Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2128(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0026/2016

Testi mressqa :

A8-0026/2016

Dibattiti :

PV 07/03/2016 - 15
CRE 07/03/2016 - 15

Votazzjonijiet :

PV 08/03/2016 - 6.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0071

Testi adottati
PDF 510kWORD 172k
It-Tlieta, 8 ta' Marzu 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Rapport Annwali 2014 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE - Ġlieda kontra l-frodi
P8_TA(2016)0071A8-0026/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Marzu 2016 dwar ir-Rapport Annwali 2014 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE – Ġlieda kontra l-frodi (2015/2128(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 325(5) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu dwar ir-rapporti annwali preċedenti tal-Kummissjoni u tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-31 ta' Lulju 2015 intitolat "Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Rapport Annwali tal-2014 tal-ġlieda kontra l-frodi" (COM(2015)0386) u d-dokumenti ta' ħidma tal-persunal li jakkumpanjawh (SWD(2015)0151, SWD(2015)0152, SWD(2015)0153, SWD(2015)0154, SWD(2015)0155 u SWD(2015)0156),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali 2014 tal-OLAF,

–  wara li kkunsidra r-Rapport ta' Attività tal-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF għas-sena 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Ottubru 2015, intitolata "Protezzjoni tal-Baġit tal-UE sa tmiem l-2014" (COM(2015)0503),

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta' Settembru 2015 intitolata "Il-ġlieda kontra l-korruzzjoni fl-UE: jiġi indirizzat it-tħassib tan-negozji u tas-soċjetà ċivili" (CCMI/132),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-3 ta' Frar 2014 intitolat "Rapport tal-UE kontra l-korruzzjoni" (COM(2014)0038),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 250/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 li jistabbilixxi programm għall-promozzjoni ta' attivitajiet fil-qasam tal-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea (il-programm Hercule III) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 804/2004/KE(1),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Kunsill tas-17 ta' Lulju 2013 dwar it-twaqqif tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (COM(2013)0534),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999(2),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2012 dwar il-ġlieda kontra l-frodi li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (COM(2012)0363),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Settembru 2011 dwar l-isforzi tal-UE biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni(4), id-dikjarazzjoni tiegħu tat-18 ta' Mejju 2010 dwar l-isforzi tal-Unjoni biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni(5) u l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Ġunju 2011 intitolata "Nissieltu kontra l-Korruzzjoni fl-UE" (COM(2011)0308),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-2015 dwar id-diskrepanza fil-VAT li ġie kkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rapport speċjali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-akkwisti pubbliċi fin-nefqa ta' koeżjoni tal-UE,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea fil-Kawża C-105/14 - Taricco et,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Kumitat għall-Ġustizzja u l-Intern u l-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0026/2016),

A.  billi l-Istati Membri u l-Kummissjoni għandhom responsabilità komuni għall-implimentazzjoni ta' madwar 80 % tal-baġit tal-Unjoni; billi l-Istati Membri huma primarjament responsabbli għall-ġbir tar-riżorsi proprji, inter alia fil-forma ta' VAT u dazji doganali;

B.  billi nefqa pubblika bil-għaqal u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE għandhom ikunu elementi ewlenin tal-politika tal-UE intiżi biex isaħħu l-fiduċja taċ-ċittadini billi jiżguraw li flushom qed jintużaw b'mod korrett, effiċjenti u effikaċi; billi din il-ġestjoni finanzjarja tajba għandha tintrabat ma' approċċ li 'jagħmel l-aħjar użu minn kull Euro disponibbli';

C.  billi l-kisba ta' prestazzjoni tajba tinvolvi l-inputs, l-outputs, ir-riżultati u l-impatti li jiġu evalwati regolarment permezz ta' awditi tal-prestazzjoni;

D.  billi d-diversità fis-sistemi legali u amministrattivi fl-Istati Membri tirrappreżenta ambjent diffiċli fejn jiġu megħluba l-irregolaritajiet u tiġi miġġielda l-frodi, u billi l-Kummissjoni għaldaqstant għandha żżid l-isforzi tagħha biex tiżgura li l-ġlieda kontra l-frodi tiġi implimentata b'mod effettiv u tipproduċi riżultati aktar tanġibbli u aktar sodisfaċenti;

E.  billi l-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) għandu r-responsabbiltà li jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni billi jinvestiga l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra; billi l-Kumitat ta' Sorveljanza tiegħu ġie stabbilit sabiex isaħħaħ u jiggarantixxi l-indipendenza tal-OLAF permezz tal-monitoraġġ regolari tal-implimentazzjoni tal-funzjoni investigattiva tiegħu; billi, b'mod partikolari, il-Kumitat Superviżorju jimmonitorja l-iżviluppi dwar l-applikazzjoni ta' garanziji proċedurali u t-tul ta' tali investigazzjonijiet fid-dawl tal-informazzjoni pprovduta mid-Direttur Ġenerali f'konformità mal-Artikolu 7(8) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013;

F.  billi l-korruzzjoni taffettwa lill-Istati Membri kollha u tiswa lill-ekonomija tal-UE madwar EUR 120 biljun fis-sena, kif imsemmi fl-ewwel rapport tal-Kummissjoni dwar il-politika tal-Unjoni Ewropea kontra l-korruzzjoni li ġie ppubblikat fi Frar 2014;

G.  billi l-korruzzjoni tista' tgħin il-finanzjament tal-attivitajiet ta' netwerks ta' kriminalità organizzata jew terroriżmu fl-Ewropa; billi l-korruzzjoni timmina wkoll il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istituzzjonijiet u l-proċessi demokratiċi;

H.  billi flimkien mal-kunċett taċ-ċivilizzazzjoni bbażat fuq prinċipji etiċi stabbiliti fl-istat tad-dritt, il-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni tikkontribwixxi għall-kompetittività tal-Unjoni fl-ekonomija globali;

1.  Jieħu nota tar-rapport tal-Kummissjoni intitolat "Il-Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea – Rapport Annwali tal-2014 tal-ġlieda kontra l-frodi"; jitlob li l-Kummissjoni, fir-rapporti annwali tagħha dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE (rapporti PIF), twieġeb għat-talbiet tal-Parlament b'mod aktar f'waqtu;

Identifikazzjoni u rappurtar ta' irregolaritajiet

2.  Jinnota li l-irregolaritajiet kollha rrapportati jinvolvu ammont totali ta' madwar EUR 3,24 biljun; jenfasizza li l-impatt finanzjarju globali tal-irregolaritajiet mhux frodulenti rrapportati fl-2014 huwa 36 % ogħla minn dak irrapportat fl-2013, filwaqt li n-numru ta' tali irregolaritajiet żdied bi 48 %; jenfasizza li EUR 2,27 biljun tal-irregolaritajiet irrappurtati huma marbuta mal-infiq, li jirrappreżenta 1,8 % tat-total ta' pagamenti;

3.  Jenfasizza li 1 649 irregolarità minn total ta' 16 473 irrapportati lill-Kummissjoni fl-2014 kienu frodulenti, u li dawn jinvolvu ammont ta' EUR 538,2 miljuni; jinnota li irregolaritajiet frodulenti relatati man-nefqa involvew EUR 362 miljun, li jirrappreżentaw 0,26 % tat-total tal-pagamenti, u li dawk relatati ma' dħul involvew EUR 176,2 miljun, li jirrappreżentaw 0,88 % tal-ammont gross ta' riżorsi proprji tradizzjonali (RPT) miġbur fl-2014;

4.  Jenfasizza li l-impatt finanzjarju globali tal-irregolaritajiet mhux frodulenti rrapportati fl-2014 huwa 47 % ogħla minn dak irrapportat fl-2013, filwaqt li n-numru ta' tali irregolaritajiet naqas b'5 %; jinnota wkoll li l-irregolaritajiet mhux frodulenti relatati mal-infiq affettwaw 1,54 % tal-pagamenti totali, u li dawk relatati mad-dħul laqtu 3,66 % tar-RPT miġbura fl-2014;

