   (xi) li tistabbilixxi kooperazzjoni msaħħa bejn l-UE, l-Istati Membri u l-Istati Uniti, inklużi mekkaniżmi għal kooperazzjoni internazzjonali aktar effiċjenti bil-għan li jiġu stabbiliti standards globali ta' livell ogħla kontra l-kriminalità u l-korruzzjoni finanzjarji u fiskali;
   (xii) li tiżgura li l-acquis tal-UE dwar il-privatezza tad-data ma jiġix kompromess permezz tal-liberalizzazzjoni tal-flussi ta' data, b'mod partikolari fil-qasam tal-kummerċ elettroniku u s-servizzi finanzjarji, filwaqt li tirrikonoxxi r-rilevanza tal-flussi ta' data bħala s-sinsla tal-kummerċ trans-Atlantiku u tal-ekonomija diġitali; li tinkorpora, bħala punt fundamentali, dispożizzjoni orizzontali komprensiva, mhux ambigwa u awtonoma, ibbażata fuq l-Artikolu XIV tal-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS), li teżenta għalkollox il-qafas ġuridiku eżistenti u futur tal-UE għall-protezzjoni tad-data personali mill-ftehim, mingħajr ebda kondizzjoni li jrid ikun konsistenti ma' partijiet oħra tat-TTIP; li tinnegozja dispożizzjonijiet li jirrigwardaw il-fluss ta' data personali biss jekk tkun garantita u rispettata l-applikazzjoni sħiħa tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, u li tikkoopera mal-Istati Uniti b'mod li l-pajjiżi terzi jitħeġġu jadottaw standards dwar il-protezzjoni tad-data ta' livell għoli simili madwar id-dinja;
   (xiii) li tibqa' tikkunsidra li l-approvazzjoni mogħtija mill-Parlament Ewropew għall-Ftehim TTIP finali tista' tiġi pperikolata sakemm l-attivitajiet ta' sorveljanza tal-massa ġenerali tal-Istati Uniti ma jiġux abbandunati għalkollox u tinstab soluzzjoni adegwata għad-drittijiet għall-privatezza tad-data, inklużi r-rimedju amministrattiv u r-rimedju ġudizzjarju, kif stabbilit fil-paragrafu 74 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-12 ta' Marzu 2014(27);
   (xiv) li tiżgura li l-fiduċja bejn l-UE u l-Istati Uniti, li saritilha ħsara mill-iskandli ta' sorveljanza tal-massa, titreġġa' lura għal li kienet malajr u kompletament;
   (xv) li tinkludi kapitolu ambizzjuż rigward il-kompetizzjoni biex tiżgura li l-liġi dwar il-kompetizzjoni Ewropea tiġi rrispettata kif xieraq, b'mod partikolari fid-dinja diġitali; li tiżgura li l-kumpaniji privati jkunu jistgħu jikkompetu b'mod ġust mal-kumpaniji taħt sjieda jew kontroll tal-istat; li tiżgura li s-sussidji mill-istat lill-kumpaniji privati għandhom ikunu regolati u soġġetti għal sistema ta' kontroll trasparenti;
   (xvi) li tappella għal kompetizzjoni miftuħa fl-ekonomija diġitali u għall-iżvilupp ta' din l-ekonomija, li min-natura tagħha hi globali imma li għandha l-bażijiet ewlenin tagħha fl-UE u fl-Istati Uniti; li tenfasizza fin-negozjati li l-ekonomija diġitali trid tkun ċentrali għas-suq trans-Atlantiku, b'influwenza fl-ekonomija globali u fit-tiftiħ ulterjuri tas-swieq globali;
   (xvii) li tibqa' tikkunsidra, fir-rigward tas-servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni u s-servizzi tat-telekomunikazzjoni, li hu ta' importanza partikolari li t-TTIP tiżgura kundizzjonijiet ekwivalenti flimkien ma' aċċess ugwali u trasparenti bbażat fuq ir-reċiproċità għall-kumpaniji ta' servizzi tal-UE fir-rigward tas-suq tal-Istati Uniti u b'obbligu fuq il-fornituri ta' servizzi tal-Istati Uniti biex jirrispettaw u jikkonformaw mal-istandards tal-industrija u fil-qasam tas-sikurezza tal-prodotti u mad-drittijiet tal-konsumaturi rilevanti kollha, meta jkunu qed jipprovdu servizzi fl-Ewropa jew lil klijenti Ewropej;
   (xviii) li tiżgura, permezz ta' klawżola vinkolanti ġenerali applikabbli għall-ftehim kollu, f'konformità sħiħa mal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali, li l-partijiet jirriżervaw id-dritt tagħhom li jadottaw jew iżommu kwalunkwe miżura (b'mod partikolari dawk ta' natura regolatorja u/jew finanzjarja) fir-rigward tal-protezzjoni jew il-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, bi qbil mal-Artikoli rilevanti kif stabbiliti fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-libertà u l-pluraliżmu medjatiċi, irrispettivament mit-teknoloġija jew il-pjattaforma ta' distribuzzjoni użati u waqt li jibqa' jiġi kkunsidrat il-fatt li l-mandat mogħti lill-Kummissjoni Ewropea mill-Istati Membri jeskludi b'mod espliċitu s-servizzi awdjoviżivi;
   (xix) li tispeċifika li fil-ftehim m'hemm xejn li jaffettwa l-ħila tal-UE jew tal-Istati Membri tagħha li jissussidjaw u jipprovdu appoġġ finanzjarju lill-industriji kulturali, kif ukoll lis-servizzi kulturali, edukattivi, awdjoviżivi u tal-istampa;
   (xx) li tikkonferma li s-sistemi ta' prezzijiet fissi għall-kotba u l-iffissar tal-prezzijiet għall-gazzetti u r-rivisti mhumiex se jiġu kkontestati mill-obbligi taħt il-ftehim dwar it-TTIP;
   (xxi) li tiżgura, permezz ta' klawżola ġenerali, id-dritt tal-Istati Membri tal-UE li jadottaw jew iżommu kwalunkwe miżura fir-rigward tal-forniment tas-servizzi edukattivi u kulturali kollha li jaħdmu mingħajr skop ta’ qligħ u/jew jirċievu finanzjament pubbliku fi kwalunkwe grad jew appoġġ mill-Istat fi kwalunkwe forma u li jiżguraw li l-fornituri barranin iffinanzjati privatament jilħqu l-istess kwalità u rekwiżiti ta’ akkreditament tal-fornituri domestiċi;
   (xxii) li, minħabba l-interess enormi min-naħa tal-kumpaniji Ewropej, b'mod speċifiku l-SMEs, fil-ksib ta' aċċess mhux diskriminatorju għall-kuntratti pubbliċi fl-Istati Uniti, kemm fil-livell federali kif ukoll fil-livell subfederali, pereżempju għas-servizzi tal-bini, l-inġinerija ċivili, l-infrastruttura tat-trasport u l-enerġija, u l-prodotti u s-servizzi, ikollha approċċ ambizzjuż għall-kapitolu rigward l-akkwist pubbliku, filwaqt li tirrispetta l-konformità tal-kapitolu mad-direttivi l-ġodda tal-UE dwar l-akkwist pubbliku u dwar il-konċessjonijiet, bl-intenzjoni li titranġa, bi qbil mal-prinċipju ta' reċiproċità, id-diskrepanza kbira li teżisti attwalment fil-grad ta' ftuħ taż-żewġt iswieq tal-akkwist pubbliku fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, billi jinfetaħ b'mod sinifikanti s-suq tal-Istati Uniti (li għadu regolat mill-Buy American Act tal-1933) kemm fil-livell federali u kemm f'dak subfederali, abbażi tal-impenji li saru fil-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi u billi jitneħħew ir-restrizzjonijiet li japplikaw attwalment bl-istess mod fil-livelli federali, statali u lokali fl-Istati Uniti; u li tistabbilixxi l-mekkaniżmi li jiggarantixxu li l-impenji li saru mill-awtoritajiet federali tal-Istati Uniti se jiġu onorati f'kull livell politiku u amministrattiv;
   (xxiii) li tiżgura, bil-għan li toħloq rekwiżiti proċedurali miftuħin, mhux diskriminatorji u prevedibbli li jiżguraw aċċess ugwali għall-kumpaniji tal-UE u tal-Istati Uniti, speċjalment l-SMEs, meta jkunu qed iressqu offerti għal kuntratti pubbliċi, li l-Istati Uniti żżid it-trasparenza fil-proċess ta' aġġudikazzjoni fis-seħħ fit-territorju tagħha;
   (xxiv) li tippromwovi l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti fil-livell internazzjonali sabiex jiġu promossi l-istandards ta' sostenibbiltà komuni għall-akkwist pubbliku fil-livell federali u subfederali kollha tal-gvern, fost oħrajn fl-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi li ġie rivedut dan l-aħħar; u fl-adozzjoni u fir-rispett tal-istandards fil-qasam tar-responsabbiltà soċjali mill-impriżi abbażi tal-Linji Gwida għal Impriżi Multinazzjonali tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD);
   (xxv) li tiżgura li l-istati tal-Istati Uniti jiġu inklużi fil-proċess ta' negozjar b'mod li jinkisbu riżultati sinifikanti fit-tiftiħ tal-kuntratti għal akkwist pubbliku fl-Istati Uniti għall-kumpaniji tal-UE;
   (xxvi) li tkun konxja, fir-rigward tal-akkwist pubbliku, tan-natura sensittiva tal-oqsma tad-difiża u s-sigurtà u li tqis l-objettivi stabbiliti mill-Kapijiet ta' Stati u Gvernijiet matul il-Kunsill dwar id-Difiża tal-2013 biex jiġi promoss l-istabbiliment ta' suq Ewropew fl-oqsma tas-sigurtà u d-difiża u ta' bażi industrijali u teknoloġika tad-difiża Ewropea (EDTIB);
   (xxvii) li tiżgura li n-negozjati dwar ir-regoli tal-oriġini jkollhom l-għan li jirrikonċiljaw l-approċċi tal-UE u tal-Istati Uniti u li jistabbilixxu regoli tal-oriġini effikaċi, biex b'hekk jiġi evitat li r-regoli tal-oriġini jiddgħajfu minn ftehimiet oħrajn u li tikkunsidra lin-negozjati bħala opportunità biex isir progress lejn standards komuni għal immarkar obbligatorju tal-oriġini ta' prodotti; minħabba l-konklużjoni tan-negozjati tal-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv (CETA) bejn l-UE u l-Kanada u l-ammeljorament potenzjali tal-ftehim ta' kummerċ ħieles UE-Messiku, se jkun hemm bżonn li jiġu kkunsidrati l-possibbiltà u l-ambitu ta' akkumulazzjoni; li tibqa' tikkunsidra madankollu li l-għan tat-TTIP hu li tiffaċilita l-kummerċ fil-prodotti li jkunu ġew immanifatturati ġenwinament fl-Istati Uniti u fl-UE b’mod ġenwin u li ma tippermettix l-importazzjoni minn pajjiżi terzi, u għalhekk se jkun hemm bżonn li l-esklużjonijiet ta' ċerti prodotti jiġu kkunsidrati speċifikament għal kull każ individwali u għandhom jingħataw esklużjonijiet minn kull tip ta' akkumulazzjoni għas-setturi sensittivi;
   (xxviii) li tiżgura li t-TTIP ikun ftehim miftuħ, u li tfittex modi kif is-sħab importanti, li jkollhom interess fin-negozjati dwar it-TTIP minħabba ftehimiet dwar Unjoni Doganali mal-UE jew mal-Istati Uniti, jistgħu jinżammu informati b'mod aktar attiv rigward l-iżviluppi;
   (c) rigward il-kooperazzjoni regolatorja u l-pilastru għall-koerenza u l-ONT:
   (i) li tiżgura li l-kapitolu tal-kooperazzjoni regolatorja jippromwovi ambjent ekonomiku trasparenti, effikaċi u prokompetittiv permezz tal-identifikazzjoni u l-prevenzjoni tal-ostakli nontariffarji potenzjali għall-kummerċ fil-ġejjieni, li jolqtu lill-SMEs b'mod sproporzjonat, u tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ u l-investiment waqt li jiġu żviluppati u garantiti l-ogħla livelli ta' protezzjoni tas-saħħa u s-sigurtà bi qbil mal-prinċipju ta' prekawzjoni stabbilit fl-Artikolu 191 TFUE, u tal-leġiżlazzjoni tal-konsumatur, tax-xogħol, ambjentali u tal-benessri tal-annimali u tad-diversità kulturali li teżisti fi ħdan l-UE; li tappoġġa, filwaqt li tirrispetta kompletament l-awtonomija regolatorja, l-istabbiliment ta' djalogu strutturat u kooperazzjoni bejn ir-regolaturi bl-iktar mod trasparenti possibbli u bl-involviment tal-partijiet interessati; li tinkludi dixxiplini trasversali dwar il-koerenza u t-trasparenza regolatorji għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' regolamenti effiċjenti, kosteffettivi, u aktar kompatibbli għall-prodotti u s-servizzi; jeħtieġ li n-negozjaturi fuq iż-żewġ naħat jidentifikaw u jkunu ċari ħafna dwar liema proċeduri u standards tekniċi huma fundamentali u ma jistgħux jiġu kompromessi, liema jistgħu jkunu s-suġġett ta' approċċ komuni, liema huma l-oqsma fejn ir-rikonoxximent reċiproku bbażat fuq standard għoli komuni u sistema b'saħħitha ta' sorveljanza tas-suq huma mixtieqa u liema huma dawk fejn sempliċiment huwa possibbli titjib fl-iskambju ta' informazzjoni, abbażi tal-esperjenza ta' diversi snin ta' diskussjonijiet f'diversi fora fosthom il-Kunsill Ekonomiku Trans-Atlantiku u l-Forum ta' Kooperazzjoni Regolatorja ta' Livell Għoli biex jiġi żgurat bl-istess mod li mhux se jaffettwa l-istandards li għad iridu jiġu stabbiliti f'oqsma fejn il-leġiżlazzjoni jew l-istandards huma differenti ħafna fl-Istati Uniti meta mqabbla mal-UE, bħal, pereżempju, fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni (qafas) eżistenti (pereżempju, REACH), jew l-adozzjoni ta' liġijiet ġodda (pereżempju, il-klonazzjoni), jew definizzjonijiet futuri li jaffettwaw il-livell ta' protezzjoni (pereżempju, il-kimiċi li jinterferixxu mas-sistema endokrinali); li tiżgura li kwalunkwe dispożizzjoni dwar kooperazzjoni regolatorja fit-TTIP ma tistabbilixxix rekwiżit proċedurali għall-adozzjoni tal-atti tal-Unjoni kkonċernati minnha u lanqas ma tagħti lok għal drittijiet infurzabbli f'dak ir-rigward;
   (ii) li tibbaża n-negozjati dwar il-miżuri tal-SPS u l-OTK fuq il-prinċipji ewlenin tal-ftehimiet multilaterali SPS u OTK u li tipproteġi l-istandards u l-proċeduri SPS Ewropej; li, l-ewwel nett, timmira lejn l-eliminazzjoni jew it-tnaqqis sinifikanti tal-miżuri SPS eċċessivament iebsa, inklużi l-proċeduri ta' importazzjoni relatati; li tiżgura b'mod partikolari li l-approvazzjonijiet minn qabel, il-protokolli obbligatorji jew l-ispezzjonijiet ta' qabel l-approvazzjoni doganali ma jiġux applikati bħala miżura ta' importazzjoni permanenti; li tikseb aktar trasparenza u ftuħ, rikonoxximent reċiproku ta' standards ekwivalenti, skambji tal-aħjar prattiki, it-tisħiħ tad-djalogu bejn ir-regolaturi u l-partijiet interessati u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn il-korpi li jistabbilixxu l-istandards internazzjonali; li tiżgura fin-negozjati dwar il-miżuri tal-SPS u l-OTK, li l-istandards għoljin li jkunu ġew implimentati sabiex jiżguraw is-sikurezza tal-ikel, il-ħajja jew is-saħħa tal-bnedmin, l-annimali jew il-pjanti fl-UE ma jiġu kompromessi bl-ebda mod;
   (iii) li tirrikonoxxi li fejn l-UE u l-Istati Uniti għandhom regoli differenti ħafna, ma jkunx hemm ftehim, bħal pereżempju fis-servizzi tal-kura tas-saħħa pubblika, l-OĠM, l-użu ta' ormoni fis-settur bovin, ir-REACH u l-implimentazzjoni tiegħu, u l-ikklonjar ta' annimali għall-iskopijiet ta' trobbija, u għaldaqstant ma tinnegozjax fuq dawn il-kwistjonijiet;
   (iv) li tinkoraġġixxi lill-Istati Uniti tneħħi l-projbizzjoni fuq l-importazzjonijiet taċ-ċanga mill-UE;
   (v) rigward il-kapitolu dwar il-kooperazzjoni regolatorja orizzontali, li trawwem il-kooperazzjoni regolatorja bilaterali sabiex tevita d-diverġenza mhux meħtieġa, b'mod partikolari fir-rigward tat-teknoloġiji u s-servizzi ġodda, għall-benefiċċju tal-kompetittività u l-għażla tal-konsumatur tal-Ewropa u l-Istati Uniti; li dan tiksbu permezz ta' titjib tal-iskambju tal-informazzjoni u li tippromwovi l-adozzjoni, u l-implimentazzjoni tal-istrumenti internazzjonali, waqt li tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, abbażi ta' preċedenti ta' suċċess bħal, pereżempju, l-istandards ISO jew taħt il-Forum Dinji għall-Armonizzazzjoni tar-Regolamenti dwar il-Vetturi (WP.29) tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE); li tiftakar li r-rikonoxximent tal-ekwivalenza tal-akbar numru possibbli ta' regolamenti dwar is-sikurezza tal-vetturi abbażi ta' livell ekwivalenti vverifikat ta' protezzjoni jkun wieħed mis-suċċessi l-aktar importanti tal-ftehim; li tiżgura li l-valutazzjoni tal-impatt preċedenti għal kull att regolatorju għandha tkejjel l-impatt tiegħu fuq il-konsumaturi u l-ambjent flimkien mal-impatt tiegħu fuq il-kummerċ u l-investiment; li tippromwovi l-kompatibbiltà regolatorja mingħajr ma tikkomprometti l-objettivi regolatorji u tal-politika leġittimi u l-kompetenzi tal-leġiżlaturi tal-UE u tal-Istati Uniti;
   (vi) li timmira li tkompli tiggarantixxi livell għoli ta' sikurezza tal-prodotti fi ħdan l-Unjoni filwaqt li tiġi eliminata d-duplikazzjoni żejda tal-ittestjar li tikkawża ħela ta' riżorsi, b'mod partikolari fir-rigward tal-prodotti b'riskju baxx;
   (vii) li tindirizza kwistjonijiet doganali li jmorru lil hinn mir-regoli tal-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ tad-WTO (TFA) u tenfasizza li, sabiex tinkiseb it-tneħħija reali tal-piż amministrattiv, hemm bżonn li ssir ħidma lejn livell massimu ta' allinjament regolatorju fir-rigward tal-politiki u l-prattiki doganali u dawk relatati mal-fruntieri;
   (viii) li tiddefinixxi b'mod ċar, fil-kuntest tal-kooperazzjoni regolatorja futura, liema miżuri jikkonċernaw l-OTK u l-piżijiet u l-formalitajiet amministrattivi duplikati jew obsoleti u liema huma marbuta ma' standards u regolamenti fundamentali, jew ma' proċeduri li jaqdu objettiv ta' politika pubblika;
   (ix) li tirrispetta bis-sħiħ is-sistemi regolatorji stabbiliti fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku, kif ukoll ir-rwol tal-Parlament Ewropew fi ħdan il-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE u l-iskrutinju demokratiku tiegħu fuq il-proċessi regolatorji tal-UE fil-ħolqien tal-qafas għal kooperazzjoni futura waqt li, fl-istess ħin, tiżgura l-ogħla trasparenza u tibqa' tissorvelja l-involviment ibbilanċjat tal-partijiet interessati fi ħdan il-konsultazzjonijiet inklużi fl-iżvilupp ta' proposta regolatorja u mhux li jiddewwem il-proċess leġiżlattiv Ewropew; li tispeċifika r-rwol, il-kompożizzjoni u l-istatus ġuridiku tal-Korp ta' Kooperazzjoni Regolatorja, waqt li tqis il-fatt li kwalunkwe applikazzjoni diretta u mandatorja tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu tkun timplika ksur tal-proċeduri ta' leġiferazzjoni stabbiliti fit-Trattati; li timmonitorja wkoll li tinżamm kompletament preżervata l-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jilleġiżlaw il-politiki tagħhom stess, b'mod partikolari l-politiki soċjali u ambjentali;
   (d) rigward ir-regoli:
   (i) li tgħaqqad in-negozjati dwar l-aċċess għas-suq u l-kooperazzjoni regolatorja mal-istabbiliment ta' regoli u prinċipji ambizzjużi, waqt li tibqa' tikkunsidra li kull pilastru għandu sensittivitajiet speċifiċi, rigward kwistjonijiet bħal, iżda mhux biss, l-iżvilupp sostenibbli, l-enerġija, l-SMEs, l-investiment u l-impriżi b'sjieda statali;
   (ii) li tiżgura li l-kapitolu dwar l-iżvilupp sostenibbli jkun vinkolanti u infurzabbli u jkollu l-għan li jilħaq ir-ratifika, l-implimentazzjoni u l-infurzar sħaħ u effettivi tat-tmien konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-kontenut tagħhom, l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO kif ukoll il-ftehimiet ambjentali internazzjonali ewlenin; id-dispożizzjonijiet iridu jkunu mmirati biex itejbu ulterjorment il-livelli ta' protezzjoni tal-istandards fil-qasam tax-xogħol u f'dak ambjentali; kapitolu dwar il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli ambizzjuż jeħtieġ jinkludi wkoll regoli dwar ir-responsabbiltà soċjali korporattiva abbażi tal-Linji Gwida tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali u djalogu mas-soċjetà ċivili strutturat b'mod ċar;
   (iii) li tiżgura li l-istandards fil-qasam tax-xogħol u f'dak ambjentali ma jkunux limitati għall-kapitolu rigward il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli iżda bl-istess mod jiġu inklużi f'oqsma oħra tal-ftehim, bħall-investiment, in-negozju fis-servizzi, il-kooperazzjoni regolatorja u l-akkwist pubbliku;
   (iv) li tiżgura li l-istandards fil-qasam tax-xogħol u f'dak ambjentali jkunu infurzabbli, billi tibni fuq l-esperjenza tajba tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles eżistenti mill-UE u l-Istati Uniti u tal-leġiżlazzjoni nazzjonali; li tiżgura li l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet dwar ix-xogħol u l-konformità magħhom ikunu suġġetti għal proċess effikaċi ta' monitoraġġ, li jinvolvi lis-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u għas-soluzzjoni ġenerali ta' tilwim li tapplika għall-ftehim kollu;
   (v) li tiżgura, b'rispett sħiħ tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, li l-impjegati tal-kumpaniji trans-Atlantiċi, reġistrati taħt il-liġi tal-Istati Membri tal-UE, ikollhom aċċess għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni f'konformità mad-direttiva Ewropea dwar il-kunsill tax-xogħlijiet;
   (vi) li tiżgura li l-impatt fuq l-ekonomija, l-impjiegi, is-soċjetà u l-ambjent tat-TTIP jiġi eżaminat ukoll permezz ta' valutazzjoni tal-impatt fuq is-sostenibbiltà (VIS) ex-ante komprensiva u oġġettiva b'rispett sħiħ tad-Direttiva tal-UE dwar il-VIS, b'involviment ċar u strutturat mill-partijiet interessati rilevanti kollha, inkluża s-soċjetà ċivili; jitlob lill-Kummissjoni twettaq studji tal-impatt fil-fond komparattivi għal kull Stat Membru u evalwazzjoni tal-kompetittività tas-setturi tal-UE u l-kontropartijiet tagħhom fl-Istati Uniti bil-għan li tagħmel previżjonijiet dwar telf ta' impjiegi u qligħ fis-setturi milquta f'kull Stat Membru, fejn l-ispejjeż ta' aġġustament jistgħu jiġu koperti parzjalment permezz ta' finanzjament tal-UE u tal-Istati Membri;
   (vii) li żżomm l-objettiv li tiddedika kapitolu speċifiku għall-enerġija, inkluża l-materja prima industrijali; li tiżgura li matul in-negozjati, iż-żewġ naħat jeżaminaw modi biex jiffaċilitaw l-esportazzjonijiet tal-enerġija, biex b'hekk it-TTIP tkun tista' tabolixxi kwalunkwe restrizzjoni jew impediment eżistenti ta' esportazzjoni fuq il-fjuwils, inkluż l-LNG u ż-żejt mhux raffinat, bejn iż-żewġ sħab kummerċjali, bil-għan li joħolqu suq tal-enerġija kompetittiv, trasparenti u nondiskriminatorju u b'hekk jappoġġaw id-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija, li tikkontribwixxi għas-sigurtà ta' provvista u twassal għal prezzijiet tal-enerġija aktar baxxi; jenfasizza li jeħtieġ li dan il-kapitolu għall-enerġija jintegra garanziji ċari li l-istandards ambjentali tal-UE u l-miri tagħha fil-qasam tal-azzjoni klimatika m'għandhomx jiddgħajfu;  li tinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti biex jintemmu l-eżenzjonijiet mit-taxxa fuq il-fjuwil għall-avjazzjoni kummerċjali skont l-impenji tal-G20 biex is-sussidji għall-fjuwils fossili jitneħħew gradwalment;
   (viii) li tiżgura li d-dritt ta' kull sieħeb li jirregola l-esplorazzjoni, l-isfruttament u l-produzzjoni tas-sorsi ta' enerġija għandu jibqa' mhux mimsus minn kwalunkwe ftehim, iżda għandu jiġi applikat il-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni ladarba jiġi deċiż l-isfruttament; li tibqa' tikkunsidra li xejn fil-ftehim m'għandu jdgħajjef deċiżjonijiet demokratiċi leġittimi nondiskriminatorji fir-rigward tal-produzzjoni tal-enerġija, f'konformità mal-prinċipju ta' prekawzjoni; li tiżgura li l-aċċess għall-materja prima kif ukoll għall-enerġija għandu jingħata wkoll fuq bażi nondiskriminatorja għall-kumpaniji mill-UE jew mill-Istati Uniti u l-istandards tal-kwalità għall-prodotti tal-enerġija jridu jiġu rrispettati, inklużi dawk għal prodotti tal-enerġija relatati mal-impatt tagħhom fuq l-emissjonijiet ta' CO2 bħal dak stabbilit fid-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Fjuwil;
   (ix) li tiżgura li t-TTIP tappoġġa l-użu u l-promozzjoni ta' prodotti u servizzi ekoloġiċi, inkluż billi jiġi ffaċilitat l-iżvilupp tagħhom, u tissimplifika l-esportazzjonijiet u l-importazzjonijiet tagħhom biex b'hekk tisfrutta l-potenzjal konsiderevoli għal kisbiet ambjentali u ekonomiċi li toffri l-ekonomija trans-Atlantika u tikkomplementa n-negozjati plurilaterali li għaddejjin fuq il-Ftehim dwar il-Prodotti Ekoloġiċi bil-għan li tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra t-tisħin globali u għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda fl-"ekonomija ekoloġika";
   (x) li tiżgura li t-TTIP sservi bħala forum għall-iżvilupp ta' standards ta' sostenibbiltà komuni ambizzjużi u vinkolanti għall-produzzjoni tal-enerġija u l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija, filwaqt li dejjem jitqiesu l-istandards eżistenti u jiġu applikati fuq iż-żewġ naħat, standards bħad-direttivi tal-UE dwar it-tikkettar tal-enerġija u l-ekodisinn u li tesplora modi biex issaħħaħ il-kooperazzjoni dwar ir-riċerka rigward l-enerġija, l-iżvilupp u l-innovazzjoni u l-promozzjoni ta' teknoloġiji b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju u li jirrispettaw l-ambjent;
   (xi) li tiżgura li t-TTIP tikkontribwixxi għall-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd, b'mod partikolari permezz ta' kooperazzjoni bejn il-partijiet fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat (IUU);
   (xii) li tiżgura li t-TTIP tinkludi kapitolu speċifiku dwar l-SMEs abbażi tal-impenn konġunt taż-żewġ partijiet fin-negozjati u li jkollha l-għan li toħloq opportunitajiet ġodda fl-Istati Uniti għall-SMEs Ewropej (inklużi l-mikroimpriżi), fuq il-bażi tal-esperjenza reali rrappurtata mill-esportaturi SMEs, pereżempju bl-eliminazzjoni tar-rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni doppja, bl-istabbiliment ta' sistema ta' informazzjoni bbażata fuq l-internet dwar ir-regolamenti differenti u l-aħjar prattiki, bl-iffaċilitar tal-aċċess għal skemi ta' appoġġ għall-SMEs, bl-introduzzjoni ta' proċeduri "preferenzjali" fil-fruntieri jew bl-eliminazzjoni tat-tariffi speċifiċi li, għal raġunijiet ta' protezzjoni, ikunu relattivament għoljin meta mqabbla ma' tariffi oħra ('tariff peaks') u li għadhom jeżistu; għandha tistabbilixxi mekkaniżmi għaż-żewġ naħat biex jaħdmu flimkien sabiex tiġi faċilitata l-parteċipazzjoni tal-SMEs fil-kummerċ u l-investiment trans-Atlantiċi, pereżempju permezz ta' "punt uniku ta' servizz" komuni għall-SMEs bil-partijiet interessati fil-qasam tal-SMEs jiżvolġu rwol ewlieni fl-istabbiliment tiegħu, li kieku jkun jipprovdi l-informazzjoni speċifika li jeħtieġu biex jesportaw lejn, jimportaw minn u jinvestu fl-Istati Uniti, inkluż dwar dazji doganali, taxxi, regolamenti, proċeduri doganali u opportunitajiet tas-suq;
   (xiii) li tiżgura li t-TTIP tinkludi kapitolu komprensiv dwar l-investiment li jinkludi dispożizzjonijiet kemm dwar l-aċċess għas-suq kif ukoll dwar il-protezzjoni tal-investiment, filwaqt li tirrikonoxxi li l-aċċess għall-kapital jista' jistimula l-impjiegi u t-tkabbir; il-kapitolu dwar l-investiment għandu jkollu l-għan li jiżgura trattament nondiskriminatorju għall-kumpaniji mill-Ewropa u mill-Istati Uniti li jkunu jridu jistabbilixxu ruħhom fit-territorji ta' xulxin, waqt li titqies in-natura sensittiva ta' xi setturi speċifiċi; dawn għandhom ifittxu li jsaħħu l-Ewropa bħala destinazzjoni għall-investiment, iżidu l-fiduċja għall-investiment mill-UE fl-Istati Uniti u jindirizzaw ukoll l-obbligi u r-responsabbiltajiet tal-investituri billi jirreferu, inter alia, għall-prinċipji tal-OECD għall-impriżi multinazzjonali u l-prinċipji tan-NU dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem bħala l-parametri referenzjarji;
   (xiv) li tiżgura li d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-investiment ikunu limitati għad-dispożizzjonijiet ta' wara l-istabbiliment u jiffukaw fuq it-trattament nazzjonali, l-aktar nazzjon favorit, it-trattament ġust u ekwu u l-protezzjoni kontra l-esproprjazzjoni diretta u indiretta, inkluż id-dritt għal kumpens fil-pront, adegwat u effikaċi; l-istandards ta' protezzjoni u d-definizzjonijiet ta' investitur u ta' investiment għandhom jitfasslu b'mod ġuridiku preċiż biex jipproteġu d-dritt għal regolamentazzjoni fl-interess pubbliku, jiċċaraw it-tifsira ta' esproprjazzjoni indiretta u jipprevjenu t-talbiet bla bażi u frivoli; it-trasferiment liberu tal-kapital għandu jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tat-trattati tal-UE u għandu jinkludi konċessjoni prudenzjali mhux limitata biż-żmien fil-każ ta' kriżijiet finanzjarji;
   (xv) li tiżgura li l-investituri barranin jiġu trattati b'mod nondiskriminatorju, filwaqt li ma jibbenefikawx minn aktar drittijiet mill-investituri domestiċi, u tissostitwixxi s-sistema ISDS b'sistema ġdidagħar-riżoluzzjoni ta' tilwim bejn investituri u stati, li tkun soġġetta għall-prinċipji u l-iskrutinju demokratiċi, fejn il-każijiet potenzjali jiġu trattati b'mod trasparenti minn imħallfin professjonali indipendenti maħtura pubblikament f'seduti pubbliċi u li tkun tinkludi mekkaniżmu ta' appell, fejn il-konsistenza tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji tkun żguratal-ġurisdizzjoni tal-qrati tal-UE u tal-Istati Membri tiġi rispettata u fejn l-interessi privati ma jkunux jistgħu jdgħajfu l-objettivi tal-politika pubblika;
   (xvi) li tiżgura li t-TTIP tinkludi kapitolu ambizzjuż, bilanċjat u modern dwar oqsma definiti b'mod preċiż tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, inklużi r-rikonoxximent u l-protezzjoni mtejba tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, u tirrifletti livell ta' protezzjoni ġust u effiċjenti, mingħajr ma tfixkel il-ħtieġa tal-UE li tirriforma s-sistema tagħha tad-drittijiet tal-awtur u filwaqt li tiżgura bilanċ ġust bejn id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali u l-interess pubbliku, b'mod partikolari l-ħtieġa li tippreżerva l-aċċess għal mediċini bi prezz raġonevoli billi tkompli tappoġġa l-flessibilitajiet tat-TRIPS;
   (xvii) li tqis li huwa importanti ħafna li l-UE u l-Istati Uniti jibqgħu impenjati u involuti fid-diskussjonijiet globali u multilaterali dwar l-armonizzazzjoni tal-privattivi permezz tal-entitajiet internazzjonali eżistenti, u għaldaqstant iwissi kontra t-tentattivi biex jiġu introdotti dispożizzjonijiet fir-rigward tad-dritt sostantiv dwar il-privattivi, b'mod partikolari b'rabta ma' kwistjonijiet relatati mal-ammissibilità għar-reġistrazzjoni ta' privattiva u l-perjodi ta' grazzja, fit-TTIP;
   (xviii) li tiżgura li l-kapitolu dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali ma jinkludix dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà ta' intermedjarji fuq l-internet jew dwar sanzjonijiet kriminali bħala għodda għall-infurzar, billi dawn ġew miċħuda preċedentement mill-Parlament, inkluż it-trattat propost tal-ACTA;
   (xix) li tiżgura rikonoxximent sħiħ u protezzjoni ġuridika b'saħħitha tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-UE u miżuri li jindirizzaw l-użu mhux xieraq u informazzjoni u prattiċi qarrieqa; li tiggarantixxi t-tikkettar, it-traċċabbiltà u l-oriġini ġenwina ta' dawn il-prodotti għall-konsumaturi u l-protezzjoni tal-għarfien tal-produtturi bħala parti essenzjali minn ftehim ibbilanċjat;
   (e) rigward it-trasparenza, l-involviment tas-soċjetà ċivili, il-komunikazzjoni fil-livell pubbliku u dak politiku:
   (i) li tissokta fl-isforzi li għaddejjin biex tiżdied it-trasparenza fin-negozjati billi tagħmel aktar proposti ta' negozjati disponibbli għall-pubbliku ġenerali, li timplimenta r-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman Ewropew, b'mod partikolari fir-rigward tar-regoli dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti;
   (ii) li tittraduċi dawn l-isforzi għal trasparenza f'riżultati prattiċi sinifikanti, inter alia billi tilħaq arranġamenti man-naħa tal-Istati Uniti biex tittejjeb it-trasparenza, inkluż l-aċċess għad-dokumenti kollha tan-negozjati għall-Membri tal-Parlament Ewropew, inklużi t-testi konsolidati, filwaqt li fl-istess ħin tinżamm il-kunfidenzjalità xierqa, sabiex il-Membri tal-Parlament u l-Istati Membri jkunu jistgħu jiżviluppaw diskussjonijiet kostruttivi mal-partijiet interessati u l-pubbliku; li tiżgura li ż-żewġ partijiet fin-negozjati għandhom jiġġustifikaw kull rifjut li jiżvelaw proposta ta' negozjar;
   (iii) li tippromwovi involviment dejjem eqreb mal-Istati Membri, li kienu responsabbli għall-mandat ta' negozjar li wassal biex il-Kummissjoni Ewropea tiftaħ negozjati mal-Istati Uniti, bl-għan li jitrawwem l-involviment attiv tagħhom fit-titjib tal-komunikazzjoni tal-kamp ta' applikazzjoni u l-benefiċċji possibbli tal-ftehim għaċ-ċittadini Ewropej, skont l-impenn li ttieħed fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fl-20 ta' Marzu 2015, sabiex jiġi żgurat dibattitu pubbliku wiesa' u bbażat fuq il-fatti dwar it-TTIP fl-Ewropa bl-għan li jiġi esplorat it-tħassib ġenwin madwar il-ftehim;
   (iv) li ssaħħaħ l-involviment kontinwu u trasparenti tagħha ma' firxa wiesgħa ta' partijiet interessati matul il-proċess tan-negozjati; jinkoraġġixxi lill-partijiet interessati kollha jipparteċipaw b'mod attiv u jressqu inizjattivi u informazzjoni rilevanti għan-negozjati;
   (v) li tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jinvolvu lill-parlamenti nazzjonali b'konformità mal-obbligi kostituzzjonali rispettivi tagħhom, li tipprovdi l-appoġġ kollu meħtieġ għall-Istati Membri biex iwettqu dan il-kompitu u li ssaħħaħ l-komunikazzjoni lill-parlamenti nazzjonali, bil-għan li l-parlamenti nazzjonali jinżammu infurmati b'mod adegwat dwar in-negozjati li għaddejjin;
   (vi) li tibni fuq l-involviment mill-qrib mal-Parlament u tfittex djalogu strutturat u saħansitra eqreb, li se jkompli jissorvelja mill-qrib il-proċess ta' negozjati u se jinvolvi ruħu flimkien mal-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-Kungress u l-Amministrazzjoni tal-Istati Uniti, kif ukoll mal-partijiet interessati fuq iż-żewġ naħat tal-Atlantiku sabiex jiżgura eżitu li jkun ta' benefiċċju għaċ-ċittadini fl-UE, fl-Istati Uniti u lil hinn minnhom;
   (vii) li tiżgura li t-TTIP u l-implimentazzjoni futura tagħha jkunu akkumpanjati minn approfondiment tal-kooperazzjoni parlamentari trans-Atlantika, fuq il-bażi u bl-użu tal-esperjenza tad-Djalogu Trans-Atlantiku tal-Leġiżlaturi, biex fil-futur ikun hemm qafas politiku usa' u mtejjeb sabiex jiġu żviluppati approċċi komuni, tissaħħaħ is-sħubija strateġika u titjieb il-kooperazzjoni globali bejn l-UE u l-Istati Uniti;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni li tinkludi r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni u, għall-informazzjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri, u lill-Amministrazzjoni u l-Kungress tal-Istati Uniti.

(1) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-11103-2013-DCL-1/mt/pdf
(2) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_Data/docs/pressdata/en/ec/141920.pdf
(3) http://www.consilium.europa.eu/uedocs/cms_data/docs/pressdata/EN/foraff/145906.pdf
(4) http://europa.eu/rapid/press-release_STATEMENT-14-1820_en.htm
(5) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-79-2014-INIT/mt/pdf
(6) http://ec.europa.eu/priorities/docs/pg_mt.pdf
(7) http://ec.europa.eu/news/2014/docs/c_2014_9052_en.pdf
(8) http://europa.eu/rapid/press-release_IP-14-2341_en.htm
(9)http://ec.europa.eu/dgs/health_consumer/information_sources/docs/from_farm_to_fork_2004_en.pdf
(10) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/january/tradoc_153022.pdf
(11) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/january/tradoc_153023.pdf
(12) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/january/tradoc_153024.pdf
(13) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/january/tradoc_153025.pdf
(14) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/january/tradoc_153026.pdf
(15) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/january/tradoc_153027.pdf
(16) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/january/tradoc_153028.pdf
(17) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/january/tradoc_153029.pdf
(18) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/january/tradoc_153030.pdf
(19) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/january/tradoc_153031.pdf
(20) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/january/tradoc_153032.pdf
(21) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/february/tradoc_153120.pdf
(22) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2014/may/tradoc_152512.pdf
(23) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/march/tradoc_153259.pdf
(24) ĠU C 68E, 7.3.2014, p. 53.
(25) Testi adottati, P7_TA(2013)0227.
(26) Testi adottati, P8_TA(2015)0009.
(27) Testi adottati, P7_TA(2014)0230.


Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (protokoll sabiex jittieħed kont tal-adeżjoni tal-Kroazja) ***
PDF 249kWORD 62k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, tal-Protokoll mal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra, sabiex jittieħed kont tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (05548/2014 – C8-0127/2014 – 2013/0386(NLE))
P8_TA(2015)0253A8-0188/2015

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (05548/2014),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Protokoll mal-Ftehim ta’ Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa u l-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja, min-naħa l-oħra, sabiex jittieħed kont tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (05547/2014),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 217 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(i) u l-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0127/2014),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0188/2015),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-ex Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja.


Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni mas-Serbja (protokoll sabiex jittieħed kont tal-adeżjoni tal-Kroazja) ***
PDF 249kWORD 62k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, tal-Protokoll tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra, sabiex jittieħed kont tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (06682/2014 – C8-0098/2014 – 2014/0039(NLE))
P8_TA(2015)0254A8-0189/2015

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (06682/2014),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Protokoll tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tas-Serbja, min-naħa l-oħra, sabiex jittieħed kont tal-adeżjoni tar-Repubblika tal-Kroazja mal-Unjoni Ewropea (06681/2014),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 217 u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(i) u l-Artikolu 218(8), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0098/2014),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0189/2015),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tas-Serbja.


Kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika mal-Indja: tiġdid tal-ftehim ***
PDF 250kWORD 61k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tiġdid tal-Ftehim għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja (05872/2015 – C8-0074/2015 – 2014/0293(NLE))
P8_TA(2015)0255A8-0179/2015

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar it-tiġdid tal-Ftehim għall-kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja (05872/2015),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/648/KE tal-25 ta’ Ġunju 2002 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta' kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn il-Komunità Ewropea u l-Gvern tar-Repubblika tal-Indja(1),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 186 u l-Artikolu 218(6), it-tieni paragrafu, punt (a)(v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8–0074/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2), l-Artikolu 108(7) u l-Artikolu 50(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0179/2015),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għat-tiġdid tal-Ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Indja.

(1) ĠU L 213, 9.8.2002, p. 29.


Kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika ma-Gżejjer Faeroe: Orizzont 2020 ***
PDF 249kWORD 61k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni ta' Ftehim ta' koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Faeroe li jassoċja lill-Gżejjer Faeroe ma' Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (05660/2015 – C8-0057/2015 – 2014/0228(NLE))
P8_TA(2015)0256A8-0180/2015

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (05660/2015),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim għal koperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Gżejjer Faeroe li jassoċja lill-Gżejjer Faeroe ma’ Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) (14014/2014),

–  wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 79(186), l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), u l-Artikolu 218(8), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta l-Unjoni Ewropea (C8-0057/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2), l-Artikolu 108(7) u l-Artikolu 50(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0180/2015),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tal-Gżejjer Faeroe.


Involviment fit-tul tal-azzjonisti u d-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva ***I
PDF 874kWORD 258k
Test
Test konsolidat
Emendi adottati fil-Parlament Ewropew fit-8 ta' Lulju 2015 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2007/36/KE rigward l-inkoraġġiment ta' involviment fit-tul tal-azzjonisti u d-Direttiva 2013/34/UE rigward ċerti elementi tad-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva (COM(2014)0213 – C7-0147/2014 – 2014/0121(COD))(1)
P8_TA(2015)0257A8-0158/2015

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

[Emenda 1, sakemm mhux indikat mod ieħor]

EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW(2)
P8_TA(2015)0257A8-0158/2015
għall-proposta tal-Kummissjoni
P8_TA(2015)0257A8-0158/2015
---------------------------------------------------------
P8_TA(2015)0257A8-0158/2015

DIRETTIVA (UE) 2015/...
TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2007/36/KE rigward l-inkoraġġiment ta' involviment fit-tul tal-azzjonisti , u d-Direttiva 2013/34/UE rigward ċerti elementi tad-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva u d-Direttiva 2004/109/KE

(Test b'relevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 50 u 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-Parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(3),

Wara li kkonsultaw lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,

Billi:

(1)  Id-Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4) tistabbilixxi r-rekwiżiti fir-rigward tal-eżerċizzju ta' ċerti drittijiet tal-azzjonisti marbuta ma' ishma ta' votazzjoni fir-rigward tal-laqgħat ġenerali ta' kumpaniji li jkollhom l-uffiċċju reġistrat tagħhom fi Stat Membru u li l-ishma tagħhom ikunu ammessi għall-kummerċ f'suq regolat li jinsab jew li jopera fi Stat Membru.

(2)  Minkejja li ma jkunux is-sidien tal-korporazzjonijiet, li huma entitajiet ġuridiċi separati lil hinn mill-kontroll sħiħ tagħhom, l-azzjonisti jiżvolġu rwol rilevanti fil-governanza ta' dawk il-korporazzjonijiet. Il-kriżi finanzjarja wriet li f'ħafna każijiet, l-azzjonisti appoġġaw it-teħid eċċessiv ta' riskji fuq żmien qasir mill-maniġers. Barra minn hekk, ▌il-livell attwali ta' "monitoraġġ" u involviment fil-kumpaniji li fihom isir investiment mill-investituri istituzzjonali u mill-maniġers tal-assi ta' spiss ma jkunx adegwat u jkun wisq iffokat fuq reditti fuq żmien qasir, u dan iwassal għal governanza korporattiva u prestazzjoni subottimali tal-kumpaniji kkwotati.

(2a)  Involviment ikbar min-naħa tal-azzjonisti fil-governanza korporattiva tal-kumpaniji huwa waħda mill-lievi li jistgħu jikkontribwixxu għal titjib fil-prestazzjoni finanzjarja u dik mhux finanzjarja ta' dawn il-kumpaniji. Madankollu, peress li d-drittijiet tal-azzjonisti mhumiex l-uniku fattur fuq żmien twil li hemm bżonn jiġi kkunsidrat fil-governanza korporattiva , għandhom ikunu akkumpanjati minn miżuri addizzjonali biex jiġi żgurat involviment ikbar mill-partijiet interessati kollha, b'mod partikolari l-impjegati, l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili.

(3)  Fil-Pjan ta' Azzjoni dwar id-dritt soċjetarju Ewropew u l-governanza korporattiva, il-Kummissjoni ħabbret għadd ta' azzjonijiet fil-qasam tal-governanza korporattiva, b'mod partikolari sabiex tħeġġeġ l-involviment fit-tul tal-azzjonisti u biex ittejjeb it-trasparenza bejn il-kumpaniji u l-investituri.

(4)  Sabiex jiġi ffaċilitat aktar l-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti u l-involviment bejn il-kumpaniji elenkati u l-azzjonisti, il-kumpaniji elenkati għandu jkollhom id-dritt li jidentifikaw lill-azzjonisti tagħhom u li jikkomunikaw direttament magħhom. Għalhekk, sabiex jittejbu t-trasparenza u d-djalogu, din id-Direttiva għandha tipprevedi qafas li jiżgura li l-azzjonisti jistgħu jiġu identifikati. [Em. 29]

(5)  L-eżerċitar effettiv tad-drittijiet tagħhom mill-azzjonisti jiddependi ħafna fuq l-effiċjenza tal-katina tal-intermedjarji li jżommu l-kontijiet tat-titoli għall-azzjonisti, speċjalment f'kuntest transkonfinali. Din id-Direttiva għandha l-għan li ttejjeb it-trażmissjoni ta' informazzjoni mill-intermedjarji tul il-katina ta' parteċipazzjoni fil-kapital biex jiġi ffaċiltat l-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti.

(6)  Fid-dawl tar-rwol importanti tal-intermedjarji, għandhom ikunu obbligati jiffaċilitaw l-eżerċitar tad-drittijiet mill-azzjonisti ▌meta l-azzjonisti jkunu jixtiequ jeżerċitaw dawn id-drittijiet huma stess jew meta jkunu jixtiequ jinnominaw lil persuna terza biex tagħmel dan. Meta l-azzjonisti ma jkunux iridu jeżerċitaw id-drittijiet huma stess u jkunu nnominaw lill-intermedjarju bħala terza persuna, dan tal-aħħar għandu jkun obbligat li jeżerċita dawn id-drittijiet fuq l-awtorizzazzjoni u l-istruzzjoni espliċiti tal-azzjonisti u għall-benefiċċju tagħhom.

(7)  Sabiex jiġi promoss l-investiment fil-kapital madwar l-Unjoni u l-eżerċitar tad-drittijiet relatati mal-ishma, din id-Direttiva għandha tistabbilixxi grad għoli ta' trasparenza fir-rigward ta' kemm jiswew is-servizzi fornuti mill-intermedjarji. Saiex tipprevjeni d-diskriminazzjoni fil-prezzijiet tal-parteċipazzjoni f'ishma transkonfinali meta mqabbla ma' parteċipazzjoni f'ishma purament domestiċi, kwalunkwe differenza fil-ħlasijiet imposti bejn l-eżerċizzju domestiku u transkonfinali tad-drittijiet għandha tiġi ġġustifikata kif dovut u għandha tirrifletti l-varjazzjoni fl-ispejjeż reali mġarrba għall-forniment tas-servizzi pprovduti mill-intermedjarji. L-intermedjarji f'pajjiżi terzi li jkunu waqqfu fergħa fl-Unjoni għandhom ikunu soġġetti għar-regoli dwar l-identifikazzjoni tal-azzjonisti, it-trażmissjoni ta' informazzjoni, il-faċilitazzjoni tad-drittijiet tal-azzjonisti u t-trasparenza tal-ispejjeż biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet dwar l-ishma miżmuma permezz ta' intermedjarji ta' dan it-tip;

(8)  L-involviment effettiv u sostenibbli tal-azzjonisti huwa element rilevanti tal-mudell ta' governanza korporattiva tal-kumpaniji kkwotati, li jiddependi fuq is-sistema ta' kontrolli u bilanċi bejn l-organi u l-partijiet interessati differenti. L-involviment xieraq tal-partijiet interessati, b'mod partikolari tal-impjegati, għandu jiġi kkunsidrat bħala element tal-ogħla importanza fl-iżvilupp ta' qafas Ewropew ibbilanċjat fir-rigward tal-governanza korporattiva.

(9)  Investituri istituzzjonali u maniġers tal-assi ta' spiss ikunu azzjonisti importanti tal-kumpaniji kkwotati fl-Unjoni u għalhekk jistgħu jiżvolġu rwol sinifikanti fil-governanza korporattiva ta' dawn il-kumpaniji, iżda wkoll b'mod aktar ġenerali fir-rigward tal-istrateġija u l-prestazzjoni fuq żmien twil ta' dawn il-kumpaniji. Madankollu, l-esperjenza tal-aħħar snin uriet li ħafna drabi l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi ma jinvolvux ruħhom b'mod xieraq mal-kumpaniji li fihom ikollhom ishma u ▌s-swieq kapitali spiss jagħmlu pressjoni fuq il-kumpaniji biex jagħtu riżultati fuq żmien qasir, li jipperikola l-prestazzjoni finanzjarja u dik mhux finanzjarja tal-kumpaniji fuq żmien twil u jwassal, fost diversi konsegwenzi negattivi oħra, għal livell subottimali ta' investimenti, pereżempju fir-riċerka u l-iżvilupp għad-detriment tal-prestazzjoni fuq żmien twil ▌tal-kumpaniji ▌.

(10)  Ħafna drabi, l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi ma jkunux trasparenti dwar l-istrateġiji ta' investiment u l-politika ta' involviment tagħhom ▌, l-implimentazzjoni u r-riżultati tagħhom. L-iżvelar pubbliku ta' din l-informazzjoni kieku jkollu impatt pożittiv fuq l-għarfien tal-investituri, jippermetti li l-benefiċjarji aħħarin bħall-pensjonanti futuri jottimizzaw id-deċiżjonijiet ta' investiment tagħhom, jiffaċilita d-djalogu bejn il-kumpaniji u l-azzjonisti tagħhom, itejjeb l-involviment tal-azzjonisti u jsaħħaħ ir-responsabiltà tal-kumpaniji fir-rigward tal-partijiet interessati u s-soċjetà ċivili.

(11)  Għalhekk, l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi għandhom jiżviluppaw politika dwar l-involviment tal-azzjonisti, li tiddetermina, fost l-oħrajn, kif jintegraw l-involviment tal-azzjonisti fl-istrateġija ta' investiment tagħhom, kif jimmonitorjaw il-kumpaniji li fihom jinvestu, inklużi r-riskji ambjentali u soċjali, imexxu djalogi mal-kumpaniji li fihom jinvestu u mal-partijiet interessati tagħhom u jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot. Politika dwar l-involviment ta' dan it-tip għandha tinkludi politiki biex jiġu ġestiti l-kunflitti ta' interessi reali jew potenzjali, bħall-provvista ta' servizzi finanzjarji mill-investitur istituzzjonali jew il-maniġer tal-assi, jew il-kumpaniji affiljati magħhom, lill-entità li fiha jsir investiment Din il-politika, l-implimentazzjoni tagħha u r-riżultati ta' dawn għandhom jiġu żvelati pubblikament u jintbagħtu lill-klijenti tal-investituri istituzzjonali kull sena. Meta l-investituri istituzzjonali jew il-maniġers tal-assi jiddeċiedu li ma jiżviluppawx politika ta' involviment u/jew jiddeċiedu li ma jiżvelawx l-implimentazzjoni u r-riżultati tagħha huma għandhom jagħtu spjegazzjoni ċara u motivata għalfejn dan huwa l-każ.

(12)  Kull sena l-investituri istituzzjonali għandhom jiżvelaw pubblikament kif l-istrateġija ta' investiment tagħhom ▌hija allinjata mal-profil u t-tul tal-obbligazzjonijiet tagħhom u kif tikkontribwixxi għall-prestazzjoni tal-assi tagħhom fuq żmien medju sa żmien twil. Meta jagħmlu użu minn maniġers tal-assi, jew permezz ta' mandati diskrezzjonali li jinvolvu l-ġestjoni tal-assi fuq bażi individwali jew permezz ta' fondi raggruppati, għandhom jiżvelaw pubblikament l-elementi ewlenin tal-arranġament mal-maniġer tal-assi fir-rigward ta' għadd ta' kwistjonijiet, bħal jekk jinċentivawx lill-maniġer tal-assi biex jallinja l-istrateġija u d-deċiżjonijiet ta' investiment tiegħu mal-profil u t-tul tal-obbligazzjonijiet tal-investitur istituzzjonali, jekk jinċentivawx lill-maniġer tal-assi biex jieħu deċiżjonijiet ta' investiment abbażi ta' prestazzjoni tal-kumpanija fuq żmien medju sa żmien twil u biex jinvolvi ruħu mal-kumpaniji, kif jivvalutaw il-prestazzjoni tal-maniġers tal-assi, l-istruttura tal-korrispettiv għas-servizzi ta' ġestjoni tal-assi u l-fatturat tal-portafoll fil-mira. Dan kieku jikkontribwixxi għal allinjament xieraq tal-interessi bejn il-benefiċjarji finali tal-investituri istituzzjonali, il-maniġers tal-assi u l-kumpaniji li fihom isir investiment u potenzjalment għall-iżvilupp ta' strateġiji ta' investiment fuq żmien itwal u relazzjonijiet fuq żmien itwal mal-kumpaniji li fihom isir investiment li jinvolvu l-involviment tal-azzjonisti.

(13)  Il-maniġers tal-assi għandhom ikunu rikjesti jiżvelaw pubblikament kif ▌ l-istrateġija ta' investiment tagħhom u l-implimentazzjoni tagħha huma konformi mal-arranġament tal-ġestjoni tal-assi u kif l-istrateġija u d-deċiżjonijiet ta' investiment jikkontribwixxu għall-prestazzjoni fuq żmien medju sa żmien twil tal-assi tal-investitur istituzzjonali. Barra minn hekk, il-maniġer tal-assi għandhom jiżvelaw pubblikament il-fatturat tal-portafoll, jekk jagħmlux deċiżjonijiet ta' investiment abbażi ta' ġudizzji dwar il-prestazzjoni fuq żmien medju sa żmien twil tal-kumpanija li fiha jsir investiment, ▌u jekk huma jużawx konsulenti bi prokura għall-finijiet tal-attivitajiet ta' involviment tiegħu. Għandha tiġi żvelata informazzjoni ulterjuri mill-maniġers tal-assi direttament lill-investituri istituzzjonali, inkluża informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-portafoll, dwar l-ispejjeż tal-fatturat tal-portafoll, dwar il-kunflitti ta' interess li jkunu rriżultaw u dwar kif ġew indirizzati. Din l-informazzjoni tippermetti lil investituri istituzzjonali sabiex jimmonitorjaw aħjar il-maniġer tal-assi u tipprovdi inċentivi għal allinjament xieraq tal-interessi u għall-involviment tal-azzjonisti.

