Indiċi 
Testi adottati
L-Erbgħa, 9 ta' Settembru 2015 - StrasburguVerżjoni finali
Denominazzjoni ta'delegazzjoni interparlamentari
 Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd mal-Guinea-Bissau: l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja (approvazzjoni) ***
 Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd mal-Ginea Bissaw: opportunitajiet ta' sajd u kontribuzzjoni finanzjarja (riżoluzzjoni)
 Ftehim ta' sħubija dwar is-sajd mal-Kap Verde: l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja (approvazzjoni) ***
 Ftehim ta' sħubija dwar is-sajd mal-Kap Verde: l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja (riżoluzzjoni)
 Ftehim ta' sħubija dwar is-sajd mal-Madagaskar: l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja ***
 Protokoll li Jemenda l-Ftehim ta' Marrakexx li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (approvazzjoni) ***
 Protokoll li jemenda l-Ftehim ta' Marrakexx li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (il-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ) (riżoluzzjoni)
 Awtorizzazzjoni għal-Awstrija, l-Belġju u l-Polonja biex tirratifika, jew biex taderixxi mal-Konvenzjoni dwar il-Kuntratt tat-Trasport ta' Merkanzija permezz ta' Passaġġi fuq l-Ilma Interni (CMNI) ***
 Miżuri provviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja *
 Dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE
 Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni
 Valutazzjoni tas-Sena Ewropea 2012 għat-Tixjiħ Attiv u Solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet
 Implimentazzjoni tal-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport
 Karrieri tan-nisa fl-ambitu xjentifiku u akkademiku
 Emanċipazzjoni tal-bniet permezz tal-edukazzjoni fl-UE
 ŻEE-Svizzera: Ostakli fir-rigward tal-implimentazzjoni sħiħa tas-suq intern

Denominazzjoni ta'delegazzjoni interparlamentari
PDF 233kWORD 62k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2015 dwar id-denominazzjoni ta' delegazzjoni interparlamentari (2015/2842(RSO))
P8_TA(2015)0297

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Konferenza tal-Presidenti,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2014 dwar l-għadd ta' delegazzjonijiet interparlamentari, delegazzjonijiet għal kumitati parlamentari konġunti u delegazzjonijiet għal kumitati parlamentari ta' koperazzjoni u għal assemblej parlamentari multilaterali(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 212 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

1.  Jiddeċiedi li d-delegazzjoni tiegħu għar-relazzjonijiet mal-Kunsill Leġislattiv Palestinjan għandu jinbidillu ismu għal "Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-Palestina";

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, għal skopijiet ta' tagħrif.

(1) Testi adottati ta' dik id-data, P7_TA(2014)0217.


Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd mal-Guinea-Bissau: l-opportunitajiet ta' sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja (approvazzjoni) ***
PDF 253kWORD 63k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll miftiehem bejn l-UE u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau li jistabbilixxi l-opportunitajiet ta’ sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd fis-seħħ bejn iż-żewġ partijiet (11667/2012 – C8-0278/2014 – 2012/0134(NLE))
P8_TA(2015)0298A8-0233/2015

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (11667/2012),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Guinea-Bissau (11671/2012),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt a), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0278/2014),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015(1) dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għall-Baġits (A8-0233/2015),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u l-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Guinea-Bissau.

(1) Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2015)0299.


Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd mal-Ginea Bissaw: opportunitajiet ta' sajd u kontribuzzjoni finanzjarja (riżoluzzjoni)
PDF 279kWORD 87k
Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll miftiehem bejn l-UE u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn iż-żewġ partijiet (11667/2012 – C8-0278/2014 – 2012/0134(NLE)2015/2119(INI))
P8_TA(2015)0299A8-0236/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (11667/2012),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw (11671/2012),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0278/2014),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-Rapport 2011 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' evalwazzjoni ex post tal-Protokoll ta' Implimentazzjoni tal-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw (Ftehim qafas FISH/2006/20, konvenzjoni speċifika nru 72, Settembru 2010),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015(2) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99, il-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0236/2015),

A.  billi l-objettiv ġenerali tal-protokoll huwa li jsaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Ginea Bissaw fil-qasam tas-sajd fl-interess taż-żewġ partijiet, bis-saħħa tal-istabbiliment ta' qafas ta' sħubija li jippermetti l-iżvilupp ta' politika tas-sajd sostenibbli kif ukoll l-isfruttament responsabbli u sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żoni ekonomiċi esklużivi tal-Ginea Bissaw, filwaqt li jippermetti li tinkiseb parti mill-istokkijiet żejda disponibbli li tikkorrispondi mal-interessi tal-flotot tal-Unjoni;

B.  billi l-Unjoni Ewropea għandha tagħmel kulma tista' biex il-ftehimiet tas-sajd sostenibbli konklużi ma' pajjiżi terzi jkunu ta' benefiċċju reċiproku għall-Unjoni u għall-partijiet terzi kkonċernati, inklużi l-popolazzjonijiet lokali tagħhom u l-industrija tas-sajd tagħhom;

C.  billi l-ewwel ftehim dwar is-sajd bejn il-KEE u l-Ginea Bissaw intlaħaq fl-1980 u billi, wara l-konklużjoni tal-ftehim, u sal-15 ta' Ġunju 2012, il-flotot tal-Istati Membri tal-KEE/l-Unjoni kellhom aċċess għas-sajd fl-ibħra ta' dawn il-pajjiżi permezz ta' bosta protokolli ta' implimentazzjoni tal-ftehim li daħlu fis-seħħ suċċessivament;

D.  billi l-opportunitajiet tas-sajd allokati lill-flotot tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-protokoll ikkonċernat huma dawn li ġejjin: 3 700 TGR (tunnellaġġ gross reġistrat) għall-bastimenti bi friża għas-sajd bit-tkarkir (gambli) u 3 500 TGR għall-bastimenti bi friża għas-sajd bit-tkarkir (ħut bil-pinen u ċefalopodi), 28 bastiment bi friża għas-sajd tat-tonn bit-tartarun u bil-konz u 12-il bastiment għas-sajd tat-tonn bix-xlief u l-bastun; billi l-Ftehim dwar is-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ginea Bissaw huwa wieħed ta' importanza kbira peress li huwa wieħed mill-ftit ftehimiet dwar is-sajd tal-UE li jippermetti l-aċċess għas-sajd imħallat;

E.  billi l-ammonti trasferiti lill-Ginea Bissaw fil-kuntest ta' dan il-Ftehim, jiġifieri bħala kumpens għall-aċċess għar-riżorsi, jikkostitwixxu parti importanti tal-baġit tal-pajjiż; billi, barra minn hekk, fl-imgħoddi t-trasferimenti li saru fil-kuntest tal-kooperazzjoni settorjali ġew sospiżi minħabba ċerti diffikultajiet fl-assorbiment tal-għajnuna min-naħa tar-Repubblika tal-Ginea Bissaw;

F.  billi jeżistu nuqqasijiet fil-Ginea Bissaw fir-rigward tal-iżvilupp soċjoekonomiku b’mod ġenerali u b’mod partikolari fis-settur tas-sajd, f’ambiti sinifikattivi bħat-taħriġ tal-professjonisti, l-appoġġ settorjali jew ir-rikonoxximent tar-rwol tal-mara fis-settur, fost l-oħrajn;

G.  billi jidher ċar li r-riżultati miksuba s'issa fil-qasam tal-kooperazzjoni settorjali b'mod ġenerali ma kinux sodisfaċenti; billi, minkejja dan, ġie rreġistrat progress fil-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tas-sajd, il-kapaċità tal-ispezzjoni sanitarja u l-parteċipazzjoni tal-Ginea Bissaw mal-entitajiet reġjonali tas-sajd; billi għad hemm lok għal titjib bil-għan li jiġi żgurat li l-ftehim ikun aktar effikaċi fil-promozzjoni tat-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont fil-kooperazzjoni settorjali u biex jitrawwem l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd tal-Ginea Bissaw, kif ukoll tal-industriji u l-attivitajiet marbuta miegħu, b'tali mod li jiġi żgurat li proporzjon akbar tal-valur miżjud, li jirriżulta mill-isfruttament tar-riżorsi naturali tal-pajjiż, jibqa' fil-Ginea Bissaw stess;

H.  billi s-sidien tal-bastimenti industrijali li jittrażbordaw jew iħottu l-art il-qabdiet tagħhom 'il barra minn pajjiżhom (b'mod partikolari f'Dakar u l-Gżejjer Kanarji) b'dan il-mod inaqqsu l-benefiċċji ekonomiċi tas-sajd industrijali jew jillimitawhom għall-ħolqien ta' xi postijiet tax-xogħol (148 membru tal-ekwipaġġ lokali, fil-kuntest tal-protokoll preċedenti); billi, fl-2010, kien jeżisti biss stabbiliment operazzjonali wieħed għat-trattament tal-ħut fil-pajjiż;

I.  billi, minkejja l-ftit progress li ġie osservat reċentement f'dan il-qasam, in-nuqqas ta' rispett lejn l-istandards tal-iġjene imposti mill-Unjoni kkontribwixxa sabiex ixekkel il-kummerċ tal-prodotti tas-sajd mal-Unjoni;

J.  billi s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU) fl-ibħra tar-Repubblika tal-Ginea Bissaw jikkostitwixxi problema li ilha teżisti żmien twil; billi fl-2008 u l-2009, l-awtoritajiet nazzjonali identifikaw 58 bastiment li kienu qed jikkommettu reat, li 11 minhom kienu qed jistadu mingħajr liċenzja u seba f'żoni projbiti; billi, minkejja l-progress li sar u l-mezzi użati min-naħa tal-Ginea Bissaw għas-sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd, b'mod partikolari l-organizzazzjonijet osservaturi u l-bastimenti rapidi tal-pattulja, għadhom jeżistu l-lakuni fis-sistema ta' sorveljanza u kontroll tas-sajd fl-ibħra territorjali tal-Ginea Bissaw;

K.  billi n-nuqqas ta' għarfien, kemm fir-rigward tal-konsegwenzi ta' dan il-Ftehim fuq l-ekosistema tal-baħar kif ukoll fir-rigward tal-garanzija li l-aċċess ikun limitat għall-istokkijiet żejda li ma jistgħux jinqabdu mill-flotot lokali, u minħabba l-problemi marbuta mal-assenza ta' data bijoloġika aġġornata (b'mod partikolari wara t-tluq tal-flotot tal-UE mill-Ginea Bissaw fl-2012) għandhom jitqiesu bħala fatturi li jqajmu tħassib u jeħtieġ li jiġu riżolti mill-aktar fis possibbli;

L.  billi l-Parlament għandu jiġi infurmat immedjatament u dwar kollox, fl-istadji kollha, dwar il-proċeduri relatati mal-Protokoll jew mat-tiġdid tiegħu.

1.  Iqis li dan il-Ftehim huwa importanti ferm, kemm għall-Ginea Bissaw kif ukoll għall-flotot Ewropej li joperaw fl-ibħra ta' dan il-pajjiż. jemmen, għaldaqstant, li sal-lum ir-riżultati miksuba mhumiex biżżejjed f'dan il-qasam tal-kooperazzjoni settorjali, u jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tieħu l-miżuri meħtieġa – billi toħloq mekkaniżmi għal aktar trasparenza, responsabilità u parteċipazzjoni min-naħa tal-benefiċjarji b'mod partikolari l-komunitajiet tas-sajd artiġjanali fuq skala żgħira, u jekk ikun meħtieġ, tirrevedi u ssaħħaħ il-parti tal-Ftehim relatata mal-appoġġ settorjali, kif ukoll l-introduzzjoni ta' kundizzjonijiet ġodda aktar effikaċi biex tiżdied ir-rata ta' assorbiment tal-għajnuna – sabiex jiġi żgurat li titreġġa' lura x-xejra li ġiet osservata f'dawn l-aħħar deċennji;

2.  Ifakkar li l-Ftehim għandu jippromwovi żvilupp aktar effikaċi u sostenibbli tas-settur tas-sajd fil-Ginea Bissaw, kif ukoll għall-industriji u l-attivitajiet relatati, b´mod partikolari s-sajd fuq skala żgħira li jikkontribwixxi ħafna għas-sigurtà tal-ikel u tal-għajxien lokali, billi jżid il-valur miżjud li jibqa' fil-pajjiż minħabba l-isfruttament tar-riżorsi naturali tiegħu; jinnota l-iżviluppi pożittivi osservati f'dawn l-aħħar snin, iżda jqis li jeħtieġ li jsiru sforzi kontinwi fuq perjodu ta' żmien twil bil-għan li jinkisbu riżultati sinifikanti; jagħti bħala eżempji xi oqsma li għandhom jiġu appoġġati, speċjalment permezz ta' assistenza teknika: it-tisħiħ tal-kapaċitajiet istituzzjonali, it-taħriġ tal-professjonisti tas-sajd, is-sħubijiet mas-sajd artiġjanali ta’ skala żgħira, kif ukoll l-attenzjoni prijoritarja għall-politiki b'rabta mal-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa, b'mod partikolari r-rikonoxximent u l-għoti ta' importanza lir-rwol tan-nisa (fid-distribuzzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni tal-ħut, il-konservazzjoni, l-ipproċessar tal-ewwel stadju, eċċ.);

3.  Iqis li għandhom jiġu sfruttati b'mod sħiħ il-possibbiltajiet ta' impjiegi għall-baħħara lokali abbord il-bastimenti tal-UE kif previst fil-Protokoll;

4.  Iqis li għandhom jissaħħu l-miżuri għall-prevenzjoni ta' sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat fiż-żona ekonomika esklużiva tal-Ginea Bissau, fosthom permezz tat-titjib fil-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza permezz ta' użu estensiv tas-sistema ta' monitoraġġ tal-bastimenti bis-satellita, ġurnali ta' abbord, spetturi u l-implimentazzjoni ta' deċiżjonijiet minn organizzazzjonijiet reġjonali tas-sajd;

5.  Jesprimi l-ħtieġa li jkun hemm artikolazzjoni aħjar bejn l-appoġġ settorjali previst taħt il-Ftehim dwar is-Sajd u l-istrumenti disponibbli fil-qafas tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, b'mod partikolari l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ);

6.  Jistieden lill-Kummissjoni, minkejja l-isforzi li saru, biex tibqa' tappoġġa lill-awtoritajiet tal-Ginea Bissaw fit-tisħiħ tas-sistema ta' sorveljanza u kontroll tas-sajd fl-ibħra territorjali tal-Ginea Bissaw, bil-għan li jissaħħu l-miżuri għall-ġlieda kontra s-sajd IUU;

7.  Jenfasizza li dan il-Ftehim jinkludi klawżola ta' nondiskriminazzjoni; jinnota b'sodisfazzjon li l-kontenut ta' ftehimiet tas-sajd konklużi mill-Ginea Bissaw ma' pajjiżi terzi ġie ppubblikat fl-ambitu tan-negozjati u jistgħu jiġu kkonsultati; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi l-andament ta' dawn il-ftehimiet u l-attivitajiet ta' sajd fl-ibħra tal-Ginea Bissaw;

8.  Huwa tal-fehma li jeħtieġ li jittejbu l-kwantità u l-affidabilità tal-informazzjoni dwar il-qabdiet kollha (il-qabdiet fil-mira kif ukoll dawk inċidentali) u b'mod ġenerali, dwar l-istat ta' konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd, bil-għan li jitkejjel aħjar l-impatt tal-Ftehim fuq l-ekosistema tal-baħar u l-komunitajiet tas-sajd; u jemmen li jeħtieġ li jiġi appoġġat l-iżvilupp tal-kapaċitajiet proprji għall-kisba ta' din l-informazzjoni min-naħa tal-Ginea Bissaw; Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura r-regolarità u t-trasparenza tal-monitoraġġ min-naħa tal-entitajiet inkarigati mis-sorveljanza tal-implimentazzjoni tal-Ftehim, b'mod partikolari l-Kumitat Xjentifiku Konġunt;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni tibgħat lill-Parlament il-minuti u l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-kumitat konġunt previst fl-Artikolu 9 tal-Ftehim, il-programm settorjali pluriennali msemmi fl-Artikolu 3 tal-Protokoll il-ġdid, ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet annwali kif ukoll il-minuti u l-konklużjonijiet tal-laqgħat previsti fl-Artikolu 4 tal-Protokoll il-ġdid; jitlob ukoll lill-Kummissjoni tiffaċilita l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-Parlament, bħala osservaturi, fil-laqgħat tal-kumitat konġunt u tippromwovi l-parteċipazzjoni tal-komunitajiet tas-sajd tal-Ginea Bissaw; jitlob, finalment, lill-Parlament u lill-Kunsill, fl-aħħar sena tal-eżistenza tal-Protokoll il-ġdid u qabel ma jinfetħu n-negozjati għat-tiġdid tiegħu, rapport sħiħ dwar l-implimentazzjoni tiegħu, mingħajr restrizzjonijiet bla ħtieġa tal-aċċess għal dan id-dokument;

10.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tagħmel ħilitha biex tinkludi fil-programm settorjali pluriennali previst fl-Artikolu 3 tal-Protokoll l-objettivi li jwasslu għall-iżvilupp attwali tas-sajd lokali, b'mod partikolari tas-sajd artiġjanali u l-industrija tal-ipproċessar tal-ħut, inkluż permezz ta' aktar żbarki fil-Ginea Bissau, u attivitajiet ekonomiċi u sħubiji oħra fis-settur tas-sajd;

11.  Iqis li l-Kumitat Konġunt previst fil-Ftehim ta' Sħubija għandu jiżgura li, minħabba l-problema ta' korruzzjoni, is-solidità tal-mekkaniżmi kollha previsti minn dan il-Protokoll hija indiskutibbli;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, filwaqt li jaġixxu fil-limiti tas-setgħat rispettivi tagħhom, jgħarrfu lill-Parlament immedjatament u dwar kollox, fl-istadji kollha, dwar il-proċeduri relatati mal-protokoll il-ġdid u t-tiġdid tiegħu, skont it-termini tal-Artikolu 13, il-paragrafu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 218, il-paragrafu 10 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

13.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u l-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika ta' Ginea Bissaw.

(1) ĠU C 72 E, 11.3.2014, p. 21.
(2) Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2015)0298.


Ftehim ta' sħubija dwar is-sajd mal-Kap Verde: l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja (approvazzjoni) ***
PDF 330kWORD 63k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn l-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde (15848/2014 – C8-0003/2015 – 2014/0329(NLE))
P8_TA(2015)0300A8-0201/2015

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta ' deċiżjoni tal-Kunsill (15848/2014),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde (15849/2014),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni mressqa mill-Kunsill b'konformità mal-Artikolu 43, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0003/2015),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015(1) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2), u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għall-Baġits (A8-0201/2015),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Kap Verde.

(1) Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2015)0301.


Ftehim ta' sħubija dwar is-sajd mal-Kap Verde: l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja (riżoluzzjoni)
PDF 264kWORD 75k
Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn l-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde (15848/2014 – C8-0003/2015 – 2014/0329(NLE)2015/2100(INI))
P8_TA(2015)0301A8-0200/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (15848/2014),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde (15849/2014),

–  wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni mressqa mill-Kunsill b'konformità mal-Artikolu 43, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) u l-Artikolu 218(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0003/2015),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/948/UE tal-15 ta' Diċembru 2014 dwar l-iffirmar, f'isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015(2) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni,

–  wara li kkunsidra l-evalwazzjoni u l-analiżi tal-Protokoll preċedenti,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8–0200/2015),

A.  billi l-għan ġenerali tal-Protokoll huwa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde sabiex jinħoloq qafas ta' sħubija li fi ħdanu tiżviluppa politika tas-sajd sostenibbli u sfruttar responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tar-Repubblika tal-Kap Verde, fl-interess taż-żewġ partijiet;

B.  billi fil-Protokoll, il-partijiet ftiehmu li jimplimentaw mekkaniżmu ta' sorveljar strett sabiex jiżguraw sfruttament sostenibbli tar-riżorsa; billi dan il-mekkaniżmu għandu, b'mod partikolari, ikun ibbażat fuq l-iskambju trimestrali ta' data dwar qabdiet ta' klieb il-baħar;

C.  billi ż-żewġ partijiet impenjaw ruħhom li jirrispettaw b'mod sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet kollha li saru mill-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT);

D.  billi kemm tal-ICCAT kif ukoll il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) iddeskrivew l-ispeċijiet ta' kelb il-baħar bħala stokk b'saħħtu, kif ikkonfermat mill-laqgħa xjentifika taż-żewġ partijiet għal dan il-Protokoll;

E.  billi l-mekkaniżmu l-ġdid ta' monitorjar marbut ma' limiti ta' 30 % u ta' 40 % ta' qabdiet ta' klieb il-baħar li jiskattaw miżuri addizzjonali huwa, b'mod partikolari, pass fid-direzzjoni t-tajba;

F.  billi qed tittardja l-implimentazzjoni tal-appoġġ settorjali; billi l-livell ta' kisba tal-objettivi huwa sodisfaċenti, minkejja li huwa wkoll diffiċli tiddetermina l-impatt ta' appoġġ settorjali Ewropew meta mqabbel ma' azzjonijiet oħra mwettqa fil-kuntest ta' programmi ta' appoġġ mibdija minn sħab oħra għall-iżvilupp;

G.  billi huwa meħtieġ li jiġi stabbilit qafas ta' intervent loġiku biex jiggwida u jistandardizza aħjar il-valutazzjonijiet ta' protokoll; billi dan għandu jitwettaq b'mod partikolari fejn jirrigwarda l-appoġġ settorjali;

1.  Jilqa' dan il-protokoll il-ġdid dwar is-sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Kap Verde, adottata skont miżuri ta' sostenibilità tal-politika komuni tas-sajd il-ġdida (PKS), kemm mill-perspecttiva ambjentali kif ukoll dik soċjoekonomika;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tgħaddi lill-Parlament il-minuti u l-konklużjonijiet tal-laqgħat tal-Kumitat Konġunt previst fl-Artikolu 9 tal-Ftehim ta' Sħubija fis-settur tas-Sajd, kif ukoll il-programm settorjali pluriennali previst fl-Artikolu 3 tal-protokoll il-ġdid;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq quddiem il-Parlament u lill-Kunsill, fi żmien l-aħħar sena tal-applikazzjoni tal-protokoll u qabel il-bidu tan-negozjati għat-tiġdid tiegħu, rapport sħiħ dwar l-implimentazzjoni tiegħu;

4.  Jenfasizza t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda sinifikanti fil-qbid ta' xi speċijiet ta' kelb il-baħar matul l-aħħar snin tal-Protokoll preċedenti; Jistieden lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Parlament dwar l-azzjonijiet meħuda mill-Kumitat Konġunt bi tweġiba għal studju ibbażat fuq ix-xjenza biex jitwettaq kif deskritt fl- Artikolu 4, paragrafu 6 tal-Anness tal-Protokoll, sabiex ikun hemm garanziji li dan is-sajd jiġi sfruttat b'mod sostenibbli u responsabbli; jenfasizza li l-Parlament għandu jkun infurmat dwar id-data miksuba fir-rigward tal-istokkijiet tal-klieb il-baħar;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, filwaqt li jaġixxu fil-limiti tas-setgħat rispettivi tagħhom, jgħarrfu lill-Parlament immedjatament u dwar kollox fl-istadji kollha tal-proċeduri relatati mal-protokoll u t-tiġdid tiegħu, skont it-termini tal-Artikolu 13(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 218(10) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

6.  Jitlob li l-Kummissjoni tivvaluta jekk bastimenti li joperaw taħt id-dispożizzjonijiet ta' dan il-protokoll ikunux issodisfaw ir-rekwiżiti ta' rapportar rilevanti;

7.  Jitlob lill-Kummissjoni biex tikkomunika kull sena mal-Parlament dwar il-ftehimiet internazzjonali addizzjonali tal-Kap Verde sabiex il-Parlament ikun jista' jissorvelja l-attivitajiet kollha tas-sajd fir-reġjun inklużi dawk li jistgħu jkunu kontra l-politika Ewropea tas-sajd, pereżempju t-tneħħija tax-xewka tal-klieb il-baħar;

8.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Kap Verde.

(1) ĠU L 369, 24.12.2014, p. 1.
(2) Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2015)0300.


Ftehim ta' sħubija dwar is-sajd mal-Madagaskar: l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja ***
PDF 252kWORD 63k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-abbozz għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, ta’ Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn ir-Repubblika tal-Madagaskar u l-Komunità Ewropea (15225/2014 – C8-0002/2015 – 2014/0319(NLE))
P8_TA(2015)0302A8-0196/2015

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill (15225/2014),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Protokoll ġdid li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn ir-Repubblika tal-Madagaskar u l-Komunità Ewropea (15226/2014),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni mressqa mill-Kunsill b'konformità mal-Artikolu 43, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) u l-Artikolu 218(7), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0002/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għall-Baġits (A8-0196/2015),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika tal-Madagaskar.


Protokoll li Jemenda l-Ftehim ta' Marrakexx li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (approvazzjoni) ***
PDF 251kWORD 62k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim ta' Marrakexx li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (06040/2015 – C8-0077/2015 – 2015/0029(NLE))
P8_TA(2015)0303A8-0237/2015

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (06040/2015),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim ta’ Marrakexx li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (06041/2015),

–  wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni mressqa mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) (v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0077/2015),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015(1) dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0237/2015),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

(1) Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2015)0304.


Protokoll li jemenda l-Ftehim ta' Marrakexx li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (il-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ) (riżoluzzjoni)
PDF 281kWORD 90k
Riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2015 li fih mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li Jemenda l-Ftehim ta' Marrakexx li Jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (06040/2015 – C8-0077/2015 – 2015/0029(NLE)2015/2067(INI))
P8_TA(2015)0304A8-0238/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (06040/2015),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 207(4) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, il-punt (a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0077/2015),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Novembru 2013 dwar is-sitwazzjoni attwali tal-aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp (DDA) u l-preparamenti għad-Disa’ Konferenza Ministerjali tad-WTO(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlament Konġunta AKP-UE dwar l-integrazzjoni reġjonali u l-modernizzazzjoni tad-dwana għal żvilupp sostenibbli fil-pajjiżi AKP, b’kooperazzjoni mal-UE(2),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “Sħubija Globali għall-Qerda tal-Faqar u l-Iżvilupp Sostenibbli wara l-2015”(3),

–  wara li kkunsidra r-riżultati tad-Disa’ Konferenza Ministerjali tad-WTO fl-Indoneżja f’Diċembru 2013 u l-ftehim li kien intlaħaq dwar il-faċilitazzjoni tal-kummerċ(4),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill Ġenerali tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO) tas-27 ta’ Novembru 2014(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-OECD ta’ Frar 2014, Il-Ftehim tad-WTO tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ – impatt potenzjali fuq l-ispejjeż tal-kummerċ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tad-9 ta' Settembru 2015(6) dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp (A8-0238/2015),

A.  billi l-faċilitazzjoni tal-kummerċ hija primarjament kwistjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, iżda ma hemm l-ebda dubju li f’ħafna oqsma l-kooperazzjoni multilaterali tista’ żżid il-qligħ u tnaqqas l-ispejjeż;

B.  billi żewġ terzi tal-membri tad-WTO jeħtiġilhom jirratifikaw il-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ (TFA/ftehim) qabel ma jkun jista’ jidħol fis-seħħ; billi f’dan ir-rigward jappella lill-membri kollha tad-WTO jiżguraw li l-ftehim ikun jista’ jidħol fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun u b’mod partikolari qabel l-Għaxar Konferenza Ministerjali tad-WTO (MC10) f’Nairobi f’Diċembru 2015;

C.  billi xi ekonomiji emerġenti kbar bħaċ-Ċina, il-Brażil u l-Indja mhumiex se jistaqsu għal għajnuna teknika; billi dan għandu jintlaqa’ tajjeb peress li juri li l-għajnuna disponibbli se tingħata lil dawk li l-aktar għandhom bżonnha;

D.  billi l-UE qed taħdem b’mod attiv biex tiżgura l-koerenza bejn il-politiki differenti tagħha (fl-oqsma tal-kummerċ, il-kooperazzjoni, l-għajnuna umanitarja, eċċ.); billi dawn il-politiki għandhom ikunu transsettorjali u jiġu vvalutati fuq il-bażi ta’ studji tal-impatt;

E.  billi l-UE hija impenjata li tippromwovi kummerċ ħieles, ġust u miftuħ li jkun bilanċjat u ta’ benefiċċju reċiproku għal kulħadd; billi d-WTO hija l-qafas naturali għat-tkomplija u l-affermazzjoni mill-ġdid ta’ dawn il-prinċipji;

F.  billi l-UE u l-Istati Membri tagħha huma l-akbar donaturi tal-għajnuna fid-dinja; billi l-assistenza finanzjarja għall-implimentazzjoni tal-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ hija miżura taħt l-inizjattiva “Għajnuna għall-Kummerċ” u m’għandu jkollha l-ebda impatt fuq il-proporzjon tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) għall-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA);

1.  Jilqa’ b’sodisfazzjon ir-riżultati tad-Disa’ Konferenza Ministerjali tad-WTO f’Diċembru 2013, fejn ġew konklużi negozjati mill-160 membru tad-WTO b’rabta mal-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ; iqis li l-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ huwa pass importanti, għaliex huwa l-ewwel ftehim multilaterali mindu twaqqfet id-WTO fl-1995, u se joħloq pjan għall-modernizzazzjoni tad-dwana fost il-161 membru tad-WTO;

2.  Jenfasizza li l-UE tibqa’ favur li d-deċiżjonijiet tal-Pakkett ta’ Bali jiġu implimentati bis-sħiħ u b’lealtà mill-membri kollha tad-WTO, li jkun jippermetti li tingħata attenzjoni lill-konklużjoni b’suċċess tan-negozjati taħt l-Aġenda ta’ Doha għall-Iżvilupp (DDA);

3.  Jirrikonoxxi l-benefiċċji li se ġġib magħha l-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw minħabba l-kontribut li se tagħti għal ambjent tan-negozju aktar favorevoli, b’mod partikolari għall-SMEs; jenfasizza, b’mod partikolari, li l-ftehim għandu jnaqqas l-inċertezza dwar il-kundizzjonijiet għad-dħul fis-suq u l-ispejjeż tal-kummerċ b’bejn 12.5 % u 17.5 % (skont estimi bħal dawk mill-OECD) jekk jiġi implimentati bis-sħiħ, biex b’hekk il-konsumaturi jkun jista' jkollhom aċċess għal firxa akbar u orħos ta’ prodotti u n-negozji jkun jista' jkollhom aċċess għal swieq ġodda u jtejbu l-kompetittività tagħhom billi jżidu l-effiċjenza u jnaqqsu l-burokrazija żejda u l-ispejjeż assoċjati;

4.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-ftehim, b’mod partikolari mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, se twassal għall-istandardizzazzjoni u s-semplifikazzjoni ta’ proċeduri relatati mal-kummerċ; jindika li l-ftehim jista’ jipprovdi opportunitajiet ġodda biex jiġi estiż l-użu ta’ teknoloġiji innovattivi u sistemi elettroniċi, inklużi sistemi ta’ ħlas elettroniku, portali nazzjonali tan-negozju u punti uniċi ta' servizz;

5.  Iħeġġeġ lill-membri kollha tad-WTO jippruvaw isibu soluzzjoni mingħajr dewmien biex jiġi implimentat il-Pakkett ta’ Bali fl-aspetti kollha tiegħu, inkluż it-tnaqqis ta’ sussidji li jfixklu l-kummerċ, u dan sabiex id-DDA tkun tista’ tiġi konkluża għall-Għaxar Konferenza Ministerjali tad-WTO;

6.  Jenfasizza l-importanza ta’ dan il-ftehim minn perspettiva ta’ żvilupp, b’kont meħud tal-fatt li japplika trattament speċjali u divrenzjat li fih il-pajjiżi l-anqas żviluppati u dawk li qed jiżviluppaw jistgħu jiddeċiedu meta se jiġu implimentati d-dispożizzjonijiet differenti u għal liema minnhom se tkun tinħtieġ għajnuna teknika;

7.  Jenfasizza li l-benefiċċji li se jirriżultaw mill-ftehim se jiddependu mil-livell ta’ implimentazzjoni tiegħu u meta se jiġi implimentat; jemmen li implimentazzjoni sħiħa u leali li tirrifletti l-prijoritajiet u t-tħassib tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-ambitu tad-DDA se tkun ta' benefiċċju kbir għall-firmatarji kollha;

8.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-ftehim jinkludi dispożizzjonijiet vinkolanti u linji gwida mhux vinkolanti; iħeġġeġ lill-membri kollha tad-WTO jagħmlu l-almu tagħhom biex jimplimentaw kemm id-dispożizzjonijiet obbligatorji u kemm il-linji gwida, bil-ħsieb li jbaxxu kemm jista' jkun l-ispejjeż tal-kummerċ;

9.  Jenfasizza li għadd ta’ rekwiżiti skont il-ftehim, partikolarment b’rabta mat-trasparenza u d-dħul u l-ħlas awtomatizzati tad-dazji, jistgħu jikkostitwixxu mezz qawwi biex tiġi affrontata l-korruzzjoni fil-fruntieri; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet doganali u jenfasizza li trasparenza akbar se twassal għal livell ogħla ta’ sigurtà u se sservi ta’ inċentiv b’saħħtu għall-intensifikazzjoni tal-kummerċ, minbarra li tiżgura kontrolli doganali aktar effettivi;

10.  Jappoġġja bis-sħiħ l-inizjattiva tal-UE li timmira li jkun hemm EUR 400 miljun f’finanzjament fuq medda ta’ ħames snin bħala appoġġ għar-riformi tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ u proġetti bħat-titjib tas-sistemi doganali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati; ifakkar li dan il-finanzjament, li fil-parti l-kbira se jiġi pprovdut permezz tal-allokazzjonijiet tal-Programmi Indikattivi Reġjonali għall-integrazzjoni ekonomika reġjonali, jagħmel parti mill-inizjattiva ferm usa’ tal-UE “Għajnuna għall-Kummerċ” (EUR 3.5 biljun f’għotjiet tal-UE fl-2013), u jitlob li l-Parlament Ewropew u l-Istati Membri jiġu pprovduti b’informazzjoni regolari f’dan ir-rigward;

11.  Jenfasizza madankollu li dan il-finanzjament għandu jkun ikkoordinat tajjeb ħafna ma’ finanzjament li ġej minn donaturi internazzjonali oħra bħall-UNCTAD, id-WTO u l-Bank Dinji; jenfasizza li d-duplikazzjoni u l-burokrazija eċċessiva għandhom jiġu evitati fir-rigward tal-pajjiżi li qed jagħmlu t-talba, u li dan jista’ jservi ta’ deterrent għal dawk li qed ifittxu assistenza;

12.  Jitlob ukoll kooperazzjoni mill-qrib ma’ organizzazzjonijiet speċjalizzati bħall-Organizzazzjoni Dinjija Doganali (WCO), li jistgħu jipprovdu għarfien espert prattiku u tekniku ta' valur fuq bażi ta’ każ b’każ li jiffaċilita l-iżvilupp u l-bini tal-kapaċità f’dan l-ambitu; jenfasizza li partikolarment il-pajjiżi l-anqas żviluppati jistgħu jisiltu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet kummerċjali maħluqa mill-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ;

13.  Jenfasizza r-rwol ewlieni li jista’ jkollhom id-delegazzjonijiet tal-UE madwar id-dinja, li jistgħu jaħdmu ma’ pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati fuq il-post, u jitlob li dawn id-delegazzjonijiet jiġu involuti bl-aktar mod possibbli fil-ħruġ ta’ għajnuna teknika;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-almu tagħha biex tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati fl-implimentazzjoni tal-impenji tagħhom, b’kont meħud tal-ħtieġa għall-flessibbiltà għall-implimentazzjoni tal-obbligi taħt il-ftehim; jisħaq fuq il-fatt li l-finanzjament għall-bini tal-kapaċità għandu jkun orjentat lejn il-benefiċjarji u bbażat fuq valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet proprji;

15.  Jirrakkomanda li l-organizzazzjonijiet internazzjonali u s-sħab tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati jikkollaboraw mill-qrib fl-implimentazzjoni ta’ dispożizzjonijiet ta’ kategorija C sabiex jimplimentawhom fl-iqsar żmien possibbli;

16.  Jirrikonoxxi d-distakk estensiv li għad fadal bejn il-proċeduri fil-fruntieri tal-pajjiżi żviluppati u tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li infrastruttura fqira, ġestjoni doganali ineffiċjenti, każijiet ta’ korruzzjoni u proċeduri burokratiċi eċċessivi jnaqqsu r-ritmu tal-kummerċ; jirrikonoxxi li l-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ u l-proċess ta' liberalizzazzjoni kummerċjali jikkondividu l-istess objettiv li jnaqqsu l-ispejjeż kummerċjali biex jistimolaw l-attività ekonomika;

17.  Ifakkar li għal ħafna pajjiżi li qed jiżviluppaw, il-faċilitazzjoni tal-kummerċ se tkun is-sors prinċipali ta' kisbiet fid-DDA; jilqa' d-dispożizzjonijiet estensivi rigward it-trattament speċjali u divrenzjat għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk l-anqas żviluppati; jissuġġerixxi li l-approċċ oriġinali li permezz tiegħu l-impenji u l-programmazzjoni tagħhom ikunu proporzjonati mal-kapaċitajiet tal-pajjiżi għandu jservi bħala punt ta' riferiment għall-ftehimiet fil-ġejjieni;

18.  Jirrikonoxxi li l-għarfien espert mis-settur privat jista' jiżvolġi rwol ċentrali fil-promozzjoni ta' miżuri għall-faċilitazzjoni tal-kummerċ u fil-forniment ta' assistenza u appoġġ għall-implimentazzjoni tal-ftehim fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jieħu nota ta' inizjattiva ppjanata mill-USAID għal alleanza pubblika-privata għal dan il-għan; jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ l-involviment tas-settur privat u tesplora l-possibilitajiet għal sħubijiet ma' industriji Ewropej b'appoġġ għall-implimentazzjoni tal-ftehim;

19.  Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni tar-riformi fil-qasam tal-faċilitazzjoni tal-kummerċ għandha benefiċċji aktar estensivi fir-rigward tal-iżvilupp; jinnota f'dan il-kuntest ir-rwol kruċjali li d-dwani jistgħu jiżvolġu biex jiffaċilitaw iċ-ċaqliq fil-pront ta' spedizzjonijiet ta' oġġetti għal għajnuna f'każ ta' diżastru; jisħaq fuq il-fatt li l-assistenza umanitarja f'emerġenza għandha tibbenefika minn proċeduri ta' approvazzjoni doganali semplifikati biex jitħaffef il-forniment ta' għajnuna u, barra minn hekk, għandha tkun eżentata minn dazji u taxxi;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżolużżjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0511.
(2) ĠU C 345, 2.10.2014, p. 28.
(3) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġuni tal-5 ta’ Frar 2015 (COM(2015)0044).
(4) Id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Bali (WT/MIN (13)/DEC); Id-Deċiżjoni Ministerjali ta’ Bali dwar il-Ftehim tal-Faċilitazzjoni tal-Kummerċ (WT/MIN (13)/36 jew WT/L/911 tal-11 ta’ Diċembru 2013). https://www.wto.org/english/thewto_e/minist_e/mc9_e/balipackage_e.htm
(5) Il-Protokoll li jemenda l-Ftehim ta’ Marrakexx li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ WT/L/940 tat-28 ta’ Novembru 2014.
(6) Testi adottati ta' dik id-data, P8_TA(2015)0303.


Awtorizzazzjoni għal-Awstrija, l-Belġju u l-Polonja biex tirratifika, jew biex taderixxi mal-Konvenzjoni dwar il-Kuntratt tat-Trasport ta' Merkanzija permezz ta' Passaġġi fuq l-Ilma Interni (CMNI) ***
PDF 249kWORD 64k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li jawtorizza lir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika tal-Polonja rispettivament biex jirratifikaw, u lir-Repubblika tal-Awstrija biex taderixxi mal-Konvenzjoni ta' Budapest dwar il-Kuntratt tat-Trasport ta' Merkanzija permezz ta' Passaġġi fuq l-Ilma Interni (CMNI) (08223/2015 – C8-0173/2015 – 2014/0345(NLE))
P8_TA(2015)0305A8-0231/2015

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (08223/2015).

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Budapest dwar il-Kuntratt tat-Trasport ta' Merkanzija permezz ta' Passaġġi fuq l-Ilma Interni (08223/15/ADD1)

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni mressqa mill-Kunsill bi qbil mal-Artikolu 81(2) u mal-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0173/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2), u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0231/2015),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li jawtorizza lir-Renju tal-Belġju u r-Repubblika tal-Polonja rispettivament biex jirratifikaw, u lir-Repubblika tal-Awstrija biex taderixxi mal-Konvenzjoni ta' Budapest dwar il-Kuntratt tat-Trasport ta' Merkanzija permezz ta' Passaġġi fuq l-Ilma Interni;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.


Miżuri provviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja *
PDF 593kWORD 250k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi miżuri provviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (COM(2015)0286 – C8-0156/2015 – 2015/0125(NLE))
P8_TA(2015)0306A8-0245/2015

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2015)0286),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 78(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu l-Parlament ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0156/2015),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kunsill tat-30 ta' Lulju 2015 li permezz tagħha hija informat lill-Parlament l-approċċ ġenerali tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Baġits,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0245/2015),

1.  Japprova l-proposta mill-Kummissjoni kif emendata;

2.  Japprova d-dikjarazzjoni tiegħu annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni timmodifika l-proposta tagħha konsegwentement, skont l-Artikolu 293(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

