Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2526(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0150/2016

Testi mressqa :

B8-0150/2016

Dibattiti :

PV 02/02/2016 - 11
CRE 02/02/2016 - 11

Votazzjonijiet :

PV 03/02/2016 - 8.9
CRE 03/02/2016 - 8.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0042

Testi adottati
PDF 268kWORD 81k
L-Erbgħa, 3 ta' Frar 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
L-Istrateġija l-Ġdida għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fl-Ewropa wara l-2015
P8_TA(2016)0042B8-0150/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-Istrateġija l-Ġdida għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fl-Ewropa wara l-2015 (2016/2526(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pekin u l-Pjattaforma għall-Azzjoni adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995, u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Pekin +5 (2005), Pekin +15 (2010) u Pekin +20 (2015),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Frar 1996 bit-titolu "L-inkorporazzjoni ta' opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel fil-politiki u fl-attivitajiet kollha tal-Komunità" (COM(1996)0067), li fiha hija impenjat ruħha li tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-attivitajiet u l-politiki kollha tagħha fil-livelli kollha, u b’hekk stabbiliet il-prinċipju tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri,

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea f'Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra rapport ta' riċerka tal-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 bit-titolu "Valutazzjoni tal-punti b’saħħithom u dgħajfa tal-istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015",

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2010 bl-isem "Impenn Imsaħħaħ għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel: Karta f'Isem il-Mara" (COM(2010)0078),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 intitolata "Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015" (COM(2010)0491),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015(1),

–  wara li kkunsidra l-analiżi tal-konsultazzjoni pubblika "L-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-UE", ippubblikata f'Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra l-"Pjan Direzzjonali: bidu ġdid biex jiġu indirizzati l-isfidi għal bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol li jiffaċċjaw il-familji li jaħdmu" l-ġdid, pakkett bi proposti leġislattivi u mhux leġislattivi ppubblikat mill-Kummissjoni f'Awwissu 2015,

–  wara li kkunsidra l-eżitu tal-laqgħa tal-Kumitat Konsultattiv tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel tas-26 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tal-3 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2016-2019" (SWD(2015)0278)),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-laqgħa tal-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO) tas-7 ta' Diċembru 2015, b'mod partikolari l-paragrafu 35 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-grupp ta' tliet Presidenzi tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi tas-7 ta' Diċembru 2015 min-Netherlands, is-Slovakkja u Malta,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar l-istrateġija l-ġdida għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-Ewropa wara l-2015 (O-000006/2016 – B8-0103/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija valur ċentrali tal-UE – kif rikonoxxut fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali – li l-UE impenjat ruħha biex tintegra fl-attivitajiet kollha tagħha, u billi l-ugwaljanza bejn is-sessi hija essenzjali bħala objettiv strateġiku, biex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali ta' Ewropa 2020 ta' tkabbir, impjiegi u inklużjoni soċjali;

B.  billi d-dritt għal trattament ugwali huwa dritt fundamentali deċiżiv li huwa rikonoxxut fit-Trattati tal-Unjoni Ewropea u li huwa fermament stabbilit fis-soċjetà Ewropea, u billi huwa essenzjali għall-iżvilupp ulterjuri ta' din is-soċjetà u għandu japplika fil-leġiżlazzjoni, fil-prattika, fil-ġurisprudenza u fil-ħajja ta' klujum;

C.  billi l-UE minn dejjem ħadet passi importanti biex issaħħaħ id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, iżda billi l-azzjoni politika u r-riforma għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livell tal-UE naqqsu l-pass tagħhom matul l-aħħar għaxar snin; billi l-istrateġija ta' qabel tal-Kummissjoni għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel għall- 2010-2015 ma kinitx biżżejjed komprensiva biex tikkontribwixxi għall-ugwaljanza bejn is-sessi fil-livell Ewropew u internazzjonali, u billi l-objettivi ppjanati tagħha ma ġewx effettivament sodisfatti; billi strateġija ġdida għal wara l-2015 jeħtiġilha tagħti spinta ġdida u twassal għal azzjoni konkreta biex id-drittijiet tan-nisa jissaħħu u tiġi promossa l-ugwaljanza bejn is-sessi;

D.  billi l-valutazzjoni tal-Istrateġija 2010-2015, u tal-pożizzjonijiet tal-partijiet interessati, stabbiliti f'rapport ta' riċerka tal-Kummissjoni bit-titolu "Il-valutazzjoni tal-punti b'saħħithom u dgħajfa tal-istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015" tissottolinja l-ħtieġa li jissaħħaħ aktar l-approċċ strateġiku adottat fl-2010;

