Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2894(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0309/2016

Testi mressqa :

B8-0309/2016

Dibattiti :

PV 09/03/2016 - 19
CRE 09/03/2016 - 19

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2016 - 7.10
CRE 10/03/2016 - 7.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0092

Testi adottati
PDF 305kWORD 128k
Il-Ħamis, 10 ta' Marzu 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Ir-Rapport 2015 dwar il-Montenegro
P8_TA(2016)0092B8-0309/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-10 ta' Marzu 2016 dwar ir-Rapport 2015 dwar il-Montenegro (2015/2894(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Ġunju 2003 u l-anness tagħhom bit-titolu "L-Aġenda ta' Tessaloniki għall-Balkani tal-Punent: lejn integrazzjoni Ewropea",

–  wara li kkunsidra l-konklużjoni tal-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq naħa waħda, u l-Montenegro, min-naħa l-oħra, tad-29 ta' Marzu 2010(1),

–  wara li kkunsidra l-eżitu tas-Seba' Laqgħa fuq Livell Ministerjali tal-Konferenza dwar l-Adeżjoni bejn l-UE u l-Montenegro tal-21 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u r-Rakkomandazzjonijiet tal-11-il Laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Montenegro li saret fi Strasburgu fis-16 u s-17 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 dwar il-progress tal-Montenegro fl-implimentazzjoni tar-riformi (COM(2012)0222), u l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2012 li ddeċidew li jinfetħu n-negozjati ta' adeżjoni mal-Montenegro fid-29 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-10 ta' Novembru 2015 bit-titolu "Strateġija tal-UE dwar it-Tkabbir" (COM(2015)0611), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Rapport 2015 dwar il-Montenegro" (SWD(2015)0210),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Finali tal-President tas-Summit ta' Vjenna dwar il-Balkani tal-Punent tas-27 ta' Awwissu 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar it-Tkabbir u l-Proċess ta' Stabbilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni li ttieħdet waqt il-laqgħa tal-Ministri għall-Affarijiet Barranin tan-NATO tat-2 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Montenegro,

–  wara li kkunsidra x-xogħol ta' Charles Tannock bħala r-rapporteur permanenti tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin għall-Montenegro,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi sar aktar progress fin-negozjati tal-adeżjoni mal-Montenegro, u fil-Konferenza Intergovernattiva li saret fi Brussell fil-21 ta' Diċembru 2015, infetħu żewġ kapitoli tan-negozjati dwar it-trasport u l-enerġija; billi fost il-pajjiżi tat-tkabbir, il-Montenegro jinsab fl-aktar stadju avvanzat tal-proċess tan-negozjati;

B.  billi djalogu sostenibbli u kooperazzjoni kostruttiva bejn il-koalizzjoni li qiegħda tiggverna u l-oppożizzjoni huma kruċjali sabiex jinżamm progress fil-proċess ta' adeżjoni;

C.  billi elezzjonijiet parlamentari ħielsa, ġusti u trasparenti huma kruċjali għall-ġejjieni demokratiku tal-Montenegro;

D.  billi l-Montenegro għandu jiżviluppa aktar riżultati b'saħħithom fir-rigward tal-istat tad-dritt, li huwa prerekwiżit fundamentali għall-adeżjoni mal-UE;

E.  billi soċjetà ċivili b'saħħitha ssaħħaħ ir-responsabbiltà politika u s-solidarjetà fi ħdan il-pajjiż u tippromwovi fehim aħjar u sens ta' appartenenza tar-riformi relatati mal-UE;

F.  billi l-korruzzjoni għadha problema serja, u billi għad hemm tħassib dwar il-kriminalità organizzata u dwar theddid għal-libertà ta' espressjoni;

G.  billi għandhom jittieħdu aktar passi fir-rigward tal-ġlieda kontra l-qgħad, id-diskriminazzjoni soċjali u l-faqar u tat-tisħiħ tad-drittijiet tal-ħaddiema u tad-drittijiet tat-trade unions f'konformità mal-istandards tal-UE;

1.  Jilqa' l-progress kostanti fin-negozjati tal-adeżjoni mal-Montenegro, u jinnota li s'issa infetħu 22 kapitolu tan-negozjati, inkluż il-kapitoli 23 u 24, li tnejn minnhom ingħalqu b'mod proviżorju; jinkoraġġixxi l-progress tanġibbli sabiex jintlaħqu l-kriterji fissi għall-għeluq ta' kapitoli li diġà qegħdin jiġu nnegozjati u għall-ftuħ ta' kapitoli ġodda; jenfasizza li l-progress fin-negozjati jeħtieġ li jkun akkumpanjat minn implimentazzjoni rigoruża tal-pjanijiet ta' azzjoni u tal-istrateġiji rilevanti; itenni li l-progress ġenerali fin-negozjati jiddependi fuq il-progress li jsir fl-implimentazzjoni tal-istat tad-dritt u riżultati tanġibbli miksuba f'dan il-qasam;

2.  Iħeġġeġ aktar skrutinju parlamentari fuq il-proċess tal-adeżjoni; jilqa' l-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni tal-2015 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza parlamentari, iżda jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rinforzati l-kapaċitajiet tal-parlament Montenegrin u jitjieb l-aċċess għall-informazzjoni relatata mal-adeżjoni; jilqa' l-Kodiċi ta' Etika li għadu kemm ġie adottat u jappella għal aktar miżuri biex titjieb il-fiduċja pubblika fil-parlament Montenegrin;

