Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2325(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0024/2016

Testi mressqa :

A8-0024/2016

Dibattiti :

PV 08/03/2016 - 5
CRE 08/03/2016 - 5

Votazzjonijiet :

PV 08/03/2016 - 6.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0073

Testi adottati
PDF 390kWORD 139k
It-Tlieta, 8 ta' Marzu 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni tan-nisa rifuġjati u li jfittxu l-asil fl-UE
P8_TA(2016)0073A8-0024/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Marzu 2016 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa rifuġjati u li jfittxu l-asil fl-UE (2015/2325(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 78 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1951 u l-Protokoll tal-1967 dwar l-Istatus ta' Rifuġjati,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 32 tal-14 ta' Novembru 2014 tal-Kumitat CEDAW dwar id-dimensjoni relatata mal-ġeneru tal-istatus ta' rifuġjat, l-asil, iċ-ċittadinanza u l-apolidija tan-nisa,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Programm ta' Azzjoni ta' Beijing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995 u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing +5, Beijing +10, Beijing +15 u Beijing +20,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2015 bl-isem "Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni" (COM(2015)0240),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti (2015 - 2020)' (COM(2015)0285),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-migrazzjoni tat-12 ta' Ottubru 2015, u b'mod partikolari l-impenn espress fihom lejn id-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-bniet,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/629/JHA,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi lista komuni ta' pajjiżi ta' oriġini sikuri tal-UE għall-iskopijiet tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, u li jemenda d-Direttiva 2013/32/UE (COM(2015)0452),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Lulju 2007 dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali depożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill bl-isem "Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020" tas-26 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma konġunt tal-persunal tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Ewropea għall-affarijiet barranin u l-politika ta' sigurtà tal-25 ta' Marzu 2015 bl-isem "Implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-2014" (SWD(2015)0076),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew fl-inkjesta fuq inizjattiva proprja OI/5/2012/BEH-MHZ li tikkonċerna l-Frontex(1)

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0024/2016),

A.  billi numru straordinarju u li dejjem qed jikber ta' rġiel, nisa u tfal qed ifittxu protezzjoni internazzjonali fl-UE minħabba kunflitti kontinwi, instabilità reġjonali u ksur ta' drittijiet tal-bniedem, inkluż vjolenza sessista u stupru bħala armi tal-gwerra;

B.  billi hemm grad għoli ta' inugwaljanza bejn is-sessi tal-applikanti għal asil fl-Unjoni Ewropea; billi n-nisa jikkostitwixxu madwar terz tal-persuni li japplikaw għal asil; billi bejn il-bidu tal-2015 u Novembru tal-istess sena, madwar 900 000 ruħ qasmu l-Baħar Mediterran biex jilħqu x-xtut tal-Ewropa, u n-nisa u t-tfal ammontaw għal madwar 38 % tat-total; billi l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) irrapporta li, minn Jannar 2016, in-nisa u t-tfal jikkostitwixxu 55 % ta' dawk li jaslu l-Greċja biex ifittxu asil fl-UE; billi wisq nies tilfu ħajjithom matul dawn il-vjaġġi ta' tama u ħafna minnhom kienu nisa;

C.  billi n-nisa kif ukoll il-persuni LGBTI huma soġġetti għal forom speċifiċi ta' persekuzzjoni bbażata fuq il-ġeneru, li spiss għadha mhijiex rikonoxxuta fil-proċeduri għall-asil;

D.  billi r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà ma laħqitx l-objettiv primarju tagħha li tħares lin-nisa u żżid sostanzjalment il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċessi politiċi u tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

E.  billi, skont l-UNHCR, madwar 20 000 mara u tifla minn pajjiżi ta' oriġini li jipprattikaw il-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF) jfittxu asil fi Stati Membri tal-UE kull sena; billi numru kbir ta' nisa li jippreżentaw talba għal asil ikunu qed jagħmlu hekk abbażi ta' biża' mill-MĠF;

F.  billi, skont stima tal-UNHCR, 71 % tal-applikanti nisa għal asil fl-UE minn pajjiżi li jipprattikaw il-MĠF huma vittmi tal-MĠF; billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ħadet deċiżjonijiet li jwaqqfu t-tkeċċija ta' bniet f'riskju li jiġu furzati jsofru mutilazzjoni ġenitali, minħabba l-ħsara irreparabbli li probabbli ssirilhom fis-saħħa fiżika u psikoloġika tagħhom;

G.  billi n-nisa u l-bniet li jfittxu asil għandhom ħtiġijiet speċifiċi ta' protezzjoni u tħassib differenti mill-irġiel, li jirrikjedu li l-implimentazzjoni tal-politiki u proċeduri tal-asil kollha, inkluża l-valutazzjoni ta' applikazzjonijiet għal asil, ikunu sensittivi għad-differenzi bejn il-ġeneri u jkunu individwali; billi t-talbiet għal asil relatati ma' vjolenza għandhom jiġu ttrattati b'mod li jipproteġi lin-nisa minn vittimizzazzjoni sekondarja waqt il-proċess tal-asil;

