Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2609(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0342/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2016 - 7.3

Testi adottati :

P8_TA(2016)0085

Testi adottati
PDF 281kWORD 97k
Il-Ħamis, 10 ta' Marzu 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo
P8_TA(2016)0085RC-B8-0342/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2016 dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (2016/2609(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo (RDK), b'mod partikolari dawk tad-9 ta' Lulju 2015(1) u tas-17 ta' Diċembru 2015(2),

–  wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta għall-istampa tas-16 ta' Frar 2016 tal-Unjoni Afrikana, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Unjoni Ewropea u l-Organizzazzjoni Internazzjonali La Francophonie dwar il-ħtieġa ta' djalogu politiku inklużiv fir-RDK u l-impenn tagħhom li jappoġġaw atturi Kongoliżi fl-isforzi tagħhom għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija fil-pajjiż,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE tad-19 ta' Novembru 2015 wara t-tnedija tad-djalogu nazzjonali fir-RDK,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-President tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti tad-9 ta' Novembru 2015 dwar is-sitwazzjoni fir-RDK,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni lokali tal-UE tal-21 ta' Ottubru 2015 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-kelliem għas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna tat-12 ta' Ottubru 2015 dwar ir-riżenja tal-kap tal-Kummissjoni Elettorali fir-RDK,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar ir-RDK, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2198 (2015) dwar it-tiġdid tar-reġim ta' sanzjonijiet tar-RDK u l-mandat tal-Grupp ta' Esperti u 2211 (2013), li ġeddet il-mandat tal-Missjoni ta' Stabbilizzazzjoni tan-NU fir-RDK (MONUSCO),

–  wara li kkunsidra l-istqarrija konġunta għall-istampa tat-2 ta' Settembru 2015 tal-Tim ta' Mibgħuta u Rappreżentanti Internazzjonali għar-reġjun tal-Lagi l-Kbar tal-Afrika dwar l-elezzjonijiet fir-RDK,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tas-27 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-attivitajiet tal-Uffiċċju Konġunt tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem fir-RDK (UNJHRO),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-25 ta' Jannar 2015 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, Federica Mogherini, insegwitu tal-adozzjoni tal-liġi elettorali l-ġdida fir-RDK,

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-12 ta' Jannar 2015 tal-Grupp ta' Esperti tan-NU dwar ir-RDK,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjonijiet ta' Najrobi ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas għall-Paċi, is-Sigurtà u l-Kooperazzjoni għar-RDK u r-Reġjun, iffirmat f'Addis Ababa fi Frar 2013,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli ta' Ġunju 1981,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Kongo tat-18 ta' Frar 2006,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-elezzjonijiet leġiżlattivi u presidenzjali li jmiss, li huma skedati li jsiru f'Novembru 2016, jistgħu jikkostitwixxu opportunità ulterjuri għal tranżizzjoni demokratika tal-poter;

B.  billi l-mandat tal-President tar-RDK huwa kostituzzjonalment limitat għal żewġ termini;

C.  billi l-President Joseph Kabila, li ilu fil-poter sa mill-2001, ġie akkużat mill-avversarji tiegħu li rrikorra għal mezzi amministattivi u tekniċi biex jipprova jdewwem l-elezzjonijiet u jibqa' fil-poter lil hinn mill-mandat tiegħu, u għad irid jiddikjara pubblikament li se jirriżenja fit-tmiem tal-mandat tiegħu; billi din is-sitwazzjoni kkawżat tensjoni politika, kunflitti u vjolenza li dejjem qed jikbru fil-pajjiż kollu;

D.  billi ġew espressi dubji dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali Indipendenti (CENI);

E.  billi minn Jannar 2015, uffiċjali tas-sigurtà u tal-intelligence Kongoliżi wettqu azzjonijiet repressivi fir-rigward ta' attivisti paċifiċi, mexxejja politiċi u oħrajn li jopponu t-tentattivi tal-President Kabila li jimmodifika l-Kostituzzjoni sabiex jibqa' fil-poter lil hinn mil-limitu ta' żewġ termini previst mill-Kostituzzjoni; billi l-gruppi tad-drittijiet tal-bniedem qed jirrappurtaw b'mod kontinwu d-deterjorament tas-sitwazzjoni fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda fir-RDK, inkluż l-użu ta' forza eċċessiva kontra dimostranti paċifiċi u żieda fin-numru ta' proċessi politikament motivati; billi l-MONUSCO rreġistrat aktar minn 260 każ ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem relatati mal-elezzjoni, l-aktar kontra avversarji politiċi, is-soċjetà ċivili u ġurnalisti, matul is-sena li għaddiet; billi l-UNJHRO fir-RDK iddikjara li rreġistra aktar minn 400 każ ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi 52 arrest, sa mill-bidu tal-2016;

