Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2612(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0308/2016

Testi mressqa :

B8-0308/2016

Dibattiti :

PV 07/03/2016 - 16
CRE 07/03/2016 - 16

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2016 - 7.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0089

Testi adottati
PDF 375kWORD 115k
Il-Ħamis, 10 ta' Marzu 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-data
P8_TA(2016)0089B8-0308/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2016 dwar "Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-data" (2015/2612(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-dejta" (COM(2014)0442),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar "Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-data" (O-000021/2016 – B8-0116/2016),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-cloud computing fl-Ewropa(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-rata ta' tkabbir fis-suq tal-big data sal-2017 se tkun sitt darbiet aktar rapida minn dik fis-suq ġenerali tal-ICT u se tlaħħaq total ġenerali ta' EUR 50 biljun, skont il-Previżjoni għall-2013-2017 tas-Servizzi u t-Teknoloġija tal-Big Data Dinjija tal-Korporazzjoni Internazzjonali tad-Data, li skont is-Sħubija Pubblika-Privata tal-Valur tal-Big Data, sal-2017 tista' twassal għal 3.75 miljun impjieg ġdid;

B.  billi l-volum tad-data qed jikber b'rata bla preċedent, biex ikun hemm 16-il triljun gigabyte ta' data sal-2020, li jikkorrispondi għal rata ta' tkabbir annwali ta' 236 % f'ġenerazzjoni ta' data;

C.  billi deċiżjonijiet ibbażati fuq l-għarfien iġġenerat mill-Big Data jistgħu joħolqu żieda sostanzjali fil-produttività u l-kompetittività, u billi l-benefiċċji ta' ekonomija mmexxija mid-data jiġġeneraw 1,9 % fi tkabbir addizzjonali tal-PDG sal-2020;

D.  billi l-iżvilupp tal-Big Data huwa parti integrali ta' suq diġitali ġdid u għandu jiżgura l-iżvilupp ta' mudelli ta' negozju innovattivi u kompetittivi filwaqt li jikkonforma mal-qafas tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, peress li l-Big Data tista' twassal għal riskji u sfidi sinifikanti, partikolarment fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, (inklużi l-protezzjoni tad-data u l-privatezza);

E.  billi ekonomija ta' suċċess immexxija mid-data fil-futur tista' tirrappreżenta opportunità kemm għat-tkabbir kif ukoll għall-impjiegi, anke billi tippermetti mudelli ġodda ta' negozju, servizzi u produttività mtejba; billi jrid jinkiseb bilanċ tajjeb sabiex jinħoloq il-qafas tajjeb għat-tkabbir ekonomiku, biex tinżamm il-fiduċja filwaqt li jiġu salvagwardjati u rispettati d-drittijiet tal-konsumatur permezz ta' monitoraġġ effikaċi, valutazzjoni u reazzjonijiet xierqa, b'mezzi leġiżlattivi jekk ikun meħtieġ;

F.  billi l-Big Data toffri wkoll opportunitajiet għall-konsumaturi (eż. konvenjenza, effiċjenza u tfaddil), għan-negozji (industrija 4.0) u għall-gvern (gvern elettroniku), u fir-rigward tal-housing (bliet intelliġenti), ix-xjenza, il-mediċina (Mhealth), ir-rispons għad-diżastri u l-ġlieda kontra l-kriminalità;

Ir-rwol tal-ekonomija mmexxija mid-data fl-istrateġija għal Unjoni Diġitali

1.  Jistenna li l-benefiċċji ta' ekonomija mmexxija mid-data fil-livell nazzjonali u f'dak Ewropew ikollhom impatt fuq is-soċjetà u fuq it-tipi kollha ta' intrapriża fil-katina tal-valur; iqis li l-ħolqien ta' ekonomija mmexxija mid-data jinsab fil-qalba tal-istrateġija għal Suq Uniku Diġitali, u japprezza l-potenzjal tagħha li tgħin lill-Ewropa terġa' tikseb il-kompetittività fis-setturi avvanzati u li taċċellera l-irkupru ekonomiku tal-Ewropa, it-tkabbir fl-investiment u fl-innovazzjoni tul is-setturi kollha, li jistgħu jinkisbu biss jekk ikun hemm l-ambjent kummerċjali xieraq u l-mezzi biex tiġi attivata t-trasformazzjoni diġitali, u jekk dawn it-tekonoloġiji jikkonformaw mal-qafas ġuridiku tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data sabiex jiġu indirizzati r-riskji u l-isfidi assoċjati, b'mod partikolari fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, u speċjalment il-privatezza u l-protezzjoni tad-data;