H.  billi l-proċess ta' integrazzjoni u d-drittijiet tan-nisa u l-bniet jiġu mminati meta l-istatus ġuridiku tagħhom ikun dipendenti fuq il-konjuġi tagħhom;

I.  billi l-atti rilevanti li jagħmlu s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil għandhom ikunu trasposti u implimentati skont il-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u strumenti rilevanti oħra;

J.  billi t-trattament tan-nisa u l-bniet li qed ifittxu asil fl-Istati Membri huwa inkonsistenti, u fadal ħafna nuqqasijiet sinifikanti;

K.  billi n-nisa rifuġjati u dawk li jfittxu asil ikunu ta' spiss soġġetti għal diversi forom ta' diskriminazzjoni u huma aktar vulnerabbli għall-vjolenza sesswali u sessista fil-pajjiżi ta' oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni tagħhom; billi n-nisa u l-bniet mhux akkumpanjati, in-nisa kapijiet ta' unità domestika, in-nisa tqal, il-persuni b'diżabilità u l-anzjani huma partikolarment vulnerabbli;

L.  billi r-rifuġjati nisa mhux biss jiffaċċjaw theddid għas-sikurezza personali tagħhom (vjaġġi twal u perikolużi lejn eżilju, fastidju, indifferenza uffiċjali u, ta' sikwit, abbuż u vjolenza sesswali, anke meta jkunu laħqu post li jidher sikur u l-istigmatizzazzjoni soċjali li tirriżulta), iżda huma wkoll responsabbli għas-sigurtà fiżika, is-sigurtà soċjali u s-sopravivenza tal-familji tagħhom;

M.  billi bosta rifuġjati li waslu fl-Ewropa jgħixu f'kundizzjonijiet improvizzati f'kampijiet jew fit-toroq, u n-nisa u l-bniet huma partikolarment vulnerabbli;

N.  billi n-netwerks kriminali qegħdin japprofittaw ruħhom min-nuqqas ta' passaġġ sikur lejn l-UE għall-persuni li jfittxu asil u r-rifuġjati, l-instabilità reġjonali, il-kunflitt u l-vulnerabilità tan-nisa u l-bniet li jippruvaw jaħarbu, sabiex jisfruttawhom permezz tat-traffikar u l-isfruttament sesswali;

O.  billi n-nisa li huma vittmi tal-vjolenza u t-traffikar huma aktar esposti għar-riskju ta' mard trażmess sesswalment;

P.  billi l-Uffiċċju tal-UNHCR irrapporta każijiet ta' vjolenza u abbuż, inkluża vjolenza sesswali, kontra rifuġjati nisa u tfal, matul il-vjaġġ tagħhom u inkluż fiċ-ċentri ta' akkoljenza affollati fl-UE;

Q.  billi n-nisa u l-bniet li jfittxu kenn fl-UE sikwit jaħarbu minn reġimi oppressivi fir-rigward tan-nisa, li ma jirrikonoxxux l-ugwaljanza tan-nisa mal-irġiel, li jittolleraw il-vjolenza kontra n-nisa, l-abbuż u ż-żwiġijiet tat-tfal, bikrija u furzati;

R.  billi ta' spiss, iċ-ċentri ta' akkoljenza ma jkun fihom l-ebda żoni interni li jkunu xierqa għall-ommijiet li jokkupawhom u li jkollhom isostnu u jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom; billi, barra minn hekk, il-faċilitajiet ta' assistenza legali ma jagħtux appoġġ adegwat fl-għoti ta' informazzjoni u fl-għajnuna fit-tiftix għall-membri tal-familja;

S.  billi l-ħtiġijiet l-aktar bażiċi għall-prevenzjoni ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneri, li huma kmamar tal-banju, doċoċ u arranġamenti tal-irqad separati għan-nisa, mhumiex rispettati fil-faċilitajiet ta' akkoljenza u ta' transitu madwar l-Unjoni Ewropea;

T.  billi l-bniet li qed jaħarbu l-kunflitt u l-persekuzzjoni huma f'riskju akbar ta' żwieġ tat-tfal bikri u furzat, ta' stupru u abbuż sesswali u fiżiku, u ta' prostituzzjoni;

U.  billi s-separazzjoni mill-membri tal-familja, inkluż meta jkunu detenuti, tesponi lin-nisa u t-tfal għal riskji akbar;

V.  billi r-riunifikazzjoni tal-familja, għalkemm huwa dritt bażiku tal-bniedem, hija sistematikament imdewma u saħansitra miksura, u billi n-nisa u t-tfal huma l-ewwel vittmi taċ-ċaħda u d-dewmien ta' dan id-dritt;