F.  billi f'Ġunju 2015 il-President Kabila ħabbar it-tnedija ta' djalogu nazzjonali; billi t-tħejjijiet formali għal tali djalogu għadhom ma bdewx, peress li żewġ gruppi kbar tal-oppożizzjoni ddeċidew li ma jipparteċipawx għaliex huma jqisu li din hija tattika ta' dewmien;

G.  billi f'Settembru 2015 seba' persuni politiċi ta' livell għoli tkeċċew mill-koalizzjoni fil-gvern tar-RDK għar-raġuni li huma ffirmaw ittra lill-President Kabila li tħeġġu jikkonforma mal-Kostituzzjoni u ma jibqax iggranfat mal-poter wara li jintemm it-terminu tiegħu; billi fl-istess xahar kien hemm ġlied vjolenti f'Kinshasa, fejn dimostranti li kienu qed jopponu kwalunkwe tentattiv għat-tielet mandat antikostituzzjonali ġew attakkati b'mod vjolenti;

H.  billi dawk detenuti arbitrarjament jinkludu lil Yves Makwambala u Fred Bauma, attivisti tad-drittijiet tal-bniedem tal-moviment Filimbi (“Whistle”), u t-tnejn li huma ġew arrestati talli pparteċipaw f'workshop maħsub biex jinkoraġġixxi liż-żgħażagħ Kongoliżi jwettqu d-dmirijiet ċiviċi tagħhom b'mod paċifiku u responsabbli, u li issa ilhom il-ħabs għal 11-il xahar u r-rilaxx tagħhom diġà ġie mitlub mill-Parlament Ewropew fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tad-9 ta' Lulju 2015;

I.  billi l-mexxejja tal-partiti ewlenin tal-oppożizzjoni tal-Kongo, organizzazzjonijiet mhux governattivi u movimenti taż-żgħażagħ favur id-demokrazija appellaw liċ-ċittadini Kongoliżi biex jibqgħu d-dar u ma jmorrux fil-post tax-xogħol u l-iskola fis-16 ta' Frar 2016 għal “Ville Morte” (Ġurnata ta' Belt Mejta) b'tifkira ta' dawk maqtula matul il-marċ favur id-demokrazija tas-16 ta' Frar 1992 u biex jipprotestaw kontra d-dewmien fl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet presidenzjali u n-nuqqas allegat tal-gvern li jikkonforma mal-Kostituzzjoni;

J.  billi tmien attivisti żgħażagħ u mill-inqas 30 persuna politika li jappoġġaw l-oppożizzjoni ġew arrestati fis-16 ta' Frar 2016 b'konnessjoni mal-istrajk nazzjonali, filwaqt li attivisti oħra rċevew theddid f'messaġġi minn numri tat-telefon mhux magħrufa u l-Ministru għall-Impjiegi Willy Makiashi pprojbixxa lill-impjegati pubbliċi milli jipparteċipaw fl-istrajk; billi sitt membri tal-moviment LUCHA ngħataw sentenza ta' sitt xhur ħabs; billi l-kummerċjanti u l-uffiċjali li osservaw il-"Jum il-Belt Mejta" spiċċaw bil-ħwienet tagħhom magħluqa jew ingħataw sanzjonijiet dixxiplinarji;

K.  billi l-Unjoni Afrikana, in-NU, l-UE u l-Organizzazzjoni Internazzjonali La Francophonie enfasizzaw b'mod konġunt l-importanza ta' djalogu u l-ilħuq għal ftehim bejn l-atturi politiċi li jirrispetta d-demokrazija u l-istat tad-dritt, u ħeġġew lill-atturi politiċi kollha tal-Kongo biex jestendu l-kooperazzjoni sħiħa tagħhom lill-medjaturi maħtura mill-komunità internazzjonali;

