Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2522(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0085/2016

Dibattiti :

PV 21/01/2016 - 12.1
CRE 21/01/2016 - 12.1

Votazzjonijiet :

PV 21/01/2016 - 14.1

Testi adottati :

P8_TA(2016)0022

Testi adottati
PDF 254kWORD 68k
Il-Ħamis, 21 ta' Jannar 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Ċittadini tal-UE taħt detenzjoni fl-Indja, b'mod partikolari baħħara Estonjani u tar-Renju Unit
P8_TA(2016)0022RC-B8-0085/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-21 ta' Jannar 2016 dwar baħħara Estonjani u tar-Renju Unit detenuti fl-Indja (2016/2522(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi (ICCPR), b'mod partikolari l-Artikoli 9, 10 u 14 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-12 ta' Ottubru 2013 l-ekwipaġġ ta' 35 persuna (inklużi 14-il Estonjan u 6 Brittaniċi, kif ukoll Indjani u Ukreni) tal-bastiment privat MV Seaman Guard Ohio, li jtajjar il-bandiera tas-Sierra Leone u bbażat fl-Istati Uniti, kien arrestat fl-istat tat-Tamil Nadu (l-Indja) u akkużat b'pussess illegali ta' armi fl-ilmijiet tal-Indja;

B.  billi l-ekwipaġġ apparentement kien fuq missjoni kontra l-pirati, ma wettaq l-ebda att aggressiv kontra ċittadini Indjani u b'mod konsistenti ċaħad li wettaq imġiba ħażina;

C.  billi l-akkużi twaqqgħu immedjatament wara imma l-awtoritajiet Indjani appellaw u l-Qorti Suprema ordnat li jsir il-proċess; billi l-irġiel ma setgħux iħallu l-Indja jew jaħdmu matul dak il-perjodu;

D.  billi kienu involuti trattativi b'mod estensiv u regolari fl-ogħla livelli bejn l-awtoritajiet tal-Indja u l-kontropartijiet Brittaniċi u Estonjani tagħhom, inkluż f'livell ministerjali kif ukoll tal-Prim Ministri; billi dan inkluda talba għar-ritorn bikri tal-14-il Estonjan u s-sitt Brittaniċi minn fost l-ekwipaġġ, filwaqt li nġibdet l-attenzjoni għat-tbatija finanzjarja tal-familji tagħhom u s-sofferenza mentali;

E.  billi fit-12 ta' Jannar 2016 kull wieħed mill-35 baħri u gwardji ingħata s-sentenza massima ta' 5 snin "ħabs iebes" u mmultat 3,000 rupee (40 EUR); billi l-irġiel issa jinsabu fil-ħabs ta' Palayamkottai, fit-Tamil Nadu; billi huma qed jikkunsidraw li jressqu appell kontra s-sentenzi fi żmien preskritt ta' 90 jum;

F.  billi din il-bidla fil-ġrajjiet qajmet stagħġib u biża' minn diversi nħawi;

1.  Jirrispetta s-sovranità u l-ġuriżdizzjoni tal-Indja fuq it-territorju tagħha u jirrikonoxxi l-integrità tas-sistema legali tal-Indja;

2.  Jikkondividi t-tħassib u sensittività fundati sew tal-Indja abbażi tal-esperjenza reċenti fir-rigward tat-terroriżmu;

3.  Jinsab konxju li l-persunal involut kien irrapportat impenjat fuq ħidma kontra l-pirati u li t-timijiet tal-protezzjoni abbord urew li kienu l-miżura unika l-iktar effettiva kontra l-piraterija u li jistħoqqilhom l-appoġġ tal-komunità internazzjonali, inkluż tal-Indja;

4.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Indja jiżguraw li l-każ tal-ekwipaġġ tal-MV Seaman Guard Ohio jiġi trattat fuq bażi ta' rispett sħiħ għad-drittijiet tal-bniedem u legali tal-konvenuti, bi qbil mal-obbligi mniżżla f'diversi karti tad-drittijiet tal-bniedem, trattati u konvenzjonijiet li l-Indja ffirmat għalihom;

5.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Indja biex jużaw att ta' simpatija f'dan il-każ, ħalli jsolvu l-proċedimenti legali malajr kemm jista' jkun, u biex jeħilsu l-persunal kollu kkonċernat sakemm jingħalqu l-proċessi ġudizzjarji sabiex jimminimizzaw l-effetti ħżiena fuq dawk involuti u l-familji tagħhom;

6.  Jirrakkomanda li l-Indja tikkunsidra li tiffirma d-Dokument ta' Montreux tat-18 ta' Settembru 2008 li, inter alia, jiddefinixxi kif id-dritt internazzjonali japplika għall-attivitajiet ta' kumpaniji militari u tas-sigurtà privati (PMSCs);

7.  Jenfasizza r-relazzjonijiet fit-tul u eċċellenti li jeżistu bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha u l-Indja; iħeġġeġ lill-Indja u l-pajjiżi Ewropej ikkonċernati biex jiżguraw li dan l-inċident ma jitħalliex jaffettwa b'mod negattiv relazzjonijiet usa'; jenfasizza l-importanza ta' relazzjoni ekonomika, politika u strateġika mill-qrib bejn l-Indja u l-Istati Membri tal-UE kif ukoll l-UE;

8.  Jistieden lill-UE u lill-Indja jżidu l-kooperazzjoni f'materji ta' sigurtà marittima u ta' kontra l-piraterija, inkluż permezz tal-iżvilupp tad-duttrina internazzjonali u ta' proċeduri ta' operat standard, sabiex jisfruttaw b'mod sħiħ il-potenzjal offrut mir-rwol tal-Indja fir-reġjun; jemmen bis-sħiħ, barra minn hekk, li dan se jikkontribwixxi biex jiġu evitati milli jseħħu każijiet kontenzjużi simili fil-futur;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, u lill-Gvernijiet u lill-Parlament tal-Indja.

Avviż legali