Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2004(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0036/2016

Testi mressqa :

A8-0036/2016

Dibattiti :

PV 08/03/2016 - 17
CRE 08/03/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 09/03/2016 - 11.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0080

Testi adottati
PDF 390kWORD 138k
L-Erbgħa, 9 ta' Marzu 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Linji gwida għall-Baġit 2017 - Taqsima III
P8_TA(2016)0080A8-0036/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 2016 dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2017, Taqsima III – Il-Kummissjoni (2016/2004(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-abbozz konġunt ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fil-qafas tal-proċedura baġitarja(4),

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016(5) u ż-żewġ dikjarazzjonijiet konġunti relatati maqbula bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni(6),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar pjan ta' pagament 2015–2016(7) li ntlaħaq ftehim dwaru fid-19 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra t-Tbassir Ekonomiku Ewropew tal-Kummissjoni (il-ħarifa 2015)(8),

–  wara li kkunsidra l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2016 tal-Kummissjoni(9),

–  wara li kkunsidra t-Titolu II, Kapitolu 8, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0036/2016),

A.  billi l-baġit 2017 għandu jwitti t-triq lejn it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, fil-kuntest ta' rkupru ekonomiku fraġli f'periklu minħabba s-sitwazzjoni fi swieq globali emerġenti u t-tensjonijiet ġeopolitiċi kontinwi;

B.  billi l-baġit 2017 se jiġi affettwat mill-kriżijiet tal-migrazzjoni u tar-refuġjati li qed jevolvu;

C.  billi l-baġit 2017 se jikkoinċidi mar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP);

D.  billi l-bilanċ bejn id-domanda interna u l-kummerċ estern sa ċertu punt jagħmel lill-UE ekonomikament dipendenti fuq l-iżviluppi globali;

Rimarki ġenerali

1.  Jirrimarka li l-baġit tal-Unjoni wera li huwa riżorsa kruċjali fl-indirizzar ta' kriżijiet riċenti u biex jirrispondi għal ħtiġijiet li ma kinux neċessarjament antiċipati matul in-negozjati tal-QFP 2014-2020, bħalma huma l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), il-kriżijiet tal-migrazzjoni u tar-refuġjati jew it-tensjonijiet ġeopolitiċi fil-viċinat tal-Ewropa li jikkawżaw għadd ta' sfidi serji u emerġenzi, filwaqt li fi ħdan l-UE, il-pass tal-irkupru ekonomiku u l-investiment huwa taħt il-potenzjal u għad hemm nuqqas ta' investiment;

2.  Jissottolinja li l-kapaċità limitata tal-baġit tal-Unjoni li jindirizza dawn il-kriżijiet f'dan l-istadju ġejja prinċipalment mill-użu ta' kull mezz disponibbli miftiehem fin-negozjati tal-QFP, u b'mod partikolari mill-użu ta' strumenti speċjali bħall-istrument ta' flessibbiltà; ifakkar fir-rwol deċiżiv tal-Parlament fit-tfassil ta' dawn l-istrumenti matul in-negozjati dwar il-QFP; jenfasizza, madankollu, li jekk il-kriżijiet ikomplu jmorru għall-agħar anke l-attivazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-flessibbiltà mhijiex se tkun biżżejjed biex tindirizza l-problema; iħeġġeġ lill-Kunsill f'dan il-kuntest, jikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu dwar il-kwistjoni tal-ibbaġitjar tal-istrumenti speċjali tal-QFP sabiex jittaffew ir-restrizzjonijiet li huma ta' piż fuq il-baġit tal-Unjoni; itenni f'dan ir-rigward il-pożizzjoni tiegħu, li ilu jħaddan, li l-approprjazzjonijiet ta' pagament għall-istrumenti speċjali (l-istrument ta' flessibbiltà, il-Fond ta' Solidarjetà tal-UE, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u r-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza) għandhom jiġu kkalkulati lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP, kif jiġri fil-każ tal-impenji; jistenna li din il-kwistjoni tiġi solvuta fil-kuntest tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP;

Ibbaġitjar li jqis it-tbassir ekonomiku u li jkun konsistenti mas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika

3.  Jirrimarka t-Tbassir Ekonomiku Ewropew tal-Kummissjoni (il-ħarifa 2015), li jindika rkupru modest, minkejja li jibqa' taħt il-potenzjal tat-tkabbir tal-UE; jenfasizza, madankollu, li dan l-irkupru għandu jiġi kkonsolidat billi jissaħħu l-elementi fundamentali tat-tkabbir sabiex tingħata spinta lill-ħolqien tax-xogħol u r-ritorn għal livell massimu ta' impjiegi; jinnota li l-qgħad fit-tul u dak fit-tul ħafna, speċjalment fl-aktar reġjuni foqra tal-Unjoni u fost iż-żgħażagħ, xorta għadu f'livelli inkwetanti, u l-UE qed issib diffikultajiet fir-rigward tar-ristrutturar industrijali; jirrimarka li jippersistu d-differenzi f'termini ta' żvilupp ekonomiku bejn ir-reġjuni Ewropej u l-Istati Membri, u jiġbed l-attenzjoni lejn id-differenza bejn l-ifqar Ewropej u dawk l-aktar sinjuri; jirrimarka, barra minn hekk, li qed jitfaċċaw sfidi ġodda, bħalma huma r-riskju li jitnaqqas ir-ritmu tal-ekonomiji ta' swieq emerġenti u l-kummerċ globali, bi pressjoni partikolari li ġejja mill-volatilità fuq is-swieq Ċiniżi, il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kriżijiet tal-migranti u tar-refuġjati, u t-tensjonijiet ġeopolitiċi persistenti;