3.  Jinsab imħasseb ħafna dwar il-klima nazzjonali polarizzata u l-bojkott tal-attivitajiet parlamentari minn faxxa tal-oppożizzjoni; iħeġġeġ lill-forzi politiċi kollha, kemm fil-gvern kif ukoll fl-oppożizzjoni, jerġgħu jinvolvu ruħhom fi djalogu sostenibbli u kooperazzjoni kostruttiva fi ħdan il-parlament Montenegrin; jieħu nota tal-vot ta' sfiduċja li m'għaddiex mill-parlament Montenegrin fis-27 ta' Jannar 2016 ud-djalogu parlamentari ta' wara rigward il-ħolqien ta' kundizzjonijiet għal elezzjonijiet liberi u ġusti; ifakkar li d-djalogu u l-kompromess huma s-sisien ta' kwalunkwe proċess demokratiku tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jilqa' f'dan ir-rigward il-pjan ippreżentat sabiex tingħeleb il-kriżi politika; jappella lill-partiti kollha fl-oppożizzjoni biex jikkunsidraw l-istedina biex jidħlu fil-gvern sal-elezzjonijiet f'Ottubru 2016 b'mod li jiżguraw, mingħajr dewmien ulterjuri, li l-kundizzjonijiet għal elezzjonijiet liberi u ġusti jkunu garantiti, inklużi l-ikkompletar tal-modifika tal-liġijiet elettorali u l-iżgurar li l-ebda riżorsa pubblika ma tintuża għall-finijiet ta' partit; iqis li huwa essenzjali għal demokrazija li tiffunzjona sew li kwalunkwe forma ta' protesta titwettaq b'mod paċifiku u skont il-liġijiet rilevanti; jistenna li l-awtoritajiet kompetenti jinvestigaw bir-reqqa u f'waqthom l-inċidenti kollha ta' vjolenza li seħħew matul il-protesti, inklużi kwalunkwe allegazzjoni dwar l-użu eċċessiv ta' forza minn xi membri tal-forza tal-pulizija; jieħu nota tal-modifiki adottati f'Diċembru 2015 għal-liġi dwar għaqdiet pubbliċi;

4.  Jistieden lill-Gvern jimplimenta bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni elettorali l-ġdida qabel kwalunkwe elezzjoni ġdida u jsaħħaħ aktar il-Kummissjoni Elettorali Nazzjonali, li jeħtieġ li twettaq il-mandat tagħha b'mod effikaċi; jinsisti għal darb'oħra l-ħtieġa għal segwitu politiku xieraq dwar l-"iskandlu tar-reġistrazzjoni ta' smigħ", filwaqt li jirrikonoxxi l-progress li sar fis-segwitu ġudizzjarju;

5.  Jinnota ċertu progress fir-riforma tal-amministrazzjoni pubblika li l-Gvern qiegħed iwettaq għall-perjodu 2011-2016, u jappella għall-adozzjoni tempestiva ta' strateġija li tkopri l-perjodu 2016-2020; jinkoraġġixxi aktar depolitiċizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika; iqis li huwa essenzjali li jiġu rispettati l-prinċipji ta' mertu, id-depolitiċizzazzjoni, ir-responsabbiltà u t-trasparenza fl-amministrazzjoni pubblika kif ukoll li jiġi żgurat id-dritt taċ-ċittadini għal amministrazzjoni tajba li tkun ħielsa mill-korruzzjoni; jilqa' l-emendi għal-Liġi dwar l-Ombudsman; jinsab imħasseb li l-kapaċitajiet tal-Uffiċċju tal-Ombudsman li jindirizza b'mod effikaċi l-ilmenti għadhom limitati; jenfasizza l-ħtieġa ta' numru akbar ta' aġenziji statali li jkunu speċjalizzati u indipendenti;

6.  Jilqa' l-progress tajjeb li sar fir-rigward tat-tisħiħ tal-qafas leġiżlattiv biex tissaħħaħ l-indipendenza, ir-responsabbiltà u l-professjonalità tal-ġudikatura, u jistenna bil-ħerqa l-implimentazzjoni sħiħa tar-regoli rilevanti fil-prattika; jinnota b'sodisfazzjon li kompla jonqos l-akkumulu ta' ċerti tipi ta' kawżi; jappella sabiex tiġi żgurata l-indipendenza tal-ġudikatura u jilqa' ż-żieda fl-effiċjenza tagħha; jibqa' mħasseb dwar l-influwenza indebita fuq l-indipendenza tal-ġudikatura, b'mod partikolari dwar il-ħatra tal-imħallfin; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi rinforzata l-kapaċità tal-Kunsilli Ġudizzjarji u tal-Prosekuzzjoni, sabiex titjieb aktar l-effiċjenza tal-Qorti Kostituzzjonali, tissaħħaħ l-eżekuzzjoni ta' deċiżjonijiet ċivili u amministrattivi u jiġu implimentati bis-sħiħ is-sistemi l-ġodda ta' reklutaġġ, evalwazzjoni u promozzjoni professjonali;

