Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2233(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0009/2016

Testi mressqa :

A8-0009/2016

Dibattiti :

PV 01/02/2016 - 10
CRE 01/02/2016 - 10

Votazzjonijiet :

PV 03/02/2016 - 8.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0041

Testi adottati
PDF 452kWORD 188k
L-Erbgħa, 3 ta' Frar 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni Ewropea dwar in-negozjati rigward il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA)
P8_TA(2016)0041A8-0009/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2016 li fih ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni dwar in-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA) (2015/2233(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS)(1), li daħal fis-seħħ f'Jannar tal-1995 bħala riżultat tan-negozjati taċ-Ċiklu tal-Urugwaj fil-qafas tad-WTO,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-21 ta' April 2011 tal-President tal-Kunsill għall-Kummerċ fis-Servizzi tad-WTO, l-Ambaxxatur Fernando de Mateo, lill-Kumitat tan-Negozjati Kummerċjali tiegħu rigward is-sessjoni speċjali tan-negozjati dwar il-kummerċ fis-servizzi(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni maħruġa mill-grupp "Really Good Friends of Services" (RGF) fil-5 ta' Lulju 2012(3),

–  wara li kkunsidra d-direttivi tal-UE għan-negozjati dwar il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA), adottat mill-Kunsill fit-8 ta' Marzu 2013 u li ġew deklassifikati u magħmula pubbliċi mill-Kunsill fl-10 ta' Marzu 2015(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2013 dwar il-bidu ta' negozjati dwar Ftehim Plurilaterali dwar is-Servizzi(5),

–  wara li kkunsidra l-linji gwida politiċi tal-President Juncker tal-15 ta' Lulju 2014 indirizzati lill-Kummissjoni l-ġdida u intitolati "Bidu ġdid għall-Ewropa: L-Aġenda Tiegħi għall-Impjiegi, it-Tkabbir, il-Ġustizzja u t-Tibdil Demokratiku",

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 intitolata "Kummerċ għal Kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment" (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Inizjali Definittiv tas-17 ta' Lulju 2014, imfassal għall-Kummissjoni minn Ecorys u intitolat "Valutazzjoni tal-Impatt Sostenibbli tal-Kummerċ li tappoġġa n-negozjati dwar Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA) plurilaterali"(6),

–  wara li kkunsidra d-dokumenti ta' negozjar imressqa mill-partijiet kollha tat-TiSA, b'mod partikolari dawk deklassifikati u magħmula pubbliċi mill-Kummissjoni fit-22 ta' Lulju 2014, inkluż l-offerta inizjali tal-UE(7),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Malmström tal-5 ta' Frar 2015 dwar il-mobilità tal-pazjenti fit-TiSA(8),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta UE-Stati Uniti tal-20 ta' Marzu 2015 dwar is-servizzi pubbliċi(9) fil-kuntest tan-negozjati TiSA u TTIP,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 39 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar il-protezzjoni tad-data personali, u l-Artikolu 12 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) li jippromwovu l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel bħala wieħed mill-valuri sottostanti tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 14 u 106 u l-Protokoll 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar is-servizzi ta' interess ġenerali,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-12 ta' Marzu 2003 dwar il-Ftehim Ġenerali dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (GATS) fl-ambitu tad-WTO, inkluża d-diversità kulturali(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-TUE,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 207 u 218 tat-TFUE,

–  wara li kkunsidra l-prinċipju ta' koerenza għall-iżvilupp kif iddikjarat fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni dwar id-dimensjoni lokali u reġjonali tal-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi (TiSA) (CDR 2700/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 108(4) u 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili kif ukoll tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0009/2016),

A.  billi n-negozjati tat-TiSA għandhom jilħqu livell effikaċi ta' regolamentazzjoni internazzjonali, u mhux ibaxxu r-regolamentazzjoni interna;

B.  billi, għalkemm t-TiSA fil-forma attwali u bil-membri attwali ta' negozjar tiegħu hu ftehim plurilaterali, l-ambizzjoni trid tkun li l-ftehim konkluż jilħaq massa kritika biex ikun jista' jsir ftehim multilaterali fi ħdan il-qafas tad-WTO;

C.  billi kwanlukwe ftehim kummerċjali għandu jipprovdi aktar drittijiet u jbaxxi l-prezzijiet għall-konsumaturi Ewropej, joħloq aktar impjiegi u jżid il-protezzjoni għall-ħaddiema; billi għandhom jikkontribwixxu wkoll sabiex jippromwovu l-iżvilupp sostenibbli, ir-responsabbiltà korporattiva soċjali globalment u jipprovdu l-istess kundizzjonijiet għall-kumpaniji Ewropej; billi l-politika tal-kummerċ għandha tikkontribwixxi għall-aġenda tax-xogħol diċenti tal-ILO u l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU, u tkun kompletament konformi magħhom;

D.  billi kwalunkwe ftehim kummerċjali għandu jiftaħ swieq barranin ġodda għall-kumpaniji tagħna u jkun xibka ta' sikurezza għaċ-ċittadini tagħna f'pajjiżhom; billi t-TiSA għandu jżid l-aċċess għas-swieq barranin, jippromwovi l-aqwa prassi u jsawwar il-globalizzazzjoni bil-għan li jiġi żgurat li dan jirrifletti l-valuri, il-prinċipji u l-interessi tal-UE u li jgħin lill-kumpaniji tal-UE jirnexxu fl-era tal-katini tal-valur globali; billi d-drittijiet tal-konsumatur kif ukoll l-istandards soċjali u ambjentali mhumiex ostakli kummerċjali iżda partijiet fundamentali mhux negozjabbli tal-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; billi l-politika kummerċjali tal-UE għandha tappoġġa l-objettivi ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali kif stipulat fl-Artikolu 174 tat-TFUE; billi l-forniment ta' servizzi fl-UE huwa bbażat fuq il-prinċipji ta' aċċess universali, kwalità, sikurezza, aċċess mil-lat finanzjarju u trattament ugwali li għandhom jiġu garantiti dejjem fil-bliet u r-reġjuni kollha; billi l-UE għandha tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livell internazzjonali;

E.  billi fil-kuntest tal-globalizzazzjoni, is-servizzifikazzjoni (servicification) u d-diġitalizzazzjoni, kemm tal-ekonomiji tagħna kif ukoll tal-kummerċ internazzjonali, hemm bżonn ta' azzjoni politika urġenti biex jittejbu r-regoli internazzjonali; billi l-UE għandha interess vitali fit-tisħiħ tar-regoli kummerċjali globali biex tirregola l-katini ta' forniment globali; billi s-sistema kummerċjali multilaterali tibqa' l-aktar qafas effikaċi biex jinkiseb kummerċ miftuħ u ġust fid-dinja kollha;

F.  billi t-TiSA huwa opportunità biex l-UE tikkonsolida l-pożizzjoni tagħha bħala l-ikbar esportatur dinji tas-servizzi, fejn din tirrappreżenta 25 % tal-esportazzjonijiet globali tas-servizzi u li ammontaw għal surplus kummerċjali ta' EUR 170 biljun fl-2013; billi l-valur tal-esportazzjonijiet tal-UE fis-servizzi rdoppja matul dawn l-aħħar 10 snin u laħaq valur ta' EUR 728 biljun fl-2014; billi s-servizzi jimpjegaw kważi 70 % tal-forza tax-xogħol tal-UE u jirrappreżentaw 40 % tal-valur tal-prodotti esportati mill-Ewropa; billi 90 % tal-impjiegi ġodda li ser jinħolqu fl-UE bejn l-2013 u l-2025 se jkunu xprunati mis-setturi tas-servizzi; billi dan il-ftehim għandu l-potenzjal li jagħti spinta lill-ħolqien tal-impjiegi fl-UE;

G.  billi l-kummerċ fis-servizzi huwa xprun għall-impjiegi u t-tkabbir fl-UE, li jista' jissaħħaħ permezz tat-TiSA;

H.  billi bosta swieq importanti, mhux l-inqas f'ekonomiji emerġenti, għadhom magħluqa għall-kumpaniji Ewropej; billi bosta ostakli għall-kummerċ fis-servizzi, li jekk tradotti f'tariffi ekwivalenti jammontaw għal 15 % għall-Kanada, 16 % għall-Ġappun, 25 % għall-Korea f'Isfel, 44 % għat-Turkija u 68 % għaċ-Ċina, qed ikomplu jipprevjenu lill-kumpaniji Ewropej milli jgawdu mill-benefiċċji sħaħ tal-kompetittività tagħhom; billi l-UE, fejn l-ekwivalenti tat-tariffi tar-restrizzjonijiet tas-servizzi huma biss 6 %, hija sostanzjalment aktar miftuħa minn ħafna mis-sħab tagħha; billi l-UE għandha tuża l-pożizzjoni tagħha bħala l-aktar importatur u esportatur importanti tas-servizzi biex tiżgura kundizzjonijiet ugwali permezz ta' aċċess reċiproku għas-suq u kompetizzjoni ġusta;