(14)  Sabiex itejbu l-informazzjoni fil-katina ta' investiment fil-kapital, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsulenti bi prokura jadottaw u jimplimentaw miżuri adegwati biex jiżguraw sa fejn jistgħu li r-rakkomandazzjonijiet tagħhom rigward il-votazzjoni jkunu preċiżi u kredibbli, abbażi ta' analiżi bir-reqqa tal-informazzjoni kollha disponibbli għalihom u li ma jkunux affettwati minn xi kunflitt ta' interess eżistenti jew potenzjali jew relazzjoni ta' negozju. Il-konsulenti bi prokura għandhom jadottaw u jsegwu kodiċi ta' kondotta. Devjazzjonijiet mill-kodiċi għandhom jiġu ddikjarati u spjegati, flimkien ma' kwalunkwe soluzzjoni alternattiva li tkun ġiet adottata. Il-konsulenti bi prokura għandhom jirrapportaw dwar l-applikazzjoni tal-kodiċi ta' kondotta tagħhom kull sena. Għandhom jiżvelaw ċerta informazzjoni importanti relatata mat-tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet tagħhom rigward il-votazzjoni u kwalunkwe kunflitt ta' interessi reali jew potenzjali jew relazzjonijiet ta' negozju li jistgħu jinfluwenzaw it-tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet rigward il-votazzjoni.

(15)  Peress li r-remunerazzjoni hija waħda mill-istrumenti fundamentali għall-kumpaniji biex jallinjaw l-interessi tagħhom ma' dawk tad-diretturi tagħhom u fid-dawl tar-rwol kruċjali tad-diretturi fil-kumpaniji, huwa importanti li l-politika ta' remunerazzjoni tal-kumpaniji tiġi stabbilita b'mod xieraq mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar ir-remunerazzjoni tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(5) u waqt li jitqiesu d-differenzi fl-istrutturi tal-bordijiet applikati mill-kumpaniji fl-Istati Membri differenti. Il-prestazzjoni tad-diretturi għandha tiġi vvalutata kemm permezz ta' kriterji dwar il-prestazzjoni finanzjarja u kemm permezz ta' kriterji dwar il-prestazzjoni mhux finanzjarja, inklużi fatturi ambjentali, soċjali u ta' governanza.

(15a)  Il-politika ta' remunerazzjoni għad-diretturi tal-kumpaniji għandha tikkontribwixxi wkoll għat-tkabbir fuq żmien twil tal-kumpanija sabiex tiġi tikkorrispondi għal prattika aktar effettiva ta' governanza korporattiva u ma tkunx marbuta għal kollox jew fil-biċċa l-kbira mal-objettivi ta' investiment fuq żmien qasir.

(16)  Sabiex jiġi żgurat li l-azzjonisti jkollhom vuċi effettiva dwar il-politika ta’ remunerazzjoni, għandhom jingħataw id-dritt li jivvutaw dwar il-politika ta’ remunerazzjoni, abbażi ta’ ħarsa ġenerali ċara, li tinftiehem u komprensiva tal-politika ta’ remunerazzjoni tal-kumpanija, li għandha tkun allinjata mal-istrateġija kummerċjali, l-għanijiet, il-valuri u l-interessi fit-tul tal-kumpanija u għandhom jinkorporaw miżuri biex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess. Il-kumpaniji għandhom iħallsu biss remunerazzjoni lid-diretturi tagħhom skont politika ta’ remunerazzjoni li tkun saret votazzjoni dwarha mill-azzjonisti. Il-politika ta’ remunerazzjoni li tkun saret votazzjoni dwarha għandha tiġi żvelata pubblikament mingħajr dewmien. [Em. 30]

(17)  Biex jiġi żgurat li l-implimentazzjoni tal-politika ta’ remunerazzjoni tkun konformi mal-politika approvata, l-azzjonisti għandhom jingħataw id-dritt li jivvutaw b'mod konsultattiv fuq ir-rapport ta’ remunerazzjoni tal-kumpanija. Sabiex tiġi żgurata r-responsabbiltà tad-diretturi, ir-rapport ta’ remunerazzjoni għandu jkun ċar u jinftiehem u għandu jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva tar-remunerazzjoni li ngħatat lil diretturi individwali fl-aħħar sena finanzjarja. Fejn l-azzjonisti jivvotaw kontra r-rapport ta' remunerazzjoni, il-kumpanija għandha, fejn ikun meħtieġ, tidħol fi djalogu mal-azzjonisti sabiex tidentifika r-raġunijiet għar-rifjut. Il-kumpanija għandha tispjega fir-rapport ta' remunerazzjoni li jmiss kif il-vot tal-azzjonisti jkun ġie kkunsidrat. [Em. 31]

(17a)  Iż-żieda fit-trasparenza fir-rigward tal-attivitajiet ta' kumpaniji kbar, u b'mod partikolari fir-rigward tal-profitti li jkunu għamlu, it-taxxi fuq il-profitti li ħallsu u s-sussidji li rċievew, hija essenzjali biex tiġi żgurata l-fiduċja u jiġi ffaċilitat l-involviment tal-azzjonisti u ċ-ċittadini l-oħra tal-UE fil-kumpaniji. Ir-rapportar obbligatorju f'dan il-qasam jista' għalhekk jitqies bħala element importanti tal-responsabbiltà korporattiva tal-kumpaniji fir-rigward tal-azzjonisti u s-soċjetà.

(18)  Sabiex il-partijiet interessati, l-azzjonisti u s-soċjetà ċivili jkollhom aċċess faċli għall-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-governanza korporattiva, ir-rapport ta' remunerazzjoni għandu jkun parti mid-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva li l-kumpaniji kkwotati għandhom jippubblikaw skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013(6).

(18a)  Jeħtieġ issir distinzjoni bejn il-proċeduri li permezz tagħhom tiġi stabbilita r-remunerazzjoni tad-diretturi u s-sistemi li bihom jiġu ddeterminati l-pagi tal-impjegati. Konsegwentement, id-dispożizzjonijiet dwar ir-remunerazzjoni għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-eżerċitar sħiħ tad-drittijiet fundamentali garantit mill-Artikolu 153(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-prinċipji ġenerali tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-kuntratti u x-xogħol, u d-drittijiet, fejn japplika, tal-imsieħba soċjali li jikkonkludu u jinfurzaw ftehimiet kollettivi skont il-liġi u l-użanzi nazzjonali.

(18b)  Id-dispożizzjonijiet dwar ir-remunerazzjoni għandhom ukoll, fejn applikabbli, ikunu mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet dwar ir-rappreżentanza tal-impjegati fil-korp amministrattiv, maniġerjali jew superviżorju kif previst fil-leġiżlazzjoni nazzjonali.

(19)  Tranżazzjonijiet ma' partijiet relatati jistgħu jikkawżaw preġudizzju lill-kumpaniji ▌, peress li jistgħu jagħtu lill-parti relatata l-opportunità għal valur xieraq li jappartjeni lill-kumpanija. Għalhekk, huwa importanti li jkun hemm salvagwardji adegwati għall-protezzjoni tal-interessi tal-kumpaniji. Għal din ir-raġuni, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-tranżazzjonijiet materjali ma' partijiet relatati ▌jkunu approvati mill-azzjonisti jew mill-korp amministrattiv jew superviżorju tal-kumpaniji, skont proċeduri li ma jħallux parti relatata tieħu vantaġġ mill-pożizzjoni tagħha u jipprovdu protezzjoni adegwata għall-interessi tal-azzjonisti li mhumiex partijiet relatati, inklużi l-azzjonisti minoritarji. Għal tranżazzjonijiet materjali ma' partijiet relatati ▌l-kumpaniji għandhom iħabbru pubblikament dawn it-tranżazzjonijiet mhux aktar tard minn meta tiġi konkluża t-tranżazzjoni, u jakkumpanjaw it-tħabbira b'rapport ▌li jevalwa jekk it-tranżazzjoni hijiex fuq termini tas-suq u li jikkonferma li t-tranżazzjoni hija ġusta u raġonevoli mill-perspettiva tal-kumpanija, inklużi l-azzjonisti minoritarji. L-Istati Membri għandhom jitħallew jeskludu tranżazzjonijiet annotati bejn il-kumpaniji u impriżi konġunti u membru jew membri tal-grupp tagħha, sakemm dawk il-membri tal-grupp jew l-impriżi konġunti jkunu proprjetà sħiħa tal-kumpanija u sakemm ebda parti relatata oħra tal-kumpanija ma jkollha interess fil-membri jew fl-impriżi konġunti, kif ukoll tranżazzjonijiet annotati fil-perkors normali tan-negozju u konklużi fuq it-termini normali tas-suq.

(20)  Fid-dawl tad-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995(7) huwa meħtieġ li jintlaħaq bilanċ bejn il-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti u d-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tad-dejta personali. L-informazzjoni ta' identifikazzjoni dwar l-azzjonisti għandha tkun limitata għall-isem u d-dettalji ta' kuntatt, inkluż l-indirizz sħiħ, in-numru tat-telefon u, jekk ikun rilevanti, l-indirizz tal-posta elettronika tal-azzjonisti korrispondenti u l-għadd ta' ishma u d-drittijiet tal-vot li jkollhom dawn l-azzjonisti. Din l-informazzjoni għandha tkun preċiża u għandha tinżamm aġġornata, u l-intermedjarji kif ukoll il-kumpaniji għandhom jippermettu r-rettifika jew it-tħassir tad-dejta kollha li tkun inkorretta jew li ma tkunx sħiħa. Din l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni dwar l-azzjonisti ma għandhiex tintuża għal xi għan ieħor għajr il-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti, tal-involviment tal-azzjonisti u tad-djalogu bejn il-kumpanija u l-azzjonist.

(21)  Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tal-Artikoli dwar l-identifikazzjoni tal-azzjonisti, dwar it-trażmissjoni tal-informazzjoni, dwar il-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti u dwar ir-rapporti ta' remunerazzjoni, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 290 tat-TFUE fir-rigward tad-definizzjoni tar-rekwiżiti rigward it-trażmissjoni tal-informazzjoni dwar l-identità tal-azzjonisti, it-trażmissjoni tal-informazzjoni bejn il-kumpanija u l-azzjonisti, il-faċilitazzjoni mill-intermedjarju tal-eżerċitar tad-drittijiet min-naħa tal-azzjonisti u l-preżentazzjoni standardizzata tar-rapport ta' remunerazzjoni. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol preparatorju tagħha, anke fil-livell ta' esperti. Il-Kummissjoni, fit-tħejjija u t-tfassil ta' atti delegati, għandha tiżgura t-trażmissjoni simultanja, f'waqtha u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(22)  Sabiex jiġi żgurat li r-rekwiżiti stabbiliti f’din id-Direttiva jew il-miżuri li jimplimentaw din id-Direttiva jiġu applikati fil-prattika, kull ksur ta’ dawk ir-rekwiżiti għandu jkun soġġett għal penali. Għal dak il-għan, il-penali għandhom ikunu dissważivi u proporzjonati biżżejjed.

(23)  Peress li minħabba n-natura internazzjonali tas-suq tal-ekwità tal-Unjoni, l-għanijiet ta’ din id-Direttiva ma jistgħux jintlaħqu biżżejjed mill-Istati Membri u azzjoni mill-Istati Membri weħidhom x’aktarx li twassal għal settijiet differenti ta’ regoli, li jistgħu jimminaw jew joħolqu ostakli ġodda għat-tħaddim tas-suq intern, l-għanijiet jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju ta’ proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ sabiex dawk l-għanijiet jintlaħqu."

(24)  F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni tat-28 ta’ Settembru 2011 dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni(8), l-Istati Membri ntrabtu li, f’każijiet ġustifikati, jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’dokument wieħed jew aktar li jispjega r-relazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet korrispondenti ta’ strumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ tali dokumenti hija ġġustifikata,

ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:

Artikolu 1

Emendi għad-Direttiva 2007/36/KE

Id-Direttiva 2007/36/KE hija emendata kif ġej:

(1)  L-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)  Fil-paragrafu 1, tiżdied is-sentenza li ġejja:"

"Tistabbilixxi wkoll rekwiżiti speċifiċi sabiex jiġi ffaċilitat l-involviment tal-azzjonisti fit-tul, inklużi l-identifikazzjoni tal-azzjonisti, it-trażmissjoni tal-informazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti. Barra minn hekk, toħloq trasparenza dwar il-politiki ta' involviment tal-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi u dwar l-attivitajiet tal-konsulenti bi prokura u tistabbilixxi ċerti rekwiżiti fir-rigward tar-remunerazzjoni tad-diretturi u tranżazzjonijiet ta' partijiet relatati."

"

(aa)  Wara l-paragrafu 3 jiżdied il-paragrafu li ġej:"

“3a. L-impriżi msemmija fil-paragrafu 3 ma għandhom fl-ebda każ jiġu eżentati mid-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-Kapitolu Ib.”

"

(b)  Wara l-paragrafu 3a jiżdied il-paragrafu ▌li ġej:"

3b. Il-Kapitolu Ib japplika għal investituri istituzzjonali u għal maniġers tal-assi sakemm dawn jinvestu, direttament jew permezz ta’ impriża ta’ investiment kollettiv, f’isem l-investituri istituzzjonali, f’ishma. Japplika wkoll għall-konsulenti bi prokura.

"

(ba)  Wara l-paragrafu 3b jiżdied il-paragrafu li ġej: "

"3c. Id-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva huma mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fil-leġiżlazzjoni settorjali tal-UE li tirregola tipi speċifiċi ta' kumpaniji jew entitajiet ikkwotati. Id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni settorjali tal-UE għandhom jieħdu preċedenza fuq din id-Direttiva sa fejn ir-rekwiżiti previsti f'din id-Direttiva jikkontradixxu r-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni settorjali tal-UE. Fejn id-Direttiva tipprevedi regoli aktar speċifiċi jew iżżid rekwiżiti meta mqabbel mad-dispożizzjonijiet stabbiliti mil-leġiżlazzjoni settorjali tal-UE, dawk id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu applikati b'mod konġunt mad-dispożizzjonijiet ta' din id-Direttiva".

"

(2)  Fl-Artikolu 2, jiżdiedu l-punti minn (d) sa (jc) li ġejjin:"

“(d) "intermedjarju" tfisser persuna ġuridika li jkollha l-uffiċċju reġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post prinċipali tan-negozju tagħha fl-Unjoni Ewropea u żżomm kontijiet tat-titoli għall-klijenti;

   (da) "kumpanija kbira" tfisser kumpanija li tissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2013/34/UE;
   (db) "grupp kbir" tfisser grupp li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 3(7) tad-Direttiva 2013/34/UE;
   (e) "intermedjarju f’pajjiż terz" tfisser persuna ġuridika li jkollha l-uffiċċju reġistrat, l-amministrazzjoni ċentrali jew il-post prinċipali tan-negozju tagħha barra mill-Unjoni u żżomm kontijiet tat-titoli għall-klijenti;
   (f) "investitur istituzzjonali" tfisser impriża li twettaq attivitajiet tal-assigurazzjoni tal-ħajja skont it-tifsira tal-Artikolu 2(3)(a), (b) u (c), u attivitajiet ta’ riassigurazzjoni li jkopru obbligi ta’ assigurazzjoni tal-ħajja u mhux eskluża skont l-Artikoli 3, 4, 9, 10, 11 jew 12 tad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(9) u istituzzjoni li tipprovdi għall-provvista tal-irtirar okkupazzjonali li jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(10) skont l-Artikolu 2 tagħha, sakemm Stat Membru ma jkunx għażel li ma japplikax dik id-Direttiva fl-intier tagħha jew parzjalment għal dik l-istituzzjoni skont l-Artikolu 5 ta’ dik id-Direttiva;
   (g) "maniġer tal-assi" tfisser ditta ta’ investiment kif definita fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(11) li tipprovdi servizzi tal-ġestjoni tal-portafolli lill-investituri istituzzjonali, AIFM (maniġer ta’ fond ta’ investiment alternattiv) kif definit fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12) li ma jissodisfax il-kundizzjonijiet għal eżenzjoni skont l-Artikolu 3 ta’ dik id-Direttiva jew kumpanija maniġerjali kif definita fl-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(13); jew kumpanija ta’ investiment awtorizzata skont id-Direttiva 2009/65/KE, sakemm ma tkunx ħatret kumpanija maniġerjali awtorizzata skont dik id-Direttiva għall-amministrazzjoni tagħha;
   (h) "involviment tal-azzjonisti" tfisser il-monitoraġġ minn azzjonist waħdu jew flimkien ma’ azzjonisti oħrajn, tal-kumpaniji dwar kwistjonijiet rilevanti inklużi l-istrateġija, il-prestazzjoni finanzjarja u mhux finanzjarja, ir-riskji, l-istruttura kapitali, ir-riżorsi umani, l-impatt soċjali u ambjentali u l-governanza korporattiva, li jkollhom djalogu mal-kumpaniji u l-partijiet interessati tagħhom dwar dawn il-kwistjonijiet u li jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot u drittijiet oħra marbuta mal-ishma;
   (i) "konsulent bi prokura" tfisser persuna ġuridika li tipprovdi, fuq bażi professjonali, rakkomandazzjonijiet lill-azzjonisti dwar l-eżerċitar tad-drittijiet tal-vot tagħhom;
   (l) "Direttur" tfisser
   kull membru tal-korpi amministrattivi, maniġerjali jew ta’ sorveljanza ta’ kumpanija;
   il-kap eżekuttiv u d-deputati kapijiet eżekuttivi, meta mhumiex membri ta' korpi amministrattivi, maniġerjali jew superviżorji;
   (j) "parti relatata" għandha l-istess tifsira bħal fl-istandards internazzjonali tal-kontabbiltà adottati skont ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(14);
   (ja) "assi" tfisser il-valur totali tal-assi ppreżentat fuq il-karta tal-bilanċ ikkonsolidata tal-kumpanija ppreparata skont l-istandards internazzjonali tar-rappurtar finanzjarju;
   (jb) "parti interessata" tfisser kull individwu, grupp, organizzazzjoni jew komunità lokali affettwat jew affettwata jew li għandu jew għandha interess fl-operat u l-prestazzjoni ta' kumpanija;
   (jc) "informazzjoni dwar l-identità tal-azzjonisti" tfisser kwalunkwe informazzjoni li tippermetti li tiġi stabbilita l-identità ta' azzjonist, inklużi, tal-inqas:
   l-ismijiet tal-azzjonisti u d-dettalji tagħhom (inklużi l-indirizz sħiħ, in-numru tat-telefon u l-indirizz tal-email), u, meta ma jkunux persuni ġuridiċi, l-identifikatur uniku tagħhom jew, jekk dan ma jkunx disponibbli, dejta ta' identifikazzjoni oħra;
   l-għadd ta' ishma li għandhom u d-drittijiet tal-vot assoċjati ma' dawk l-ishma.

"

(2a)  Fl-Artikolu 2, jiżdied il-paragrafu li ġej:"

"L-Istati Membri jistgħu jinkludu fid-definizzjoni ta’ Direttur imsemmija fil-punt (l) tal-ewwel paragrafu, għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, individwi oħra li jkopru pożizzjonijiet simili."

"

(2b)  Wara l-Artikolu 2, jiddaħħal l-Artikolu li ġej:"

“Artikolu 2a

Protezzjoni tad-dejta

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe pproċessar ta’ dejta personali skont din id-Direttiva jsir skont il-liġijiet nazzjonali li jittrasponu d-Direttiva 95/46/KE.”

"

(3)  Wara l-Artikolu 3, jiddaħħlu l-Kapitoli Ia u 1b li ġejjin"

"KAPITOLU IA

L-identifikazzjoni tal-azzjonisti, It-trażmissjoni ta' informazzjoni u l-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti

Artikolu 3a

L-identifikazzjoni tal-azzjonisti

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jkollhom id-dritt li jidentifikaw l-azzjonisti tagħhom, filwaqt li jqisu s-sistemi nazzjonali eżistenti.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, wara talba tal-kumpanija, l-intermedjarju jikkomunika mingħajr dewmien żejjed lill-kumpanija l-informazzjoni dwar l-identità tal-azzjonisti. Meta jkun hemm aktar minn intermedjarju wieħed f’katina ta’ kumpaniji azzjonarji, it-talba tal-kumpanija għandha tiġi trażmessa bejn l-intermedjarji mingħajr dewmien żejjed. L-intermedjarju li jkollu l-informazzjoni rigward l-identità tal-azzjonisti għandu jitrażmettiha direttament lill-kumpanija.

L-Istati Membri jistgħu jiddisponu li d-depożitarji ċentrali tat-titoli (CSDs) ikunu l-imtermedjarji responsabbli għall-ġbir tal-informazzjoni dwar l-identità tal-azzjonisti u biex jipprovduha direttament lill-kumpanija.

3.  L-azzjonisti għandhom jiġu infurmati kif xieraq mill-intermedjarju tagħhom li l-informazzjoni rigward l-identità tagħhom tista' tiġi pproċessata f'konformità ma' dan l-artikolu u, meta jkun il-każ, li din l-informazzjoni tkun effettivament ġiet trażmessa lill-kumpanija. Din l-informazzjoni tista’ tintuża biss għall-fini tal-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonist, u tal-involviment u d-djalogu bejn il-kumpanija u l-azzjonisti dwar kwistjonijiet relatati mal-kumpanija. Il-kumpaniji għandhom fi kwalunkwe każ jitħallew jagħtu lil partijiet terzi stampa ġenerali tal-istruttura azzjonarja tal-kumpanija billi jiżvelaw il-kategoriji differenti ta' azzjonisti. Il-kumpanija u l-intermedjarju għandhom jiżguraw li l-persuni fiżiċi u ġuridiċi jkunu kapaċi jirrettifikaw jew iħassru kull dejta inkompleta jew mhux preċiża. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji u l-intermedjarji ma jaħżnux l-informazzjoni dwar l-identità tal-azzjonisti trażmessa lilhom f'konformità ma' dan l-Artikolu għal aktar żmien milli meħtieġ u, fi kwalunkwe każ, għal aktar minn 24 xahar wara li l-kumpanija jew l-intermedjarji jkunu saru jafu li l-persuna kkonċernata ma tkunx għadha azzjonist.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li intermedjarju li jirrapporta lill-kumpanija l-informazzjoni dwar l-identità tal-azzjonisti b'konformità mal-paragrafu 2 ma jitqiesx li qed jikser xi restrizzjoni fuq l-iżvelar ta’ informazzjoni imposta b’kuntratt jew b'kull dispożizzjoni leġiżlattiva, regolatorja jew amministrattiva.

5.  Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati f'konformità mal-Artikolu 14a biex tispeċifika r-rekwiżiti minimi għat-trażmissjoni tal-informazzjoni stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 fir-rigward tal-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa, il-format tat-talba, inklużi l-formati siguri li għandhom jintużaw, u t-trażmissjoni u l-iskadenzi li jridu jiġu osservati. [Em. 24]

Artikolu 3b

It-trażmissjoni ta’ informazzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jekk kumpanija ▌ma tikkomunikax direttament mal-azzjonisti tagħha, l-informazzjoni relatata mal-ishma tagħhom titqiegħed għad-dispożizzjoni permezz tal-websajt tal-kumpanija u tiġi trażmessa lilhom jew, skont l-istruzzjonijiet mogħtija mill-azzjonist, lil parti terza, mill-intermedjarju mingħajr dewmien żejjed fil-każijiet kollha li ġejjin:

   (a) l-informazzjoni tkun meħtieġa biex jiġi eżerċitat id-dritt tal-azzjonist li jirriżulta mill-ishma tiegħu;
   (b) l-informazzjoni tiġi diretta lill-azzjonisti kollha li jkollhom ishma ta’ dik il-klassi.

2.  L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li l-kumpaniji jipprovdu u jagħtu l-informazzjoni lill-intermedjarju relatata mal-eżerċitar tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ishma skont il-paragrafu 1 b’mod standardizzat u f’waqtu.

3.  L-Istati Membri għandhom jobbligaw lill-intermedjarju jittrażmetti lill-kumpanija, skont l-istruzzjonijiet riċevuti mill-azzjonisti, mingħajr dewmien żejjed l-informazzjoni riċevuta mill-azzjonisti relatata mal-eżerċitar tad-drittijiet li jirriżultaw mill-ishma tagħhom.

4.  Fejn ikun hemm aktar minn intermedjarju wieħed f’katina ta’ kumpaniji azzjonarji, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 3 għandha tiġi trażmessa bejn l-intermedjarji mingħajr dewmien żejjed.

5.  Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, f'konformità mal-Artikolu 14a, biex tispeċifika r-rekwiżiti minimi għat-trażmissjoni tal-informazzjoni stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 4 ▌fir-rigward tal-konenut li għandu jiġi trażmess, l-iskadenzi li jridu jiġu osservati u t-tipi u l-format tal-informazzjoni li għandha tiġi trażmessa, inklużi l-formati siguri li għandhom jintużaw.

Artikolu 3c

Il-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti

1.  L-Istati Membri jiżguraw li l-intermedjarji jiffaċilitaw l-eżerċitar tad-drittijiet mill-azzjonisti, inkluż id-dritt li jipparteċipaw u jivvotaw fil-laqgħat ġenerali. Din il-faċilitazzjoni tinkludi mill-inqas wieħed minn dawn li ġejjin:

   (a) l-intermedjarju jagħmel l-arranġamenti meħtieġa għall-azzjonist jew għal persuna terza maħtura mill-azzjonist biex ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet huma stess;
   (b) l-intermedjarju jeżerċita d-drittijiet li jirriżultaw mill-ishma fuq l-awtorizzazzjoni u l-istruzzjoni espliċiti tal-azzjonist u għall-benefiċċju tiegħu.

2.  L-Istati Membri jiżguraw li l-kumpaniji jiżvelaw pubblikament, permezz tal-websajt tagħhom, il-minuti tal-laqgħat ġenerali tagħhom u r-riżultati tal-votazzjonijiet. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jikkonfermaw il-voti mitfugħa fil-laqgħat ġenerali minn jew f’isem l-azzjonisti, meta l-voti jintefgħu permezz ta’ mezzi elettroniċi. Fil-każ li l-intermedjarju jitfa’ l-vot, huwa jittrażmetti l-konferma tal-vot lill-azzjonist. Meta jkun hemm aktar minn intermedjarju wieħed f’katina ta’ kumpaniji azzjonarji, il-konferma tiġi trażmessa bejn l-intermedjarji mingħajr dewmien żejjed.

3.  Biex tiġi żgurata applikazzjoni uniformi ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 14a, biex tispeċifika r-rekwiżiti minimi għall-faċilitazzjoni tal-eżerċitar tad-drittijiet tal-azzjonisti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu ▌fir-rigward tat-tip u l-kontenut tal-faċilitazzjoni, il-forma tal-konferma tal-votazzjoni u l-iskadenzi li jridu jiġu osservati. ▌

Artikolu 3d

Trasparenza dwar il-kostijiet

1.  L-Istati Membri jistgħu jippermettu li l-intermedjarji jitolbu l-ispejjeż tas-servizz li se jiġi pprovdut mill-kumpaniji taħt dan il-kapitolu. L-intermedjarji jiżvelaw pubblikament il-prezzijiet, it-tariffi u kull ħlas ieħor b’mod separat għal kull servizz imsemmi f’dan il-kapitolu.

2.  Meta l-intermedjarji jitħallew jitolbu l-ispejjeż bi qbil mal-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-intermedjarji jiżvelaw pubblikament, separatament għal kull servizz, l-ispejjeż għas-servizzi msemmija f'dan il-kapitolu.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull ħlas li jista’ jiġi impost minn intermedjarju fuq l-azzjonisti, il-kumpaniji u l-intermedjarji oħra għandu jkun nondiskriminatorju, raġonevoli u proporzjonat. Kull differenza fil-ħlasijiet imposti bejn l-eżerċizzju domestiku u transfruntier tad-drittijiet għandha tiġi permessa biss meta tkun iġġustifikata kif xieraq u għandha tirrifletti l-varjazzjoni fl-ispejjeż attwali mġarrba biex jingħata s-servizz.

Artikolu 3e

Intermedjarji ta' pajjiżi terzi

Intermedjarju f’pajjiż terz li jkun stabbilixxa fergħa fl-Unjoni jkun soġġett għal dan il-kapitolu.”

KAPITOLU IB

TRASPARENZA TAL-INVESTITURI ISTITUZZJONALI, IL-MANIĠERS TAL-ASSI U L-KONSULENTI BI PROKURA

Artikolu 3f

Il-politika ta’ involviment

1.  L-Istati Membri għandhom, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3f(4), jiżguraw li l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi jiżviluppaw politika dwar l-involviment tal-azzjonisti (“politika ta’ involviment”). Din il-politika ta’ involviment għandha tiddetermina kif l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi jwettqu l-azzjonijiet li ġejjin:

   (a) jintegraw l-involviment tal-azzjonisti fl-istrateġija ta’ investiment tagħhom;
   (b) jimmonitorjaw il-kumpaniji li fihom jinvestu, inkluża l-prestazzjoni mhux finanzjarja tagħhom u t-tnaqqis tar-riskji soċjali u ambjentali;
   (c) iwettqu djalogi mal-kumpaniji li fihom jinvestu;
   (d) jeżerċitaw id-drittijiet tal-vot;
   (e) jużaw is-servizzi pprovduti mill-konsulenti bi prokura;
   (f) jikkooperaw ma’ azzjonisti oħra;
   (fa) iwettqu djalogu u kooperazzjoni ma’ partijiet interessati oħra tal-kumpanija li fiha jsir l-investiment.

2.  L-Istati Membri għandhom, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 3f(4), jiżguraw li l-politika ta’ involviment tinkludi politiki biex jiġġestixxu kunflitti ta’ interess attwali jew potenzjali fir-rigward tal-involviment tal-azzjonisti. Dawn il-politiki għandhom jiġu żviluppati b'mod partikulari għal kull waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin:

   (a) l-investitur istituzzjonali jew il-maniġer tal-assi, jew kumpaniji oħra affiljati magħhom, joffru prodotti finanzjarji lill-entità li fiha jsir investiment jew ikollhom relazzjonijiet kummerċjali oħra magħha;
   (b) direttur tal-investitur istituzzjonali jew il-maniġer tal-assi jkun ukoll direttur tal-entità li fiha jsir investiment;
   (c) maniġer tal-assi li jamministra l-assi ta’ istituzzjoni li tipprovdi għal irtirar okkupazzjonali jinvesti f’kumpanija li tikkontribwixxi għal dik l-istituzzjoni;
   (d) l-investitur istituzzjonali jew il-maniġer tal-assi jkun affiljat ma’ kumpanija li tkun nediet offerta ta’ xiri għall-ishma tagħha.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull sena, l-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi jiżvelaw pubblikament il-politika ta’ involviment tagħhom, kif ġiet implimentata u r-riżultati tagħha. L-informazzjoni msemmija fl-ewwel sentenza għandha mill-inqas tkun disponibbli, mingħajr ħlas, fuq il-websajt tal-kumpanija. L-investituri istituzzjonali għandhom jagħtu dik l-informazzjoni lill-klijenti tagħhom fuq bażi annwali.

L-investituri istituzzjonali u l-maniġers tal-assi għandhom jiżvelaw pubblikament, għal kull kumpanija li fiha jkollhom ishma, jekk ivvutawx u kif ivvutaw fil-laqgħat ġenerali tal-kumpaniji kkonċernati u jipprovdu spjegazzjoni dwar kif ikunu ivvutaw. Meta maniġer tal-assi jivvota f’isem investitur istituzzjonali, l-investitur istituzzjonali għandu jagħmel referenza għall-post fejn din l-informazzjoni dwar il-votazzjoni tkun ġiet ippubblikata mill-maniġer tal-assi. L-informazzjoni msemmija f’dan il-paragrafu għandha tkun mill-inqas disponibbli, mingħajr ħlas, fuq il-websajt tal-kumpanija.

4.  Fejn investituri istituzzjonali jew maniġers tal-assi jiddeċiedu li ma jiżviluppawx politika ta’ involviment jew jiddeċiedu li ma jiżvelawx l-implimentazzjoni u r-riżultati tagħha, huma għandhom jagħtu spjegazzjoni ċara u motivata għalfejn dan huwa l-każ. [Em. 25]

Artikolu 3g

Strateġija ta’ investiment ta’ investituri istituzzjonali u arranġamenti ma’ maniġers tal-assi

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-investituri istituzzjonali jiżvelaw pubblikament kif l-istrateġija tagħhom ta’ investiment ta’ ekwità (“strateġija ta’ investiment”) hija allinjata mal-profil u t-tul tal-obbligazzjonijiet tagħhom u kif din tikkontribwixxi għall-prestazzjoni fuq terminu medju sa twil tal-assi tagħhom. L-informazzjoni msemmija fl-ewwel sentenza għandha mill-inqas tkun disponibbli, mingħajr ħlas, fuq il-websajt tal-kumpanija sakemm tibqa’ applikabbli u għandha tintbagħat kull sena lill-klijenti tal-kumpanija flimkien mal-informazzjoni dwar il-politika ta’ involviment tagħhom.

2.  Meta maniġer tal-assi jinvesti f’isem investitur istituzzjonali, jew fuq bażi diskrezzjonali, klijent bi klijent jew permezz ta’ impriża ta’ investiment kollettiv, l-investitur istituzzjonali għandu jiżvela pubblikament kull sena l-elementi ewlenin tal-arranġament mal-maniġer tal-assi fir-rigward tal-kwistjonijiet li ġejjin:

   (a) jekk u sa liema punt jinċentiva l-maniġer tal-assi biex jallinja l-istrateġija u d-deċiżjonijiet ta’ investiment tiegħu mal-profil u t-tul tal-obbligazzjonijiet tiegħu;
   (b) jekk u sa liema punt jinċentiva l-maniġer tal-assi biex jagħmel deċiżjonijiet ta’ investiment ibbażati fuq prestazzjoni fuq terminu ta' żmien minn medju sa twil tal-kumpanija, inkluż il-prestazzjoni mhux finanzjarja, u biex jinvolvi ruħu ma’ kumpaniji bħala mezz biex tittejjeb il-prestazzjoni tal-kumpanija li tagħti redditu fuq l-investiment;
   (c) il-metodu u l-medda taż-żmien tal-valutazzjoni tal-prestazzjoni tal-maniġer tal-assi, u b’mod partikolari jekk din il-valutazzjoni tqisx il-prestazzjoni assoluta fit-tul u kif tagħmel dan għall-kuntrarju ta’ prestazzjoni relattiva għall-indiċi tal-istandards jew maniġers oħra tal-assi li jkunu qed isegwu strateġiji simili ta’ investiment;
   (d) kif l-istruttura tal-konsiderazzjoni għas-servizzi li jimmaniġġaw l-assi tikkontribwixxi għall-allinjament tad-deċiżjonijiet ta’ investiment tal-maniġer tal-assi mal-profil u t-tul tal-obbligazzjonijiet tal-investitur istituzzjonali;
   (e) il-fatturat tal-portafoll fil-mira jew il-firxa tal-fatturat, il-metodu użat għall-kalkolu tal-fatturat, u jekk hemmx xi proċedura stabbilita meta din tinqabeż mill-maniġer tal-assi;
   (f) it-tul tal-arranġament mal-maniġer tal-assi.

Meta l-arranġament mal-maniġer tal-assi ma jkunx fih wieħed jew aktar mill-elementi msemmija fil-punti minn minn (a) sa (f), l-investitur istituzzjonali għandu jagħti spjegazzjoni ċara u motivata għalfejn dan huwa l-każ. [Em. 26]

Artikolu 3h

Trasparenza tal-maniġers tal-assi

1.  L-Istati Membri jiżguraw li l-maniġers tal-assi jiżvelaw, kif speċifikat fil-paragrafi 2 u 2a, kif l-istrateġija ta’ investiment tagħhom u l-implimentazzjoni tagħha huma konformi ▌mal- ▌arranġament imsemmi fl-Artikolu 3g(2).

2.  L-Istati Membri jiżguraw li kull sena l-maniġers tal-assi jiżvelaw lill-pubbliku l-informazzjoni kollha li ġejja:

   (a) jekk jagħmlux deċiżjonijiet ta’ investiment abbażi ta’ deċiżjonijiet dwar il-prestazzjoni fuq terminu ta' żmien minn medju sa twil tal-entità li fiha jsir investiment, inkluż il-prestazzjoni mhux finanzjarja, u jekk iva, kif;

   (b) il-livell tal-fatturat tal-portafoll, il-metodu użat biex jiġi kkalkulat u spjegazzjoni ta’ jekk il-fatturat ikunx qabeż il-livell fil-mira;

   (c) jekk kienx hemm kunflitti ta’ interess attwali jew potenzjali b’rabta mal-attivitajiet ta’ involviment, u jekk iva kif il-maniġer tal-assi jkun indirizzahom;
   (d) jekk il-maniġer tal-assi jużax konsulenti bi prokura għall-fini tal-attivitajiet ta’ involviment tagħhom jew le, u jekk iva, kif;
   (e) kif, b’mod ġenerali, l-istrateġija ta’ investiment u l-implimentazzjoni tagħha jikkontribwixxu għall-prestazzjoni tal-assi tal-investitur istituzzjonali fuq terminu medju sa twil.

2a.  L-Istati Membri jiżguraw li kull sena l-maniġers tal-assi jiżvelaw lill-investitur istituzzjonali li miegħu jkunu daħlu fl-arranġament imsemmi fl-Artikolu 3g(2) l-informazzjoni li ġejja:

   (a) kif kien magħmul il-portafoll u spjegazzjoni ta’ kwalunkwe tibdil sinifikanti fil-portafoll fil-perjodu preċedenti;
   (b) il-kostijiet tal-fatturat tal-portafoll;
   (c) il-politika tagħhom dwar self ta’ titoli u l-implimentazzjoni tagħha.

3.  L-informazzjoni żvelata skont il-paragrafu 2 tkun mill-inqas disponibbli, mingħajr ħlas, fuq il-websajt tal-maniġer tal-assi. L-informazzjoni żvelata skont il-paragrafu 2 tingħata mingħajr ħlas u, f’każ li l-maniġer tal-assi ma jamministrax l-assi fuq bażi diskrezzjonali ta' klijent bi klijent, tiġi pprovduta wkoll lil investituri oħrajn jekk tintalab.

3a.  L-Istati Membri jistgħu jiddisponu li, f’każijiet eċċezzjonali, maniġer tal-assi jista’, bl-approvazzjoni tal-awtorità kompetenti, jitħalla jastjeni milli jiżvela xi parti mill-informazzjoni li għandha tiġi żvelata skont dan l-Artikolu jekk dik il-parti tkun marbuta ma’ żviluppi imminenti jew kwistjonijiet li jkunu għaddejjin negozjati dwarhom u l-iżvelar tagħha jippreġudika serjament il-pożizzjoni kummerċjali tal-maniġer tal-assi.

Artikolu 3i

Trasparenza tal-konsulenti bi prokura

1.  L-Istati Membri jiżguraw li l-konsulenti bi prokura jadottaw u jimplimentaw miżuri adegwati biex jiġi żgurat bl-aħjar mod possibbli li r-riċerka tagħhom u r-rakkomandazzjonijiet tal-vot tagħhom ikunu preċiżi u kredibbli, ibbażati fuq analiżi bir-reqqa tal-informazzjoni kollha li tkun disponibbli għalihom u żviluppati fl-interess uniku tal-klijenti tagħhom.

1a.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-konsulenti bi prokura jirreferu għal kodiċi ta’ kondotta li japplikaw. Meta jiddevjaw minn kwalunkwe rakkomandazzjoni ta’ dak il-kodiċi ta’ kondotta, huma għandhom jiddikjaraw dan, jispjegaw ir-raġunijiet għad-devjazzjoni u jindikaw kwalunkwe miżura alternattiva adottata. Din l-informazzjoni, flimkien mar-referenza għall-kodiċi ta’ kondotta li japplikaw, għandhom jiġu ppubblikati fuq il-websajt tal-konsulent bi prokura.

Il-konsulenti bi prokura għandhom jirrapportaw kull sena dwar l-applikazzjoni ta’ dak il-kodiċi ta' kondotta. Ir-rapporti annwali għandhom jiġu ppubblikati fuq il-websajt tal-konsulent bi prokura u għandhom jibqgħu disponibbli, mingħajr ħlas, għal mill-inqas tliet snin wara d-data tal-pubblikazzjoni.

2.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kull sena, il-konsulenti bi prokura jiżvelaw pubblikament l-informazzjoni kollha li ġejja fir-rigward tat-tħejjija tar-riċerka u tar-rakkomandazzjonijiet tal-vot tagħhom:

   (a) il-karatteristiċi essenzjali tal-metodoloġiji u l-mudelli li japplikaw;
   (b) is-sorsi ewlenin ta’ informazzjoni li jużaw;
   (c) jekk iqisux il-kundizzjonijiet tas-suq nazzjonali, legali, regolatorji u skont il-kumpanija, u, jekk iva, kif;
   (ca) il-karatteristiċi essenzjali tar-riċerka mwettqa u l-politiki tal-vot applikati għal kull suq;
   (d) jekk iżommux komunikazzjoni jew djalogi mal-kumpaniji li huma l-oġġett tar-riċerka u tar-rakkomandazzjonijiet tal-vot tagħhom mal-partijiet interessati tagħhom, u, jekk iva, l-estent u n-natura tagħhom;
   (da) il-politika dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kunflitti ta’ interess potenzjali;
   (e) l-għadd totali u l-kwalifiki ta’ persunal involut fit-tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet tal-vot;
   (f) l-għadd totali ta’ rakkomandazzjonijiet tal-vot mogħtija fl-aħħar sena.

Din l-informazzjoni tiġi ppubblikata fuq il-websajt tal-konsulenti bi prokura u tibqa’ disponibbli, mingħajr ħlas, għal mill-inqas tliet snin mill-jum li fih tiġi ppubblikata.

3.  L-Istati Membri jiżguraw li l-konsulenti bi prokura jidentifikaw u jiżvelaw mingħajr dewmien bla bżonn lill-klijenti tagħhom ▌kull kunflitt ta’ interess attwali jew potenzjali jew relazzjonijiet ta’ negozju li jistgħu jinfluwenzaw ir-riċerka u t-tħejjija tar-rakkomandazzjonijiet tal-vot u l-azzjonijiet li jkunu ħadu sabiex jeliminaw jew inaqqsu l-kunflitt ta’ interess attwali jew potenzjali.”

"

(4)  L-Artikoli 9a, 9b u 9c li ġejjin ġew inseriti:"

“Artikolu 9a

Dritt għall-vot dwar il-politika ta’ remunerazzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpaniji jistabbilixxu politika ta’ remunerazzjoni fir-rigward tad-diretturi u jissottomettuha għal votazzjoni vinkolanti fil-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti. Il-kumpaniji għandhom iħallsu biss remunerazzjoni lid-diretturi tagħhom skont il-politika ta’ remunerazzjoni li tkun ġiet ivvutata matul il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti. Kwalunkwe bilda fil-politika għandha tiġi vvutata waqt il-laqgħa ġenerali tal-azzjonisti u l-politika ta’ remunerazzjoni, fi kwalunkwe każ, għandha tiġi sottomessa għal approvazzjoni mil-laqgħa ġenerali mill-inqas kull tliet snin.

Madankollu, l-Istati Membri jistgħu jiddisponu li l-votazzjonijiet tal-laqgħa ġenerali dwar il-politika ta’ remunerazzjoni huma konsultattivi.

F'każijiet fejn ebda politika ta' remunerazzjoni ma tkun ġiet implimentata qabel u l-azzjonisti jirrifjutaw l-abbozz ta' politika li jkun tressaq quddiemhom, il-kumpanija tista', waqt li tkun qed terġa' taħdem l-abbozz u għal perjodu ta' mhux aktar minn sena qabel ma jiġi adottat l-abbozz, tħallas remunerazzjoni lid-diretturi tagħha skont prattiki eżistenti.

F’każijiet fejn tkun teżisti politika ta’ remunerazzjoni u l-azzjonisti jirrifjutaw abbozz ta’ politika ppreżentat lilhom f’konformità mal-ewwel subparagrafu, il-kumpanija tsta’, waqt li tkun qed terġa’ taħdem l-abbozz u għal perjodu ta’ mhux aktar minn sena sakemm jiġi adottat l-abbozz, tħallas remunerazzjoni lid-diretturi tagħha skont il-politika ezistenti.

2.  Il-politika ta’ remunerazzjoni għandha tkun ċara, tinftiehem u konformi mal-istrateġija kummerċjali, mal-għanijiet, mal-valuri u mal-interessi fit-tul tal-kumpanija u għandha tinkorpora miżuri biex jiġu evitati l-kunflitti ta’ interess.

3.  Il-politika għandha tispjega kif din tikkontribwixxi għall-interessi u s-sostenibilità fit-tul tal-kumpanija. Hija għandha tistipula kriterji ċari għall-għoti ta’ rimunerazzjoni fissa u varjabbli, inklużi l-bonusijiet kollha u l-benefiċċji kollha, f'kull forma.

Il-politika għandha tindika l-proporzjon relattiv xieraq tal-komponenti differenti ta' remunerazzjoni fissa u varjabbli. Hija għandha tispjega kif il-ħlas u l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-impjegati tal-kumpanija kienu kkunsidrati meta ġew stabbiliti l-politika jew ir-remunerazzjoni tad-diretturi.

Għal remunerazzjoni varjabbli, il-politika għandha tindika l-kriterji tal-prestazzjoni finanzjarja u mhux finanzjarja, inkluża, meta jkun xieraq, kunsiderazzjoni għall-programmi u r-riżultati relatati mar-responsabbiltà soċjali tal-kumpaniji, li għandhom jintużaw u tispjega kif dawn jikkontribwixxu għall-interessi u s-sostenibbiltà tal-kumpanija fit-tul, u l-metodi li għandhom jiġu applikati biex jiddeterminaw sa liema punt il-kriterji ta' prestazzjoni twettqu; hija tispeċifika l-perjodi ta' differiment, il-perjodi ta' akkwiżizzjoni għar-rimunerazzjoni bbażata fuq l-ishma wara l-akkwiżizzjoni, u l-informazzjoni dwar il-possibbiltà tal-kumpanija li terġa' tieħu lura r-remunerazzjoni varjabbli.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-valur tal-ishma ma jkollux rwol dominanti fil-kriterji tal-prestazzjoni finanzjarja.

L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-remunerazzjoni bbażata fuq l-ishma ma tirrappreżentax l-iżjed parti sinifikanti mir-remunerazzjoni varjabbli tad-diretturi. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu eċċezzjonijiet għad-dispożizzjonijiet ta' dan is-subparagrafu bil-kundizzjoni li l-politika ta' remunerazzjoni tinkludi spjegazzjoni ċara u motivata dwar kif tali eċċezzjoni tikkontribwixxi għall-interessi u s-sostenibbiltà fit-tul tal-kumpanija.

Il-politika għandha tindika t-termini ewlenin tal-kuntratti tad-diretturi, inkluż id-durata tagħhom u l-perjodi ta’ notifika applikabbli u t-termini tat-tmiem u l-pagamenti marbuta ma’ tmiem il-kuntratti u l-karatteristiċi tal-pensjoni supplimentari jew skemi ta’ rtirar bikri. Meta l-liġijiet nazzjonali jippermettu li l-kumpaniji jkollhom arranġamenti ma' diretturi mingħajr kuntratt, il-politika għandha f'dak il-każ tindika t-termini ewlenin tal-arranġamenti mad-diretturi, inklużi d-durata tagħhom u l-perjodi ta' notifika applikabbli u t-termini ta' tmiem tal-arranġamenti u l-pagamenti b'rabta ma' tali tmiem, kif ukoll il-karatteristiċi ta' pensjoni supplimentari jew skemi ta' rtirar bikri.

Il-politika għandha tispeċifika l-proċeduri tal-kumpanija għad-determinazzjoni tar-remunerazzjoni tad-diretturi, inklużi r-rwol u l-funzjonament tal-kumitat ta’ remunerazzjoni.

Il-politika għandha tispjega l-proċess ta’ teħid ta' teħid tad-deċiżjonijiet speċifiku li jwassal għad-determinazzjoni tagħha. Fil-każ ta’ reviżjoni tal-politika, hija għandha tinkludi spjegazzjoni tal-bidliet sinifikanti kollha u kif din tieħu inkonsiderazzjoni l-voti u l-fehmiet tal-azzjonisti dwar il-politika u r-rapport tal-inqas fit-tliet snin konsekuttivi preċedenti.

4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li wara li l-azzjonisti jkunu approvaw il-politika, din issir pubblika mingħajr dewmien u disponibbli, mingħajr ħlas, fuq il-websajt tal-kumpanija għall-inqas sakemm tibqa’ applikabbli. [Em. 27 rev.]

Artikolu 9b

Informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fir-rapport ta’ remunerazzjoni u d-dritt għal-vot dwar ir-rapport ta’ remunerazzjoni

1.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kumpanija tfassal rapport ċar u li jiftiehem dwar ir-remunerazzjoni, li jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva tar-remunerazzjoni, inklużi l-benefiċċji kollha f'kull forma, li ngħataw, skont il-politika ta’ remunerazzjoni msemmija fl-Artikolu 9a, lid-diretturi individwali, inkluż lil diretturi rreklutati ġodda u lil diretturi preċedenti, fl-aħħar sena finanzjarja. Fejn applikabbli, ir-rapport għandu jkun fih l-elementi kollha li ġejjin:

   (a) ir-remunerazzjoni totali mogħtija, imħallsa jew dovuta f’partijiet skont il-komponent, il-proporzjon relattiv tar-remunerazzjoni fissa u varjabbli, spjegazzjoni dwar kif ir-remunerazzjoni totali hija marbuta mal-prestazzjoni fit-tul u informazzjoni dwar kif il-kriterji ta’ prestazzjoni finanzjarja u mhux finanzjarja ġew applikati;
   (b) il-bidla relattiva fir-remunerazzjoni tad-diretturi eżekuttivi matul l-aħħar tliet snin finanzjarji, ir-relazzjoni tagħha fir-rigward tal-iżvilupp tal-prestazzjoni ġenerali tal-kumpanija u fir-rigward tal-bidla fir-remunerazzjoni medja tal-impjegati matul l-istess perjodu;
   (c) kull remunerazzjoni li jirċievu jew li tkun dovuta lid-diretturi tal-kumpanija minn kull impriża li tappartjeni għall-istess grupp;
   (d) l-għadd ta' ishma u l-għażliet ta' ishma mogħtija jew offruti, u l-kundizzjonijiet ewlenin għall-eżerċizzju tad-drittijiet inklużi l-prezz u d-data tal-eżerċizzju u kwalunkwe bidla li ssir fihom;
   (e) informazzjoni dwar l-użu tal-possibbiltà li r-remunerazzjoni varjabbli tintalab lura;
   (f) informazzjoni dwar kif ir-remunerazzjoni tad-diretturi ġiet stabbilita, inkluż ir-rwol tal-kumitat ta' remunerazzjoni.

2.  L-Istati Membri jiżguraw li meta d-dejta personali tad-direttur tiġi pproċessata, id-dritt għall-privatezza ta’ persuni naturali jiġi protett skont id-Direttiva 95/46/KE.

3.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li matul il-laqgħa ġenerali annwali, l-azzjonisti jkollhom id-dritt li jorganizzaw votazzjoni konsultattiva dwar ir-rapport ta’ remunerazzjoni tal-aħħar sena finanzjarja. Meta l-azzjonisti jivvutaw kontra r-rapport ta’ remunerazzjoni, il-kumpanija għandha, meta jkun meħtieġ, tidħol fi djalogu mal-azzjonisti biex tidentifika r-raġunijiet għar-rifjut. Fir-rapport ta’ remunerazzjoni li jmiss, il-kumpanija għandha tispjega kif il-vot tal-azzjonisti jkun ġie kkunsidrat.

3a.  Id-dispożizzjonijiet dwar ir-remunerazzjoni f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 9a għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għas-sistemi nazzjonali ta’ formazzjoni tal-pagi għall-impjegati u, fejn applikabbli, għad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar ir-rappreżentanza tal-impjegati fuq il-bordijiet.

4.  Biex tkun żgurata applikazzjoni uniformi ta' dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, skont l-Artikolu 14a, biex tispeċifika l-preżentazzjoni standardizzata tal-informazzjoni stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu. [Em. 28]

Artikolu 9c

Id-dritt għall-vot dwar tranżazzjonijiet ma’ partijiet relatati

1.  L-Istati Membri jiżguraw li l-kumpaniji, f’każ ta’ tranżazzjonijiet materjali ma’ partijiet relatati▌, iħabbru pubblikament dawn it-tranżazzjonijiet sa mhux aktar tard minn waqt il-konklużjoni tat-tranżazzjoni, u t-tħabbira għandha tkun akkumpanjata minn rapport ▌li jevalwa jekk it-tranżazzjoni hijiex fuq termini tas-suq jew le u l-konferma li t-tranżazzjoni hija ġusta u raġonevoli mill-perspettiva tal-kumpanija, inklużi l-azzjonisti minoritarji, u jipprovdi spjegazzjoni tal-evalwazzjonijiet li l-valutazzjoni hija bbażata fuqhom. It-tħabbira jkun fiha informazzjoni dwar in-natura tar-relazzjoni mal-parti relatata, l-isem tal-parti relatata, l-ammont tat-tranżazzjoni u kull informazzjoni oħra meħtieġa biex ▌tiġi vvalutata l-korrettezza ekonomika mill-perspettiva tal-kumpanija, inklużi l-azzjonisti minoritarji.

L-Istati Membri jiddefinixxu regoli speċifiċi fir-rigward tar-rapport li għandu jiġi adottat skont l-ewwel subparagrafu, inkluż l-attur responsabbli għat-tfassil tar-rapporti, li jkun wieħed minn dawn li ġejjin:

   parti terza indipendenti;
   il-korp superviżorju tal-kumpanija; jew
   kumitat ta' diretturi indipendenti.

2.  L-Istati Membri jiżguraw li t-tranżazzjonijiet materjali ma’ partijiet relatati jkunu approvati mill-azzjonisti jew mill-korp amministrattiv jew superviżorju tal-kumpaniji, skont proċeduri li jipprevjenu parti relatata milli tieħu vantaġġ mill-pożizzjoni tagħha u jipprovdu protezzjoni adegwata għall-interessi tal-kumpanija u tal-azzjonisti li mhumiex partijiet relatati, inklużi azzjonisti minoritarji.

L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-azzjonisti jkollhom id-dritt li jivvutaw dwar tranżazzjonijiet materjali approvati mill-korp amministrattiv jew superviżorju tal-kumpanija.

L-intenzjoni hi li l-partijiet relatati jitwaqqfu milli jiksbu vantaġġ minn pożizzjoni speċjali u biex tingħata protezzjoni xierqa għall-interess tal-kumpanija.

2a.  L-Istati Membri jiżguraw li l-partijiet relatati u r-rappreżentanti tagħhom jiġu esklużi mit-tħejjija tar-rapport imsemmi fil-paragrafu 1 u mill-votazzjonijiet u d-deċiżjonijiet li jsiru u jittieħdu skont il-paragrafu 2. Meta t-tranżazzjoni ma' parti relatata tinvolvi azzjonist, dan l-azzjonist għandu jiġi eskluż minn kwalunkwe votazzjoni dwar it-tranżazzjoni. L-Istati Membri jistgħu jippermettu lil azzjonist li jkun parti relatata jieħu sehem fil-votazzjoni sakemm id-dritt nazzjonali jiżgura salvagwardji adegwati li japplikaw matul il-proċess tal-votazzjoni biex jitħarsu l-interessi tal-azzjonisti li ma jkunux partijiet relatati, inklużi l-azzjonisti minoritarji, billi l-parti relatata ma titħalliex tapprova t-tranżazzjoni minkejja l-opinjoni kuntrarja tal-maġġoranza tal-azzjonisti li ma jkunux partijiet relatati jew minkejja l-opinjoni kuntrarja tal-maġġaronza tad-diretturi indipendenti.

3.  L-Istati Membri jiżguraw li tranżazzjonijiet mal-istess parti relatata, li ġew konklużi fi kwalunkwe perjodu ta’ 12-il xahar jew fl-istess sena finanzjarja u li ma kienux soġġetti għall-obbligi elenkati fil-paragrafi 1, 2 jew 3 jiġu aggregati għall-finijiet tal-applikazzjoni ta’ dawk il-paragrafi. ▌

4.  L-Istati Membri jistgħu jeskludu mir-rekwiżiti fil-paragrafi 1, 2 u 3:

   it-tranżazzjonijiet li jkunu saru bejn il-kumpanija u membru wieħed jew aktar tal-grupp tagħha jew impriżi konġunti, sakemm dawk il-membri tal-grupp jew l-impriżi konġunti jappartjenu totalment lill-kumpanija jew sakemm ebda parti relatat oħra tal-kumpanij ma jkollha interess f'dawk il-membri jew fl-impriżi konġunti;
   it-tranżazzjonijiet li jkunu saru fil-perkors normali tan-negozju u li jkunu ġew konklużi fuq termini tas-suq normali.

