Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2230(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0034/2016

Testi mressqa :

A8-0034/2016

Dibattiti :

PV 07/03/2016 - 17
CRE 07/03/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 08/03/2016 - 6.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0072

Testi adottati
PDF 403kWORD 145k
It-Tlieta, 8 ta' Marzu 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-ħidma tal-Parlament Ewropew
P8_TA(2016)0072A8-0034/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Marzu 2016 dwar l-Integrazzjoni tal-Perspettiva tal-Ġeneri fil-ħidma tal-Parlament Ewropew (2015/2230(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Libertajiet Fundamentali (KEDB),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995, id-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing +5 (2000), Beijing +10 (2005) u Beijing +15 (2010) u d-dokument ta' eżitu tal-konferenza ta' rieżami Beijing +20,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Mejju 2015 dwar il-Ġeneri fl-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-21 ta' Settembru 2015 bit-titolu "Gender Equality and Women’s Empowerment: Transforming the Lives of Girls and Women through EU External Relations 2016-2020" (L-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Emanċipazzjoni tan-Nisa: it-Trasformazzjoni tal-Ħajjiet ta' Bniet u Nisa permezz tar-Relazzjonijiet Esterni tal-UE 2016-2020) (SWD(2015)0182), u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2015 dwar il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika, li tiddefinixxi 'ġeneru' bħala "ir-rwoli, imġibiet, attivitajiet u attributi mibnija soċjalment li soċjetà partikolari tikkunsidra xierqa għan-nisa u l-irġiel",

–  wara li kkunsidra l-Patt Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (2011-2020), adottat mill-Kunsill Ewropew f'Marzu 2011,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-5 ta' Marzu 2010 bl-isem "Impenn imsaħħaħ għall-ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel: Karta f'Isem il-Mara" (COM(2010)0078),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 bit-titolu "Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015" (COM(2010)0491),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bl-isem "Strategic engagement for gender equality 2016-2019" (Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019) (SWD(2015)0278),

–  wara li kkunsidra rapport ta' riċerka tal-Kummissjoni bit-titolu "Evaluation of the strengths and weaknesses of the strategy for equality between women and men 2010-2015" (Valutazzjoni tal-punti b'saħħithom u l-punti dgħajfa tal-istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015)

–  wara li kkunsidra l-Istrateġija tal-Kunsill tal-Ewropa għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi għall-2014-2017,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) dwar "Advancing women in political decision-making – Way forward" (Il-progress tan-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi – It-triq 'il quddiem), ippubblikat fl-2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tar-rapport tal-EIGE dwar "Gender-Sensitive Parliaments: A Global Review of Good Practice" (Parlamenti Sensittivi għall-Perspettiva tal-Ġeneri: Rieżami Globali ta' Prattika Tajba), ippubblikat fl-2011,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tiegħu tal-10 ta' Frar 2010 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2009(1), tat-8 ta' Marzu 2011 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2010(2), tat-13 ta' Marzu 2012 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea – 2011(3), u tal-10 ta' Marzu 2015 dwar il-progress fl-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-Unjoni Ewropea fl-2013(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2003 dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-Parlament Ewropew(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2007 dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-ħidma tal-kumitati(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2009 dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-ħidma tal-kumitati u tad-delegazzjonijiet tiegħu(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Mejju 2009 dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fir-relazzjonijiet esterni tal-UE u fil-bini tal-paċi u tan-nazzjonijiet(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2012 dwar in-nisa fit-teħid ta' deċiżjonijiet politiċi – kwalità u ugwaljanza(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tat-3 ta' Frar 2016 dwar l-Istrateġija l-Ġdida għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri fl-Ewropa wara l-2015(11),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Frar 1996 bit-titolu "L-inkorporazzjoni ta' opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel fil-politiki u fl-attivitajiet kollha tal-Komunità" (COM(1996)0067), li fiha hija impenjat ruħha li tippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fl-attivitajiet u l-politiki kollha tagħha fil-livelli kollha, u b'hekk speċifikat il-prinċipju tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri,

–  wara li kkunsidra l-istudju bl-isem "Evaluation of the Strategy for Equality between women and men 2010-2015 as a contribution to achieve the goals of the Beijing Platform for Action" (Valutazzjoni tal-Istrateġija għall-Ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015 bħala kontribut għall-ksib tal-miri tal-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing) ippubblikat fl-2014 mid-Dipartiment Tematiku għall-Politiki Ċ tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-istudju bl-isem "Gender Mainstreaming in Committees and Delegations of the European Parliament" (L-Integrazzjoni tal-Perspettiva tal-Ġeneri fil-Kumitati u d-Delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew) ippubblikat fl-2014 mid-Dipartiment Tematiku għall-Politiki Ċ tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-istudju bl-isem "The EU Budget for Gender Equality" (Il-Baġit tal-UE għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi) ippubblikat fl-2015 mid-Dipartiment Tematiku għall-Politiki D tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra n-nota bl-isem "Guidance on the development of gender equality and the empowerment of women policies" (Gwida dwar l-iżvilupp tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-emanċipazzjoni tal-politiki tan-nisa) ippubblikata mill-UN Women f'Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra d-dokument bl-isem "Advances in EU Gender Equality: Missing the mark?" (Il-Progress fl-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-UE: Ma lħaqniex l-objettivi?) ippubblikat fl-2014 min-Netwerk Ewropew tal-Istituti għall-Politiki,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tar-Riżorsi Umani 2014 ippubblikat mid-Direttorat Ġenerali għall-Persunal tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0034/2016),