I.  billi l-ostakli mhux tariffarji, li bħala medja jirrappreżentaw aktar minn 50 % tal-kost tas-servizzi transkonfinali, jolqtu b'mod sproporzjonat l-impriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs), li jikkostitwixxu terz tal-fornituri ta' esportazzjoni tas-servizzi tal-UE u spiss ma jkollhomx ir-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa biex jegħlbu dawn l-ostakli; billi l-eliminazzjoni tal-ostakli bla bżonn tiffaċilita l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs sakemm dawn l-ostakoli jistgħu jitneħħew mingħajr ma jipperikolaw it-twettiq tal-objettivi tal-politika pubblika li fuqhom huma bbażati; billi għandhom jinżammu l-miżuri meħtieġa biex jintlaħqu għanijiet leġittimi tal-politika pubblika;

J.  billi l-globalizzazzjoni tal-katini tal-valur iżżid il-kontenut tal-importazzjonijiet kemm tal-produzzjoni nazzjonali kif ukoll tal-esportazzjonijiet; billi l-kummerċ fi prodotti u l-kummerċ fis-servizzi huma marbuta ma' xulxin u hemm bżonn ta' regoli globali li jirregolaw dawn il-katini tal-provvista; billi f'kuntest ta' katini ta' valur globali, l-istandards bażiċi vinkolanti internazzjonali jsiru dejjem aktar neċessarji sabiex tiġi evitata dejjem aktar ġirja ulterjuri lejn l-iktar livell baxx, kif ukoll id-dumping soċjali u ambjentali;

K.  billi l-fiduċja taċ-ċittadini fil-politika kummerċjali tal-UE għandha tissaħħaħ, u dan mhux biss billi jiġu żgurati riżultati tajba f'termini ta' impjiegi u l-ħolqien tal-ġid għaċ-ċittadini u n-negozji, iżda wkoll billi jiġi ggarantit l-ogħla livell ta' trasparenza, impenn u responsabbiltà, jinżamm djalogu kostanti mas-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili u l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u kwalunkwe parti interessata oħra rilevanti, u billi jiġu stabbiliti linji gwida ċari fin-negozjati;

L.  billi l-biċċa l-kbira tal-impenji fl-iskeda tal-UE jirreferu għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri; billi l-implimentazzjoni tal-impenji taffettwa b'mod partikolari l-gvernijiet reġjonali u lokali;

M.  billi l-protezzjoni tad-data mhijiex piż ekonomiku, iżda sors ta' tkabbir ekonomiku; billi huwa kruċjali li terġa' tinkiseb il-fiduċja fid-dinja diġitali; billi l-flussi tad-data huma indispensabbli għall-kummerċ fis-servizzi iżda m'għandhom qatt jikkompromettu l-acquis tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data u d-dritt għall-privatezza;

N.  billi l-Parlament fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2013 dwar il-bidu ta' negozjati dwar Ftehim Plurilaterali dwar is-Servizzi, talab li l-Kummissjoni "ssegwi l-intenzjoni tagħha li tħejji valutazzjoni tal-impatt fuq is-sostenibilità";

O.  billi t-TiSA se jinvolvi movimenti ta' persuni naturali bejn pajjiżi li huma partijiet fil-ftehim u f'dan ir-rigward iċ-ċittadini Ewropej kollha għandhom jiġu ttrattati b'mod ugwali fir-rigward tal-aċċess għat-territorji rispettivi tal-partijiet;

P.  billi l-Parlament jieħu d-deċiżjoni finali, permezz tal-proċedura ta' approvazzjoni, dwar ftehimiet kummerċjali u l-Membri tiegħu ser jiddeċiedu biss dwar jekk japprovawx jew jirrifjutawx it-TiSA ladarba n-negozjati jkunu ġew konklużi; billi r-ratifika f'ċerti Stati Membri tista' teħtieġ ratifika minn parlamenti reġjonali u/jew kmamar parlamentari li jirrappreżentaw il-livell reġjonali;

Q.  billi l-Parlament jirriserva d-dritt li jesprimi l-opinjoni tiegħu wara li jikkonsulta kwalunke proposta u abbozz ta' testi futuri tat-TiSA;

1.  Jindirizza lill-Kummissjoni, fil-kuntest tan-negozjati li għaddejjin dwar il-Ftehim dwar il-Kummerċ fis-Servizzi, ir-rakkomandazzjonijiet li ġejjin:

   (a) rigward il-kuntest u l-kamp ta' applikazzjoni:
   i. biex tikkunsidra n-negozjati tat-TiSA bħala pass 'il quddiem lejn ambizzjonijiet imġedda fil-livell tad-WTO bil-għan li jitnedew mill-ġdid in-negozjati għal riforma tal-GATS;
   ii. ittenni l-appoġġ tagħha favur negozjati ambizzjużi, komprensivi u bilanċjati, li għandhom joħorġu l-potenzjal mhux sfruttat ta' suq tas-servizzi globali aktar integrat, filwaqt li jevitaw id-dumping soċjali, ambjentali u ekonomiku u jiggarantixxu kompletament il-konformità mal-acquis tal-UE; issawwar u tirregola l-globalizzazzjoni u ssaħħaħ l-istandards internazzjonali, filwaqt li tiżgura legalment id-dritt li tirregola u ssegwi objettivi leġittimi tal-politika pubblika bħal dawk tas-saħħa pubblika, is-sikurezza u l-ambjent; tiżgura aċċess akbar tas-suq għall-fornituri tas-servizz Ewropej, inklużi l-SMEs, f'setturi ta' interess ewlenin, filwaqt li takkomoda konċessjonijiet speċifiċi għal setturi sensittivi, inklużi s-servizzi pubbliċi kollha; tiżgura li dawn in-negozjati jikkontribwixxu b'mod ġust u sinifikanti għall-ħolqien tal-impjiegi u t-tkabbir inklużiv, u jistabbilixxu standards ambizzjużi għall-kummerċ fis-servizzi għas-seklu 21; tirrispetta l-mudelli politiċi, soċjali u kulturali tal-UE u tal-Istati Membri, kif ukoll il-prinċipji fundamentali minquxa fit-Trattati tal-UE, inklużi dawk li jinsabu fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE bħalma huma l-ugwaljanza bejn is-sessi; tippromwovi u tħares id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-istat tad-dritt madwar id-dinja;
   iii. timmira lejn il-multilateralizzazzjoni u topponi kwalunkwe dispożizzjoni jew anness li ma jippermettux dan, li jkunu inkompatibbli mal-GATS u li ma jippermettux l-integrazzjoni futura fiss-sistema tad-WTO; taċċetta partijiet ġodda bil-kundizzjoni li dawn jaċċettaw ir-regoli u l-livell ta' ambizzjonijiet li dwarhom diġà ntlaħaq qbil; tinċentiva parteċipazzjoni usa' fit-taħditiet tan-negozjati; tinnota li kemm l-ogħla ostakli u kemm l-ogħla potenzjal tat-tkabbir rigward il-kummerċ fis-servizzi għandhom jinstabu fil-pajjiżi BRICS u MINT; tirrikonoxxi l-importanza ta' dawk il-pajjiżi għall-UE, bħala destinazzjonijiet tal-esportazzjonijiet bi klassi medja f'espansjoni, bħala sorsi ta' inputs intermedji u bħala fulkri essenzjali fil-katini tal-valur globali; twitti t-triq għall-parteċipazzjoni ta' ekonomiji emerġenti u dinamiċi impenjati u ttenni s-sostenn tagħha għat-talba taċ-Ċina biex tingħaqad man-negozjati; tiżgura l-impenn tal-parteċipanti kollha tat-TiSA għall-multilateralizzazzjoni tal-eżitu tan-negozjati; tiżgura li tingħata attenzjoni speċjali lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li fit-TiSA tinkludi d-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu IV tal-GATS;
   iv. tieħu nota li, skont il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD), is-settur tas-servizzi jirrappreżenta madwar 51 % tal-PDG fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li l-esportazzjonijiet ta' servizzi minn pajjiżi Afrikani qed jiżdiedu; tirrikonoxxi li l-kummerċ, inkluż fis-servizzi, jista' taħt ċerti kundizzjonijiet jagħti spinta lit-tkabbir inklużiv, l-iżvilupp sostenibbli, it-tnaqqis fil-faqar u l-inugwaljanza u l-ħolqien ta' impjiegi deċenti, u jista' jħeġġeġ l-innovazzjoni billi jiffaċilita l-iskambju tal-għarfien, it-teknoloġija u l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp, inkluż permezz tal-investiment barrani; issostni għalhekk li jekk il-pajjiżi li qed jiżviluppaw jitħallew jiksbu aċċess ġust għas-swieq dinjija fis-servizzi, dan jista' jsaħħaħ l-integrazzjoni ekonomika u l-aġġustament tagħhom għall-globalizzazzjoni;
   v. tirrikonoxxi li, peress li n-negozjati jsiru fuq bażi preferenzjali, il-benefiċċji tal-ftehim se jkunu limitati għall-partijiet TiSA sa ma jiġi multilateralizzat; tirrifjuta l-applikazzjoni ta' klawsola ta' trattament tan-nazzjon l-aktar iffavorit (klawsola MFN) għall-partijiet mhux TiSA sa ma jiġi multilaterizzat il-ftehim; tirrifjuta, hekk kif għamlet fil-GATS, l-inklużjoni ta' FTA fil-klawsola MFN;
   vi. tniedi mill-ġdid id-diskussjonijiet dwar is-servizzi fiċ-Ċiklu ta' Doha għall-Iżvilupp;
   vii. tiżgura sinerġiji u konsistenza bejn ftehimiet bilaterali, plurilaterali u multilaterali li qegħdin jiġu nnegozjati bħalissa, kif ukoll ma' żviluppi tas-suq uniku, speċjalment fir-rigward tas-Suq Uniku Diġitali; tiżgura koerenza bejn il-politiki interni u esterni tal-UE u tippromwovi approċċ integrat lejn l-affarijiet barranin; tirrispetta l-prinċipju ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u tħeġġeġ l-implimentazzjoni tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli li ġew adottati f'Settembru 2015;
   viii. tipproponi salvagwardji speċifiċi għat-turisti, fost ħwejjeġ oħra, sabiex it-tariffi internazzjonali tar-roaming kif ukoll it-tariffi applikati għal telefonati u messaġġi internazzjonali jsiru trasparenti, tillimita t-tariffi eċċessivi ddebitati lill-konsumaturi li jużaw il-karti ta' kreditu tagħhom barra mill-Ewropa, u biex iżżomm id-dritt tal-UE u tal-Istati Membri li joħorġu twissijiet ta' sikurezza b'rabta mad-destinazzjonijiet tat-turisti;
   ix. tinkludi klawsola ta' reviżjoni li tistabbilixxi mekkaniżmu li jipprovdi lil parti bl-opportunità li toħroġ mill-ftehim, jew li tissospendi jew treġġa' lura l-impenji dwar il-liberalizzazzjoni ta' servizz, b'mod partikolari fil-każ ta' ksur ta' standards tax-xogħol u dawk soċjali;
   x. tippubblika, mingħajr aktar dewmien, valutazzjoni tal-impatt fuq is-sostenibbiltà u taġġornaha kif xieraq ladarba jiġu finalizzati n-negozjati, filwaqt li tqis b'mod speċifiku l-impatt tat-TiSA fuq iċ-ċittadini, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-pajjiżi li qed jiżviluppaw li mhumiex jipparteċipaw fin-negozjati, kif ukoll il-qagħda soċjali u tal-impjiegi fl-UE; tagħmel valutazzjoni dettaljata u f'waqtha tal-effett tal-GATS fuq l-ekonomija Ewropea mindu daħal fis-seħħ; tinvolvi bis-sħiħ lis-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili fil-finalizzazzjoni tal-valutazzjoni tal-impatt għas-sostenibilità; titlob lis-servizzi ta' riċerka tal-Parlament jippubblikaw studju komprensiv u informattiv dwar l-ambitu u l-impatt potenzjali tan-negozjati tat-TiSA, inkluż mill-perspettiva tal-ġeneru u l-ħtieġa li jiġu indirizzati fenomeni bħas-saqaf tal-ħġieġ u d-differenza fil-pagi bejn is-sessi; twettaq kontroll tad-drittijiet fundamentali li jwasslu lill-Parlament jieħu deċiżjoni infurmata dwar jekk japprovax it-TiSA;
   xi. tiżgura li l-mekkaniżmi għar-riżoluzzjoni tat-tilwim bejn l-investitur u l-istat ma jiġux "importati" minn trattati ta' investiment bilaterali oħrajn permezz ta' klawsoli MFN;
   (b) rigward l-aċċess għas-suq:
   i. teskludi s-servizzi pubbliċi u s-servizzi awdjoviżivi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim, tadotta approċċ kawt fir-rigward tas-servizzi kulturali, mingħajr preġudizzju għall-impenji tal-UE fil-GATS; tfittex impenji ambizzjużi bejn il-partijiet, is-setturi, u l-livelli tal-gvern, b'mod partikolari l-ftuħ ulterjuri ta' swieq barranin fir-rigward tal-akkwist pubbliku, it-telekomunikazzjonijiet, it-trasport, is-servizzi finanzjarji u professjonali;
   ii. tiżgura r-reċiproċità fil-livelli kollha; tappoġġa l-użu tad-dispożizzjonijiet relatati mal-obbligi orizzontali bħala mezz biex ikun stabbilit livell komuni ta' ambizzjoni, mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u l-obbligi skont l-Artikoli XVI u XVII tal-GATS, u tieħu nota li tali rekwiżiti minimi se jiffissaw parametri ċari għall-pajjiżi interessati li jipparteċipaw; tipprovdi flessibilità għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u dawk l-inqas żviluppati, f'konformità mal-Artikolu IV tal-GATS, meta jissottoskrivu għal-livell ta' ambizzjoni ta' dan il-ftehim; tiżgura li l-ftehim ifittex li joħloq kundizzjonijiet indaqs fis-settur tas-servizzi u jiftaħ swieq ġodda għall-fornituri tas-servizzi tal-UE;