4a.  L-Istati Membri jiddefinixxu tranżazzjonijiet materjali ma' partijiet relatati. Tranżazzjonijiet materjali ma' partijiet relatati jiġu definiti billi jitqiesu:

   (a) l-effett li l-informazzjoni dwar it-tranżazzjoni jista' jkollha fuq id-deċiżjonijiet tas-soġġetti involuti fil-proċess ta' approvazzjoni;
   (b) l-impatt tat-tranżazzjoni fuq ir-riżultati, l-assi, il-kapitalizzazzjoni jew il-fatturat tal-kumpanija u l-pożizzjoni tal-parti relatata;
   (c) ir-riskji li t-tranżazzjonijiet joħolqu għall-kumpanija u l-azzjonisti minoritarji tagħha.

Meta jiddefinixxu t-tranżazzjonijiet materjali ma' partijiet relatati, l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu proporzjon kwantitattiv wieħed jew aktar abbażi tal-impatt tat-tranżazzjoni fuq id-dħul, l-assi, il-kapitalizzazzjoni jew il-fatturat tal-kumpanija jew iqisu n-natura tat-tranżazzjoni u l-pożizzjoni tal-parti relatata.

"

(5)  Wara l-Artikolu 14, jiddaħħal il-Kapitolu IIa li ġej:"

“KAPITOLU IIA

ATTI DELEGATI U PENALi

Artikolu 14a

Eżerċizzju ta’ setgħat iddelegati

1.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati hija mogħtija lill-Kummissjoni suġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.  Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 3a(5), 3b(5) u 3c(3) u l-Artikolu 9b hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien indeterminat minn ...*.

3.  Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 3a(5), 3b(5) u 3c(3) u l-Artikolu 9b tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f'dik id-deċiżjoni. Hija tidħol fis-seħħ fil-jum ta’ wara l-pubblikazzjoni ta’ dik id-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Ma taffettwax il-validità ta’ xi att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4.  Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5.  Att delegat adottat skont l-Artikoli 3a(5), 3b(5) u 3c(3) u l-Artikolu 9b jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perjodu jiġi estiż bi tliet xhur fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 14b

Penali

L-Istati Membri jistabbilixxu regoli dwar penali applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-Direttiva, u għandhom jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw li dawn jiġu implimentati. Il-penali pprovduti jridu jkunu effettivi, proporzjonati u dissważivi. L-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar dawn id-dispożizzjonijiet sa mhux aktar tard minn [id-data għat-traspożizzjoni] ▌u jinnotifikawha mingħajr dewmien dwar kwalunkwe emenda sussegwenti li taffettwahom.”

"

Artikolu 2

Emendi lid-Direttiva 2013/34/UE

Id-Direttiva 2013/34/UE hija emendata kif ġej:

(-1) Fl-Artikolu 2 jiżdied il-punt li ġej:"

“(17) ‘deċiżjoni dwar it-taxxa’ tfisser kwalunkwe interpretazzjoni jew applikazzjoni minn qabel ta’ dispożizzjoni legali għal sitwazzjoni transkonfinali jew tranżazzjoni ta’ kumpanija li tista’ twassal għal telf tat-taxxa fl-Istati Membri jew li tista’ twassal għal iffrankar tat-taxxa għall-kumpanija li jirriżulta minn trasferimenti artifiċjali intragrupp tal-profitt.”

"

(-1a) Fl-Artikolu 18, il-paragrafu li ġej jiddaħħal wara l-paragrafu 2:"

'2a. Fin-noti mad-dikjarazzjonijiet finanzjarji, impriżi kbar u entitajiet ta’ interess pubbliku jiżvelaw ukoll, filwaqt li jispeċifikaw skont l-Istat Membru u skont il-pajjiż terz li huma stabbiliti fihom, l-informazzjoni li ġejja fuq bażi konsolidata għas-sena finanzjarja:

   (a) l-isem/ismijiet, in-natura tal-attivitajiet u l-post ġeografiku;
   (b) il-fatturat;
   (c) in-numru ta’ impjegati fuq bażi ekwivalenti għal full-time;
   (d) il-valur tal-assi u l-ispiża annwali għaż-żamma ta’ dawk l-assi;
   (e) il-bejgħ u x-xiri;
   (f) il-qligħ jew telf qabel it-taxxa;
   (g) it-taxxa fuq il-qligħ jew it-telf;
   (h) is-sussidji pubbliċi riċevuti;
   (i) il-kumpaniji prinċipali jipprovdu lista ta’ sussidjarji li joperaw f’kull Stat Membru jew pajjiż terz, flimkien mad-dejta relevanti.’

"

(-1b) Fl-Artikolu 18, il-paragrafu 3 jinbidel b'dan li ġej: "

'3. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li l-punt (b) tal-paragrafu 1 u l-paragrafu 2a ma japplikawx għad-dikjarazzjonijiet finanzjajri annwali ta’ impriża fejn dik l-impriża tkun inkluża fid-dikjarazzjonijiet finanzjarji konsolidati meħtieġa li jitfasslu taħt l-Artikolu 22, sakemm dik l-informazzjoni tingħata fin-noti mad-dikjarazzjoni finanzjarja konsolidata.

"

(-1c) L-Artikolu 18a li ġej qed jiġi miżjud:"

“Artikolu 18a

Żvelar addizzjonali għal impriżi kbar

1.  Fin-noti għad-dikjarazzjonijiet finanzjarji, l-impriżi kbar, minbarra l-informazzjoni meħtieġa skont l-Artikoli 16, 17 u 18 u kwalunkwe dispożizzjoni oħra ta' din id-Direttiva, jiżvelaw pubblikament elementi u informazzjoni essenzjali rigward id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa, u jipprovdu analiżi skont l-Istat Membru u skont il-pajjiż terz li, fih, l-impriża kbira għandha sussidjarja: Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tistabbilixxi, permezz ta' att delegat, f'konformità mal-Artikolu 49, il-format u l-kontenut tal-pubblikazzjoni.

2.  L-impriżi li n-numru medju ta’ impjegati tagħhom fuq bażi konsolidata matul is-sena finanzjarja ma jaqbiżx 500 u li, fid-dati tal-karti tal-bilanċ tagħhom, ma jaqbżux fuq bażi konsolidata jew total tal-karta tal-bilanċ ta’ EUR 86 miljun jew fatturat nett ta’ EUR 100 miljun, ikunu eżentati mill-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.  L-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu ma japplika għall-ebda impriża rregolata mid-dritt ta' Stat Membru li l-impriża prinċipali tagħha hija soġġetta għal-liġijiet ta' Stat Membru u li l-informazzjoni tagħha hija inkluża fl-informazzjoni żvelata minn dik l-impriża prinċipali skont il-paragrafu 1 ta' dan l-Artikolu.

4.  L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tkun awditjata f'konformità mad-Direttiva 2006/43/KE.

"

(1)  L-Artikolu 20 huwa emendat kif ġej:

(a)  fil-paragrafu 1, jiżdied il-punt (h) li ġej:"

“(h) ir-rapport ta’ remunerazzjoni definit fl-Artikolu 9b tad-Direttiva 2007/36/KE.”

"

(b)  il-paragrafu 3 jinbidel b’dan li ġej:"

“3. L-awditur statutorju jew id-ditta tal-awditjar jesprimu opinjoni skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(1) dwar l-informazzjoni mħejjija taħt il-punti (c) u (d) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u jivverifikaw li l-informazzjoni msemmija fil-punti (a), (b), (e), (f), (g) u (h) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tkun ġiet ipprovduta.”

"

(c)  il-paragrafu 4 huwa sostitwit b'dan li ġej: "

“4. L-Istati Membri jistgħu jeżentaw l-impriżi msemmija fil-paragrafu 1 li jkunu ħarġu biss titoli diversi mill-ishma ammessi għan-negozju f’suq regolat, fis-sens tal-punt (14) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE, mill-applikazzjoni tal-punti (a), (b), (e), (f), (g) u (h) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, sakemm dawn l-impriżi ma jkunux ħarġu ishma li jiġu negozjati f’sistema ta’ negozju multilaterali, fis-sens tal-punt (15) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2004/39/KE."

"

Artikolu 2a

Emendi għad-Direttiva 2004/109/KE

Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(15) hija emendata kif ġej:

(1)  Fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 2 il-punt (r) li ġej huwa miżjud:"

"(r) ‘deċiżjoni dwar it-taxxa’ tfisser kwalunkwe interpretazzjoni jew applikazzjoni minn qabel ta’ dispożizzjoni legali għal sitwazzjoni transkonfinali jew tranżazzjoni ta’ kumpanija li tista’ twassal għal telf tat-taxxa fl-Istati Membri jew li tista’ twassal għal iffrankar tat-taxxa għall-kumpanija li jirriżulta minn trasferimenti artifiċjali intragrupp tal-profitt".

"

(2)  Jiddaħħal l-Artikolu 16a li ġej:"

"Artikolu 16a

Żvelar addizzjonali għall-emittenti

1.  L-Istati Membri jeħtieġu li kull emittent kull sena jiżvela lill-pubbliku, waqt li jispeċifika skont l-Istat Membru u skont il-pajjiż terz li fih għandu sussidjarja, l-informazzjoni li ġejja fuq bażi konsolidata għas-sena finanzjarja:

   (a) l-isem/ismijiet, in-natura tal-attivitajiet u l-post ġeografiku
   (b) il-fatturat
   (c) in-numru ta’ impjegati fuq bażi ekwivalenti għal full-time
   (d) il-qligħ jew telf qabel it-taxxa
   (e) it-taxxa fuq il-qligħ jew it-telf
   (f) is-sussidji pubbliċi riċevuti

2.  L-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 ma japplikax għal kwalunkwe emittent irregolat mil-liġi ta’ Stat Membru li l-kumpanija prinċipali tiegħu hija soġġetta għal-liġijiet ta’ Stat Membru u li l-informazzjoni tagħha hija inkluża fl-informazzjoni żvelata minn dik il-kumpanija prinċipali skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.  L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tiġi awditjata f'konformità mad-Direttiva 2006/43/KE u għandha tiġi ppubblikata, fejn possibbli, bħala anness għad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jew, fejn applikabbli, għad-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati tal-emittent ikkonċernat.

"Artikolu 16b

Żvelar addizzjonali għall-emittenti

1.  L-Istati Membri jirrikjedu li kull emittent jiżvela pubblikament fuq bażi annwali, u fuq bażi konsolidata għas-sena finanzjarja, elementi u informazzjoni essenzjali rigward id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa, u jipprovdu analiżi skont l-Istat Membru u skont il-pajjiż terz li, fih, l-impriża kbira għandha sussidjarja. Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tistabbilixxi, permezz ta' atti delegati, f'konformità mal-Artikoli 27(2a), (2b) u (2c), il-format u l-kontenut tal-pubblikazzjoni.

2.  L-obbligu stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu ma japplikax għal kwalunkwe emittent irregolat mil-liġi ta’ Stat Membru li l-kumpanija prinċipali tiegħu hija soġġetta għal-liġijiet ta’ Stat Membru u li l-informazzjoni tagħha hija inkluża fl-informazzjoni żvelata minn dik il-kumpanija prinċipali skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3.  L-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 tiġi awditjata f'konformità mad-Direttiva 2006/43/KE u tiġi ppubblikata, fejn possibbli, bħala anness għad-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali jew, fejn applikabbli, għad-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati tal-emittent ikkonċernat."

"

(3)  Fl-Artikolu 27, il-paragrafu 2a jinbidel b'dan li ġej:"

"2a. Is-setgħa li tadotta l-atti delegati msemmija fl-Artikolu 2(3), l-Artikolu 5(6), l-Artikolu 9(7), l-Artikolu 12(8), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 14(2), l-Artikolu 16a(1), l-Artikolu 17(4), l-Artikolu 18(5), l-Artikolu 19(4), l-Artikolu 21(4), l-Artikolu 23(4), l-Artikolu 23(5), u l-Artikolu 23(7) tiġi konferita lill-Kummissjoni għal perijodu ta' erba' snin minn Jannar 2011. Il-Kummissjoni tfassal rapport fir-rigward tas-setgħa delegata mhux aktar tard minn sitt xhur qabel tmiem il-perjodu ta' erba’ snin. Id-delega tas-setgħa tkun estiża awtomatikament għal perijodu ta' tul simili, sakemm ma tkunx revokata mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill skont l-Artikolu 27a."

"

Artikolu 3

Traspożizzjoni

1.  L-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex jiġu konformi ma’ din id-Direttiva sa mhux aktar tard minn [18-il xahar wara d-dħul fis-seħħ] ▌. Huma jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet.

Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, dawn ikun fihom referenza għal din id-Direttiva jew ikunu akkumpanjati minn tali referenza fl-okkażjoni tal-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. L-Istati Membri jiddeterminaw kif għandha ssir tali referenza.

2.  L-Istati Membri jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet ewlenin tal-liġi nazzjonali li huma jadottaw fil-qasam kopert b’ din id-Direttiva.

Artikolu 4

Dħul fis-seħħ

Din id-Direttiva tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 5

Destinatarji

Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.

Magħmul fi ...,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) Il-każ ġie mgħoddi lura lill-kumitat responsabbli biex jerġa jiġi eżaminat skont l-Artikolu 61(2), it-tieni subparagrafu (A8-0158/2015).
(2) Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.
(3) ĠU C 451, 16.12.2014, p. 87.
(4) Direttiva 2007/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar l-eżerċizzju ta' ċerti drittijiet tal-azzjonisti ta' kumpaniji kkwotati (ĠU L 184, 14.7.2007, p. 17).
(5) Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338.
(6) Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).
(7) Id-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ dejta personali u dwar il-moviment liberu ta’ dik id-dejta (ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31).
(8) ĠU C 369, 17.12.2011, p. 14.
(9) Id-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).
(10) Id-Direttiva 2003/41/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta’ Ġunju 2003 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ irtirar okkupazzjonali (ĠU L 235, 23.9.2003, p. 10).
(11) Id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (riformulazzjoni) (ĠU L 173, 12.06.2014, p. 349).
(12) Id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).
(13) Id-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).
(14) Ir-Regolament (KE) Nru 1606/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Lulju 2002 rigward l-applikazzjoni ta’ standards internazzjonali tal-kontabilità (ĠU L 243, 11.9.2002, p. 1).
(15) Id-Direttiva 2004/109/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Diċembru 2004 dwar l-armonizzazzjoni tar-rekwiżiti ta' trasparenza f'dak li għandu x'jaqsam ma' informazzjoni dwar emittenti li t-titoli tagħhom huma ammessi għall-kummerċ f'suq regolat u li temenda d-Direttiva 2001/34/KE (ĠU L 390, 31.12.2004, p. 38).


Riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta' negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni ***I
PDF 337kWORD 65k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment u t-tħaddim ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emmissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (COM(2014)0020 – C8-0016/2014 – 2014/0011(COD))
P8_TA(2015)0258A8-0029/2015

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0020),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 192(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8–0016/2014),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-4 ta’ Ġunju 2014(1),

–  wara li kkonsulta l-Kumitat tar-Reġjuni,

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-13 ta' Mejju 2015, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0029/2015),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fit-8 ta' Lulju 2015 bil-ħsieb ta' l-adozzjoni tad-Deċiżjoni (UE) 2015/... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att finali, d-Deċiżjoni (UE) Nru 2015/1814.)

(1) ĠU C 424, 26.11.2014, p. 46.


Il-baħħara ***I
PDF 336kWORD 64k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2015 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-baħħara li temenda d-Direttivi 2008/94/KE, 2009/38/KE, 2002/14/KE, 98/59/KE u 2001/23/KE (COM(2013)0798 – C7-0409/2013 – 2013/0390(COD))
P8_TA(2015)0259A8-0127/2015

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2013)0798),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 153(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema Artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7‑0409/2013),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-25 ta’ Marzu 2014 tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tat-3 ta' April 2014 tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-13 ta' Mejju 2015, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0127/2015),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari 8 ta' Lulju 2015 bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-Direttiva (UE) 2015 / ... tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ▌li temenda d-Direttivi 2008/94/KE, 2009/38/KE u 2002/14/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u d-Direttivi tal-Kunsill 98/59/KE u 2001/23/KE fir-rigward tal-baħħara

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, d-Direttiva (UE) 2015/1794.)

(1) ĠU C 226, 16.7.2014, p. 35.
(2) ĠU C 174, 7.6.2014, p. 50.


Ftehim ta' kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika mal-Isvizzera: Orizzont 2020 u attivitajiet ITER ***
PDF 254kWORD 63k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Konfederazzjoni Svizzera li jassoċja lill-Konfederazzjoni Svizzera mal-Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u mal-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika li jikkumplimenta l-Orizzont 2020, u li jirregola l-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-attivitajiet tal-ITER imwettqa mill-Fużjoni għall-Enerġija (05662/2015 – C8-0056/2015 – 2014/0304(NLE))
P8_TA(2015)0260A8-0181/2015

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta ' deċiżjoni tal-Kunsill (05662/2015),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim għal kooperazzjoni xjentifika u teknoloġika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u l-Konfederazzjoni Svizzera li jassoċja lill-Konfederazzjoni Svizzera mal-Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni u mal-Programm ta' Riċerka u Taħriġ tal-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika li jikkumplimenta l-Orizzont 2020, u li jirregola l-parteċipazzjoni tal-Konfederazzjoni Svizzera fl-attivitajiet tal-ITER imwettqa mill-Fużjoni għall-Enerġija (15369/2014),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 186, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), l-Artikolu 218(7) u l-Artikolu 218(8), l-ewwel subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8–0056/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2), l-Artikolu 108(7) u l-Artikolu 50(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0181/2015),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u l-Konfederazzjoni Svizzera.


Il-linji gwida tal-politika tal-Istati Membri għall-impjiegi *
PDF 566kWORD 236k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (COM(2015)0098 – C8-0075/2015 – 2015/0051(NLE))
P8_TA(2015)0261A8-0205/2015

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2015)0098),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 148(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8‑0075/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0205/2015),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni kif emendata;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni biex timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

3.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

4.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b'mod sustanzjali;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 1
(1)  L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jaħdmu sabiex tinħoloq strateġija koordinata għall-impjiegi b'mod partikolari biex issir promozzjoni għal forza tax-xogħol kwalifikata, imħarrġa u flessibbli u suq tax-xogħol li jadatta għat-tibdil ekonomiku, u sabiex jintlaħqu l-għanijiet kollha tal-impjiegi u l-progress soċjali li jistabbilixxi l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Wara li jkunu kkunsidraw il-prattiċi nazzjonali relatati mar-responsabbiltajiet tal-ġestjoni u x-xogħol, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-promozzjoni tal-impjiegi bħala kwistjoni ta' interess komuni u għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom f'dan ir-rigward fi ħdan il-Kunsill.
(1)  L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jaħdmu sabiex tinħoloq strateġija effikaċi u koordinata għall-impjiegi, imfassla biex tikkumbatti l-effetti serji tal-qgħad, biex issir promozzjoni għal forza tax-xogħol kwalifikata u mħarrġa u swieq tax-xogħol li jadattaw għat-tibdil ekonomiku, soċjali u ambjentali, b'mod partikolari permezz tal-promozzjoni tat-taħriġ fis-setturi tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika u permezz tal-adattament tas-sistemi edukattivi, sabiex jintlaħqu l-għanijiet kollha tal-impjiegi u l-progress soċjali li jistabbilixxi l-Artikolu 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Għandhom isiru sforzi partikolari biex jiżdiedu l-impjiegi ta' ħaddiema b'livelli baxxi ħafna ta' skola jew ta' ħiliet, jew dawk li mhumiex kapaċi jiksbu taħriġ jew ħiliet f'qasir żmien, u biex jitnaqqas il-qgħad li dejjem jiżdied u fuq skala kbira, b'attenzjoni partikolari għar-reġjuni li għadhom lura. Wara li jkunu kkunsidraw il-prattiċi nazzjonali relatati mar-responsabbiltajiet tal-ġestjoni u x-xogħol, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw il-promozzjoni tal-impjiegi bħala prijorità u kwistjoni ta' interess komuni u għandhom jikkoordinaw l-azzjoni tagħhom f'dan ir-rigward fi ħdan il-Kunsill. L-Unjoni għandha takkumpanja dawk l-isforzi bi proposti ta' politika biex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati u jiġi żgurat suq tax-xogħol integrat inklużiv kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fl-Unjoni kollha, inklużi pagi adegwati, li jistgħu jinkisbu wkoll permezz tan-negozjar kollettiv.
Emenda 2
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 1a (ġdida)
(1a)  Skont il-kalkoli tal-Eurostat, f'Jannar 2015 fl-Unjoni kien hemm 23 815 000 persuna qiegħda, 18 059 000 minnhom fiż-żona tal-euro.
Emenda 3
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 1b (ġdida)
(1b)  Issa huwa fundamentali li jiġu stabbiliti indikaturi affidabbli dwar il-kundizzjoni ta' faqar li jinsabu fiha bosta ċittadini tal-Unjoni, fil-kuntest taċ-ċifri preċedenti inklużi fid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE1a li identifikat il-bżonn li mill-anqas 20 miljun persuna jinħarġu mir-riskju ta' faqar u esklużjoni.
____________
1a Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46).
Emenda 4
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 2
(2)  L-Unjoni trid titħabat kontra l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, tiżgura aċċess ugwali għad-drittijiet fundamentali u sseddaq il-ġustizzja u l-ħarsien soċjali. Waqt li tkun qed tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tikkunsidra r-rekwiżiti marbuta mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, it-taħbit kontra l-esklużjoni soċjali u livell għoli ta' edukazzjoni u taħriġ.
(2)  L-Unjoni trid titħabat kontra l-esklużjoni soċjali, kull forma ta' faqar u diskriminazzjoni, tiżgura aċċess ugwali għad-drittijiet fundamentali u sseddaq il-ġustizzja u l-ħarsien soċjali. Dan l-objettiv globali m'għandux jitqiegħed f'periklu mill-effetti kollaterali ta' leġiżlazzjoni jew politiki oħra. Waqt li tkun qed tiddefinixxi u timplimenta l-politiki u l-attivitajiet tagħha, l-Unjoni għandha tikkunsidra r-rekwiżiti marbuta mal-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, u livell għoli ta' edukazzjoni u taħriġ.
Emenda 6
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 4
(4)  L-Istati Membri għandhom iqisu l-politiki ekonomiċi tagħhom bħala kwistjoni ta' interess komuni u jikkoordinawhom fi ħdan il-Kunsill. Il-linji gwida għall-impjiegi u l-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika għandu jadottahom il-Kunsill biex jiggwida l-politiki tal-Istati Membri.
(4)  L-Istati Membri għandhom iqisu l-politiki ekonomiċi tagħhom, flimkien mal-politiki soċjali tagħhom, bħala kwistjoni ta' interess komuni u jikkoordinawhom fi ħdan il-Kunsill. Il-linji gwida dwar l-impjiegi u l-linji gwida ġenerali għall-politika ekonomika għandu jadottahom il-Kunsill biex jiggwida l-politiki tal-Istati Membri.
Emenda 7
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 4a (ġdida)
(4a)  Sabiex jiġi żgurat teħid ta' deċiżjonijiet aktar demokratiku dwar il-linji gwida integrati, li jaffettwaw liċ-ċittadini u lis-swieq tax-xogħol madwar l-Unjoni, huwa importanti li kemm il-linji gwida dwar l-impjiegi kif ukoll il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi jiġu deċiżi milll-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-linji gwida integrati għandhom jippermettu lill-Istati Membri jadottaw mudelli ekonomiċi sostenibbli u integrati fil-livelli tal-Unjoni, nazzjonali u lokali.
Emenda 8
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 5
(5)  Skont id-dispożizzjonijiet tat-Trattat, l-Unjoni Ewropea żviluppat u implimentat strumenti ta' koordinazzjoni tal-politika għall-politika fiskali u politiki makrostrutturali. Is-Semestru Ewropew jiġbor flimkien strumenti differenti f'qafas ġenerali għal sorveljanza ekonomika u baġitarja multilaterali integrata. Permezz ta' simplifikazzjoni u tisħiħ tas-Semestru Ewropew kif jistipula l-Istħarriġ Annwali 2015 tal-Kummissjoni dwar it-Tkabbir, se jkompli jitjieb l-operat tiegħu.
(5)  B'konformità mat-Trattat, l-Unjoni żviluppat u implimentat strumenti ta' koordinazzjoni tal-politika għall-politika fiskali u l-politiki makrostrutturali li għandhom impatt qawwi fuq is-sitwazzjoni soċjali u tal-impjiegi fl-Unjoni. Dawk il-politiki jistgħu jirriżultaw f'xejra ta' staġnar u deflazzjoni f'xi partijiet tal-Unjoni, li jistgħu jiskoraġġixxu t-tkabbir u l-impjiegi. F'dan ir-rigward hu essenzjali li jitqiesu l-indikaturi soċjali l-ġodda u x-xokkijiet assimetriċi li ċerti Stati Membri għaddew minnhom minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika. Is-Semestru Ewropew jiġbor flimkien strumenti differenti f'qafas ġenerali għal sorveljanza multilaterali integrata tal-politiki ekonomiċi, baġitarji, soċjali u tal-imjpiegi, u għandu jkun aktar immirat lejn it-twettiq tal-miri tal-UE2020. Permezz ta' simplifikazzjoni u tisħiħ tas-Semestru Ewropew, kif jistipula l-Istħarriġ Annwali 2015 tal-Kummissjoni dwar it-Tkabbir, jista' jkompli jitjieb l-operat tiegħu, iżda dan l-istrument għadu ma tejjibx is-sitwazzjoni ekonomika fl-Istati Membri li ntlaqtu l-agħar mill-kriżi.
Emenda 9
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 5a (ġdida)
(5a)  Skont l-Osservatorju Soċjali Ewropew, 26 Stat Membru diġà għandhom skemi ta' appoġġ għall-introjtu u protezzjoni soċjali.1a Il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema, Marianne Thyssen, qalet li "kieku [setgħet tiddeċiedi] x'jiġri fl-Istati Membri kollha, kieku jkun hemm introjtu minimu fil-pajjiżi kollha Ewropej".
____________
1a http://www.eesc.europa.eu/resources/docs/revenu-minimum_-etude-ose_-vfinale_en--2.pdf
Emenda 10
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 5b (ġdida)
(5b)  Ma teżistix kompetenza regolatorja fil-livell tal-Unjoni għall-ħolqien ta' qafas regolatorju għal paga minima tal-Unjoni.
Emenda 47
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 6
(6)  Il-kriżi finanzjarja u ekonomika wriet u enfasizzat dgħjufijiet importanti fl-ekonomija tal-Unjoni u l-Istati Membri tagħha. Il-kriżi ħarġet fid-dieher ukoll l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji tal-Istati Membri u s-swieq tal-impjiegi. Issa fi żmienna għandna l-isfida l-kbira li l-Unjoni toħloq tkabbir u impjiegi sodi, sostenibbli u inklużivi. Għal dan il-għan hemm bżonn azzjoni politika kkoordinata u ambizzjuża, kemm fil-livell tal-UE u kif ukoll fil-livell nazzjonali, li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u l-governanza ekonomika tal-Unjoni. Billi jwaħħdu miżuri min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, dawn l-azzjonijiet għandhom jagħtu spinta lill-investiment, iġeddu l-impenn għal riformi strutturali u jħaddmu r-responsabbiltà fiskali.
(6)  Il-kriżi finanzjarja u ekonomika wriet u enfasizzat dgħufijiet serji fl-ekonomiji tal-Istati Membri u fil-mekkaniżmi ta' koordinazzjoni tal-Unjoni. Il-kriżi ħarġet fid-dieher ukoll l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji tal-Istati Membri u s-swieq tal-impjiegi. Issa fi żmienna għandna l-isfida l-kbira li l-Unjoni toħloq tkabbir u impjiegi sodi, sostenibbli u inklużivi, li jinvolvi l-kontroll tal-livell għoli ta' qgħad li mmaterjalizza f'ċerti partijiet tat-territorju tagħha. Għal dan il-għan hemm bżonn azzjoni politika soda, koordinata, ambizzjuża, iżda fuq kollox effikaċi, kemm fil-livell tal-UE u kif ukoll fil-livell nazzjonali, li tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u l-governanza ekonomika tal-Unjoni. Billi jwaħħdu miżuri min-naħa tal-provvista u min-naħa tad-domanda, dawn l-azzjonijiet għandhom jagħtu spinta lill-investiment, speċjalment l-investiment immirat għall-iżvilupp tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SME), il-mikrointrapriżi, in-negozji innovattivi ġodda u l-impriżi li jippromwovu l-impjiegi ekoloġiċi, kif ukoll iġeddu l-impenn għal riformi strutturali u jħaddmu r-responsabbiltà fiskali. Dawn l-azzjonijiet għandhom jinkludu wkoll il-ħolqien ta' suq tax-xogħol aktar inklużiv ibbażat fuq id-drittijiet, flimkien ma' protezzjoni soċjali adegwata. Għandhom jinkludu wkoll miżuri ta' protezzjoni soċjali, bħal introjtu minimu garantit, li jiġi introdott b'konformità mal-prattiki nazzjonali, bil-għan li jiġu miġġielda l-faqar estrem u l-esklużjoni soċjali.
Emenda 12
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 7
(7)  L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jindirizzaw ukoll l-impatt soċjali tal-kriżi u jimmiraw li jsawru soċjetà ta' koeżjoni fejn iċ-ċittadini jkollhom is-setgħa li jantiċipaw u jamministraw il-bidla, u li jkunu jistgħu jieħdu sehem b'mod attiv fis-soċjetà u l-ekonomija. Irid ikun żgurat aċċess u opportunitajiet għal kulħadd filwaqt li jonqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, l-aktar billi jkun żgurat funzjonament effettiv tas-swieq tax-xogħol u s-sistemi tas-sigurtà soċjali u jitneħħew l-ostakli għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-ġid tat-tkabbir ekonomiku jitqassam fost iċ-ċittadini kollha u r-reġjuni kollha.
(7)  L-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jindirizzaw ukoll l-impatt soċjali tal-kriżi, billi jipprovdu ċifri aktar affidabbli dwar il-faqar estrem, u jimmiraw li jsawru soċjetà inklużiva u aktar ġusta fejn iċ-ċittadini jkollhom is-setgħa li jantiċipaw u jamministraw il-bidla, u li jkunu jistgħu jieħdu sehem b'mod attiv fis-soċjetà u l-ekonomija. Irid ikun żgurat aċċess nondiskriminatorju u opportunitajiet għal kulħadd filwaqt li jonqsu b'mod sostanzjali l-faqar u l-esklużjoni soċjali, l-aktar billi jkun żgurat funzjonament effikaċi tas-swieq tax-xogħol u sistemi tas-sigurtà soċjali adegwati u jitneħħew l-ostakli amministrattivi bla bżonn u l-ostakli għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari dawk li jaffettwaw lill-persuni b'diżabilità. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-ġid tat-tkabbir ekonomiku jitqassam fost iċ-ċittadini kollha u l-entitajiet lokali u reġjonali kollha. It-tabella ta' valutazzjoni bl-indikaturi ewlenin dwar l-impjiegi u l-qasam soċjali li tinsab fir-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi hija strument partikolarment utli f'dan ir-rigward billi tgħin biex jiġu individwati f'waqthom il-problemi u d-diverġenzi ewlenin fl-impjiegi u fil-qasam soċjali u jiġu identifikati l-oqsma li l-aktar jeħtieġu rispons politiku. Madankollu, edizzjonijiet oħrajn tat-tabella ta' valutazzjoni għandhom jinkludu wkoll data diżaggregata skont is-sessi.
Emenda 13
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 7a (ġdida)
(7a)  Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri identifikat tliet riskji għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ: l-adegwatezza ekonomika tal-finanzjament globali, id-definizzjoni ta' "offerta ta' kwalità tajba" u l-mod kif il-Kummissjoni timmonitorja u tirrapporta dwar ir-riżultati tal-iskema.
Emenda 14
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 7b (ġdida)
(7b)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE stabbiliet l-objettivi li ġejjin: li r-rata ta' impjieg għan-nisa u l-irġiel ta' bejn l-20 u l-64 tiżdied għal 75 % sal- 2020; li r-rati ta' tluq bikri mill-iskola jitnaqqsu għal inqas minn 10 %; li s-sehem ta' dawk ta' bejn it-30 u l-34 sena li jkunu temmew l-edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti jiżdied għal mill-inqas 40 %. u li tiġi promossa l-inklużjoni soċjali, b'mod partikolari permezz tat-tnaqqis tal-faqar, bil-għan li mill-inqas 20 miljun persuna jinħarġu mir-riskju ta' faqar u esklużjoni. It-twettiq tal-istrateġija Ewropa 2020 fil-qasam tal-impjiegi u dak soċjali jibqa' objettiv ċentrali tal-politika tal-impjiegi tal-Istati Membri.
________________
1a Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta' Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi (ĠU L 308, 24.11.2010, p. 46).
Emenda 15
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 8
(8)  Azzjoni konformi mal-linji gwida tkun kontribut importanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020. Il-linji gwida huma ġabra integrata ta' politiki Ewropej u nazzjonali li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jimplimentaw ħalli r-riformi strutturali kkoordinati jħallu effetti kollaterali pożittivi, issir taħlita tajba tal-politiki ekonomiċi ġenerali, u biex il-politiki Ewropej jagħtu kontribut aktar konsistenti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020.
(8)  Azzjoni konformi mal-linji gwida tkun kontribut importanti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020, għanijiet li għadhom ma ntlaħqux. L-eżitu tal-konsultazzjoni pubblika tal-2014 dwar l-istrateġija Ewropa 2020 wera biċ-ċar kif il-miri dwar l-impjiegi, il-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-edukazzjoni tal-istrateġija għadhom rilevanti ħafna, u huma lkoll importanti u interdipendenti ndaqs u jsaħħu lil xulxin. Il-linji gwida huma ġabra integrata ta' politiki Ewropej u nazzjonali li l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jimplimentaw ħalli r-riformi kkoordinati mmirati lejn it-tnaqqis tal-inugwaljanza u ż-żieda fil-benesseri taċ-ċittadini jħallu effetti kollaterali pożittivi, issir taħlita tajba tal-politiki ekonomiċi ġenerali, u biex il-politiki Ewropej jagħtu kontribut aktar konsistenti biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020.
Emenda 16
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 9
(9)  Għalkemm dawn il-linji gwida huma indirizzati lill-Istati Membri u lill-Unjoni, dawn għandhom jitwettqu bi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, biex jitqarrbu l-parlamenti, u kif ukoll mas-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.
(9)  Fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki nazzjonali, l-Istati Membri għandhom jiżguraw governanza effikaċi. Għalkemm dawn il-linji gwida huma indirizzati lill-Istati Membri u lill-Unjoni, dawn għandhom jiġu implimentati, monitorjati u evalwati bi sħubija mal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali kollha, mal-parlamenti, u kif ukoll mas-sħab soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili.
Emenda 17
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 10
(10)  Il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi jiggwidaw lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-riformi, u jixhdu l-interdipendenza. Dawn huma konformi mal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Dawn il-linji gwida għandhom isawru l-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kunsill jaf jagħti lill-Istati Membri,
(10)  Il-linji gwida ġenerali għall-politiki ekonomiċi u l-linji gwida dwar l-impjiegi jiggwidaw lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni tar-riformi u għandhom isawru l-bażi għal rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi li l-Kunsill jaf jagħti lill-Istati Membri, Minħabba l-interdipendenza mill-qrib tal-ekonomiji u s-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri, fl-adozzjoni ta' rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi l-Kunsill għandu jikkunsidra s-sitwazzjoni tal-pajjiżi ġirien kif ukoll tal-pajjiżi li l-Istat Membru rispettiv għandu rabtiet ċari magħhom abbażi ta' tendenza fil-migrazzjoni tal-ħaddiema jew kwalunkwe indikatur rilevanti ieħor. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandu jkollha statistika preċiża u aġġornata u data disponibbli f'każ li r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi jeħtieġ jiġu aġġustati.
Emenda 18
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 5 – paragrafu 1
L-Istati Membri għandhom jiffaċilitaw il-ħolqien tal-impjiegi, inaqqsu l-ostakli lin-negozji biex iħaddmu, jippromwovu l-intraprenditorija, u b'mod partikolari għandhom jappoġġjaw il-ħolqien u t-tkabbir ta' intrapriżi żgħar ħalli tiżdied ir-rata tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jippromwovu wkoll b'mod attiv l-ekonomija soċjali u jrawmu l-innovazzjoni soċjali.
L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, għandhom jindirizzaw b'mod effikaċi u fil-pront il-kwistjoni serja tal-qgħad, u jiffaċilitaw u jinvestu fil-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli u ta' kwalità, jindirizzaw l-aċċessibbiltà għall-gruppi li qegħdin f'riskju u jnaqqsu l-ostakli lin-negozji biex iħaddmu persuni fil-livelli kollha tal-ħiliet u fis-setturi kollha tas-suq tax-xogħol, inkluż billi jnaqqsu l-burokrazija, filwaqt li jirrispettaw l-istandards soċjali u tax-xogħol, jippromwovu l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ, u b'mod partikolari jappoġġjaw il-ħolqien u t-tkabbir ta' intrapriżi mikro, żgħar u medji ħalli tiżdied ir-rata tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jippromwovu b'mod attiv, fost l-oħrajn, l-impjiegi ekoloġiċi, l-impjiegi fis-settur tas-saħħa u fis-settur marittimu kif ukoll l-ekonomija soċjali, u jrawmu l-innovazzjoni soċjali.
Emenda 19
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 5 – paragrafu 2
Il-ħaddiema għandu jonqsilhom il-piż tat-taxxa u minflok dan għandhom jerfgħuh sorsi oħrajn ta' tassazzjoni li jagħmlu inqas ħsara lill-impjiegi u lit-tkabbir filwaqt li għandu jitħares id-dħul għal protezzjoni soċjali adegwata u l-infiq li jsaħħaħ it-tkabbir. It-tnaqqis fit-tassazzjoni fuq ix-xogħol għandu jkun immirat lejn komponenti rilevanti tal-piż tat-taxxa u għandu jsir bil-ħsieb li jonqsu l-ostakli u d-diżinċentivi għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari għall-aktar persuni mbiegħda mis-suq tax-xogħol.
Il-ħaddiema għandu jonqsilhom il-piż tat-taxxa u minflok dan għandhom jerfgħuh sorsi oħrajn ta' tassazzjoni li jagħmlu inqas ħsara lill-impjiegi u lit-tkabbir filwaqt li għandu jitħares id-dħul għal protezzjoni soċjali adegwata u l-infiq immirat lejn l-investiment pubbliku, l-innovazzjoni u l-ħolqien tal-impjiegi. It-tnaqqis fit-tassazzjoni fuq ix-xogħol għandu jkun immirat lejn komponenti rilevanti tal-piż tat-taxxa u għandu jsir bil-ħsieb li tiġi indirizzata d-diskriminazzjoni u jonqsu l-ostakli u d-diżinċentivi għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, b’mod partikolari għall-persuni b'diżabilità u għall-aktar persuni mbiegħda mis-suq tax-xogħol, filwaqt li jiġu rispettati l-istandards eżistenti tax-xogħol.
Emenda 20
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 5 – paragrafu 3
Mas-sħab soċjali, l-Istati Membri għandhom jinkoraġġixxu mekkaniżmi tal-iffissar tal-pagi ħalli l-pagi jkunu jistgħu jwieġbu għall-iżviluppi fil-produttività. Għalhekk għandhom jitqiesu d-differenzi fil-ħiliet u l-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol lokali kif ukoll id-diverġenzi fil-prestazzjoni ekonomika bejn ir-reġjuni, is-setturi u l-kumpaniji. Meta jiġu biex jiffissaw il-pagi minimi, l-Istati Membri u s-sħab soċjali għandhom iqisu l-impatt li dawn iħallu fuq il-faqar fost dawk li jaħdmu, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività.
Politiki li jiżguraw li l-pagi jippermettu introjtu adegwat li jiggarantixxi l-għajxien jibqgħu importanti għall-ħolqien tal-impjiegi u għat-tnaqqis tal-faqar fl-Unjoni. Flimkien mas-sħab soċjali, l-Istati Membri għandhom għalhekk jirrispettaw u jinkoraġġixxu mekkaniżmi tal-iffissar tal-pagi ħalli l-pagi reali jkunu jistgħu jwieġbu għall-iżviluppi fil-produttività u jgħinu jikkoreġu diverġenzi tal-passat mingħajr ma jinkoraġġixxu pressjoni deflazzjonarja. Dawk il-mekkaniżmi għandhom jiżguraw riżorsi suffiċjenti biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet bażiċi, filwaqt li jitqiesu l-indikaturi tal-faqar speċifiċi għal kull Stat Membru. Għalhekk għandhom jitqiesu d-differenzi fil-ħiliet u l-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol lokali bil-għan li jiġu żgurati pagi għal għajxien deċenti madwar l-Unjoni. Meta jiġu biex jiffissaw il-pagi minimi f'konformità mal-leġiżlazzjoni u l-prattiki nazzjonali, l-Istati Membri u s-sħab soċjali għandhom jiżguraw l-adegwatezza tagħhom kif ukoll iqisu l-impatt li dawn iħallu fuq il-faqar fost dawk li jaħdmu, l-introjtu tal-familja, id-domanda aggregata, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività.
Emenda 21
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 5 – paragrafu 3a (ġdid)
L-Istati Membri għandhom inaqqsu l-burokrazija sabiex itaffu l-piż fuq l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju, billi dawn jikkontribwixxu b'mod konsiderevoli għall-ħolqien tal-impjiegi.
Emenda 22
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 6 – paragrafu 1
L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-produttività u l-impjegabbiltà permezz ta' provvista adegwata ta' għarfien u ħiliet rilevanti. L-Istati Membri għandhom jagħmlu l-investimenti meħtieġa fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u għandhom itejbu l-effikaċja u l-effiċjenza tagħhom ħalli jiżdied il-livell tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, u b’hekk din tkun tista' tantiċipa aħjar u tissodisfa l-ħtiġijiet tant flessibbli tas-swieq tax-xogħol dinamiċi f'ekonomija li qed issir dejjem aktar diġitali. L-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex itejbu l-aċċess għal tagħlim ta’ kwalità fost l-adulti kollha u jimplimentaw strateġiji għal xjuħija attiva ħalli tiżdied il-ħajja tax-xogħol.
L-Istati Membri għandhom jippromwovu produttività sostenibbli u impjegabbiltà ta' kwalità permezz ta' provvista adegwata ta' għarfien u ħiliet rilevanti, magħmula aċċessibbli u disponibbli għal kulħadd. Għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-kura tas-saħħa, is-servizzi soċjali u s-servizzi tat-trasport li qed jiffaċċjaw jew se jiffaċċjaw nuqqas ta' persunal fit-terminu medju. L-Istati Membri għandhom jagħmlu investimenti effikaċi f'edukazzjoni inklużiva u ta' kwalità għolja minn età bikrija u fis-sistemi tat-taħriġ vokazzjonali u għandhom itejbu l-effikaċja u l-effiċjenza tagħhom ħalli jiżdiedu l-kompetenzi u l-livell tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol, filwaqt li tiżdied id-diversità tal-ħiliet, u b'hekk din tkun tista' tantiċipa aħjar u tissodisfa l-ħtiġijiet tant flessibbli tas-swieq tax-xogħol dinamiċi f'ekonomija li qed issir dejjem aktar diġitali. Għal dan il-għan, għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li "ħiliet mhux tekniċi" bħall-komunikazzjoni qed isiru dejjem aktar importanti għal għadd kbir ta' impjiegi.
Emenda 23
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 6 – paragrafu 1a (ġdid)
L-Istati Membri għandhom jippromwovu l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ billi, fost l-oħrajn, jintroduċu korsijiet volontarji dwar l-intraprenditorija u jinkoraġġixxu l-ħolqien ta' intrapriżi tal-istudenti fl-iskejjel sekondarji u fil-kulleġġi. L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex ma jħallux liż-żgħażagħ jitilqu mill-iskola u biex jiżguraw tranżizzjoni bla intoppi mill-edukazzjoni u t-taħriġ għall-ħajja professjonali, biex jitjieb l-aċċess u jitneħħew l-ostakoli għal tagħlim ta' kwalità għolja għall-adulti kollha b'enfasi partikolari fuq gruppi b'riskju għoli u l-ħtiġijiet tagħhom, billi joffru taħriġ mill-ġdid ta' ħiliet meta t-telf ta' impjiegi u t-tibdil fis-suq tax-xogħol ikunu jeħtieġu riintegrazzjoni attiva. Fl-istess ħin l-Istati Membri għandhom jimplimentaw strateġiji għal tixjiħ attiv biex jippermettu ħajja tax-xogħol b'saħħitha sal-età reali tal-irtirar.
Emenda 24
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 6 – paragrafu 1b (ġdid)
Filwaqt li jiżguraw il-livell ta' ħiliet meħtieġ minn suq tax-xogħol li kontinwament qed jinbidel u jappoġġjaw l-edukazzjoni u t-taħriġ flimkien ma' programmi ta' edukazzjoni tul il-ħajja, l-Istati Membri għandhom iżommu f'moħħhom li l-impjiegi li jeħtieġu ftit kwalifiki huma meħtieġa wkoll u li l-opportunitajiet ta' impjieg huma aħjar għal dawk li għandhom ħafna kwalifiki milli għal dawk li għandhom kwalifiki medji jew baxxi.
Emenda 25
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 6 – paragrafu 1c (ġdid)
L-aċċess għal servizzi ta' edukazzjoni u kura għall-but ta' kulħadd u ta' kwalità għolja fil-bidu tat-tfulija għandu jkun prijorità għall-politiki komprensivi u l-investiment flimkien mal-appoġġ għall-familja u l-ġenituri u miżuri ta' rikonċiljazzjoni li jgħinu lill-ġenituri jibbilanċjaw il-ħajja tax-xogħol ma' tal-familja, bħala kontribut għall-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u għaż-żieda fl-opportunitajiet għaż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol.
Emenda 26
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 6 – paragrafu 2
Għandhom jiġu indirizzati l-livelli għoljin tal-qgħad filwaqt li jkun evitat il-qgħad fit-tul. Permezz ta’ strateġiji komprensivi u li jsaħħu lil xulxin għandu jonqos l-għadd ta’ persuni qiegħda għal żmien twil, billi fost l-oħrajn jingħata appoġġ attiv speċifiku lil dawn il-persuni biex jerġgħu lura fis-suq tax-xogħol. Anke l-qgħad fost iż-żgħażagħ għandu jiġi indirizzat b’mod komprensiv billi l-istituzzjonijiet rilevanti jingħataw il-mezzi meħtieġa ħalli l-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni nazzjonali tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ tagħhom jimplimentawhom għalkollox u b’mod konsistenti.
Il-kwistjoni tal-qgħad, b'mod partikolari l-qgħad fit-tul u l-qgħad reġjonali għoli, għandha tiġi solvuta b'mod effikaċi u f'waqtu, kif ukoll evitata permezz ta' taħlita ta' miżuri min-naħa tad-domanda u min-naħa tal-provvista. Permezz ta' strateġiji komprensivi u li jsaħħu lil xulxin għandhom jiġu indirizzati l-għadd ta' persuni qiegħda għal żmien twil u l-problema ta' nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet u ta' ħiliet skaduti, billi fost l-oħrajn jingħata appoġġ attiv personalizzat u bbażat fuq il-ħtiġijiet u jiġu pprovduti skemi ta' protezzjoni soċjali xierqa lil dawn il-persuni biex jerġgħu lura fis-suq tax-xogħol b'mod infurmat u responsabbli. Anke l-qgħad fost iż-żgħażagħ għandu jiġi indirizzat b’mod komprensiv permezz ta’ strateġija globali għall-impjieg taż-żgħażagħ. Din tinkludi investiment fis-setturi li jistgħu joħolqu impjiegi ta' kwalità għaż-żgħażagħ u billi l-atturi rilevanti bħas-servizzi ta' appoġġ għaż-żgħażagħ, il-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi jingħataw il-mezzi meħtieġa ħalli l-Pjanijiet ta’ Implimentazzjoni nazzjonali tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ tagħhom jimplimentawhom għalkollox u b’mod konsistenti, iżda wkoll bl-użu rapidu tar-riżorsi min-naħa tal-Istati Membri. L-aċċess għall-finanzjament għal dawk li jagħżlu li jibdew negozju għandha tiġi ffaċilitata permezz ta' disponibbiltà usa' ta' informazzjoni, tnaqqis ta' burokrazija eċċessiva u l-possibbiltà li l-benefiċċji tal-qgħad ta' diversi xhur jiġu konvertiti f'għotja inizjali bil-quddiem wara l-preżentazzjoni ta' pjan ta' negozju u f'konformità mal-leġiżlazzjoni nazzjonali.
Emenda 27
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 6 – paragrafu 2a (ġdid)
Fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' politiki kontra l-qgħad l-Istati Membri għandhom iqisu l-inugwaljanzi lokali u reġjonali u jikkooperaw mas-servizzi pubbliċi lokali tal-impjiegi.
Emenda 28
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 6 – paragrafu 3
Għandhom jiġu indirizzati d-dgħufijiet strutturali fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ ħalli jkunu żgurati riżultati tat-tagħlim ta' kwalità filwaqt di jkun evitat u jingħeleb it-tluq bikri mill-iskola. L-Istati Membri għandhom itejbu r-riżultati tas-sistema edukattiva u jikkunsidraw sistemi ta' tagħlim doppju u t-titjib tat-taħriġ professjonali, u fl-istess waqt iżidu l-opportunitajiet biex il-ħiliet miksuba jiġu rikonoxxuti 'l barra mis-sistema tal-edukazzjoni formali.
Għandhom jiġu indirizzati d-dgħjufijiet strutturali fis-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ ħalli jkunu żgurati riżultati fit-tagħlim ta' kwalità filwaqt li jkun evitat u jingħeleb it-tluq bikri mill-iskola, u ssir promozzjoni favur edukazzjoni komprensiva u ta' kwalità għolja mil-livell l-aktar bażiku tagħha. Dan jeħtieġ sistemi edukattivi flessibbli b'enfasi fuq il-prattika. L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom itejbu l-kwalità tar-riżultati tas-sistema edukattiva billi jagħmluha aċċessibbli għal kulħadd, jistabbilixxu u jtejbu s-sistemi ta' tagħlim doppju, adattati għall-ħtiġijiet tagħhom, bit-titjib tat-taħriġ professjonali u ta' oqfsa eżistenti bħall-Europass, filwaqt li jiżguraw, fejn ikun hemm bżonn, taħriġ mill-ġdid ta' ħiliet u rikonoxximent tal-ħiliet miksuba barra s-sistema edukattiva formali. Ir-rabtiet bejn l-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol għandhom jissaħħu, filwaqt li jiġi żgurat li l-edukazzjoni tkun wiesgħa biżżejjed biex tipprovdi lin-nies b'bażi solida għall-impjegabbiltà tul il-ħajja.
Emenda 29
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 6 – paragrafu 3a (ġdid)
L-Istati Membri għandhom jikkoordinaw aħjar is-sistemi tat-taħriġ tagħhom mas-suq tax-xogħol sabiex itejbu t-tranżizzjoni bejn it-taħriġ u d-dinja tax-xogħol. L-impjiegi ekoloġiċi u s-settur tal-kura tas-saħħa huma partikolarment essenzjali fil-kuntest tad-diġitalizzazzjoni u f'termini ta' teknoloġiji ġodda.
Emenda 30
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 6 – paragrafu 4
Għandhom jonqsu l-ostakli għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol l-aktar għan-nisa, l-anzjani, iż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabbiltà u l-migranti legali. Fis-suq tax-xogħol għandhom ikunu żgurati l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż b’paga ugwali, u l-aċċess għal servizzi ta’ edukazzjoni u kura ta’ kwalità fil-bidu tat-tfulija.
Jeħtieġ tonqos aktar id-diskriminazzjoni fis-suq tax-xogħol kif ukoll fir-rigward tal-aċċess għas-suq tax-xogħol, l-aktar għall-gruppi li jiffaċċjaw diskriminazzjoni jew esklużjoni, bħan-nisa, l-anzjani, iż-żgħażagħ, il-persuni b'diżabilità u l-migranti legali. Fis-suq tax-xogħol għandhom ikunu żgurati l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż b’paga ugwali, u l-aċċess għal servizzi ta’ edukazzjoni u kura ta’ kwalità u għall-but ta' kulħadd fil-bidu tat-tfulija kif ukoll il-flessibbiltà meħtieġa biex tiġi evitata l-esklużjoni ta' dawk b'waqfiet fil-karriera tagħhom minħabba responsabbiltajiet familjari bħal dawk li jieħdu ħsieb il-familja. Għalhekk, id-Direttiva dwar in-Nisa fil-Bordijiet għandha tiġi żblukkata mill-Istati Membri.
Emenda 31
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 6 – paragrafu 4a (ġdid)
F'dan ir-rigward, l-Istati Membri għandhom iqisu l-fatt li r-rati ta' żgħażagħ li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) huma ogħla għan-nisa milli għall-irġiel u li l-fenomenu tan-NEET jeżisti primarjament minħabba żieda fil-qgħad fost iż-żgħażagħ iżda wkoll minħabba inattività mhux marbuta mal-edukazzjoni.
Emenda 32
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 6 – paragrafu 5
L-Istati Membri għandhom jużaw il-Fond Soċjali Ewropew u fondi oħrajn ta’ appoġġ li għandha l-Unjoni biex itejbu l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-amministrazzjoni pubblika.
L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ, effikaċi u effiċjenti mill-Fond Soċjali Ewropew u fondi oħrajn ta’ appoġġ li għandha l-Unjoni biex jiġġieldu l-faqar u jtejbu l-impjiegi ta' kwalità, l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni, l-amministrazzjoni pubblika u s-servizzi pubbliċi. Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u l-pjattaformi ta' investiment tiegħu għandhom ikunu wkoll mobilizzati sabiex jiġi żgurat li jinħolqu impjiegi ta' kwalità u li l-ħaddiema jingħataw il-ħiliet meħtieġa għat-tranżizzjoni tal-Unjoni lejn mudell ta' tkabbir sostenibbli.
Emenda 33
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 7 – paragrafu 1
L-Istati Membri għandhom inaqqsu s-segmentazzjoni fis-suq tax-xogħol. Għandhom isiru regoli li jħarsu x-xogħol u l-istituzzjonijiet ħalli jinħoloq ambjent xieraq għar-reklutaġġ filwaqt li dawn ikunu joffru livelli xierqa ta' protezzjoni lil min jaħdem u lil min qed ifittex jew jaħdem b'kuntratt temporanju jew b'kuntratt tax-xogħol indipendenti. Għandhom ikunu żgurati impjiegi ta’ kwalità, u dan mil-lat sigurtà soċjoekonomika, opportunitajiet ta’ edukazzjoni u taħriġ, kundizzjonijiet tax-xogħol (inkluża s-saħħa u s-sikurezza) u bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja.
L-Istati Membri għandhom inaqqsu s-segmentazzjoni fis-suq tax-xogħol billi jindirizzaw l-impjiegi prekarji, is-sottoimpjieg, ix-xogħol mhux iddikjarat u l-kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet tax-xogħol. Għandhom isiru regoli li jħarsu x-xogħol u l-istituzzjonijiet ħalli jinħoloq ambjent xieraq għar-reklutaġġ filwaqt li dawn ikunu joffru livelli xierqa ta' protezzjoni lil min jaħdem u lil min qed ifittex jew jaħdem b'kuntratt temporanju, part-time jew atipiku jew b'kuntratt tax-xogħol indipendenti, billi jinvolvu b'mod attiv lill-partijiet soċjali u jippromwovu n-negozjar kollettiv. Għandhom ikunu żgurati impjiegi ta’ kwalità għal kulħadd, u dan mil-lat ta' sigurtà soċjoekonomika, durabbiltà, salarji adegwati, drittijiet fuq ix-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti (inkluż mill-perspettiva tas-saħħa u s-sikurezza), il-protezzjoni tas-sigurtà soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi, edukazzjoni u opportunitajiet ta' taħriġ. Għalhekk hemm bżonn li ssir promozzjoni għad-dħul taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol, ir-riintegrazzjoni ta' persuni qiegħda għal żmien twil u l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, bil-forniment ta' kura bi prezz raġonevoli u bl-immodernizzar tal-organizzazzjoni tax-xogħol. Għandha ssir promozzjoni favur il-konverġenza ’l fuq fil-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Unjoni kollha.
Emenda 34
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 7 – paragrafu 1a (ġdid)
L-aċċess għas-suq tax-xogħol għandu jiffaċilita l-intraprenditorija, il-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli fis-setturi kollha, inklużi l-impjiegi ekoloġiċi, u l-kura soċjali u l-innovazzjoni, sabiex isir l-aħjar użu mill-ħiliet tal-persuni, jitrawwem l-iżvilupp tul il-ħajja tagħhom u titħeġġeġ l-innovazzjoni mmexxija mill-impjegati.
Emenda 35
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 7 – paragrafu 2
Filwaqt li jibqgħu konformi mal-prattiki nazzjonali, meta jkunu qed ifasslu u jwettqu riformi u politiki rilevanti, l-Istati Membri għandhom jinvolvu mill-qrib lill-parlamenti nazzjonali u lis-sħab soċjali, u għandhom jappoġġaw it-titjib tal-funzjonament u l-effettività tad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali.
Filwaqt li jibqgħu konformi mal-prinċipju ta' sħubija u mal-prattiki nazzjonali, meta jkunu qed ifasslu u jwettqu riformi u politiki rilevanti, l-Istati Membri għandhom jinvolvu mill-qrib lill-parlamenti nazzjonali, lis-sħab soċjali, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali, u għandhom jappoġġjaw it-titjib tal-funzjonament u l-effikaċja tad-djalogu soċjali fil-livell nazzjonali, b'mod speċjali f'dawk il-pajjiżi bl-ikbar problemi ta' devalwazzjoni tal-pagi minħabba d-deregolamentazzjoni reċenti tas-swieq tax-xogħol u d-dgħufija tan-negozjar kollettiv.
Emenda 36
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 7 – paragrafu 3
L-Istati Membri għandhom isaħħu l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol billi jagħmluhom aktar immirati, jilħqu aktar ’il bogħod, aktar mifruxin, u jinteraġġixxu aktar ma’ miżuri passivi. Billi jipprovdu servizzi pubbliċi tal-impjiegi li jagħtu appoġġ individwalizzat u billi jinħolqu sistemi li jkejlu l-prestazzjoni, dawn il-politiki għandhom jimmiraw li jtejbu t-tqabbil fis-suq tax-xogħol u jgħinu għal tranżizzjonijiet sostenibbli fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li b'mod effettiv, is-sistemi tal-protezzjoni soċjali tagħhom jattivaw u jagħmluha possibbli biex kull min jista', jieħu sehem fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jipproteġu lil dawk li (temporanjament) huma esklużi mis-swieq tax-xogħol u/jew ma jistgħux jieħdu sehem fihom, u jħejju lill-individwi għal riskji potenzjali, billi jinvestu fil-kapital uman. L-Istati Membri għandhom jippromwovu swieq tax-xogħol inklużivi miftuħa għal kulħadd u jistabbilixxu miżuri effettivi kontra d-diskriminazzjoni.
L-Istati Membri għandhom jiżguraw standards ta' kwalità bażiċi għall-politiki attivi tas-suq tax-xogħol billi jtejbu l-livell ta' kemm ikunu mmirati, kemm jilħqu ’l bogħod, kemm ikunu mifruxin, u kemm jinteraġixxu ma’ miżuri ta’ appoġġ bħas-sigurtà soċjali. Billi jipprovdu servizzi pubbliċi tal-impjiegi kwalifikati ħafna li jagħtu appoġġ individwalizzat u billi jinħolqu sistemi li jkejlu l-prestazzjoni, dawn il-politiki għandhom jimmiraw li jtejbu l-aċċess għas-suq tax-xogħol, isaħħu n-negozjar kollettiv u d-djalogu soċjali u jgħinu għal tranżizzjonijiet sostenibbli fis-suq tax-xogħol. L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li b’mod effettiv, is-sistemi tal-protezzjoni soċjali tagħhom jattivaw u jagħmluha possibbli biex kull min jista’, jieħu sehem fis-suq tax-xogħol, filwaqt li jipproteġu lil dawk li (temporanjament) huma esklużi mis-swieq tax-xogħol u/jew ma jistgħux jieħdu sehem fihom, u jħejju lill-individwi għal riskji potenzjali u kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali varjabbli, billi jinvestu fil-kapital uman. L-Istati Membri għandhom jintroduċu, bħala waħda mill-miżuri possibbli biex biha jitnaqqas il-faqar u f'konformità mal-prattika nazzjonali, introjtu minimu proporzjonali għas-sitwazzjoni soċjoekonomika speċifika tagħhom. L-Istati Membri għandhom jippromwovu swieq tax-xogħol inklużivi miftuħa għal kulħadd u jistabbilixxu miżuri effikaċi kontra d-diskriminazzjoni.
Emenda 37
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 7 – paragrafu 4
Għandha tkun żgurata l-mobbiltà tal-ħaddiema ħalli jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ ta’ suq tax-xogħol Ewropew, u fost l-oħrajn dan jista’ jsir billi jissaħħu t-trasferibbiltà tal-pensjonijiet u r-rikonoxximent tal-kwalifiki. Fl-istess waqt, l-Istati Membri għandhom jilqgħu għall-abbuż tar-regoli eżistenti.
Għandha tkun żgurata l-mobilità tal-ħaddiema bħala dritt fundamentali u kwistjoni ta' għażla ħielsa ħalli jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tas-suq tax-xogħol Ewropew, u fost l-oħrajn dan jista’ jsir billi jissaħħu t-trasferibbiltà tal-pensjonijiet u r-rikonoxximent effettiv tal-kwalifiki u l-ħiliet u l-eliminazzjoni tal-burokrazija u ta' ostakli eżistenti oħrajn. Fl-istess waqt, l-Istati Membri għandhom jegħlbu l-ostakli tal-lingwa, u b'hekk itejbu s-sistemi ta' taħriġ f'dan il-qasam. L-Istati Membri għandhom ukoll jagħmlu użu adatt min-netwerk tal-EURES sabiex jinkoraġġixxu l-mobilità tal-ħaddiema. Għandu jiġi promoss l-investiment fir-reġjuni li qed jesperjenzaw flussi ta' ħruġ ta' xogħol għall-mitigazzjoni tal-eżodu ta' mħuħ u biex il-ħaddiema mobbli jitħeġġu jerġgħu lura.
Emenda 38
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 7a (ġdida) – titolu
Intejbu l-kwalità u l-prestazzjoni tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ fil-livelli kollha
Emenda 39
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 7a (ġdida)
L-Istati Membri għandhom jagħmlu prijorità l-aċċess għas-servizzi ta' kura u edukazzjoni ta' kwalità għall-but ta' kulħadd sa mill-bidu tat-tfulija, minħabba li t-tnejn huma miżuri ta' appoġġ importanti għall-atturi tas-suq tax-xogħol u jikkontribwixxu għaż-żieda fir-rata tal-impjiegi globali filwaqt li jappoġġjaw l-individwi fir-responsabbiltajiet tagħhom. L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu politiki komprensivi u investimenti meħtieġa biex jitjieb l-appoġġ għall-familja u l-ġenituri u miżuri ta' rikonċiljazzjoni li jgħinu lill-ġenituri jsibu bilanċ bejn il-ħajja tax-xogħol u tal-familja, bħala kontribut għall-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u għaż-żieda fl-opportunitajiet taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol.
Emenda 40
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 8 – titolu
Niżguraw l-imparzjalità, nitħabtu kontra l-faqar u nippromwovu l-opportunitajiet indaqs
Niżguraw il-ġustizzja soċjali, nitħabtu kontra l-faqar u nippromwovu l-opportunitajiet indaqs
Emenda 41
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 8 – paragrafu 1
L-Istati Membri għandhom jimmodernizzaw is-sistemi tal-protezzjoni soċjali tagħhom ħalli jagħtu protezzjoni effettiva, effiċjenti u adegwata f’kull skaluna tal-ħajja taċ-ċittadini, filwaqt li jkunu jiżguraw il-ġustizzja u jindirizzaw l-inugwaljanzi. Hemm bżonn politiki soċjali simplifikati u aktar immirati li jkunu kumplimentati b’kura tat-tfal u edukazzjoni ta’ kwalità għall-but ta’ kulħadd, taħriġ u għajnuna fl-impjiegi, appoġġ għall-akkomodazzjoni u kura tas-saħħa aċċessibbli, hemm bżonn aċċess għal servizzi bażiċi bħal kont bankarju u internet u azzjoni biex ikun evitat it-tluq bikri mill-iskola u tingħeleb l-esklużjoni soċjali.
L-Istati Membri, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandhom itejbu s-sistemi tal-protezzjoni soċjali tagħhom billi jiżguraw standards bażiċi ħalli jagħtu protezzjoni effikaċi, effiċjenti u sostenibbli f’kull stadju tal-ħajja taċ-ċittadini, filwaqt li jiżguraw ħajja dinjituża, solidarjetà, aċċess għall-protezzjoni soċjali, rispett sħiħ tad-drittijiet soċjali, ġustizzja u jindirizzaw l-inugwaljanzi kif ukoll jiżguraw l-inklużjoni sabiex jeliminaw il-faqar, b'mod partikolari għall-persuni li huma esklużi mis-suq tax-xogħol u għall-gruppi aktar vulnerabbli. Hemm bżonn politiki soċjali simplifikati, aktar immirati u aktar ambizzjużi, inkluż permezz ta' kura tat-tfal u edukazzjoni ta’ kwalità għall-but ta’ kulħadd, taħriġ effikaċi u għajnuna fl-impjiegi, appoġġ għall-akkomodazzjoni u kura tas-saħħa ta' kwalità għolja aċċessibbli għal kulħadd, aċċess għal servizzi bażiċi bħal kontijiet bankarji u l-internet u azzjoni biex ikun evitat it-tluq bikri mill-iskola u jingħelbu l-faqar estrem, l-esklużjoni soċjali u, b'mod aktar ġenerali, kull forma ta' faqar. B'mod partikolari għandu jiġi indirizzat b'mod deċiżiv il-faqar fost it-tfal.
Emenda 42
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 8 – paragrafu 2
Għal dak il-għan għandhom jintużaw bosta strumenti varji iżda b’mod komplementari, fosthom servizzi ta’ għajnuna u attivazzjoni tax-xogħol u appoġġ għad-dħul li jkunu maħsuba skont il-ħtiġijiet individwali. Is-sistemi tal-protezzjoni soċjali għandhom jitfasslu b’tali mod li kull persuna intitolata għalihom issibha faċli tużahom, b’tali mod li jkunu jappoġġjaw l-investiment fil-kapital uman, u jkunu jgħinu biex ikun evitat il-faqar, biex dan jonqos u biex iċ-ċittadini jitħarsu minnu.
Għal dak il-għan għandhom jintużaw bosta strumenti varji iżda b’mod komplementari, fosthom servizzi ta’ għajnuna u attivazzjoni tax-xogħol u appoġġ għall-introjtu li jkunu maħsuba skont il-ħtiġijiet individwali. F'dan ir-rigward, hija kompetenza ta' kull Stat Membru li jiffissa livelli ta' introjtu minimu f'konformità mal-prattika nazzjonali u b'mod proporzjonali mas-sitwazzjoni soċjoekonomika speċifika fl-Istat Membru partikolari. Is-sistemi tal-protezzjoni soċjali għandhom jitfasslu b’tali mod li kull persuna, mingħajr ebda diskriminazzjoni, issibha faċli biex tikseb aċċess għalihom u tużahom, b’tali mod li jkunu jappoġġjaw l-investiment fil-kapital uman, u jkunu jgħinu biex ikun evitat il-faqar, biex dan jonqos u biex iċ-ċittadini jitħarsu minnu u mill-esklużjoni soċjali kif ukoll minn riskji oħrajn bħal tnaqqis fis-saħħa jew telf ta' impjieg. Għandu jkun hemm enfasi partikolari fuq it-tfal li jgħixu fil-faqar minħabba l-qgħad fit-tul tal-ġenituri tagħhom.
Emenda 43
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 8 – paragrafu 3
Għandha ssir riforma fis-sistemi tal-pensjonijiet ħalli jkunu żgurati s-sostenibbiltà u l-adegwatezza tagħhom għan-nisa u għall-irġiel fil-kuntest taż-żieda fil-lonġetività u tal-bidla demografika, fosthom billi jintrabtu l-etajiet statutorja tal-irtirar mal-istennija tal-għomor, billi jiżdiedu l-etajiet tal-irtirar effettivi, u billi jinħoloq tfaddil tal-irtirar kumplimentari.
Is-sistemi tal-pensjonijiet għandhom ikunu strutturati b'mod li s-sostenibbiltà, is-sikurezza u l-adegwatezza tagħhom għan-nisa u l-irġiel tkun iggarantita permezz tat-tisħiħ ta' skemi tal-irtirar li jimmiraw għal introjtu ta' rtirar deċenti li tal-inqas jaqbeż is-soll tal-faqar. Is-sistemi tal-pensjonijiet għandhom jipprevedu l-konsolidazzjoni, l-iżvilupp ulterjuri u t-titjib tat-tliet pilastri tas-sistemi ta' tfaddil għall-irtirar. Il-ħolqien ta' rabta bejn l-età tal-irtirar u l-istennija tal-għomor mhijiex l-uniku strument li permezz tiegħu tista' tiġi indirizzata l-isfida tat-tixjiħ. Ir-riformi tas-sistemi tal-pensjoni għandhom ukoll, fost l-oħrajn, jirriflettu x-xejriet tas-suq tax-xogħol, ir-rata tat-twelid, is-sitwazzjoni demografika, is-sitwazzjoni tas-saħħa u tal-ġid, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-proporzjon ta' dipendenza fuq l-ekonomija. L-aqwa mod biex tiġi indirizzata l-isfida tat-tixjiħ huwa li tiżdied ir-rata ġenerali tal-impjiegi, abbażi ta', fost l-oħrajn, investimenti soċjali f'tixjiħ attiv.
Emenda 44
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 8 – paragrafu 4
L-Istati Membri għandhom itejbu l-aċċessibbiltà, l-effiċjenza u l-effikaċja tal-kura tas-saħħa u s-sistemi tal-kura fit-tul filwaqt li jissalvagwardjaw is-sostenibbiltà fiskali.
L-Istati Membri għandhom itejbu l-kwalità, l-affordabbiltà, l-aċċessibbiltà, l-effiċjenza u l-effikaċja tal-kura tas-saħħa u s-sistemi tal-kura fit-tul u s-servizzi soċjali kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol deċenti fis-setturi relatati, filwaqt li jissalvagwardjaw is-sostenibbiltà finanzjarja ta' dawn is-sistemi bit-titjib tal-finanzjament ibbażat fuq is-solidarjetà konformi mal-ġustizzja soċjali.
Emenda 45
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja gwida 8 – paragrafu 4a (ġdid)
L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Soċjali Ewropew u fondi oħrajn ta' appoġġ li għandha l-Unjoni fil-ġlieda kontra l-faqar, l-esklużjoni soċjali u d-diskriminazzjoni, biex itejbu l-aċċessibbiltà għall-persuni b'diżabilità biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u jtejbu l-amministrazzjoni pubblika.
Emenda 46
Proposta għal deċiżjoni
Anness – Linja Gwida 8 – paragrafu 4b (ġdid)
L-objettiv tal-miri ewlenin ta' Ewropa 2020, li abbażi tagħhom l-Istati Membri jistabbilixxu l-miri nazzjonali tagħhom, skont il-pożizzjonijiet inizjali u ċ-ċirkustanzi nazzjonali relattivi tagħhom, huwa li r-rata ta' impjieg għan-nisa u l-irġiel ta' bejn l-20 u l-64 tiżdied għal 75 % sal- 2020; li r-rata ta' tluq bikri mill-iskola titnaqqas għal inqas minn 10 %; li s-sehem ta' dawk ta' bejn it-30 u l-34 sena li jkunu temmew l-edukazzjoni terzjarja jew ekwivalenti jiżdied għal mill-inqas 40 %. u li tiġi promossa l-inklużjoni soċjali, b'mod partikolari permezz tat-tnaqqis tal-faqar, bil-għan li mill-inqas 20 miljun persuna jinħarġu mir-riskju ta' faqar u esklużjoni1a.
__________________
Il-popolazzjoni hija definita bħala l-għadd ta' persuni li huma f'riskju ta' faqar u esklużjoni skont tliet indikaturi (f'riskju ta' faqar; privazzjoni materjali; familji mingħajr impjieg), li jħalli lill-Istati Membri liberi li jistabbilixxu l-miri nazzjonali tagħhom abbażi tal-indikaturi l-aktar adatti, skont iċ-ċirkustanzi u l-prijoritajiet nazzjonali tagħhom.

Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2015/001 FI/Broadcom il-Finlandja)
PDF 360kWORD 85k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2015/001 FI/Broadcom, ippreżentata mill-Finlandja) (COM(2015)0232 – C8-0135/2015 – 2015/2125(BUD))
P8_TA(2015)0262A8-0210/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0232 – C8-0135/2015),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu stipulata fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0210/2015),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex toffri appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji u biex tassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u u għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u wara li jkun ġie kkunsidrat kif dovut il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju ta' mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza fit-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u l-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eliġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi l-Finlandja ressqet l-applikazzjoni EGF/2015/001 FI/Broadcom għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG wara 568 sensja fil-Broadcom Communications Finland, li topera fin-NACE Rev. 2 diviżjoni 46 ('Kummerċ bl-imnut, għajr ta’ vetturi u muturi')(4) u 2 fornituri jew produtturi downstream,

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta ' eliġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti u li, għalhekk, il-finlandja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 365 000 skont dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fit-30 ta' Jannar 2015 u li l-valutazzjoni tagħha saret disponibbli min-naħa tal-Kummissjoni fit-2 ta' Ġunju 2015; jilqa’ l-evalwazzjoni rapida ta' inqas minn ħames xhur;

3.  Ifakkar li, matul is-snin 2000, żdied l-għadd ta' persunal fil-kumpaniji sussidjarji Finlandiżi fil-kontinenti kollha, sakemm l-Asja ħarġet bħala l-akbar impjegatur fl-industrija tal-elettronika u tal-elettriku fl-2004 u l-għadd ta' persunal fl-Ewropa beda jonqos; jikkunsidra li s-sensji fil-Broadcom huma parzjalment marbuta mat-tendenza li taffettwa l-industrija tal-elettronika Finlandiża kollha u li laħqu l-quċċata meta fl-2011 n-Nokia ħabbret sensji fuq skala kbira; jikkonkludi għalhekk li dawn l-avvenimenti huma sostanzjalment marbuta ma’ bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji minħabba l-globalizzazzjoni;

4.  Jinnota li dawn is-sensji se jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni tal-qgħad partikolarment fir-reġjun ta’ Ostrobothnia tat-Tramuntana (parti mir-reġjun FI1A tal-livell NUTS 2(5)), fejn seħħew 424 mill-568 sensja; jinnota li f’dan ir-reġjun ir-rata tal-qgħad hija konsistentement żewġ punti perċentwali ogħla mill-medja nazzjonali; jinnota li f’Awwissu 2014, waqt li r-rata ta’ qgħad nazzjonali kienet ta’ 12,2 %, fin-Nofsinhar tal-Ostrobothnia kienet ta’ 14,1 % u fl-aktar belt milquta, Oulu, kienet ta’ 16,1 % u li l-istess reġjun kien affettwat b’mod qawwi mis-sensji fuq skala kbira tan-Nokia mill-2011’il quddiem;

5.  Iqis li l-istħarriġ u ż-żjarat tal-intrapriża huma azzjonijiet li jistgħu jkunu ta' benefiċċju mhux biss għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja u koperti minn din l-applikazzjoni, iżda jistgħu wkoll jikkontribwixxu għall-bini ta’ għarfien dwar kwistjonijiet ta’ impjieg f’dan is-settur għal sensji futuri; jinnota li dawn l-azzjonijiet speċifiċi diġà huma kontinwazzjoni ta’ miżura simili mwettqa matul applikazzjoni aktar kmieni tal-FEG fil-Finlandja (EGF/2013/001 FI/Nokia);

6.  Jinnota li, sal-lum, is-settur tal-'Kummerċ bl-imnut, għajr ta' vetturi bil-mutur u muturi' kien is-suġġett ta’ applikazzjoni waħda oħra tal-FEG (EGF/2010/012 NL/Noord Holland ICT) li kienet ibbażata wkoll fuq il-kriterju tal-globalizzazzjoni;

7.  Jinnota b'sodisfazzjon li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza rapida, l-awtoritajiet Finlandiżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fil-11 ta' Awwissu 2014, ferm qabel id-deċiżjoni dwar l-għoti ta' appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost u saħansitra qabel l-applikazzjoni għal tali appoġġ;

8.  Jinnota li l-Finlandja qed tippjana tliet tipi ta’ miżuri għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: (i) għajnuna biex jittrasferixxu għal xogħol ġdid, (ii) għajnuna biex jiftħu n-negozju tagħhom stess, u (iii) l-għoti ta' taħriġ jew edukazzjoni;

9.  Jinnota li l-awtoritajiet qed jippjanaw li jużaw 17,46 % tal-ispejjeż kollha fuq benefiċċji u inċentivi fil-forma ta’ sussidji tal-paga (bħala parti mis-salarju ta’ kull relazzjoni ta’ impjieg stabbilit għal kull ħaddiem fil-mira) u l-benefiċċji tal-ivjaġġar, l-akkomodazzjoni u l-ġarr, li jammontaw għal nofs l-ammont massimu permess ta’ 35 % tal-ispejjeż kollha għal miżuri bħal dawn;

10.  Jilqa’ l-proċeduri li segwew l-awtoritajiet Finlandiżi biex jikkonsultaw mal-benefiċjarji fil-mira jew ir-rappreżentanti tagħhom jew is-sħab soċjali kif ukoll mal-awtoritajiet lokali u reġjonali;

11.  Ifakkar fl-importanza li tittejjeb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali;

12.  Ifakkar li, f’konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG, it-tfassil tal-pakkett ikkoordinat tas-servizzi personalizzati għandu jantiċipa perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-kapaċitajiet meħtieġa u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

13.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-kumplimentarjetà tal-interventi proposti tal-FEG ma’ azzjonijiet oħra ffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni;

14.  Jinnota li l-informazzjoni fornuta dwar il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati li għandu jiġi ffinanzjat mill-FEG tinkludi informazzjoni dwar il-komplementarjetà mal-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali; jisħaq fuq il-fatt li l-awtoritajiet Finlandiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha, bil-ħsieb li jiġi żgurat ir-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

15.  Japprezza l-proċedura mtejba implimentata mill-Kummissjoni wara t-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota l-pressjoni ta' ħin li jimplika l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-fajls;

16.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma ' din ir-riżoluzzjoni;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

18.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni mill-Finlandja — EGF/2015/001 FI/Broadcom)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2015/1477.)

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Ir-Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).
(5) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).


Baġit 2016 - Mandat għat-trilogu
PDF 1632kWORD 1052k
Riżoluzzjoni
Anness
Anness
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2015 dwar il-mandat għat-trilogu dwar l-abbozz ta' baġit 2016 (2015/2074(BUD))
P8_TA(2015)0263A8-0217/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 312 u 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, adottat mill-Kummissjoni fl-24 ta' Ġunju 2015 (COM(2015)0300),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2016, Taqsima III – Il-Kummissjoni(4),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2015 dwar il-linji gwida baġitarji għall-2016,

–  wara li kkunsidra t-Titolu II, Kapitolu 8, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittri mill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, mill-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, mill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-kumitati interessati l-oħra (A8-0217/2015),

Abbozz ta' Baġit 2016: nirrispettaw l-impenji u l-prijoritajiet ta' finanzjament

1.  Ifakkar li, fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tal-11 ta' Marzu 2015, il-Parlament qiegħed il-ħolqien ta' impjiegi deċenti u ta' kwalità u l-iżvilupp tal-intrapriżi u l-intraprenditorija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv madwar l-Unjoni ("it-tliet I"), flimkien mas-solidarjetà interna u esterna fi ħdan Ewropa sigura, fiċ-ċentru tal-prijoritajiet tiegħu għall-baġit 2016; itenni d-dedikazzjoni tal-Parlament lejn ir-rispett tal-impenji ġuridiċi kif ukoll dawk politiċi u l-appell tiegħu lill-istituzzjonijiet biex iwettqu l-wegħdiet tagħhom;

2.  Jissottolinja, f'dan il-kuntest, li l-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014–2020 stabbilixxa limiti massimi għall-intestaturi kollha iżda ddispona wkoll għal flessibbiltà speċifika u l-flessibbiltà massima possibbli sabiex l-Unjoni tkun tista' tissodisfa l-obbligi ġuridiċi tagħha, u għal strumenti speċjali sabiex l-Unjoni tkun tista' tirreaġixxi għal ċirkostanzi speċifiċi imprevisti jew tiffinanzja nefqa identifikata b'mod ċar oltre l-limiti massimi;

3.  Jilqa' l-fatt li l-Abbozz ta' Baġit Ġenerali tal-Unjoni Ewropea li ħejjiet il-Kummissjoni, għas-sena finanzjarja 2016 isaħħaħ dawn il-prijoritajiet u jipproponi l-intensifikazzjoni tal-appoġġ tal-UE għall-programmi orjentati lejn l-investiment, l-għarfien, l-impjiegi u t-tkabbir, u b'mod partikolari għal Erasmus+, programm emblematiku fil-qasam tal-mobilità; jemmen li l-Abbozz ta' Baġit għall-2016 hu pass pożittiv 'il quddiem biex l-Istati Membri jiġu megħjuna jaffrontaw l-isfidi strutturali, b'mod speċjali t-telf ta' kompetittività; jinsab sodisfatt mill-fatt li, apparti ż-żidiet dovutament mistennija fl-Intestatura 3 (Sigurtà u ċittadinanza) u l-Intestatura 4 (Ewropa Globali), il-Kummissjoni qed taċċetta l-isfida li tirreaġixxi għal żviluppi ġodda, bħall-kriżijiet fl-Ukrajna, fis-Sirja u fil-Mediterran, billi twieġeb għall-ħtiġijiet tal-UE u tal-Istati Membri fil-qasam tas-sigurtà u l-migrazzjoni u billi turi rieda politika b'saħħitha fil-qasam tal-azzjoni esterna u impenn baġitarju fir-rigward tal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu;

4.  Jilqa' l-inklużjoni tal-Fond Ewropew għal Investiment Strateġiku (FEIS) fl-Abbozz ta' Baġit 2016 u, b'mod partikolari, il-mobilizzazzjoni tal-Marġni Globali għall-Impenji biex ikopri parti min-nefqa meħtieġa għall-finanzjament ta' EUR 8 miljun għall-Fond ta' Garanzija FEIS, minflok ma jiddependi biss fuq it-tnaqqis fil-baġits tal-Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; jisħaq fuq il-fatt li l-objettiv tal-Parlament kien li jimminimizza sal-massimu possibbli l-impatt fuq dawn iż-żewġ programmi u l-fatt li l-qbil li ntlaħaq mill-koleġiżlaturi kompla jbaxxi dan it-tnaqqis b'EUR 1 biljun kumplessivament, b'mod li r-riċerka fundamentali, inter alia, ma ntlaqtitx jistenna li l-ftehim finali rigward il-FEIS jiġi rifless kemm jista' jkun malajr fil-baġit 2016 abbażi ta' ittra ta' emenda;

5.  Ifakkar madankollu fil-fatt li d-deċiżjoni dwar l-approprjazzjonijiet annwali li għandhom jiġu awtorizzati biex jiġi kostitwit il-fond ta' garanzija FEIS se tittieħed biss mill-awtorità baġitarja, matul il-proċedura baġitarja annwali; jimpenja ruħu, f'dan il-qafas, favur kumpens ulterjuri għat-tnaqqis li jolqot lill-Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li għadu sinifikanti, b'mod li dawk il-programmi jitħallew iwettqu kompletament l-objettivi li kull m'ilhom miftiehma sentejn biss bħala riżultat tan-negozjati rigward il-bażijiet ġuridiċi rispettivi tagħhom; biħsiebu wkoll jeżamina mill-qrib jekk dak it-tnaqqis għandux jiġi kkonċentrat fis-snin 2016-2018, kif ipproponiet il-Kummissjoni, jew jinfirixx ulterjorment fuq is-snin 2019–2020, bħala mezz biex jiġi mminimizzat l-impatt fuq dawn il-programmi;

6.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li l-Programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-SMEs (COSME) qed iġarrab tnaqqis nominali fl-approprjazzjonijiet ta' impenn mill-2015 sal-2016; jevidenzja s-sinjal negattiv ferm li tnaqqis ta' dan it-tip jagħti fi żmien meta l-potenzjal tal-SMEs bħala innovaturi u kreaturi ta' impjiegi hu meħtieġ b'urġenza sabiex jitqanqal l-irkupru tal-UE, jitnaqqsu d-distakki fl-investiment u jingħata kontribut għall-prosperità tal-Unjoni fil-ġejjieni; ifakkar li l-promozzjoni tal-intraprenditorija, it-titjib tal-kompetittività u l-aċċess għas-swieq għall-intrapriżi tal-Unjoni, inklużi l-intrapriżi soċjali, u t-titjib tal-aċċess għal finanzjament għall-SMEs li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-ekonomija u l-kompetittività tal-UE, huma prijoritajiet li hu ċar li huma kondiviżi bejn l-istituzzjonijiet kollha, u li kienu l-ġustifikazzjoni għall-konċentrazzjoni fil-bidu tal-perjodu u t-tisħiħ tal-approprjazzjonijiet ta' COSME matul dawn l-aħħar sentejn, wara li tqieset ir-rata għolja ta' implimentazzjoni tal-programm; biħsiebu, għaldaqstant, jiżgura li dan il-programm jevolvi b'mod pożittiv fl-2016;

7.  Itenni t-tħassib tiegħu dwar il-finanzjament tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ bħala għodda kruċjali għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Unjoni, li hija prijorità ewlenija għal kull min jieħu d-deċiżjonijiet fl-Ewropa; jikkonstata l-konċentrazzjoni fil-bidu tal-perjodu tal-allokazzjoni komplementari għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fl-2014 u fl-2015; jiddispjaċih dwar il-fatt li fl-2016 ma ġie propost l-ebda impenn ġdid; ifakkar li l-QFP iddispona għal marġni globali għall-impenji li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni oltre l-limiti massimi sa mill-2016 fir-rigward tal-objettivi politiċi relatati mat-tkabbir u l-impjiegi, b'mod partikolari l-impjiegi għaż-żgħażagħ; ifakkar li, b'konsegwenza ta' dan, ir-Regolament dwar il-Fond Soċjali Ewropew iddispona li, fil-qafas tal-proċedura baġitarja, ir-riżorsi għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ jistgħu jiġu riveduti 'l fuq għas-snin mill-2016 sal-2020; jappella, għalhekk, biex l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ titkompla billi tiġi sfruttata kwalunkwe dispożizzjoni ta' flessibbiltà li tinsab fil-QFP, u biħsiebu jiżgura li l-baġit 2016 ikun jipprevedi l-ammonti neċessarji;

8.  Jikkonstata li, grazzi għal ftehim f'waqtu dwar ir-riprogrammar tal-impenji taħt ġestjoni kondiviża fi ħdan il-QFP 2014-2020 minħabba l-adozzjoni tardiva tar-regoli u l-programmi rilevanti, il-Kummissjoni inkludiet fl-Abbozz ta' Baġit 2016 tagħha (Intestaturi 2 u 3) EUR 4,5 biljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn li ma setgħux jintużaw fl-2014; ifakkar li l-baġit emendatorju Nru 1/2015 diġà ppermetta trasferiment ta' EUR 16,5 biljun mill-2014 sal-2015 taħt l-Intestaturi 1b, 2 u 3; jisħaq fuq il-fatt li dawn huma, madankollu, sempliċi trasferimenti minn approprjazzjonijiet diġà miftiehma tal-2014 u għandhom għalhekk, għal finijiet ta' tqabbil, jitnaqqsu minn kwalunkwe valutazzjoni tal-evoluzzjoni tal-baġit 2016 fil-konfront tal-baġit 2015; jindika, għalhekk, li l-programmi kkonċernati fil-fatt qed jibbenefikaw minn approprjazzjonijiet ta' impenn imsaħħa fl-Abbozz ta' Baġit 2016;

9.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-programmi ġodda li jaqgħu taħt il-perjodu tal-QFP 2014–2020 qed idumu ma jibdew aktar milli kien ippjanat minħabba l-approvazzjoni tardiva tal-bażijiet ġuridiċi u tal-programmi operattivi, kif ukoll minħabba n-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fl-2014; jimpenja ruħu li jeżamina jekk l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament mitluba humiex fil-fatt se jippermettu li dawn il-programmi ġodda jibdew joperaw kif suppost; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa sabiex jagħmlu tajjeb għad-dewmien fl-implimentazzjoni tagħhom;

10.  Jikkonstata li l-Abbozz ta' Baġit tal-UE għall-2016 jammonta għal EUR 153,5 biljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn (inklużi EUR 4,5 biljun riprogrammati mill-2014) u EUR 143,5 biljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament; jindika li, jekk ma jitqiesx l-effett tar-riprogrammar fl-2015 u fl-2016, dan jikkorrispondi għal żieda ta' +2,4 % fl-impenji u ta' +1,6 % fil-pagamenti meta mqabbla ma' dawk tal-baġit 2015; jisħaq fuq il-fatt li dawn iż-żidiet moderati kumplessivi, skont id-direzzjoni stabbilita mill-QFP u wara li titqies l-inflazzjoni, ma jirrappreżentaw kważi l-ebda żieda f'termini reali, u dan jenfasizza l-importanza tal-effiċjenza u l-effikaċja tal-infiq;

11.  Jissottolinja l-fatt li l-Kummissjoni qed tħalli marġnijiet ta' EUR 2,2 biljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn (li minnhom EUR 1,2 biljun qegħdin fl-Intestatura 2) u ta' EUR 1,6 biljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament taħt il-limiti massimi tal-QFP; ifakkar li l-marġnijiet disponibbli fl-impenji u fil-pagamenti kif ukoll il-pagamenti mhux esegwiti jalimentaw il-marġnijiet globali li għandhom jintużaw fis-snin sussegwenti, meta tinqala' l-ħtieġa; jikkonstata li l-Marġni Globali għall-Impenji qed jitqiegħed għad-dispożizzjoni għall-ewwel darba u li parti minnu se tintuża għall-FEIS; jilqa' fil-prinċipju l-użu propost tal-Istrument ta' Flessibbiltà għal nefqa identifikata b'mod ċar, bħala parti mill-inizjattivi ġodda tal-UE fl-oqsma tal-asil u l-migrazzjoni li ma jistgħux jiġu ffinanzjati fi ħdan il-limiti tal-Intestatura 3; biħsiebu jisfrutta parti mill-marġnijiet li fadal u mid-dispożizzjonijiet rilevanti dwar il-flessibbiltà pprovduti mill-QFP biex isaħħaħ il-prijoritajiet kruċjali;

Pagamenti: inreġġgħu lura l-fiduċja

12.  Ifakkar li n-nuqqas fil-pagamenti, l-aktar minħabba limiti massimi insuffiċjenti għall-pagamenti u bbaġitjar ta' anqas riżorsi milli kien meħtieġ, laħaq livelli bla preċedenti fl-2014 u baqa' gravi fl-2015; jibża' li dan se jkompli jipperikola l-implimetazzjoni kif suppost tal-programmi ġodda taħt il-QFP 2014–2020 u jippenalizza lill-benefiċjarji, b'mod speċjali lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, li qed jaffaċċjaw restrizzjonijiet ekonomiċi u soċjali; waqt li jappoġġa l-ġestjoni attiva tal-pagamenti min-naħa tal-Kummissjoni, jinsab imħasseb dwar il-posponiment tas-sejħiet għal proposti, dwar it-tnaqqis tal-prefinanzjament u dwar il-pagamenti tardivi, li jistgħu jirriżultaw li jkunu detrimentali għall-ilħuq tal-objettivi tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; itenni t-tħassib tiegħu rigward it-tnaqqis ad hoc fil-pagamenti introdott mill-Kunsill fil-qari tiegħu tal-baġits annwali, inkluż fil-programmi fil-qasam tal-kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi taħt l-Intestatura 1a; jappella lill-Kummissjoni biex tipprepara rapport rigward l-impatt fuq il-benefiċjarji li esperjenzaw dewmien fir-rigward tal-pagamenti li kellha ttihom l-Unjoni fl-2013-2015, kif ukoll l-impatt fuq l-implimentazzjoni tal-programmi sa mhux aktar tard milll-31 ta' Marzu 2016;

13.  Jilqa' l-fatt li l-Abbozz ta' Baġit tal-UE jirrifletti d-dikjarazzjoni konġunta dwar pjan ta' pagament 2015–2016 li ntlaħaq qbil dwaru bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni b'segwitu għad-dijanjożi kondiviża u l-impenn meħud mit-tliet istituzzjonijiet biex inaqqsu dan l-arretrat; ifakkar li, skont l-Artikolu 310 TFUE, id-dħul u n-nefqa murija fil-baġit tal-UE għandhom ikunu f'bilanċ; jikkonstata li, skont l-estimi tal-Kummissjoni, l-approprjazzjonijiet ta' pagament mitluba fl-Abbozz ta' Baġit kieku jnaqqsu l-arretrat ta' kontijiet mhux imħallsa sa livell sostenibbli ta' madwar EUR 2 biljun; jimpenja ruħu, b'konsegwenza ta' dan, biex jappoġġa kompletament il-proposta tal-Kummissjoni, u jistenna li l-Kunsill jirrispetta l-impenji li ħa f'dan ir-rigward;

14.  Jissottolinja li l-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni impenjaw ruħhom li fil-ġejjieni jevitaw akkumulazzjoni ta' arretrat insostenibbli ta' talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena, filwaqt li jirrispettaw bis-sħiħ u jimplimentaw il-ftehimiet milħuqa bħala parti mill-qafas finanzjarju pluriennali u mill-proċeduri baġitarji annwali; itenni l-ħtieġa f'dan ir-rigward li jsir monitoraġġ mill-qrib u attiv tal-iżvilupp ta' dan l-arretrat; itenni t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-ispeċifiċitajiet taċ-ċikli ta' pagament iqiegħdu pressjoni addizzjonali fil-livell tal-approprjazzjonijiet ta' pagament, b'mod speċjali fi tmiem il-QFP; ifakkar lill-Kummissjoni rigward l-impenn li ħadet fid-dikjarazzjoni konġunta dwar pjan ta' pagament li tiżviluppa l-għodda tagħha għal tbassir fuq żmien medju u fuq żmien twil u li twaqqaf sistema ta' twissija bikrija, bil-għan li tippreżenta dan l-ewwel tbassir tal-pagamenti f'Lulju, sabiex l-awtorità baġitarja tkun tista' tieħu deċiżjonijiet informati kif dovut fil-ġejjieni;

15.  Jilqa' l-fatt li l-bilanċ fi ħdan l-approprjazzjonijiet ta' pagament kumplessivi fl-aħħar qed jiċċaqlaq b'mod sinifikanti mit-tlestija tal-programmi passati tal-2007–2013 għall-eżekuzzjoni tal-programmi l-ġodda tal-2014–2020; jissottolinja madankollu l-fatt li l-livell tal-pagamenti fl-Abbozz ta' Baġit 2016, b'mod speċifiku fir-rigward tal-Intestatura 1b, hu baxx meta mqabbel mal-livell tal-impenji, u dan jinvolvi r-riskju ta' arretrat simili ta' pagamenti pendenti fi tmiem il-QFP attwali; jiddubita għalhekk sa liema punt dan hu konformi mal-perspettiva fuq żmien twil tal-pjan ta' pagament;

Subintestatura 1a – Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi

16.  Jikkonstata li, meta mqabbla ma' dik tal-2015, il-proposta tal-Kummissjoni għall-2016 tikkorrispondi għal żieda fl-impenji taħt is-subintestatura 1a ta' +6,1 % biex laħqu EUR 18,6 biljun; jindika li ż-żieda fl-impenji hija fil-biċċa l-kbira dovuta għall-integrazzjoni tal-FEIS, għaż-żidiet għal Erasmus+ u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u, f'livell minuri, għaż-żidiet għall-programmi Dwana, Fiscalis u Ġlieda kontra l-Frodi kif ukoll għall-programm Impjiegi u Innovazzjoni Soċjali; se jagħti attenzjoni partikolari għat-tnaqqis tal-inugwaljanzi bejn l-apprendistati u l-edukazzjoni għolja fl-Ewropa, b'mod partikolari billi jiġi żgurat aċċess indaqs għall-mobilità;

17.  Jiddispjaċih, madankollu, dwar it-tnaqqis fl-approprjazzjonijiet għal proġetti infrastrutturali kbar, l-Orizzont 2020 u l-COSME, kif ukoll dwar il-fatt li l-progress fir-rigward tal-komponent "Trasport" tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa qed jimxi aktar bil-mod minħabba r-riallokazzjoni lill-FEIS; ifakkar li l-proposta inizjali tal-Kummissjoni dwar il-FEIS kieku kienet tirriżulta fi tnaqqis ta' EUR 170 miljun għall-Orizzont 2020 fl-2016 meta mqabbla ma' dik tal-2015, biex b'hekk jingħata sinjal kontradittorju dwar programm li huwa estensivament rikonoxxut bħala prijorità emblematika taħt il-QFP attwali; jiddeplora r-riperkussjonijiet fuq il-finanzjament għar-riċerka, inkluż fl-oqsma tal-Enerġija, l-SMEs, il-Klima u l-Ambjent, ix-Xjenzi Soċjali u x-Xjenza fis-Soċjetà; jimpenja ruħu li jfittex li jikkumpensa ulterjorment għat-tnaqqis propost f'dawn il-programmi permezz ta' tisħiħ matul il-proċedura baġitarja bl-użu tal-marġni ta' EUR 200 miljun li għadu disponibbli taħt il-limitu massimu għall-Intestatura 1a; jisħaq fuq il-fatt li l-finanzjament għall-investiment, ir-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni għandu jiġi ffokat fuq l-oqsma fejn jista' jinkiseb l-akbar valur miżjud, bħal dawk tat-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija, it-teknoloġiji ta' informazzjoni u komunikazzjoni, l-għotjiet għal riċerka bażika u t-teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju kif ukoll dawk ta' enerġija rinnovabbli;

18.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-programm ITER u jimpenja ruħu li jiżgura l-finanzjament xieraq; jinsab imħasseb, madankollu, dwar il-fatt li l-preżentazzjoni ta' kalendarju u ppjanar finanzjarju riveduti għall-programm ITER prevista f'Novembru 2015 mhix se tippermetti li l-awtorità baġitarja tqis l-informazzjoni ġdida fil-proċedura baġitarja annwali għall-2016; iħeġġeġ, madankollu, biex l-ITER u l-Impriża Konġunta tiegħu għall-Unjoni Ewropea – Fużjoni għall-Enerġija jippreżentaw mingħajr dewmien ir-rapporti mitlubin rigward il-kwittanza tagħhom għall-2013, u biex jagħtu segwitu għar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Parlament;

19.  Jissottolinja li l-ibbaġitjar fl-imgħoddi ta' anqas approprjazzjonijiet ta' pagament milli kien meħtieġ wessa' d-distakk bejn l-impenji u l-pagamenti f'diversi programmi taħt l-Intestatura 1a, biex b'hekk ikkontribwixxa għaż-żieda drastika fl-impenji pendenti (RALs) meta mqabbla mal-intestaturi l-oħra; jinsab mħasseb li l-Kummissjoni kellha tnaqqas l-ammont ta' prefinanzjament u, agħar minn hekk, tipposponi sejħiet ġodda għal proposti u ddewwem l-iffirmar tal-kuntratti; jikkonstata, pereżempju, li taħt l-Orizzont 2020, il-Kummissjoni tistima li "f'xenarju ta' implimentazzjoni normali mingħajr limiti fuq l-approprjazzjonijiet ta' pagament, sa tmiem l-2014, kieku kienu jintefqu madwar EUR 1 biljun aktar"; filwaqt li jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex iżżomm is-sitwazzjoni tal-pagamenti taħt kontroll, itenni li taħt l-ebda ċirkostanza mhu se jittollera li tnaqqis fir-ritmu tal-programmi 2014-2020 jitqies bħala mod biex jiġu ttrattati n-nuqqasijiet ta' pagamenti;

20.  Jilqa', għalhekk, iż-żieda fl-approprjazzjonijiet ta' pagament ta' +11,4 % biex laħqu EUR 17,5 biljun meta mqabbla ma' dawk tal-2015, u ż-żieda fil-proporzjon bejn il-pagamenti u l-impenji għall-2016; jikkonstata, b'mod partikolari, li għal diversi programmi (Copernicus, Erasmus+, Orizzont 2020, Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa - Trasport, sikurezza u dekummissjonar nukleari) l-approprjazzjonijiet ta' pagament jaqbżu l-livell tal-approprjazzjonijiet ta' impenn;

Subintestatura 1b – Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

21.  Jieħu nota tal-proposti ta' EUR 50,8 biljun f'impenji (+3,2 % meta mqabbla ma' dawk tal-2015, bl-impatt tar-riprogrammar newtralizzat) u ta' EUR 49,1 biljun f'pagamenti (-4 %) għas-Subintestatura 1b, li jħallu marġni żgħir ta' EUR 15,3 miljun taħt il-limitu massimu għall-impenji; ifakkar li l-politika ta' koeżjoni tirrappreżenta l-politika ewlenija tal-UE rigward l-investiment u hi mmirata lejn it-tnaqqis tal-inugwaljanzi bejn ir-reġjuni Ewropej permezz tat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jissottolinja l-fatt li strumenti bħall-FSE, il-FEŻR, il-Fond ta' Koeżjoni jew l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ huma strumentali fit-trawwim tal-konverġenza, it-tiċkin tad-distakk fl-iżvilupp u l-appoġġ għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u sostenibbli; jissottolinja r-rwol kruċjali tal-politika ta' koeżjoni tal-UE biex jinkisbu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020;

22.  Jevidenzja l-fatt li 44 % tal-approprjazzjonijiet ta' pagament proposti għall-2016 ikopru talbiet għal pagament pendenti għall-perjodi ta' programmazzjoni preċedenti, biex jibqgħu biss EUR 26,8 biljun f'pagamenti għall-fażi inizjali tal-programmi ta' koeżjoni ġodda għall-2014–2020; jikkunsidra li l-approprjazzjonijiet ta' pagament proposti, għalhekk, huma l-minimu indispensabbli f'din is-subintestatura;

23.  Ifakkar li hemm bżonn ta' ammont ta' EUR 21,6 biljun fil-baġit 2016 biex il-livell ta' talbiet għal pagament pendenti għall-programmi ta' koeżjoni tal-2007–2013 jitnaqqas minn EUR 24,7 biljun fi tmiem l-2014 u EUR 20 biljun fi tmiem l-2015 għal madwar EUR 2 biljun sa tmiem l-2016, kif deskritt fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni annessa mad-dikjarazzjoni konġunta dwar pjan ta' pagament 2015–2016; iħeġġeġ biex tiġi evitata akkumulazzjoni 'anormali' simili ta' kontijiet mhux imħallsa fil-ġejjieni, b'mod li l-kredibbiltà tal-UE ma tiġix kompromessa;

24.  Jisħaq fuq il-fatt li, apparti l-appell tiegħu biex l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ titkompla, hu kruċjali li jkun hemm aċċelerazzjoni effiċjenti u effikaċi tal-implimentazzjoni tagħha fl-Istati Membri; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jieħdu kull miżura meħtieġa biex l-iskemi nazzjonali ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ jibdew joperaw bħala kwistjoni prijoritarja, waqt li fejn ikun xieraq iqisu r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri kif ġew stipulati fir-Rapport Speċjali Nru 3/2015 tagħha; itenni li ż-żieda li ġiet approvata dan l-aħħar biex ir-rata ta' prefinanzjament telgħet għal 30 %, u li għandha appoġġ qawwi min-naħa tal-Parlament, hija dipendenti fuq il-preżentazzjoni rapida tat-talbiet għal pagament interim min-naħa tal-Istati Membri fi żmien sena, li għandha tikkonkretizza ruħha fl-2016; jinsisti li ż-żieda fil-prefinanzjament tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ m'għandhiex tolqot negattivament l-implimentazzjoni tal-komponenti l-oħra tal-FSE;

Intestatura 2 – Tkabbir sostenibbli: ir-riżorsi naturali

25.  Jieħu nota tal-proposti ta' EUR 63,1 biljun f'impenji (-0,1 % meta mqabbla ma' dawk tal-2015, bl-impatt tar-riprogrammar newtralizzat) u ta' EUR 55,9 biljun f'pagamenti (-0,2 %) għall-Intestatura 2, li jħallu marġni ta' EUR 1,2 biljun taħt il-limitu massimu għall-impenji u marġni ta' EUR 1,1 biljun taħt is-sottolimitu massimu għall-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG); jindika li l-mekkaniżmu ta' dixxiplina finanzjarja jiġi applikat biss sabiex jistabbilixxi r-riżerva għall-kriżijiet fis-settur agrikolu; jistenna l-Ittra ta' Emenda tal-Kummissjoni, li suppost tasal f'Ottubru 2015, u li għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni aġġornata dwar il-finanzjament tal-FAEG; jenfasizza li t-trasferimenti bejn iż-żewġ pilastri tal-PAK jirriżultaw f'żieda kumplessiva fl-ammont disponibbli għall-iżvilupp rurali;

26.  Jisħaq fuq il-fatt li l-Abbozz ta' Baġit 2016 juri tnaqqis fil-ħtiġijiet għal interventi fis-swieq agrikoli meta mqabbla ma' dawk fil-baġit 2015, prinċipalment minħabba l-impatt fl-2015 tal-miżuri ta' emerġenza relatati mal-embargo Russu fuq l-importazzjoni ta' ċerti prodotti agrikoli mill-UE; jikkonstata li, skont il-Kummissjoni, m'hemm bżonn tal-ebda miżura ulterjuri taħt il-baġit 2016; jevidenzja l-objettivi taż-żieda fil-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-agrikoltura Ewropea, u jitlob li jitqiegħdu għad-dispożizzjoni r-riżorsi biex jintlaħqu dawn l-objettivi;

27.  Jissottolinja l-fatt li, b'segwitu għar-riforma, il-Politika Komuni tas-Sajd tipprovdi qafas ġuridiku ambizzjuż li permezz tiegħu jistgħu jiġu indirizzati l-isfidi tas-sajd responsabbli, anke permezz tal-ġbir ta' data, u jinsab kuntent li l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd ibbenefika minn trasferiment lejn l-2015 ta' approprjazzjonijiet mhux użati fl-2014, waqt li, bl-impatt ta' dan ir-riprogrammar newtralizzat, qed isir progress ulterjuri fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta' impenn għal dan il-Fond fl-2016; jikkonstata, madankollu, li fir-rigward tal-pagamenti l-eliminazzjoni gradwali tal-programm preċedenti qed tiġi biss parzjalment ikkumpensata bl-implimentazzjoni tal-programm il-ġdid, u dan jirriżulta f'anqas approprjazzjonijiet fl-2016;

28.  Jilqa' ż-żieda fl-approprjazzjonijiet prevista għall-Programm LIFE għall-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, kemm fl-impenji u kemm fil-pagamenti; jilqa' l-ewwel passi fl-ekoloġizzazzjoni tal-Baġit tal-UE u jindika l-ħtieġa biex ir-ritmu tagħha jkompli jaċċelera;

Intestatura 3 – Sigurtà u Ċittadinanza

29.  Jilqa’ l-fatt li l-Abbozz ta' Baġit 2016 iżid l-appoġġ tiegħu għall-programmi kollha fl-Intestatura 3, li jammonta għal EUR 2,5 biljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn (+12,6 % meta mqabbel mal-baġit tal-2015 bir-riprogrammar newtralizzat) u għal EUR 2,3 biljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament (+9,7 %); jirrimarka li dan ma jħalli l-ebda marġni għal aktar tisħiħ jew għal proġetti pilota u azzjonijiet preparatorji taħt l-Intestatura 3; huwa tal-fehma li, fis-sitwazzjoni ġeopolitika attwali, l-aktar minħabba l-pressjoni li qed tiżdied tal-flussi migratorji, il-livell tal-limiti massimi stabbiliti għal dik li hija l-iżgħar intestatura tal-QFP jista’ ma jkunx aġġornat u għandu jiġi indirizzat fil-kuntest tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP;

30.  Jilqa’ b’sodisfazzjon l-Aġenda Ewropea tal-Kummissjoni dwar il-Migrazzjoni u jtenni l-appoġġ tiegħu għat-tisħiħ fil-mezzi tal-UE u l-iżvilupp ta’ kultura ta’ kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet u solidarjetà fl-oqsma tal-asil, il-migrazzjoni u l-ġestjoni tal-fruntieri esterni; ifaħħar għalhekk iż-żidiet fl-approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li jikkostitwixxu l-iżvilupp tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA); jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni li jiġi mobilizzat l-Istrument ta’ Flessibbiltà b’EUR 124 miljun sabiex jindirizza x-xejriet migratorji attwali fil-Mediterran; jistaqsi jekk il-finanzjament propost huwiex se jkun biżżejjed; jenfasizza l-ħtieġa għal kontroll strett fuq id-destinazzjoni ta’ dawn il-fondi;

31.  Jenfasizza li, minħabba l-għadd kbir ta’ migranti li waslu fix-xtut tan-Nofsinhar tal-Unjoni u r-rwol dejjem jikber li għandu l-EASO fil-ġestjoni tal-asil, il-proposta li l-persunal tal-EASO jiżdied biss b’6 hija evidenti li mhux biżżejjed; jitlob għalhekk li l-EASO jkollu livell ta’ persunal u baġit xierqa għall-2016 sabiex ikun jista’ jwettaq il-kompiti u l-operat tiegħu b’mod effettiv;

32.  Jemmen li l-impatt baġitarju u l-kompiti addizzjonali tal-miżuri ppreżentati bħala parti mill-Aġenda tal-UE dwar il-Migrazzjoni, u l-Aġenda tal-UE dwar is-Sigurtà fir-rigward tal-Europol għandhom jiġu vvalutati fid-dettall mill-Kummissjoni, sabiex l-awtorità baġitarja tkun tista’ taġġusta adegwatament il-ħtiġijiet baġitarji u tal-persunal tal-aġenzija; jenfasizza r-rwol tal-Europol fl-appoġġ transkonfinali għall-Istati Membri u fl-iskambju ta’ informazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jkun żgurat li l-aġenzija jkollha baġit u livell ta’ persunal xierqa għall-2016 sabiex tkun tista’ twettaq il-kompiti u l-operat tagħha b’mod effettiv;

33.  Iqis li l-aġenziji relevanti m’għandhomx ikunu suġġetti għal tnaqqis jew riallokazzjoni ta’ persunal, u li dawn għandhom jallokaw adegwatament lill-persunal tagħhom bil-għan li jissodisfaw ir-responsabbiltajiet dejjem jiżdiedu tagħhom;

34.  Ifakkar ukoll fl-appoġġ qawwi mogħti b’mod konsistenti mill-Parlament biex il-programmi kulturali u tal-midja jiġu ffinanzjati b’mod adegwat; jilqa’ għalhekk iż-żieda għall-programm Ewropa Kreattiva, inklużi azzjonijiet multimedjali, meta mqabbel mal-baġit tal-2015, filwaqt li jesprimi riżervi dwar id-diviżjoni amministrattiva bejn it-taqsimiet kulturali u tal-midja tiegħu; jappoġġa wkoll iż-żieda proposta għall-programm ‘L-Ewropa għaċ-ċittadini’, peress li dan huwa vitali għall-parteċipazzjoni ċivika fil-proċess demokratiku fl-Ewropa; huwa tal-fehma li l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej hija strument ċentrali għal demokrazija parteċipattiva fl-UE, u jitlob li titjieb il-viżibbiltà u l-aċċessibbiltà tagħha; jenfasizza r-rwol pożittiv tan-netwerks pan-Ewropej magħmula mill-midja lokali u nazzjonali bħal pereżempju l-EuranetPlus;

35.  Jenfasizza li s-sigurtà tal-ikel u tal-għalf, il-protezzjoni tal-konsumatur u s-saħħa huma oqsma ta’ tħassib ewlieni għaċ-ċittadini tal-UE; japprezza għalhekk iż-żidiet fl-approprjazzjonijiet ta’ impenn għall-programm Ikel u Għalf, il-Programm tas-Saħħa u l-Programm tal-Konsumatur meta mqabbel mal-baġit 2015;