7.  Jappella għal titjib tal-kapaċità leġiżlattiva u amministrattiva fil-qasam tal-asil u l-migrazzjoni, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ għal dan l-għan; ifaħħar lill-gvern tal-Montenegro għall-passi li ħa biex jgħin persuni mingħajr Stat li jinsabu fit-territorju tiegħu biex isibu soluzzjoni dwar l-istatus tagħhom; jinkoraġġixxi lill-Montenegro jkompli bl-isforzi tiegħu f'dan il-qasam, partikolarment fir-rigward tat-tfal, inkluż billi tiġi ffaċilitata aktar ir-reġistrazzjoni tat-twelid u r-reġistrazzjoni sussegwenti jew mill-ġdid fir-reġistri ċivili;

8.  Jistieden lill-Gvern u lis-servizz tal-prosekuzzjoni jintensifikaw l-isforzi tagħhom għall-ġlieda kontra l-impunità tad-delitti tal-gwerra u juru approċċ aktar proattiv fis-segwitu tal-allegazzjonijiet pendenti ta' delitti tal-gwerra, b'mod partikolari fir-rigward tal-uffiċjali responsabbli li huma fl-ogħla livelli fil-linja ta' kmand, sabiex jiżguraw, f'konformità mal-istandards internazzjonali, li d-deċiżjonijiet tal-qorti jiġu eżegwiti, b'garanzija ta' indennifikazzjoni ekwa u ġusta, u li l-vittmi tal-gwerra jkollhom aċċess għall-ġustizzja u jiksbu kumpens għad-dannu li ġarrbu; jappella li jkun hemm ħarsien sħiħ tax-xhieda; itenni l-ħtieġa li tiġi riżolta kwalunkwe kwistjoni li mhijiex f'konformità mal-pożizzjoni komuni tal-UE dwar l-integrità tal-Istatut ta' Ruma jew mal-prinċipji gwida tal-UE fir-rigward tal-ftehimiet bilaterali ta' immunità;

9.  Jilqa' l-evalwazzjoni bejn il-pari reċenti tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal, u jappella għall-implimentazzjoni sħiħa u l-monitoraġġ tal-politiki u l-liġijiet relatati mat-tfal fil-livelli kollha; jenfasizza l-ħtieġa li l-politiki u s-servizzi relatati mat-tfal fil-livell nazzjonali u lokali jkollhom riżorsi xierqa u li jiġu msaħħa l-kapaċitajiet sabiex jipproduċu u jużaw data ta' kwalità, diżaggregata u ffokata fuq it-tfal għat-tfassil ta' politika u pprogrammar li jkunu bbażati fuq l-evidenza;

10.  Ifaħħar l-impenn tal-gvern li jespandi l-edukazzjoni bikrija ta' kwalità għat-tfal , u jilqa' ż-żieda fir-reġistrazzjonijiet għal edukazzjoni preprimarja wara kampanja mmirata; jilqa' l-isforzi biex titjieb il-kwalità tal-edukazzjoni b'mod ġenerali u tal-edukazzjoni bikrija b'mod partikolari permezz tal-iffissar ta' standards, tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet ta' dawk li jipprovdu l-edukazzjoni, u tal-istabbiliment ta' mekkaniżmi ta' sorveljanza u tal-garanzija tal-kwalità; jilqa' l-ħidma pijuniera biex jiġu żviluppati ħiliet soċjoemozzjonali u ħiliet personali oħra fost l-istudenti tal-iskejjel primarji;

11.  Jirrikonoxxi l-impenn tal-gvern u r-riżultati miksuba fir-riforma tas-sistema soċjali u tal-kura tat-tfal, u jenfasizza l-ħtieġa li dawn ir-riformi jiġu implimentati b'mod effikaċi miċ-ċentri għall-assistenza soċjali permezz ta' ġestjoni ta' każijiet individwali u koordinazzjoni tas-servizzi; jirrimarka li l-emenda legali reċenti li tippermetti lill-adulti jużaw s-servizzi ta' ċentri ta' kura ta' matul il-jum flimkien ma' tfal b'diżabbiltà mhijiex konformi mal-istandards internazzjonali; jilqa' l-impenn tal-gven li jiżgura li mill-2017 l-ebda minuri taħt it-tliet snin ma titpoġġa f'istituti residenzjali tal-Istat; ifaħħar l-emendi proposti għall-Liġi tal-Familja ta' Montenegro li jipprojbixxu l-piena korporali fil-kuntest tal-familja; jappella għal aktar sforzi sabiex il-prinċipju tal-aħjar interessi tal-minuri jiġi inkluż fil-proċedimenti ċivili u amministrattivi kollha filwaqt li jiġi promoss aċċess usa' għall-ġustizzja;