5.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni terfa' r-responsabilità sħiħa għall-irkupru tal-fondi mħallsin indebitament mill-baġit tal-UE, kif ukoll biex tiġbor b'mod aħjar ir-riżorsi proprji, u biex tistabbilixxi prinċipji ta' rapportar uniformi fl-Istati Membri kollha bil-għan li tinġabar data relevanti, komparabbli u preċiża;

6.  Jenfasizza li l-irregolaritajiet mhux frodulenti spiss huma marbuta ma' għarfien insuffiċjenti ta' regoli u rekwiżiti kumplessi; jemmen li s-simplifikazzjoni tar-regoli u l-proċeduri mill-Istati Membri u l-Kummissjoni se tnaqqas l-għadd ta' tali irregolaritajiet; iqis li l-ġlieda kontra l-irregolaritajiet, inkluża l-frodi, tirrikjedi s-sensibilizzazzjoni fost il-korpi istituzzjonali kollha fil-livelli Ewropej, nazzjonali, reġjonali u lokali u fost il-pubbliku ġenerali; jinnota li l-istabbiliment ta' kultura li tiffaċilita l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-frodi huwa ta' importanza vitali fl-istituzzjonijiet u l-korpi kollha involuti fl-implimentazzjoni tal-Fondi u jistieden lill-Istati Membri jħeġġu l-iskambju ta' prattiki tajba;

7.  Ifakkar li, bl-għan li l-finanzi jinġiebu fuq bażi aktar sostenibbli, l-Istati Membri huma involuti fi proċess li għadu għaddej ta' konsolidazzjoni u trażżin fiskali, u jemmen bis-sħiħ li r-riżorsi disponibbli kollha huma meħtieġa għall-investiment fl-Istati Membri bl-għan li jiġi stimulat tkabbir ekonomiku sostenibbli; jemmen li għandhom jittieħdu l-miżuri neċessarji kollha biex tiġi evitata u titwaqqaf kwalunkwe attività frodulenti fil-qasam tal-politika kummerċjali u l-approprjazzjonijiet assoċjati magħha, billi jiġu kkombinati l-istrumenti tal-politiki rilevanti kollha (bħall-investigazzjonijiet kriminali, l-iżvilupp ta' mudelli affidabbli ta' analiżi, u sforzi biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet u l-fallimenti relatati ma' politika difettuża tal-Kummissjoni); jistieden lill-Istati Membri jagħmlu sforz akbar biex jiżguraw li flus mill-baġit tal-UE jintużaw b'mod korrett għal proġetti li jikkontribwixxu għat-tkabbir u l-impjiegi fl-Ewropa, u għall-irkupru ta' dejn doganali wara li jinstab li kien hemm frodi; jenfasizza, b'mod aktar ġenerali, li l-ġlieda kontra l-kummerċ illeċitu u l-flussi finanzjarji illeċiti għandha tibqa' prijorità għolja għall-UE kif ukoll għall-Istati Membri;

8.  Jilqa' l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' strateġija pluriennali ta' kontra l-frodi li qed tgħin biex jiġu kkoreġuti d-differenzi sinifikanti fil-għadd ta' irregolaritajiet notifikati minn kull Stat Membru;

Dħul ‒ Riżorsi proprji

9.  Jinnota bi tħassib li l-ammont ta' RPT affettwati minn frodi fl-2014 kien 191 % ogħla milli kien fl-2013, u li l-ammont affettwat minn irregolaritajiet mhux frodulenti kien 146 % ogħla fl-2014 milli kien fis-sena ta' qabel;

10.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li r-rata medja ta' rkupru tal-RPT għal kull Stat Membru, kemm tal-irregolaritajiet frodulenti u dawk mhux frodulenti, għall-2014 hija ta' 24 %, li storikament hi l-aktar baxxa li qatt kienet; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirkupraw l-ammonti dovuti aktar malajr, u, b'mod partikolari, iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri li għandhom bżonn jirkupraw l-akbar ammonti biex itejbu l-irkupru tagħhom;

11.  Hu mħasseb dwar id-diskrepanza fil-VAT u t-telf stmat mill-ġbir tal-VAT li fl-2013 ammontaw għal EUR 168 biljun; jenfasizza l-fatt li fi 13 mis-26 Stat Membru eżaminati fl-2014, il-valur medju stmat ta' telf tal-VAT kien ta' aktar minn 15,2 %; jirrimarka li l-Kummissjoni m'għandhiex aċċess għall-informazzjoni skambjata bejn l-Istati Membri bil-għan li tipprevjeni u tiġġieled kontra l-hekk imsejħa frodi karusell; jistieden lill-Istati Membri kollha jipparteċipaw f'kull wieħed mill-oqsma ta' attività tal-Eurofisc sabiex jiġi ffaċilitat l-iskambju ta' informazzjoni bil-għan li tiġi megħjuna l-ġlieda kontra l-frodi; itenni li l-Kummissjoni għandha l-awtorità li tikkontrolla u tissorvelja l-miżuri meħuda mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel użu sħiħ mis-setgħat eżekuttivi tagħha biex tikkontrolla u tgħin lill-Istati Membri fil-ġlieda tagħhom kontra l-frodi tal-VAT u l-evitar tat-taxxa; jieħu nota li, sa mill-2013, il-Kummissjoni qed tuża l-Mekkaniżmu ta' Reazzjoni Rapida biex tindirizza r-rata għolja ħafna u f'daqqa ta' frodi tal-VAT;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa mekkaniżmu li jħeġġeġ l-kumpaniji jħallsu taxxi regolari minflok jevitawhom;

13.  Jinnota n-numru dejjem jikber ta' ċentri ta' koordinazzjoni appoġġjati mill-Eurojust u l-Europol; jilqa' b'sodisfazzjon ir-riżultati ta' operazzjonijiet transkonfinali Vertigo 2 u 3 u l-kooperazzjoni effiċjenti bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u ġudizzjarji fil-Ġermanja, il-Polonja, in-Netherlands, ir-Renju Unit, il-Belġju, Spanja, ir-Repubblika Ċeka u l-Isvizzera, li wassal għal newtralizzazzjoni ta' netwerks kriminali responsabbli li ffrodaw madwar EUR 320 miljun fi dħul fiskali, inkluża l-VAT;

14.  Jesprimi tħassib fir-rigward ta' kontrolli doganali u l-ġbir relatat tad-dazji tad-dwana, li huma waħda mir-riżorsi proprji fil-baġit tal-UE; jinnota li huma l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri li jwettqu spezzjonijiet biex jivverifikaw li l-importaturi jkunu konformi mar-regoli dwar it-tariffi u l-importazzjoni, u jenfasizza li l-Qorti tal-Awdituri sabet li l-kwalità tal-ispezzjonijiet tvarja minn Stat Membru għal ieħor; jistieden lill-Kummissjoni taġġorna l-Gwida għall-Awditjar Doganali, ippubblikata fl-2014, sabiex jiġu eliminati n-nuqqasijiet identifikati mill-Qorti tal-Awdituri, bħal pereżempju dawk li jikkonċernaw l-immaniġġjar tal-importazzjonijiet rilaxxati mid-dwana fi Stat Membru ieħor;

Nefqa

15.  Jinnota bi tħassib li l-għadd ta' irregolaritajiet relatati man-nefqa rrappurtati bħala frodulenti fl-2014 naqas biss b'4 %, wara żieda ta' 76 % fl-2013; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex inaqqsu n-numru ta' irregolaritajiet frodulenti, għalkemm mhux għad-detriment tal-istandards ta' kontroll;