E.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 il-Parlament talab b'mod ċar li tiġi żviluppata strateġija ġdida u separata għal wara l-2015 għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel u d-drittijiet tan-nisa; billi r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika juru li 90 % ta' dawk li wieġbu huma favur strateġija ġdida;

F.  billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill EPSCO tas-7 ta' Diċembru 2015 (paragrafu 35) jistiednu lill-Kummissjoni "tadotta, bħala komunikazzjoni, strateġija ġdida għall-ugwaljanza bejn is-sessi wara l-2015"; billi fid-dikjarazzjoni tiegħu tas-7 ta' Diċembru 2015 il-Grupp ta' Tliet Presidenzi tal-UE impenjati biex jgħaddu abbozz ta' konklużjonijiet tal-Kunsill lill-Kunsill EPSCO dwar l-istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn is-sessi wara l- 2015;

1.  Ifakkar li l-Kummissjoni hija marbuta bl-Artikolu 2 TUE u bil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali biex tieħu azzjoni favur l-ugwaljanza bejn is-sessi;

2.  Jinnota li fl-imgħoddi l-Kummissjoni approvat b'mod ċar Komunikazzjoni ċara, trasparenti leġittima u pubblika dwar Strateġija għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel, approvata mill-istituzzjonijiet kollha tal-UE, fl-ogħla livell politiku;

3.  Iqis li hija ħasra li l-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2016, ippubblikat f'Novembru 2015, ma għamel ebda referenza speċifika għall-Istrateġija tal-UE għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi wara l-2015; jiddeplora l-fatt li fit-3 ta' Diċembru 2015 il-Kummissjoni ppubblikat biss dokument ta' ħidma tal-persunal intitolat "Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019", u b'hekk mhux biss naqqset il-livell ta' dokument intern, iżda wkoll illimitat it-tul ta' żmien tal-azzjoni tagħha;

4.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ppubblikat il-"Pjan Direzzjonali: bidu ġdid biex jiġu indirizzati l-isfidi għal bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol li jiffaċċjaw il-familji li jaħdmu" tagħha, pakkett bi proposti leġislattivi u mhux leġislattivi, f'Awwissu 2015;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jieħdu responsabilità sħiħa biex itejbu l-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' trattament ugwali u opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel fil-livell nazzjonali;

6.  Jiddeplora l-fatt li, fis-7 ta' Diċembru 2015, il-Kunsill EPSCO ma setax jaqbel fuq pożizzjoni uffiċjali dwar diversi kwistjonijiet favur l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluża "d-Direttiva dwar in-Nisa fil-Bordijiet" li l-Parlament ilu jistenna żmien twil;

7.  Jilqa' l-approċċ tal-Kummissjoni kif stabbilit fid-dokument ta' ħidma tal-persunal tagħha, imsemmi hawn fuq, dwar impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi, iżda jiddeplora n-nuqqas ta' punti ta' riferiment konkreti u ta' baġit speċifiku, li mingħajru la jista' jiġi kkalkolat u lanqas ma jista' jinkiseb progress fuq il-miri u l-indikaturi;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex terġa' tikkunsidra d-deċiżjoni tagħha u tadotta Komunikazzjoni dwar Strateġija Ġdida għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Drittijiet tan-Nisa għall-2016-2020 li tindirizza kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi, u tkun konformi mal-aġenda internazzjonali, jiġifieri d-dokument dwar l-eżiti ta' Pekin +20 tal-2015 u l-qafas il-ġdid intitolat "L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Għoti tas-Setgħa lin-Nisa: Nittrasformaw Ħajjet il-Bniet u n-Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE (2016-2020)";

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkoopera mal-Parlament u l-Kunsill, u jappella għal summit tal-UE dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi u d-drittijiet tan-nisa bil-ħsieb li jiġi identifikat il-progress li sar u biex jittieħdu impenji mġedda fil-qafas tal-laqgħa li jmiss tal-Kunsill EPSCO f'Marzu 2016;

10.  Ifakkar li l-implimentazzjoni tal-liġi tal-UE u l-għodod ta' politika għandhom jikkonformaw mal-prinċipji ta' sussidjarjetà u "valur miżjud", li mhux dejjem huma meħtieġa regoli uniformi għall-funzjonament prattiku u kompetittiv tas-suq intern, u li l-Kummissjoni jeħtiġilha tqis il-piż amministrattiv li jirriżulta mill-proposti leġiżlattivi tagħha u l-kuntesti u l-prattiki kulturali diversi fi Stati Membri differenti;

11.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0218.

Avviż legali