2.  Jenfasizza li l-ekonomija mmexxija mid-data teħtieġ ħiliet avvanzati u mistennija toħloq numru sinifikanti ta' impjiegi fl-Ewropa fis-snin li ġejjin;

3.  Jirrikonoxxi l-benefiċċji soċjali u ekonomiċi assoċjati mal-użu integrat tad-data fis-setturi kollha tal-ekonomija Ewropea u fl-oqsma kollha tar-riċerka Ewropea, u jenfasizza l-importanza tat-trasparenza fir-rigward tal-valur u l-użu tad-data miġbura, ir-regoli tal-ġestjoni u l-modi li bihom id-data tinġabar u tiġi pproċessata; jenfasizza li l-individwi għandu jkollhom drittijiet aġġornati u sinifikanti ta' aċċess għal informazzjoni dwar l-ipproċessar tad-data; jenfasizza l-ħtieġa, f'dan il-kuntest, li tinġabar statistika eżatta dwar il-livell ta' sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini, in-negozji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi; jenfasizza li d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija hija xprun importanti tal-iżvilupp fil-qasam tal-Big Data, u għalhekk teħtieġ approċċ orizzontali sabiex l-ekonomija tad-data tkun tista' tikber;

4.  Jemmen li d-data tirrappreżenta assi ta' valur għall-kumpaniji, li l-valur tiegħu jista' jiżdied b'mod sinifikanti permezz tal-iżvilupp ta' modi innovattivi u intelliġenti li jippermettu l-integrazzjoni ta' data li tkun proprjetà tal-kumpaniji ma' data miftuħa; jitlob li jiġu varati inizjattivi biex titqajjem is-sensibilizzazzjoni tal-SMEs dwar il-valur tad-data tagħhom u kif tista' tintuża biex jiġu żviluppati mudelli ġodda ta' negozju sabiex jitrawwem it-tkabbir u l-SMEs jiġu stabbiliti bħala atturi ewlenin fil-Big Data;

5.  Jenfasizza li l-ipproċessar ta' ċerti tipi ta' data, b'mod partikolari data personali, jaqa' fl-ambitu tal-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, l-adozzjoni rapida tal-Pakkett dwar il-Protezzjoni tad-Data;

6.  Jirrimarka li l-protezzjoni tad-data u l-opportunitajiet li joħorġu mill-użu integrat tad-data ma jeskludux lil xulxin, peress li l-użu intelliġenti tal-opportunitajiet jista' jiżgura kompatibbiltà mal-protezzjoni tad-data; iqis li l-iżgurar ta' fiduċja f'dawn it-teknoloġiji għandu jkun fiċ-ċentru kemm tal-politika pubblika u kemm tal-mudelli ta' negozju, billi nuqqas ta' fiduċja jista' jkun ferm ta' ħsara għat-tkabbir u l-innovazzjoni fis-settur diġitali; jemmen li hemm ħtieġa essenzjali għal qafas ġuridiku b'validità għall-futur u uniformi għall-protezzjoni tad-data sabiex irawwem it-tkabbir u l-innovazzjoni u jirrikonoxxi l-karattru miftuħ u globali tal-internet; jirrikonoxxi li l-liġi dwar il-protezzjoni tad-data hija teknoloġikament newtrali u diġà tapplika bis-sħiħ għall-attivitajiet tal-Big Data li joperaw fl-UE, u għaldaqstant trid tiġi rispettata bis-sħiħ; iħeġġeġ li l-politika pubblika tinkludi l-privatezza fid-disinn u l-privatezza prestabbilita fil-ġenerazzjoni tad-data u fiċ-ċiklu tal-analiżi, filwaqt li taħtaf kwalunkwe opportunità biex trawwem l-iżvilupp tal-potenzjal tal-Big Data;