4.  Jieħu nota, barra minn hekk, tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2016 tal-Kummissjoni; jemmen bis-sħiħ li l-għoti ta' spinta lill-investiment, inkluż permezz ta' żieda koordinata aħjar fl-investiment pubbliku u privat b'enfasi fuq il-miri tal-Ewropa 2020, huwa reazzjoni ta' politika xierqa bil-għan li jkun hemm politika ekonomika aktar bilanċjata; jemmen li dawn iż-żewġ elementi għandhom jiġu kkunsidrati fit-tħejjija tal-abbozz tal-baġit għall-2017 billi dawn għandhom jgħinu fl-identifikazzjoni ta' prijoritajiet fi ħdan kuntest ekonomiku; jitlob, konsegwentement, li jkun hemm iktar sinerġiji bejn id-dimensjoni tal-Unjoni tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u l-baġit tal-Unjoni, li huwa wkoll il-pedament għal żona tal-euro stabbli;

5.  Jilqa', f'dan il-kuntest, l-isforzi tal-Kummissjoni biex issaħħaħ l-użu tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej b'appoġġ għall-prijoritajiet ewlenin enfasizzati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż; jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment tal-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-finanzjament se jintuża bil-ħsieb li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali f'konformità mal-Artikolu 174 TFUE;

6.  Jiddispjaċih li f'dawn l-aħħar snin il-baġit tal-Unjoni kien vittma kollaterali tal-imġiba qarrieqa tal-Istati Membri, li wasslithom biex iqisul-kontribuzzjoni tagħhom għall-baġit tal-Unjoni bħala piż u sabiex jitrattawh bħala element varjabbli ta' aġġustament; jissottolinja li l-baġit tal-UE, bħala baġit ta' investiment, jista' jġib valur miżjud partikolarment qawwi billi jagħti spinta lit-tkabbir, lill-kompetittività u lill-ħolqien ta' impjiegi fl-Istati Membri; jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għall-baġit tal-Unjoni ma jiġux trattati bħala element varjabbli ta' aġġustament soġġett għal kundizzjonijiet makroekonomiċi; itenni wkoll il-valur miżjud tal-baġit tal-Unjoni f'termini ta' sinerġiji u ekonomiji ta' skala; jenfasizza s-sitwazzjoni partikolari ta' reġjuni iżolati u periferali;

7.  Jinnota u jiddispjaċih li l-evitar tat-taxxa korporattiva kkawża telf kbir ta' dħul mit-taxxa għall-Istati Membri, u għalhekk tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-baġit tal-UE; iqis, barra minn hekk, li tali kompetizzjoni tat-taxxa inġusta f'xi każijiet tfisser li jkun hemm trasferiment tal-PDG minn Stat Membru għall-ieħor u trasferiment tal-ING għal rifuġji fiskali barra mill-UE, biex b'hekk jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet aggregati tal-Istati Membri għall-baġit tal-UE;

Negħlbu l-kriżijiet

8.  Jenfasizza l-fatt li l-Unjoni kellha tħabbat wiċċha ma' diversi kriżijiet f'dawn l-aħħar snin li għalihom għandha tinstab soluzzjoni olistika; jirrimarka li l-kriżi tar-refuġjati, kemm fl-Unjoni kif ukoll fil-pajjiżi ġirien, li tirriżulta mill-kunflitt Sirjan għadha ma ġietx solvuta; jirrimarka li din il-kriżi eskalat fl-2015 u kompliet fl-2016, b'żieda enormi f'daqqa waħda fl-għadd ta' refuġjati u migranti li jaħarbu lejn l-Unjoni biex ifittxu asil; jisħaq li dan kompla jħalli impatt fuq il-kriżi interna; jissottolinja li l-baġit tal-Unjoni pprovda rispons immedjat għall-kriżi u għandu jiġi rivedut b'mod li jiżdied konsiderevolment sabiex jiffinanzja b'mod effettiv l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE li għandhom jiġġestixxu din il-kriżi, u għandu jservi bħala parti minn soluzzjoni Ewropea sabiex fil-ġejjieni tingħeleb din l-emerġenza;

9.  Jissottolinja li l-baġit 2017 se jintlaqat minn sfidi ta' sigurtà interna u esterna, li jistgħu wkoll jieħdu l-forma ta' theddid terroristiku jew estremiżmu, u mill-implimentazzjoni tal-aġenda kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri intiża li tiżgura żona tal-UE ta' libertà, sigurtà u ġustizzja; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-istrumenti baġitarji tal-UE, bħalma huma l-Fond għas-Sigurtà Interna, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi l-iktar kruċjali, inkluż permezz tat-tisħiħ ta' miżuri preventivi kif ukoll tal-kooperazzjoni operattiva transfruntiera;