W.  billi n-nisa huma ta' sikwit furzati jaċċettaw xogħol mhux dikjarat f'kundizzjonijiet degradanti sabiex ikunu jistgħu joqogħdu fil-pajjiż tal-wasla tagħhom;

X.  billi l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing enfasizzat il-ħtieġa li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti fil-livelli ta' teħid ta' deċiżjonijiet u l-ħtieġa li nisa rifuġjati, spustati u migranti jiġu involuti kif jixraq f'deċiżjonijiet li jaffettwawhom;

Y.  billi l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 5 huwa intiż sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-għajxien għan-nisa sal-2030;

1.  Jemmen li, biex tittejjeb is-sigurtà u s-sikurezza tar-rifuġjati nisa u bniet, alternattivi sikuri u legali lejn l-UE għandhom ikunu disponibbli għal dawk li qed jaħarbu l-kunflitt u l-persekuzzjoni, u li għandha titqies l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jenfasizza b'mod partikolari li aktar Stati Membri għandhom jipparteċipaw fi Programmi ta' Risistemazzjoni tal-UE; jemmen li l-leġiżlazzjoni u l-politiki dwar l-immigrazzjoni irregolari m'għandhomx jipprevjenu l-aċċess għall-proċeduri ta' asil tal-UE; jenfasizza li d-dritt għal asil huwa stabbilit fl-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jinfetħu immedjatament alternattivi sikuri u legali ta' asil, sabiex jiġu miġġielda n-netwerks ta' kuntrabandu kif ukoll sabiex kulma jmur in-nisa, it-tfal, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità jkunu jistgħu ifittxu kenn bla ma jissugraw ħajjithom; huwa mħasseb ħafna dwar l-imwiet, il-pushbacks u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-fruntieri esterni tal-UE; iqis li r-responsabilitajiet u l-ispejjeż u l-benefiċċji jridu jinqasmu mit-28 Stat Membru kollha u mhux biss mill-pajjiżi tal-ewwel wasla; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' solidarjetà fost l-Istati Membri;

3.  Jenfasizza l-importanza li n-nisa rifuġjati jkunu reġistrati individwalment u jingħatawlhom id-dokumenti li jiggarantixxu s-sikurezza personali tagħhom, il-libertà tal-moviment u l-aċċess għal servizzi essenzjali, kif mitlub mill-UNHCR;

4.  Jenfasizza li l-prinċipju ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri għandu jiġi osservat fil-kumitati ta' koordinazzjoni u kull tip ieħor ta' korp li jirrappreżenta r-rifuġjati, kemm f'żoni urbani kif ukoll rurali, u fil-kampijiet tar-rifuġjati, inkluż f'żoni fejn ir-rifuġjati jiġu mibgħuta lura, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tan-nisa rifuġjati u li jkunu qed ifittxu asil jiġu rispettati u li l-ħtiġijiet tagħhom jiġu ssodisfati;

5.  Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri kollha u lill-Unjoni Ewropea biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (il-Konvenzjoni ta' Istanbul);

6.  Jitlob lill-Istati Membri biex, f'kollaborazzjoni mal-UE, jiggarantixxu konsulenza għat-trawma u kura psikoloġika speċjalizzati għan-nisa li jkunu esperjenzaw ħsara abbażi tal-ġeneru, bl-involviment dirett ta' nisa kwalifikati li jkunu speċjalisti fil-qasam, u li jkunu disponibbli fl-istadji kollha tal-proċess tal-asil;

7.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar rapporti li nisa u tfal qed jinvolvu rwieħhom f'sess għas-sopravvivenza biex iħallsu l-kuntrabandisti sabiex ikomplu l-vjaġġ tagħhom u jfittxu asil fl-UE; jenfasizza mill-ġdid li alternattivi sikuri u legali lejn l-Ewropa huma essenzjali biex din ir-realtà tiġi evitata b'mod effikaċi;

8.  Iħeġġeġ lill-UE tinkludi perspettiva sensittiva għall-ġeneri fl-istabbiliment ta' mekkaniżmu għall-ilmenti fi ħdan l-uffiċċju tal-uffiċjal tal-Frontex għad-Drittijiet Fundamentali u tindirizza ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-Frontex, mill-Istati Membri u minn uffiċjali f'pajjiżi terzi waqt li jikkooperaw mal-Frontex, kif mitlub fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-2 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew fl-inkjesta fuq inizjattiva proprja OI/5/2012/BEH-MHZ dwar il-Frontex;

9.  Jitlob miżuri mmirati biex jiżguraw l-integrazzjoni sħiħa tan-nisa rifuġjati u li jkunu qed ifittxu asil, billi tiġi evitata kull forma ta' sfruttament, abbuż, vjolenza u traffikar;

10.  Jenfasizza li l-politiki u l-miżuri kollha tal-migrazzjoni u l-asil fl-UE għandhom iqisu l-ġeneru fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tagħhom;