16.  Huwa mħasseb dwar iż-żieda kostanti fin-numru rrapportat ta' irregolaritajiet mhux frodulenti relatati ma' fondi tal-UE ġestiti b'mod dirett, kemm mil-lat ta' numru ta' każijiet, u kemm mil-lat ta' ammonti involuti; huwa sorpriż li n-numru ta' irregolaritajiet frodulenti fl-2014 żdied b'erba' darbiet meta mqabbel mas-sena ta' qabel u jitlob lill-Kummissjoni tagħti spjegazzjonijiet dettaljati u tieħu l-azzjoni meħtieġa biex titreġġa' lura din ix-xejra;

17.  Huwa mħasseb, għaldaqstant, li fl-2014 is-settur tal-iżvilupp rurali kien jirrappreżenta l-akbar għadd ta' irregolaritajiet frodulenti rrapportati, li juri l-ikbar żieda meta mqabbel mal-2013; jinnota li madwar 71 % tan-numru totali ta' irregolaritajiet frodulenti nnotifikati għal riżorsi naturali (agrikoltura, żvilupp rurali u sajd) kienu fl-Ungerija, fl-Italja, fil-Polonja u fir-Rumanija;

18.  Jirrikonoxxi li l-irkupru tal-Istati Membri għall-Fond Agrikolu Ewropew ta' Garanzija (FAEG) hu taħt il-medja globali, u inqas minn nofs l-irregolaritajiet misjuba fl-2009 kienu ġew irkuprati sal-aħħar tal-2014; jinnota differenzi sinifikanti fil-ħila tal-Istati Membri li jirkupraw somom ta' flus fir-rigward ta' ħlasijiet irregolari misjuba taħt il-politika agrikola komuni, u jħeġġeġ lill-Bulgarija, Franza, il-Greċja u s-Slovakkja biex itejbu r-riżultati tagħhom b'mod sinifikanti; jirrikonoxxi li l-mekkaniżmu ta' approvazzjoni (ir-regola 50/50) tipprovdi inċentiv qawwi għall-Istati Membri biex jirkupraw ħlasijiet mhux dovuti mill-benefiċjarji tal-FAEG malajr kemm jista' jkun; jiddispjaċih li l-2014 kienet it-tielet sena konsekuttiva kkaratterizzata minn żieda fl-għadd ta' każijiet ta' irregolaritajiet frodulenti fir-rigward tal-FAEG, u r-raba' sena konsekuttiva kkaratterizzata minn żieda fl-għadd ta' każijiet frodulenti rrappurtati fir-rigward tal-iżvilupp rurali; jenfasizza l-ħtieġa għal irkupru iktar rapidu ta' fondi;

19.  Jinnota li l-irregolaritajiet marbuta mal-Politika Komuni tas-Sajd fl-2014 reġgħu ġew lura għal livell komparabbli mal-2012 wara li, għal sena, laħqu l-quċċata fl-2013; jinnota li l-aktar kategorija fejn instabu irregolaritajiet matul il-perjodu 2010-2014 kienet dik tan- "Nuqqas ta' eliġibbiltà għall-għajnuna għall-azzjoni/proġett", segwita minn "Ksur tar-regoli tal-akkwist pubbliku";

20.  Jinnota li fir-rigward tal-perjodu ta' programmazzjoni tal-politika ta' koeżjoni 2007–2013, in-numru ta' irregolaritajiet irrappurtati bħala frodulenti naqas b'5 % fl-2014 meta mqabbel mal-2013, b'306 każijiet irrappurtati; huwa mħasseb serjament dwar iż-żieda ta' aktar minn EUR 115 miljun (76 %) fl-ammonti affettwati minn irregolaritajiet frodulenti fl-2014 meta mqabbel mal-2013, l-iktar minħabba żieda qawwija (660 %) fl-ammonti involuti taħt il-Fond ta' Koeżjoni; jinnota li minn 74 każ ta' frodi stabbiliti fir-rigward tal-politika ta' koeżjoni bejn l-2008 u l-2014, 61 (82 %) ġew irrapportati minn tliet Stati Membri – il-Ġermanja (42 każ), il-Polonja (11-il każ) u s-Slovakkja (8 każijiet); jesprimi tħassib li 14-il Stat Membru għandhom proporzjon ta' frodi stabbilita ta' 0 % għal dak il-perijodu, li tista' tqajjem mistoqsijiet dwar l-effiċjenza tas-sistemi ta' kontroll tagħhom;

21.  Huwa mħasseb, barra minn hekk, li, fil-qasam tal-koeżjoni, l-intervall taż-żmien bejn l-okkorrenza ta' irregolarità, l-identifikazzjoni tagħha u r-rappurtar finali tagħha lill-Kummissjoni żdied għal 3 snin u 4 xhur; ifakkar li meta tiġi identifikata irregolarità jidħlu fis-seħħ proċeduri ulterjuri (ordnijiet ta' rkupru, investigazzjonijiet tal-OLAF, eċċ.); iħeġġeġ lill-Kummissjoni taħdem mal-Istati Membri biex titjieb l-effiċjenza tal-identifikazzjoni u r-rappurtar tagħhom;

22.  Jilqa' b'sodisfazzjon it-tnaqqis globali tal-irregolaritajiet irrappurtati fl-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni; jiddispjaċih dwar ix-xejra ta' irregolaritajiet dejjem jiżdiedu relatati mal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni (IPA) sa mill-2010, kemm fl-ammonti kif ukoll fl-għadd ta' każijiet, bit-Turkija bħala l-akbar kontributur għal dan l-iżvilupp negattiv, u jitlob lill-Kummissjoni tagħmel dak kollu li tista' biex titjieb is-sitwazzjoni, b'mod partikolari fil-kuntest tal-isforzi biex tiżdied il-kooperazzjoni bejn l-UE u t-Turkija;

Problemi identifikati u miżuri meħtieġa

Rappurtar aħjar

23.  Jinnota bi tħassib li, minkejja diversi talbiet mill-Parlament għall-istabbiliment ta' prinċipji uniformi tar-rappurtar fl-Istati Membri kollha, is-sitwazzjoni għadha mhijiex waħda sodisfaċenti u għad hemm differenzi sinifikanti fin-numru ta' irregolaritajiet frodulenti u mhux frodulenti rrappurtati minn kull Stat Membru; iqis li din il-problema toħloq stampa konfuża tas-sitwazzjoni reali rigward il-livell ta' ksur u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħmel sforzi serji biex tissolva l-problema ta' approċċi differenti tal-Istati Membri fil-kxif ta' irregolaritajiet, u fl-interpretazzjonijiet mhux omoġenji tal-applikazzjoni tal-qafas legali tal-UE;

24.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li tippubblika rapport tal-UE kontra l-korruzzjoni darbtejn fis-sena, u jistenna bil-ħerqa li jaqra r-rapport li jmiss fil-bidu tal-2016; jitlob lill-Kummissjoni żżid kapitolu dwar il-prestazzjoni tal-istituzzjonijiet tal-UE fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, b'aktar analiżi mwettqa fil-livell tal-istituzzjonijiet tal-UE fir-rigward tal-politiki implimentati, ħalli jiġu identifikati fatturi kritiċi inerenti, oqsma vulnerabbli u fatturi ta' riskju li jwasslu għall-korruzzjoni;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tarmonizza l-qafas tar-rappurtar ta' każijiet ta' "suspett ta' frodi" u biex tistabbilixxi regoli dwar ir-rappurtar ta' kull azzjoni ġudizzjarja meħuda fl-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam ma' frodi potenzjali fl-użu tar-riżorsi tal-UE, li jeħtieġu li r-rapportar jindika b'mod speċifiku l-azzjonijiet ġudizzjarji meħuda fuq il-bażi tar-rakkomandazzjonijiet ġudizzjarji tal-OLAF;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa sistema ta' indikaturi stretti u ta' kriterji uniformi faċilment applikabbli abbażi tar-rekwiżiti stabbiliti fil-Programm ta' Stokkolma biex jitkejjel il-livell ta' korruzzjoni fl-Istati Membri u jiġu evalwati l-politiki tal-Istati Membri kontra l-korruzzjoni; jinsab imħasseb dwar l-affidabbiltà u l-kwalità tad-data ġejja mill-Istati Membri; jappella għalhekk lill-Kummissjoni biex taħdem mill-qrib mal-Istati Membri sabiex tiggarantixxi data komprensiva, preċiża u affidabbli, mingħajr ma tinsa l-għan ta' implimentazzjoni sħiħa tal-Iskema ta' Awditu Uniku; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa indiċi ta' korruzzjoni għall-kategorizzazzjoni tal-Istati Membri;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni, bħala parti mill-evalwazzjoni annwali tar-riżultati miksuba fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, tagħti linji gwida preċiżi lill-Istati Membri dwar kif tista' tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni gradwali u kontinwa tal-obbligi meħuda minn kull Stat Membru fir-rigward tal-ġlieda kontra l-korruzzjoni;