12.  Jinnota li, minkejja bidliet leġiżlattivi pożittivi, il-korruzzjoni għadha ta' tħassib serju, b'mod partikolari fl-akkwist pubbliku, fil-kura tas-saħħa, fl-edukazzjoni, fl-ippjanar spazjali, fil-privatizzazzjoni u fil-kostruzzjoni; itenni l-ħtieġa li tiġi eliminata l-korruzzjoni fil-livelli kollha, peress li hija timmina l-prinċipji demokratiċi u taffettwa b'mod negattiv l-iżvilupp soċjali u ekonomiku; jistieden lill-gvern jagħmel il-ġlieda kontra l-korruzzjoni bħala waħda mill-prijoritajiet tiegħu billi jalloka biżżejjed riżorsi umani u baġitarja għaliha; jilqa' l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Speċjali, li għandu l-kompitu li jiġġieled kontra reati ta' korruzzjoni fost oħrajn, u jħeġġeġ sabiex huwa jsir kompletament operattiv malajr kemm jista' jkun; jilqa' l-istabbiliment tal-Aġenzija Kontra l-Korruzzjoni li ġiet imnedija fl-1 ta' Jannar 2016; jappella sabiex jiġu żgurati l-indipendenza u l-kapaċità tagħha li twettaq investigazzjonijiet amministrattivi; ifakkar l-importanza li l-informaturi jiġu mħarsa; jistieden lill-awtoritajiet jiffaċilitaw u jwessgħu l-aċċess għall-informazzjoni dwar is-sjieda ta' kumpaniji, il-proprjetà immobbli, u dettalji dwar in-nefqa pubblika, b'mod partikolari fil-każ ta' proċessi ta' privatizzazzjoni u tal-akkwist pubbliku;

13.  Jistieden lill-Gvern isaħħaħ aktar il-qafas leġiżlattiv u istituzzjonali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u jiżgura l-protezzjoni effikaċi tal-informaturi; jappella għal parteċipazzjoni aktar attiva u kooperazzjoni effikaċi min-naħa tal-gvern, tas-setturi kollha tal-ħajja pubblika u tas-soċjetà ċivili fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni; itenni l-ħtieġa li jiġu rinforzati r-riżulti fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni fir-rigward tal-investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni fil-livelli kollha, u tissaħħaħ il-kapaċità istituzzjonali u operattiva tal-prosekuturi, tal-imħallfin u tal-pulizija, u li jintużaw b'mod sistematiku l-investigazzjonijiet finanzjari u s-setgħa ta' qbid u sekwestru ta' assi; jappella sabiex jiġi kkriminalizzat l-arrikkiment illeċitu;

14.  Jinnota l-ftuħ ta' akkużi kriminali mill-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Istat Montenegrin f'ċerti muniċipalitajiet tal-Montenegro kontra diversi uffiċjali fir-rigward ta' korruzzjoni fil-livelli għolja; jilqa' dan bħala sinjal pożittiv fil-kisba ta' riżultati tajbin biex tiġi eradikata l-korruzzjoni fil-livelli għolja, u jinkoraġġixxi lill-Montenegro jkompli b'din il-prattika; itenni l-ħtieġa li jiżdiedu ir-riżultati tajbin tal-investigazzjonijiet u t-tressiq quddiem il-ġustizzja ta' każijiet ta' korruzzjoni fil-livell għolja; ifaħħar il-prestazzjoni tajba tal-Qorti Superjuri ta' Podgorica li tat kundanni għal reati relatati mal-korruzzjoni;

15.  Jinsab mħasseb li l-għadd irrappurtat ta' kundanni finali fil-każijiet ta' kriminalità organizzata u l-għadd ta' qbid u sekwestri ta' assi kriminali għadhom baxxi ħafna; jinkoraġġixxi kooperazzjoni aħjar u aktar b'saħħitha bejn l-awtoritajiet ġudizzjarji u tal-infurzar tal-liġi; jilqa' l-kooperazzjoni tajba bejn il-Montenegro u l-pajjiżi tal-viċinat fuq firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet; jilqa' l-Ftehim dwar il-Kooperazzjoni bejn l-Eurojust u l-Montenegro; filwaqt li jinnota li l-qafas ġuridiku dwar il-ħasil tal-flus huwa fil-biċċa l-kbira fis-seħħ, jappella biex il-qafas superviżorju rilevanti jissaħħaħ b'mod sinifikanti u biex jiżdiedu l-għadd ta' investigazzjonijiet, prosekuzzjonijiet u kundanni fil-każijiet ta' ħasil tal-flus;

16.  Jinkoraġġixxi li jittieħdu aktar miżuri kontra t-traffikar tal-bnedmin biex jikkomplementaw l-aspetti legali u istituzzjonali rilevanti, inkluż l-istabbiliment ta' grupp ta' koordinament multidixxiplinarju; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jżidu l-għadd ta' investigazzjonijiet finanzjarji u l-qbid u s-sekwestru ta' assi, u jidentifikaw u jipproteġu lill-vittmi u jipproċedu bit-tħarrik b'mod aktar effiċjenti;

17.  Jinnota li intensifikaw il-kontrolli tal-pulizija Montenegrina fil-pajjiż kollu bl-għan li jipprevjenu attakki terroristiċi possibbli u reklutaġġ ta' ċittadini Montenegrini min-naħa ta' organizzazzjonijiet ġiħadisti; jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija kontra t-terroriżmu 2016-2018 u l-istabbiliment ta' grupp interministerjali biex jimmonitorja s-sitwazzjoni u jivvaluta t-theddid terroristiku; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jimplimentaw b'mod xieraq id-dispożizzjonijiet legali rilevanti sabiex jipprevjenu u jissorveljaw kwalunkwe theddida potenzjali għas-sigurtà taċ-ċittadini tagħhom; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet kompetenti jsaħħu l-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali, inkluż permezz ta' skambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki bl-għan li jipprevjenu r-radikalizzazzjoni u jirrispondu għall-attivitajiet terroristiċi; huwa tal-fehma li l-miżuri kollha li ttieħdu f'din id-direzzjoni għandhom jiżguraw ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali skont l-istandards u l-istrumenti internazzjonali; iqis li l-istabbiltà politika fir-reġjun, il-promozzjoni ta' tolleranza u djalogu interetniku u interreliġjuż, u aktar progress lejn l-UE huma essenzjali biex tissaħħaħ il-koeżjoni u s-sigurtà fil-Balkani tal-Punent;