Titolu 4 – Ewropa Globali

36.  Jilqa’ b’sodisfazzjon iż-żieda ġenerali fil-finanzjament għall-Intestatura 4, li tammonta għal EUR 8,9 biljun f’approprjazzjonijiet ta’ impenn (+5,6 % meta mqabbel mal-baġit tal-2015), filwaqt li tħalla marġni ta’ EUR 261,3 miljun taħt il-limitu massimu; jinnota li dan juri livell għoli ta’ solidarjetà ma’ pajjiżi terzi; jemmen li l-baġit tal-UE huwa strumentali biex jintlaħqu n-nies fil-bżonn u għall-promozzjoni tal-valuri fundamentali Ewropej; jinsab sodisfatt li d-diffikultajiet ekonomiċi u soċjali li ltaqgħet magħhom l-UE f’dawn l-aħħar snin ma aljenawx mill-attenzjoni mogħtija lill-bqija tad-dinja; jemmen madankollu li aktarx se jkun hemm bżonn li jissaħħu iżjed ċerti oqsma prijoritarji bħall-Istrument Ewropew ta’ Viċinat, inkluża l-assistenza għall-Proċess ta’ Paċi fil-Lvant Nofsani, il-Palestina u l-UNRWA, u dan minħabba l-kriżijiet politiċi u umanitarji li għaddejjin bħalissa fil-viċinat u lil hinn minnu;

37.  Jilqa’ ż-żieda fl-approprjazzjonijiet ta’ pagament mitluba mill-Kummissjoni għall-programmi kollha li jaqgħu taħt l-Intestatura 4 (+28,5 % għal EUR 9,5 biljun), fejn il-pagamenti jaqbżu l-impenji speċjalment fl-oqsma tal-iżvilupp, l-għajnuna umanitarja u l-assistenza tal-UE għall-Palestina u l-UNRWA; jemmen li dawn iż-żidiet huma totalment ġustifikati mill-ħtieġa li jiġu rimedjati l-effetti tan-nuqqas drammatiku ta’ pagamenti f’din l-intestatura fl-2014 u fl-2015, li wassal sabiex il-Kummissjoni naqqset il-prefinanzjamenti u pposponiet l-impenji ġuridiċi; ifakkar li fl-2015 kellhom jitħallsu EUR 1,7 miljun f’imgħax għal pagamenti tardivi taħt l-Intestatura 4; jistenna li d-distakk bejn l-impenji u l-pagamenti jitnaqqas progressivament u li l-akkumulazzjoni ta’ kontijiet mhux imħallsa tinġieb lura għal livell normali; jenfasizza li mossa bħal din hija indispensabbli għas-sostenibbiltà finanzjarja tal-benefiċjarji vulnerabbli u għall-UE biex taġixxi bħala sieħeb affidabbli fil-konfront ta’ organizzazzjonijiet internazzjonali;

38.  Jemmen li strumenti ta’ finanzjament estern jipprovdu għodod biex jindirizzaw, b’mod multidimensjonali u flimkien mal-għanijiet rispettivi tagħhom, il-kawżi ewlenin ta’ dawk l-isfidi marbuta mas-sigurtà interna u l-migrazzjoni li huma fil-qalba tal-baġit tas-sena d-dieħla, b’referenza partikolari għall-fruntieri tan-Nofsinhar u tal-Lvant tal-Unjoni u, b’mod iktar ġenerali, għaż-żoni milquta minn kunflitti; jiġbed l-attenzjoni b’mod partikolari għall-Istrument ta’ Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-Istrument Ewropew tal-Viċinat iżda wkoll għal politiki li jkunu għaddejjin minn żidiet aktar moderati bħall-għajnuna umanitarja, l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi, il-Politika Estera u ta’ Sigurtà Komuni u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika b’mod ċar oqsma li jistgħu jgħinu f’dawn l-isfidi topiċi u fejn infurzar potenzjali jista’ jiġi assorbit b’mod effiċjenti; ifakkar f’dan ir-rigward fl-importanza li tingħata assistenza sabiex jitnaqqas u eventwalment jinqered il-faqar, u l-ħtieġa li d-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-koeżjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi jibqgħu fil-qalba tal-attivitajiet ta’ għajnuna esterna tal-UE;

39.  Jenfasizza ż-żieda notevoli fl-ammont li għandu jiġi pprovdut fil-baġit 2016 għall-Fond ta’ Garanzija għal azzjonijiet esterni ġestiti mill-Bank Ewropew tal-Investiment, u jinnota li din fost fatturi oħra hija riżultat tat-tnedija ta’ self ta’ assistenza makrofinanzjarja lill-Ukraina;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiżguraw li jiġi applikat approċċ konġunt f’pajjiżi strateġiċi li jibbenefikaw minn ammont relattivament kbir ta’ finanzjament minn diversi sorsi tal-UE, bħall-Ukraina u t-Tuneżija; huwa tal-fehma li jista’ jinkiseb impatt politiku u ekonomiku aktar b’saħħtu min-naħa tal-UE billi jkunu żgurati aktar koerenza u koordinazzjoni fost l-atturi ewlenin fl-UE u fuq il-post, permezz ta’ simplifikazzjoni u tqassir tal-proċeduri u billi tiġi offruta stampa aktar ċara tal-azzjoni tal-UE;

Intestatura 5 – Amministrazzjoni

41.  Jinnota li n-nefqa fl-Intestatura 5 żdiedet bi 2,9 % meta mqabbel mal-Baġit 2015 għal EUR 8 908,7 miljun, u li din iċ-ċifra tkopri globalment in-nefqa amministrattiva tal-istituzzjonijiet (+2,2 %) u l-Pensjonijiet u l-Iskejjel Ewropej (+5,4 %); jinnota li marġni ta’ EUR 574,3 miljun tħalla taħt il-limitu massimu; jissottolinja li s-sehem tal-Intestatura 5 tal-baġit tal-UE jibqa’ stabbli għal 5,8 %; ifakkar madankollu li din iċ-ċifra ma tqisx l-għajnuna teknika meqjusa bħala nefqa operattiva;

Strumenti speċjali

42.  Jafferma mill-ġdid li strumenti speċjali huma kruċjali għar-rispett u l-implimentazzjoni sħaħ tal-QFP u għandhom, min-natura tagħhom stess, jiġu magħduda lil hinn mil-limiti massimi kemm f’impenji u kemm f’pagamenti, b’mod partikolari għall-iskop tal-kalkolu tal-marġni globali għall-pagamenti; jilqa’ l-proposta għal parità bejn impenji u pagamenti għar-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza; jinnota li l-ammonti mwarrba għar-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza (EAR), għall-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) u għall-Fond ta’ Solidarjetà tal-UE (FSUE) fl-Abbozz ta' Baġit 2016 huma pjuttost stabbli jew żdiedu bi ftit;

Proġetti pilota – azzjonijiet preparatorji

43.  Jenfasizza l-importanza tal-Proġetti Pilota (PP) u l-Azzjonijiet Preparatorji (AP) bħala għodod għall-formulazzjoni ta’ prijoritajiet politiċi u l-introduzzjoni ta’ inizjattivi ġodda li jistgħu jinbidlu f’attivitajiet u programmi tal-UE permanenti, inklużi inizjattivi immirati biex jirriflettu u jakkumpanjaw il-bidliet ekonomiċi, ekoloġiċi u soċjali fi ħdan l-UE; jinnota bi tħassib li, speċjalment fl-Intestatura 3, il-Kummissjoni ma pprevedietx approprjazzjonijiet għall-kontinwazzjoni ta’ PP-AP ta’ suċċess kbir; beħsiebu jipproċedi għall-identifikazzjoni ta’ pakkett bilanċjat ta’ PP-AP; jinnota li fil-proposta attwali, il-marġni f’xi intestaturi huwa pjuttost limitat, jew saħansitra ineżistenti, u beħsiebu jesplora modi biex jinħoloq spazju għal PP-AP possibbli;

Aġenziji deċentralizzati

44.  Jissottolinja r-rwol kruċjali li jaqdu l-aġenziji deċentralizzati fit-tfassil tal-politika tal-UE u huwa determinat li jevalwa l-ħtiġijiet baġitarji u tal-persunal tal-aġenziji kollha fuq bażi ta’ każ b’każ, sabiex ikun żgurat li jkun hemm approprjazzjonijiet u persunal xierqa għall-aġenziji kollha u b’mod partikolari għal dawk li reċentement ikunu ngħataw kompiti ġodda jew qed jiffaċċjaw volum ta’ xogħol akbar għall-istabbiliment ta’ prijoritajiet politiċi jew għal raġunijiet oħra; huwa partikolarment determinat li jipprovdi lill-aġenziji fil-qasam tal-ġustizzja u l-intern bir-riżorsi meħtieġa biex jittrattaw l-isfidi migratorji attwali; jenfasizza għal darb’oħra l-oppożizzjoni tiegħu għar-riżerva ta’ ridistribuzzjoni, u jistenna li tinstab soluzzjoni matul il-proċedura baġitarja biex jieqaf it-tnaqqis addizzjonali ta’ persunal f’aġenziji deċentralizzati; itenni barra minn hekk l-intenzjoni tiegħu li juża l-Grupp ta’ Ħidma Interistituzzjonali dwar l-aġenziji deċentralizzati biex tinstab bażi komuni bejn l-istituzzjonijiet dwar it-trattament ta’ aġenziji f’termini baġitarji, anke fl-istennija għall-konċiljazzjoni dwar il-baġit 2016;

o
o   o

45.  Jappella sabiex isir sforz sostnut permezz tal-baġit biex jiġi previst taħriġ adegwat u tiġdid fil-ħiliet f’setturi b’nuqqas ta’ ħaddiema u f’setturi ewlenin li għandhom potenzjal għoli ta’ ħolqien ta’ impjiegi, bħall-ekonomija ekoloġika, l-ekonomija ċirkolari u s-setturi tal-kura tas-saħħa u tal-ICT; jenfasizza li l-baġit 2016 għandu jipprovdi appoġġ adegwat għall-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u għal azzjonijiet li jkollhom l-għan li jeqirdu l-faqar u jagħtu s-setgħa lill-persuni li jesperjenzaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali; ifakkar li l-kwistjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tiġi inkorporata fil-politiki tal-UE u indirizzata fil-proċess baġitarju; iħeġġeġ sabiex jingħata appoġġ finanzjarju għall-programmi kollha li jappoġġjaw il-ħolqien tal-impjiegi u l-inklużjoni soċjali għal dawk bi żvantaġġi multipli, bħal persuni li ilhom qiegħda għal żmien twil, persuni b’diżabilità, persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, persuni mhux attivi u skoraġġuti;

46.  Ifakkar li, bi programmi li mistennija jilħqu ritmu sħiħ, bl-integrazzjoni ta’ inizjattivi ewlenin ġodda fl-oqsma tal-investiment u l-migrazzjoni, bl-opportunità li jissolvew kwistjonijiet tal-passat bħal pagamenti u strumenti speċjali, u bl-ewwel attivazzjoni tad-dispożizzjonijiet ġodda tal-QFP bħall-marġni globali għall-impenji, il-proċedura baġitarja tal-2016 se tkun każ ta’ prova għall-approċċ tal-Kunsill għall-pjan ta’ pagament kif ukoll għall-valutazzjoni tal-QFP attwali; ifakkar lill-Kummissjoni fl-obbligu legali tagħha li tippreżenta rieżami tal-funzjonament tal- QFP sal-aħħar tal-2016 u li mar-rieżami tal-baġit iżżid proposta leġiżlattiva għar-reviżjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020; ifakkar li, b’mod parallel ma’ dan il-proċess, il-Kummissjoni għandha tivvaluta wkoll inizjattivi ġodda għal Riżorsi Proprji, fuq il-bażi tar-riżultati tal-Grupp ta’ Ħidma ta’ Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji li mistennija li jiġu ppreżentati fl-2016;

47.  Jirrikonoxxi l-kunsens wiesa’ li mexxa l-kunsiderazzjoni tal-abbozz ta’ baġits emendatorji 2015 kif ukoll in-negozjar tal-pjan ta’ pagament sa issa, u b’hekk dehret rieda kondiviża għar-rispett tal-QFP, l-implimentazzjoni tal-bażijiet ġuridiċi nnegozjati b’attenzjoni u l-iżgurar tal-finanzjament tal-programmi ġodda; jitlob li jitkompla l-ispirtu ta’ kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni u ż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja tal-UE, u jittama li dan fl-aħħar mill-aħħar se jwassal sabiex jiġu indirizzati l-kawżi fil-qalba tal-proċedura baġitarja li qed iwasslu għal żieda kbira fl-arretrati; jistenna li jsaltan l-istess spirtu fin-negozjati tal-baġit 2016 u biex jinstabu mezzi biex jiġu ffaċċjati sfidi emerġenti u mhux previsti futuri;

48.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS I: DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR ID-DATI GĦALL-PROĊEDURA BAĠITARJA U MODALITAJIET GĦALL-FUNZJONAMENT TAL-KUMITAT TA' KONĊILJAZZJONI FL-2015

A.  F’konformità mal-Parti A tal-Anness għall-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni jaqblu dwar id-dati ewlenin li ġejjin għall-proċedura baġitarja tal-2016:

1.  Se jissejjaħ trilogu fl-14 ta’ Lulju qabel l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Kunsill;

2.  Il-Kunsill se jagħmel ħiltu sabiex jadotta l-pożizzjoni tiegħu u jittrażmettiha lill-Parlament Ewropew sal-ġimgħa nru 38 (it-tielet ġimgħa ta’ Settembru), sabiex jiġi ffaċilitat ftehim f’waqtu mal-Parlament Ewropew;

3.  Il-Kumitat għall-Baġits tal-Parlament Ewropew se jagħmel ħiltu biex jivvota dwar l-emendi għall-pożizzjoni tal-Kunsill sa mhux aktar tard mit-tmiem tal-ġimgħa 42 (f’nofs Ottubru);

4.  Se jissejjaħ trilogu fid-19 ta’ Ottubru qabel il-qari tal-Parlament Ewropew;

5.  Il-Plenarja tal-Parlament Ewropew se tivvota dwar il-qari tagħha fil-ġimgħa 44 (Sessjoni plenarja tas-26 sad-29 ta’ Ottubru);

6.  Il-perjodu ta’ konċiljazzjoni se jibda fid-29 ta’ Ottubru. Bi qbil mad-dispożizzjonijiet ta’ punt ċ tal-Artikolu 314(4) TFUE, iż-żmien disponibbli għall-konċiljazzjoni se jiskadi fit-18 ta’ Novembru 2015;

7.  Il-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni se jiltaqa’ fid-9 ta’ Novembru, ospitat mill-Parlament Ewropew, u fit-13 ta’ Novembru, ospitat mill-Kunsill u jista’ jibqa’ għaddej skont kif xieraq; is-sessjonijiet tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni se jitħejjew minn trilogu/i. Fil-11 ta’ Novembru huwa ppjanat trilogu. Jista’ jkun li jissejjaħ trilogu(i) addizzjonali matul il-perjodu ta’ konċiljazzjoni ta’ 21 jum.

B.  Il-modalitajiet għall-funzjonament tal-Kumitat ta’ Konċiljazzjoni jinsabu fil-Parti E tal-anness għall-ftehim interistituzzjonali msemmi hawn fuq.

ANNESS II: DIKJARAZZJONI KONĠUNTA DWAR PJAN TA' PAGAMENT 2015-2016

It-tliet istituzzjonijiet, filwaqt li bbażaw fuq dikjarazzjoni konġunta dwar pjan ta’ pagament miftiehem f’Diċembru 2014 bħala parti mill-ftehim milħuq dwar il-baġit tal-2014 u tal-2015, ivvalutaw komunement l-istat attwali u l-prospetti għall-pagamenti fil-baġit tal-UE abbażi tad-dokument mibgħut mill-Kummissjoni fit-23 ta’ Marzu 2015.

Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni qablu fuq dan li ġej:

1.   Is-sitwazzjoni attwali

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jieħdu nota tal-valutazzjoni bir-reqqa tal-Kummissjoni pprovduta fil-kaxxa “Elementi għal pjan ta’ pagament sabiex il-baġit tal-UE jerġa’ jaqbad triq sostenibbli” (fl-anness) bħala bażi analitika li tidentifika l-muturi ewlenin li wasslu sabiex kiber il-livell ta’ talbiet pendenti għall-pagament fi tmiem is-sena, u biex jintlaħaq l-objettiv li jitnaqqas il-livell ta’ kontijiet mhux imħallsa, b’enfasi partikolari fuq l-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni 2007-2013.

a)  Ir-restrizzjoni fuq l-approprjazzjonijiet ta’ pagament awtorizzati fil-baġits tal-passat flimkien maċ-ċiklu ta’ implimentazzjoni tal-programmi ta’ koeżjoni wasslu sabiex progressivament iffurmat akkumulazzjoni mhux sostenibbli ta’ talbiet pendenti għall-pagament fi tmiem is-sena, li laħqet livell mingħajr preċedent ta’ EUR 24.7 biljun fi tmiem l-2014. Madankollu, l-istituzzjonijiet jirrikonoxxu li d-deċiżjonijiet diffiċli rigward il-baġits tal-2014 u l-2015 fil-biċċa l-kbira stabbilizzaw l-arretrati.

b)  Barra minn hekk, nuqqas ta’ pagamenti wassal ukoll fi tnaqqis fir-ritmu tal-implimentazzjoni tal-programmi 2014-2020 f’intestaturi oħra, b’mod partikolari bil-għan li jiġu sodisfatti l-obbligi kuntrattwali li jirriżultaw minn impenji passati u b’hekk jiġi evitat ir-riskju ta’ interessi fuq ħlas tard, fi żmien meta programmi ewlenin huma mistennija li jikkontribwixxu għat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa u biex jiġi żgurat ir-rwol tal-Unjoni fix-xena internazzjonali.

2.   Prospetti

c)  Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jieħdu nota tal-prospetti għall-2015 u l-2016 ippreżentati mill-Kummissjoni: l-analiżi tindika li jista’ jkun possibbli li titnaqqas l-akkumulazzjoni ta’ talbiet pendenti għall-pagament fi tmiem is-sena għall-programmi ta’ koeżjoni 2007-2013 għal livell ta’ madwar EUR 2 biljun sal-aħħar tal-2016, filwaqt li jitqies, b’mod partikolari, li l-programmi ta’ koeżjoni qed joqorbu l-istadju tal-għeluq, u dment li jkun hemm biżżejjed approprjazzjonijiet ta’ pagament awtorizzati fil-baġit tal-2016. Dan għandu jgħin biex jiġu evitati riperkussjonijiet negattivi u dewmien mhux meħtieġ għall-implimentazzjoni tal-programmi tal-2014-2020.

d)  Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jenfasizzaw l-impenn tagħhom lejn it-tneħħija gradwali tal-akkumulazzjoni mhux sostenibbli tat-talbiet pendenti għall-pagament għall-programmi ta’ koeżjoni 2007-2013. Huma jintrabtu li jikkooperaw bis-sħiħ bil-ħsieb li jawtorizzaw livell ta’ approprjazzjonijiet ta’ pagament fil-baġit tal-2016, fatt li jippermetti li jintlaħaq dan l-għan. Id-deliberazzjonijiet tagħhom se jqisu l-perspettiva ta’ bħalissa, li għandha tiġi riflessa u rfinuta ulterjorment mill-Kummissjoni fl-estimi tagħha għall-Abbozz ta’ Baġit 2016.

e)  Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja mill-qrib l-iżvilupp tal-arretrati u, jekk ikun meħtieġ, se tipproponi miżuri xierqa biex tkun żgurata progressjoni ordnata tal-approprjazzjonijiet ta’ pagament b’konsistenza mal-approprjazzjonijiet ta’ impenn awtorizzati.

f)  It-tliet istituzzjonijiet ifakkru fl-impenn li għandhom li jimmonitorjaw b’mod attiv l-istat tal-implimentazzjoni tal-pagamenti matul l-2015. Bħala parti mill-iskambju regolari ta’ fehmiet tagħhom, huma jikkonfermaw ir-rieda li għandhom li jorganizzaw laqgħat interistituzzjonali ddedikati fis-26 ta’ Mejju, l-14 ta’ Lulju u d-19 ta’ Ottubru, bil-ħsieb li jiġi żgurat proċess ta’ bbaġitjar sostenibbli. F’dan ir-rigward, dawk il-laqgħat interistituzzjonali għandhom jindirizzaw ukoll il-previżjonijiet fuq żmien itwal dwar l-evoluzzjoni mistennija tal-pagamenti sa tmiem il-QFP attwali li għaliha l-Kummissjoni hija mitluba li tippreżenta, jekk ikun meħtieġ, xenarji alternattivi.

g)  Sabiex jiffaċilitaw il-proċess ta’ monitoraġġ dwar l-istat attwali tal-programmi tal-2007-2013, f’Lulju u Ottubru l-Kummissjoni se tipprovdi rapporti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit, kemm meta mqabbel ma’ tbassir ta’ kull xahar għas-sena u mas-sena preċedenti s’issa, u kemm dwar l-evoluzzjoni tal-akkumulazzjoni ta’ talbiet pendenti għall-pagament fis-subintestatura 1b.

h)  Billi huma impenjati li jevitaw li tifforma akkumulazzjoni simili fil-futur, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jistiednu lill-Kummissjoni tiskrutinja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-programmi 2014-2020 u l-istabbiliment ta’ sistema ta’ twissija bikrija. Biex jinkiseb dan ir-riżultat, il-Kummissjoni timpenja ruħha li tiżviluppa għodod xierqa biex, matul il-proċedura baġitarja, tipprovdi previżjonijiet kontinwi tal-pagamenti mqassmin skont is-(sub)intestaturi għas-(sub)intestaturi 1b, 2 u 5 u mqassmin skont il-programmi għas-(sub)intestaturi 1a, 3 u 4 li jiffukaw fuq is-snin N u N+1, inkluża l-evoluzzjoni ta’ kontijiet mhux imħallsa u ta’ impenji pendenti (RAL); dawn il-previżjonijiet se jiġu aġġornati regolarment abbażi ta’ deċiżjonijiet baġitarji u bi kwalunkwe żvilupp rilevanti li jkollu impatt fuq il-profili ta’ pagament tal-programmi; il-previżjonijiet tal-pagamenti se jiġu ppreżentati f’Lulju, fil-qafas tal-laqgħat interistituzzjonali dwar il-pagamenti previsti fil-punt 36§3 tal-Anness tal-FII;

i)  Dan għandu jippermetti lill-awtorità baġitarja tieħu d-deċiżjonijiet neċessarji, fi żmien xieraq, sabiex tevita akkumulazzjoni futura u mhux sostenibbli ta’ talbiet pendenti għall-pagament fi tmiem is-sena, filwaqt li tirrispetta bis-sħiħ u timplimenta l-ftehimiet milħuqa bħala parti mill-qafas finanzjarju pluriennali u mill-proċeduri baġitarji annwali.

Anness għall-Anness II: Elementi għal pjan ta' pagament sabiex il-baġit tal-UE jitreġġa' lura fit-triq tas-sostenibilità

Werrej

1.  L-isfond

2.  Il-qagħda effettiva fi tmiem l-2014

2.1.  L-implimentazzjoni fi tmiem l-2014

2.2.  Il-miżuri ta' mitigazzjoni li ttieħdu fl-2014

3.  Terminoloġija

3.1.  Ċiklu ta' proġett

3.2.  Impenji pendenti (RAL)

3.3.  Restrizzjonijiet ta' likwidità vs nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament

3.4.  L-arretrat ta' talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena

4.  Intestatura 1b: l-evoluzzjoni tal-arretrat u l-prospettiva

4.1.  L-implimentazzjoni tal-fondi strutturali tal-2007-2013

4.2.  Il-profil tat-talbiet għal pagament għall-perjodu ta' programmazzjoni tal-2007-2013

4.3.  Il-komponenti u t-tipi ta' arretrat

4.4.  Il-prospetti għall-pagamenti (talbiet) tal-2007-2013 fl-2015 u fl-2016

4.5.  It-talbiet għal pagament mistennija għall-2016

4.6.  Sommarju tal-informazzjoni użata għall-kalkolu tat-talbiet għal pagament u tal-arretrat

4.7.  Il-pagament fil-fażi ta' għeluq

5.  L-intestaturi l-oħra: il-prospetti għall-programmi tal-2007-2013

5.1.  Ħarsa ġenerali

5.2.  Il-programmi taħt ġestjoni kondiviża fl-intestaturi 2 u 3

5.2.1.  Intestatura 2

5.2.2.  Intestatura 3

5.3.  Il-programmi taħt ġestjoni diretta fl-intestaturi 1a u 4

5.3.1.  Intestatura 1a

5.3.2.  Intestatura 4

6.  Il-prospetti għall-programmi għall-2014-2020

7.  Konklużjonijiet

Anness 1: informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni fil-15 ta' Diċembru 2014

Anness 2: Intestatura 1b: l-aktar previżjonijiet reċenti mill-Istati Membri

Sommarju eżekuttiv

Id-diskrepanza li dejjem qed tikber bejn l-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati u l-impenji meħuda fl-imgħoddi mill-istituzzjonijiet Ewropej kienet wieħed mill-iżviluppi ewlenin rigward l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, b'mod partikolari mill-2012. Din id-diskrepanza fil-pagamenti wasslet għal għadd ta' konsegwenzi negattivi fl-oqsma differenti tan-nefqa u, bl-aktar mod partikolari, għal arretrat dejjem jikber ta' talbiet għal pagament pendenti fir-rigward tal-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni 2007-2013 (Intestatura 1b), li laħqu massimu bla preċedenti fi tmiem l-2014.

Dan l-arretrat dejjem jikber ta' talbiet għal pagament pendenti hu dovut għall-kontemporanjetà tal-livell massimu fiċ-ċiklu ta' programmazzjoni għall-2007-2013 u tat-tnaqqis fl-2014 tal-limitu massimu għall-pagamenti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), f'ambjent ġenerali ta' konsolidament tal-finanzi pubbliċi fil-livell nazzjonali. Għaldaqstant hemm żewġ fatturi differenti li huma essenzjali biex tinftiehem din l-evoluzzjoni.

L-ewwel nett, iż-żieda ċiklika ta' talbiet għal pagament xprunata mill-implimentazzjoni sostnuta tal-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni 2007-2013, li jridu jitħallsu fl-ewwel snin tal-QFP 2014-2020. Wara li, minħabba (inter alia) l-effetti tal-kriżi finanzjarja u l-kontromiżuri li ttieħdu, il-programmi bdew bil-mod fl-2007-2009, mill-2012 l-implimentazzjoni aċċellerat, bit-talbiet għal pagament jiżdiedu kull sena sakemm laħqu rekord storiku ta' EUR 61 biljun fl-2013 fil-qasam tal-Politika ta' Koeżjoni, xprunati mill-iskadenzi għall-implimentazzjoni u r-regoli dwar diżimpenn awtomatiku stabbiliti fil-leġiżlazzjoni dwar il-Politika ta' Koeżjoni(5).

Kien diffiċli li żieda tant drastika fit-talbiet għal pagament għall-Politika ta' Koeżjoni 2007-2013 tiġi akkomodata fil-baġit tal-UE, waqt li programmi oħra kienu laħqu r-ritmu ottimali ta' attività tagħhom, b'limitu massimu aktar baxx għall-pagamenti fl-2014, u fil-kuntest tal-konsolidament fiskali li kien għaddej fl-Istati Membri.

Fil-fatt, it-tieni fattur kruċjali biex jiġi spjegat dan l-iżvilupp hu t-tnaqqis sinifikanti fil-limiti massimi għall-pagamenti fil-QFP l-ġdid, li kien partikolarment qawwi (EUR 8 biljun inqas) fl-2014. In-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament li rriżulta jaffettwa mhux biss il-Koeżjoni (Intestatura 1b), iżda anke oqsma oħra ta' nfiq u b'mod partikolari l-oqsma ta' politika tat-Tkabbir Ekonomiku u l-Impjiegi (Intestatura 1a), Ewropa Globali (Intestatura 4) u s-Sigurtà (Intestatura 3).

Sabiex taffronta din l-isfida, il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ il-miżuri biex tiżgura ġestjoni attiva tal-approprjazzjonijiet ta' pagament skarsi, speċifikament: aċċelerazzjoni tal-azzjoni biex jiġi rkuprat kwalunkwe ammont indebitu; limitazzjoni tal-ammonti inattivi f'kontijiet fiduċjarji; tnaqqis tal-perċentwali ta' prefinanzjament; sfruttament bl-aħjar mod possibbli tal-iskadenzi massimi permessi biex isiru l-pagamenti; posponiment tas-sejħiet għal proposti/offerti u tal-għoti tal-kuntratti relatati u prijoritizzazzjoni ogħla lill-pajjiżi taħt assistenza finanzjarja.

Barra minn hekk, l-awtorità baġitarja ġiet informata fil-ħin dwar l-isfidi u l-iżviluppi differenti u ġew proposti baġits emendatorji differenti biex jiżdiedu l-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati.

Minkejja t-tisħiħ fl-approprjazzjonijiet ta' pagament permezz ta' baġits emendatorji awtorizzati mill-Parlament u mill-Kunsill(6), u minkejja l-ġestjoni attiva min-naħa tal-Kummissjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament disponibbli, l-arretrat ta' talbiet għal pagament pendenti kompla jikber: għall-Politika ta' Koeżjoni 2007-2013 waħedha, laħaq EUR 24,7 biljun fl-aħħar tal-2014(7).

Bis-saħħa tal-miżuri ta' mitigazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni, l-akkumulazzjoni ta' arretrati fl-oqsma ta' politika l-oħra ġestiti direttament mill-Kummisjoni kienet fil-biċċa l-kbira limitata. Il-maġġoranza tal-approprjazzjonijiet ta' pagament disponibbli fl-2014 intużat biex jiġu onorati l-obbligi kuntrattwali derivati mill-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti u biex b'hekk jiġu mminimizzati l-penali għal pagamenti tard, li xorta waħda f'sena żdiedu b'ħames darbiet (għal EUR 3 miljun)(8). Filwaqt li dawn l-azzjonijiet evitaw impatt finanzjarju negattiv akbar fuq il-baġit tal-UE, kienu jimplikaw ċaqliqa tad-dati meta għadd ta' pagamenti kienu dovuti għall-2015, b'impatt fuq l-aspettattivi leġittimi tal-partijiet interessati li jista' jkun kellhom jipposponu l-bidu tal-proġett tagħhom u/jew iżidu temporanjament sehemhom tal-kofinanzjament.

L-istadju ta' għeluq tal-programmi ta' Koeżjoni 2007-2013 qed joqrob. Fl-2014, il-livell totali tat-talbiet għal pagament li waslu naqas għal EUR 53 biljun (minn EUR 61 biljun fl-2013). Fl-aħħar previżjonijiet tagħhom (Jannar 2015), l-Istati Membri qed jistennew li t-talbiet għal pagament li se jippreżentaw ikunu jammontaw għal madwar EUR 48 biljun fl-2015 u EUR 18-il biljun fl-2016. Madankollu, dawn iċ-ċifri ma jistgħux jitqiesu litteralment, peress li fl-2015-2016 it-talbiet għal pagament se jiġu limitati għal massimu ta' 95 % tal-pakkett finanzjarju sħiħ tal-programm kif ikun stabbilit mil-leġislazzjoni relevanti(9). Hu stmat mill-Kummissjoni li t-talbiet għal pagament li jirriżultaw jammontaw għal madwar EUR 35 biljun għall-2015 u għal massimu ta' EUR 3,5 biljun għall-2016.

Il-baġit tal-2015 jawtorizza kważi EUR 40 biljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament għall-Politika ta' Koeżjoni għall-2007-2013. Dan il-baġit se jkopri kemm l-arretrat ta' pagamenti (EUR 24,7 biljun, ekwivalenti għal 62 % tal-baġit tal-Politika ta' Koeżjoni għall-2007-13) u kemm it-talbiet ġodda li jaslu fiż-żmien dovut biex jitħallsu (ammont stmat ta' EUR 35 biljun). B'riżultat ta' dan, hu stmat li l-arretrat fi tmiem l-2015 se jonqos għal livell ta' EUR 20 biljun.

F'dan l-istadju, hu stmat mill-Kummissjoni li se jkun hemm bżonn ta' massimu ta' EUR 23,5 biljun biex ikopru t-talbiet għal pagament li jifdal qabel l-għeluq u biex gradwalment jiġi eliminat l-arretrat. Fl-Abbozz ta' Baġit tagħha għall-2016, il-Kummissjoni se tirfina l-approprjazzjonijiet ta' pagament għall-Intestatura 1b, b'mod li tiżgura li jitlaħqu kemm dan l-għan, kif ukoll implimentazzjoni xierqa tal-programmi għall-2014-2020.

Sena baġitarja 2015 għall-Politika ta' Koeżjoni (f'biljuni ta' EUR)

L-approprjazzjonijiet ta' pagament disponibbli fil-Baġit 2015

(1)

39.5

—  Li minnhom huma arretrati fi tmiem l-2014

(2)

24.7

—  Li minnhom huma previżjonijiet għall-2015 soġġetti għal-limitu massimu ta' 95 %

(3)

~35

L-arretrat mistenni fi tmiem l-2015

(4)=(1)-(2)-(3)

~20

Sena baġitarja 2016 għall-Politika ta' Koeżjoni (f'biljuni ta' EUR)

L-arretrat mistenni fi tmiem l-2015

(1)

~20

L-ammont massimu li jifdal ta' talbiet għal pagament li hu mistenni li se jaslu fl-2016 qabel l-għeluq

(2)

~3.5

L-ammont massimu ta' talbiet għal pagament li għandu jiġi kopert fil-Baġit 2016

(3)=(1)+(2)

~23.5

Bl-istess mod, il-livell ta' approprjazzjonijiet ta' pagament li għandhom jiġu proposti għall-oqsma ta' politika l-oħra fil-Baġit 2016 suppost jippermetti li jintlaħqu l-obbligi derivati mill-impenji tal-imgħoddi u li jiġi mminimizzat ir-riskju li jkollu jitħallas l-imgħax fuq pagamenti tardivi, iżda anke jippermetti li jiġi żgurat livell adegwat ta' implimentazzjoni u ta' kuntratti mogħtija għall-programmi għall-2014-2020.

In-natura pluriennali ta' sehem sinifikanti mill-baġit tal-UE tispjega l-eżistenza ta' differenza fiż-żmien bejn il-mument meta l-impenn jiġi rreġistrat u l-pagament effettiv fil-konfront ta' dan l-impenn. Għaldaqstant, l-akkumulazzjoni ta' volum strutturali ta' impenji pendenti (magħrufa bħala "RAL", l-akronimu Franċiż għal "reste à liquider") hi għalhekk normali u mistennija. Minħabba l-iskadenza legali għall-pagament tat-talbiet min-naħa tal-Kummissjoni(10), il-konċentrazzjoni fi tmiem is-sena tat-talbiet marbuta mar-rekwiżit li jiġu evitati d-diżimpenn u l-interruzzjonijiet possibbli, ċertu ammont ta' talbiet għal pagament pendenti hu meqjus bħala "normali". Madankollu, id-daqs dejjem jikber tal-arretrat f'dawn l-aħħar snin laħaq livelli "anormali"(11), li jfissru li se jkollu jintuża sehem sinifikanti u dejjem jiżdied mill-baġit tas-sena suċċessiva u li mhumiex sostenibbli f'termini ta' ġestjoni finanzjarja tajba.

L-istima tal-Kummissjoni hi li madwar nofs l-arretrat ta' talbiet għal pagament pendenti fil-Politika ta' Koeżjoni fi tmiem l-2013 u l-2014 kien "anormali", jiġifieri marbut man-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fil-baġit, b'mod li nħoloq l-effett ta' ballun tas-silġ li malajr isir valanga. Hekk kif qed joqrob l-istadju tal-għeluq, se jkun hemm bżonn ta' livelli ta' pagament aktar baxxi fl-2015 u fl-2016 u l-arretrat se jonqos awtomatikament. Anke l-livell ta' interruzzjonijiet u sospensjonijiet hu previst li se jonqos hekk kif il-programmi qed joqorbu l-għeluq. Peress li l-approprjazzjonijiet ta' pagament għall-programmi tal-2007-2013 se jammontaw għal madwar EUR 21,5 biljun fl-2016, qed jitbassar li l-arretrat se jkun ta' madwar EUR 2 biljun fi tmiem l-2016.

Il-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni 2007-2013: l-evoluzzjoni tal-arretrat ta' talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena 2007-2016

20150708-P8_TA(2015)0263_MT-p0000002.png

Il-ħtieġa biex l-arretrat 'anormali' li akkumula jiġi eliminat gradwalment ġiet rikonoxxuta miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew, li b'mod konġunt qablu matul in-negozjati dwar il-baġit 2015 li jnaqqsu "il-livell ta' kontijiet mhux imħallsa, b'enfasi partikolari fuq il-politika ta' koeżjoni, fi tmiem is-sena sal-livell strutturali matul il-QFP attwali" u li "jimpenjaw ruħhom li jimplimentaw, mill-2015, pjan biex jitnaqqas il-livell ta' kontijiet mhux imħallsa li jikkorrispondu mal-implimentazzjoni tal-programmi tal-2007-2013 għal-livell maqbul komunament permezz tar-reviżjoni ta' nofs it-term tal-qafas finanzjarju pluriennali attwali".

Dan id-dokument jipprovdi bażi solida għal fehim komuni miż-żewġ fergħat tal-Awtorità Baġitarja, li huma mistennija jagħmlu ħilithom biex jieħdu deċiżjonijiet li jippermettu l-eliminazzjoni gradwali tal-arretrat "anormali" ta' kontijiet mhux imħallsa għall-programmi tal-2007-2013 sa tmiem l-2016.

Dan il-pjan ta' pagament jipprovdi wkoll l-opportunità li jinsiltu xi tagħlimiet dwar il-ġestjoni baġitarja għall-ġejjieni:

1.  Il-ftehim dwar il-baġit emendatorju 2/2014(12) fi tmiem l-2014 kien importanti ħafna biex, fil-biċċa l-kbira, jistabbilizza l-livell ta' talbiet għal pagament pendenti f'livell li jkun jista' jiġi eliminat b'mod gradwali fuq perjodu ta' sentejn. L-istituzzjonijiet assumew ir-responsabilità tagħhom fil-konfront tas-sitwazzjoni fiskali diffiċli ħafna f'bosta Stati Membri.

2.  Il-miżuri ta' ġestjoni baġitarja attiva li ħadet il-Kummissjoni rriżultaw indispensabbli biex jiġi indirizzat nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament f'ħafna oqsma ta' politika. Se jkun hemm bżonn li dawn il-miżuri jinżammu sakemm ikun meħtieġ b'mod li jiġu evitati taqlib sproporzjonat għall-benefiċjarju u/jew il-ħlas ta' mgħax ta' penalità.

3.  Għalkemm hemm ċiklu rikorrenti fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni, id-daqs tal-livelli massimi u minimi jista' jitrażżan billi l-programmi jiġu implimentati malajr kemm jista' jkun minn stadju bikri fil-perjodu ta' programmazzjoni. Dan huwa partikolarment mixtieq fil-kundizzjonijiet ekonomiċi attwali meta hemm bżonn gravi ta' investiment biex jitqanqlu l-irkupru ekonomiku u l-kompetittività.

4.  Hemm bżonn li t-talbiet jiġu ppreżentati b'mod regolari. L-Istati Membri għandhom jevitaw dewmien amministrattiv bla bżonn meta jibagħtu t-talbiet għal pagament tagħhom matul is-sena. Preżentazzjoni regolari tat-talbiet ittejjeb il-ġestjoni baġitarja u tgħin biex jiġi minimizzat l-arretrat fi tmiem is-sena.

5.  Min-naħa l-oħra, ibbaġitjar suffiċjenti tal-approprjazzjoni ta' pagament hu kundizzjoni neċessarja biex il-baġit jiġi implimentat sew u tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta' livell insostenibbli ta' talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena. Apparti dan, se jkun hemm bżonn li tiġi applikata l-"flessibiltà speċifika u massima" msemmija fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew u d-dikjarazzjoni tal-President Barroso fi Frar 2013 b'mod li jkun hemm konformità mal-obbligi ġuridiċi tal-Unjoni.  Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet tal-awtorità baġitarja għandhom, sa fejn ikun possibbli, jippermettu li l-profil ta' pagament tul il-perjodu tal-QFP ikun wieħed regolari.

6.  Il-kapaċità ta' previżjoni trid tissaħħaħ. Apparti d-diversi analiżijiet li diġà pprovdiet(13), il-Kummissjoni se tkompli ttejjeb il-previżjonijiet tagħha fuq żmien medju u fuq żmien twil b'mod li, sa fejn ikun possibbli, tidentifika minn stadju bikri l-problemi probabbli. B'mod partikolari, se tinforma liż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja hekk kif tidentifika kwalunkwe żvilupp fl-implimentazzjoni tal-programmi għall-2014-2020 li jippreżentaw riskju għal profil ta' pagament regolari.

1.  L-isfond

Sa mill-2011, il-Kummissjoni sabet ruħha affaċċjata b'livell dejjem jikber ta' talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena, minkejja li l-limiti massimi ta' pagament ġew sfruttati kompletament fl-2013 u fl-2014 u li sar użu tal-marġini ta' kontinġenza għall-pagamenti fl-2014. Filwaqt li ntużaw kważi l-approprjazzjonijiet ta' pagament kollha awtorizzati fil-baġit annwali, l-arretrat ta' talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena għall-Politika ta' Koeżjoni (Intestatura 1b) u għal programmi speċifiċi taħt intestaturi oħra (bħall-Intestatura 4 "Ewropa Globali") kiber b'mod kostanti.

Il-Kummissjoni tat segwitu għall-istedina mill-Parlament u l-Kunsill biex timmonitorja s-sitwazzjoni matul is-sena u, f'dawn l-aħħar snin, saru laqgħat interistituzzjonali ad hoc biex tiġi kondiviża l-valutazzjoni dwar is-sitwazzjoni attwali. Sa mill-2011, il-Kummissjoni kellha tippreżenta abbozzi ta' baġits emendatorji (ABE) bil-għan li l-livell tal-approprjazzjonijiet ta' pagament jiżdied b'mod sinifikanti sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet ta' pagamenti. Il-livelli inizjalment aktar baxxi ta' approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati wasslu għal ABE rikorrenti li għamlu l-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet dwar l-abbozz ta' baġit aktar kumpless, u dan għandu jkun is-suġġett ewlieni għall-Konċiljazzjoni. Il-votazzjoni dwar il-baġits emendatorji saret tard, b'mod li żdiedet id-diffikultà fil-ġestjoni tal-proċess ta' pagament.

Fil-kuntest ta' livelli konsistentement ogħla ta' approprjazzjonijiet ta' impenn, il-graff t'hawn taħt turi l-baġits u l-limiti massimi dejjem iżjed stretti għall-pagamenti, u t-tnaqqis progressiv tad-diskrepanza bejn il-limitu massimu għall-pagamenti u l-approprjazzjonijiet ivvotati, li wasslu għall-ħtieġa li, fl-2014, jintuża l-marġini ta' kontinġenza.

20150708-P8_TA(2015)0263_MT-p0000003.png

F'Diċembru 2014, fil-qafas tal-ftehim li ntlaħaq dwar il-baġits għall-2014 u l-2015, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu dwar id-dikjarazzjoni konġunta li ġejja:

L-istituzzjonijiet jaqblu mal-għan li jitnaqqas il-livell ta' kontijiet mhux imħallsa, b'enfasi partikolari fuq il-politika ta' koeżjoni, fi tmiem is-sena sal-livell strutturali matul il-QFP attwali.

Sabiex jintlaħaq dan l-għan:

—  il-Kummissjoni taqbel li tippreżenta, flimkien mal-konklużjonijiet konġunti dwar il-Baġit għall-2015, l-aktar previżjoni aġġornata tal-livell ta' kontijiet mhux imħallsa sa tmiem l-2014; il-Kummissjoni ser taġġorna dawn iċ-ċifri u ser tipprovdi xenarji alternattivi f'Marzu 2015 meta jkun hemm disponibbli stampa globali tal-livell ta' kontijiet mhux imħallsa fi tmiem l-2014, għall-biċċa l-kbira tal-oqsma ta' politika;

—  abbażi ta' dan, it-tliet istituzzjonijiet ser jagħmlu ħilithom biex jaqblu dwar livell massimu fil-mira tal-kontijiet mhux imħallsa fi tmiem is-sena li jistgħu jitqiesu bħala sostenibbli;

—  abbażi ta' dan, u filwaqt li jirrispettaw ir-Regolament dwar il-QFP, il-pakketti finanzjarji maqbula tal-programmi kif ukoll kull ftehim vinkolanti ieħor, it-tliet istituzzjonijiet ser jimpenjaw ruħhom li jimplimentaw, mill-2015, pjan biex jitnaqqas il-livell ta’ kontijiet mhux imħallsa li jikkorrispondu mal-implimentazzjoni tal-programmi tal-2007-2013 għal-livell maqbul komunament permezz tar-reviżjoni ta' nofs it-term tal-qafas finanzjarju pluriennali attwali. It-tliet istituzzjonijiet ser jilħqu qbil dwar dan il-pjan fi żmien debitu qabel ma jiġi ppreżentat l-abbozz ta' baġit għall-2016. Minħabba l-livell eċċezzjonalment għoli ta' kontijiet mhux imħallsa, it-tliet istituzzjonijiet jaqblu li jikkunsidraw kull mezz possibbli biex jitnaqqas il-livell ta' dawk il-kontijiet.

Kull sena, il-Kummissjoni taqbel li takkumpanja l-abbozz ta' baġit tagħha b'dokument li jevalwa l-livell ta' kontijiet mhux imħallsa u li jispjega l-mod kif l-abbozz ta' baġit ser jagħti lok għat-tnaqqis ta' dan il-livell u b'kemm. Dan id-dokument annwali ser iqis il-progress li jkun sar u ser jipproponi aġġustamenti għall-pjan skont iċ-ċifri aġġornati.

Bħala segwitu immedjat għad-dikjarazzjoni konġunta, fil-15 ta' Diċembru 2014 il-Kummissjoni ppreżentat previżjoni aġġornata tal-livell tat-talbiet għal pagament pendenti sa tmiem l-2014, li tinsab fl-Anness 1.

Dan id-dokument jipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-istat ta' implimentazzjoni fi tmiem l-2014, b'attenzjoni fuq l-arretrat tal-programmi tal-2007-2013 tal-Politika ta' Koeżjoni, fil-prospettiva li dan jitnaqqas sa livell miftiehem sa meta jsir ir-rieżami ta' nofs it-term tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali attwali fl-2016. Id-dokument jindirizza wkoll l-evoluzzjoni tal-arretrat taħt l-intestaturi l-oħra, għalkemm il-problema tal-arretrat hi ħafna anqas gravi f'termini tad-daqs assolut milli hi fl-Intestatura 1b: l-arretrat ta' talbiet għal pagament pendenti taħt l-intestaturi l-oħra fi tmiem l-2014 kien ta' madwar EUR 1,8 biljun.

2.  Il-qagħda effettiva fi tmiem l-2014

1.  L-implimentazzjoni fi tmiem l-2014

Fi tmiem l-2014, l-implimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament (qabel ir-riporti) kienet tammonta għal EUR 134,6 biljun (99 % tal-approprjazzjonijiet awtorizzati finali fil-baġit tal-2014). Is-sottoimplimentazzjoni tal-pagamenti (wara r-riporti) kienet l-aktar waħda baxxa li qatt ġiet irreġistrata u ammontat għal EUR 32 miljun, meta mqabbla ma' EUR 107 miljun fl-2013 u EUR 66 miljun fl-2012. Livell ta' implimentazzjoni tant għoli, minkejja l-adozzjoni tardiva tal-abbozz ta' baġit emendatorju 3/2014, hu konferma tar-restrizzjonijiet stretti imposti fuq l-approprjazzjonijiet ta' pagament, b'mod partikolari għat-tlestija tal-programmi tal-2007-2013. F'ħafna każijiet, il-linji baġitarji korrispondenti ssaħħew ukoll b'approprjazzjonijiet inizjalment previsti biex jitħallas il-prefinanzjament tal-programmi għall-2014-2020 li kienu għadhom kif ġew adottati.

Matul l-2014, l-approprjazzjonijiet ta' pagament għall-programmi ta' Koeżjoni 2007-2013 issaħħew b'EUR 4,6 biljun, li EUR 2,5 biljun minnhom oriġinaw mill-abbozz ta' baġit emendatorju 3/2014, EUR 0,6 biljun mit-trasferiment ta' tmiem is-sena(14) u EUR 1,5 biljun minn trasferimenti interni mill-programmi għall-2014-2020. Dawn ir-rinforzi kkontribwixxew għall-istabbilizzazzjoni tal-arretrat tal-programmi ta' Koeżjoni 2007-2013 fi tmiem l-2014.

Ammont kbir ta' approprjazzjonijiet ta' impenn li baqgħu ma ntużawx ġew riportati jew riprogrammati għall-2015, mhux biss fir-rigward tal-Politika ta' Koeżjoni iżda anke għall-programmi taħt l-iżvilupp rurali (Intestatura 2) u l-fondi fl-oqsma tal-migrazzjoni u s-sigurtà (Intestatura 3). B'konsegwenza ta' dan, l-ammont ta' impenji pendenti (RAL) naqas għal EUR 189 biljun fi tmiem l-2014, jiġifieri tnaqqis ta' EUR 32 biljun meta mqabbla mar-RAL fi tmiem l-2013. Madankollu, dan it-tnaqqis huwa kemxejn artifiċjali peress li, fil-biċċa l-kbira, hu r-riżultat tas-sottoimplimentazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' impenn għall-programmi għall-2014-2020 li ġew riportati u riprogrammati għall-2015 u s-snin suċċessivi, meta se "jitfaċċaw mill-ġdid". Kieku l-approprjazzjonijiet kollha għall-programmi l-ġodda kienu ġew impenjati fl-2014, ir-RAL kien jibqa' ħafna eqreb għal-livell tal-2013 (EUR 224 biljun).

Il-graff ta' hawn taħt turi l-evoluzzjoni tal-livell tar-RAL matul il-perjodu 2007-2014 u l-projezzjoni tal-livell tagħhom fi tmiem l-2015, għall-baġit kollu kemm hu, kif ukoll għall-programmi taħt ġestjoni kondiviża fl-intestaturi 1b, 2 u 3 u l-programmi/l-intestaturi l-oħra. Kif tixhed il-graff, hu mistenni li l-livell kumplessiv ta' RAL fi tmiem l-2015 jerġa' lura għal livell komparabbli ma' dak fi tmiem l-2013. Madankollu, il-graff turi wkoll id-distinzjoni bejn il-programmi taħt ġestjoni kondiviża fl-intestaturi 1b, 2 u 3, li għalihom hu mistenni li r-RAL fi tmiem l-2015 se jonqsu meta mqabbla ma' dawk tal-2013, u l-programmi/l-intestaturi l-oħra, li għalihom hu mistenni li r-RAL fi tmiem l-2015 se jiżdiedu.

20150708-P8_TA(2015)0263_MT-p0000004.png

2.  Il-miżuri ta' mitigazzjoni li ttieħdu fl-2014

Nhar it-28 ta' Mejju 2014, il-Kummissjoni ppreżentat l-abbozz ta' baġit emendatorju 3/2014 tagħha, li fih talbet approprjazzjonijiet ta' pagament addizzjonali għall-2014. Wara proċess twil ta' adozzjoni, finalment l-ABE 3/2014 ġie approvat fis-17 ta' Diċembru 2014. Sakemm ġie adottat il-baġit emendatorju, matul is-sena 2014 il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ sensiela ta' miżuri ta' mitigazzjoni sabiex tonora l-obbligi ġuridiċi derivati mill-impenji tal-imgħoddi waqt li nediet ġenerazzjoni ġdida ta' programmi, fi ħdan qafas baġitarju eċċezzjonalment strett.

Sabiex timplimenta l-politiki miftehma bl-approprjazzjonijiet awtorizzati fil-baġit, il-Kummissjoni segwiet approċċ ta' ġestjoni attiva tal-baġit, filwaqt li żammet f'moħħha dawn it-tliet prinċipji ewlenin:

—  il-minimizzazzjoni tal-impatt finanzjarju għall-baġit tal-UE ta' mgħax fuq pagamenti tardivi u passiv potenzjali;

—  il-massimizzazzojni tal-implimentazzjoni tal-programmi;

—  il-minimizzazzjoni tal-impatt potenzjalment negattiv tad-deċiżjonijiet fuq partijiet terzi u fuq l-ekonomija kollha kemm hi.

Għaldaqstant, il-miżuri biex tiġi żgurata ġestjoni attiva tal-approprjazzjonijiet ta' pagament skarsi kienu jinkludu dan li ġej: irkupru proattiv ta' kwalunkwe ammont indebitu; limitazzjoni tal-ammonti inattivi f'kontijiet fiduċjarji; tnaqqis tal-perċentwali ta' prefinanzjament; sfruttament bl-aħjar mod possibbli tal-iskadenzi massimi permessi biex isiru l-pagamenti; posponiment tas-sejħiet għal proposti/offerti u tal-għoti tal-kuntratti relatati.

Dawn il-miżuri ta' mitigazzjoni għenu lill-Kummissjoni tipproteġi l-istatus tagħha ta' investitur tal-prima klassi u r-reputazzjoni tagħha ta' sieħeb affidabbli u sigur. Il-Kummissjoni rnexxielha timminimizza, sa fejn kien possibbli, l-effetti negattivi tan-nuqqasijiet ta' pagamenti, pereżempju fir-rigward tal-limitazzjoni tal-ammont ta' mgħax fuq pagamenti tardivi. Minkejja li żdied bi kważi ħames darbiet meta mqabbel ma' dak li tħallas fl-2013, l-ammont ta' mgħax li tħallas fi tmiem l-2014 baqa' limitat (EUR 3 miljun). Iż-żieda relattivament aktar qawwija fir-rigward tal-Intestatura 1a (Kompetittività għat-Tkabbir u l-Impjiegi) u l-Intestatura 4 (Ewropa Globali), kif turi t-tabella ta' hawn taħt, tixhed il-pressjoni fuq l-approprjazzjonijiet ta' pagament.

L-imgħax imħallas fuq pagamenti tardivi (f’EUR)

2008

2009

2010

2011

2012

2013

2014

Intestatura 1a

294 855

157 950

173 748

329 615

137 906

243 748

1 047 488

Intestatura 1b

1 440

5 324

6 220

11 255

31 726

71 620

103 960

Intestatura 2

27 819

1 807

9 576

15 713

61 879

30 991

61 985

Intestatura 3

13 417

59 852

48 673

50 397

29 375

13 060

7 252

Intestatura 4

250 204

178 468

257 818

1 266 425

335 820

247 786

1 797 825

Intestatura 5

43 915

442 678

237 367

60 825

142 254

46 187

8 614

Total

631 651

846 079

733 403

1 734 230

738 960

653 392

3 027 124

L-imgħax fuq pagamenti tardivi fil-Politika ta' Koeżjoni (Intestatura 1b) mhuwiex sinifikanti peress li l-ġestjoni kondiviża tirrappreżenta l-akbar sehem minn din l-intestatura u l-ġestjoni kondiviża ma twassalx għal imgħax tardiv. Madankollu, f'termini ta' kredibilità, in-nuqqas ta' rispett tal-iskadenzi regolatorji fir-rigward tal-politiki b'ġestjoni kondiviża hu preġudikatorju ħafna.

3.  Terminoloġija

Din it-taqsima tispjega diversi definizzjonijiet użati f'dan id-dokument.

3.  Ċiklu ta' proġett

Qabel ma tapprova programm operattiv jew proġett, il-Kummissjoni tirriżerva l-approprjazzjonijiet billi toħloq impenn fuq linja baġitarja għal ammont definit. Din it-tranżazzjoni tikkonsma sehem mill-approprjazzjonijiet ta' impenn awtorizzati.

Jiġri ta' spiss ħafna li l-iffirmar tal-kuntratt għall-proġett jew l-approvazzjoni tal-programm operattiv iwasslu għal ċertu livell ta' prefinanzjament, li jippermetti li l-benefiċjarju jibda l-proġett mingħajr ma jkollu jissellef. Jekk jilħaq l-objettivi intermedji li jkunu ġew definiti, il-benefiċjarju jkun jista' jippreżenta talbiet għal pagament interim u jiġi rimborżat għall-ispejjeż marbuta mal-programm li jkun ġarrab.

Madankollu, fil-każ ta' programmi ewlenin bħar-riċerka (Orizzont 2020), il-fondi strutturali, il-Fond Ewropew għas-Sajd u l-iżvilupp rurali, ladarba jintlaħaq ċertu stadju ta' implimentazzjoni, it-talbiet għal pagament interim ma jibqgħux iwasslu għal pagamenti peress li jkunu koperti mill-prefinanzjament. Barra minn hekk, perċentwali tal-fondi totali impenjati għall-proġett jew għall-programm titħallas biss fil-fażi tal-għeluq meta l-Kummissjoni tkun ivverifikat li l-ħidma twettqet bi qbil mal-ftehim inizjali. Jekk dan ma jkunx il-każ, il-fondi jiġu parzjalment diżimpenjati. F'ċerti każijiet, il-Kummissjoni tista' wkoll toħroġ ordnijiet ta' rkupru biex tirkupra l-pagamenti li ma kinux iġġustifikati.