28.  Jistieden mill-ġdid lill-Kummissjoni tippromwovi rapidament leġiżlazzjoni dwar il-livell minimu ta' protezzjoni għall-informaturi fl-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Kunsill sabiex jemenda r-Regolamenti tal-Persunal biex jiġi żgurat li dawn mhux biss formalment jobbligaw lill-uffiċjali biex jirrapportaw irregolaritajiet, iżda wkoll jistabbilixxu protezzjoni xierqa għall-informaturi; jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej u lil korpi oħrajn jimplimentaw l-Artikolu 22(c) tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr dewmien, f'każ li għadhom m'għamlux dan; jitlob bil-qawwa li l-istituzzjonijiet kollha tal-UE jadottaw regoli interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni minn impjegati u dwar l-obbligi tagħhom, li jiffokaw fuq il-protezzjoni għall-informaturi; jemmen li dawn ir-regoli għandhom jiġu estiżi b'mod espliċitu sabiex l-informaturi jikxfu frodi fir-rigward ta' ftehimiet internazzjonali, inklużi ftehimiet kummerċjali;

29.  Jenfasizza l-importanza ta' aċċess għall-informazzjoni u t-trasparenza tal-lobbying, u li l-finanzjament tal-UE jintuża biex jappoġġa l-ħidma ta' organizzazzjonijiet indipendenti f'dan il-qasam;

30.  Jemmen li l-livell ta' trasparenza jista' jogħla permezz tal-ħolqien ta' footprint leġiżlattiva għal-lobbying tal-UE, bl-objettiv li jkun hemm bidla minn reġistru volontarju għal wieħed obbligatorju tal-UE għall-attivitajiet kollha tal-lobbying għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE;

31.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni żżomm l-politika stretta tagħha dwar l-interruzzjoni u s-sospensjoni ta' pagamenti skont il-bażi legali rilevanti; jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni adottat deċiżjoni ġdida dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija Bikrija (STB); jistenna bil-ħerqa l-ħolqien ta' sistema komprensiva ta' identifikazzjoni u esklużjoni bikrija li se jiġu proposti mill-Kummissjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex iżżomm l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali informati aħjar dwar l-implimentazzjoni tal-politika tagħha, waqt li jitqies li dan il-proċess ma jridx jiġi ppreġudikat minn konsiderazzjonijiet politiċi;

32.  Jitlob, għalhekk, li l-Artikolu 325 tat-TFUE jiġi implimentat b'mod trasversali fl-ispettru kollu tal-politiki tal-Unjoni, u jitlob għal azzjoni, mhux biss bħala rispons għall-każijiet ta' frodi, imma wkoll biex jiġu evitati; jitlob li jkun hemm konformità mal-Artikolu 325 tat-TFUE, u b'mod partikolari mal-paragrafu 5 dwar ir-rapporti annwali, li bħalissa qed jiffaċċja dewmien ta' sena; jitlob għal simplifikazzjoni, speċjalment tal-mod li bih jintużaw is-sussidji tal-UE fil-politika ta' koeżjoni; jitlob li jiġu segwiti l-proċeduri miftiehma u għar-ratifika tal-ftehimiet li ġew konklużi bejn l-Unjoni u pajjiżi jew organizzazzjonijiet terzi rigward il-ġlieda kontra l-frodi fil-livell reġjonali u internazzjonali; jitlob li jkun hemm segwitu għar-rakkomandazzjonijiet għal pjan ta' azzjoni stabbiliti fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-23 ta' Ottubru 2013 dwar "Il-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus: rakkomandazzjonijiet dwar azzjonijiet u inizjattivi li għandhom jittieħdu"(7), b'mod partikolari r-rakkomandazzjoni 130 dwar il-viżibbiltà tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri biex jiġġieldu kontra l-frodi u l-kriminalità organizzata u l-paragrafu 131dwar pjan ta' azzjoni ġenerali għall-perjodu 2014-2019 biex jiġu eliminati l-kriminalità organizzata, il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus (punti i-xxi); jitlob li jsiru disponibbli r-riżultati inizjali tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Iffalsifikar tal-Munita; jitlob, barra minn hekk, li tingħata aktar informazzjoni dwar l-istrumenti użati mill-OLAF fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni kif ukoll dwar il-koordinazzjoni tal-proċeduri tal-Istati Membri għall-irkupru ta' flejjes żburżati b'riżultat ta' frodi;

33.  Jitlob li l-UE tapplika għal sħubija fil-Grupp tal-Kunsill tal-Ewropa tal-Istati kontra l-Korruzzjoni (GRECO);

34.  Jilqa' l-fatt li fl-2014 kien hemm 48 ftehim fis-seħħ li jinkludu assistenza amministrattiva reċiproka, li jkopru 71 pajjiż, b'49 pajjiż ieħor f'negozjati, inklużi sħab kummerċjali ewlenin bħall-Istati Uniti u l-Ġappun, u jitlob li l-Parlament jinżamm infurmat b'mod kostanti dwar l-iżviluppi f'dawn in-negozjati; jenfasizza li, sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-UE u tiġi miġġielda b'mod effikaċi l-frodi, jeħtieġ li l-ewwel nett jiġi żgurat li tiġi applikata l-leġiżlazzjoni u li l-partijiet kollha josservaw il-ftehimiet internazzjonali rilevanti, inkluż il-klawsoli rilevanti kontra l-frodi u l-korruzzjoni li jipprevedu sanzjonijiet; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli tikkoopera ma' pajjiżi oħra dwar miżuri kontra l-frodi u tistabbilixxi arranġamenti ta' kooperazzjoni amministrattiva; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tinkludi dispożizzjonijiet ta' kontra l-frodi u kontra l-korruzzjoni fil-ftehimiet internazzjonali kollha tal-UE sabiex twitti t-triq għal kooperazzjoni msaħħa fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, it-traffikar u kummerċ ieħor illegali jew illeċitu;

35.  Jilqa' r-rwol ewlieni li għandu l-programm tal-UE ta' assistenza makrofinanzjarja li jħeġġeġ riformi min-naħa tas-sħab kummerċjali li huma l-eqreb tal-UE; jitlob li l-Kummissjoni tkompli tirrapporta lill-Parlament u lill-Istati Membri bl-għan li jiġi żgurat li l-fondi kollha jintefqu f'konformità sħiħa mar-regolament ta' bażi u b'mod konsistenti mal-koeżjoni reġjonali u mal-promozzjoni tal-istabbiltà reġjonali, biex b'hekk jiġi limitat ir-riskju ta' użu ħażin ta' self li jitħallas lura; jitlob valutazzjoni fit-tul tal-effetti tal-programmi ta' assistenza makrofinanzjarja fir-rigward tal-isforzi biex jiġu miġġielda l-korruzzjoni u l-frodi fil-pajjiżi benefiċjarji;