A.  billi l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistabbilixxi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri bħala prinċipju orizzontali u billi l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jistabbilixxi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi bħala valur tal-Unjoni;

B.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fiha dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-prinċipju orizzontali tal-ugwaljanza bejn is-sessi, u l-Artikolu 6 tat-TUE jirrikonoxxi li l-Karta għandha l-istess valur ġuridiku bħat-Trattati;

C.  billi l-ksib tal-ugwaljanza bejn is-sessi huwa element ċentrali għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, il-funzjonament tad-demokrazija, l-osservanza tal-istat tad-dritt, it-tkabbir ekonomiku, l-inklużjoni soċjali u s-sostenibilità;

D.  billi l-progress fil-ksib tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-UE qed jistaġna u billi b'din ir-rata fadlilha xi żmien biex tinkiseb;

E.  billi, fl-impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019, il-Kummissjoni ntrabtet li tkompli bl-azzjonijiet favur l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, anke permezz ta' eżerċizzji ta' valutazzjoni u monitoraġġ; billi wara l-2015 il-Kummissjoni ddeklassifikat l-impenn strateġiku tagħha għall-ugwaljanza bejn is-sessi għal dokument ta' ħidma tal-persunal;

F.  billi l-ħames objettiv tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli huwa l-kisba tal-ugwaljanza bejn is-sessi sal-2030;

G.  billi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri tfisser l-integrazzjoni ta' perspettiva tal-ġeneri f'kull aspett tal-politika tal-UE – it-tħejjija, it-tfassil, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-politiki, il-miżuri ġuridiċi u l-programmi ta' nfiq – bl-għan li tinkiseb l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel(12);

H.  billi l-integrazzjoni sistematika tal-perspettiva tal-ġeneri għandha tinkludi d-drittijiet, il-perspettivi u l-benesseri tal-persuni LGBTIQ u persuni ta' kull identità;

I.  billi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għandha tkun għodda proattiva u reattiva biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi;

J.  billi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri mhix mira politika fiha nnifisha, iżda mezz kruċjali biex tinkiseb l-ugwaljanza bejn is-sessi, dejjem flimkien ma' azzjonijiet u politiki speċifiċi oħra bil-mira li javvanzaw l-ugwaljanza bejn is-sessi;

K.  billi waħda mill-kompetenzi tal-kumitat responsabbli hija li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-oqsma kollha tal-politika;

L.  billi l-maġġoranza tal-kumitati parlamentari ġeneralment jagħtu importanza lill-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri (pereżempju fil-ħidma leġiżlattiva tagħhom, fir-relazzjonijiet ta' ħidma mal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u meta jfasslu pjanijiet ta' azzjoni dwar l-ugwaljanza), filwaqt li xi kumitati għandhom ftit jew l-ebda interess f'din il-kwistjoni;

M.  billi, mill-aħħar mandat parlamentari, il-kumitat responsabbli żviluppa prattika li jagħti kontributi ffukati għar-rapporti ta' kumitati oħra permezz ta' "emendi li jintegraw il-pespettiva tal-ġeneri"; billi skont studju ppubblikat fl-2014(13), 85 % tal-emendi li jintegraw il-perspettiva tal-ġeneri mressqa bejn Lulju 2011 u Frar 2013 ġew inkorporati fir-rapporti finali adottati mill-kumitati prinċipali; billi data ulterjuri minn Frar 2013 'il quddiem hija meħtieġa għal valutazzjoni aġġornata li trid issir dwar is-sitwazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-Parlament;

N.  billi, bħala segwitu għar-riżoluzzjoni tal-2003 dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, kull kumitat parlamentari jaħtar wieħed mill-Membri tiegħu bħala responsabbli għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, u b'hekk jiġi stabbilit "in-netwerk għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri"; billi r-riżoluzzjonijiet sussegwenti dwar dan is-suġġett talbu l-iżvilupp kontinwu ta' dan in-netwerk u biex jiġi stabbilit netwerk simili fid-delegazzjonijiet interparlamentari; billi n-netwerk hu appoġġjat minn netwerk fil-livell tal-persunal fis-segretarjati tal-kumitati;

O.  billi mtela' kwestjonarju mill-membri tan-netwerk sabiex jiġi vvalutat l-istat attwali tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-oqsma ta' politika rispettivi tagħhom;

P.  billi l-QFP (qafas finanzjarju pluriennali) hu akkumpanjat minn dikjarazzjoni konġunta mit-tliet istituzzjonijiet, li qablu li l-proċeduri baġitarji annwali applikati għall-QFP 2014-2020 se jintegraw, kif xieraq, elementi sensittivi għall-ġeneri, filwaqt li jitqiesu l-modi li bihom il-qafas finanzjarju ġenerali tal-Unjoni jikkontribwixxi għal aktar ugwaljanza bejn is-sessi (u jiżgura l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri); billi, minkejja dan, l-impenn reali li jitkomplew l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-emanċipazzjoni tan-nisa għandu jissaħħaħ, peress li l-politiki eżistenti ġew implimentati biss sa ċertu punt u ma ġewx allokati riżorsi baġitarji biżżejjed speċifikament għal kwistjonijiet dwar il-ġeneri;