18.  Jilqa' l-isforzi riċenti mill-Gvern tal-Montenegro biex jintensifika l-ġlieda kontra t-traffikar illegali ta' armi u splussivi; jappella biex ikun hemm koordinazzjoni mill-qrib u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bejn l-inizjattivi fil-Montenegro, u r-reġjun b'mod ġenerali, u l-Kummissjoni dwar din il-kwistjoni;

19.  Jilqa' l-isforzi biex jitjiebu l-mekkaniżmi ta' konsultazzjoni mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (OSĊ) u tinkiseb aktar trasparenza fit-tfassil tal-politika u tal-liġijiet, inkluż billi jkunu involuti fil-proċess tar-riformi dwar l-istat tad-dritt u fil-monitoraġġ tal-proċess elettorali u fl-implimentazzjoni tar-riformi; japprezza l-motivazzjoni u l-isforzi tas-settur tal-OSĊ, li semmgħu leħinhom u kienu effettivi f'ħafna oqsma; jenfasizza l-ħtieġa li jitjieb aktar l-aċċess tal-OSĊ għal informazzjoni relatata mal-adeżjoni kif ukoll li titjieb aktar il-kooperazzjoni bejn l-awtonomiji lokali u l-OSĊ; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jkomplu jiżviluppaw sistema sostenibbli ta' finanzjament pubbliku għall-OSĊ u joħolqu kundizzjonijiet favorevoli għall-ħidma volontajra u l-intraprenditorija soċjali;

20.  Itenni l-importanza tal-libertà u l-pluraliżmu tal-midja, kif ukoll il-libertà ta' espressjoni f'sens usa', bħala waħda mill-valuri fundamentali tal-UE u l-pedament ta' kull demokrazija; jibqa' mħasseb dwar il-libertà tal-midja fil-Montenegro, li hija kklassifikata fil-114-il post f'termini ta' libertà tal-istampa mill-klassifikazzjoni annwali tal-Reporters mingħajr fruntieri; iħeġġeġ li jsir progress fil-libertà ta' espressjoni u li d-deċiżjonijiet jiġu allinjati mal-ġurisprudenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem dwar il-libertà ta' espressjoni; iħeġġeġ l-adozzjoni ta' miżuri biex tiġi żgurata l-indipendenza tas-servizz tax-xandar pubbliku RTCG; jappella għal aċċess ġust u ugwali tal-midja għall-partiti kollha involuti fl-elezzjonijiet; jenfasizza l-importanza ta' awtoregolamentazzjoni tal-mezzi tal-midja; jilqa' l-isforzi li saru fis-soċjetà tal-informazzjoni u fis-settur tat-teknoloġija;

21.  Jilqa' l-fatt li ma seħħ l-ebda attakk kontra l-ġurnalisti waqt il-perijodu ta' rapportar; jesprimi tħassib, madankollu, dwar in-nuqqasijiet fl-investigazzjoni ta' każijiet preċedenti ta' vjolenza u intimidazzjoni kontra l-ġurnalisti; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jsolvu l-każijiet pendenti ta' vjolenza u theddid kontra l-ġurnalisti, inkluż il-qtil ta' Duško Jovanović fl-2004, billi jtejbu l-investigazzjonijiet, jidentifikaw u jressqu quddiem il-ġustizzja mhux biss lill-awturi iżda wkoll l-imħuħ wara l-attakki, u jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-kummissjoni ad hoc li twaqqfet sabiex timmonitorja l-investigazzjonijiet ta' każijiet ta' vjolenza kontra l-ġurnalisti; jiddubita l-kompożizzjoni attwali tal-kummissjoni, li s-servizzi sigrieti jammontaw għal aktar minn 50% tal-membri tagħha, b'hekk għandhom is-setgħa li jimblukkaw il-progress u l-adozzjoni ta' rapporti jekk dawn jaġixxu flimkien; jistieden lill-Gvern itawwal il-mandat ta' din il-kummissjoni u jagħtiha aktar informazzjoni u aktar kompetenzi; jinsab imħasseb li l-każijiet ta' intimidazzjoni kontra l-ġurnalisti u l-mezzi tal-midja jistgħu jinkoraġġixxu b'mod konsiderevoli l-awtoċensura u jiġi limitat l-ambitu tal-ġurnaliżmu investigattiv; jikkundanna l-kampanji ta' malafama personali kontinwi, l-aktar min-naħa ta' ġurnal sensazzjonali, li jattakaw attivisti prominenti tas-soċjetà ċivili u ċertu politikanti fuq bażi personali; ifakkar li l-mezzi tal-midja kollha għandhom jirrispettaw bis-sħiħ ir-regoli stabbiliti ta' rappurtar professjonali; jirrimarka li l-komunità tal-midja hija politiċizzata ħafna u maqsuma sew, li l-istandards professjonali u etiċi huma dgħajfa u li l-ġurnalisti mhumiex imħallsa tajjeb u għandhom impjieg prekarju; iqis li huwa essenzjali li l-ġurnalisti jkollhom indipendenza sħiħa, lil hinn minn kwalunkwe interventi, inkluż mis-sidien tal-midja; jilqa' l-ftehim bejn l-operaturi tal-midja biex jitjieb il-Kodiċi ta' Etika eżistenti bl-għan li jissaħħaħ il-ġurnaliżmu ta' kwalità; jappella biex jissokta d-djalogu ffaċilitat mill-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa dwar it-titjib tal-istandards etiċi u professjonali fil-qasam tal-midja;