10.  Jilqa' l-adozzjoni tal-FEIS, li se jservi bħala wieħed mill-għodod ewlenin għat-titjib tal-investimenti fil-livell tal-UE u se jikkontribwixxi biex jiġi stimulat il-ħolqien tal-impjiegi; jinnota b'sodisfazzjon li diġà ġew approvati għadd sinifikanti ta' proġetti u operazzjonijiet tal-FEI u jistgħu jiġu identifikati s-sinerġiji bejn il-FEIS u l-Orizzont 2020; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita b'mod attiv is-sinerġiji bejn il-fondi differenti tal-UE u tistabbilixxi sistema ta' traċċar biex tidentifika każijiet ta' kombinazzjoni ta' finanzjament tal-UE; jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi applikata it-tabella ta' valutazzjoni kif xieraq; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-entitajiet privati jagħmlu użu sħiħ mir-riżorsi finanzjarji disponibbli permezz tal-FEIS; ifakkar li l-baġit tal-Unjoni jipprovdi l-bażi ta' dan il-pjan ta' investiment billi jagħmel disponibbli t-EUR 8 biljun meħtieġa f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament biex jiġi mgħammar il-fond ta' garanzija tal-FEIS, li minnhom total ta' EUR 3.38 biljun diġà ġew mobilizzati fil-baġits tal-2015 u tal-2016; ifakkar li l-Marġini Globali għall-Impenji ġie użat bis-sħiħ għal dan il-għan fl-2016, u jirrimarka li, skont id-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva tal-FEIS, il-Kummissjoni tipprevedi sitwazzjoni simili għall-abbozz tal-baġit għall-2017; itenni l-impenn tiegħu li jsaħħaħ l-Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa permezz tal-proċedura baġitarja annwali, sabiex jikkumpensa kemm jista' jkun għat-tnaqqis li ntlaħaq qbil dwaru matul in-negozjati tal-FEIS;

11.  Jenfasizza l-importanza ta' Orizzont 2020, COSME, il-programmi ta' finanzjament tal-SMEs, Erasmus+ u l-programmi u l-politiki li jappoġġjaw l-iżvilupp ta' ambjent favur l-innovazzjoni u jikkontribwixxu għas-suċċess tal-Ewropa 2020; jirrimarka b'sodisfazzjon ir-rati għolja ta' assorbiment għall-programmi Orizzont 2020, iżda jinsab imħasseb dwar ir-rata ta' suċċess medja baxxa b'mod inkwetanti ta' finanzjament tal-proġetti, li tħalli bosta proġetti eċċellenti mhux finanzjati; jistieden lill-Istati Membri jesploraw il-possibbiltajiet li jieħdu f'idejhom dawk il-proġetti ta' Orizzont 2020 li rċevew valutazzjoni pożittiva iżda ma jistgħux jiġu kofinanzjati minħabba nuqqas ta' fondi baġitarji; ifakkar fir-rwol importanti tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju bħala s-sinsla tal-ekonomija Ewropea; jissottolinja li l-baġit tal-UE għandu jkompli jiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għas-swieq u l-finanzjament permezz ta' programmi eżistenti bħal COSME; itenni li l-ġejjieni tal-Unjoni huwa marbut mas-setgħa tagħha ta' innovazzjoni f'setturi strateġiċi ewlenin sabiex tintlaħaq il-kompetittività Ewropea fl-ekonomija globali;

12.  Iqis l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), b'mod partikolari, bħala kontribut fundamentali għall-objettiv prijoritarju tal-Unjoni għall-impjiegi u t-tkabbir; itenni l-impenn tiegħu li jitkompla l-finanzjament għal dan il-programm bl-għan li jiġi amplifikat u b'hekk joffri lil għadd akbar ta' żgħażagħ, inklużi l-migranti żgħażagħ li deħlin fl-UE, il-prospett li effettivament jidħlu fis-suq tax-xogħol billi jirċievu offerta ta' impjieg ta' kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa jew apprendistat; jiddispjaċih li matul in-negozjati dwar il-baġit tal-UE għall-2016 ma ġie allokat l-ebda impenn ġdid biex ikompli jiffinanzja l-YEI, filwaqt li l-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu bl-ogħla rati fl-UE; ifakkar li dan l-objettiv għandu jiġi kkunsidrat flimkien mal-ħtieġa li tiġi promossa l-mobbiltà fost iż-żgħażagħ, kif appoġġjat mill-Programm Erasmus+; jenfasizza l-importanza tad-dikjarazzjoni konġunta tat-tliet istituzzjonijiet (il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni) dwar il-baġit għall-2016 li tiddikjara li "t-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ jibqa' prijorità politika għolja u kondiviża", u li għal dan il-għan it-tliet istituzzjonijiet "jaffermaw mill-ġdid id-determinazzjoni tagħhom li jagħmlu l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi baġitarji disponibbli biex dan jiġi indirizzat, u b’mod partikolari l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ"; jirrimarka li minkejja d-dewmien inizjali fl-implimentazzjoni ta' din l-inizjattiva u d-dewmien kontinwu fil-ħatra ta' awtoritajiet għal programmi operattivi tal-YEI f'bosta Stati Membri, iċ-ċifri tal-implimentazzjoni attwali jindikaw kapaċità ta' assorbiment sħiħa; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-evalwazzjoni tagħha tal-YEI sa mhux aktar tard minn tmiem April 2016, u f'kull każ fil-ħin għall-inklużjoni ta' estensjoni tal-programm fil-baġit tal-UE għall-2017; jenfasizza li soluzzjoni permanenti għall-finanzjament tal-YEI permezz ta' approprjazzjonijiet ta' impenn ġodda sal-2020 se tkun parti mir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP; jissottolinja, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-proviżjon tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) fir-rigward ta' appoġġ għal żgħażagħ b'età sa 25 sena li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs), bl-istess għadd ta' ħaddiema li jirċievu appoġġ f'reġjuni b'rati tal-qgħad għolja fost iż-żgħażagħ;

