Indiċi 
Testi adottati
It-Tlieta, 19 ta' Jannar 2016 - StrasburguVerżjoni finali
Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Czesław Adam Siekierski
 Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Czesław Adam Siekierski
 Pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran ***I
 Rapport annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE
 Ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE
 Rendikont u sfidi tar-Regolament tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji
 Fatturi esterni li jirrappreżentaw ostakli għall-intraprenditorija femminili Ewropea
 Politiki dwar il-ħiliet għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ
 Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali

Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Czesław Adam Siekierski
PDF 335kWORD 68k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2016 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Czesław Adam Siekierski (2015/2241(IMM))
P8_TA(2016)0001A8-0004/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Czesław Adam Siekierski, imressqa fit-13 ta' Awwissu 2015 mill-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Polonja b'rabta mal-proċedimenti li għandhom jitressqu mill-Ispettur Ġenerali tat-Trasport Stradali Pollakk (Ref. Nru CAN-PST-SCW.7421.35493.2015.5.A.0475), u mħabbra fis-seduta plenarja fid-9 ta' Settembru 2015.

–  wara li kkunsidra l-fatt li Czesław Adam Siekierski rrinunzja għad-dritt tiegħu għal seduta ta' smigħ b'konformità mal-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(2) u l-Artikolu 108 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja u l-Artikoli 7b(1) u 7c(1) b'konnessjoni mal-Artikolu 10b tal-Att tal-Polonja tad-9 ta' Mejju 1996 dwar l-eżerċizzju tal-mandat ta’ Membru jew Senatur,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 6(1), u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0004/2016),

A.  billi l-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Polonja għadda talba mingħand l-Ispettur Ġenerali tat-Trasport Stradali Pollakk għat-tneħħija tal-immunità ta' Membru tal-Parlament Ewropew elett fir-rigward tal-Polonja, Czesław Adam Siekierski, b'rabta ma' reat skont l-Artikolu 92a tal-Kodiċi tal-Offiżi żgħar tal-20 ta' Mejju 1971 b'rabta mal-Artikolu 20(1) tal-Att dwar it-Traffiku Stradali tal-20 ta' Ġunju 1997; billi, b'mod partikolari, ir-reat allegat jammonta għal sewqan b'veloċità li teċċedi l-veloċità massima permessa f'żona mibnija;

B.  billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu, fit-territorju ta’ l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lill-membri tal-parlament tagħhom;

C.  billi l-Artikolu 105(2) u l-Artikolu 108 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja jiddikjaraw li deputat jew senatur m’għandux jiġi soġġett għal responsabilità penali mingħajr il-kunsens tas-Sejm jew tas-Senat rispettivament;

D.  billi għalhekk tiġi r-responsabilità tal-Parlament Ewropew li jiddeċiedi jekk l-immunità ta' Czesław Adam Siekierski għandhiex titneħħa jew le;

E.  billi l-allegat reat m'għandux rabta diretta jew ovvja mal-prestazzjoni ta' Czesław Adam Siekierski fil-qadi ta' dmirijietu bħal Membru tal-Parlament Ewropew;

F.  billi, f'dan il-każ, il-Parlament ma sab l-ebda evidenza ta’ fumus persecutionis, jiġifieri suspett serju u preċiż biżżejjed li t-talba saret bl-intenzjoni li ssir ħsara politika lill-Membru kkonċernat;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Czesław Adam Siekierski;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-Polonja u lil Czesław Adam Siekierski.

(1) (Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Mejju 1964, Wagner v Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot v Faure u oħrajn, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote v Il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra v De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch v Il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch v Il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.)


Talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Czesław Adam Siekierski
PDF 334kWORD 68k
Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2016 dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Czesław Adam Siekierski (2015/2268(IMM))
P8_TA(2016)0002A8-0005/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Czesław Adam Siekierski, imressqa fis-7 ta' Settembru 2015 mill-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Polonja b'rabta mal-proċedimenti li għandhom jitressqu mill-Ispettur Ġenerali tat-Trasport Stradali Pollakk (Ref. Nru CAN-PST-SCW.7421.573278.2015.3.A.0475), u mħabbra fis-seduta plenarja fil-5 ta' Ottubru 2015.

–  wara li kkunsidra l-fatt li Czesław Adam Siekierski rrinunzja għad-dritt tiegħu għal seduta ta' smigħ b'konformità mal-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att tal-20 ta' Settembru 1976 dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 105(2) u l-Artikolu 108 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja u l-Artikoli 7b(1) u 7c(1) b'konnessjoni mal-Artikolu 10b tal-Att tal-Polonja tad-9 ta' Mejju 1996 dwar l-eżerċizzju tal-mandat ta' Membru jew Senatur,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 6(1), u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0005/2016),

A.  billi l-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Polonja għadda talba mingħand l-Ispettur Ġenerali tat-Trasport Stradali Pollakk għat-tneħħija tal-immunità ta' Membru tal-Parlament Ewropew elett fir-rigward tal-Polonja, Czesław Adam Siekierski, b'rabta ma' reat skont l-Artikolu 92a tal-Kodiċi tal-Offiżi żgħar tal-20 ta' Mejju 1971 b'rabta mal-Artikolu 20(1) tal-Att dwar it-Traffiku Stradali tal-20 ta' Ġunju 1997; billi, b'mod partikolari, ir-reat allegat jammonta għal sewqan b'veloċità li teċċedi l-veloċità massima permessa f'żona mibnija;

B.  billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu, fit-territorju ta’l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

C.  billi l-Artikolu 105(2) u l-Artikolu 108 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja jiddikjaraw li deputat jew senatur m’għandux jiġi soġġett għal responsabilità penali mingħajr il-kunsens tas-Sejm jew tas-Senat rispettivament;

D.  billi għalhekk tiġi r-responsabilità tal-Parlament Ewropew li jiddeċiedi jekk l-immunità ta' Czesław Adam Siekierski għandhiex titneħħa jew le;

E.  billi, skont l-Artikolu 9(7) tar-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru;

F.  billi, f'dan il-każ, il-Parlament ma sab l-ebda evidenza ta’ fumus persecutionis, jiġifieri suspett serju u preċiż biżżejjed li t-talba saret bl-intenzjoni li tiġi kkawżata ħsara politika lill-Membru kkonċernat;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Czesław Adam Siekierski;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-Polonja u lil Czesław Adam Siekierski.

(1) (Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Mejju 1964, Wagner v Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot v Faure u oħrajn, 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote v Il-Parliament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra v De Gregorio u Clemente, C-200/07 and C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch v Il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch v Il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.)


Pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran ***I
PDF 444kWORD 176k
Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fid-19 ta' Jannar 2016 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar pjan multiannwali għall-irkupru tat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 302/2009 (COM(2015)0180 – C8-0118/2015 – 2015/0096(COD))(1)
P8_TA(2016)0003A8-0367/2015