Id-dimensjoni tal-ġeneri fid-determinazzjoni tal-istatus ta' rifuġjat

11.  Jitlob li, bħala parti minn riformi usa' lejn il-politika tal-migrazzjoni u l-asil, tiġi adottata ġabra komprensiva ta' linji gwida dwar il-ġeneru fl-UE kollha, li tqis bis-sħiħ id-dimensjonijiet soċjali, kulturali u politiċi tal-persekuzzjoni u tinkludi miżuri ta' akkoljenza u integrazzjoni;

12.  Jissottolinja li anke f'pajjiżi meqjusa sikuri, in-nisa jistgħu jsofru persekuzzjoni sessista, filwaqt li l-persuni LGBTI jistgħu ukoll jiġu soġġetti għal abbuż, u b'hekk ikollhom talba leġittima għall-protezzjoni; jistieden lill-Istati Membri kollha jadottaw proċeduri tal-asil u jagħmlu ħilithom biex jiżviluppaw programmi ta' taħriġ li jkunu sensittivi għall-ħtiġijiet tan-nisa b'identitajiet emarġinati multipli, inklużi nisa LGBTI; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jiġġieldu l-isterjotipi dwar l-imġiba u l-karatteristiċi ta' nisa LGBTI u biex japplikaw b'mod sħiħ il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE fir-rigward tat-talbiet għal asil tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa ta' faċilitajiet ta' akkoljenza sensittivi għal-LGBTI fl-Istati Membri kollha; jenfasizza li l-vjolenza kontra individwi LGBTI hija komuni fil-faċilitajiet ta' akkoljenza;

13.  Jenfasizza li forom ta' vjolenza bbażati fuq il-ġeneri, inklużi iżda mhux limitati għall-istupru u l-vjolenza sesswali, il-MĠF, iż-żwieġ furzat, il-vjolenza domestika, l-hekk imsejħa reati tal-unur u diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru approvata mill-istat, jikkostitwixxu persekuzzjoni u diskriminazzjoni bejn is-sessi u għandhom ikunu raġunijiet validi għat-tfittxija ta' asil fl-UE u li dan għandu jkun rifless f'linji gwida ġodda dwar il-ġeneri;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor statistiċi bir-reqqa dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali bl-għan li jiżdiedu aktar kategoriji ta' data disaggregata skont il-ġeneri, b'mod partikolari fir-rigward tal-istadji fil-proċess tal-asil wara li tkun ittieħdet deċiżjoni inizjali;

15.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida interpretattivi dwar il-MĠF li jikkunsidraw b'mod sħiħ il-Linji Gwida tal-UNHCR dwar il-persekuzzjoni sessista u n-Nota ta' Gwida dwar il-MĠF u li jiddeskrivu b'mod ċar l-obbligi tal-Istati Membri, b'enfasi partikolari fuq l-identifikazzjoni u l-komunikazzjoni ma' persuni vulnerabbli li jkunu qed ifittxu asil; jenfasizza li vittmi tal-MĠF jista' jkollhom diffikultà biex jesprimu t-trawma tagħhom mill-MĠF; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa, inkluża l-MĠF, ikunu jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala forma ta' persekuzzjoni u li l-vittmi jkunu jistgħu għalhekk jibbenefikaw mill-protezzjoni offruta mill-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati, f'konformità mal-Artikolu 60 tal-Konvenzjoni ta' Istanbul;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-proċeduri ta' asil fil-fruntieri jikkonformaw mal-Linji Gwida tal-UNHCR dwar il-Protezzjoni Internazzjonali, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-persekuzzjoni relatata mal-ġeneru, u mal-Linji Gwida tal-UNHCR dwar it-Talbiet tar-Refuġjati relatati mal-Orjentazzjoni Sesswali u l-Identità tal-Ġeneru, li jispjegaw b'mod ċar l-obbligi tal-Istati Membri;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tas-sitwazzjoni deskritta, twettaq rieżami tal-finanzjament miżjud u tal-kamp ta' applikazzjoni usa' tal-Programmi Daphne u Odysseus, u tivvaluta jekk dawn il-programmi jistgħux jiġu adattati għas-sitwazzjoni attwali, sabiex jiġu protetti r-rifuġjati nisa;

18.  Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni li tiġi stabbilita lista tal-UE komuni ta' pajjiżi ta' oriġini sikuri; jitlob li jittieħdu l-passi xierqa kollha biex ikun żgurat li dan l-approċċ ikun konsistenti mal-prinċipju tan-non-refoulement u li d-drittijiet tan-nisa, tat-tfal u ta' gruppi vulnerabbli oħra ma jiġux imminati; jitlob li jiġi applikat id-divrenzjar fuq il-bażi tal-ġeneru; jemmen li kwalunkwe lista ta' pajjiżi ta' oriġini sikuri m'għandhiex tirriżulta fi trattament proċedurali anqas favorevoli għan-nisa li t-talbiet tagħhom għal asil ikunu bbażati fuq biża' jew esperjenza ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu evitati deċiżjonijiet mgħaġġlin li ma jqisux kif jixraq il-perikli, u anke t-theddida ta' mewt, li qed jiffaċċjaw in-nisa li jkunu sofrew vjolenza sessista jekk l-applikazzjoni tagħhom tiġi miċħuda u jkunu furzati jirritornaw lejn pajjiżhom;