5.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa’ jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda l-proposta tal-Kummissjoni b’mod sustanzjali;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal deċiżjoni
Kunsiderazzjoni 3a (ġdida)
Wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Kapitolu I u l-Artikoli 18 u 19 tagħha,
Emenda 2
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 2a (ġdida)
(2a)  F’konformità mal-Artikolu 78(3) u l-Artikolu 80 tat-Trattat, il-miżuri ta’ solidarjetà previsti f’din id-Deċiżjoni huma vinkolanti.
Emenda 3
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 4a (ġdida)
(4a)  Il-miżuri temporanji għal rilokazzjoni ta' emerġenza huma biss parti waħda mill-approċċ olistiku lejn il-migrazzjoni kif delinjat fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2015 bit-titolu, "Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni" u r-rapport fuq inizjattiva proprja li ġej mill-Parlament Ewropew. Il-Parlament Ewropew jenfasizza li d-dimensjonijiet kollha tal-approċċ olistiku huma importanti u għandhom jiġu mressqa b'mod parallel. Fil-laqgħa tiegħu tal-25 u s-26 ta' Ġunju 2015, il-Kunsill Ewropew qabel b'mod partikolari, fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza attwali u tal-impenn biex tissaħħaħ is-solidarjetà u r-responsabilità, dwar ir-rilokazzjoni temporanja u eċċezzjonali mifruxa fuq sentejn ta’ 40 000 persuna fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali, mill-Italja u l-Greċja lejn Stati Membri oħra. L-Istati Membri għandhom jaqblu dwar kwoti vinkolanti għad-distribuzzjoni ta' dawn il-persuni.
Emenda 4
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 5
(5)  Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-29 ta’ April 2015, il-Parlament Ewropew saħaq fuq il-ħtieġa li l-Unjoni tibbaża r-rispons tagħha għall-aħħar t-traġedji fil-Mediterran fuq is-solidarjetà u l-qsim ġust tar-responsabbilità, u biex tintensifika l-isforzi tagħha f’dan il-qasam fuq l-Istati Membri li jirċievu l-ikbar għadd ta’ refuġjati u applikanti għal protezzjoni internazzjonali, kemm jekk f’termini assoluti jew termini proporzjonali.
(5)  Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-29 ta’ April 2015, il-Parlament Ewropew saħaq fuq il-ħtieġa li l-Unjoni tibbaża r-rispons tagħha għall-aħħar t-traġedji fil-Mediterran fuq is-solidarjetà u l-qsim ġust tar-responsabbilità, u biex tintensifika l-isforzi tagħha f’dan il-qasam fuq l-Istati Membri li jirċievu l-ikbar għadd ta’ refuġjati u applikanti għal protezzjoni internazzjonali, kemm jekk f’termini assoluti jew termini proporzjonali abbażi tal-kriterji għall-istabbiliment tal-Istat Membru responsabbli għall-analiżi tal-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali f'konformità mar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill1a. Il-Parlament Ewropew talab għal kwota obbligatorja għad-distribuzzjoni ta' persuni li jfittxu l-asil fost l-Istati Membri kollha.
______________
1a Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun determinat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ippreżentata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolidi (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31).
Emenda 5
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 7
(7)  Fost l-Istati Membri li għaddejjin minn sitwazzjoni ta’ pressjoni partikolari, u quddiem il-ġrajjiet reċenti traġiċi fil-Mediterran, l-Italja u l-Greċja b’mod partikolari esperjenzaw flussi bla preċedent ta’ migranti, inklużi applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li b’mod ċar jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, li waslu fit-territorju tagħhom, u ħolqu pressjoni sinifikanti fuq is-sistemi ta' migrazzjoni u ta’ ażil tagħhom.
(7)  Fost l-Istati Membri li għaddejjin minn sitwazzjoni ta’ pressjoni partikolari, u quddiem il-ġrajjiet reċenti traġiċi fil-Mediterran, l-Italja u l-Greċja b’mod partikolari esperjenzaw flussi bla preċedent ta’ migranti, inklużi applikanti għall-protezzjoni internazzjonali li b’mod ċar jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, li waslu fit-territorju tagħhom, u ħolqu pressjoni sinifikanti fuq is-sistemi ta' migrazzjoni u ta’ asil tagħhom, għaldaqstant jindikaw l-impatt negattiv tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 għall-ewwel pajjiż li daħal fl-Unjoni, li b'dispjaċir għadu ma wassalx għas-sospensjoni ta' dak ir-regolament jew għallinqas għat-tneħħija tar-referenza għall-ewwel pajjiż li daħal fl-Unjoni. Madankollu, l-Istati Membri l-oħra fi ħdan l-Unjoni wkoll qegħdin jesperjenzaw żidiet kbar fin-numru ta' persuni li jfittxu asil li jilqgħu.
Emenda 6
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 7a (ġdida)
(7a)  Il-previżjoni esperta turi pressjoni migratorja akbar fuq il-fruntieri esterni marittimi u tal-art tal-Unjoni fit-terminu qasir u medju.
Emenda 7
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 8
(8)  Skont id-dejta tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni (Frontex), ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali u tal-Lvant kienu ż-żoni prinċipali għall-qsim illegali tal-fruntieri fl-Unjoni, fl-2014. Fl-2014 iktar minn 170 000 migrant waslu b’mod irregolari biss biss fl-Italja, li jirrappreżentaw żieda ta’ 277 % meta mqabbel mal-2013. Kien hemm żieda kostanti wkoll fil-Greċja b’aktar minn 50 000 migrant irregolari li waslu fil-pajjiż, li jirrappreżentaw żieda ta’ 153 % meta mqabbel mal-2013. L-istatistiċi tal-ewwel xhur tal-2015 jikkonfermaw din it-tendenza ċara fir-rigward tal-Italja. Barra minn hekk, il-Greċja fl-ewwel xhur tal-2015 iffaċċjat żieda qawwija fl-għadd ta’ qsim irregolari tal-fruntieri, li tikkorrispondi għal aktar minn 50 % tal-għadd totali tal-qsim irregolari tal-fruntieri fl-2014 (kważi 28 000 fl-ewwel erba’ xhur tas-sena 2015 meta mqabbel mal-għadd totali ta’ kważi 55 000 fl-2014). Proporzjon sinifikanti min-numru totali ta’ migranti irregolari misjuba f’dawn iż-żewġ reġjuni inkluda l-migranti ta’ nazzjonalitajiet li, abbażi tad-dejta tal-Eurostat, fil-livell tal-Unjoni laħqu rata ta’ rikonoxximent għolja (fl-2014, is-Sirjani u l-Eritrej, li għalihom ir-rata ta’ rikonoxximent fil-livell tal-Unjoni hija ta' aktar minn 75 %, kienet tirrappreżenta aktar minn 40 % tal-migranti irregolari fl-Italja u aktar minn 50 % minnhom fil-Greċja). Skont il-Eurostat, 30 505 Sirjani nstabu li fl-2014 kienu qegħdin b’mod irregolari fil-Greċja, meta mqabblin ma’ 8 220 fl-2013.
(8)  Skont id-dejta tal-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Koperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni (Frontex), ir-rotta tal-Mediterran Ċentrali u tal-Lvant kienu ż-żoni prinċipali għall-qsim illegali tal-fruntieri fl-Unjoni, fl-2014. Fl-2014 iktar minn 170 000 migrant waslu b’mod irregolari fl-Italja biss, li jirrappreżentaw żieda ta’ 277 % meta mqabbel mal-2013, inklużi aktar minn 26 100 tfal, li minnhom 13 000 kienu minuri mhux akkumpanjati, li jirrapreżentaw 7,6 % min-numru totali ta' migranti. Kien hemm żieda kostanti wkoll fil-Greċja b’aktar minn 50 000 migrant irregolari li waslu fil-pajjiż, li jirrappreżentaw żieda ta’ 153 % meta mqabbel mal-2013. L-istatistiċi tal-ewwel xhur tal-2015 jikkonfermaw din it-tendenza ċara fir-rigward tal-Italja. Minn Jannar sa nofs Ġunju 2015, l-Italja rreġistrat żieda ta’ 5 % ta’ qsim irregolari tal-fruntieri meta mqabbel mal-istess perjodu fis-sena preċedenti. Barra minn hekk, il-Greċja fl-ewwel xhur tal-2015 iffaċċjat żieda qawwija fl-għadd ta’ qsim irregolari tal-fruntieri, li tikkorrispondi għal żieda ta' aktar minn sitt darbiet aktar meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena preċedenti u żieda ta’ kważi 140 % meta mqabbel mas-sena preċedenti kollha (76 293 minn Jannar sa Ġunju 2015, skont data tal-Frontex, meta mqabbel mal-għadd totali ta’ kważi 55 000 fl-2014). Proporzjon sinifikanti min-numru totali ta’ migranti irregolari misjuba f’dawn iż-żewġ reġjuni inkluda l-migranti ta’ nazzjonalitajiet li, abbażi tad-dejta tal-Eurostat, fil-livell tal-Unjoni laħqu rata ta’ rikonoxximent għolja (fl-2014, is-Sirjani u l-Eritrej, li għalihom ir-rata ta’ rikonoxximent fil-livell tal-Unjoni hija ta' aktar minn 75 %, kienet tirrappreżenta aktar minn 40 % tal-migranti irregolari fl-Italja u aktar minn 50 % minnhom fil-Greċja). minn Jannar sa nofs Ġunju 2015 is-Sirjani u l-Eritrej irrappreżentaw 30 % tal-wasliet fl-Italja u kważi 60 % fil-Greċja). Skont il-Eurostat, 30 505 Sirjani nstabu li fl-2014 kienu qegħdin b’mod irregolari fil-Greċja, meta mqabblin ma’ 8 220 fl-2013.
Emenda 8
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 10
(10)  Skont id-dejta tal-Frontex, rotta migratorja importanti oħra lejn l-Unjoni fl-2014 kienet ir-rotta tal-Balkani tal-Punent, bi 43 357 qasma irregolari tal-fruntieri. Madankollu, il-maġġoranza tal-migranti li jużaw ir-rotta tal-Balkani mhumiex, prima facie, fil-bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, b'51 % tal-wasliet ikunu Kosovari.
(10)  Skont id-dejta tal-Frontex, rotta migratorja importanti oħra lejn l-Unjoni fl-2014 kienet ir-rotta tal-Balkani tal-Punent, bi 43 357 qasma irregolari tal-fruntieri. In-numru ta' qasmiet irregolari tal-fruntieri żdied drammatikament fl-2015. Bejn Jannar u Ġunju 2015, 67 444 migrant u refuġjat użaw ir-rotta tal-fruntieri bejn it-Turkija u l-Greċja u l-Bulgarija u l-fruntieri tal-art tal-Ungerija. Dan jammonta għal żieda ta' 962 % meta mqabbel mal-istess perjodu matul is-sena ta' qabel. Ir-rotta issa qiegħda tintuża dejjem aktar minn persuni li qed jaħarbu l-gwerra u l-persekuzzjoni. Bejn Jannar u Ġunju 2015, 17 955 refuġjat mill-Afganistan, 13 225 refuġjat mis-Sirja, 3 021 refuġjat mill-Iraq u 196 refuġjat mill-Eritrea daħlu fl-Unjoni permezz ta' din ir-rotta.
Emenda 9
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 13a (ġdida)
(13a)  Għandu jkun hemm traspożizzjoni rapida u sħiħa u implimentazzjoni effettiva tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil mill-Istati Membri parteċipanti kollha, biex b'hekk jiġu żgurati standards tal-Unjoni komuni, inklużi kundizzjonijiet ta' lqugħ tal-persuni li jfittxu asil u r-rispett tad-drittijiet fundamentali, kif previst skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni eżistenti.
Emenda 10
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 15
(15)  Jekk Stat Membru apparti l-Italja jew il-Greċja jiffaċċjaw sitwazzjoni ta’ emerġenza simili kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jista’ jadotta miżuri provviżorji għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat, skont l-Artikolu 78(3) tat-Trattat. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, fejn ikun adegwat, is-sospensjoni tal-obbligi ta’ dan l-Istat Membru previsti f’din id-Deċiżjoni.
(15)  Meta jittieħed kont tal-instabilità li għaddejja bħalissa u l-kunflitti fil-viċinat immedjat tal-Unjoni u man-natura tal-flussi migratorji, jekk Stat Membru apparti l-Italja jew il-Greċja jiffaċċjaw sitwazzjoni ta’ emerġenza simili kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni, u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jista’ jadotta miżuri provviżorji għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat, skont l-Artikolu 78(3) tat-Trattat. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, fejn ikun adegwat, is-sospensjoni tal-obbligi ta’ dan l-Istat Membru previsti f’din id-Deċiżjoni.
Emenda 11
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 17
(17)  Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni jinvolvu deroga temporanja mill-kriterju stabbilit fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u mill-passi proċedurali, inklużi l-limiti ta’ żmien, stabbiliti fl-Artikoli 21, 22 u 29 ta’ dan ir-Regolament.
(17)  Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni jinvolvu deroga temporanja mill-kriterju stabbilit fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 u mill-passi proċedurali, inklużi l-limiti ta’ żmien, stabbiliti fl-Artikoli 21, 22 u 29 ta’ dan ir-Regolament. Il-miżuri ta’ rilokazzjoni m’għandhomx jipprevjenu lill-Istati Membri milli jagħmlu użu sħiħ tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 inkluż użu proattiv u effiċjenti tal-kriterji kollha, bħalma huma r-riunifikazzjoni tal-familja, il-protezzjoni speċjali ta’ minorenni mhux akkumpanjati, u l-klawżola ta' diskrezzjoni għal raġunijiet umanitarji.
____________________
____________________
Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31).
Emenda 12
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 18
(18)  Kellha ssir għażla fir-rigward tal-kriterju li kellu jiġi applikat meta kellu jiġi deċiż min u kemm-il appplikant għandhom jiġu rilokati mill-Italja u l-Greċja. Hija prevista sistema ċara u li tiffunzjona bbażata fuq il-limitu tar-rata medja, fil-livell tal-Unjoni, tad-deċiżjonijiet li jagħtu protezzjoni internazzjonali fil-proċeduri waqt l-ewwel istanza kif definiti mill-Eurostat mill-ammont totali, fil-livell tal-Unjoni, ta’ deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għall-ażil għall-protezzjoni internazzjonali meħuda fl-ewwel istanza abbażi tal-aħħar statistiċi disponibbli. Minn naħa, dan il-limitu għandu jiżgura kemm jista' jkun possibbli, li l-applikanti kollha li x'akarx li jeħtieġu l-aktar protezzjoni internazzjonali jkunu f’pożizzjoni li jgawdu b'mod sħiħ u malajr id-drittijiet tagħhom ta’ protezzjoni fl-Istat Membru ta’ rilokazzjoni. Min-naħa l-oħra, għandu jimpedixxi, kemm jista' jkun possibbli, li l-applikanti li x’aktarx probabbli tingħatalhom deċiżjoni negattiva rigward l-applikazzjoni tagħhom ma jiġux rilokati fi Stat Membru ieħor, u għaldaqstant itawlu b’mod mhux dovut il-permanenza tagħhom fl-Unjoni. Abbażi tad-dejta tal-Eurostat għall-2014 dwar id-deċiżjonijiet fl-ewwel istanza, il-limitu ta’ 75 %, li f’din is-sena jikkorrispondi għal deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet ta' Sirjani u Eritrej, għandu jintuża f’din id-Deċiżjoni.
(18)  Kellha ssir għażla fir-rigward tal-kriterju li kellu jiġi applikat meta kellu jiġi deċiż min u kemm-il appplikant għandhom jiġu rilokati mill-Italja u l-Greċja. Hija prevista sistema ċara u li tiffunzjona bbażata fuq il-limitu tar-rata medja, fil-livell tal-Unjoni, tad-deċiżjonijiet li jagħtu protezzjoni internazzjonali fil-proċeduri waqt l-ewwel istanza kif definiti mill-Eurostat mill-ammont totali, fil-livell tal-Unjoni, ta’ deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet għall-asil għall-protezzjoni internazzjonali meħuda fl-ewwel istanza abbażi tal-aħħar statistiċi disponibbli. Minn naħa, dan il-limitu għandu jiżgura kemm jista' jkun possibbli, li l-applikanti kollha li x'akarx li jeħtieġu l-aktar protezzjoni internazzjonali jkunu f’pożizzjoni li jgawdu b'mod sħiħ u malajr id-drittijiet tagħhom ta’ protezzjoni fl-Istat Membru ta’ rilokazzjoni. Min-naħa l-oħra, għandu jimpedixxi, kemm jista' jkun possibbli, li l-applikanti li x’aktarx probabbli tingħatalhom deċiżjoni negattiva rigward l-applikazzjoni tagħhom ma jiġux rilokati fi Stat Membru ieħor, u għaldaqstant itawlu b’mod mhux dovut il-permanenza tagħhom fl-Unjoni. Abbażi tad-dejta tal-Eurostat għall-2014 dwar id-deċiżjonijiet fl-ewwel istanza, il-limitu ta’ 75 %, li f’din is-sena jikkorrispondi għal deċiżjonijiet dwar applikazzjonijiet ta' Sirjani u Eritrej, għandu jintuża f’din id-Deċiżjoni. Sabiex titqies in-natura b'tendenza għall-bidla tal-flussi migratorji, il-grupp immirat ta' benefiċjarji għar-rilokazzjoni għandu jkun ivvalutat kull tliet xhur.
Emenda 13
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 19
(19)  Il-miżuri provviżorji huma maħsuba biex itaffu l-pressjoni tal-ażil sinifikanti minn fuq l-Italja u l-Greċja, b’mod partikolari billi jiġu rilokati għadd kbir ta’ applikanti, li b’mod ċar għandhom bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, li waslu fit-territorju tal-Italja u l-Greċja wara d-data li fiha din id-Deċiżjoni ssir applikabbli. Abbażi tal-għadd totali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li daħlu irregolarment fl-Italja u fil-Greċja fl-2014, u l-għadd ta’ dawk li b’mod ċar jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, it-total ta’ 40 000 applikant li b’mod ċar jeħtieġu protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu rilokati mill-Italja u l-Greċja. Dan l-għadd jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għal 40 % tal-għadd totali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali li daħlu irregolarment fl-Italja u fil-Greċja fl-2014. Għaldaqstant, il-miżura ta' rilokazzjoni proposta f’din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi l-qsim ġust tal-piż bejn l-Italja u l-Greċja fuq naħa waħda, u l-Istati Membri fuq in-naħa l-oħra. Abbażi tal-istess ċifri globali disponibbli fl-2014 u fl-ewwel erba’ xhur tas-sena tal-2015, tal-Italja meta mqabbla mal-Greċja, 60 % ta’ dawn l-applikanti għandhom jiġu rilokati mill-Italja u 40 % mill-Greċja.
(19)  Il-miżuri provviżorji ta' emerġenza huma maħsuba biex jistabbilixxu mekkaniżmu ta' rilokazzjoni ġust u ekwu, itaffu l-pressjoni tal-asil sinifikanti minn fuq l-Italja u l-Greċja, b’mod partikolari billi jiġu rilokati għadd kbir ta’ applikanti, li b’mod ċar għandhom bżonn ta’ protezzjoni internazzjonali, li waslu fit-territorju tal-Italja u l-Greċja wara d-data li fiha din id-Deċiżjoni ssir applikabbli. Abbażi tal-għadd totali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li daħlu irregolarment fl-Italja u fil-Greċja fl-2014, u l-għadd ta’ dawk li b’mod ċar jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, it-total ta’ 40 000 applikant li b’mod ċar jeħtieġu protezzjoni internazzjonali għandhom jiġu rilokati mill-Italja u l-Greċja. Dan l-għadd jikkorrispondi bejn wieħed u ieħor għal 40 % tal-għadd totali ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fi bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali li daħlu irregolarment fl-Italja u fil-Greċja fl-2014. Għaldaqstant, il-miżura ta' rilokazzjoni proposta f’din id-Deċiżjoni tikkostitwixxi l-qsim ġust tar-responsabilità bejn l-Italja u l-Greċja fuq naħa waħda, u l-Istati Membri fuq in-naħa l-oħra. Abbażi tal-istess ċifri globali disponibbli fl-2014 u fl-ewwel erba’ xhur tas-sena tal-2015, tal-Italja meta mqabbla mal-Greċja, 60 % ta’ dawn l-applikanti għandhom jiġu rilokati mill-Italja u 40 % mill-Greċja. Fi żmien sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta s-sehem ta' persuni li se jiġu rilokati mill-Italja u l-Greċja, abbażi tal-aktar data reċenti disponibbli, bil-ħsieb li jiġi adattat għall-flussi tar-refuġjati li jkunu nbidlu. Il-mekkaniżmu ta' rilokazzjoni ta' emerġenza mhuwiex soluzzjoni fl-isfida fit-tul tal-pressjoni tal-asil fuq il-fruntieri esterni tal-Unjoni, imma, huwa aktar każ ta' prova bil-ħsieb tal-proposta leġiżlattiva li ġejja dwar skema permanenti ta' rilokazzjoni ta' emerġenza abbażi tal-Artikolu 78(2) tat-Trattat u għaldaqstant huwa inizjalment ristrett għal total ta' 40 000 applikant. Madankollu, għandha titqies żieda ulterjuri ta' postijiet ta' rilokazzjoni, jekk din tkun meħtieġa, għall-adattament ta' flussi u tendenzi li jinbidlu malajr ta' refuġjati matul l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni. Kull proposta għal mekkaniżmu permanenti ta' rilokazzjoni ta' emerġenza trid tkun ibbażata fuq kontribut aktar sostanzjali għall-kondiviżjoni tas-solidarjetà u r-responsabilità fost l-Istati Membri, inkluża żieda fin-numru ta' postijiet disponibbli għal rilokazzjoni għall-adattazzjoni għall-flussi u t-tendenzi migratorji li jinbidlu malajr. Għandu jkun mibni fuq kriterji definiti b'mod ċar, inkluż id-dħul mhux mistenni ta' persuni b'nazzjonalità ta' pajjiżi terzi u l-pressjoni eċċezzjonali tal-asil, u dan jippermetti l-iskattar tiegħu abbażi ta' indikaturi trasparenti u oġġettivi.
Emenda 14
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 20a (ġdida)
(20a)  Meta jiġi abbozzat il-mekkaniżmu permanenti għar-rilokazzjoni skont l-Artikolu 78(2) tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha tinkludi t-territorju ta' Stat Membru bħala kriterju għad-determinzzjoni tad-distribuzzjoni tal-migranti.
Emenda 15
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 21
(21)  Il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) stabbilit permezz tar-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprovdi appoġġ għal operazzjonijiet ta’ qsim tal-piżijiet maqbula bejn l-Istati Membri, u huwa miftuħ għal żviluppi ġodda ta’ politika f’dan il-qasam. L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 516/2014 jipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jimplimentaw azzjonijiet relatati mat-trasferiment ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali bħala parti mill-programmi nazzjonali tagħhom, filwaqt li l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 516/2014 jipprevedi l-possibilità ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 6 000 għat-trasferiment ta’ benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru ieħor.
(21)  Il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) stabbilit permezz tar-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill jipprovdi appoġġ għal operazzjonijiet ta’ qsim ta' responsabilità maqbula bejn l-Istati Membri, u huwa miftuħ għal żviluppi ġodda ta’ politika f’dan il-qasam. L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 516/2014 jipprevedi l-possibbiltà għall-Istati Membri li jimplimentaw azzjonijiet relatati mat-trasferiment ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali bħala parti mill-programmi nazzjonali tagħhom, filwaqt li l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 516/2014 jipprevedi l-possibilità ta’ somma f’daqqa ta’ EUR 6 000 għat-trasferiment ta’ benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru ieħor.
______________
___________________
Ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 168).
Ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 168).
Emenda 16
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 21a (ġdida)
(21a)  Il-Kummissjoni għandha tikkontrolla l-infiq tas-somma ta' EUR 6 000 għar-rilokazzjoni ta' kull applikant.
Emenda 17
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 25
(25)  Meta jkun qed jiġi deċiż liema applikanti, li jeħtieġu b’mod ċar il-protezzjoni internazzjonali, għandhom jiġu rilokati mill-Italja u l-Greċja, għandha tingħata prijorità lil applikanti vulnerabbli skont l-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. F’dan ir-rigward, il-bżonnijiet speċjali tal-applikanti, inkluża s-saħħa, għandhom jingħataw l-ewwel l-importanza. L-aħjar interessi tat-tfal għandhom dejjem jiġu kkunsidrati l-ewwel.
(25)  Meta jkun qed jiġi deċiż liema applikanti, li jeħtieġu b’mod ċar il-protezzjoni internazzjonali, għandhom jiġu rilokati mill-Italja u l-Greċja, għandha tingħata prijorità lil applikanti vulnerabbli, - u fost dawn, attenzjoni speċjali għandha tingħata lil minuri mhux akkumpanjati - skont l-Artikoli 21 u 22 tad-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Sabiex titqies is-sitwazzjoni speċifika ta' persuni vulnerabbli, l-Istati Membri huma meħtieġa skont id-Direttiva 2013/33/UE u d-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, imexxu valutazzjoni individwali tal-vulnerabilitajiet tal-individwi skont il-ħtiġijiet speċjali tagħhom ta' riċeviment u ta' proċedura. Għaldaqstant, l-Istati Membri għandhom jieħdu passi attivi biex jivvalutaw il-ħtiġijiet individwali ta' dawk li jfittxu l-asil u ma jistgħux iserrħu biss fuq l-awto-identifikazzjoni tagħhom biex jiggarantixxu b'mod effikaċi d-drittijiet tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni. F’dan ir-rigward, il-bżonnijiet speċjali tal-applikanti, inkluża s-saħħa, għandhom jingħataw l-ewwel l-importanza. L-aħjar interessi tat-tfal għandhom dejjem jiġu kkunsidrati l-ewwel fil-proċeduri kollha stabbiliti b'segwitu għal din id-Deċiżjoni u l-prinċipji ewlenin stabbiliti fis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Ġunju 2013 fil-Każ C-648/11 m'għandhom qatt jiġu mhedda.
______________
___________________
Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 96).
Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta’ applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (riformulazzjoni) (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 96).
Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60).
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Ġunju 2013, MA u oħrajn, C-648/11, ECLI:EU:C:2013:367.
Emenda 18
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 26
(26)  Barra minn hekk, sabiex jiġi deċiż liema Stat Membru speċifiku għandu jkun l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni, għandha tingħata kunsiderazzjoni speċifika lill-kwalifiki speċifiċi, tal-applikanti kkonċernati, li jistgħu jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ta’ rilokazzjoni, bħalma huma l-ħiliet lingwistiċi tagħhom. Barra minn hekk, fil-każ ta’ applikanti partikolarment vulnerabbli, għandu jitqies x'kapaċità għandu l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni biex jagħti l-appoġġ adegwat lil dawn l-applikanti.
(26)  Barra minn hekk, sabiex jiġi deċiż liema Stat Membru speċifiku għandu jkun l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni, għandha tingħata kunsiderazzjoni speċifika lill-preferenzi u lill-kwalifiki speċifiċi, tal-applikanti kkonċernati, li jistgħu jiffaċilitaw l-integrazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ta’ rilokazzjoni, bħalma huma l-ħiliet lingwistiċi tagħhom, irbit familjari li jmur lil hinn mid-definizzjoni ta' membri tal-familja fir-Regolament (UE) Nru 604/2013, relazzjonijiet soċjali, rabtiet kulturali, soġġorn preċedenti fi Stat Membru, esperjenza ta' studju u ta' xogħol preċedenti ma' kumpanija jew ma' organizzazzjoni ta' Stat Membru speċifiku kif ukoll kwalifiki speċifiċi li jistgħu jkunu rilevanti għall-integrazzjoni tal-applikanti fis-suq tax-xogħol tal-Istat Membru ta' rilokazzjoni. L-Istati Membri għaldaqstant għandhom jiffaċilitaw ir-rikonoxximent effikaċi tad-diplomi, il-kwalifiki u l-ħiliet tal-applikanti. Barra minn hekk, l-Istati Membri jistgħu jgħarrfu lill-applikanti dwar l-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol tagħhom. Barra minn hekk, fil-każ ta’ applikanti partikolarment vulnerabbli, għandu jitqies x'kapaċità għandu l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni biex jagħti l-appoġġ adegwat lil dawn l-applikanti. Filwaqt li l-applikanti ma għandux ikollhom id-dritt li jagħżlu l-Istat Membru tar-rilokazzjoni tagħhom, il-ħtiġijiet, il-preferenzi u l-kwalifiki speċifiċi tagħhom għandhom jitqiesu sa fejn dan ikun possibbli.
Emenda 19
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 26a (ġdida)
(26a)  Abbażi tat-tagħlimiet mgħallma mill-proġett pilota dwar ir-rilokazzjoni minn Malta (EUREMA), l-aspettativi u l-preferenzi għandhom jitqiesu sa fejn dan ikun possibbli. Bħala pass inizjali, l-applikanti għandhom jingħataw il-possibilità li jesprimu l-preferenzi tagħhom. Huma għandhom jikklassifikaw l-Istati Membri b’ordni ta’ preferenza u jsostnu l-preferenzi tagħhom b'elementi bħal irbit familjari, soċjali u kulturali bħalma huma l-ħiliet lingwistiċi, permanenza preċedenti, studji preċedenti u l-esperjenzi tax-xogħol preċedenti. Dan għandu jseħħ matul l-ipproċessar inizjali. Bħala t-tieni pass, l-Istati Membri rispettivi għandhom ikunu infurmati dwar il-preferenzi tal-applikanti. Huma mbagħad għandhom jingħataw l-opportunità li jindikaw il-preferenzi tagħhom għall-applikanti fost dawk l-applikanti li kienu esprimew il-preferenza tagħhom għall-Istat Membru kkonċernat. L-Istati Membri għandhom jissostanzjaw il-preferenzi tagħhom b'elementi bħal irbit familjari, soċjali u kulturali. L-uffiċjali ta' kollegament maħtura mill-Istati Membri jistgħu jiffaċilitaw il-proċedura permezz tat-twettiq ta' intervisti mal-applikanti rispettivi. L-applikanti għandu jkollhom ukoll l-opportunità li jikkonsultaw atturi oħra bħall-NGOs, il-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati (UNHCR) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM). Fl-aħħar nett, l-Italja u l-Greċja, bl-assistenza tal-EASO, għandhom jieħdu deċiżjoni li jirrilokaw kull applikant għal Stat Membru speċifiku bil-kunsiderazzjoni tal-preferenzi tagħhom fejn possibbli. Il-UNHCR għandu jkun ikkonsultat dwar l-aħjar prattiki żviluppati fir-risistemazzjoni inkluż dwar il-ġestjoni ta’ preferenzi u ta' kwalifiki speċifiċi.
Emenda 20
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 26b (ġdida)
(26b)  Il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni stabbilit fl-Artikolu 10 tat-Trattat għandu jkun rispettat bis-sħiħ waqt il-proċedura kollha ta' rilokazzjoni. Diskriminazzjoni abbażi ta’ sess, età, etniċità, diżabilità u reliġjon tirrappreżenta ksur ċar tat-Trattat.
Emenda 21
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 28
(28)  Is-salvagwardji legali u proċedurali stipulati fir-Regolament (UE) Nru 604/2013 jibqgħu japplikaw fir-rigward ta’ applikanti li huma koperti minn din id-Deċiżjoni. Barra minn hekk, l-applikanti għandhom ikunu infurmati dwar il-proċedura ta' rilokazzjoni stabbilita f’din id-Deċiżjoni u nnotifikati bid-deċiżjoni ta’ rilokazzjoni. Meta jiġi kkunsidrat li l-applikant ma għandux id-dritt, skont il-liġi tal-UE, li jagħżel l-Istat Membru responsabbli għall-applikazzjoni tiegħu, l-applikant, għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni ta' rilokazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013, bil-għan biss li d-drittijiet fundamentali tiegħu jiġu rrispettati.
(28)  Is-salvagwardji legali u proċedurali stipulati fir-Regolament (UE) Nru 604/2013 jibqgħu japplikaw fir-rigward ta’ applikanti li huma koperti minn din id-Deċiżjoni. Barra minn hekk, l-applikanti għandhom ikunu infurmati dwar il-proċedura ta' rilokazzjoni stabbilita f’din id-Deċiżjoni u nnotifikati bid-deċiżjoni ta’ rilokazzjoni. L-applikant għandu jkollu d-dritt għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni ta' rilokazzjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.
Emenda 22
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 30
(30)  Għandhom jittieħdu miżuri sabiex jiġu evitati l-movimenti sekondarji ta' persuni rilokati mill-Istat Membru ta’ rilokazzjoni lejn Stati Membri oħra. B’mod partikolari, l-applikanti għandhom ikunu infurmati dwar il-konsegwenzi ta’ moviment ulterjuri fi ħdan l-Istati Membri u tal-fatt li, jekk l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni jagħtihom protezzjoni internazzjonali, fil-prinċipju, huma biss intitolati għad-drittijiet marbutin mal-protezzjoni internazzjonali f’dak l-Istat Membru.
(30)  Għandhom jittieħdu miżuri sabiex jiġu evitati l-movimenti sekondarji ta' persuni rilokati mill-Istat Membru ta’ rilokazzjoni lejn Stati Membri oħra. Li tittieħed l-aktar kunsiderazzjoni possibbli tal-preferenzi tal-applikanti, inklużi r-rabtiet tal-familja lil hinn mid-dispożizzjonijiet dwar il-familja fir-Regolament (UE) Nru 604/2013, ir-rabtiet soċjali u kulturali, hi miżura sempliċi sabiex l-applikanti jiżviluppaw sens ta’ appartenenza fl-Istat Membru ta’ rilokazzjoni. L-applikanti għandhom jingħataw l-informazzjoni neċessarja kollha f’lingwa li jifhmu jew li b’mod raġonevoli huma mistennija li jifhmu, dwar id-destinazzjoni tagħhom u, fil-każ li l-preferenza tagħhom ma tkunx tista' tiġi kkunsidrata b’mod sħiħ, dwar ir-raġunijiet għal dan. Biex jiġu evitati movimenti sekondarji ulterjorment, l-applikanti għandhom ikunu infurmati dwar il-konsegwenzi ta’ moviment ulterjuri fi ħdan l-Istati Membri, kif previst mill-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 u tal-fatt li, jekk l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni jagħtihom protezzjoni internazzjonali, fil-prinċipju, huma biss intitolati għad-drittijiet marbutin mal-protezzjoni internazzjonali f’dak l-Istat Membru.
Emenda 23
Proposta għal deċiżjoni
Premessa 30a (ġdida)
(30a)  Il-kunsens tal-applikanti jew il-benefiċjarji tal-protezzjoni internazzjonali għar-rilokazzjoni huwa prinċipju stabbilit fid-dritt sekondarju tal-Unjoni, minqux fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 516/2014 u, b'analoġija, fl-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u fl-Artikolu 17(2) tar-Regolament (UE) Nru 604/2013, billi abbażi tal-Artikolu 78(3) tat-Trattat, derogi mid-dritt tal-Unjoni huma possibbli taħt kundizzjonijiet ristretti ħafna. L-implimentazzjoni effikaċi tal-mekkaniżmu ta' rilokazzjoni ta' emerġenza jeħtieġ li tiġi żgurata, billi l-kunsens huwa ta' importanza partikolari għall-prevenzjoni ta' moviment sekondarju u għandu, għaldaqstant, bħala prinċipju, ikun meħtieġ qabel ir-rilokazzjoni. Fejn persuna ma tagħtix il-kunsens tagħha, hu jew hi m'għandhiex, bħala prinċipju, tiġi rilokata, iżda persuna oħra għandha tiġi offruta dik l-opportunità.
_________
Regolament (UE) Nru 439/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 li jistabbilixxi Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (ĠU L 132, 29.5.2010, p. 11).
Emenda 24
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 1
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi miżuri provviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja sabiex jiġu megħjuna jiffaċċjaw is-sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata mid-dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi f’dawn l-Istati Membri.
Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi miżuri ta' emerġenza provviżorji vinkolanti fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja sabiex jiġu megħjuna jiffaċċjaw is-sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata mid-dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi jew persuni apolidi f’dawn l-Istati Membri.
Emenda 25
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt b
(b)  "applikant" tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkun għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li dwarha deċiżjoni finali tkun għadha ma tteħditx;
(b)  "applikant" tfisser ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida li jkun għamel applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali li dwarha deċiżjoni finali tkun għadha ma tteħditx kif imsemmi fil-punt (i) tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/95/UE;
Emenda 26
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt d
(d)   "membri tal-familja" tfisser il-membri tal-familja kif definit fil-punt (g) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;
(d)   "qraba stretti" tfisser il-konjuġi, it-tfal, il-ġenituri, il-persuni li jeżerċitaw l-awtorità tal-ġenituri, in-nanniet u n-neputijiet;
(Emenda orizzontali. Tapplika għat-test kollu tal-proposta tal-Kummissjoni.)
Emenda 27
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 2 – paragrafu 1 – punt fa (ġdid)
(fa)  “preferenza” tfisser il-preferenza espressa minn applikant għal ċertu Stat Membru jew il-preferenza espressa minn Stat Membru għal ċertu applikant sostnuta minn elementi bħal irbit familjari lil hinn mid-definizzjoni ta’ membri tal-familja kif definit fil-punt (g) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 604/2013, rabtiet soċjali bħal rabtiet ma’ komunitajiet etniċi u kulturali, u r-rabtiet kulturali mal-Istat Membru li jippreferi, bħalma huma l-ħiliet lingwistiċi, residenza preċedenti fi Stat Membru jew irbit ta' studju jew xogħol preċedenti ma’ kumpaniji jew organizzazzjonijiet ta’ dak l-Istat Membru.
Emenda 28
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 3 – paragrafu 2a (ġdid)
2a.  Sabiex titqies in-natura b'tendenza għall-bidla tal-flussi migratorji, il-grupp ta' benefiċjarji mmirat għar-rilokazzjoni għandu jkun ivvalutat kull tliet xhur.
Emenda 47
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 4
-1. Sabiex tittaffa l-pressjoni sinifikanti tal-asil minn fuq l-Italja u l-Greċja, u wkoll biex iservi bħala każ ta' prova importanti fl-isfond tal-proposta leġiżlattiva li jmiss dwar l-iskema permanenti għar-rilokazzjoni ta' emerġenza abbażi tal-Artikolu 78(2) tat-Trattat, total inizjali ta' 110 000 applikant se jiġu rilokati mill-Italja u mill-Greċja. Se titqies żieda ulterjuri, jekk din tkun meħtieġa, għall-adattament ta' flussi u tendenzi li jinbidlu malajr ta' refuġjati matul l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
1.  Mal-24 000 applikant se jiġu rilokati mill-Italja għal territorju ta' Stati Membri oħra kif stabbilit fl-Anness I.
1.  Inizjalment, 40 000 applikant se jiġu rilokati mill-Italja għat-territorju tal-Istati Membri l-oħra.
2.   Mas-16 000 applikant se jiġu rilokati mill-Italja għal territorju ta' Stati Membri oħra kif stabbilit fl-Anness II.
2.  Inizjalment, 70 000 applikant se jiġu rilokati mill-Greċja għat-territorju tal-Istati Membri l-oħra.
2a.  Fi żmien sitt xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha tivvaluta s-sehem rispettiv ta' persuni li se jiġu rilokati mill-Italja u l-Greċja, abbażi tal-aktar data reċenti disponibbli tal-Frontex, bil-ħsieb li jiġi adattat għall-flussi tar-refuġjati li jkunu qed jinbidlu.
Emenda 30
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 4a (ġdid)
Artikolu 4a
Il-kunsens
Il-kunsens tal-applikant għar-rilokazzjoni tiegħu jew tagħha għandu, bħala prinċipju, ikun meħtieġ.
Emenda 31
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 5 – paragrafu 2
2.  L-Italja u l-Greċja jidentifikaw, f’intervalli regolari matul il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, bl-assistenza tal-EASO u, fejn applikabbli, tal-uffiċjali ta’ kollegament tal-Istati Membri msemmija fil-paragrafu 8, l-applikanti individwali li għandhom jiġu rilokati fl-Istati Membri l-oħra, u jikkomunikaw lill-punti ta’ kuntatt ta’ dawn l-Istati Membri u li l-EASO l-għadd ta’ applikanti li jistgħu jiġu rilokati. Għal dan l-għan tingħata prijorità lill-applikanti vulnerabbli skont it-tifsira tal-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/33/UE.
2.  L-Italja u l-Greċja se jidentifikaw, f’intervalli regolari matul il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, bl-assistenza tal-EASO u ta' aġenziji rilevanti oħra, l-applikanti individwali li għandhom jiġu rilokati fl-Istati Membri l-oħra, u jikkomunikaw lill-punti ta’ kuntatt ta’ dawn l-Istati Membri u li l-EASO l-għadd ta’ applikanti li jistgħu jiġu rilokati. Għal dan l-għan tingħata prijorità lill-applikanti vulnerabbli skont it-tifsira tal-Artikoli 21 u  22 tad-Direttiva 2013/33/UE, u attenzjoni partikolari għandha tingħata lill-minuri li ma jkunux akkumpanjati.
Emenda 32
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 5 – paragrafu 3
3.  L-Istati Membri, malajr kemm jista' jkun wara li jirċievu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, jindikaw l-għadd ta’ applikanti li jistgħu jiġu rilokati immedjatament fit-territorju tagħhom u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, skont l-għadd stabbilit fl-Anness I u fl-Anness II rispettivament.
3.  L-Istati Membri, malajr kemm jista' jkun wara li jirċievu l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, għandhom jipprovdu informazzjoni dwar il-kapaċità disponibbli għall-akkoljenza tal-migranti u jindikaw l-għadd ta’ applikanti li jistgħu jiġu rilokati immedjatament fit-territorju tagħhom u kwalunkwe informazzjoni rilevanti oħra, skont l-għadd stabbilit fl-Anness I u fl-Anness II rispettivament.
Emenda 33
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 5 – paragrafu 3a (ġdid)
3a.  L-Italja u l-Greċja għandhom, bl-assistenza tal-EASO, jipprovdu lill-applikanti b’informazzjoni f’lingwa li jifhmu, jew li b’mod raġonevoli huma mistennija li jifhmu, rigward l-Istati Membri involuti f’rilokazzjonijiet ta’ emerġenza. L-applikanti għandu jkollhom ukoll aċċess għal informazzjoni pprovduta minn atturi oħra bħal pereżempju l-UNHCR u l-IOM. Matul l-ipproċessar inizjali l-applikanti għandhom jintalbu jikklassifikaw l-Istati Membri f'ordni ta' preferenza u jissostanzjaw il-preferenza tagħhom.
Emendi 34 u 48
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 5 – paragrafu 5
5.  L-applikanti li jkun jeħtieġ li jittieħdulhom il-marki tas-swaba’ skont l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 603/2013, jistgħu jiġu rilokati biss jekk ikunu ttieħdulhom il-marki tas-swaba’.
5.  L-applikanti li jkun jeħtieġ li jittieħdulhom u li jintbagħtulhom il-marki tas-swaba’ skont l-obbligi stabbiliti fl-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) Nru 603/2013, jistgħu jiġu rilokati biss jekk ikunu ttieħdulhom il-marki tas-swaba’, b'rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tagħhommingħajr rikors għal miżuri ta' koerċizzjoni jew ta' detenzjoni.
Emenda 35
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 5 – paragrafu 8
8.  Sabiex jiġu implimentati l-aspetti kollha tal-proċedura ta' rilokazzjoni deskritta f’dan l-Artikolu, l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu li jibagħtu l-Italja u l-Greċja l-uffiċjali ta’ kollegament.
imħassar
Emenda 36
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 6 – paragrafu 4
4.  Meta tittieħed id-deċiżjoni li applikant jiġi rilokat, u qabel ir-rilokazzjoni effettiva, l-Italja u l-Greċja jinnotifikaw bil-miktub lill-persuna kkonċernata dwar id-deċiżjoni li jirrilokawha. Din id-deċiżjoni tispeċifika l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni.
4.  Meta tittieħed id-deċiżjoni li applikant jiġi rilokat, u qabel ir-rilokazzjoni effettiva, l-Italja u l-Greċja, bl-assistenza tal-EASO u ta' atturi oħra bħal uffiċjali ta’ kollegament, jekk disponibbli, il-persuna kkonċernata għandha tkun informata bl-Istat Membru ta’ rilokazzjoni b’mod komprensiv u f’lingwa li l-applikant jifhem jew li huwa raġonevolment preżunt li jifhem, jew, jekk il-preferenzi tal-applikant, ma jitqisux, bir-raġunijiet għal din id-Deċiżjoni. L-Italja u l-Greċja għandhom ukoll jinnotifikaw bil-miktub lill-persuna kkonċernata dwar id-deċiżjoni li jirrilokawha. Din id-deċiżjoni tispeċifika l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni.
Emenda 37
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 7 – paragrafu 1 – punt b
(b)  l-ipproċessar inizjali tal-applikazzjonijiet;
(b)  l-ipproċessar inizjali tal-applikazzjonijiet, inkluża l-identifikazzjoni ta' vulnerabilitajiet u preferenzi, bl-iskop ta' identifikazzjoni ta' applikanti potenzjali għar-rilokazzjoni u l-iskrijnjar tal-applikanti, inkluża l-identifikazzjoni ċara tagħhom, it-teħid tal-marki tas-swaba tagħhom u r-reġistrazzjoni tal-applikazzjonijiet tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali;
Emenda 38
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 7 – paragrafu 1 – punt d
(d)  l-implimentazzjoni tat-trasferiment tal-applikanti għall-Istat Membru ta’ rilokazzjoni.
(d)  l-implimentazzjoni tat-trasferiment tal-applikanti għall-Istat Membru ta’ rilokazzjoni. L-ispejjeż tat-trasferiment lejn l-Istat Membru ta' rilokazzjoni m'għandhomx ikunu piż addizzjonali fuq il-Greċja u l-Italja.
Emenda 39
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 8 – paragrafu 2
2.  Jekk l-Italja jew il-Greċja ma jikkonformawx mal-obbligu msemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi li tissospendi din id-Deċiżjoni fir-rigward ta’ dawn l-Istati Membri għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi għal darba li testendi din is-sospensjoni għal perjodu ieħor ta' mhux aktar minn tliet xhur.
2.  Jekk l-Italja jew il-Greċja ma jikkonformawx mal-obbligu msemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi, ladarba tkun tat lill-Istat Membru ikkonċernat l-opportunità li jippreżenta l-fehmiet tiegħu, li tissospendi din id-Deċiżjoni fir-rigward ta’ dak l-Istat Membru għal perjodu ta’ mhux aktar minn tliet xhur. Il-Kummissjoni tista’ tiddeċiedi għal darba li testendi din is-sospensjoni għal perjodu ieħor ta' mhux aktar minn tliet xhur.
Emenda 40
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 9
F’każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fi Stat Membru ta’ rilokazzjoni, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jista’ jadotta miżuri provviżorji għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat, skont l-Artikolu 78(3) tat-Trattat. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu, fejn ikun adegwat, is-sospensjoni tal-obbligi ta’ dan l-Istat Membru previsti f’din id-Deċiżjoni.
F’każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fi Stat Membru ta’ rilokazzjoni, il-Kunsill, fuq proposta mill-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew, jista’ jadotta miżuri provviżorji għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat, skont l-Artikolu 78(3) tat-Trattat. Dawn il-miżuri jistgħu addizzjonalment jinkludu, fejn adatt, is-sospensjoni tal-obbligi ta’ dak l-Istat Membru previsti f’din id-Deċiżjoni.
Emenda 41
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 11
L-Italja u l-Greċja kull tliet xhur jagħmlu rapport lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, inklużi l-pjanijiet direzzjonali msemmija fl-Artikolu 8, kull tliet xhur.
L-Italja u l-Greċja għandhom jagħmlu rapport lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni u l-użu xieraq tal-fondi milqugħa fi ħdan il-qafas ta’ din id-Deċiżjoni, fost l-oħrajn dwar il-pjanijiet direzzjonali msemmijin fl-Artikolu 8, kull tliet xhur.
Emenda 42
Proposta għal deċiżjoni
Artikolu 11a (ġdid)
Artikolu 11a
Evalwazzjoni
Sa Lulju 2016, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu dwar l-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u, fejn xieraq, għandha tipproponi r-rakkomandazzjonijiet meħtieġa għal mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni permanenti, inkluż fil-perspettiva tal-kontroll tal-idoneità ta’ Dublin.
Sa…*, il-Kummissjoni għandha tippreżenta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill rapport ta' evalwazzjoni finali dwar l-applikazzjoni ta' din id-Deċiżjoni.
L-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-informazzjoni kollha xierqa għall-preparazzjoni ta’ dak ir-rapport fi żmien debitu.
____________
* ĠU: jekk jogħġbok daħħal id-data: 30 xahar wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.
Emenda 43
Proposta għal deċiżjoni
Anness IIa (ġdid)

Test propost mill-Kummissjoni

Emenda

Anness IIa

Il-Proċedura ta’ Rilokazzjoni

Il-proċedura kif prevista fil-proposta tal-Kummissjoni; passi proċedurali addizzjonali mdaħħla mill-Parlament Ewropew huma sottolinjati

1 – Proċessar inizjali ta' persuni li qegħdin ifittxu protezzjoni internazzjonali

- L-identifikazzjoni ta’ persuni li għalihom Stat Membru ieħor huwa (jew għandu jkun) responsabbli skont ir-Regolament ta’ Dublin

→ It-trasferimenti ta’ Dublin

- L-identifikazzjoni ta’ applikanti vulnerabbli

- L-identifikazzjoni ta’ qraba stretti għal rilokazzjoni konġunta

- L-identifikazzjoni tal-preferenzi tal-applikanti għal ċerti Stati Membri

2 – L-għażla tal-applikanti għal rilokazzjoni

—  L-Italja/il-Greċja jiddeterminaw liema applikanti għandhom jiġu rilokati.

- Jgħarrfu lill-Istati Membri dwar in-numru ta’ postijiet meħtieġa kif ukoll dwar il-preferenzi tal-applikanti

3 - Il-parteċipazzjoni tal-Istati Membri

- L-Istati Membri jinfurmaw lill-Italja/il-Greċja dwar in-numru ta’ postijiet ta’ rilokazzjoni disponibbli

—  L-uffiċjali ta’ kollegament jistgħu jagħmlu intervisti mal-applikanti li jkunu esprimew preferenza għall-Istat Membru tagħhom

- L-Istati Membri jindikaw il-preferenzi tagħhom għall-applikanti

4 – Deċiżjoni ta' rilokazzjoni

- L-Italja/il-Greċja jiddeċiedu liema applikant għandu jiġi rilokat lejn liema Stat Membru b'kunsiderazzjoni tal-preferenzi tal-applikanti u tal-Istati Membri

5 – Informazzjoni u kunsens

—  L-applikanti jiġu infurmati komprensivament dwar l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni tagħhom

—  Bħala prinċipju, l-applikanti jagħtu l-kunsens tagħhom biex jiġu rilokati lejn dak l-Istat Membru

6 – It-Trasferiment

It-trasferiment ta’ applikanti lejn l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni fi żmien xahar

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

DIKJARAZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Il-Parlament Ewropew, fid-dawl tal-ħtieġa li jiġu adottati miżuri immedjati għall-benefiċċju ta’ Stati Membri ffaċċjati b’sitwazzjoni ta’ emerġenza karatterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, qablet dwar il-bażi legali tal-Artikolu 78(3) tat-TFUE kif propost mill-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi miżuri provviżorji fil-qasam ta’ protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja. Madankollu, il-Parlament Ewropew jista’ jaċċetta l-Artikolu 78(3) TFUE bħala bażi legali biss bħala miżura ta’ emerġenza, li ser tiġi segwita bi proposta leġiżlattiva xierqa fil-futur li titratta b'mod strutturali kwalunkwe sitwazzjoni ta’ emerġenza fil-futur. Jinsisti li l-Artikolu 78(2) TFUE li jirrikjedi proċedura leġiżlattiva ordinarja għal miżuri li jiddetterminaw liema Stat Membru jkun responsabbli biex jikkonsidra l-applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali, flimkien mal-Artikolu 80, it-tieni sentenza TFUE li jagħti fid-dispożizzjonijiet tiegħu effett skont il-priċipju ta’ solidarjetà kif espress fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 80, jifformaw il-bażi legali korretta. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew jenfasizza l-fatt li l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni hija strettament mingħajr preġudizzju għall-firxa ta’ bażijiet ġuridiċi disponibbli għall-koleġiżlatur fil-futur, b’mod partikolari fir-rigward tal- Artikolu 78 flimkien mal-Artikolu 80 TFUE. Il-Parlament Ewropew iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva għal skema permanenti ta’ rilokazzjoni bbażata fuq l-Artikolu 78(2) u l- Artikolu 80 sa tmiem l-2015, kif imħabbar mill-Kummissjoni fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni. Il-Parlament Ewropew jirriżerva d-dritt tiegħu li jħejji rapport leġiżlattiv fuq inizjattiva proprja f’każ li l-Kummissjoni ma tressaqx proposta leġiżlattiva bħal din fi żmien debitu.


Dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE
PDF 527kWORD 128k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2015 dwar id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE (2014/2213(INI))
P8_TA(2015)0307A8-0218/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-Titolu XVIII tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimi u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ġunju 2011 dwar l-Aġenda Urbana Ewropea u l-Futur tagħha fil-Politika ta' Koeżjoni(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Frar 2008 dwar is-segwitu tal-Aġenda Territorjali u l-Karta ta' Leipzig: Programm ta' Azzjoni Ewropew għall-ippjanar tal-ispazju u l-Koeżjoni Territorjali(5),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Lulju 2014 dwar id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE – aspetti prinċipali tal-aġenda urbana tal-UE (COM(2014)0490),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Ġunju 2014 dwar il-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT): Is-Sitwazzjoni Attwali u l-Perspettivi (COM(2014)0368),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 dwar Ewropa 2020 – Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Lulju 2012 bit-titolu "Bliet u komunitajiet intelliġenti – sħubija Ewropea għall-innovazzjoni" (C(2012)4701),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 1998 dwar Żvilupp Urban Sostenibbli fl-Unjoni Ewropea: Qafas għal Azzjoni (COM(1998)0605),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 1997 bit-titolu "Lejn aġenda urbana fl-Unjoni Ewropea" (COM(1997)0197),

–  wara li kkunsidra s-sitt Rapport tal-Kummissjoni dwar il-"Koeżjoni Ekonomika, soċjali u territorjali: Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi - Il-promozzjoni tal-iżvilupp u ta' governanza tajba f'reġjuni u bliet tal-UE", Lulju 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni bl-isem "Il-bliet ta' għada: Ninvestu fl-Ewropa", Brussell, 17-18 ta' Frar 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni bit-titolu "Futuri Diġitali – vjaġġ fil-viżjonijiet tal-2050 u l-isfidi politiċi, il-bliet, il-villaġġi u l-komunitajiet", 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni bl-isem "Il-bliet ta' għada: Sfidi, viżjonijiet, it-triq 'il quddiem", Brussell, Ottubru 2011,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Ministri lejn aġenda urbana tal-UE, adottata fil-laqgħa informali tal-Ministri tal-UE responsabbli għall-Koeżjoni Territorjali u l-Kwistjonijiet Urbani tal-10 ta' Ġunju 2015 f'Riga,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fi Brussell fid-19 ta' Novembru 2014 dwar is-Sitt Rapport dwar il-"Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi",

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza adottati fil-Laqgħa Informali tal-Ministri responsabbli mill-politika ta' koeżjoni tal-24 u l-25 ta' April 2014 f'Ateni,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Presidenza Pollakka dwar id-dimensjoni territorjali tal-politiki tal-UE u l-politika futura ta' koeżjoni, adottati fil-Laqgħa Informali tal-Ministri responsabbli mill-politika ta' koeżjoni tal-UE, l-iżvilupp territorjali u urban tal-24 u l-25 ta' Novembru 2011, f'Poznań,

–  wara li kkunsidra l-Aġenda Territorjali tal-UE 2020, miftiehma fil-Laqgħa Ministerjali Informali tal-Ministri responsabbli għall-Ippjanar Spazjali u l-Iżvilupp Territorjali tad-19 ta' Mejju 2011, f'Gödöllő,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Toledo, adottata fil-Laqgħa Informali tal-Ministri dwar l-iżvilupp urban tat-22 ta' Ġunju 2010, f'Toledo,

–  wara li kkunsidra l-Karta ta' Leipzig dwar il-Bliet Ewropej Sostenibbli, adottata fil-Laqgħa Informali tal-Ministri dwar l-iżvilupp urban tal-24 u l-25 ta' Mejju 2007, f'Leipzig,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta' Ġunju 2014 intitolata "Lejn approċċ komprensiv għall-bliet fl-Unjoni Ewropea",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tat-23 ta' April 2015 tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE – Aspetti Prinċipali tal-Aġenda Urbana tal-UE" (COM(2014)0490),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0218/2015),

A.  billi fl-2014 nofs il-popolazzjoni dinjija(6) u 72 % tal-popolazzjoni Ewropea kienu qed jgħixu f'żoni urbani(7), u sas-sena 2050 kważi 80 % tal-popolazzjoni tad-dinja se tkun qed tgħix f'żoni urbani(8);

B.  billi ż-żoni urbani funzjonali fl-UE jinkludu struttura poliċentrika unika mibnija madwar bliet kbar, ta' daqs medju u żgħar u żoni ta' madwarhom, u b'hekk imorru lil hinn mill-fruntieri amministrattivi tradizzjonali sabiex jinkludu diversi territorji konnessi ma' xulxin bl-isfidi ekonomiċi, soċjali, ambjentali u demografiċi tagħhom;

C.  billi l-bliet u ż-żoni urbani funzjonali, bħal żoni metropolitani, mhux biss jiżvolġu rwol importanti f'demokrazija parteċipattiva iżda huma wkoll pilastri ekonomiċi kruċjali u muturi tal-impjiegi fl-UE minħabba li l-innovazzjoni u l-attivitajiet ekonomiċi l-ġodda ħafna drabi joriġinaw fil-bliet; billi għalhekk jirrappreżentaw vantaġġ kbir għall-UE fir-relazzjonijiet tagħha mal-partijiet l-oħra tad-dinja iżda huma wkoll l-oqsma fundamentali li fihom jeħtieġ li jingħelbu l-ostakli għat-tkabbir u l-impjiegi u jiġu indirizzati l-esklużjoni soċjali (pereżempju, żgħażagħ mhux imħarrġin sew fis-suq tax-xogħol), in-nuqqas ta' aċċessibbiltà u d-degrad ambjentali;

D.  billi l-bliet, iż-żoni urbani funzjonali u r-reġjuni huma responsabbli għall-akbar proporzjon ta' konsum tal-enerġija u tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett serra fl-UE; billi, minn naħa, huma jaqdu rwol ewlieni fil-kisba ta' titjib fl-effiċjenza tal-enerġija u fl-awtosuffiċjenza u fl-iżvilupp ta' inizjattivi ġodda (bħal forom ġodda ta' attività ekonomika) li jinkoraġġixxu l-mobilità urbana u sistemi tat-trasport kompetittivi li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent, u b'hekk jiġu promossi t-tkabbir, l-impjiegi, il-koeżjoni soċjali u territorjali, is-saħħa, is-sikurezza u s-sigurtà;

E.  billi l-popolazzjoni f'xi bliet qed tixjieħ u tonqos fin-numru, u tali bliet qed iħabbtu wiċċhom ma' problemi minħabba d-daqs tal-faċilitajiet u tas-servizzi pubbliċi li jipprovdu, u oħrajn għandhom popolazzjoni li qed tikber, fatt li jżid il-pressjoni fuq il-faċilitajiet u s-servizzi pubbliċi eżistenti (pereżempju, l-edukazzjoni) u taggrava problemi oħra bħalma huma l-qgħad (fost iż-żgħażagħ), l-esklużjoni soċjali, il-konġestjoni tat-traffiku, l-espansjoni urbana u t-tniġġis, li jżidu b'mod sinifikanti l-ħin tal-ivvjaġġar għal xogħol u jnaqqsu l-kwalità tal-ħajja ta' ħafna Ewropej;

F.  billi wħud mill-isfidi ewlenin li qed iħabbtu wiċċhom magħom il-bliet, marbuta mal-iżvilupp ekonomiku u soċjali, mat-tibdil fil-klima, mat-trasport u mat-tibdil demografiku, jistgħu jiġu indirizzati biss permezz ta' sħubijiet bejn il-bliet u ż-żoni tal-periferija; billi l-espansjoni ta' oqsma interkonnessi f'dawn l-aħħar snin, minħabba l-iżviluppi fl-oqsma tat-trasport u l-komunikazzjoni b'mod partikolari, toħloq ħtieġa għall-iżvilupp ta' għodod għal promozzjoni tal-konnettività;

G.  billi l-inizjattivi politiċi Ewropej għandhom impatt dirett jew indirett fuq l-iżvilupp sostenibbli tal-bliet u l-politika urbana;

H.  billi madwar 70 % tal-politiki u tal-leġiżlazzjonijiet Ewropej jiġu implimentati fil-livell lokali u reġjonali;

I.  billi għandha tiġi żgurata aktar konsistenza fil-livell tal-UE bejn id-diversi inizjattivi politiċi u programmi ta' sussidji tal-UE billi jiġi sfruttat bis-sħiħ il-Qafas Strateġiku Komuni (Titolu II, Kapitolu I, Artikolu 10 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 – Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni) u permezz ta' koordinament politiku aħjar fost u mal-partijiet interessati u livelli tal-gvern, peress li l-approċċ settorjali tal-politika tal-UE jista' jwassal għal politiki u leġiżlazzjoni li jistgħu ma jiffavorixxux iż-żoni urbani funzjonali;

J.  billi fl-1997 il-Kummissjoni ppubblikat Komunikazzjoni dwar aġenda urbana għall-UE(9), iżda r-rwol tal-bliet Ewropej fit-tfassil tal-politika tal-UE għadu qed jiġi diskuss;

K.  billi fil-passat, il-Parlament appoġġa l-proposta tal-Kummissjoni li tippreżenta "Aġenda Urbana" bħala qafas għall-politika urbana futura fil-livell Ewropew;

L.  billi s-sussidjarjetà, kif definita fit-TFUE, kif ukoll il-governanza f'diversi livelli, ibbażata fuq azzjoni koordinata mill-UE, mill-Istati Membri u mill-awtoritajiet reġjonali u lokali, u l-prinċipju ta' sħubija, huma elementi essenzjali għall-implimentazzjoni korretta tal-politiki kollha tal-UE, u billi l-impenn tar-riżorsi u tal-kompetenzi tal-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom jissaħħu f'dan is-sens;

M.  billi r-Regolament dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) (ir-Regolament (UE) Nru 1301/2013) isaħħaħ id-dimensjoni urbana tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) billi jiġu allokati mill-inqas 5 % tal-appoġġ finanzjarju tiegħu għal azzjonijiet integrati ta' żvilupp urban sostenibbli permezz tad-delega ta' kompiti ta' ġestjoni lill-awtoritajiet urbani, b'mod partikolari billi jingħataw aktar responsabbiltajiet għal kompiti relatati tal-inqas għall-għażla tal-operazzjonijiet bil-ħolqien ta' għodod bħalma huma l-Investimenti Territorjali Integrati (ITI) u żvilupp lokali parteċipattiv (CLLD), billi jiġi allokat baġit speċifiku għal "azzjonijiet innovattivi" sabiex jiġu ttestjati soluzzjonijiet ġodda relatati mal-iżvilupp urban sostenibbli, u billi jiġi stabbilit netwerk għall-iżvilupp urban;

N.  billi l-prinċipju ta' sħubija stabbilit fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni (ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013) u l-Kodiċi ta' Kondotta Ewropew jobbliga lill-Istati Membri jiżguraw l-involviment bikri ta' awtoritajiet urbani fil-proċess ta' tfassil ta' politika tal-UE;

Id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE

1.  Huwa tal-fehma li l-politiki tal-UE għandhom jappoġġaw u jippermettu lill-bliet u liż-żoni urbani funzjonali jesprimi u jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom bħala muturi għat-tkabbir ekonomiku, l-impjiegi, l-inklużjoni soċjali u l-iżvilupp sostenibbli; jemmen, għaldaqstant, li dawn il-bliet u ż-żoni urbani funzjonali jeħtieġu li jiġu assoċjati aktar mill-qrib maċ-ċiklu kollu tat-tfassil tal-politika Ewropea;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni u, fejn xieraq, lill-Istati Membri jipproponu modi biex jintroduċu mekkaniżmu ta' twissija bikrija billi jadattaw l-għodod disponibbli u skont l-Artikolu 6 tal-Protokoll dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipji ta' Sussidjarjetà u Proporzjonalità, filwaqt li l-gvern sottonazzjonali jingħata l-possibbiltà li josserva jekk il-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità ġewx meqjusa, li jippermettu lill-gvernijiet sottonazzjonali jiġu involuti fil-proċessi politiċi minn stadju bikri u jippermettu strateġiji ta' żvilupp territorjali infurmati tajjeb u implimentazzjoni aktar effiċjenti tal-leġiżlazzjoni futura;

Lejn Aġenda Urbana integrata Ewropea

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni li taħdem lejn Aġenda Urbana Ewropea; jappoġġa l-istabbiliment tiegħu bħala qafas koerenti għall-politiki tal-UE b'dimensjoni urbana bil-għan li jkun hemm rabta aħjar bejn is-soluzzjonijiet urbani u l-isfidi tal-UE, biex ikun hemm adegwament aħjar tal-politiki settorjali u tal-livelli ta' governanza, biex il-finanzjament tal-UE jkun immirat aħjar għall-isfidi urbani rilevanti u biex ikun hemm valutazzjoni aħjar tal-impatt territorjali tal-politiki settorjali; jemmen li l-Aġenda Urbana Ewropea għandha, b'mod partikolari, tippromwovi l-iżvilupp tal-aħjar soluzzjonijiet ta' governanza immirati biex jintlaħqu b'suċċess l-isfidi u l-objettivi ta' żvilupp sostenibbli, ekonomiċi u soċjalment inklużivi tal-bliet u taż-żoni urbani funzjonali fl-Ewropa;