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Test propost mill-Kummissjoni   Emenda
Emenda 1
Proposta għal regolament
Premessa 3a (ġdida)
(3a)  Il-pjan għall-irkupru jqis l-ispeċifiċitajiet ta' tipi differenti ta' rkaptu. Hija u timplimenta l-pjan ta' rkupru, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni partikolari lill-attivitajiet ta' sajd mhux industrijali u lill-aktar irkapti sostenibbli u artiġjanali, bħan-nases tradizzjonali ("almadrabas", "tonnare"), li jikkontribwixxu b'mod pożittiv ħafna għall-bini mill-ġdid tal-istokkijiet tat-tonn, minħabba l-livell għoli ta' selettività u impatt ambjentali baxx fl-ekosistemi tal-baħar, u li huma ta' valur f'termini xjentifiċi.
Emenda 2
Proposta għal regolament
Premessa 14
(14)  L-emendi kollha tal-pjan ta’ rkupru li l-ICCAT adottat fl-2012, fl-2013 u fl-2014 li għadhom ma ġewx trasposti fil-liġi tal-Unjoni jridu jiddaħħlu fiha. Minħabba li din it-traspożizzjoni tikkonċerna pjan li l-għanijiet u l-miżuri tiegħu ġew iddefiniti mill-ICCAT, dan ir-Regolament ma jkoprix il-kontenut kollu tal-pjanijiet multiannwali stabbiliti skont l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill1.
(14)  L-emendi kollha tal-pjan għall-irkupru li l-ICCAT adottat fl-2006, fl-2012, fl-2013 u fl-2014 li għadhom ma ġewx trasposti jridu jiġu trasposti fil-liġi tal-Unjoni. Minħabba li din it-traspożizzjoni tikkonċerna pjan li l-għanijiet u l-miżuri tiegħu ġew iddefiniti mill-ICCAT, dan ir-Regolament ma jkoprix il-kontenut kollu tal-pjanijiet multiannwali stabbiliti skont l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill1.
____________
____________
1Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354/22, 28.12.2013, p. 1).
1Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22).
Emenda 3
Proposta għal regolament
Premessa 15
(15)  Jeħtieġ li fid-dritt tal-Unjoni jiġu trasposti l-emendi vinkolanti futuri tal-pjan ta' rkupru. Sabiex it-tali emendi jiddaħħlu malajr fid-dritt tal-Unjoni, il-Kummissjoni Ewropea ("il-Kummissjoni") għandha tingħata s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa waqt il-ħidma ta' tħejjija tagħha, inkluż fil-livell tal-esperti. Hija u tħejji u tfassal l-atti delegati, il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-dokumenti rilevanti jintbagħtu b'mod simultanju, fil-ħin u kif xieraq lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.
imħassar
Emenda 4
Proposta għal regolament
Premessa 15a (ġdida)
(15a)  Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jistabbilixxi l-kunċett ta' daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni. Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza, il-kunċett tal-ICCAT b'rabta mad-daqsijiet minimi għandu jiġi traspost fid-dritt tal-Unjoni bħala daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni. Konsegwentement, ir-referenzi fir-Regolament ta' Delega tal-Kunsill (UE) 2015/981a għat-tonn għandhom jinqraw bħala referenzi għad-daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni f'dan ir-Regolament.
_______________
1aIr-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/98 tat-18 ta’ Novembru 2014 dwar l-implimentazzjoni tal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, kif imsemmi fl-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, skont il-Konvenzjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku u tal-Konvenzjoni dwar il-Kooperazzjoni Multilaterali Futura dwar is-Sajd fl-Atlantiku tal-Majjistral (ĠU L 16, 23.01.2015, p. 23).
Emenda 5
Proposta għal regolament
Premessa 17
(17)  Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jkunu japplikaw immedjatament f’każijiet iġġustifikati kif xieraq marbutin mal-attivitajiet ta’ trasferiment u ta’ tqegħid fil-gaġeġ u mar-reġistrazzjoni u r-rappurtar tal-attivitajiet tal-bastimenti u tat-tunnari, fejn ikun hemm raġunijiet importanti ħafna ta’ urġenza li jeżiġu hekk.
imħassar
Emenda 6
Proposta għal regolament
Premessa 24
(24)  Permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, iddaħħal obbligu ta’ ħatt l-art li beda japplika mill-1 ta' Jannar 2015 'il quddiem għall-qabdiet tat-tonn. Madankollu, skont l-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-Regolament, l-obbligu ta’ ħatt l-art huwa mingħajr preġudizzju għall-obbligi internazzjonali tal-Unjoni, bħal dawk li ġejjin mir-Rakkomandazzjonijiet tal-ICCAT. Skont din l-istess dispożizzjoni, il-Kummissjoni għandha s-setgħa tadotta atti delegati biex timplimenta t-tali obbligi internazzjonali fid-dritt tal-Unjoni, fosthom, b'mod partikulari, d-derogi mill-obbligu tal-ħatt l-art. Għalhekk, għandu jitħalla jiġi skartat it-tonn f’ċerti sitwazzjonijiet stabbiliti fir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/98 tat-18 ta’ Novembru 2014. Għaldaqstant, dan ir-Regolament m’għandux bżonn ikopri dawn l-obbligi tal-iskartar,
(24)   Ir-Regolament ta' Delega (UE) 2015/98 jipprevedi derogi mill-obbligu ta' ħatt l-art tat-tonn stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 bil-għan li jkun hemm konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni skont il-Konvenzjoni. Dan jimplimenta ċerti dispożizzjonijiet tar-Rakkomandazzjoni 13-07 tal-ICCAT li tistabbilixxi obbligu ta' skartar u rilaxx għall-bastimenti u n-nases li jaqbdu t-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran f'ċerti sitwazzjonijiet. Għaldaqstant, dan ir-Regolament m'hemmx għalfejn ikopri dawn l-obbligi ta' skartar u rilaxx u konsegwentement ikun mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet korrispondenti stabbiliti fir-Regolament ta' Delega (UE) 2015/98,
Emenda 7
Proposta għal regolament
Artikolu 1 – paragrafu 1
1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-applikazzjoni tal-Pjan ta' rkupru ddefinit fl-Artikolu 3(1) min-naħa tal-Unjoni.
1.  Dan ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli ġenerali għall-applikazzjoni tal-Pjan ta' rkupru ddefinit fl-Artikolu 3(1) min-naħa tal-Unjoni, filwaqt li jqis il-karatteristiċi speċifiċi tad-diversi tipi ta' rkaptu u jagħti attenzjoni partikolari lil irkapti tradizzjonali, aktar sostenibbli u artiġjanali, bħan-nases.
Emenda 8
Proposta għal regolament
Artikolu 3 – punt 16
(16)  "kapaċità ta' trobbija tal-ħut" tfisser il-kapaċità ta' farm tal-ħut li jżomm il-ħut għall-finijiet tat-tismin jew tat-trobbija tiegħu f'tunnellati";
imħassar
Emenda 9
Proposta għal regolament
Artikolu 5 – paragrafu 1
1.  Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-qbid u tat-tunnari tiegħu jkunu proporzjonati mal-opportunitajiet tas-sajd għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran li huwa jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu.
1.  Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura li l-isforz tas-sajd tal-bastimenti tal-qbid u tat-tunnari tiegħu jkunu proporzjonati mal-opportunitajiet tas-sajd għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran li huwa jkollu għad-dispożizzjoni tiegħu, u jissavalvagwardja l-vijabilità soċjoekonomika tan-nases tiegħu.
Emenda 10
Proposta għal regolament
Artikolu 7 – paragrafu 1 – subparagrafu 1a (ġdid)
Il-pjan annwali għas-sajd imressaq minn kull Stat Membru għandu jipprevedi it-tqassim ekwu tal-kwoti bejn il-gruppi tal-irkaptu bil-għan li jiżgura konformità mal-kwoti individwali u l-kwoti ta' qabdiet inċidentali.
Emenda 11
Proposta għal regolament
Artikolu 7 – paragrafu 1a (ġdid)
1a.  L-Istati Membri għandhom jużaw kriterji trasparenti u oġġettivi, inklużi dawk ta' natura ambjentali, soċjali u ekonomika, għall-allokazzjoni nazzjonali tal-kwoti, u jqisu b'mod speċjali l-preservazzjoni u l-prosperità ta' sajjieda li jiżvolġu attivitajiet ta' sajd fuq skala żgħira, artiġjanali u tradizzjonali bl-użu ta' nases u metodi selettivi oħra ta' sajd, u jħeġġu metodi bħal dawn
Emenda 12
Proposta għal regolament
Artikolu 8 – paragrafu 3
3.  L-għadd massimu ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru partikulari li jkunu qed jistadu għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran għandu jkun limitat għall-għadd ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ dak l-Istat Membru li jkunu stadu għat-tonn, żammewh abbord, ittrażbordawh, ittrasportawh jew ħattewh l-art fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-1 ta’ Lulju 2008, u għat-tunnellaġġ gross totali korrispondenti. Dak il-limitu għandu japplika skont it-tip ta’ rkaptu għall-bastimenti tal-qbid.
3.  L-għadd massimu u t-tunnellaġġ gross korrispondenti ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ Stat Membru partikolari li jkunu qed jistadu għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran għandu jkun limitat għall-għadd, u għat-tunnellaġġ gross totali korrispondenti, ta’ bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera ta’ dak l-Istat Membru li jkunu stadu għat-tonn, żammewh abbord, ittrażbordawh, ittrasportawh jew ħattewh l-art fil-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2007 sal-1 ta’ Lulju 2008. Dak il-limitu għandu japplika skont it-tip ta’ rkaptu għall-bastimenti tal-qbid.
Emenda 41
Proposta għal regolament
Artikolu 8 – paragrafu 6a (ġdid)
6a.  B'deroga mill-paragrafi 2, 3, u 5, l-Istati Membri għandhom jirrieżaminaw is-sistema tal-kwoti tas-sajd tat-tonn, li tippenalizza lis-sajjieda li jistadu fuq skala żgħira, bil-għan li jitneħħa l-monopolju li hu eżerċitati fil-preżent mis-sidien ta’ bastimenti kbar u jiġu inkoraġġiti sistemi tas-sajd aktar sostenibbli bħalma huma dawk użati għas-sajd fuq skala żgħira.
Emenda 13
Proposta għal regolament
Artikolu 8 – paragrafu 7
7.  B'deroga mill-paragrafi 3 u 6, għall-2015, l-2016 u l-2017, kull Stat Membru għandu jillimita l-għadd ta’ bastimenti tas-sajd bil-purse seine tiegħu li ma jkunux awtorizzati jistadu għat-tonn skont id-deroga msemmija fl-Artikolu 13(2)(b) għall-għadd ta’ bastimenti tas-sajd bil-purse seine li huwa jkun awtorizza fl-2013 jew fl-2014.
7.  Għall-2015, l-2016 u l-2017, kull Stat Membru għandu jillimita l-għadd ta’ bastimenti tas-sajd bil-purse seine tiegħu għall-għadd ta’ bastimenti tas-sajd bil-purse seine li huwa awtorizza fl-2013 jew fl-2014. Dan m'għandux japplika għal bastimenti tas-sajd bil-purse seine li joperaw taħt id-deroga prevista mill-punt (b) tal-Artikolu 13(2).
Emenda 14
Proposta għal regolament
Artikolu 10 – paragrafu 5
5.  Is-sajd għat-tonn bi rkaptu ieħor minbarra dak imsemmi fil-paragrafi 1 sa 4 u fl-Artikolu 11, fosthom bit-tunnari, għandu jkun permess matul is-sena kollha.
5.  Is-sajd għat-tonn bi rkaptu ieħor minbarra dak imsemmi fil-paragrafi 1 sa 4 u fl-Artikolu 11, fosthom bit-tunnari għandu jkun permess matul is-sena kollha, f'konformità mal-miżuri ta' konservazzjoni u ġestjoni tal-ICCAT.
Emenda 15
Proposta għal regolament
Kapitolu III – Taqsima 2 - titolu
DAQS MINIMU, QABDIET INĊIDENTALI MIŻMUMIN U QABDIET INĊIDENTALI TOTALI
DAQS MINIMU TA' REFERENZA GĦALL-KONSERVAZZJONI, QABDIET INĊIDENTALI MIŻMUMIN U QABDIET INĊIDENTALI TOTALI
Emenda 16
Proposta għal regolament
Artikolu 12
Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, inkluża kwalunkwe deroga skont l-Artikolu 15(2) ta’ dak ir-Regolament.
Id-dispożizzjonijiet ta’ din it-Taqsima għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, inkluża kwalunkwe deroga applikabbli.
Emenda 17
Proposta għal regolament
Artikolu 13 – titolu
Daqs minimu
Daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni
Emenda 18
Proposta għal regolament
Artikolu 13 – paragrafu 1
1.  Id-daqs minimu tat-tonn maqbud fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran għandu jkun ta’ 30 kg jew ta’ 115-il ċm f’tul sal-furketta.
1.  Id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni tat-tonn maqbud fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran għandu jkun ta’ 30 kg jew ta’ 115-il ċm f’tul sal-furketta.
Emenda 19
Proposta għal regolament
Artikolu 13 – paragrafu 2 – parti introduttorja
B’deroga mill-paragrafu 1, għandu japplika daqs minimu għat-tonn ta’ 8 kg jew ta’ 75 ċm f’tul sal-furketta fil-każijiet tas-sajd li ġejjin:
B’deroga mill-paragrafu 1, għandu japplika daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni għat-tonn ta’ 8 kg jew ta’ 75 cm f’tul sal-furketta fil-każijiet tas-sajd li ġejjin:
Emenda 20
Proposta għal regolament
Artikolu 15 – paragrafu 4
4.  Jekk il-kwota allokata għall-Istat Membru tal-bastiment tas-sajd ikkonċernat jew tat-tunnara kkonċernata tkun diġà ntużat kollha, għandu jiġi evitat li jinqabad kwalunkwe tonn. It-tonn mejjet għandu jinħatt l-art u jiġi kkonfiskat u għandha tittieħed azzjoni xierqa ta’ segwitu marbuta miegħu. F'konformità mal-Artikolu 27, kull Stat Membru għandu jibgħat it-tagħrif dwar it-tali kwantitajiet fuq bażi annwali lill-Kummissjoni li, min-naħa tagħha, għandha tibagħtu lis-Segretarjat tal-ICCAT.
4.  Jekk il-kwota allokata għall-Istat Membru tal-bastiment tas-sajd ikkonċernat jew tat-tunnara kkonċernata tkun diġà ntużat kollha, għandu jiġi evitat li jinqabad kwalunkwe tonn. It-tonn mejjet għandu jinħatt l-art sħiħ u mhux ipproċessat, u għandu jiġi kkonfiskat u għandha tittieħed azzjoni xierqa ta’ segwitu marbuta miegħu. F'konformità mal-Artikolu 27, kull Stat Membru għandu jibgħat it-tagħrif dwar it-tali kwantitajiet fuq bażi annwali lill-Kummissjoni li, min-naħa tagħha, għandha tibagħtu lis-Segretarjat tal-ICCAT.
Emenda 21
Proposta għal regolament
Kapitolu III - Taqsima 3 – titolu
UŻU TAL-INĠENJI TAL-AJRU
UŻU TA' MEZZI TA' TRASPORT BL-AJRU
Emenda 22
Proposta għal regolament
Artikolu 18 – paragrafu 3a (ġdid)
3a.  It-tonn kollu li jinħatt l-art għandu jinħatt sħiħ, bil-garġi mneħħijin u mnaddaf. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jiżgura, sa fejn huwa possibbli, ir-rilaxx ta' tonn maqbud ħaj, speċjalment ta' età żgħira, fil-kuntest tas-sajd rikreattiv u sportiv.
Emenda 23
Proposta għal regolament
Artikolu 19 – paragrafu 1 – punt a
(a)  lista tal-bastimenti kollha tal-qbid li jtajru l-bandiera tiegħu li jkunu awtorizzati jistadu b’mod attiv għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran billi tkun inħarġitilhom awtorizzazzjoni speċjali tas-sajd għal dan; u
(a)  lista tal-bastimenti kollha tal-qbid li jtajru l-bandiera tiegħu li jkunu awtorizzati jistadu b'mod attiv għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran billi tkun inħarġitilhom awtorizzazzjoni tas-sajd għal dan;
Emenda 24
Proposta għal regolament
Artikolu 19a (ġdid)
Artikolu 19a
Ir-rabta mar-Regolament (KE) Nru 1224/2009
Il-miżuri ta' kontroll previsti minn dan il-Kapitolu għandhom japplikaw flimkien ma' dawk previsti mir-Regolament (KE) Nru 1224/2009, ħlief fejn ikun previst mod ieħor f'dan il-Kapitolu.
Emenda 25
Proposta għal regolament
Artikolu 20 – paragrafu 2
2.  L-Istat Membru tal-bandiera għandu jirtira l-awtorizzazzjoni tas-sajd għat-tonn u għandu jitlob lill-bastiment jipproċedi immedjatament lejn port magħżul minnu meta jitqies li tkun ġiet eżawrita l-kwota individwali.
2.  L-Istat Membru tal-bandiera għandu jirtira l-awtorizzazzjoni tas-sajd għat-tonn u jista' jitlob lill-bastiment jipproċedi immedjatament lejn port magħżul minnu meta jitqies li tkun ġiet eżawrita l-kwota individwali.
Emenda 26
Proposta għal regolament
Artikolu 21 – paragrafu 1
1.  Sal-15 ta’ Frar ta’ kull sena, kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni, b’mod elettroniku, lista tat-tunnari kollha tiegħu li jkunu awtorizzati jintużaw għas-sajd għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran billi tkun inħarġitilhom awtorizzazzjoni speċjali tas-sajd għal dan. Dik il-lista għandha tinkludi isem it-tunnari u n-numru tagħhom fir-reġistru u għandha tiġi stabbilita skont il-format mogħti fil-Linji Gwida tal-ICCAT għat-tressiq tad-dejta u tat-tagħrif meħtieġa.
1.  Sal-15 ta’ Frar ta’ kull sena, kull Stat Membru għandu jibgħat lill-Kummissjoni, b’mod elettroniku, lista tat-tunnari kollha tiegħu li jkunu awtorizzati jintużaw għas-sajd għat-tonn fil-Lvant tal-Atlantiku u fil-Mediterran billi tkun inħarġitilhom awtorizzazzjoni tas-sajd għal dan. Dik il-lista għandha tinkludi isem it-tunnari u n-numru tagħhom fir-reġistru u għandha tiġi stabbilita skont il-format mogħti fil-Linji Gwida tal-ICCAT għat-tressiq tad-dejta u tat-tagħrif meħtieġa.
Emenda 27
Proposta għal regolament
Artikolu 24 – paragrafu 5 – subparagrafu 2
Għal raġunijiet importanti ħafna ta’ urġenza ġġustifikati kif xieraq, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jkunu japplikaw mill-ewwel skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 59(3).
imħassar
Emenda 28
Proposta għal regolament
Artikolu 29 – paragrafu 3
3.  Fejn l-Istati Membri japplikaw l-Artikolu 80(3) tar-Regolament (UE) Nru 404/2011 għan-notifika msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-istima tal-kwantitajiet ta’ tonn miżmum abbord tista’ tintbagħat fil-ħin miftiehem tan-notifika qabel il-wasla.
3.  Fejn l-Istati Membri japplikaw l-Artikolu 80(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011 għan-notifika msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-istima tal-kwantitajiet ta’ tonn miżmum abbord tista’ tintbagħat fil-ħin miftiehem tan-notifika qabel il-wasla. Jekk il-postijiet għas-sajd huma inqas minn erba' sigħat bogħod mill-port, l-istima tal-kwantitajiet ta' tonn miżmum abbord tista' tinbidel fi kwalunkwe ħin qabel il-wasla.
Emenda 29
Proposta għal regolament
Artikolu 37 – paragrafu 2
Għal raġunijiet importanti ħafna ta’ urġenza ġġustifikati kif xieraq, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jkunu japplikaw mill-ewwel skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 59(3).
imħassar
Emenda 30
Proposta għal regolament
Artikolu 46 – paragrafu 2
Għal raġunijiet importanti ħafna ta’ urġenza ġġustifikati kif xieraq, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jkunu japplikaw mill-ewwel skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 59(3).
imħassar
Emenda 31
Proposta għal regolament
Artikolu 47 – paragrafu 4
4.  L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ċ-Ċentri tal-Monitoraġġ tas-Sajd tagħhom jgħaddu l-messaġġi tal-VMS li jaslu mill-bastimenti tas-sajd li jtajru l-bandiera tagħhom lill-Kummissjoni u lil korp magħżul minnha f’ħin reali u billi jużaw il-format “https data feed”. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dawn il-messaġġi b’mod elettroniku lis-Segretarjat tal-ICCAT.
4.  L-Istati Membri għandhom jittrażmettu d-data prevista minn dan l-Artikolu skont l-Artikolu 28 tar-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 404/2011. Il-Kummissjoni għandha tibgħat dawn il-messaġġi b’mod elettroniku lis-Segretarjat tal-ICCAT.
Emenda 32
Proposta għal regolament
Artikolu 49 – paragrafu 2 – punt ca (ġdid)
(ca)  matul kull trasferiment minn farm għal ieħor;
Emenda 33
Proposta għal regolament
Artikolu 49 – paragrafu 5 – punt aa (ġdid)
(aa)   li jiġu osservati u mmonitorjati l-operazzjonijiet tas-sajd u t-trobbija tal-ħut f'konformità mal-miżuri għall-konservazzjoni u l-ġestjoni rilevanti tal-ICCAT;
Emenda 34
Proposta għal regolament
Artikolu 57
Artikolu 57
imħassar
Proċedura għall-emendi
1.  Sa fejn huwa meħtieġ, sabiex fid-dritt tal-Unjoni jiġu inkorporati l-emendi tad-dispożizzjonijiet eżistenti tal-pjan għall-irkupru tat-tonn li jsiru obbligatorji għall-Unjoni, il-Kummissjoni tista' temenda d-dispożizzjonijiet mhux essenzjali ta' dan ir-Regolament permezz ta' atti delegati adottati skont l-Artikolu 58.
Emenda 35
Proposta għal regolament
Artikolu 58
Artikolu 58
imħassar
Eżerċizzju tad-delega għall-emendi
1.  Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa tadotta atti delegati bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.
2.  Il-Kummissjoni għandha tingħata d-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 57 għal perjodu taż-żmien mhux determinat.
3.  Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jirrevokaw id-delega tas-setgħat imsemmija fl-Artikolu 57 fi kwalunkwe ħin. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħat speċifikata f’dik id-Deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Hija m’għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li jkunu diġà fis-seħħ.
4.  Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess ħin dwaru.
5.  Att delegat adottat skont l-Artikolu 57 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma jqajmu oġġezzjoni għalih fi żmien xahrejn minn meta dak l-att jiġi mgħarraf lilhom jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu għarrfu lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw għalih. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.
Emenda 36
Proposta għal regolament
Artikolu 59 – paragrafu 3
3.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 5 tiegħu.
imħassar
Emenda 37
Proposta għal regolament
Artikolu 61 – paragrafu 1
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara l-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Emenda 38
Proposta għal regolament
Anness I – paragrafu 2
2.  Minbarra d-dispożizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 8(3), l-għadd massimu ta’ bastimenti tal-qbid li huma awtorizzati jistadu għat-tonn fil-Baħar Adrijatiku għall-finijiet tat-trobbija tal-ħut bil-kundizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għad-deroga msemmija fl-Artikolu 13(2)(b) għandu jkun l-għadd ta’ bastimenti tal-qbid tal-Unjoni li jkunu ħadu sehem fis-sajd dirett għat-tonn fl-2008.
2.  Minbarra d-dispożizzjonijiet mogħtija fl-Artikolu 8(3), l-għadd massimu ta’ bastimenti tal-qbid li huma awtorizzati jistadu għat-tonn fil-Baħar Adrijatiku għall-finijiet tat-trobbija tal-ħut bil-kundizzjonijiet speċifiċi li japplikaw għad-deroga msemmija fl-Artikolu 13(2)(b) għandu jkun l-għadd ta’ bastimenti tal-qbid tal-Unjoni li jkunu ħadu sehem fis-sajd dirett għat-tonn fl-2008. Għal dak il-għan, għandu jitqies l-għadd ta' bastimenti tal-qbid Kroati li fl-2008 pparteċipaw fis-sajd dirett għat-tonn.
Emenda 39
Proposta għal regolament
Anness IV – punt 2 – linja 2
Għadd ta' ħut:
Speċi:

Għadd ta' ħut:
Speċi:
Piż:

Emenda 40
Proposta għal regolament
Anness VII – punt 7 – punt a
(a)  a jingħataw aċċess għall-persunal tal-bastimenti u tal-farms tal-ħut u għall-irkaptu, il-gaġeġ u t-tagħmir;
(a)  jingħataw aċċess għall-persunal tal-bastimenti, tal-farms tal-ħut u tan-nases u għall-irkaptu, il-gaġeġ u t-tagħmir;

(1) Il-każ ġie mgħoddi lura lill-kumitat responsabbli biex jerġa jiġi eżaminat skont l-Artikolu 61(2), it-tieni subparagrafu (A8-0367/2015).