19.  Jitlob approċċi aktar objettivi u sensittivi għall-ġeneri għall-valutazzjoni ta' kredibilità fl-Istati Membri kollha u taħriġ imsaħħaħ fil-valutazzjoni ta' kredibilità li jinkorpora dimensjoni tal-ġeneri għal min jieħu d-deċiżjonijiet; jenfasizza li l-valutazzjonijiet ta' kredibilità qatt ma jistgħu ikunu kompletament preċiżi u m'għandhomx jintużaw bħala l-unika bażi għal deċiżjoni tal-asil negattiva; jirrakkomanda li meta jiġu vvalutati t-talbiet għal asil min-nisa, il-profili kulturali, soċjali u psikoloġiċi inklużi l-isfond kulturali, l-edukazzjoni, it-trawma, il-biża', il-mistħija u/jew l-inugwaljanzi kulturali bejn l-irġiel u n-nisa, għandhom jiġu kkunsidrati;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu raġunijiet għal deċiżjonijiet pożittivi dwar l-asil sabiex issir disponibbli d-data meħtieġa dwar il-kunsiderazzjoni li tingħata lill-vjolenza sessista u tiġi żgurata trasparenza fil-konfront tar-raġunijiet li abbażi tagħhom ikunu ġew approvati l-applikazzjonijiet għal asil skont il-Konvenzjoni;

21.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu lin-nisa informazzjoni dwar il-proċeduri tal-asil, id-drittijiet tagħhom u s-servizzi speċifiċi disponibbli għal nisa li japplikaw għal asil; jissottolinja d-dritt tan-nisa li jippreżentaw talba għal asil indipendenti mill-konjuġi tagħhom bħala element ewlieni għall-emanċipazzjoni tan-nisa u l-prinċipju tan-non-refoulement; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinfurmaw lin-nisa kollha bid-dritt tagħhom li jagħmlu talba indipendenti għal asil u b'hekk jippermettu lin-nisa japplikaw għall-istatus ta' rifuġjat jew ta' persuna tfittex l-asil, u li jżommu dan l-istatus, tkun xi tkun is-sitwazzjoni tal-membri l-oħrajn tal-familja tagħhom;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ kemm id-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu kif ukoll id-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità;

23.  Huwa tal-fehma li għandha tittieħed azzjoni immedjata f'termini ta' għajnuna umanitarja kull meta tkun issuspettata vjolenza sessista, minħabba espożizzjoni għolja ħafna ta' gruppi vulnerabbli bħan-nisa u t-tfal għal forom ta' vjolenza fiżika u koerċizzjoni morali tul ir-rotot migratorji illegali, fejn it-tipi kollha ta' drittijiet huma miċħuda;

24.  Jenfasizza li n-nisa u l-bniet huma partikolarment vulnerabbli għall-isfruttament mill-kuntrabandisti; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija tagħhom, inkluż mal-Europol, il-Frontex, l-Eurojust u l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) biex jiġġieldu b'mod effettiv kontra l-kuntrabandu u t-traffikar ta' migranti;

25.  Jenfasizza l-importanza kruċjali li jingħataw indukrar tat-tfal u kura ta' persuni dipendenti matul l-iskrinjar u l-intervisti tal-asil, sabiex tiġi żgurata opportunità ġusta li ssir talba għal asil;

Il-ħtiġijiet tan-nisa fi proċeduri ta' asil

26.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri debitament jinfurmaw lin-nisa li jkunu qed ifittxu asil dwar id-drittijiet tagħhom u b'mod partikolari dwar id-dritt li jitolbu intervistatur u interpretu ta' ġeneru femminili u li jkollhom intervista personali separatament minn kwalunkwe parti terza; iħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu taħriġ komprensiv u obbligatorju għall-intervistaturi u l-interpreti dwar il-vjolenza sesswali, it-trawma u l-memorja; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li dawn id-drittijiet jiġu rispettati; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkunu konformi mal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil;

27.  Jinnota bi tħassib li ħafna assistenti soċjali ta' asil fl-UE mhumiex midħla tal-MĠF; jistieden lill-Istati Membri jaħdmu fuq livell nazzjonali mal-awtoritajiet tal-asil tagħhom biex jistabbilixxu proċeduri aħjar biex jappoġġjaw u jassistu n-nisa u l-bniet li jkunu sofrew jew li qegħdin f'riskju ta' MĠF;