7.  Iqis li huwa essenzjali li jiġi żviluppat qafas regolatorju biex jiġu indirizzati l-isfidi ekonomiċi, teknoloġiċi, soċjali u kulturali ta' ekonomija mmexxija mid-data, bħall-aċċess għal, u l-kontroll u s-sjieda ta', data, b'mod partikolari data pubblika; iqis li s-sigurtà u l-protezzjoni tad-data huma bażi fundamentali għal tkabbir industrijali mmexxi mid-data; jenfasizza li s-sejbien ta' sinerġija bejn il-Big Data, il-protezzjoni tad-data, is-sigurtà tad-data u d-data miftuħa huwa l-bażi għal bidu ġdid diġitali fl-Ewropa; jitlob li l-isfidi li ġejjin jiġu indirizzati: is-sjieda tad-data, il-pussess, il-ġestjoni, l-aċċess u s-sigurtà, l-interoperabbiltà, il-limitazzjoni u l-ħżin tad-data, ir-restrizzjonijiet fuq l-użu u l-użu mill-ġdid tad-data madwar l-Ewropa, l-interrutturi innovattivi fil-kapital intellettwali, l-aċċessibbiltà u l-infrastruttura, ir-regoli tat-trasport trasparenti, il-mekkaniżmi transfruntieri u, fejn applikabbli, il-ħolqien u d-disseminazzjoni ta', u l-aċċess għal, data miftuħa, u d-disponibbiltà tagħha għall-amministrazzjonijiet pubbliċi u l-fornituri tas-servizzi;

Investiment f'ekonomija mmexxija mid-data (infrastruttura u R&Ż)

8.  Jinnota li, biex tirnexxi, ekonomija mmexxija mid-data tiddependi fuq ekosistema tal-ICT usa', inklużi l-Internet tal-Oġġetti (IoT) għall-forniment ta' data, netwerks tal-broadband b'veloċità għolja għat-trasport tagħha u cloud computing għall-ipproċessar tagħha, kif ukoll impjegati tas-sengħa, aċċess għad-data u interoperabbiltà; jirrimarka li dan is-settur jeħtieġ investimenti enormi fl-iżvilupp tal-clouds, is-super-computing u l-broadband b'veloċità għolja, li huma prerekwiżiti għal ekonomija diġitali ta' suċċess; jitlob qafas regolatorju u ambjent aħjar li jindirizzaw kemm is-settur privat kif ukoll dak pubbliku; ifakkar li l-investiment tas-settur privat fl-infrastruttura tan-netwerks jibqa' essenzjali; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistimulaw investimenti fl-infrastruttura tan-netwerks permezz ta' qafas regolatorju pożittiv u biex ikomplu jappoġġjaw l-infrastruttura tal-broadband permezz ta' programmi eżistenti bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u l-Fond ta' Koeżjoni, iżda biss f'żoni b'nuqqasijiet identifikati tas-suq;

9.  Jesprimi tħassib li l-qasma diġitali, investimenti insuffiċjenti u nuqqas ta' standardizzazzjoni teknika u leġiżlazzjoni għall-protezzjoni tad-data b'validità għall-futur jistgħu jwasslu sabiex l-Ewropa taqa' lura mil-lat teknoloġiku u dak ekonomiku fl-iżvilupp ta' ekonomija mmexxija mid-data;

10.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-interoperabbiltà u tal-istandards biex tingħata spinta lill-kompetittività fis-settur tal-ICT, u ta' rwol proattiv għall-Kummissjoni fl-għoti ta' mandat lill-korpi ta' standardizzazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa strateġija dwar l-Istandards tal-Big Data biex tidentifika distakki fl-istandards fl-industrija Ewropea tal-Big Data, anke fir-rigward tal-SMEs u s-setturi Ewropej ewlenin; jappoġġja l-iżvilupp ta' standards immexxija mis-suq, volontarji, newtrali mil-lat tat-teknoloġija, trasparenti, kompatibbli internazzjonalment u rilevanti għas-suq;

11.  Iqis li l-programm "ISA2" joffri opportunità li jiġu żviluppati standards ta' interoperabbiltà għall-ġestjoni tal-Big Data fi ħdan l-amministrazzjonijiet pubbliċi u fit-trattattivi tagħhom ma' negozji u ċittadini;