36.  Itenni t-talba tiegħu li l-qrati tal-awdituri rispettivi ta' kull Stat Membru jippubblikaw dikjarazzjonijiet nazzjonali li jagħtu rendikont tal-infiq tal-fondi tal-UE;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw, fil-livelli rispettivi tagħhom, bażijiet ta' data kollegati dwar irregolaritajiet fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni, inklużi dawk li jirriżultaw mill-akkwist pubbliku, peress li tali bażijiet ta' data kapaċi jipprovdu bażi għal analiżi siewja u komprensiva tal-frekwenza, is-serjetà u l-kawżi tal-irregolaritajiet, u tal-ammonti involuti fl-irregolaritajiet frodulenti; jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri jiżguraw li l-Kummissjoni tingħata data preċiża u komparabbli b'mod xieraq u fil-ħin, mingħajr żieda sproporzjonata fil-piż amministrattiv;

Kontrolli aħjar

38.  Jenfasizza n-natura kumplessa tal-irregolaritajiet; hu tal-fehma li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jridu jieħdu azzjoni soda kontra irregolaritajiet frodulenti; jemmen li l-irregolaritajiet mhux frodulenti għandhom jiġu trattati permezz ta' miżuri amministrattivi, u b'mod partikolari, permezz ta' rekwiżiti aktar trasparenti u aktar sempliċi, aktar għajnuna teknika tal-Kummissjoni lill-Istati Membri, u skambji msaħħa tal-aħjar prattiki u tat-tagħlimiet misluta; jemmen li l-metodoloġija għall-kalkolu tar-rati ta' erruri għandha tiġi armonizzata fil-livelli tal-UE u tal-Istati Membri;

39.  Jilqa' l-fatt li l-"Kontrolli Komunitarji"ex-ante u ex-post qed iwasslu dejjem aktar għal sejbiet ta' każijiet ta' irregolaritajiet, u għalhekk iqis li dawn il-kontrolli għandhom jiġu promossi aktar;

40.  Jistieden lill-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri jwettqu kontrolli aħjar u biex jużaw l-informazzjoni kollha disponibbli sabiex jiġu evitati żbalji u pagamenti irregolari li jinvolvu fondi tal-UE;

41.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ ir-rwol superviżorju tagħha permezz ta' attivitajiet ta' awditjar, kontroll u spezzjoni, pjanijiet ta' azzjoni ta' rimedju u ittri ta' twissija bikrija; jistieden lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom u jisfruttaw il-potenzjal tagħhom biex jidentifikaw u jikkoreġu l-iżbalji qabel ma jagħmlu talbiet għal rimborż mill-Kummissjoni; jissottolinja, f'dan ir-rigward, il-valur partikolari ta' azzjonijiet preventivi biex jiġu evitati żborżamenti u b'hekk tiġi eliminata l-ħtieġa għal azzjonijiet sussegwenti biex ikunu rkuprati fondi miżapproprjati;

42.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżviluppa sistema għall-iskambju ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti sabiex tippermetti kontroverifika tad-data tal-kontijiet bejn żewġ Stati Membri jew aktar sabiex jiġu evitati frodi transnazzjonali fir-rigward tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, biex b'hekk jiġi żgurat approċċ trasversali għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE;

43.  Jilqa' l-fatt li s-servizzi tal-Kummissjoni żviluppaw u implimentaw l-istrateġiji tagħhom kontra l-frodi fl-2014; jistieden lill-aġenziji tal-UE, l-aġenziji eżekuttivi u l-impriżi konġunti biex jagħmlu l-istess; jenfasizza r-rwol tas-Servizzi ta' Koordinazzjoni Kontra l-Frodi (AFCOS) fil-ġlieda kontra l-frodi; jilqa' l-adozzjoni ta' strateġiji nazzjonali kontra l-frodi mill-Bulgarija, il-Greċja, il-Kroazja, Malta u s-Slovakkja, u jistieden lill-Istati Membri kkonċernati jressqu strateġiji nazzjonali ta' kontra l-frodi (NAFS) malajr kemm jista' jkun; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali kontra l-frodi;

44.  Jinsab ħerqan, barra minn hekk, li jara kooperazzjoni eqreb bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar il-modi kif jiġu ġestiti l-fondi; jitlob li jingħata taħriġ komprensiv lill-persunal tal-awtoritajiet involuti fil-ġestjoni tal-fondi, b'mod partikolari l-persunal tal-AFCOS, sabiex jiżviluppaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom stess ta' kontra l-frodi;

45.  Jilqa' r-riżultati pożittivi tal-ewwel ħarsa ġenerali annwali tal-programm Hercule III; jesprimi tħassib li l-baġit riżervat għal dan jista' jkun insuffiċjenti; jitlob informazzjoni ulterjuri bbażata fuq il-prestazzjoni, b'mod partikolari dwar il-kontribuzzjoni tal-55 konferenza u sessjoni ta' taħriġ għall-effikaċja tal-azzjonijiet li ttieħdu mill-Istati Membri biex jiġġieldu l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE;

46.  Itenni li, skont l-Artikolu 325(2) tat-TFUE, l-Istati Membri "għandhom jieħdu l-istess miżuri sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni bħal ma jieħdu sabiex jikkumbattu l-frodi li taffettwa l-interessi finanzjarji tagħhom stess"; huwa tal-opinjoni li din id-dispożizzjoni mhijiex qed titħares fl-UE; huwa tal-opinjoni li l-Kummissjoni għandha tiżviluppa politika orizzontali dwar il-ġlieda kontra l-frodi u l-korruzzjoni; jenfasizza li l-Kummissjoni hija responsabbli wkoll mill-infiq effikaċi ta' fondi, u jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni tistabbilixxi rekwiżiti ta' prestazzjoni interni;

47.  Iqis li fl-istadji tal-ipprogrammar u tal-kontroll hemm bżonn ta' involviment akbar taċ-ċittadini tal-UE, u dan permezz ta' għodod ta' informazzjoni faċilment aċċessibbli, speċjalment fejn qed tiġi ffinanzjata infrastruttura importanti; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-idea ta' bbaġitjar parteċipattiv biex iċ-ċittadini jiġu involuti fil-monitoraġġ tal-infiq tal-fondi tal-UE, u biex toħloq uffiċċju elettroniku aċċessibbli għar-rappurtar ta' każijiet ta' frodi;

48.  Jinnota li d-definizzjoni, il-klassifikazzjoni u l-identifikazzjoni, kif ukoll ir-rapportar ta' irregolaritajiet għadhom ivarjaw bejn u fi ħdan l-Istati Membri, l-aktar minħabba d-definizzjonijiet differenti ta' irregolaritajiet; huwa tal-fehma li armonizzazzjoni ulterjuri hija meħtieġa, u jilqa', f'dan il-kuntest, ir-regolament delegat tal-Kummissjoni tat-8 ta' Lulju 2015 dwar ir-rapportar ta' irregolaritajiet li jissupplimenta r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu strateġiji koerenti biex jiġu trattati l-irregolaritajiet u tiġi miġġielda l-frodi fi ħdan il-politika ta' koeżjoni; jenfasizza l-miżuri preventivi u korrettivi meħuda mill-Kummissjoni biex jiġu evitati irregolaritajiet frodulenti, inkluża l-interruzzjoni ta' 193 pagament skont il-politika ta' koeżjoni;