Q.  billi l-ibbaġitjar skont il-ġeneri ma ġiex applikat b'mod konsistenti minn ebda istituzzjoni tal-UE;

R.  billi l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE) ġie stabbilit biex jikkontribwixxi għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u jsaħħaħha, inkluża l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-politiki kollha tal-UE u fil-politiki nazzjonali li jirriżultaw minnhom; billi l-EIGE żviluppa Pjattaforma dwar l-Integrazzjoni tal-Perspettiva tal-Ġeneri kif ukoll Glossarju u Teżawru dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi biex jappoġġja lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, lill-persunal tal-istituzzjonijiet tal-UE u lill-korpi governattivi fir-rigward tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-ħidma tagħhom;

S.  billi l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri tinvolvi kemm li tiġi integrata perspettiva tal-ġeneri fil-kontenut tal-politiki differenti, kif ukoll li tiġi indirizzata l-kwistjoni tar-rappreżentanza tan-nisa u l-irġiel f'oqsma partikolari ta' politika; billi ż-żewġ dimensjonijiet għandhom jitqiesu fil-fażijiet kollha tal-proċess tat-tfassil tal-politiki;

T.  billi l-politiki interni u esterni kollha tal-UE għandhom jitfasslu biex jibbenefikaw lis-subien u lill-bniet, u lill-irġiel u lin-nisa, kif ukoll lill-identitajiet l-oħra kollha tal-ġeneru bl-istess mod;

U.  billi l-implimentazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri hija elenkata fost in-nuqqasijiet ewlenin fil-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-istrateġija dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi 2010–2015;

V.  billi Parlament sensittiv għall-ġeneri għandu rwol kruċjali sabiex jiġu rimedjati l-iżbilanċi bejn il-ġeneri, għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fil-parteċipazzjoni ekonomika, soċjali u politika u l-espansjoni tal-qafas tal-politika dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi;

W.  billi taħriġ għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għall-Membri tal-PE u għall-persunal tal-Parlament, partikolarment dawk f'pożizzjonijiet ta' maniġment, huwa importanti għall-promozzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-oqsma u l-istadji kollha tal-politika;

X.  billi mhux qed jiġu allokati biżżejjed fondi u riżorsi umani biex jiġi żgurat progress reali fl-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-attivitajiet tal-Parlament;

Y.  billi l-ġbir sistematiku u perjodiku ta' data u statistika diżaggregata skont il-ġeneru fil-valutazzjonijiet tal-impatt u fil-proċess tat-tfassil tal-politika huwa indispensabbli għall-analiżi tal-avvanz tal-ugwaljanza bejn is-sessi; billi aktar riċerka kwalitattiva għandha titwettaq fi ħdan il-Parlament sabiex tiġi stabbilita l-importanza u l-impatt ta' strumenti għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fuq l-eżiti tal-politika, riżoluzzjonijiet u testi leġiżlattivi;

Z.  billi r-rappreżentanza femminili f'pożizzjonijiet ewlenin ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-livell politiku u dak amministrattiv, inklużi fil-gruppi politiċi tal-Parlament, għadha baxxa; billi n-nisa għandhom it-tendenza li jippresjedu kumitati li huma inqas konnessi mal-allokazzjoni ta' riżorsi u mat-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi; billi sabiex tittejjeb il-kwalità tad-deċiżjonijiet li jittieħdu, il-Parlament jeħtieġ li jiżgura li l-allokazzjoni ta' pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet tkun mifruxa b'mod ugwali bejn is-sessi; billi l-irġiel għandhom jimpenjaw ruħhom biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-oqsma kollha u fil-livelli kollha u Membri tal-PE irġiel għandhom jiġu mħeġġa jinvolvu ruħhom fl-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fix-xogħol tagħhom;

AA.  billi l-Parlament għandu l-istruttura organizzattiva fis-seħħ biex tiġi promossa l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-attivitajiet tiegħu, u din l-istruttura għandha tkun koordinata aħjar, imsaħħa u mwessa', b'rieda politika u amministrattiva friska, sabiex jintlaħaq grad ogħla ta' integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri;

AB.  billi hija meħtieġa aktar kooperazzjoni interistituzzjonali dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni sabiex jiġi żgurat li l-perspettivi tal-ġeneri jkunu jistgħu jiġu introdotti fl-istadji kollha taċ-ċiklu tal-politika, li jiffaċilita l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-ħidma tal-Parlament stess;

AC.  billi kontribut minn partijiet interessati esterni, bħalma huma l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, gruppi lokali tad-drittijiet tan-nisa u tal-ugwaljanza bejn is-sessi, istituzzjonijiet internazzjonali, is-settur akkademiku u l-parlamenti nazzjonali, huwa importanti għat-titjib tal-proċessi tal-Parlament għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, u sabiex jitrawmu l-iskambji reċiproċi għall-promozzjoni tal-aħjar prattika;