12.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi żviluppata inizjattiva dwar il-moviment liberu tad-data; jilqa' t-tħabbir ta' inizjattiva Ewropea dwar il-''Fluss Liberu tad-Data'', li jetiġilha tneħħi l-ostakli eżistenti għas-suq uniku għad-data; jistieden lill-Kummissjoni twettaq rieżami wiesa' u trasparenti tal-ħolqien ta' ekonomija mmexxija mid-data bl-għan li jiġu antiċipati l-bżonnijiet fir-rigward tat-teknoloġiji meħtieġa u li jitneħħew l-ostakli għall-innovazzjoni fl-Ewropa; jitlob li din l-inizjattiva tindirizza l-isfidi li ġejjin: is-sigurtà tad-data, l-interoperabbiltà, is-sjieda tad-data, il-limitazzjoni u l-ħżin, ir-restrizzjonijiet fuq l-użu u l-użu mill-ġdid tad-data madwar l-Ewropa, regoli trasparenti dwar it-trasportazzjoni, il-mekkaniżmi transfruntieri, u l-iskambju ta' data miftuħa bejn l-amministrazzjoni, in-negozji u s-soċjetà ċivili;

13.  Jinnota li biex tirnexxi, il-Big Data tiddependi fuq ekosistema tal-ICT usa', inklużi l-IoT għall-forniment ta' data, in-netwerks tal-broadband għat-trasport tagħha u l-cloud computing għall-ipproċessar tagħha;

14.  Jemmen li l-UE trid tiffaċilita l-proċeduri għall-allokazzjoni tal-għotjiet u żżid il-finanzjament għar-riċerka u l-innovazzjoni relatati mal-użu integrat tad-data, l-innovazzjoni diġitali u l-iżvilupp tas-suq f'oqsma identifikati li jġibu valur miżjud għaċ-ċittadini, is-soċjetà u l-ekonomija u li jrawmu b'mod effikaċi id-dħul fis-suq ta' prodotti u servizzi innovattivi; iqis, f'dan ir-rigward, li hemm bżonn li jitfassal pjan direzzjonali Ewropew konġunt għall-Istati Membri u l-UE għal perjodu medju u fit-tul, flimkien ma' qafas ta' finanzjament stabbli li jagħmilha possibbli li nersqu lejn ir-riċerka elettronika; jemmen li s-software bla ħlas jista' jkollu rwol importanti fl-ilħuq ta' dawn l-għanijiet;

15.  Jirrikonoxxi l-inizjattivi tal-Kummissjoni li toħloq sħubijiet pubbliċi-privati (PPPs) ibbażati fuq l-iżvilupp tal-ekonomija mmexxija mid-data, peress li l-kooperazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati hija kruċjali għall-identifikazzjoni tal-ostakli għall-iżvilupp tat-teknoloġiji meħtieġa; jirrikonoxxi li l-Kummissjoni u l-industrija Ewropea tad-data impenjaw ruħhom li jinvestu EUR 2,5 biljun f'PPP biex issaħħu s-settur tad-data u jpoġġu lill-Ewropa fuq quddiem nett fit-tellieqa tad-data globali billi jimmassimizzaw il-potenzjal tal-ekonomija diġitali; jirrimarka li l-aċċess għal portali tad-data miftuħa u għal infrastruttura elettronika relatata mar-riċerka huwa mod wieħed possibbli biex jitnaqqsu l-iżvantaġġi li r-riċerkaturi u l-SMEs ibbażati f'reġjuni mbiegħda jistgħu jħabbtu wiċċhom magħhom;

16.  Jilqa' l-ħolqien ta' spazji għall-innovazzjoni – żoni fejn hemm preżenti u tista' tiżdied konċentrazzjoni ta' negozji u ħiliet preeżistenti, li jippermettu sperimentazzjoni ma' teknoloġiji relatati mad-data fi ħdan raggruppamenti innovattivi li jipproduċu ekosistemi u proġetti tal-pjattaforma industrijali transsettorjali għall-kisba tan-netwerking tal-ekonomija reali u diġitali; jenfasizza li dawn l-ispazji għandhom iservu bħala inkubaturi tan-negozju, li jedukaw lin-negozji dwar kif isarrfu l-użu tad-data f'opportunitajiet ta' negozju u jappoġġjaw it-tkabbir u l-internazzjonalizzazzjoni tal-SMEs u negozji ġodda innovattivi; jitlob li jiġu stabbiliti sħubijiet aktar mill-qrib bejn in-negozji u l-universitajiet u ċ-ċentri ta' riċerka sabiex titrawwem l-innovazzjoni fil-Big Data; jinnota, f'dan ir-rigward, l-investiment li sar f'inizjattivi bħall-Gran Koalizzjoni għall-Impjiegi Diġitali u l-Ġimgħa Ewropea tal-Ħiliet Elettroniċi;