13.  Jenfasizza li skont ir-rapport riċenti minn Save the Children, 27 miljun tifel u tifla huma attwalment fir-riskju tal-faqar fl-UE; ifakkar fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-24 ta' Novembru 2015(10)favur it-twaqqif ta' garanzija għat-tfal biex toħroġhom minn sitwazzjonijiet ta' faqar, tipprovdi ambjent adatt għall-iżvilupp personali tagħhom, u jiġi evitat li dawn jispiċċaw sfruttati u soċjalment esklużi; jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi ta' dawk l-Istati Membri li reċentement adottaw strateġiji għat-tnaqqis tal-faqar tat-tfal bl-għan li jitnaqqsu l-livelli tal-faqar globali, inkluż għat-tfal u ż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jirrispettaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; iqis l-edukazzjoni, l-indukrar tat-tfal, is-servizzi tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u s-sigurtà bħala ħtiġijiet bażiċi li t-tfal kollha Ewropej għandhom id-dritt għalihom, inklużi dawk li jivvjaġġaw lejn l-Ewropa fost ir-refuġjati u l-migranti;

14.  Ifakkar fl-importanza tal-aġenziji Ewropej li jiżguraw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea u b'hekk jintlaħqu l-objettivi ta' politika tal-UE relatati mal-kompetittività, it-tkabbir u l-impieg min-naħa waħda, u l-ġestjoni tal-kriżijiet attwali tal-migrazzjoni u tar-refuġjati min-naħa l-oħra; jinsisti, għaldaqstant, li se jiġu provduti riżorsi finanzjarji u umani adegwati kemm għan-nefqa amministrattiva kif ukoll għal dik operattiva li tippermetti lill-aġenziji jissodisfaw il-kompiti assenjati lilhom u jagħtu l-aħjar riżultati possibbli; ifakkar, fir-rigward tal-kriżijiet tal-migrazzjoni u tar-refuġjati, fiż-żidiet fil-persunal u l-approprjazzjonijiet għall-Aġenziji fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Intern fil-baġits tal-2015 u l-2016; jissottolinja, madankollu, li se jkunu meħtieġa aktar żidiet fil-baġit 2017 sabiex dawn l-aġenziji jkunu jistgħu jkampaw maż-żieda fix-xogħol u l-kompiti addizzjonali tagħhom; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni aġġornata u konsolidata u strateġija għal żmien medju u fit-tul fir-rigward ta' dawk l-aġenziji;

15.  Jinsab imħasseb dwar il-persistenza tal-inugwaljanzi soċjoekonomiċi u d-diffikultajiet biex jintlaħaq l-għan tal-UE ta' konverġenza soċjoekonomika; jenfasizza li l-baġit tal-Unjoni għandu jippromwovi politiki ta' konverġenza, integrazzjoni u koeżjoni, ibbażati fuq is-salvagwardja u l-promozzjoni tal-intraprenditorija, il-ħolqien ta' impjiegi deċenti, ta' kwalità u stabbli, l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-protezzjoni tal-ambjent billi jibqa' jsegwi l-miri tiegħu skont l-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; jinsab partikolarment imħasseb dwar l-implimentazzjoni ta' approprjazzjonijiet ta' pagament li kienet aktar baxxa milli mistenni għall-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn;

16.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-programmi tal-ħalib għall-iskejjel u tal-frott għall-iskejjel, u jissuġġerixxi li jiġi analizzat sa liema punt tkun possibbli żieda fil-finanzjament tagħhom; ifakkar fid-diversi kriżijiet f'dawn l-aħħar snin, fosthom il-kriżi agrikola speċjalment minħabba l-effetti tal-embargo Russu; iħeġġeġ li ssir aktar ħidma sabiex l-agrikoltura tal-UE ssir aktar reżiljenti għat-tibdil fil-klima filwaqt li b'mod ġenerali jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra u tiġi żgurata l-vijabbiltà ekonomika tas-settur;