AD.  billi r-riżoluzzjoni dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri tal-Parlament, adottata fl-2007, talbet li ssir valutazzjoni li għandha ssir kull sentejn dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-ħidma tiegħu;

Valutazzjoni ġenerali tal-qafas istituzzjonali eżistenti

1.  Huwa tal-fehma li, sabiex tiġi integrata perspettiva tal-ġeneri fi proċess ta' politika, għandhom jiġu kkunsidrati żewġ aspetti differenti: il-kontenut tal-politika u r-rappreżentanza tal-ġeneri differenti fl-amministrazzjoni u fit-teħid tad-deċiżjonijiet; jinnota wkoll li data ċara dwar l-impatti tal-politika huma kruċjali għat-titjib kontinwu tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

2.  Jinnota li fl-istruttura organizzattiva tal-Parlament, entitajiet differenti huma responsabbli mill-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri kemm fil-livell ta' politika kif ukoll fil-livell tal-ħajja tax-xogħol:

   il-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità, li huwa responsabbli mill-promozzjoni ta' ugwaljanza sħiħa bejn in-nisa u l-irġiel f'kull aspett tal-ħajja tax-xogħol fis-Segretarjat tal-Parlament;
   il-kumitat responsabbli għal azzjoni speċifika mmirata lejn l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-ħidma tal-kumitati u d-delegazzjonijiet l-oħra;
   in-netwerk għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri;
   is-servizzi responsabbli mill-implimentazzjoni b'suċċess ta' rappreżentanza bilanċjata tal-ġeneri differenti fir-rigward tal-pożizzjonijiet kollha fl-organigramma;

3.  Jiddispjaċih li l-attivitajiet ta' dawn il-korpi differenti responsabbli mill-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri mhumiex qed jiġu koordinati jew integrati fil-Parlament jew ma' istituzzjonijiet oħra (l-ebda mekkaniżmu ta' kooperazzjoni interistituzzjonali għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri); jintrabat li jistabbilixxi kooperazzjoni effettiva bejn l-atturi kollha f'dan il-qafas istituzzjonali, abbażi ta' mekkaniżmi speċifiċi bħall-monitoraġġ u l-feedback dwar il-prestazzjoni;

4.  Itenni l-impenn tiegħu li regolarment jadotta u jimplimenta pjan ta' politika għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-Parlament, bl-għan ġenerali li jippromwovi l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel permezz tal-inkorporazzjoni effettiva tal-perspettiva tal-ġeneri fil-politiki u l-attivitajiet, inklużi l-istrutturi ta' teħid ta' deċiżjonijiet u l-amministrazzjoni;

5.  Jitlob li n-netwerk għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, li jirrappreżenta kumitati iżda wkoll delegazzjonijiet interparlamentari, jiġi żviluppat kontinwament u li jkun involut bis-sħiħ fil-monitoraġġ regolari tas-sitwazzjoni attwali tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fl-oqsma ta' politika; jinnota l-ħtieġa għal parteċipazzjoni akbar u parteċipazzjoni attiva mill-Membri tal-PE fin-netwerk u jitlob li s-sostituti tal-Membri tal-PE jiġu miżjuda fin-netwerk sabiex tiżdied il-parteċipazzjoni, bħalma jsir għall-kumitati u d-delegazzjonijiet;

6.  Jenfasizza li, skont l-istudju tal-2014 imsemmi hawn fuq dwar din il-kwistjoni, l-aktar għodda effettiva biex tiddaħħal perspettiva tal-ġeneri fil-proċess ta' politika kien l-użu ta' proċeduri li jinvolvu kooperazzjoni ma' kumitati oħra; jenfasizza l-ħtieġa li l-kumitati l-oħra jappoġġjaw il-ħidma dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u jimplimentawha fl-attivitajiet tagħhom;

7.  Jistieden lis-servizzi responsabbli jkomplu jaħdmu fuq miżuri speċifiċi li jippromwovu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; jiddispjaċih li fost l-uffiċjali tal-PE, in-nisa għadhom fil-maġġoranza fil-grupp ta' funzjoni tal-assistenti (AST); jitlob li jkun hemm analiżi annwali tal-qagħda attwali tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Parlament, ibbażata fuq data diżaggregata skont il-ġeneri, fil-livelli kollha tal-persunal u l-korpi politiċi, inklużi l-assistenti parlamentari, u li dan ir-rappurtar isir pubbliku;

8.  Jitlob li jiġu indirizzati l-ostakli strutturali, u biex jinħoloq ambjent favorevoli li jħeġġeġ il-parteċipazzjoni tan-nisa f'pożizzjonijiet ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-livelli kollha, bħal miżuri ta' rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u miżuri ta' azzjoni pożittiva, li permezz tagħhom l-għadd tal-ġeneru sottorappreżentat ikun jista' jiżdied f'pożizzjonijiet li huma ddominati minn nisa jew mill-irġiel; jitlob lill-partiti politiċi biex jagħrfu r-responsabilitajiet tagħhom favur il-promozzjoni tan-nisa, peress li s-setgħa li jirreklutaw, jagħżlu u jinnominaw il-kandidati tinsab f'idejn dawn il-partiti;