4.  Impenji pendenti (RAL)

Normalment l-impenji pendenti huma magħrufa bħala "RAL" mill-akronimu Franċiż għal "Reste à Liquider". It-terminu jirreferi għas-sehem ta' impenn li ma jkun ġie kkonsmat mill-ebda pagament f'mument speċifikat. Fil-proġetti pluriennali, l-impenji jsiru fil-bidu tal-proġett bi prefinanzjament limitat waqt li l-pagamenti interim jsiru fi stadju sussegwenti, meta l-proġett ikun qed jiġi implimentat u l-pagament finali jsir fil-fażi tal-għeluq.

Sehem kbir mill-baġit tal-UE għandu x'jaqsam mal-investimenti, li l-implimentazzjoni tagħhom tinfirex fuq numru ta' snin. Id-differenza bejn l-approprjazzjonijiet ta' impenn u l-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fil-baġit annwali tiddetermina l-bidla fil-livell kumplessiv ta' RAL. Imbagħad, il-veloċità li biha jikbru l-impenji u r-ritmu ta' implimentazzjoni tal-programm jiddeterminaw l-evoluzzjoni normali ta' RAL. Madankollu, ir-RAL jiżdied ulterjorment meta ma jiġux ibbaġitajti biżżejjed approprjazzjonijiet ta' impenn, irrispettivament mir-ritmu ta' implimentazzjoni. F'dan l-aħħar każ, l-effett ikun żieda fil-livell ta' talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena.

Il-proporzjon bejn ir-RAL u l-impenji tas-sena hu indikatur tajjeb biex id-daqs tar-RAL ta' programmi speċifiċi jkun jista' jitqabbel mal-pakkett finanzjarju tagħhom. Pereżempju, il-programmi u l-azzjonijiet ta' natura annwali, bħal Erasmus jew l-Għajnuna Umanitarja, ikollhom anqas minn wieħed, u dan jindika li l-biċċa l-kbira tal-impenji jitħallsu fi żmien sena. Il-programmi ta' koeżjoni, min-naħa l-oħra, ġeneralment ikollhom proporzjon bejn ir-RAL u l-impenji ta' bejn 2½ u 3, u dan jirrifletti l-impatt tar-regoli dwar id-diżimpenn awtomatiku stabbiliti fil-leġiżlazzjoni (l-hekk imsejħa regoli "N+2" / "N+3", ara t-taqsima 4.1 hawn taħt). Ċerti programmi taħt l-Intestatura 4 jkollhom proporzjon ogħla, minħabba ċ-ċiklu kumpless ta' negozjati marbuta mal-implimentazzjoni. Fir-rikjesti għal pagamenti tagħha, il-Kummissjoni tqis dawn l-indikaturi.

5.  Restrizzjonijiet ta' likwidità vs nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament

Il-likwidità tal-Kummissjoni fil-biċċa l-kbira tagħha hi ddeterminata mill-ammonti mitluba kull xahar mingħand l-Istati Membri skont ir-regoli dwar ir-riżorsi proprji. Il-Kummissjoni mhix permessa tissellef flus biex tkopri nuqqasijiet ta' likwidità. Ir-restrizzjonijiet ta' likwidità jistgħu jwasslu għal dewmien temporanju fil-pagamenti lill-benefiċjarji ta' fondi tal-UE minkejja l-fatt li jkunu ġew awtorizzati biżżejjed approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit għas-sena finanzjarja. Jista' jkun li dan jiġri, normalment fl-ewwel parti tas-sena, minħabba li l-ammont tat-talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena preċedenti u dawk li għandhom jitħallsu fl-ewwel xhur tas-sena kurrenti (pereżempju għall-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija) ikun akbar mill-influss massimu ta' kull xahar tar-riżorsi proprji li jkunu tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni. Hekk kif l-arretrat mis-sena preċedenti jiġi eliminat gradwalment u l-influss ta' kull xahar ta' riżorsi jkompli, ir-restrizzjoni ta' likwidità ma tibqax vinkolanti fix-xhur segwenti tas-sena.

Ir-restrizzjonijiet ta' likwidità fil-bidu tas-sena jiġu amplifikati minħabba n-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament, peress li s-sejħa għal fondi ta' kull xahar tkun ibbażata fuq id-dħul previst fil-baġit awtorizzat kif ikun, qabel l-adozzjoni ta' baġits emendatorji li jżidu l-livell tal-pagamenti, li normalment isseħħ lejn l-aħħar tas-sena.

Skont id-data preċiża ta' adozzjoni (jiġifieri qabel jew wara s-16 ta' Novembru tas-sena kkonċernata), is-sejħa korrispondenti għal riżorsi proprji addizzjonali biex jitkoprew l-approprjazzjonijiet ta' pagament addizzjonali awtorizzati fil-baġits emendatorji adottati fi tmiem is-sena tista' twassal biex il-flus ikunu disponibbli biss fil-bidu tas-sena finanzjarja li jmiss, b'mod li possibilment iwassal għal diffikultajiet fl-implimentazzjoni tal-baġits emendatorji fl-istess sena.

6.  L-arretrat ta' talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena

Fi tmiem kull sena, ikun hemm arretrat ta' talbiet għal pagament pendenti, jiġifieri talbiet li jkunu ntbagħtu mill-benefiċjarji ta' fondi tal-UE u li jkun hemm bżonn jitħallsu sa skadenza definita (ġeneralment anqas minn xahrejn) iżda li jkunu għadhom ma tħallsux(15). Dan jiġri minħabba waħda mit-tliet raġunijiet li ġejjin:

a)  Interruzzjonijiet/sospensjonijiet attwali: għal ċerti benefiċjarji/programmi, il-pagamenti jkunu ġew interrotti/sospiżi. L-interruzzjonijiet tal-pagamenti normalment ikunu azzjonijiet formali fuq żmien qasir li permezz tagħhom il-Kummissjoni ddewwem il-pagament waqt li tistenna t-tagħrif li jkun jonqos jew il-verifiki tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll.

b)  Raġunijiet ta' żmien: it-talbiet għal pagament li ma jkunux tħallsu minħabba li jkunu ntbagħtu fl-aħħar jiem tas-sena, mingħajr ma jkunu ħallew biżżejjed żmien biex jiġu pproċessati qabel tmiem is-sena.

c)  Nuqqas ta' approprjazzjoni: it-talbiet għal pagament li ma jkunux tħallsu minħabba li l-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fuq il-linja baġitarja relevanti jkunu ġew eżawriti.

Parti mill-arretrat tiġi kkunsidrata bħala "normali" (ara l-punti a u b). L-arretrat "anormali" ta' talbiet għal pagament pendenti, li l-biċċa l-kbira minnu qiegħed fil-Politika ta' Koeżjoni, qed jikber minħabba n-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament (punt c), filwaqt li anke r-restrizzjonijiet ta' likwidità fil-bidu tas-sena (ara t-taqsima 3.3 hawn fuq) ikollhom impatt. It-taqsima 4 tispjega aktar fil-fond il-każ tal-Politika ta' Koeżjoni.

4.  Intestatura 1b: l-evoluzzjoni tal-arretrat u l-prospettiva

Dan il-kapitolu jittratta l-każ speċifiku tal-Politika ta' Koeżjoni (Intestatura 1b). L-ewwel, jistabbilixxi l-karatteristiċi ewlenin tal-fondi strutturali u jispjega kif avvenimenti speċifiċi fl-imgħoddi jew relatati mal-leġiżlazzjoni ħolqu din is-sitwazzjoni diffiċli. Imbagħad jesplora kif jista' jiġi ddefinit arretrat "normali" u jipprovdi analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni fi tmiem l-2014.

7.  L-implimentazzjoni tal-fondi strutturali tal-2007-2013

Il-fondi strutturali tal-2007-2013: il-karatteristiċi ewlenin

Il-proġetti ffinanzjati mill-Intestatura 1b huma organizzati fi programmi operattivi. Dawn il-programmi operattivi jiġu proposti mill-Istati Membri, u jiġu nnegozjati u adottati mill-Kummissjoni fil-bidu tal-perjodu għat-tul kollu tiegħu. Kull programm operattiv jiġi implimentat b'ġestjoni kondiviża permezz ta' proġetti individwali. Dan ifisser li l-Istati Membri jimplimentaw il-fondi. Il-Kummissjoni tieħu sehem fil-kumitati ta' monitoraġġ, fejn ikollha rwol konsultattiv fl-għażla tal-proġetti, u tissorvelja l-implimentazzjoni tal-proġetti permezz ta' rapporti annwali ta' implimentazzjoni.

Il-programmi jiġu kofinanzjati mill-baġit tal-UE; dan ifisser li l-Kummissjoni ma tkoprix l-ispejjeż kollha tal-programm. L-Istati Membri jeħtiġilhom isibu "kofinanzjament simetriku" biex jiffinanzjaw parti mill-programmi.

Malli programm jiġi adottat, l-Unjoni Ewropea tkun ikkuntrattat obbligu legali għall-perjodu kollu. Il-Kummissjoni kienet timpenja awtomatikament l-approprjazzjonijiet fuq bażi annwali qabel it-tmiem ta' April mill-2007 sal-2013, abbażi tal-pjan finanzjarju tal-programm u mhux tal-implimentazzjoni effettiva tal-proġetti tal-programm. Filwaqt li l-pagamenti tal-UE ma jistgħu qatt jaqbżu l-impenji baġitarji tal-UE, in-nefqa tkun eliġibbli mill-bidu tal-perjodu (jiġifieri saħansitra qabel l-adozzjoni tal-programm) sa tmiem il-perjodu ta' eliġibilità.

Wara li l-programm jiġi approvat, il-Kummissjoni tħallas il-prefinanzjament. Dawn il-pagamenti jsiru awtomatikament lill-Istat Membru u jibqgħu għad-dispożizzjoni tiegħu sakemm jiġi kklerjati fil-mument tal-għeluq.

Peress li l-implimentazzjoni tad-diversi proġetti tkun għadha għaddejja, l-Istati Membri jissottomettu pagamenti interim permezz tal-awtorità ta' ċertifikazzjoni tagħhom. Dawn it-talbiet għal pagament interim jitħallsu mill-Kummissjoni abbażi tar-rata ta' kofinanzjament fis-seħħ u dment li ma jiġu deċiżi l-ebda interruzzjoni jew sospensjoni.

Dan il-mekkaniżmu jaħdem sakemm it-total tal-prefinanzjament imħallas mill-Kummissjoni u t-talbiet għal pagament interim sottomessi mill-Istati Membri għall-programmi ma jilħaqx il-95 % tas-sehem tal-allokazzjoni tal-programmi. Ladarba jintlaħaq dan il-limitu massimu, l-Istat Membru xorta jista' jibgħat it-talbiet għal pagament tiegħu iżda dawn jintużaw għall-ikklerjar ta' kwalunkwe prefinanzjament pendenti. Is-saldu tal-bqija jsir fl-għeluq tal-programm. L-Istati Membri għandhom bżonn jiġġustifikaw in-nefqa eliġibbli biex jitkopra l-ammont ta' prefinanzjament li jkunu rċivew fil-bidu tal-perjodu u l-ammont miżmum għall-għeluq (5 % tal-allokazzjoni totali).

Wara tmiem il-perjodu ta' eliġibilità, hu previst perjodu ta' 15-il xahar biex jippreparaw u jissottomettu d-dokumenti ta' għeluq lill-Kummissjoni u jitolbu s-saldu tal-pagament finali. Qabel ikun jista' jsir il-pagament finali, il-Kummissjoni teżamina l-pakkett ta' għeluq (jiġifieri, id-dikjarazzjoni ta' għeluq, ir-Rapport ta' Implimentazzjoni Finali u t-talba finali). Peress li dawn id-dokumenti huma mistennija sal-31 ta' Marzu 2017, id-deċiżjoni dwar l-għeluq (u l-pagamenti finali relatati) se tittieħed bejn l-2017 u l-2019.

Abbażi tal-eżitu ta' dan l-eżerċizzju, il-5 % miżmuma għall-għeluq jintużaw biex jitħallsu t-talbiet għal pagament pendenti. Inkella, il-Kummissjoni ma tħallasx l-ammont sħiħ fl-għeluq. L-ammont li ma jkunx tħallas jiġi diżimpenjat. Jekk il-korrezzjonijiet ikunu ogħla minn 5 %, il-Kummissjoni tirkupra l-ammont li jkun tħallas b'mod indebitu.

Ir-regola N+2/N+3

Ir-regola N+2/N+3 ġiet stabbilita għall-ewwel darba għall-perjodu ta' programmazzjoni 2000-2006. Ir-regola tipprevedi li impenn li jkun sar fis-sena N għandu jiġi kopert mill-istess ammont ta' prefinanzjament u talbiet għal pagament interim qabel il-31 ta' Diċembru tas-sena N+2 (ir-regola N+2). Pereżempju, impenn li sar fl-2012 irid jiġi kopert kompletament minn talbiet għal pagament qabel il-31 ta' Diċembru 2014. L-ammont li ma jkunx kopert jiġi diżimpenjat, u dan ifisser li l-Istat Membru jitlef il-finanzjament. Attwalment, madankollu, diżimpenji N+2/N+3 sinifikanti qatt ma ġew irreġistrati fl-istorja tal-fondi strutturali kollha kemm hi.

L-għan tar-regola hu li tiġi żgurata d-dixxiplina finanzjarja fil-ġestjoni tal-fondi tal-UE. Peress li l-impenji jsiru awtomatikament ladarba programm jiġi approvat, ir-regola tobbliga lill-Istati Membri jimplimentaw il-proġetti b'mod dinamiku u jevitaw il-problemi fl-aħħar nett taċ-ċiklu. L-eżistenza tagħha tippermetti wkoll li l-profil ta' pagament ikun aktar regolari, billi tobbliga lill-Istati Membri jissottomettu talbiet għal pagament f'intervalli regolari. Madankollu, kif inhu spjegat fil-kapitolu li jmiss, "trattib" tar-regola, b'mod speċjali fis-segwitu tal-kriżi finanzjarja tal-2008, naqqas l-effett regolatorju tagħha.

L-oriġini tal-konċentrazzjoni tat-talbiet għal pagament fi tmiem is-sena tinsab f'din ir-regola: l-Istati Membri għandhom jibagħtu t-talbiet għal pagament tagħhom qabel nofsillejl tal-31 ta' Diċembru, permezz ta' sistema informatika speċifika. Għalkemm, legalment huma rikjesti jibagħtu t-talbiet tagħhom regolarment matul is-sena(16), l-esperjenza tal-imgħoddi turina li ħafna jistennew l-aħħar ġimgħat biex jibagħtu ammonti kbar.

8.  Il-profil tat-talbiet għal pagament għall-perjodu ta' programmazzjoni tal-2007-2013

Il-muturi ewlenin taċ-ċiklu ta' pagament

Fil-bidu tal-perjodu, jitħallsu ammonti sinifikanti ta' prefinanzjament, segwiti matul xi snin b'livell relattivament baxx ta' pagamenti interim hekk kif il-programmi jistabbilixxu l-istrutturi tagħhom u jibdew l-implimentazzjoni tal-proġetti. Peress li r-regola N+2/N+3 ma tibdiex tipproduċi l-effetti tagħha qabel tmiem it-tielet sena tal-perjodu ta' programmazzjoni, ma hemm l-ebda pressjoni fil-bidu tal-qafas li jiġu sottomessi talbiet. Barra minn hekk, il-prefinanzjament ikun għadu jkopri parti kbira mill-impenji li jkunu saru fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni. Madwar 2-3 snin qabel tmiem il-perjodu ta' programmazzjoni, il-livell annwali ta' pagamenti interim jibda jiżdied hekk kif il-programmi jilħqu l-maturità u t-talbiet għal pagament ikunu laħqu r-ritmu ottimali tagħhom. Il-livell massimu jista' jiġi osservat fi tmiem il-perjodu/fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni li jkun imiss, segwita bi tnaqqis kważi għal żero fis-snin ta' wara meta l-programmi jilħqu l-limitu minimu ta' 95 %. Kif inhu msemmi hawn fuq, il-pagamenti ta' għeluq isiru bejn sena u tliet snin wara li jintemm il-perjodu ta' eliġibilità.

Derogi

Tliet żviluppi fil-qafas leġiżlattiv applikabbli għall-perjodu ta' programmazzjoni tal-2007-2013 amplifikaw in-natura ċiklika tal-livell ta' pagamenti interim:

1.  Il-bidla mir-regola N+3 għal N+2. Bħala parti mill-kompromess globali li stabbilixxa l-QFP 2007-2013, l-Istati Membri l-ġodda, kif ukoll il-Ġreċja u l-Portugall, ġew soġġetti għal regola N+3 għall-porzjonijiet tal-impenji tal-2007-2010 u mbagħad għal regola N+2 sa tmiem il-perjodu. Dan ifisser li sa tmiem l-2013, dawn l-Istati Membri kellhom ikopru żewġ porzjonijiet ta' impenji: il-porzjon tal-2010 u dik tal-2011. Naturalment, l-Istati Membri ma qagħdux neċessarjament jistennew l-iskadenza tad-diżimpenn biex jimplimentaw il-programmi u jressqu t-talbiet tagħhom għal pagament, u għalhekk ma ġewx irdoppjati t-talbiet għal pagament fl-2013. Madankollu, din ir-regola saħħet b'mod qawwi l-livell massimu li ntlaħaq fl-2013 b'effett konsegwenzjali fuq is-snin ta' wara permezz tal-akkumulazzjoni ta' arretrat pendenti.

2.  L-Istati Membri kienu rikjesti jwettqu verifika tal-konformità tas-sistemi ta' kontroll tagħhom għall-fondi. Ir-riżultati tal-verifika ta' konformità kellhom jiġu approvati mill-Kummissjoni. It-talbiet għal pagament interim setgħu jitressqu, iżda setgħu jiġu rimborżati mill-Kummissjoni biss b'segwitu għall-approvazzjoni tal-valutazzjoni ta' konformità. Filwaqt li l-biċċa l-kbira tal-programmi ġew adottati fl-2007, is-sottomissjoni ta' talbiet (jew għall-anqas ir-rimborż tagħhom min-naħa tal-Kummissjoni) ġiet ittardjata, u ma sar kważi l-ebda pagament interim fl-2008.

3.  Bħala reazzjoni għall-kriżi finanzjarja, saru sejħiet qawwija mill-Istati Membri biex jiġi nnewtralizzat il-porzjon ta' impenn tal-2007 għar-regola N+2/N+3. Dan ġie aċċettat mill-Kummissjoni iżda, minflok ma ġie pospost b'sena l-limitu minimu ta' diżimpenn tal-2007, ir-regoli N+2/N+3 iddgħajfu ulterjorment permezz ta' vot unanimu fil-Kunsill biex l-obbligu relatat mal-porzjon tal-2007 jinfirex fuq sitt partijiet indaqs matul il-perjodu kollu. Din l-hekk imsejħa "regola Griega" ppermettiet li jitressqu anqas talbiet għal pagament fil-bidu tal-perjodu, ibbilanċjati minn aktar talbiet għal pagament fi tmiem il-perjodu.

Apparti dan, b'reazzjoni għall-kriżi wkoll, il-perjodu ta' eliġibilità tan-nefqa għall-programmi tal-2000-2006 ġie estiż minn tard fl-2008 għall-2009 (permezz ta' modifika tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-programm) u għalhekk l-Istati Membri komplew jiffokaw fuq l-implimentazzjoni tal-programmi tal-2000-2006. B'riżultat ta' dan, l-implimentazzjoni tal-programmi tal-2007-2013 u s-sottomissjonijiet relatati tat-talbiet għal pagament interim tal-2007-2013 ġew ittardjati.

Il-programmi tal-2000-2006 mqabbla mal-programmi tal-2007-2013

Waqt li l-perjodu ta' programmazzjoni tal-2007-2013 qaleb mir-regola N+3 għal dik N+2 fi tmiem ir-raba' sena, il-perjodu ta' programmazzjoni tal-2000-2006 kellu biss regola N+2, allavolja saru xi aġġustamenti fl-2004 minħabba l-adeżjoni ta' 10 Stati Membri.

Il-graff ta' hawn taħt tqabbel il-pagamenti interim akkumulati għall-perjodu 2000-2006 li saru matul is-snin 2001-2007 bħala perċentwali tal-pakkett totali, mal-pagamenti interim akkumulati għall-programmi tal-2007-2013 li saru mill-2008 sal-2014, għal darb'oħra bħala perċentwali tal-pakkett totali.

Graff 1: L-andament annwali tal-pagamenti interim kumulattivi (b'intervalli ta' sena): il-perjodu 2000-2006 (UE-15) vs il-perjodu 2007-2013 (% tal-pakkett totali bl-esklużjoni tal-prefinanzjament)

20150708-P8_TA(2015)0263_MT-p0000005.png

Kif jidher mill-graff, il-pagamenti kumulattivi għall-programmi tal-2007-2013 baqgħu konsistentement taħt il-livell esperjenzat fil-perjodu 2000-2006, għalkemm qorbuh lejn tmiem il-perjodu. Dan il-profil ta' dewmien għall-programmi tal-2007-2013 irriżulta mit-taħlita ta' fatturi deskritta hawn fuq. Jispjega s-sottoeżekuzzjoni ta' approprjazzjonijiet ta' pagament u l-limitu massimu ta' pagamenti fil-bidu tal-perjodu, peress li l-profil ta' pagament għall-programmi tal-2000-2006 ntuża bħala riferiment biex jiġu stabbiliti l-limiti massimi.

Madankollu, meta t-talbiet għal pagament bdew ilaħħqu magħhom fi stadju segwenti, il-pagamenti kienu ferm limitati mil-livell tal-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati u/jew mil-limitu massimu ta' pagament li wasslu biex jakkumula l-arretrat.

L-evoluzzjoni tal-arretrat fil-perjodu 2007-2014

Din il-graff(17) turi l-evoluzzjoni tal-arretrat għall-programmi tal-2007-2013 matul il-perjodu 2007-2016.

Graff 2: Il-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni 2007-2013: l-evoluzzjoni tat-talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena (f'biljuni ta' EUR)

20150708-P8_TA(2015)0263_MT-p0000006.png

Kif jidher fil-graff, l-arretrat għall-programmi tal-2007-2013 beda jiżdied fl-2011, meta laħaq livell ta' EUR 11-il biljun, u wasal għal massimu ta' EUR 24,7 biljun fl-2014. Kif inhu spjegat hawn taħt, il-projezzjonijiet juru li l-livell tal-arretrat se jkun għadu għoli fi tmiem l-2015, qabel ma jerġa' lura għal arretrat "normali" u sostenibbli fi tmiem l-2016.

9.  Il-komponenti u t-tipi ta' arretrat

Matul is-sena, il-Kummissjoni tirċievi dawn it-talbiet għal pagament għall-fondi strutturali:

a)  it-talbiet għal pagament eliġibbli li jkunu koperti b'pagamenti matul is-sena;

b)  it-talbiet għal pagament li jkunu diġà ġew koperti mill-prefinanzjament fil-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni u li għaldaqstant ma jiġux segwiti b'pagamenti addizzjonali;

c)  it-talbiet għal pagament li jkunu jistgħu jitħallsu biss wara l-għeluq u li jkollhom jistennew sakemm il-Kummissjoni u l-benefiċjarju jilħqu qbil dwar l-għeluq;

d)  it-talbiet għal pagament li ma jkunux tħallsu minħabba li jkunu ntbagħtu fl-aħħar jiem tas-sena, tard wisq biex jiġu pproċessati qabel tmiem is-sena;

e)  it-talbiet għal pagament li jkunu ġew interrotti/sospiżi għal ċerti benefiċjarji/programmi. Is-sospensjonijiet jew l-interruzzjonijiet tal-pagamenti normalment ikunu azzjonijiet formali fuq żmien qasir li permezz tagħhom il-Kummissjoni ddewwem il-pagament waqt li tistenna t-tagħrif li jkun jonqos jew il-verifiki tas-sistema ta' ġestjoni u kontroll;

f)  it-talbiet għal pagament li ma jkunux tħallsu fi tmiem is-sena minħabba li l-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fuq il-linja baġitarja relevanti jkunu ġew eżawriti.

L-aħħar erba' kategoriji (minn (c) sa (f)) jibqgħu talbiet pendenti fi tmiem is-sena, imma l-arretrat jinkludi t-talbiet għal pagament pendenti minħabba r-raġunijiet (d), (e) u (f). Ċertu livell ta' talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena hu meqjus "normali" meta dawn ikunu jikkorrispondu għar-raġunijiet (d) u (e). L-arretrat "anormali" jinkludi biss it-talbiet għal pagament pendenti minħabba r-raġuni (f).

Il-grafika li ġejja turi l-fluss tat-talbiet għal pagament għall-Intestatura 1b, il-proċess li jgħaddu minnu minn meta jitressqu mill-Istati Membri, jgħaddu mill-identifikazzjoni tat-"talbiet pagabbli", sakemm jispiċċaw bħala arretrat "normali" u "anormali".

20150708-P8_TA(2015)0263_MT-p0000007.png

Il-konċentrazzjoni fi tmiem is-sena tat-talbiet u ż-żmien biex jitħallsu

Fix-xahar ta' Diċembru kien qed ikun hemm konċentrazzjoni qawwija ta' talbiet għal pagament mibgħuta mill-Istati Membri, li varjaw minn 27 % għal 35 % tat-total annwali matul il-perjodu 2011-2014. Għal kull talba għal pagament li tirċievi, il-Kummissjoni jkollha bżonn twettaq kontrolli qabel ma tipproċedi bil-pagament. Aktar ma jkun kbir in-numru ta' talbiet li jaslu fl-aħħar ġimgħat tas-sena, aktar ikun kbir ir-riskju li t-talbiet ma jiġux rimborżati qabel tmiem is-sena.

Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni regolarment tħeġġeġ lill-Istati Membri jibagħtu t-talbiet tagħhom b'mod iktar regolari matul is-sena.

Il-graff li ġejja turi l-evoluzzjoni ta' kull xahar tat-talbiet għal pagament li tressqu għall-programmi tal-2007-2013 bejn l-2011 u l-2014.

Graff 3a: L-andament ta' kull xahar tat-talbiet għal pagament interim kumulattivi mressqa għall-perjodu 2007-2013 (f'% tat-total)

20150708-P8_TA(2015)0263_MT-p0000008.png

Din il-graff ta' hawn fuq turi b'mod ċar li fi tmiem is-sena jkun hemm żieda rikorrenti qawwija ħafna ta' talbiet għal pagament imressqa.

Graff 3b: Il-konċentrazzjoni tat-talbiet għal pagament imressqa matul l-aħħar xahrejn tas-sena (il-perċentwali li waslet f'Novembru u Diċembru) bejn l-2011 u l-2014

20150708-P8_TA(2015)0263_MT-p0000009.png

Il-graffs juru li aktar u aktar talbiet waslu lejn l-aħħar tas-sena, minħabba l-pressjoni dejjem tikber tar-regola N+2. It-tneħħija tar-regola N+3 fl-2013 kienet tfisser li l-Istati Membri kollha kellhom regola N+2 ħlief ir-Rumanija, is-Slovakkja u l-Kroazja. Kellha impatt kbir fuq il-volum tat-talbiet imressqa f'dik is-sena. L-ammont ta' talbiet li jaslu tard wisq biex jitħallsu fis-sena jiddependi fuq l-ammont totali ta' talbiet li jitressqu fis-sena u fuq il-profil tiegħu fi ħdan is-sena.

L-impatt tal-interruzzjonijiet u s-sospensjonijiet

Il-Kummissjoni tuża għadd ta' mekkaniżmi preventivi sabiex tipproteġi l-baġit tal-UE qabel tagħmel il-pagamenti lill-Istati Membri meta tkun konxja ta' nuqqasijiet potenzjali. Dawn huma partikolarment prezzjużi biex jittejbu s-sistemi ta' kontroll fl-Istati Membri u biex b'hekk jitnaqqas il-bżonn għal korrezzjonijiet finanzjarji fil-ġejjieni mill-Kummissjoni.

B'konsegwenza ta' dan, xi talbiet għal pagament ma jkunux pagabbli minnufih peress li jkunu ġew interrotti jew sospiżi mill-Kummissjoni sakemm isir it-titjib meħtieġ fis-sistemi ta' kontroll. Waqt li l-biċċa l-kbira minn dawn it-talbiet fl-aħħar mill-aħħar ma tkunx se tiġi rrifjutata, ma jkunux jistgħu jitħallsu minnufih.

Bi qbil mar-regolament(18), il-Kummissjoni tista':

—  tinterrompi d-data ta' skadenza għall-pagament għal perjodu massimu ta' 6 xhur għall-programmi tal-2007-13 jekk ikun hemm provi li jissuġġerixxu nuqqas sinifikanti fil-funzjonament tas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll tal-Istat Membru kkonċernat; jew jekk is-servizzi tal-Kummissjoni jkollhom iwettqu verifiki addizzjonali għax ikollhom informazzjoni li n-nefqa f'dikjarazzjoni tan-nefqa ċċertifikata tkun marbuta ma' irregolarità serja li ma tkunx ġiet ikkorreġuta;

—  tissospendi kompletament jew parzjalment pagament interim għal Stat Membru għall-programmi tal-2007-13 jekk ikun hemm evidenza ta' nuqqas serju fis-sistema ta' ġestjoni u kontroll tal-programm u l-Istat Membru ma jkunx ħa l-miżuri korrettivi meħtieġa; jew jekk in-nefqa f'dikjarazzjoni tan-nefqa ċċertifikata tkun marbuta ma' irregolarità serja li ma tkunx ġiet ikkorreġuta; jew fil-każ ta' ksur serju minn Stat Membru tal-obbligi tiegħu ta' ġestjoni u kontroll. Meta l-miżuri rikjesti ma jkunux ittieħdu mill-Istat Membru, il-Kummissjoni tista' timponi korrezzjoni finanzjarja.

Stima ta' arretrat "normali"

Kif ġa ġie spjegat, l-arretrat "normali" huwa t-total tat-talbiet li jkunu ġew interrotti jew sospiżi u t-talbiet li jkunu waslu tard wisq biex jitħallsu fis-sena. It-talbiet li jaslu matul l-aħħar għaxart ijiem kalendarji tas-sena jistgħu jiġu kkunsidrati bħala talbiet li jkunu waslu tard wisq biex jitħallsu peress li jeħtieġ li l-Kummissjoni jkollha biżżejjed assigurazzjoni li se tkun tista' teżegwixxi kompletament l-approprjazzjonijiet disponibbli fil-baġit. Madankollu, uħud mit-talbiet interrotti jew sospiżi jkunu ukoll parti mit-talbiet li jkunu waslu tard wisq biex jitħallsu u m'għandhomx jingħaddu darbtejn.

Għaldaqstant, l-arretrat "normali" se jikber mal-għadd totali tat-talbiet li jitressqu matul is-sena u l-konċentrazzjoni relattiva taghħom matul l-aħħar jiem tas-sena.

Għall-perjodu 2010-2014, il-graff ta' hawn taħt tagħti ħarsa ġenerali lejn it-talbiet għal pagament li waslu, l-arretrat fi tmiem is-sena u t-talbiet li jkunu waslu tard wisq biex jitħallsu jew li jkunu ġew sospiżi.

Graff 4 Intestatura 1b: It-talbiet, l-arretrat u s-sospensjonijiet tal-2010-2014

20150708-P8_TA(2015)0263_MT-p0000010.png

Matul dawn l-aħħar tliet snin (2012-2014), jista' jiġi stmat li l-arretrat "normali" (jiġifieri t-talbiet għal pagament li jkunu waslu fl-aħħar għaxart ijiem tas-sena jew it-talbiet interrotti jew sospiżi anke jekk ikunu waslu qabel l-aħħar għaxart ijiem) kien madwar nofs il-valur tal-arretrat totali milħuq fl-aħħar ta' kull sena. In-nofs l-ieħor kien marbut man-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fil-baġit, u dan ħoloq l-effett ta' ballun tas-silġ li malajr isir valanga(19).

Minħabba l-livell ta' talbiet li hu mistenni li se jonqos fl-2015 u fl-2016, it-tnaqqis mistenni ta’ każijiet interrotti/sospiżi u n-nuqqas ta' pressjoni mir-regola N+2 fi tmiem l-2015(20), anke l-arretrat "normali" hu mistenni li jonqos b'mod drastiku.

10.  Il-prospetti għall-pagamenti (talbiet) tal-2007-2013 fl-2015 u fl-2016

Stima għall-2015 u l-2016 abbażi tal-previżjonijiet tal-Istati Membri

Ir-regolament dwar il-fondi tal-2007-2013(21) jirrikjedi li l-Istati Membri jibagħtu lill-Kummissjoni previżjoni tat-talbiet għal pagament interim probabbli tagħhom għas-sena N u s-sena N+1 sa mhux aktar tard mit-30 ta' April tas-sena N. Matul dawn l-aħħar snin, l-Istati Membri qablu li jaġġornaw din l-informazzjoni f'Settembru tas-sena N sabiex ikun jista' jiġi vvalutat b'mod aktar preċiż il-livell li jkun qed jikber ta' talbiet għal pagament pendenti (l-arretrat) u l-konċentrazzjoni sinifikanti ta' talbiet għal pagament imressqa fl-aħħar xhur tas-sena.

Madankollu, ir-regolament il-ġdid dwar il-fondi għall-2014-2020(22) jirrikjedi li l-Istati Membri jibagħtu l-previżjoni tagħhom tal-applikazzjonijiet għal pagament interim għas-sena N u s-sena N+1 sal-31 ta' Jannar tas-sena N (b'aġġornament sal-31 ta' Lulju). Din l-iskadenza l-ġdida ġiet applikata fuq bażi volontarja mill-Istati Membri fl-2015 għall-programmi tagħhom tal-2007-13 abbażi ta' talba mill-Kummissjoni, ikkonfermata f'Diċembru 2014. Skont id-data li waslet għand il-Kummissjoni sat-3 ta' Marzu 2015, l-istima attwali tal-Istati Membri hi li se jissottomettu madwar EUR 48 biljun ta' talbiet għal pagament (kemm dawk pagabbli u kemm dawk li ma jkunux) fl 2015 u madwar EUR 18-il biljun fl-2016(23).

Kif ġa ġie spjegat, mhux it-talbiet għal pagament kollha jirriżultaw direttament f'pagamenti, minħabba l-ħtieġa li jitqies il-limitu massimu ta' 95 % għall-pagamenti stabbilit mill-Artikolu 79 tar-Regolament Nru 1083/2006(24). Hekk kif aktar u aktar programmi jilħqu l-limitu massimu ta' 95 %, din il-korrezzjoni se ssir ferm aktar sinifikanti fl-2015 u fis-snin sussegwenti. Għaldaqstant, iċ-ċifri effettivi tat-talbiet pagabbli mistennija huma aktar baxxi minn dawk previsti mill-Istati Membri, minħabba li t-talbiet lil hinn mil-limitu massimu ta' 95 % jiġu kkunsidrati biss fil-mument tal-għeluq. Abbażi ta' dawn il-previżjonijiet soġġetti għal limitu massimu, il-Kummissjoni tistenna li se tirċievi ammont totali ta' talbiet għal pagament pagabbli ta' madwar EUR 35 biljun fl-2015. Iċ-ċifra korrispondenti għall-2016 attwalment hi ta' madwar EUR 3 biljuni. Dan l-ammont għall-2016 se jsir aktar preċiż (u jista' jkun kemxejn ogħla) ladarba l-Istati Membri jissottomettu d-data nieqsa jew jirrevedu d-data trażmessa għal xi programmi operattivi.

L-Anness 2 jipprovdi aktar dettalji rigward il-previżjonijiet mill-Istati Membri tat-talbiet għal pagament li għandhom jitressqu fl-2015 u fl-2016 għall-Programmi ta' Koeżjoni 2007-2013.

Stima tal-Kummissjoni abbażi tal-eżekuzzjoni

Fi tmiem l-2014, l-ammont totali tal-pagamenti ta' prefinanzjament u l-pagamenti interim li saru kien ta' EUR 266,1 biljun. Il-pakkett totali għall-programmi tal-Politika ta' Koeżjoni 2007-2013 hu ta' EUR 347,3 biljun. Jekk jitqiesu d-diżimpenji li diġà saru s'issa u r-riskju ta' diżimpenn dovut għall-implimentazzjoni tar-regola N+2/N+3 fi tmiem l-2014 iżda li għad iridu jiġu kkonfermati (ammont massimu totali ta' madwar EUR 0,9 biljun sa mill-bidu tal-perjodu), l-ammont massimu li għad irid jitħallas hu ta' madwar EUR 80,3 biljun. Madankollu, 5 % tal-ammonti ta' kull programm għandhom jitħallsu biss fil-fażi ta' għeluq (EUR 17,3 biljun).

Għaldaqstant, il-livell mistenni ta' talbiet għal pagament interim li għad fadal x'jitħallsu fl-2015 jew fis-snin sussegwenti hu ta' madwar EUR 63 biljun jew 18 % tal-pakkett totali, li jinkludi l-arretrat fi tmiem l-2014 (EUR 24,7 biljun). Il-livell massimu ta' talbiet għal pagament ġodda pagabbli li għandhom jaslu fl-2015 jew fis-snin sussegwenti, qabel l-għeluq, hu ta' EUR 38,3 biljun. Jekk ammont sa massimu ta' EUR 35 biljun ta' talbiet għal pagament se jasal fl-2015, l-ammont li jifdal sa massimu ta' EUR 3,5 biljun kieku jasal fl-2016.

Stima tal-arretrat fi tmiem l-2015 abbażi tal-previżjonijiet ikkorreġuti tal-Istati Membri

Il-livell tal-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fil-baġit tal-2015 hu ta' EUR 39,5 biljun. Dan l-ammont se jkopri kemm l-arretrat ta' qabel l-2015 (EUR 24,7 biljun) u t-talbiet il-ġodda (stmati li se jkunu ta' EUR 35 biljun). Għaldaqstant, l-arretrat mistenni fi tmiem l-2015 kieku jammonta għal EUR 20 biljun, li minnu kieku jifdal mill-inqas madwar nofsu jew madwar EUR 10 biljun bħala arretrat anormali.

F'biljuni ta' EUR

L-arretrat fi tmiem l-2014

(aġġustat)

Il-previżjonijiet mill-Istati Membri tat-talbiet għall-2015 ikkoreġuti abbażi tal-limitu massimu ta' 95 %

L-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fil-Baġit 2015

L-arretrat previst fi tmiem l-2015

24.7

~35

39.5

~20

11.  It-talbiet għal pagament mistennija għall-2016

Kif inhu spjegat hawn fuq, hu mistenni li l-arretrat fi tmiem l-2015 se jkun madwar EUR 20 biljun, sakemm jirriżulta li l-previżjonijiet tal-Istati Membri jkunu preċiżi. Barra minn hekk, għadu mistenni massimu ta' EUR 3,5 biljun ta' talbiet pagabbli qabel l-għeluq tal-programmi. Minħabba dan l-ammont relattivament limitat ta' talbiet għal pagament u peress li mhux se jkun hemm aktar il-pressjoni tar-regola N+2, m'hemm l-ebda raġuni li dak li jkun jassumi li ammont kbir minn dawn it-talbiet għal pagament se jasal tard wisq sabiex jitħallsu fl-2016.

Il-Kummissjoni se tirfina r-rikjesta tagħha fl-Abbozz ta' Baġit 2016, filwaqt li tqis l-arretrat "normali" fi tmiem l-2016. Dan l-arretrat "normali" – li jkopri t-talbiet li jkunu tressqu tard ħafna u l-interruzzjonijiet/is-sospensjonijiet li jkun fadal – madankollu kieku jkun baxx ħafna meta mqabbel ma' dak tas-snin preċedenti, peress li anke l-livell tat-talbiet ġodda li għandhom jaslu fl-2016 hu baxx ħafna u l-Kummissjoni tistenna li l-Istati Membri jikkoreġu n-nuqqasijiet u jressqu talbiet "nodfa". Jista' jilħaq daqs ta' madwar EUR 2 biljun. Dan l-arretrat "normali" fi tmiem is-sena 2016 għalhekk se jkollu jiġi kopert fil-baġit 2017. L-ammont li għandu jiġi inkluż fil-baġit 2016 għalhekk kieku jkun ta' madwar EUR 21,5 biljun.

12.  Sommarju tal-informazzjoni użata għall-kalkolu tat-talbiet għal pagament u tal-arretrat

It-tabella li ġejja tiġbor fil-qosor l-informazzjoni dwar il-pakkett tal-programm, l-użu mistenni tal-approprjazzjonijiet baġitarji disponibbli fil-baġit 2015 u t-talbiet għal pagament massimi li huma mistennija fl-2016.

Il-pagamenti interim pendenti għall-2015-2017 (f'biljuni ta' EUR)

Il-pakkett tal-programm

(1)

347.3

—  Li minnhom huma pagamenti ta' prefinanzjament u pagamenti interim li saru sa tmiem l-2014

(2)

266.1

—  Li minnhom huma riżervati għall-għeluq (5 %) u d-diżimpenji li saru

(3)

18.2

L-ammont massimu ta' pagamenti interim pagabbli (2015-2017)

(4)=(1)-(2)-(3)

~63.0

—  Li minnhom huma arretrati fi tmiem l-2014 (talbiet għal pagament pendenti)

(5)

24.7

—  Li minnhom huma l-ammont massimu ta' pagamenti interim pagabbli fl-2015-2017

(6)=(4)-(5)

38.3

Sena baġitarja 2015, f'biljuni ta' EUR

L-approprjazzjonijiet disponibbli fil-Baġit 2015

(1)

39.5

—  Li minnhom huma arretrati fi tmiem l-2014

(2)

24.7

—  Li minnhom huma previżjonijiet għall-2015 ikkorreġuti abbażi tal-limitu massimu ta' 95 %

(3)

~35

L-arretrat mistenni fi tmiem l-2015

(4)=(1)-(2)-(3)

~20

Sena baġitarja 2016, f'biljuni ta' EUR

L-arretrat mistenni fi tmiem l-2015

(1)

~20

L-ammont massimu li jifdal ta' talbiet għal pagament li hu mistenni li se jaslu fl-2016 qabel l-għeluq

(2)

~3.5

L-ammont massimu ta' talbiet għal pagament li għandu jiġi kopert fil-Baġit 2016

(3)=(1)+(2)

~23.5

13.  Il-pagament fil-fażi ta' għeluq

Il-fażi ta' għeluq tal-fondi strutturali għandha d-dinamika ta' pagament proprja tagħha. Kull Stat Membru jibgħat id-dokumenti ta' għeluq tiegħu għal kull programm individwali sa mhux aktar tard mill-31 ta' Marzu 2017. Il-Kummissjoni tinforma lill-Istat Membru dwar l-opinjoni tagħha rigward il-kontenut tad-dikjarazzjoni ta' għeluq fi żmien ħames xhur mid-data meta tirċeviha, sakemm tkun tressqet l-informazzjoni kollha fid-dokument ta' għeluq inizjali(25). Bħala regola, il-pagamenti għall-għeluq se jsiru biss wara l-2016. L-ammont totali riżervat għall-għeluq (5 % tal-allokazzjoni kumplessiva) hu ta' EUR 17,3 biljun, iżda l-livell tal-pagamenti se jiġi influwenzat mill-kwalità tal-implimentazzjoni tal-programm matul il-perjodu kollu. Id-diżimpenji possibbli fil-fażi ta' għeluq fil-Politika ta' Koeżjoni jistgħu jnaqqsu l-ħtiġijiet għal pagamenti.

Bħala stima indikattiva, għall-perjodu 2000-2006, il-perċentwali ta' diżimpenn fil-fażi ta' għeluq kienet ta' 2,6 % tal-pakkett totali għall-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u 0,9 % ta' dak għall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR). Madankollu, għall-FSE għad hemm madwar EUR 0,5 biljun ta' RAL li għandhom x'jaqsmu ma' każijiet problematiċi b'irregolaritajiet, u għaldaqstant l-istima tal-Kummissjoni hi li l-perċentwali finali ta' diżimpenji fil-fażi ta' għeluq se tkun ta' madwar 3 % għal dak il-Fond. Il-Kummissjoni ma teskludix li d-diżimpenji fil-fażi ta' għeluq jistgħu jkunu ogħla milli kienu fil-perjodu li għadda u għalhekk l-istima msemmija hawn fuq għandha tiġi kkunsidrata bħala indikazzjoni prudenti.

It-talbiet fil-fażi ta' għeluq ma jitqisux fl-analiżi tat-tnaqqis tal-parti normali tal-arretrat, peress li l-biċċa l-kbira minnhom se jitħallsu fl-2017-2019 jew fis-snin sussegwenti u, fi kwalunkwe każ, mhux kollha se jirriżultaw f'pagamenti, peress li l-ewwel jiġu kklerjati l-ammonti mħallsin b'mod indebitu qabel ma jsir il-pagament finali.

5.  L-intestaturi l-oħra: il-prospetti għall-programmi tal-2007-2013

14.  Ħarsa ġenerali

Wara l-analiżi dettaljata tal-każ speċifiku tal-Politika ta' Koeżjoni (Intestatura 1b), kif spjegat fit-Taqsima 4 hawn fuq, din it-taqsima tħares lejn is-sitwazzjoni fl-intestaturi l-oħra, li tista' tiġi sintetizzata kif ġej:

—  L-approprjazzjonijiet għall-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (Intestatura 2) huma approprjazzjonijiet mhux differenzjati, b'mod li l-pagamenti u l-impenji jiġu bbaġittjati fuq l-istess livell. Għaldaqstant, ma jkunx hemm arretrat fi tmiem is-sena;

—  Il-ġestjoni tal-Iżvilupp Rurali, il-Fond Ewropew għas-Sajd (Intestatura 2) u l-fondi għall-Asil, il-Migrazzjoni, il-Fruntieri u s-Sigurtà (Intestatura 3) hija kondiviża mal-Istati Membri, b'mod simili għal dik tal-Politika ta' Koeżjoni. Waqt li s'issa l-Iżvilupp Rurali ma kellu l-ebda arretrat, dan mhux il-każ għall-fondi l-oħrajn;

—  Il-biċċa l-kbira tal-programmi l-oħra (intestaturi 1a u 4) huma ġestiti mill-Kummissjoni. Minħabba n-nuqqasijiet ta' pagamenti, ħafna minn dawn il-programmi ġew soġġetti għall-miżuri ta' mitigazzjoni li l-Kummissjoni implimentat matul l-2014 (u f'xi każijiet diġà fl-2013), li jvarjaw minn tnaqqis tal-prefinanzjament (waqt li jitqiesu kif dovut it-tip u s-solidità finanzjarja tas-sħab eżekuttivi, tad-destinatarji u tal-benefiċjarji), għal posponiment tal-pagamenti finali jew il-pagamenti għall-appoġġ baġitarju, trażżin tat-tnedija ta' impenji ġodda u tidwim fl-għoti ta' kuntratti.. Il-biċċa l-kbira ta' dawn il-miżuri ta' mitigazzjoni, madankollu, jipposponu biss iż-żmien meta jsir il-ħlas, filwaqt li l-impenji xorta jkollhom jiġu onorati.

It-tabella ta' hawn taħt tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-evoluzzjoni tal-arretrat għall-intestaturi 1a u 4. Waqt li hemm tendenza ċara 'l fuq għall-arretrat għall-Intestatura 4, li fl-2014 laħaq l-ogħla livell tiegħu f'dawn l-aħħar snin, l-evoluzzjoni tal-Intestatura 1a hija inqas ċara.

Arretrat fi tmiem is-sena (f'miljuni ta' EUR)

2007

2008

2009

2010

2011

2012

2013

2014

Intestatura 1a

1 679

507

291

628

604

567

551

541

Intestatura 4

172

178

284

226

387

367

389

630

15.  Il-programmi taħt ġestjoni kondiviża fl-intestaturi 2 u 3

15.1.  Intestatura 2

Il-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG)

M'hemm l-ebda arretrat għall-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) peress li dan il-fond hu bbażat fuq approprjazzjonijiet mhux differenzjati.

Il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR)

S'issa ma kien hemm l-ebda arretrat għall-Iżvilupp Rurali: il-Kummissjoni dejjem setgħet tħallas it-talbiet għal pagament kollha fil-ħin. Meta jitqiesu d-daqs tal-programm għall-Iżvilupp Rurali u r-regola ta' 95 % li tapplika wkoll, il-livell massimu ta' pagamenti interim li għad jistgħu jitħallsu qabel l-għeluq hu ta' madwar EUR 8,7 biljun għall-perjodu 2007-2013. L-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fil-baġit 2015 għall-programmi tal-2007-2013 jammontaw għal EUR 5,9 biljun. L-ammont li jibqa' ta' EUR 2,8 miljun hu mistenni li se jitħallas fl-2016, wara li l-Istati Membri jkunu ressqu d-dikjarazzjoni trimestrali finali, mistennija f'Jannar 2016.

L-ammont totali riżervat għall-għeluq hu ta' madwar EUR 4,8 biljun. L-ammont effettiv li jkollu jitħallas se jiddependi fuq id-diżimpenji. Bħala eżempju, jekk tiġi applikata r-rata ta' diżimpenji ta' 1,5 % li ġiet esperjenzata matul il-perjodu ta' għeluq preċedenti tal-2000-2006, kieku jiġu diżimpenjati madwar EUR 1,5 biljuni. Hu mistenni li l-pagamenti tal-fażi ta' għeluq se jsiru bejn l-2016 u l-2019.

Il-Fond Ewropew għas-Sajd (FES)

Il-modalità ta' ġestjoni tal-FES hi simili għal dik tal-politika ta’ Koeżjoni (Intestatura 1b). Madankollu, peress li m'għandu l-ebda regola N+3, il-FES ma sabx quddiemu l-problema speċifika tat-trasformazzjoni tar-regola N+3 għar-regola N+2 bejn il-porzjon tal-impenji tal-2010 u l-porzjon tal-impenji tal-2011. Barra minn hekk, ma kellux ir-"regola Griega" lanqas, għalkemm il-bidu tal-programmi ddewwem kemxejn minħabba l-obbligi marbuta mas-sistemi ta' ġestjoni u kontroll. Madankollu, f'dawn l-aħħar snin, l-arretrat tal-FES kien importanti ħafna. Fil-bidu tal-2014, il-livell tal-arretrat kien l-istess bħal dak tal-approprjazzjonijiet ta' pagament li ġew ivvotati għall-programmi tal-2007-2013.

Fir-rigward taż-żmien meta jitressqu it-talbiet għal pagament matul is-sena, matul il-perjodu 2010-2014, żewġ terzi tat-talbiet għal pagament annwali waslu fix-xhur ta' Novembru u Diċembru. Din il-graff turi l-livell tal-arretrat mill-2011 sal-2014 għall-programmi tal-2007-2013 tal-FES kif ukoll l-approprjazzjonijiet ta' pagament inizjali tas-sena ta' wara.

20150708-P8_TA(2015)0263_MT-p0000011.png

Ir-raġuni prinċipali għat-tnaqqis tal-arretrat tal-FES fi tmiem l-2014 kienet ir-riallokazzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kollha disponibbli fi ħdan il-kapitolu baġitarju (inklużi l-approprjazzjonijiet ta' pagament kollha għall-ġestjoni kondiviża tal-FEMS – minħabba d-dewmien fl-adozzjoni tal-bażi legali l-ġdida) u ż-żidiet li ngħataw fl-abbozz ta' baġit emendatorju 3/2014 (adottat bħala l-baġit emendatorju 2/2014) u fit-trasferiment ta' tmiem is-sena.

Il-livell ogħla ta' pagamenti awtorizzati fil-baġit 2015 għandhom jippermettu li l-arretrat jitnaqqas sal-livell normali tiegħu ta' madwar EUR 0,1 biljun.

15.2.  Intestatura 3

Il-politiki dwar l-Asil, il-Migrazzjoni, il-Fruntieri u s-Sigurtà

Fil-biċċa l-kbira tagħhom, il-politiki komuni dwar l-asil u l-immigrazzjoni fil-perjodu 2007-2013 kienu implimentati permezz tal-Programm Ġenerali "Solidarjetà u Ġestjoni tal-Flussi ta' Migrazzjoni" (SOLID). Dan il-Programm Ġenerali kien jinkludi erba' strumenti: il-Fond għall-Fruntieri Esterni (FFE), il-Fond Ewropew għar-Ritorn, il-Fond Ewropew għar-Refuġjati (FER) u l-Fond Ewropew għall-Integrazzjoni ta' Ċittadini ta' Pajjiżi Terzi.

Din il-graff turi l-livell dejjem jikber ta' talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena għall-programmi fil-qasam tal-asil, il-migrazzjoni, il-fruntieri u s-sigurtà.

20150708-P8_TA(2015)0263_MT-p0000012.png

Ir-RAL żdiedu minn EUR 150 miljun fil-bidu tal-2007 għal EUR 2,6 biljun fl-2014, minkejja li ġew diżimpenjati EUR 300 miljun matul il-perjodu 2007-2014. Fadal madwar EUR 1,9 biljun x'jitħallsu fuq il-programmi tal-2007-2013. L-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati għall-programmi fil-baġit 2015 huma ftit aktar minn EUR 600 miljun, inklużi l-approprjazzjonijiet għall-pagamenti ta' prefinanzjament inizjali u annwali tal-programmi l-ġodda għall-2014-2020.

Meta jitqies l-ammont li se jitħallas fil-fażi ta' għeluq (li hu stmat li hu madwar EUR 1 biljun) u l-fatt li, fl-2013 u l-2014, it-tieni prefinanzjament ma setax jitħallas minħabba nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament, hu stmat li l-ħtiġijiet ta' pagament biex l-arretrat għall-programmi tal-2007-2013 jitnaqqas għal livell normali fi tmiem l-2016 huma ta' madwar EUR 235 miljun.

16.  Il-programmi taħt ġestjoni diretta fl-intestaturi 1a u 4

16.1.  Intestatura 1a

Din it-taqsima tagħti ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni tal-pagamenti tal-programmi taħt l-Intestatura 1a fi tmiem l-2014.

It-talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena

Din il-graff turi l-evoluzzjoni tat-talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena għall-programmi prinċipali taħt l-Intestatura 1a.

20150708-P8_TA(2015)0263_MT-p0000013.png

Il-livell għoli tat-talbiet għal pagament pendenti fi tmiem l-2007 prinċipalment jirriżulta miċ-ċiklu tal-proġetti tas-Sitt Programm Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku, u n-numru partikolarment għoli ta' impenji miftuħin f'dak iż-żmien. Apparti dan, il-kuntratti ta' riċerka kienu jistipulaw li, qabel setgħu finalment jitħallsu d-dikjarazzjonijiet ta' spejjeż, kienu meħtieġa ċertifikati ta' awditjar.

Il-miżuri ta' mitigazzjoni li ttieħdu mill-Kummissjoni fl-2014 (ara t-Taqsima 2.2 hawn fuq) biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament evitaw iż-żieda tat-talbiet għal pagament pendenti fi tmiem l-2014. Il-miżuri kienu jinkludu t-tnaqqis tal-livell ta' prefinanzjament u t-tidwim tal-iffirmar ta' kuntratti/ftehimiet ta' għotja ġodda, biex b'hekk parti mill-pagamenti iċċaqalqet għas-sena ta' wara. Għalkemm rażżnu l-livell tat-talbiet għal pagament pendenti, effett sekondarju ta' dawn il-miżuri li rriżulta kien tnaqqis tar-ritmu ta' implimentazzjoni tal-programmi għall-2014-2020. F'xi każijiet, kellhom jittieħdu miżuri aktar drastiċi sabiex tingħata prijorità lill-pagamenti indirizzati lill-benefiċjarji aktar vulnerabbli.

L-evoluzzjoni tal-impenji pendenti (RAL)

Il-livell ġeneralment stabbli tat-talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena għall-programmi taħt l-Intestatura 1a jikkuntrasta b'mod qawwi mat-tendenza ċara 'l fuq fil-livell tal-impenji pendenti (RAL), kif jidher fil-graff ta' hawn taħt:

20150708-P8_TA(2015)0263_MT-p0000014.png

Fil-biċċa l-kbira, iż-żieda tar-RAL fl-Intestatura 1a tirriżulta mid-diskrepanza dejjem tikber bejn l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament għar-riċerka, l-akbar programm ta' nfiq f'din l-intestatura. Dan hu rifless fil-graff ta' hawn taħt, li turi l-andament 'l isfel tal-proporzjon bejn il-pagamenti u l-impenji.

20150708-P8_TA(2015)0263_MT-p0000015.png

Bħala eżempju ta' kif qed jiġu implimentati l-proġetti fl-Intestatura 1a, iċ-ċiklu ta' proġett taħt il-programmi għar-Riċerka qed jiġi deskritt hawn taħt.

Ċiklu ta' proġett - Riċerka

Il-programmi ta' riċerka jiġu implimentati permezz ta' programmi ta' ħidma pluriennali li jinkludu sejħiet għal proposti, akkwisti pubbliċi, studji, gruppi ta' esperti, parteċipazzjoni f'organizzazzjonijiet internazzjonali, seminars u sessjonijiet ta' ħidma, evalwazzjoni u monitoraġġ. Madwar 90 % mill-programmi ta' riċerka huma relatati ma' sejħiet għal proposti, l-10 % li jifdal ma' attivitajiet oħra.