L.  billi s-sitwazzjoni marret għall-agħar minħabba l-persistenza u l-konsolidazzjoni tal-impunità fir-RDK; billi s-sitwazzjoni tas-sigurtà qed tkompli tiddeterjora fir-RDK, b'mod partikolari fil-Lvant tal-pajjiż, minħabba l-vjolenza kkawżata minn 'il fuq minn 30 grupp armat barrani u nazzjonali, b'rapporti kostanti ta' abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt internazzjonali, inklużi attakki mmirati kontra persuni ċivili, vjolenza sesswali u sessista mifruxa, reklutaġġ sistematiku u abbuż tat-tfal minn gruppi armati, u eżekuzzjonijiet ekstraġudizzjarji;

M.  billi dan l-aħħar kien hemm deterjorament fil-libertà tal-medja fir-RDK; billi uffiċjali tal-gvern imblukkaw il-libertà tal-espressjoni bl-għeluq ta' mezzi tal-midja (immiraw speċifikament lil dawk li xandru messaġġi dwar il-protesti), tas-servizzi ta' messaġġi testwali u tal-internet; billi fi Frar 2016 il-gvern għalaq żewġ stazzjonijiet televiżivi privati f'Lubumbashi; billi fl-aħħar rapport annwali tagħha, maħruġ f'Novembru 2015, Journalists in Danger, l-organizzazzjoni msieħba ma' Reporters Without Borders, elenkat 72 każ ta' attakki kontra ġurnalisti u l-midja fir-RDK u żvelat li 60 % tal-ksur tal-libertà tal-istampa twettqet minn aġenti tas-servizz militari jew tas-sigurtà, mill-ANR (Aġenzija tal-Intelligence Nazzjonali) jew mill-pulizija; billi t-trażmissjoni ta' xandiriet ta' Radio France International kienet sospiża biex taħbat mal-protesta "Dead City Day" (Jum il-Belt Mejta);

N.  billi l-Programm Indikattiv Nazzjonali 2014-2020 għar-RDK, b'finanzjament ta' EUR 620 miljun mill-11-il Fond Ewropew għall-Iżvilupp, jagħti prijorità lit-tisħiħ tal-governanza u l-istat tad-dritt, inklużi r-riformi tal-ġudikatura, tal-pulizija u tal-armata;

1.  Jistieden lill-awtoritajiet tar-RDK biex jimpenjaw ruħhom b'mod espliċitu li jikkonformaw mal-kostituzzjoni u jiżguraw iż-żamma fil-ħin tal-elezzjonijiet sa tmiem l-2016, f'konformità sħiħa mal-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza, u biex jiggarantixxu ambjent li jwassal għal elezzjonijiet trasparenti, kredibbli u inklużivi; jenfasizza li ż-żamma b'suċċess tal-elezzjonijiet se tkun kruċjali għall-istabilità fit-tul u l-iżvilupp tal-pajjiż;

2.  Jesprimi tħassib kbir dwar id-deterjorament tas-sigurtà u s-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fir-RDK, u b'mod partikolari dwar ir-rapporti kontinwi ta' vjolenza politika dejjem akbar u dwar restrizzjonijiet u intimidazzjoni gravi li qed iħabbtu wiċċhom magħhom id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avversarji politiċi u l-ġurnalisti qabel iċ-ċiklu elettorali li jmiss; jinsisti dwar ir-responsabilità tal-gvern li jipprevjeni kwalunkwe deterjorament tal-kriżi politika attwali jew żieda fil-vjolenza, u li jirrispetta, jipproteġi u jippromwovi d-drittijiet ċivili u politiċi taċ-ċittadini tiegħu;

3.  Jikkundanna bil-qawwa kwalunkwe użu ta' forza kontra dimostranti paċifiċi u mhux armati; ifakkar li l-libertà ta' espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda huma l-bażi ta' ħajja politika u demokratika dinamika; jikkundanna bil-qawwa ż-żieda fir-restrizzjonijiet tal-ispazju demokratiku u r-ripressjoni mmirata fuq il-membri tal-oppożizzjoni, is-soċjetà ċivili u l-midja; jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet tal-priġunieri politiċi kollha, inkluż Yves Makwambala, Fred Bauma u ta' attivisti u partitarji oħrajn tal-movimenti Filimbi u LUCHA, u tad-difensur tad-drittijiet tal-bniedem Christopher Ngoyi;