9.  Jiddeplora l-fatt li l-miri għall-bilanċ bejn is-sessi fil-livell tal-maniġment intermedju u superjuri adottati mill-Bureau fl-2006 (ir-rapport Kaufmann) ma ntlaħqux sal-iskadenza tal-2009, u lanqas sal-lum; jinnota li dawn il-miri ġew sussegwentement ikkonfermati mill-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità għas-snin sussegwenti; iħeġġeġ it-teħid ta' miżuri effettivi, korrettivi u estensivi sabiex jintlaħqu dawn il-miri tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-iqsar żmien possibbli;

10.  Jinnota li l-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità huwa responsabbli mill-adozzjoni ta' Pjan ta' Azzjoni għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza u d-Diversità fil-Parlament u mill-iżgurar tal-implimentazzjoni tiegħu; jistieden lill-grupp ta' livell għoli, bl-appoġġ tas-servizzi kompetenti, jippreżenta pjan direzzjonali komprensiv għall-ugwaljanza bejn is-sessi li juri kif għandha tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa fil-pożizzjonijiet ta' maniġment intermedju u superjuri għal 40 % sal-2020; jistieden lid-Direttorat Ġenerali għall-Persunal u lill-gruppi politiċi biex jikkunsidraw li jipproponu kemm mara kif ukoll raġel għal pożizzjonijiet ta' Kap ta' Unità meta jkun hemm pożizzjonijiet vakanti;

11.  Jirrakkomanda li r-rapporteur permanenti dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, ladarba dik il-pożizzjoni tkun ġiet stabbilita, għandu jaħdem flimkien mal-Grupp ta' Livell Għoli biex jiżgura li jintlaħqu l-miri tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għas-Segretarjat tal-Parlament u l-persunal tiegħu ;

12.  Jistieden lill-gruppi politiċi jikkunsidraw li jipproponu kemm mara kif ukoll raġel għall-pożizzjoni ta' President tal-kumitati u l-gruppi;

13.  Jinnota li r-rappreżentanza indaqs bejn il-ġeneri f'kull kumitat hija mixtieqa, sa fejn jippermettu ċ-ċirkostanzi; jistieden lill-gruppi politiċi jikkunsidraw in-nomina ta' Membri tal-PE mill-ġeneru sottorappreżentat f'kull Kumitat, b'mod ikkoordinat; jistieden lill-gruppi politiċi biex jaħtru numru ugwali ta' Membri tal-PE irġiel u nisa bħala membri u sostituti tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, biex jinkoraġġixxu l-involviment tal-irġiel fil-politika tal-ugwaljanza bejn is-sessi;

Għodod għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri

14.  Jenfasizza li l-prattika li jintużaw emendi li jintegraw il-perspettiva tal-ġeneri wriet li hi aktar effettiva mill-opinjonijiet peress li jkunu aktar konċiżi, jistgħu jitressqu malajr u jikkonċernaw kwistjonijiet ewlenin, speċifiċi u delimitati; itenni l-istedina tiegħu lill-kumitat kompetenti biex jinkludi din il-prattika ta' emendi li jintegraw il-perspettiva tal-ġeneri fir-Regoli ta' Proċedura, b'kunsiderazzjoni għar-rwol speċifiku tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri bħala prinċipju orizzontali; jitlob li jkun hemm kooperazzjoni eqreb bejn il-kumitati u koordinazzjoni effettiva bejn in-netwerk għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u l-kumitat kompetenti kemm fil-livell politiku kif ukoll f'dak amministrattiv, bl-għan li tinkiseb dimensjoni tal-ġeneru sostanzjali fir-rapporti; jenfasizza l-importanza tar-rwol tal-membri tan-netwerk f'kull kumitat fl-iffaċilitar ta' kontribut effettiv mill-kumitat kompetenti permezz ta' emendi li jintegraw il-perspettiva tal-ġeneri u opinjonijiet, u jitlob koordinazzjoni effettiva bejn il-membri responsabbli tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u membri tan-netwerk tal-proċedura tal-emendi li jintegraw il-perspettiva tal-ġeneri; itenni l-ħtieġa ta' koordinazzjoni mill-qrib bejn il-kumitat kompetenti u l-kumitati ewlenin dwar emendi li jintegraw il-perspettiva tal-ġeneri u opinjonijiet, biex jiġi żgurat l-aħjar skedar u ppjanar għal kontribut effettiv għar-rapport tal-kumitat ewlieni;

15.  Jiddispjaċih li, minkejja d-dikjarazzjoni interistituzzjonali dwar l-iżgurar tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri mehmuża mal-QFP, s'issa ma ttieħdet l-ebda miżura dwar l-ibbaġitjar għall-perspettiva tal-ġeneri ; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiġi sorveljat mill-qrib kif il-prinċipji tad-dikjarazzjoni konġunta ġew implimentati fir-rigward tal-proċeduri baġitarji annwali, u jitlob li l-kumitat responsabbli jingħata rwol formali fir-reviżjoni tal-QFP;