49.  Ifakkar li r-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni jirrikjedi li l-awtoritajiet ta' ġestjoni jistabbilixxu miżuri effikaċi u proporzjonati kontra l-frodi, li għandhom ikunu inkorporati fi strateġiji nazzjonali kontra l-frodi; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-azzjoni preventiva tagħha; jilqa' b'rabta ma' dan l-istabbiliment ta' sistema ta' identifikazzjoni bikrija ta' riskji, u b'mod partikolari jitlob li l-kapaċitajiet tekniċi u amministrattivi tal-awtoritajiet ta' ġestjoni jissaħħu sabiex jiġu żgurati sistemi ta' kontroll aktar sodi li jkunu kapaċi jnaqqsu r-riskji ta' frodi u jżidu l-kapaċità ta' detezzjoni, inkluż fir-reġjuni anqas żviluppati, mingħajr l-impożizzjoni ta' piż finanzjarju u amministrattiv żejjed; jenfasizza li l-prevenzjoni għandha tinvolvi taħriġ u appoġġ kostanti għall-persunal responsabbli mill-ġestjoni u l-kontroll tal-fondi fi ħdan l-awtoritajiet kompetenti kif ukoll skambji ta' informazzjoni u prattiki tajba; ifakkar fir-rwol kruċjali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u s-sħab fil-ġlieda kontra l-frodi, filwaqt li jiżguraw it-trasparenza u l-prevenzjoni ta' kunflitti ta' interess;

50.  Japprezza d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li twettaq valutazzjoni ta' nofs it-term fl-2018 sabiex tistabbilixxi jekk l-istruttura regolatorja ġdida għall-politika ta' koeżjoni tipprevjenix u tnaqqasx ulterjorment ir-riskju ta' irregolaritajiet inkluża l-frodi, u huwa ħerqan li jirċievi informazzjoni dettaljata dwar l-impatt tar-regoli ġodda dwar sistemi ta' ġestjoni u ta' kontroll, kemm fir-rigward tar-riskju ta' irregolaritajiet u frodi kif ukoll tal-implimentazzjoni ġenerali tal-politika;

51.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri jiffaċilitaw it-trasparenza tad-data tal-awditi permezz tar-rilaxx ta' informazzjoni aktar dettaljata fir-rigward tal-Istati Membri li għandhom l-aħjar u l-agħar prestazzjoni f'kull qasam ta' politika u f'kull settur, sabiex jippermettu lill-atturi jidentifikaw l-oqsma li hemm bżonn l-aktar għajnuna u sabiex ifasslu azzjonijiet xierqa;

Id-Direttiva PIF u r-Regolament UPPE

52.  Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fir-Rapport Annwali tagħha tal-2014 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji (rapport PIF), li tfakkar li kemm id-Direttiva PIF u r-Regolament dwar l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (Regolament UPPE) "se tikkumplimenta u ssaħħaħ il-qafas ġuridiku u ssaħħaħ b'mod konsiderevoli l-ġlieda kontra l-frodi"; itenni l-fehma tiegħu li hemm bżonn urġenti li malajr kemm jista' jkun tiġi adottata d-Direttiva PIF, bil-VAT inkluża fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha u b'definizzjoni ċara tar-reati fil-qasam tal-PIF, regoli minimi għall-pieni massimi ta' ħabs applikabbli u regoli minimi dwar l-istatut tal-limitazzjonijiet; ifakkar fil-kawża Taricco, fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-frodi fil-qasam tal-VAT hi tabilħaqq inkluża fid-definizzjoni ta' frodi rigward il-PIF fil-Konvenzjoni tal-1995 dwar il-PIF;

53.  Jisħaq fuq il-fatt li r-Regolament UPPE wkoll għandu jiġi adottatat mill-aktar fis, u jitlob b'insistenza li l-Kunsill jispjega r-raġunijiet tiegħu għalfejn dewwem in-negozjati;

Akkwist pubbliku

54.  Jinnota li l-livell ta' irregolaritajiet u frodi minħabba nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-akkwist pubbliku għadu għoli; jistieden lill-Istati Membri jittrasponu malajr fil-liġi nazzjonali d-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku(8), li tagħmel mandatorju l-akkwist elettroniku u tintroduċi obbligi ta' monitoraġġ u rappurtar biex jitrażżnu l-frodi uirregolaritajiet serji oħra fl-akkwist; jistieden lill-Kummissjoni tagħmilha obbligatorja li tiġi ppubblikata d-dokumentazzjoni kollha relatata mal-benefiċjarji, u b'mod partikolari għas-sottokuntratturi;

55.  Jitlob lill-Kummissjoni tapplika miżuri stretti rigward id-diskrezzjoni u l-esklużjoni kwantu għall-akkwist pubbliku, b'verifiki xierqa kwantu għall-isfond imwettqa f'kull każ, u li tapplika l-kriterji tal-esklużjoni ħalli l-kumpaniji ma jitħallewx joperaw f'każ ta' kunflitt ta' interess, billi dan hu essenzjali għall-ħarsien tal-kredibilità tal-istituzzjonijiet;

56.  Jenfasizza li n-nuqqas ta' konformità mar-regoli tal-akkwist pubbliku kien sors importanti ta' żbalji għall-perjodu ta' programmazzjoni 2007-2013, inkluż l-evitar ta' akkwist pubbliku billi l-kuntratti jinqasmu f'offerti iżgħar biex b'hekk jevitaw li jaqbżu s-sollijiet, u bl-użu ta' proċeduri mhux xierqa; jirrimarka li d-direttivi l-ġodda dwar l-akkwist pubbliku għandhom jiġu implimentati sa mhux aktar tard minn April 2016; jenfasizza li biex tonqos l-inċidenza ta' irregolaritajiet jeħtieġ ikun hemm implimentazzjoni korretta tad-direttivi mill-Istati Membri; jistieden, għaldaqstant, lill-Kummissjoni, biex tfassal linji gwida għall-implimentazzjoni korretta tad-Direttivi; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali kontra l-frodi; jemmen li l-kundizzjonalitajiet ex-ante għandhom il-potenzjal li jtejbu l-akkwist pubbliku; jenfasizza l-ħtieġa għal regoli trasparenti u aċċessibbli;

57.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar in-nuqqas ta' trasparenza sħiħa fir-rigward tal-finanzjament ta' proġetti infrastrutturali kbar; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra tippreżenta proposta li tagħmel obbligatorja l-pubblikazzjoni tar-rapporti finanzjarji u l-proġetti kollha relatati ma' xogħlijiet pubbliċi kbar, inkluża dokumentazzjoni dwar is-sottokuntratturi;

58.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel pubblika d-dokumentazzjoni kollha relatata mal-proġett ferrovjarju b'veloċità għolja bejn Lyon u Turin u l-finanzjament tiegħu;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni telabora bażi ta' data għall-irregolaritajiet li tkun tista' tkun ta' sies għal analiżi siewja u komprensiva tal-frekwenza, is-serjetà u l-kawżi ta' żbalji fl-akkwist pubbliku; jistieden lill-awtoritajiet relevanti fl-Istati Membru biex jiżviluppaw u janalizzaw il-bażi ta' data għall-irregolaritajiet tagħhom stess, fosthom dawk li jsiru fl-akkwist pubbliku u biex jikkoperaw mal-Kummissjoni biex jipprovdu tali data f'mod u fi żmien li jiffaċilitaw ix-xogħol tal-Kummissjoni;

60.  Jistaqsi dwar in-natura mhux frodulenti tal-għadd dejjem jikber ta' żbalji serji li saru fil-kuntest ta' proċeduri ta' akkwist pubbliku, u jitlob lill-Kummissjoni tkun partikularment viġilanti f'dan ir-rigward, mhux biss billi tinvolvi ruħha fi djalogu mal-Istati Membri bil-għan li jkun hemm applikazzjoni aħjar ta' direttivi eżistenti u ġodda dwar l-akkwist pubbliku, iżda wkoll billi jitressqu każijiet rilevanti quddiem l-OLAF għal aktar kunsiderazzjoni;