4.  Jirrikonoxxi li, minkejja li m'hemm l-ebda kompetenza espliċita tal-UE fir-rigward tal-iżvilupp urban, firxa wiesgħa ta' inizjattivi tal-UE għandhom impatt dirett/indirett fuq il-bliet u ż-żoni urbani funzjonali; għalhekk huwa tal-opinjoni li l-politiki urbani nazzjonali u reġjonali li huma żviluppati sew u stabbiliti huma prerekwiżit għal Aġenda Urbana Ewropea; iqis li din tal-aħħar għandha tikkostitwixxi strateġija li tindirizza l-bliet u ż-żoni urbani funzjonali fl-UE li, fuq medda twila ta' żmien, se tiżviluppa f'politika urbana fil-livell tal-UE; jenfasizza f'dan il-kuntest li l-iżvilupp territorjali urban għandu jkun ibbażat fuq organizzazzjoni territorjali bbilanċjata bi struttura urbana poliċentrika skont l-Aġenda Territorjali tal-UE tal-2020;

5.  Huwa konvint li l-Aġenda Urbana Ewropea għandha tkun sforz konġunt bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u l-partijiet interessati l-oħra biex jiġu razzjonalizzati, kkoordinati u implimentati l-politiki tal-UE b'dimensjoni urbana permezz ta' approċċ prattiku, integrat u kkoordinat, imma li xorta waħda jkun flessibbli, fil-bliet u ż-żoni urbani funzjonali u magħhom, b'kunsiderazzjoni tal-ispeċifiċitajiet territorjali lokali u fir-rispett tal-arkitettura istituzzjonali ta' kull Stat Membru;

6.  Jemmen li Aġenda Urbana Ewropea għandha tkun kompletament konformi mal-għanijiet globali u l-istrateġija tal-UE, b'mod partikolari l-istrateġija Ewropa 2020, u l-objettivi tal-koeżjoni territorjali; jenfasizza li l-fruntieri amministrattivi qegħdin isiru inqas u inqas rilevanti fit-tentattiv li jiġu indirizzati l-isfidi tal-iżvilupp fil-livell reġjonali u lokali; jemmen, għalhekk, li l-Aġenda Urbana Ewropea għandha tkun inklużiva u tikkunsidra b'mod ċar id-diversità tal-entitajiet territorjali fl-UE u l-konnessjonijiet transkonfinali u bejn spazji rurali u urbani, inklużi s-servizzi li ż-żoni urbani funzjonali jipprovdu għall-periferiji tagħhom;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni toħroġ b'komunikazzjoni li tagħti dettalji tal-karatteristiċi tal-Aġenda Urbana Ewropea futura, abbażi tal-"acquis urban" u l-konsultazzjoni estensiva ma' partijiet interessati differenti, inkluzi s-sħab ekonomiċi u soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili; jitlob lill-Kummissjoni tinkludi l-Aġenda Urbana Ewropea fil-programm ta' ħidma annwali tagħha;

L-integrazzjoni ta' approċċ integrat għall-iżvilupp territorjali fit-tfassil tal-politika u l-leġiżlazzjoni tal-UE

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tapplika approċċ territorjali integrat ibbażat aktar fuq il-post meta jiġu konċettwalizzati inizjattivi politiċi ġodda mmirati lejn ż-żoni urbani, sabiex tkun żgurata l-konsistenza u sabiex il-bliet u ż-żoni urbani funzjonali jingħataw is-setgħa li jwettqu l-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020 ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, permezz ta', fost affarijiet oħra, l-implimentazzjoni ta' approċċ integrat tal-UE li jappoġġa proġetti intelliġenti u sostenibbli fil-bliet Ewropej, li jgħinu fil-promozzjoni tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku;

9.  Jitlob lill-Kummissjoni tintroduċi, bħala regola ġenerali, valutazzjoni tal-impatt territorjali fuq id-dimensjoni urbana sabiex tkun żgurata l-fattibbiltà prattika fl-inizjattivi politiċi tal-UE rilevanti kollha fil-livell reġjonali u lokali, li tkun miftuħa għal kontribut mil-livelli deċentralizzati tal-gvernijiet fit-tfassil ta' valutazzjonijiet tal-impatt u ta' politiki ġodda (approċċ minn isfel għal fuq), u tiżgura li l-politiki settorjali rilevanti kollha tal-UE jindirizzaw b'mod adegwat l-isfidi li jiffaċċaw il-bliet u ż-żoni urbani funzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tikkonċentra dawn il-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali fuq l-elementi li ġejjin: żvilupp territorjali bilanċjat, integrazzjoni territorjali, aspetti ta' governanza, regolamentazzjoni, implimentazzjoni fil-livell lokali, u koerenza ma' objettivi politiċi oħra;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissistematizza u tanalizza d-data kollha disponibbli u l-oqfsa kunċettwali komuni ("acquis urban") sabiex tipprevjeni d-duplikazzjoni u l-inkonsistenzi u tipprovdi definizzjoni ċara ta' żvilupp urban sostenibbli integrat u b'hekk tidentifika l-objettivi komuni koerenti u trasparenti tal-UE f'dan il-qasam;

11.  Huwa konvint li sabiex tkun tista' tivvaluta liż-żoni urbani b'mod aktar preċiż milli biss bl-indikatur tal-PDG, trid issir disponibbli biżżejjed data; jemmen, għalhekk, li l-Eurostat għandu jipprovdi u jikkumpila aktar data dettaljata lokali u li għandha titkompla l-ħidma fuq l-Awditjar Urban u fuq sondaġġi simili; jistieden ukoll lill-Kummissjoni taħdem fuq strumenti li jistgħu ikejlu l-progress u l-impatt ta' aġenda urbana integrata fil-livell tal-UE;

12.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tnaqqas il-burokrazija marbuta mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni attwali tal-UE fil-livell lokali, u tiżgura li r-regolamentazzjoni futura kollha tanalizza bir-reqqa l-konsegwenzi tal-implimentazzjoni tagħha fil-livell lokali;

Id-dimensjoni urbana tal-istrumenti u l-finanzjament tal-politiki tal-UE

13.  Ifakkar li l-politika ta' koeżjoni tal-UE u l-istrumenti finanzjarji tagħha huma mgħammra aħjar biex jappoġġaw strateġiji territorjali integrati kumplessi għaż-żoni urbani funzjonali permezz ta' ppjanar strateġiku u regoli komuni; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti l-ġodda disponibbli bħall-ITI u s-CLLD, kif ukoll mill-programmi operattivi (PO) flessibbli l-ġodda, sabiex jappoġġaw b'suċċess l-implimentazzjoni ta' pjanijiet integrati għall-iżvilupp urban; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jfasslu sett koerenti ta' indikaturi biex jivvalutaw aħjar id-dimensjoni urbana tal-operazzjonijiet implimentati u l-inizjattivi ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej;

14.  Jenfasizza l-bżonn li jiġi sfruttat kemm jista' jkun il-potenzjal tal-istrateġiji makroreġjonali għall-implimentazzjoni b'suċċess tal-approċċ urban integrat; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi u tintegra b'mod adegwat aspetti tal-Aġenda Urbana Ewropea u tenfasizza d-dimensjoni urbana fi ħdan l-istrateġiji makroreġjonali tal-UE li jirrappreżentaw mudell għall-ippjanar u l-governanza f'diversi livelli;

15.  Jiddispjaċih li, għalkemm il-politika ta' koeżjoni l-ġdida tinkludi aspetti ġuridikament vinkolanti b'rabta mas-settur urban, speċjalment fir-rigward tal-involviment tal-bliet fil-fażi ta' programmazzjoni, il-parteċipazzjoni reali tar-rappreżentanti tal-bliet u dawk urbani fit-tiswir tal-politika hija skarsa, u jemmen li tista' tittejjeb permezz ta' involviment bikri fil-proċessi politiċi, pereżempju permezz ta' konsultazzjoni, l-evalwazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki u esperjenzi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' sħubija (b'kunsiderazzjoni wkoll tal-Kodiċi ta' Kondotta Ewropea dwar is-Sħubija (l-Artikolu 5.3 tar-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni (Regolament (UE) Nru 1303/2013)) meta jkunu qed jiġu implimentati programmi u proġetti appoġġati mill-fondi tal-UE, b'attenzjoni partikolari għall-involviment ta' bliet, u żoni urbani funzjonali fit-tħejjija, il-ġestjoni u l-governanza tal-programmi, inkluż fil-livell transkonfinali;

16.  Jitlob li jkun hemm involviment akbar tal-bliet fil-programmi tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment; jemmen li t-tagħlimiet li jinsiltu minn dan jistgħu jservu bħala rakkomandazzjoni importanti għal politika fl-iżvilupp tal-politika ta' koeżjoni wara l-2020; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni tivverifika l-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana Ewropea f'għadd ta' oqsma tematiċi, li jirriflettu l-isfidi ta' żoni urbani ("Proġetti Pilota Urbani"), b'mod partikolari billi jiġi żgurat koordinament orizzontali tad-diversi politiki tal-UE, it-tneħħija ta' sovrappożizzjonijiet eżistenti u l-applikazzjoni ta' mudell ta' governanza f'diversi livelli u t-twettiq tal-valutazzjonijiet tal-impatt territorjali; jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament dwar il-progress u r-riżultati f'dan ir-rigward fuq bażi regolari;

17.  Jitlob koordinament u integrazzjoni aħjar tal-politiki ta' investiment tal-UE li għandhom il-potenzjal li jiżguraw, żvilupp urban integrat li huwa sostenibbli u soċjalment inklużiv; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-qafas regolatorju sabiex jinħolqu sinerġiji bejn il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS), il-programmi sussidjati tal-UE (bħal LIFE, Orizzont 2020, Enerġija Intelliġenti-Ewropa, eċċ.) u l-fondi tal-politika ta' koeżjoni, kif ukoll investimenti pubbliċi (jiġifieri nazzjonali), kapital privat u strumenti finanzjarji sabiex jinkiseb l-akbar effett ta' lieva tal-fondi investiti; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata l-kumplementarjetà tal-politiki kollha ta' investiment u sinerġija mtejba, u biex jiġi evitat finanzjament doppju u duplikazzjonijiet;

Mudell ġdid ta' governanza f'diversi livelli

18.  Ifakkar li l-isfidi ekonomiċi, soċjali u ambjentali ewlenin tal-lum imorru lil hinn mill-fruntieri amministrattivi tradizzjonali, u l-ispariġġ li qed jikber bejn l-istrutturi amministrattivi u territorjali (il-kooperazzjoni urbana u periurbana, kooperazzjoni urbana-rurali, eċċ.) jeħtieġ forom ġodda ta' governanza flessibbli sabiex ikompli l-iżvilupp territorjali integrat ta' żoni funzjonali;

19.  Jemmen li l-Aġenda Urbana Ewropea għandha tkun ibbażata fuq metodu ġdid ta' governanza f'diversi livelli, li jinvolvi l-livell lokali aktar mill-qrib fl-istadji kollha taċ-ċiklu politiku, biex b'hekk il-politiki jitressqu eqreb lejn ir-realtajiet u jsiru aktar konsistenti mat-trasformazzjonijiet kostanti fiż-żoni urbani funzjonali u jirreaġixxu fir-rigward tagħhom; huwa tal-fehma, f'dan ir-rigward, li l-Kumitat tar-Reġjuni, bħala l-korp li jirrappreżenta l-awtoritajiet lokali u reġjonali, għandu jkollhom rwol f'dan il-proċess;

20.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissuġġerixxi elementi għal mudell ta' governanza ġdid f'diversi livelli bbażat fuq sħubijiet u kollaborazzjoni ġenwina, li tmur lil hinn minn sempliċi konsultazzjonijiet mal-partijiiet ikkonċernati, mudell li jgħaqqad flimkien strutturi governattivi formali ma' strutturi informali ta' governanza flessibbli li jikkorrispondu għar-realtajiet l-ġodda tas-soċjetà diġitalizzata tan-"netwerk", u li jkun adattat għall-iskala li fiha jeżistu l-isfidi, mudell li jtejjeb il-kooperazzjoni f'diversi livelli, kemm vertikali kif ukoll orizzontali, b'atturi governattivi u mhux governattivi fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u Ewropew, li b'hekk iressaq il-gvern eqreb lejn iċ-ċittadini u jtejjeb il-leġittimità demokratika tal-proġett Ewropew; jirrakkomanda li dan il-mudell "sui generis" imfassal apposta jsir il-metodu ta' ħidma tal-Aġenda Urbana Ewropea futura wara l-aċċettazzjoni tagħha min-naħa tas-sħab u wara li jkunu kkonsultati l-partijiet interessati rilevanti kollha;

Il-ġestjoni tal-għarfien u l-qsim tad-data

21.  Huwa tal-fehma li pjattaformi u netwerks urbani (bħal URBACT, in-Netwerk għall-Iżvilupp Urban) u iktar programmi għall-iskambju tal-għarfien bejn il-bliet (bħal Civitas, il-Patt tas-Sindki, Mayors Adapt, l-Inizjattiva għal Bliet u Komunitajiet Intelliġenti, il-Qafas ta' Referenza għall-Bliet Sostenibbli, ManagEnergy) offrew opportunità eċċellenti għall-involviment ta' atturi transkonfinali lokali u reġjonali fl-iżvilupp urban u l-iskambju ta' għarfien bejn l-atturi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkonsolida u tiżgura koordinament aħjar bejn dawn il-pjattaformi sabiex jippermettu lill-atturi lokali jifhmuhom aħjar u jinvolvu ruħhom magħhom b'mod aktar effiċjenti;

22.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jisfruttraw tajjeb il-qsim tal-għarfien u l-attivitajiet tal-bini tal-kapaċità li jipprovdu l-proġetti ffinanzjati mill-UE u attivitajiet ta' netwerking oħra bejn il-bliet; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiżviluppa mekkaniżmi għal qsim aħjar tar-riżultati tal-proġetti fis-servizzi tagħha u biex tiżgura li r-riżultati jintużaw kemm fi żviluppi ta' politika fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali;

23.  Jemmen li sabiex jiġu fformulati politiki mfassla aħjar, jeħtieġ li d-Database tal-Awditjar Urban jiġi aġġornat u mtejjeb; jinkoraġġixxi lill-Eurostat u lill-Kummissjoni jipprovdu u jikkumpilaw data aktar dettaljata, li tinġabar fejn ikunu implimentati l-politiki – f'ħafna każijiet fuq livell lokali; jenfasizza li l-ġbir ta' data tal-fluss – il-kejl tar-relazzjonijiet bejn il-bliet u ż-żoni tal-periferija u fi ħdan żoni urbani funzjonali – ukoll qed isir dejjem iżjed importanti sabiex jittejjeb il-fehim ta' dawn l-oqsma funzjonali kumplessi, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiġbor u tanalizza dik id-data; u taqlibha f'evidenza għal żviluppi politiċi;

L-implimentazzjoni tal-Aġenda Urbana Ewropea futura

24.  Jemmen li sabiex l-Aġenda Urbana Ewropea tkun għodda effikaċi, għandha tkun qafas kunċettwali komuni u aġġornat regolarment b'enfasi tematika fuq numru limitat ta' sfidi fil-kuntest usa' tal-għanijiet tal-Ewropa 2020 ta' tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli;

25.  Jemmen bis-sħiħ li dawn l-isfidi għandhom jirrispondu għall-kriterji li ġejjin: (1) ikunu konformi mal-qafas kunċettwali komuni; (2) ikunu sfidi urbani ewlenin b'impatt sinifikanti fuq il-bliet, u ż-żoni urbani funzjonali fl-Istati Membri u bejniethom; (3) ma jkunux jistgħu jiġu solvuti mill-Istati Membri unilateralment; (4) meta l-approċċ tal-UE jkollu valur miżjud evidenti; jitlob lill-Kummissjoni tibda taħdem fuq l-immappjar ta' tali sfidi, iżda wkoll li jidentifika l-problemi li għad fadal, inkoerenzi fil-politiki jew fil-kapaċità u n-nuqqasijiet fl-għarfien, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet interessati rilevanti kollha, b'mod partikolari dawk fil-livell lokali;

26.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li livell ogħla ta' koordinament transsettorjali tal-politiki b'dimensjoni urbana jiġi assigurat fil-livelli kollha tal-gvern biex jippermettu l-integrazzjoni aħjar ta' żvilupp urban integrat; jistieden lid-Direttorat Ġenerali għall-Politika Reġjonali u Urbana (DĠ REGIO), responsabbli għal politika urbana tal-UE, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-grupp eżistenti ta' bejn is-servizzi tal-Kummissjoni dwar l- "iżvilupp urban", biex imexxu dan il-proċess 'il quddiem u biex ikun żgurat li d-dimensjoni urbana titqies rilevanti fl-inizjattivi rilevanti ġodda kollha; jitlob lill-President tal-Kummissjoni Ewropea jaħtar tmexxija politika fi ħdan il-Kulleġġ tal-Kummissarji biex jagħti direzzjoni strateġika li l-Aġenda Urbana tal-Politiki Ewropej u biex jirrapporta kull sena lill-Parlament dwar l-Aġenda Urbana;

27.  Jitlob lill-Kummissjoni taħtar koordinatur speċjali urban tal-UE, ibbażat fuq servizzi diġà eżistenti jew entitajiet fi ħdan il-Kummissjoni, biex jissorvelja u jivvaluta l-implimentazzjoni prattika ta' tali koordinament b'mod orizzontali (fis-setturi ta' politika rilevanti kollha) u vertikali (fil-livelli kollha ta' gvern); huwa tal-opinjoni li l-koordinatur urban speċjali tal-UE għandu, bl-għajnuna ta' grupp ta' bejn is-servizzi tal-Kummissjoni dwar l-"iżvilupp urban", jistabbilixxu "punt uniku ta' servizz" dwar il-politiki urbani fi ħdan il-Kummissjoni u jiżgura l-ġbir, il-ġestjoni u d-disseminazzjoni korretta ta' data fuq il-politiki urbani fi ħdan u bejn is-servizzi tal-Kummissjoni u ma' diversi partijiet interessati b'tali mod li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' twissija bikrija u ta' sensibilizzazzjoni fi stadju bikri li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiġu involuti fil-proċessi ta' politika b'impatt fuq il-bliet u ż-żoni urbani funzjonali;

28.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiżviluppa, filwaqt li jintużaw l-istrutturi eżistenti u, pereżempju, bħala parti mill-"Proġett Pilota Urban", punti uniċi ta' informazzjoni mill-Istati Membri dwar id-dimensjoni urbana tal-politiki tal-UE (Punti uniċi ta' servizz Urbani), bil-għan li tingħata informazzjoni komprensiva b'mod partikolari fuq inizjattivi differenti tal-UE, linji gwida u possibbiltajiet fir-rigward tal-iżvilupp urban;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni torganizza summit urban regolari li jiffoka fuq il-forum "il-bliet ta' għada", b'hekk jgħaqqad flimkien il-partijiet interessati mil-livelli kollha ta' governanza u setturi differenti; jemmen li summits bħal dawn għandhom joffru opportunità reali għall-bliet biex jinvolvu ruħhom fi djalogu kostruttiv ma' dawk li jfasslu l-politika fl-oqsma ta' politika rilevanti u għandhom jgħinu sabiex jiġi vvalutat l-impatt tal-politiki tal-UE fuq il-bliet u ż-żoni urbani funzjonali u kif l-aħjar li jiġu involuti fl-inizjattivi li ġejjin;

30.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jassoċjaw b'mod sħiħ il-bliet u ż-żoni urbani funzjonali mal-iżvilupp u l-programmazzjoni ta' politika strateġika u jinvolvuhom fihom b'mod vinkolanti (bħal programmi ta' riforma nazzjonali, ftehimiet ta' sħubija u programmi operttivi); jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-iskambju ta' esperjenza tagħhom dwar il-programmi nazzjonali għall-iżvilupp urban, li jagħti s-setgħa lill-bliet biex jiksbu l-objettivi tal-Ewropa 2020, billi jistabbilixxu laqgħat regolari informali tal-Kunsill tal-ministri inkarigati mill-iżvilupp urban;

Dimensjoni esterna tal-Aġenda Urbana Ewropea

31.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu b'mod sħiħ ix-xogħlijiet preparatorji li għaddejjin għall-aġenda Habitat III u jiżguraw li l-Aġenda Urbana Ewropea futura tkun għalkollox kompatibbli u kkoordinata mal-għanijiet u l-objettivi ta' din l-aġenda urbana globali; jitlob lill-Kummissjoni tinforma regolarment lill-Parlament dwar id-dimensjoni esterna tal-Aġenda Urbana Ewropea u jemmen li l-aġenda urbana tista' ssir il-kontribut tal-UE għad-dibattitu internazzjonali dwar l-"Aġenda Urbana Ġdida" tan-Nazzjonijiet Uniti u l-konferenza Habitat III dwar id-Djar u l-Iżvilupp Urban Sostenibbli fl-2016;

32.  Jemmen li għandu jkun hemm impenn ċar, koerenti u miftuħ tal-UE u tal-Istati Membri, b'konsultazzjoni u kontribut tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, fl-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni (ISO) rigward l-iżvilupp ta' standards ġodda għal żvilupp urban sostenibbli, li jirrispettaw ix-xogħol fuq linji gwida Universali tan-NU dwar l-ippjanar urban u territorjali; jenfasizza li l-itandards ISO l-ġodda għandhom jitqiesu bħala għodda ta' appoġġ u mhux leġiżlattivi;

o
o   o

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.
(4) ĠU C 390 E, 18.12.2012, p.10.
(5) ĠU C 184 E, 6.8.2009, p. 95.
(6) Parag Khanna, Beyond City Limits, Foreign Policy, 6 ta' Awwissu 2010.
(7) Eurostat - City Statistics, 2014.
(8) The Vertical Farm, www.verticalfarm.com.
(9) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 1997 "Lejn aġenda urbana fl-Unjoni Ewropea" (COM(1997)0197).


Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni
PDF 442kWORD 182k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2015 dwar "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Unjoni" (2014/2245(INI))
P8_TA(2015)0308A8-0173/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra s-sitt Rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali intitolat "Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi: il-promozzjoni tal-iżvilupp u l-governanza tajba fir-reġjuni u l-ibliet tal-UE", tat-23 ta' Lulju 2014 (minn hawn 'il quddiem “is-Sitt Rapport ta' Koeżjoni”),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b’mod partikolari l-Artikoli 4, 162, 174 sa 178 u 349 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (minn issa 'l quddiem "ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni")(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1300/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond ta’ Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1084/2006(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(8),

–  wara li kkunsidra l-"Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea 2020: Lejn Ewropa Inklużiva, Intelliġenti u Sostenibbli ta' Diversi Reġjuni", li sar qbil dwarha fil-Laqgħa Ministerjali Informali tal-Ministri responsabbli għall-Ippjanar Spazjali u l-Iżvilupp Territorjali li ltaqgħu f’Gödöllö, fl-Ungerija, fid-19 ta’ Mejju 2011,

–  wara li kkunsidra t-tmien rapport ta’ progress tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali intitolat “Id-dimensjoni reġjonali u urbani tal-kriżi” tas-26 ta’ Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar speċjalizzazzjoni intelliġenti: eċċellenza fin-netwerking għal Politika ta' Koeżjoni soda(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar l-istat ta' tħejjija tal-Istati Membri tal-UE għal bidu effikaċi u f’waqtu tal-perjodu l-ġdid ta’ Programmazzjoni tal-Politika ta’ Koeżjoni(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar is-seba’ u t-tmien rapporti ta’ progress tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Politika ta’ Koeżjoni tal-UE u r-Rapport Strateġiku tal-2013 dwar l-implimentazzjoni tal-programm għal bejn l-2007 u l-2013(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-ottimizzazzjoni tal-potenzjal tar-reġjuni ultraperiferiċi permezz tal-ħolqien ta' sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali tal-UE u programmi oħra tal-UE(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Novembru 2014 dwar id-dewmien fit-tnedija tal-politika ta’ koeżjoni 2014-2020(13),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta’ Ottubru 2011 bl-isem "Qafas għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ strumenti finanzjarji innovattivi - il-pjattaforma tal-UE tal-ekwità u tad-dejn" (COM(2011)0662),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 intitolata "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" (COM(2014)0903),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Jannar 2015 dwar "L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u Tkabbir"(COM(2015)0012),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu “L-istrumenti finanzjarji għall-SMEs kofinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali” (Rapport Speċjali Nru 2/2012),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar is-sitt rapport ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: Investiment għat-tkabbir u l-impjiegi, adottati mill-Kunsill Affarijiet Ġenerali (Koeżjoni) fid-19 ta’ Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-3 ta’ Diċembru 2014 dwar is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali(14),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-21 ta’ Jannar 2015 dwar il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni – Is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: investiment għat-tkabbir u l-impjiegi(15),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tad-9 ta' Marzu 2015 dwar it-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Ġustizzja tal-UE għal 2015 (COM(2015)0116),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Jannar 2015 intitolata "Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 2 għall-Baġit Ġenerali tal-2015" (COM(2015)0016),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2013 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE - Il-ġlieda kontra l-frodi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0173/2015),

A.  billi r-rwol determinanti tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE biex jitnaqqsu d-differenzi reġjonali, għall-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fost ir-reġjuni tal-Istati Membri u għall-appoġġ biex jinħolqu l-impjiegi huwa inkontestabbli; billi l-politika ta' koeżjoni tirrappreżenta l-politika ewlenija ta' investiment fl-ekonomija reali tal-UE kollha kemm hi, u hija għodda stabbilita għat-tkabbir u l-impjiegi fl-UE, b'baġit ta' aktar minn EUR 350 biljun sal-2020; billi waqt il-kriżi ekonomika, qed joħroġ fid-deher li l-politika ta' koeżjoni hi strument essenzjali għaż-żamma tal-livelli ta' investiment fid-diversi Stati Membri; billi f'xi Stati Membri hija s-sors ewlieni ta' investiment pubbliku; billi n-natura konkreta u viżibbli tar-riżultati tal-politika ta’ koeżjoni ġiet ikkonfermata permezz ta' bosta metodi ta’ evalwazzjoni differenti;

B.  billi l-aħħar ċifri għall-2013 juru qgħad fit-tul fl-Unjoni ta' livell storikament għoli, ta' 5,1 % tal-forza tax-xogħol; billi l-qgħad fit-tul għandu konsegwenzi kruċjali għall-individwi tul ħajjithom kolllha u jista’ jsir strutturali, b’mod partikolari fir-reġjuni periferiċi;

C.  billi dan l-aħħar kien hemm tnaqqis ta’ 15 % fl-investiment pubbliku fl-Unjoni f’termini reali, u billi ħafna reġjuni, b’mod speċjali dawk li qed jiffaċċjaw sfidi demografiċi, ma setgħux jikkontribwixxu b’mod adegwat għall-miri tal-Ewropa 2020, speċjalment għall-mira ewlenija ta’ rata ta’ impjieg ta’ 75 % sal-2020, il-mira ta' tnaqqis tal-faqar b’20 miljun persuna kif ukoll il-mira biex jiġi limitat it-tluq bikri mill-iskola;

D.  billi huwa ġustifikabbli li l-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni evolvew maż-żmien, b'rispons għall-isfidi u t-theddidiet il-ġodda li qed tħabbat wiċċha magħhom l-UE, u li l-politika nnifisha saret marbuta aktar mill-qrib mal-aġenda ġenerali tal-politika tal-UE; billi, madankollu, ir-rwol oriġinali tal-politika ta’ koeżjoni – it-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fir-reġjuni kollha tal-UE, u partikolarment fir-reġjuni inqas żviluppati u dawk żvantaġġati – għandu jissaħħaħ; billi l-politika ta’ koeżjoni m’għandhiex titqies bħala sempliċi strument biex jintlaħqu l-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020 u strateġiji tal-iżvilupp oħra tal-UE, iżda wkoll bħala politika ta' investiment fit-territorji;

E.  billi skont is-Sitt Rapport ta' Koeżjoni, il-kriżi ekonomika kellha effett negattiv fuq ix-xejra fit-tul ta’ tnaqqis tad-differenzi reġjonali u, minkejja xi tendenzi pożittivi, fil-bidu tal-perjodu l-ġdid ta’ programmazzjoni, id-disparitajiet bejn ir-reġjuni ta' diversi tipi differenti għadhom kbar;

F.  billi permezz ta’ konċentrazzjoni tematika, ir-riżorsi tal-politika ta’ koeżjoni qed jiffokaw fuq għadd limitat ta’ għanijiet strateġiċi li għandhom potenzjal fir-rigward tat-tisħiħ tat-tkabbir, ħolqien ta' impjiegi, inklużjoni soċjali, l-ambjent u t-tibdil klimatiku;

G.  billi rati għolja ta' tkabbir u konverġenza ekonomika reġjonali ma jistgħux jinkisbu mingħajr governanza tajba, minħabba l-ħtieġa ta' involviment aktar effettiv tas-sħab kollha fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, b'konformità mal-prinċipju ta' gvern b'diversi livelli u li jkun jinkludi s-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

H.  billi l-Ftehimiet ta’ Sħubija u l-Programmi Operazzjonali huma għodod strateġiċi biex jiggwidaw l-investimenti fl-Istati Membri u r-reġjuni, previsti fl-Artikoli 14, 16 u 29 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni bi skeda ta’ żmien għall-preżentazzjoni u l-adozzjoni tagħhom, skont liema skeda l-Ftehimiet ta’ Sħubija kellhom ikunu adottati sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Awwissu 2014, waqt li fil-każ tal-Programmi Operazzjonali, dawn kellhom ikunu adottati sa mhux aktar tard mill-aħħar ta’ Jannar 2015;

I.  billi l-Kunsill informali li ltaqa' f’Gödöllő, l-Ungerija, fl-2011 talab lill-Presidenzi suċċessivi tal-Kunsill tal-2015 u l-2016 biex jevalwaw u jikkunsidraw jekk l-Aġenda Territorjali tal-UE 2020 għandhiex tiġi rieżaminata, b’kunsiderazzjoni ta’ kif qed taħdem fil-prattika, u mbagħad eventwalment jagħmlu kwalunkwe rieżami tali;

J.  billi, skont l-Artikolu 175 tat-TFUE, l-Istati Membri għandhom iwettqu l-politiki ekonomiċi tagħhom u għandhom jikkoordinawhom b'mod li jilħqu l-objettivi ta' żvilupp armonjuż ġenerali u tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u billi l-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa l-ġdid għandu għaldaqstant jikkontribwixxi wkoll għal dawn l-objettivi;

Kisbiet u sfidi tal-politika ta’ koeżjoni fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u finanzjarja (perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013)

1.  Jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni hi l-istrument ewlieni tal-Unjoni Ewropea li jimmira li jnaqqas id-differenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali fost ir-reġjuni Ewropej, jagħti spinta lill-kompetittività tagħhom, jindirizza t-tibdil fil-klima u d-dipendenza enerġetika, filwaqt li fl-istess ħin jikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza li minkejja li ma kienx faċli għal xi Stati Membri u reġjuni li jikkofinanzjawhom, l-investimenti tal-politika ta’ koeżjoni taffew b’mod sinifikanti l-effetti negattivi tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, u taw stabbiltà lir-reġjuni billi żguraw fluss ta’ finanzjament meta l-investimenti pubbliċi u privati nazzjonali u reġjonali naqsu drastikament; jenfasizza li l-finanzjament tal-politika ta' koeżjoni kien ekwivalenti għal 20 % tal-investiment pubbliku fl-UE kollha kemm hi, u 57 % fil-pajjiżi ta' koeżjoni meqjusa flimkien;

2.  Jenfasizza li l-politika ta’ koeżjoni wriet il-kapaċità tagħha li tirreaġixxi malajr b’miżuri flessibbli biex tindirizza n-nuqqas ta’ investiment għall-Istati Membri u r-reġjuni, bħal pereżempju billi naqqset il-kofinanzjament nazzjonali u l-għoti ta’ pagamenti bil-quddiem addizzjonali, kif ukoll billi orjentat 13 % tal-finanzjament totali (EUR 45 biljun) f'direzzjoni oħra biex jappoġġaw l-attività ekonomika u l-impjiegi b’effetti diretti; jemmen li hu essenzjali, għaldaqstant, li jsir rieżami ta' nofs it-terminu, sostanzjali u profond, tal-objettivi u l-livelli ta' finanzjament b'allinjament ma' kwalunkwe żviluppi li jolqtu l-qagħda ekonomika u soċjali tal-Istati Membri jew ta' kwalunkwe reġjun tagħhom;

3.  Jissottolinja li t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jinkludi l-għan tal-promozzjoni tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u s-solidarjetà fost l-Istati Membri (l-Artikolu 3 tat-TUE).

4.  Jilqa’ r-riforma reċenti tal-politika ta’ koeżjoni bil-għan li jiġu indirizzati dawn l-isfidi, abbażi ta' qafas strateġiku koerenti għall-2014-2020 b’objettivi u inċentivi ċari għall-Programmi Operazzjonali kollha; jistieden lill-atturi kollha, speċjalment l-awtoritajiet ewlenin involuti, jiżguraw l-effikaċja u l-effiċjenza tal-implimentazzjoni tal-qafas leġiżlattiv il-ġdid għall-politika ta' koeżjoni, billi jiffokaw b'saħħa fuq il-ksib ta' prestazzjoni u riżultati aqwa; jistieden lill-atturi kollha involuti jistabbilixxu mekkaniżmi ta' governanza f'diversi livelli u ta' koordinazzjoni li jiffunzjonaw tajjeb, biex tkun żgurata l-konsistenza bejn il-programmi, appoġġ għall-istrateġija Ewropa 2020 u r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi;

5.  Jenfasizza li ambjent fiskali u ekonomiku stabbli, kif ukoll ambjent regolatorju, amministrattiv u istituzzjonali effiċjenti, hu kruċjali għall-effikaċja tal-politika ta’ koeżjoni, iżda dan ma jistax idgħajjef il-kisba tal-miri u l-objettivi tagħha; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li sospensjoni tal-pagamenti, kif prevista fl-Artikolu 23 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni, taf iddgħajjef il-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jippjanaw u jimplimentaw b’mod effettiv il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) għall-perjodu 2014-2020; jenfasizza li, sabiex jintlaħqu kemm l-għanijiet ta’ koeżjoni kif ukoll dawk tal-Istrateġija Ewropa 2020, jeħtieġ li l-politika tkun allinjata mill-qrib mal-politiki settorjali u għandhom jinkisbu sinerġiji ma' skemi ta’ investiment oħra tal-UE; ifakkar, madankollu, li b'konformità mal-Artikolu 175 tat-TFUE, il-politiki ekonomiċi kollha għandhom jistinkaw għall-ksib tal-objettivi ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

6.  Jenfasizza li żieda fil-kapaċità amminsitrattiva għall-programmazzjoni, implimentazzjoni u evalwazzjoni fl-Istati Membri hi kruċjali għal prestazzjoni f'waqtha u b'suċċess tal-Politika ta' Koeżjoni;

7.  Jindika li minkejja li l-politika ta' koeżjoni taffiet l-impatt tal-kriżi, id-differenzi reġjonali għadhom kbar u li l-objettiv tal-politika ta' koeżjoni li tnaqqas id-differenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali, bl-għoti ta' appoġġ speċjali lir-reġjuni inqas żviluppati, għadu ma ntlaħaqx kullimkien;

8.  Jirrimarka li, minkejja l-kriżi u l-fatt li l-finanzi lokali kienu taħt pressjoni kbira, l-awtoritajiet lokali u reġjonali kellhom ikomplu jissodisfaw it-talbiet taċ-ċittadini għal servizzi pubbliċi aktar aċċessibbli u ta' kwalità ogħla;

9.  Jenfasizza l-importanza li l-UE tindustrijalizza mill-ġdid biex jiġi żgurat li l-produzzjoni industrijali tirrappreżenta sehem ta' mill-inqas 20 % tal-PGD tal-Istati Membri sal-2020; ifakkar, għalhekk, l-importanza tal-appoġġ proattiv u t-tisħiħ tal-prinċipji tal-kompetittività, is-sostenibbiltà u l-affidabbiltà regolatorja sabiex jiġu promossi l-impjiegi u t-tkabbir fl-Ewropa;

Problemi ta’ implimentazzjoni u pagament

10.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-dewmien strutturali sinifikanti fil-bidu tal-perjodi ta' programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni, b'riżultat ta' dewmien fl-adozzjoni tal-Programmi Operazzjonali, fosthom permezz tal-proċedura ta' riport; jinnota li dan id-dewmien jista' jżid il-pressjoni fuq il-pagamenti, speċjalment fl-2017 u l-2018, u b'hekk iżid mat-tħassib dwar il-pagamenti arretrati, li jammontaw għal EUR 25 biljun għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013; jinnota li minkejja li s-sitwazzjoni fil-politika ta' koeżjoni, meta titqies f'kuntest usa', hija aħjar minn dik tal-iżvilupp rurali jew tas-sajd, dan it-tħassib jibqa' għax għal diversi Stati Membri, għadd sinifikanti ta' programmi għadhom ma ġewx adottati; jenfasizza li dan id-dewmien jista' jdgħajjef il-kredibilità tal-baġit tal-UE u l-politika ta' koeżjoni, l-effikaċja u s-sostenibbiltà tagħha, joħloq sfida lill-kapaċità tal-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li jiffinalizzaw l-implimentazzjoni tal-perjodu 2007-2013 u li jippjanaw b’mod effettiv u jimplimentaw il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) għall-perjodu 2014-2020; jilqa' l-isforzi riċenti tal-Istati Membri u l-Kummissjoni f'dan ir-rigward, iżda jistieden lill-Kummissjoni tagħmel kulma tista' biex tiżgura li l-Programmi Operazzjonali kollha li baqa' jiġu adottati mingħajr dewmien ulterjuri, għax ir-reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) metieġa biex jintużaw ir-riżorsi mhux allokati tal-2014 u l-Abbozz ta' Baġit emendatorju akkumpanjanti diġà ġew approvati mill-Parlament;

11.  Ifakkar li l-kwistjoni tal-pagamenti arretrati persistenti tikkonċerna lill-politika ta' koeżjoni aktar minn kwalunkwe qasam ieħor tal-politika tal-UE, b'EUR 24.8 biljun ta' kontijiet mhux imħallsa fi tmiem l-2014 għall-programmi 2007-2013 tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta' Koeżjoni (FK), jiġifieri żieda ta' 5.6 % meta mqabbel mal-2013; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tuża l-mezzi kollha disponibbli biex tkopri dawn il-kontijiet pendenti; jissottolinja li din is-sitwazzjoni tolqot l-ewwel u qabel kollox lill-aktar benefiċjarji żgħar vulnerabbli tal-politika ta' koeżjoni, bħall-SMEs, l-NGOs u l-assoċjazzjonijiet, billi l-kapaċità tagħhom ta' prefinanzjament tal-infiq hija limitata;

12.  Jilqa' l-fatt li l-Kunsill, il-Kummissjoni u l-Parlament qablu li fi tmiem is-sena, il-livell ta' kontijiet mhux imħallsa għandu jitnaqqas, partikolarment fil-politika ta' koeżjoni, għal-livell strutturali tiegħu matul il-QFP, kif stabbilit fid-dikjarazzjoni konġunta li takkumpanja l-ftehim baġitarju tal-2015, u jieħu nota tal-"Elementi għal pjan ta' pagament sabiex il-baġit tal-UE jirritorna lura għal triq sostenibbli" tal-Kummissjoni, li wasal fit-23 ta' Marzu 2015; ifakkar lill-Kummissjoni dwar l-impenn tagħha li tressaq pjan ta' pagament kemm jista' jkun malajr, u f'kull każ qabel il-preżentazzjoni tal-abbozz tal-baġit għall-2016; barra minn hekk, ifakkar lill-istituzzjonijiet kollha bl-impenn tagħhom li jaqblu fuq pjan, u jimplimentawh, mill-2015 u sar-reviżjoni ta' nofs it-term tal-QFP attwali;

13.  Jissottolinja l-fatt li r-reviżjoni proposta tal-limiti massimi tal-QFP(16) li tittrasferixxi EUR 11.2 biljun f'impenji għall-intestatura subtotali 1b skont l-Artikolu 19(2) tar-Regolament QFP u r-riport(17) ta' EUR 8.5 biljun f'impenji skont l-Artikolu 13(2)(a) tar-Regolament Finanzjarju mill-2014 sal-2015 jevitaw li jikkanċellaw l-approprjazzjonijiet fl-intestatura 1b, iżda ma jindirizzawx ġenwinament il-problema sottostanti tad-dewmien fil-programmazzjoni u lanqas ma jbiddlu l-fatt li dewmien serju fl-implimentazzjoni u l-pagament tardiv sistematiku jistgħu joħolqu sfidi sinifikanti lill-benefiċjarji finali;

14.  Jenfasizza li dan ix-xogħol b’lura msemmi aktar 'il fuq taħt l-Intestatura 1b tal-Baġit tal-UE fil-fatt huwa l-iktar fattur immedjat importanti li qed jipperikola l-implimentazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni, kemm fil-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti kif ukoll, prospettivament, f'dak attwali, jiġifieri 2014-2020; itenni li l-impatt ta’ dan ix-xogħol b'lura jinħass b’mod qawwi mill-atturi tal-politika ta’ koeżjoni fil-post, xi kultant b’mod estrem; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni sabiex tfassal pjan direzzjonali li jipprevedi skeda ta’ żmien speċifika ta’ azzjonijiet tal-politika konkreti u pass b'pass, appoġġati b'mezzi baġitarji magħżula speċifikament, sabiex jitnaqqas u eventwalment jintemm għalkollox, id-dewmien fil-ħruġ tal-pagamenti; jittama li l-Kunsill finalment se jirrealizza s-serjetà u insostenibbiltà tas-sitwazzjoni, u jkun lest li jikkontribwixxi attivament biex tinstab soluzzjoni stabbli għall-problema; jinsab konvint li l-ewwel objettiv ta’ dawn l-azzjonijiet għandu jkun li l-2015 issir is-sena li fiha dan it-tnaqqis fid-dewmien tal-ħruġ tal-pagamenti jinħass b’mod tanġibbli;

15.  Jenfasizza li huwa essenzjali li l-implimentazzjoni tal-Programmi Operazzjonali tibda malli jiġu adottati, biex jiġu massimizzati r-riżultati tal-investimenti, tingħata spinta lill-ħolqien tal-impjiegi, jiżdied it-tkabbir tal-produttività u jingħata kontribut lill-miri klimatiċi u tal-enerġija tal-Unjoni, u li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jagħmlu ħilithom kollha biex l-adozzjoni tagħhom titħaffef, mingħajr ma titnaqqas il-kwalità tagħhom; jitlob li l-Kummissjoni — filwaqt li żżomm livell għoli ta’ attenzjoni fuq il-ħtieġa li titkompla l-ġlieda kontra l-frodi — tanalizza l-metodi kollha possibbli biex tirrazzjonalizza l-proċeduri interni tagħha sabiex tħaffef il-proċeduri abbażi taż-żewġ xenarji maħsuba għall-adozzjoni tal-Programmi Operazzjonali, biex ikun evitat dewmien ulterjuri fil-bidu tal-implimentazzjoni;

16.  Jitlob lill-Kummissjoni, fid-dawl ta' dan: tippreżenta lill-Parlament il-miżuri li għandha f'moħħha biex tiffaċilita, mill-aktar fis possibbli, l-implimentazzjoni tal-Programmi Operazzjonali, speċjalment biex tevita d-diżimpenji tal-fondi fl-2017, flimkien ma' skeda ta’ żmien proposta; tispjega l-impatt tad-dewmien fil-ħruġ tal-pagamenti fuq il-bidu tal-implimentazzjoni tal-Programmi Operazzjonali l-ġodda; u biex tippreżenta soluzzjonijiet biex tillimita l-ħsara kemm jista' jkun; jesiġi, barra minn hekk, li l-Kummissjoni, fil-kuntest tar-rapport dwar l-eżitu tan-negozjati previsti fl-Artikolu 16(3) tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni, tanalizza l-impatt possibbli tal-bidu b'dewmien tal-politika ta' koeżjoni 2014-2020 fuq it-tkabbir u l-impjiegi, u li tipprovdi rakkomandazzjonijiet abbażi tat-tagħlimiet misluta;

17.  Iqis li l-QMP 2014-2020 li jirriżulta mill-modifika proposta tal-Kummissjoni tar-Regolament QFP, ir-riport għall-2015 biss l-approprjazzjonijietmhux allokati fl-2014, iżid b'mod sinifikanti r-riskju ta' diżimpenn fl-2018 fir-rigward tal-programmi mhux adottati fl-2014, u b'hekk jonqos milli jinkoraġġixxi t-teħid kollu tar-riżorsi tal-UE jew l-appoġġ effettiv għall-investiment tal-UE fit-tkabbir u l-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni biex meta tfassal ir-rapport strateġiku tal-2017 previst fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni tipproponi, suffiċjentement minn qabel, miżuri leġiżlattivi u miżuri oħra xierqa sabiex jiġi evitat ir-riskju ta' diżimpenn;

18.  Jinsab imħasseb dwar ir-rata baxxa ta' assorbiment tal-fondi fil-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013 f'ċerti Stati Membri u jwissi li r-raġunijiet sottostanti għandhom jiġu indirizzati biex jiġi evitat li l-problemi jirrepetu ruħhom fil-perjodu li jmiss; jenfasizza li l-kapaċità amministrattiva hija essenzjali għall-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tal-politika ta' koeżjoni; jenfasizza li l-instabbiltà fiċ-ċivil, flimkien mal-koordinament dgħajjef tal-politika, jistgħu idgħajfu l-implimentazzjoni b'suċċess tal-FSIE u jippreżentaw theddida għall-ġestjoni effettiva tal-politika b'mod ġenerali;

19.  Jissuġġerixxi li għat-tħejjija tal-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, dispożizzjonijiet regolatorji rigward il-programmazzjoni jistgħu jiġu introdotti separatament u qabel il-proposti baġitarji, bl-għan ta' diżakkoppjament tad-dibattiti dwar il-kontenut u dawk dwar il-flus, u biex jibqa' biżżejjed żmien għal tħejjija bir-reqqa tal-programmi; ifakkar li minkejja li d-dispożizzjonijiet regolatorji huma estensivi ħafna, ma jipprovdux assigurazzjonijiet kompluti lill-Istati Membri u lir-reġjuni, u jistgħu jkunu sors ta' interpretazzjonijiet li ma jaqblux; jinnota li għad baqa' lok ta' semplifikazzjoni tad-dispożizzjonijiet regolatorji;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra sewwa - filwaqt li tqis ir-riperkussjonijiet possibbli għat-tkabbir u l-impjiegi - l-applikazzjoni ta' korrezzjonijiet finanzjarji jew is-sospensjoni tal-pagamenti;

Il-politika ta’ koeżjoni fil-qalba ta’ investiment intelliġenti, sostenibbli u inklużiv 2014-2020

21.  Itenni r-rwol oriġinali tal-politika ta’ koeżjoni biex tiġi promossa l-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u jitnaqqsu l-inugwaljanzi reġjonali, waqt li jingħata appoġġ partikolari lil reġjuni inqas żviluppati; jenfasizza li min-natura u l-istruttura oriġinali tagħha, kif stipulat fit-Trattat, il-politika tikkontribwixxi b’mod inerenti għall-objettivi tal-Unjoni, b’mod partikolari għall-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020 ta’ tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, kif ukoll għall-objettiv fundamentali tat-Trattat ta' tisħiħ tal-koeżjoni territorjali;

22.  Jilqa’ l-Fond Ewropew għal Investiment Strateġiku (FEIS) u l-effett ta’ lieva potenzjali tiegħu; jenfasizza li l-għan ewlieni tal-FEIS għandu jkun li jiżgura koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, u għaldaqstant għandu jgawdu minnu r-reġjuni kollha tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li tkun żgurata addizzjonalità tar-riżorsi tal-FEIS - u għaldaqstant, il-kumplimentarjetà u s-sinerġija bejnu u bejn l-SFIE, filwaqt li jinżammu finanzjarjament separati minn xulxin - u, fuq l-istess nota, iwissi lill-partijiet konċernati jibnu fuq l-esperjenzi tagħhom miksuba mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Rkupru Ekonomiku Ewropew tal-2008, b'mod partikolari rigward investimenti intelliġenti;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżgura koordinament u konsistenza mtejba fost il-politiki kollha tal-investiment u tal-iżvilupp tal-UE, u b'mod partikolari l-politika ta' koeżjoni, kif ukoll fost l-FSIE, fondi oħra tal-UE u l-istrumenti ta' finanzjament reġjonali, sabiex tkun żgurata l-komplimentarjetà u sinerġija msaħħa, ikun evitat it-trikkib u d-duplikazzjoni tal-appoġġ, u jkun garantit valur miżjud Ewropew kbir tal-finanzjament tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta dwar is-sinerġiji fil-Rapporti ta' Koeżjoni li se joħorġu; jissuġġerixxi li l-implimentazzjoni ta’ dan il-pjan ta’ investiment ġdid tal-UE tibni fuq l-esperjenzi tat-tliet inizjattivi konġunti JEREMIE, JESSICA u JASMINE, li ppermettew żieda fl-għoti ta’ Fondi Strutturali minn EUR 1.2 biljun fil-perjodu 2000-2006 għal EUR 8.4 biljun fil-perjodu 2007-2012; jitlob li ssir analiżi wiesgħa u dettaljata b'konsultazzjoni mal-BEI u l-Fond ta' Investiment Ewropew;

24.  Jenfasizza li l-leġiżlazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni tipprevedi l-użu estiż ta’ strumenti finanzjarji - bil-għan li tirdoppja l-kontribuzzjoni tagħhom għal madwar EUR 25-30 biljun fil-perjodu 2014-2020 - billi testendi l-ambitu tematiku tagħhom u toffri aktar flessibbiltà lill-Istati Membri u lir-reġjuni; jenfasizza r-rwol tal-istrumenti finanzjarji fil-mobilizzazzjoni ta' investimenti konġunti addizzjonali - pubbliċi jew privati - sabiex jiġu indirizzati l-fallimenti tas-suq b'allinjament mal-prijoritajiet tal-istrateġija Ewropa 2020 u tal-politika ta' koeżjoni; jappoġġja, b’mod partikolari, "l-inizjattiva tal-SMEs" għal kondiviżjoni tar-riskji, u jistieden lill-Kummissjoni tistinka kemm tiflaħ biex tagħmel l-istrumenti finanzjarji faċli biex jintużaw u attraenti għall-Istati Membri u r-reġjuni, u b’hekk jiġi żgurat li l-irduppjar tal-kontribuzzjonijiet għall-istrumenti finanzjarji jinkiseb bil-merti proprji u li s-sens ta' sjieda tal-partijiet konċernati ta' dan l-għan ikun stabbilit sew; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żgurata t-trasparenza, l-obbligu ta' rendikont u l-iskrutinju għall-istrumenti finanzjarji li jinvolvu l-flus tal-UE;

25.  Iwissi, madankollu, li FSIE m’għandhomx idgħajfu l-koerenza strateġika u l-perspettiva fit-tul tal-programmazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni; jisħaq li riorjentament tal-Fondi Strutturali jkun kontroproduttiv u għaldaqstant ma jistax jiġi aċċettat, għax jipperikola l-effikaċja tagħhom u l-iżvilupp tar-reġjuni; jindika li l-allokazzjonijiet finanzjarji għall-Istati Membri miftiehma taħt l-Intestatura 1b tal-QFP 2014-2020 ma jistgħux jiġu modifikati għall-finijiet tal-FSIE; jenfasizza li l-għoti ta' self, ekwità jew garanziji minflok għotjiet, filwaqt li fih ċertu vantaġġi, jeħtieġ isir b’attenzjoni, b’kunsiderazzjoni tad-differenzi reġjonali u d-diversità tal-prattiki u l-esperjenzi bejn ir-reġjuni fir-rigward tal-użu tal-istrumenti finanzjarji; jindika li r-reġjuni l-aktar fil-bżonn ta’ stimoli għall-investiment sikwit ikollhom livell baxx ta' kapaċitajiet amministrattivi u ta’ assorbiment;

26.  Iwissi li l-flessibilità permessa fl-għażla tal-proġett għall-finanzjament mill-FSIE toħloq riskju li l-investimenti jispiċċaw għand Stati Membri aktar żviluppati, u b'hekk tiddgħajjef il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; jitlob lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib ir-relazzjoni bejn l-FEIS u l-FSIE;

L-effikaċja, l-effiċjenza u l-orjentazzjoni lejn il-prestazzjoni tal-politika ta’ koeżjoni 2014-2020

27.  Jenfasizza l-importanza tal-miżuri kollha immirati li jżidu l-effikaċja, is-semplifikazzjoni, l-effiċjenza, u l-orjentazzjoni lejn ir-riżultati u l-prestazzjoni tal-politika ta' koeżjoni, li għandhom jiżguraw bidla fid-direzzjoni minn kriterji tal-assorbiment tal-fondi lejn il-kwalità tal-infiq u l-valur miżjud kbir tal-operazzjonijiet kofinanzjati; jissuġġerixxi f'dan ir-rigward li jiġu ppreżentati aġġustamenti tekniċi tar-regolamenti tal-FSIE konċernati;

28.  Jilqa' l-konċentrazzjoni tematika b'appoġġ għal investimenti fi tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv bl-għan li jinħoloq it-tkabbir u l-impjiegi, jiġi indirizzati t-tibdil fil-klima u d-dipendenza enerġetika, u jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll l-enfasi msaħħaħ fuq ir-riżultati u ħila li jitkejlu fil-programmi 2014-2020, li għandhom jikkontribwixxu biex tiżdied aktar l-effiċjenza u l-effikaċja tal-politika ta' koeżjoni; jisħaq, fl-istess ħin, fuq ir-rekwiżit ta’ aktar flessibilità għar-reġjuni, skont l-ispeċifiċitajiet lokali u reġjonali, speċjalment fil-kuntest tal-kriżi qawwija, sabiex jonqsu d-differenzi fl-iżvilupp bejn id-diversi reġjuni tal-Unjoni; jitlob li jkun hemm approċċ ġenwinament integrat u territorjali li jimmira fuq programmi u proġetti li jindirizzaw il-ħtiġijiet fil-post;