16.  Jenfasizza li bbaġitjar sensittiv għall-ġeneri fil-forma ta' ppjanar, ipprogrammar u bbaġitjar li jikkontribwixxi għall-avvanz tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-twettiq tad-drittijiet tan-nisa huwa waħda mill-għodod ewlenin li jintużaw minn dawk li jfasslu l-politika biex jindirizzaw disparitajiet bejn is-sessi; jiddispjaċih li l-eżerċizzju ta' bbaġitjar għall-perspettiva tal-ġeneri wera li l-perspettiva tal-ġeneri għadha 'l bogħod milli tiddaħħal fil-politiki kollha, fil-livelli kollha u f'kull stadju tal-proċess ta' tfassil ta' politiki; jinnota li, f'dan il-kuntest, huwa kruċjali b'mod partikolari li tinbena kapaċità interna dwar ibbaġitjar sensittiv għall-perspettiva tal-ġeneri sabiex jissaħħaħ ir-rwol ta' skrutinju tal-Parlament dwar dawn il-kwistjonijiet; jinnota li l-implikazzjonijiet ta' deċiżjonijiet ta' nfiq u dħul għandhom impatt estremament differenti fuq in-nisa u l-irġiel u jenfasizza li l-Membri tal-PE fuq il-kumitati rilevanti għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni dawn l-effetti differenti fit-tfassil tal-baġits; jenfasizza li bbaġitjar sensittiv għall-perspettiva tal-ġeneri jippromwovi r-responsabilità u t-trasparenza fir-rigward tal-impenn tal-Parlament lejn l-ugwaljanza bejn is-sessi;

17.  Jieħu nota li l-Kummissjoni impenjat ruħha li tkompli l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri billi tinkorpora kunsiderazzjonijiet tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-valutazzjonijiet tal-impatt u fl-evalwazzjonijiet b'konformità mal-prinċipji tar-Regolamentazzjoni Aħjar u qed tikkunsidra li toħroġ rapport dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-Kummissjoni fl-2017;

18.  Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jiġu allokati biżżejjed riżorsi wkoll fil-livell tal-Parlament sabiex jiġu żviluppati valutazzjonijiet tal-impatt fir-rigward tal-ġeneru u analiżijiet imsejsa fuq il-perspettiva tal-ġeneri; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjonijiet tal-impatt sistematiċi abbażi tal-ġeneru fuq proposti leġiżlattivi jew ta' politika ġodda, abbażi tal-valutazzjoni msaħħa tal-impatt tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali u biex ikun garantit li l-UE qed tirrispetta d-drittijiet tan-nisa; jenfasizza li tali analiżijiet u metodi użati għall-ġbir ta' data għandhom ikunu sensittivi għall-esperjenzi ta' persuni LGBTIQ; jissottolinja li l-kumitati għandhom jiġu mħeġġa jieħdu vantaġġ minn kompetenzi esperti interni kif ukoll kompetenzi esperti esterni ta' istituzzjonijiet u korpi oħra mis-settur pubbliku jew privat li huma attivi fil-promozzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri;

19.  Jistieden lill-EIGE jippreżenta informazzjoni b'mod regolari lil kull kumitat bl-għan li l-perspettiva tal-ġeneri tiġi enfasizzata f'kull settur tat-tfassil ta' politiki u biex jagħmel id-data u l-għodod li żviluppa disponibbli, bħall-pjattaforma għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, bħala parti minn eżerċizzju usa' ta' bini ta' kapaċitajiet indirizzat ukoll għall-persunal u l-assistenti parlamentari; jistieden lis-Servizz ta' Riċerka biex iwettaq riċerka kwalitattiva u kwantitattiva dettaljata regolari dwar il-progress tal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Parlament u l-funzjonament tal-istruttura organizzattiva ddedikati għalih;

20.  Jiddispjaċih li, attwalment, l-EIGE m'għandux biżżejjed riżorsi biex iwettaq ix-xogħol kollu li huwa mitlub li jagħmel, u għalhekk jenfasizza li hemm ħtieġa li jiġi żgurat li l-baġit tal-EIGE jiġi emendat f'konformità mal-mandat estensiv tiegħu;

21.  Jinnota li, fir-risposti għall-kwestjonarji dwar is-sitwazzjoni tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kumitati parlamentari, għodod speċifiċi ġew enfasizzati bħala effettivi fl-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-ħidma tal-kumitati, fosthom:

   id-distribuzzjoni ta' dokumenti ewlenin u l-inklużjoni ta' kwistjonijiet dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi f'termini ta' riferenza ta' studji kkummissjonati;
   l-enfasi fuq l-użu ta' terminoloġija u ta' definizzjonijiet speċifiċi fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi;
   il-promozzjoni ta' valutazzjoni ex-ante u ex-post tal-abbozzi ta' proposti għal leġiżlazzjoni relatati ma' ftehimiet futuri;
   it-taħriġ u l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni għall-Membri, il-persunal, il-konsulenti politiċi u l-assistenti;

u jirrakkomanda bil-qawwa l-iżvilupp u l-implimentazzjoni ulterjuri ta' dawn l-għodod fil-ħidma tal-Parlament;