Rapport annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE
PDF 433kWORD 186k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE (2015/2140(INI))
P8_TA(2016)0004A8-0368/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ġunju 2015 dwar il-politika tal-kompetizzjoni 2014 (COM(2015)0247), u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bħala dokument ta' sostenn bl-istess data,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 101-109, 147 u 174;

–  wara li kkunsidra r-regoli dwar il-kompetizzjoni, il-linji gwida u r-riżoluzzjonijiet relevanti tal-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE fl-2013(1), u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE fl-2012(2) u r-rekwiżiti stabbiliti fihom mill-Parlament,

–  wara li kkunsidra l-istudju mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, (Dipartiment Tematiku A (Politiki Ekonomiċi u Xjentifiċi)) għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur bl-isem "Prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) fil-katina tal-provvista tal-ikel bejn in-negozji" ("Unfair trading practices in the business-to-business food supply chain (UTPs)"(3),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew "Is-suq intern tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq: dumping soċjali u kabotaġġ"(4),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Mejju 2012 tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK) bl-isem "Rapport dwar l-infurzar tad-dritt tal-kompetizzjoni u attivitajiet ta' monitoraġġ tas-suq minn awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni fis-settur alimentari" ("Report on competition law enforcement and market monitoring activities by European competition authorities in the food sector")(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttivi tal-Kunsill 77/799/KEE u 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u l-proposti ta' azzjoni tal-Proġett tal-OECD/G20 fil-qasam tal-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitti,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 li tagħti bidu għal inkjesta dwar is-settur tal-kummerċ elettroniku skont l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (C(2015)3026),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/104/UE tas-26 ta' Novembru 2014 dwar regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ġunju 2014 dwar linji gwida għall-għajnuna mill-istat għall-enerġija u l-protezzjoni ambjentali(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi,

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni ''Lejn kontroll aktar effettiv tal-fużjonijiet tal-UE'', tad-9 ta' Lulju 2014, (COM(2014)0449),

–  wara li kkunsidra l-inkjesta dwar il-kompetizzjoni fis-settur farmaċewtiku tat-8 ta’ Lulju 2009 u r-rapporti ta’ segwitu, b’mod partikolari l-5 rapport dwar il-Monitoraġġ tas-Soluzzjonijiet b’rabta mal-Privattivi,

–  wara li kkunsidra l-qafas universali għas-sistemi ta’ Valutazzjoni tas-Sostenibbiltà tal-Ikel u l-Agrikoltura (SAFA) żviluppat mill-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0368/2015),

A.  billi l-politika tal-kompetizzjoni hija pedament tal-ekonomija tas-suq soċjali fl-Ewropa u strument essenzjali għal suq intern li jiffunzjona sew fl-Unjoni;

B.  billi, fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-vuċi tal-Unjoni Ewropea tingħata widen u hija rrispettata fix-xena internazzjonali; billi din ir-rappreżentanza esterna indipendenti u unifikata, li hija appoġġata b'setgħat definiti b'mod ċar, tippermetti li l-Unjoni teżerċita s-setgħa politika, demografiċi u ekonomika reali tagħha;

C.  billi l-politika tal-kompetizzjoni hija, fiha nnifisha, għodda li tissalvagwarda d-demokrazija Ewropea, minħabba li timpedixxi l-konċentrazzjoni eċċessiva tas-setgħa ekonomika u finanzjarja f'idejn numru żgħir ħafna ta' nies;

D.  billi l-Unjoni Ewropea hija stabbilita bħala ekonomija soċjali tas-suq miftuħa b'kompetizzjoni ħielsa u ġusta, li l-għan tagħha hu li żżid il-prosperità tal-konsumaturi u l-istandards tal-għajxien taċ-ċittadini kollha tal-UE, u billi l-Unjoni Ewropea qed tistabbilixxi suq intern maħsub biex iwassal għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa abbażi ta' tkabbir ekonomiku bbilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet;

E.  billi l-għan tal-applikazzjoni qawwija tal-prinċipji tad-dritt tal-kompetizzjoni skont it-Trattat tal-UE huwa li jsir kontribut biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali tal-politika ekonomika tal-UE u, fl-istess ħin, li jibbenefikawil-konsumaturi, il-ħaddiema u l-intraprendituri, u jiġu promossil-innovazzjoni u t-tkabbir, permezz tal-kontroll u r-restrizzjoni tal-prattiki kummerċjali inġusti li jirriżultaw mill-monopolji u mill-pożizzjonijiet dominanti fis-suq, b'tali mod li kull individwu jkollu possibilità ġusta ta' suċċess;

F.  billi l-indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni hija tal-akbar importanza;

G.  billi kull sena jiġi akkumulat telf ta' EUR 181-320 biljun – madwar 3 % tal-PDG tal-UE – minħabba l-eżistenza tal-kartelli;

H.  billi, f'termini ta' spejjeż tal-enerġija, is-suq uniku Ewropew għandu prestazzjoni agħar mis-suq intern tal-Istati Uniti, b'dispersjoni fil-prezzijiet ta' 31 % apparagun ta' 22 % fl-Istati Uniti;

I.  billi f'bosta Stati Membri hemm kriżi finanzjarja serja li għadha qed taffettwa lill-SMEs, li jirrappreżentaw 98 % tal-impriżi tal-UE u 67 % tan-nies impjegati;

J.  billi huwa stmat li l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa u r-rifuġji fiskali qed jiswew lill-kontribwenti tal-UE triljun euro kull sena fi dħul mitluf, u qed jgħawġu l-kompetizzjoni fis-suq uniku fost dawk il-kumpaniji li jħallsu t-taxxi u dawk li ma jħallsuhomx;

K.  billi f'dawn l-aħħar snin, partikolarment, id-dinamiżmu fl-ekonomija diġitali u, fuq kollox, it-tgħawwiġ fil-kompetizzjoni b'riżultat ta' prattiki fiskali aggressivi u politiki fiskali nazzjonali (li probabbilment qed jagħmlu ħsara konsiderevoli lis-suq intern), ġabu magħhom sfidi ġodda għall-parteċipanti tas-suq, u jirrikjedu reazzjoni immedjata u mmirata mill-Kummissjoni; billi l-koperazzjoni globali dwar l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tgħin biex jiġu evitati l-inkonsistenzi fil-miżuri korrettiva li jittieħdu u fl-eżiti tal-miżuri ta' infurzar, u tgħin lin-negozji biex inaqqsu l-ispejjeż ta' konformità tagħhom;

L.  billi, fid-dawl tal-isfidi tal-era diġitali, jeħtieġ li jiġu eżaminati mill-ġdid l-istrumenti eżistenti tad-dritt tal-kompetizzjoni;

M.  billi fit-trasport internazzjonali bl-ajru, ir-regoli dwar il-kompetizzjoni ġusta u r-regolamentazzjoni tal-impriżi statali huma nieqsa fir-rigward ta' linji tal-ajru minn ċerti pajjiżi terzi li joperaw lejn u mill-Ewropa u li jiddominaw ċerti rotot, u dan qed jikkawża ħsara konsiderevoli lil-linji tal-ajru Ewropej, u qed ixekkel il-konnettività tal-ajruporti ċentrali Ewropej, u b'hekk qed inaqqas l-għażla tal-konsumaturi Ewropej;

N.  billi l-kompetizzjoni m'għandhiex l-istess impatt fl-Istati Membri kollha;

O.  billi l-politika tal-kompetizzjoni trid tikkunsidra b'mod partikolari l-objettivi tal-iżvilupp sostenibbli u l-koeżjoni soċjali;

P.  billi d-dumping soċjali huwa fattur li jgħawweġ is-suq intern, u huwa ta' ħsara kemm għad-drittijiet tal-konsumaturi kif ukoll għal dawk tal-ħaddiema;

Q.  billi l-iżgurar tal-moviment liberu tal-persuni, il-prodotti, is-servizzi u l-kapital huwa l-bażi tat-tkabbir tal-Ewropa;

1.  Jilqa' r-rapport mill-Kummissjoni, li jissottolinja l-importanza tal-politika tal-kompetizzjoni fl-UE, u jinnota li essenzjalment ikopri l-mandat tal-Kummissjoni preċedenti taħt il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Almunia;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex fil-ġejjieni tgħaddi d-dokument ta' ħidma settorjali lill-Parlament, bħala parti integrali mir-rapport;

3.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Vestager tixtieq taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament biex tiżviluppa l-politika tal-kompetizzjoni, bħala wieħed mill-istrumenti ewlenin tal-Unjoni Ewropea, sabiex is-suq intern komuni jsir realtà, u jistieden lill-Kummissjoni biex ma timplimentax il-politika tal-kompetizzjoni interna tal-UE b'tali mod li jiġu limitati l-istrateġiji tas-suq tal-impriżi, sabiex ikunu jistgħu jikkompetu fis-swieq dinjija ma' atturi minn barra l-UE;

4.  Jenfasizza li politika tal-kompetizzjoni effettiva u kredibbli m'għandhiex tkun indirizzati esklussivament lejn it-tnaqqis tal-prezzijiet għall-konsumaturi, iżda għandha wkoll tkun konxja mill-interessi strateġiċi tal-ekonomija Ewropea, bħal pereżempju: il-kapaċità ta' innovazzjoni; l-investiment; il-kompetittività u s-sostenibilità; il-kundizzjonijiet kompetittivi speċjali għall-SMEs, l-impriżi li għadhom jibdew u l-mikrointrapriżi; u l-ħtieġa li jkunu promossi standards tax-xogħol u ambjentali għoljin;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex ittemm id-dumping soċjali, u jenfasizza li d-deċiżjonijiet marbuta mal-politika tal-kompetizzjoni għandhom iqisu b'mod partikolari l-impatt soċjali;

6.  Iqis li n-natura speċifika tal-ekonomija diġitali, li hija kkaratterizzata minn spejjeż marġinali li qed jonqsu u li qed joqorbo ż-żero u minn effetti ta' netwerk b'saħħithom, tiffavorixxi żieda fil-livell ta' konċentrazzjoni fis-swieq ewlenin; jistieden lill-Kummissjoni biex tadatta l-politika tal-kompetizzjoni tagħha għall-ispeċifiċitajiet ta' dan is-settur;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkompleta s-suq intern f'dawk l-oqsma fejn għadu fframmentat jew mhux komplut, u biex ittemm ir-restrizzjonijiet indebiti tas-suq u t-tgħawwiġ fil-kompetizzjoni kemm jista' jkun malajr malli jiġu identifikati; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-politika tal-kompetizzjoni fl-istess ħin isaħħaħ il-koeżjoni soċjali fl-Unjoni;

8.  Jenfasizza li l-prijoritizzazzjoni tal-ħidma tal-awtorità tal-kompetizzjoni u l-preżentazzjoni fir-Rapport dwar il-Kompetizzjoni tal-2014, fil-parti l-kbira huma konsistenti mal-prijoritajiet komuni; iqis madankollu li f'ċerti oqsma individwali hemm bżonn ta' azzjoni iktar determinata, fatt li għandu jiġi indirizzat bil-qawwa min-naħa tal-Kummissjoni s-sena d-dieħla; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni globali dwar l-infurzar tal-kompetizzjoni; jappoġġa l-parteċipazzjoni attiva tal-Kummissjoni fin-Netwerk Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni;

9.  Jerġa' jitlob lill-Kummissjoni sabiex, hekk kif kienet għamlet fir-rigward tar-rapport annwali preċedenti, tevita l-iżvilupp ta' konċentrazzjoni tas-suq eċċessiva u l-abbuż tad-dominanza tas-suq b'rabta mal-ħolqien tas-suq uniku diġitali, peress li dan se jiżgura servizz ta' livell ogħla għall-konsumaturi u l-possibbiltà ta' prezzijiet aktar attraenti;

10.  Iqis li hu fundamentali li jiġu żgurati kundizzjonijiet ġusti ta' kompetizzjoni fis-suq diġitali filwaqt li jiġi miġġieled l-abbuż tal-pożizzjonijiet dominanti u l-ottimizzazzjoni fiskali, għanijiet li fl-aħħar mill-aħħar jibbenefikaw minnhom il-konsumaturi;

11.  Jemmen li l-iżvilupp tal-gvern elettroniku huwa fattur importanti fl-appoġġ għat-tkabbir, inkluż fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-SMEs; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex jużaw l-għodod kollha disponibbli għalihom permezz tal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-akkwist pubbliku biex jippromwovu t-tkabbir fl-UE, u jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġa l-inizjattivi kollha marbuta mal-iżvilupp tal-gvern elettroniku; jenfasizza, barra minn hekk, li l-promozzjoni u l-implimentazzjoni tas-sistemi ta' governanza elettronika fl-Istati Membri kollha huma strumentali għall-monitoraġġ effiċjenti tal-każijiet ta' ksur u sabiex tiġi żgurata t-trasparenza kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-akkwist pubbliku f'waqtha, partikolarment fir-rigward tat-tnedija tal-akkwist elettroniku u l-amministrazzjoni elettronika, u d-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar il-konsiderazzjoni tal-kriterji soċjali u ambjentali u dwar it-tqassim ta' kuntratti f'lottijiet, sabiex tingħata spinta lill-innovazzjoni u lill-kompetizzjoni ġusta, jingħata appoġġ lill-SMEs fis-swieq tal-akkwist u tiġi żgurata l-aktar soluzzjoni ekonomikament vantaġġuża fl-użu tal-fondi pubbliċi;

13.  Jistieden lill-Kummissjoni tintensifika aktar l-isforzi tagħha għall-ftuħ ambizzjuż ta' swieq internazzjonali tal-akkwist pubbliku, bl-għan li telimina l-iżbilanċ eżistenti fir-rigward tal-livell ta' ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku bejn l-UE u sħab kummerċjali oħra, u, għal dak il-fini, tqis ir-rapport tal-Parlament dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal strument tal-akkwist internazzjonali u r-reviżjoni li ġejja tagħha;

14.  Jirrimarka li l-klijenti fis-suq uniku qed jinbiegħu prodotti li fihom ingredjenti li jvarjaw bejn konsenja u oħra minkejja li l-isem tal-prodott u l-ippakkjar ikunu l-istess; jistieden lill-Kummissjoni tiddetermina jekk, fil-kuntest tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE, din il-prattika għandhiex riperkussjonijiet negattivi għall-fornituri ta' prodotti lokali u reġjonali, b'mod partikolaril-SMEs;

15.  Iqis li hu essenzjali li l-Kummissjoni tkompli tippromwovi konverġenza u kooperazzjoni aħjar fost l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali fl-UE;

16.  Jilqa' l-interazzjoni qawwija bejn l-infurzar tal-kompetizzjoni u l-istrateġija dwar is-suq uniku diġitali, b'mod partikolari f'azzjonijiet relatati ma' prattiki ta' mblukkar ġeografiku u ftehimiet ta' liċenzjar, bl-għan li jiġi kkompletat is-suq uniku diġitali; iqis li interazzjoni simili hija essenzjali fis-suq intern tal-enerġija biex jitneħħa x-xkiel għall-fluss transkonfinali liberu tal-enerġija u sabiex tinbena l-Unjoni tal-Enerġija;

17.  Iqis li l-kompetizzjoni fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet hija essenzjali mhux biss biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u l-investiment fin-netwerks, iżda anke sabiex jitħeġġu l-prezzijiet aċċessibbli u l-għażla fis-servizzi għall-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tissalvagwardja l-kompetizzjoni f'dan is-settur, inkluż fl-allokazzjoni tal-ispettru;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina bir-reqqa, il-klawsoli u l-prattiki inġusti u llegali użati mis-settur bankarju fil-kuntratti mal-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tan-NEK, trawwem l-iskambji tal-prattiki tajbin; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tnaqqas kwalunkwe burokrazija ġġenerata bl-implimentazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni;

19.  Jemmen li l-politika tal-kompetizzjoni għandu jkollha rwol importanti biex is-swieq finanzjarji jsiru iktar siguri u trasparenti għall-konsumaturi; jilqa', barra minn hekk, il-miżuri leġiżlattivi adottati fil-qasam tal-pagamenti elettroniċi u, b'mod partikolari, l-introduzzjoni ta' limiti massimi fuq il-kummissjonijiet interbankarji għat-tranżazzjonijiet ta' pagamenti bil-kards;

20.  Ifakkar lill-Kummissjoni li l-politika tal-kompetizzjoni tinvolvi wkoll ir-regolamentazzjoni tal-prezz tas-servizzi li fir-rigward tagħhom ikun diffiċli li jiġi stabbilit il-valur tas-suq, bħalma huma t-tariffi tal-ATMs;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina n-netwerks tal-ATMs mill-perspettiva tal-politika tal-kompetizzjoni, peress li dan jinvolvi infrastruttura ta' netwerk;

22.  Jemmen li għandu jingħata iktar ħsieb fir-rigward ta' kif il-kumpaniji Ewropej iridu jiġu appoġġati peress li dawn jikkompetu fuq bażi globali ma' operazzjonijiet oħra ta' daqs simili minn partijiet differenti tad-dinja, li m'għandhomx għalfejn isegwu l-istess regoli tal-kompetizzjoni li jridu jissodisfaw l-entitajiet Ewropej f'pajjiżhom;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm koerenza bejn il-politiki kummerċjali u tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u l-objettivi tal-politika industrijali tagħha; jindika li l-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni m'għandhiex ixxekkel il-ħolqien ta' esponenti industrijali Ewropej fl-ekonomija; jappella għalhekk biex il-politiki kummerċjali u tal-kompetizzjoni jippromwovu l-iżvilupp u l-kompetittività tal-industrija Ewropea fil-livell dinji;

24.  Jirrikonoxxi li l-industriji li jużaw ħafna enerġija qed jitħabtu ekonomikament u li wħud minnhom, bħall-industrija tal-azzar, jinsabu fi kriżi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tirrieżamina r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat għall-industriji li jużaw ħafna enerġija, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni effettiva tar-rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju u jiġu pprovduti opportunitajiet ġusti għall-industriji tal-UE, b'mod partikolari l-industriji li jużaw ħafna enerġija l-iktar vulnerabbli;