17.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jistabbilixxu qafas regolatorju modern u b'validità għall-futur li jistimola u jinkoraġġixxi l-investimenti fl-infrastrutturi tan-netwerks meħtieġa għall-ħtiġijiet futuri tal-ekonomija diġitali konnessa, biex jadottaw politiki li jippermettu lill-IoT jiffjorixxi, u biex jiżguraw kapaċitajiet u veloċitajiet adegwati ta' data, filwaqt li jespandu t-teknoloġija mobbli u jinkoraġġixxu l-introduzzjoni tal-IPv6;

18.  Jenfasizza li tinħtieġ aktar koordinazzjoni sabiex l-istandards u l-interoperabbiltà jkollhom aktar ftuħ fi pjattaformi ta' sistemi u ta' kollaborazzjoni;

19.  Jitlob lill-Kummissjoni tadotta politiki li jneħħu l-ostakli eċċessivi fis-setturi innovattivi, tinċentivizza investimenti fir-riċerka u l-iżvilupp u l-istandardizzazzjoni Ewropea u tindirizza l-problema attwali tal-ksur ta' privattivi ta' invenzjonijiet użati biex jissodisfaw standard tekniku; iqis li jeħtieġ li jintlaħaq bilanċ xieraq bejn dawk li jinvestu fir-riċerka u l-innovazzjoni bl-għan li jiġu żviluppati tali privattivi essenzjali u dawk li jibbenefikaw mill-eżistenza ta' dawk il-privattivi; jenfasizza li l-privattivi ta' invenzjonijiet użati biex jissodisfaw standard tekniku huma element importanti tal-istandardizzazzjoni u, għal għadd sinifikanti ta' impriżi Ewropej tal-ICT, huma komponent tal-mudell tan-negozju tagħhom; jitlob miżuri biex tiġi preservata sistema ta' standardizzazzjoni ta' kwalità għolja li tista' tattira l-aħjar kontribuzzjonijiet fit-teknoloġija, twassal servizzi u applikazzjonijiet diġitali interoperabbli u innovattivi u tippermetti ftehimiet ta' liċenzjar tal-privattivi fuq termini ġusti, raġonevoli u mhux diskriminatorji (FRAND); iqis, madankollu, li jeħtieġ li jsiru aktar sforzi biex jiġi ffaċilitat l-aċċess u jitneħħew l-ostakli diġitali għall-persuni b'diżabilità;

20.  Jemmen li, sabiex jinħasdu l-akbar benefiċċji minn innovazzjoni fil-qasam tal-Big Data, il-prinċipju tal-Orizzont 2020 ta' "innovazzjoni responsabbli" għandu jiggwida l-identifikazzjoni ta' opportunitajiet biex jiġi aċċellerat id-dħul fis-suq, speċjalment għall-SMEs;

21.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura investiment fl-infrastruttura u l-iżvilupp b'validità għall-futur tas-servizzi cloud fl-Ewropa billi ttejjeb iċ-ċertezza ġuridika dwar l-obbligi u r-responsabbiltajiet ta' kull parti, tiggarantixxi t-twettiq tal-miżuri komuni ta' sigurtà u protezzjoni tad-data, tippermetti li d-data tgħaddi bejn il-fruntieri u trawwem l-ambjent tan-negozju xieraq fejn ikun jista' jiżviluppa suq effiċjenti, miftuħ u globali;

Il-ħolqien ta' ekonomija mmexxija mid-data għas-suq tal-UE

22.  Huwa tal-opinjoni li l-Big Data għandha l-potenzjal tagħti spinta lill-produttività tal-ekonomija u ttejjeb is-servizzi tal-konsumatur u tal-gvern; jirrikonoxxi li l-Big Data jaf iġġib aktar opportunitajiet ta' negozju u aktar disponibbiltà tal-għarfien u l-kapital, sakemm il-gvernijiet u l-partijiet ikkonċernati jaħdmu flimkien b'mod kostruttiv; jenfasizza, madankollu, li s-suq uniku frammentat attwali qed idgħajjef l-iżvilupp ta' ekonomija mmexxija mid-data, il-Big Data, il-cloud computing, l-IoT u teknoloġiji oħra mmexxija mid-data;