22.  Ifakkar li l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-valutazzjonijiet u l-programmi teħtieġ ukoll miżura ta' segwitu effettiva li għandha titwettaq sabiex jiġu indirizzati l-effettività u l-problemi possibbli ta' kull azzjoni; jenfasizza li huwa importanti li jiġu implimentati miżuri korrettivi fejn ikun meħtieġ, u li tiġi żviluppata l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri jekk jiġi nnutat nuqqas ta' progress wara l-implimentazzjoni tal-miżuri korrettivi;

23.  Jirrakkomanda li d-Direttorat Ġenerali għall-Komunikazzjoni tal-Parlament jinkludi perspettiva tal-ġeneri aktar b'saħħitha fir-rappurtar tiegħu fit-tfassil tal-politika tal-Parlament;

24.  Jesprimi l-appoġġ sħiħ tiegħu għall-iżvilupp immirat u regolari ta' taħriġ għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, b'riżorsi adegwati u mfassal apposta għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-Parlament, indirizzat għall-membri kollha tal-persunal tal-Parlament li jaħdmu f'oqsma politiċi, b'taħriġ aktar estensiv previst għall-maniġment medju u superjuri, b'mod partikolari l-Kapijiet tal-Unità; jitlob li jkun magħmul disponibbli taħriġ tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri għall-Membri tal-PE, l-assistenti parlamentari u l-persunal tal-gruppi politiċi; jitlob li jiġi organizzat taħriġ dwar it-tmexxija għan-nisa, filwaqt li n-nisa jiġu offruti l-esperjenza ta' pożizzjonijiet ta' tmexxija; jirrakkomanda li sessjonijiet ta' taħriġ ikunu jinkludu informazzjoni dwar il-forom ta' diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li s-servizzi kollha tiegħu jkunu konxji mir-responsabilitajiet tagħhom fl-implimentazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, inklużi dawk inkarigati mir-riżorsi umani, is-sigurtà u l-faċilitajiet; jissuġġerixxi l-introduzzjoni ta' linji gwida speċifiċi ta' riżorsi umani li jimplimentaw b'mod effettiv l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri sabiex itejbu l-benesseri tal-persunal kollu, inklużi nies LGBTIQ, fil-post tax-xogħol;

L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-ħidma tal-kumitati

25.  Itenni t-talba li jiġi onorat l-impenn li jinħareġ rapport biannwali dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-ħidma tal-Parlament; huwa konxju mir-rwol li għandu n-netwerk għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-valutazzjoni tal-istat attwali tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri f'kull qasam ta' politika u jirrakkomanda li l-kwestjonarju li jservi bħala bażi għar-rapport imsemmi hawn fuq isir metodu ta' monitoraġġ annwali;

26.  Jinnota li, fit-tweġibiet tagħhom għall-kwestjonarji, il-membri tan-netwerk ġeneralment wieġbu li, fil-qasam ta' politika speċifiku tagħhom, il-bżonnijiet speċifiċi għall-ġeneru kienu qed jiġu kkunsidrati f'diversi attivitajiet bħal rapporti, emendi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi, studji, seduti ta' smigħ, missjonijiet u skambji ta' fehmiet;

27.  Jilqa' l-inizjattivi speċifiċi meħuda minn diversi kumitati parlamentari f'dan il-qasam; jiddispjaċih li maġġoranza kbira tal-kumitati la adottaw u lanqas iddiskutew pjan ta' azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi għal ħidmithom; jenfasizza kemm huwa importanti li l-korpi kompetenti kollha jaħdmu mal-kumitati u d-delegazzjonijiet kollha sabiex jaqsmu l-aħjar prattiki, fosthom, permezz tan-netwerk għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, u biex jistabbilixxu proċedura ċara, li tkun inkorporata fir-Regoli ta' Proċedura, dwar l-adozzjoni ta' pjan ta' azzjoni dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi minn kull kumitat u delegazzjoni; jirrakkomanda li kull kumitat jorganizza seduta ta' smigħ dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-qasam tiegħu ta' politika darba kull sentejn, biex jikkoinċidi mat-tfassil ta' rapport dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri;

28.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi evalwat bir-reqqa l-funzjonament tan-netwerk għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri u li jiġu identifikati modi kif jiġi żgurat involviment aktar mill-qrib u aktar għarfien fost il-membri tan-netwerk; jirrakkomanda li l-membri u s-sostituti tan-netwerk għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri jieħdu impenn għall-ugwaljanza bejn is-sessi, iżda jirrimarka li dawn mhux neċessarjament iridu jkunu membri tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, billi dan jippermetti li grupp akbar ta' Membri tal-PE jaħdem fuq l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri; jirrakkomanda kuntatt u skambji regolari bejn il-kumitat responsabbli u n-netwerk;

29.  Jirrakkomanda li n-netwerk għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri jkun kopresjedut mill-kumitat responsabbli ma' membru ieħor tan-netwerk, u li dan tal-aħħar jinħatar fuq bażi ta' rotazzjoni minn fost il-kumitati differenti sabiex jingħata l-messaġġ li l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri tikkonċerna lill-kumitati kollha;