61.  Jirrimarka li f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, bħal pereżempju l-użu ta' fondi għar-refuġjati, spiss ikun hemm eżenzjonijiet minn proċeduri normali ta' akkwist, li jinvolvu aċċess dirett għal fondi; jiddispjaċih li, għal din ir-raġuni, spiss kien hemm każijiet ta' kondotta ħażina; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja b'mod aktar effettiv l-użu ta' tali eżenzjonijiet u l-prattika mifruxa ta' qsim ta' kuntratti ta' akkwist sabiex ma jaqbżux il-limiti minimi, biex b'hekk jiġu evitati proċeduri tal-akkwist regolari;

62.  Jinnota li fir-Rapport Speċjali Nru 10/2015 intitolat "L-isforzi biex jiġu indirizzati l-problemi relatati mal-akkwist pubbliku fin-nefqa tal-UE għall-Koeżjoni għandhom jiġu intensifikati", il-Qorti tal-Awdituri tanalizza proċeduri konnessi mal-akkwist pubbliku; jinnota li n-nuqqas ta' konformità mar-regoli dwar l-akkwist pubbliku jwassal għal żbalji li jistgħu jirriżultaw f'dewmien tal-implimentazzjoni u korrezzjonijiet finanzjarji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw konformità sħiħa mal-kondizzjonalità ex-ante dwar l-applikazzjoni effettiva tad-dritt dwar l-akkwist pubbliku sa tmiem l-2016; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw traspożizzjoni xierqa u rapida tal-pakkett tad-direttivi dwar l-akkwist pubbliku tal-2014;

63.  Iħeġġeġ l-Istati Membri u l-Kummissjoni jisfruttaw b'mod sħiħ l-opportunitajiet mogħtija mill-għodod tat-teknoloġija tal-informazzjoni fl-akkwist pubbliku, inklużi għodod għall-akkwist elettroniku, skambju ta' prattiki tajba u valutazzjoni preventiva tar-riskju; japprezza l-għodda għat-twissija tal-frodi bbażata fuq l-internet ARACHNE żviluppata mill-Kummissjoni, li hija mmirata għall-identifikazzjoni tal-aktar proġetti riskjużi abbażi ta' sett ta' indikaturi tar-riskju, u jistieden lill-Istati Membri jużaw din l-għodda;

Ibbaġitjar ibbażat fuq riżultati u l-approċċ "valur għall-flus"

64.  Jenfasizza l-importanza ta' tmexxija bl-eżempju, u jilqa' b'sodisfazzjon l-approċċ interistituzzjonali li jimplimenta l-ibbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tadotta l-fażi tal-ippjanar, l-implimentazzjoni u l-kontroll tal-qafas finanzjarju pluriennali skont il-prinċipju tal-ibbaġitjar ibbażat fuq ir-riżultati;

65.  Jinnota l-importanza ta' aktar riċerka u miżuri kontinwi biex jiġu evitati irregolaritajiet frodulenti, iżda jtenni wkoll it-talba tiegħu għall-adozzjoni ta' metodoloġija ġdida ffukata aktar fuq il-prestazzjoni milli fuq l-evalwazzjoni formalistika tal-programmi, f'konformità mal-prinċipju ta' baġit tal-UE ffukat fuq ir-riżultati; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-attivitajiet tagħha fir-rigward tal-applikazzjoni ta' indikaturi ta' effiċjenza u effettività fil-programmi kollha tagħha, u ma tikkonċentrax biss fuq ir-rata ta' erruri; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex ma taħdimx biss fuq it-tliet kategoriji ewlenin — ekonomija, effiċjenza u effikaċja — iżda tibda tiffoka wkoll fuq it-trittiku l-ġdid (ekoloġija, ugwaljanza u etika);

66.  Jappella sabiex jiġu inklużi b'mod obbligatorju valutazzjonijiet ex-ante dwar il-valur miżjud ambjentali, ekonomiku u soċjali fil-proċess għall-għażla ta' proġetti għall-finanzjament, kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha, u li r-riżultati ta' dawn il-valutazzjonijiet u l-indikaturi użati jsiru pubbliċi u jkunu għalkollox aċċessibbli;

67.  Jinnota li r-rappurtar dwar il-prestazzjoni għadu dgħajjef, u li hemm bżonn li jiġu vvalutati b'mod regolari l-parametri tal-input (finanzjarji, umani, materjali, organizzazzjonali jew regolatorji meħtieġa għall-implimentazzjoni ta' programm), l-output (riżultati tal-programm), ir-riżultati (l-effetti immedjati tal-programm) u l-impatti (bidliet fuq perjodu twil fis-soċjetà);

68.  Jilqa' l-istabbiliment ta' netwerk ta' Punti ta' Kuntatt Nazzjonali tal-Istati Membri u l-inkorporazzjoni ta' għanijiet kontra l-korruzzjoni fil-proċess tas-Semestru Ewropew tal-governanza ekonomika;

69.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex b'mod immedjat tippubblika l-valutazzjoni tagħha ta' kull ftehim ma' kumpaniji tat-tabakk, bil-għan li tiġi stabbilita l-effiċjenza tagħhom fil-ġlieda kontra l-frodi u l-attivitajiet ta' falsifikazzjoni, li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE, u tivvaluta kemm hu xieraq li dawn it-tipi ta' ftehimiet jiġġeddu.

70.  Jenfasizza r-rwol tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, l-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar, il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet ta' ġestjoni fil-kontroll tar-regolarità u l-prestazzjoni tal-infiq pubbliku; jistieden lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri u lill-Kummissjoni biex ikomplu jtejbu l-kooperazzjoni tagħhom mal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar fl-Istati Membri sabiex jitwessgħu l-ambitu u l-proporzjon tal-fondi u l-proġetti awditjati;

Kuntrabandu ta' tabakk u ta' prodotti ffalsifikati

71.  Jinsab imħasseb dwar is-sejbiet tal-Ombudsman Ewropew(9), li ddikjara li, bl-eċċezzjoni tad-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa, il-Kummissjoni ma kinitx qed "timplimenta b'mod sħiħ li r-regoli u l-linji gwida tad-WHO-NU dwar it-trasparenza u l-lobbying tal-industrija tat-tabakk"; huwa tal-opinjoni, għaldaqstant, li l-kredibbiltà u s-serjetà tal-Kummissjoni ġew kompromessi;

72.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet relevanti kollha jimplimentaw l-Artikolu 5(3) tal-Konvenzjoni Qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa dwar il-Kontroll tat-Tabakk (FCTC) bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet li hemm fil-linji gwida tagħha; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika minnufih il-valutazzjoni tagħha tal-ftehimiet ma' kumpaniji tat-tabakk, kif ukoll valutazzjoni tal-impatt dwar l-implimentazzjoni tal-FCTC; jistieden lill-Kummissjoni turi trasparenza sħiħa rigward ftehimiet dwar it-tabakk u t-tiġdid possibbli tagħhom, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jirrapportaw regolarment dwar in-nefqa mġarrba fir-rigward ta' fondi riċevuti b'riżultat ta' ftehimiet bħal dawn;

73.  Jilqa' r-riżultati pożittivi ta' bosta operazzjonijiet doganali konġunti li jinvolvu l-kooperazzjoni tal-OLAF u tal-Istati Membri ma' bosta servizzi ta' pajjiżi terzi, li rriżultaw fil-qbid ta', fost l-oħrajn, 1.2 miljun prodott iffalsifikat fosthom fwieħa, partijiet tal-karozzi, apparat elettroniku u 130 miljun sigarett; jissottonlinja l-fatt li l-kuntrabandu ta' prodotti intaxxati ħafna jikkawża telf ta' dħul sinifikanti għall-baġits tal-UE u tal-Istati Membri, u li t-telf dirett mid-dħul doganali bħala riżultat tal-kuntrabandu tas-sigaretti waħdu huwa stmat li huwa aktar minn EUR 10 biljun kull sena; jirrimarka li t-traffikar ta' prodotti ffalsifikati hu ta' ħsara għad-dħul tal-UE u l-Istati Membri tagħha u għall-kumpaniji Ewropej;