   iii. teskludi mill-impenji tal-UE l-forniment ta' servizzi ġodda li mhumiex klassifikati fis-sistema ta' klassifikazzjoni rilevanti, filwaqt li żżomm il-kapaċità li tinkludihom fi stadju aktar tard;
   iv. tiċħad l-applikazzjoni ta' klawsoli ta' sospensjoni (standstill clause) u ta' aġġustament predefinit (ratchet clause) għall-impenji kollha tal-aċċess tas-suq u ta' trattament nazzjonali u tiċħad l-applikazzjoni tagħhom għal setturi sensittivi, bħalma huma s-servizzi pubbliċi u kulturali, l-akkwist pubbliku, Modalità 4, it-trasport u s-servizzi finanzjarji; tippermetti biżżejjed flessibilità biex is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali jerġgħu jaqgħu taħt kontroll pubbliku; iżżomm id-dritt tal-UE u l-Istati Membri li jibdlu l-iskeda ta' impenji tagħhom skont il-GATS;
   v. tidħol għal impenji limitati fil-Modalità 1, b'mod partikolari fil-qasam diġitali, tas-servizzi finanzjarji u tat-trasport bit-triq, sabiex tevita arbitraġġ regolatorju u dumping soċjali; tieħu, madankollu, impenji ambizzjużi u tirrikonoxxi interessi offensivi fil-qasam tas-servizzi ta' telekomunikazzjoni bis-satellita, servizzi marittimi u ta' riassigurazzjoni; tirrikonoxxi li tali impenji jistgħu jagħtu l-frott biss f'ambjent regolat b'mod xieraq; tiżgura li l-liġi tal-UE tkun rispettata u infurzata għalkollox fil-każ ta' fornituri barranin meta kumpanija tipprovdi servizz minn barra għall-konsumaturi tal-UE, u biex tinkludi dispożizzjonijiet li jiggarantixxu aċċess faċli għal rimedju għall-konsumaturi; tidentifika b'mod parallel l-isfidi li l-konsumaturi jiffaċċjaw meta jittrattaw ma' fornituri tas-servizz stabbiliti f'pajjiżi terzi, tipprovdi gwida lill-konsumaturi dwar id-dritt li għandhom ta' rimedju f'tali ċirkostanzi u jekk hemm bżonn tipproponi miżuri konkreti;
   vi. tadotta approċċ ambizzjuż fil-Modalità 3 billi tipprova tneħħi l-ostakli għall-preżenza kummerċjali u l-istabbiliment li jimponu l-pajjiżi terzi, bħal limiti għall-preżenza ta' kapital barrani u r-rekwiżit għall-impriża konġunta, li huwa ta' rilevanza kruċjali f'termini ta' żieda fit-tkabbir tas-servizzi mogħtija permezz tal-Modalità 1 u 4, filwaqt li jinżamm il-livell attwali ta' riżervi fl-UE kollha;
   vii. tikkunsidra li l-UE għandha interess offensiv fil-mobilità esterna ta' professjonisti bi kwalifiki għoljin; tevita milli tieħu impenji ġodda lil hinn mill-GATS fir-rigward tal-mobilità interna, sa ma l-partijiet l-oħra jtejbu sostanzjalment l-offerti tagħhom; tirrikonoxxi li l-klawsola marbuta max-xogħol iżżomm l-obbligu ġuridiku biex il-fornituri tas-servizz barranin jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni soċjali u tax-xogħol tal-UE u tal-Istati Membri, kif ukoll mal-ftehimiet kollettivi; tidħol f'impenji ambizzjużi ta' Modalità 4 għal dawk il-każijiet li jsaħħu l-impenji tal-Modalità 3; iżżomm il-kapaċità li twettaq testijiet tal-ħtiġijiet ekonomiċi u tas-suq tax-xogħol fuq fornituri ta' servizzi kuntrattwali u professjonisti indipendenti;
   viii. tirrispetta d-dritt sovran tal-Istati Membri li jagħżlu liema setturi jridu jiftħu għall-kompetizzjoni barranija u sa liema punt permezz ta' limitazzjonijiet u eżenzjonijiet; tevita li tagħmel pressjoni fuq Stati Membri biex ma jeżerċitawx dan id-dritt b'mod sħiħ;
   ix. teskludi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim, f'konformità mal-Artikoli 14 u 106 tat-TFUE u mal-Protokoll 26, is-servizzi ta' interess ġenerali attwali u futuri kif ukoll is-servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali (inklużi iżda mhux limitati għall-ilma, is-saħħa, is-servizzi soċjali, is-sistemi tas-sigurtà soċjali, l-edukazzjoni, il-ġestjoni tal-iskart u t-trasport pubbliku); tiżgura li l-awtoritajiet tal-UE, nazzjonali u lokali jżommu d-dritt sħiħ li jintroduċu, jadottaw, iżommu jew jirrevokaw kwalunkwe miżura fir-rigward tal-ikkummissjonar, l-organizzazzjoni, il-finanzjament u l-forniment ta' servizzi pubbliċi; tapplika din l-esklużjoni irrispettivament minn kif jiġu fornuti u ffinanzjati s-servizzi pubbliċi; tiżgura li s-sistemi tas-sigurtà soċjali huma esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni tal-ftehim; tiċħad il-proposta dwar anness għall-mobilità tal-pazjent, li hija opposta mill-maġġoranza tal-parteċipanti tat-TiSA; tirrikonoxxi l-importanza kbira li ċ-ċittadini Ewropej jagħtu lis-servizzi pubbliċi ta' kwalità għolja li jikkontribwixxu għall-koeżjoni soċjali u territorjali;
   x. topponi r-restrizzjonijiet fuq sussidji trażversali ta' impriżi taħt l-istess awtorità lokali meta dawn jaqbżu r-restrizzjonijiet eżistenti skont il-liġi nazzjonali u tal-UE;
   xi. tfittex li tintroduċi, mingħajr preġudizzju għall-GATS, klawsola ta' riferiment (gold-standard clause) inekwivoka, li tista' tiġi inkluża fil-ftehimiet kummerċjali kollha u li tiżgura li l-klawsola tas-servizzi ta' utilità pubblika tapplika għall-modalitajiet kollha ta' forniment, kwalunkwe servizz meqjus bħala servizz pubbliku mill-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali jew reġjonali fi kwalunkwe settur u irrispettivament mill-istatus ta' monopolju tas-servizz;
   xii. tiżgura, f'konformità mal-Artikolu 167(4) TFUE u mal-Konvenzjoni tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali tal-UNESCO, permezz ta' klawsola orizzontali u legalment vinkolanti applikabbli għall-ftehim kollu, li l-partijiet jippreservaw id-dritt tagħhom li jadottaw jew iżommu kwalunkwe miżura fir-rigward tal-protezzjoni jew il-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika, irrispettivament mit-teknoloġija jew mill-pjattaforma tad-distribuzzjoni użata kemm online kif ukoll offline;
   (c) rigward ir-regoli dwar l-ekonomija diġitali:
   i. tiżgura flussi tad-data transkonfinali f'konformità mad-dritt universali għall-privatezza;
   ii. tieħu approċċ kawt fin-negozjar ta' kapitoli dwar il-protezzjoni tad-data u tal-privatezza;
   iii. tirrikonoxxi li l-protezzjoni tad-data u d-dritt għall-privatezza mhumiex ostakli għall-kummerċ, iżda drittijiet fundamentali, minquxa fl-Artikolu 39 tat-TUE u l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll fl-Artikolu 12 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem; tirrikonoxxi li livell għoli ta' fiduċja huwa essenzjali biex tiġi żviluppata ekonomija mmexxija mid-data; tiggarantixxi rispett sħiħ ta' dan id-dritt fundamentali, b'kont meħud tal-iżviluppi reċenti fl-ekonomija diġitali u f'konformità sħiħa mas-sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fir-rigward tal-Isfera ta' Sikurezza; tinkorpora dispożizzjoni komprensiva, mhux ambigwa, orizzontali, awtonoma u legalment vinkolanti, ibbażata fuq l-Artikolu XIV tal-GATS, li jeżenta kompletament il-qafas ġuridiku tal-UE eżistenti u futur għall-protezzjoni tad-data personali mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dan il-ftehim, mingħajr ebda kundizzjoni li trid tkun konsistenti ma' partijiet oħra tat-TiSA; tapplika tali dispożizzjonijiet lill-annessi l-oħra kollha tat-TiSA; tappoġġa minnufih u formalment tali proposti f'Anness għall-kummerċ elettroniku tat-TiSA; tappoġġa proposti mmirati biex jiżguraw li l-oqfsa ġuridiċi domestiċi għall-protezzjoni tal-informazzjoni personali tal-utenti jiġu applikati fuq bażi mhux diskriminatorja; tapplika d-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data stabbiliti fl-Anness dwar il-kummerċ elettroniku għall-annessi tat-TiSA l-oħrajn kollha, inkluż dwar is-servizzi finanzjarji;
   iv. tiżgura li l-fluss tad-data personali taċ-ċittadini Ewropej f'livell globali jirrispetta bis-sħiħ il-protezzjoni tad-data u r-regoli tas-sigurtà fis-seħħ fl-Ewropa; tiżgura li ċ-ċittadini jibqgħu fil-kontroll tad-data tagħhom stess; tirrifjuta, għalhekk, kull dispożizzjoni onnikomprensiva fil-qasam tal-flussi tad-data li ma jkollhiex riferiment għall-konformità meħtieġa mal-istandards tal-protezzjoni tad-data;
   v. topponi, minnufih u formalment, il-proposti tal-Istati Uniti dwar il-moviment ta' informazzjoni;