23.  Jemmen li l-impedimenti teknoloġiċi ewlenin għall-iżvilupp ta' ekonomija mmexxija mid-data jinkludu n-nuqqas ta' interoperabbiltà u ta' qafas ta' interfaċċa komuni biex jiġu ffaċilitati l-komunikazzjoni tad-data tas-sensuri u tal-magni kif ukoll il-komunikazzjoni bejn id-dinja virtwali u dik fiżika, id-disponibbiltà insuffiċjenti ta' data miftuħa u n-nuqqas ta' kundizzjonijiet tas-suq li jippermettu lill-intrapendituri jinnovaw u jikbru; jitlob lill-Kummissjoni tixpruna l-kondiviżjoni tar-riċerka biex tindirizza dawn il-kwistjonijiet;

24.  Jitlob lill-Kummissjoni tixpruna u tippromwovi l-kondiviżjoni tar-riċerka dwar il-ħolqien ta' qafas ta' interfaċċa komuni sabiex tnaqqas l-istandards duplikati u tiżgura interoperabbiltà teknika u semantika bl-għan li jiġi segwit proċess ta' ffissar ta' standards immexxi mill-ħtiġijiet tal-konsumatur u tan-negozju;

25.  Jilqa' t-tħabbir ta' inizjattiva Ewropea dwar il-''Fluss Liberu tad-Data'', li jetiġilha tneħħi l-ostakli eżistenti għas-suq uniku għad-data;

26.  Jitlob ambjent regolatorju li jibqa' validu fil-futur u li jadatta għan-natura li tinbidel tas-settur, ikun newtrali mil-lat tat-teknoloġija, iħeġġeġ il-ħolqien ta' negozji ġodda u d-dħul fis-suq ta' operaturi ġodda, joħloq kundizzjonijiet ekwi u kompetizzjoni ġusta filwaqt li jevita piż regolatorju eċċessiv, u jiżgura konformità sħiħa mal-istandards tal-protezzjoni tad-data u l-privatezza; jilqa', f'dan il-kuntest, il-pjanijiet tal-Kummissjoni għal rieżami tad-Direttiva dwar il-Privatezza elettronika; jinnota li azzjoni regolatorja għandha tkun mmexxija mis-suq; jemmen li għandu jkun hemm kundizzjonijiet ekwi li permezz tagħhom l-operaturi kollha, kbar u żgħar, ikunu jistgħu jinvestu, jinnovaw u jikkompetu għall-benefiċċju tal-utenti aħħarin Ewropej f'termini ta' għażla u aċċessibbiltà mil-lat finanzjarju;

27.  Jinnota l-importanza tad-data miftuħa bħala materja prima ta' kwalità għolja għall-iżvilupp ta' servizzi u prodotti ta' informazzjoni b'valur miżjud; jenfasizza li d-data ġġenerata mill-istituzzjonijiet pubbliċi u mill-programmi ta' riċerka Ewropej bl-użu ta' fondi pubbliċi taħt programmi bħal Copernicus u Galileo għandha ssir disponibbli għaċ-ċittadini Ewropej skont mudell ta' aċċess miftuħ u għandha tkun aċċessibbli għal amministrazzjonijiet pubbliċi u negozji privati biex ikun jistgħu jtejbu l-kwalità tas-servizzi tagħhom filwaqt li jirrispettaw id-drittijiet ta' proprjetà intelletwali fis-seħħ;

28.  Jinnota li aktar data għanda tkun disponibbli, bl-għan ta' ekonomija iktar kompetittiva u innovattiva mmexxija mid-data, u li għaldaqstant il-pjattaformi tal-internet għandhom ikunu inkoraġġuti jirrilaxxaw is-settijiet tad-data tagħhom bħala data miftuħa f'forma anonimizzata u aggregata, b'konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data;