29.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw koerenza bejn il-Programmi ta’ Riforma Nazzjonali u l-Programmi Operazzjonali bil-għan li r-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż jiġu indirizzati b’mod adegwat u li jkun hemm allinjament mal-proċeduri tal-governanza ekonomika, u b’hekk jillimitaw ir-riskju ta’ riprogrammazzjoni bikrija;

30.  Ifakkar, f’dan il-kuntest, l-oppożizzjoni inizjali tal-Parlament, u jenfasizza r-responsabbiltà tiegħu li jkun involut bis-sħiħ, li jikkontrolla u li jiskrutinja; jitlob li l-Kummissjoni u l-Kunsill jipprovdu informazzjoni sħiħa, trasparenti u f'waqtha dwar il-kriterji, u dwar il-proċedura sħiħa, li jistgħu jwasslu għal riprogrammazzjoni jew sospensjoni tal-impenji jew tal-pagamenti mill-FSIE skont l-Artikolu 23(15) tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni; jirrimarka li d-deċiżjoni dwar is-sospensjoni tal-impenji jew tal-pagamenti għandha titqies bħala l-aħħar għażla, meta l-għażliet kollha l-oħra jkunu ġew eżawriti u wara li jkunu saru valutazzjonijiet tar-riperkussjonijiet possibbli fuq it-tkabbir u l-impjiegi, peress li s-sospensjoni tal-impenji jew tal-pagamenti jista' jkollha konsegwenzi serji għall-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll għall-ilħuq tal-għanijiet tal-politika ta’ koeżjoni kollha kemm hi; iqis li l-għan tal-kundizzjonalità makroekonomika għandu jkun li tagħmel il-politika ta’ koeżjoni aktar sostenibbli u effiċjenti, u jirrifjuta l-idea li reġjuni, lokalitajiet jew ċittadini għandhom jiġu kkastigati minħabba deċiżjonijiet ekonomiċi meħuda mill-gvernijiet nazzjonali; jiġbed l-attenzjoni dwar l-ammont ta' xogħol amministrattiv possibilment konsiderevoli li tinvolvi r-riprogrammazzjonital-fondi; ifakkar li proposta għar-riprogrammazzjoni sottomessa skont l-Artikolu 23(4) ta’ dak ir-Regolament tirrikjedi l-konsultazzjoni prevja tal-kumitat ta’ monitoraġġ ikkonċernat kif imsemmi fl- Artikolu 49(3) tal-istess regolament;

31.  Jindika li l-irregolaritajiet jirriżultaw, sa livell sinifikanti, mir-rekwiżiti u r-regolamenti kumplessi; jenfasizza li l-għadd ta' irregolaritajiet fl-implimentazzjoni tal-programmi ta' koeżjoni jista' jitnaqqas permezz ta' semplifikazzjoni tal-ġestjoni u tal-proċeduri, trasponiment bikri tad-direttivi relevanti li jkun għadhom kemm ġew adottati u tisħiħ tal-kapaċità amministrattiva, notevolment fir-reġjuni inqas żviluppati; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jitnaqqas kemm jista’ jkun il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji meta jiġu żgurati l-verifiki meħtieġa ħalli jiġi żgurat l-użu xieraq tal-approprjazzjonijiet tal-FSIE, kif ukoll il-ħtieġa għal sforzi biex tkun ottimizzata u mtejba l-flessibilità tas-sistemi ta’ ġestjoni u ta’ kontroll, jitpoġġa fokus akbar fuq il-valutazzjoni tar-riskju u tiġi kkoreġuta l-allokazzjoni tar-responsabilitajiet fost l-awtoritajiet kollha, filwaqt li fl-istess ħin ma jiddgħajfux il-proċeduri ta’ kontroll imsaħħa stabbiliti, għall-prevenzjoni aktar effettiva tal-irregolaritajiet, u bħala konsegwenza, jiġu evitati korrezzjonijiet finanzjarji u interruzzjonijiet u sospensjonijiet tal-pagamenti; jinsab imħasseb dwar ir-rati baxxi ta’ żborż ta’ strumenti finanzjarji lill-benefiċjarji, b’mod partikolari fid-dawl tal-objettiv li jiżdied l-użu ta’ dawn l-istrumenti; jitlob, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet li jiġġestixxu u lill-partijiet konċernati oħra li jaħdmu b'dawn l-istrumenti finanzjarji, biex jagħmlu użu sħiħ tal-assistenza teknika pprovduta permezz tal-Pjattaforma ta' Konsultazzjoni Teknika - Strumenti Finanzjarji (FI-TAP) u l-pjattaforma "fi-compass";

L-impjiegi, l-SMEs, iż-żgħażagħ u l-edukazzjoni

32.  Jenfasizza li l-FSIE jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti biex jitreġġgħu lura l-konsegwenzi soċjali negattivi tal-kriżi, u li biex dan iseħħ, għandu jkun faċilitat u semplifikat approċċ integrat offrut mill-programmazzjoni b'fondi multipli, b'koordinazzjoni aktar effiċjenti tal-fondi u b'aktar flessibilità bejniethom, biex jingħata lok ta' sfruttament aħjar tas-sinerġiji bejn il-FSE u l-FEŻR b’mod partikolari; jenfasizza li l-investimenti ffinanzjati mill-FSE ma jistgħux jipproduċu l-aħjar riżultati jekk ma jkunx hemm l-infrastruttura rilevanti u istituzzjonijiet xierqa; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-FSIE jistgħu effettivament jappoġġaw l-inklużjoni soċjali, u għalhekk għandhom jiġu mobilizzati biex jgħinu l-integrazzjoni ta’ gruppi żvantaġġati u vulnerabbli, bħalma huma r-Rom u l-persuni b’diżabilità, kif ukoll biex jappoġġaw it-tranżizzjoni minn servizzi istituzzjonali għal servizzi bbażati fil-komunità għat-tfal u għall-adulti;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lis-sitwazzjoni tal-gruppi ta’ minoranza fl-Unjoni kollha, peress li huma soġġetti għal kull forma ta’ esklużjoni soċjali u għalhekk għandhom probabbiltà akbar li jbatu minn qgħad strutturali; iqis li kwalunkwe ppjanar ta' politika favur il-koeżjoni soċjali fl-Unjoni għandha tqis l-integrazzjoni tal-minoranzi;

34.  Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-SMEs fil-ħolqien tal-impjiegi u jindika l-potenzjal tagħhom għall-promozzjoni ta' tkabbir intelliġenti u ekonomiji diġitali u b'livell baxx ta’ karbonju; jitlob li jkun hemm ambjent regolatorju favorevoli li jiffaċilita t-twaqqif u l-ġestjoni ta’ dan it-tip ta' intrapriżi, speċjalment dawk imnedija minn persuni żgħażagħ u dawk f'żoni rurali; jenfasizza kemm hu importanti li jitnaqqsu l-piżijiet burokratiċi imposti fuq l-SMEs u li jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għall-finanzjament, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu appoġġati programmi u taħriġ li jippromwovu l-iżvilupp ta’ ħiliet intraprenditorjali;

35.  Jissottolinja li l-SMEs jikkostitwixxu 99 % tan-nisġa korporattiva tal-UE u jammontaw għal 80 % tal-impjiegi fl-Unjoni;

36.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-limitu massimu baxx wisq (EUR 5 miljun) stabbilit mill-Kummissjoni għall-appoġġ mill-FEŻR għal infrastrutturi kulturali u tat-turiżmu sostenibbli fuq skala żgħira, definit, barra minn hekk, bħala spiża totali aktar milli spiża eliġibbli, u jenfasizza l-impatt pożittiv b’saħħtu li dan it-tip ta' proġetti jista’ jkollu fuq l-iżvilupp reġjonali f’termini ta’ impatt soċjoekonomiku, l-inklużjoni soċjali u l-attrazzjoni;

37.  Jaqbel mal-analiżi tal-Kummissjoni li l-prijoritajiet ekonomiċi u soċjali, b'mod partikolari rigward it-tkabbir ekonomiku, min-naħa l-waħda u l-inklużjoni soċjali, l-edukazzjoni u l-iżvilupp sostenibbli min-naħa l-oħra, jistgħu jiġu bbilanċjati aħjar f'xi Stati Membri, mirfuda permezz ta' djalogu sinifikattiv mas-sħab u mal-partijiet konċernati; jenfasizza li strateġija ċara għat-titjib tal-qafas istituzzjonali tal-Istati Membri f'termini ta' kapaċità amministrattiva u l-kwalità tal-ġustizzja hija fattur ewlieni determinanti għal suċċess fil-kisba ta' dawn il-prijoritajiet;

38.  Jisħaq fuq l-importanza tal-FSE, mal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, li jeħtieġ li ssostni l-akbar għadd possibbli ta' proġetti vijabbli ta' ħolqien ta' impjiegi, pereżempju fil-forma ta' inizjattivi tan-negozju;

39.  Iwissi li r-rata allarmanti ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ qed thedded li tintilef ġenerazzjoni sħiħa, speċjalment f'reġjuni inqas żviluppati u f'dawk ir-reġjuni li ntlaqtu l-aktar mill-kriżi u mill-qgħad; jinsisti li l-progress fl-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol jeħtieġ jibqa’ prijorità ewlenija, u li l-kontribuzzjoni attiva tal-UE hija indispensabbli biex din tinkiseb, u li għaliha l-użu integrat tal-FSE, l-FEŻR, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ jistgħu jagħtu kontribut kbir; iqis li għandu jittieħed approċċ aktar orjentat lejn ir-riżultati f'dan ir-rigward, biex ikun żgurat l-aktar użu effettiv tar-riżorsi disponibbli, u b'hekk jingħataw spinta l-impjiegi u l-kompetittività, jiġi ġġenerat aktar dħul u tgawdi l-ekonomija kollha tal-UE; jenfasizza, f'dan il-kuntest, ir-rwol ewlieni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex tgħin lil żgħażagħ taħt il-25 sena jsibu impjieg ta' kwalità jew inkella jiksbu l-edukazzjoni, il-ġiliet u l-esperjenza meħtieġa biex isib impjieg; jisħaq li r-riżorsi kollha meħtieġa biex jiġu implimentati l-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-miżuri l-oħra koperti mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ jeħtieġ jiġu provduti mill-aktar fis possibbli; jemmen li għandhom jintużaw indikaturi tal-impatt li jkunu ċari u jinftiehmu faċilment, li permezz tagħhom il-kontribut tal-fondi tal-UE għat-tkabbir u l-impjiegi jista' jitkejjel kif jixraq;

40.  Jisħaq li jeħtieġ ikomplu l-isforzi biex jinstabu modi oħra biex titjieb il-prestazzjoni fir-rigward tal-impjieg taż-żgħażagħ, minħabba li minkejja l-adozzjoni tar-Regolament tal-FSE u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, ir-riżultati ma kinux tajbin; jindika li l-UE hi kommessa politikament li tipprovdi appoġġ immedjat għall-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol;

41.  Jenfasizza li minħabba bidliet fix-xejriet tal-produzzjoni u minħabba li l-popolazzjoni qed tixjieħ, ir-rwol tal-FSE u tal-investimenti fl-adattament tal-ħiliet tal-ħaddiema żdied b’mod sinifikanti; jemmen bil-qawwa li, f’dan ir-rigward, il-FSE għandu jikkumplimenta l-approċċi nazzjonali fl-Istati Membri; jappella lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jiżguraw li r-riżorsi disponibbli jintużaw bl-aktar mod effikaċi u effiċjenti possibbli, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-impjegabbiltà tal-ħaddiema, l-inklużjoni soċjali u l-ugwaljanza bejn is-sessi; jenfasizza, fl-istess ħin, li l-programmi ta’ taħriġ iffinanzjati taħt l-FSE għandhom ukoll jiġu adattati għall-ħtiġijiet tal-imprendituri u tal-persunal fil-livell maniġerjali, sabiex jiġi żgurat l-iżvilupp sostenibbli tal-kumpaniji - speċjalment SMEs - li jiġġeneraw il-maġġoranza tal-opportunitajiet ta’ impjiegi fl-Unjoni;

42.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jkomplu jaħdmu, partikolarment, biex itejbu u jestendu l-pjattaforma EURES bħala għodda effikaċi għall-faċilitazzjoni tal-mobbiltà tal-ħaddiema fl-Ewropa, b’mod partikolari l-mobbiltà transkonfinali, billi ttejjeb l-għarfien tal-ħaddiema dwar is-suq tax-xogħol tal-Unjoni, tinfurmawhom dwar l-opportunitajiet ta’ xogħol u tgħinhom fil-formalitajiet; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw u jappoġġaw in-netwerks tal-EURES, mhux l-inqas b'rikonoxximent tal-fatt li l-ħaddiema transkonfinali huma l-ewwel li jintlaqtu minn problemi ta’ adattament u minn diffikultajiet fir-rigward tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali; jinnota li minħabba li jgħaqqdu flimkien is-servizzi pubbliċi tal-impjiegi, is-sħab soċjali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali kif ukoll partijiet konċernati privati oħra, dawn in-netwerks jiffaċilitaw u jappoġġaw il-mobbiltà transkonfinali;

43.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-ħolqien tal-impjiegi ta’ kwalità tiġi indirizzata bl-għajnuna tat-teknoloġiji ġodda; huwa tal-fehma li l-Kummissjoni għandha torbot it-tnaqqis fil-qgħad mal-għodod tal-Aġenda Diġitali u ta' Orizzont 2020;

44.  Jirrimarka li n-numru ta’ dawk li jħallu l-iskola kmieni fl-UE għadu għoli ħafna u qed jolqot ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ; jisħaq li din il-problema jeħtieġ li tiġi ttrattata billi jkunu modernizzati s-sistemi edukattivi u l-kurrikula, bl-użu tal-assistenza tal-FSE;

45.  Jindika li mingħajr kooperazzjoni effikaċi bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u l-atturi tas-suq tax-xogħol se jkun impossibbli li jiġi rimedjat il-livell għoli ta' qgħad fost il-gradwati żgħażagħ fl-UE; jisħaq b'mod partikolari fuq il-fatt li permezz tat-tagħlim tal-għarfien u l-ħiliet meħtieġa fis-suq tax-xogħol, ir-rata ta' impjieg taż-żgħażagħ kibret u d-differenzi soċjali naqsu;

46.  Jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni tal-ġeneri fil-ħolqien tal-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni talloka biżżejjed fondi ħalli jiġi indirizzat il-qgħad fost in-nisa; huwa tal-fehma li n-nisa jistgħu jibbenefikaw minn avvanzi teknoloġiċi li jippermettulhom ħinijiet tax-xogħol aktar flessibbli, u jistieden lill-Kummissjoni tinvesti f’dan il-qasam;

47.  Itenni l-ħtieġa li jiġu stabbiliti faċilitajiet għall-indokrar ta' tfal żgħar biex tingħata spinta lill-preżenza tan-nisa fis-suq tax-xogħol, u b'hekk jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa proġetti innovattivi f'din id-direzzjoni; jindika li l-investiment fl-infrastrutturi pubbliċi, bħall-faċilitajiet għall-indokrar tat-tfal, iżid l-opportunitajiet għan-nisa li jipparteċipaw attivament fl-ekonomija u fis-suq tax-xogħol;

48.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri - bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet relatati mal-impjieg u l-inklużjoni soċjali - iqisu l-ħtiġijiet ta' nisa li jirritornaw mil-liv tal-maternità, jimmotivaw lil min iħaddem biex jirreklutaw lin-nisa li jkunu ħadu liv tal-maternità, jiffaċilitaw arranġamenti ta' xogħol flessibbli, u jippromwovu l-edukazzjoni ulterjuri (tagħlim tul il-ħajja), li jagħti lok lin-nisa jkomplu l-karrieri professjonali tagħhom mingħajr intoppi;

Il-governanza tal-politika

49.  Jisħaq li l-politika ta’ koeżjoni jeħtieġ li titwettaq fl-ispirtu ta’ governanza b’diversi livelli li tiffunzjona tajjeb, flimkien ma’ struttura effettiva biex twieġeb għall-ħtiġijiet tal-pubbliku u tan-negozji, u b’akkwist pubbliku trasparenti u innovattiv, li kollha huma elementi kruċjali biex jitjieb l-impatt tal-politika; jenfasizza, f’dan ir-rigward, li minkejja l-importanza tad-deċiżjonijiet meħuda fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri, l-awtoritajiet lokali u reġjonali sikwit għandhom ir-responsabbiltà amministrattiva primarja għall-investiment pubbliku, u li l-politika ta’ koeżjoni hija għodda vitali li tippermetti lil dawn l-awtoritajiet jiżvolġu rwol ewlieni fl-UE; itenni, għaldaqstant, il-ħtieġa ta' implimentazzjoni mifruxa tal-prinċipju tas-sħubija kif dettaljat fir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni u l-Kodiċi ta' Kondotta dwar is-Sħubija;

50.  Jirrakkomanda li r-riżorsi u l-għarfien tal-politika ta’ koeżjoni jintużaw biex tissaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tal-awtoritajiet pubbliċi b’mod sinifikanti, speċjalment fil-livell lokali u reġjonali, anke permezz ta’ użu akbar ta’ teknoloġiji ġodda u impetu għal proċeduri aktar semplifikati, sabiex titjieb il-ħila tagħhom li joffru servizzi ta’ kwalità lill-pubbliku; jistieden lill-Kummissjoni tiddefinixxi forom ta’ għajnuna amministrattiva għal kwistjonijiet ewlenin, bħall-iffissar ta’ miri għall-inizjattivi, il-valutazzjoni tar-riżultati tagħhom permezz ta’ indikaturi adatti u l-iddeterminar tal-passi li jmiss li għandhom jittieħdu sabiex jgħinu biex tinħoloq kultura amministrattiva msejsa fuq il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni fl-UE kollha kemm hi; iqis li importanti li jkun żgurat li tingħata assistenza lill-awtoritajiet lokali u reġjonali dwar l-istrumenti finanzjarji innovattivi, li huma kruċjali biex jiżdiedu r-riżorsi u l-investimenti, u dwar l-akkwist pubbliku, li għandu jintuża dejjem aktar bħala għodda tal-amministrazzjoni pubblika biex jitħeġġu l-innovazzjoni u l-kreattività;

51.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li s-Sitt Rapport ta' Koeżjoni ma jinkludix valutazzjoni fil-fond tal-kisbiet tal-faċilita ta' assistenza teknika JASPERS, li waqt li perjodu 2007-2013 ipprovdiet lill-Istati Membri bil-ħiliet esperti tekniċi meħtieġa għat-tħejjija ta' proġetti maġġuri b'livell għoli ta' kwalità għall-kofinanzjament b'fondi tal-UE; jilqa' t-tnedija tal-Pjattaforma tan-Netwerking JASPERS għal attivitajiet tal-bini tal-kapaċitajiet fl-2013 u t-twaqqif fl-2014 tat-taqsima taċ-Ċentru tan-Netwerking u l-Kompetenza li tipprovdi ħiliet esperti speċjalizzati fit-tħejjija tal-proġetti għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020; jilqa' t-twaqqif ta' Ċentru ta' Kompetenza dwar il-bini ta' kapaċitajiet amministrattivi fir-rigward tal-FSIE, li għandu jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kapaċità tal-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri involuti fil-ġestjoni u fl-implimentazzjoni tal-FSIE;

52.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qegħda kulma jmur tagħti aktar attenzjoni lir-rwol tal-governanza, u jaqbel li l-governanza tajba u s-servizzi pubbliċi b'livell għoli ta' kwalità - fosthom mingħajr korruzzjoni - huma essenzjali għal ambjent tal-investiment stabbli; jitlob li jkun hemm ambizzjonijiet kbar biex l-infiq tal-politika ta’ koeżjoni jkun inqas suxxettibbli għall-użu frawdolenti, u biex il-miżuri kontra l-frodi jiġu applikati b’mod strett;

53.  Jinsab konvint li l-Kodiċi ta’ Kondotta dwar is-Sħubija se jsaħħaħ il-parteċipazzjoni fi ħdan ir-reġjuni tul l-istadji kollha, fil-forma u fis-sustanza, u jeħtieġ jiġi implimentat għalkollox, għax għandu rwol fundamentali fit-tisħiħ tal-effetti tal-politika ta’ koeżjoni u l-konsolidazzjoni tal-impatt tagħha fil-post; ifaħħar lil dawk l-Istati Membri u r-reġjuni li rnexxielhom jinvolvu lis-sħab tagħhom fit-tħejjija tal-Ftehimiet ta' Sħubija u l-Programmi Operazzjonali skont il-Kodiċi ta' Kondotta dwar is-Sħubija; iqajjem tħassib serju, madankollu, dwar il-każijiet numerużi ta' applikazzjoni dgħajfa tal-prinċipju tas-sħubija, u jappella lill-Kummissjoni biex ma tapprovax programmi li ma jkollhomx livell biżżejjed ta' involviment tas-sħab; jenfasizza l-importanza tat-tixrid tal-eżempji ta' prattiki tajba fl-organizzazzjoni tas-sħubiji, kif dettaljat fil-Kodiċi ta' Kondotta; jitlob barra minn hekk lill-Kummissjoni, biex fuq bażi regolari tippreżenta rapport lill-Parlament li jivvaluta l-qagħda attwali tal-implimentazzjoni tal-prinċipju tas-sħubija;

Id-dimensjoni territorjali

54.  Jinnota bi tħassib in-nuqqas relattiv ta’ referenzi għall-approċċ territorjali, u b’mod partikolari għall-kooperazzjoni transfruntiera, fis-Sitt Rapport ta’ Koeżjoni, minkejja l-fatt li huwa għodda essenzjali biex tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; Jinnota li l-inklużjoni tal-aspetti transfruntiera u makroreġjonali kollha kien ikollha effett li tarrikkixxi, fir-rigward tal-infrastruttura, is-swieq tax-xogħol u l-mobilità, l-ambjent (inkluż il-pjan ta’ kontinġenza konġunta), l-użu u r-rimi tal-ilma, il-ġestjoni tal-iskart, il-kura tas-saħħa, ir-riċerka u l-iżvilupp, it-turiżmu, is-servizzi pubbliċi u l-governanza, fost l-oħrajn, billi dawn l-oqsma kollha jinkludu elementi u potenzjal transfruntiera notevoli; huwa tal-fehma li fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020 il-prestazzjoni tar-reġjuni tal-fruntieri u transfruntiera Ewropej inkwantu tat-tolleranza tal-kriżi — permezz ta’ tkabbir aktar intelliġenti, aktar inklużiv u aktar sostenibbli — se titjieb b’mod konsiderevoli;

55.  Jenfasizza l-fatt li l-approċċ integrat u territorjali hu partikolarment essenzjali fir-rigward ta’ kwistjonijiet ambjentali u tal-enerġija;

56.  Jilqa’ l-introduzzjoni ta’ għodda ġodda għall-koordinazzjoni tal-partijiet konċernati u l-integrazzjoni tal-politiki tal-UE, u biex jiffokaw l-investimenti fuq il-ħtiġijiet reali fil-post, bħalma huma l-Investimenti Territorjali Integrati u l-Istrumenti tal-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità, li jaħdmu għal żvilupp territorjali bbilanċjat; ifakkar fl-importanza tal-adozzjoni ta’ strumenti għall-valutazzjoni tal-impatt territorjali tal-politiki, bl-għan ewlieni li jitqies l-impatt territorjali tal-politiki tal-UE fuq l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u li tinġibed iktar attenzjoni fuq dak l-impatt fil-proċess leġiżlattiv, filwaqt li jiġu nnotati l-isfidi eżistenti għall-implimentazzjoni ta' approċċi territorjali integrati, meta nqisu d-differenzi regolatorji li għad baqa' fost il-fondi tal-UE u l-livelli differenti ħafna ta’ setgħa ta' azzjoni (empowement) tal-komunitajiet lokali u reġjonali fost l-Istati Membri u l-awtoritajiet ta’ ġestjoni; jitlob li jkun hemm strateġija tal-investiment tal-UE ġenerali integrata, u tisħiħ tal-Aġenda Territorjali tal-UE 2020, li ġiet adottata taħt il-Presidenza Ungeriża fl-2011 u hi skedata li tiġi evalwata mill-Presidenzi tal-2015, li tinkludi l-Aġenda Urbana tal-UE; huwa tal-opinjoni li għandha tingħata attenzjoni partikolari lit-tisħiħ tar-rwol ta’ żoni urbani żgħar u ta’ daqs medju;

57.  Jinnota bi tħassib in-nuqqas ta’ referenza għal kif il-prinċipji u l-prijoritajiet tal-Aġenda Territorjali tal-Unjoni Ewropea 2020 ġew ikkunsidrati fl-implimentazzjoni tal-programmi tal-politika ta’ koeżjoni tal-2007-2013; jitlob li waqt il-perjodu 2014-2020 jiġu stabbiliti mekkaniżmi xierqa ta' evalwazzjoni, biex tkun tista' ssir valutazzjoni tad-dimensjoni territorjali tal-politika ta' koeżjoni;

58.  Japprova, madankollu, l-fatt li kwistjonijiet urbani huma enfasizzati fir-rapport, minħabba l-importanza tal-bliet fl-ekonomija globalizzata u l-impatt potenzjali tagħhom f’termini ta’ sostenibbiltà; jinnota l-impenn tar-reġjuni u l-bliet Ewropej biex issir it-tranżizzjoni lejn tkabbir aktar ekoloġiku, kif inkorporat fil-Patt tas-Sindki; jissuġġerixxi li d-distakki kbar fl-iżvilupp bejn iż-żoni rurali u dawk urbani għandhom jiġu indirizzati kif jixraq, bħalma għandhom jiġu indirizzati l-problemi fir-reġjuni metropolitani, li qed juru reżiljenza filwaqt li għadhom vulnerabbli;

59.  Jiddispjaċih li s-Sitt Rapport ta' Koeżjoni ma jirreferix għall-iżvilupp territorjali poliċentriku bħala element ewlieni tal-kisba tal-koeżjoni territorjali u l-kompetittività territorjali f'konformità mal-Aġenda Territorjali 2020 u r-Rapport tal-2013 tan-Netwerk Ewropew għall-Osservazzjoni tal-Iżvilupp u l-Koeżjoni Territorjali, bl-isem "Nagħmlu l-Ewropa Miftuħa u Poliċentrika"; jenfasizza r-rwol tal-bliet żgħar u ta' daqs medju u kemm hu importanti li jitjiebu r-rabtiet funzjonali taċ-ċentri urbani mal-inħawi ta' madwarhom biex jinkiseb żvilupp territorjali bbilanċjat;

60.  Jitlob li jkun hemm aktar osservanza tal-Artikolu 174 tat-TFUE dwar il-koeżjoni territorjali, b’mod partikolari f’żoni rurali, b’attenzjoni kif xieraq lir-relazzjoni importanti bejn il-politika ta’ koeżjoni u l-iżvilupp rurali, b’mod partikolari fir-rigward ta’ żoni milquta minn tranżizzjoni industrijali, u reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti, bħar-reġjuni ultraperiferiċi, ir-reġjuni tat-tramuntana mbiegħda b’densità ta’ popolazzjoni baxxa, u reġjuni gżejjer, reġjuni transkonfinali u reġjuni muntanjużi; jirrakkomanda li jitqiesu wkoll l-isfidi demografiċi l-oħra li għandhom impatt maġġuri fuq ir-reġjuni, bħad-depopolazzjoni, il-fatt li popolazzjoni tkun qed tixjieħ u popolazzjonijiet mxerrda ħafna; jitlob lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikulari liż-żoni l-aktar żvantaġġati, f'termini ta' ġeografija u demografija, meta timplimenta l-politika ta’ koeżjoni;

61.  Huwa tal-fehma li s-Sitt Rapport ta' Koeżjoni ma jagħtix biżżejjed attenzjoni lill-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, meta jitqies li din ilha objettiv tal-politika ta’ koeżjoni sa mill-perjodu ta’ programmazzjoni 2007-2013; ifakkar il-potenzjal tar-Raggruppament Ewropew ta’ Kooperazzjoni Territorjali mhux biss bħala strument għall-ġestjoni tal-governanza transkonfinali, iżda wkoll bħala mezz li jikkontribwixxi għal żvilupp territorjali integrat b’mod komprensiv;

62.  Jitlob li jkun hemm koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn il-politika ta’ koeżjoni, l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni u l-Politika tal-Viċinat tal-UE, kif ukoll valutazzjoni aħjar u tixrid tar-riżultati tal-proġetti;

Il-politika ta’ koeżjoni fil-perspettiva fit-tul

63.  Ifakkar, fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal hawn fuq, il-ħtieġa li d-dibattitu tal-politika ta’ koeżjoni tal-UE jingħata dinamika ġdida; jiddikjara li s-sena tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fl-2019 ser tkun determinanti, peress li dak iż-żmien, il-Parlament elett ġdid u l-Kummissjoni l-ġdida se jkollhom jittrattaw it-tmiem tal-istrateġija Ewropa 2020 u QFP ġdid li jmiss, kif ukoll li jiżguraw il-ġejjieni tal-politika ta' koeżjoni wara l-2020 b'baġit adegwat u jħejju leġislazzjoni ġdida għall-politika ta’ koeżjoni; jinnota li d-dibattitu dwar il-politika ta’ koeżjoni jeħtieġ iqis il-limitizzjonijiet serji taż-żmien u d-dewmien esperjenzati fil-bidu tal-perjodu ta’ programmazzjoni attwali;

64.  Jenfasizza l-importanza kruċjali tal-kapaċitajiet amministrattivi; jistieden lil dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha ta’ governanza biex jiffavorixxu għajnuna teknika mmirata għall-implimentazzjoni tal-politiki ta’ koeżjoni b’mod ġenerali, u b'mod partikolari għall-użu estiż tal-istrumenti finanzjarji flimkien mal-FSIE;

65.  Iqis li l-miżuri tal-politika ta’ koeżjoni għandhom rwol essenzjali x’jiżvolġu fit-tnaqqis tad-disparitajiet kompetittivi interni u l-iżbilanċi strutturali fir-reġjuni li jeħtiġuha l-aktar; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-prefinanzjament sabiex tiffaċilita l-użu sħiħ tal-fondi mill-Istati Membri kkonċernati fil-perjodu 2014-2020, filwaqt li jiġi żgurat dejjem li l-prinċipju ta’ responsabbiltà tal-baġit ikun rikonoxxut;

66.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu dibattiti politiċi ta’ livell għoli b'mod regolari fi ħdan il-parlamenti nazzjonali dwar l-effikaċja, l-effiċjenza u l-implimentazzjoni f’waqtha tal-FSIE u dwar il-kontribut tal-politika ta’ koeżjoni għat-twettiq tal-objettivi makroekonomiċi;

67.  Jitlob li jsiru laqgħat regolari tal-Kunsill mal-ministri inkarigati mill-politika ta’ koeżjoni, biex tiġi indirizzata l-ħtieġa ta' monitoraġġ u ta' rispons għall-isfidi kostanti li qed tħabbat wiċċ magħhom il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali tal-UE;

o
o   o

68.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.
(4) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.
(5) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303.
(6) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 281.
(7) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(8) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(9) Testi adottati, P7_TA(2014)0002.
(10) Testi adottati, P7_TA(2014)0015.
(11) Testi adottati, P7_TA(2014)0132.
(12) Testi adottati, P7_TA(2014)0133.
(13) Testi adottati, P8_TA(2014)0068.
(14) ĠU C 19, 21.1.2015, p. 9.
(15) ĠU C 242, 23.7.2015, p. 43.
(16) Proposta għal Regolament tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (COM(2015)0015, 20.1.2015).
(17) Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar riport mhux awtomatiku mill-2014 sal-2015 u approprjazzjonijiet ta' impenn li għandhom jerġgħu jsiru disponibbli fl-2015, C(2015)0827, 11.2.2015).


Valutazzjoni tas-Sena Ewropea 2012 għat-Tixjiħ Attiv u Solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet
PDF 325kWORD 140k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2015 dwar ir-Rapport dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tas-Sena Ewropea 2012 għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (2014/2255(INI))
P8_TA(2015)0309A8-0241/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 940/2011/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Settembru 2011 dwar is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (2012)(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol(2),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 25 dwar id-drittijiet tal-anzjani,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kummissjoni dwar is-Summit Ewropew dwar l-Innovazzjoni għal Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu tad-9-10 ta’ Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' sfond tal-Kummissjoni tat-23 ta' Frar 2015 intitolat "Growing the Silver Economy in Europe" (It-tkabbir tal-ekonomija tal-anzjani fl-Ewropa),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-15 ta’ Settembru 2014 dwar l-implimentazzjoni, ir-riżultati u l-valutazzjoni ġenerali tas-Sena Ewropea 2012 għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (COM(2014)0562),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni intitolat "The 2015 Ageing Report. Economic and budgetary projections for the 28 EU Member States (2013-2060)" (Ir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2015. Tbassir ekonomiku u baġitarju għat-28 Stat Membru tal-UE) (European Economy 3|2015)

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Jannar 2014 intitolat “Rapport Konġunt dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (“id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali”) u tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas-27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (“id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza fl-Impjieg”) (COM(2014)0002),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu ‘Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020’ (COM(2013)0083),

–  wara li kkunsidra l-Pjan Direzzjonali dwar il-politika tal-Kummissjoni għal 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-Pakkett ta’ Investiment Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Frar 2012 intitolata “Aġenda għal Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli” (COM(2012)0055),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Frar 2012, intitolata ‘Il-Progress tal-Pjan Strateġiku tal-Implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu’ (COM(2012)0083),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru 2012 dwar is-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (2012): It-Triq ’il Quddiem’,

–  wara li kkunsidra r-rapport konġunt imħejji mill-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali u l-Kummissjoni tal-10 ta’ Ottubru 2014 intitolat ‘Protezzjoni soċjali adegwata għal ħtiġijiet ta’ kura fit-tul f’soċjetà li qed tixjieħ’,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol (Eurofound) tal-31 ta’ Ottubru 2014 dwar “l-aċċess għall-kura tas-saħħa fi żminijiet ta’ kriżi’,

–  wara li kkunsidra x-xogħol li qed isir bħalissa mill-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar it-Tixjiħ lejn Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-anzjani,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Fondazzjoni Eurofound "Work preferences after 50" (Il-preferenzi fir-rigward tax-xogħol wara l-età ta' 50 sena) (2014),

–  wara li kkunsidra d-dokument tal-Eurofound Foundation Focus intitolat 'Sustainable work: Toward better and longer working lives' (Ix-xogħol sostenibbli:Lejn ħajja ta’ xogħol itwal u aħjar) (Diċembru 2014),

–  wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond tas-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew ta’ Marzu 2015 intitolat ‘Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (2012)’,

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Ecorys tal-15 ta’ April 2014 intitolat ‘Evalwazzjoni tas-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet’,

–  wara li kkunsidra l-Koalizzjoni tal-partijiet ikkonċernati fl-EY 2012 ‘Pjan direzzjonali lejn u lil hinn mis-Sena Ewropea għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet 2012 (EY 2012)’, tal-10 ta’ Diċembru 2012,

–  wara li kkunsidra l-Ewrobarometru Speċjali 378 ta’ Jannar 2012, intitolat ‘Tixjiħ Attiv’,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta’ Lulju 2013 dwar l-Impatt tal-kriżi fuq l-aċċess għall-kura tal-gruppi vulnerabbli(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar Aġenda dedikata lill-Pensjonijiet Adegwati, Sikuri u Sostenibbli(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta’ Novembru 2010 dwar l-isfida demografika u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0241/2015),

A.  billi l-għan tas-Sena Ewropea 2012 għat-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet (EY 2012) kien li tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-valur tat-tixjiħ attiv, jiġi stimulat l-iskambju ta’ informazzjoni, jiġu promossi politiki dwar it-tixjiħ attiv u jinħoloq qafas għal azzjoni konkreta mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha, kif ukoll mill-partijiet ikkonċernati kollha fis-settur pubbliku u fis-settur privat;

B.  billi hu mistenni li sal-2050 l-età medja tal-persuni fl-UE se tkun ta' 'l fuq minn 50 sena;

C.  billi l-UE qed tiffaċċa bidliet demografiċi, soċjali u strutturali bla preċedent li jeħtieġ jiġu indirizzati mingħajr dewmien; billi t-tixjiħ tal-popolazzjoni b'mod ġenerali jkun akkumpanjat mit-tkabbir tal-għajnuna soċjali, tal-kura tas-saħħa u l-bżonnijiet ta’ kura għal persuni anzjani u l-familji tagħhom, filwaqt li l-kwalità fuq perjodu twil u s-sostenibbiltà tas-servizzi pubbliċi fl-UE ser jiddependu l-aktar fuq l-azzjoni li għandha tittieħed matul il-ftit snin li ġejjin;

D.  billi ż-żieda fl-istennija medja tal-għomor għandha titqies bħala gwadann għaċ-ċivilizzazzjoni u fattur ta' progress soċjali;

E.  billi fl-2006 twaqqaf id-Demographic Change Regions Network, in-netwerk tar-reġjuni dwar it-tibdil demografiku li jinkludi madwar 40 reġjun Ewropew, u billi dak in-netwerk għandu l-għan li jqajjem kuxjenza dwar kemm huma importanti sfidi bħat-tixjiħ u t-tnaqqis fir-rata tal-popolazzjoni għall-UE u għall-koeżjoni ekonomika u soċjali tagħha;

F.  billi l-għadd medju ta' tfal għal kull mara fl-UE huwa inqas mil-limitu minimu tat-tiġdid ġenerazzjonali, il-kriżi ekonomika kienet fattur fit-tnaqqis fir-rata tat-twelid u l-istennija tal-għomor tista' tiżdied b'ħames snin oħra sal-2050;

G.  billi t-tixjiħ attiv huwa fost l-akbar sfidi tas-seklu 21;

H.  billi, minbarra l-fenomenu tat-tixjiħ, hemm għadd dejjem akbar ta' reġjuni Ewropej fejn qed iseħħ tnaqqis demografiku minħabba rati tat-twelid li qed jonqsu, flimkien ma' tnaqqis fil-popolazzjoni u rati għoljin ta' tixjiħ, dipendenza u tnaqqis fl-għadd ta' persuni li jaħdmu; billi dawn il-fenomeni kollha huma aggravati fiż-żoni rurali tar-reġjuni kkonċernati, peress li huwa komuni li persuni jitilqu minn żoni rurali u jmorru jgħixu fi bliet kbar jew ta' daqs medju;

I.  billi t-tixjiħ attiv u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet huma essenzjali biex jintlaħqu l-għanijiet u l-miri tal-Ewropa 2020 u sabiex titwassal Ewropa kompetittiva, għanja u inklużiva;

J.  billi s-suċċess ta’ politiki dwar it-tixjiħ attiv huwa marbut bis-sħiħ mal-effikaċja ta’ firxa ta’ politiki ta’ nondiskriminazzjoni, protezzjoni soċjali, inklużjoni soċjali u saħħa pubblika żviluppati tul iċ-ċiklu tal-ħajja taċ-ċittadini u l-ħaddiema tal-UE;

K.  billi, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (id-WHO), il-kelma "attiv" tirreferi għat-tkomplija tal-parteċipazzjoni f'affarijiet soċjali, ekonomiċi, kulturali, spiritwali u ċiviċi, mhux biss il-kapaċità li wieħed ikun attiv fiżikament jew li jipparteċipa fil-forza tax-xogħol, u billi, konsegwentement, anzjani li jirtiraw mix-xogħol, u persuni li jirtiraw minħabba invalidità jew mard, jistgħu jibqgħu kontributuri attivi fil-familji, fost il-pari, il-komunitajiet u n-nazzjonijiet tagħhom;

L.  billi hemm bżonn ta' approċċ olistiku, filwaqt li jitqiesu l-elementi differenti li jikkontribwixxu sabiex jagħmlu x-xogħol sostenibbli tul il-ħajja għall-individwi kollha u għas-soċjetà kollha kemm hi;

M.  billi gruppi differenti ta' ħaddiema huma soġġetti għal kundizzjonijiet tax-xogħol differenti, li jwasslu għal inugwaljanzi fis-saħħa okkupazzjonali;

N.  billi jeżistu diskrepanzi immensi u viżibbli bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali f’dak li jirrigwarda l-politiki dwar it-tixjiħ attiv u l-politiki dwar il-protezzjoni soċjali fix-xjuħija, l-infrastruttura ta' appoġġ u r-riżorsi baġitarji;

O.  billi t-tixjiħ attiv u b'saħħtu joħloq bżonnijiet soċjali ġodda, li jirrikjedu investiment f'servizzi pubbliċi diversifikati – kemm servizzi eżistenti kif ukoll servizzi ġodda li għad iridu jinħolqu – u naturalment fil-qasam tas-saħħa u l-kura għall-anzjani, u billi dan jirrilaxxa potenzjal ġdid fir-rigward tat-tgawdija u l-estensjoni tal-ħin liberu u l-ħin tal-mistrieħ;

P.  billi l-kriżi finanzjarja u ekonomika kellha impatt fuq iż-żieda fil-livelli ta' faqar fost l-anzjani u billi l-faqar jew ir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali mhux biss jirrappreżentaw riskji għas-saħħa, iżda jxekklu wkoll kwalunkwe possibbiltà għal tixjiħ attiv;

Q.  billi madwar l-UE hemm joperaw madwar 125 000 fond ta' pensjoni tax-xogħol, li għandhom assi li jiswew EUR 2 500 biljun f'isem madwar 75 miljun Ewropew, li jirrappreżenta 20 % tal-popolazzjoni tal-UE f'età lavorattiva;

R.  billi wieħed mill-prinċipji bażiċi tas-soċjetà tal-bniedem huwa s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet; billi aktar ma titwal l-istennija medja tal-għomor, aktar qed isiru importanti r-relazzjonijiet interġenerazzjonali; billi l-ekonomija u s-soċjetà jeħtieġu l-esperjenza tal-ħajja, l-impenn u l-ideat tal-ġenerazzjonijiet kollha biex jilħqu l-għanijiet tagħhom;

S.  billi l-parteċipazzjoni attiva fil-programmi ta' tagħlim tul il-ħajja u fil-programmi sportivi tikkontribwixxi bil-kbir biex tinħoloq kultura ġenwina ta' tixjiħ attiv, li tippermetti lin-nies mhux biss jadattaw il-ħiliet tagħhom tul il-ħajja għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu tas-suq tax-xogħol, iżda wkoll biex jibqgħu b'saħħithom, attivi u parteċipattivi fis-soċjetà f'sens aktar ġenerali;

T.  billi n-nisa anzjani jirrappreżentaw 20 % tal-popolazzjoni tal-UE u dan il-perċentwal se jkompli jiżdied skont ix-xejriet demografiċi attwali; billi f'ħafna pajjiżi tal-UE, in-nisa anzjani jinsabu f'riskju ogħla ta' faqar milli l-irġiel anzjani, medja ta' 21 % għan-nisa u 16 % għall-irġiel; billi d-differenzi fil-pensjonijiet bejn is-sessi fl-UE huwa ta' 39 %;

U.  billi t-teknoloġiji aċċessibbli jistgħu jippermettu u jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq tax-xogħol, ħajja indipendenti u parteċipazzjoni fl-aspetti kollha tas-soċjetà; billi llum il-ġurnata, madankollu, iktar minn 69 % ta’ persuni li għandhom nuqqas ta’ ħiliet diġitali bażiċi huma ta’ ‘l fuq minn 55 sena; billi, minħabba n-nuqqas ta' aċċessibbiltà, l-evoluzzjoni rapida tal-ICT u kompetenza diġitali limitata, ħafna anzjani u persuni b'diżabilitajiet jinsabu f'riskju kbir li ma jiħdux vantaġġ sħiħ mis-Suq Uniku Diġitali tal-ġejjieni;

1.  Jirrikonoxxi li EY 2012 ipprovdiet momentum politiku importanti li għen biex tinfetaħ diskussjoni dwar l-isfidi tat-tixjiħ attiv u s-solidarjetà interġenerazzjonali fl-Ewropa;

2.  Jiddefinixxi l-ġustizzja interġenerazzjonali bħala tqassim ugwali tal-benefiċċji u l-piżijiet bejn il-ġenerazzjonijiet; iqis li kooperazzjoni bejn il-ġenerazzjonijiet li tiffunzjona tkun ibbażata fuq is-solidarjetà u għandha tkun ikkaratterizzata minn rispett reċiproku, responsabbiltà u dispożizzjoni tajba favur il-proxxmu;

3.  Jinnota li l-objettivi speċifiċi ta’ EY 2012 inkisbu parzjalment, bl-aħjar riżultati jinsabu fil-qasam ta’ inizjattivi u avvenimenti ta’ sensibilizzazzjoni;

4.  Jinnota u jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li mill-avvenimenti u l-inizjattivi ta' EY 2012 ħareġ ċar li l-anzjani mhumiex piż fuq l-ekonomija u s-soċjetà, anzi, minħabba l-esperjenza, il-kisbiet u l-għarfien tagħhom, pjuttost huma assi;

5.  Jirrimarka li EY 2012 irnexxielha fl-għan tagħha li timmobilizza l-atturi rilevanti madwar it-tixjiħ attiv u s-solidarjetà interġenerazzjonali; iqis li hija ħasra, madankollu, li l-għan li jiġu stabbiliti netwerks ġodda għall-kondiviżjoni ta' riżorsi, proġetti u ideat fost is-settur pubbliku, is-settur privat u s-soċjetà ċivili rarament inkiseb; jiddispjaċih għall-fatt li l-involviment tas-sħab soċjali kien varjabbli u li n-negozji privati ma ntlaħqux b'mod sinifikanti; jenfasizza l-ħtieġa li jitjieb il-bini tal-kapaċità favur il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni attiva tal-anzjani fis-soċjetà;

6.  Jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li EY 2012 għenet biex tirfina l-aġendi tal-politika nazzjonali dwar it-tixjiħ attiv, stimulat l-iskambju ta’ prattiki tajba bejn l-Istati Membri, żiedet l-għadd ta’ inizjattivi li jippromwovu t-tixjiħ attiv u saħħet l-għarfien u l-ħiliet tal-partijiet interessati;

7.  Jenfasizza li hemm bżonn statistika affidabbli dwar is-sitwazzjoni tal-anzjani u t-tibdil demografiku sabiex jiġu żviluppati strateġiji ta' tixjiħ attiv aktar immirati u effikaċi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm ġbir komprensiv ta' data ta' kwalità għolja dwar l-istatus soċjali tal-anzjani, is-saħħa, id-drittijiet u l-istandard ta' għajxien tagħhom;

8.  Iqis li huwa ferm importanti li l-inizjattivi mnedija bħala parti minn EY 2012 ikunu segwiti u ttrasformati f’impenn politiku qawwi segwit b’azzjoni konkreta biex jiġu żgurati l-inklużjoni soċjali, il-parteċipazzjoni attiva u l-benessri tal-ġenerazzjonijiet kollha filwaqt li jiġi rispettat il-prinċipju ta' sussidjarjetà u proporzjonalità; ifakkar li l-leġiżlazzjoni tal-UE tal-politiki dwar it-tixjiħ għandhom jiġu implimentati b’mod effettiv sabiex jimpedixxu u jiġġieldu kontra d-diskriminazzjoni fl-oqsma kollha tal-ħajja kontra kemm iż-żgħażagħ u kemm l-anzjani;

9.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi intensifikat it-triangolu ta' koordinazzjoni stabbilit fil-livell tat-teħid tad-deċiżjonijiet (li jinkludi l-UE, il-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali), tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat, inklużi l-industriji li jipprovdu oġġetti u servizzi innovattivi b'appoġġ għall-għajxien indipendenti;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju dwar it-tnaqqis demografiku, li qed jaffettwa għadd dejjem akbar ta' reġjuni f'diversi pajjiżi tal-UE, u tfassal komunikazzjoni dwar il-problema u dwar il-passi li jistgħu jittieħdu fil-livell Ewropew, fil-livell tal-Istati Membri, u fir-reġjuni affettwati, biex tiġi indirizzata l-isfida tat-tnaqqis demografiku;

11.  Jenfasizza li r-reġjuni li għandhom żvantaġġi naturali jew demografiċi serji – bħal, pereżempju, reġjuni b'popolazzjoni żgħira, il-gżejjer u ż-żoni muntanjużi – huma affettwati partikolarment ħażin mill-problemi assoċjati mat-tixjiħ, u għandhom inqas riżorsi u inqas infrastruttura disponibbli biex jippromwovu t-tixjiħ attiv; jappella biex tingħata kunsiderazzjoni dwar jekk pjanijiet ta' stimulu jkunux utli biex tiġi indirizzata l-problema tat-tixjiħ, li ġeneralment tkun aggravata minn proċessi paralleli ta' depopolazzjoni li jaffettwaw ħafna r-reġjuni kkonċernati, u li jistgħu jkunu ta' theddida għas-sopravivenza ta' dawk iż-żoni;

12.  Iqis li huwa ta’ dispjaċir li l-approvazzjoni relattivament tardiva ta' EY 2012 irriżultat f'dewmien fl-għoti ta’ kuntratti u fl-implimentazzjoni, u bħala riżultat ta’ dan ċerti avvenimenti, bħall-inizjattiva Jum il-Forzanzjana, ma wettqux il-potenzjal sħiħ tagħhom; jieħu nota tal-baġit iżgħar allokat għal EY 2012, meta mqabbel ma' Snin Ewropej preċedenti u r-riżorsi konsegwentement aktar skarsi biex jiġu implimentati l-objettivi ta' EY 2012;

13.  Ifakkar li t-tixjiħ attiv huwa, fost l-oħrajn, il-proċess li fih ikunu ottimizzati l-opportunitajiet għas-saħħa u għall-parteċipazzjoni fis-soċjetà biex b'hekk jiġi żgurat li l-persuni jkunu jistgħu jżommu standard tajjeb ta' għajxien u kwalità tal-ħajja huma u jixjieħu; huwa tal-fehma li l-politiki dwar it-tixjiħ attiv għandhom iżidu l-potenzjal tal-persuni għall-benessri fiżiku, soċjali u mentali matul il-ħajja sabiex dan jippermettilhom inklużjoni soċjali aħjar u parteċipazzjoni akbar fis-soċjetà; jenfasizza l-fatt li t-tixjiħ attiv ifisser ukoll aċċess aħjar għal servizzi tas-saħħa, kura fit-tul u servizzi soċjali, li ġew taħt pressjoni f’xi każijiet matul il-kriżi, kif ukoll għat-tagħlim tul il-ħajja, il-parteċipazzjoni fis-soċjetà u l-attivitajiet kulturali, it-tisħiħ tal-infrastruttura soċjali eżistenti bħal djar u ċentri ta’ matul il-jum, l-eliminazzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u l-isterjotipi, azzjoni biex jiġu miġġielda l-faqar u l-esklużjoni soċjali, u kuxjenza akbar dwar il-valur tat-tixjiħ attiv u b’saħħtu;

14.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri kollha, permezz tas-sistemi ta' sigurtà soċjali tagħhom, jippromwovu u jsaħħu l-infrastruttura pubblika ta' kwalità għolja għall-anzjani (id-djar, iċ-ċentri ta' matul il-jum u l-appoġġ fid-dar), fejn l-anzjani jkunu meqjusa bħala parteċipanti attivi aktar milli riċevituri passivi tal-inizjattivi li jieħdu sehem fihom;

15.  Huwa tal-fehma li teħtieġ tiġi żviluppata strateġija Ewropea dwar id-demenzja, li għandha tinkludi miżuri ta' assistenza lill-familji tal-pazjenti, kampanji ta' informazzjoni, sensibilizzazzjoni u skambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-problema inkwetanti tal-qgħad fost il-persuni ‘l fuq minn 50 sena u tar-rata li qed tiżdied ta’ qgħad fuq perjodu ta’ żmien twil, u, flimkien mal-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali u s-sħab soċjali, sabiex tikkunsidra ċ-ċirkustanzi u s-sitwazzjonijiet personali ta’ persuni akbar fl-età li huma qiegħda u tiżviluppa għodod effettivi biex iżżomm il-ħaddiema li jappartjenu għal din il-kategorija vulnerabbli fis-suq tax-xogħol, filwaqt li toffri opportunitajiet għal tagħlim tul il-ħajja u t-titjib tal-ħiliet, taħriġ fuq ix-xogħol u programmi ta’ tagħlim aċċessibbli u affordabbli u tippromwovi t-taħriġ u t-trasferiment tal-għarfien bejn il-ġenerazzjonijiet fuq il-post tax-xogħol għal kulħadd;

17.  Jenfasizza li fuq kollox għandha tingħata attenzjoni, f'dan ir-rigward, għal programmi bħal "mentoring ġenerazzjonali", li fihom ikunu mħeġġa skambji bejn esperti anzjani u l-ġenerazzjoni żagћżugћa fuq ix-xogħol u waqt it-taħriġ; jirrimarka li timijiet b'etajiet imħallta għandhom jiġu appoġġjati matul il-proċess tax-xogħol filwaqt li għandhom jiġu ppremjati proġetti eċċezzjonali; iqis li l-Istati Membri jistgħu jistabblixxu inċentivi għan-negozji biex jimpjegaw aktar ħaddiema akbar fl-età, u li, bħala kwistjoni ta’ prinċipju, ħaddiema akbar fl-età m’għandhomx jiġu ttrattati b’mod inqas favorevoli minn ħaddiema iżgħar fir-rigward ta’ taħriġ vokazzjonali u kontinwu; jenfasizza b’mod partikolari l-importanza li jiġu adattati l-postijiet tax-xogħol għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema akbar fl-età u jiġu provduti aktar opportunitajiet għal ħaddiema aktar avvanzati fl-età li jaħdmu part-time skont il-preferenzi tagħhom, kif ukoll jiġu ffaċilitati ħajjiet tax-xogħol itwal għal dawk li jixtiequ u huma kapaċi jaħdmu għal żmien itwal; huwa tal-fehma li għandhom jiġu stabbiliti pjanijiet ta’ rtirar speċjali għal nies akbar fl-età li jkunu ilhom qiegħda, filwaqt li jinstab bilanċ bejn il-bżonn ta’ dawn in-nies għall-istabilità soċjali u dak tas-sistemi tas-sigurtà soċjali;