   vi. tqis li qafas ġuridiku definit b'mod ċar, u miftiehem b'mod reċiproku jiggarantixxi skambji rapidi ta' informazzjoni meta meħtieġ minħabba theddid għas-sigurtà; tiżgura li l-Artikolu XIV a tal-GATS jiġi replikat fit-test ewlieni tat-TiSA; tiżgura li l-klawsoli tas-sigurtà nazzjonali jissejsu fuq kriterji tan-neċessità xierqa; tirrifjuta, għalhekk, b'mod kategoriku, kull estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-eżenzjoni tas-sigurtà nazzjonali stabbilita fl-Artikolu XIVa tal-GATS, kif ukoll kull tip ta' backdoor fit-teknoloġiji; topponi minnufih u formalment tali proposti fit-TiSA;
   vii. tirrikonoxxi li l-innovazzjoni diġitali hija xprun tat-tkabbir ekonomiku u tal-produttività fl-ekonomija kollha; tagħraf il-ħtieġa li l-flussi tad-data huma fattur kruċjali tal-ekonomija tas-servizzi, element essenzjali fil-katina tal-valur globali tal-kumpaniji ta' manifattura tradizzjonali u kritiċi għall-iżvilupp tas-Suq Uniku Diġitali; tfittex, għalhekk, projbizzjoni komprensiva tar-rekwiżiti ta' lokalizzazzjoni furzata tad-data, u tiżgura li t-TiSA fih regoli li jgħoddu għall-ġejjieni u jipprevjeni l-frammentazzjoni fid-dinja diġitali; tikkunsidra li rekwiżiti ta' lokalizzazzjoni furzata, li ġġiegħel lill-fornituri tas-servizz jużaw l-infrastruttura lokali jew jistabbilixxu preżenza lokali bħala kundizzjoni ta' forniment ta' servizzi, jiskoraġġixxu l-investiment dirett barrani minn u lejn xi parti; tagħmel l-aħjar li tista', għaldaqstant, biex trażżan prattiki bħal dawn sa fejn huwa possibbli ġewwa u barra l-Ewropa, filwaqt li takkomoda eżenzjonijiet meħtieġa bbażati fuq għanijiet pubbliċi leġittimi bħall-protezzjoni tal-konsumatur u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali;
   viii. tiżgura li d-dispożizzjonijiet tal-ftehim finali jkunu konsistenti mal-leġiżlazzjoni eżistenti u futura fil-livell tal-UE, inkluż fir-Regolament tal-UE dwar is-suq uniku Ewropew fil-komunikazzjonijiet elettroniċi, ir-Regolament tal-Protezzjoni tad-Data Ġenerali, id-Direttiva dwar il-privatezza elettronika (id-Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjonijiet elettroniċi) u s-16-il miżura integrata fil-komunikazzjoni dwar is-Suq Uniku Diġitali; tissalvagwardja n-newtralità tan-netwerk u internet miftuħ; tiżgura li d-data personali tista' tiġi trasferita 'l barra mill-Unjoni biss jekk jiġu rispettati d-dispożizzjonijiet dwar it-trasferimenti f'pajjiżi terzi li jinsabu fil-liġijiet rigward il-protezzjoni tad-data tal-UE; tiggarantixxi b'mod partikolari li l-UE żżomm l-kapaċità tagħha li tissospendi t-trasferiment tad-data personali mill-UE lejn il-pajjiżi terzi li fihom ir-regoli tal-parti terza ma jissodisfawx l-istandards tal-adegwatezza tal-UE, il-kumpaniji ma jużawx mezzi alternattivi, bħal regoli korporattivi vinkolanti jew klawsoli kuntrattwali standard, u fejn mhumiex applikabbli d-derogi elenkati fl-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 95/46/KE; tipprevjeni prattiki ta' geoblocking u tħares il-prinċipju ta' governanza miftuħa tal-internet; tikkoopera mal-partijiet fl-isfondi adatti bil-ħsieb li jiġu adottati standards għoljin biżżejjed ta' protezzjoni tad-data;
   ix. tippromwovi kompetizzjoni bbażata fuq ir-regoli fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet, għall-benefiċċju tal-fornituri tas-servizzi u tal-konsumaturi; tindirizza l-asimmetriji regolatorji persistenti dwar is-settur tat-telekomunikazzjonijiet, billi tipprevjeni lill-partijiet milli jimponu limiti ta' kapital barrani, tistabbilixxi regoli favur il-kompetizzjoni fil-qasam tal-aċċess għall-ingrossa għan-netwerks tal-operaturi stabbiliti, tipprovdi regoli ċari u mhux diskriminatorji għall-ħruġ ta' liċenzji, tiżgura aċċess ġenwin għall-infrastrutturi tal-aħħar mil fis-swieq tal-esportazzjoni għall-fornituri tat-telekomunikazzjoni tal-UE, tiggarantixxi l-indipendenza tar-regolaturi u tappoġġa definizzjoni estensiva tas-servizzi tat-telekomunikazzjonijiet li tkopri t-tipi kollha ta' netwerks; tiżgura kundizzjonijiet indaqs għall-operaturi kollha u li kumpaniji mhux tal-UE minn swieq oligopolistiċi ma jisiltux vantaġġ mill-frammentazzjoni tas-suq tal-UE; tiggarantixxi li l-partijiet tat-TiSA jirrispettaw il-prinċipju tal-aċċess għall-internet miftuħ u mhux diskriminatorju għall-fornituri tas-servizzi u l-konsumaturi; tiggarantixxi li l-operaturi tal-UE f'pajjiżi firmatarji tat-TiSA jkollhom aċċess għas-suq ġust u simmetriku fis-servizzi tat-telekomunikazzjoni, ħieles minn kwalunkwe ostaklu mhux tariffarju u intern, inklużi rekwiżiti regolatorji, asimmetrija fl-istandards, impożizzjonijiet jew restrizzjonijiet teknoloġiċi;
   x. issostni enerġikament id-dispożizzjonijiet dwar is-servizzi tar-roaming internazzjonali u testendihom għas-sejħiet u l-messaġġi internazzjonali; iżżid l-informazzjoni disponibbli pubblikament rigward it-tariffi bl-imnut fuq perjodu qasir u tappoġġa l-limiti fuq medda twila ta' żmien bil-ħsieb li jonqsu l-prezzijiet; tiżgura li t-TiSA ma joħloq l-ebda ostakolu għall-ftehimiet bilaterali f'dan il-qasam; tippromwovi l-protezzjoni tal-konsumatur online, b'mod partikolari fil-konfront tal-messaġġi elettroniċi kummerċjali mhux mitluba;
   xi. tipprovdi għal kooperazzjoni effettiva dwar it-tassazzjoni tal-ekonomija diġitali, abbażi tax-xogħol tal-Pjattaforma għal Governanza Tajba tat-Taxxa tal-Kummissjoni, u biex tiggarantixxi, b'mod partikolari, ir-rabta bejn it-tassazzjoni u l-attività ekonomika reali ta' kumpaniji fis-settur;
   (d) rigward ir-regoli dwar il-mobilità:
   i. tiżgura li xejn mhu se jipprevjeni lill-UE u l-Istati Membri tagħha milli jżommu, itejbu u japplikaw ir-regolamenti tax-xogħol u dawk soċjali, ftehimiet kollettivi u leġiżlazzjoni dwar id-dħul ta' persuni fiżiċi, jew is-soġġorn temporanju, fl-Unjoni jew f'territorju ta' Stat Membru, inklużi dawk il-miżuri meħtieġa li jiżguraw il-moviment ordinat ta' persuni naturali bejn il-fruntieri tagħha bħal, inter alia, l-ammissjoni jew il-kundizzjonijiet għall-ammissjoni għad-dħul; tiggarantixxi, f'konformità mad-Direttiva 96/71/KE dwar l-impjieg ta' ħaddiema, li t-termini u l-kundizzjonijiet minimi ta' impjieg tal-pajjiż ospitanti huma applikabbli għal kwalunkwe fornitur tas-servizzi li jaċċessa lill-UE, illum u fil-ġejjieni; tiżgura li l-ħaddiema kollha li jidħlu fl-Ewropa, irrispettivament mill-pajjiż tal-oriġini tagħhom, igawdu mill-istess drittijiet tax-xogħol bħall-persuni nazzjonali fil-pajjiż ospitanti tagħhom u li jiġi rispettat il-prinċipju ta' paga ugwali għal xogħol ugwali; tiżgura li t-tmien konvenzjonijiet fundamentali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) rratifikati u implimentati b'mod effikaċi mill-partijiet tat-TiSA; tappella lill-partijiet kollha biex jirratifikaw u jimplimentaw l-istandards prinċipali tal-ILO u biex jippromwovu konvenzjonijiet tal-ILO u riżoluzzjonijiet tan-NU rilevanti oħrajn; tiżgura li fit-territorju tal-UE jiġu rispettati l-liġijiet tal-UE u tal-Istati Membri dwar ix-xogħol kif ukoll il-ftehimiet kollettivi; issaħħaħ il-mekkaniżmu ta' monitoraġġ u ta' infurzar tal-UE biex tiskoraġġixxi l-ksur; tħeġġeġ lill-Istati Membri jżidu r-riżorsi disponibbli għall-ispettorati tax-xogħol; tiġbor u tippreżenta b'urġenza informazzjoni dettaljata dwar l-għadd u t-tip ta' fornituri tas-servizz li bħalissa qed joperaw fl-UE skont il-Modalità 4, inkluż it-tul tal-permanenza tagħhom; tiżgura aċċess transkonfinali ħafna aktar effiċjenti għad-data fi ħdan l-UE fil-futur; tinkludi klawsola ta' sikurezza li tipprevjeni lill-kumpaniji milli jevitaw jew idgħajfu d-dritt li tittieħed azzjoni industrijali permezz tal-użu ta' ħaddiema minn pajjiżi terzi matul in-negozjati dwar ftehimiet kollettivi u tilwim industrijali, u li l-parteċipanti tat-TiSA jitħallew japplikaw kwalunkwe salvagwardja neċessarja f'każ li ssir pressjoni fuq il-pagi domestiċi, jiġi pperikolat id-dritt tal-ħaddiema domestiċi jew jinkisru xi standards oħra miftiehma, f'konformità mal-limitazzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu X tal-GATS; tħeġġeġ lill-partijiet kontraenti kollha jikkonformaw mal-linji gwida tal-OECD għall-impriżi multinazzjonali;