28.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu informazzjoni aġġornata u aċċessibbli dwar il-proċess tal-asil, drittijiet u intitolamenti speċifiċi għan-nisa li jfittxu asil;

29.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu aċċess sħiħ għad-drittijiet u għas-saħħa sesswali u riproduttiva, inkluż aċċess għal abort sikur u jallokaw riżorsi addizzjonali għall-għoti ta' kura tas-saħħa b'urġenza;

30.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu l-protezzjoni u l-assistenza tan-nisa matul il-permanenza tagħhom f'kampijiet tar-rifuġjati, fil-kontrolli fuq il-fruntieri u naturalment wara d-dħul tagħhom fl-UE;

31.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul) u biex japplikaw l-Artikolu 59 tagħha,li jiddikjara b'mod ċar li l-partijiet għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jissospendu l-proċedimenti ta' espulsjoni u/jew jagħtu permess ta' residenza awtonomu fl-eventwalità ta' xoljiment taż-żwieġ lil dawk il-migranti nisa li l-istatus ta' residenza tagħhom jiddependi fuq il-konjuġi tagħhom;

32.  Jitlob li n-nisa li jfittxu asil u li jkunu migranti jingħataw status legali indipendenti minn dak tar-raġel tagħhom, sabiex jiġi evitat l-isfruttament, titnaqqas il-vulnerabilità u tinkiseb ugwaljanza akbar;

33.  Jenfasizza li n-nisa u l-bniet li jkunu migranti mingħajr dokumenti għandu jkollhom aċċess sħiħ għad-drittijiet fundamentali bażiċi tagħhom u li alternattivi legali ta' migrazzjoni għandhom jiġu żviluppati;

34.  Jenfasizza l-ħtieġa għal proċeduri ta' riunifikazzjoni tal-familji li jagħtu drittijiet individwali għan-nisa u l-bniet li jkunu qed jingħaqdu mal-familji tagħhom fl-UE, biex b'hekk ma jkollhomx għalfejn jiddependu minn relazzjoni possibbilment abbużiva mal-membru tal-familja ta' ġeneru maskili għal aċċess għas-saħħa, l-edukazzjoni jew ix-xogħol;

35.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-vjolenza sesswali fuq in-nisa bħala arma tal-gwerra; iqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-migranti nisa u bniet abbużati fil-kunflitti, billi jiġi żgurat aċċess għall-għajnuna medika u psikoloġika;

36.  Jilqa' l-iżvilupp ta' modulu ġdid ta' taħriġ dwar il-Ġeneru, l-Identità tal-Ġeneru u l-Orjentazzjoni Sesswali mill-EASO; jitlob l-inkorporazzjoni sħiħa tal-integrazzjoni tal-ġeneri u l-ibbaġittjar tal-ġeneri fil-ħidma tal-EASO permezz ta' punti fokali dwar il-ġeneri u kollegament formali mal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE); jitlob informazzjoni dwar il-pajjiż ta' oriġini li tinkludi s-sitwazzjoni tan-nisa, kemm legalment kif ukoll de facto, inkluża l-informazzjoni dwar il-persekuzzjoni tan-nisa, jew it-theddida tagħha, minn partijiet mhux statali;

37.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jagħmlu użu sħiħ mir-Regolament ta' Dublin biex jiżguraw li l-familji jkunu jistgħu ikunu flimkien u li t-talbiet tagħhom għal asil jiġu pproċessati mill-istess awtoritajiet;

Akkoljenza u detenzjoni

38.  Jitlob għat-tmiem tad-detenzjoni kollha tat-tfal fl-UE, u jitlob li l-ġenituri jkunu jistgħu jgħixu ma' wliedhom f'faċilitajiet xierqa mfassla apposta waqt li jistennew id-deċiżjoni tagħhom rigward asil;

39.  Jissottolinja li d-detenzjoni ta' persuni li jfittxu asil għandha tiġi evitata, u tkun tista' tiġi applikata biss meta l-għan tagħha jkun leġittimu u jkun ġie determinat li hi kemm meħtieġa kif ukoll proporzjonata f'kull każ individwali, u qatt ma tista' tkun ġustifikata fil-każ ta' kwalunkwe persuna taħt l-età ta' 18-il sena; iqis li r-rispett tad-dritt li jintalab asil jimplika l-istabbiliment ta' arranġamenti ta' akkoljenza miftuħa u umani għal dawk li jfittxu asil, inkluż trattament sikur, dinjituż u kompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati alternattivi għad-detenzjoni inklużi approċċi ffukati fuq l-involviment li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' gruppi vulnerabbli;