Proċeduri antitrust – każijiet ta' abbuż minn pożizzjoni dominanti

25.  Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi tagħha fir-rigward tal-investigazzjonijiet tal-każijiet ta' abbuż ta' pożizzjonijiet dominanti fis-suq għad-detriment tal-konsumaturi tal-UE;

26.  Jinnota li l-abbużi minn pożizzjoni dominanti huma pprojbiti u jikkostitwixxu problema serja għall-kompetizzjoni;

27.  Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni qed taħdem b'suċċess fil-każijiet li jinvolvu ksur tar-regoli dwar il-kartelli u tista' turi li tat kontribut sinifikanti għar-realizzazzjoni tas-suq intern u r-regoli tal-kompetizzjoni ugwali;

28.  Jenfasizza li l-prattiki antikompetittivi u l-monopolji jistgħu jikkostitwixxu ostakli għall-kummerċ, li jfixklu l-flussi tal-kummerċ u tal-investiment; jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-interess ta' kummerċ dinji ħieles u ġust, tieħu azzjoni fil-livell internazzjonali kontra l-kartelli u l-prattiki antikompetittivi, oligopolistiċi u monopolistiċi li qed jagħmlu ħsara lill-kompetizzjoni;

29.  Iqis li r-regoli eżistenti dwar il-multi li għandhom jiġu imposti fuq persuni ġuridiċi għal ksur għandhom jiġu ssupplementati minn b'penali konkomitanti kontra l-persuni fiżiċi responsabbli; huwa tal-fehma li l-multi għandhom ikunu għoljin biżżejjed biex jaġixxu bħala deterrent; jenfasizza l-importanza tas-suċċess tal-politika tal-informatur, li tat lok biex il-Kummissjoni tidentifika l-kartelli;

30.  Iqis li ċ-ċertezza legali hija kruċjali, u jistieden lill-Kummissjoni biex tinkorpora r-regoli dwar il-multi, bħal dawk imposti fi proċedimenti tal-kartelli, fi strument leġiżlattiv;

31.  Jinnota li l-mudelli tas-suq oriġinali tal-politika tal-kompetizzjoni jistgħu jkunu inadegwati għall-ekonomija diġitali u li l-użu ta' indikaturi bbażati fuq il-prezz f'dan is-settur ekonomiku dinamiku ħafna drabi ma jagħtux l-eżitu mixtieq; jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq, abbażi ta' kriterji ġodda, valutazzjoni legali u ekonomika komprensiva tas-swieq li jinbidlu malajr, u l-mudelli kummerċjali effimeri użati mill-impriżi diġitali, sabiex ikun hemm fehim ċar tal-istruttura tas-suq u tat-tendenzi tas-suq, jittieħdu miżuri xierqa għall-protezzjoni tal-konsumaturi u titqies kif xieraq l-importanza tad-data u tal-istrutturi tas-suq speċifiċi tal-ekonomija diġitali; jinnota li, għall-finijiet tad-definizzjoni tas-suq rilevanti, b'mod partikolari fl-ekonomija diġitali, għandhom jiġu applikati l-kriterji ta' valutazzjoni rilevanti f'termini ta' kompetizzjoni;

32.  Isostni li l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali hija ċentrali għall-kompetizzjoni ġusta, u jinnota b'dispjaċir li l-kumpaniji globali m'humiex lesti li jiksbu l-liċenzji meħtieġa sabiex jużaw il-privattivi Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi protezzjoni effikaċi għall-privattivi essenzjali standard, u biex twettaq sorveljanza bir-reqqa sabiex tiżgura li l-utenti jiksbu tal-privattivi jiksbu l-liċenzji bil-mod adatt;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga jekk hemmx xi tip ta' relazzjoni bejn preżenza qawwija ta' politiki u ex-ministri fil-bordijiet ta' tmexxija tal-kumpaniji tal-enerġija u l-prattiki oligopolistiċi fis-settur tal-enerġija f'xi Stati Membri;

34.  Joġġezzjona d-dewmien fl-investigazzjonijiet tal-kumpanija Amerikana kbira Google, u jiddispjaċih mill-fatt li dawn diġà ilhom għaddejjin għal bosta snin mingħajr ebda trasparenza u mingħajr ma jista' jintwera ebda riżultat definittiv, u dan jirrifletti l-fatt li sal-2014 il-Kummissjoni kienet qed turi eżitazzjoni biex tindika r-rieda tagħha li telimina r-restrizzjonijiet tas-suq; jinnota li, speċjalment f'dak li jikkonċerna s-swieq dinamiċi, il-proċedimenti li jieħdu daqshekk fit-tul jistgħu effettivament jammontaw għal tindif tas-suq u joħolqu inċertezza għall-partijiet kollha;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq investigazzjoni bir-reqqa dwar il-prattika tal-Ġoogle li permezz tagħha s-sistema operattiva “Android” tiġi offruta biss flimkien ma' servizzi oħra tal-Google, u li biha l-manifatturi ma jistgħux jinstallaw minn qabel prodotti konkorrenti; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex teżamina fid-dettall il-pożizzjoni dominanti fis-suq ta' Google fil-qasam tal-prenotazzjoni diretta tal-lukandi, u biex issib soluzzjoni xierqa għal din il-problema; jappoġġa l-miżuri tal-Kummissjoni mfassla biex jinħoloq livell ikbar ta' interoperabbiltà u portabbiltà madwar is-setturi diġitali kollha u, b'hekk, jiġi evitat xenarju fejn ir-rebbieħ jieħu kollox; jenfasizza l-importanza li l-Kummissjoni tingħata l-għodod it-tajba biex iżommu stampa aġġornata tal-iżviluppi rapidi fis-suq diġitali;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq u tikkompleta b'attenzjoni l-investigazzjonijiet pendenti l-oħra kollha dwar il-kartelli, u biex telimina kwalunkwe restrizzjoni għas-suq; jilqa' l-fatt li l-Kummissarju l-ġdid irrifjuta li jċedi għall-pressjoni politika, u jitlob li l-proċedimenti jitħaffu b'tali mod li r-riżultati jkunu jistgħu jinkisbu fi żmien sena; jilqa', għaldaqstant, id-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet mibgħuta mill-Kummissjoni lil Google dwar is-servizz ta' tqabbil għax-xiri tagħha; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli teżamina b'mod determinat it-tħassib kollu identifikat fl-investigazzjonijiet tagħha, inklużi oqsma oħra ta' tfittxija bi preġudizzju, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-atturi kollha tas-suq fis-suq diġitali;

37.  Jinnota li skont l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar il-Proċedimenti tal-Kartelli, ir-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista' tordna miżuri interim fejn ikun hemm riskju ta' dannu serju u irreparabbli għall-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiddetermina sa fejn tali miżuri jistgħu jiġu applikati fi proċedimenti mtwala b'rabta mal-kompetizzjoni, speċjalment fis-suq diġitali;

38.  Ifakkar li n-newtralità tan-netwerk (jiġifieri, il-prinċipju li skontu t-traffiku kollu tal-internet jiġi ttrattat b'mod ugwali, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza, b'mod indipendenti minn min jibagħtu, minn min jirċevih, mit-tip, mill-kontenut, mit-tagħmir, mis-servizz jew mill-applikazzjoni tiegħu) hija ta' importanza kbira biex jiġ żgurat li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn is-servizzi tal-internet u li l-kompetizzjoni tiġi ggarantita bis-sħiħ;

39.  Jenfasizza li l-politika tal-kompetizzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-evidenza, u jilqa' l-inkjesta settorjali tal-Kummissjoni b'rabta mal-kummerċ elettroniku dwar ostakli potenzjali għall-kummerċ transkonfinali online ta' prodotti u servizzi bħal pereżempju fis-setturi tal-prodotti elettroniċi, tal-ilbies u ż-żraben u tal-kontenut diġitali;

40.  Jinnota li l-każ Google qajjem diskussjoni ġenerali dwar is-saħħa ta' pjattaformi dominanti tal-internet bħalma huma eBay, Facebook, Apple, LinkedIn, Amazon, Uber, Airbnb, eċċ., dwar l-influwenza tagħhom fis-swieq u fl-isfera pubblika, u l-ħtieġa li dawn jiġu rregolati sabiex is-swieq u l-isfera pubblika jiġu protetti; jinnota li l-għan tar-regolamentazzjoni tal-pjattaformi tal-internet għandu jkun l-iżgurar ta' protezzjoni ogħla tal-utent filwaqt li jinżammu l-inċentivi għall-innovazzjoni;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga d-dominanza tas-suq ta' Google fir-rigward tal-prenotazzjoni diretta tal-lukandi; jinnota li l-kumpannija qed tirsisti biex dawk li jkunu qed ifittxu lukanda jipprenotaw u jħallsu permezz ta' Google minflok ma jgħadduhom f'sit tal-ivvjaġġar jew f'sit tal-lukandi ta' parti terza; jenfasizza li dan il-pass huwa potenzjalment kontroversjali peress li jibdel lil Google f'aġenzija tal-ivvjaġġar online, jew l-ekwivalenti tagħha, li timponi tariffi fuq il-prenotazzjoni; jinnota li l-biċċa l-kbira lukandiera jippreferu l-prenotazzjonijiet diretti iktar milli permezz ta' aggregatur jew sit ta' terza parti; jenfasizza li Google tista' tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha u, fl-istess ħin, iddgħajjef lill-kompetituri fis-swieq tal-ivvjaġġar, u b'hekk tkun ta' ħsara għall-konsumaturi;

42.  Jilqa' l-emendi li għadha kif adottat il-Kummissjoni għar-Regolament (KE) Nru 773/2004 dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE, u l-komunikazzjonijiet relatati li jirriżultaw mid-Direttiva dwar Azzjonijiet għad-Danni; iqis li hija ħassra li l-Parlament ma kienx involut fl-abbozzar tal-emendi;

43.  Jinnota li l-politika tal-kompetizzjoni għandha rwol ewlieni fl-ikkompletar tas-suq uniku diġitali; huwa tal-fehma li politika tal-kompetizzjoni b'saħħitha fuq swieq li jinbidlu malajr, teħtieġ għarfien tas-suq profond; jilqa', għalhekk, il-fatt li qed titwettaq inkjesta settorjali dwar il-kummerċ elettroniku fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tas-suq uniku diġitali;

Għajnuna mill-Istat

44.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, bħala l-gwardjan tat-Trattati, tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-direttiva msemmija hawn fuq, u biex tiżgura li d-dispożizzjonijiet tagħha jkunu infurzata b'mod uniformi madwar l-UE; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet fil-livelli amministrattivi reġjonali u komunali biex jippromwovu b'mod attiv il-konformità mal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE u biex jispjegaw il-bażi ġuridika tagħha; jenfasizza l-importanza li l-għajnuna mill-Istat orizzontali u dik vertikali jiġu indirizzati bl-istess mod; iqis li hemm bżonn ta' azzjoni għas-sensibilizzazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea kollha dwar il-klassifikazzjoni u l-għoti ta' għajnuna mill-Istat illegali, speċjalment meta tali deċiżjonijiet ta' għajnuna jkunu tammontaw għal miżuri antikompetittivi u protezzjonisti; huwa tal-fehma, madankollu, li r-reġjuni mbiegħda jew periferiċi u l-gżejjer għandhom jingħataw aktar spazju ta' manuvra mill-preżent fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat;

45.  Iqis li l-Kummissjoni, partikolarment fil-proċedimenti dwar l-għajnuna mill-Istat, għandha teżamina l-evidenza pprovduta mill-Istati Membri b'mod aktar rigoruż, u ttejjeb s-sigurtà tal-fatti, peress li regolarment ikun hemm tentattivi biex jiġu evitati l-bażi ġuridika u r-restrizzjonijiet legali, jew biex jinstabu kompromessi xi ftit jew wisq dubjużi; iqis, barra minn hekk, li tali eżamijiet għandhom ikunu msejsa fuq ir-rikonoxximent li, f'setturi strateġiċi u vitali, bħalma huma dawk tal-enerġija, it-trasport u l-kura tas-saħħa, jeħtieġ li l-istati jiżguraw is-sigurtà totali, il-kontinwità tal-provvista u l-forniment tas-servizzi liċ-ċittadini kollha tagħhom, u li jeħtieġ li jieħdu ħsieb li ma jadottawx dispożizzjonijiet legali li jkunu ta' dannu għal Stati Membri oħra jew għall-Unjoni;

46.  Itenni li l-Fondi Strutturali tal-UE ma jistgħux jintużaw b'mod li jinkoraġġixxu direttament jew indirettament ir-rilokazzjoni tas-servizzi jew il-produzzjoni lejn Stat Membru ieħor, eż. permezz ta' perjodu ta' stennija għall-intrapriżi li jirċievu dawn il-fondi; jenfasizza li l-għajnuna mill-Istat kultant tkun neċessarja sabiex jiġi żgurat l-għoti ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, inklużi l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni; jenfasizza li intervent mill-Istat spiss ikun l-aktar għodda ta' politika effettiva biex tiġi żgurata l-provvista ta' servizzi li huma essenzjali sabiex jitħarsu l-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali f'reġjuni iżolati, imbiegħda jew periferiċi u l-gżejjer fl-Unjoni;

47.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni fl-2014 adottat il-Linji Gwida l-ġodda dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali u l-enerġija, u implimentathom bħala r-Regolament Ġenerali għal Eżenzjoni ta' Kategorija (GBER);

48.  Jilqa' l-inklużjoni fil-GBER tal-għajnuna soċjali għat-trasport ta' residenti ta' reġjuni mbiegħda, fejn il-problema ta' konnettività issa hija rikonoxxuta; jenfasizza li l-konnettività tar-reġjuni gżejjer periferiċi hija wkoll essenzjali għas-sostenn u l-iżvilupp ta' livelli aċċettabbli ta' inizjattiva ekonomika u soċjali permezz taż-żamma tar-rabtiet kummerċjali vitali;

49.  Jilqa' l-inkjesta attwali tal-Kummissjoni fir-rigward ta' assi u krediti ta' taxxa differita (DTA/DTCs) għall-benefiċċju tas-settur bankarju f'bosta Stati Membri; huwa tal-fehma li d-DTA/DTCs għandhom jiġu awtorizzati b'mod retroattiv skont id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat jekk ikunu marbuta ma' kundizzjonijiet espliċiti dwar il-miri ta' finanzjament għall-ekonomija reali;

50.  Ifakkar fit-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex teżamina jekk is-settur bankarju bbenefikax, sa mill-bidu tal-kriżi, minn sussidji impliċiti u għajnuna mill-Istat fil-forma ta' appoġġ ta' likwidità mhux konvenzjonali;

51.  Jilqa' l-introduzzjoni ta' linji gwida ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għal finanzjament ta' riskju, li l-għan primarju tagħhom huwa li jagħmluha possibbli li jiġu promossi b'mod aktar effettiv l-SMEs, il-kumpaniji innovattivi b'kapitalizzazzjoni medja u l-impriżi li għadhom jibdew, li għandhom żvantaġġ sinifikanti fid-daqs;

52.  Jikkritika l-fatt li l-mudelli fiskali li jgħawġu l-kompetizzjoni, b'mod partikolari, jistgħu jwasslu għal problemi konsiderevoli għan-negozji ta' daqs medju, kif ukoll għal għadd ta' Stati Membri li ma japplikawx tali mudelli fiskali;

53.  Jilqa' l-fatt li, bħala parti mill-modernizzazzjoni tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni qed tieħu l-inizjattiva li toħroġ linji gwida ġodda li se jagħmluha ċara x'inhu mfisser b'għajnuna mill-Istat fl-isfera fiskali, u fl-iprezzar ta' trasferiment xieraq;

54.  Jitlob studju separat mill-Kummissjoni li jivvaluta jekk id-dispożizzjonijiet tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat humiex humiex ifixklu l-konsolidazzjoni u t-tisħiħ tal-kompetittività fost il-kumpaniji Ewropej vis-à-vis il-kompetituri globali tagħhom, fir-rigward tal-mekkaniżmi tal-akkwist tal-istat, kif ukoll fil-perspettiva tal-konklużjoni reċenti tas-Sħubija Trans-Paċifika (TPP);

Kontroll tal-fużjonijiet

55.  Jinnota li, fil-passat, il-valutazzjonijiet tal-fużjonijiet u l-akkwiżizzjonijiet fl-ekonomija diġitali fil-biċċa l-kbira saru abbażi tal-fatturat tan-negozji inkwistjoni, u dan huwa inadegwat; jenfasizza li n-negozji b'fatturat baxx u b'telf inizjali konsiderevoli wkoll jista' jkollhom klijentela kbira , u għaldaqstant volumi kbar ta' data, u livell għoli ta' saħħa fis-suq, kif juri l-akkwist ta' Whatsapp minn Facebook, li ġie approvat mingħajr ebda kundizzjoni mill-Kummissjoni, u li ħoloq preċedent;