22.  Jilqa' t-titjib li sar fil-qafas ġuridiku fir-rigward tad-drittijiet tal-persuni b'diżabbiltà; jesprimi tħassib, madankollu, dwar il-fatt li bosta bini pubbliku għadu mhuwiex aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltà, inklużi t-13-il binja pubblika ta' prijorità, bħalma huma l-parlament, l-iskejjel, l-isptarijiet, iċ-ċentri ta' sigurtà soċjali u l-qrati, minkejja l-impenn tal-gvern li jbiddel is-sitwazzjoni sal-31 ta' Awwissu 2013; jappella għall-użu sħiħ tal-Fond għar-Riabilitazzjoni Professjonali u l-Impjieg għall-Persuni b'Diżabbiltà;

23.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jinkoraġġixxu rappreżentanza aħjar tal-minoranzi etniċi fl-impjiegi fis-settur pubbliku, inkluż il-pulizija u l-ġudikatura; iħeġġiġhom ukoll jadottaw liġi ġdida dwar il-minoranzi u liġi dwar l-istatus legali tal-komunitajiet reliġjużi f'konformità mal-istandards Ewropej u wara konsultazzjonijiet xierqa mal-partijiet interessati kollha, jagħmlu aktar sforzi sabiex jipproteġu l-identità multietnika tal-Boka Kotorska (il-Bajja ta' Kotor) u jindirizzaw il-kwistjoni ta' nuqqas ta' trasparenza f'fondi għal kwistjonijiet tal-minoranzi; jilqa' l-politiki tal-Montenegro mmirati biex joħolqu klima ta' tolleranza u inklużjoni għall-minoranzi nazzjonali kollha;

24.  Jinnota li tjiebet il-parteċipazzjoni tal-istudenti Rom fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, iżda jappella għal darb' oħra għal miżuri addizzjonali biex jiffaċilitaw l-aċċess tal-minoranzi Rom, Eġizzjani u Ashkali għall-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-impjiegi; iħeġġeġ kemm lill-atturi politiċi kif ukoll lil dawk tas-soċjetà ċivili jiġġieldu l-ostilità, id-diskriminazzjoni u r-reati ta' mibegħda kontra l-komunità LGBTI, b'mod partikolari permezz ta' sforzi biex jedukaw u jinformaw lill-pubbliku bl-għan li jgħinu biex jinbidlu l-atteġġjamenti, u billi jagħtu taħriġ lill-pulizija, lill-prosekuturi u lill-imħallfin; jappella sabiex min iwettaq din it-tip ta' diskriminazzjoni u vjolenza jitressaq quddiem il-ġustizzja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet ikomplu u jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jissalvagwardjaw id-drittijiet ta' persuni LGBTI u jiżguraw il-libertà tal-għaqda; jilqa' l-fatt li t-tielet "Pride Parade" fil-Montenegro kienet protetta ħafna u saret mingħajr ebda inċidenti kbar rrappurtati fit-13 ta' Diċembru 2015; jiddispjaċih, madankollu, bil-projbizzjoni tal-"Pride Parade" f'Nikšić;

25.  Jibqa' mħasseb dwar il-vjolenza domestika u l-vjolenza sesswali kontra n-nisa u l-bniet, in-nuqqas ta' rappurtar, in-nuqqas ta' prosekuzzjonijiet u appoġġ u protezzjoni mhux adegwati lill-vittmi, kif ukoll il-pieni mhux ħorox imposti fuq l-awturi jew l-impunità totali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jieħdu l-vjolenza domestika bis-serjetà, billi jistabbilixxu servizzi ta' protezzjoni, isaħħu l-koordinazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-Istat u jimplimentaw b'mod effikaċi l-konvenzjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jedukaw lill-impjegati f'istituzzjonijiet pubbliċi (ħaddiema soċjali, uffiċjali tal-pulizija, eċċ.) sabiex jaħdmu mal-vittmi; jenfasizza l-importanza li tiżdied ir-rappreżentanza tan-nisa fil-politika matul l-elezzjonijiet li jmiss, kif ukoll l-aċċess tan-nisa għas-suq tax-xogħol;

26.  Jistieden lill-Gvern ikompli jsaħħaħ l-istituzzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, bħall-Ombudsman u l-Ministeru għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Minoranzi, u jalloka riżorsi adegwati għall-infurzar tad-drittijiet tal-bniedem;