30.  Hu tal-fehma li jeħtieġ li jinħoloq korp ta' monitoraġġ intern sabiex ikun hemm segwitu u evalwazzjoni ex-post tal-implimentazzjoni ta' għodod u azzjonijiet; jappella għall-formulazzjoni ta' deskrizzjonijiet speċifiċi tal-funzjonijiet għall-membri tal-persunal responsabbli mill-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kumitati; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jevalwaw il-progress tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-kumitati u d-delegazzjonijiet darbtejn fis-sena;

Kooperazzjoni interistituzzjonali bħala appoġġ għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri

31.  Jemmen li relazzjonijiet interistituzzjonali aktar b'saħħithom se jtejbu l-bilanċ bejn il-ġeneri fit-tfassil tal-politiki tal-UE; jinnota li għadha ma ġie stabbilita l-ebda kooperazzjoni strutturata dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri ma' sħab istituzzjonali oħra, bħall-Kummissjoni u l-EIGE; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi qafas adegwat għall-istabbiliment ta' kooperazzjoni interistituzzjonali għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri, u wkoll li jinvolvu partijiet interessati oħra f'dan il-qasam;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni ssegwi r-riżultati tal-konsultazzjoni pubblika u l-pożizzjonijiet tal-Parlament u tal-Kunsill billi tadotta immedjatament komunikazzjoni dwar Strateġija ġdida għall-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri u d-Drittijiet tan-Nisa wara l-2015 li tindirizza kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri f'konformità mal-aġenda internazzjonali;

33.  Jirrakkomanda li d-data tiġi pprovduta annwalment mill-Ombudsman Ewropew lill-Grupp ta' Livell Għoli tal-Parlament dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u d-Diversità, f'dak li jirrigwarda l-ilmenti dwar amministrazzjoni ħażina relatata mal-ugwaljanza bejn is-sessi fil-Parlament, bir-rispett dovut għad-Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw il-qadi tad-dmirijiet tal-Ombudsman;

34.  Jemmen li l-iskambju tal-aħjar prattika ma' organizzazzjonijiet oħra se jsaħħaħ il-bini tal-kapaċitajiet tal-Parlament u l-effettività fl-implimentazzjoni tal-intergrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri; jitlob li jiġu organizzati skambji tal-aħjar prattika fil-livelli kollha ma' istituzzjonijiet u organizzazzjonijiet oħra bħall-UN Women, il-Kunsill tal-Ewropa, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-partijiet interessati involuti fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi, bħal korpi tal-ugwaljanza bejn is-sessi, is-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet mhux governattivi; iħeġġeġ il-parteċipazzjoni fil-programmi speċifiċi ta' bini ta' kapaċitajiet ta' organizzazzjonijiet internazzjonali oħra u l-ksib tal-appoġġ tagħhom fl-organizzazzjoni ta' programmi mfassla apposta għall-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri;

35.  Jitlob li d-Direttorat Ġenerali għall-Persunal jagħmel skambju tal-aħjar prattiki b'rabta mal-ugwaljanza bejn is-sessi u d-diversità u tal-assistenza teknika, pereżempju mal-Kungress tal-Istati Uniti u korpi nazzjonali għall-ugwaljanza, dwar il-promozzjoni ta' komunitajiet ta' minoranzi etniċi u razzjali sottorappreżentati fi proċeduri ta' reklutaġġ għal perjodu qasir ta' żmien u f'kompetizzjonijiet tal-EPSO; jitlob li jkun hemm enfasi fuq apprendisti, u biex jiġu żviluppati inizjattivi u programmi dedikati għall-promozzjoni ta' programmi ta' apprendistati taż-żgħażagħ għaż-żgħażagħ, b'mod partikolari n-nisa, minn gruppi sottorappreżentati ta' minoranza etnika u razzjali;

36.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm djalogu miftuħ u kontinwu mal-parlamenti nazzjonali sabiex jiġu stabbiliti skambji regolari ta' opinjonijiet, skambju ta' tekniki ġodda u rappurtar lura dwar valutazzjoni tal-impatt tal-politiki, bl-għan ta' promozzjoni ta' approċċ komuni u l-iżvilupp ulterjuri tal-aħjar prattiki għall-avvanz tal-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri; jirrakkomanda li jiġu organizzati laqgħat interparlamentari regolari dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri;

o
o   o

37.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) ĠU C 341 E, 16.12.2010, p. 35.
(2) ĠU C 199 E, 7.7.2012, p. 65.
(3) ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 1.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0050.
(5) ĠU C 61 E, 10.3.2004, p. 384.
(6) ĠU C 244 E, 18.10.2007, p. 225.
(7) ĠU C 184 E, 8.7.2010, p. 18.
(8) ĠU C 212 E, 5.8.2010, p. 32.
(9) ĠU C 251 E, 31.8.2013, p. 11.
(10) Testi adottati, P8_TA(2015)0218.
(11) Testi adottati, P8_TA(2016)0042.
(12) SWD(2015)0278.
(13) "Gender Mainstreaming in Committees and Delegations of the European Parliament" (L-Integrazzjoni tal-Perspettiva tal-Ġeneri fil-Kumitati u d-Delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew), Dipartiment Tematiku għall-Politiki Ċ tal-Parlament Ewropew.

Avviż legali