Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2608(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0338/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2016 - 7.2

Testi adottati :

P8_TA(2016)0084

Testi adottati
PDF 266kWORD 84k
Il-Ħamis, 10 ta' Marzu 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
L-Eġittu, b'mod partikolari l-każ ta' Giulio Regeni
P8_TA(2016)0084RC-B8-0338/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2016 dwar l-Eġittu, b'mod partikolari l-każ ta' Giulio Regeni (2016/2608(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Eġittu, b'mod partikolari dawk tal-17 ta' Diċembru 2015(1) u tal-15 ta' Jannar 2015(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin (KAB) tal-Unjoni Ewropea dwar l-Eġittu tal-21 ta' Awwissu 2013 u tal-10 ta' Frar 2014,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, dwar it-Tortura, dwar il-Libertà ta' Espressjoni u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem,

–  wara li kkunsidra t-tweġiba tas-27 ta' Ottubru 2015 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) għall-Mistoqsija bil-Miktub E-010476/2015 dwar appoġġ militari mill-UE u l-Istati Membri lill-Eġittu,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Eġittu, u b'mod partikolari l-Artikoli 52 (dwar it-tortura) u 93 (dwar in-natura vinkolanti tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem) tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi u l-Konvenzjoni tan-NU kontra t-Tortura, li l-Eġittu hija stat parti tagħhom,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni Eġizzjana għad-Drittijiet u l-Libertajiet, li rrapportat l-għajbien ta' 1 700 persuna mwettqa mill-forzi tas-sigurtà tal-istat fl-2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi, skont l-informazzjoni disponibbli, Giulio Regeni, student Taljan ta' 28 sena li kien qiegħed jistudja għal dottorat fl-Università ta' Cambridge, għeb fil-25 ta' Jannar 2016 wara li ħareġ minn daru fil-Kajr; billi l-katavru tiegħu nstab fit-3 ta' Frar 2016 maġenb triq fil-periferija tal-Kajr;

B.  billi l-awtoritajiet Eġizzjani ordnaw awtopsja qabel ir-ripatrijazzjoni tal-katavru tiegħu fl-Italja, fejn l-investigaturi Taljani għamlu awtopsja min-naħa tagħhom; billi r-riżultati għad iridu jsiru pubbliċi; billi l-awtoritajiet Eġizzjani affermaw li ma għandhom xejn x'jaħbu rigward dan il-qtil, li huma ugwalment interessati li tiġi stabbilita l-verità u li huma lesti li jikkooperaw bis-sħiħ mal-kontropartijiet Taljani tagħhom fl-investigazzjoni li għaddejja;

C.  billi, skont ir-rapporti tal-midja u l-Ambaxxatur Taljan fil-Kajr, instab li l-katavru tas-Sur Regeni kien ġarrab swat gravi u bosta forom ta' tortura; billi l-Ministru għall-Intern Taljan qal li l-katavru wera sinjali ta' "xi ħaġa inumana, annimaleska, vjolenza inaċċettabbli";

D.  billi s-Sur Regeni kien qed jagħmel riċerka fil-Kajr dwar l-iżvilupp ta' trade unions indipendenti fl-Eġittu ta' wara Mubarak u ta' wara Morsi, u kien f'kuntatt ma' avversarji tal-gvern;

E.  billi l-każ ta' Giulio Regeni jsegwi lista twila ta' każijiet ta' għajbien furzat li seħħew fl-Eġittu minn Lulju 2013 'il hawn; billi dawn il-każijiet ta' għajbien jibqgħu għaddejjin b'impunità;

F.  billi l-Gvern attwali tal-Eġittu mexxa kampanja fuq skala kbira ta' detenzjoni arbitrarja ta' kritiċi tal-gvern, inklużi ġurnalisti, difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u membri ta' movimenti politiċi u soċjali; billi skont l-awtoritajiet Eġizzjani, minn Lulju 2013, ġew detenuti 'l fuq minn 22 000 persuna;

G.  billi ċ-Ċentru El Nadeem għall-Ġestjoni u r-Riabilitazzjoni tal-Vittmi ta' Vjolenza qiegħed f'riskju li jingħalaq mill-awtoritajiet bħala riżultat ta' akkużi foloz relatati ma' ksur ta' regoli tas-saħħa; billi r-rwol taċ-ċentru kien essenzjali għat-trattament ta' vittmi ta' vjolenza u tortura, u kien kruċjali għall-għoti ta' informazzjoni dwar tortura, qtil u l-agħar abbużi waqt detenzjoni;