Il-programm ta' ħidma annwali għas-sena N jiġi adottat mill-Kummissjoni f'nofs is-sena N-1. Mit-tieni nofs tas-sena N-1, jitnedew is-sejħiet għal proposti. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-proposti normalment jitressqu fi żmien tliet xhur wara l-pubblikazzjoni tas-sejħa għal proposti. L-impenji globali jsiru wara l-adozzjoni tal-programm ta' ħidma fis-sena N u mhux aktar tard minn qabel jibdew in-negozjati kuntrattwali (normalment fiż-żmien meta tiskadi s-sejħa). L-evalwazzjoni tal-proposti (tliet xhur) u l-għażla (xahar-xahrejn) tiġi segwita min-negozjati kuntrattwali (minn xahar sa sitt xhur) u l-iffirmar (massimu ta' ftit xhur). Il-Kummissjoni/l-aġenzija eżekuttiva għandhom tmien xhur bejn l-iskadenza tas-sejħa u l-iffirmar tal-għotjiet (l-hekk imsejjaħ "żmien għall-għotja"), b'ħames xhur minnhom biex jinformaw lill-applikanti dwar l-eżitu tal-evalwazzjoni xjentifika u tliet xhur għat-tħejjija tal-ftehim ta' għotja. Ladarba jkun sar l-impenn individwali u jkun ġie ffirmat il-kuntratt, il-prefinanzjament għandu jitħallas fi żmien 30 jum minn meta jiġi ffirmat il-ftehim jew minn 10 ijiem qabel id-data ta' bidu tal-azzjoni, skont liema data tinzerta l-aktar tard. B'segwitu għall-miżuri strutturali li ttieħdu mid-Direttorati Ġenerali fil-qasam tar-Riċerka fl-2014, f'ħafna każijiet, il-prefinanzjament tal-impenn tas-sena N issa jitħallas fis-sena N+1 minflok fis-sena N. Il-pagamenti interim jiġu bbażati fuq id-dikjarazzjonijiet finanzjarji u jintrabtu ma' rapporti perjodiċi, normalment ta' kull 18-il xahar. Il-pagament finali ta' 10 % jitħallas meta jiġi aċċettat ir-rapport finali.

Għall-azzjonijiet l-oħra kollha previsti fil-programm ta' ħidma, l-impenji provviżorji jsiru fis-sena N u l-pagamenti bil-quddiem jitħallsu fl-istess sena. Il-bqija jitħallsu fis-sena N+1.

Nuqqasijiet ta' pagamenti - Riċerka: il-konsegwenzi prattiċi

Sabiex jiġi ġestit n-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament fi ħdan il-programmi ta' Riċerka, fl-2014 ġie ttrasferit ammont totali ta' EUR 236,5 miljun mil-linji għall-2014-202 ta' "Orizzont 2020" biex isaħħaħ il-linji baġitarji tal-2007-2013 għall-ikkompletar tal-istess programmi, b'mod li ġie ttardjat il-prefinanzjament tas-sejħiet taħt Orizzont 2020 imnedija fl-2014 u fl-2015. Dan ma kienx il-każ fis-snin preċedenti, u jirriżulta f'dewmien fl-implimentazzjoni ta' programmi ġodda.

Ir-riċerka tieħu ż-żmien u ż-żamma tal-kuntratti milli jiġu ffirmati u tal-finanzjament mhijiex konsistenti mal-għan ta' tisħiħ tal-isforzi ta' riċerka bħala appoġġ għat-tkabbir ekonomiku Iż-żieda fil-livell tal-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati għal Orizzont 2020 fil-baġit 2015 hi mistennija tippermetti li dan il-programm kruċjali jirkupra parzjalment.

Erasmus+

Erasmus+ jipprovdi eżempju tajjeb ta' programm annwali li l-livell tal-pagamenti għalih isegwi mill-qrib il-livell tal-impenji, peress li ċ-ċiklu tal-ħajja tal-biċċa l-kbira tal-azzjonijiet hu marbut mal-kalendarju akkademiku.

Minħabba n-nuqqas ta' pagamenti, madankollu, iż-żieda fl-approprjazzjonijiet ta' pagament fl-2014 ma kkorrispondietx għaż-żieda tal-approprjazzjonijiet ta' impenn, li tidher li se tkompli matul il-perjodu 2014-2020. Dan in-nuqqas fil-pagamenti fl-2014 jidher ukoll fil-proporzjon bejn il-pagamenti u l-impenji fil-graff ta' hawn taħt.

20150708-P8_TA(2015)0263_MT-p0000016.png

Bħala riżultat ta' dan, fl-2014 ma kienx possibbli li titħallas parti mit-tieni prefinanzjament lill-Aġenziji Nazzjonali, li l-għan tagħhom hu l-finanzjament ta' azzjonijiet ta' mobilità. Filwaqt li s-sitwazzjoni għandha kemxejn titjieb, hu mistenni li Erasmus+ se jiġi affrontat b'restrizzjonijiet simili fl-2015.

It-Trasport u l-Enerġija

Il-graff ta' hawn taħt turi l-varjazzjoni dejjem tikber bejn il-livell tal-impenji u l-pagamenti għall-oqsma ta' politika tat-Trasport u l-Enerġija.

20150708-P8_TA(2015)0263_MT-p0000017.png

L-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fil-baġit 2015 se jkunu biżżejjed biex ikopru l-ewwel prefinanzjament tal-proġetti għall-2014-2020 u biex parzjalment jindirizzaw ir-RAL tal-2007-2013, li hu stmat li jammonta għal aktar minn EUR 2 biljun.

Il-Pjan Ewropew ta' Rkupru Ekonomiku (PERE)

Meta mqabbla mal-livell għoli ta' impenji fl-2009 u l-2010, l-implimentazzjoni tal-pagamenti għal dan il-programm bdiet bil-mod peress li l-proġetti PERE fil-biċċa l-kbira jikkonsistu fi proġetti infrastrutturali fuq skala kbira.

20150708-P8_TA(2015)0263_MT-p0000018.png

B'mod partikolari fl-2014, l-approprjazzjonijiet ta' pagament ma kinux biżżejjed biex ikopru t-talbiet għal pagament kollha li waslu matul is-sena, saħansitra wara l-adozzjoni tardiva tal-abbozz ta' baġit emendatorju 3/2014 li pprovda approprjazzjonijiet ta' pagament addizzjonali. Fi tmiem l-2014, ir-RAL kienu għadhom jammontaw għal EUR 2 biljun, nofs l-ammont inizjalment impenjat għall-PERE. Il-livell tal-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fl-2015 jammonta għal EUR 407 miljun, li hu mistenni jkopri l-ħtiġijiet stmati għas-sena.

16.2.  Intestatura 4

Il-graff ta' hawn taħt turi l-livell ta' RAL għall-programmi taħt l-Intestatura 4 mill-2007.

20150708-P8_TA(2015)0263_MT-p0000019.png

L-Intestatura 4 tinkludi strumenti ta' reazzjoni għall-kriżijiet fuq żmien qasir, strumenti fuq żmien itwal li jużaw programmazzjoni pluriennali, u strumenti ad hoc bħal assistenza makrofinanzjarja permezz ta' self u għotjiet. Tliet strumenti kbar (l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni II (IPA), l-Istrument Ewropew ta' Viċinat u l-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp), li jużaw programmazzjoni pluriennali, jirrappreżenta 73 % tan-nefqa taħt din l-intestatura. L-appoġġ għal pajjiżi terzi li jiġi ffinanzjat taħt dawn il-programmi tipikament ikollu ċiklu ta' ħajja ta' madwar 6-8 snin. L-istrumenti ta' reazzjoni għall-kriżijiet (l-Għajnuna Umanitarja, l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabilità u l-Paċi, il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni) u l-Assistenza Makrofinanzjarja, min-naħa l-oħra, ikollhom ħafna ċikli ta' pagament ħafna iqsar ta' 12-18-il xahar.

Mill-2013, il-biċċa l-kbira tal-istrumenti fl-Intestatura 4 esperjenzaw nuqqasijiet serji fl-approprjazzjonijiet ta' pagament, li l-ewwel laqtu lill-istrumenti umanitarji u dawk relatati mal-kriżijiet b'ċikli ta' implimentazzjoni bi ħlas rapidu, u mbagħad l-istrumenti bħall-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat li l-pagamenti rispettivi tagħhom ikunu fil-biċċa l-kbira relatati mal-kuntratti u l-impenji eżistenti. Is-sitwazzjoni marret għall-agħar fl-2014, minħabba t-tnaqqis kumplessiv fil-pagamenti disponibbli meta mqabbla ma' dawk tal-2013. Għal uħud mill-programmi, it-tisħiħ permezz tal-abbozz ta' baġit emendatorju 3/2014 (u azzjonijiet oħra bħal trasferimenti)(26) wasal tard ħafna u ma kienx biżżejjed biex ikopri l-arretrat pendenti.

Il-miżuri implimentati (ara t-Taqsima 2.2 hawn fuq) setgħu biss itaffu parzjalment l-effetti tan-nuqqas ta' pagamenti billi pposponew iż-żmien meta jsir il-ħlas, filwaqt li l-impenji tal-imgħoddi xorta kellhom jiġu onorati.

It-talbiet għal pagament pendenti fi tmiem is-sena

Kumplessivament, it-talbiet għal pagament fi tmiem is-sena 2014 għall-Intestatura 4 żdiedu b'mod konsiderevoli. Fil-biċċa l-kbira, dan hu dovut għal żieda qawwija fit-talbiet u għal nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' pagament relatati bħal ma ġara fil-każ tal-Istrument Ewropew ta' Viċinat u l-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, kif jidher fil-graff ta' hawn taħt.

20150708-P8_TA(2015)0263_MT-p0000020.png

Min-naħa l-oħra, it-tisħiħ fl-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fil-baġits 2013 u 2014 ippermetta li jiġi rimedjat il-livell tat-talbiet għal pagament pendenti għall-Għajnuna Umanitarja(27):

20150708-P8_TA(2015)0263_MT-p0000021.png

Kif jidher hawn fuq, ir-RAL tal-Intestatura 4 u tat-tliet strumenti kbar fuq żmien twil b'mod partikolari, ilu ħames snin jiżdied b'mod kostanti, bi qbil mal-livelli tal-impenji tal-QFP preċedenti. Il-programmi li l-impenn għalihom kien ittieħed inizjalment fl-2010, pereżempju, se jkunu ġew ifformalizzati mal-pajjiż terz benefiċjarju matul l-2011, u l-kuntratti jkunu ġew konklużi sal-2014. Minn dan isegwi li issa hemm bżonn li ħafna minn dawn il-programmi ta' daqs akbar, li l-impenn għalihom ikun ittieħed fi żmien meta l-impenji kienu qed jiżdiedu b'mod drastiku, jitħallsu. Hu mistenni li l-livell ta' approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fil-baġit 2015 se jnaqqas id-diskrepanza, u dan għandu jgħin biex tiġi stabbilizzata s-sitwazzjoni, li però se tkompli tkun waħda tensa, u kemm id-diskrepanza u kemm ir-RAL huma mistennija li se jiżdiedu fir-rigward ta' bosta strumenti bħall-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp.

6.  Il-prospetti għall-programmi għall-2014-2020

Il-baġit 2016 se jkollu jinkludi biżżejjed approprjazzjonijiet ta' pagament mhux biss biex gradwalment jiġi eliminat il-livell anormali ta' talbiet għal pagament pendenti derivati mill-impenji relatati mal-programmi tal-2007-2013, iżda anke għall-programmi għall-2014-2020 fl-Intestaturi 1a u 4, li l-implimentazzjoni tagħhom ġiet imxekkla min-nuqqasijiet ta' pagamenti. Il-baġit 2016 irid jinkludi wkoll l-approprjazzjonijiet ta' pagament meħtieġa għal fondi oħra, bħall-Iżvilupp Rurali (Intestatura 2) biex jiġi evitat il-ħolqien ta' arretrat ġdid li ma kienx jeżisti fl-imgħoddi.

Il-Kummissjoni se tivvaluta l-ħtiġijiet ta' pagament li se jkun hemm fl-2016 għall-programmi għall-2014-2020 fl-Abbozz ta' Baġit 2016.

7.  Konklużjonijiet

F'dawn l-aħħar snin, u b'mod partikolari fl-2014, il-livell tal-approprjazzjonijiet ta' pagament ma kinux biżżejjed biex ikopru t-talbiet għal pagament li waslu. Għaldaqstant, dan wassal biex fi tmiem is-sena kien hemm arretrat dejjem jikber ta' talbiet għal pagament pendenti, b'mod partikolari għall-programmi għall-2007-2013 tal-Politika ta' Koeżjoni. Il-Kummissjoni ħadet numru ta' miżuri ta' mitigazzjoni biex timminimizza l-effetti negattivi tan-nuqqasijiet ta' pagamenti, billi ssodisfat, sa fejn kien possibbli, l-obbligi derivati mill-impenji tal-imgħoddi. Madankollu, bħala effett sekondarju, l-implimentazzjoni tal-programmi għall-2014-2020 ġiet imxekkla.

L-approprjazzjonijiet ta' pagament fil-baġit 2015 huma mistennija li se jwasslu għal tnaqqis fl-arretrat ta' talbiet għal pagament pendenti għall-programmi tal-2007-2013. Il-Kummissjoni identifikat il-livell tal-pagamenti meħtieġa sabiex gradwalment jiġi eliminat il-livell anormali ta' talbiet għal pagament pendenti għall-programmi tal-2007-2013 sa tmiem l-2016. Fl-Abbozz ta' Baġit tagħha għall-2016, il-Kummissjoni se tipproponi approprjazzjonijiet ta' pagament biex jintlaħaq dan l-iskop.

Il-Kummissjoni tikkunsidra, abbażi ta' dan, li t-tliet istituzzjonijiet jistgħu jimpenjaw ruħhom li jimplimentaw pjan biex il-livell tal-kontijiet mhux imħallsa li jikkorrispondu għall-implimentazzjoni tal-programmi tal-2007-2013 jitnaqqas għal livell sostenibbli sa tmiem l-2016.

Anness 1: informazzjoni mibgħuta mill-Kummissjoni fil-15 ta' Diċembru 2014

Nhar il-15 ta' Diċembru 2014, il-Kummissjoni ppreżentat l-arretrat mistenni għall-programmi ta' Koeżjoni 2007-2013 fi tmiem l-2014 u l-2015, skont kif ġej:

2010

2011

2012

2013

2014 (*)

2015 (*)

Arretrat ta' kontijiet mhux mħallsa fi tmiem is-sena

(f'biljuni ta' EUR)

6.1

10.8

16.2

23.4

Massimu ta'25 (1)

19 (2)

(*) Stimi tal-Kummissjoni abbażi tal-previżjonijiet aġġustati tal-Istati Membri

(1)  Wara li jitqiesu l-approprjazzjonijiet ta' pagament addizzjonali fl-Abbozz ta' Baġit Emendatorju 3/2014 hekk kif ġie approvat finalment.

(2) Wara li jitqiesu l-approprjazzjonijiet ta' pagament addizzjonali fl-Abbozz ta' Baġit Emendatorju 3/2014 hekk kif ġie approvat finalment u l-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati fil-baġit 2015.

Il-Kummissjoni pprovdiet ukoll analiżi tal-arretrat mistenni għall-programmi ta' Koeżjoni 2007-2013 fi tmiem l-2014. Kif jidher fit-tabella hawn taħt, il-livell totali tat-talbiet għal pagament li effettivament waslu sa tmiem is-sena 2014 kien ta' madwar EUR 1,5 biljun anqas mill-previżjonijiet mħejjija mill-Istati Membri, u madwar EUR 2,5 biljun aktar mill-medda massima prevista mill-Kummissjoni.

L-ARRETRAT MISTENNI FI TMIEM L-2014

Biljuni ta' EUR

(1)

Talbiet għal pagament li waslu sa tmiem l-2013 u li ma tħallsux sa tmiem l-2013 (arretrat)

23.4

(2)

Talbiet għal pagament li waslu sa tmiem Novembru 2014

31.4

(3)  = (1) + (2)

It-talbiet għal pagament rikjesti sa tmiem Novembru biex jitħallsu fl-2014

54.8

(4)

Il-livell awtorizzat ta' approprjazzjonijiet ta' pagament (bil-Baġit Emendatorju 3/2014)

49.4

(5)  = (3) – (4)

L-arretrat sa tmiem Novembru 2014, rikjest biex jitħallas sa tmiem l-2014

5.4

Previżjoni

Twettiq effettiv

Previżjonijiet mill-Istati Membri tat-talbiet għal pagament li kellhom jitressqu f'Diċembru 2014

23

21.5

Previżjonijiet mill-Kummissjoni tat-talbiet għal pagament li kellhom jitressqu f'Diċembru 2014

18 - 19

21.5

Previżjoni għall-arretrat ta' kontijiet mhux imħallsa fi tmiem l-2014: massimu ta' EUR 25 biljun.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ppreżentat għal kull pajjiż individwali, l-istimi tal-Istati Membri tat-talbiet għal pagament li kellhom jitressqu għall-Politika ta' Koeżjoni fl-2014 (EUR 54,33 biljun), it-talbiet għal pagament mibgħuta sal-31 ta' Ottubru 2014 (EUR 31,36 biljun) u, għaldaqstant, it-talbiet għal pagament li kellhom jitressqu f'Novembru u Diċembru (EUR 22,97 biljun).

Il-Kummissjoni żiedet li"Jekk jitqiesu r-rati ta' żball medji li ġew osservati fil-previżjonijiet "gross" tal-Istati Membri f'dawn l-aħħar snin u l-limitu massimu ta' 95 % fil-pagamenti qabel l-għeluq rikjest mill-Artikolu 79 tar-Regolament 1083/2006, l-istima tal-Kummissjoni hi li t-talbiet li se tirċievi f'Diċembru se jammontaw għal EUR 18-19-il biljun". Dan hu konsistenti mat-tabelli li jidhru hawn fuq.

Anness 2: Intestatura 1b: l-aktar previżjonijiet reċenti mill-Istati Membri

F'dan l-anness jinsabu l-aktar previżjonijiet reċenti mill-Istati Membri fir-rigward tat-tressiq tat-talbiet għal pagament għall-programmi ta' Koeżjoni tal-2007-2013 fl-2015 u l-2016, u qed issir distinzjoni bejn il-previżjonijiet gross (elenkati mill-Istati Membri) u l-previżjonijiet soġġetti għal-limitu massimu (ara l-ispjegazzjoni fit-Taqsima 4.4).

Previżjonijiet mill-Istati Membri (f’biljuni ta' EUR)

Perjodu

2007-2013

2015*

2016

Previżjonijiet gross

Previżjonijiet gross

AT

L-Awstrija

0,09

0,00

BE

Il-Belġju

0,24

0,06

BG

Il-Bulgarija

1,35

0,00

CY

Ċipru

0,06

0,00

CZ

Ir-Repubblika Ċeka

4,01

3,75

DE

Il-Ġermanja

2,43

0,95

DK

Id-Danimarka

0,04

0,03

EE

L-Estonja

0,09

0,00

ES

Spanja

4,65

1,74

FI

Il-Finlandja

0,21

0,02

FR

Franza

1,92

0,34

GR

Il-Greċja

0,75

0,00

HR

Il-Kroazja

0,22

0,31

HU

L-Ungerija

3,86

1,24

IE

L-Irlanda

0,03

0,01

IT

L-Italja

5,07

1,44

LT

Il-Litwanja

0,09

0,00

LU

Il-Lussemburgu

0,01

0,00

LV

Il-Latvja

0,54

0,09

MT

Malta

0,14

0,04

NL

In-Netherlands

0,21

0,10

PL

Il-Polonja

8,92

3,99

PT

Il-Portugall

0,52

0,06

RO

Ir-Rumanija

6,64

2,81

SE

L-Isvezja

0,11

0,00

SI

Is-Slovenja

0,38

0,18

SK

Is-Slovakkja

2,68

0,64

UK

Ir-Renju Unit

1,52

0,25

CB

Kooperazzjoni Territorjali

1,16

0,25

TOTAL

 

47,93

18,32

TOTAL PREVIŻJONIJIET BIL-LIMITU MASSIMU***

34,74

2,95**

* Iċ-ċifri tal-previżjonijiet għall-2015 ġew ikkalkolati billi – għall-Programmi Operattivi li l-Istati Membri ma bagħtu l-ebda previżjoni fir-rigward tagħhom f'Jannar 2015 – intużaw il-previżjonijiet relatati mibgħuta f'Settembru 2014.

** L-ammont massimu pagabbli fl-2016 hu ta' EUR 3,5 biljun li EUR 3 biljun minnhom, f'dan l-istadju, ġa ġew ikkonfermati mill-Istati Membri.

*** Dan jinvolvi l-applikazzjoni tar-regola ta' limitu massimu ta' 95 %, li tipprevedi li l-pagamenti interim ma jistgħux jitħallsu qabel il-fażi ta' għeluq sakemm is-somma tal-pagamenti ma tkunx anqas minn 95 % tal-allokazzjoni tal-programmi.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0061.
(5) Dan jirriżulta mir-regoli magħrufa bħala "N+2" / "N+ 3" li permezz tagħhom, il-pagamenti għandhom isiru fi żmien sentejn (N+2) jew tliet snin (N + 3) wara li jkunu saru l-impenji korrispondenti. Fi tmiem l-2013, iż-żewġ regoli dwar diżimpenn kienu japplikaw fl-istess ħin.
(6) L-ammont totali tal-approprjazzjonijiet ta' pagament awtorizzati permezz ta' baġits emendatorji kien ta' EUR 6,7 biljun fl-2012, ta' EUR 11,6 biljun fl-2013 u ta' EUR 3,5 biljun fl-2014.
(7) L-arretrat ta' talbiet għal pagament pendenti għall-programmi ta' Koeżjoni 2007-2013 fi tmiem is-sena żdied minn EUR 11-il biljun fl-2011 għal EUR 16-il biljun fl-2012, EUR 23,4 biljun fl-2013, u EUR 24,7 biljun fl-2014.
(8) Għandu jiġi nnotat li, fir-rigward tal-politiki b'ġestjoni kondiviża, bħall-Politika ta' Koeżjoni (li fiha l-Kummissjoni tirrimborża n-nefqa tal-Istati Membri), l-imgħax fuq pagamenti tardivi ma jkunx applikabbli.
(9) Il-5 % li jifdal għandu jitħallas f'għeluq il-programm, li se jseħħ fl-2017-2019, b'segwitu għall-valutazzjoni tal-Kummissjoni li l-programm ġie implimentat b'suċċess u li m'hemm bżonn issir l-ebda korrezzjoni.
(10) Il-leġiżlazzjoni dwar il-politika ta' koeżjoni tiddisponi għal skadenza regolatorja ta' 60 jum.
(11) Id-definizzjoni ta' arretrat normali u anormali qiegħda fit-Taqsimiet 3.4 u 4.3.
(12) Il-baġit emendatorju 2/2014 oriġinalment ġie ppreżentat bħala l-abbozz ta' baġit emendatorju 3/2014.
(13) Rapporti ta' kull xahar dwar pagamenti interim u talbiet pendenti, Twissija għall-Previżjoni tal-Baġit (darbtejn fis-sena)
(14) DEC 54/2014
(15) L-ammonti mhux imħallsa li jirriżultaw mit-tnaqqis tar-rati ta' prefinanzjament għal waħda li tkun inqas mir-rata legali/normali minima mhumiex inklużi fid-definizzjoni attwali ta' "talbiet għal pagament pendenti": madankollu, għal għadd ta' programmi, xi tnaqqis tar-rati ta' prefinanzjament ġie implimentat fl-2014 (f'xi każijiet diġà fl-2013) b'mod li l-pagamenti jiġu posposti għal data sussegwenti.
(16)Art.87 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1083/2006: ""
(17) Identika għal dik inkluża fis-sommarju eżekuttiv.
(18) Rispettivament l-Artikoli 91 u 92 tar-Regolament Nru 1083/2006 għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013.
(19) Minħabba l-limitazzjonijiet ta' likwidità fl-ewwel xhur tas-sena (ara t-taqsima 3.3 hawn fuq), jista' jkun li parti mill-arretrat ma titħallasx sal-iskadenzi regolatorji fil-bidu tas-sena.
(20) Ħlief għall-Kroazja, ir-Rumanija, is-Slovakkja
(21) Artikolu 76 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25).
(22) Artikolu 112 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(23) Il-previżjonijiet imressqa mill-Istati Membri f'Jannar 2015 ma kinux ikopru l-programmi operattivi kollha. Għal dawn il-każijiet, il-Kummissjoni użat il-previżjonijiet li rċeviet f'Settembru li għadda. Għall-2016 mhux possibbli li ssir estrapolazzjoni ta' dan it-tip tal-previżjonijiet tal-Istati Membri neqsin, peress li l-previżjonijiet imressqa f'Settembru 2014 kienu jkopru l-2014 u l-2015 biss (u mhux l-2016). Dan ifisser li l-previżjoni għall-2016 tinkludi biss dawk il-programmi operattivi li l-Istati Membri bagħtu l-informazzjoni fir-rigward tagħhom u jista' jkun li jkollha tiġi riveduta għal livell aktar għoli meta l-informazzjoni nieqsa tintbagħat.
(24) L-Artikolu 79 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill jistabbilixxi li t-total kumulattiv tal-pagamenti ta' prefinanzjament u l-pagamenti interim li jsiru mill-Kummissjoni m'għandux jaqbeż il-95 % tal-kontribuzzjoni fuq seba' snin mill-Fondi lill-Programm Operattiv; Il-5 % li jifdal jitħallas biss fil-fażi ta' għeluq tal-programm operattiv.
(25) Artikolu 89 tar-Regolament (KE) Nru 1083/2006 tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond ta' Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999 (ĠU L 210, 31.7.2006, p. 25).
(26) + EUR 406 miljun (żieda netta fl-approprjazzjonijiet ta' pagament) għall-Għajnuna Umanitarja, + EUR 30 miljun għall-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u + EUR 250 miljun għall-Istrument Ewropew ta' Viċinat.
(27) Il-graff madankollu ma tirriflettix l-impatt tal-livell ta' prefinanzjament imnaqqas.


Inzjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Nisfruttaw il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi
PDF 423kWORD 161k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi (2014/2238(INI))
P8_TA(2015)0264A8-0204/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi: Jiġi sfruttat il-potenzjal tal-ekonomija ekoloġika għall-ħolqien tal-impjiegi” (COM(2014)0446),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar “Pjan ta’ Azzjoni Ekoloġiku għall-SMEs” (COM(2014)0440),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Tranżizzjoni għal ekonomija ċirkolari: Programm ta’ skart żero għall-Ewropa” (COM(2014)0398),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni “L-isfruttament tal-potenzjal fir-rigward ta’ impjiegi li joffri t-tkabbir ekoloġiku” (SWD(2012)0092),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-6 ta’ Diċembru 2010 dwar “Politiki dwar impjiegi għal ekonomija kompetittiva, b’livell baxx ta’ karbonju, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u ekoloġika”,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/707/UE tal-21 ta’ Ottubru 2010 dwar il-linji gwida għall-politika tal-Istati Membri dwar l-impjiegi,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni Pjan ta’ azzjoni ekoloġiku għall-SMEs u l-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi”,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-OECD/Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali tal-2014 dwar “Impjiegi u Ħiliet aktar Ekoloġiċi, Studji tal-OECD dwar it-Tkabbir Ekoloġiku”,

–  wara li kkunsidra l-Analiżi tal-Osservatorju Ewropew tal-Impjieg ta’ April 2013 dwar “Il-promozzjoni ta’ impjiegi ekoloġiċi matul il-kriżi: manwal tal-aħjar prattiki fl-Ewropa 2013”,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2011 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol/Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali dwar “Ħiliet għall-impjiegi ekoloġiċi: viżjoni globali: rapport ta’ sinteżi bbażat fuq studju ta’ 21 pajjiż”,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2010 taċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali dwar “Ħiliet għall-impjiegi ekoloġiċi - rapport ta’ sinteżi Ewropew”,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Eurofound dwar ir-Relazzjonijiet u s-Sostenibbiltà Industrijali: ir-rwol tal-imsieħba soċjali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija ekoloġika (2011), l-Ekoloġizzazzjoni tal-Ekonomija Ewropea: risponsi u inizjattivi mill-Istati Membri u l-imsieħba soċjali (2009), u l-Ekoloġizzazzjoni tal-Industriji fl-UE: nantiċipaw u nimmaniġġjaw l-effetti fuq il-kwantità u l-kwalità tal-impjiegi (2013),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta’ ħidma tal-OECD, CFE-LEED tat-8 ta’ Frar 2010 dwar “Impjiegi u ħiliet ekoloġiċi: l-implikazzjonijiet tal-indirizzar tat-tibdil fil-klima għas-suq tax-xogħol lokali”,

–  wara li kkunsidra d-definizzjoni ta’ impjieg ekoloġiku mill-ILO u l-UNEP bħala kwalunkwe impjieg diċenti li jikkontribwixxi għall-ippreservar jew ir-restawr tal-kwalità tal-ambjent, kemm fl-agrikoltura, l-industrija, is-servizzi u l-amministrazzjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Diċembru 2013 dwar l-Ekoinnovazzjoni – impjiegi u tkabbir permezz tal-politika ambjentali(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Marzu 2012 dwar Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-2050(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta’ Settembru 2010 dwar l-iżvilupp tal-potenzjal ta’ ħolqien ta’ impjiegi ta’ ekonomija sostenibbli ġdida(3),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0204/2015),

A.  billi x-xejriet globali bħall-użu ineffiċjenti tar-riżorsi, il-pressjoni mhux sostenibbli fuq l-ambjent, u t-tibdil fil-klima jinsabu qrib limiti li, ladarba jinqabżu, ma jistgħux jiġu evitati l-impatti irreversibbli fuq is-soċjetajiet tagħna u l-ambjent naturali, u l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanzi dejjem jikbru huma sfida għas-soċjetatjiet;

B.  billi r-rapport tal-2015 tal-Aġenzija Ambjentali Ewropea enfasizza li l-miżuri attwali mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu għanijiet relatati mal-konservazzjoni tal-bijodiversità, it-tnaqqis fl-użu tal-karburanti fossili, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-evitar tal-impatt tagħhom fuq is-saħħa tal-bniedem u dik tal-ambjent;

C.  billi n-nuqqas ta’ rispons ta’ politika koerenti biex jiġu ttrattati dawn l-isfidi komuni jwassal għar-riskju li ma tiġix sfruttata parti sinifikanti mill-potenzjal ta’ ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli ta’ tranżizzjoni ekoloġika u soċjalment inklużiva;

D.  billi b’rispons għal dawn it-theddidiet, qed naraw l-iżvilupp ta’ setturi ġodda, bidliet fi ħdan ħafna setturi oħrajn u tnaqqis f’xi setturi, bħal dawk li jniġġsu b’mod qawwi; billi hemm il-ħtieġa li wieħed jiffoka fuq l-innovazzjoni u fuq modi biex jitnaqqas it-tniġġis; billi, fir-rigward ta’ xi setturi li sejrin lura, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-forza tax-xogħol f’termini ta’ taħriġ mill-ġdid u impjiegi alternattivi; billi l-investimenti f’dawk l-oqsma li ngħataw prijorità fl-aġenda tal-Kummissjoni dwar l-Impjiegi Ekoloġiċi, inklużi r-riċiklaġġ, il-bijodiversità, l-effiċjenza enerġetika, il-kwalità tal-arja u t-teknoloġiji kollha tal-enerġija rinnovabbli bħalma huma l-enerġija rinnovabbli lil hinn mill-kosta, għandhom il-potenzjal li jtejbu b’mod sinifikanti l-ħolqien tal-impjiegi, anke f’żoni skarsament popolati;

E.  billi, skont l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, is-settur tal-prodotti u s-servizzi ekoloġiċi kiber b’aktar minn 50 % bejn l-2000 u l-2011, u ġġenera aktar minn 1.3 miljun impjieg u billi, skont il-kalkoli tal-Kummissjoni, ekonomija tal-enerġija rinnovabbli se toħloq 20 miljun impjieg ġdid fl-Ewropa sal-2020; billi politika tal-UE ambizzjuża u koerenti u l-investiment fl-enerġiji rinnovabbli, il-ġestjoni tal-foresti, l-agrikoltura sostenibbli u l-ħarsien tal-ħamrija (biex tiġi evitata u miġġielda l-instabbiltà idroloġika) għandhom il-potenzjal li jagħtu spinta sinifikanti lill-ħolqien tal-impjiegi;

F.  billi l-objettiv tal-iżvilupp sostenibbli huwa mnaqqax fit-Trattat ta’ Lisbona, u l-infurzar ta’ dan jimplika li l-kwistjonijiet ambjentali jiġu ttrattati fl-istess livell bħal dawk ekonomiċi u soċjali;

G.  billi l-istrateġija UE2020 għall-promozzjoni tal-ekonomiji intelliġenti, sostenibbli u inklużivi tirrikonoxxi r-rwol ewlieni ta' tranżizzjoni lejn ekonomiji ekoloġiċi u soċjalment ġusti;

H.  billi r-riġiditajiet tas-suq tax-xogħol qed jimpedixxu l-ħolqien tal-impjiegi, filwaqt li suq tax-xogħol kompetittiv tal-UE jista’ jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri tal-impjiegi tal-Ewropa 2020;

I.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom, fil-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima f’Cancun fl-2010, biex jiżguraw “tranżizzjoni ġusta tal-forza tax-xogħol li toħloq xogħol diċenti u impjiegi ta’ kwalità”; billi tranżizzjoni ġusta għal kulħadd lejn ekonomija ambjentalment sostenibbli teħtieġ li tiġi ġestita sew biex tikkontribwixxi għall-objettiv ta’ impjieg fit-tul u sostenibbli għal kulħadd – inklużi, iżda mhux limitat għal, impjiegi kwalifikati ħafna – l-inklużjoni soċjali u l-eradikazzjoni tal-faqar;

J.  billi l-ħames pilastri ta’ “Tranżizzjoni ġusta” jinkludu: konsultazzjoni/vuċi tat-trade unions; investiment f'impjiegi ekoloġiċi u diċenti; ħiliet ekoloġiċi; rispett għad-drittijiet tax-xogħol u tal-bniedem; u protezzjoni soċjali għall-ħaddiema u l-komunitajiet li jkunu fuq quddiem nett fit-tranżizzjoni minn livell għoli għal livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju;

K.  billi parteċipazzjoni qawwija mill-ħaddiema fit-tranżizzjoni hija essenzjali bl-għan li tiżdied il-kuxjenza ambjentali u jkun hemm fehim tal-ħtieġa għal effiċjenza fir-riżorsi u li jitnaqqas l-impatt tagħna fuq l-ambjent;

L.  billi l-potenzjal għat-tkabbir fl-impjiegi ekoloġiċi huwa mfixkel minn nuqqas fil-ħiliet u skwilibriju kkawżati minn numru ta’ fatturi, inklużi l-varjabbiltà fil-kurrikulu fir-rigward tas-sostenibbiltà, it-tnaqqis li ġie identifikat f’setturi partikolari, in-nuqqas ta’ studenti bil-ħiliet STEM (xjenza, teknoloġija, inġinerija u matematika) u tal-IT meħtieġa, u konċentrazzjoni tal-ġeneru f’xi setturi minflok ugwaljanza bejn il-ġeneri;

M.  billi hemm evidenza li l-investiment fl-effiċjenza tal-enerġija u tar-riżorsi u l-iżvilupp tal-katina tal-provvista permezz ta' strateġija industrijali ċara, kif ukoll it-trasferimetn tat-taxxa minn fuq ix-xogħol lejn sorsi oħra, għandhom il-potenzjal li jkollhom impatt pożittiv fuq il-ħolqien tal-impjiegi;

N.  billi l-Ewropa tinsab f’kompetizzjoni globali, u l-ispejjeż affordabbli tal-enerġija, il-kompletar tas-suq intern tal-UE u ambjent imtejjeb tal-investiment għat-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien ta’ impjiegi għandhom rwol deċiżiv;

O.  billi ċerti setturi, bħar-rinnovament tal-bini b’mod effiċjenti fl-enerġija, huma speċifiċi għas-sit u ma jistgħux jiġu offshored jew jiġu rilokati;

P.  billi l-inċertezza u n-nuqqas ta’ koerenza fid-direzzjoni politika u n-nuqqas ta’ objettivi ċari jfixklu l-investiment, l-iżvilupp tal-ħiliet, ir-R&Ż u għalhekk ifixklu l-iżvilupp ta’ opportunitajiet ta’ impjieg;

Q.  billi kuxjenza soċjetarja akbar dwar l-importanza tal-ħtieġa għal ekonomija ekoloġika ttejjeb il-possibilitajiet ta’ impjieg;

R.  billi objettivi ċari, fissi, fuq perjodu ta’ żmien medju sa perjodu ta’ żmien fit-tul, inklużi l-miri tal-UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija u t-tniġġis, jistgħu jkunu muturi importanti għall-bidla, u billi r-regolamentazzjoni tal-UE wkoll għandha rwol importanti f’dan ir-rigward; billi investiment immirat, anke fl-iżvilupp tal-katini ta’ provvista fi ħdan l-UE, li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi għandu jiġi minn, u jkun konsistenti ma’, qafas ta’ politika ċar;

S.  billi s-settur pubbliku u l-awtoritajiet lokali u reġjonali jista’ jkollhom rwol importanti fil-faċilitazzjoni tat-tranżizzjonijiet lejn ekonomija ekoloġika u l-ħolqien ta’ swieq tax-xogħol inklużivi;

T.  billi l-Ekotikketta, l-EMAS, l-APE u skemi simili jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi;

U.  billi l-impriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju huma wieħed mill-ikbar ġeneraturi ta’ impjiegi fl-UE, jirrappreżentaw konsiderevolment aktar minn 80 % tal-impjiegi kollha u kienu minn ta’ quddiem f’ħafna setturi “ekoloġiċ”, iżda jistgħu jħabbtu wiċċhom ma’ diffikultajiet partikolari biex jantiċipaw il-ħiliet meħtieġa u fit-twettiq tal-potenzjal ta’ impjiegi;

V.  billi l-Linji Gwida Integrati huma aspett ewlieni tal-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u tal-impjieg tal-Istati Membri u jiffurmaw il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, u billi għandhom isejsu l-objettivi tal-Ewropa 2020, notevolment l-objettiv tal-impjiegi, inter alia billi jippromwovu l-ħolqien ta’ impjiegi ta’ kwalità anke permezz tal-impjiegi ekoloġiċi;

W.  billi jeħtieġ li n-nisa jibbenefikaw bl-istess mod mill-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi adatti, u jeħtieġ li s-"saqaf tal-ħġieġ" jinkiser;

X.  billi n-nisa jintlaqtu b'mod sproporzjonat mill-kriżi u mill-politiki ta' awsterità, u billi l-impjiegi ekoloġiċi taw prova ta' iktar reżistenza għall-kriżijiet minn tipi oħra ta' impjieg;

Y.  billi setturi b’emissjonijiet baxxi tal-karbonju aktarx ikollhom produttività tax-xogħol ogħla, u l-ishma tal-pagi kellhom inqas tnaqqis f’dawn is-setturi milli fl-iktar 15-il industrija li jniġġsu;

Z.  billi d-data tal-Ewrobarometru dwar xogħol ekoloġiku fl-SMEs turi li l-iffrankar tal-enerġija, it-tnaqqis tal-iskart u t-tnaqqis tal-użu ta’ materja prima huma miżuri li saru ekonomikament vantaġġjużi;

Lejn ekonomija ekoloġika – l-opportunitajiet għas-suq tax-xogħol

1.  Jenfasizza li tranżizzjoni lejn soċjetajiet u ekonomiji sostenibbli, inklużi mudelli sostenibbli ta’ konsum u produzzjoni, tiġġenera l-potenzjal kemm biex jinħolqu impjiegi ġodda ta’ kwalità kif ukoll biex l-impjiegi eżistenti jiġu ttrasformati f’impjiegi ekoloġiċi kważi fis-setturi kollha u fil-katina tal-valur kollha; mir-riċerka sal-produzzjoni, id-distribuzzjoni u l-forniment ta’ servizz, u f’setturi ta’ teknoloġija avvanzata ekoloġika ġdida bħalma huma l-enerġiji rinovabbli kif ukoll l-industriji tradizzjonali bħalma huma dik tal-manifattura u tal-kostruzzjoni, jew l-agrikoltura u s-sajd, jew is-setturi tas-servizzi bħat-turiżmu, il-forniment tal-ikel, it-trasport u l-edukazzjoni; jenfasizza, fl-istess ħin, li minbarra li joħloq għadd kbir ta’ impjiegi, l-investiment fl-enerġiji rinnovabbli u fl-użu effiċjenti tal-enerġija jikkontribwixxi għaż-żamma tal-kompetittività ekonomika u industrijali tal-Ewropa u għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-Ewropa fuq l-enerġija;

2.  Jenfasizza li żewġ terzi tas-servizzi pprovduti min-natura, inklużi l-art għammiela u l-ilma u l-arja nodfa, qegħdin jonqsu, u t-tisħin globali u t-telf tal-bijodiversità huma qrib il-limiti li jekk jinqabżu ma jkunux jistgħu jiġu evitati impatti irriversibbli fuq is-soċjetajiet tagħna u l-ambjent naturali;

3.  Jirrimarka li t-tkabbir ekonomiku kontinwu huwa possibbli biss jekk jittieħed kont tal-limitazzjonijiet tal-ambjent; jenfasizza l-fatt, f'dan il-kuntest, li ekonomija ekoloġika u ċirkolari tista' tipprovdi soluzzjonijiet għall-ambjent kif ukoll għall-ekonomija u għas-soċjetà b'mod ġenerali;

4.  Jenfasizza l-fatt li l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni ambjentali, kif ukoll it-titjib tal-integrazzjoni ambjentali u l-koerenza politika bejn il-politiki settorjali differenti fl-UE, huma essenzjali għal mobilizzazzjoni sħiħa tal-potenzjal marbuta mal-ekonomija ekoloġika u għalhekk għall-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi;

5.  Jinnota li fir-rapport tagħha tal-2015, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tirrimarka li l-miżuri attwali mhumiex biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet relatati mal-konservazzjoni tal-bijodiversità, it-tnaqqis fl-użu tal-karburanti fossili, u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-evitar tal-impatt tagħha fuq is-saħħa tal-bniedem u l-kwalità tal-ambjent;

6.  Jinnota li t-tranżizzjoni għandha potenzjal sinifikanti biex toħloq impjiegi lokali li ma jistgħux jiġu rilokati, u f’oqsma li ma jistgħux jiġu offshored, u f'setturi milquta mill-kriżi bħas-settur tal-kostruzzjoni; jinnota li hemm evidenza qawwija li t-tranżizzjoni ekoloġika, fl-aħħar mill-aħħar, se jkollha impatt pożittiv fuq l-impjiegi, u dan jirrifletti l-fatt li l-attivitajiet ekonomiċi sostenibbli bħall-iffrankar tal-enerġija jew il-biedja organika jirrikjedu aktar ħaddiema mill-attivitajiet li qegħdin jissostitwixxu u jista' jkollhom il-potenzjal li jippermettu lil reġjuni jsiru aktar awtosuffiċjenti;

7.  Iqis li għandha tiġi adottata definizzjoni miftiehma ta’ “impjiegi ekoloġiċi”, ibbażata fuq dik tal-ILO u tal-Konferenza Internazzjonali tal-Esperti tal-Istatistika;

Tranżizzjoni ġusta u ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli u ta’ kwalità

8.  Jilqa’ d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni li r-ristrutturar għandu jitwettaq b’mod soċjalment responsabbli, filwaqt li fl-istess ħin tiġi rikonoxxuta l-ħtieġa ta’ ristrutturar u innovazzjoni tal-kumpaniji;

9.  Jemmen li huwa kruċjali, sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal nett tal-impjiegi tal-ekonomija ekoloġika, li l-forza tax-xogħol eżistenti tagħna tiġi pprovduta bl-opportunitajiet xierqa biex tikseb il-ħiliet ġodda meħtieġa għall-ekonomija ċirkolari;

10.  Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu politiki għas-sigurtà u r-riabilitazzjoni tal-bini pubbliku biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika u jitnaqqas il-konsum;

11.  Jistieden lill-Istati Membri, u fejn xieraq il-Kummissjoni, biex jimpenjaw ruħhom favur ‘pjan direzzjonali ta’ tranżizzjoni ġusta” biex jilħqu miri ambjentali ambizzjużi bil-promozzjoni tal-aspetti li ġejjin: protezzjoni soċjali u remunerazzjoni xierqa, impjiegi fit-tul u kundizzjonijiet tax-xogħol sikuri u sani, investiment immexxi mill-gvern fi programmi ta' edukazzjoni, taħriġ u ħiliet, ir-rispett għad-drittijiet tax-xogħol u t-tisħiħ tal-informazzjoni, il-konsultazzjoni u drittijiet ta’ parteċipazzjoni tal-ħaddiema fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jikkonċernaw l-iżvilupp sostenibbli, u rappreżentanza effettiva tal-forza tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jippruvaw jilħqu dawn l-għanijiet;

12.  Ifakkar li l-Istrateġija riveduta tal-UE dwar is-Saħħa u s-Sikurezza għandha tikkunsidra żviluppi speċifiċi f'setturi ġodda meta xieraq;

13.  Jenfasizza li l-antiċipazzjoni tal-bidla fl-impjieg teħtieġ ġestjoni proattiva ta’ trasformazzjoni u ġbir aħjar ta’ data ta’ kwalità għolja dwar il-ħtiġijiet attwali u futuri tas-suq tax-xogħol, bl-involviment ta’ istituzzjonijiet Ewropej ta’ edukazzjoni għolja, u li l-ippjanar fit-tul huwa essenzjali biex tiġi żgurata tranżizzjoni effettiva u żieda fl-impjiegi; jenfasizza r-rwol importanti li għandhom l-awtoritajiet reġjonali u lokali fit-tranżizzjoni lejn ekonomija aktar ekoloġika fl-edukazzjoni, l-infrastruttura, l-appoġġ għan-negozji lokali u l-ħolqien ta’ impjiegi stabbli b’salarji regolati mill-ftehimiet kollettivi jew mezzi oħra permessi skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali; billi d-djalogu soċjali huwa element essenzjali tal-ġestjoni tat-trasformazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri, il-gvernijiet reġjonali u lokali u l-imsieħba soċjali biex jassumu r-responsabbiltà tagħhom u jittrattaw din l-isfida kollettivament, filwaqt li jqisu l-prinċipju ta' sussidjarjetà;

14.  Jinnota li r-rwol tal-imsieħba soċjali fit-tranżizzjoni lejn l-impjiegi ekoloġiċi beda jiżdied b’mod gradwali fis-snin li għaddew, iżda jfakkar li għandu jsir iktar biex jinbena djalogu soċjali dejjiemi u sostenibbli li jista’ jgħin sabiex jiġu ssodisfati l-isfidi li ġġib magħha l-bidla lejn ekonomija kompetittiva, b'livell baxx ta' emissjonijiet ta’ karbonju u effiċjenti fir-riżorsi;

15.  Jenfasizza l-importanza tal-gvernijiet nazzjonali fil-promozzjoni tad-djalogu soċjali settorjali, speċjalment fl-industriji ekoloġiċi ġodda emerġenti, u anke fl-iżgurar tal-inklużjoni tal-SMEs;

16.  Jinnota li xi reġjuni qed jiffaċċjaw aktar sfidi minn oħrajn minħabba l-konċentrazzjoni ġeografika tal-industriji intensivi fl-użu tal-enerġija u r-riżorsi u ta’ industriji li jniġġsu, jew ta’ livelli għoljin ta’ faqar jew qgħad; jistieden lill-Istati Membri u lill-gvernijiet lokali u reġjonali appoġġjati mill-Unjoni Ewropea biex jikkollaboraw mal-imsieħba soċjali u b’mod kollettiv jimplimentaw biss pjanijiet direzzjonali ta’ tranżizzjoni ġusti, inklużi mekkaniżmi ta’ solidarjetà għal tranżizzjoni ekoloġika soċjalment ġusta tal-ekonomiji lokali u reġjonali, filwaqt li jappoġġaw il-komunitajiet u l-ħaddiema affettwati mill-bidla u b’hekk inaqqsu l-insigurtà minħabba ċ-ċaqliq tal-impjiegi u jiżguraw li t-talbiet għal ħiliet ġodda tax-xogħol jiġu ssodisfati;

17.  Jenfasizza l-fatt li l-awtoritajiet lokali jista’ jkollhom rwol ewlieni fil-promozzjoni tat-tkabbir tal-impjiegi fl-ekonomija ekoloġika u aktar impjiegi diċenti u inklużivi permezz ta’:

   investiment ekoloġiku,
   l-isfruttament tas-saħħa tal-akkwist pubbliku, inkluż l-użu tal-klawżoli soċjali u ambjentali fl-akkwist pubbliku,
   il-ħolqien ta’ sħubijiet, fosthom mal-istituzzjonijiet tat-taħriġ, biex jitjieb it-tqabbil bejn l-impjiegi u l-ħiliet fis-swieq tax-xogħol lokali,
   l-appoġġ kemm għall-SMEs ekoloġiċi kif ukoll għall-ekoloġizzazzjoni tal-SMEs,
   l-istabbiliment ta’ programmi ta’ impjieg ekoloġiċi inklużivi li jiżguraw li l-gruppi vulnerabbli jikkapitalizzaw ukoll fuq it-tkabbir ekoloġiku;

18.  Jinnota l-evidenza li tenfasizza l-importanza tal-involviment tal-maniġment mal-forza tax-xogħol biex tiġi żgurata parteċipazzjoni sostanzjali minnhom fil-kisba ta’ dawn il-bidliet permezz ta’ sħubija soċjali; jirrakkomanda l-involviment ta’ “rappreżentanti ekoloġiċi” tat-trade unions li jaħdmu mal-impjegaturi dwar it-tisħiħ tal-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija u ż-żieda tas-sostenibilità fuq il-postijiet tax-xogħol tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ immirat għall-inizjattivi konġunti bejn il-ħaddiema u l-impjegaturi għall-ekoloġizzazzjoni tal-industriji;

19.  Iqis li għandhom jiġu żviluppati proġetti pilota b'appoġġ għal xi wħud minn dawn l-objettivi;

20.  Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li tuża l-Iskemi Mmirati ta’ Mobbiltà fil-Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) biex tippromwovi l-mobbiltà tax-xogħol għal min ifittex impjieg;

Ħiliet għall-impjiegi ekoloġiċi

21.  Jilqa’ l-għodod għall-iżvilupp tal-ħiliet u t-tbassir tal-ħtiġijiet tal-ħiliet proposti mill-Kummissjoni; jenfasizza l-fatt li l-iżvilupp tal-ħiliet għandu jinkoraġġixxi l-iżvilupp tal-ħiliet STEM li, b’mod wiesa’, huma aktar utli f’ekonomija; jenfasizza, madankollu, li huma meħtieġa azzjoni u investiment aktar ambizzjużi; jemmen li sabiex jiġu antiċipati l-ħtiġijiet tal-ħiliet futuri, il-partijiet ikkonċernati kollha fis-suq tax-xogħol iridu jkunu involuti sew fil-livelli kollha;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu mal-Kummissjoni biex jiġi stabbilit bank tad-data li jelenka korsijiet ta’ taħriġ u offerti ta’ xogħol relatati mal-impjiegi ekoloġiċi, bl-għan li titjieb il-kwalità ta’ informazzjoni, pariri u gwida disponibbli dwar il-karrieri u l-ħiliet meħtieġa biex jiġu kapitalizzati l-opportunitajiet ta’ impjieg ipprovduti mill-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-ġbir tad-data jsir fl-oqsma ekoloġiċi kollha, fosthom dawk li bħalissa huma injorati, bħat-trasport pubbliku u s-settur tal-bejgħ bl-imnut; jitlob lill-Kummissjoni biex, filwaqt li tipprovdi appoġġ lill-uffiċċji nazzjoanli tal-istatistika u lis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjieg (SPI), u filwaqt li ssaħħaħ l-użu ta' għodod ta' mudellar kwantitattiv, tinkorpora l-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-ġbir tad-data b'rabta mas-setturi kollha tal-impjieg ekoloġiku;

24.  Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi perspettiva tal-ġeneru fl-iżvilupp ta' ġbir, diżaggregazzjoni u analiżi ġodda tad-data, bħal ħidma mwettqa permezz tal-għodda ekonometrika FIDELIO, jew ma' partijiet ikkonċernati bħall-Konferenza Internazzjonali tal-Esperti tal-Istatistika dwar ix-Xogħol;

25.  Jenfasizza l-ħtieġa għal enfasi akbar fuq it-tnaqqis tad-diskrepanzi fil-ħiliet permezz tat-tħeġġiġ tal-iżvilupp tal-ħiliet;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tgħin fit-tħeġġiġ tal-iżvilupp tal-ħiliet permezz tal-aġġornament tal-kwalifiki u l-edukazzjoni u l-kurrikulu ta’ taħriġ korrispondenti fil-livell tal-UE;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tenfasizza l-użu akbar tas-sistemi ta’ klassifikazzjoni bħall-ESCO li jistgħu jintużaw biex jiġu identifikati diskrepanzi fil-ħiliet;

28.  Jenfasizza l-importanza ta’ sinerġiji aħjar bejn sistemi tal-edukazzjoni u impjiegi ekoloġiċi ġodda emerġenti permezz ta’ koordinazzjoni aħjar bejn istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u unions tal-impjegaturi u organizzazzjonijiet rilevanti oħrajn;

29.  Jistieden lill-Istati Membri, il-gvernijiet reġjonali u l-awtoritajiet lokali jadottaw u jimplimentaw, flimkien mal-imsieħba soċjali u l-fornituri tat-taħriġ, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-istrateġiji ta' antiċipazzjoni bl-għan tat-titjib tal-ħiliet ġeneriċi, settorjali u speċifiċi għall-okkupazzjoni; jenfasizza ulterjorment l-importanza tas-sħubijiet u l-fiduċja bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni, in-negozji, l-imsieħba soċjali u l-awtoritajiet;

30.  Jinnota li dawn l-istrateġiji għandhom jinkludu valutazzjoni bir-reqqa t-tip u l-livell ta’ impjiegi ekoloġiċi li għandhom jinħolqu u l-ħiliet u l-għarfien meħtieġa, li jwasslu għall-antiċipazzjoni u l-identifikazzjoni ta’ diskrepanzi tal-ħiliet u programmi ta’ taħriġ vokazzjonali tul il-ħajja mmirati li jiffukaw fuq it-tqabbil tal-ħiliet u l-impjiegi bl-għan li jiżdiedu l-impjiegi; jenfasizza l-ħtieġa li fl-istrateġiji jiġu attivament inklużi kemm il-ħaddiema spustati kif ukoll il-ħaddiema bi ftit kwalifiki li jinsabu f’riskju ta’ esklużjoni mis-suq tax-xogħol, billi jiġi żgurat li t-taħriġ fil-ħiliet ikun immirat, aċċessibbli u bla ħlas għal dawn il-ħaddiema;

31.  Jinnota li ċ-CEDEFOP jipproponi li l-adattament tal-kurrikuli u l-inklużjoni tas-sensibilizzazzjoni ambjentali, b’fehim tal-iżvilupp sostenibbli u l-effiċjenza fin-negozju, huma aħjar mill-proposta ta’ programmi ġodda ta’ taħriġ;

32.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jintegraw l-iżvilupp sostenibbli u l-kompetenzi u l-ħiliet ambjentali fis-sistemi tat-taħriġ u tal-edukazzjoni, b’mod partikolari bit-tisħiħ tas-sistemi tal-ETV (edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali) u billi ċ-ċentri ta’ riċerka jiġu mħeġġa jiżviluppaw teknoloġiji, proġetti u privattivi għal prodotti ekoloġiċi, b’kollaborazzjoni ma’ kumpaniji ekoloġiċi ġodda; iħeġġeġ l-iskambju ta’ ideat bejn iċ-ċentri ta’ riċerka u netwerks ta’ kumpaniji u professjonisti; ifakkar fl-importanza tal-ħiliet tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) u l-ħtieġa li jiġi żgurat li aktar nisa jistudjaw is-suġġetti STEM;

33.  Jitlob strateġija ambizzjuża sabiex jinħolqu impjiegi sostenibbli, anke billi jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet b’enfasi partikolari fuq l-issodisfar tal-ħtiġijiet tal-ħiliet ta’ ekonomija aktar ekoloġika;

34.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu vantaġġ mill-iżvilupp ta’ dan is-settur, sabiex joħolqu apprendistati bi kwalifiki għoljin li jipprovdu liż-żgħażagħ b’għarfien u taħriġ speċjalizzat, u biex jgħinu sabiex jiġu ttrattati l-livelli għoljin ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu, meta jagħmlu t-tranżizzjoni lejn l-ekonomija ekoloġika, il-ħtiġijiet tan-nisa u l-bniet għal opportunitajiet aħjar ta’ tagħlim tul il-ħajja, speċjalment f’oqsma li għandhom potenzjal kbir li jipprovdu għadd sinifikanti ta’ impjiegi ekoloġiċi ġodda, bħax-xjenza, ir-riċerka, l-inġinerija, it-teknoloġija diġitali u t-teknoloġiji ġodda, bl-għan li tissaħħaħ il-pożizzjoni tan-nisa fis-soċjetà, jitneħħew l-istereotipi tal-ġeneru u jiġu pprovduti impjiegi li jikkorrispondu bis-sħiħ mal-ħtiġijiet u l-ħiliet partikolari tan-nisa;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex b'mod sistematiku jinkludu perspettiva tal-ugwaljanza bejn il-ġeneri fid-definizzjoni, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ ta' politiki għall-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi fil-livelli kollha, sabiex jiġi żgurat li jiġu garantiti opportunitajiet indaqs, filwaqt li jitqiesu l-isfidi għall-ħolqien tal-impjiegi ekoloġiċi f'żoni rurali; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jagħmlu sforzi ulterjuri biex jippermettu lin-nisa jipparteċipaw bis-sħiħ fil-formulazzjoni tal-politiki, fit-teħid ta' deċiżjonijiet u fl-implimentazzjoni ta' strateġiji ta' impjiegi ekoloġiċi li jinkludu ħiliet ekoloġiċi;

37.  Jitlob lill-Kummissjoni tati bidu għal dibattitu pubbliku dwar il-kunċett ta' 'edukazzjoni għal żvilupp sostenibbli' u tippromwovih, b'enfasi speċjali fuq l-edukazzjoni tal-bniet u n-nisa; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jippromwovu politiki li jħeġġu parteċipazzjoni ogħla tan-nisa fl-edukazzjoni fis-suġġetti u fl-intraprenditorija STEM, u jorbtu l-aġenda dwar l-impjiegi ekoloġiċi mal-għoti tas-setgħa lin-nisa permezz tal-edukazzjoni; jitlob li jkun hemm miżuri li jħeġġu l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-ETV u fl-opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja fis-setturi ekoloġiċi;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta strateġija Ewropa 2015-2020 għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri li tqis il-miri dwar ir-rati ta' impjieg tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.

