Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2548(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0134/2016

Testi mressqa :

B8-0134/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0039

Testi adottati
PDF 271kWORD 76k
L-Erbgħa, 3 ta' Frar 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Oġġezzjoni skont l-Artikolu 106: Awtorizzazzjoni tal-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87708 x MON 89788
P8_TA(2016)0039B8-0134/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87708 × MON 89788 (MON-877Ø8-9 × MON-89788-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D042682 – 2016/2548(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu minn, jew li jkunu prodotti minn, fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87708 × MON 89788 (MON-877Ø8-9 × MON-89788-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3) u 19(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-fatt li l-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ivvota fit-18 ta’ Novembru 2015 biex ma tingħatax opinjoni,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fit-18 ta' Ġunju 2015(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 (MON-ØØ6Ø3-6 × ACS-ZMØØ3-2) jew li jikkonsistu jew li jkunu prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fit-23 ta' Marzu 2012, Monsanto Europe S.A. ressqet applikazzjoni lill-awtorità kompetenti tan-Netherlands, skont l-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tqegħid fis-suq ta' oġġetti tal-ikel, ingredjenti tal-ikel, u għalf li fihom, li jikkonsistu jew li huma prodotti mill-fażola tas-sojja MON 87708 × MON 89788;

B.  billi fażola tas-sojja MON-877Ø8-9 × MON-89788-1 modifikata ġenetikament, kif deskritta fl-applikazzjoni, tesprimi proteini DMO li jipprovdu tolleranza għall-erbiċidi bbażati fuq id-dikamba u l-proteini CP4 EPSPS li jipprovdu toleranza għall-erbiċidi bbażati fuq il-glifosat; billi l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer – l-aġenzija speċjalizzata dwar il-kanċer tal-Organizzazzjoni Dinjija dwar is-Saħħa – ikklassifikat il-glisofat bħala aktarx karċinoġenu għall-bniedem fl-20 ta' Marzu 2015(5);

C.  billi l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni ttieħed vot dwaru fil-Kumitat Permanenti fit-18 ta' Novembru 2015, mingħajr ma ngħatat ebda opinjoni;

D.  billi fit-22 ta' April 2015 il-Kummissjoni, fil-memorandum spjegattiv tal-proposta leġiżlattiva tagħha li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, ikkundannat il-fatt li, sa mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, ġew adottati deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni mill-Kummissjoni, bi qbil mal-leġiżlazzjoni applikabbli, mingħajr l-appoġġ tal-opinjonijiet tal-kumitati tal-Istati Membri u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għal deċiżjoni finali, fatt li kien verament eċċezzjoni għall-proċedura kollha kemm hi, kien sar ir-regola għal teħid ta' deċiżjonijiet dwar ikel modifikat ġenetikamant (MĠ) u għal awtorizzazzjonijiet dwar l-għalf;

E.  billi l-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ġiet rifjutata mill-Parlament fit-28 ta' Ottubru 2015(6) minħabba li, filwaqt li l-kultivazzjoni bilfors trid titwettaq fit-territorju ta' Stat Membru, il-kummerċ ta' OMĠ imur lil hinn mill-fruntieri, li jfisser li projbizzjoni fuq bażi nazzjonali ta' 'bejgħ u użu' kif propost mill-Kummissjoni tkun impossibbli li tiġi infurzata mingħajr ma jerġgħu jiddaħlu l-kontrolli fuq l-importazzjonijiet fil-fruntieri; billi l-Parlament irrifjuta l-proposta leġiżlattiva li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u stieden lill-Kummissjoni tirtira l-proposta tagħha u tressaq waħda ġdida;

1.  Iqis li l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konsistenti mad-dritt tal-Unjoni, jiġifieri mhuwiex kumpatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u r-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), li, f'konformità mal-prinċipji ġenerali mniżżla fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8), hu li jipprovdi l-bażi ta' livell għoli ta' protezzjoni għall-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumatur fir-rigward ta' ikel u għalf modifikat ġenetikament, filwaqt li jiġi żgurat l-operat effettiv tas-Suq Intern;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva ġdida fuq il-bażi tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 filwaqt li tqis it-tħassib nazzjonali espress b'mod frekwenti li ma jirrelatax biss ma' kwistjonijiet assoċjati mas-sikurezza ta' OMĠ għas-saħħa u l-ambjent;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
(2) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(3) Opinjoni Xjentifika dwar l-applikazzjoni (EFSA-GMO-UK-2012-108) għat-tqegħid fis-suq ta' fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON 87708 × MON 89788 tolleranti għall-erbiċidi biex tintuża għall-ikel u l-għalf, għall-importazzjoni u l-ipproċessar skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003, minn Monsanto. EFSA Journal 2015;13(6):4136, 26 pp. doi. 10.2903/j.efsa.2015.4136.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0456.
(5) IARC Monographs Volume 112: evalwazzjoni ta' ħames insettiċida u erbiċida organofosfati 20 ta' Marzu 2015, http://www.iarc.fr/en/media-centre/iarcnews/pdf/MonographVolume112.pdf
(6) Testi adottati, P8_TA(2015)0379.
(7) Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).
(8) Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

Avviż legali