18.  Iqis li huwa ta’ dispjaċir li persuni akbar fl-età għadhom jiġu ta’ spiss esposti għal diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, l-isterjotipi u l-ostakli; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jimplimentaw b’mod korrett id-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE dwar trattament ugwali fl-impjieg u fix-xogħol mingħajr dewmien; jinnota li l-proposta għal direttiva dwar it-trattament ugwali orizzontali(6) kienet imblukkata fil-Kunsill sa mill-2008, u jistieden lill-Istati Membri biex isibu soluzzjoni malajr kemm jista’ jkun;

19.  Jirrifjuta bil-qawwa, madankollu, il-konsiderazzjoni ta’ politiki dwar it-tixjiħ attiv biss bħala strument biex tinżamm l-impjegabbiltà ta’ ħaddiema aktar anzjani, u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu l-evalwazzjonijiet kollha meħtieġa u l-isforzi lejn approċċ ta’ ċiklu tal-ħajja u, fejn adatt, ir-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet, filwaqt li jsir kull sforz biex jiġu stabbilizzati r-regoli dwar l-irtirar, b’kont meħud tar-rati tal-qgħad attwali fost il-popolazzjoni ta’ età ta’ ‘l fuq minn 50 sena qabel ma tinbidel l-età obbligatorja tal-pensjoni; jemmen li r-rabta bejn l-età tal-irtirar mal-għomor tal-ħajja ma tqisx l-importanza tal-iżvilupp tas-suq tax-xogħol u għalhekk, ma għandhiex tkun l-uniku strument li jintuża biex tiġi indirizzata l-isfida ta’ soċjetà li qed tixjieħ; iqis li minflok, permezz tal-leġiżlazzjoni tagħhom dwar il-ħarsien tal-impjiegi u tas-sistemi tal-formazzjoni dwar il-pagi, l-Istati Membri għandhom jappoġġjaw l-ingaġġ ta’ ħaddiema akbar fl-età b’mod partikolari qabel l-età statutorja tal-irtirar, peress li l-qgħad jista’ jkollu effetti negattivi ulterjuri fuq l-introjtu tal-irtirar tagħhom, u jqis li l-Istati Membri għandhom jiżguraw sistemi ta’ protezzjoni soċjali sostenibbli;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw is-sostenibbiltà ta’ skemi ta’ pensjonijiet pubbliċi u jiggarantixxu dħul tal-pensjoni individwali u adegwat u drittijiet għal kulħadd sabiex tiġi żgurata ħajja dinjituża f’età avvanzata — inklużi dawk li ħadu interruzzjonijiet ġustifikati fil-karriera, l-aktar in-nisa; jenfasizza l-importanza ta' superviżjoni adegwata u verifiki indipendenti tal-fondi tal-pensjonijiet tax-xogħol għal pensjonijiet sikuri u sostenibbli;

21.  Jenfasizza li l-anzjani għandhom jingħataw l-opportunità li jiżvolġu rwol ewlieni billi jgħinu lill-familji tagħhom, u jiġbed l-attenzjoni għall-ħidma volontarja prezzjuża li jwettqu l-anzjani;

22.  Jenfasizza l-importanza ta' teknoloġiji aċċessibbli għas-soċjetajiet Ewropej li qed jixjieħu u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija inklużiva dwar is-Suq Uniku Diġitali billi tiżgura li l-aċċessibbiltà tkun integrata permezz tal-istrateġija u marbuta mal-promozzjoni tal-ekonomija tal-anzjani ("silver economy") fl-Ewropa;

23.  Jilqa’ l-fatt li t-tixjiħ attiv u b’saħħtu huwa fost il-prijoritajiet ta’ investiment tal-Fond Soċjali Ewropew għall-perjodu ta’ programmazzjoni 2014-2020, kif iddikjarat fir-Regolament (UE) Nru 1304/2013; jistieden lill-Istati Membri jużaw ir-riżorsi allokati b’mod effettiv; ifakkar li l-finanzjament għal proġetti li jippromwovu t-tixjiħ attiv huwa disponibbli wkoll taħt programmi bħall-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), Orizzont 2020, il-Programm Ewropew għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) u l-Programm dwar is-Saħħa; jappella għal koordinazzjoni aħjar bejn il-programmi u l-istrumenti varji disponibbli mill-UE għall-promozzjoni tat-tixjiħ attiv u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet, u jitlob, f’konformità mal-prijoritajiet ta’ Orizzont 2020, il-ħolqien ta’ prijorità ta’ riċerka Ewropea bit-titolu “Xjenzi Applikati tas-Saħħa u t-Tixjiħ Attiv”;

24.  Jistieden lill-Istati Membri jużaw il-finanzjament disponibbli tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), l-FSIE u l-EaSI biex jipprovdu assistenza finanzjarja għall-programmi awtonomi mmexxija minn organizzazzjonijiet ta' persuni aktar anzjani li jaqsmu l-enerġija, l-għarfien, l-esperjenzi u l-għerf tagħhom ma' xulxin u biex jgħinu lin-nies fil-bżonn, u b'hekk jikkontribwixxu għal tixjiħ attiv u b'saħħtu, u jgħixu b'mod indipendenti għal żmien itwal;

25.  Ifakkar fir-Revizjoni tal-Baġit 2010 tal-Kummissjoni li identifikat "il-valur miżjud tal-UE" bħala wieħed mill-prinċipji ewlenin; jinsisti li dan il-prinċipju għandu jirrappreżenta l-pedament tal-infiq kollu u li l-finanzjament tal-UE, b'mod partikolari dak taħt il-FSE, m'għandux jintuża biex jissussidja approċċi nazzjonali iżda biex jipprovdi appoġġ addizzjonali għall-programmi ta' tixjiħ attiv tal-Istati Membri;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-indirizzar tal-fondi għat-tixjiħ attiv, kif ukoll l-effikaċja tal-assorbiment tal-fondi; barra minn dan, iħeġġeġ lill-Kummissjoni tesplora l-fattibbiltà u l-valur miżjud ta’ strument finanzjarju Ewropew ġdid biex tiġi indirizzata l-problema tar-riintegrazzjoni tal-ħaddiema ta’ mezzetà li jkunu ngħataw is-sensja;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiġbru data kompluta u affidabbli li tippermetti l-valutazzjoni tal-effikaċja tal-infiq tal-FSE fuq il-ħaddiema akbar fl-età;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-fattibbiltà u l-valur miżjud ta' strument finanzjarju ġdid tal-UE li jipprovdi introjtu minimu liċ-ċittadini kollha tal-UE li jkunu taħt is-soll tal-faqar;

29.  Jirrakkomanda lill-Istati Membri jfasslu u jimplimentaw politiki pubbliċi u programmi li mhux biss itejbu s-saħħa fiżika iżda jippromwovu wkoll is-saħħa mentali u r-rabtiet soċjali;

30.  Iqis li huwa essenzjali li jiġu appoġġjati l-persuni akbar fl-età jgħixu ħajja indipendenti u attiva għall-itwal żmien possibbli, kif stabbilit fl-Artikolu 25 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, billi jiġi żviluppat u miżmum appoġġ pubbliku orjentat lejn il-persuni u mmexxi mid-domanda, servizzi ta’ għajnuna u servizzi ta’ kura u billi tittejjeb il-konnessjoni bejn dawn is-servizzi; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jiżguraw kura tas-saħħa affordabbli, aċċessibbli u nondiskriminatorja u jagħtu prijorità lill-prevenzjoni fil-politiki tagħhom dwar il-kura tas-saħħa; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni timplimenta l-pakkett ta’ investiment soċjali, li jżomm it-tixjiħ f’saħħtu u l-adegwatezza u l-kwalità tal-kura fit-tul bħala prijorità għolja fuq l-aġenda politika, u biex tanalizza l-affordabbiltà tal-kura tas-saħħa għall-anzjani, tiġbor data dwar il-ħinijiet ta’ stennija fis-sistemi tal-kura tas-saħħa madwar l-UE u tipproponi linji gwida għal massimu ta' żmien ta’ stennija; iqis li huwa essenzjali li tiġi promossa r-responsabbiltà personali u individwali tas-saħħa mill-persuna nnifisha, b’żieda sostanzjali fil-livell ta' kampanji ta’ informazzjoni nazzjonali dwar il-kura tas-saħħa u l-motivazzjoni, kif ukoll li tiġi nkoraġġita l-kooperazzjoni dwar il-kompetenza sanitarja sabiex persuni akbar fl-età jkunu kapaċi jieħdu ħsieb saħħithom; ifakkar li jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni lil soluzzjonijiet u għodod teknoloġiċi innovattivi; finalment, jagħraf l-importanza tat-tixrid effikaċi tal-informazzjoni relatata ma' servizzi lokali u drittijiet b'għajnuna biex jintlaħaq dan l-għan;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq segwitu tal-konklużjonijiet tar-rapport konġunt intitolat 'Protezzjoni soċjali adegwata għall-ħtiġijiet ta' kura fit-tul f'soċjetà li qed tixjieħ' u tippreżenta proposti konkreti mingħajr dewmien;

32.  Jemmen li għandha tingħata prijorità lill-integrazzjoni tal-anzjani fil-familji tagħhom; jissuġġerixxi lill-Kummissjoni li jiġi esplorat il-potenzjal offrut minn negozji tal-familja u x-xogħol korrispondenti fil-qasam tal-kura għall-anzjani;

33.  Jirrimarka li trasport pubbliku aktar effikaċi huwa waħda mill-ogħla prijoritajiet għall-anzjani fil-ħolqien ta' ambjenti adatti għall-anzjani(7), peress li dan jappoġġja ħajja indipendenti u aċċess għas-servizzi bażiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-aċċessibbiltà u l-interoperabilità tas-sistemi ta' trasport;

34.  Jilqa' d-dokument ta' sfond tal-Kummissjoni intitolat "Growing the Silver Economy in Europe" (It-tkabbir tal-ekonomija tal-anzjani fl-Ewropa), u jtenni l-ħtieġa li tiġi żviluppata "ekonomija tal-anzjani", li tirrispondi għax-xewqat u l-bżonnijiet ta’ popolazzjoni li qed tixjieħ fuq il-bażi ta’ opportunitajiet ekonomiċi li jirriżultaw min-nefqa pubblika u dik tal-konsumaturi b'rabta mat-tixjiħ tal-popolazzjoni kif ukoll minn prodotti speċifiċi, servizzi, soluzzjonijiet innovattivi u ħtiġijiet, li jirriżultaw f’impjiegi ġodda u tkabbir, b'kont meħud tal-bżonnijiet tal-aktar gruppi soċjoekonomiċi vulnerabbli;

35.  Jinnota li tnaqqis unilaterali fl-età tal-forza tax-xogħol ma jwassalx għal aktar innovazzjoni, iżda jirrappreżenta ħela ta' esperjenza, għarfien u ħiliet;

36.  Huwa tal-fehma li l-anzjani għandhom ikunu parti sħiħa mis-soċjetà, u li għandha tkun appoġġjata l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja ta’ kuljum inkluż fil-ħajja pubblika; iqis, barra minn hekk, li għandu jitħeġġeġ djalogu attiv u skambju ta' esperjenzi bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani; jenfasizza r-rwol ta' proġetti interġenerazzjonali f'dan il-kuntest; jappoġġja, barra minn hekk, id-dritt li għandhom l-anzjani li jgħixu ħajja dinjituża u indipendenti, kif stabbilit fl-Artikolu 25 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jemmen ukoll li l-parteċipazzjoni politika attiva tar-rappreżentanti tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ u tal-anzjani għandha tkun żgurata fil-livelli kollha tal-UE, kull fejn jistgħu jiġu affettwati l-interessi tal-ġenerazzjoni;

37.  Jiġbed l-attenzjoni wkoll għar-rwol soċjali prezzjuż li l-anzjani jiżvolġu billi jgħaddu l-valuri u l-esperjenza tagħhom lill-oħrajn u billi jagħtu suġġerimenti dwar kif għandu jkun l-approċċ għall-ħajja fil-komunità;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Kunsill u lill-Istati Membri jadottaw pożizzjoni pożittiva fil-Grupp ta' Ħidma miftuħ tan-NU dwar it-Tixjiħ li tiżgura li ċ-ċittadini anzjani jkunu jistgħu jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tal-bniedem tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mill-qrib mal-Espert Indipendenti tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Anzjani u ma' organizzazzjonijiet rappreżentattivi tal-anzjani fl-UE;

39.  Jiddeplora l-fatt li l-perkorsi tal-karriera qed isiru dejjem aktar prekarji u inċerti, minħabba x-xogħol temporanju, iż-żieda fil-kuntratti tax-xogħol qosra, in-nuqqas ta' xogħol u l-qgħad;

40.  Jilqa’ l-Patt tal-UE li jmiss dwar it-Tibdil Demografiku bħala riżultat ewlieni ta' EY 2012 u tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni dwar it-Tixjiħ Attiv u b’Saħħtu; jitlob lill-Kummissjoni tidentifika oqsma fil-baġit tal-UE fejn jistgħu jsiru ffrankar u effiċjenzi sabiex tipprovdi fondi għall-Patt, li jkun netwerk miftuħ, kbir u indipendenti li jġib flimkien il-partijiet interessati lokali u reġjonali kommessi li jindirizzaw il-bidla demografika Ewropea billi jiġu promossi ambjenti adatti għall-anzjani f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO);

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta Strateġija tal-UE dwar it-Tibdil Demografiku biex tikkoordina l-azzjoni tal-UE f'diversi oqsma sabiex ikunu żgurati s-sinerġiji u jiġi massimizzat l-impatt pożittiv tagħhom fuq iċ-ċittadini Ewropej, l-ekonomija u l-ħolqien tal-impjiegi, kif ukoll jitħarsu d-drittijiet tal-bniedem tal-anzjani fil-politiki kollha tal-UE;

42.  Jemmen li l-isfidi demografiċi mhumiex indirizzati b’mod adegwat fil-livell Ewropew; jistieden, għalhekk, lill-Presidenzi futuri tal-Kunsill tal-UE biex ipoġġu dan il-punt mill-ġdid fuq l-aġenda tal-UE u biex jaħdmu dwar risponsi ta’ politika qawwija;

43.  Jenfasizza li t-tibdil demografiku m'għandux jintuża bħala ġustifikazzjoni biex jiżżarmaw id-drittijiet u servizzi soċjali;

44.  Jilqa’ l-Prinċipji Gwida dwar it-Tixjiħ Attiv u s-Solidarjetà bejn il-Ġenerazzjonijiet żviluppati b’mod konġunt mill-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali u l-Kumitat għall-Impjiegi; jilqa’ b’mod partikolari r-rwol tal-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali li jippermetti skambju dirett ta’ esperjenzi fost l-Istati Membri, inkluż rigward il-kura fit-tul u l-pensjonijiet;

45.  Jilqa’ l-Indiċi tat-Tixjiħ Attiv, li jimmira li jiġbor il-potenzjal mhux sfruttat ta’ persuni mdaħħlin fiż-żmien għal parteċipazzjoni aktar attiva fil-ħajja tax-xogħol u dik soċjali u għal għajxien indipendenti, flimkien ma’ proġett ta’ segwitu li għaddej bħalissa mmexxi mill-Kummissjoni bil-kollaborazzjoni tal-Kumitat Ekonomiku tan-NU għall-Ewropa; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jistabbilixxu miri msejsa fuq l-Indiċi tat-Tixjiħ Attiv li għandhom jinkisbu permezz ta’ strateġiji komprensivi għal tixjiħ attiv, u jimmonitorjaw il-progress fil-ksib ta’ dawk il-miri;

46.  Jirrimarka li l-promozzjoni ta' ambjenti adatti għall-anzjani hi għodda essenzjali biex jiġu appoġġjati l-ħaddiema anzjani u dawk li qed ifittxu xogħol u biex jiġu promossi soċjetajiet inklużivi li joffru opportunitajiet indaqs għal kulħadd; jilqa’, f’dan ir-rigward, il-proġett ta’ ġestjoni konġunta tal-Kummissjoni mad-WHO bl-għan li tiġi adattata l-Gwida għall-Bliet Globali Xierqa għall-Anzjani għall-kuntest Ewropew;

47.  Jemmen li Konvenzjoni tan-NU għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Anzjani ttejjeb il-ħajja tal-anzjani billi tiggarantilhom aċċess ugwali għal drittijiet politiċi, ekonomiċi, kulturali u tal-kura tas-saħħa u tkun pjattaforma importanti għall-ħolqien ta' bidla fl-attitudni lejn it-tixjiħ fuq skala globali;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta Pjan ta' Azzjoni dwar l-abbuż fuq l-anzjani, li jqis il-Qafas Ewropew għall-Kwalità għall-Kura fuq Perjodu Twil żviluppat mis-sħubija WeDO u jindirizza l-kwistjoni tad-drittijiet tal-anzjani li jeħtieġu l-kura u l-assistenza;

49.  Jiddispjaċih li, fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità (UNCRPD) u l-Istrateġija dwar id-Diżabilità, il-Kummissjoni għadha ma indirizzatx l-inugwaljanzi fl-età; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tqajjem kuxjenza u tindirizza d-drittijiet ta' persuni akbar fl-età li għandhom diżabbiltajiet u d-diskriminazzjoni tal-età li jsofru, u tiżgura li l-applikazzjoni tal-UNCRPD ma titraskurax lil persuni akbar fl-età;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ l-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà, li ilu mistenni ferm, biex jiġi żgurat li t-trasport, id-djar u l-prodotti u s-servizzi bbażati fuq l-ICT, inklużi dawk offruti bl-ekonomija tal-anzjani, ikunu aċċessibbli għall-persuni akbar fl-età;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal pajjiż li jindirizzaw l-adegwatezza, is-sostenibbiltà u l-korrettezza tar-riformi ekonomiċi fil-qasam tal-impjiegi, il-pensjonijiet, l-inklużjoni soċjali u l-kura fit-tul fi ħdan il-qafas tas-Semestru Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta aħjar l-impatt soċjali tar-riformi ekonomiċi, b'mod partikolari fil-kuntest ta' popolazzjoni li qed tixjieħ;

52.  Jenfasizza l-importanza tal-volontarjat, li ma jistax jittieħed bħala fatta u li għalhekk għandu l-valur soċjali miżjud tiegħu ikkunsidrat u li jippromwovi t-tagħlim interkulturali u s-solidarjetà interġenerazzjonali, irawwem it-tixjiħ attiv u l-parteċipazzjoni ċivika tul il-ħajja kollha, kif ukoll jippermetti li persuni akbar fl-età juru impenn lejn is-soċjetà, biex b’hekk titjieb il-kwalità tal-ħajja, il-benessri u l-istat ġenerali ta’ saħħa tagħhom; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' approċċi aktar flessibbli u inklużivi għall-parteċipazzjoni fi programmi ta' volontarjat; jiddeplora, f'dan il-kuntest, il-waqfien tal-programm Grundtvig li kien jappoġġja voluntiera akbar fl-età; ifakkar fl-importanza ta’ assoċjazzjonijiet Ewropej u netwerks transnazzjonali u korpi pubbliċi u privati li jaħdmu biex irawmu l-integrazzjoni ta’ persuni anzjani, li għandhom jingħataw appoġġ partikolari, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrikonoxxi l-valur ta’ programmi ta’ suċċess tal-UE li għaqqdu flimkien il-parteċipazzjoni ċivika mal-iskambji tal-UE ta’ gruppi li jinvolvu persuni akbar fl-età;

53.  Jenfasizza li l-għan ta' politika għall-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet għandu jkun li tinħolqu l-għodda meħtieġa biex jitmexxa djalogu interġenerazzjonali miftuħ u leali li jwassal għal sitwazzjonijiet ta' benefiċċju għal kulħadd; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaħdmu b'mod intensiv fuq din l-għodda sabiex tinħoloq solidarjetà;

54.  Jenfasizza l-importanza ta' intrapriżi soċjali li jgħinu billi jipprovdu servizzi għall-anzjani u jieħdu ħsieb is-saħħa u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà;

55.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1) ĠU L 246, 23.9.2011, p. 5.
(2) ĠU L 303, 2.12.2000, p. 16.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0328.
(4) Testi adottati, P7_TA(2013)0204.
(5) ĠU C 74 E, 13.3.2012, p. 19.
(6) Il-proposta għal Direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali (COM(2008)0426).
(7) Il-Kummissjoni Ewropea (2012). Ewrobarometru Speċjali 378 dwar it-tixjiħ attiv.


Implimentazzjoni tal-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport
PDF 477kWORD 223k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-White Paper dwar it-Trasport tal-2011: it-teħid tal-kont u t-triq 'il quddiem lejn mobbiltà sostenibbli (2015/2005(INI))
P8_TA(2015)0310A8-0246/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni ‘Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti’(COM(2011)0144),

–  wara li kkunsidra s-smigħ pubbliku intitolat ʻWhite Paper dwar it-Trasport: it-teħid tal-kont u t-triq 'il quddiem lejn mobbiltà sostenibbli’ li sar mill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu fis-17 ta’ Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-22 ta' April 2015 intitolat ʻPjan direzzjonali għal żona unika Ewropea ta' trasport – progress u sfidi',

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta’ Diċembru 2011 dwar il-Pjan direzzjonali għal Żona Unika Ewropea tat-Trasport – Lejn sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b’mod effiċjenti(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2010 dwar futur sostenibbli għat-trasport(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Lulju 2007 bit-titolu Inżommu lill-Ewropa miexja - Il-mobilità sostenibbli għall-kontinent tagħna(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Frar 2003 dwar il-ʻWhite Paper’ tal-Kummissjoni ʻIl-politika Ewropea tat-trasport għall-2010: il-ħin biex niddeċiedu’(4),

–  wara li kkunsidra l-ʻWhite Paper’ tal-Kummissjoni ʻIl-politika Ewropea tat-trasport għall-2010: il-ħin biex niddeċiedu’(COM(2001)0370),

–  wara li kkunsidra l-Konferenza dwar il-Klima tal-COP 21 li jmiss li se ssir f'Diċembru 2015 f'Pariġi,

–  wara li kkunsidra l-Pakkett dwar l-Unjoni tal-Enerġija u l-Komunikazzjoni tiegħu bit-titolu "Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar il-Bidla fil-Klima li Tħares 'il Quddiem" (COM(2015)0080),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014 dwar il-Qafas ta' Politika għall-Klima u l-Enerġija għall-2030;

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija għas-Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Lejn mobilità urbana kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi" (COM(2013)0913),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Settembru 2011 dwar is-sikurezza fit-toroq Ewropej 2011-2020(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0246/2015),

A.  billi l-White Paper dwar it-Trasport stabbilixxiet aġenda għat-trasformazzjoni tas-sistema tat-trasport Ewropea u l-ħolqien ta’ Żona Unika Ewropea tat-Trasport;

B.  billi s-settur tat-trasport jirrappreżenta mutur tal-ekonomija tal-UE, li jimpjega madwar 10 miljun persuna u jammonta għal madwar 5 % tal-PGD, li għandu jibqa' fuq quddiem nett fil-ġenerazzjoni ta' tkabbir ekonomiku u ħolqien ta' xogħol ulterjuri, u jippromwovi l-kompetittività, l-iżvilupp sostenibbli u l-koeżjoni territorjali;

C.  billi t-trasport huwa settur fejn l-Ewropa hija mexxejja dinjija, kemm fil-manifattura u fl-operazzjonijiet tat-trasport, u huwa kruċjali li t-trasport Ewropew ikompli jiżviluppa, jinvesti u jiġġedded b'mod sostenibbli, sabiex tinżamm it-tmexxija teknoloġika tagħha fil-livell dinji, tkompli tesporta l-istandards tagħha madwar id-dinja u żżomm il-pożizzjoni kompetittiva tagħha fil-mezzi kollha tat-trasport f'ekonomija globali dejjem aktar karatterizzata mill-emerġenza ta' atturi ġodda potenti u mudelli ġodda ta' negozju;

D.  billi l-premessi tas-soċjetà tagħna qed jinbidlu bħala riżultat tad-diġitalizzazzjoni, l-urbanizzazzjoni, il-globalizzazzjoni u t-tibdil demografiku, u għandna bżonn bidla fil-paradigmi tal-politika tat-trasport eżistenti li jkunu jistgħu jiffaċċjaw l-isfidi tal-futur;

E.  billi t-trasport huwa fundamentali għall-moviment ħieles ta' persuni, oġġetti u servizzi, li fuqhom jissejjes is-Suq Uniku, u l-moviment liberu huwa kemm mutur b'saħħtu għall-integrazzjoni fi ħdan l-Unjoni kif ukoll fattur kruċjali fil-prestazzjoni tal-industrija Ewropea u l-kummerċ;

F.  billi t-trasport ikompli jkun dipendenti kważi b'mod sħiħ fuq il-fjuwils fossili u huwa l-uniku settur fejn l-emissjonijiet ta' gass serra kibru matul l-aħħar 25 sena, u mingħajr it-tnaqqis ekonomiku riċenti t-tkabbir seta' kien anki akbar;

G.  billi hemm ħtieġa urġenti li tittejjeb l-effiċjenza tal-enerġija u s-sostenibilità tas-sistema tat-trasport u titnaqqas id-dipendenza tagħha fuq iż-żejt u fuq ir-riżorsi tal-enerġija fossili b'mod kosteffiċjenti mingħajr ma tiġi sagrifikata l-kompetittività tagħha u mingħajr trażżin tal-mobilità, f'konformità mal-objettivi stabbiliti fil-White Paper;

H.  billi bijokarburanti sostenibbli avvanzati, b'mod partikolari dawk prodotti minn proċessar ta' skart u residwi konformi mal-ġerarkija tal-ġestjoni tal-iskart(6), jirrappreżentaw potenzjal mhux sfruttat għat-tnaqqis tad-dipendenza tas-sistema Ewropea tat-trasport fuq iż-żejt u biex inaqqsu l-emissjonijiet ta' gass serra mis-settur tat-trasport;

I.  billi huwa essenzjali li jiġi żgurat l-iżvilupp b'suċċess tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) fi ħdan il-perjodi ta' żmien maqbula, biex jorbtu b'mod effettiv in-netwerks tat-trasport tar-reġjuni kollha tal-UE, li jgħaqqdu reġjuni ġeografikament periferiċi maċ-ċentru tal-UE, u biex jelimina differenzi bejn il-livelli ta' żvilupp tal-infrastruttura u tal-manutenzjoni, b'mod partikolari bejn il-Lvant u l-Punent tal-Unjoni;

J.  billi l-investiment fl-infrastruttura tat-trasport għandu impatt pożittiv fuq it-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kummerċ, u huwa għaldaqstant meħtieġ li jiġu eliminati l-ostakli li jxekklu l-investiment privat fl-infrastruttura tat-trasport;

K.  billi l-infrastruttura tat-trasport ġeneralment tirrikjedi finanzjament fit-tul, u l-livelli ta' investiment naqsu f'dawn l-aħħar snin minħabba nuqqas ta' fiduċja fost dawk li jfasslu l-liġi, żviluppaturi ta' proġetti u s-settur finanzjarju;

L.  billi għal ħafna snin kien hemm nuqqas serju ta' investiment fl-infrastruttura tat-trasport pubbliku madwar l-UE, u billi faċilitajiet imtejba għal persuni bil-mixi, għall-anzjani u għall-passiġġieri b'mobilità mnaqqsa huma parti mill-għanijiet tal-Unjoni u jeħtieġu fondi addizzjonali;

M.  billi wieħed mill-objettivi ewlenin tal-White Paper għandu jkun li tagħmel lin-nies u d-drittijiet tagħhom bħala passiġġieri l-objettiv ċentrali tal-politika tat-trasport;

N.  billi l-innovazzjoni u sistemi tat-trasport intelliġenti għandhom jaqdu rwol ewlieni fl-iżvilupp ta' suq modern, effiċjenti, sostenibbli u interoperabbli ta' sistema Ewropea tat-trasport li tkun aċċessibbli għal kulħadd;

O.  billi n-netwerks multimodali u l-integrazzjoni ta' mezzi differenti ta' trasport u servizzi huma potenzjalment ta' benefiċċju għat-titjib tal-konnessjonijiet u l-effiċjenza tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija, u b'hekk jgħinu biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-karbonju u emissjonijiet oħrajn li huma ta' ħsara;

P.  billi l-ħolqien ta' Żona Unika Ewropea tat-Trasport ġenwina mhux se tkun possibbli mingħajr l-implimentazzjoni effettiva tal-leġiżlazzjoni tal-UE mill-Istati Membri u, fejn meħtieġ, is-simplifikazzjoni tal-qafas regolatorju eżistenti sabiex tiġi żgurata ċarezza ġuridika u infurzar imtejjeb;

Q.  billi jeħtieġ li jiġu eliminati l-ostakli residwi kollha, l-inkompatibilitajiet tekniċi u l-proċeduri amministrattivi ta' piż żejjed li jfixklu l-kisba ta' sistema tat-trasport integrata b'mod sħiħ, u jopponi kwalunkwe miżuri ġodda introdotti mill-Istati Membri li joħolqu ostakli għall-moviment ħieles ta' prodotti u servizzi;

R.  billi ftuħ tas-suq ulterjuri jeħtieġ li jimxi id f'id ma' impjiegi ta' kwalità u kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti, livell għoli ta' servizzi u kompetizzjoni ġusta fl-Istati Membri kollha;

S.  billi l-aħħar rapport tal-Kummissjoni dwar is-Sikurezza fit-Toroq fl-Unjoni Ewropea(7) żvela li l-għadd ta' mwiet fit-toroq tal-Ewropa naqas b'1 % fl-2014, li hija figura ferm baxxa mill-waqgħa ta' 8 % reġistrata fl-2012 u għal darb'oħra fl-2013;

Implimentazzjoni u reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-White Paper

1.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni biex twettaq rieżami ta' nofs it-terminu tal-White Paper, bl-għan li tivvaluta l-progress miksub u tipproponi azzjonijiet ulterjuri biex tilħaq l-objettivi tagħha; jikkunsidra li, filwaqt li għadu kmieni wisq biex jiġi valutat bis-sħiħ l-impatt ta' numru ta' miżuri tal-politika meħuda mill-adozzjoni tal-White Paper, eżerċizzju ta' rendikont huwa meħtieġ biex tinkiseb ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni attwali fl-implimentazzjoni tal-40 inizjattiva u l-131 punt ta' azzjoni elenkati fl-Anness tagħha;

2.  Itenni l-appoġġ tiegħu favur il-miri stabbiliti fil-White Paper u l-"Għaxar għanijiet għal sistema tat-trasport kompetittiva u li tuża r-riżorsi b'mod effiċjenti: parametri ta' referenza għall-ksib tal-mira ta' tnaqqis ta' 60 % tal-gassijiet serra"; jenfasizza li r-reviżjoni ta' nofs it-terminu għandha għall-inqas iżżomm il-livell ta' ambizzjoni tal-għanijiet stipulati fl-2011 u tipproponi miżuri u inizjattivi konkreti, realistiċi u bbażati fuq evidenza biex iżidu, iħaffu u jissimplifikaw l-isforzi biex jilħquhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta sa fejn il-lista ta' azzjonijiet imniżżlin fil-White Paper hija biżżejjed biex jinkisbu l-għanijiet ġenerali tagħha, u biex tipproponi miżuri leġiżlattivi addizzjonali;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-miri ta' tnaqqis tal-emissjonijiet fil-White Paper f'konformità mar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-5 ta' Frar 2014 dwar il-qafas għall-politiki għall-klima u l-enerġija(8) għall-2030 u l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014 dwar il-qafas għall-Politika għall-Klima u l-Enerġija għall-2030, u tipproponi miżuri mmirati lejn tnaqqis ulterjuri ta' emissjonijiet mit-trasport, sabiex jgħinu lill-Istati Membri jilħqu b'mod ġenerali "mira vinkolanti tal-UE ta' tnaqqis domestiku ta' mill-inqas 40 % fl-emissjonijiet tal-gass serra sal-2030 meta mqabbla mal-1990" ("bit-tnaqqis fis-setturi li jaqgħu taħt l-ETS u s-setturi li ma jaqgħux taħt l-ETS li jammonta għal 43 % u 30 % sal-2030 meta mqabbla mal-2005, rispettivament");

4.  Jenfasizza li l-mira tal-2030 għat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass serra mit-trasport għandhom jiġu stabbiliti f'livell li jippermetti l-kisba tal-mira fuq perjodu twil ta' żmien tal-White Paper ta' tnaqqis ta' mill-inqas 60 % fl-emissjonijiet ta' gass serra mit-trasport sal-2050; f'dan il-kuntest jistieden lill-Kummissjoni tipproponi strateġija komprensiva għad-dekarbonizzazzjoni tat-trasport;

Prinċipji ġenerali: bidla modali u komodalità

5.  Jenfasizza li l-politika tal-mobilità sostenibbli Ewropea għandha tibni fuq firxa wiesa' ta' għodod tal-politika biex tersaq lejn il-mezzi tat-trasport li jniġġsu l-inqas u l-aktar effiċjenti fl-enerġija b'mod kosteffiċjenti; jirrimarka li ċ-ċaqliq tal-bilanċ bejn il-mezzi tat-trasport mhux għan aħħari fih innifsu, iżda huwa neċessarju li jisseparaw il-mobilità mill-effetti avversi tagħha bħall-konġestjoni, it-tniġġis tal-arja, l-istorbju, l-inċidenti u t-tibdil fil-klima; jirrikonoxxi li l-politika ta' bidla modali s'issa ma tatx riżultati sodisfaċenti; jenfasizza, għaldaqstant, li kull mezz ta' trasport għandu jittejjeb u jsir aktar favur l-ambjent, sikur u effiċjenti fl-użu tal-enerġija sabiex jintlaħaq livell għoli ta' mobilità u ta' ħarsien ambjentali;

6.  Jinnota li l-iżvilupp tat-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija huwa dipendenti ħafna fuq l-użu effettiv tal-mezzi differenti tat-trasport, u li l-politika Ewropea tat-trasport għaldaqstant għandha tkun ibbażata fuq il-komodalità effiċjenti, fejn l-użu tal-aktar mezzi ta' trasport sostenibbli u effiċjenti fl-użu tal-enerġija għandu jingħata prijorità meta jkun possibbli; jemmen li dan se jwassal għal riallokazzjoni ottimali bejn il-mezzi ta' trasport differenti, u se jipprovdi għal interoperabilità fi ħdan u bejn il-mezzi, jippromwovi trasport aktar sostenibbli u ktajjen loġistiċi u jtejjeb il-flussi tat-traffiku bla xkiel fil-mezzi u n-nodi;

Infrastruttura moderna u finanzjament intelliġenti

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tissottometti proposti biex tippjana l-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni tal-mezzi kollha tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri, permezz tal-applikazzjoni ta' metodoloġija tal-UE komuni, koerenti u trasparenti u filwaqt li tqis l-ispeċifiċità ta' kull mezz, inkluż analiżi koerenti ta' riperkussjonijiet li jkunu diġà ġew internalizzati sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja; jitlob miżuri konkreti biex jiżgura applikazzjoni aktar estiża tal-prinċipji ta' "l-utent iħallas" u ta' "min iniġġes iħallas", inklużi linji gwida u l-aħjar prattiki, u biex kundizzjonijiet ekwi jkunu żgurati bejn il-mezzi tat-trasport, jitneħħew sussidji tat-taxxa dannużi għall-ambjent fejn xieraq, filwaqt li tinżamm il-kompetittività tar-reġjuni kollha tal-UE;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi qafas ġenerali għal skemi ta' tariffi stradali nazzjonali għall-karozzi tal-passiġġieri u vetturi kummerċjali ħfief, li għandhom ikunu mhux diskriminatorji lejn residenti ta' pajjiżi terzi u tingħata prijorità lil tariffi bbażati fuq id-distanza; jistieden lill-Istati Membri biex jallokaw id-dħul minn tariffi għall-użu tal-infrastruttura għall-bini u l-manutenzjoni ta' infrastruttura tat-trasport sikura u l-mitigazzjoni ta' problemi ambjentali relatati mat-trasport;

9.  Jenfasizza li t-tlestija tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport jibqa' wieħed mill-prekundizzjonijiet għal sistema tat-trasport multimodali aktar sostenibbli, effiċjenti u mingħajr xkiel u għal distribuzzjoni aktar bilanċjata tal-merkanzija u tal-passiġġieri fost il-mezzi tat-trasport; jenfasizza li l-għażla ta' proġetti eliġibbli għal finanzjament tal-UE għandha tiffoka fuq id-disa' kurituri ewlenin tan-netwerk, it-tlestija tal-konnessjonijiet nieqsa, b'mod partikolari taqsimiet transkonfinali, l-eliminazzjoni ta' konġestjonijiet, it-titjib tal-infrastruttura eżistenti, soluzzjonijiet innovattivi tat-trasport, l-interoperabilità, u l-iżvilupp ta' terminals multimodali u nodi urbani; hija għandha wkoll tagħmel aktar enfasi fuq il-valur miżjud Ewropew, fuq l-iżvilupp ta' infrastruttura ta' konnettività ta' reġjuni periferiċi, gżejjer, reġjuni muntanjużi u reġjuni l-aktar imbiegħda, u fuq l-appoġġ għal proġetti li jgħaqqdu n-Netwerk ta' Trasport Trans-Ewropew ma' netwerks tal-infrastruttura ta' pajjiżi ġirien u kandidati;

10.  Iqis li l-finanzjament tal-UE għandu jirrifletti l-ħtiġijiet reali tal-investiment għat-tlestija tan-netwerk ewlieni TEN-T sal-2030, u li l-istrument tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u mezzi oħra ta' finanzjament għandhom jistimulaw l-investiment fl-infrastruttura tat-trasport skont il-kriterji stabbiliti fil-linji gwida dwar it-TEN-T u l-CEF, li jagħti prijorità lil mezzi ta' trasport sostenibbli bħall-ferrovija, l-ilmijiet navigabbli interni u t-trasport marittimu fuq distanzi qosra; jenfasizza li proġetti kofinanzjati għandhom jirriflettu l-ħtieġa għal infrastruttura li tibbenefika lill-Unjoni f'termini ta' kompetittività u koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, li tnaqqas l-impatt fuq l-ambjent, li tkun reżiljenti għall-impatt possibli tat-tibdil fil-klima u li tiggarantixxi s-saħħa u s-sikurezza tal-utenti;

11.  Jitlob żieda drastika fil-fondi allokati għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u għal aktar kompetenzi Ewropej fit-tħejjija, l-implimentazzjoni u l-finanzjament ta' ppjanar u finanzjament tal-infrastruttura tat-trasport transnazzjonali;

12.  Jenfasizza li l-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq, li għandha impatt dirett fuq is-sikurezza tat-triq, tvarja b'mod sinifikanti madwar l-UE u li aktar minn 90 fil-mija ta' mwiet minħabba inċidenti tat-triq fl-Istati Membri jseħħu fit-toroq urbani u rurali; jenfasizza li finanzjament effiċjenti ta' din it-tip ta' infrastruttura għandu jiġi promoss permezz ta' politiki u strumenti differenti tal-UE, speċjalment fil-pajjiżi ta' koeżjoni; jenfasizza wkoll il-ħtieġa ta' manutenzjoni xierqa tal-infrastruttura eżistenti, inkluż in-netwerk tat-toroq sekondarji;

13.  Jenfasizza li l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (EFSI), propost mill-Kummissjoni bħala parti mill-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa ta' Juncker, għandu jagħti prijorità lit-trasport sostenibbli u lil proġetti ta' infrastruttura li huma ta' importanza vitali li jagħtu valur soċjetali, ekonomiku u ambjentali għoli, u għandu jimmira lejn proġetti li jippromwovu l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità għolja, it-tkabbir fit-terminu twil, il-kompetittività, l-innovazzjoni u l-koeżjoni territorjali, inklużi proġetti urbani sostenibbli u proġetti ferrovjarji, skont l-objettivi tal-politika tat-trasport tal-UE u l-leġiżlazzjoni (Linji gwida TEN-T u CEF); f'dan il-kuntest, mezzi ġodda ta' finanzjament bħal sħubijiet pubbliċi privati u konċessjonijiet jistħoqqilhom aktar attenzjoni u applikazzjoni; jenfasizza li l-proċess għall-għażla ta' proġetti li għandhom jiġu ffinanzjati mill-EFSI għandu jkun trasparenti u jinvolvi lill-partijiet ikkonċernati rilevanti mis-settur pubbliku u privat;

14.  Iqis li l-EFSI għandu jiġi ffinanzjat bħala prijorità minn riżorsi mhux allokati fi ħdan il-baġit tal-UE u biss bħala l-aħħar għażla minn fondi mhux użati ta' programmi taħt l-intestatura 1A tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020; jenfasizza li l-finanzjament tal-fond ta' garanzija għandu jkun rieżaminat fil-qafas tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP tal-2016 u, abbażi tal-analiżi tal-prestazzjoni u rati ta' eżekuzzjoni tal-programmi differenti, l-għażliet alternattivi ta' finanzjament għandhom jiġu identifikati sabiex inaqqsu kemm jista' jkun ir-riallokazzjoni ta' fondi mill-intestatura 1A għall-perjodu 2016-2020; jenfasizza li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jesploraw ukoll modi biex jikkumpensaw, sa fejn l-aktar ikun possibbli għal riallokazzjonijiet mill-programmi tal-UE maqbula fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali bħala sors ta' finanzjament għall-EFSI fis-snin preċedenti għar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP;

15.  Jafferma mill-ġdid l-appoġġ tiegħu għal strumenti finanzjarji innovattivi li jippermettu li l-infiq pubbliku jiġi ottimizzat permezz ta' mobilizzazzjoni aħjar ta' finanzjament privat, iżda jfakkar li bosta proġetti fis-settur tat-trasport ma jiġġenerawx biżżejjed dħul biex jibbażaw ruħhom esklużivament fuq dawn it-tipi ta' strument, u għalhekk jeħtieġu appoġġ f'forma ta' sussidji;

16.  Jenfasizza li t-tnedija u l-applikazzjoni rapidi ta' sistemi tat-trasport intelliġenti huma meħtieġa biex jippermettu użu aktar effiċjenti, sostenibbli u sikur tal-vetturi u tal-infrastruttura eżistenti u jipprovdu kapaċità addizzjonali mingħajr il-ħin, l-ispiża u t-teħid tal-art meħtieġa għall-kostruzzjoni ta' infrastruttura ġdida; jenfasizza l-importanza ta' użu effikaċi tal-frekwenzi u l-interoperabilità bejn is-sistemi tat-trasport intelliġenti sabiex isiru possibbli l-flussi tat-traffiku bla ostakli fil-mezzi u l-interkonnessjonijiet differenti; jitlob l-implimentazzjoni f'waqtha tal-fażijiet ta' tnedija u esplojtazzjoni tal-Programmi ta' Navigazzjoni Satellitari tal-UE, u l-iżvilupp effettiv tal-applikazzjonijiet tat-trasport fis-sistemi Galileo u EGNOS;

Trasport sostenibbli u mobilità urbana

17.  Jenfasizza li t-titjib tal-effiċjenza tal-enerġija għandha tkun waħda mill-prijoritajiet ewlenin tal-politika Ewropea tat-trasport; jiddikjara li hemm ħtieġa akuta li tittejjeb l-effiċjenza tar-riżorsi tas-sistema tat-trasport b'mod ġenerali, bil-ħsieb li jsir użu aktar effiċjenti mill-kapaċità eżistenti, li ttejjeb ir-rata ta' utilizzazzjoni tal-vetturi u tiżgura li l-finanzjament pubbliku huwa allokat fuq livell nazzjonali u tal-UE għal miżuri bl-aktar impatt għoli;

18.  Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-elettromobilità u sistemi tat-trasport pubbliku tal-elettriku, flimkien mal-introduzzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fis-settur tal-elettriku, li jagħtu prijorità lil elettrifikazzjoni ulterjuri tan-netwerk ferrovjarju u l-promozzjoni ta' tramvieri, karozzi tal-linja li jaħdmu bl-elettriku (trolleybuses), karozzi elettriċi, mezzi elettriċi b'żewġ/tlieta/erba'-roti, ir-roti elettriċi u dgħajjes żgħar tal-elettriku; jenfasizza l-potenzjal ta' tramvieri moderni tal-ajru (karozzi teleferiċi), bħala mezz tat-trasport irħis u faċli biex jinbena, biex tiġi estiża l-kapaċità tas-sistemi tat-trasport urban pubbliku;

19.  Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-introduzzjoni ta' fjuwils alternattivi u sistemi ta' propulsjoni, b'mod partikolari dawk li kumparata magħhom, l-Ewropa għandha vantaġġ teknoloġiku kbir, sabiex titnaqqas id-dipendenza tat-trasport fuq il-fjuwils fossili, ittejjeb il-kwalità tal-arja u tnaqqas l-emissjonijiet tal-gass serra; jiddeplora l-fatt li dawn it-teknoloġiji għadhom ma ġewx suffiċjentement imnedija, b'mod partikolari fit-trasport pubbliku;

20.  Jinnota li l-użu tat-trasport pubbliku fiż-żoni urbani mhux iddikjarat b'mod ċar fost l-għaxar għanijiet tal-White Paper; jemmen li l-għan il-ġdid għandu jkun li jirdoppja l-użu tat-trasport pubbliku fiż-żoni urbani sal-2030; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-miżuri li għandhom jittieħdu biex jipprovdu għal faċilitajiet u infrastrutturi li jiffaċilitaw il-mobilità bieb bieb bla periklu għal min juża t-trasport pubbliku, inklużi l-anzjani jew persuni b'diżabilità u ċiklisti li jużaw it-trasport pubbliku għal parti tar-rikba tagħhom; jissottolinja li biex jintlaħaq dan l-għan hemm bżonn ta' investiment xieraq, speċjalment sabiex tiġi żgurata manutenzjoni konsistenti u espansjoni tal-infrastruttura għat-trasport pubbliku; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għaldaqstant, biex jipprovdu, finanzjament xieraq, fit-tul u affidabbli għall-proġetti ta' infrastruttura tat-trasport pubbliku urban;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex tgħin lill-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali u lill-partijiet ikkonċernati jutilizzaw l-opportunitajiet ta' finanzjament tal-UE eżistenti u ġodda għat-trasport pubbliku u jiżviluppaw skemi innovattivi ta' sħubijiet pubbliċi-privati; jiġbed l-attenzjoni għal-lezzjonijiet li għandhom jittieħdu mir-Rapport Speċjali (Nru 1/2014) tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, bl-isem "L-effettività tal-proġetti għat-trasport urban pubbliku appoġġati mill-UE", li vvaluta l-implimentazzjoni u l-effettività ta' proġetti ta' trasport urban pubbliku kofinanzjati mill-fondi strutturali tal-UE u sa liema punt dawn jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-utenti u jilħqu l-objettivi tagħhom f'termini ta' utilizzazzjoni;

22.  Jenfasizza l-importanza ta' Pjanijiet ta' Mobilità Urbana Sostenibbli (SUMPs) bħala għodda biex tgħin il-bliet jagħmlu użu aktar effiċjenti mill-infrastruttura tat-trasport u s-servizzi u jtejbu l-integrazzjoni ta' mezzi differenti ta' mobilità b'mod sostenibbli, biex b'hekk jingħata kontribut għat-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja u tat-tniġġis akustiku, l-emissjonijiet tas-CO2, il-konġestjoni u l-inċidenti fit-toroq; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli tappoġġa l-iżvilupp u l-promozzjoni tal-SUMPs; jenfasizza li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej għandhom jintużaw b'mod aktar sistematiku għall-bliet li żviluppaw pjan integrat ta' trasport lokali, bħal SUMP, u identifikaw l-azzjonijiet xierqa skont il-kriterji stabbiliti fil-leġiżlazzjoni rilevanti;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-operaturi tat-trasport pubbliku u mal-awtoritajiet sabiex jipprovdu lill-utenti informazzjoni dwar il-vjaġġi permezz ta' mezzi differenti, inkluża informazzjoni dwar il-ħtiġijiet ta' persuni b'diżabilità, u biex taqdi rwol akbar sabiex jiġu identifikati l-aħjar prattiki madwar l-UE u jiġu stabbiliti kundizzjonijiet għat-titjib tas-sistemi tat-trasport pubbliku urban; jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iħarsu l-obbligu għal sistemi ta' trasport urban li jgħaqqdu ċentri ta' bliet maż-żoni periferiċi tagħhom;

24.  Jenfasizza li ż-żoni urbani jeħtieġu ċertu livell ta' flessibilità biex ikunu jistgħu jissodisfaw l-obbligi tagħhom taħt il-liġi tal-UE b'rispett sħiħ tal-prinċipju ta' sussidjarjetà u biex jiġi żgurat li soluzzjonijiet ta' mobilità huma adattati għaċ-ċirkostanzi speċifiċi tagħhom;

25.  Jenfasizza li l-imġiba tal-utenti tat-trasport hija essenzjali għall-iżvilupp ta' sistema tat-trasport aktar sostenibbli; jitlob li jkun hemm inizjattivi li jimmotivaw u jippermettu lill-utenti, speċjalment liż-żgħażagħ, biex jużaw mezzi tat-trasport aktar sikuri u aktar sostenibbli (il-mixi, iċ-ċikliżmu, inkluż bike sharing u kiri tar-roti, it-trasport pubbliku, car sharing, car pooling), li għandhom ikunu imnedija f'infrastruttura sikura, u għall-ippjanar ta' vjaġġ u informazzjoni f'ħin reali li għandha tkun disponibbli sabiex tiffaċilita l-użu intermodali ta' mezzi differenti ta' trasport permezz ta' Sistemi tat-Trasport Intelliġenti; jistieden lill-Kummissjoni biex tidentifika eżempji tal-aħjar prattika li jikkombinaw diversi mezzi ta' trasport bil-potenzjal li jiġu implimentati f'agglomerazzjonijiet urbani;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa għal data aħjar tat-trasport nazzjonali u tal-UE dwar l-imġiba tal-utenti tat-trasport, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-mixi, iċ-ċikliżmu u x-xejriet ta' ivvjaġġar differenzjati skont il-ġeneru, li għandha tintuża mill-awtoritajiet lokali fid-definizzjoni tal-politiki ta' mobilità urbana tagħhom;

27.  Jenfasizza l-importanza li jittieħdu passi biex jiġu appoġġati programmi reġjonali għall-ħolqien u l-espansjoni ta' netwerks taċ-ċikliżmu f'bosta reġjuni Ewropej, sabiex iċ-ċittadini jitħeġġu jieħdu aktar responsabilità fi kwistjonijiet ambjentali, li kulħadd jingħata l-opportunità li juża r-roti, u li jitnaqqas it-tniġġis akustiku, il-konġestjoni u t-tniġġis urban;

28.  Jenfasizza l-importanza li jiġu analizzati l-effetti pożittivi fuq is-soċjetà ta' forom ġodda ta' mobilità appoġġati mill-mudell ta' Ekonomija Kollaborattiva, inkluż ride-sharing; iqis li huwa importanti li jkun hemm skambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri sabiex isir aġġustament regolatorju sabiex jittieħed kont ta' dawn il-pjattaformi innovattivi ta' mobilità bieb bieb;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja s-sitwazzjoni fi Stati Membri differenti fir-rigward tal-operat ta' kumpaniji tan-netwerk tat-trasport li jqabblu s-sewwieqa mal-passiġġieri (bl-aktar eżempju prominenti jkun l-Uber), u biex twettaq valutazzjoni tal-konsegwenzi legali, soċjali u ekonomiċi li jirriżultaw mill-operat ta' tali kumpaniji, akkumpanjata, jekk xieraq, minn miżuri jew rakkomandazzjonijiet rilevanti għall-iżvilupp ta' servizzi ġodda fl-Ewropa, filwaqt li jittieħed kont tas-servizzi eżistenti tat-taksi;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni titlob lill-Istati Membri jipprovdu kundizzjonijiet ta' kompetizzjoni ġusta bejn kumpaniji ta' trasport kondiviżi, taxksis tradizzjonali u kumpaniji tat-trasport bejn belt u oħra fir-rigward ta' konformità mal-leġiżlazzjoni tat-taxxa, is-sikurezza, l-obbligi tas-servizz pubbliku u l-kundizzjonijiet tal-impjieg;

31.  Jenfasizza li mezzi tat-trasport b'żewġ roti li jaħdmu b'mutur (muturi, skuters u ċiklomuturi) u, dejjem aktar, mezzi tat-trasport b'żewġ jew tliet roti li jaħdmu bl-elettriku, għandhom rwol importanti fil-mobilità sostenibbli, speċjalment f'żoni urbani fejn jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-problemi ta' konġestjoni u ta' parkeġġ kif ukoll jipprovdu soluzzjoni għal loġistika żgħira; jinsisti għaldaqstant li d-disinn speċifiku u l-benefiċċji afferenti ta' dawn il-vetturi għandhom jiġu meħuda inkonsiderazzjoni b'mod adegwat u jiġu riflessi fil-leġiżlazzjoni u fil-linji gwida tal-UE dwar it-trasport;