39.  Jenfasizza l-ħtieġa għal azzjoni mmirata mill-awtoritajiet u s-servizzi pubbliċi biex jinvolvu lill-partijiet ikkonċernati kollha fis-suq tax-xogħol, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-impjegaturi u tal-impjegati, biex jitnaqqsu d-diskrepanzi fil-ħiliet; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jkollhom mekkaniżmi fis-seħħ biex iħarrġu l-persunal fl-awtoritajiet u s-servizzi tal-impjieg biex il-ħiliet għall-impjiegi ekoloġiċi jiġu integrati fil-politiki dwar is-suq tax-xogħol u biex jiġu żviluppati l-mezzi ta’ valutazzjoni tal-impatt ta’ dan it-taħriġ; jenfasizza l-importanza li l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni Ewropej jallinjaw il-programmi tagħhom għall-ħtiġijiet tal-ekonomija ekoloġika u s-suq tax-xogħol b’mod ġenerali;

40.  Jistieden lill-Istati Membri jdaħħlu fis-seħħ ambjent regolatorju li jħeġġeġ l-innovazzjoni fl-ekonomija ekoloġika;

Koerenza tal-politika biex jiġi żviluppat bis-sħiħ il-potenzjal ta’ ħolqien ta’ impjiegi tal-ekonomiji sostenibbli

41.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw oqfsa regolatorji, fiskali u finanzjarji ambizzjużi, fit-tul u integrati għall-investiment sostenibbli u jħeġġu l-innovazzjoni, sabiex b’hekk jiġi sfruttat il-potenzjal ta’ ħolqien ta’ impjiegi ta’ dawn it-tibdiliet; jenfasizza li l-politiki għandhom jiġu żviluppati f’qafas ta’ orizzonti fit-tul li jinkludi objettivi kif ukoll indikaturi li jkejlu l-progress lejn l-ilħuq tagħhom;

42.  Jenfasizza li l-koordinazzjoni fil-Kummissjoni u bejn il-ministeri rilevanti fil-livell nazzjonali hija importanti biex jinħoloq qafas għall-bidla komprensiv u bbażat fuq gvern sħiħ li jkun kapaċi jiddedika l-attenzjoni meħtieġa għall-effetti distributtivi tat-tranżizzjoni;

43.  Jinnota li s-suċċess jew il-falliment tal-Inizjattiva għal Impjiegi Ekoloġiċi huwa dipendenti fuq il-livell ta’ ambizzjoni tal-objettivi vinkolanti tal-Kummissjoni għall-enerġija rinovabbli u l-effiċjenza enerġetika, u fuq l-investiment fit-teknoloġiji tal-enerġija rinovabbli u l-programmi ta’ effiċjenza enerġetika li l-Istati Membri impenjaw ruħhom dwarhom;

44.  Jenfasizza li l-Kummissjoni u l-Istati Membri huma responsabbli għal politiki konsistenti li jippromwovu l-produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli u jżidu l-effiċjenza enerġetika bl-għan li jiskattaw l-iżvilupp lokali u reġjonali u l-ħolqien ta’ impjiegi lokali ta' kwalità; jenfasizza li l-investiment fl-enerġija rinnovabbli u fl-effiċjenza enerġetika jista' jsir wieħed mis-sorsi ewlenin ta’ ħolqien ta’ impjiegi fl-Ewropa fis-snin li ġejjin;

45.  Jirrimarka li l-awtosuffiċjenza territorjali fl-enerġija għadha wieħed mill-objettivi fit-tul tal-politika ekonomika u tal-enerġija tal-UE; jinsisti, barra minn hekk, fuq il-fatt li d-dimensjoni territorjali tal-investimenti għandha assolutament tiġi kkunsidrata għax din tikkontribwixxi għall-ilħuq tal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni territorjali tal-UE li tgħaqqad il-bliet u l-kampanja;

46.  Jilqa’ l-inklużjoni mill-Kummissjoni tal-impjiegi diċenti fil-mandat ta’ negozjar tal-UE għat-taħditiet tal-COP 21 ta’ Pariġi, li jibnu fuq il-ftehim ta' Cancun-2010 u l-inizjattivi sussegwenti; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-aġenda ta' ‘tranżizzjoni ġusta’ tibqa' parti lmill-pożizzjoni ta’ negozjar tagħha;

47.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jistabbilixxu miri mandatorji għall-iffrankar tal-enerġija u l-effiċjenza enerġetika, u jappoġġaw iċ-ċertifikati bojod bħala strument li jiffaċilita l-ilħuq tal-miri ta' ffrankar tal-enerġija tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ, u jinfurzaw, id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika u jibqgħu impenjati biex, mill-inqas, jintlaħqu l-miri tal-2030 dwar l-effiċjenza enerġetika;

48.  Jappoġġa l-impenji tal-UE, li f’kollaborazzjoni ma’ msieħba internazzjonali oħrajn, tippromwovi tranżizzjoni globali ġusta lejn ekonomija ekoloġika inklużiva;

49.  Jistieden lill-Istati Membri jirrispettaw u jimplimentaw bis-sħiħ id-dispożizzjonijiet ġodda tal-leġiżlazzjoni riveduta tal-UE dwar l-akkwist pubbliku, u jikkunsidraw li jeżaminaw jekk l-introduzzjoni ta' kriterji ambjentali u soċjali fil-politiki dwar l-akkwist pubbliku tistax tagħti spinta lill-ħolqien tal-impjiegi fl-ekonomija ekoloġika; jenfasizza li l-inċertezzi legali li fadal relatati mal-użu ta’ klawsoli soċjali u ambjentali fl-akkwist pubbliku jistgħu jiġu ċċarati;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tgħin biex is-settur tat-tiswija jerġa' jitqajjem, billi dan iwassal għall-ħolqien ta’ impjiegi ġodda li, skont in-natura tagħhom stess, ma jagħmlux ħsara lill-ambjent;

51.  Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw il-kontribut tas-servizzi pubbliċi għat-tranżizzjoni ġusta lejn ekonomija sostenibbli, notevolment billi jiżguraw b’mod proattiv li s-servizzi bħall-komunikazzjoni, l-enerġija, it-trasport, l-iskart u l-immaniġġjar tal-ilma jitwasslu b’mod sostenibbli;

52.  Jesprimi diżappunt kbir rigward l-irtirar tal-pakkett leġiżlattiv dwar l-ekonomija ċirkolari, li d-dispożizzjonijiet tiegħu kienu mistennija joħolqu sa 180 000 impjieg fis-settur tal-immaniġġjar tal-iskart tal-UE biss; għalhekk, jistieden lill-Kummissjoni biex, filwaqt li tirrispetta r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri, tonora l-impenn tagħha li tipproponi, mill-aktar fis possibbli, leġiżlazzjoni ambizzjuża dwar l-iskart li tkopri t-tnaqqis upstream, miri ġodda għar-riċiklaġġ, u definizzjoni mill-ġdid tal-kriterji għall-kalkolu tal-kwantità ta’ materjal li fil-fatt jiġi riċiklat;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tikkunsidra l-introduzzjoni ta' kriterji intiżi biex jinċentivaw lin-negozji li jkollhom ċiklu ta' rimi ta' skart virtwuż u sostenibbli għall-ambjent;

54.  Jirrikonoxxi li l-fatt li ssir rabta bejn il-produzzjoni agrikola sostenibbli u l-monitoraġġ u l-protezzjoni tal-bijodiversità fl-azjendi agrikoli u, sussegwentement, l-użu ta' tikkettar intelliġenti għall-prodotti agrikoli biex jiġi mmarkat l-impatt ambjentali tagħhom, sabiex tiġi stimulata d-domanda tal-konsumaturi għal prodotti li ma jagħmlux ħsara lill-bijodiversità, jirrappreżenta potenzjal sinifikanti għall-impjiegi ekoloġiċi fiż-żoni rurali tal-UE;

55.  Jinnota li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti għandha potenzjal reali li toħloq l-impjiegi filwaqt li tikkontribwixxi b'mod attiv għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-protezzjoni tal-bijodiversità;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża s-Semestru tal-UE u l-eżami tal-istrateġija Ewropa 2020 biex tappoġġa l-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż li jistgħu jikkontribwixxu għal aktar impjiegi u impronti ekoloġiċi iżgħar, u jitlob studji dettaljati u indipendenti dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji ta' trasferiment tal-piżijiet tat-taxxa (p.e. mit-tassazzjoni fuq ix-xogħol għat-tassazzjoni fuq l-ambjent), kif ukoll l-eliminazzjoni gradwali tas-sussidji sal-2020;

57.  Jenfasizza li dawn ir-rakkomandazzjonijiet jistgħu jinkludu trasferiment minn fuq ix-xogħol għal sorsi oħra, u li tali trasferiment tat-taxxa għandu jkollu l-għan li jibdel l-imġiba rigward it-tniġġis, iżda m’għandux ikollu riperkussjonijiet mhux mixtieqa fuq is-sistemi tas-sigurtà soċjali jew impatt sproporzjonat fuq dawk b'introjtu baxx;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jneħħu gradwalment is-sussidji diretti u indiretti li huma ta' ħsara għall-ambjent, fosthom, iżda mhux limitat għal, dawk għall-karburanti fossili; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa mudelli li jistgħu jiġu implimentati mill-Istati Membri għal trasferiment tat-tassazzjoni minn fuq ix-xogħol għal fuq it-tniġġis ambjentali, u li jitqies l-impatt ambjentali ta' prodotti u servizzi fl-ispirtu tal-prinċipju ta' min iniġġes iħallas; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż lill-Istati Membri li jistgħu jikkontribwixxu għall-isforzi biex irawmu l-impjieg ekoloġiku u jnaqqsu l-impatti ekoloġiċi; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tintegra b'mod proattiv il-kunsiderazzjonijiet ambjentali u dawk relatati mal-klima fis-Semestru Ewropew sabiex tappoġġa l-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi;

59.  Jistieden lill-Istati Membri jintroduċu sussidji mmirati u/jew eżenzjonijiet mit-taxxa għal negozji ġodda, u għal intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, li jipprovdu oġġetti u servizzi li joffru valur miżjud ambjentali għoli, inkluż il-kontenut tal-karbonju mnaqqas b'mod ġenerali;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri juru aktar koerenza u koeżjoni fil-politiki tagħhom u jieħdu aktar impenji politiċi sostanzjali fl-ogħla livell f’oqsma relatati, bħat--taxxi fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji u l-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni ġġedded l-impenn tagħha għall-istrateġija Ewropa 2020 u toħroġ mingħajr dewmien u sa mhux aktar tard mill-2015 ir-rieżami ta’ nofs it-term tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tikkonferma mill-ġdid il-miri fis-Semestru Ewropew, b’kont meħud tat-tabella ta' valutazzjoni għal żbilanċi makroekonomiċi u r-rieżami tal-istrateġija Ewropa 2020; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi objettivi soċjali u ambjentali aktar ambizzjużi għall-2030 u l-2050; jenfasizza li monitoraġġ eżatt, b’bażi metodoloġika u kondiviż tal-impjiegi ekoloġiċi jista’ jgħin ukoll lill-Istati Membri fil-valutazzjoni tal-effikaċja tal-politiki ambjentali u tax-xogħol tagħhom, u jsaħħaħ l-għodod żviluppati fil-livell Ewropew fl-intraċċar tal-progress u l-monitoraġġ tal-Linji Gwida dwar l-Impjiegi skont Ewropa 2020.

62.  Jenfasizza l-opportunitajiet li l-pakkett dwar il-Klima u l-Enerġija 2030 jipprovdi fil-ħolqien tal-impjiegi u r-rwol futur li l-leġiżlazzjoni ambjentali se jkollha fl-ilħuq tal-għanijiet ambjentali fit-tul tal-UE u fil-ħolqien tal-imġjiegi u t-tkabbir ekoloġiku;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-innovazzjoni bħala l-pedament tal-industrija Ewropea u tiżviluppa strateġiji attivi biex jiġi żgurat li t-tranżizzjonijiet soċjali jiġu ġestiti sew u l-benefiċċji jiġu mifruxa mal-Ewropa kollha; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw l-emerġenza ta’ katini ta’ provvista u netwerks tal-industrija ġodda fl-effiċjenza tar-riżorsi, il-prodotti u s-servizzi permezz ta’ politika industrijali sostenibbli u inċentivi għat-trasformazzjoni tas-suq;

64.  Jenfasizza l-ħtieġa għall-Istati Membri biex jippreparaw l-ekonomiji tagħhom għal futur b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju, effiċjenti fir-riżorsi u fl-enerġija, filwaqt li jittieħed kont tar-riskju possibbli tar-rilokazzjoni tal-impjiegi u l-emissjonijiet tal-karbonju minħabba l-impatt tal-politiki dwar il-klima;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu l-isforzi internazzjonali biex joħolqu politika ambjentali globali li tista’ tillimita l-ħsara kkawżata mill-offshoring tal-produzzjoni industrijali barra l-UE u r-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposta tagħha għar-riforma tal-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) tal-UE mill-aktar fis possibbli, billi jittieħed kont tal-ħtieġa li jiġu protetti l-industriji esposti għal riskju sinifikanti ta' "rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju";

67.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-impjiegi ekoloġiċi fl-implimentazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija;

Investiment fil-ħolqien ta’ impjiegi sostenibbli

68.  Jenfasizza l-fatt li jeħtieġ li tiġi applikata l-aħjar taħlita ta’ interventi min-naħa tal-provvista u tad-domanda, li tirriżulta billi l-ħolqien tal-impjiegi jiġi kkombinat ma’ politiki tas-suq tax-xogħol attivi li jaqblu, li jkunu speċifiċi għall-ħtiġijiet tas-swieq tax-xogħol lokali differenti;

69.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu, anke fil-qafas tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, l-investimenti ta’ kwalità mmirati lejn il-ġenerazzjoni ta’ benefiċċji soċjetali u ekonomiċi bħall-impjiegi ta’ kwalità sostenibbli, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-edukazzjoni ta’ kwalità u l-innovazzjoni biex tiġi promossa t-tranżizzjoni ekoloġika u jiġi miġġieled il-faqar enerġetiku; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffukaw l-investiment f’żoni b’impatt pożittiv fuq is-suq tax-xogħol bl-għan li jinħolqu l-impjiegi sostenibbli bi protezzjoni soċjali sħiħa u li jiġi miġġieled il-qgħad; jenfasizza li l-proġetti ffinanzjati għandhom jikkontribwixxu għall-istrateġija UE2020 b’mod li jista’ jitkejjel; jirrimarka, f’dan il-kuntest, li l-ħolqien tal-impjiegi fis-setturi ekoloġiċi baqa’ pożittiv matul ir-reċessjoni;

70.  Jenfasizza l-fatt li l-investiment fl-effiċjenza enerġetika jista' jippromwovi l-ħolqien ta’ impjiegi lokali u l-iżvilupp ekonomiku lokali u jnaqqas il-faqar enerġetiku, u li l-iżgurar tal-effiċjenza fl-enerġija fil-bini huwa l-mod l-aktar kosteffettiv li jiġu offruti soluzzjonijiet fit-tul għall-faqar enerġetiku, li jolqot lil madwar 125 miljun ruħ fl-Ewropa, u element importanti biex jiġi żgurat użu aktar effiċjenti ta’ enerġija Ewropea u biex jinħolqu impjiegi ekoloġiċi; itenni li l-iżgurar tas-sikurezza tal-bini huwa wkoll kruċjali f’dan ir-rigward; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-inizjattiva tagħha dwar "Finanzjament Għaqli għal Bini Intelliġenti" mill-aktar fis possibbli;

71.  Jirrakkomanda li l-objettivi tal-klima, l-enerġija rinnovabbli u l-effiċjenza enerġetika għandhom jitqiesu bħala miri ta' investiment u prinċipji ewlenin għal azzjoni politika;

72.  Iwissi kontra l-appoġġ għal attivitajiet li jġorru impatti ambjentali u soċjali negattivi peress li jfixklu l-koerenza politika meħtieġa biex ikun massimizzat il-potenzjal tal-ħolqien tal-impjiegi ekoloġiċi;

73.  Jirrakkomanda li l-investiment ta’ kwalità fis-servizzi pubbliċi ewlenin bħall-komunikazzjoni, l-enerġija, it-trasport u l-immaniġġjar tal-iskart u tal-ilma jkun immirat sabiex jiġu appoġġati proċeduri ta’ akkwist pubbliku sostenibbli u l-integrazzjoni tal-ħiliet ekoloġiċi;

74.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-possibilitajiet taħt il-qafas legali għall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej u sorsi oħrajn ta’ finanzjament tal-UE għall-promozzjoni ta’ proġetti sostenibbli li jrawmu l-impjiegi ekoloġiċi, u jagħmlu l-finanzjament u l-istrumenti finanzjarji tal-UE faċilment aċċessibbli kemm jista’ jkun għall-awtoritajiet lokali, b’regoli sempliċi, ċari u limiti minimi ta’ finanzjament minimu aċċessibbli;

75.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw ir-reviżjoni postelettorali tal-2016 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) bħala opportunità biex jippromwovu t-tranżizzjoni iżjed ekoloġika tal-ekonomiji tagħna;

76.  Jinnota li l-appoġġ tal-FSE huwa disponibbli biex jiġi megħjun it-tkabbir ekoloġiku ekonomiku u tal-impjiegi u jħeġġeġ lill-gvernijiet nazzjonali u lis-servizzi nazzjonali rilevanti jikkunsidraw li jużaw dan il-finanzjament aktar attivament sabiex jiġi promoss il-ħolqien ta’ impjiegi ekoloġiċi ekonomikament ġustifikati u ekonomikament sostenibbli;

77.  Jinnota li xi Stati Membri għamlu progress konsiderevoli fl-ekoloġizzazzjoni tal-ekonomija, u jħeġġeġ lill-Unjoni u lill-Istati Membri jrawmu l-kondiviżjoni tal-ideat, l-għarfien, l-esperjenza u l-aħjar prattiki f’dan il-qasam sabiex tiġi żgurata tranżizzjoni bla xkiel;

78.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u lis-settur privat jużaw strumenti bħalma huma l-Ekodisinn, l-Ekotikketta, l-EMAS u l-akkwist pubbliku ekoloġiku (APE), minħabba li jistgħu jappoġġaw l-ekonomija ekoloġika u b'hekk jikkontribwixxu għall-ħolqien ta' impjiegi ekoloġiċi; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi għodod ta' gwida biex jinħolqu kundizzjonijiet favorevoli tas-suq għall-adozzjoni sħiħa ta' dawn l-istrumenti volontarji;

79.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiffukaw aktar attenzjoni fuq l-implimentazzjoni tal-immaniġġjar ambjentali u s-sistemi tal-awditjar ekoloġiċi bbażati fuq l-istandard Ewropew (ISO 14000);

Intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs)

80.  Jappoġġa l-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni Ekoloġika għall-SMEs u l-azzjonijiet orjentati għall-SMEs, inkluż l-istabbiliment ta' Ċentru Ewropew tal-Eċċellenza fl-Effiċjenza fir-Riżorsi li jagħti pariri u jassisti lill-SMEs li jkunu jridu jtejbu il-prestazzjoni fl-effiċjenza tar-riżorsi tagħhom, jappoġġa l-intraprenditorija ekoloġika, jisfrutta l-opportunitajiet għal katini tal-valur aktar ekoloġiċi u jiffaċilita l-aċċess għas-suq għall-SMEs u l-mikrointrapriżi ekoloġiċi; iqis li l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni u l-assistenza teknika huma kruċjali għall-parteċipazzjoni attiva tal-SMEs fl-ekonomija ċirkolari;

81.  Ifakkar li l-SMEs għandhom potenzjal enormi biex joħolqu l-impjiegi, partikolarment impjiegi għaż-żgħażagħ, u jippromwovu sistema doppja ta’ taħriġ vokazzjonali u skemi ta’ apprendistat;

82.  Jirrikonoxxi li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) jista' jgħin lill-intrapriżi mikro, żgħar, u ta' daqs medju jimpenjaw ruħhom f'attivitajiet li jinvolvu grad għoli ta' innovazzjoni ambjentali u soċjali;

83.  Jinnota li d-data tal-Ewrobarometru dwar xogħol ekoloġiku fl-SMEs turi li l-iffrankar tal-enerġija u t-tnaqqis tal-iskart u l-użu ta' materja prima saru ekonomikament vantaġġużi;

84.  Jistieden lill-Kummissjoni tistimula mudelli ġodda tan-negozju, bħal intrapriżi kooperattivi, biex iżidu l-effiċjenza tal-produzzjoni u l-proċessi tad-distribuzzjoni, jadottaw soluzzjonijiet innovattivi ħalli jiffrankaw ir-riżorsi u joffru prodotti u servizzi aktar sostenibbli;

85.  Jirrimarka li l-SMEs jistgħu joħolqu tkabbir u impjiegi biss jekk ikunu disponibbli wkoll opportunitajiet ta’ inċentivi favorevoli permezz tal-ekonomija ekoloġika;

86.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-inċentivi ekoloġiċi għall-SMEs ikollhom impatt sinifikanti fejn l-aktar li jkollhom bżonn;

87.  Jinnota li l-SMEs u l-mikrointrapriżi huma l-muturi ewlenin tal-ħolqien tal-impjiegi fl-Ewropa; jenfasizza li l-SMEs u l-mikrointrapriżi jiffaċċjaw sfidi partikolari fl-isfruttament tal-oppurtunitajiet ta’ impjieg ta' tranżizzjoni ekoloġika, b’mod partikolari fir-rigward tal-aċċess għall-finanzi, it-taħriġ u t-tnaqqis tad-diskrepanzi fil-ħiliet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni ambizzjuża sabiex jipprovdu l-appoġġ biex jiġi faċilitat il-ħolqien tal-impjiegi ekoloġiċi fl-SMEs u l-mikrointrapriżi, inklużi l-informazzjoni mmirata, is-sensibilizzazzjoni, l-assistenza teknika u l-aċċess għall-finanzi u l-miżuri ta’ taħriġ;

88.  Jirrimarka li katina tal-valur iktar ekoloġika, li tinvolvi manifattura mill-ġdid, tiswija, manutenzjoni, riċiklaġġ u disinn ekoloġiku, tista’ tipprovdi bosta opportunitajiet kummerċjali għal ħafna SMEs;

o
o   o

89.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0584.
(2) ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 75.
(3) ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 6.


L-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa bħala sfidi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw
PDF 377kWORD 120k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa bħala sfidi għall-governanza, il-protezzjoni soċjali u l-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw (2015/2058(INI))
P8_TA(2015)0265A8-0184/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Monterrey (2002), il-Konferenza dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp f'Doha (2008), id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi (2005) u l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Akkra (2008),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 68/204 u 68/279 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU dwar it-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp, li se ssir f'Addis Ababa (l-Etjopja) mit-13 sas-16 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-ħidma tal-Kumitat ta' Esperti tan-NU dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali fi Kwistjonijiet tat-Taxxa(1),

–  wara li kkunsidra l-Mudell ta' Konvenzjoni tan-NU dwar it-Tassazzjoni Doppja bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw(2) ,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu(3),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' April 2010 bit-titolu "It-Taxxa u l-Iżvilupp, Kooperazzjoni ma' Pajjiżi li qed Jiżviluppaw dwar il-Promozzjoni ta' Governanza Tajba fi Kwistjonijiet tat-Taxxa" (COM(2010)0163),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Frar 2015 bit-titolu "Sħubija Globali għall-Qerda tal-Faqar u l-Iżvilupp Sostenibbli wara l-2015" (COM(2015)0044),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Marzu 2015 dwar it-trasparenza fiskali kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa (COM(2015)0136),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 2013 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u r-rifuġji fiskali(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2011 dwar it-taxxa u l-iżvilupp – kooperazzjoni ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw dwar il-promozzjoni ta' governanza tajba fi kwistjonijiet tat-taxxa(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar il-promozzjoni ta’ governanza tajba fi kwistjonijiet fiskali(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2013, dwar il-korruzzjoni fis-settur pubbliku u f'dak privat: l-impatt fuq id-drittijiet tal-bniedem f'pajjiżi terzi(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar il-promozzjoni tal-iżvilupp permezz ta' prattiki ta' negozju responsabbli, inkluż ir-rwol tal-industriji estrattivi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2014 dwar ir-Rapport tal-UE tal-2013 dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 TFUE, li jistabbilixxi li l-qerda tal-faqar hija l-objettiv prinċipali tal-politika tal-UE għall-iżvilupp u l-prinċipju tal-koerenza fil-politiki għall-iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0184/2015),

A.  billi l-flussi finanzjarji illeċiti, jiġifieri l-flussi finanzjarji privati kollha maħruġa 'l barra li ma jkunux irreġistrati u li jinvolvu kapital gwadanjat, trasferit jew użat illegalment, tipikament joriġinaw minn attivitajiet ta' evażjoni u evitar tat-taxxa, bħal ipprezzar ta' trasferimenti abbużiv, kontra l-prinċipju li t-taxxi għandhom jitħallsu fejn jinħolqu l-profitti, u billi ġie identifikat li l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa huma ostakli ewlenin għall-mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku għall-iżvilupp mit-testi u l-konferenzi internazzjonali ewlenin kollha dwar il-finanzjament għall-iżvilupp;

B.  billi, skont ir-Rapport ta' Global Financial Integrity għall-2014, flimkien, l-investiment dirett barrani (IDB) u l-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) bejn l-2003 u l-2012 kienu jirrapreżentaw ammont kemmxejn inqas mill-flussi illeċiti li ħarġu 'l barra; billi l-flussi finanzjarji illeċiti jirrappreżentaw madwar għaxar darbiet l-ammont ta' flus għall-għajnuna li jirċievu l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li għandu jkun immirat lejn il-qerda tal-faqar, il-benessri u l-iżvilupp sostenibbli, u jirrappreżentaw delokalizzazzjoni tal-kapital illeċita mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw li hu stmat li annwalment jilħaq USD 1 triljun;

C.  billi l-ġenerazzjoni ta' dħul pubbliku mill-industriji ta' estrazzjoni hi essenzjali għall-istrateġiji ta' żvilupp ta' ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, speċjalment il-pajjiżi l-anqas żviluppati, iżda l-potenzjal li joffru l-industriji ta' estrazzjoni biex tingħata spinta għad-dħul fiskali fil-biċċa l-kbira mhux qed jiġi sfruttat sew, minħabba l-inadegwatezza tar-regoli dwar it-taxxa jew id-diffikultajiet biex jiġu infurzati, peress li l-arranġamenti bejn il-gvernijiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-kumpaniji ta' estrazzjoni normalment ikunu ad hoc u jiġu nnegozjati mingħajr trasparenza u linji gwida ċari;

D.  billi l-eżistenza ta' setturi informali kbar fl-ekonomiji tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw tagħmilha kważi impossibbli li jkun hemm tassazzjoni fuq bażi wiesgħa, u billi fil-pajjiżi fejn proporzjon kbir tal-popolazzjoni jgħix fil-faqar, sehem konsiderevoli tal-PDG mhuwiex taxxabbli;

E.  billi skemi fiskali ġusti, ibbilanċjati sew, effiċjenti u trasparenti jipprovdu finanzjament vitali lill-gvernijiet biex ikopru d-drittijiet taċ-ċittadini għal servizzi pubbliċi bażiċi, bħall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni għal kulħadd, u billi politiki fiskali ridistributtivi effikaċi jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-effett tal-inugwaljanzi li dejjem jikbru fuq min hu l-iktar fil-bżonn;

F.  billi, skont l-UNCTAD, madwar 30 % tal-kapital ta' investiment korporattiv transkonfinali ġie mgħoddi minn pajjiżi ta' tranżitu qabel laħaq id-destinazzjoni tiegħu bħala assi produttivi;

G.  billi d-dħul mit-taxxa korporattiva jikkostitwixxi sehem importanti tal-introjtu nazzjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u għaldaqstant dawn jintlaqtu b'mod partikolari mill-evitar tat-taxxa fil-livell korporattiv, u billi fis-snin li għaddew il-pajjiżi li qed jiżviluppaw kontinwament baxxew ir-rati tat-taxxa korporattiva;

H.  billi r-rifuġji fiskali u l-ġurisdizzjonijiet fejn tapplika s-segretezza bankarja li jippermettu li l-informazzjoni bankarja jew finanzjarja tinżamm privata, flimkien mal-iskemi ta' "żero taxxi" biex jiġbdu l-kapital u d-dħul li kellu jiġi intaxxat f'pajjiżi oħra, jiġġeneraw kompetizzjoni fiskali dannuża, idgħajfu l-ekwità tas-sistema fiskali u jfixklu l-kummerċ u l-investiment, u dan jolqot b'mod partikolari lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, b'telf stmat ta' USD 189 biljun fi dħul fiskali kull sena;

I.  billi t-tassazzjoni tista' tkun sors ta' dħul affidabbli u sostenibbli fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u toffri l-vantaġġ tal-istabilità meta mqabbla mal-mekkaniżmi ta' finanzjament għall-iżvilupp tradizzjonali bħas-self konċessjonarju, dejjem sakemm ikun hemm skema ta' tassazzjoni bbilanċjata sew, effiċjenti u trasparenti, amministrazzjoni fiskali effikaċi u effiċjenti għall-promozzjoni tal-konformità fiskali, u użu tad-dħul pubbliku li jkun hemm l-obbligu li jingħata rendikont dwaru u li jkun responsabbli;

J.  billi l-benefiċċji potenzjali ta' tassazzjoni u politiki fiskali effikaċi u trasparenti jmorru oltre ż-żieda fir-riżorsi disponibbli għat-trawwim tal-iżvilupp, u jkollhom effett pożittiv dirett fuq il-governanza tajba u l-bini ta' stati permezz ta' tisħiħ tal-istituzzjonijiet demokratiċi, tal-istat tad-dritt u tal-kuntratt soċjali bejn il-gvern u ċ-ċittadin, b'mod li jinħoloq kollegament reċiproku bejn it-taxxi, is-servizzi pubbliċi u soċjali, u l-isforzi għall-promozzjoni tal-istabilità tal-baġits governattivi, biex b'hekk tiġi promossa l-indipendenza fit-tul mill-assistenza barranija u l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jitħallew ikunu reattivi u responsabbli fir-rigward tal-objettivi nazzjonali u jassumu s-sjieda tal-għażliet politiċi tagħhom;

K.  billi l-ħtieġa għal żieda fid-dħul domestiku saret aktar urġenti b'reazzjoni għall-kriżi finanzjarja u ekonomika;

L.  billi l-ammont ta' riżorsi miġbura mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw permezz ta' mobilizzazzjoni tad-dħul domestiku qed jiżdied b'rata stabbli, u sar progress importanti f'dan il-qasam bl-għajnuna ta' donaturi internazzjonali;

M.  billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiffaċċjaw restrizzjonijiet politiċi, amministrattivi u tekniċi kbar biex iżidu d-dħul mit-taxxi bħala riżultat ta' riżorsi finanzjarji u umani insuffiċjenti biex jinġabru t-taxxi, kapaċità amministrattiva dgħajfa biex tiġi trattata l-kumplessità tal-ġbir tat-taxxi mill-kumpaniji transnazzjonali, nuqqas ta' kapaċitajiet u infrastruttura għall-ġbir tat-taxxi, telf ta' persunal imħarreġ mill-amministrazzjonijiet fiskali, korruzzjoni, nuqqas ta' leġittimità tas-sistema politika, nuqqas ta' parteċipazzjoni fil-kooperazzjoni fiskali internazzjonali, distribuzzjoni inġusta tad-dħul u governanza fiskali fqira;

N.  billi, waqt li l-kuntest globali attwali ta' liberalizzazzjoni kummerċjali u t-tneħħija gradwali tal-ostakli kummerċjali f'dawn l-aħħar deċennji żied l-ammont ta' prodotti nnegozjati fuq livell transkonfinali, ħoloq ukoll diffikultajiet għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jiddependu b'mod qawwi fuq it-taxxi mill-kummerċ, speċjalment il-pajjiżi l-anqas żviluppati, biex jikkompensaw għat-tnaqqis fit-taxxi kummerċjali u għall-bidla lejn tipi oħra ta' riżorsi domestiċi, b'mod partikolari taħlita fiskali bbilanċjata sew;

O.  billi, f'dawn l-aħħar snin, kien hemm żieda fl-għadd ta' trattati fiskali bejn il-pajjiżi żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw li ntużaw biex titnaqqas it-tassazzjoni fit-trasferimenti finanzjarji transkonfinali, b'mod li jiġu mminimizzati l-kapaċitajiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi u jinħolqu kanali possibbli li permezz tagħhom il-kumpaniji multinazzjonali jistgħu jevitaw it-tassazzjoni; billi valutazzjoni tal-impatt riċenti li saret mill-awtoritajiet fin-Netherlands ikkonkludiet li s-sistema fiskali ta' dak il-pajjiż iffaċilitat l-evitar tat-taxxa minn ras il-għajn, b'mod li d-dividendi u l-imgħax mitlufin mid-dħul mit-taxxa minn ras il-għajn fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw kienu bejn EUR 150–550 miljun kull sena(11);

P.  billi, komparattivament, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiġbru sostanzjalment anqas dħul mill-ekonomiji avvanzati (bi proporzjon bejn it-taxxa u l-PDG ta' 10–20 %, meta mqabbel ma' firxa bejn it-30–40% għall-ekonomiji fl-OECD) u huma kkaratterizzati minn bażijiet fiskali estremament stretti; billi hemm potenzjal konsiderevoli għat-twessigħ tal-bażijiet fiskali u għaż-żieda tal-ammont ta' dħul mit-taxxa b'mod li jiġu pprovduti l-mezzi meħtieġa għar-responsabilitajiet governattivi essenzjali;

Q.  billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed jipprovaw jiġbdu l-investiment prinċipalment billi joffru diversi inċentivi u eżenzjonijiet fiskali li ma jkunux trasparenti u ma jknunux ibbażati fuq analiżi xierqa tal-ispejjeż meta mqabbla mal-benefiċċji, b'mod li ta' spiss ma jirnexxilhomx jiġbdu investimenti reali u sostenibbli, iqiegħdu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw f'kompetizzjoni kontra xulxin biex joffru l-aktar trattament fiskali favorevoli, u jwasslu għal eżiti insodisfaċenti fir-rigward ta' sistemi fiskali effikaċi u effiċjenti u għal kompetizzjoni fiskali dannuża;

R.  billi l-Istati Membri diġà impenjaw lilhom infushom biex jallokaw 0,7 % tal-ING tagħhom lill-ODA u billi l-ammont ta' għajnuna b'appoġġ għall-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi għadu baxx – jirrappreżenta anqas minn wieħed fil-mija tal-ODA totali fl-2011 – u hu stmat li 0,1 % (USD 118.4 miljun) biss tal-ODA kien iddedikat għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fi kwistjonijiet fiskali fl-2012;

S.  billi ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw ma jistgħux jilħqu lanqas il-livell minimu tat-taxxa meħtieġ biex jiffinanzjaw il-funzjonament bażiku tagħhom, is-servizzi pubbliċi tagħhom u l-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-faqar;

T.  billi l-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) u l-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp (BERŻ) u l-istituzzjonijiet ta' finanzjament għall-iżvilupp tal-Istati Membri jappoġġaw lill-kumpaniji privati fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw direttament billi jipprovdu self jew indirettament billi jappoġġaw lil intermedjarji finanzjarji bħall-banek privati u l-fondi ta' ekwità privati, li mbagħad isellfu dawk il-flus mislufin lil impriżi jew jinvestu fihom;

U.  billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom ikunu rrappreżentati aħjar fl-istrutturi u l-proċeduri ta' kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tat-taxxa b'mod li jkunu jistgħu jipparteċipaw b'kundizzjonijiet ta' parità fil-formulazzjoni u r-riforma tal-politiki fiskali globali;

V.  billi l-Kumitat ta' Esperti dwar il-Kooperazzjoni Internazzjonali fi Kwistjonijiet tat-Taxxa hu korp sussidjarju tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali li jagħti attenzjoni speċjali lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-pajjiżi b'ekonomiji fi tranżizzjoni;

W.  billi l-ġbir ta' biżżejjed livelli ta' finanzi pubbliċi jista' jaqdi rwol deċiżiv fil-promozzjoni ta' soċjetajiet aktar ekwi li jirrifjutaw id-diskriminazzjoni bejn l-irġiel u n-nisa u li jipprovdu appoġġ speċjali għat-tfal u gruppi vulnerabbli oħra;

1.  Jappella lill-Kummissjoni biex minnufih tressaq pjan ta' azzjoni ambizzjuż, fil-forma ta' komunikazzjoni, bħala appoġġ għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u bħala għajnuna biex iwaqqfu sistemi fiskali ġusti, ibbilanċjati sew, effiċjenti u trasparenti, waqt li jqisu l-ħidma mwettqa mill-Kumitat għall-Għajnuna fl-Iżvilupp tal-OECD qabel il-Konferenza dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp f'Addis Ababa, l-Etjopja, li se ssir bejn it-13 u s-16 ta' Lulju 2015, u l-impatt tat-trattati fiskali internazzjonali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

2.  Jinsisti li mobilizzazzjoni effikaċi tar-riżorsi domestiċi u tisħiħ tas-sistemi fiskali se jkunu fattur indispensabbli biex jinkiseb il-qafas għal wara l-2015 li se jissostitwixxi l-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millennju (MDGs), li jirrappreżenta strateġija vijabbli biex tingħeleb id-dipendenza fuq l-għajnuna barranija fit-tul, u li sistemi fiskali effiċjenti u ġusti huma kruċjali għall-qerda tal-faqar, għall-ġlieda kontra l-inugwaljanzi, għal governanza tajba u għall-bini ta' stati; ifakkar li ċerti attivitajiet ekonomiċi transnazzjonali affetwaw il-kapaċità tal-pajjiżi li jiġġeneraw dħul governattiv domestiku u li jagħżlu l-istruttura ta' tassazzjoni tagħhom, waqt li ż-żieda fil-mobilità tal-kapital, flimkien mal-użu tar-rifuġji fiskali, alteraw ħafna l-kundizzjonijiet għat-tassazzjoni; jesprimi wkoll tħassib rigward il-livell ta' korruzzjoni u n-nuqqas ta' trasparenza fl-amministrazzjonijiet pubbliċi li jxekklu l-investiment tad-dħul fiskali fil-bini ta' stati, f'servizzi pubbliċi jew f'infrastruttura pubblika;

3.  Jikkonstata li, meta jitqiesu bħala proporzjon tal-PDG, ir-riżorsi fiskali għadhom baxxi fil-biċċa l-kbira tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u dan qed jagħmilhom partikolarment vulnerabbli għal attivitajiet ta' evażjoni u evitar tat-taxxa min-naħa ta' kontribwenti u kumpaniji individwali; jisħaq fuq il-fatt li dan jirrappreżenta telf finanzjarju konsiderevoli għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jinkoraġġixxi l-korruzzjoni u jagħmel ħsara lill-politika tal-UE dwar l-iżvilupp, u li t-teħid ta' miżuri xierqa fil-livell nazzjonali, f'dak tal-UE u f'dak internazzjonali kontra dawn il-prattiki għandu jkun prijorità ewlenija għall-UE u għall-Istati Membri tagħha, waqt li jitqiesu l-ħtiġijiet u l-limitazzjonijiet li jaffaċċjaw il-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jiksbu aċċess għad-dħul fiskali tagħhom; jikkunsidra li l-UE għandha tiżvolġi rwol ta' tmexxija fit-tiswiq tal-isforzi internazzjonali favur il-ġlieda kontra r-rifuġji fiskali, il-frodi fiskali u l-evażjoni tat-taxxa, fejn għandha tiggwida bl-eżempju tagħha, u li għandha tikkoopera mal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jikkontrobattu l-prattiki ta' evitar aggressiv tat-taxxa min-naħa ta' ċerti kumpaniji transnazzjonali, kif ukoll biex isibu modijiet li jgħinuhom jifilħu għall-pressjonijiet biex jinvolvu ruħhom f'kompetizzjoni fiskali;

Pjan ta' Azzjoni għall-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw

4.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu miżuri konkreti u effikaċi biex tappoġġa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-oqfsa tal-amministrazzjoni fiskali reġjonali, bħall-Forum Afrikan għall-Amministrazzjoni Fiskali u ċ-Ċentru Inter-Amerikan tal-Amministrazzjonijiet Fiskali, fil-ġlieda kontra l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, fl-iżvilupp ta' politiki fiskali ġusti, ibbilanċjati sew, effiċjenti u trasparenti, fil-promozzjoni tar-riformi amministrattivi u fit-tkabbir tas-sehem, f'termini ta' għajnuna u żvilupp, tal-assistenza finanzjarja u teknika lill-amministrazzjonijiet fiskali nazzjonali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jargumenta li dan l-appoġġ għandu jingħata biex jissaħħu l-aġenziji ġudizjarji u l-aġenziji kontra l-korruzzjoni f'dawn il-pajjiżi; jappella biex jingħaqad l-għarfien espert tas-settur pubbliku mill-Istati Membri u l-pajjiżi benefiċjarji bil-għan li jissaħħu l-attivitajiet koperattivi waqt li jkun hemm riżultati preliminari konkreti għall-pajjiżi benefiċjarji; jappoġġa l-organizzazzjoni ta' sessjonijiet ta' ħidma, sessjonijiet ta' taħriġ, missjonijiet ta' esperti, żjarat ta' studju u konsulenza;

5.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħti post fuq quddiem fl-aġenda lill-governanza tajba fil-kwistjonijiet tat-taxxa, u lil ġbir tat-taxxa li jkun ġust, ibbilanċjat sew, effiċjenti u trasparenti fid-djalogu politiku (fuq livell ta' politika, żvilupp u kummerċ) tagħha, u fil-ftehimiet kollha ta' koperazzjoni għall-iżvilupp mal-pajjiżi sħab, waqt li ssaħħaħ is-sjieda u r-responsabilità domestika billi trawwem ambjent fejn il-parlamenti nazzjonali jkunu jistgħu jikkontribwixxu b'mod sinifikattiv għall-formulazzjoni u s-sorveljanza tal-baġits nazzjonali, anke fir-rigward tad-dħul domestiku u l-kwistjonijiet tat-taxxa, u tappoġġa r-rwol tas-soċjetà ċivili fl-iżgurar ta' skrutinju pubbliku tal-governanza fiskali, inter alia billi jiġu stabbiliti sistemi effikaċi għall-protezzjoni tal-informaturi u s-sorsi ġurnalistiċi;

6.  Jappella b'urġenza biex l-informazzjoni rigward is-sjieda benefiċjarja ta' kumpaniji, trusts u istituzzjonijiet oħra titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku f'formati informatiċi miftuħin b'mod li l-kumpaniji tal-isem anomini u entitajiet ġuridiċi paragonabbli ma jitħallewx jintużaw għall-ħasil ta' flus, għall-finanzjament ta' attivitajiet illegali jew terroristiċi, għas-satar tal-identità ta' individwi korrotti u kriminali, u għall-ħabi tas-serq ta' fondi pubbliċi u l-qligħ minn traffikar illegali u evażjoni tat-taxxa illegali; jemmen barra minn hekk li l-pajjiżi kollha għandhom tal-anqas jadottaw u jimplimentaw kompletament ir-rakkomandazzjonijiet kontra l-ħasil tal-flus tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja;

7.  Japella lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jinfurzaw il-prinċipju li jeħtieġ li l-kumpaniji multinazzjonali kwotati jew mhux kwotati mill-pajjiżi u s-setturi kollha, u speċjalment dawk il-kumpaniji fil-qasam tal-estrazzjoni tar-riżorsi, jadottaw bħala standard is-sistema ta' rapportar separat għal kull pajjiż speċifiku, li tirrikjedi li, bħala parti mir-rapportar annwali tagħhom u b'mod separat għal kull pajjiż speċifiku fir-rigward ta' kull territorju fejn joperaw, jippubblikaw l-ismijiet tas-sussidjarji kollha u l-prestazzjoni finanzjarja rispettiva tagħhom, l-informazzjoni fiskali rilevanti, l-assi u n-numru ta' impjegati, u biex jiżguraw li din l-informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, waqt li jimminimizzaw il-piżijiet amministrattivi billi jeskludu l-mikroimpriżi; jappella lill-Kummissjoni biex tressaq proposta leġiżlattiva biex temenda b'dan il-mod lid-Direttiva dwar il-Kontabilità; ifakkar li t-trasparenza pubblika hija pass importanti biex is-sistema fiskali attwali tiġi rranġata u tiżdied il-fiduċja pubblika; jappella lill-OECD biex tirrakkomanda li l-mudell propost tagħha għal rapportar separat għal kull pajjiż speċifiku jiġi ppubblikat mill-korporazzjonijiet multinazzjonali kollha, sabiex jiġi żgurat li l-awtoritajiet tat-taxxa kollha fil-pajjiżi kollha jkun jista' jkollhom aċċess għal informazzjoni eżawrjenti, li tippermettilhom jivvalutaw ir-riskji tal-ipprezzar tat-trasferimenti u jidderminaw l-aktar mod effikaċi biex jużaw ir-riżorsi ta' awditjar; jissottlinja li l-eżenzjonijiet u l-vantaġġi fiskali mogħtija lill-investituri barranin permezz ta' trattati fiskali bilaterali jipprovdu lill-korporazzjonijiet multinazzjonali b'vantaġġ kompetittiv inġust fir-rigward tad-ditti domestiċi, speċjalment l-impriżi żgħar u ta' daqs medju;

8.  Jappella biex jiġu riveduti l-kundizzjonijiet u r-regolamenti fiskali li joperaw taħthom l-industriji estrattivi; jappella lill-UE biex iżżid l-assistenza tagħha lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw b'appoġġ għall-objettiv li l-estrazzjoni tar-riżorsi naturali tiġi intaxxata b'mod adegwat, biex b'hekk tissaħħaħ il-pożizzjoni tal-gvernijiet ospitanti fin-negozjati biex jiksbu redditu aħjar mill-bażi tagħhom ta' riżorsi naturali, u tiġi stimolata d-diversifikazzjoni tal-ekonomija tagħhom; jappoġġa l-Inizjattiva għat-Trasparenza tal-Industriji Estrattivi (EITI) u l-estensjoni tagħha għad-ditti produtturi u l-kumpaniji li jinnegozjaw fi prodotti komoditarji;

9.  Jilqa' l-adozzjoni ta' mekkaniżmu ta' Skambju Awtomatiku ta' Informazzjoni, għodda fundamentali għat-titjib tat-trasparenza u l-kooperazzjoni fuq livell globali fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa; jirrikonoxxi, madankollu, li hemm bżonn jitkompla l-appoġġ f'termini ta' finanzi, għarfien espert tekniku u ħin biex il-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jibnu l-kapaċità meħtieġa biex jibagħtu u jipproċessaw l-informazzjoni; jisħaq, għaldaqstant, fuq l-importanza li jiġi żgurat li l-Istandard Globali tal-OECD dwar l-Iskambju Awtomatiku ta' Informazzjoni jkun jinkludi perjodu ta' tranżizzjoni għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, peress li jirrikonoxxi li, jekk dan l-istandard isir reċiproku, dawk il-pajjiżi li ma jkollhomx ir-riżorsi u l-kapaċità li jwaqqfu l-infrastruttura meħtieġa għall-ġbir, il-ġestjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni rikjesta jistgħu effettivament jiġu esklużi; jikkunsidra barra minn hekk li għandu jiġi previst standard uniku dwar il-konfidenzjalità;

10.  Jappella biex, sal-aħħar tal-2015, jiġu stabbiliti definizzjoni maqbula fil-livell internazzjonali tar-rifuġji fiskali, pieni għall-operaturi li jagħmlu użu minnhom u lista sewda tal-pajjiżi, inklużi dawk fl-UE, li ma jiġġieldux l-evażjoni tat-taxxa jew li jaċċettawha jappella lill-UE biex tappoġġa r-rikonverżjoni ekonomika ta' dawk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jservu ta' rifuġji fiskali; jitlob lil dawk l-Istati Membri b'dipendenzi u territorji li mhumiex parti mill-Unjoni biex jaħdmu mal-amministrazzjonijiet ta' dawn iż-żoni favur l-adozzjoni tal-prinċipji tat-trasparenza fiskali u biex jiżguraw li l-ebda wieħed minnhom ma jservi ta' rifuġju fiskali;

11.  Jappella lill-Unjoni Ewropea u lill-Istati Membri tagħha biex jiżguraw li, meta jkunu qed jinnegozjaw trattati fiskali u trattati dwar l-investiment ma' pajjiżi li qed jiżviluppaw, id-dħul jew il-profitti li jirriżultaw minn attivitajiet transkonfinali jiġu intaxxati fil-pajjiż ta' oriġini fejn jiġi estratt jew jinħoloq il-valur; jisħaq, f'dan ir-rigward, fuq il-fatt li l-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tan-NU jiżgura tqassim ġust tad-drittijiet ta' tassazzjoni bejn il-pajjiżi ta' oriġini u l-pajjiżi ta' residenza; jisħaq fuq il-fatt li meta jkunu qed jinnegozjaw trattati fiskali, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha għandhom jikkonformaw mal-prinċipju tal-koerenza fil-politiki għall-iżvilupp stabbilita fl-Artikolu 208 TFUE;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri kollha biex, skont l-eżempju ta' xi Stati Membri, iwettqu valutazzjonijiet tal-impatt tal-politiki fiskali Ewropej fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jikkondividu "l-aħjar prattiki", b'mod li jsaħħu l-koerenza fil-politiki għall-iżvilupp u jtejbu l-prattiki attwali, u biex iqisu aħjar ir-riperkussjonijiet negattivi fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw u l-ħtiġijiet speċjali ta' dawk il-pajjiżi; jilqa', f'dan il-kuntest, il-Pjan ta' Azzjoni rivedut tal-Kummissjoni dwar l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, li għandu jiġi ppreżentat fl-2015, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jilħqu qbil malajr rigward Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva;

13.  Jappoġġa b'mod qawwi l-firxa ta' inizjattivi internazzjonali eżistenti favur riforma tas-sistema globali, inkluża l-inizjattiva tal-OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi u Trasferiment tal-Profitt (BEPS), iffokati fuq iż-żieda fil-parteċipazzjoni min-naħa tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-istrutturi u l-proċeduri tal-kooperazzjoni internazzjonali fil-qasam tat-taxxa; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-kumitat tan-NU dwar it-tassazzjoni jiġi trasformat f'korp intergovernattiv ġenwin mgħammar aħjar u b'biżżejjed riżorsi addizzjonali, fi ħdan il-qafas tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali tan-NU, b'mod li jiġi żgurat li l-pajjiżi kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw f'kundizzjonijiet ta' parità fil-formulazzjoni u r-riforma globali tal-politiki globali fil-qasam tat-taxxa; jisħaq fuq il-fatt li għandhom jiġu kkunsidrati sanzjonijiet kemm għall-ġurisdizzjonijiet mhux koperattivi u kemm għall-istituzzjonijiet finanzjarji li joperaw fi ħdan rifuġji fiskali;

14.  Jisħaq fuq il-fatt li livelli ta' finanzi pubbliċi suffiċjenti jistgħu jikkontribwixxu għall-ibbilanċjar mill-ġdid tal-inugwaljanza bejn il-ġeneri u jipprovdu mezz ta' appoġġ għat-tfal u l-gruppi vulnerabbli fis-soċjetà b'modijiet aħjar, u jirrikonoxxi li, waqt li l-evażjoni tat-taxxa jkollha impatt fuq il-benessri tal-individwi, tikkawża ħsara b'mod speċjali lill-familji fqar u bi dħul aktar baxx, li f'ħafna minnhom hemm rappreżentanza sproporzjonata ta' nisa;

15.  Jikkonstata bi tħassib li ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw isibu rwieħhom f'pożizzjoni dgħajfa ħafna meta jiġu biex jinnegozjaw ma' xi investituri diretti barranin; hu tal-fehma li għandu jiġi rikjest li l-kumpaniji jieħdu impenji preċiżi f'termini tar-riperkussjonijiet pożittivi li jista' jkollhom l-investimenti tagħhom fuq l-iżvilupp soċjoekonomiku lokali u/jew nazzjonali tal-pajjiż ospitanti; jappella lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, kif ukoll lill-gvernijiet sħab, biex jiżguraw li l-inċentivi fiskali ma jikkostitwixxux alternattivi addizzjonali li jwasslu għall-evitar tat-taxxa; jissottlinja li l-inċentivi għandhom isiru aktar trasparenti u, idealment, jiġu orjentati lejn il-promozzjoni tal-investiment fl-iżvilupp sostenibbli;

16.  Jappella lill-BEI u lill-BERŻ, kif ukoll lill-istituzzjonijiet tal-Istati Membri fil-qasam tal-finanzjament għall-iżvilupp, biex jissorveljaw u jiżguraw li l-kumpaniji jew entitajiet ġuridiċi oħra li jirċievu appoġġ ma jipparteċipawx f'evażjoni u evitar tat-taxxa billi jinteraġixxu ma' intermedjarji finanzjarji stabbiliti f'ċentri offshore u f'rifuġji fiskali, jew billi jiffaċilitaw il-flussi ta' kapital illeċiti, u biex iqawwu l-politiki tagħhom dwar it-trasparenza billi, pereżempju, iqiegħdu r-rapporti u l-investigazzjonijiet kollha tagħhom għad-dispożizzjoni tal-pubbliku; jappella lill-BEI biex japplika l-prinċipju ta' "diliġenza dovuta", billi jirrikjedi li r-rapportar isir b'mod separat għal kull pajjiż speċifiku, jintraċċa l-każi ta' sjieda benefiċjarja u jikkontrolla l-ipprezzar tat-trasferimenti b'mod li jiżgura t-trasparenza tal-investimenti u jipprevjeni l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa;

o
o   o

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) http://www.un.org/esa/ffd/tax/
(2) http://www.un.org/esa/ffd/tax/unmodel.htm
(3) ĠU L 309, 25.11.2005, p. 15.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0205.
(5) ĠU C 199E, 7.7.2012, p. 37.
(6) ĠU C 341E, 16.12.2010, p. 29.
(7) Testi adottati, P7_TA(2013)0394.
(8) Testi adottati, P7_TA(2014)0163.
(9) Testi adottati, P8_TA(2014)0059.
(10) Testi adottati, P7_TA(2014)0251.
(11) "Kwistjonijiet ta' evalwazzjoni fil-finanzjament għall-iżvilupp: analiżi tal-effetti tal-politika tan-Netherlands dwar it-taxxa korporattiva fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw", studju kkummissjonat mid-Dipartiment għall-Evalwazzjoni tal-Politika u l-Operazzjonijiet (IOB) tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tan-Netherlands, Novembru 2013

Avviż legali