   ii. tfakkar li l-impenji tal-Modalità 4 għandhom japplikaw biss għall-moviment ta' professjonisti b'ħiliet għoljin, bħal persuni li jkollhom grad universitarju jew grad ta' Masters ekwivalenti, jew ikunu impjegati f'xi rwol maniġerjali għoli, għal skop speċifiku, għal perjodu limitat u f'kundizzjonijiet preċiżi stabbiliti mil-leġiżlazzjoni domestika tal-pajjiż fejn jitwettaq is-servizz u b'kuntratt li jirrispetta tali leġiżlazzjoni domestika; tappella f'dan il-kuntest li jiġi osservat u implimentat l-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-Servizzi (2006/123/EC); tirrifjuta bidliet sostanzjali għar-regoli ta' Modalità 4 kif definiti fil-GATS u biex tikkunsidra reviżjoni tad-Direttiva 2014/66/UE dwar il-kundizzjonijiet għad-dħul u r-residenza ta' persuni nazzjonali ta' pajjiż terz fil-qafas ta' trasferiment intra-azjendali;
   iii. tagħraf l-anness tal-Modalità 4 bħala interess offensiv għall-Ewropa, peress li l-professjonisti tal-UE huma edukati tajjeb u mobbli u l-kumpaniji tal-UE għandhom dejjem aktar bżonn il-ħiliet speċifiċi ta' professjonisti barranin fl-Ewropa u tal-persunal tagħhom barra l-Ewropa, sabiex jappoġġaw l-istabbilment ta' attivitajiet ta' negozju ġodda; tiżgura li din il-mobilità tkun vantaġġjuża mhux biss għall-kumpaniji Ewropej iżda wkoll għall-ħaddiema Ewropej;
   iv. topponi kwalunkwe dispożizzjoni rigward viżi u proċeduri tad-dħul oħrajn ħlief dawk immirati biex iżidu t-trasparenza u jissemplifikaw il-proċeduri amministrativi; tiżgura li t-TiSA ma japplikax għal miżuri li jaffettwaw persuni fiżiċi li jkunu qegħdin ifittxu aċċess għas-suq tax-xogħol ta' xi parti, u lanqas għal miżuri rigward iċ-ċittadinanza, ir-residenza jew l-impjieg fuq bażi permanenti; tistabbilixxi salvagwardji adegwati li jiżguraw li l-fornituri temporanji tas-servizzi jirritornaw lura f'pajjiżhom;
   v. timmira li tipprojbixxi b'mod orizzontali r-rekwiżit li tiġi stabbilita preżenza kummerċjali, jew li tkun residenti, bħala kundizzjoni għall-forniment tas-servizzi professjonali; tillimita l-kamp ta' applikazzjoni tal-anness dwar is-servizzi professjonali għal-lista ta' impenji magħmula minn kull parti;
   vi. tistinka biex toħloq qafas dwar ir-rikonoxximent reċiproku tat-taħriġ, tal-livelli akkademiċi u tal-kwalifiki professjonali, b'mod partikolari fis-setturi arkitettoniċi, kontabilistiċi u ġuridiċi, filwaqt li tiżgura l-kompetenza tal-fornitur u b'hekk il-kwalità tas-servizzi fornuti, f'konformità mad-Direttivi tal-UE dwar il-Kwalifiki Professjonali u filwaqt li tevita rikonoxximent awtomatiku u kwantitattiv tal-gradi universitarji;
   vii. titlob definizzjoni ċara tal-ħaddiema koperti mill-Anness dwar il-Modalità 4;
   (e) rigward ir-regoli dwar is-servizzi finanzjarji:
   i. tikseb ftehim li fih anness ambizzjuż iżda bbilanċjat li jkopri l-forniment tat-tipi kollha ta' servizzi finanzjarji, partikolarment is-servizzi bankarji u tal-assigurazzjoni, li jmur lil hinn mill-anness tal-GATS dwar is-Servizzi Finanzjarji u li jrawwem tkabbir sostenibbli fit-tul skont l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropa 2020; timmira li ssaħħaħ l-istabilità tas-sistema finanzjarja u l-istituzzjonijiet finanzjarji uniċi, filwaqt li tiggarantixxi konsistenza sħiħa mal-ambjent regolatorju ta' wara l-kriżi u tiggarantixxi kompetizzjoni ġusta bejn il-fornituri tas-servizzi finanzjarji; tikseb ftehim li jġib miegħu valur u protezzjoni għall-konsumaturi Ewropej fil-forma ta' konverġenza 'l fuq fir-regolamentazzjoni finanzjarja u għażla usa' ta' servizzi finanzjarji; timmira li tiżgura protezzjoni adegwata għall-konsumaturi, inkluża l-protezzjoni tad-data u d-dritt għall-privatezza kif ukoll l-għoti ta' informazzjoni li tinftiehem u korretta, li huma indispensabbli biex tonqos l-asimmetrija tal-informazzjoni;
   ii. torbot lill-partijiet tat-TiSA bl-implimentazzjoni u l-applikazzjoni ta' standards internazzjonali għar-regolamentazzjoni u s-superviżjoni tas-settur finanzjarju, bħal dawk approvati mill-G20, mill-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja, mill-Bord għall-Istabbiltà Finanzjarja, mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli u mill-Assoċjazzjoni Internazzjonali tas-Superviżuri tal-Assigurazzjoni; tieħu azzjoni sabiex l-elementi fundamentali tal-Qbil tad-WTO dwar is-Servizzi Finanzjarji jaqgħu taħt it-TiSA, filwaqt li ttejjeb l-abbozzar tal-Qbil sabiex dan jinġieb konformi mal-linji ta' politika attwali eżatti tal-UE f'dawn l-oqsma; tiżgura li t-TiSA jgħin jegħleb it-tassazzjoni doppja u bl-ebda mod ma jiffaċilita jew jiftaħ lakuni għall-frodi fiskali, l-evażjoni tat-taxxa, l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, jew il-ħasil tal-flus; tfittex li jkun hemm impenji profondi, b'mod partikolari dwar l-aċċess għas-suq, minn pajjiżi li attwalment m'għandhom l-ebda ftehim kummerċjali bilaterali mal-UE, bħall-Awstralja, in-New Zealand, Hong Kong u t-Tajwan, impenji limitati ħafna fil-livell tad-WTO, bħaċ-Ċilì u t-Turkija, jew impenji bilaterali limitati ħafna dwar is-servizzi finanzjarji, bħall-Messiku;
   iii. tinkludi konċessjoni prudenzjali fit-TiSA li tibni fuq dik li tinsab fil-ftehim CETA, biex b'hekk jinżamm id-dritt sovran ta' parti li tiddevja mill-impenji kummerċjali tagħha u tadotta kwalunkwe miżura li tqis li hi meħtieġa biex jiġu rregolati s-setturi finanzjarji u bankarji tagħha għal raġunijiet ta' prudenza u ta' superviżjoni bil-ħsieb li tiġi żgurata l-istabbiltà u l-integrità tas-sistema finanzjarja ta' parti;
   iv. tiżgura li fil-qasam tas-servizzi finanzjarji m'huwa se jittieħed l-ebda impenn ġdid li jista' jdgħajjef ir-regolament finanzjarju tal-UE, billi jġiegħel lill-UE tmur lura għall-qafas regolatorju imsaħħaħ tagħha għas-settur finanzjarju jew billi jostakolaha milli tuża l-liġi sabiex tindirizza t-teħid eċċessiv ta' riskji min-naħa ta' istituzzjonijiet finanzjarji; tiżgura li xejn minn dan il-ftehim m'huwa se jillimita l-kapaċità tar-regolaturi tal-UE li jawtorizzaw jew jiċħdu xi prodott finanzjarju attwali jew ġdid, skont il-qafas regolatorju tal-UE;
   v. filwaqt li tenfasizza l-ħtieġa li żżid l-aċċess għas-servizzi finanzjarji fuq livell dinji, fid-dawl tal-importanza tagħhom għat-tkabbir u l-ekonomija, teskludi s-servizzi finanzjarji transkonfinali mill-impenji tal-UE, inkluż il-ġestjoni tal-portafoll, sakemm ikun hemm konverġenza fir-regolament finanzjarju fl-ogħla livell, ħlief f'każijiet limitati ħafna u ġustifikati kif xieraq, bħal dawk is-servizzi ta' riassigurazzjoni pprovduti f'kuntest ta' negozju għal negozju; tqis, b'mod partikolari, li huwa indispensabbli li jkun hemm regoli u proċeduri ċari u b'saħħithom għall-awtorizzazzjoni ta' kumpaniji stabbiliti f'pajjiżi terzi biex jipprovdu tali servizzi fl-UE u, fejn xieraq, huwa indispensabbli li jkun hemm rikonoxximent espliċitu mill-UE li l-pajjiż ta' oriġini ta' dawn il-kumpaniji għandu qafas regolatorju u superviżorju infurzabbli ekwivalenti għal dak tal-UE, sabiex jiġi żgurat li l-ebda entità mingħajr superviżjoni ma tkun tista' taħdem fl-Unjoni u li jkun hemm kundizzjonijiet indaqs bejn il-kumpaniji Ewropej u barranin, irrispettivament mill-ġurisdizzjoni tal-istabbiliment tagħhom; tieħu azzjoni immedjata, b'mod parallel mat-TiSA, biex tnaqqas id-distakk bejn il-modi differenti li bihom attwalment il-pajjiżi jirrikonoxxu l-ekwivalenza tar-reġimi regolatorji u superviżorji ta' ġurisdizzjonijiet oħrajn, li bħalissa qiegħed jikkawża frammentazzjoni tas-swieq tas-servizzi finanzjarji globali, billi jintlaħaq ftehim komuni li deċiżjoni ekwivalenti għandha tkun frott valutazzjoni trasparenti dwar jekk kull regola tal-ġurisdizzjoni tiksibx l-istess objettivi u li, għalkemm tali deċiżjoni għandha ssegwi djalogi bilaterali bikrin u frekwenti, tista' tkun unilaterali meta rikonoxximent reċiproku ma jkunx possibbli;
   vi. titlob valutazzjoni tal-impatt ex-ante indipendenti u komprensiv biex tevalwa l-effetti ekonomiċi u soċjali ta' aktar liberalizzazzjoni taħt it-TiSA;
   vii. tirrikonoxxi li l-azzjoni ta' regolazzjoni mill-ġdid ta' wara l-kriżi finanzjarja għadha ma ntemmitx, inklużi r-rekwiżiti dwar ċerti forom legali, qsim (pereżempju, separazzjoni tal-bank), il-bidliet fin-negozji jew tnaqqis fin-numru ta' impjegati;