29.  Jemmen li jeħtieġ li jsir sforz akbar fir-rigward tal-anonimizzazzjoni u l-psewdonimizzazzjoni tad-data bħala prekundizzjoni għal innovazzjoni kreattiva tad-data u pass kbir fit-tnaqqis tal-ostakli għad-dħul fis-suq għan-negozji ġodda u l-SMEs; jemmen li l-użu tat-teknoloġiji, inkluża l-estrazzjoni ta' test u ta' data (text and data mining) ikun fattur importanti sabiex jinkiseb valur miżjud minn settijiet ta' data miftuħa; jirrimarka, madankollu, li trid issir distinzjoni ċara bejn l-ipproċessar ta' data personali u tipi oħra ta' data, u li jridu jitfasslu soluzzjonijiet teknoloġiċi li jsaħħu l-privatezza fid-disinn;

30.  Jenfasizza li l-prinċipji kollha stabbiliti fil-liġi tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, bħall-korrettezza u l-legalità, il-limitazzjoni tal-iskop, il-bażi ġuridika għall-ipproċessar, il-kunsens, il-proporzjonalità, l-eżattezza u l-perjodi limitati għaż-żamma ta' data, iridu jiġu rispettati mill-fornituri tal-Big Data meta tiġi pproċessata d-data personali; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data dwar il-privatezza u l-kompetittività fl-era tal-Big Data;

It-trawwim ta' negozji ġodda u SMEs fl-ekonomija mmexxija mid-data

31.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi żviluppata bażi soda ta' fornituri ta' servizzi, biex jiġu promossi l-benefiċċji u l-assi tal-użu integrat tad-data għall-ekonomija u s-soċjetà, u li titrawwem il-fiduċja fost l-SMEs fit-teknoloġiji relatati mal-Big Data; jirrikonoxxi l-ħtieġa li tiġi appoġġjata l-applikazzjoni mifruxa tas-servizzi tal-Big Data bl-għan li tittejjeb l-effiċjenza f'setturi ekonomiċi differenti, u li jiġu appoġġjati fornituri ta' servizzi ġodda; jitlob li jitwaqqfu punti uniċi ta' servizz li jgħinu lill-SMEs jużaw aħjar id-data tagħhom stess u dik pubblika filwaqt li jaderixxu għal-liġijiet tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;

32.  Jiddispjaċih għall-fatt li ħafna ideat u opportunitajiet qegħdin jintilfu jew jiġu realizzati barra mill-Ewropa minħabba kwistjonijiet ta' skala xprunati minn ostakli bħal piżijiet amministrattivi u aċċess għall-finanzi, li kollha kemm huma jaffettwaw b'mod negattiv il-kompetittività tal-Ewropa; jitlob li l-akkwist ta' kapital privat jiġi ffaċilitat billi jiġu pprovduti l-inċentivi ġusti, inklużi sforzi biex jiġu indirizzati l-isfidi li joriġinaw minn regoli nazzjonali, amministrattivi, regolatorji u fiskali differenti; jitlob li jiġi stimulat l-iżvilupp ta' ekosistemi li jlaqqgħu istituzzjonijiet pubbliċi u privati li jipprovdu teknoloġija u infrastruttura ma' negozji ġodda li qed jipprovdu ideat ta' applikazzjoni;

33.  Ifakkar li huma biss 1.7 % tal-kumpaniji li jagħmlu użu sħiħ mit-teknoloġiji diġitali avvanzati minkejja l-benefiċċji li jistgħu jġibu magħhom l-għodod diġitali fis-setturi ekonomiċi kollha; għaldaqstant, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jvaraw strateġija għall-intraprenditorija diġitali;

34.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu ċentri Ewropej tal-ekonomija diġitali li jinkludu l-użu tal-Big Data u teknoloġiji oħra tad-data minn intraprendituri, SMEs u kumpaniji innovattivi kif ukoll iħaddnu r-riċerkaturi u l-ekonomija usa'; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu t-twaqqif ta' spazji għall-innovazzjoni u raggruppamenti sabiex jgħinu fl-iżvilupp ta' ħiliet, joħolqu vantaġġ kompetittiv fil-qasam tal-kapital intellettwali u biex jiġu mifhuma aħjar il-perspettivi u l-limitazzjonijiet tat-teknoloġija tal-Big Data;