56.  Huwa tal-fehma li f'xi setturi ekonomiċi, l-ewwel u qabel kollox dak tal-ekonomija diġitali, għandhom jiġu applikati kriterji addizzjonali, li jmorru lil hinn mill-approċċi bbażati fuq il-prezzijiet, is-sehem tas-suq, u l-fatturat, peress li l-fużjonijiet spiss ikunu jinvolvu restrizzjonijiet tas-suq;

57.  Iqis li, speċjalment fl-ekonomija diġitali, u fil-kuntest tal-protezzjoni tal-konsumatur, ir-regoli ġenerali tal-kompetizzjoni għandhom jiġu aġġornati biex jibqgħu aġġornati mar-realtajiet tas-suq, u għandhom jiġu introdotti kriterji addizzjonali ġodda fil-valutazzjoni tal-fużjonijiet, bħalma huma l-prezz tax-xiri, l-ostakli possibbli għad-dħul fis-suq, l-importanza vitali tad-data u u tal-aċċess għad-data, l-ispeċifikazzjonijiet ta' pjattaforma, u l-effetti assoċjaċti tan-netwerk, kif ukoll il-kwistjoni jekk hemmx kompetizzjoni globali fis-settur inkwistjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti kunsiderazzjoni partikolari fir-rigward tal-mudell kummerċjali għan-negozji fl-ekonomija diġitali u tal-ostakli possibbli għad-dħul fis-suq, inklużi fatturi bħalma huma l-ambitu għall-bdil bejn il-pjattaformi u l-portabbiltà tad-data;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja l-possibbiltà li l-bejjiegħa bl-imnut indipendenti, li skont id-dritt tal-kompetizzjoni jistgħu jaħdmu flimkien permezz tal-istabbilimenti tradizzjonali tagħhom, jipprovdu wkoll offerti konġunti tal-kummerċ elettroniku;

59.  Huwa tal-fehma li l-valutazzjoni żbaljata tas-setgħa fis-suq, flimkien mad-definizzjoni attwali tas-suq, ta' sikwit qed tkun detrimentali għaln-negozji Ewropej, speċjalment fi żminijiet ta' globalizzazzjoni u f'suq diġitali dinamiku; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra aġġustament mill-ġdid fil-qafas tar-Regolament dwar il-Fużjonijiet;

60.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li ħafna drabi jiġi adottat approċċ nazzjonali ta' natura stretta fir-rigward tal-kwistjoni tad-definizzjoni tas-suq, fejn ma tiġix ikkunsidrata b'mod xieraq l-internazzjonalizzazzjoni tas-swieq, kif kien il-każ, pereżempju, tar-Regolament dwar il-Fużjonijiet;

L-għajnuna finanzjarja u t-tassazzjoni

61.  Jenfasizza li –kif iddikjarat għall-ħames darba fir-rapport annwali tiegħu dwar il-kompetizzjoni – l-għajnuna temporanja mill-Istat fis-settur finanzjarju kienet meħtieġa għall-istabbilizzazzjoni tas-sistema finanzjarja globali, iżda trid titnaqqas malajr, jew titneħħa kompletament u tiġi skrutinizzata, sabiex l-Unjoni Bankarja tkun tista' tiġi kkompletata; jenfasizza l-ħtieġa urġenti kontinwa li jiġu eliminati s-sussidji – fil-forma ta' garanziji impliċiti għal istituzzjonijiet finanzjarji li huma wisq kbar biex ifallu – sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi fis-settur finanzjarju, u biex jiġu protetti l-kontribwenti, li fir-rigward tagħhom għandha tingħata attenzjoni sabiex ikun żgurat li dan ma jiġġenerax profitti mhux mistennija jew benefiċċji għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi; jenfasizza l-importanza ta' approċċ restrittiv fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat;

62.  Jenfasizza li l-kompetizzjoni fiskali ġusta hija indispensabbli għall-integrità tas-suq intern, għall-vijabbiltà tal-finanzi pubbliċi u sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fil-kompetizzjoni;

63.  Iqis li d-differenzi sinifikanti li ġew ikkonstatati bejn l-Istati Membri fl-użu tal-għajnuna mill-Istat fis-settur finanzjarju f'dawn l-aħħar snin jistgħu jwasslu għat-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni f'dan is-settur; jistieden lill-Kummissjoni biex tiċċara r-regoli u l-proċeduri li skonthom l-għajnuna mill-Istat fis-settur finanzjarju tista' tiġi awtorizzata; huwa tal-fehma li,mhux iktar tard minn meta l-Unjoni Bankarja tiġi kkompletata, l-għajnuna mill-Istat għas-settur bankarju għandha titnaqqas, filwaqt li għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li r-regolamentazzjoni ma toħloqx tgħawwiġ fil-kompetizzjoni għall-benefiċċju tal-banek il-kbar, u li jkun hemm kreditu suffiċjenti disponibbli għall-SMEs;

64.  Jemmen li l-Kummissjoni għandha tqis il-possibbiltà li torbot l-għajnuna mill-Istat lill-banek mal-kundizzjonalità fuq il-kreditu għall-SMEs;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi pjan direzzjonali għal għajnuna mill-Istat inqas imma mmirata aħjar, bl-għan li titnaqqas l-għajnuna mill-Istat sabiex ikun hemm taxxi aktar baxxi li jistimulaw negozji ġodda u kompetizzjoni ġusta, minflok ma jiġu appoġġati l-istrutturi qodma u l-operaturi stabbiliti;

66.  Jenfasizza l-fatt li meta l-għajnuna mill-Istat tintuża biex jiġu promossi s-servizzi ta' interess ġenerali, huwa l-benefiċċju għaċ-ċittadini, u mhux għall-kumpaniji individwali jew għal entitajiet pubbliċi, li huwa kruċjali;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni biex issegwi mill-qrib il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu proposti mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-għoti tal-liċenzji bankarji ġodda, bl-għan li jiġi żgurat il-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi mingħajr ostakoli qawwija għad-dħul fis-suq; jemmen bis-sħiħ li, minħabba l-konċentrazzjoni għolja fis-settur bankarju ta' xi Stati Membri, għadd ikbar ta' entitajiet bankarji jkun tajjeb għall-konsumaturi u l-SMEs;

68.  Jenfasizza l-importanza ewlenija tad-dritt tal-UE dwar is-sussidji fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa minn impriżi multinazzjonali;

69.  Jilqa' l-investigazzjoni imnedija mill-Kummissjoni fl-2014 dwar l-għajnuna mill-Istat illegali, permezz ta' kompetizzjoni fiskali inġusta, għall-benefiċċju ta' ċerti kumpaniji individwali, li ġiet stiża għat-28 pajjiż tal-UE fl-2015; jitlob, barra minn hekk, lill-Istati Membri biex fil-futur jippreżentaw lill-Kummissjoni, fi żmien xieraq u mingħajr dewmien, l-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-prattika fiskali tagħhom, u, fl-aħħar, biex jikkonformaw mal-obbligu tagħhom li jiżvelaw lill-Kummissjoni u lill-Parlament id-dettalji ta' kwalunkwe arranġament speċjali li jista' jkollu impatt fuq Stati Membri oħra u l-SMEs;

70.  Jinnota li, matul il-mandati riċenti, il-Kummissjoni fetħet biss għadd limitat ħafna ta' investigazzjonijiet f'każijiet potenzjali ta' għajnuna mill-Istat b'rabta fiskali, minkejja suspetti b'bażi soda, li sadanittant saru pubblċi; jistieden lill-Kummissjoni biex tuża s-sejbiet tal-investigazzjonijiet attwali bħala l-bażi għal linji gwida aktar preċiżi u effikaċi għall-għajnuna mill-Istat b'rabta fiskali, biex tuża s-setgħat kollha tagħha skont ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni sabiex tindirizza l-prattiki fiskali dannużi u tissanzjona lill-Istati Membri u l-kumpaniji li jinstab li jkunu involuti f'tali prattiki; jistieden lill-Kummissjoni biex tispeċifika, fl-istess ħin, liema huma l-miżuri fiskali li mhumiex konsistenti mal-politika dwar l-għajnuna mill-Istat;

71.  Iqis li, sabiex tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta fost il-kumpaniji, b'konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014, għandhom jiġu appoġġati l-kumpaniji li jinsabu f'reġjuni li jesperjenzaw żvantaġġi permanenti jew temporanji, u għandha tingħata aktar flessibbiltà lir-reġjuni li qed jesperjenzaw problemi ekonomiċi serji, bħar-reġjuni inklużi fl-objettivi ta' Konverġenza u ta' Kompetittività, u lir-reġjuni insulari;

72.  Jiddispjaċih li mill-1991 ġewinvestigati biss għadd limitat ħafna ta' każijiet ta' għajnuna mill-Istat marbuta ma' kompetizzjoni fiskali inġusta, u dan jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess wiesa' għall-informazzjoni sabiex jingħata bidu għal aktar investigazzjonijiet dwar każijiet suspettużi; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-riżorsi limitati disponibbli attwalment lis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni, peress li dan jista' jillimita l-kapaċità tagħhom li jimmaniġġjaw numru ferm akbar ta' każijiet;

73.  Jenfasizza li l-proċedimenti tal-għajnuna mill-Istat waħidhom ma jistgħux ittemm b'mod permanenti l-kompetizzjoni fiskali inġusta li teżisti f'għadd ta' Stati Membri; sena wara r-rivelazzjonijiet ta' "LuxLeaks" għad hemm bżonn ta' riżultati konkreti ulterjuri bħall-bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva, ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-VAT sabiex tiġi evitata l-frodi, l-obbligu għall-kumpaniji internazzjonali kbar li jirrappurtaw il-fatturat u l-profitti tagħhom skont il-kunċett ta' ''pajjiż b'pajjiż'' u li l-Istati Membri jintalbu jistabbilixxu aktar trasparenza fil-prattiki fiskali tagħhom kif ukoll fir-rekwiżiti ta' rappurtar reċiproku;

74.  Huwa tal-fehma li l-prattiki fiskali użati attwalment minn ċerti Stati Membri qed jikkompromettu b'mod serju s-suq intern, li b'mod partikolari l-impriżi multinazzjonalijridu jikkontribwixxu b'mod ġust u xieraq għall-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri, u li tinħtieġ investigazzjoni ulterjuri fil-prattiki u d-deċiżjonijiet fiskali dannużi li jwasslu għall-erożjoni tal-bażi tat-taxxa korporattiva u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa fl-Ewropa; jilqa' l-kumitat il-ġdid TAXE;

75.  Iqis li kompetizzjoni fiskali ġusta hija wieħed mill-elementi kostituttivi tas-suq intern, iżda li, minkejjal l-kompetenza primarja tal-Istati Membri, il-kompetizzjoni fiskali inġusta għandha tiġi evitata, pereżempju permezz ta' bażijiet tat-taxxa armonizzati, skambji ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa, u l-għoti ta' dritt legali espliċitu biex il-movimenti ta' kapital jiġi kkontrollat jekk dan ikun essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema fiskali fl-Unjoni; huwa tal-fehma li l-introduzzjoni ta' bażi komuni tat-taxxa korporattiva (BKTK) se tgħin biex is-sistema tkun aktar trasparenti; jemmen li l-kwistjoni tal-konsolidazzjoni tista' tiġi indirizzata aktar tard, u m'għandhiex tkun ta' ostakolu għall-introduzzjoni rapida ta' BKTK;

76.  Jenfasizza li, fi ħdan is-suq intern, dawk li jkunu għadhom kif daħlu fis-suq u l-SMEs li jkunu qed jagħmlu negozju f'pajjiż wieħed biss qed jiġu ppenalizzati fil-konfront tal-kumpaniji multinazzjonali, li jistgħu jittrasferixxu l-profitti jew jimplimentaw forom oħra ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa permezz ta' varjetà ta' deċiżjonijiet u strumenti, disponibbli għalihom biss; jinnota bi tħassib li, taħt l-istess kundizzjonijiet, l-obbligi fiskali iktar baxxi li jirriżultaw iħallu lill-kumpaniji multinazzjonali qligħ wara t-taxxa ogħla, u joħlqu kundizzjonijiet mhux ekwi għad-detriment tal-kompetituri tagħhom fis-suq intern, li ma għandhomx rikors għal ippjanar aggressiv tat-taxxa u li jħallsu t-taxxi fil-post jew il-postijiet fejn dawn jiġġeneraw il-profitti tagħhom; jenfasizza li l-promozzjoni ta' prattiki fiskali dannużi permezz tal-ħolqien ta' kumpaniji privati Ewropej b'responsabbiltà limitata b'membru uniku, li r-regoli ta' tmexxija tagħhom ikunu jiddikjaraw espliċitament li jista' jkollhom żewġ sedi differenti – jiġifieri, uffiċċju rreġistrat f'post wieħed u kwartieri amministrattivi band' oħra – hija l-approċċ żbaljat għall-UE;

77.  Jenfasizza li l-Kummissjoni għandu jkollha, ovvjament, aċċess għad-data skambjata bejn l-awtoritajiet fiskali li tkun rilevanti fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni;

78.  Jikkunsidra li l-kompetizzjoni ġusta tista' tiġi mxekkla bl-ippjanar tat-taxxa; jistieden lill-Kummissjoni biex taġġusta d-definizzjoni ta' "stabbiliment permanenti" sabiex il-kumpaniji ma jkunux jistgħu jevitaw artifiċjalment li jkollhom preżenza taxxabbli fi Stati Membri li fihom ikollhom l-attività ekonomika. jenfasizza li din id-definizzjoni għandha tindirizza wkoll is-sitwazzjoni speċifika tas-settur diġitali, sabiex jiġi żgurat li l-kumpaniji involuti f'attivitajiet kompletament dematerjalizzati, jiġu kkunsidrati li għandhom stabbiliment permanenti fi Stat Membru jekk dawn iżommu preżenza diġitali sinifikanti fl-ekonomija ta' dak il-pajjiż;

79.  Jenfasizza li meta l-Kummissjoni tkun qed tittratta deċiżjonijiet dwar il-kompetizzjoni, is-suq intern irid jitqies bħala suq wieħed, u mhux bħala għadd ta' swieq lokali jew nazzjonali;

80.  Iqis li, fid-dawl ta' studji li jistmaw il-valur annwali tal-frodi tat-taxxa u tal-evitar tat-taxxa sa EUR triljun (1 000 000 000 000), l-Istati Membri għandhom finalment jindirizzaw u jirrestrinġu din il-prattika; huwa tal-fehma li t-tnaqqis l-frodi tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa huwa fundamentali biex isir progress dwar il-konsolidazzjoni tal-baġits pubbliċi; jilqa' l-adozzjoni riċenti mill-ministri tal-finanzi tal-G20 ta' regoli ġodda mfassla mill-OECD dwar l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt, li se jtejbu t-trasparenza, jagħlqu l-lakuni u jillimitaw l-użu ta' rifuġji fiskali; hu tal-fehma li, minħabba l-livell ta' integrazzjoni tagħha, jeħtieġ li l-UE tmur oltre l-proposti ppreżentati fil-proġett tal-OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (il-BEPS) f'termini ta' koordinament u konverġenza mmirati biex jevitaw kull forma ta' kompetizzjoni fiskali dannuża fi ħdan is-suq intern; jissottolinja, iżda, li l-approċċ tal-OECD għadu msejjes fuq regoli mhux vinkolanti u li l-azzjoni tagħha trid tkun integrata minn qafas leġiżlattiv adegwat fil-livell tal-UE biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet tas-suq uniku, eż. fil-forma ta' direttiva kontra l-BEPS li tmur lil hinn mill-inizjattivi tal-OECD fil-qasam tal-BEPS f'setturi mhux biżżejjed koperti; jitlob valutazzjoni tal-impatt ekonomiku, finanzjarju u marbut mal-kompetizzjoni tal-evitar tat-taxxa u l-frodi fiskali;

81.  Huwa tal-fehma, fid-dawl tal-prattiki fiskali inġusti użati minn xi Stati Membri, li l-politika dwar is-suq intern u l-politika tal-kompetizzjoni għandhom jimxu id f'id, fi sforz biex jiżguraw li l-profitti jiġu distribwiti b'mod ġust u li t-trasferiment tal-profitt lil ċerti Stati Membri, jew saħansitra barra mill-UE, sabiex jitnaqqsu l-obbligi tat-taxxa, isir impossibbli;

82.  Jenfasizza li l-iskambju komprensiv, trasparenti u effikaċi ta' informazzjoni dwar it-taxxa huwa prerekwiżit ewlieni biex jiġi evitat l-ippjanar aggressiv tat-taxxa; jenfasizza, fl-istess ħin, li s-simplifikazzjoni tal-arranġamenti ta' taxxa fil-livell tal-Istati Membri tista' tikkontribwixxi ħafna għat-trawwim tat-trasparenza u ċ-ċarezza;