40.  Jenfasizza li ħafna nisa li qed ifittxu asil u rifuġjati esperjenzaw vjolenza estrema u li d-detenzjoni tista' tkompli tiggrava t-trawma tagħhom; jenfasizza li d-detenzjoni ta' dawk li jfittxu asil għas-sempliċi konvenjenza amministrattiva tikser id-dritt għal-libertà kif stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; jitlob tmiem immedjat, fl-Istati Membri kollha, tad-detenzjoni tat-tfal, tan-nisa tqal u li qed ireddgħu u ta' vittmi ta' stupru, vjolenza sesswali u traffikar, u li jsir disponibbli appoġġ psikoloġiku xieraq;

41.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jnaqqsu l-limiti massimi tad-dewmien ta' detenzjoni qabel ir-ritorn sa taħt il-limitu stipulat fid-Direttiva dwar ir-Ritorn; jikkunsidra li d-detenzjoni fit-tul tagħmel ħsara lill-gruppi vulnerabbli b'mod sproporzjonat;

42.  Iħeġġeġ biex in-nisa li jkunu qed ifittxu asil u jkunu f'detenzjoni li jkunu ġew soġġetti għal abbuż sesswali jingħataw pariri mediċi u konsulenza, inkluż f'każijiet li jirriżultaw fi tqala, u jingħataw il-kura tas-saħħa u mentali, l-appoġġ u l-għajnuna legali meħtieġa; Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri immedjati biex jiżguraw li l-kundizzjonijiet ta' akkoljenza, transitu u detenzjoni jkunu sikuri, umani u adegwati, b'faċilitajiet ta' akkomodazzjoni u faċilitajiet sanitarji separati għan-nisa u l-familji; jirrimarka li l-forniment ta' kits bażiċi xierqa għall-iġjene għan-nisa u t-tfajliet kollha għandu jkun prattika standard fil-programmi ta' assistenza;

43.  Jirrimarka li l-involviment tan-nisa rifuġjati direttament jew indirettament fil-ġestjoni tad-distribuzzjoni ta' oġġetti tal-ikel u mhux jiżgura li l-prodotti inkwistjoni jiġu distribwiti u kkontrollati direttament min-nisa adulti membri ta' unitajiet domestiċi, u b'hekk ikun garantit li dawn jitqassmu b'mod ġust;

44.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħammru ċ-ċentri ta' akkoljenza għar-rifuġjati u l-persuni li jfittxu asil b'żoni adatti għall-appoġġ u l-indukrar tat-tfal tagħhom;

45.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw jew isaħħu mekkaniżmi għall-monitoraġġ taċ-ċentri ta' akkoljenza ffullati fl-UE, fejn l-istandards minimi biex tittaffa l-vjolenza sessista mhux neċessarjament japplikaw, sabiex jiġi evitat li l-fastidju tan-nisa u t-tfal jitkompla wkoll fil-pajjiż tal-wasla;

46.  Jenfasizza li l-ħtiġijiet ta' persuni vulnerabbli bħal nisa vittmi tal-vjolenza u bniet, b'mod partikolari bniet mhux akkumpanjati, għandhom jingħataw prijorità fil-proċeduri ta' akkoljenza;

47.  Jenfasizza l-importanza li l-faċilitajiet ta' akkoljenza jiġu mgħammra b'assistenza legali adegwata għan-nisa sabiex jingħataw appoġġ siewi f'termini ta' informazzjoni u t-tiftix għal membri tal-familja;

48.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri għall-prevenzjoni tal-impożizzjoni ta' żwiġijiet furzati fuq in-nisa u l-bniet ladarba jkunu kisbu l-istatus ta' rifuġjati, minn irġiel li jkunu qed jittamaw li jiggarantixxu aċċess sikur għalihom infushom u li mingħajr iż-żwieġ ma jkunux intitolati għal tali aċċess;

49.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal investigazzjonijiet indipendenti dwar l-allegazzjonijiet kollha, inkluż l-abbuż sesswali u l-vjolenza sessista f'postijiet ta' detenzjoni tal-immigranti jew fuq il-fruntieri, u biex jingħata aċċess lill-ġurnalisti u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili xierqa;

50.  Iqis li, meta n-nisa li jfittxu asil jinżammu detenuti, ikunu jinħtieġu faċilitajiet u materjali biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta' iġjene speċifiċi tan-nisa, l-użu ta' gwardji u gwardjani nisa għandu jiġi promoss u l-persunal kollu assenjat biex jaħdem mad-detenuti nisa għandu jirċievi taħriġ dwar il-ħtiġijiet u d-drittijiet tal-bniedem speċifiċi għall-ġeneru tan-nisa;