17.  Jirrikonoxxi li minkejja l-mobilizzazzjoni ta' mezzi baġitarji sinifikanti mqassma tul l-2015 u l-2016 sabiex jiġu indirizzati l-kriżijiet tal-migrazzjoni u tar-refuġjati, għadha ma nstabitx soluzzjoni, kemm internament fi ħdan l-Unjoni kif ukoll esternament fil-pajjiżi ta' oriġini tar-refuġjati; jenfasizza, madankollu, li m'hemmx biżżejjed mezzi baġitarji u li jinħtieġu mezzi finanzjarji addizzjonali sostanzjali biex jindirizzaw dawn il-kriżijiet, peress li ż-żieda fl-għadd ta' refuġjati u migranti ma tistax titqies bħala fenomenu temporanju; jenfasizza li għandhom jinstabu soluzzjonijiet aktar fit-tul, mhux biss fil-proċedura baġitarja annwali, iżda anke fir-reviżjoni interim li jmiss tal-QFP; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta pjan politiku u finanzjarju fuq perjodu medju u twil sabiex jittratta l-kriżi tal-migrazzjoni u l-impatt tagħha fuq il-baġit 2017; jirrimarka li l-miżuri kollha ffinanzjati mill-UE għandhom jitqiesu bħala investimenti biex jindirizzaw l-isfidi tar-refuġjati u l-migrazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-fenomenu tal-migrazzjoni permezz tat-titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien, partikolarment permezz ta' edukazzjoni aħjar u servizzi mediċi kif ukoll appoġġ imsaħħaħ għal investimenti fl-infrastruttura fil-pajjiżi tal-oriġini tal-migranti jew pajjiżi fejn dawn l-ewwel ifittxu kenn; jenfasizza li l-finanzjament għall-kriżijiet tal-migrazzjoni u tar-refuġjati m'għandux idgħajjef jew ixekkel l-implimentazzjoni ta' politiki importanti oħra tal-UE; jissottolinja, f'dan ir-rigward, li s-solidarjetà hija prinċipju fundamentali tal-baġit tal-UE; jinsab imħasseb li fir-rigward tal-kriżi tar-refuġjati, l-Istati Membri mhumiex qegħdin juru l-istess livell ta' solidarjetà; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta proposta dwar il-mod li bih il-baġit tal-UE jista' jħajjar lill-Istati Membri jadottaw approċċ aktar ibbilanċjat favur is-solidarjetà;

18.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar in-nuqqas ta' protezzjoni adegwata għall-minorenni mhux akkumpanjati tul ir-rotta sħiħa lejn post ta' sigurtà u jappella għal investigazzjoni bir-reqqa dwar il-każ tat-10 000 tifel u tifla rrapportati nieqsa mill-EUROPOL;

19.  Jenfasizza l-importanza ta' żieda fil-finanzjament favur skemi ta' risistemazzjoni, proċeduri ta' rilokazzjoni u operazzjonijiet ta' ritorn, b'mod partikolari taħt il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, sabiex tinkiseb politika Ewropea effettiva dwar l-asil u l-migrazzjoni filwaqt li tiġi evitata u mnaqqsa l-migrazzjoni irregolari; jissottolinja l-ħtieġa li jinħolqu possibbiltajiet fi ħdan il-baġit tal-UE sabiex jiġu żviluppati żoni ta' risistemazzjoni u żoni sikuri fil-kontinent Afrikan u fil-Lvant Nofsani, f'kooperazzjoni mal-Unjoni Afrikana, il-Lega Għarbija u l-UNHCR;

20.  Jirrimarka t-twaqqif tal-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-Unjoni b'reazzjoni għall-kriżi Sirjana u tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-istabbiltà u biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari u l-ispustament ta' persuni fl-Afrika; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw il-wegħdiet tagħhom u jqabblu l-kontribuzzjoni tal-UE għal dawn il-fondi, li tammonta għal EUR 2.3 biljun; jinsab ferm imħasseb dwar il-livell baxx ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri; jisħaq li se jinħtieġu aktar sforzi finanzjarji sabiex tingħata għajnuna umanitarja matul ir-rotot tranżitorji u biex jiġu ġestiti l-isfidi kkawżati mill-għadd dejjem qed jikber ta' refuġjati; jirrimarka li n-nuqqas ta' fondi adegwati għall-għajnuna umanitarja, inklużi miżuri għas-saħħa u l-edukazzjoni fil-kampijiet, ħeġġeġ aktar refuġjati jibdew il-vjaġġ riskjuż lejn l-UE; ifakkar li l-fondi msemmija hawn fuq inħolqu b'reazzjoni għan-nuqqas ta' flessibbiltà u finanzjament fil-baġit tal-UE; jinsisti li l-azzjonijiet meħuda biex tiġi indirizzata l-problema tal-migrazzjoni u tar-refuġjati m'għandhomx ikunu a skapitu tal-politiki tal-iżvilupp tal-UE f'oqsma oħra u li regoli ta' responsabbiltà għall-azzjonijiet kollha tal-UE f'dan il-qasam għandhom jiġu segwiti;

21.  Jissottolinja li l-Istati Membri reġgħu kkonfermaw l-impenn tagħhom, fil-laqgħa informali fit-23 ta' Settembru 2015 tal-Kapijiet ta' Stat jew Gvern tal-UE li saret biex jiddiskutu l-migrazzjoni, il-Kunsill Ewropew tal-15 ta' Ottubru 2015, u s-summit tal-Belt Valletta tal-11 u t-12 ta' Novembru 2015; jagħti l-akbar importanza lid-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-Kunsill dwar ir-rispons għall-kriżijiet tal-migrazzjoni u tar-refuġjati mingħajr preċedent; jistenna li l-Kunsill jissodisfa l-aspettattivi li qajmu d-dikjarazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tiegħu stess, partikolarment relatati mal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri li jaqblu mal-appoġġ baġitarju tal-UE għall-Fondi Fiduċjarji tal-Madad u l-Afrika, filwaqt li jimplimenta wkoll bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija; jirrikonoxxi li xi Stati Membri jikkontribwixxu wkoll permezz ta' skemi oħra ta' għajnuna umanitarja, bħal pereżempju l-Programm Dinji tal-Ikel u l-UNHCR;