   (f) rigward ir-regoli dwar il-loġistika:
   i. tfittex riżultat ambizzjuż iżda bbilanċjat għas-settur tat-trasport, li huwa fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli tal-ktajjen tal-valur globali; iżżid il-veloċità, l-affidabbiltà, is-sigurtà u l-interoperabbiltà tas-servizzi tat-trasport, għall-benefiċċju tal-klijenti tal-impriżi u tal-utenti individwali; tiżgura konsistenza fir-rigward tal-politika tal-UE dwar il-klima; iżżomm quddiem għajnejha l-importanza tas-servizzi tat-trasport u tal-kunsinna għall-ekonomija Ewropea u għall-impjiegi billi s-sidien tal-bastimenti Ewropej jikkontrollaw 40 % tal-flotta merkantili dinjija, li l-industrija tal-avjazzjoni żżomm għaddejjin aktar minn 5 miljun impjieg u li l-industrija ferrovjarja Ewropea żżomm nofs il-produzzjoni dinjija tat-tagħmir u s-servizzi ferrovjarji u li t-trasport bit-triq jibqa' importanti għal-loġistika tal-UE; tirrikonoxxi l-potenzjal tas-servizzi ta' trasport fit-tnaqqis tal-livell ta' qgħad fl-Ewropa; tiżgura li n-negozjati jikkunsidraw in-natura li qed tevolvi malajr fis-settur tat-trasport u l-importanza dejjem akbar tal-mezzi tat-trasport tal-ekonomija kollaborattiva fil-ħajja ta' kuljum tal-Ewropej; titlob li l-kumpaniji barranin jikkonformaw bis-sħiħ ma' standards regolatorji eżistenti tal-UE meta jipprovdu s-servizzi ta' trasport jew tal-kunsinna tagħhom fit-territorju tal-UE;
   ii. timmira għal aċċess imtejjeb għas-swieq barranin u tnaqqis fil-prattiki regolatorji antikompetittivi, speċjalment dawk li huma ta' ħsara għall-ambjent u li jnaqqsu l-effiċjenza tas-servizzi tat-trasport, u dawk ir-restrizzjonijiet imposti minn pajjiżi mhux tal-UE rigward is-sjieda barranija, filwaqt li tassigura legalment id-dritt tal-awtoritajiet pubbliċi li jirregolaw it-trasport u jiggarantixxu t-trasport pubbliku; tindirizza r-restrizzjonijiet fis-settur tal-kabotaġġ u tevita li t-trasportaturi jirritornaw lura vojta mill-pajjiż ospitanti tagħhom, b'mod partikolari fl-annessi dwar it-trasport marittimu u bl-ajru;
   iii. tressaq dispożizzjonijiet immirati lejn it-tisħiħ tad-drittijiet tal-passiġġieri, b'mod partikolari fl-anness dwar it-trasport bl-ajru, kif ukoll fir-rigward tal-mezzi kollha tat-trasport biex il-Ftehim ikun ta' benefiċċju wkoll għall-konsumaturi;
   iv. tippreserva l-jeddijiet l-Istati Membri rigward ir-regolamenti nazzjonali eżistenti jew futuri u l-ftehimiet tat-trasport bit-triq bilaterali jew multilaterali, inkluż ir-rekwiżiti ta' permess ta' tranżitu; teskludi kwalunkwe dispożizzjoni li tiffaċilita d-dħul u l-permanenza ta' sewwieqa professjonisti mill-kamp ta' applikazzjoni tal-anness dwar it-trasport bit-triq; tirrifjuta kull talba li tieħu impenji ta' Modalità 4 fis-settur tat-trasport bit-triq;
   v. tiżgura konsistenza mal-istandards internazzjonali, bħal dawk approvati mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Avjazzjoni Ċivili, tikkunsidrahom bħala standards minimi u topponi kwalunkwe tnaqqis ta' dawn il-parametri ta' riferiment internazzjonali; timmira bħala objettiv fit-tul, li jkun hemm regoli kummerċjali internazzjonali vinkolanti għas-setturi tat-trasport marittimu u bl-ajru; tiżgura l-applikazzjoni tal-Konvenzjonijiet tal-ILO rilevanti għas-setturi tal-loġistika u tat-trasport, bħall-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu; tenfasizza li l-leġiżlazzjonijiet tal-UE u tal-Istati Membri jipprovdu benefiċċji għall-ħaddiema, inklużi s-sikurezza u s-sigurtà, għall-konsumaturi u l-ambjent; tissottolinja li dawk kollha li jagħtu s-servizzi fl-UE, kemm barranin kemm domestiċi, huma obbligati jikkonformaw ma' din il-leġiżlazzjoni; tirrikonoxxi li l-kwalità tas-servizzi hi marbuta b'mod intrinsiku mal-kwalità tal-impjiegi u mal-oqfsa regolatorji fis-seħħ;
   vi. tilħaq il-bilanċ it-tajjeb bejn il-liberalizzazzjoni tas-settur postali kompetittiv, li huwa kruċjali għal aktar żvilupp tas-servizzi u tal-ekonomija diġitali, u l-protezzjoni ta' servizzi postali universali, li għandhom rwol vitali fil-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali; tipprevjeni, b'hekk, sussidji inkroċjati antikompetittivi u żżid l-aċċess għal swieq ta' pajjiżi mhux tal-UE, filwaqt li jiġi żgurat it-twettiq tal-obbligi ta' servizz universali kif definit minn kull parti;
   vii. tfakkar fir-rwol kruċjali tat-trasport marittimu fl-ekonomija dinjija, kemm bħala industrija fiha nnifisha u kemm bħala faċilitatur tal-kummerċ internazzjonali; tippromwovi test ċar b'impenji b'saħħithom dwar l-iżgurar tal-aċċess għall-portijiet, kif ukoll l-aċċess għas-swieq u t-trattament nazzjonali għal servizzi ta' trasport marittimu internazzjonali;
   (g) rigward ir-regoli dwar ir-regolamentazzjoni interna u t-trasparenza:
   i. tassigura legalment id-dritt tal-awtoritajiet Ewropej, nazzjonali u lokali li jirregolaw fl-interess pubbliku b'mod li ma jkunx aktar restrittiv mill-GATS, u li ma jkunx suġġett għal testijiet tan-neċessità; tiżgura li d-dispożizzjonijiet tal-annessi mhumiex aktar restrittivi minn dawk il-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu VI tal-GATS jew fil-liġi tal-UE;
   ii. tirrikonoxxi li l-partijiet fin-negozjati jaqblu mal-istat tad-dritt u għandhom sistemi ġudizzjarji indipendenti, filwaqt li jkunu previsti rimedji biex jiggarantixxu d-drittijiet tal-investituri u taċ-ċittadini;
   iii. tippromwovi l-governanza tajba u t-trasparenza u trawwem il-prattiki tajbin fil-proċessi amministrattivi, regolatorji u leġiżlattivi, billi tinkoraġġixxi l-adozzjoni wiesgħa ta' miżuri li jsaħħu l-indipendenza tad-deċiżuri, iżżid it-trasparenza u r-responsabilità demokratika tad-deċiżjonijiet, u tnaqqas il-burokrazija żejda; tenfasizza li l-protezzjoni u s-sigurtà tal-konsumatur, tas-saħħa u tal-ambjent u d-drittijiet tax-xogħol għandhom ikunu fiċ-ċentru tal-isforzi regolatorji; tiżgura li kwalunkwe tibdil fil-livelli ta' protezzjoni regolatorja tal-UE għandu jsarraf biss f'livelli ogħla u mhux aktar baxxi;
   iv. tiżgura li s-servizz universali jiġi salvagwardat sabiex, pereżempju, in-nies li jgħixu f'reġjuni remoti, żoni tal-fruntiera jew żoni muntanjużi, jew fuq gżejjer, igawdu mill-istess livell ta' servizz u ma jħallsux aktar minn persuni li jgħixu f'żoni urbani;
   v. tirrikonoxxi li, skont id-Dispożizzjonijiet tal-GATS, anness dwar ir-regolamentazzjoni interna għandu jipprevjeni lill-partijiet milli jintroduċu ostakli għall-kummerċ moħbija u milli jimponu piżijiet żejda fuq il-kumpaniji barranin, b'mod partikolari meta japplikaw għal tipi differenti ta' permessi; tiżgura li r-regolamentazzjoni interna tkompli tissodisfa l-għanijiet tal-politika pubblika;
   vi. tiżgura li r-regoli miftiehma japplikaw biss għall-miżuri relatati mal-kummerċ, bħall-kwalifiki u r-rekwiżiti u l-proċeduri ta' ħruġ ta' liċenzji, u biss f'setturi li fihom parti tkun intrabtet b'impenji;
   vii. titlob u tippubblika opinjoni ġuridika qabel il-vot tal-Parlament dwar il-ftehim finali, bil-ħsieb li tivvaluta bir-reqqa ż-żewġ annessi dwar ir-regolamentazzjoni interna u t-trasparenza fid-dawl tad-dritt tal-UE, u tivvaluta jekk l-obbligi ġuridiċi stabbiliti f'dawn l-annessi humiex diġà rispettati fl-UE;
   viii. tiddefinixxi b'mod ċar il-prinċipji tat-trasparenza u tal-oġġettività tar-regolamentazzjoni sabiex ikun żgurat li dawn il-kunċetti ma jissarrfux f'dispożizzjonijiet onnikomprensivi;
   ix. tagħmel pubblikament disponibbli online informazzjoni dwar ir-regolamentazzjonijiet relatati mal-kummerċ u kif dawn jiġu amministrati, inklużi dawk applikabbli fil-livell subfederali; tenfasizza r-regoli dwar il-ħruġ ta' liċenzji u l-awtorizzazzjonijiet; tippromwovi speċifikament il-ħolqien ta' mekkaniżmu ta' informazzjoni ibbażat fuq l-internet għall-SMEs taħt il-forma ta' punt uniku ta' servizz, u biex l-SMEs jiġu inklużi fil-ħolqien tiegħu;
   x. tiżgura li l-ispejjeż amministrattivi għall-kumpaniji barranin ikunu ġusti u mhux diskriminatorji, li jkunu aċċessibbli kemm għall-fornituri barranin u kemm dawk nazzjonali rimedji suffiċjenti li jagħmluha possibbli li jitressaq ilment fil-qrati nazzjonali, u li s-sentenzi jinqatgħu fi żmien raġonevoli;