27.  Ifaħħar l-istabbiltà makroekonomika u l-iżviluppi favorevoli fl-ekonomija; jinnota wkoll li, skont ir-rapport Doing Business tal-Bank Dinji għall-2016, li jivvaluta l-faċilità li biha jsir in-negozju fil-pajjiż, il-Montenegro jinsab fis-46 post fid-dinja kollha, jiġifieri fit-tieni post fost il-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jinnota, madankollu, li l-Montenegro jinsab fil-136 post minn fost 188 pajjiż fl-infurzar tal-kuntratti, li jwassal għal inċertezza legali; jinnota l-isforzi biex titjieb il-kompetittività industrijali u l-prodotti agrikoli; iħeġġeġ lill-Gvern jniedi aktar riformi strutturali, jiżgura ambjent regolatorju li jiffavorixxi n-negozji filwaqt li jħares lill-konsumatur u d-drittijiet soċjali, ikompli bl-isforzi tiegħu biex inaqqas il-korruzzjoni fl-ekonomija, jimplimenta riformi ekonomiċi li joħolqu t-tkabbir u l-impjiegi, jindirizza id-defiċit kbir fil-kontijiet kurrenti tal-pajjiż u tal-baġit ġenerali u s-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, u jimplimenta politiki li jgħinu lid-diversifikazzjoni tal-ekonomija;

28.  Jenfasizza l-importanza li jissaħħaħ is-settur tal-SMEs u jingħata appoġġ permezz ta' leġiżlazzjoni u finanzjament aħjar, implimentazzjoni tal-politika industrijali u tnaqqis tal-ekonomija informali, kif ukoll titħaffef r-reġistrazzjoni elettronika tal-kumpaniji fuq livell nazzjonali;

29.  Jinnota bi tħassib li l-Montenegro mhuwiex allinjat mat-tielet pakkett dwar l-enerġija u li ma sar ebda progress fl-iżvilupp tas-suq tal-gass; jirrimarka l-ħtieġa li jiġu allokati biżżejjed riżorsi sabiex jinkisbu l-miri u l-ħtieġa li tiġi stabbilita aġenzija speċjalizzata dwar l-effiċjenza tal-enerġija;

30.  Jinnota li l-għajnuna mill-Istat tibqa' kwistjoni ta' tħassib, b'mod partikolari rigward l-indipendenza tal-Kummissjoni dwar il-Kontroll tal-Għajnuna mill-Istat u tal-Unità tal-Kontroll tal-Għajnuna mill-Istat, in-notifika u l-kompatibbiltà tal-leġiżlazzjoni l-ġdida, u l-għajnuna mill-Istat għal proġetti kbar ta' investiment u l-impjant tal-aluminju KAP; jibqa' imħasseb dwar id-dewmien fir-riżoluzzjoni tal-proċeduri ta' falliment tal-KAP li huwa fi ksur tal-obbligi tal-pajjiż skont il-ftehim ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni; itenni l-appell tiegħu lill-gvern u lill-partijiet involuti biex jaslu għal soluzzjoni nnegozjata u sostenibbli dwar il-proċeduri ta' falliment tal-KAP f'konformità mar-regoli tal-għajnuna mill-Istat u tal-ftehim ta' stabbilizzazzjoni u assoċjazzjoni, u abbażi tat-trasparenza u l-istat tad-dritt; jinkoraġġixxi li jiġi kkummissjonat awditu sħiħ u indipendenti tal-finanzi tal-KAP, mill-akkwist tagħha minn CEAC fl-2005 sal-ġurnata tal-lum; jappella li tingħata attenzjoni speċjali għall-pjanijiet għall-bini ta' awtostrada ġdida, li se jkun l-akbar proġett pubbliku bl-ikbar nefqa pubblikafl-istorja tal-Montenegro; jistieden lill-awtoritajiet jiżguraw l-użu xieraq tal-fondi pubbliċi u l-konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti;

31.  Itenni t-tħassib tiegħu li f'xi partijiet tal-pajjiż ħafna persuni qegħdin jgħixu f'faqar relattiv u li l-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul huma b'mod persistenti f'livelli għoljin; jenfasizza l-importanza li jiġu inklużi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-Kunsill Soċjali fit-tfassil ta' politiki tax-xogħol; jappella għal titjib fid-djalogu soċjali; jinnota d-differenza bejn il-ħiliet miksuba permezz tas-sistema edukattiva u l-ħiliet mistennija mis-suq tax-xogħol u d-differenzi soċjo-ekonomiċi li dejjem qegħdin jikbru bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar tal-pajjiż; jappella għal aktar miżuri attivi fis-suq tax-xogħol biex jiżdiedu l-impjiegi, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ; jinnota l-ħtieġa li tiġi miġġielda b'mod aktar effikaċi l-evażjoni tat-taxxa u tiġi stabbilita tassazzjoni aktar ġusta mil-lat soċjali; jinkoraġġixxi lill-gvern jaċċelera l-ħidma tiegħu biex jindirizza l-isfidi ewlenin tal-Montenegro fir-rigward tal-inklużjoni soċjali, it-tnaqqis fil-faqar u l-ekonomija griża; jilqa' l-adozzjoni tal-pjan ta' azzjoni tal-2016 dwar l-inklużjoni soċjali; jilqa' il-memorandum ta' qbil mal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol;