83.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissarju għall-Kompetizzjoni li tirriforma l-kontroll tal-għajnuna mill-istat fl-ispirtu ta' piż ġust tat-taxxa għal kulħadd; jistenna li, qabel din ir-riorganizzazzjoni, se jkun hemm evalwazzjoni sħiħa u mingħajr kundizzjonijiet, u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli d-dokumenti kollha mitluba lill-Parlament u biex ineħħu l-mentalità attwali ta' ta' ostruzzjoni, li qed twaqqaf il-progress f'dan il-qasam, u f'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li Stati Membri differenti jridu jirrispondu għal imperattivi politiċi differenti abbażi tal-pożizzjoni ġeografika tagħhom, id-daqs tagħhom, il-karatteristiċi fiżiċi u l-karatteristiċi l-oħrajn tagħhom, kif ukoll l-istat ta' żvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom, u l-istat tagħhom ta' żvilupp ekonomiku u soċjali, u jitlob reviżjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa biex jiġu koperti l-każijiet ta' kompetizzjoni inġusta li jmorru lil hinn minn deċiżjonijiet u t-trasferimenti tat-taxxa;

84.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi, fil-futur qarib, linji gwida dettaljati dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa u dwar l-ipprezzar ta' trasferiment; jenfasizza li l-linji gwida ta' dan it-tip f'oqsma ta' politika oħrajn urew li huma effikaċi ħafna biex jeliminaw u jevitaw l-introduzzjoni ta' ċerti prattiki fi Stati Membri li ma jikkonformawx mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat; jinnota li tali linji gwida huma effikaċi biss jekk jiġu stabbiliti disposizzjonijiet preċiżi ħafna, inkluż fil-forma ta' sollijiet kwantitattivi;

85.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet, kontra l-istat jew il-kumpanija involuta, għal każijiet serji ta' għajnuna illegali mill-Istat;

86.  Jistieden lill-Kummissjoni biex temenda mingħajr dewmien ir-regoli attwali sabiex l-ammonti li jiġu irkuprati wara ksur tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa jingħataw lura lil dawk l-Istati Membri li sofrew minn erożjoni fil-bażi tat-taxxa tagħhom, jew lill-baġit tal-UE, u mhux lill-Istat Membru li jkun ta għajnuna illegali mill-Istat fil-qasam tat-tat-taxxa, bħalma hu l-każ bħalissa, peress li din ir-regola qed tipprovdi inċentiv addizzjonali għall-evitar tat-taxxa; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel użu sħiħ mis-setgħat tagħha skont ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni sabiex tindirizza l-prattiki fiskali dannużi;

87.  Jitlob qafas leġiżlattiv tal-UE biex jiġi evitat it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni bl-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa; jirrakkomanda, bl-għan li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi, l-introduzzjoni ta' skambju awtomatiku obbligatorju tad-deċiżjonijiet fiskali, BKKTK u garanzija li ma jitħalla l-ebda profitt joħroġ mill-UE mingħajr ma jkun intaxxat;

Il-kompetizzjoni fl-era tal-globalizzazzjoni

88.  Isostni li l-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali biex ikun hemm applikazzjoni effikaċi tal-prinċipji tad-dritt tal-kompetizzjoni fl-era tal-globalizzazzjoni; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex trawwem kooperazzjoni internazzjonali eqreb fi kwistjonijiet relatati mad-dritt tal-kompetizzjoni; jenfasizza li l-ftehimiet dwar id-dritt tal-kompetizzjoni li jippermettu li l-informazzjoni tiġi skambjata bejn l-awtoritajiet investigattivi tal-kompetizzjoni jistgħu jagħtu kontribut partikolarment effikaċi għall-kooperazzjoni internazzjonali fi kwistjonijiet relatati mal-kompetizzjoni;

89.  Huwa tal-fehma li s-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) u l-ftehimiet internazzjonali ta' kummerċ u ta' investiment l-oħra kollha għandu jkollhom taqsima b'saħħitha dwar il-kompetizzjoni;

90.  Jenfasizza li s-sħab kummerċjali għandhom jibbenefikaw minn kompetizzjoni dejjem tikber fil-qasam kummerċjali, minn investimenti fis-settur privat, inklużi investimenti fil-qafas ta' sħubiji pubbliċi-privati, kif ukoll minn prosperità akbar tal-konsumaturi;

91.  Jenfasizza li l-UE għandha żżid l-isforzi tagħha biex tissorvelja l-implimentazzjoni ta' ftehimiet kummerċjali, biex tivvaluta fost oħrajn jekk ir-regoli tal-kompetizzjoni humiex jiġu rispettati u jekk is-sħab kummerċjali humiex jissodisfaw u jirrispettaw kompletament l-obbligi li impenjaw ruħhom għalihom;

92.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tuża l-politika kummerċjali bħala mezz biex taħdem lejn it-twaqqif ta' regoli għal politika kompetittiva fuq livell globali sabiex jiġu eliminati d-diversi ostakli persistenti għall-kummerċ; iqis li l-għan fit-tul ta' ftehim multilaterali b'rabta mar-regoli dwar il-kompetizzjoni, konkluż fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, jikkostitwixxi l-aqwa soluzzjoni;

93.  Jappoġġa l-inizjattivi tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) u l-OECD, kif ukoll l-isforzi tagħhom biex itejbu l-kooperazzjoni dinjija fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni;

94.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri biex jipparteċipaw b'mod attiv fin-Netwerk Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni;

95.  Jappella għal miżuei biex jiġi żgurat li l-prodotti kollha importati minn pajjiżi terzi jkunu konformi mal-istandards ambjentali, tas-saħħa u soċjali applikati mill-Unjoni u mħarsa fis-suq dinji, sabiex b'hekk il-produtturi industrijali Ewropej jiġu protetti mill-kompetizzjoni żleali;

96.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex jippromwovu l-kompetizzjoni ġusta; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa aktar il-koperazzjoni, b'mod partikulari mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-ekonomiji emerġenti, u biex tiżgura li jiġu stabbiliti salvagwardji adatti;

97.  Jinnota li l-aċċess ugwali għar-riżorsi, inklużi s-sorsi tal-enerġija, huwa ta' importanza vitali biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq dinji; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-enerġija affordabbli u sostenibbli, u tas-sigurtà tal-provvista fil-ftehimiet kummerċjali;

Il-kompetizzjoni fis-setturi varji

98.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippubblika s-sejbiet tal-investigazzjonijiet attwali fil-prattiki kompetittivi fil-provvista tal-ikel, l-enerġija, it-trasport u s-setturi tal-midja;

99.  Jilqa' l-linji gwida l-ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għall-kumpaniji tal-ajru u l-ajruporti fl-UE, li huma parti mill-pakkett Pakkett tal-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-Kummissjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi b'urġenza, fil-ftehimiet internazzjonali, sett simili ta' regoli għal-linji tal-ajru ssussidjati li joperaw minn pajjiżi terzi lejn u mill-UE, sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn it-trasportaturi tal-UE u dawk ta' pajjiżi terzi;

100.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-iskambju ta' prattiki tajba permezz tan-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni bil-ħsieb li jiġi indirizzat it-tħassib imqajjem fir-rigward tal-alleanzi bejn id-distributuri, li ħafna każijiet minnhom diġà qed jiġu investigati mill-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri; jitlob li dawn id-diskussjonijiet jikkunsidraw l-interazzjonijiet bejn il-livell nazzjonali u dak Ewropew;

101.  Iħeġġeġ lin-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni biex jiddiskuti n-netwerk ta' alleanzi ta' xiri bl-imnut li qed jikber fil-livell nazzjonali u tal-UE;

102.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa b'mod progressiv qafas tal-UE dwar il-kompetizzjoni biex fil-monitoraġġ tal-katina tal-provvista tal-ikel fl-Ewropa l-indikaturi tas-sistemi ta' Valutazzjoni tas-Sostenibbiltà tal-Ikel u l-Agrikoltura (SAFA) tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), inklużi l-indikaturi taħt l-intestaturi ta' Ipprezzar Ġust u Kuntratti Trasparenti (S.2.1.1) u D-Dritt tal-Fornituri (S2.2.1);

103.  Jitlob l-istabbiliment ta' osservatorju Ewropew tal-prezzijiet agrikoli u tal-ikel fl-oriġini u fid-destinazzjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-indiċi Spanjol tal-prezzijiet tal-oriġini u tad-destinazzjoni IPOD bħala mudell possibbli għall-monitoraġġ tal-abbużi potenzjali minn bejjiegħa bl-imnut tal-bdiewa u l-konsumaturi;

104.  Jitlob azzjoni vinkolanti fil-katina ta' provvista tal-ikel kontra l-bejjiegħa bl-imnut li jagħmlu ħsara lill-bdiewa u lill-konsumaturi;

105.  Jinsab partikolarment imħasseb dwar is-sitwazzjoni fis-settur tal-ħalib, fejn il-bejjiegħa bl-imnut ilhom jimponu prezzijiet ferm inqas mill-kostijiet wara li ntemmet is-sistema tal-kwoti;

It-tisħiħ demokratiku tal-politika tal-kompetizzjoni

106.  Jilqa' d-djalogu regolari bejn il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni u l-Parlament, iżda huwa tal-fehma li d-dritt ta' konsultazzjoni dwar kwistjonijiet fundamentali ta' prinċipju mhuwiex biżżejjed;

107.  Jinnota li fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Parlament huwa biss involut fil-proċess leġiżlattiv permezz tal-proċedura ta' konsultazzjoni, b'tali mod li huwa jista' jkollu ħafna inqas influwenza fuq il-leġiżlazzjoni meta mqabbel mal-Kummissjoni u l-Kunsill;

108.  Jilqa' d-djalogu fuq bażi regolari li jkollha l-Kummissjoni mal-Parlament dwar kwistjonijiet b'rabta mal-kompetizzjoni; jitlob għal darb' oħra li d-direttivi u l-linji gwida leġiżlattivi bażiċi jiġu adottati fi ħdan il-proċedura ta' kodeċiżjoni; iqis li d-djalogu attwali bejn il-Parlament u l-awtorità tal-kompetizzjoni tal-UE għandu jkomplu jiġi intensifikat, b'mod partikolari, bl-għan li ssir valutazzjoni u tittieħed azzjoni fir-rigward tat-talbiet magħmula mill-Parlament fis-snin preċedenti; jemmen li l-indipendenza tad-DĠ Kompetizzjoni hija tal-akbar importanza biex ikun jista' jikseb b'suċċess l-għanijiet tiegħu. jistieden lill-Kummissjoni biex talloka mil-ġdid riżorsi finanzjarji u umani suffiċjenti lil DĠ Kompetizzjoni; jitlob b'mod partikolari s-separazzjoni stretta bejn id-dipartimenti li jfasslu l-linji gwida u dawk li huma responsabbli biex japplikaw dawk il-linji gwida f'każijiet speċifiċi;

109.  Iqis li għandu jkollu setgħat ta' kodeċiżjoni fil-politika tal-kompetizzjoni; jiddispjaċih li l-Artikoli 103 u 109 TFUE jipprovdu biss għal konsultazzjoni tal-Parlament; jemmen li dan id-defiċit demokratiku ma jistax jiġi ttollerat; jipproponi li dan id-defiċit jiġi ssuperat kemm jista' jkun malajr, permezz ta' arranġamenti interistituzzjonali fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni, u jiġi korrett fit-tibdil li jmiss tat-Trattat;

110.  Jitlob li jingħata setgħat ta' kodeċiżjoni fil-politika tal-kompetizzjoni, speċjalment għal dak li għandu x'jaqsam ma' prinċipji fundamentali u linji gwida vinkolanti, u jiddispjaċih li fl-aħħar emendi tat-Trattat dan il-qasam ta' politika tal-Unjoni ma ġiex imsaħħaħ fid-dimensjoni demokratika tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti għal emenda korrispondenti fit-Trattati sabiex l-kamp ta' applikazzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja jiġi estiż sabiex ikopri wkoll id-dritt tal-kompetizzjoni;

111.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvolvi iżjed lill-Parlament fl-investigazzjonijiet settorjali speċifiċi, filwaqt li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità ta' ċerta informazzjoni ppreżentata mill-partijiet ikkonċernati; jitlob li r-regolamenti tal-Kunsill fil-futur ikunu bbażati fuq l-Artikolu 114 TFUE, li jittratta l-funzjonament tas-suq intern, sabiex ikunu jistgħu jiġu adottati skont il-proċedura ta' kodeċiżjoni, jekk l-emenda mixtieqa tat-Trattat mhijiex mistennija dalwaqt; jenfasizza li l-ħidma fuq id-Direttiva dwar il-Pretensjonijiet għad-Danni tista' tipprovdi mudell għall-kooperazzjoni interistituzzjonali futura fi kwistjonijiet relatati mal-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissarju għall-Kompetizzjoni biex tkompli d-djalogu li nbeda mal-kumitati rilevanti tal-Parlament u mal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Kompetizzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament;

112.  Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni xorta għandha tagħmel u tippubblika fil-pront valutazzjoni orjentata lejn ir-riżultati u speċifika tal-proposti differenti tal-Parlament għall-iżvilupp ulterjuri tal-politika tal-kompetizzjoni;

113.  Jenfasizza li fil-ħidma futura tiegħu, id-DĠ Kompetizzjoni tal-Kummissjoni għandu jieħu kont xieraq tal-pożizzjonijiet adottati mill-Parlament fir-rapporti preċedenti dwar il-politika tal-kompetizzjoni;

114.  Iqis li għandhom jinżammu l-forom kollha ta' djalogu li s'issa ġew ippruvati u ttestjati;

o
o   o

115.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0051.
(2) Testi adottati, P7_TA(2013)0576.
(3) http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2015/563438/IPOL_STU(2015)563438_EN.pdf.
(4) http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.ten-opinions.36372.
(5) http://ec.europa.eu/competition/ecn/food_report_en.pdf.
(6) ĠU C 200, 28.6.2014, p. 1.


Ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE
PDF 311kWORD 126k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE (2015/2139(INI))
P8_TA(2016)0005A8-0373/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 21 u 27(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 165 u 167 tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 17 tiegħu, skont liema artikolu l-Unjoni tirrispetta l-istatus li jgawdu minnu taħt id-dritt nazzjonali l-knejjes u l-assoċjazzjonijiet jew il-komunitajiet reliġjużi kif ukoll l-organizzazzjonijet filosofiċi u mhux konfessjonali u tirrikonoxxi l-identità u l-kontribut speċifiku tagħhom u żżomm djalogu miftuħ, trasparenti u regolari magħhom,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 10, 11 u 22 u l-Preambolu tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 1 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta' Diċembru 2010 bit-titolu "Il-Kultura u l-Iżvilupp",

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti (2000), u b'mod partikolari l-artikoli dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza tajba,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW, 1979),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali (Konvenzjoni UNESCO),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (1948), b'mod partikolari l-Artikolu 16 tagħha, u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u d-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew it-Twemmin,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 67/179 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-20 ta' Diċembru 2012 u r-riżoluzzjoni 22/20 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-22 ta' Marzu 2013,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-abbozz ta' linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin(1) u l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew twemmin, adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fl-24 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1983/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali (2008)(2),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2008 dwar il-promozzjoni tad-diversità kulturali u tad-djalogu interkulturali fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha(3),

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (11855/2012), adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fil-25 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kunsill tal-Ewropa tas-7 ta' Mejju 2008 dwar id-Djalogu Interkulturali bit-titolu: "Living Together As Equals in Dignity" (Ngħixu Flimkien b'Dinjità Ugwali),

–  wara li kkunsidra l-aġenda Ewropea għall-kultura f'dinja li qed tiġi globalizzata (COM(2007)0242), li għandha l-għan li tippromwovi l-għarfien tad-diversità kulturali u l-valuri tal-UE, id-djalogu mas-soċjetà ċivili u l-iskambji tal-aħjar prattiki,

–  wara li kkunsidra r-riżultati u l-azzjonijiet ta' segwitu tal-Azzjoni Preparatorja għall-Kultura fir-Relazzjonijiet Esterni tal-UE, 2014,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali anness mal-mudell tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles(4),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni, adottati fil-laqgħa informali tal-ministri għall-edukazzjoni tal-UE fis-17 ta' Marzu 2015 f'Pariġi (8496/15),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet konġunti finali tat-Triju ta' Presidenzi tal-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ tal-2015 fil-Lussemburgu, li ħadu inkonsiderazzjoni l-konsultazzjoni tad-Djalogu Strutturat li għandha l-għan li ssaħħaħ l-awtonomija taż-żgħażagħ għall-parteċipazzjoni politika tagħhom fil-ħajja demokratika tal-Ewropa u li stiednu lill-Parlament biex jippromwovi edukazzjoni bbażata fuq il-valuri u edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza attiva,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0373/2015),