H.  billi l-Eġittu ilu sieħeb strateġiku tal-Unjoni Ewropea għal żmien twil; billi l-livell ta' impenn tal-UE fil-konfront tal-Eġittu għandu jkun ibbażat fuq inċentivi, skont il-prinċipju "aktar għal aktar" tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, u għandu jiddependi fuq il-progress fir-riforma tal-istituzzjonijiet demokratiċi u fir-rigward tal-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem; billi fil-21 ta' Awwissu 2013 il-Kunsill Affarijiet Barranin (KAB) tal-UE inkariga lill-VP/RGħ biex teżamina mill-ġdid l-assistenza tal-UE lill-Eġittu; billi l-KAB iddeċieda li l-kooperazzjoni tal-UE mal-Eġittu għandha tkun aġġustata mill-ġdid skont l-iżviluppi fil-post;

I.  billi l-konklużjonijiet tal-KAB tal-21 ta' Awwissu 2013 iddikjaraw li l-Istati Membri qablu wkoll li jissospendu l-liċenzji tal-esportazzjoni lejn l-Eġittu ta' kwalunkwe tagħmir li jista' jintuża għar-ripressjoni interna u li jerġgħu jivvalutaw il-liċenzji tal-esportazzjoni ta' tagħmir koperti mill-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK u jeżaminaw mill-ġdid l-assistenza ta' sigurtà tagħhom mal-Eġittu; billi l-KAB tenna dawn il-konklużjonijiet fi Frar 2014; billi l-VP/RGħ fit-tweġiba tagħha tas-27 ta' Ottubru 2015 għall-Mistoqsija bil-Miktub E-010476/2015 ikkonfermat li dawn il-konklużjonijiet kienu jikkostitwixxu "impenn politiku kontra kwalunkwe appoġġ militari lill-Eġittu";

J.  billi l-Kostituzzjoni tal-Eġittu adottata fl-2014 tħaddan id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali;

K.  billi l-Eġittu jiffaċċja terroriżmu minn bosta organizzazzjonijiet ġiħadisti li huma attivi fl-Eġittu, b'mod partikolari fis-Sinaj, u li għandhom rabtiet mal-Istat Iżlamiku u organizzazzjonijiet terroristiċi oħra attivi fil-kriżi Libjana; billi l-kunflitt li għaddej fil-Libja għandu impatt dirett fuq is-sigurtà tal-Eġittu; billi l-kriżi li għaddejja bħalissa hija ta' tħassib serju għall-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari għall-Italja;

1.  Jikkundanna bil-qawwa t-tortura u l-qtil f'ċirkostanzi suspettużi taċ-ċittadin tal-UE Giulio Regeni, u jesprimi s-solidarjetà profonda u l-kondoljanzi tiegħu lill-familja;

2.  Jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jipprovdu lill-awtoritajiet Taljani d-dokumenti u l-informazzjoni meħtieġa kollha biex issir possibbli investigazzjoni konġunta rapida, trasparenti u imparzjali tal-każ tas-Sur Regeni f'konformità mal-obbligi internazzjonali, u biex isir kull sforz ħalli l-awturi tad-delitt jitressqu quddiem il-ġustizzja malajr kemm jista' jkun;

3.  Jissottolinja bi tħassib serju li l-każ ta' Giulio Regeni mhuwiex inċident iżolat, iżda li seħħ f'kuntest ta' tortura, mewt taħt arrest u każijiet ta' għajbien furzat madwar l-Eġittu f'dawn l-aħħar snin, bi ksur ċar tal-Artikolu 2 tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Eġittu, li jiddikjara li r-relazzjonijiet bejn l-UE u l-Eġittu huma msejsa fuq ir-rispett tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem kif stabbiliti fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem, li huwa element essenzjali tal-ftehim; jistieden, għaldaqstant, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u lill-Istati Membri biex iqajmu mal-awtoritajiet Eġizzjani, il-kwistjoni tal-prattiki ta' għajbien furzat u ta' tortura li jseħħu b'mod regolari u biex jagħmlu pressjoni għal riforma effettiva fuq l-amministrazzjoni tas-sigurtà u fuq il-ġudikatura tal-Eġittu;

4.  Jinsab imħasseb ħafna dwar it-theddida imminenti tal-għeluq furzat taċ-Ċentru El Nadeem għall-Ġestjoni u r-Riabilitazzjoni tal-Vittmi ta' Vjolenza u Tortura; jitlob l-irtirar rapidu tal-ordni għall-għeluq amministrattiv tiegħu;

5.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-intimidazzjoni kontinwa tal-Kummissjoni Eġizzjana għad-Drittijiet u l-Libertajiet minħabba r-rwol apparenti tagħha fil-kampanja "Waqqfu l-Għajbien Furzat" fl-Eġittu;

6.  Ifakkar lill-awtoritajiet Eġizzjani fl-obbligi nazzjonali u internazzjonali tagħhom, u jistedinhom jagħtu prijorità lill-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u jiżguraw responsabilità għall-ksur ta' dawn id-drittijiet; jitlob mill-ġdid ir-rilaxx immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-persuni kollha li jinsabu detenuti u sentenzjati biss minħabba li eżerċitaw id-dritt tagħhom għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda paċifika, inklużi d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, professjonisti tal-midja u bloggers; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jiżguraw id-dritt għal proċess ġust skont l-istandards internazzjonali;