32.  Jitlob li jkun hemm użu aħjar tal-katina tal-provvista f'żoni urbani; il-vetturi tal-merkanzija urbana jikkontribwixxu b'mod sproporzjonat għat-tniġġis tal-arja u għat-tniġġis akustiku u jkollhom impatt negattiv fuq il-konġestjoni; il-loġistika urbana għandha trawwem it-titjib tat-trasport u l-introduzzjoni kosteffetiva ta' tipi ġodda ta' operazzjonijiet, teknoloġiji u mudelli ta' negozju; għażla aħjar ta' mezzi u vetturi tista' tiżgura li soluzzjoni tat-trasport titqabbel bl-aħjar mod mar-rekwiżiti speċifiċi tal-vjeġġ u l-belt in kwistjoni;

33.  Jenfasizza l-importanza tad-depożiti tal-loġistika li jinsabu fit-tarf ta' żoni urbani, li tippermetti li l-oġġetti jkunu trasportati lejn id-destinazzjoni tagħhom, b'mod koordinat, bl-użu tal-aktar mezzi tat-trasport effiċjenti fl-użu tal-enerġija;

It-tqegħid tan-nies fil-qalba tal-politika tat-trasport

34.  Jitlob, fir-rigward tas-sikurezza fit-toroq, għal:

   l-adozzjoni rapida tal-mira għall-2020 ta' tnaqqis ta' 40 % fin-numru ta' nies li jkorru serjament, akkumpanjat minn strateġija tal-UE kompleta; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu mingħajr dewmien id-data statistika rilevanti kollha sabiex il-Kummissjoni tkun tista' tistabbilixxi din il-mira u l-istrateġija,
   tisħiħ ta' azzjonijiet bl-għan li jitnaqqas in-numru ta' mwiet u korrimenti fit-toroq, b'attenzjoni partikolari għall-kawżi ewlenin, inkluż sewqan taħt l-influenza tal-alkoħol u d-drogi, veloċità eċċessiva, u n-nuqqas ta' użu taċ-ċinturin tas-sikurezza,
   azzjoni biex tinkiseb il-mira tal-2020 għas-sikurezza fit-toroq ta' inqas minn 15 000 fatalità, permezz tal-introduzzjoni u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' sikurezza fit-triq kosteffikaċi fuq livell tal-UE u nazzjonali,
   azzjonijiet biex jitnaqqsu l-inċidenti fost l-utenti vulnerabbli, b'mod partikolari l-utenti ta' vetturi b'żewġ roti, il-persuni mixjin fit-triq f'ambjenti urbani u sewwieqa anzjani,
   miżuri dwar is-sikurezza fit-toroq fi ħdan il-Pakkett tat-Triq u r-rieżami ta' nofs it-terminu dwar il-Programm tal-Kummissjoni għas-Sikurezza fit-Toroq 2011-2020,
   rieżami tad-Direttiva (UE) 2015/413 li tiffaċilita l-iskambju ta' informazzjoni transkonfinali dwar il-kontravvenzjonijiet tat-traffiku relatati mas-sikurezza fit-toroq, u l-isforzi biex tiġi estiża l-applikazzjoni tagħha fil-pajjiżi ġirien tal-UE,
   l-estensjoni,fi ħdan ir-reviżjoni tad-Direttiva 2008/96/KE dwar il-ġestjoni tas-sikurezza fl-infrastruttura tat-toroq, tal-erba' miżuri prinċipali għal partijiet oħra tan-netwerk tat-toroq, inklużi l-partijiet kollha tal-awtostradi u t-toroq rurali u urbani,
   azzjonijiet biex jiġu prijoritizzati, kif issuġġerit mill-Pjan ta' Azzjoni u definit permezz tad-Direttiva Sistemi tat-Trasport Intelliġenti (ITS) (2010/40/UE), fir-rigward ta' utenti vulnerabbli tat-triq,
   rieżami tad-Direttiva dwar it-Taħriġ u l-Kwalifika ta' Sewwieqa Professjonali bl-għan li jiċċaraw id-dispożizzjonijiet tagħha, u l-promozzjoni u l-iżvilupp ta' skemi ta' taħriġ wara li tingħata l-liċenzja għall-utenti tal-vetturi kollha,
   proposta sal-2016 biex tirrevedi r-Regolament dwar is-Sikurezza Ġenerali ((KE) Nru 661/2009) u r-Regolament dwar il-Protezzjoni ta' Persuni Mexjin ((KE) Nru 78/2009) sabiex tistabbilixxi regoli mandatorji għad-disinn tal-kabina u s-sikurezza, il-viżjoni diretta, il-prestazzjoni f'każ ta' ħabta u l-ħarsien ta' persuni mexjin, tipprijoritizza lill-utenti vulnerabbli tat-toroq għall-vetturi tqal tal-merkanzija (HGVs),
   applikazzjoni akbar f'karozzi ġodda tal-passiġġieri u fil-vetturi kummerċjali ta' sistemi ta' sikurezza ta' assistenza għas-sewwieq bħal brejkjar awtomatizzat ta' emerġenza (AEA), twissija mill-bogħod, indikazzjoni ta' ħruġ mil-lejn (LDW), indikaturi tat-tekil tat-tajers, adattament tal-veloċità intelliġenti li jista' jingħeleb (ISA) u l-eCall, flimkien ma' sistemi tat-trasport intelliġenti u kooperattivi,
   rieżami tat-tielet Direttiva tal-Liċenzja tas-Sewqan, sabiex tintroduċi:
   taħriġ obbligatorju għas-sewwieqa tal-funzjonijiet ġodda tal-vetturi (sistemi ta' assistenza għas-sewwieq),
   it-tieni fażi biex tinkiseb liċenzja tas-sewqan,
   edukazzjoni dwar is-sikurezza fit-toroq tul il-ħajja,
   test tal-idoneità tas-sewwieqa, u
   test mediku-psikoloġiku għal dawk li jiksru r-regolamenti tat-traffiku fir-rigward, pereżempju, tal-alkoħol, id-drogi jew l-aggressjoni,
   konċentrazzjoni ta' alkoħol fid-demm tal-UE armonizzata għal limitu ta' 0.0 għal sewwieqa ġodda matul l-ewwel sentejn u għal sewwieqa professjonali;

35.  Jenfasizza li għalkemm sar titjib sinifikanti fis-sikurezza tat-toroq matul dawn l-aħħar snin, id-differenzi bejn l-Istati Membri għadhom jippersistu u hemm bżonn ta' miżuri ulterjuri biex jinkiseb l-objettiv tal-Viżjoni Żero; jinnota li s-sikurezza fit-toroq timxi id f'id ma' aġir rispettuż tal-utenti kollha tat-toroq, u li l-edukazzjoni fil-familji u l-iskejjel għandu jkollha rwol akbar fil-ksib ta' dan l-objettiv;

36.  Jenfasizza l-ħtieġa għal tlestija tal-qafas leġiżlattiv stabbilit għad-drittijiet tal-passiġġieri b'miżuri li għandhom l-għan li jeliminaw il-lakuni possibbli kollha fil-leġiżlazzjoni, li jkopru passiġġieri fi vjaġġi multimodali u li jiżguraw kompetizzjoni intermodali ġusta, filwaqt li jqisu d-differenzi speċifiċi bejn il-mezzi tat-trasport, ir-responsabilità legali għal taqsimiet individwali tal-vjaġġ u l-interazzjoni bejn il-mezzi differenti; itenni t-talba tiegħu għall-Karta tad-Drittijiet tal-Passiġġieri li tistabbilixxi d-drittijiet fundamentali tal-passiġġieri applikabbli għall-mezzi kollha tat-trasport, filwaqt li jitqiesu l-ispeċifiċitajiet ta' kull mezz tat-trasport u li fihom taqsima separata dwar vjaġġi multimodali, sabiex tittejjeb il-viżibilità tar-regoli tal-UE u jiġi żgurat infurzar aħjar; jitlob li jkun hemm inizjattivi li jippromwovu u jagħmlu disponibbli għall-passiġġieri informazzjoni dwar servizzi tal-ivvjaġġar multimodali, tal-ippjanar u ħruġ ta' biljetti; jitlob ukoll, miżuri li jtejbu l-kwalità tat-trasport u li jiffaċilitaw l-aċċessibilità mingħajr ostakli għall-anzjani, għall-passiġġieri b'mobilità mnaqqsa u passiġġieri b'diżabilità u li tingħata aktar attenzjoni lill-bżonnijiet speċjali tal-passiġġieri, bħal dawk taċ-ċiklisti li jġorru r-roti tagħhom fuq il-ferroviji;

37.  Jistieden, b'rabta mad-dritt fundamentali ta' kull persuna għall-mobilità individwali, speċjalment persuni b'diżabilità u l-anzjani, għal aktar investiment fir-riċerka u l-iżvilupp ta' sistemi ta' assistenza tas-sewwieq xierqa;

38.  Jinnota li t-titjib tad-disponibilità ta' broadband b'xejn jew irħis, netwerks ċellulari, Wi-Fi u servizzi diġitali oħra fuq it-trasport pubbliku u fl-istazzjonijiet ittejjeb il-mobilità personali;

39.  Jitlob Pjan Direzzjonali tal-UE bl-għan li jiġi stabbilit il-qafas għal sistema Ewropea tat-trasport multimodali tal-passiġġieri mingħajr xkiel; Dan il-Pjan Direzzjonali għandu jidentifika il-kurituri multimodali Ewropej tal-passiġġieri fil-qafas tan-netwerk TEN-T, jiġbru flimkien riżorsi pubbliċi u privati, jallinjaw inizjattivi eżistenti u jikkonċentraw l-appoġġ finanzjarju mill-UE;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jindirizzaw il-kwalità tax-xogħol fil-mezzi kollha tat-trasport, partikolarment fir-rigward tat-taħriġ, iċ-ċertifikazzjoni, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-iżvilupp tal-karriera, bil-ħsieb li jinħolqu impjiegi ta' kwalità, l-iżvilupp tal-ħiliet neċessarji u t-tisħiħ tal-kompetittività u l-mobilità tal-operaturi tat-trasport fl-UE; jenfasizza l-importanza ta' soluzzjoni għall-kwistjoni tal-fatturat tax-xogħol u ta' ħaddiema li qed jixjieħu fis-settur tat-trasport, u l-ħtieġa urġenti biex ix-xogħol fis-settur jingħamel/isir attraenti għall-ġenerazzjonijiet il-ġodda;

41.  Jenfasizza l-importanza kruċjali li jkunu żgurati trattament ugwali u ġust, termini u kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin u ambjent tax-xogħol sikur għall-ħaddiema fil-qasam tat-trasport; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tippreżenta miżuri/inizjattivi konkreti u immedjati biex jindirizzaw l-aspetti soċjali tal-mezzi differenti tat-trasport, bl-għan li jippromwovu impjiegi u kundizzjonijiet tax-xogħol ta' kwalità għolja għall-ħaddiema tat-trasport u li jiżguraw kompetizzjoni ġusta u mhux distorta bejn l-operaturi tat-trasport; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tissorvelja mill-qrib l-applikazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni soċjali tal-UE mill-Istati Membri fil-mezzi kollha tat-trasport;

42.  Jenfasizza li jinħtieġu miżuri biex tingħata spinta qawwija lill-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol tat-trasport, jitneħħew l-ostakli eżistenti, u jiżguraw trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa billi jiġu indirizzati n-nuqqasijiet eżistenti fir-rimunerazzjoni u fl-avvanz;

43.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-proposti dwar il-ftuħ tas-swieq tas-servizzi tat-trasport kollha jimxu id f'id ma' infurzar xieraq tal-leġiżlazzjoni soċjali tal-UE u, fejn meħtieġ, b'miżuri ta' appoġġ sabiex jiġu evitati d-differenzi bejn il-kundizzjonijiet soċjali fl-Istati Membri differenti; jenfasizza li l-ftuħ tas-swieq tat-trasport m'għandux iwassal għal dumping soċjali, servizzi ta' kwalità inferjuri, servizz pubbliku mnaqqas, piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa, prattiki kummerċjali inġusti jew tgħawwiġ tal-kompetizzjoni ġusta; għandu, wkoll, itemm il-frammentazzjoni tas-suq intern u jevita l-ħolqien ta' monopolji jew il-ġirja lejn l-aktar livell baxx rigward il-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema fis-settur tat-trasport;

Sistema tat-trasport kompetittiva, effiċjenti, sikura, integrata u interoperabbli

44.  Jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni hija vitali biex ittejjeb l-effiċjenza u l-produttività tas-settur tat-trasport; jenfasizza l-ħtieġa li jsir użu aħjar mill-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji diġitali, u biex tippromwovi servizzi tat-trasport ġodda, kif ukoll mudelli ta' negozju u distribuzzjoni ġodda, sabiex jitrawmu t-tkabbir, il-kompetittività u l-impjiegi; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġi pprovdut qafas regolatorju li jippermetti proġetti pilota mmirati lejn it-tnedija ta' trasport awtomatizzat intelliġenti fl-Ewropa; jinnota f'dan ir-rigward l-irwol ewlieni tal-SMEs u n-negozji li jkunu għadhom jibdew fit-trawwim tal-innovazzjoni fis-settur tat-trasport;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tpoġġi l-approċċ integrat (l-interoperabilità, l-interkonnettività u l-intermodalità), inklużi sistemi tal-ICT, fil-qalba tar-rieżami tal-White Paper; ifakkar lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tgħaqqad l-avvanzi teknoloġiċi ma' bidla fl-imġiba sabiex tinkiseb bidla modali ambizzjuża, kif ukoll l-evitar tat-trasport permezz tal-loġistika ekoloġika, għodod xierqa tal-ġestjoni tal-mobilità u l-applikazzjoni tad-diġitalizzazzjoni;

46.  Jenfasizza li politika Ewropea dwar il-mobilità sostenibbli għandha tħares lejn sinerġiji bejn il-mezzi, kurituri u netwerks kollha tat-trasport, u tiffoka fuq il-ħtiġijiet ta' nodi ewlenin, żoni urbani, punti ta' interkonnettività, pjattaformi tat-trasbord u portijiet; il-mobilità għandha tiġi kkunsidrata bħala sistema aktar milli bħala kollezzjoni ta' mezzi individwali;

47.  Jitlob għal standardizzazzjoni ta' unitajiet ta' tagħbija intermodali, li jieħdu in kunsiderazzjoni l-unitajiet ta' tagħbija użati fit-trasport globali u d-dimensjonijiet tal-vetturi tat-trasport, u għal dispożizzjonijiet uniformi dwar tagħbija, sabiex jottimizzaw it-trasport multimodali u titjieb is-sikurezza;

48.  Jinsisti li għandhom jitnaqqsu l-ostakli burokratiċi għall-forom kollha ta' trasport; jitlob simplifikazzjoni u armonizzazzjoni akbar ta' dokumenti u proċeduri amministrattivi u doganali, li għandhom ikunu prattiċi, effiċjenti u fattibbli għall-partijiet kollha tul il-katina loġistika; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposta għall-istabbiliment ta' qafas elettroniku għat-trasport multimodali tal-merkanzija (trasport elettroniku tal-merkanzija), mingħajr l-użu ta' karti, bi flussi ta' informazzjoni bla xkiel tul il-katina loġistika sħiħa, b'kont meħud tal-għodod u s-sinerġiji eżistenti li jiffunzjonaw tajjeb, l-iżviluppi globali u l-aħjar prattiki;

49.  Jitlob l-introduzzjoni ta' għan ġdid, akkumpanjat mill-miżuri neċessarji, ta' trasferiment ta' 50 % tat-trasport ta' merkanzija perikoluża attwali fi ħdan l-UE lejn mezzi ta' trasport aktar sostenibbli bħat-trasport bil-ferrovija u l-passaġġi tal-ilma interni sal-2030 f'konformità sħiħa mad-Direttiva 2008/68/KE dwar it-trasport intern ta' oġġetti perikolużi;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tissimplifika r-regoli għat-trasport intermodali tal-oġġetti perikolużi biex tiġi żgurata l-interoperabilità bejn il-mezzi differenti;

51.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jesploraw il-potenzjal u jappoġġaw it-tnedija tat-trasport tal-merkanzija tat-tubu u loġistika ċikliċi/taċ-ċikliżmu? bħala kunċetti promettenti għal sistema tat-trasport sostenibbli;

52.  Jenfasizza r-rwol ewlieni tas-settur tat-trasport fl-iżvilupp tat-turiżmu, b'mod partikolari f'dawk ir-reġjuni tal-Unjoni li huma aktar remoti u li attwalment għandhom aċċess diffiċli ħafna;

53.  Jenfasizza li ċentri Ewropej jgħaqqdu l-Ewropa mal-bqija tad-dinja u li l-Ewropa teħtieġ iżżomm il-kollegament dirett tagħha mal-partijiet kollha tad-dinja, billi tipprovdi titjiriet diretti minn trasportaturi Ewropej miċ-ċentri tagħhom għal destinazzjonijiet internazzjonali u ż-żamma tal-impjiegi u t-tkabbir fis-settur Ewropew tal-avjazzjoni; jenfasizza li t-titjiriet fl-UE mhux biss jipprovdu l-mobilità fis-suq intern iżda wkoll għandhom rwol vitali bħala titjiriet li jwasslu lill-passiġġieri fl-ajruporti ċentrali (feeder) biex iżommu konnettività f'dawk l-ajruporti ċentrali tal-UE; il-politika tal-UE trid tiżgura netwerk li twassal lill-passiġġieri fl-ajruporti ċentrali li tkun effiċjenti u kompetittiva biex jissaħħu ċ-ċentri Ewropej billi jitnaqqsu l-ispejjeż globalment għal livelli kompetittivi u tiżgura kompetizzjoni ġusta ma' trasportaturi minn pajjiżi terzi; l-Istati Membri tal-UE għandhom bżonn ta' politika komuni u koerenti sabiex ma jitilfux aktar konnettività diretta bejn l-Ewropa, l-Asja u l-Afrika lejn ċentri fil-Golf u t-Turkija; jitlob lill-Kummissjoni, għaldaqstant, timplimenta dawn l-għanijiet f'kull leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-avjazzjoni u tapplikahom f'negozjati ma' pajjiżi terzi;

54.  Jitlob li jkun hemm politika ta' riċerka u teknoloġija mtejba bl-għan ta' promozzjoni tal-innovazzjoni fis-settur tat-trasport; iqis li din il-politika, li għandha tkun akkumpanjata minn miżuri xierqa ta' finanzjament, għandha titfassal f'kooperazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, inklużi ċ-ċittadini u r-rappreżentanti tal-utenti, sabiex jiġu mifhuma l-ħtiġijiet tas-settur u, għaldaqstant, tittejjeb l-allokazzjoni tal-finanzjament tal-UE, b'mod partikolari permezz tal-programm Orizzont 2020; huwa tal-fehma li għandha tingħata prijorità lill-proġetti b'valur miżjud Ewropew ċar li jimmiraw lejn id-dekarbonizzazzjoni tat-trasport u l-promozzjoni ta' mezzi ta' trasport li huma effiċjenti fl-enerġija (inklużi l-mixi u l-użu tar-roti), tiżdied l-effiċjenza u t-trasparenza tal-katina tal-provvista, titjieb l-aċċessibilità, is-sikurezza u s-sigurtà tat-trasport, titjieb il-ġestjoni tat-traffiku u jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi; huwa tal-fehma li għandha tingħata attenzjoni partikolari wkoll għal teknoloġiji li jfixklu l-qasam tat-trasport, pereżempju fil-forma ta' vetturi awtomatizzati jew ikkontrollati mill-bogħod bħal inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ u vetturi mingħajr sewwieqa;

55.  Jitlob l-istess livell ta' sforz fil-qasam tal-edukazzjoni biex jitħeġġeġ il-ħolqien ta' studji u proċessi ta' taħriġ ġodda u, b'mod partikolari fuq livelli professjonali u ogħla, jiffoka fuq ħiliet u professjonijiet ġodda li se joħorġu bħala riżultat ta' mobilità intelliġenti;

56.  Jenfasizza l-importanza tal-appoġġ ta' programmi ta' qafas tal-UE għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni sabiex jinkisbu fjuwils aktar nodfa u grad għoli ta' avvanz teknoloġiku, pereżempju fir-rigward ta' bijokarburanti raffinati;

57.  Jitlob fi ħdan il-qafas tal-programm REFIT u matul il-valutazzjoni sussegwenti tal-leġiżlazzjoni Ewropea għal rieżami ġenerali ta' liċenzja tas-sewqan Ewropea u kundizzjonijiet ta' sikurezza u rekwiżiti ta' rappurtar relatati mat-trasport bil-ħsieb li jinkiseb tnaqqis sostanzjali fil-piżijiet amministrattivi;

58.  Jirrikonoxxi l-importanza ta' frekwenzi tar-radju mingħajr interferenza, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mal-infurzar tal-ħin tas-sewqan u l-perjodi ta' serħan tal-ħaddiema tat-trasport bit-triq u t-tnedija ta' sistemi ta' trasport intelliġenti; jistieden lill-Kummissjoni biex toħloq, fejn meħtieġ, il-qafas regolatorju rilevanti;

Id-dimensjoni globali tat-trasport

59.  Jenfasizza li l-ħolqien ta' żona Ewropea tat-trasport hija prijorità importanti li tiddependi ħafna fuq l-aċċettazzjoni internazzjonali fil-qafas ta' ftehimiet negozjati globalment mal-imsieħba tal-kummerċ għall-mezzi kollha tat-trasport, b'mod partikolari f'konnessjoni mat-trasport bl-ajru u bil-baħar, u li l-UE għandu jkollha rwol dejjem aktar formattiv fl-entitajiet internazzjonali rilevanti;

60.  Huwa tal-fehma li l-UE għandha żżomm ir-rwol prinċipali tagħha fl-isforzi globali biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tat-trasport fil-qafas tal-Konferenza dwar il-Klima ta' Pariġi tal-2015 (COP21) billi tipprommwovi fil-livell globali d-dekarbonizzazzjoni tat-trasport u l-iżvilupp ta' mezzi tat-trasport sostenibbli u għaldaqstant tikkontribwixxi biex tintlaħaq il-mira miftiehma internazzjonalment li t-tisħin globali jinżamm taħt iż-2 °C;

61.  Jitlob approċċ aktar integrat bejn l-Istati Membri dwar il-possibilità li jiġi applikat il-prinċipju tar-reċiproċità fir-relazzjonijiet kummerċjali ma' pajjiżi terzi u għal eżami fi ħdan il-politika ta' finanzjament tal-UE, għat-trasport dwar jekk finanzjament addizzjonali minn pajjiżi terzi huwiex xieraq;

62.  Jenfasizza li l-esplojtazzjoni ta' riżorsi internazzjonali għall-iżvilupp ta' sistema tat-trasport tagħna (żejt, litju, metalli prezzjużi, bijokarburanti) għandha tirrispetta l-interessi leġittimi tal-persuni li jgħixu fiż-żoni minn fejn dawn ir-riżorsi huma nnegozjati u importati;

Integrazzjoni tal-mezzi kollha tat-trasport fi ħdan il-viżjoni ta' sistema tat-trasport aktar effiċjenti, sostenibbli, kompetittiva, aċċessibbli u faċli biex tintuża mill-utent u miċ-ċittadin

63.  Jitlob, fir-rigward tat-trasport bl-ajru:

   l-indirizzar tal-isfidi ewlenin għall-kompetizzjoni fis-settur tal-ajru Ewropew ikkawżat mit-tnaqqis ta' konnettività diretta bejn l-Ewropa u l-bqija tad-dinja, kapaċità tal-ajruporti limitata fid-dawl ta' żieda futura fit-traffiku tal-ajru, u t-twessigħ tal-firxa tas-servizzi tal-ajru provduti minn kumpaniji li mhumiex tal-UE,
   li ssir reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 868/2004 għas-salvagwardja tal-kompetizzjoni ġusta fir-relazzjonijiet esterni tal-avjazzjoni tal-UE u tisħiħ tal-pożizzjoni kompetittiva tal-industrija tal-avjazzjoni tal-UE, l-iżgurar tar-reċiproċità u l-eliminazzjoni ta' prattiki inġusti, inklużi sussidji li jfixklu s-suq,
   Djalogu tal-Avjazzjoni mal-Istati tal-Golf u mat-Turkija bil-ħsieb li tiżdied it-trasparenza finanzjarja u tiġi salvagwardjata l-kompetizzjoni ġusta; l-inklużjoni tal-'klawsoli tal-kompetizzjoni ġusta' fil-ftehimiet tat-trasport tal-ajru, dispożizzjonijiet dettaljati fuq is-sussidji, prattiki u kompetizzjoni inġusti, u mezz effiċjenti ta' azzjoni fil-każ ta' nuqqas ta' konformità ma' dawk id-dispożizzjonijiet,
   it-tħaffif tal-proċess għall-konklużjoni, fejn meħtieġ, ta' ftehimiet ġodda dwar l-avjazzjoni ma' sħab kummerċjali ewlenin tal-UE bħall-pajjiżi ġirien, BRICs, pajjiżi tal-ASEAN u l-Messiku, inklużi dispożizzjonijiet għal aċċess imtejjeb għas-suq għas-servizzi tal-merkanzija bl-ajru,
   rieżami tal-politiki fiskali u regolatorji tal-UE u tal-Istati Membri biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-industrija Ewropea tal-avjazzjoni u tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta ma' linji tal-ajru minn pajjiżi terzi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex tirrieżamina u telimina kwalunkwe dispożizzjonijiet unilaterali tal-UE li joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u biex tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaġixxu kif xieraq fir-rigward ta' dispożizzjonijiet nazzjonali simili,
   tlestija tas-suq intern tal-avjazzjoni billi jitneħħew l-ostakli introdotti mill-Istati Membri għat-trasportaturi tal-UE li jixtiequ joperaw mill-Istat Membru tar-reġistrazzjoni tagħhom lejn pajjiż terz permezz ta' Stat Membru ieħor,
   żvilupp koerenti u effettiv ta' netwerk ta' ajruporti tal-UE, li għandu jinkludi, l-ewwel nett, l-ajruporti ewlenin ('hubs') u, it-tieni nett, netwerk moqdi tajjeb, vijabbli u appoġġat ta' ajruporti lokali, provinċjali u reġjonali, li huma essenzjali għat-tkabbir u l-iżvilupp tat-territorji kkonċernati, b'mod partikolari żoni mbiegħda u r-reġjuni l-aktar imbiegħda, li spiss huma aċċessibbli biss permezz tat-trasport bl-ajru; it-tfassil ta' qafas leġiżlattiv għall-iżvilupp u l-massimizzazzjoni tal-potenzjal mhux sfruttat ta' ajruporti reġjonali u ta' infrastruttura ġdida f'ajruporti ffullati,
   approvazzjoni ta' proġetti finanzjati mill-UE li huma parti min-netwerk ewlieni TEN-T bħala prijorità,
   tħejjija bir-reqqa u adozzjoni rapida ta' Pakkett tal-Avjazzjoni komprensiv, inkluż: qafas regolatorju ġdid dwar l-inġenji tal-ajru ċivili mingħajr ekwipaġġ li jiżgura s-sikurezza, is-sigurtà u d-drittijiet fundamentali filwaqt li jitrawwem il-potenzjal ekonomiku tal-inġenji tal-ajru ċivili mingħajr ekwipaġġ li joffri lin-negozji Ewropej, b'mod partikolari lill-SMEs u n-negozji l-ġodda; ir-reviżjoni tar-Regolament dwar l-EASA biex tikkjarifika r-rwol tagħha vis-à-vis l-awtoritajiet nazzjonali tal-avjazzjoni u ssaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha biex tissorvelja s-sikurezza tal-avjazzjoni fl-Istati Membri kollha, inklużi reġjuni remoti, u l-promozzjoni ta' regoli u standards tal-UE globalment,
   l-azzjonijiet kollha meħtieġa mill-Istati Membri biex jaċċelleraw l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew, permezz tal-adozzjoni tal-pakkett SES2+, l-implimentazzjoni sħiħa u t-tħaddim ta' blokok ta' spazju tal-ajru funzjonali (FABs) u t-tnedija tas-sistema futura ta' ġestjoni tat-traffiku bl-ajru (SESAR), sabiex isseħħ deframmentazzjoni tal-ispazju tal-ajru tal-UE bil-għan li jitnaqqas id-dewmien tat-titjiriet, tittejjeb is-sikurezza u jitnaqqas l-impatt ambjentali tat-trasport bl-ajru,
   adozzjoni rapida mill-Kunsill tal-pożizzjoni tiegħu dwar ir-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 261/2004 u r-Regolament (KE) Nru 2027/97 dwar id-drittijiet tal-passiġġieri tal-ajru, u r-Regolament (KE) Nru 95/93 dwar l-allokazzjoni ta' slots,
   it-titjib tan-negozjati fi ħdan l-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO) dwar l-iżvilupp ta' mekkaniżmu bbażat fuq is-suq globali li jindirizza l-emissjonijiet internazzjonali tal-avjazzjoni,
   l-introduzzjoni ta' kriterji internazzjonali ta' sostenibilità tal-fjuwil tal-avjazzjoni rinnovabbli,
   appoġġ għal riċerka u żvilupp fl-ajrunawtika permezz tal-programmi Orizzont 2020 u Clean Sky, sabiex jiġu żviluppati teknoloġiji ġodda u aktar nodfa li jirriżultaw f'inġenji tal-ajru inqas storbjużi u aktar effiċjenti fl-użu tal-fjuwil, għal promozzjoni ta' tipi ġodda ta' inġenji tal-ajru, bħal inġenji tal-ajru mingħajr ekwipaġġ, u biex jinħoloq tkabbir u impjiegi fl-industrija tal-avjazzjoni Ewropea,
   rieżami bir-reqqa mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri tal-istrateġija u l-politiki tagħhom dwar is-sikurezza u s-sigurtà tal-avjazzjoni bil-ħsieb li jimxu gradwalment lejn approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-benefiċċju tal-passiġġieri,
   it-titjib tal-prestazzjoni tas-sikurezza tal-avjazzjoni fl-UE kollha fil-qasam tal-manifattura tal-inġenji tal-ajru, it-taħriġ u l-liċenzjar tal-ekwipaġġ, l-operazzjonijiet ta' titjir, il-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru u s-servizzi tan-navigazzjoni tal-ajru,
   valutazzjoni tal-possibilità ta' miżuri ta' sikurezza meħtieġa biex jiġu evitati inċidenti tal-ajru bħal dak tat-Titjira 9525 tal-Germanwings fl-Alpi li seħħ f'Marzu 2015,
   proposta tal-Kummissjoni inklużi miżuri biex tittejjeb is-sikurezza u r-regoli soċjali, partikolarment il-ħin ta' titjir u ta' mistrieħ, sabiex tiġi evitata l-għeja u tittejjeb il-kwalità tal-arja tal-kabina,
   l-iżvilupp ta' sett koordinat ta' regoli li jirregolaw skejjel tat-titjir u r-reġistrazzjoni tas-sigħat ta' titjir għall-bdoti attivi fl-UE, filwaqt li jiġi żgurat kontroll aktar effettiv u l-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-industrija tal-linji tal-ajru,
   skambju ta' data ġenerali tal-avjazzjoni mal-Eurostat mill-Istati Membri, b'mod partikolari dwar in-numru ta' ajruplani, bdoti u sigħat ta' titjir sabiex jittejbu r-regolamenti applikabbli, b'enfasi speċjali fuq is-sikurezza tal-avjazzjoni,
   djalogu soċjali kostruttiv bejn il-partijiet ikkonċernati fl-avjazzjoni sabiex jiġu indirizzati l-isfidi l-ġodda li jirriżultaw mill-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda li se jeħtieġu l-impjiegi fis-settur tal-avjazzjoni biex jadattaw kif meħtieġ,
   miżuri kontra ż-żieda ta' prattiki ta' negozju soċjalment problematiċi bħal "bnadar ta' konvenjenza" u l-forom differenti tal-impjieg atipiċi u l-esternalizzazzjoni; reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 biex jiġi żgurat l-infurzar xieraq u l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni soċjali nazzjonali u l-ftehimiet kollettivi għal-linji tal-ajru b'bażijiet operattivi fit-territorju tal-UE; definizzjoni riveduta tal-"post prinċipali tan-negozju" ta' kumpanija sabiex ikun rekwiżit li l-linji tal-ajru jevidenzjaw attivitajiet tal-avjazzjoni sostanzjali f'pajjiż; rakkomandazzjonijiet tal-EASA li jirrikjedu li mill-inqas 50 fil-mija tat-tekniċi tal-manutenzjoni jkunu impjegati direttament, li jkopri l-kategoriji kollha ta' persunal ta' fuq l-art, tal-bdoti u tal-ekwipaġġ tal-kabina;

64.  Jitlob, fir-rigward tat-trasport bit-triq, għal:

   oqfsa effikaċi ta' politika nazzjonali mmirati lejn l-iżvilupp tas-suq fir-rigward tal-użu ta' vetturi elettriċi u fjuwils alternattivi (l-elettriku, l-idroġenu, il-gass naturali (gass naturali kkompressat (CNG) u gass naturali likwifikat (LNG), il-gass likwifikat miż-żejt (LPG), il-fjuwils sintetiċi u paraffiniċi, u bijokarburanti sostenibbli, speċjalment dawk prodotti mill-ipproċessar ta' skart u residwi, inkluż l-etanol abbażi tal-melassa), u t-tnedija rapida ta' infrastruttura meħtieġa ta' riforniment ta' karburnat/irriċarġjar; l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn proġetti eżistenti fl-Istati Membri differenti fir-rigward tas-suq għal fjuwils alternattivi u d-distribuzzjoni fil-bliet; Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-implimentazzjoni tal-istrateġija deskritta fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "Enerġija nadifa għat-trasport: strateġija Ewropea għall-fjuwils alternattivi" sabiex jinkiseb l-usa' użu possibbli ta' fjuwils alternattivi għat-trasport, u biex tippromwovi mobilità elettrika sostenibbli madwar l-Unjoni kollha,
   żieda globali ta' 40 % sal-2020, meta mqabbla maċ-ċifri tal-2010, fin-numru ta' postijiet sikuri għall-ipparkjar ta' vetturi heavy-duty fin-netwerk tat-Trasport Trans-Ewropew (TERN) u jkun hemm titjib fil-kwalità u fl-istandards tal-iġjene tagħhom,
   inizjattivi biex jiżguraw l-interoperabilità ta' sistemi tal-pedaġġ tat-toroq elettroniċi,
   evalwazzjoni mill-Kummissjoni tad-diversi skemi ta' nollijiet tat-toroq għall-karozzi u l-kompatibilità tagħhom mat-Trattati tal-UE, b'mod partikolari l-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni abbażi tar-residenza,
   l-approvazzjoni bħala prijorità ta' proġetti ta' infrastruttura finanzjati mill-UE li tikkompleta n-netwerk tat-toroq li hija parti min-netwerk ewlieni tat-TEN-T,
   pjan direzzjonali tal-UE biex iċ-ċikliżmu jiġi inkluż fil-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2016,
   proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi limiti obbligatorji fuq il-medja tal-emissjonijiet tas-CO2 minn karozzi tal-passiġġieri u vannijiet ġodda għall-perjodu lil hinn mill-2020, li żżomm trajettorja fit-tul ċara ta' tnaqqis fl-emissjonijiet,
   it-tlestija fil-ħin ta' għodda ta' simulazzjoni li tkejjel b'mod preċiż, affidabbli u kosteffikaċi l-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet tas- CO2 ta' vetturi heavy-duty (trakkijiet, xarabanks u kowċis), li għandha tiġi segwita, jekk dan ikun xieraq, minn proposta leġiżlattiva li tistabbilixxi limiti obbligatorji fuq il-medja tal-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi heavy-duty li jkunu għadhom kif ġew irreġistrati, kif diġà huwa l-każ għall-karozzi u l-vannijiet; miżuri ulterjuri biex jinċentivaw l-introduzzjoni fis-suq tal-aktar vetturi effiċjenti u jippromwovu l-aħjar prattiki biex jitnaqqas il-konsum tal-fjuwil,
   miżuri li jżidu l-effiċjenza tal-fjuwil, u jnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 minn vetturi heavy-duty, inkluż użu ulterjuri ta' taħriġ f'sewqan ekoloġiku, loġistika tat-trasport imtejba u infrastruttura intelliġenti, u użu akbar ta' fjuwils alternattivi,
   ċiklu rivedut tal-ittestjar, b'rekwiżiti tal-ittestjar għall-konformità aktar robusti għall-kejl tas-CO2 u tal-emissjonijiet minn vetturi ta' sustanzi li jniġġsu, li jissostitwixxi ċ-"Ċiklu Ġdid tas-Sewqan Ewropew" attwalment użat, li jiżgura li l-emissjonijiet u l-konsum tal-fjuwil tal-vetturi huma mkejla permezz ta' proċedura ta' ttestjar li tirrifletti l-kundizzjonijiet reali tas-sewqan,
   biex il-Kummissjoni tibda taħdem mingħajr dewmien żejjed dwar ir-rieżami tad-Direttiva (UE) 2015/719 dwar piżijiet u dimensjonijiet massimi awtorizzati, b'tali mod li, sa mhux aktar tard mill-2020, rapport ikun jista' jiġi ppreżentat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill li jqis ukoll karatteristiċi speċifiċi ta' ċerti setturi tas-suq bħalma huma trasportaturi speċjalizzati tal-karozzi użati fi ħdan is-settur ta' loġistika tal-vetturi rfinuti,
   l-adozzjoni ta' kodiċi soċjali għall-ħaddiema mobbli tat-trasport bit-triq, u l-indirizzar ukoll tal-problemi tal-impjieg indipendenti moħbi, biex titqies aħjar in-natura partikolari ta' ħaddiema fit-trasport internazzjonali bit-triq u tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta,
   infurzar aħjar, evalwazzjoni u, jekk meħtieġ, kjarifika jew rieżami ta' regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport tal-merkanzija bit-triq (ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009),
   miżuri biex jiżguraw il-konformità ta' dispożizzjonijiet nazzjonali mal-liġi tal-UE fil-qasam tat-trasport transkonfinali,
   il-kunsiderazzjoni tal-ħolqien ta' Aġenzija Ewropea għat-Trasport bit-Triq biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tippromwovi l-istandardizzazzjoni fl-Istati Membri kollha,
   miżuri biex tkun żgurata ċ-ċarezza ġuridika u implimentazzjoni aħjar ta' regoli dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol, id-drittijiet soċjali u tal-benessri, il-pagi u r-responsabilità soċjali, sabiex jiġu garantiti standards soċjali għoljin fit-trasport tal-merkanzija bit-triq fl-UE kollha; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri kontra prattiki illegali li jwasslu għal kompetizzjoni inġusta u dumping soċjali; it-trasport tal-merkanzija bit-triq għandu jitqies bħala settur speċifiku, minħabba l-mobilità għolja tal-ħaddiema tiegħu u l-ħtieġa tas-sewwieqa li jgħaddu l-perjodi ta' mistrieħ ta' kull ġimgħa f'darhom,
   l-aġġustament tal-applikazzjoni tal-prinċipji tas-suq intern li effettivament jisseparaw il-libertà li jiġu pprovduti servizzi mil-libertà tal-istabbiliment, bl-għan li jiġi żgurat li attivitajiet minn impriża fi Stat Membru li mhix stabbilita fih ikunu strettament temporanji;

65.  Jitlob, fir-rigward tat-trasport bil-ferrovija, għal:

   tlestija taż-Żona Ferrovjarja Unika Ewropea permezz tal-adozzjoni rapida tar-Raba' Pakkett Ferrovjarju, l-iżgurar ta' twessiegħ bilanċjat tas-suq domestiku tal-passiġġieri ferrovjarji, l-indipendenza tal-maniġers tal-infrastruttura, permezz ta' sejħiet għal offerti kompetittivi għal kuntratti ta' servizz pubbliku, l-ogħla livell ta' sikurezza ferrovjarja u interoperabilità, u riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti għall-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea sabiex jiġi żgurat li tkun kompletament operattiva u tkun f'pożizzjoni li twettaq il-missjoni tagħha bħala punt uniku ta' servizz għall-awtorizzazzjoni u ċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza tal-vetturi; ir-Raba' Pakkett Ferrovjarju għandu jiżgura livell għoli ta' kwalità u effiċjenza tas-servizzi ferrovjarji, iħares l-ekwilibriju ekonomiku tal-obbligi tas-servizz pubbliku u jippromwovi standards għoljin għall-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-koeżjoni territorjali; l-adozzjoni tiegħu għandha tkun segwita minn traspożizzjoni u implimentazzjoni rapidi mill-Istati Membri,
   l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' strateġija ferrovjarja tipproponi miżuri ġodda biex jintlaħqu l-miri ta' tibdil minn mezz ta' trasport għal ieħor għall-2030 u l-2050 kif stabbilit fl-"għaxar għanijiet għal sistema tat-trasport kompetittiva u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi" tal-White Paper,
   finanzjament solidu, suffiċjenti, trasparenti u prevedibbli fit-tul, b'regoli u proċeduri simplifikati għal aċċess għal finanzjament tal-UE, sabiex tittejjeb il-kwalità u l-kapaċità tal-infrastruttura ferrovjarja nazzjonali u transkonfinali, li tingħata prijorità liż-żamma u t-titjib tal-infrastruttura eżistenti, u li tippermetti l-għoti ta' servizzi affidabbli, sikuri, aċċessibbli u sostenibbli minn operaturi ferrovjarji tat-trasport tal-merkanzija u tal-passiġġieri,
   analiżi dettaljata tar-raġunijiet li għalihom iż-żona ferrovjarja Ewropea hija karatterizzata minn għadd kbir ta' konnessjonijiet neqsin bejn il-fruntieri tal-Istati Membri; jitlob li jittieħdu miżuri u inċentivi mill-Kummissjoni biex tingħata ħajja ġdida bħala kwistjoni tal-akbar urġenza għal konnessjonijiet transkonfinali ferrovjarji lokali, reġjonali u nazzjonali li kienu ġew żarmati jew abbandunati matul it-Tieni Gwerra Dinjija u l-perjodu ta' wara l-gwerra, minkejja l-interess ekonomiku jew l-utilità tagħhom lill-pubbliku, kif ukoll tal-bini urġenti ta' dawk li ġew ippjanati iżda ma tlestewx, sabiex jitneħħew l-ostakli eżistenti u l-kollegamenti nieqsa f'reġjuni transkonfinali; tiġdid u manutenzjoni ta' linji ferrovjarji sekondarji li jwasslu għal netwerks ewlenin nazzjonali u kurituri Ewropej; inizjattivi biex jinsabu funzjonijiet ġodda, għal netwerks mhux użati bħal tat-trasport ta' merkanzija jew dawk li jipprovdu servizzi ġodda għat-turisti,
   titqies prijorità l-approvazzjoni ta' proġetti ta' infrastruttura finanzjati mill-UE li jikkompletaw in-netwerk ferrovjarju li huwa parti min-netwerk ewlieni TEN-T u l-proġetti approvati taħt is-CEF,
   jitwessa' r-rwol tal-Kummissjoni sabiex tikseb tlestija effettiva u rapida tal-kurituri ferrovjarji tat-TEN-T, li kienu ppjanati iżda posposti mill-Istati Membri minkejja l-utilità tagħhom f'termini soċjali u ekonomiċi,
   studju ta' ġbir ta' informazzjoni dwar benefiċċji soċjali, ekonomiċi u ambjentali ta' appoġġ kontinwu għal servizzi ferrovjarji nazzjonali u internazzjonali ta' matul il-lejl, u, fejn xieraq, tiġdid ta' dawn is-servizzi, kif ukoll ta' servizzi transkonfinali interurbani, pereżempju fil-kuntest ta' obbligi ta' servizz pubbliku u proċeduri tal-offerti,
   l-azzjonijiet kollha meħtieġa mill-Istati Membri, il-Kummissjoni u l-partijiet interessati għall-implimentazzjoni tal-Impriża Konġunta Shift2Rail, sabiex titħaffef l-integrazzjoni ta' teknoloġiji avvanzati f'soluzzjonijiet ta' prodotti ferrovjarji innovativi, it-trasport ferrovjarju jsir iżjed attraenti u jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-industrija ferrovjarja Ewropea,
   azzjonijiet immirati lejn netwerk ferrovjarju Ewropew ġenwinament interoperabbli, tnaqqis ta' ostakli tekniċi persistenti, il-promozzjoni ta' soluzzjonijiet tekniċi li jippermettu li l-ferroviji jużaw binarji ta' wisa' differenti, u li jiġi żgurat li r-restrizzjonijiet differenti għall-għoli fl-UE ma jikkostitwixxux ostaklu addizzjonali,
   it-tnedija tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS) fuq il-kurituri kollha tan-netwerk ewlieni tat-TEN-T bħala prijorità, inkluż it-tagħmir korrispondenti abbord il-lokomotivi,
   l-implimentazzjoni rapida tar-Regolament (UE) Nru 913/2010 rigward l-istabbiliment ta' kurituri ferrovjarji internazzjonali għat-trasport tal-merkanzija kompetittiva, u l-iżvilupp jew it-titjib ta' One-Stop Shops (OSS) għall-koordinazzjoni ta' dawn il-kurituri,
   it-tnaqqis ta' storbju tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija billi l-vaguni tal-merkanzija jiġu modifikati u tittejjeb l-infrastruttura ferrovjarja permezz ta' finanzjament pubbliku mmirat; preżentazzjoni mill-Kummissjoni ta' proposta li tipprovdi għal projbizzjoni fl-UE kollha ta' vaguni merkantili eċċessivament storbjużi sal-2020,
   l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta' sistemi ta' ħruġ ta' biljetti integrati fit-trasport ferrovjarju nazzjonali u internazzjonali, u l-eliminazzjoni ta' tariffi żejda applikabbli għall-ferroviji tal-passiġġieri li jivvjaġġaw b'mod transkonfinali,
   it-tneħħija tal-ostakli li jipprevjenu li l-industrija ferrovjarja Ewropea (manifatturi ta' vetturi ferrovjarji, infrastruttura ferrovjarja u s-sistemi tas-sinjalazzjoni) milli tagħmel offerti għal kuntratti pubbliċi f'pajjiżi li mhumiex fl-UE;

66.  Jitlob, fir-rigward tat-trasport marittimu:

   miżuri biex jiffaċilitaw il-formalitajiet għall-vapuri li joperaw bejn portijiet tal-UE bl-għan li tiġi stabbilita bażi reali ta' Spazju tat-Trasport Marittimu Ewropew mingħajr Ostakli ("Blue Belt"),
   koordinazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet marittimi u doganali fil-livelli kollha biex jissimplifikaw il-flussi ta' informazzjoni u jillimitaw piżijiet amministrattivi u formalitajiet tad-dwana mhux meħtieġa,
   miżuri biex jiġi żviluppat il-potenzjal ta' awtostradi tal-baħar bħala parti min-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport,
   miżuri addizzjonali biex jinżamm u jiġi żviluppat ulterjorment trasport bil-baħar ta' kwalità, attraenti, sikur u sostenibbli u biex jiġu żgurati swieq marittimi miftuħin u aċċess għal tagħbijiet ta' merkanzija mingħajr restrizzjonijiet,
   miżuri għall-appoġġ u l-koordinazzjoni tal-adattament ta' port gateways u sistemi loġistiċi għal bastimenti akbar u għall-promozzjoni ta' konnessjonijiet aħjar tal-portijiet, b'mod partikolari bil-ferrovija u bil-passaġġi tal-ilma interni; l-iffaċilitar ta' investimenti fil-portijiet permezz tal-mobilizzazzjoni ta' sorsi varji ta' finanzjament tal-UE sabiex tiżdied il-kapaċità ta' portijiet tal-UE, titjieb l-infrastruttura eżistenti, jiġu żviluppati terminals multimodali u l-promozzjoni tal-ħolqien ta' portijiet intelliġenti li jużaw sistemi tat-trasport intelliġenti, u bliet portwali intelliġenti; miżuri li jtejbu l-infrastruttura tal-portijiet marittimi, b'mod partikolari fil-Mediterran u l-Baħar l-Iswed, sabiex jittrasferixxu l-merkanzija mit-triq għall-baħar f'dawk l-oqsma,
   assigurazzjoni li portijiet marittimi tan-netwerk ewlieni għandhom ikunu konnessi mal-infrastruttura tat-trasport bil-ferrovija u dak bit-triq u, fejn possibbli, mal-passaġġi tal-ilma intern tal-infrastruttura tat-trasport tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport sal-2030, ħlief meta tali konnessjoni tiġi ostakolata minn restrizzjonijiet fiżiċi,
   aktar ċarezza u koerenza dwar l-applikazzjoni ta' regoli tal-għajnuna mill-Istat għall-portijiet sabiex jinħoloq ambjent pragmatiku, prevedibbli u stabbli li jippermetti strateġiji ta' investiment portwali li jnaqqas il-piżijiet amministrattivi u jnaqqas l-iskadenzi proċedurali,
   avvanz mal-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament li jistabbilixxi qafas dwar l-aċċess għas-suq tas-servizzi portwali u t-trasparenza finanzjarja tal-portijiet, sabiex tiġi mmodernizzata u titjieb il-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi tal-port, tissaħħaħ il-kompetizzjoni u jinħolqu kundizzjonijiet ta' qafas biex jiġi attirat l-investimenti fil-portijiet,
   l-istabbiliment ta' mira vinkolanti globali fi ħdan l-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO) biex jintlaħaq l-għan tal-White Paper ta' tnaqqis ta' mill-inqas 40 % tal-emissjonijiet tas-CO2 mill-fjuwils tal-bunkers marittimi sal-2050, biex tiġi appoġġata permezz ta' mira tal-UE għall-2030; it-titjib tan-negozjati fi ħdan l-IMO dwar l-iżvilupp ta' mekkaniżmu globali bbażat fuq is-suq li jindirizza l-emissjonijiet marittimi internazzjonali, bħal mekkaniżmu tal-ipprezzar tal-emissjonijiet; fil-każ li jintlaħaq ftehim internazzjonali dwar sistema globali ta' monitoraġġ, rappurtar u verifika (MRV) għall-emissjonijiet ta' gass serra jew dwar miżuri globali sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gass serra mit-trasport marittimu, il-Kummissjoni għandha tirrieżamina dan ir-Regolament (UE) Nru 2015/757 u għandha, jekk xieraq, tipproponi emendi għal dan ir-Regolament sabiex tiżgura l-allinjament ma' dak il-ftehim internazzjonali,
   kunsiderazzjoni tal-estensjoni tal-limiti tal-kubrit għall-fjuwils tal-baħar applikabbli għal Żoni tal-Kontroll tal-Emissjonijiet tal-Ossidi tal-Kubrit (SECAs), u regoli rilevanti tal-IMO, għall-ispazju marittimu Ewropew kollu,
   promozzjoni ta' teknoloġiji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet u l-miżuri għall-effiċjenza tal-enerġija permezz ta' inċentivi finanzjarji u miżuri ta' appoġġ immirati, b'enfasi partikolari fuq l-użu ta' fjuwils alternattivi, kif ukoll il-promozzjoni ta' miżuri slow-steaming, li huma rrappurtati li għandhom potenzjal kbir biex jitnaqqsu l-konsum tal-fjuwil u l-emissjonijiet ta' gass serra,
   azzjonijiet li jappoġġjaw it-tnedija ta' infrastruttura tal-fjuwils alternattivi fil-portijiet marittimi u ta' ilmijiet interni, inkluż il-provvista ta' faċilitajiet ta' riforniment tal-LNG u l-elettriku mill-art,
   proposta leġiżlattiva għall-immodernizzar tal-leġiżlazzjoni tas-sikurezza tal-passiġġieri fuq il-bastimenti; implimentazzjoni aħjar u, jekk ikun xieraq, ir-rieżami tat-Tielet Pakkett ta' Sikurezza Marittima sabiex issaħħaħ il-prevenzjoni tal-inċidenti fuq il-baħar u l-ġestjoni tal-konsegwenzi tagħhom,
   proposta leġiżlattiva bl-għan li jiġi ċċarat ir-reġim ta' responsabilità u ta' kumpens minħabba l-fenomenu dejjem jikber ta' kontejners li jintilfu fuq il-baħar, ibbażat fuq sistema li tippermetti l-identifikazzjoni tas-sidien ta' kontejners bħal dawn;

67.  Jitlob, fir-rigward tal-passaġġi tal-ilma interni:

   l-istabbiliment ta' qafas xieraq biex jiġi ottimizzat is-suq intern għat-trasport fil-passaġġi tal-ilma interni u t-tneħħija tal-ostakli li jipprevjenu li jintuża aktar,
   implimentazzjoni sħiħa tal-programm ta' azzjoni Naiades II, b'attenzjoni speċjali għall-infrastruttura, it-tnedija u l-innovazzjoni ta' servizzi tal-informazzjoni tax-xmajjar; valutazzjoni tal-programm sal-2017, u, jekk meħtieġ, adattament tal-miżuri proposti biex jiżgura li l-objettivi tal-programm jiġu milħuqa,
   approvazzjoni ta' proġetti finanzjati mill-UE rigward passaġġi tal-ilma interni li huma parti min-netwerk ewlieni TEN-T,
   titjib u manutenzjoni xierqa matul is-sena kollha, u l-eliminazzjoni ta' konġestjoni f'passaġġi tal-ilma interni li huma parti mill-kurituri tan-netwerk ewlieni TEN-T sal-2025, f'konformità mal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE, sabiex jiġu salvagwardjati l-livelli ta' servizz adegwat,
   appoġġ akbar mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għall-promozzjoni tal-innovazzjoni fit-trasport permezz ta' passaġġi tal-ilma interni taħt l-Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, l-użu ta' fjuwils alternattivi u adattament tekniku u ambjentali tal-flotta sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet tal-gassijiet serra,
   l-integrazzjoni tat-trasport permezz tal-passaġġi fuq l-ilma interni fit-trasport u l-loġistika multimodali, kif ukoll fi pjanijiet u politiki ta' mobilità urbana sostenibbli fil-bliet Ewropej li minnhom jgħaddu passaġġi tal-ilma, u t-titjib tar-rwol ta' portijiet interni fid-distribuzzjoni ta' merkanzija fil-bliet,
   rieżami rapidu tad-Direttiva 2005/44/KE dwar is-Servizzi Armonizzati ta' Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS), li jiżgura tnedija sħiħa tar-RIS sal-2020 u konnessjoni għal sistemi tat-trasport intelliġenti kooperattivi oħrajn,
   konverġenza, fejn xieraq, tal-governanza u s-sistemi regolatorji fuq ir-Renu u d-Danubju li tiżviluppa sistema tat-trasport effiċjenti, multimodali u sostenibbli fuq passaġġi tal-ilma interni ewlenin tal-Ewropa,
   involviment tal-Kummissjoni fl-allokazzjoni ta' fondi tal-UE u l-koordinazzjoni tal-implimentazzjoni ta' proġetti inkluża fl-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju,
   proposta leġiżlattiva dwar ir-rikonoxximent u l-modernizzazzjoni ta' kwalifiki professjonali fin-navigazzjoni fl-ilmijiet interni u l-kunsiderazzjoni tal-miżuri li jattiraw liż-żgħażagħ lejn dan is-settur;

o
o   o

68.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra l-proposti li jinsabu f'din ir-riżoluzzjoni fir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-White Paper u f'inizjattivi futuri fil-qasam tat-trasport;

69.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex timmonitorja l-progress sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-White Paper, u biex tirrapporta annwalment dwar l-implimentazzjoni tagħha;

70.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 168 E, 14.6.2013, p. 72.
(2) ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 13.
(3) ĠU C 175 E, 10.7.2008, p. 556.
(4) ĠU C 43 E, 19.2.2004, p. 250.
(5) ĠU C 56 E, 26.2.2013, p. 54.
(6) Kif definit fl-Artikolu 4 tad-Direttiva 2008/98/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2008 dwar l-iskart u li tħassar ċerti Direttivi.
(7) Is-sikurezza fit-toroq fl-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, Marzu 2015.
(8) Testi adottati, P7_TA(2014)0094.