22.  Jilqa' l-prinċipju u l-objettivi tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija li għandha tiġi allokata EUR 3 biljun, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jissodisfaw l-impenji politiċi tagħhom u jipprovdu appoġġ finanzjarju adatt fil-pakkett tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija; huwa ferm determinat li japplika l-mezzi ta' pressjoni politiċi u istituzzjonali kollha sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jwettqu l-impenn tagħhom rigward il-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-Fond Fiduċjarju Reġjonali għas-Sirja, il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Afrika u l-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija; jistenna li l-Kummissjoni tispjega kif il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għandha tkun disponibbli fi ħdan il-limiti massimi rispettivi tal-baġit tal-Unjoni għall-2016 u l-2017; jikkritika l-fatt li l-Kunsill u l-Kummissjoni eskludew lill-Parlament mid-deliberazzjonijiet dwar it-twaqqif tal-faċilità u l-mobilizzazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, hekk kif indikat mill-Kummissjoni hekk kif ħabbret l-intenzjoni tagħha li tiffinanzja l-kontribuzzjoni tal-Unjoni permezz ta' riallokazzjoni mill-baġit tal-Unjoni adottat dan l-aħħar għall-2016 u li jiġu deċiżi minn qabel il-marġini baġitarji tal-2017; jissottolinja, barra minn hekk, il-ħtieġa li jiżdied l-impatt fuq l-infiq estern tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tfassal proposti dwar kif is-sinerġiji bejn l-istrumenti tal-UE għall-fondi esterni jistgħu jissaħħu u jsiru aktar koerenti fl-approċċ strateġiku tagħhom; iqis li dawn il-fondi fiduċjarji, kif ukoll il-Faċilità għar-Refuġjati, la huma fi ħdan u lanqas barra l-baġit tal-UE u għaldaqstant neqsin mir-responsabbiltà meħtieġa u l-proċess demokratiku preskritti mill-metodu Komunitarju, u għalhekk għandu l-intenzjoni li jsegwi mill-qrib it-twaqqif tal-fondi u l-faċilità u l-implimentazzjoni tagħhom; jissottolinja li l-azzjonijiet ta' hawn fuq huma ksur ċar tad-drittijiet tal-Parlament bħala fergħa tal-awtorità baġitarja;

23.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sitwazzjoni ġeopolitika fil-Viċinat tal-Lvant hija fraġli, u jistieden lill-UE tipprovdi appoġġ imsaħħaħ lill-pajjiżi li bħalissa qegħdin jimplimentaw il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, sabiex tavvanza r-riformi u tiżgura l-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi rispettivi.

Pagamenti

24.  Ifakkar li fil-baġits għall-2015 u l-2016 il-Kummissjoni f'ħafna każijiet kienet naqset milli titlob approprjazzjonijiet ta' pagament addizzjonali għal għadd ta' reazzjonijiet li kellha għall-kriżijiet (l-għoti minn qabel ta' EUR 2 biljun għall-Greċja, l-ewwel inizjattivi fil-qasam tal-migrazzjoni), u minflok marret lura għar-riallokazzjoni ta' riżorsi li diġà jeżistu; jenfasizza li dan żied il-piż fuq l-approprjazzjonijiet ta' pagament fl-2016 u lil hinn, b'hekk potenzjalment joħloq mill-ġdid sitwazzjoni fejn l-approprjazzjonijiet jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jissodisfaw il-ħtiġijiet attwali ta' programmi finanzjarji bejn l-intestaturi u jaffettwa direttament lil dawk responsabbli mill-proġett u liċ-ċittadini; jinsab imħasseb li din is-sitwazzjoni, flimkien mad-dewmien biex tibda l-implimentazzjoni tal-programmi taħt ġestjoni konġunta, tista' toħloq mill-ġdid il-kundizzjonijiet li fi tmiem l-aħħar QFP wasslu għal livell bla preċedent ta' impenji pendenti u livell mhux sostenibbli ta' talbiet ta' pagament pendenti b'lura; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li ilu jħaddan li l-ħtiġijiet ta' pagament mhux previsti għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda;