32.  Jappella għal aktar sforzi sforzi biex titħares il-bijodiversità fis-Salina ta' Ulcinj, b'mod partikolari, bħala l-aktar sit importanti fil-Lvant tal-Kosta Adrijatika għall-għasafar fejn jgħammru u jqattgħu x-xitwa; jistieden lill-Gvern ikompli u jsaħħaħ l-isforzi għall-ħarisen nazzjonali u internazzjonali sostenibbli ta' din l-ekosistema unika, li jirrikonoxxi l-funzjonament tas-salini bħala wieħed mill-aħjar eżempji ta' sinerġija bejn l-iżvilupp ekonomiku u l-ħarsien ambjentali, peress li dawn jistgħu jipprovdu servizz naturali lil miljuni ta' għasafar kull senabiss jekk ikunu funzjonali; jinkoraġġixxi l-iżvilupp sostenibbli tal-kosta, u l-ħarsien tal-ambjent naturali u l-bijodiversità f'konformità mal-istandards Ewropej; itenni li għandhom isiru aktar sforzi lejn l-adozzjoni ta' liġi ġdida dwar l-ambjent flimkien mal-ħtieġa li jiġi vvalutat l-impatt ambjentali u li jissaħħu l-kapaċitajiet ta' koordinazzjoni u amministrattivi rilevanti; jilqa' l-adozzjoni tal-Istrateġija dwar il-Klima f'Settembru 2015; jinnota l-intenzjoni tal-Gvern Montenegrin li jibni impjanti idroelettriċi ġodda; ifakkar il-ħtieġa ta' valutazzjoni tal-impatt ambjentali soda f'konformità mal-acquis tal-UE u l-istandards internazzjonali;

33.  Ifaħħar il-parteċipazzjoni proattiva tal-Montenegro u r-rwol kostruttiv tiegħu fil-kooperazzjoni reġjonali u internazzjonali, inklużi r-rikonċiljazzjoni reġjonali u l-kontribuzzjoni f'operazzjonijiet ta' maniġġar ta' kriżijiet taħt il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK); jenfasizza r-rwol kostruttiv l-Montenegro fil-qafas tal-"Proċess ta' Berlin" u l-inizjattiva tas-Sitt Pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jifraħ lill-Montenegro talli allinja ruħu bis-sħiħ mal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE (PESK) ,u jħeġġeġ lill-gvern ikompli l-allinjament attwali ta' 100%; jilqa' l-adozzjoni tal-liġi dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri restrittivi internazzjonali, inkluż fil-kuntest tal-annessjoni illegali Russa tal-Krimea u l-avvenimenti fil-Lvant tal-Ukrajna; jinkoraġġixxi pajjiżi oħra fir-reġjun biex jaħdmu flimkien mal-UE dwar l-allinjament tal-politika barranija u jsegwu l-eżempju tal-Montenegro; jistieden lill-awtoritajiet tal-Montenegro jimplimentaw b'mod rapidu "miżuri mhux vinkolanti" miftiehma fis-Summit tal-Balkani tal-Punent tal-2015 fi Vjenna (eż. is-simplifikazzjoni/allinjament tal-proċeduri tal-qsim tal-fruntieri, riformi fis-settur ferrovjarju, sistemi ta' informazzjoni) qabel is-Summit tal-Balkani tal-Punent li jmiss fl-2016 fi Franza;

34.  Jilqa' d-deċiżjoni tan-NATO li tistieden lill-Montenegro biex jingħaqad mal-alleanza, u jinkoraġġixxi proċess rapidu u effiċjenti għan-negozjati ta' adeżjoni; jinkoraġġixxi, f'dan il-kuntest, li titkompla r-riforma tas-settur tas-sigurtà; jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Montenegro fil-missjonijiet tal-PSDK mmexxija mill-UE; ifakkar li n-negozjati dwar l-adeżjoni mal-UE huma indipendenti mill-proċess ta' adeżjoni man-NATO;

35.  Jilqa' l-ftehimiet dwar il-fruntieri mal-Bożnija-Ħerzegovina u l-Kosovo, u jħeġġeġ lill-Montenegro jibni fuq dan u jħaffef il-ħidma dwar id-delimitazzjoni tal-fruntieri mal-Kroazja u s-Serbja, u, jekk ikun impossibbli li tintlaħaq soluzzjoni bi ftehim reċiproku, jappella li t-tilwim jissolva mill-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja fl-Aja, skont ir-regoli u l-prinċipji tad-dritt internazzjonali; itenni t-talba tiegħu lill-awtoritajiet biex jgħinu jsolvu l-kwistjonijiet dwar is-suċċessjoni dwar il-wirt tal-ex Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja, inkluż il-wirt militari u navali; jinkoraġġixxi lill-Montenegro jkompli jindirizza, fi spirtu kostruttiv u ta' bon viċinat, kwistjonijiet bilaterali pendenti mal-ġirien tiegħu kemm jista' jkun kmieni fil-proċess ta' adeżjoni; jappella wkoll lill-awtoritajiet Montenegrini jwessgħu l-kooperazzjoni mal-pajjiżi tal-viċinat billi jikkondividu informazzjoni magħhom dwar l-esperjenza ta' negozjati ta' qabel l-adeżjoni; jistieden lill-awtoritajiet Montenegrini jikkonformaw bis-sħiħ mad-dispożizzjonijiet dwar is-suċċessjoni tal-ex Repubblika Soċjalista Federali tal-Jugoslavja, speċjalment fir-rigward ta' assi militari;

36.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u lill-Parlament tal-Montenegro.

(1) ĠU L 108, 29.4.2010, p. 1.

Avviż legali