35.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jtejbu l-isforzi koordinati tagħhom fil-faċilitajiet tal-iskola u edukattivi biex jagħmlu l-ICT attraenti fil-qasam vokazzjonali, b'mod partikolari għan-nisa u l-bniet, u jemmen li tali sforzi għandhom jinkludu miżuri biex irawmu spirtu aktar imprenditorjali u jiffaċilitaw id-dħul fl-intraprenditorija tal-Big Data billi jwaqqfu negozji ġodda f'dan il-qasam, fejn b'hekk joħolqu aktar opportunitajiet ta' impjieg; jirrimarka dwar l-importanza li jiġi adottat approċċ multidixxiplinari għat-taħriġ ta' professjonisti u l-bini ta' tim;

36.  Jitlob li jiġu varati inizjattivi, u jiġu rakkomandati mudelli ta' finanzjament, li jrawmu t-tagħlim tul il-ħajja u miżuri mfasslin apposta għal kulħadd, inklużi l-anzjani, u li jiffaċilitaw l-aċċess għall-edukazzjoni għall-professjonisti biex iwessgħu ħiliethom fl-ICT u l-ipproċessar tad-data, sabiex iżidu l-għadd ta' professjonisti b'ħiliet diġitali; jappella biex it-trasformazzjoni diġitali tan-negozji tingħata post aktar prominenti fl-edukazzjoni kontinwa, u biex jitfasslu programmi ta' tmexxija elettronika; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ffaċilitat il-moviment tal-ħaddiema tas-sengħa madwar l-UE u miżuri biex jiġu indirizzati n-nuqqas ta' ħiliet, inklużi miżuri speċifiċi biex jattiraw it-talent;

37.  Jappoġġja inizjattivi biex il-kodifikazzjoni u suġġetti relatati mat-trattament tad-data jiddaħħlu fil-kurrikula nazzjonali; jenfasizza d-diversi vantaġġi ta' software bla ħlas fl-edukazzjoni, u jitlob attenzjoni partikolari fuq l-iżgurar li dawn il-kurrikula ġodda jimmotivaw lit-tfal jiskopru t-talenti tagħhom u jipparteċipaw fix-xjenza u l-kodifikazzjoni tad-data;

38.  Ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jevitaw l-eżodu ta' mħuħ ta' esperti b'edukazzjoni għolja u kwalifikati lejn reġjuni oħra barra mill-Ewropa;

39.  Jitlob li jingħata appoġġ għall-iżvilupp ta' għodod "front end" li jippermettu li utenti finali każwali fl-SMEs jiżviluppaw mudelli tan-negozju ġodda mmexxija mid-data;

Involviment tas-soċjetà

40.  Jitlob li jiġu stimulati inizjattivi li jżidu s-sensibilizzazzjoni u dibattiti pubbliċi fl-Istati Membri, f'livell Ewropew u internazzjonali dwar il-benefiċċji u l-valur b'mod partikolari rigward dawk il-gruppi li għad m'għandhomx aċċess għat-teknoloġiji diġitali jew mhumiex familjari sew magħhom; jitlob inizjattivi li jagħtu s-setgħa liċ-ċittadini vis-à-vis l-użu u l-valur tad-data tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tal-iżvilupp ta' servizzi innovattivi ġodda, u biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji u l-valur tal-Big Data għas-soċjetà;

41.  Jirrimarka li l-analitika tal-Big Data għandha l-potenzjal li taċċellera b'mod sinifikanti l-iżvilupp ta' servizzi pubbliċi innovattivi abbażi tal-użu ta' data tal-gvern miftuħa u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku; jilqa', għaldaqstant, l-opportunitajiet li l-infrastruttura diġitali u l-użu integrat tad-data joffru biex jiżdiedu l-parteċipazzjoni u l-involviment popolari permezz ta' diversi forom ta' governanza elettronika u demokrazija elettronika;

42.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħaffu l-azzjonijiet biex jiżviluppaw governanza elettronika; jirrikonoxxi, b'mod partikolari, il-valur tal-IoT, u jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-qafas għal Suq Uniku Diġitali mal-miri eżistenti tal-Ewropa 2020; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu sfruttati bis-sħiħ ukoll il-vantaġġi tal-ekonomija kondiviża u tal-involviment inklużiv tas-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini;

o
o   o

43.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0535.

Avviż legali