7.  Jistieden lill-Gvern tal-Eġittu jiggarantixxi li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali u internazzjonali u t-trade unions indipendenti jkunu jistgħu joperaw liberament, mingħajr indħil jew intimidazzjoni mill-gvern fil-pajjiż; jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jirtiraw il-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar imposti fuq għadd ta' difensuri ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem tal-Eġittu;

8.  Jistenna li l-Kostituzzjoni l-ġdida, adottata fl-14 u l-15 ta' Jannar 2014, u b'mod partikolari l-Artikoli 52, 73 u 93 tagħha, tikkostitwixxi pass importanti l-quddiem fit-transizzjoni tal-pajjiż lejn id-demokrazija;

9.  Jieħu nota tal-formazzjoni tal-Assemblea tal-Poplu l-ġdida, u jitlobha teżamina mill-ġdid b'urġenza l-Liġi ripressiva dwar il-Protesti ta' Novembru 2013, li ntużat biex teqred il-forom kollha ta' dissens paċifiku, kif ukoll il-Liġi dwar l-Assemblea tal-1914; jitlob ukoll ir-rieżami tal-leġislazzjoni ripressiva l-oħra kollha adottata li tikser il-Kostituzzjoni tal-Eġittu, inkluża l-Liġi dwar l-Atti Terroristiċi u l-Liġi dwar l-Entitajiet Terroristiċi, li jistgħu jintużaw ħażin bl-iskop ta' ripressjoni interna minflok biex itejbu s-sigurtà kollettiva; jenfasizza r-rieda tiegħu, fi sħubija mal-awtoritajiet tal-pajjiż, li jistudja l-possibilità li jiżviluppa programm għall-bini tal-kapaċità fil-parlament Eġizzjan;

10.  Jinsisti li huwa biss permezz tal-bini ta' soċjetà realment pluralista, li tkun tirrispetta d-diversità tal-fehmiet u l-istili ta' għajxien, li jkunu jistgħu jiġu żgurati l-istabilità u s-sigurtà fit-tul fl-Eġittu, u jistieden lill-awtoritajiet Eġizzjani jimpenjaw ruħhom għal djalogu ta' rikonċiljazzjoni li jressaq flimkien il-forzi mhux vjolenti, fosthom Iżlamisti mhux vjolenti, sabiex terġa' tinbena l-fiduċja fil-politika u fl-ekonomija fi proċess politiku inklużiv;

11.  Jissottolinja l-importanza li l-Unjoni Ewropea tagħti lill-kooperazzjoni mal-Eġittu bħala ġar u sieħeb importanti, u r-rwol tal-Eġittu li jiżgura l-istabilità fir-reġjun; jikkondividi t-tħassib tal-poplu Eġizzjan dwar l-isfidi ekonomiċi, politiċi u ta' sigurtà li qed jiffaċċja l-pajjiż u r-reġjun tagħhom; jikkundanna l-attakki terroristiċi fuq iċ-ċivili u l-militar Eġizzjani;

12.  Jitlob lill-UE, b'mod partikolari l-VP/RGħ u d-Delegazzjoni tal-UE fil-Kajr, biex tiżgura skambju regolari mad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u ilħna oħra ta' dissens, tappoġġja lill-persuni li jinsabu f'riskju jew li huma miżmuma f'detenzjoni u tissorvelja l-proċessi tagħhom b'mod komprensiv;

13.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jaderixxu b'mod sħiħ mal-konklużjonijiet tal-KAB ta' Awwissu 2013 rigward l-esportazzjoni ta' teknoloġija u tagħmir militari u ta' sigurtà; jitlob li l-esportazzjonijiet ta' tagħmir ta' sorveljanza jiġu sospiżi meta jkun hemm provi li tali tagħmir ikun jista' jintuża f'każijiet ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-VP/RGħ tirrapporta dwar l-istat attwali tal-kooperazzjoni militari u ta' sigurtà mill-Istati Membri tal-UE mal-Eġittu, u biex jiġi żviluppat pjan direzzjonali f'konsultazzjoni mill-qrib mal-Parlament Ewropew li jiddeskrivi passi konkreti li għandhom jittieħdu mill-awtoritajiet Eġizzjani biex itejbu b'mod sinifikanti s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u jwettqu riforma ġudizzjarja komprensiva qabel ma tkun tista' tiġi kkunsidrata valutazzjoni mill-ġdid tal-konklużjonijiet tal-KAB ta' Awwissu 2013;

14.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-President u lill-Gvern tar-Repubblika Għarbija tal-Eġittu u lill-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0463.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0012.

Avviż legali