74.  Jinsab imħasseb ħafna biż-żieda ta' każijiet ta' kuntrabandu, traffikar u ta' forom oħra ta' kummerċ illegali u illeċitu, li mhux biss għandhom impatt fuq il-ġbir tad-dazji doganali mill-Istati Membri, u b'hekk fuq il-baġit tal-UE, iżda huma wkoll assoċjati b'mod qawwi mal-kriminalità internazzjonali organizzata, mat-theddid għall-konsumatur u ma' effetti negattivi fuq il-funzjonament tas-suq uniku, u li jimminaw kundizzjonijiet ekwi ta' kompetizzjoni għall-kumpaniji, b'mod partikolari l-SMEs; jitlob, għaldaqstant, koordinament aħjar bejn l-OLAF, l-awtoritajiet doganali u l-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-suq sabiex mhux biss jiġġieldu kontra dawn il-problemi iżda wkoll inaqqsu l-kummerċ fl-UE ta' prodotti li jiksru l-liġijiet dwar il-proprjetà intellettwali;

75.  Jenfasizza l-importanza li ssir distinzjoni bejn il-mediċina ġenerika leġittima u l-mediċini falsifikati frodulenti sabiex jiġi evitat li l-produzzjoni u l-kummerċ leġittimu tal-mediċini ġeneriċi jiġu interrotti, u jistieden għal darb'oħra, lil dawk l-Istati Membri kollha li ffirmaw iżda għadhom ma rratifikawx il-Protokoll tan-NU biex jiġi eliminat il-Kummerċ Illeċitu tal-Prodotti tat-Tabakk sabiex jikkonkludu mingħajr dewmien il-proċess ta' ratifikazzjoni;

Investigazzjonijiet u r-rwol tal-OLAF

76.  Jinnota r-rwol tal-OLAF fi ħdan l-ODK differenti fil-prevenzjoni ta' telf għall-baġit tal-UE, u jitlob lill-OLAF jinkludi fir-rapporti annwali futuri tiegħu aktar informazzjoni u ċifri konkreti dwar il-kontribut tiegħu biex jiġi protett il-lat tad-dħul tal-baġit tal-UE;

77.  Jilqa' l-laqgħat annwali interistituzzjonali bejn il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Parlament, l-OLAF u l-Kumitat ta' Sorveljanza tiegħu; jinsisti fuq presidenza b'rotazzjoni bejn it-tliet istituzzjonijiet Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-inizjattiva tal-Parlament u jħeġġeġ lill-Kunsill jikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni negattiva tiegħu dwar din il-kwistjoni;

78.  Itenni t-talba tiegħu dwar ir-Rapport Annwali 2013 dwar il-Protezzjoni tal-Interessi Finanzjarji tal-UE(10) għal riżoluzzjoni ta' malajr tal-kwistjonijiet li għad fadal bejn l-OLAF u l-Kumitat Sorveljanza tiegħu; itenni li la l-OLAF u lanqas il-Kumitat ta' Sorveljanza tiegħu ma jistgħu jissodisfaw id-dmirijiet legali tagħhom b'mod effettiv taħt il-kondizzjonijiet ta' kooperazzjoni limitata attwali tagħhom; jinnota bi tħassib in-nuqqas ta' progress u għalhekk iqis is-sitwazzjoni attwali bħala inaċċettabbli; jistieden lill-Kummissjoni twettaq bis-sħiħ ir-rwol tagħha u taħdem b'mod attiv fuq soluzzjoni fit-tul li għandha tiġi stabbilita mingħajr dewmien;

79.  Hu tal-opinjoni li l-Kumitat ta' Sorveljanza għandu, bħala kwistjoni ta' konsistenza mal-mandat tiegħu, ikollu persunal awtonomu li jkun separat mill-persunal tal-amministrazzjoni tal-OLAF, kif ukoll awtonomija finanzjarja; jistieden lill-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF li jagħti aċċess għad-dokumenti li l-Kumitat ta' Sorveljanza jqis li huma meħtieġa sabiex iwettaq il-kompitu tiegħu skont il-mandat tiegħu; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta biex jinbidel ir-Regolament OLAF kif xieraq;

80.  Jinnota li hemm diskrepanza bejn l-informazzjoni miġbura mill-OLAF dwar il-frodi minn sorsi pubbliċi u privati fl-Istati Membri (Rapport tal-OLAF 2014), u l-irkupru finanzjarju nieqes ħafna mill-uniformità rakkomandat mill-OLAF lill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa inizjattivi mmirati għaż-żieda tar-rata ta' rkupru f'każijiet ta' frodi;

81.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi trasparenza sħiħa rigward it-talbiet kollha minn prosekuturi nazzjonali biex tneħħi l-immunità tal-persunal tal-OLAF, fosthom id-Direttur Ġenerali tiegħu;

82.  Jilqa' l-effikaċja pprovata tal-investigazzjonijiet tal-oriġini mill-OLAF dwar l-eliġibbiltà ta' miżuri ta' tariffi preferenzjali, u jistieden lill-Istati Membri jieħdu kont ta' dawn is-sejbiet u jieħdu l-miżuri kollha neċessarji u xierqa f'konformità mad-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni doganali tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni, bl-għan li jiġi evitat telf mill-baġit tal-UE minħabba l-importazzjoni ta' oġġetti li mhumiex intitolati għat-trattament ta' tariffi preferenzjali skont il-ftehimiet kummerċjali preferenzjali, tkompli tivverifika li l-Istati Membri qegħdin itejbu l-effikaċja tas-sistemi ta' mmaniġġjar tar-riskju u l-istrateġiji ta' kontroll tagħhom abbażi ta' komunikazzjoni ta' għajnuna reċiproka; jitlob lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tagħti segwitu għall-impenn tagħha li twettaq evalwazzjonijiet ex post tal-ftehimiet kummerċjali preferenzjali li għandhom impatt ekonomiku, soċjali u ambjentali sinifikanti, inkluż sistema ta' rappurtar perjodiku mill-pajjiżi benefiċjarji dwar l-immaniġġjar u l-kontroll tagħhom tal-oriġini preferenzjali;

83.  Jinnota li l-prosekuzzjoni komprensiva ta' reati, fosthom frodi, korruzzjoni, ħasil tal-flus, il-kriminalità orgaanizzata u attivitajiet illegali oħra li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-UE, huma kundizzjoni sine qua non għal funzjonament effikaċi tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jingħata segwitu sistemiku għar-rakkomandazzjonijiet tal-OLAF; huwa tal-fehma li s-segwitu għal dawn ir-rakkomandazzjonijiet jeżiġi drittijiet proċedurali għall-OLAF fil-leġiżlazzjonijiet nazzjonali biex jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet jiġu rispettati u kkunsidrati mill-awtoritajiet nazzjonali;

84.  Jitlob lill-Kummissjoni tikkjarifika r-raġunijiet ewlenin għaliex l-Istati Membri mhumiex qed jagħtu segwitu għall-każijiet allegati ta' frodi li jolqtu l-interessi finanzjarji tal-UE, hekk kif ġew ippreżentati lilhom mill-OLAF;

o
o   o

85.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u lill-Kumitat ta' Sorveljanza tal-OLAF.

(1) ĠU L 84, 20.3.2014, p. 6.
(2) ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 121.
(5) ĠU C 161 E, 31.5.2011, p. 62.
(6) ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1.
(7) Testi adottati, P7_TA(2013)0444.
(8) ĠU L 94, 28.3.2014, p. 65.
(9) http://www.ombudsman.europa.eu/en/press/release.faces/en/61027/html.bookmark
(10) Testi adottati tal-11 ta' Marzu 2015, P8_TA(2015)0062.

Avviż legali