4.  Jikkunsidra l-ġlieda kontra l-impunità bħala prerekwiżit għall-istabbiliment mill-ġdid tal-paċi fir-RDK; jitlob għal investigazzjoni sħiħa, bir-reqqa u trasparenti li għandha tiġi mnedija mill-gvern tar-RDK, flimkien mas-sħab internazzjonali, fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem li seħħ waqt il-protesti relatati mal-elezzjonijiet, bl-għan li tiġi identifikata kwalunkwe azzjoni illegali jew ċaħda tad-drittijiet jew libertajiet; iħeġġeġ it-teħid ta' miżuri biex jiġi żgurat li dawk li huma ħatja minn ksur tad-drittijiet tal-bniedem, delitti tal-gwerra, delitti kontra l-umanità u vjolenza sesswali fuq in-nisa, flimkien ma' dawk responsabbli mir-reklutaġġ ta' suldati tfal, jiġu rappurtati, identifikati, imħarrka u kkastigati skont id-dritt kriminali nazzjonali u internazzjonali;

5.  Jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri biex jagħmlu użu sħiħ mill-istrumenti tal-politika kollha, inklużi r-rakkomandazzjonijiet magħmula fir-rapport finali tal-Missjoni ta' Osservazzjoni Elettorali tal-UE tal-2011 u fir-rapport dwar il-missjoni ta' segwitu tal-2014, u biex jagħmlu pressjoni politika fl-ogħla livell, sabiex tiġi evitata l-firxa ta' vjolenza elettorali fir-RDK u kwalunkwe destabbilizzazzjoni ulterjuri tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar;

6.  Jieħu nota tar-rieda tal-UE u tal-komunità internazzjonali li jappoġġaw il-proċess elettorali Kongoliż, sakemm jiġi ppubblikat kalendarju elettorali validu u jkun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali; iqis li dan l-appoġġ għandu jikkonċentra fuq ir-reġistrazzjoni tal-votanti, it-taħriġ u s-sigurtà elettorali; jinsisti li n-natura u l-ammont ta' appoġġ mill-UE għall-proċess elettorali fir-RDK iridu jiddependu mill-progress li jkun sar fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-missjonijiet ta' osservazzjoni elettorali tal-2011 u l-2014, b'mod partikolari fir-rigward ta' garanziji tal-independenza tas-CENI, ir-reviżjoni tar-reġistru elettorali, rekwiżiti baġitarji u konformità mal-kalendarju kostituzzjonali;

7.  Jistieden lill-awtoritajiet Kongoliżi jirratifikaw il-Karta Afrikana dwar id-Demokrazija, l-Elezzjonijiet u l-Governanza malajr kemm jista' jkun;

8.  Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-Unjoni Afrikana (UA) fil-prevenzjoni ta' kriżi politika fl-Afrika Ċentrali u jistieden lill-istati membri tal-UA, b'mod partikolari l-Afrika t'Isfel, biex jimpenjaw ruħhom favur il-konformità mal-Kostituzzjoni tar-RDK; iħeġġeġ lill-UE tuża l-għodod dipomatiċi u ekonomiċi kollha tagħha, inkluż l-iffirmar futur tal-Ftehimiet ta' Sħubija Ekonomika, biex jintlaħaq dan l-għan;

9.  Ifakkar li l-parteċipazzjoni sħiħa tal-oppożizzjoni, tas-soċjetà ċivili indipendenti u ta' esperti elettorali fis-CENI hija fattur importanti biex jiġi leġittimizzat il-proċess elettorali; ifakkar li s-CENI għandu jkun istituzzjoni imparzjali; jenfasizza li l-awtoritajiet għandhom iqiegħdu għad-dispożizzjoni tas-CENI r-riżorsi finanzjarji meħtieġa biex jippermettu proċess komprensiv u trasparenti;