   xi. iżżomm il-prattika tal-UE li twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi qabel il-preżentazzjoni tal-proposti leġiżlattivi; tiżgura li r-riżultati ta' dawn il-konsultazzjonijiet ser jiġu osservati b'mod rigoruż matul in-negozjati;
   xii. topponi kwalunkwe proposta li tirrikjedi l-preżentazzjoni obbligatorja ta' proposti leġiżlattivi lill-partijiet terzi qabel il-pubblikazzjoni tagħhom; iżżomm f'moħħa li l-partijiet interessati għandhom aċċess għal riżorsi u kompetenza, u tiżgura li l-introduzzjoni ta' sistema volontarja ta' konsultazzjoni tal-partijiet interessati dwar it-TiSA ma toħloqx preferenza lejn organizzazzjonijiet finanzjati aħjar;
   (h) rigward ir-regoli li jinsabu f'dixxiplini regolatorji oħra:
   i. tirrikonoxxi li t-TiSA huwa opportunità li tiżgura kompetizzjoni skont ir-regoli, u mhux għar-regoli;
   ii. tiżgura li l-impenji maqbula b'mod reċiproku se jiġu rispettati fil-prattika, tipprevedi ritaljazzjoni effettiva u tipprovdi diżinċentivi għall-ksur ta' impenji; tinkludi għalhekk fil-ftehim mekkaniżmu ta' soluzzjoni għat-tilwim bejn stati, li għandu jintuża sa ma l-ftehim jiġi multilaterizzat u ssir disponibbli is-soluzzjoni tat-tilwim tad-WTO; tirrevedi r-Regolament (UE) Nru 654/2014 dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet tal-Unjoni għall-applikazzjoni u l-infurzar ta' regoli kummerċjali internazzjonali biex jiġi żgurat li l-UE tkun tista' tieħu miżuri ta' ritaljazzjoni fis-setturi tas-servizzi;
   iii. tiddefendi l-inklużjoni ta' anness regolatorju dwar l-akkwist pubbliku mill-gvern bil-għan li timmassimizza l-parteċipazzjoni ta' kumpaniji Ewropej f'sejħiet għall-offerti barranin, filwaqt li jinżammu l-kriterji tal-UE, inklużi kriterji soċjali u ambjentali, u proċeduri għal sejħiet għall-offerti Ewropej, b'mod partikolari fir-rigward tal-aċċess tal-SMEs għal kuntratti pubbliċi, il-kriterji tal-eliġibbiltà abbażi tal-aħjar proporzjon ''bejn il-kwalità u l-prezz'' u l-livelli limitu li taħthom ma japplikawx l-impenji; tegħleb in-nuqqas ta' trasparenza u l-ostakli għad-dħul fis-suq fir-rigward ta' sejħiet għall-offerti mhux Ewropej u tiddenunzja n-nuqqas ta' reċiproċità f'dan il-qasam fil-livelli kollha tal-gvern, kif muri mit-trattament preferenzjali mogħti lill-kumpaniji nazzjonali f'bosta pajjiżi, filwaqt li tippermetti l-possibilità li jkun hemm l-għażla għall-aċċess għas-suq u l-impenji ta' trattament nazzjonali għal raġunijiet ta' multilateralizzazzjoni; tinkoraġġixxi r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar l-Akkwist Pubbliku tad-WTO u r-reviżjoni tal-2011 tiegħu, min-naħa ta' dawk il-partijiet li għadhom m'għamlux dan; titlob lill-Unjoni Ewropea tintroduċi "Att Ewropew dwar in-Negozji" (European Business Act), imsejjes fuq l-"Att Amerikan dwar in-Negozji" (American Business Act) u jingħata appoġġ lill-iżvilupp ekonomiku tal-SMEs u l-industrija Ewropea;
   iv. tiżgura l-protezzjoni ta' fornituri tas-servizzi żgħar u medji tal-UE minn prattiki kummerċjali inġusti minn fornituri tas-servizzi minn barra l-UE;
   v. tnaqqas l-ostakli mhux neċessarji għall-kummerċ ta' servizzi relatati mal-enerġija u l-ambjent, partikolarment dawk relatati mal-iżvilupp u l-promozzjoni tal-enerġija rinnovabbli u ta' teknoloġiji ambjentalment korretti, filwaqt li tinżamm il-possibbiltà li jkun hemm riżervi dwar l-aċċess għas-suq u t-trattament nazzjonali fil-modi kollha ta' provvista f'dan il-qasam, peress li numru dejjem akbar ta' servizzi, bħall-installazzjoni, il-ġestjoni u t-tiswijiet, jinbiegħu flimkien mal-prodotti f'dawn iż-żewġ setturi; tagħraf ir-rikonoxximent espliċitu tas-sovranità ta' kull parti fuq ir-riżorsi tal-enerġija f'konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat u tiżgura legalment id-dritt tal-UE li tirregola permezz ta' titjib fid-dispożizzjonijiet ekwivalenti għall-GATS, b'mod partikolari sabiex tilħaq l-għanijiet tal-UE fir-rigward tas-sostenibbiltà, il-politika dwar il-klima, is-sigurtà u l-aċċess mil-lat finanzjarju;
   vi. tiżgura li l-impenji ta' akkwist li jmiss ma jmorrux kontra kwalunkwe liġi lokali jew nazzjonali ta' kwalunkwe parti;
   (i) rigward s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku u tad-dinja politika:
   i. tiżgura l-ogħla livell ta' trasparenza, djalogu u obbligu ta' rendikont;
   ii. iżżomm lill-Parlament Ewropew kompletament infurmat, u fuq bażi immedjata, f'kull stadju tan-negozjati; tiżgura li l-Membri kollha tal-Parlament Ewropew jirċievu d-dokumenti tan-negozjar kollha relatati mat-TiSA, kif ukoll id-dokumenti interni tal-Kummissjoni Ewropea, bħal sommarji dettaljati taċ-ċikli ta' negozjati u valutazzjonijiet bir-reqqa tal-offerti tal-partijiet tat-TiSA, bil-kundizzjoni li tkun żgurata l-kunfidenzjalità; tagħmel pubbliċi d-dokumenti ta' negozjar, bl-eċċezzjoni ta' dawk li għandhom jiġu kklassifikati b'ġustifikazzjoni ċara fuq bażi ta' każ b'każ, f'konformità mal-politika tad-WTO, il-ġurisprudenza tal-QtĠ dwar dokumenti klassifikati kif ukoll il-limitazzjonijiet stipulati fl-acquis tal-UE, b'mod partikolari fir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 dwar l-aċċess għal dokumenti;
   iii. tilqa' l-isforz sostanzjali favur it-trasparenza fil-konfront tal-pubbliku wara l-elezzjonijiet Ewropej tal-2014, inkluż il-pubblikazzjoni tal-offerti għall-aċċess tas-suq tal-UE u l-mandat mogħti mill-Kunsill; iżżid ulterjorment dawn l-isforzi billi tipprovdi skedi informattivi għal kull parti tal-ftehim li jispjegaw b'mod ċar u komprensiv, u tippubblika rapporti ta' feedback fattwali skont iċ-ċiklu fuq is-sit web Europa; tħeġġeġ l-imsieħba tagħna fin-negozjati tat-TiSA sabiex tiżdied it-trasparenza bil-għan li t-TiSA ma jiġix innegozjat taħt kundizzjonijiet inqas ċari minn dawk organizzati taħt il-patroċinju tad-WTO;
   iv. tiżgura impenn serju u kontinwu tal-istituzzjonijiet tal-UE mal-partijiet interessati rilevanti kollha matul il-proċess ta' negozjar; tappella biex dan l-impenn jiġi intensifikat hekk kif ikunu għaddejjin in-negozjati, biex b'hekk jitqiesu b'mod adegwat l-aspettattivi tas-soċjetà ċivili Ewropea, is-sħab soċjali u partijiet interessati oħrajn, inkluż fi ħdan il-qafas tad-Djalogu tas-Soċjetà Ċivili; tenfasizza li l-Istati Membri, li stabbilixxew id-direttivi ta' negozjar, għandhom rwol fundamentali x'jaqdu f'dan ir-rigward;
   v. tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jinvolvu u jikkonsultaw lill-parlamenti nazzjonali tagħhom, kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali, u jżommuhom infurmati adegwatament dwar in-negozjati li għaddejjin;
   vi. tistieden rappreżentanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, li huma rrappreżentati fil-livell tal-UE mill-Kumitat tar-Reġjuni, għad-djalogi organizzati mill-Kummissjoni fil-bidu u fit-tmiem ta' kull rawnd ta' negozjati;

2.  Jitlob li l-Kummissjoni tqis bis-sħiħ din ir-riżoluzzjoni u tirrispondi fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni tagħha;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni li fiha r-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament Ewropew lill-Kummissjoni u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Kunsill, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-amministrazzjonijiet u lill-parlamenti tal-Partijiet kollha tat-TiSA.

(1) https://www.wto.org/english/docs_e/legal_e/26-gats_01_e.htm
(2) TN/S/36
(3) http://eeas.europa.eu/delegations/wto/press_corner/all_news/news/2012/20120705_advancing_negotiations_services.htm
(4) http://www.consilium.europa.eu/en/press/press-releases/2015/03/150310-trade-services-agreement-negotiating-mandate-made-public/
(5) Testi adottati, P7_TA(2013)0325.
(6) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2014/july/tradoc_152702.pdf
(7) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2014/july/tradoc_152702.pdf
(8) http://trade.ec.europa.eu/doclib/press/index.cfm?id=1254
(9) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/march/tradoc_153264.pdf
(10) ĠU C 61 E, 10.3.2004, p. 289.

Avviż legali