51.  Huwa tal-fehma li n-nisa li jkunu qed ifittxu asil u jkunu f'detenzjoni għandhom jingħataw protezzjoni, appoġġ u konsulenza immedjati, u t-talbiet tagħhom iridu jiġu investigati minn awtoritajiet kompetenti u indipendenti, b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' kunfidenzjalità, inkluż fejn in-nisa jkunu qed jinżammu flimkien ma' żwieġhom/seħibhom/qraba oħra tagħhom; iqis li l-miżuri ta' protezzjoni għandhom iqisu speċifikament ir-riskji ta' ritaljazzjoni;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali biex jaħdmu flimkien mas-soċjetà ċivili u mal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem sabiex itaffu l-kundizzjoni ħażina tar-rifuġjati li jgħixu f'kundizzjonijiet improvizzati, b'mod partikolari fir-rigward ta' nisa u bniet vulnerabbli;

Inklużjoni soċjali u integrazzjoni

53.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw miżuri speċifiċi biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tan-nisa rifuġjati u li qed ifittxu asil, inklużi l-korsijiet tal-lingwa, it-tagħlim tul il-ħajja u t-taħriġ; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jiżguraw id-dritt tal-aċċess għall-edukazzjoni lir-rifuġjati bniet; jenfasizza l-importanza ta' edukazzjoni informali u mhux formali u ta' skambju kulturali fl-inklużjoni u l-emanċipazzjoni tat-tfajliet u l-bniet; jenfasizza l-importanza tat-twessigħ tal-aċċess għall-edukazzjoni għolja għar-rifuġjati nisa; jitlob proċeduri robusti u trasparenti fil-proċeduri għar-rikonoxximent ta' kwalifiki miksuba minn barra;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli finanzjament u riżorsi oħra għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tad-drittijiet tal-bniedem li jagħtu l-assistenza, jippromwovu l-inklużjoni, u jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tar-rifuġjati u ta' dawk li jfittxu asil fl-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-indirizzar tal-ostakli u l-vulnerabilitajiet li jġarrbu n-nisa u l-bniet;

55.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħtu lill-mexxejja nisa li ġew persegwitati fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom u li issa huma rifuġjati, garanziji li jistgħu jwettqu l-attivitajiet politiċi u soċjali tagħhom favur id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi b'mod sikur fl-UE;

56.  Jenfasizza l-importanza kritika tal-aċċessibilità, tal-indukrar tat-tfal ta' kwalità għolja u ta' kura għal dipendenti oħra biex jippermettu l-emanċipazzjoni ekonomika u soċjali tar-rifuġjati nisa;

57.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej kif ukoll mill-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni biex jippromwovu l-integrazzjoni tar-rifuġjati fis-suq tax-xogħol, b'enfasi partikolari fuq l-indukrar tat-tfal;

58.  Jitlob proċeduri aktar rapidi u effiċjenti għar-riunifikazzjoni tal-familja u l-ġbir ta' data disaggregata skont il-ġeneru dwar deċiżjonijiet relatati mar-riunifikazzjoni tal-familja; jenfasizza l-importanza tal-aċċess għall-għajnuna legali f'każijiet ta' riunifikazzjoni tal-familja;

59.  Jemmen li r-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet pożittivi ta' asil jippermetti opportunitajiet aħjar għal impjiegi, integrazzjoni u riunifikazzjoni tal-familja;

60.  Jenfasizza li l-pajjiżi ospitanti għandhom jiggarantixxu d-dritt għal edukazzjoni pubblika ta' kwalità mingħajr ħlas, għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, speċjalment is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, għal impjieg li jaqbel mal-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tar-rifuġjati nisa, u għal akkomodazzjoni li tissodisfa l-ħtiġijiet tar-rifuġjati nisa u bniet; jenfasizza li l-politiki soċjali huma essenzjali għall-integrazzjoni;

61.  Jitlob programmi komprensivi u li jkollhom riżorsi adegwati biex jindirizzaw il-ħtiġijiet tas-saħħa mhux sodisfati fuq perjodu qasir u twil ta' rifuġjati nisa, inkluża konsulenza psikosoċjali u għat-trawma;

62.  Jenfasizza r-rwol pożittiv importanti li intrapriżi soċjali u mudelli kummerċjali alternattivi, bħal soċjetajiet mutwi u kooperattivi, jista' jkollhom sabiex ir-rifuġjati nisa jiġu emanċipati ekonomikament u integrati fis-swieq tax-xogħol, kif ukoll fl-oqsma soċjali u kulturali;

63.  Jinkoraġġixxi l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri dwar l-involviment ta' organizzazzjonijiet lokali bbażati fil-komunità u l-parteċipazzjoni diretta tar-rifuġjati fir-rappreżentazzjoni tal-opinjonijiet tan-nisa rifuġjati u li qed ifittxu asil ma' min ifassal il-politika;

64.  Huwa tal-fehma li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol vitali fl-inklużjoni tan-nisa rifuġjati u li qed ifittxu asil, speċjalment rigward l-inklużjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; iħeġġeġ lil dawk l-awtoritajiet sabiex irawwmu d-djalogu u d-dibattitu bejn nisa rifuġjati u nisa lokali;

o
o   o

65.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-UNHCR.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0422.

Avviż legali