A.  billi l-UE tirrappreżenta rikkezza immensa ta' diversità kulturali, soċjali, lingwistika u reliġjuża; billi, f'dan il-kuntest, il-valuri konġunti li jgħaqqdu flimkien is-soċjetajiet tagħna, bħal-libertà, il-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, it-tolleranza u s-solidarjetà, huma kruċjali għall-futur tal-Ewropa;

B.  billi d-djalogu interkulturali mhuwiex kunċett legali, u għaldaqstant mhuwiex regolat mid-dritt nazzjonali, tal-UE jew internazzjonali, iżda huwa msejjes fuq oqfsa internazzjonali li għandhom l-għan li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u d-diversità kulturali;

C.  billi d-djalogu interkulturali ġie definit b'mod tentattiv fi studji u konklużjonijiet differenti matul is-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali tal-2008, bħala proċess li jinkludi skambju jew interazzjoni, li huma miftuħa u bbażati fuq ir-rispett, bejn individwi, gruppi u organizzazzjonijiet bi sfondi kulturali jew opinjonijiet dwar id-dinja differenti; billi fost l-għanijiet tiegħu hemm: li jiġi żviluppat fehim aktar profond ta' perspettivi u prattiki differenti; li tiżdied il-parteċipazzjoni u l-libertà u l-kapaċità li jsiru l-għażliet; li titrawwem l-ugwaljanza; u li jitjiebu l-proċessi kreattivi;

D.  billi huwa importanti li jingħataw il-mezzi neċessarji, b'mod speċjali dawk finanzjarji, biex jiġi pprijoritizzat il-finanzjament ta' programmi li huma mfassla biex irawmu d-djalogu interkulturali u d-djalogu bejn iċ-ċittadini bil-għan li jissaħħaħ ir-rispett reċiproku fil-kuntest ta' diversità kulturali qawwija u jiġu indirizzati r-realtajiet kumplessi tas-soċjetajiet tagħna u l-koeżistenza ta' identitajiet kulturali u twemmin differenti, kif ukoll biex jiġi enfasizzat l-kontribut tal-kulturi differenti lis-soċjetajiet u lill-wirt Ewropej, u biex il-kunflitti jiġu ġġestiti b'mod effikaċi;

E.  billi l-kisba ta' dan l-objettiv mhijiex biss kompitu tal-awtoritajiet pubbliċi u ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, iżda hija responsabbiltà kondiviża tas-soċjetà kollha, inkluża firxa wiesgħa ta' partijiet interessati bħall-familja, il-midja, l-edukaturi, in-negozji, u l-mexxejja tal-komunitajiet u tal-fidi; billi, minbarra l-atturi politiċi, huwa importanti li jiġi enfasizzat ir-rwol tal-partijiet interessati l-oħrajn kollha involuti fid-djalogu interkulturali;

F.  billi artikoli speċifiċi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea huma ta' importanza partikolari għad-djalogu interkulturali billi jippromwovu l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni, id-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika, il-libertà tal-espressjoni u tal-moviment, u d-drittijiet taċ-ċittadini għall-parteċipazzjoni ekonomika u politika;

G.  billi djalogu interkulturali ta' sinifikat jeħtieġ li wieħed ikollu għarfien sod tal-kultura tiegħu u ta' ħaddieħor;

H.  billi, fid-dawl tas-Sena Ewropea tal-Iżvilupp 2015, ir-rieżami tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju tan-NU u r-riżultati tas-Summit tan-NU tal-2015 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, ir-rwol tal-kultura huwa strumentali fil-kisba tal-iżvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar fid-dinja; jappella wkoll għal integrazzjoni aktar espliċita tal-kultura fl-aġenda tan-NU dwar għall-iżvilupp sostenibbli għal wara l-2015;

I.  billi l-Ewropa u d-dinja qed jiffaċċjaw bosta sfidi marbuta mal-globalizzazzjoni, il-migrazzjoni, il-kunflitti reliġjużi u interkulturali u l-qawmien tar-radikaliżmu;

J.  billi, fil-kuntest tad-djalogu interkulturali, l-applikazzjoni kemm tad-drittijiet universali tal-bniedem (bħala drittijiet tal-individwu) u kemm tad-drittijiet kulturali (l-għarfien tal-identitajiet kulturali speċifiċi u multipli) hija essenzjali;

K.  billi l-iżvilupp tal-mobilità ta' tagħlim għall-istudenti u għall-għalliema u kwalunkwe forma oħra ta' skambju internazzjonali jista' jwassal għal dinja aħjar, fejn il-persuni jkunu jistgħu jiċċaqilqu b'mod liberu u jgawdu djalogu interkulturali miftuħ;

1.  Isostni li l-approċċ tal-Unjoni Ewropea għandu jieħu kont tal-ħidma eċċellenti li bdiet matul is-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali 2008 u jkompli fuqha, isaħħaħ l-iskambju ta' prattiki tajba u jippromwovi djalogu strutturat ġdid mal-partijiet interessati kollha fi kwistjonijiet interkulturali u interkonfessjonali fid-dawl tal-avvenimenti reċenti u drammatiċi kollha: il-politiċi Ewropej u nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-knejjes, l-assoċjazzjonijiet u l-komunitajiet reliġjużi u l-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali, l-organizzazzjonijiet u l-pjattaformi tas-soċjetà ċivili, il-ħaddiema fis-settur tal-isport, il-kultura u l-edukazzjoni, il-kunsilli nazzjonali u Ewropej taż-żgħażagħ, l-akkademiċi u l-midja;

2.  Iħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha jistabbilixxu definizzjoni aġġornata, ċara, u relatata mal-politika tad-djalogu interkulturali, biex jimplimentaw jew jarmonizzaw il-metodi, il-kriterji u l-indikaturi ta' kwalità bl-għan li jiġi vvalutat l-impatt tal-programmi u l-proġetti dwar id-djalogu interkulturali, u jirriċerkaw il-metodoloġiji tar-riċerka għall-paraguni interkulturali;

3.  Jirrakkomanda li jitħeġġeġ it-trawwim ta' approċċ interkulturali, interkonfessjonali u bbażat fuq il-valuri fil-qasam edukattiv sabiex jiġu indirizzati u promossi r-rispett reċiproku, l-integrità, il-prinċipji etiċi, id-diversità kulturali, l-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali, inkluż permezz ta' programmi ta' skambju u mobilità għal kulħadd;

4.  Jirrakkomanda li tiġi indirizzata wkoll id-diversità kulturali fl-industriji awdjoviżivi u kulturali; iħeġġeġ lil dawn l-industriji jsibu modi kreattivi biex jagħmlu pressjoni favur l-ilħiq ta' ftehim fuq pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali, reġjonali u lokali għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali;

5.  Jappella biex id-djalogu interkonfessjonali jitqies bħala komponent tad-djalogu interkulturali, prerekwiżit għal paċi, u għodda essenzjali għall-ġestjoni tal-kunflitt, b'enfasi fuq id-dinjità tal-individwu u fuq il-ħtieġa li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, b'referenza partikolari għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon u d-dritt għall-ħarsien tal-minoranzi reliġjużi;

6.  Jenfasizza li djalogu interkulturali u interkonfessjonali ġenwin jinkoraġġixxi interazzjonijiet pożittivi u kooperattivi, jippromwovi l-fehim u r-rispett bejn il-kulturi, iżid id-diversità u r-rispett għad-demokrazija, il-libertà u d-drittijiet tal-bniedem kif ukoll it-tolleranza għall-valuri universali u dawk speċifiċi għal ċerti kulturi;

7.  Jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni u l-edukazzjoni f'waqthom tal-komunitajiet issegregati;

8.  Jirrakkomanda li l-UE, bħala attur globali favur il-paċi, tinkludi l-kultura u l-iskambji kulturali u t-tisħiħ tal-edukazzjoni fir-relazzjonijiet esterni tal-UE u fil-politika tal-iżvilupp tagħha, bħala strumenti għat-tisħiħ ta' valuri bażiċi komuni bħall-valuri tar-rispett u l-fehim reċiproku, filwaqt li toffri għodod effikaċi għal approċċ sinifikanti u sostenibbli għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, għall-istabbiliment tal-paċi u għall-prevenzjoni tal-kriżijiet;

9.  Iqis li, skont l-Artikolu 167(4) tat-TFUE, id-djalogu u d-diversità kulturali għandhom ikunu integrati b'mod trasversali fl-oqsma tal-politika kollha tal-UE li għandhom impatt fuq il-valuri u d-drittijiet fundamentali kondiviżi tal-UE, bħall-politika dwar iż-żgħażagħ, il-politika dwar l-edukazzjoni, il-mobilità, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, il-politiki esterni, id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-kummerċ u l-iżvilupp reġjonali;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-ġenerazzjonijiet futuri jiġu mħarrġa u mħejjija biex isolvu l-problemi b'mod awdaċi u jindirizzaw b'mod effikaċi u innovattiv l-isfidi li ċ-ċittadini Ewropej se jħabbtu wiċċhom magħhom fil-futur billi jingħataw aċċess għal edukazzjoni ġenwina dwar iċ-ċittadinanza u billi jiġi żgurat li jkollhom il-motivazzjoni u l-impenn biex jiksbu l-kompetenzi u l-ħiliet bħall-intraprenditorija, it-tmexxija u l-bini ta' kapaċità;

11.  Jirrikonoxxi li d-djalogu interkulturali huwa għodda għall-parteċipazzjoni demokratika inklużiva u l-awtonomizzazzjoni taċ-ċittadini, b'mod partikolari f'rabta mal-ġid komuni u l-ispazji pubbliċi; isostni li, bħala tali, id-djalogu interkulturali jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-titjib tad-demokrazija u l-iżvilupp ta' inklużività u sens ta' appartenenza akbar u aktar profondi;

12.  Jemmen li ż-żieda tal-investiment pubbliku f'edukazzjoni formali, mhux formali u informali li tkun inklużiva, ta' kwalità u aċċessibbli hija l-ewwel pass biex jingħataw aċċess ugwali u opportunitajiet indaqs għal kulħadd; ifakkar fil-ħtieġa li tiġi żgurata d-diversità kulturali u soċjali fil-klassijiet u f'ambjenti ta' tagħlim, inkluż fost l-edukaturi, biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola u biex titrawwem l-edukazzjoni ta' tfal żvantaġġati bl-għan li tiġi promossa l-ekwità u titrawwem il-koeżjoni soċjali fost il-ġenerazzjonijiet futuri;

13.  Jenfasizza li l-edukazzjoni formali, mhux formali u informali u l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja mhux biss jipprovdu għarfien, ħiliet u kompetenzi, iżda għandhom ukoll jgħinu lill-istudenti jiżviluppaw valuri etiċi u ċiviċi u jsiru membri tas-soċjetà, attivi, responsabbli u b'moħħ miftuħ; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li l-edukazzjoni ċivika tibda sa minn età bikrija u jirrikonoxxi l-importanza ta' kooperazzjoni fost il-partijiet interessati kollha fil-qasam tal-edukazzjoni; jirrakkomanda li jiġi żviluppat is-sens ta' inizjattiva u involviment tat-tfal u ż-żgħażagħ sabiex jissaħħu r-rabtiet soċjali kif ukoll jiġi ġġenerat sens ta' appartenenza u jiġu żviluppati kodiċijiet ta' etika sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni;

14.  Jenfasizza r-rwol importanti tat-tagħlim mhux formali u informali u jirrikonoxxi l-benefiċċju tal-bini ta' sinerġiji u sħubijiet bejn il-livelli u l-forom kollha tat-tagħlim, inkluż bejn il-ġenerazzjonijiet; jenfasizza wkoll l-importanza tal-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-isports u ta' volontarjat għall-istimolu tal-iżvilupp tal-kompetenzi ċiviċi, soċjali u interkulturali, u għall-għoti ta' kontribut għall-inklużjoni soċjali ta' gruppi żvantaġġati u vulnerabbli, u taċ-ċittadini b'mod aktar ġenerali, partikolarment it-tfal, permezz tat-tagħlim tal-ispirtu ta' ħidma f'tim u r-rispett għad-diversità, biex b'hekk jiġu miġġielda fenomeni soċjali bħall-vjolenza, ir-radikaliżmu, ir-razziżmu u l-ksenofobija u jinbnew mill-ġdid il-pedamenti għal djalogu kostruttiv u paċifiku fost il-komunitajiet; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-rwol kruċjali tal-programmi tal-UE fl-oqsma tal-kultura, tal-midja, tal-edukazzjoni, taż-żgħażagħ u tal-isport bħala għodod biex jiġu indirizzati l-intolleranza u l-preġudizzji u jitrawwem sens ta' appartenenza komuni u rispett għad-diversità kulturali;

15.  Jenfasizza l-importanza tal-bini ta' rabtiet b'saħħithom bejn il-kultura u l-edukazzjoni sabiex jiġu żviluppati ħiliet u kompetenzi trasferibbli, jiżdiedu l-impjiegi ta' livell għoli u sikuri f'konformità mal-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO u jinkiseb livell ogħla ta' inklużjoni soċjali u ta' ċittadinanza attiva; iqis li dawn huma fost l-għanijiet ewlenin fl-implimentazzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE kif minquxin fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; ifakkar fil-valuri ta' CONNECT, l-uniku programm tal-UE li jippromwovi proġetti kulturali u edukattivi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra linja ġdida ta' azzjoni pilota sabiex teżamina l-fattibbiltà preżenti ta' din l-iskema;

16.  Jappoġġa l-mobilità taż-żgħażagħ u l-għalliema kif ukoll il-forom kollha ta' kooperazzjoni bejn l-iskejjel u l-universitajiet, pereżempju l-pjattaformi edukattivi komuni, il-programmi konġunti ta' studju u l-proġetti konġunti, bħala mezz kif jitrawmu l-fehim u l-apprezzament tad-diversità kulturali u biex iż-żgħażagħ jingħataw kompetenzi u ħiliet soċjali, ċiviċi u interkulturali; huwa tal-fehma, f'dan ir-rigward, li l-esponiment tat-tfal għal kulturi oħra minn età bikrija ħafna tgħinhom jiksbu l-ħiliet għall-ħajja u l-kompetenzi bażiċi meħtieġa għall-iżvilupp personali tagħhom, l-impjegabbiltà futura tagħhom u ċ-ċittadinanza attiva tal-UE; jenfasizza li l-inklużjoni ta' żjarat skolastiċi edukattivi mmirati fl-Istati Membri differenti u l-mobilità transnazzjonali tat-tfal iż-żgħar huma wkoll għodda għall-istabbiliment tal-pedamenti tal-kulturi, l-arti, il-lingwi u l-valuri Ewropej; iħeġġeġ il-mobilità speċjalment għall-għalliema mil-livell tal-iskola primarja u dik sekondarja bl-għan li jaqsmu l-esperjenzi u jiżviluppaw l-għodod tagħhom stess biex jiffaċċjaw u jwieġbu l-isfidi soċjetali li qegħdin jevolvu; jenfasizza r-rwol u l-importanza tal-programm Erasmus+ li jrawwem kuxjenza Ewropea fost iż-żgħażagħ u joħloq sens ta' appartenenza komuni u kultura ta' djalogu interkulturali billi jiffaċilitalhom il-mobilità, kif ukoll iżidilhom l-impjegabbiltà tagħhom; iħeġġeġ b'mod partikolari miżuri ulterjuri biex jiġu ffaċilitati l-aċċess u l-integrazzjoni tal-gruppi żvantaġġati u persuni bi bżonnijiet speċjali fir-rigward tal-azzjonijiet ta' mobilità tal-Erasmus+;

17.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi ta' taħriġ ta' kwalità, li jippromwovu d-diversità u jawtonomizzaw lill-edukaturi, liż-żgħażagħ u lill-ħaddiema tal-komunitajiet, kif ukoll is-servizzi tal-konsulenza fl-iskejjel u f'ambiti mhux formali u informali, kemm għat-tfal kif ukoll għall-ġenituri tagħhom, biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet edukattivi u ta' taħriġ tat-tfal minn sfondi kulturali u soċjali differeni u biex jiġu indirizzati l-forom kollha ta' diskriminazzjoni u razziżmu, inklużi l-bullying u s-cyberbullying; jinnota li r-riżorsi edukattivi għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid biex jitrawwem tagħlim b'perspettivi u lingwi differenti, u li l-esperjenzi u ħiliet multilingwali u interkulturali tal-għalliema għandhom jiġu vvalorizzati u promossi b'mod sistematiku f'dan il-kuntest;