25.  Jitlob għall-implimentazzjoni sħiħa tad-dikjarazzjonijiet konġunti dwar il-pagamenti li kien hemm qbil dwarhom bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni fl-2015 u l-2016; ifakkar fl-impenn meħud li matul din is-sena jiġu organizzati mill-inqas tliet laqgħat interistituzzjonali dwar il-pagamenti, sabiex jiġu vvalutati l-implimentazzjoni ta' pagamenti u t-tbassir rivedut; jirrimarka li l-Kummissjoni ħabbret ammont pendenti ta' EUR 8.2 biljun fi tmiem l-2015, li jirrappreżenta kważi nofs dak li kienet antiċipat oriġinarjament; beħsiebu jqajjem din il-kwistjoni waqt l-ewwel laqgħa interistituzzjonali dwar il-pagamenti f’Marzu 2016, sabiex jiġu determinati l-kawżi ta' din id-differenza u l-impatt possibbli fit-tul fuq previżjonijiet ta' pagamenti; jistenna li matul il-qari tiegħu tal-baġit tal-Unjoni għall-2017 il-Kunsill se jinkludi u jirrispetta bis-sħiħ l-ammonti kkonfermati fil-laqgħa ta' April 2016; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament u lill-Kunsill, kif maqbul fid-dikjarazzjoni konġunta adottata fil-qafas tal-proċedura baġitarja għall-2016, bi previżjonijiet fuq żmien itwal għall-evoluzzjoni mistennija tal-pagamenti sa tmiem il-QFP 2014-2020, sabiex tevita pagamenti b'lura fit-tieni nofs tal-QFP;

26.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej mistennija tilħaq livell ta' ritmu normali fl-2017, u jwissi kontra sottobbaġitjar ta' approprjazzjonijiet ta' pagament biex ikun hemm qbil ma' din iż-żieda fil-livell ta' assorbiment; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-pagamenti fuq il-livelli meħtieġa fl-abbozz ta' baġit tagħha; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-adozzjoni tardiva tal-programmi operattivi u dwar ir-riskju ta' akkumulazzjoni ġdida ta' kontijiet mhux imħallsa matul it-tieni nofs tal-QFP; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taħdem b'mod attiv mal-Istati Membri u jħeġġiġhom jagħmlu kull sforz biex jiżguraw il-ħatra rapida tal-awtoritajiet tal-programm, li n-nuqqas tagħhom kien il-kawża ewlenija tad-dewmien attwali; jilqa' d-disponibbiltà tal-Kummissjoni li tikkollabora mill-qrib mal-Istati Membri fuq talba, b'mod partikolari fir-rigward tal-aġġustament, kif xieraq, tal-programmi operattivi biex ikun hemm sinerġija aktar b'saħħitha bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u l-isfidi domestiċi marbuta mal-kriżi tar-refuġjati;

Kwistjonijiet oħra ta' rilevanza partikolari

27.  Ifakkar fl-importanza tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi, li għandha tirfed il-politiki tal-Unjoni bħala prinċipju orizzontali; jistieden lill-Kummissjoni tpoġġi l-prinċipju tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-prattika waqt it-tħejjija tal-abbozz ta' baġit għall-2017, kif xieraq;

28.  Jilqa' l-ftehim li ntlaħaq fit-12 ta' Diċembru 2015 f'Pariġi mill-196 parti għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima dwar ftehim universali, vinkolanti, dinamiku u differenzjat biex tiġi affaċċata l-isfida tat-tibdil fil-klima; jiddispjaċih, madankollu, dwar il-fatt li ma hemm l-ebda ċarezza dwar kif il-pajjiżi donaturi se jilħqu l-mira ta' USD 100 biljun kull sena biex jappoġġjaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jew b'mod partikolari dwar kif se jaqblu dwar metodoloġija komuni biex jiġi kkontabilizzat il-finanzjament b'rabta mal-klima; jinnota li din il-kwistjoni għandha tkun solvuta qabel il-COP 22 f'Marrakesh, u jistenna li l-Kummissjoni tipprovdi qafas regolatorju konsolidat tal-UE li jkun jikkonforma bis-sħiħ mal-impenji kollha magħmula f'Pariġi u tantiċipa tali finanzjament fl-abbozz ta' baġit tagħha għall-2017; ifakkar li l-UE qablet li mill-inqas 20 % tal-baġit tagħha għall-2014-2020, jiġifieri EUR 180 biljun, għandu jintuża għal azzjonijiet marbutin mal-klima u li jinħtieġ li l-baġit tal-UE jiġi adattat għall-klima; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja l-infiq tal-UE fuq infrastruttura effiċjenti sostenibbli u mezzi ta' trasport sostenibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta b'mod rapidu l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2015 rigward il-klima u l-fondi tal-politika ta' koeżjoni;

29.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżviluppa l-istrateġija "Baġit tal-UE ffukat fuq ir-Riżultati"; jistieden lill-Kummissjoni turi progress fil-qasam tas-simplifikazzjoni tal-finanzjament tal-UE, speċjalment rigward it-tnaqqis tal-piż tal-implimentazzjoni u l-ġestjoni ta' proġetti ffinanzjati mill-UE; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-prestazzjoni ta' strumenti finanzjarji li jistgħu jilħqu l-gruppi ta' mira importanti, bħal SMEs, intrapriżi u mikrointrapriżi innovattivi taħt il-programmi ta' finanzjament tal-Unjoni; jemmen, barra minn hekk, li, apparti l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll responsabbiltà konsiderevoli, minħabba l-fatt li 80 % tal-baġit jaqa' taħt "ġestjoni konġunta"; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, jagħmlu ħilithom sabiex jiggarantixxu ġestjoni finanzjarja tajba u t-tnaqqis tal-iżbalji, u biex jevitaw kwalunkwe dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi taħt ir-responsabbiltà tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm aktar konċentrazzjoni fuq l-iżvilupp ta' indikaturi xierqa ta' eżiti kwantitattivi u kwalitattivi sabiex titkejjel il-prestazzjoni u tiżviluppa stampa reali li turi l-effett tan-nefqa tal-UE fl-ekonomija reali; jistieden lill-Istati Membri kollha jippromwovu u jimplimentaw miżuri konkreti biex jiġġieldu b'mod attiv kontra l-korruzzjoni fl-akkwisti pubbliċi u s-sejħiet għall-offerti;