Karrieri tan-nisa fl-ambitu xjentifiku u akkademiku
PDF 394kWORD 126k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2015 dwar il-karrieri tan-nisa fix-Xjenza u l-Università u s-soqfa tal-ħġieġ li jiltaqgħu magħhom (2014/2251(INI))
P8_TA(2015)0311A8-0235/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 10, 19 u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 bit-titolu "Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015" (COM(2010)0491),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2010 bit-titolu "Impenn Imsaħħaħ għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel: Karta f'Isem il-Mara" (COM(2010)0078),

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020) adottat mill-Kunsill fis-7 ta' Marzu 2011;

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Settembru 2014 bit-titolu "Rapport ta' Progress dwar iż-Żona Ewropea tar-Riċerka 2014" (COM(2014)0575),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Frar 1999 bit-titolu "In-Nisa u x-Xjenza: Il-mobbilizzazzjoni tan-nisa għall-arrikkiment tar-riċerka Ewropea" (COM(1999)0076),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta' Lulju 2012 bit-titolu "Sħubija Rinfurzata taż-Żona Ewropea tar-Riċerka għall-Eċċellenza u għat-Tkabbir" (COM(2012)0392),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-3 ta' Settembru 2014 bit-titolu "Politiki dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fir-Riċerka Pubblika" u abbażi ta' stħarriġ tal-membri tal-Grupp ta' Ħelsinki (il-grupp konsultattiv tal-Kummissjoni dwar is-sessi, ir-riċerka u l-innovazzjoni),

–  wara li kkunsidra x-"She Figures 2012 - Is-Sessi fl-Istatistika tar-Riċerka u l-Innovazzjoni u l-Indikaturi", ippubblikat mill-Kummissjoni fl-2013,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-5 ta' Diċembru 2014 dwar "Iż-żona Ewropea ta' riċerka - Rapport ta' Progress 2014",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-29 ta' Mejju 2015 dwar il-Pjan Direzzjonali 2015-2020 għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2015 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2013(2),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 40 tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-21 ta' Novembru 2013 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020)(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Mejju 2008 dwar in-nisa u x-xjenza(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Frar 2000 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "In-Nisa u x-Xjenza - Il-mobbilizzazzjoni tan-nisa għall-arrikkiment tar-riċerka Ewropea"(5),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0235/2015),

A.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija prinċipju fundamentali tal-Unjoni Ewropea, imnaqqax fit-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u wieħed mill-objettivi u l-kompiti tagħha;

B.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija prekundizzjoni bażika għat-tgawdija bis-sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem min-nisa u l-bniet u hija essenzjali għall-emanċipazzjoni tagħhom u l-kisba ta' soċjetà sostenibbli u inklużiva; billi l-użu insuffiċjenti tal-kapital uman inaqqas vantaġġ potenzjali għan-negozju li għandu x'jaqsam mar-riċerka u l-innovazzjoni u għall-iżvilupp ekonomiku ġenerali, filwaqt li għandu konsegwenzi soċjali devastanti;

C.  billi huwa importanti ferm li jiġi żgurat li n-nisa u l-irġiel ikunu sħab indaqs u li jkollhom l-istess drittijiet u responsabbiltajiet u l-istess opportunitajiet ta’ xogħol u li l-kontribut tagħhom lis-soċjetà jkun daqstant valutat u rispettat;

D.  billi skont l-istatistiċi u l-istħarriġ disponibbli, in-nisa mhumiex rappreżentati biżżejjed fil-karigi xjentifiċi, tal-inġinerija u maniġerjali u fil-livelli ġerarkiċi ogħla, anke f'setturi fejn jiffurmaw maġġoranza, bħal fis-settur tal-edukazzjoni; billi n-nisa huma ferm sottorappreżentati f’oqsma edukattivi u karrieri relatati max-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM), li jammontaw għal 24 % biss ta’ professjonisti tax-xjenza u tal-inġinerija; billi r-rappreżentanza femminili tvarja u tiddependi fuq l-ispeċjalizzazzjoni ta' STEM, pereżempju, l-ispeċjalizzazzjoni tal-kimika qed tiffaċċja problema ta’ retenzjoni filwaqt li l-ispeċjalizzazzjoni tal-inġinerija u tal-fiżika jħabbtu wiċċhom ma’ problemi ta’ reklutaġġ;

E.  billi x-xjenza hija ta’ importanza ewlenija għall-Ewropa f’termini ekonomiċi u teħtieġ timijiet li qed jikbru b'mod kostanti li jkunu kapaċi, inter alia, iwettqu riċerka rivoluzzjonarja essenzjali għal żieda fil-produttività u l-kompetittività, u l-eżistenza ta’ għadd suffiċjenti ta’ individwi b’ħiliet STEM hija prekundizzjoni essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea għat-Tkabbir u l-Impjiegi u l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020; billi d-domanda għal professjonisti STEM hija mistennija li tiżdied sal-2025, filwaqt li l-istatistika disponibbli l-aktar reċenti turi settur tar-riċerka li qed jixjieħ; billi ispirazzjoni reċiproka pożittiva bejn is-suġġetti STEM u l-arti u l-istudji umanistiċi (STEAM) għandha potenzjal ekonomiku, soċjali u kulturali enormi u n-nisa riċerkaturi u innovaturi huma fl-aħjar pożizzjoni biex jiġu żviluppati rabtiet minn STEM għal STEAM; billi r-riċerkaturi nisa huma ta’ siwi għall-UE, li teħtieġ ir-riżorsi kollha disponibbli sabiex tirkupra b’mod definittiv mill-kriżi ekonomika u finanzjarja u tkun kapaċi tiffaċċja l-bidliet fis-soċjetà kollha kemm hi; billi jeħtieġ li jiġu promossi u faċilitati l-iżvilupp tal-karriera tan-nisa u l-preżenza għolja ta’ żgħażagħ, speċjalment in-nisa studenti u akkademiċi, fl-oqsma STEM;

F.  billi kien hemm xi żviluppi pożittivi dwar ir-riċerkaturi nisa u s-sehem tagħhom qed jikber b'rata aktar mgħaġġla minn dak tal-irġiel fis-snin reċenti, iżda l-għadd ta' riċerkaturi nisa għadu inqas b'mod sinifikattiv minn dak tal-irġiel, bl-akbar qabża tkun fis-settur tan-negozju;

G.  billi l-karrieri tal-akkademiċi għan-nisa jibqgħu karatterizzati minn segregazzjoni qawwija vertikali, bi proporzjon baxx ħafna ta' nisa biss jokkupaw l-ogħla postijiet akkademiċi; billi skont ix-She Figures 2012, in-nisa jammontaw għal 10 % biss tar-retturi tal-universitajiet;

H.  billi ftit Stati Membri jidhru li għandhom dispożizzjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qafas legali tagħhom li jirregolaw ir-riċerka, u tingħata ftit attenzjoni lill-integrazzjoni tad-dimensjoni tas-sessi fil-programmi tar-riċerka nazzjonali;

I.  billi n-nisa għadhom iħabbtu wiċċhom ma’ ostakli biex iwaqqfu n-negozju tagħhom stess minħabba l-persistenza tal-preġudizzji u l-isterjotipi; billi jeħtieġ li tiġi promossa u appoġġjata aktar l-intraprenditorija fost in-nisa u jiġi żviluppat ambjent li fih l-imprendituri nisa u n-negozji tal-familji jistgħu jirnexxu u fejn l-intrapriża tkun ippremjata billi tieħu l-miżuri meħtieġa bbażati fuq skambju tal-aħjar prassi u billi tingħata attenzjoni partikolari lill-ommijiet;

J.  billi r-raġunijiet għal din is-sitwazzjoni huma numerużi u kumplessi, inklużi sterjotipi u preġudizzji negattivi u l-preġudizzju konxju u dak mhux konxju;

K.  billi l-istatistiċi konsistentament juru li l-bniet jinħallu mis-suġġetti STEM fl-iskola u huma inqas probabbli li jiggradwaw mill-università b'lawrja relatata max-xjenza; billi m’hemm l-ebda spjegazzjoni waħda għal-livelli baxxi ta’ nisa fl-oqsma STEM u r-raġunijiet jinkludu: nuqqas ta’ għarfien dwar il-karrieri STEM min-naħa tal-għalliema fl-iskejjel, nuqqas ta’ mudelli ta’ eżempju femminili, għadd kbir ta’ kuntratti għal żmien qasir b’kundizzjonijiet prekarji, preġudizzju mhux konxju dwar il-bordijiet ta' intervisti, in-nisa huma inqas probabbli mill-irġiel li jippreżentaw ruħhom għal karigi għolja, u tendenza li n-nisa jiġu mħajra jieħdu rwoli pastorali pjuttost milli ta’ tagħlim u ta’ riċerka u d-dinja akkademika;

L.  billi n-nisa li jaħdmu fir-riċerka, bħall-oqsma l-oħra kollha, huma mġiegħla jassumu sehem ogħla ta’ obbligi relatati ma’ ġenituri jew il-familji tagħhom mill-irġiel kollegi tagħhom, u, għalhekk, il-miżuri proposti kollha għandhom iqisu l-possibbiltà ta’ suċċess fir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u l-ħajja tal-familja għan-nisa sabiex jinkludu l-irġiel f’dawn l-oqsma;

M.  billi, minkejja l-isforzi kollha li għaddejjin bħalissa biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs, in-nisa għad għandhom aċċess mhux indaqs għal pożizzjonijiet ta’ riċerka, finanzjament, pubblikazzjonijiet u premji akkademiċi, u huma affettwati wkoll minn kriterji riġidi għall-promozzjoni u r-rikonoxximent u n-nuqqas ta’ finanzjament jew politiki xierqa biex jappoġġjawhom, il-prospetti għal xjentisti nisa żgħażagħ huma partikolarment skoraġġanti; billi dawn kollha huma fatturi li jikkontribwixxu potenzjalment għall-"eżodu ta’ mħuħ", sitwazzjoni li teħtieġ miżuri radikali aktar milli sempliċi; billi, barra minn hekk, il-kooperazzjoni fuq livell kollettiv hija ta’ importanza kbira u għandhom isiru u jingħataw inċentivi kemm fuq livell personali u fi ħdan is-soċjetà;

N.  billi l-pożizzjoni baxxa de facto tan-nisa fil-qasam tax-xjenza fis-soċjetà, mingħajr il-ħtieġa li din tiġi ġustifikata minn kwalunkwe kriterju oġġettiv, kif ukoll ir-relazzjonijiet bejn il-ġeneri u l-isterjotipi tas-sessi għandhom jiġu riveduti u evalwati mill-ġdid; billi l-fatt li n-nisa jingħataw firxa usa’ ta’ prospetti rigward il-karrieri u l-bidla fil-mudelli edukattivi tista' tagħti kontribut sostanzjali biex tonqos id-differenza fil-pagi bejn is-sessi, pereżempju billi jiżdied in-numru ta’ nisa xjenzjati u inġiniera;

O.  billi l-Kummissjoni hija diġà impenjata li tiżgura rappreżentanza ta' 40 % tas-sess mhux rappreżentat biżżejjed fis-sħubija tal-gruppi ta' esperti, il-bordijiet u l-kumitati kollha tagħha, u, b'mod partikolari, se tapplika dan għall-programm speċifiku Orizzont 2020;

P.  billi l-aħħar konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rinfurzar tar-riżorsi umani fix-xjenza u t-teknoloġija fiż-Żona Ewropea tar-Riċerka għarfu l-importanza tal-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fir-riċerka u l-inklużjoni tan-nisa f’pożizzjonijiet ta’ responsabbiltà, u dan kien il-każ sa mill-2005, iżda l-Kunsill ma għamel l-ebda dikjarazzjoni dwar il-kwistjoni;

Q.  billi l-Pjan Direzzjonali 2015-2020 għaż-Żona Ewropea tar-Riċerka jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jibdew jittraduċu l-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-ugwaljanza f’azzjoni effikaċi, sabiex jiġu indirizzati l-iżbilanċi bejn l-irġiel u n-nisa f’istituzzjonijiet ta’ riċerka u korpi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u tiġi integrata aħjar id-dimensjoni relatata mas-sessi f'politiki, programmi u proġetti tar-riċerka u l-iżvilupp;

R.  billi l-Konvenzjoni ta’ Istanbul fiha impenn biex jiġu indirizzati l-kawżi bażiċi tal-vjolenza u l-promozzjoni ta’ aktar ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel billi jinbidlu l-attitudnijiet u jiġu eliminati l-isterjotipi mhux biss fil-livell ta’ individwi, iżda saħansitra fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla kif ukoll fil-kampusijiet tal-universitajiet u l-kulleġġi, li mhumiex immuni mill-vjolenza bbażata fuq is-sessi, sabiex in-nisa jkunu jistgħu jkunu ħielsa mill-vjolenza u l-biża’ li tiġġenera, li spiss iżżommhom milli jipparteċipaw bis-sħiħ fil-ħajja akkademika u soċjali;

S.  billi l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi jista’ jiżvolġi rwol fundamentali fil-monitoraġġ tal-iżvilupp tad-differenza fil-pagi bejn is-sessi fix-xjenza u r-riċerka, l-analiżi tal-kawżi tagħha u l-valutazzjoni tal-impatt tal-leġiżlazzjoni;

Ugwaljanza bejn is-sessi f'pożizzjonijiet akkademiċi

1.  Jinnota li minkejja t-tibdil pożittiv fis-snin reċenti, l-ugwaljanza bejn is-sessi fix-xjenza u l-akkademja għadha ma nkisbitx, bis-sitwazzjoni tvarja bejn l-Istati Membri, l-oqsma tar-riċerka u l-grad akkademiku; jirrimarka l-preżenza baxxa b’mod impressjonanti tan-nisa fl-ogħla pożizzjonijiet akkademiċi u tat-teħid tad-deċiżjonijiet f’istituzzjonijiet xjentifiċi u universitajiet, fatt li jindika l-eżistenza ta’ saqaf tal-ħġieġ, jiġifieri, ostakli inviżibbli bbażati fuq il-preġudizzji li jimpedixxu li n-nisa jkollhom aċċess għal karigi ta’ responsabbiltà;

2.  Jiddeplora l-fatt li hemm evidenza ta’ segregazzjoni bejn is-sessi fil-konfront tal-ġerarkiji fl-universitajiet u fl-iskejjel fl-Ewropa u ekonomiji avvanzati oħra, li hija ta’ natura kemm orizzontali kif ukoll vertikali, u li filwaqt li 59 % ta’ dawk li jiggradwaw mill-università fl-UE-28 huma nisa, dawn jirrappreżentaw biss 18 % tal-professuri universitarji kollha;

3.  Itenni mill-ġdid li l-ugwaljanza bejn is-sessi hija wieħed mill-prinċipji li fuqhom l-UE hija msejsa u għandha tiġi rispettata anke fl-oqsma tar-riċerka u l-akkademja; jisħaq li għandhom jiġu eliminati l-forom kollha ta' diskriminazzjoni diretta jew indiretta kontra n-nisa;

4.  Jinnota li n-nuqqas ta’ nisa fix-xjenza u r-riċerka rriżulta f’inadempjenza maskili fir-R&Ż, u li b’mod partikolari: a) m’hemm l-ebda mara għall-provi tal-ħbit; b) ir-riċerka medika ġeneralment issir fuq suġġetti maskili; c) il-kalkoli tad-doża tar-radjazzjoni huma bbażati fuq ir-rata ta’ assorbiment ta' raġel ta' mezz'età; u d) fil-biċċa l-kbira tal-kotba tal-anatomija l-immaġini huma ta’ raġel;

5.  Jiddispjaċih li l-aċċess inugwali għan-nisa għall-pożizzjonijiet ta' riċerka, għall-finanzjament u l-ippubblikar għadu jippersisti, inkluża l-inugwaljanza fil-paga bejn is-sessi fl-oqsma tax-xjenza u l-akkademja, minkejja d-dispożizzjonijiet legali għal trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni fuq is-suq tax-xogħol, inklużi d-dispożizzjonijiet dwar il-paga ugwali, fis-seħħ fl-UE u fl-Istati Membri;

Miżuri pożittivi

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri janalizzaw id-dispożizzjonijiet legali eżistenti bil-għan li jiġu implimentati b'mod xieraq u, jekk hemm bżonn, jiġu riveduti sabiex jiġi infurzat it-trattament ugwali tan-nisa u l-irġiel; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw konformità mal-prinċipju tan-nondiskriminazzjoni, meqjus mit-Trattat ta’ Lisbona bħala mira tal-Unjoni Ewropea, b’kull tip ta’ kuntratt ta’ impjieg jew ta’ fondi, kif ukoll id-dritt legali għal paga ugwali għal xogħol ugwali għall-elementi kollha tar-remunerazzjoni mogħtija lill-irġiel u lin-nisa, inklużi għotjiet u boroż ta’ studju, billi, pereżempju, jiżguraw it-trasparenza fil-pagi;

7.  Jinnota li barra l-infurzar tad-dispożizzjonijiet legali, l-ostakli kulturali u istituzzjonali li jiġġeneraw diskriminazzjoni diretta jew indiretta kontra n-nisa fil-karrieri xjentifiċi u t-teħid ta' deċiżjonijiet għandhom jitneħħew sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi; iqis li dawn il-forom ta’ diskriminazzjoni, preġudizzji negattivi u sterjotipi konxji jew mhux konxji jibnu fuq l-attitudnijiet u l-istandards li huma kontinwament riprodotti, u li l-bidliet istituzzjonali jistgħu jgħinu biex jitneħħew; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi u tappoġġja kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u programmi u inizjattivi biex jitnaqqsu dawn l-ostakli, kemm fid-dinja akkademika kif ukoll fis-soċjetà b’mod ġenerali;

8.  Jikkritika mill-ġdid il-fatt li n-nisa għadhom jitħallsu inqas mill-irġiel għall-istess xogħol, anke fil-qasam tar-riċerka u x-xjenza bħala konsegwenza tar-rappreżentanza inugwali tagħhom;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkludu appoġġ għal u l-promozzjoni ta’ netwerks ta’ appoġġ bejn il-pari u l-kondiviżjoni tal-aħjar prassi madwar l-Ewropa u lil hinn minnha;

10.  Jenfasizza li kampanji ta’ sensibilizzazzjoni għandhom ikunu mmirati lejn l-irġiel kif ukoll lejn in-nisa, peress li (b’mod konxju jew inkonxjament) jirriproduċu l-isterjotipi tas-sessi li jistgħu jikkawżaw lin-nisa biex jinternalizzaw ostakli kulturali u istituzzjonali li jxekklu l-progress tal-karrieri fix-xjenza;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tibni fuq programmi u inizjattivi eżistenti u tagħti aktar prijorità lill-kampanji pożittivi mmirati għall-bniet u n-nisa li jinkoraġġixxuhom jidħlu f'karrieri xjentifiċi u akkademiċi fl-oqsma xjentifiċi kollha, b'enfasi speċjali fuq is-setturi tal-inġinerija u t-teknoloġija, fejn, minkejja t-tibdil pożittiv reċenti, il-parteċipazzjoni tan-nisa tibqa' taħt il-medja;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu programmi edukattivi li jinkoraġġixxu sinerġiji u rabtiet pożittivi bejn is-suġġetti STEM u l-arti u l-istudji umanistiċi u jippromwovu perspettiva dwar is-sessi, li tiffaċilita r-rwol li n-nisa jista’ jkollhom f’dawn ir-rabtiet;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu mudelli ta’ eżempju femminili pożittivi fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, inkluż it-tagħlim obbligatorju u l-edukazzjoni avvanzata u għolja u fil-livell postgradwatorju, kif ukoll l-edukazzjoni informali u l-ħidma taż-żgħażagħ; jirrikonoxxi li l-promozzjoni ta’ mudelli ta' eżempju femminili pożittivi tinkludi t-teħid ta’ miżuri sabiex jiġu enfasizzati l-kisbiet storiċi u kontemporanji tan-nisa fix-xjenza u t-teknoloġija, l-intraprenditorija, u l-pożizzjonijiet tat-teħid ta’ deċiżjonijiet; jinnota li tali miżuri jistgħu jinkludu fokus speċifiku fuq il-Jum Internazzjonali tan-Nisa, il-Ġimgħat tax-Xjenza, u l-użu tal-aħjar prassi eżistenti fl-Istati Membri u madwar id-dinja;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet interessati rilevanti jsaħħu inizjattivi u programmi li jinkoraġġixxu lin-nisa jkomplu l-karrieri xjentifiċi u akkademiċi tagħhom, bħall-coaching u programmi ta' netwerking u appoġġ għal xjentisti nisa – partikolarment xjentisti nisa żgħażagħ – li qegħdin jipparteċipaw fil-programmi ta' riċerka u l-applikazzjonijiet għal għotja, kif ukoll appoġġ għall-karrieri individwali tar-riċerkaturi femminili u l-avvanz tal-karrieri tagħhom għall-ogħla gradi; jemmen li n-nisa għandhom ukoll jiġu mħeġġa japplikaw għal pożizzjonijiet ta’ teħid tad-deċiżjonijiet, filwaqt li fl-istess ħin għandha tittieħed azzjoni biex jiġi miġġieled kull tip ta’ ostaklu li jagħmilha diffiċli jew impossibbli li wieħed japplika;

15.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex, fit-tfassil ta’ kwalunkwe strateġija dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni ogħla, jinkludu l-konsiderazzjoni speċifika tan-nisa li jiffaċċjaw diskriminazzjoni multipla, bħan-nisa LGBTI, nisa b’diżabbiltà, nisa minn minoranza etnika jew bi sfond ta’ migrazzjoni, refuġjati, u n-nisa li jieħdu ħsieb persuni dipendenti;

16.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw metodi STEM kurrikulari u ta’ tagħlim effikaċi u attraenti li jżommu lill-bniet involuti fix-xjenza, u biex jirrikonoxxu u jinvestu f’għalliema bħala muturi ta’ bidla kulturali bil-potenzjal tagħhom biex iżidu l-parteċipazzjoni kontinwa tal-bniet fix-xjenza fl-iskola;

17.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-potenzjal tal-gwida ta' kwalità għall-karrieri u l-involviment fit-taħriġ biex il-bniet jiġu mħeġġa jibqgħu jistudjaw is-suġġetti STEM fl-università;

Ibbilanċjar bejn il-ħajja professjonali u dik personali

18.  Jissottolinja li l-ħtieġa li jiġu rikonċiljati b'suċċess l-obbligi professjonali u tal-familja spiss tirrappreżenta ostaklu ewlieni li jaffettwa speċifikament lin-nisa biex javvanzaw fil-karrieri xjentifiċi u akkademiċi tagħhom, u hija waħda mir-raġunijiet ewlenin li minħabba fiha jieqfu minn dawn il-karrieri;

19.  Jappella għal aktar flessibbiltà fil-kundizzjonijiet tax-xogħol kemm għal riċerkaturi rġiel u nisa, li jippermettulhom jikkombinaw ix-xogħol mal-ħajja tal-familja, u biex titneħħa d-differenza bejn is-sessi fil-pagi fl-interess tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-organizzazzjonijiet li jiffinanzjaw ir-riċerka u partijiet interessati oħra biex ifasslu programmi li jinkoraġġixxu b’mod attiv lin-nisa jkomplu l-karrieri tagħhom wara l-liv ta’ maternità jew parentali, u biex jipprovdu fondi għal programmi ta’ dħul mill-ġdid li għandhom ikunu mfassla skont il-bżonnijiet ta’ kull istituzzjoni u jinkludu t-taħriġ neċessarju sabiex wieħed iżomm aġġornat mal-iżviluppi xjentifiċi, kif ukoll li jippermettu aktar flessibbiltà fir-rigward tal-produzzjoni xjentifika tan-nisa wara t-twelid jew l-adozzjoni ta’ tifel jew tifla u jipprovdu servizzi adegwati ta’ kura tat-tfal, biex jinkoraġġixxu wkoll l-integrazzjoni tal-irġiel fil-ħajja familjari; dawn il-miżuri għandhom ukoll jiġu applikati għar-riċerkaturi li jaħdmu fuq stipendji individwali u persunal fi proġetti ta' riċerka ffinanzjati b'mod estern;

21.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri u r-reġjuni jippromwovu l-iżvilupp ta’ universitajiet u istituti ta’ riċerka li jiffavorixxu l-familja;

22.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħraf il-ħtieġa għal-liv tal-paternità u paga tal-paternità adegwati ħalli jkun affordabbli għall-irġiel li jieħdu l-liv biex jieħdu ħsieb it-tfal u tgħin fil-ġlieda kontra n-norma li l-mara hija l-ġenitur li tieħu pawża fil-karriera, sabiex jingħeleb ix-xkiel ewlieni għal nisa li javvanzaw fil-karrieri tagħhom fix-xjenza u l-akkademja;

Tibdil istituzzjonali u proġetti

23.  Jieħu nota tal-fatt li, flimkien mal-inkoraġġiment tal-karrieri tan-nisa individwali, it-tibdil istituzzjonali huwa meħtieġ sabiex jiġu megħluba l-ostakli għall-inugwaljanzi bejn is-sessi, b'mod speċjali rigward is-segregazzjoni vertikali u l-parteċipazzjoni tan-nisa f'kumitati tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa għal involviment istituzzjonali biex jappoġġja u jinkoraġġixxi dawn il-bidliet billi jiġu stabbiliti standards ġodda, filwaqt li jiġu indirizzati kwistjonijiet li jinqalgħu u jiġi mmonitorjat il-progress, sabiex jippermettu lix-xjentisti nisa jieħdu vantaġġ mill-informazzjoni disponibbli u, fl-istess ħin, isir kontribut attiv għall-ħolqien ta’ Żona Ewropea tar-Riċerka;

25.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi rakkomandazzjoni lill-Istati Membri li fiha linji gwida komuni dwar il-bidliet istituzzjonali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-universitajiet u l-istituzzjonijiet tar-riċerka;

26.  Jemmen li hemm bżonn ta’ sistematizzazzjoni tal-informazzjoni disponibbli dwar it-tqassim skont is-sessi u l-pożizzjoni ta’ xjentisti nisa fl-Istati Membri sabiex tkun promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istituzzjonijiet tar-riċerka pubbliċi u privati kollha; iqis li hemm ħtieġa għal qbil dwar aktar azzjoni biex tinkoraġġixxi proġetti li għandhom x’jaqsmu ma’ xjentisti nisa;

27.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti prijorità lir-rwol ta' koordinazzjoni tagħha dwar l-inizjattivi ta' integrazzjoni fi ħdan iż-Żona Ewropea tar-Riċerka, u tqajjem kuxjenza u toffri taħriġ rilevanti mmirat għall-partijiet interessati dwar l-importanza tal-integrazzjoni tas-sessi fix-xjenza u l-akkademja; jenfasizza l-ħtieġa ta’ miżuri li jħeġġu ugwaljanza reali bejn is-sessi rigward l-iżvilupp tal-karriera akkademika u xjentifika;

28.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qed tiffinanzja l-ħolqien ta' pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi permezz ta' proġetti taħt is-7 Programm Qafas u l-Orizzont 2020, u jilqa' wkoll il-proġett konġunt tal-Kummissjoni u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi biex tinħoloq għodda onlajn għall-pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi bħala mezz li jiġu identifikati u kondiviżi l-aħjar prattiki mal-partijiet interessati rilevanti; jenfasizza li l-aħjar prattiki proposti għandhom jieħdu kont tal-indipendenza tal-universitajiet u l-organizzazzjonijiet ta' riċerka u l-varjetà tal-istrutturi ta' organizzazzjoni tagħhom bejn l-Istati Membri;

29.  Jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom fi sħubijiet mal-organizzazzjonijiet u l-universitajiet tar-riċerka biex titrawwem bidla kulturali u istituzzjonali rigward is-sessi;

30.  Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu ma’ istituzzjonijiet akkademiċi, sabiex jipprovdu appoġġ u aktar opportunitajiet għal progress fil-karriera għal punti ewlenin ta’ tranżizzjoni bħal bejn karigi ta' dottorat, postdottorat u lectureship;

31.  Jenfasizza l-ħtieġa għal integrazzjoni sħiħa tad-dimensjoni tas-sessi fir-riċerka u l-bilanċ bejn is-sessi fil-parteċipazzjoni f’Orizzont 2020; jemmen li dan se jeħtieġ it-tiġdid tal-isforzi biex tiġi integrata d-dimensjoni tas-sessi fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-programm ta’ ħidma li jmiss; jilqa’ l-ħolqien ta’ Grupp Konsultattiv dwar is-Sessi (AGG) tal-Orizzont 2020; jemmen bis-sħiħ li l-objettivi tal Orizzont 2020 se jintlaħqu biss bil-parteċipazzjoni sħiħa tax-xjentisti nisa;

32.  Jistieden lill-Istati Membri jaħdmu b’mod proattiv ma’ istituzzjonijiet akkademiċi, iħeġġu lin-nisa japplikaw għal pożizzjonijiet u jiżguraw ir-rappreżentazzjoni femminili fuq il-bordijiet ta' intervista fejn possibbli;

33.  Jemmen bil-qawwa li d-dimensjoni tas-sessi hija sors ta’ valur miżjud għar-riċerka u tipprovdi redditu fuq l-investiment; jenfasizza li l-analiżi tas-sessi tista' trawwem l-innovazzjoni u l-kooperazzjoni multidixxiplinarja fix-xjenza u t-teknoloġija;

Passi 'l quddiem

34.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu inċentivi lill-istituti ta' riċerka u l-universitajiet biex jintroduċu u japplikaw pjanijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi, jintroduċu dimensjoni tas-sessi fil-programmi ta' riċerka nazzjonali tagħhom, ineħħu ostakli legali u oħrajn għar-reklutaġġ, iż-żamma u l-progress fil-karrieri ta' riċerkaturi femminili, u jimplimentaw strateġiji komprensivi għal tibdil strutturali sabiex jegħlbu l-lakuni eżistenti fl-istituzzjonijiet ta' riċerka u programmi;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jindirizzaw l-iżbilanċi bejn is-sessi fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet u fil-korpi responsabbli għall-impjieg u l-promozzjoni tar-riċerkaturi, u biex jikkunsidraw il-ħolqien ta’ pjanijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi bħala prekundizzjoni għall-aċċess għal finanzjament pubbliku fir-riċerka, ix-xjenza u d-dinja akkademika, b’mod partikolari billi jħeġġu l-istabbilimenti tar-riċerka u x-xjenza sabiex jipproduċu rapporti dwar l-isforzi tagħhom biex jintegraw xjentisti nisa u billi jiżguraw għażla miftuħa u trasparenti u proċessi ta’ promozzjoni;

36.  Jirrikonoxxi li l-istrateġiji għall-ugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni ogħla jeħtieġu jindirizzaw ukoll il-fenomeni tal-vjolenza bbażata fuq is-sessi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jfasslu strateġiji biex tiġi indirizzata l-vjolenza bbażata fuq is-sessi fuq il-kampusijiet tal-universitajiet u l-kulleġġi, inklużi s-sensibilizzazzjoni, jiffaċilitaw l-aċċess għall-ġustizzja għan-nisa affettwati, u li jinvolvu studenti maskili, akkademiċi u persunal fil-ġlieda kontra l-vjolenza;

37.  Jistieden lill-Istati Membri jħeġġu lil min iħaddem biex jieħdu miżuri sabiex jiġġieldu kontra l-forom kollha ta’ fastidju psikoloġiku fuq il-post tax-xogħol li jaffettwaw lin-nisa, li jistgħu jwasslu biex il-vittmi jiġu skoraġġuti u, fl-aħħar nett, li jirriżenjaw;

38.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiffaċilitaw komunikazzjoni regolari bejn il-ministri nazzjonali għall-universitajiet u x-xjenza u l-ministri għall-ugwaljanza, jew l-ekwivalenti xieraq, sabiex jiżviluppaw politiki nazzjonali li jinkoraġġixxu u jappoġġjaw lin-nisa fix-xjenza u l-akkademja;

39.  Jistieden lill-Istati Membri jinvolvu l-mezzi tax-xandir u s-settur privat sabiex jeliminaw l-isterjotipi tas-sessi u jippromwovu r-rispett reċiproku; jenfasizza r-rwol tal-mezzi tax-xandir fil-kontinwazzjoni jew il-ġlieda biex jitneħħew l-isterjotipi tas-sessi, u l-potenzjal tal-midja li tippromwovi b’mod proattiv mudelli ta’ rwoli pożittivi għan-nisa u l-bniet li għandu jitħeġġeġ;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi jkomplu jiżviluppaw il-metodoloġija eżistenti biex iżommu statistiċi mhux aggregati skont is-sess għall-attività akkademika u xjentifika kollha, flimkien mal-istatistiċi dwar ir-riżorsi umani, u biex jiżviluppaw indikaturi validi ħalli jkejlu proċessi ta' tibdil istituzzjonali, kemm b'mod nazzjonali kif ukoll madwar iż-żona Ewropea ta' riċerka;

41.  Jistieden lill-Istati Membri, lis-settur akkademiku u lill-partijiet interessati rilevanti kollha jintroduċu programmi speċjalizzati fl-edukazzjoni, u b'mod partikolari fl-edukazzjoni terzjarja, sabiex jenfasizzaw is-sinifikat tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri japplikaw b’mod konsistenti l-ibbaġitjar bejn is-sessi fil-programmi u miżuri kollha li jipprovdu finanzjament fil-qasam tax-xjenza, l-akkademja u r-riċerka, u biex jiżviluppaw linji gwida u metodi għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-inklużjoni tad-dimensjoni tal-sessi f’dawn l-oqsma;

43.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw miżuri statistiċi għall-monitoraġġ tad-destinazzjonijiet ta’ nisa li jitilqu mill-akkademja sabiex jitjieb it-tfassil tal-politika minn istituzzjonijiet akkademiċi u gvernijiet f’oqsma relatati;

44.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw li jipprovdu rikonoxximent pożittiv ta’ istituzzjonijiet akkademiċi li ħadu miżuri biex tiġi indirizzata l-inugwaljanza bejn is-sessi;

45.  Jitlob lill-Kummissjoni tintegra d-dimensjoni tas-sessi f’kontenut xjentifiku u teknoloġiku sabiex jintemmu l-forom sottili ta’ diskriminazzjoni, permezz ta’ inċentivi biex jieħdu kont tas-sess u tal-ġeneru fl-iżvilupp tar-riċerka;

Involviment

46.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jsaħħu n-netwerking fost ix-xjentisti nisa fil-livell nazzjonali, reġjonali u dak tal-UE;

47.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw l-implimentazzjoni ta’ skemi ta’ mentoring, b’enfasi partikolari biex iħeġġu lin-nisa japplikaw għal għotjiet ta’ finanzjament, promozzjonijiet jew opportunitajiet oħra u jappoġġjawhom permezz ta’ dak il-proċess;

48.  Itenni mill-ġdid l-importanza li tiġi żgurata aktar parteċipazzjoni tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet u li jiġi żgurat bilanċ bejn is-sessi fil-bordijiet ta' evalwazzjoni, il-bordijiet tal-għażla u l-kumitati rilevanti l-oħra kollha, kif ukoll il-bordijiet nominati u l-kumitati li jieħdu d-deċiżjonijiet relatati mar-reklutaġġ, il-finanzjament, il-programmi ta' riċerka u l-ippubblikar; jemmen li l-istituzzjonijiet ta' riċerka u l-universitajiet għandhom ikunu mħeġġa jintroduċu miri għall-parteċipazzjoni tan-nisa f'dawk il-korpi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri f’dan ir-rigward biex jibbażaw lilhom infushom fuq il-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta’ kumpaniji elenkati fil-Borża u miżuri relatati(6), bil-ħsieb li jipproponu miżuri leġiżlattivi simili għal nisa f’pożizzjonijiet għoljin fil-qasam tax-xjenza u d-dinja akkademika;

49.  Jistieden lill-Kunsill jadotta, matul il-presidenza tal-Lussemburgu, konklużjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fir-riċerka sabiex tkun żgurata rappreżentazzjoni akbar u l-parteċipazzjoni tan-nisa fil-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet fis-settur tar-riċerka;

50.  Jistieden lill-Parlament jintroduċi premju magħruf bħala "In-nisa u x-xjenza fl-Ewropa", li jingħata lil dawk li jħaddmu (impriżi, istituzzjonijiet u awtoritajiet) li jkunu fuq quddiem fil-promozzjoni tan-nisa fiċ-ċrieki akkademiċi u xjentifiċi, li jappoġġjaw l-aċċess tan-nisa fil-pożizzjonijiet għolja u jiżguraw pagi indaqs;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi, permezz ta’ kampanji ta’ informazzjoni, skemi u programmi maħsuba biex iżidu l-parteċipazzjoni tan-nisa fir-riċerka xjentifika;

o
o   o

52.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0050.
(3) Testi adottati, P7_TA(2013)0499.
(4) ĠU C 279E, 19.11.2009, p. 40.
(5) ĠU C 309, 27.10.2000, p. 57.
(6) COM(2012)0614.


Emanċipazzjoni tal-bniet permezz tal-edukazzjoni fl-UE
PDF 398kWORD 143k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2015 dwar l-għoti ta’ setgħa lill-bniet permezz tal-edukazzjoni fl-Unjoni Ewropea (2014/2250(INI))
P8_TA(2015)0312A8-0206/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tat-18 ta’ Diċembru 1979 dwar l-Eliminazzjoni ta’ Kull Forma ta’ Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Programm ta’ Azzjoni ta’ Pekin adottati mir-Raba’ Konferenza Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nisa fil-15 ta’ Settembru 1995 u d-dokumenti finali sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Pekin + 5 (2005), Pekin + 15 (2010) u Pekin + 20 (2015),

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill Ewropew f’Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni adottata f’Mejju 2011 mill-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Settembru 2010 bit-titolu “Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015” (COM(2010)0491),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta’ Marzu 2013 dwar l-eliminazzjoni tal-isterjotipi tas-sessi fl-Unjoni(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol, u d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/73/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Settembru 2002 li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam mal-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kundizzjonijiet tax-xogħol,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2015 dwar il-progress li sar fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni fl-2013(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport indipendenti tal-2009 kkummissjonat mid-Direttorat Ġenerali tal-Kummissjoni għall-Edukazzjoni u l-Kultura (DĠ EAC),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni CM/Rec(2007)13 tal-10 ta’ Ottubru 2007 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar approċċ integrat għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-edukazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-“kumpilazzjoni ta’ prattiki tajba għall-promozzjoni ta’ edukazzjoni mingħajr sterjotipi tas-sess u biex jiġu definiti modi għall-implimentar tal-miżuri li jinsabu fir-rakkomandazzjoni tal-Kumitat tal-Ministri dwar approċċ integrat għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-edukazzjoni” (riveduta fit-12 ta’ Marzu 2015), żviluppata mill-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni Rec(2003)3 tal-Kumitat tal-Ministri tal-Kunsill tal-Ewropa lill-Istati Membri dwar il-parteċipazzjoni bbilanċjata tan-nisa u l-irġiel fit-teħid ta’ deċiżjonijiet politiċi u pubbliċi, adottata fit-12 ta’ Marzu 2003,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) bl-isem “In-nisa u d-dinja tax-xogħol” fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Mara fl-2015,

–  wara li kkunsidra l-istħarriġ ‘tal-Unjoni Ewropea dwar il-persuni leżbjani, gay, bisesswali u transġeneru” ippubblikat mill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) fl-2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0206/2015),

A.  billi l-edukazzjoni hija l-pedament ta’ ċittadinanza responsabbli, hija essenzjali biex tiġi żgurata ugwaljanza bejn is-sessi u emanċipazzjoni tal-bniet, u hija dritt tal-bniedem fundamentali u dritt ta' kull tifel u tifla;

B.  billi l-edukazzjoni u t-taħriġ tal-bniet u n-nisa huwa valur importanti Ewropew, dritt fundamentali u element essenzjali tal-emanċipazzjoni tal-bniet u n-nisa fuq livelli soċjali, kulturali u professjonali, kif ukoll għat-tgawdija sħiħa tad-drittijiet l-oħra kollha soċjali, ekonomiċi, kulturali u politiċi u sussegwentement għall-prevenzjoni tal-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;

C.  billi l-edukazzjoni tista' tittrasforma soċjetà u tikkontribwixxi għal ugwaljanza oċjali, politika u bejn is-sessi;

D.  billi skont studju mwettaq mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Parlament, 30 miljun tifla f'età tal-iskola primarja huma esklużi mis-sistema edukattiva madwar id-dinja;

E.  billi l-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inadegwatezza jew in-nuqqas ta’ disponibilità ta’ stabbilimenti għal qabel l-iskola proprja, skejjel u netwerks barra l-iskola huma fost l-akbar ostakli li jipprevjenu li l-bniet ikollhom aċċess għall-edukazzjoni;

F.  billi l-Istati biss jistgħu jipprovdu edukazzjoni universali obbligatorja bla ħlas, li hija kundizzjoni sine qua non biex jiggarantixxu opportunitajiet indaqs għaż-żewġ sessi;

G.  billi t-tnaqqis baġitarju li sar fis-settur tal-edukazzjoni, li jirriżulta fil-biċċa l-kbira minn politiki ta’ awsterità imħeġġa mill-UE, qed jipperikolaw edukazzjoni pubblika ta’ kwalità għolja mingħajr ħlas u għalhekk iservu biex jaggravaw l-inugwaljanzi;

H.  billi edukazzjoni pubblika ta’ kwalità għandha tkun mingħajr ħlas u disponibbli għat-tfal kollha, mingħajr ebda diskriminazzjoni u irrispettivament mill-istatus ta’ residenza tagħhom;

I.  billi l-faqar għandu influwenza qawwija fuq aċċess ugwali għall-edukazzjoni minħabba l-ispejjeż, kemm diretti kif ukoll indiretti, li jiġġarbu meta t-tfal jintbagħtu l-iskola, u l-aċċess għall-edukazzjoni, u b’mod partikulari l-edukazzjoni għolja, huwa speċjalment diffiċli għal żgħażagħ minn familji bi dħul baxx, u dan iwassal għal tisħiħ tal-preferenza tradizzjonali lejn l-edukazzjoni tas-subien;

J.  billi l-istereotipi tas-sessi jassenjaw rwoli differenti, iddeterminati u limitati lin-nisa u l-irġiel, u dawn ir-rwoli huma fformati permezz ta’ bosta fatturi soċjali u mxerrda jew riprodotti mill-ġenituri, l-edukazzjoni u l-midja; billi dawn ir-rwoli tal-ġeneri jiġu integrati minn individwi matul il-fażijiet tas-soċjalizzazzjoni tat-tfulija u l-adoloxxenza, u għalhekk jinfluwenzaw ħajjithom u jistgħu jillimitaw l-iżvilupp personali tan-nisa u l-irġiel;

K.  billi l-impatt ta’ stereotipi tal-ġeneri fuq l-edukazzjoni u t-taħriġ u deċiżjonijiet magħmula minn studenti fl-iskola jistgħu jinfluwenzaw l-għażliet tul ħajjithom u sussegwentement għandhom implikazzjonijiet qawwija fis-suq tax-xogħol fejn in-nisa għadhom jiffaċċjaw segregazzjoni kemm orizzontali kif ukoll vertikali; billi dan jikkontribwixxi biex ċerti setturi għadhom jitqiesu bħala “maskili” u fejn il-livelli tal-paga huma konsegwentement ogħla minn setturi meqjusa “femminili”;

L.  meta titqies l-influwenza sinifikanti tal-ambjent soċjali, l-attitudnijiet tal-familja, sħab, mudelli u għalliema, kif ukoll ta’ ċentri ta’ taħriġ u pariri fil-proċess tal-għażla, fuq l-għażla tal-oqsma ta’ studju tal-istudenti u fuq il-bidla fl-istereotipi tal-ġeneru, u peress li l-għalliema bħala aġenti tal-bidla soċjali, bl-attitudnijiet u l-prattiki ta’ tagħlim tagħhom huma essenzjali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, id-diversità u l-fehim u r-rispett reċiproċi; iqis ukoll li l-għalliema tal-iskejjel jistgħu jkellmu lill-ġenituri u titqajjem il-kuxjenza dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-potenzjal tat-tfal tagħhom;

M.  billi l-perspettiva tal-ġeneru għandha tkun inkorporata fil-livelli u l-oqsma kollha tas-sistema edukattiva biex, fost is-subien u l-bniet, l-irġiel u n-nisa, jinkoraġġixxu l-valuri tal-ġustizzja u ċ-ċittadinanza demokratika u biex tiġi żviluppata l-ugwaljanza vera bejn l-irġiel u n-nisa, kemm fl-isfera pubblika kif ukoll fl-isfera privata;

N.  billi hemm bżonn ta’ aktar nisa li huma ta' eżempju għall-oħrajn f’oqsma riżervati għall-irġiel bħax-xjenza, l-inġinerija, it-teknoloġija, il-matematika u l-intraprenditorija, u netwerks ta’ mentoring u tagħlim bejn il-pari huma effettivi fl-għoti ta’ setgħa lil bniet f’dawn l-oqsma;

O.  billi d-data disponibbli turi li n-nisa huma rikompensati inqas finanzjarjament għall-kwalifiki u l-esperjenza tagħhom mill-irġiel, u n-nisa jibqgħu responsabbli fil-biċċa l-kbira mill-kura għat-tfal u dipendenti oħra tal-familja, u dan jillimita l-aċċess tagħhom għal impjieg full-time bi ħlas; billi l-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tinvolvi r-rikonoxximent ta’ kull xogħol magħmul min-nisa u l-edukazzjoni tas-subien u l-irġiel fil-kompiti li huma tradizzjonalment femminili; billi l-progress fil-politiki dwar l-appoġġ għall-kura tat-tfal u l-liv tal-maternità u tal-paternità madwar l-Ewropa se jikkontribwixxi għal prospetti ta’ impjieg tan-nisa, l-għoti ta’ setgħa ekonomika, u l-ġlieda kontra l-istereotipi tas-sessi, u b’hekk jagħti s-setgħa lill-bniet fil-livelli kollha tal-edukazzjoni;

P.  billi, għalkemm hemm iktar nisa b'edukazzjoni sekondarja jew universitarja, kemm l-oqsma ta' edukazzjoni kif ukoll l-attivitajiet professjonali tagħhom huma kkonċentrati madwar kompiti bl-għan tar-riproduzzjoni u l-kontinwazzjoni ta’ strutturi soċjali u ekonomiċi tradizzjonali eżistenti, u li jeħtieġ li jiżdied il-perċentwal ta’ nisa kemm fl-edukazzjoni vokazzjonali kif ukoll mas-setturi tal-iSTEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika);

Q.  billi allokazzjoni aktar ugwali ta’ riżorsi edukattivi tista’ tirriżulta f’aktar aċċess għall-bniet għas-suq tax-xogħol, u parteċipazzjoni bbilanċjata tan-nisa u l-irġiel fis-suq tax-xogħol jistgħu jrawmu prospetti ekonomiċi tal-UE;

R.  billi l-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali għandhom jippromwovu l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-istabbilimenti edukattivi bil-mezzi kollha, li l-edukazzjoni tas-sessi għandha tkun parti fundamentali mill-programmi skolastiċi; billi l-awtoritajiet Ewropej u nazzjonali għandhom jiżguraw li l-materjali tat-tagħlim ma fihomx kontenut diskriminatorju;

S.  billi l-kurrikulu formali jirrifletti l-perspettiva kulturali u soċjali ta’ kull Stat Membru u jinfluwenza l-kostruzzjoni ta’ identità tas-subien u l-bniet; billi l-kurrikulu informali jikkumplimenta l-kurrikulu formali filwaqt li l-kurrikulu moħbi huwa komuni għal kull definizzjoni sitwazzjonali tal-kurrikulu; billi dawn it-tipi kollha ta’ kurrikuli huma importanti fil-bini ta’ identità tas-subien u l-bniet, u l-awtoritajiet lokali, billi l-viċinanza tagħhom għall-istituzzjonijiet edukattivi għandha rwol ewlieni x'taqdi fl-edukazzjoni informali;

T.  billi huwa essenzjali, biex jiġu miġġielda l-inugwaljanzi bejn l-irġiel u n-nisa, li ċ-ċentri ta’ riċerka edukattiva speċjalizzati fl-ugwaljanza tas-sessi ikunu responsabbli mill-monitoraġġ kostanti, fuq livell edukattiv, iżda wkoll li jimmonitorjaw u jevalwaw il-programmi, l-għanijiet ta' żvilupp u r-riżultati ta' tagħlim, il-kontenut, l-istrateġiji, il-materjali, il-valutazzjoni, il-programm ta’ kull suġġett kif ukoll u l-ippjanar;

U.  billi l-vjolenza fuq in-nisa hija l-ostaklu ewlieni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel, u tista' tiġi miġġielda permezz tal-edukazzjoni; billi mhux il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea rratifikaw il-Konvenzjoni ta’ Istanbul u li jeħtieġ li l-Unjoni Ewropea tniedi u tiffinanzja proġetti favur l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

V.  billi l-vjolenza fl-iskejjel marbuta mal-ġeneru (SRGBV) tinkludi atti ta’ vjolenza sesswali, vjolenza fiżika u/jew psikoloġika kkawżata lit-tfal minħabba l-istereotipi bejn is-sessi u n-normi soċjali; billi l-SRGBV hija ostaklu ewlieni għall-aċċess, il-parteċipazzjoni u l-kisba;

W.  billi n-nisa u l-bniet b'diżabilitajiet u/jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali huma esposti għal diskriminazzjoni multipla; billi s-sitwazzjoni tal-bniet tista’ tittejjeb biss meta l-aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità għolja huwa ugwali u mhux determinat jew imfixkel b’din id-diskriminazzjoni u huwa konformi bis-sħiħ mal-prinċipji tal-inklużjoni;

X.  billi jeżistu sproporzjonalitajiet sinifikanti fl-identifikazzjoni ta' bżonnijiet edukattivi speċjali (SEN); billi huwa universalment aktar probabbli li s-subien ikunu ġew identifikati bħala li għandhom ħtiġijiet speċjali, speċjalment diffikultajiet 'mhux normattivi' bħall-attenzjoni deficiency syndrome (ADS) jew disleksja, meta ġudizzju professjonali għandu rwol akbar fl-identifikazzjoni;

Y.  billi 17% tal-adulti madwar id-dinja, żewġ terzi (493 miljun) fosthom nisa, ma jafux jaqraw jew jiktbu(3);

Rakkomandazzjonijiet ġenerali

1.  Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw u jtejbu l-miżuri biex japplikaw l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livelli kollha tas-sistema edukattiva, u biex jintegraw bis-sħiħ titjib fl-għarfien ta’ kwistjonijiet ta' ġeneru fit-taħriġ tal-għalliema, iżda wkoll kull kategorija ta’ professjonisti tal-iskola, pereżempju tobba tal-iskejjel, infermiera, psikologi, assistenti soċjali u għalliema, kif ukoll biex jiżguraw il-ħolqien ta’ mekkaniżmi tul is-sistema edukattiva kollha li jiffaċilitaw il-promozzjoni, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istituzzjonijiet edukattivi;

2.  Jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu d-demokratizzazzjoni tal-edukazzjoni u kondizzjonijiet oħra meħtieġa sabiex jiġi żgurat li l-edukazzjoni, kemm jekk ipprovduta permezz ta’ skejjel jew b’mezzi oħra ta’ tagħlim, tgħin biex iġġib l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-opportunitajiet indaqs, jegħlbu inugwaljanzi ekonomiċi, soċjali u kulturali, jinkoraġġixxu l-iżvilupp personali u spirtu ta’ tolleranza, solidarjetà u responsabbiltà, u jiffaċilitaw il-progress soċjali u l-parteċipazzjoni demokratika fil-ħajja tal-komunità;

3.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw li l-għanijiet tas-sistemi edukattivi tagħhom jinkludu l-edukazzjoni b’rispett għad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u d-drittijiet u opportunitajiet ugwali għan-nisa u l-irġiel, u li l-prinċipji tal-kwalità tas-sistemi tagħhom jinkludu l-eliminazzjoni tal-ostakoli għal ugwaljanza effettiva bejn in-nisa u l-irġiel kif ukoll il-promozzjoni sħiħa tal-ugwaljanza bejniethom;

4.  Jitlob li ssir promozzjoni ta’ approċċ olistiku għall-edukazzjoni formali u informali fl-iskejjel, u approċċ sensittiv lejn l-inklużjoni tad-drittijiet tal-bniedem, id-dinjità umana, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-iżvilupp ta’ awtostima u assertività, li jinkoraġġixxi teħid ta’ deċiżjonijiet awtonomu u infurmat għall-bniet u n-nisa, kemm fil-livell personali kif ukoll f’dak professjonali; Jirrikonoxxi li l-edukazzjoni għall-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tikkomplementa l-edukazzjoni ċivika għall-valuri demokratiċi, u tkun integrata f’ambjent edukattiv sensittiv għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi li jkun ibbażat fuq id-drittijiet, fejn il-bniet u s-subien jistgħu jitgħallmu dwar id-drittijiet tagħhom u l-esperjenza ta’ proċessi demokratiċi fl-iskejjel u f’ambjenti ta’ tagħlim informali billi, pereżempju, jieħdu sehem f’governanza demokratika tal-iskejjel tagħhom stess;

5.  Jistieden lil dawk li jfasslu l-politika edukattiva mill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex jiżguraw li l-impenji favur l-ugwaljanza bejn is-sessi jmorru lil hinn mid-dikjarazzjonijiet tal-prinċipji u intenzjonijiet politiċi, u jkunu riflessi f’żidiet kbar fl-isforzi u r-riżorsi investiti, filwaqt li jfakkar l-importanza primarja tal-edukazzjoni sabiex tiġi effettwata bidla kulturali;

6.  Jirrimarka li filwaqt li n-nisa jirrappreżentaw il-maġġoranza (60 %) ta’ gradwati ta’ edukazzjoni ogħla fl-UE, ir-rata tal-impjieg tagħhom u t-trajettorji ta' promozzjoni tagħhom ma jirriflettux il-potenzjal sħiħ tagħhom; jenfasizza li l-kisba ta’ tkabbir ekonomiku inklużiv u fit-tul tiddependi fuq li jitnaqqas id-distakk bejn dak li n-nisa jiksbu fl-edukazzjoni tagħhom u l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, primarjament billi tingħeleb is-segregazzjoni orizzontali u vertikali;

7.  Jenfasizza li l-edukazzjoni hija għodda importanti li tgħin lin-nisa biex jipparteċipaw b’mod sħiħ fl-iżvilupp soċjali u ekonomiku; jenfasizza li l-miżuri għat-tagħlim tul il-ħajja huma kruċjali biex jipprovdu lin-nisa bil-ħiliet li jippermettulhom jirritornaw fid-dinja tax-xogħol jew itejbu l-impjieg, id-dħul u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom;

8.  Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-investiment essenzjali fl-edukazzjoni sabiex kulħadd ikun jista’ jibbenefika minn edukazzjoni pubblika ta’ kwalità għolja mingħajr ħlas;

9.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-awtoritajiet edukattivi tagħhom jiggarantixxu l-istess dritt għall-edukazzjoni għan-nisa u l-irġiel, billi jinkorporaw b’mod attiv il-prinċipju ta’ trattament ugwali f’miri u azzjonijiet edukattivi, u b’hekk jiġi evitat li jitfaċċjaw inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel minħabba l-imġiba u l-istereotipi soċjali sessisti assoċjati;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li din ir-rakkomandazzjoni tintbagħat lill-istituzzjonijiet politiċi responsabbli għall-implimentazzjoni tal-politiki edukattivi fil-livelli ċentrali, reġjonali u lokali, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet tal-ġestjoni skolastika u l-awtoritajiet reġjonali u lokali;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa r-rappreżentanza indaqs bejn is-sessi f’termini ta’ tmexxija u ġestjoni ta’ korpi responsabbli għas-sorveljanza u l-governanza ta’ stabbilimenti edukattivi, speċjalment fost il-maniġers u l-kapijiet tal-iskola u fejn hemm rappreżentanza bħal fis-suġġetti STEM, peress li dan ser jipprovdi mudelli għall-bniet;

12.  Jenfasizza li l-bniet li mhumiex permessi li jattendu l-iskola huma aktar esposti għal vjolenza domestika;

13.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tibda malajr kemm jista’ jkun il-proċedura għall-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni ta’ Istanbul; jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw il-Konvenzjoni, u jitlob ukoll lill-UE u lill-Istati Membri jaħdmu flimkien għall-ugwaljanza bejn is-sessi fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni; jenfasizza r-rabtiet mill-qrib bejn l-istereotipi tas-sessi u l-ibbulijar, cyberbullying u l-vjolenza kontra n-nisa, u l-bżonn li jiġu miġġielda dawn minn età bikrija; jenfasizza li l-Konvenzjoni ta’ Istanbul titlob lill-firmatarji biex jinkludu materjali tat-tagħlim dwar kwistjonijiet bħal rwoli tas-sessi li mhumiex stereotipi, ir-rispett reċiproku, is-soluzzjoni mhux vjolenti tal-kunflitti f’relazzjonijiet interpersonali, il-vjolenza sessista u d-dritt għall-integrità personali, adattat għal kapaċità li qed jevolvu tal-istudenti, f’kurrikuli formali u fil-livelli kollha tal-edukazzjoni;

14.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jinvestu b’mod konsistenti fl-informazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u l-kampanji edukattivi u biex jitjieb l-għoti ta’ gwida tal-karriera għall-bniet u s-subien, jiġu indirizzati l-perċezzjonijiet stereotipati tar-rwoli tas-sessi, kif ukoll l-istereotipi tas-sessi b’orjentazzjoni vokazzjonali u professjonali, b’mod partikolari fix-Xjenza u Teknoloġiji ġodda; ifakkar li dan inaqqas is-segregazzjoni bejn is-sessi fis-suq tax-xogħol u jsaħħaħ il-pożizzjoni tan-nisa filwaqt li jippermettilhom li jibbenefikaw bis-sħiħ minn kapital uman rappreżentat minn tfajliet u nisa fl-UE u jippromwovu diskussjonijiet ta’ għażliet edukattivi u għall-karriera fl-iskejjel u fil-klassijiet;

15.  Ifakkar fir-rwol tat-timijiet edukattivi biex jgħinu u jikkonsultaw mal-familji f’dak li għandu x’jaqsam mal-karrieri skolastiċi tat-tfal bl-għan li jkunu stabbiliti f'direzzjoni li tixraq il-ħiliet, it-talenti u l-gosti tagħhom; jenfasizza li l-istadju li fih jingħataw pariri dwar il-karrieri skolastiċi huwa wieħed deċiżiv u huwa żmien meta l-isterjotipi tas-sessi jistgħu jkunu element importanti, li jistgħu jolqtu ħażin u b'mod dejjiemi l-kapaċità tal-bniet li jsegwu karriera professjonali li tiffaċilita l-iżvilupp u l-emanċipazzjoni personali tagħhom.

