Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2549(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0135/2016

Testi mressqa :

B8-0135/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0040

Testi adottati
PDF 272kWORD 78k
L-Erbgħa, 3 ta' Frar 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Oġġezzjoni skont l-Artikolu 106: Awtorizzazzjoni tal-fażola tas-sojja ġenetikament modifikata MON 87705 x MON 89788
P8_TA(2016)0040B8-0135/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, qamħirrum modifikat ġenetikament MON 87705 × MON 89788 (MON-877Ø5-6 × MON-89788-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (D042681 – 2016/2549(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kummissjoni li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li jkun fihom, ikunu jikkonsistu, jew li jkunu prodotti minn, qamħirrum modifikat ġenetikament MON 87705 × MON 89788 (MON-877Ø5-6 × MON-89788-1) skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf ġenetikament modifikat(1), u b'mod partikolari l-Artikoli 7(3) u 19(3) tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta' kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta' implimentazzjoni(2),

–  wara li kkunsidra l-fatt li l-Kumitat Permanenti dwar il-Katina Alimentari u s-Saħħa tal-Annimali msemmi fl-Artikolu 35 tar- Regolament (KE) Nru 1829/2003 vvota fit-18 ta’ Novembru 2015 li ma jagħtix opinjoni,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni mogħtija mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) fis-16 ta' Lulju 2015(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 dwar id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2279 tal-4 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza t-tqegħid fis-suq ta' prodotti li fihom il-qamħirrum ġenetikament modifikat NK603 × T25 (MON-ØØ6Ø3-6 × ACS-ZMØØ3-2) jew li jikkonsistu jew li jkunu prodotti minnu skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni mressqa mill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106(2) u (3) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi fil-11 ta' Awwissu 2011, Monsanto Europe S.A. ressqet applikazzjoni lill-awtorità kompetenti tan-Netherlands, skont l-Artikoli 5 u 17 tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, għat-tqegħid fis-suq ta' oġġetti tal-ikel, ingredjenti tal-ikel, u għalf li fihom fażola tas-sojja MON 87705 × MON 89788, jew li jikkonsistu jew li jkunu prodotti minnhom;

B.  billi l-fażola tas-sojja modifikata ġenetikament MON-877Ø5-6 × MON-89788-1, kif deskritta fl-applikazzjoni, għandha espressjoni mnaqqsa ta' Δ12-desaturażi tal-aċidi grassi (FAD2) u enzimi tijoesterażi tal-proteina trasportatriċi tal-aċil tal-palmitojl (FATB), li tirriżulta f'żieda tal-aċidu olejku u fi profil tal-aċidu linolejku mnaqqas u tesprimi l-proteina CP4 EPSPS, li tagħti tolleranza lill-erbiċidi glifosati; billi l-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer – l-aġenzija tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa speċjalizzata fil-kanċer – ikklassifikat il-glifosat bħala x'aktarx karċinoġenu għall-bniedem fl-20 ta' Marzu 2015(5);

C.  billi l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni ġiet ivvutata fil-Kumitat Permanenti fit-18 ta’ Novembru 2015, mingħajr ma ta l-ebda opinjoni;

D.  billi fit-22 ta' April 2015 il-Kummissjoni, fil-memorandum ta' spjegazzjoni tal-proposta leġiżlattiva tagħha li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, iddeplorat il-fatt li, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003, id-deċiżjonijiet ta' awtorizzazzjoni kienu ġew adottati mill-Kummissjoni, b'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli, mingħajr l-appoġġ tal-opinjonijiet tal-kumitat tal-Istati Membri, u li r-ritorn tad-dossier lill-Kummissjoni għad-deċiżjoni finali, li kienet tassew l-eċċezzjoni għall-proċedura kollha, kienet saret in-norma għat-teħid tad-deċiżjonijiet dwar awtorizzazzjonijiet għal ikel u għalf ġenetikament modifikat (ĠM);

E.  billi l-proposta leġiżlattiva tat-22 ta' April 2015 li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 ġiet miċħuda mill-Parlament fit-28 ta' Ottubru 2015(6) minħabba li, għalkemm il-kultivazzjoni neċessarjament isseħħ fit-territorju ta' Stat Membru, il-kummerċ tal-OĠM hu wieħed li jaqsam il-fruntieri, li jfisser li l-proposta tal-Kummissjoni għal projbizzjoni nazzjonali fuq "il-bejgħ u l-użu" tista' tkun impossibbli li tiġi infurzata mingħajr ma jiġu introdotti mill-ġdid il-kontrolli tal-importazzjonijiet fil-fruntieri; billi l-Parlament irrifjuta l-proposta leġiżlattiva li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, u stieden lill-Kummissjoni tirtira l-proposta tagħha u tressaq waħda ġdida;

1.  Iqis li l-abbozz ta’ deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni mhuwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni, fis-sens li ma huwiex kompatibbli mal-għan tar-Regolament (KE) Nru 1829/2003 u r-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7), li huwa, b'konformità mal-prinċipji ġenerali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 178/2002 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8), li jipprovdi l-bażi biex jiġi żgurat livell għoli ta’ ħarsien tal-ħajja u s-saħħa tal-bniedem, is-saħħa u l-benessri tal-annimali, l-ambjent u l-interessi tal-konsumaturi fir-rigward ta’ ikel u għalf modifikati ġenetikament, waqt li jiżgura l-funzjonament effettiv tas-suq intern;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni tirtira l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tagħha;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva ġdida abbażi tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li temenda r-Regolament (KE) Nru 1829/2003, u li tqis it-tħassib nazzjonali li ta' spiss jiġi espress u li mhuwiex marbut biss ma' kwistjonijiet dwar kemm l-OĠM huma sikuri għas-saħħa jew għall-ambjent;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
(2) ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13.
(3) L-Opinjoni Xjentifika dwar l-applikazzjoni EFSA-GMO-NL-2011-110 minn Monsanto għat-tqegħid fis-suq tal-fażola tas-sojja modifikata ġenetikament, tolleranti għall-erbiċidi u b'kontenut ta' aċidu olejku miżjud MON 87705 x MON 89788 għall-użu għall-ikel u l-għalf, l-importazzjoni u l-ipproċessar skont ir-Regolament (KE) Nru 1829/2003. EFSA Journal 2015; 13(7):4178, 30 pp. doi:10.2903/j.efsa.2015.4178.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0456.
(5) IARC Monographs, Volum 112: evaluation of five organophosphate insecticides and herbicides, 20 ta' Marzu 2015, http://www.iarc.fr/en/media-centre/iarcnews/pdf/MonographVolume112.pdf
(6) Testi adottati, P8_TA(2015)0379.
(7) Ir-Regolament (KE) Nru 396/2005 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Frar 2005 dwar il-livelli massimi ta' residwu ta' pestiċidi fi jew fuq ikel u għalf li joriġina minn pjanti u annimali u jemenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE (ĠU L 70, 16.3.2005, p. 1).
(8) Ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta’ Jannar 2002 li jistabbilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabbilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1).

Avviż legali