10.  Jistieden lill-VP/RGħ biex tintensifika d-djalogu mal-awtoritajiet tar-RDK skont l-Artikolu 8 tal-Ftehim ta' Cotonou, bl-objettiv li tinkiseb kjarifika definittiva dwar il-proċess elettorali; ifakkar fl-impenn li ħadet ir-RDK fil-qafas tal-Ftehim ta' Cotonou li tirrispetta d-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, li jinkludu l-libertà ta' -espressjoni, il-libertà tal-midja, il-governanza tajba u t-trasparenza f'karigi politiċi; iħeġġeġ lill-Gvern tar-RDK jirrispetta dawn id-dispożizzjonijiet skont l-Artikoli 11b, 96 u 97 tal-Ftehim ta' Cotonou u, fin-nuqqas ta' dan, jitlob lill-Kummissjoni tagħti bidu għall-proċedura rilevanti skont l-Artikoli 8, 9 u 96 tal-Ftehim ta' Cotonou;

11.  Jistieden lill-UE tikkunsidra li timponi sanzjonijiet immirati fuq dawk responsabbli mir-ripressjoni vjolenti fir-RDK, inklużi projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar u iffriżar ta' assi, sabiex jgħinu fil-prevenzjoni ta' aktar vjolenza;

12.  Iħeġġeġ lid-delegazzjoni tal-UE timmonitorja l-iżviluppi u tuża l-għodod u l-istrumenti kollha xierqa, inkluż l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u għad-Drittijiet tal-Bniedem, biex tappoġġa d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-movimenti favur id-demokrazija;

13.  Jitlob biex jinħatar mill-ġdid rapporteur tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem fir-RDK;

14.  Ifakkar li l-paċi u s-sigurtà huma prekondizzjonijiet għal elezzjoni b'suċċess; jinnota, f'dan ir-rigward, it-tiġdid tal-mandat tal-MONUSCO, u jitlob għat-tisħiħ tal-kompetenzi tagħha fil-qasam tal-protezzjoni taċ-ċivili fil-kuntest elettorali;

15.  Itenni t-tħassib serju tiegħu dwar s-sitwazzjoni umanitarja allarmanti fir-RDK, ikkawżata b'mod partikolari mill-kunflitti armati vjolenti fil-provinċji tal-Lvant tal-pajjiż; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jkomplu jagħtu l-għajnuna tagħhom lin-nies tar-RDK bil-ħsieb li jtejbu l-kundizzjonijiet tal-għajxien tal-iktar popolazzjonijiet vulnerabbli u jindirizzaw il-konsegwenzi ta' spostament, nuqqas ta' sikurezza tal-ikel, epidemiji u diżastri naturali;

16.  Jikkundanna l-atti kontinwi ta' vjolenza sesswali fil-Lvant tal-Kongo; jinnota li l-awtoritajiet Kongoliżi organizzaw 20 proċess f'dawn l-aħħar xhur rigward il-vjolenza sesswali fil-Lvant tal-Kongo, fejn ikkundannaw 19-il uffiċjal tal-armata, u li għad fadal ħafna xi jsir; iħeġġeġ bil-qawwa lill-awtoritajiet Kongoliżi biex ikomplu l-ġlieda tagħhom kontra l-impunità billi jinvestigaw każijiet ta' vjolenza sesswali u jieħdu passi legali kontra l-awturi tar-reati;

17.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-awtoritajiet Kongoliżi li jeżaminaw il-każijiet ta' adozzjoni imblukkati sa mill-25 ta' Settembru 2013; jieħu nota tal-ħidma tal-Kumitat Interministerjali Kongoliż dwar l-għoti sporadiku ta' permessi ta' ħruġ għal tfal adottati; jistieden lill-Kumitat Interministerjali biex tkompli l-ħidma tiegħu b'mod diliġenti u koerenti f'atmosfera trankwilla; jistieden lid-delegazzjoni tal-Unjoni u lill-Istati Membri biex jimmonitorjaw is-sitwazzjoni mill-qrib;

18.  Jistieden lill-Unjoni Afrikana u lill-UE jiżguraw djalogu politiku permanenti fost il-pajjiżi tar-reġjun tal-Lagi l-Kbar biex tiġi evitata kwalunkwe destabbilizzazzjoni ulterjuri;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Unjoni Afrikana, lill-President, lill-Prim Ministru u lill-parlament tar-RDK, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u lill-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0278.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0475.

Avviż legali