16.  Jistieden lill-Kummissjoni biex torganizza, permezz tal-Istati Membri, programmi ta’ taħriġ speċifiċi ta’ sensibilizzazzjoni mmirati lejn bniet rigward il-parteċipazzjoni tagħhom f’edukazzjoni ogħla u l-possibilità ta’ korsijiet ta’ studju, b’opportunitajiet ta’ xogħol korrispondenti fuq il-bażi tal-ħiliet tagħhom, sabiex jitħeġġu jsegwu karrieri li tradizzjonalment huma ddominati mill-irġiel u biex tissaħħaħ l-awtostima tal-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ nisa; jenfasizza li l-edukazzjoni informali taqdi rwol ewlieni fil-bini ta’ fiduċja għall-bniet u n-nisa żgħażagħ;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jużaw il-Fondi ESI biex jappoġġjaw programmi li jaħdmu b’mod attiv mal-ġenituri ta’ tfal minn dawk il-komunitajiet esklużi u li jinkoraġġixxu u jistimolaw attivitajiet sinifikanti barra l-ħinijiet tal-iskola u waqt il-vaganzi tal-iskola;

18.  Jistieden lill-Istati Membri biex jinkoraġġixxu l-promozzjoni ta’ netwerks pubbliċi ta’ creches, nurseries u s-sistema edukattiva ta’ qabel l-iskola, u servizzi ta’ rikreazzjoni pubblika għat-tfal;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ professjonali għall-persuni b’diżabbiltajiet u/jew bi bżonnijiet edukattivi speċjali (SEN), kif ukoll it-tnaqqis ta’ rati gћoljin ta' tluq mill-iskola tagħhom, u li jirrispettaw il-prinċipji ta’ edukazzjoni inklużiva, b’enfasi fuq il-parteċipazzjoni attiva ta’ dawn l-istudenti, u biex tittejjeb l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà u s-sistema edukattiva ġenerali fejn possibbli; jitlob titjib immedjat fit-taħriġ tal-għalliema għal dan l-għan u l-integrazzjoni ta’ perspettiva dwar il-ġeneru f’taħriġ bħal dan, kif ukoll l-identifikazzjoni ta’ diffikultajiet fit-tagħlim, inkluż l-iżvilupp ta’ għodod ta’ skrining sensittivi għall-ġeneru u jintegraw il-perspettiva tal-ġeneru speċifiċi sabiex jipprovdu programmi edukattivi tan-nisa u l-bniet kkonċernati b’opportunitajiet aħjar meta jfittxu impjieg, u li jagħtuhom is-setgħa biex tingħeleb id-diskriminazzjoni multipla;

20.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżguraw aċċess ugwali għall-edukazzjoni għall-bniet u s-subien, irrispettivament mill-età, is-sess, l-istatus soċjoekonomiku, l-isfond kulturali jew reliġjuż, u jenfasizza l-ħtieġa għal istituzzjonijiet Ewropej, nazzjonali u lokali biex jippromwovu programmi speċifiċi biex jintegraw komunitajiet marġinalizzati b’mod ġenerali fl-iskejjel kif ukoll, b’mod partikolari, bniet minn dawn il-komunitajiet, peress li ta’ spiss jaffaċċjaw diskriminazzjoni multipla, u l-minoranzi kollha fis-soċjetà Ewropea; Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-bniet ilestu l-edukazzjoni sekondarja tagħhom, u jenfasizza l-ħtieġa għal programmi ta’ assistenza finanzjarja għal familji żvantaġġati ekonomikament, sabiex jevitaw li dawn l-istudenti jitilqu kmieni mill-iskola, b’mod partikolari l-bniet;

21.  Jistieden lill-Istati Membri sabiex jipprovdu appoġġ attiv meħtieġ biex jiżguraw li n-nisa migranti u l-familji tagħhom ikunu jistgħu jitgħallmu l-lingwa tal-pajjiż ospitanti tagħhom permezz ta' servizzi ta' edukazzjoni pubblika bbażati lokalment u mingħajr ħlas;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi speċifiċi biex jiżguraw li l-bniet u n-nisa żgħażagħ Rom jibqgħu fl-edukazzjoni primarja, sekondarja u edukazzjoni ogħla, u wkoll jistabbilixxu miżuri speċjali għall-ommijiet adolexxenti u bniet li telqu mill-iskola kmieni, b’mod partikolari biex jappoġġaw l-edukazzjoni mhux interrotta, u jipprovdu taħriġ ibbażat fuq ix-xogħol; jistieden ukoll lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jqisu dawn il-miżuri meta jikkoordinaw u jevalwaw l-istrateġiji nazzjonali għall-integrazzjoni tar-Rom;

23.  Jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi miżuri dwar l-edukazzjoni tal-bniet u n-nisa fil-proġetti ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp;

24.  Jenfasizza l-importanza tal-iffukar b’mod partikolari fuq il-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fi ħdan il-kurrikuli u fl-istadji kollha tal-edukazzjoni;

Programm skolastiku u taħriġ

25.  Jinsisti li għandha tingħata attenzjoni xierqa lill-ugwaljanza bejn is-sessi, fl-aspetti kollha tagħha, fil-kurrikuli, l-għanijiet għall-iżvilupp u r-riżultati tat-tagħlim, is-suġġetti, il-pjanijiet skolastiċi, kif ukoll lill-ħtieġa li jiġi vvalutat ir-rwol tan-nisa fil-programmi skolastiċi fis-suġġetti differenti, bl-enfasizzar tar-rwol tagħhom fis-suġġetti mgħallma; iqis li l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-edukazzjoni għandha tindirizza b’mod espliċitu l-prinċipju ta’ ugwaljanza u għandha tinkludi firxa ta’ kwistjonijiet, bħalma huma l-litteriżmu, l-ibbuljar, il-vjolenza, id-diskors ta’ mibegħda, id-drittijiet tal-bniedem u l-edukazzjoni ċivika;

26.  Jenfasizza li l-edukazzjoni trid tgħin biex il-bniet u s-subien jiżviluppaw f'individwi li huma konxji, ibbilanċjati, jirrispettaw lil ħaddieħor u huma kapaċi li juru l-empatija u r-rispett reċiproku, għall-prevenzjoni tad-diskriminazzjoni, l-aggressjoni u l-bullying;

27.  Jenfasizza li l-iskejjel għandhom jgħinu biex jiġi żviluppat approċċ interkulturali għall-edukazzjoni, sabiex tiġi promossa t-trasparenza, ir-rispett reċiproku u d-djalogu interkulturali u interreliġjuż;

28.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-programmi komprensivi tagħhom dwar l-edukazzjoni sesswali u relazzjoni, inkluż it-tagħlim ta’ programmi edukattivi tal-bniet u s-subien dwar relazzjonijiet ibbażati fuq il-kunsens, ir-rispett u r-reċiproċità, kif ukoll attivitajiet ta’ sport u ħin liberu, fejn l-istereotipi u l-istennijiet bbażati fuq is-sess jistgħu jaffettwaw l-awtostima tagħhom, is-saħħa, l-akkwist ta’ ħiliet, l-iżvilupp intellettwali, l-integrazzjoni soċjali u l-bini ta' identità tal-bniet u s-subien;

29.  Jirrikonoxxi li edukazzjoni sensittiva, adattata skont l-età u xjentifikament preċiża dwar is-sess u r-relazzjonijiet hija għodda essenzjali tal-kapaċità għall-għoti tas-setgħa lill-bniet u s-subien, biex tgħinhom jagħmlu għażliet infurmati sew u li tikkontribwixxi għal firxa aktar wiesgħa ta’ prijoritajiet ta’ saħħa pubblika bħat-tnaqqis fit-tqala mhux ippjanata, it-tnaqqis fl-imwiet tal-ommijiet u tat-trabi, il-prevenzjoni u t-trattament bikri ta' infezzjonijiet trażmessi sesswalment, u biex jitnaqqas id-distakk fl-inugwaljanza fil-qasam tas-saħħa; Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkunsidraw li jagħmlu edukazzjoni sesswali u relazzjonali komprensiva adattata skont l-età obbligatorja fil-kurrikuli tal-iskejjel għall-istudenti kollha fl-iskejjel primarji u sekondarji, u jenfasizza l-importanza ta’ taħriġ tal-għalliema b’enfasi speċjali fuq il-bniet u n-nisa kif ukoll fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi;

30.  Jappella għall-implimentazzjoni ta’ edukazzjoni dwar is-sess u r-relazzjonijiet fil-kurrikuli fi programmi mmirati li jagħtu s-setgħa lill-bniet permezz tal-promozzjoni ta’ għarfien u ta’ ġisimhom, filwaqt li jitlob li s-suġġetti l-oħra kollha tal-kurrikulu jżommu l-koerenza ma’ dawn il-prinċipji;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiġġieled kontra d-diskriminazzjoni għal raġunijiet ta’ orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru f’xenarji edukattivi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-inklużjoni ta’ informazzjoni oġġettiva dwar kwistjonijiet LGBTI fil-kurrikuli tal-iskejjel; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiffaċilita t-tagħlim bejn il-pari fost l-Istati Membri fil-ġlieda kontra l-ibbuljar u l-fastidju omofobiku u transfobiku;

32.  Iħeġġeġ lill-bniet u s-subien fil-proċess edukattiv biex juru interess ugwali fis-suġġetti kollha, lil hinn mill-istereotipi bejn is-sessi, b’mod partikolari fir-rigward tas-suġġetti xjentifiċi u tekniċi, inkluż tagħlim tas-subien dwar attivitajiet meqjusa bħala femminili, f’oqsma bħalma huma x-xogħol domestiku u tal-kura, filwaqt li tinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni u r-rappreżentazzjoni ugwali fit-teħid ta’ deċiżjonijiet kollettivi u t-tmexxija tal-iskejjel, kif ukoll attivitajiet extrakurrikulari; jistieden lil dawk kollha involuti biex jiżguraw li l-finanzjament għal dawn l-attivitajiet effettivi jkun protett;

33.  Jinnota l-ħtieġa għal miżuri biex jinkoraġġixxu l-promozzjoni speċifika tan-nisa fl-oqsma tal-kultura u l-produzzjoni u t-tixrid ta’ xogħlijiet artistiċi u intellettwali, il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni mifruxa u strutturali esperjenzati min-nisa f’din l-isfera, il-promozzjoni ta’ rappreżentanza bbilanċjata ta’ nisa u rġiel f’attivitajiet artistiċi u kulturali pubbliċi, u li jiġi pprovdut appoġġ finanzjarju u jkun hemm azzjonijiet pożittivi biex jikkoreġu sitwazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza f’dawn l-oqsma;

34.  Jitlob għall-iżvilupp ta’ aċċess ugwali għal, l-użu ta’, u l-edukazzjoni dwar it-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni għall-bniet u s-subien minn edukazzjoni ta’ qabel l-iskola ‘l fuq, b’attenzjoni speċjali għat-tfal u ż-żgħażagħ minn żoni rurali, komunitajiet marġinalizzati, u dawk bi bżonnijiet speċjali, sabiex jittejjeb il-litteriżmu diġitali, jinxterdu strumenti tal-politika edukattiva effettiva u jitjieb it-taħriġ tal-għalliema sabiex jiżdied l-għadd ta’ studenti u gradwati nisa fl-oqsma tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika; f’dan il-kuntest, jilqa’ l-inizjattivi u programmi kollha li jimmiraw biex il-bniet jiġu attratti lejn dawk l-oqsma ta’ studju u karrieri korrispondenti fir-riċerka;

35.  Jenfasizza l-importanza li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri edukattivi bil-għan li jiġu rikonoxxuti, u li n-nies jiġu mgħallma dwar ir-rwol tan-nisa fl-istorja, ix-xjenza, il-politika, il-letteratura, l-arti, l-edukazzjoni, eċċ;

36.  Jitlob li jsir kull sforz biex jiġi żgurat li l-impjiegi fil-qasam tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal, l-edukazzjoni primarja u l-kura huwa promoss bħala impjieg ta’ valur kemm għan-nisa kif ukoll għall-irġiel;

37.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw jew isaħħu r-regolamenti nazzjonali bil-ħsieb li jilqgħu kontra influwenza negattiva ta' rwoli tas-sessi sterjotipati, li ġejjin minn valuri mgħoddija permezz tal-midja u r-reklamar, u li ta' spiss wisq jimminaw il-ħidma tal-iskejjel fuq dawn is-suġġetti;

38.  jappella għall-istabbiliment ta’ attivitajiet kumplimentari li jsaħħu l-programm uffiċjali fir-rigward tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-taħriġ intraprenditorjali kif ukoll għall-implimentazzjoni ta’ programmi edukattivi informali għall-edukazzjoni fuq is-sessi fil-komunitajiet permezz tal-awtoritajiet lokali;

39.  Jitlob li jingħata impetu mġedded biex tiġi akkreditata l-edukazzjoni informali bħala ċertifikat ta’ kompetenza, kif ukoll biex jiġi provdut ċertifikat ta' standard għoli ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol f’dak li għandu x’jaqsam ma’ edukazzjoni vokazzjonali, peress li dan jgħin lill-bniet u lin-nisa biex isibu impjiegi aħjar kif ukoll biex jidħlu fis-suq tax-xogħol jew jintegraw mill-ġdid fih, filwaqt li jiżgura li n-nisa jitqiesu ekwivalenti għall-irġiel f'termini ta' dinjità u kompetenza;

40.  Jitlob lill-awturi u l-edituri tal-materjal edukattiv biex isiru konxji tal-ħtieġa li l-ugwaljanza tas-sessi ssir kriterju għall-produzzjoni ta’ dawn il-materjali, u jirrakkomanda l-użu ta’ timijiet ta’ għalliema u studenti fl-iżvilupp tal-materjal edukattiv dwar l-ugwaljanza tas-sessi, u biex jintalab parir minn esperti fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi u tagħlim rispettuż tal-perspettiva tal-ġeneru;

41.  Jitlob lill-Istati Membri jħejju u jxerrdu linji gwida għall-iskejjel, in-nies li jfasslu l-politiki edukattivi, l-għalliema u l-persuni responsabbli għall-istabbiliment tal-programmi skolastiċi biex jiġu inklużi l-perspettiva tas-sessi u l-ugwaljanza tas-sessi, u li tiġi żgurata il-qirda tal-istereotipi u l-preġudizzji sessisti li jistgħu jinsabu fil-kotba edukattivi u fil-materjal edukattiv, kemm fil-kontenut kif ukoll fil-lingwa jew fl-istampi, jiġu inkoraġġiti jiġġieldu kontra s-sessiżmu fil-letteratura, iċ-ċinema, il-mużika, il-logħob, midja, reklamar u oqsma oħra li jitgħu jikkontribwixxu radikalment biex jibdlu l-attitudnijiet, l-imġiba u l-identità tal-bniet u s-subien;

42.  Jagħraf li l-għalliema għandhom rwol ewlieni fl-iffurmar ta' identitajiet edukattivi u għandhom impatt sinifikanti fuq l-aspetti ta' imġieba skont is-sessi fl-iskola; ifakkar li għad fadal ħafna xi jsir biex l-għalliema jingħataw is-setgħa fir-rigward ta' kif l-iktar jistgħu jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi; jinsisti għalhekk fuq il-bżonn li jiġi żgurat taħriġ komprensiv inizjali u kostanti dwar l-ugwaljanza għall-għalliema fil-livelli kollha tal-edukazzjoni formali u informali, inkluż tagħlim bejn il-pari u kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet esterni u aġenziji, biex ikabbru l-għarfien dwar l-impatt tar-rwoli u tal-isterjotipi tas-sessi fuq il-fiduċja tal-istudenti fihom infushom u l-għażliet tas-suġġetti tagħhom matul l-istudji tagħhom; jenfasizza li l-bniet għandu jkollhom mudelli pożittivi femminili u maskili fl-iskejjel u l-universitajiet sabiex ikunu jistgħu jidentifikaw u jagħmlu l-aħjar użu mill-potenzjal tagħhom stess mingħajr biża’ ta’ diskriminazzjoni jew ambigwità għal raġunijiet ta' ġeneru;

43.  Jenfasizza l-bżonn li jiġu integrati l-istudju u l-applikazzjoni tal-prinċipju tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel kemm f'taħriġ inizjali kif ukoll f'dak kontinwu tal-għalliema, bil-għan li jitneħħew l-ostakoli biex jintlaħaq il-potenzjal sħiħ tal-istudenti, irrispettivament mill-ġeneru;

44.  Jemmen bis-saħħa fil-potenzjal ta’ trasformazzjoni tal-edukazzjoni favur l-ugwaljanza bejn is-sessi; Jirrikonoxxi li programmi ta’ edukazzjoni formali u informali għandhom jindirizzaw u jiġġieldu kontra l-vjolenza sessista, id-diskriminazzjoni bejn is-sessi, il-fastidju, l-omofobija u t-transfobija fil-forom kollha tagħhom, inklużi forom ta’ cyberbullying, jew fastidju online; jirrikonoxxi li l-edukazzjoni għall-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa u kontra l-vjolenza sessista tiddependi minn ambjent fl-iskejjel li jkun sigur u ħieles mill-vjolenza;

45.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu organizzati inizjattivi ta’ sensibilizzazzjoni, ta’ taħriġ u ta’ integrazzjoni tal-perspettiva tas-sessi għall-partijiet interessati kollha fil-politika edukattiva u wkoll għall-ġenituri u għal min iħaddem;

46.  Jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu approċċ interġenerazzjonali għall-edukazzjoni, u jiżguraw aċċess ugwali għal edukazzjoni formali u informali billi jintegraw il-provvista ta’ kura tat-tfal bi prezz raġonevoli u ta’ kwalità fis-sistemi edukattivi tagħhom, kif ukoll kura għall-anzjani u dipendenti oħra; jistieden lill-Istati Membri biex jinvolvu ruħhom f’inizjattivi li jnaqqsu l-ispejjeż diretti u indiretti edukattivi u biex tiżdied il-kapaċità ta’ crèches u nurseries kollha, inkluż fil-qasam tal-edukazzjoni preskolari, l-iskejjel u netwerks ta’ wara l-iskola, bir-rispett dovut tal-prinċipji ta’ inklużjoni għal tfal li jgħixu fil-faqar jew f’riskju ta’ faqar; jenfasizza l-importanza ta’ dan sabiex jgħin lin-nisa u l-irġiel kollha, inklużi l-ġenituri waħedhom, il-bilanċ tal-ħajja tal-familja max-xogħol u jiggarantixxu l-parteċipazzjoni tan-nisa fit-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ filwaqt li sussegwentement jinħolqu mudelli għall-għoti ta' setgħa lill-bniet;

47.  Jenfasizza li kwalunkwe strateġija li tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti ta’ setgħa lil bniet u nisa għandha tinvolvi b’mod attiv lis-subien u lill-irġiel;

48.  Jenfasizza l-importanza tal-awtoritajiet pubbliċi li jippromwovu korsijiet u riċerka dwar is-sinifikat u l-portata tal-ugwaljanza bejn is-sessi, bħala parti minn edukazzjoni terzjarja, b’mod partikolari billi jiġu inklużi fis-sillabi suġġetti relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi, jiġu introdotti korsijiet post-lawrja speċjalizzati u t-tkomplija ta’ studji u riċerka fil-qasam;

49.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u lill-Istati Membri biex jagħmlu progress dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta’ diplomi, ċertifikati u provi oħrajn ta’ kwalifiki professjonali maħruġa fi Stati Membri differenti, u biex jikkoordinaw u jarmonizzaw ir-regoli nazzjonali dwar l-aċċess għal professjonijiet varji, sabiex nisa migranti minn ġewwa jew minn barra l-Unjoni jkunu jistgħu jsibu impjieg xieraq għat-taħriġ u l-kwalifiki tagħhom;

Investimenti, monitoraġġ u evalwazzjoni

50.  jenfasizza li l-aġenziji indipendenti jridu jimmonitorjaw u jevalwaw il-progress li jirriżulta mill-adozzjoni tal-politiki ta’ ugwaljanza bejn is-sessi fl-istabbilimenti edukattivi, kif ukoll il-ħtieġa għal komunikazzjoni kontinwa mal-awtoritajiet kompetenti dwar il-miżuri kollha meħuda u l-progress li jkun sar f’dan il-qasam, u li l-perspettiva tal-ġeneru għandha ssir malajr element ta’ evalwazzjoni interna u esterna tal-istabbilimenti edukattivi;

51.  Jenfasizza r-rwol importanti ta’ kooperazzjoni fost il-korpi amministrattivi differenti ta’ edukazzjoni u ta' skambji ta’ prattika tajba f’termini ta’ żvilupp ta’ proġetti u programmi biex tiġi promossa sensibilizzazzjoni dwar il-prinċipji ta’ ko-edukazzjoni u ugwaljanza sinifikanti bejn in-nisa u l-irġiel, u t-tqassim tagħhom fost il-membri tal-komunità edukattiva;

52.  Jistieden lill-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) biex ikompli l-ħidma tiegħu dwar it-tqegħid flimkien ta' data diżaggregata komparabbli skont il-ġeneru u tabelli ta’ valutazzjoni fl-oqsma kollha ta’ politika, inkluż fil-qasam tal-edukazzjoni, u jtenni l-importanza li jitwettqu studji dwar l-impatt ta’ politiki edukattivi biex jindirizzaw l-inugwaljanzi bejn is-sessi, li jiġu pprovduti strumenti kwalitattivi u kwantitattivi għall-valutazzjoni ta’ dan l-impatt, u wara strateġija baġitarja bbażata fuq is-sessi sabiex tiġi promossa kemm l-aċċess u d-dritt għal riżorsi edukattivi;

53.  Jirrikonoxxi li huwa ta’ importanza fundamentali li jiġi valutat l-impatt ta’ leġiżlazzjoni futura dwar l-edukazzjoni fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi u, fejn meħtieġ, li jiġu riveduti liġijiet eżistenti f’konformità ma’ dan il-prinċipju;

54.  Jenfasizza li l-monitoraġġ tal-proċess tal-implimentazzjoni tal-programmi tal-ugwaljanza tas-sessi u l-evalwazzjoni tal-implimentazzjoni tagħhom għandhom jiġu żgurati miċ-ċentri ta’ riċerka edukattiva f’kooperazzjoni mill-qrib ma’ esperti fil-kwistjonijiet tas-sessi, l-organizzazzjonijiet maħluqa mill-Unjoni Ewropea u l-awtoritajiet lokali; Jitlob li jkun hemm ġbir ta' data diżaggregata skont is-sessi kwantitattiva u kwalitattiva mill-Istati Membri u l-Kummissjoni;

55.  Jissuġġerixxi l-ħolqien ta’ Premju Ewropew annwali għall-ugwaljanza tas-sessi għall-istabbilimenti edukattivi li kellhom suċċess fl-ilħiq ta' dan l-objettiv u jħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħmlu l-istess fil-livell nazzjonali;

56.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitfasslu pjanijiet ta’ azzjoni u jiġu allokati riżorsi għall-implimentazzjoni ta’ proġetti edukattivi speċifiċi kif ukoll strutturi edukattivi sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mal-ġeneru, jirrakkomanda l-użu ta’ strumenti Ewropej disponibbli għal dan l-għan, jiġifieri l-pjan ta’ investiment, il-programm Orizzont 2020, u l-fondi strutturali tal-UE, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew;

o
o   o

57.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0074.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0050.
(3) https://europa.eu/eyd2015/en/eu-european-parliament/posts/every-girl-and-woman-has-right-education


ŻEE-Svizzera: Ostakli fir-rigward tal-implimentazzjoni sħiħa tas-suq intern
PDF 450kWORD 103k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Settembru 2015 dwar iż-ŻEE-Svizzera: Ostakoli fir-rigward tal-implimentazzjoni sħiħa tas-suq intern (2015/2061(INI))
P8_TA(2015)0313A8-0244/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles tat-22 ta' Lulju 1972 bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-21 ta' Ġunju 1999 bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, u b'mod partikolari l-Anness I tiegħu dwar il-moviment liberu tal-persuni u l-Anness III dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-25 ta' Ġunju 2009 bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar is-simplifikazzjoni tal-kontrolli u tal-formalitajiet fir-rigward tat-trasport ta' oġġetti kif ukoll dwar miżuri doganali ta' sigurtà,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-21 ta' Ġunju 1999 bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar ir-rikonoxximent reċiproku fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim tal-21 ta' Ġunju 1999 bejn il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar ċerti aspetti tal-akkwist pubbliku mill-gvern,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll tas-27 ta' Mejju 2008 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea f'isem il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-waħda, u l-Konfederazzjoni Żvizzera, min-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni rigward il-parteċipazzjoni, bħala partijiet kontraenti, tar-Repubblika tal-Bulgarija u tar-Rumanija wara l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll tas-26 ta' Ottubru 2004 għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha fuq naħa, u l-Konfederazzjoni Żvizzera fuq in-naħa l-oħra, dwar il-moviment liberu tal-persuni, rigward il-parteċipazzjoni, bħala partijiet kontraenti, tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta' Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta' Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka skont l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar is-servizzi fis-suq intern (id-"Direttiva tas-Servizzi")(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar iż-ŻEE-Żvizzera: Ostakli fir-rigward tal-implimentazzjoni sħiħa tas-suq intern(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2014 dwar ir-Rapport ta' Progress tal-2012 dwar l-Iżlanda u l-prospettivi postelettorali(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-governanza tas-Suq Uniku fil-qafas tas-Semestru Ewropew 2015(5),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-21 ta' Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2014 dwar suq uniku estiż omoġenju u r-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi terzi tal-Ewropa tal-Punent,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill taż-ŻEE fit-42 laqgħa tiegħu tad-19 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2012 dwar reviżjoni tal-funzjonament taż-Żona Ekonomika Ewropea (SWD(2012)0425),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2012 dwar ir-relazzjonijiet tal-UE mal-Prinċipalità ta' Andorra, il-Prinċipalità ta' Monako u r-Repubblika ta' San Marino — Opzjonijiet għal Integrazzjoni Eqreb mal-UE (COM(2012)0680),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni tat-18 ta' Novembru 2013 dwar ir-Relazzjonijiet tal-UE mal-Prinċipalità ta' Andorra, il-Prinċipalità ta' Monako u r-Repubblika ta' San Marino: Opzjonijiet għall-parteċipazzjoni tagħhom fis-Suq Intern,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Funzjonament tal-Ftehim taż-ŻEE fl-2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea tat-30 ta' Mejju 2013 dwar il-futur taż-ŻEE u r-relazzjonijiet tal-UE mal-pajjiżi ta' daqs żgħir u l-Iżvizzera,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea tas-26 ta' Marzu 2014 dwar il-governanza tas-suq uniku,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea tas-17 ta' Marzu 2015 dwar il-politika industrijali fl-Ewropa,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kumitat Parlamentari Konġunt taż-Żona Ekonomika Ewropea tas-17 ta' Marzu 2015 dwar is-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment u l-implikazzjonijiet possibbli tagħha għall-Istati EFTA taż-ŻEE,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Politika Barranija Żvizzera tal-14 ta' Jannar 2015,

–  wara li kkunsidra l-35 Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern tal-Istati EFTA taż-ŻEE,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u b'mod partikolari l-Artikolu 217 li jagħti d-dritt lill-Unjoni li tikkonkludi ftehimiet internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0244/2015),

A.  billi l-erba' Stati Membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Iżvizzera) huma sħab kummerċjali ewlenin tal-Unjoni Ewropea (UE), filwaqt li l-Iżvizzera u n-Norveġja huma, rispettivament, ir-raba' u l-ħames sħab kummerċjali l-aktar importanti f'sens ta' volum;

B.  billi r-relazzjonijiet bejn l-UE u tliet Stati Membri tal-EFTA (l-Iżlanda, il-Liechtenstein u n-Norveġja) huma bbażati fuq iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE), li tipprovdi għal parteċipazzjoni fis-suq intern, bil-Ftehim ŻEE mmaniġġjat u mmonitorjat f'qafas istituzzjonalizzat sew;

C.  billi l-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-Ftehim ŻEE kienet ikkontestata b'vot popolari fl-1992 u għalhekk ir-relazzjonijiet bejn l-Iżvizzera u l-UE huma attwalment ibbażati fuq iżjed minn 100 ftehim settorjali li jipprovdu għal grad estensiv ta' integrazzjoni;

D.  billi suq uniku li jiffunzjona tajjeb u effikaċi, ibbażat fuq ekonomija tas-suq soċjali ferm kompetittiva, huwa meħtieġ biex jagħti spinta lit-tkabbir u lill-kompetittività u biex joħloq l-impjiegi ħalli jagħti l-ħajja mill-ġdid lill-ekonomija Ewropea, iżda l-leġiżlazzjoni tas-suq uniku għandha tiġi trasposta, implimentata u infurzata kif xieraq sabiex jittieħdu l-benefiċċji kollha tagħha fl-Istati Membri tal-UE u fl-Istati EFTA taż-ŻEE;

Introduzzjoni

1.  Iqis il-Ftehim taż-ŻEE bħala fattur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku u l-iżjed strument estensiv u komprensiv li jestendi s-suq uniku għal pajjiżi terzi; jemmen li meta jittieħed kont tal-iżviluppi interni fl-UE, ġie ppruvat li huwa ftehim sod, effiċjenti u li jiffunzjona tajjeb filwaqt li jiżgura l-integrità tas-suq uniku anke fuq terminu twil;

2.  Jirrikonoxxi li r-relazzjonijiet b'saħħithom bejn l-UE, il-pajjiżi EFTA taż-ŻEE u l-Iżvizzera jmorru lil hinn mill-integrazzjoni ekonomika u l-estensjoni tas-suq uniku, u jikkontribwixxu għall-istabbiltà u l-prosperità għall-benefiċċju taċ-ċittadini u n-negozji kollha, inklużi l-SMEs; jissottolinja l-importanza li jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi u jiġu ġġenerati impjiegi ġodda;

Implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Uniku: il-pajjiżi EFTA taż-ŻEE

3.  Jinnota bi tħassib li skont it-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern tal-Istati EFTA taż-ŻEE, id-defiċit medju attwali fit-traspożizzjoni tat-tliet Stati EFTA żdied għal 2 % minn 1,9 % f'Lulju 2014;

4.  Jilqa' l-isforzi konsiderevoli li saru fir-rigward tat-titjib tal-inkorporazzjoni rapida tal-Acquis rilevanti fil-Ftehim taż-ŻEE kif ukoll il-Ftehim reċenti dwar il-prinċipji għall-inkorporazzjoni tar-Regolamenti tal-UE li jistabbilixxu l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej fil-qasam tas-servizzi finanzjarji;

5.  Jirrimarka li l-Istati EFTA taż-ŻEE huma involuti f'ħafna programmi u aġenziji tal-UE u f'miżuri ta' kooperazzjoni prattika, bħas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern jew is-SOLVIT, u jikkontribwixxu għall-koeżjoni tal-UE permezz tal-Mekkaniżmu Finanzjarju taż-ŻEE u tan-Norveġja; iqis li din il-kooperazzjoni trawwem il-funzjonament effikaċi ta' suq uniku mkabbar; jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati EFTA taż-ŻEE jkomplu jiżviluppaw l-għodod ta' prevenzjoni u t-tweġibiet għal theddid possibbli bil-ħsieb li jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija;

6.  Iqis li l-implimentazzjoni fil-ħin u kemm jista' jkun possibbli b'mod simultanju tal-leġiżlazzjoni rilevanti tas-suq uniku mill-Istati EFTA taż-ŻEE hija essenzjali u li dan il-proċess jista' jittejjeb u jiġi aċċellerat iżjed;

7.  Jenfasizza li l-atti legali pendenti li qed jistennew l-inkorporazzjoni għadhom ta' tħassib, u għalhekk iħeġġeġ lill-Istati EFTA taż-ŻEE biex, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-UE, iżidu l-isforzi tagħhom sabiex iħarsu l-integrità tas-Suq Uniku;

8.  Jirrikonoxxi li l-ftehim minn qabel tal-Istati EFTA taż-ŻEE kollha rigward id-determinazzjoni tar-rilevanza taż-ŻEE huwa meħtieġ u li jistgħu jkunu meħtieġa adattamenti tekniċi qabel l-inkorporazzjoni; jinsab imħasseb, madankollu, li l-ħafna talbiet għal adattamenti u eċċezzjonijiet qed iwasslu għal dewmien u jistgħu jifframmentaw is-Suq Uniku; jistieden bis-saħħa lil dawn il-pajjiżi biex isibu rimedju għal din is-sitwazzjoni u jaħdmu mill-qrib mal-UE sabiex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku estiż;

9.  Jirrimarka li mill-iffirmar tal-ftehim ŻEE, l-UE rrikorriet għal żieda fl-użu tal-aġenziji; jilqa' l-fatt li l-Istati EFTA taż-ŻEE jipparteċipaw fl-operazzjonijiet ta' dawn l-aġenziji; jistieden lill-Istati EFTA taż-ŻEE u lill-Kummissjoni jkomplu jtejbu tali kooperazzjoni u parteċipazzjoni;

10.  Jirrimarka li l-UE u l-Istati Uniti tal-Amerka attwalment qegħdin jinnegozjaw ftehim komprensiv ta' kummerċ ħieles u ta' investiment; jenfasizza li, skont it-termini tal-Ftehim ŻEE, l-Istati EFTA taż-ŻEE japplikaw regoli tas-suq uniku u li l-impatt ta' sħubija b'suċċess ta' kummerċ u ta' investiment probabbilment se jaffettwa wkoll l-Istati EFTA taż-ŻEE; jenfasizza wkoll li l-konklużjoni tat-TTIP ma għandhiex twassal għall-ħolqien ta' ostakli għall-kummerċ ġodda bejn l-UE u l-Istati EFTA taż-ŻEE;

Il-Prinċipalità tal-Liechtenstein

11.  Huwa mħasseb li d-defiċit fit-traspożizzjoni tal-Liechtenstein żdied minn 0,7 % għal 1,2 %; jinsab imħasseb, ukoll, dwar il-fatt li l-leġiżlazzjoni tiegħu li tikkonċerna d-drittijiet għad-dħul u r-residenza ta' ċerti membri tal-familja ta' ċittadini taż-ŻEE u r-restrizzjonijiet imposti fuq iċ-ċittadini taż-ŻEE li joqogħdu fil-Liechtenstein milli jsibu impjieg fi Stat ieħor taż-ŻEE, li l-Liechtenstein iqis bħala arranġament ibbażat fuq regoli speċjali dwar il-kwoti skont il-Ftehim ŻEE, ma tidhirx li hija kompletament konformi mad-dritt taż-ŻEE;

Ir-Repubblika tal-Iżlanda

12.  Jieħu nota tal-ittra tat-12 ta' Marzu 2015 mibgħuta mill-Gvern Iżlandaż dwar il-pożizzjoni tiegħu bħala pajjiż kandidat għas-sħubija fl-UE; iħeġġeġ bil-qawwa lill-Iżlanda żżid l-isforzi tagħha biex tissodisfa l-obbligi tagħha skont il-Ftehim taż-ŻEE meta tqis li għandha defiċit fit-traspożizzjoni ta' 2,8 %, li huwa l-ogħla fost l-Istati kollha kkonċernati; iħeġġeġ lill-UE u lill-Iżlanda jkomplu jsaħħu l-kooperazzjoni inter alia dwar it-tħejjija għad-diżastri fiż-żona tal-Atlantiku tat-Tramuntana u jallokaw riżorsi biex jiġu affaċċjati l-isfidi relatati;

Ir-Renju tan-Norveġja

13.  Jilqa' l-fatt li n-Norveġja, li magħha ssaħħew ir-rabtiet matul is-snin li għaddew, hija parti mill-inizjattiva Frontrunners, li għandha l-għan li ttejjeb is-suq uniku; jinnota, madankollu, li d-defiċit fit-traspożizzjoni żdied għal 2 % u jħeġġeġ lin-Norveġja żżid l-isforzi tagħha f'dan ir-rigward b'mod partikolari bil-ħsieb li jitlesta s-suq intern tal-enerġija; iħeġġeġ l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni inter alia dwar il-politika dwar l-enerġija; jirrimarka li għad hemm kwistjonijiet ta' dazji miżjuda tal-importazzjoni fuq ċerti prodotti li jeħtieġ jiġu vvalutati;

Il-Prinċipalità ta' Andorra, il-Prinċipalità ta' Monako, ir-Repubblika ta' San Marino

14.  Jirrikonoxxi li relazzjonijiet iżjed mill-qrib jistgħu jwasslu għal benefiċċji reċiproċi b'mod partikolari f'livelli reġjonali u lokali fir-reġjuni tal-viċinat tal-UE, u għalhekk jilqa' l-ftuħ tan-negozjati dwar il-ftehimiet ta' assoċjazzjoni bħala pass sinifikanti 'l quddiem fir-rigward tal-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq uniku u possibbilment f'oqsma lil hinn, filwaqt li jittieħed kont tan-natura partikolari ta' dawn il-pajjiżi;

Implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Uniku: il-Konfederazzjoni Żvizzera

15.  Ifaħħar ir-relazzjonijiet b'saħħithom, li kontinwament jiffjorixxu u dejjiema bejn l-UE u l-Iżvizzera, li kkontribwixxew għall-paċi, il-prosperità u t-tkabbir fl-Ewropa matul id-deċennji li għaddew; jinsab konvint li dawn ir-relazzjonijiet jistgħu jiġu approfonditi għall-benefiċċju taż-żewġ partijiet billi jiġu riveduti b'mod komprensiv il-ftehimiet settorjali f'konformità sħiħa mal-prinċipji fundamentali tal-UE u jistgħu jestendu l-elementi komuni u l-interessi reċiproċi numerużi;

16.  Jilqa' f'dan il-kuntest il-ftuħ tan-negozjati f'Mejju 2014 għal qafas istituzzjonali bħala prekundizzjoni għall-iżvilupp ulterjuri ta' approċċ bilaterali; jenfasizza li mingħajr ftehim qafas bħal dan, ma jista' jiġi konkluż l-ebda ftehim ieħor dwar il-parteċipazzjoni Żvizzera fis-suq intern; iħeġġeġ lill-Gvern Żvizzeru jżid l-isforzi tiegħu biex jipprogressa n-negozjati dwar il-kwistjonijiet pendenti;

17.  Jinnota l-eżitu tal-inizjattiva popolari tad-9 ta' Frar 2014 imsejħa "Kontra l-Immigrazzjoni tal-Massa" u d-deċiżjonijiet meħuda fil-11 ta' Frar 2015 mill-Kunsill Federali Żvizzeru fir-rigward tal-implimentazzjoni tiegħu ta' abbozz ta' liġi ta' implimentazzjoni u miżuri ġodda ta' sostenn; jirrimarka li dawn il-miżuri jmorru kontra l-obbligi li jirriżultaw mill-Ftehim dwar il-Moviment Liberu tal-Persuni (FMPA) u jistenna li l-Iżvizzera tirrispetta dawn l-obbligi; jirrimarka li l-kwistjoni tal-migrazzjoni taċ-ċittadini minn pajjiżi terzi m'għandhiex tiġi konfuża mal-moviment liberu tal-persuni kif minqux fit-Trattati; jenfasizza li l-miżuri unilaterali meħuda mill-Iżvizzera sabiex tiġi evitata diskriminazzjoni kontra ċittadini Kroati ma jissostitwixxux ir-ratifika tal-Protokoll li jestendi l-FMPA biex jinkludi l-Kroazja, u li jekk jiġi rratifikat dak il-Protokoll se titwitta t-triq biex l-involviment tal-Iżvizzera fil-programm Orizzont 2020 jitkompla u jiġi estiż wara l-2016 ħalli jiġi ppromoss l-aċċess tar-riċerkaturi għall-finanzjament mill-Orizzont 2020; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-Iżvizzera u mal-Istati Membri biex isibu soluzzjoni sodisfaċenti li tirrispetta d-dispożizzjonijiet tal-ftehimiet ikkonċernati filwaqt li jkun hemm aderenza mal-istat tad-dritt;

18.  Itenni mill-ġdid li l-moviment liberu tal-persuni huwa waħda mil-libertajiet fundamentali u pilastru tas-suq uniku u li dejjem kien parti inseparabbli minn u prekundizzjoni għall-approċċ bilaterali bejn l-UE u l-Iżvizzera; għalhekk jappoġġja bis-sħiħ iċ-ċaħda tal-UE ta' Lulju 2014 għat-talba tal-Awtoritajiet Żvizzeri biex jinnegozjaw mill-ġdid l-FMPA bil-ħsieb li jintroduċu kwota jew sistema ta' preferenza nazzjonali; jinnota bi tħassib rapporti dwar l-applikazzjoni ta' xi impriżi u distretti awtonomi ta' sistema ta' preferenza nazzjonali, u jirrimarka li tali prattika hija kuntrarja għall-Ftehim dwar il-libertà ta' moviment;

19.  Jinnota li r-restrizzjonijiet għall-moviment liberu tal-persuni kif meħtieġa bir-referendum fl-Iżvizzera jirriskjaw joħolqu żbilanċ u jxekklu l-benefiċċji tal-ftehimiet għall-Istati Membri tal-UE;

20.  Jinnota li l-Iżvizzera introduċiet arranġamenti tranżizzjonali wara s-sospensjoni tan-negozjati dwar il-parteċipazzjoni tal-Iżvizzera fil-programm Erasmus+; huwa mħasseb dwar il-fatt li dawn il-miżuri x'aktarx se jkollhom impatt fuq il-movimenti tal-istudenti tal-edukazzjoni għolja bejn l-UE u l-Iżvizzera; jistieden lill-Iżvizzera u l-UE jagħmlu kull sforz biex jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti għall-parteċipazzjoni tagħhom fil-programm Erasmus+, sabiex tiġi żgurata r-reċiproċità tal-iskambji filwaqt li ż-żgħażagħ ma jiġux ippenalizzati;

21.  Iħeġġeġ biex il-prattika attwali fejn impriżi tat-taksis mill-Istati Membri tal-UE jistgħu jipprovdu servizzi fl-Iżvizzera mingħajr resrizzjoni għandha titkompla, peress li ilha tikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku fir-reġjuni Żvizzeri tal-fruntiera u hija ta' benefiċċju reċiproku;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tiskrutinizza aktar mill-qrib l-implikazzjonijiet tax-xiri u tal-kiri tal-art minn bdiewa Żvizzeri fir-reġjuni tal-UE tal-fruntiera;

23.  Jiddeplora l-introduzzjoni u l-konsolidazzjoni sussegwenti ta' miżuri ta' protezzjoni unilaterali mill-Iżvizzera fil-kuntest tal-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni, bħall-impożizzjoni ta' tariffi biex jiġu koperti l-ispejjeż amministrattivi, ir-rekwiżit biex jingħataw garanziji bankarji jew taħlita ta' dawn il-miżuri, peress li dawn qegħdin serjament ixekklu l-provvista ta' servizzi fl-Iżvizzera taħt dan il-ftehim, b'mod partikolari mill-SMEs; jistieden lill-Iżvizzera tirrevedi dawn il-miżuri sabiex iġġibhom konformi mal-ftehim dwar il-libertà ta' moviment;

24.  Huwa tal-fehma li l-implimentazzjoni fl-2013 tad-Direttiva 2005/36/KE dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali kienet tardiva ferm u jitlob l-inkorporazzjoni rapida tad-Direttiva 2013/55/UE fl-Anness tal-ftehim dwar il-libertà ta' moviment fl-aspettattiva li l-Iżvizzera ser issib modi kif tiżgura li l-ftehim jibqa' fis-seħħ; jinnota li l-Anness II għall-Ftehim dwar il-moviment liberu tal-persuni ġie reċentement aġġornat bil-għan li jiżgura koordinazzjoni aktar effikaċi tas-sistemi tas-sigurtà soċjali tal-UE u tal-Iżvizzera; jistieden lill-Iżvizzera tkompli timplimenta d-dritt tal-UE kif meħtieġa tagħmel;

25.  Huwa tal-fehma li r-reċiproċità u l-korrettezza bejn iż-ŻEE u l-Iżvizzerra huma meħtieġa fir-rigward tal-użu tagħhom tas-suq uniku;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni, biex fil-futur, tikkunsidra l-implikazzjonijiet kollha għar-reġjuni tal-UE fil-fruntiera mal-Iżvizzera tal-introduzzjoni ta' regoli ġodda, bħall-emenda reċenti tal-Artikolu 561 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93 li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali Komunitarju, li tfittex li jiġu imposti restrizzjonijiet stretti fuq l-użu għal skopijiet privati minn impjegati residenti fit-territorju doganali tal-UE ta' karozzi tal-kumpanija rreġistrati f'pajjiż terz;

27.  Jinnota li f'termini ġenerali, il-kooperazzjoni skont il-Ftehim dwar ir-rikonoxximent reċiproku fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità (MRA) hi sodisfaċenti, iżda l-funzjonament tal-ftehim jista' jiġi mtejjeb b'mod sostanzjali jekk l-Iżvizzera kellha twiegħed li taġġornah b'mod konsistenti f'konformità mal-iżviluppi fid-dritt tal-UE;

28.  Jitlob li jitneħħew l-ostakli għall-mobilità professjonali tranfruntiera biex is-suq intern jiġi approfondit; jenfasizza, għal dan l-iskop, dwar l-importanza tal-promozzjoni tat-tagħlim tal-lingwi u l-għoti ta' informazzjoni aħjar u ta' appoġġ prattiku lill-persuni li qed ifittxu x-xogħol, partikolarment permezz tan-netwerk EURES, fl-Iżvizzera u l-pajjiżi kollha taż-ŻEE; jilqa', għalhekk, l-involviment attiv tal-Iżvizzera fl-attivitajiet tan-netwerk EURES partikolarment fir-reġjuni transfruntiera; jistieden lill-Iżvizzera tkompli tibni s-servizzi transnazzjonali u transfruntiera EURES tagħha, f'konformità mar-Regolament attwali EURES, bil-ħsieb li tissaħħaħ il-mobilità tal-ħaddiema u li jinħoloq suq tal-impjiegi integrat b'mod ġenwin bejn l-UE u l-Iżvizzera; bil-ħsieb li tissaħħaħ il-mobilità tal-ħaddiema, iħeġġeġ ukoll sforzi biex tiġi identifikata firxa wiesgħa ta' industriji emerġenti u setturi ta' tkabbir ewlenin li fihom il-pajjiżi taż-ŻEE, l-Iżvizzera u l-Istati Membri għandhom jiffukaw fuq l-iżvilupp tal-ħiliet tagħhom, sabiex iqabblu aħjar il-ħiliet u l-kwalifiki mal-provvista u d-domanda;

o
o   o

29.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.
(2) ĠU L 354, 28.12.2013, p. 132.
(3) ĠU C 308 E, 20.10.2011, p. 18.
(4) Testi adottati, P7_TA(2014)0041.
(5) Testi adottati, P8_TA(2015)0069.

Avviż legali