30.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-programm ITER internazzjonali ta' riċerka u inġinerija u jimpenja ruħu li jiżgura l-finanzjament xieraq għalih; jinsab imħasseb, madankollu dwar il-fatt li fir-rigward ta' dan il-programm jistgħu jinħolqu aktar dewmien u spejjeż addizzjonali kif ukoll dwar ir-riperkussjonijiet potenzjali relatati għall-baġit tal-Unjoni; jiddispjaċih, għalhekk, li ma kienx f'qagħda li jivvaluta l-livell tal-approprjazzjonijiet għall-ITER tal-2016 fir-rigward tal-pjan u l-kalendarju ta' pagament aġġornati; jistenna li dan il-pjan rivedut jiġi inkluż fit-tħejjija tal-abbozz ta' baġit għall-2017; jappella biex ikun hemm mekkaniżmu ta' responsabbiltà xieraq li joffri stampa ċara tal-ammont f'riżorsi finanzjarji previsti għall-proġett internazzjonali u se jevalwa l-effiċjenza tal-użu tagħhom;

31.  Ifakkar li l-ftehim finali dwar il-QFP 2014-2020, kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament QFP, jinkludi proposta għal rieżami obbligatorju tal-QFP 2014-2020, akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva għal reviżjoni tal-QFP sa tmiem l-2016; jenfasizza li l-iskop tar-rieżami/reviżjoni huwa li jivvaluta l-funzjonament kwalitattiv u kwantitattiv tal-QFP u jindirizza n-nuqqasijiet sistemiċi tal-baġit tal-Unjoni, kif ukoll biex jiżgura li l-Unjoni tingħata riżorsi suffiċjenti ħalli tindirizza b’mod effikaċi kriżijiet interni u esterni u tiffinanzja prijoritajiet politiċi li qed jevolvu għat-tieni nofs tal-QFP attwali; jenfasizza li l-Kunsill għandu jilħaq l-aspettattivi li tqajmu mid-dikjarazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew; jissottolinja f'dan ir-rigward li l-Kunsill għandu jassumi r-responsabbiltà biex jiżgura li l-approprjazzjonijiet meħtieġa jsiru disponibbli sabiex jirrispondu għall-finanzjament ta’ kompiti ġodda u ċirkostanzi mhux previsti, inkluż permezz ta' reviżjoni 'l fuq tal-limiti massimi tal-QFP; beħsiebu jieħu approċċ konsistenti fin-negozjati dwar il-baġit 2017 u r-reviżjoni tal-QFP; jesprimi d-dubji serji tiegħu dwar jekk il-kriżijiet inkwistjoni jistgħux jiġu ffinanzjati bir-restrizzjonijiet tal-QFP attwali; jenfasizza barra minn hekk li r-reviżjoni tal-QFP fl-2016 hija opportunità biex il-Qafas jadatta l-mezzi tiegħu u jestendi l-flessibbiltà fih;

32.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu favur ir-riforma profonda meħtieġa tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, u jagħti l-ogħla importanza politika lill-ħidma tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji maħluq bħala parti mill-ftehim QFP 2014-2020; jistenna li l-Kummissjoni u l-Kunsill jinkludu r-riżultat finali, li huwa mistenni sa tmiem l-2016, inkluż kwalunkwe kandidat ġdid għar-riżorsi proprji; ifakkar li l-idea prinċipali tar-riforma tar-riżorsi proprji hija li trendi l-aspett tad-dħul tal-baġit tal-Unjoni aktar awtonomu kif ukoll aktar stabbli, eħfef, aktar ġust, aktar sostenibbli u aktar prevedibbli filwaqt li tnaqqas ukoll il-piż ta' nfiq eċċessiv mill-baġits nazzjonali u ttejjeb it-trasparenza u l-viżibbiltà għaċ-ċittadini mingħajr ma jiżdied il-piż globali tat-taxxa fuq iċ-ċittadini; jemmen li sabiex il-baġit tal-UE jsir kompletament indipendenti, għandhom jiġu stabbiliti riżorsi proprji ġenwini;

o
o   o

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(2) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0407.
(5) ĠU L 48, 24.2.2016.
(6) Ara l-Anness għar-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament tal-25 ta' Novembru 2015 (Testi adottati, P8_TA(2015)0407).
(7) Ara l-Anness II għar-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-8 ta' Lulju 2015 (Testi adottati, P8_TA(2015)0263).
(8) http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/eeip/pdf/ip011_en.pdf
(9) http://ec.europa.eu/europe2020/pdf/2016/ags2016_annual_growth_survey_mt.pdf
(10) Testi adottati, P8_TA(2015)0401.

Avviż legali