18.  Jissottolinja l-importanza tal-investiment fi programmi ta' tagħlim tul il-ħajja għall-għalliema, sabiex dawn jingħataw il-kompetenzi pedagoġiċi meħtieġa dwar suġġetti bħall-migrazzjoni, l-akkulturazzjoni u l-psikoloġija soċjali, kif ukoll biex ikunu jistgħu jużaw id-diversità bħala sors rikk għat-tagħlim fil-klassijiet;

19.  Jinnota r-rwol essenzjali tal-għalliema fit-tisħiħ – f'kooperazzjoni mal-familji – tar-rabtiet soċjali, fil-ħolqien ta' sens ta' appartenenza u fl-appoġġ liż-żgħażagħ biex dawn jiżviluppaw valuri etiċi u ċiviċi;

20.  Itenni l-ħtieġa li jinħolqu ambjenti ta' tagħlim ibbażati fuq id-drittijiet u li huma sensittivi għall-ġeneru sabiex l-istudenti jitgħallmu u jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tan-nisa u t-tfal, il-valuri fundamentali u l-parteċipazzjoni ċivika, id-drittijiet u r-responsabbiltajiet taċ-ċittadini, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, isiru kunfidenti fir-rigward tal-identità tagħhom, ikunu ċerti li leħinhom jinstema' u jħossuhom apprezzati mill-komunitajiet tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-kuntesti edukattivi jsaħħu l-parteċipazzjoni attiva tal-istudenti fil-governanza tal-istrutturi tat-tagħlim tagħhom;

21.  Jenfasizza r-rwol tat-teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u l-internet bħala għodod għall-promozzjoni tad-djalogu interkulturali; jippromwovi l-użu tal-midja soċjali sabiex jissaħħaħ l-għarfien tal-valuri u l-prinċipji fundamentali komuni tal-Unjoni Ewropea fost iċ-ċittadini, u jissottolinja l-importanza tal-litteriżmu medjatiku fil-livelli kollha tal-edukazzjoni bħala għodda għall-promozzjoni tad-djalogu interkulturali fost iż-żgħażagħ; iħeġġeġ ukoll lis-SEAE u lill-kapijiet kollha tar-rappreżentanzi tal-UE biex jagħmlu l-aħjar użu tal-għodod diġitali ġodda fil-ħidma tagħhom;

22.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jingħata appoġġ sostenibbli u strutturali lill-NGOs, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-istituzzjonijiet ta' taħriġ sabiex dawn jiġġieldu kontra l-estremiżmu permezz tal-koeżjoni u l-inklużjoni soċjali, iċ-ċittadinanza attiva u l-awtonomizzazzjoni u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, b'mod partikoli f'inizjattivi lokali fuq skala żgħira u fil-livell ta' bażi;

23.  Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni li l-NGOs, in-netwerks u l-pjattaformi kulturali, kif ukoll l-istituzzjonijiet imsemmija hawn fuq, jiżvolġu u għandhom ikomplu jiżvolġu fejn l-istrutturi, il-politiki jew il-programmi ta' djalogu interkulturali formali huma inqas żviluppati; iħeġġeġ aktar djalogu bejn l-UE u l-ibliet il-kbar, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, bl-għan li jiġu analizzati b'mod aktar effikaċi (i) il-konnessjoni bejn il-mudelli urbani, fejn jgħixu ċ-ċittadini, u s-suċċess jew il-falliment tas-sistemi skolastiċi, (ii) il-benefiċċju tal-edukazzjoni formali u informali għat-tfal u l-familji kollha, u (iii) il-koordinament tal-istrutturi edukattivi biex jiġi promoss djalogu interkulturali effiċjenti;

24.  Jappella biex tingħata attenzjoni mill-ġdid għall-promozzjoni ta' soċjetà interkulturali u bbażata fuq is-solidarjetà, b'mod speċjali fost iż-żgħażagħ, permezz tal-implimentazzjoni tal-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini", permezz ta' finanzjament xieraq li jippermettilu jilħaq l-objettivi tiegħu li tinbena soċjetà aktar koerenti u inklużiva u titrawwem ċittadinanza attiva li tkun miftuħa għad-dinja, li tirrispetta d-diversità kulturali u li tkun ibbażata fuq il-valuri komuni tal-UE;

25.  Iħeġġeġ attivitajiet artistiċi u sportivi inklużivi, edukattivi u ta' taħriġ, għall-etajiet kollha, kif ukoll il-volontarjat, sabiex jissaħħu l-proċessi ta' soċjalizzazzjoni u l-parteċipazzjoni ta' minoranzi, gruppi żvantaġġati, komunitajiet marġinalizzati, migranti u rifuġjati, fil-ħajja kulturali u soċjali inkluż fit-tmexxija u t-teħid ta' deċiżjonijiet;

26.  Jirrikonoxxi l-importanza kemm tat-tagħlim formali, mhux formali u informali, kif ukoll tal-volontarjat, għall-promozzjoni tal-iżvilupp personali b'enfasi fuq il-ħiliet u l-kompetenzi konjittivi u mhux konjittivi, il-ħsieb kritiku, il-ħila li wieħed jittratta opinjonijiet differenti, il-litteriżmu medjatiku, il-ħiliet u l-kompetenzi interkulturali u antidiskriminatorji u t-tagħlim tal-lingwi, kif ukoll il-kompetenzi soċjali u ċiviċi li jinkludu t-tagħlim dwar il-wirt kulturali bħala għodda biex jiġu indirizzati l-isfidi kontemporanji permezz ta' interpretazzjoni sensittiva;

27.  Jafferma l-ħtieġa li, fit-trattament tal-kwistjoni tad-djalogu interkulturali u l-edukazzjoni, tinżamm perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi u jittieħed kont tal-ħtiġijiet tal-persuni li jbatu minn forom multipli ta' diskriminazzjoni, inklużi l-persuni b'diżabbiltajiet, persuni li jidentifikaw ruħhom bħala LGBTI u persuni li jkunu ġejjin minn komunitajiet marġinalizzati;

28.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jwessgħu l-analiżi tagħhom tal-forom kollha tar-radikalizzazzjoni u jniedu riflessjonijiet ġodda dwar in-natura u l-proċessi tal-estremiżmu politiku u l-vjolenza politika, billi jibdew mill-premessa li r-radikalizzazzjoni hija proċess dinamiku u relazzjonali u konsegwenza imprevista u imprevedibbli ta' serje ta' trasformazzjonijiet; jilqa' għalhekk b'sodisfazzjon id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tas-17 ta' Marzu 2015 dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni bħala sforz li jrawwem id-djalogu attiv bejn il-kulturi, kif ukoll bħala solidarjetà globali u rispett reċiproku, billi tingħata attenzjoni għall-importanza tal-edukazzjoni ċivika, inkluża s-sensibilizzazzjoni tar-rwol uniku tal-għodod kulturali għat-trawwim tar-rispett reċiproku fost l-istudenti;

29.  Ifakkar fil-leġittimità u r-responsabbiltà tal-gvernijiet u l-istituzzjonijiet Ewropej, bl-appoġġ ta' servizzi ta' intelligence u aġenziji tal-infurzar tal-liġi, biex jindirizzaw attivitajiet kriminali; jinnota madankollu li, f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, il-miżuri punittivi jridu dejjem jirrispettaw id-drittijiet fundamentali bħad-dritt għall-protezzjoni tad-data, il-libertà tal-espressjoni, il-preżunzjoni tal-innoċenza u r-rimedju effettiv;

30.  Jemmen li l-UE, hija u tippromwovi l-valuri fundamentali, id-djalogu interkulturali u d-diversità kulturali fil-livell internazzjonali, għandha tikkundanna bil-qawwa kwalunkwe trattament inuman u degradanti u l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem sabiex tippromwovi b'mod konkret ir-rispett sħiħ għad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

31.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-istandards vinkolanti Ewropej u internazzjonali kontra d-diskriminazzjoni fid-dritt nazzjonali;

32.  Jistieden lill-Istati Membri jinvolvu lill-komunitajiet marġinalizzati, lill-migranti, lir-rifuġjati u lill-komunitajiet ospitanti kif ukoll lill-komunitajiet reliġjużi u sekulari fi proċessi ta' inklużjoni li jkunu ta' rispett u ta' awtonomizzazzjoni, filwaqt li jiżguraw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja kulturali u ċivika, b'mod uman, dinjituż u sostenibbli fis-sitwazzjonijiet kollha, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

33.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-azzjoni preparatorja dwar il-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE u r-rwol tagħha fit-tisħiħ tar-rwol tal-kultura bħala fattur strateġiku tal-iżvilupp uman, soċjali u ekonomiku, li b'hekk tikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika esterna, u jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lir-rappreżentanzi tal-UE madwar id-dinja kollha biex jinkludu wkoll il-kultura bħala element integrali tal-politika esterna tal-UE, biex jaħtru uffiċjal għall-kultura f'kull rappreżentanza tal-UE f'pajjiżi terzi sħab u biex joffru lill-persunal tas-SEAE taħriġ dwar id-dimensjoni kulturali tal-politika esterna; jistieden lill-Kummissjoni tintegra d-diplomazija kulturali u d-djalogu interkulturali fl-istrumenti kollha tar-relazzjonijiet esterni tal-UE u fl-aġenda tal-UE għall-iżvilupp; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali oħra, bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji relatati tagħha, b'mod partikolari l-UNESCO, l-UNICEF u l-UNHCR, u jesiġu rappreżentanza tal-UE effikaċi u aktar b'saħħitha fi ħdan il-korpi tagħhom; jappella, barra minn hekk, għal kooperazzjoni mal-istituti kulturali nazzjonali bl-għan li titjieb l-implimentazzjoni tal-istrumenti eżistenti, bħar-raggruppamenti kulturali bbażati fuq in-netwerks tal-Istituti Nazzjonali tal-Unjoni Ewropea għall-Kultura (EUNIC), u t-tfassil ta' għodod ġodda biex jiġu ttrattati l-isfidi komuni f'dinja globalizzata;

34.  Iqis li l-kultura għandha ssir parti essenzjali mid-djalogu politiku mal-pajjiżi terzi, u jfakkar mill-ġdid fil-ħtieġa li l-kultura tiġi integrata b'mod sistematiku fi proġetti u programmi ta' żvilupp; jenfasizza għalhekk il-ħtieġa li jitneħħew l-ostakoli għall-mobilità għall-artisti, l-edukaturi, l-akkademiċi u l-professjonisti tal-kultura, permezz tal-armonizzazzjoni u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri tal-viża sabiex titħeġġeġ il-kooperazzjoni kulturali mal-partijiet kollha tad-dinja;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw strateġiji li jirrikonoxxu d-djalogu interkulturali bħala proċess ta' komunikazzjoni interattiva fi ħdan u bejn il-kulturi, u biex jiżguraw ir-rispett reċiproku u l-opportunitajiet indaqs, jagħtu u jimplimentaw soluzzjonijiet effikaċi ħalli jiġu indirizzati l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali u l-kawżi tal-esklużjoni kif ukoll il-forom kollha tad-diskriminazzjoni, u jiżviluppaw fehim aktar profond ta' perspettivi u prattiki differenti; ifakkar fir-rwol ewlieni li għandha l-midja, inkluża l-midja soċjali, bħala pjattaforma potenzjali għall-propoganda estremista u bħala mezz biex jiġu miġġielda n-narrattivi ksenofobiċi, jingħelbu l-isterjotipi u l-preġudizzji u tiġi promossa t-tolleranza;

36.  Ifakkar li l-wirt kulturali jirrappreżenta d-diversità tal-espressjonijiet kulturali u għalhekk għandu jiġi protett u promoss permezz tal-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni armonizzata u ftehimiet internazzjonali, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-UNESCO;

37.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jipprevjenu l-estremiżmu, bħal pereżempju l-ksenofobija, ir-razziżmu u forom oħra ta' diskriminazzjoni u marġinalizzazzjoni permezz ta' miżuri ta' koeżjoni komunitarja li jistgħu jikkontestaw b'suċċess l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali, billi jinvolvu firxa wiesgħa ta' atturi bħal dawk involuti fl-ippjanar urban, il-ħaddiema soċjali, l-assoċjazzjonijiet komunitarji u reliġjużi, il-knejjes, l-edukaturi, l-organizzazzjonijiet ta' appoġġ għall-familji u l-professjonisti tas-saħħa, bl-objettivi li jiġġieldu kontra l-estremiżmu, jiżguraw l-inklużjoni soċjali kif ukoll l-ugwaljanza formali u sostantiva, jippromwovu d-diversità u jrawmu l-koeżjoni komunitarja;

38.  Jirrakkommanda lill-UE tikkoopera biex it-tagħlim u l-iskejjel isiru aċċessibbli għat-tfal rifuġjati billi tkompli tappoġġa programmi dwar l-aċċess għall-edukazzjoni fi kriżijiet umanitarji u tiżgura l-integrazzjoni tal-istudenti migranti fl-Ewropa;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jesploraw, ifasslu u jimplimentaw metodi interattivi li jiffokaw fuq il-metodi għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u tat-tfal fil-livelli governattivi kollha;

40.  Jissottolinja r-rwol tal-familja fil-preservazzjoni tal-identità kulturali, it-tradizzjonijiet, l-etika u s-sistemi tal-valuri tas-soċjetà, u jenfasizza li l-introduzzjoni tat-tfal għall-kultura, il-valuri u n-normi tas-soċjetà tagħhom tibda fil-familja;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jadottaw djalogu interkulturali bħala objettiv politiku tal-UE sod u impenjat, u b'hekk jiżguraw l-appoġġ tal-UE permezz ta' miżuri ta' politika, inizjattivi u fondi differenti, inkluż id-djalogu interkulturali mal-pajjiżi terzi, speċjalment ma' stati fraġli;

42.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jipprijoritizzaw inizjattivi mmirati lejn l-appoġġ għad-diversità kulturali, id-djalogu interkulturali u l-edukazzjoni, u jisfruttaw bis-sħiħ l-istrumenti finanzjarji, il-programmi u l-inizjattivi tal-UE, bħal Erasmus+, l-Ewropa għaċ-Ċittadini, il-programmi Ewropa Kreattiva u Orizzont 2020, il-politika tal-viċinat tal-UE u strumenti tar-relazzjonijiet esterni, u entitajiet bħall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, għall-promozzjoni u l-appoġġ tad-djalogu interkulturali u d-diversità kulturali fi ħdan l-Ewropa u mal-pajjiżi ġirien u reġjuni oħra tad-dinja;

43.  Jenfasizza l-kontribut rikk li tagħti l-produzzjoni artistika Ewropea għad-diversità kulturali kif ukoll ir-rwol li tiżvolġi biex tifrex il-valuri tal-UE u tħeġġeġ liċ-ċittadini Ewropej jiżviluppaw il-ħsieb kritiku tagħhom;

44.  Ifakkar fir-rwol li jiżvolġi l-Premju LUX biex jippremja l-films Ewropej li jiddeskrivu l-identità Ewropea jew id-diversità kulturali Ewropea;

45.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw l-impatt tal-miżuri meħuda fil-kuntest ta' dan ir-rapport u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport ta' monitoraġġ u ta' rieżami;

46.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P7_TA(2013)0279.
(2) ĠU L 412, 30.12.2006, p. 44.
(3) ĠU C 320, 16.12.2008, p. 10.
(4) ĠU L 127, 14.5.2011, p. 1418.


Rendikont u sfidi tar-Regolament tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji
PDF 471kWORD 168k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2016 dwar analiżi u sfidi tar-Regolament tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji: l-impatt u t-triq 'il quddiem lejn qafas tal-UE aktar effiċjenti u effikaċi għal Regolamentazzjoni Finanzjarja u Unjoni tas-Swieq Kapitali (2015/2106(INI))
P8_TA(2016)0006A8-0360/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni bit-titolu 'Nibnu Unjoni tas-Swieq Kapitali' (COM(2015)0063) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta' Lulju 2015 dwarha(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-25 ta' Frar 2009 tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Superviżjoni Finanzjarja fl-UE, ippresedut minn Jacques de Larosière,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja dwar l-impatt u r-responsabbiltà tas-superviżjoni bankarja ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu 'Riflessjonijiet inizjali dwar l-ostakli għall-iżvilupp ta' swieq kapitali profondi u integrati tal-UE' (SWD(2015)0013),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Unjoni tas-Swieq Kapitali, adottati mill-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji fid-19 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 bit-titolu 'Pjan ta' Investiment għall-Ewropa' (COM(2014)0903),

–  wara li kkunsidra r-rapport informali tal-ECON(2) bit-titolu 'It-tisħiħ tal-Koerenza tal-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji', adottat fil-Kumitat fit-30 ta' Jannar 2014,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Mejju 2014 bit-titolu 'Settur finanzjarju riformat għall-Ewropa' (COM(2014)0279),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu 'Rieżami Ekonomiku tal-Aġenda tar-Regolamentazzjoni Finanzjarja' (SWD(2014)0158),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 dwar ir-Rieżami tas-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF)(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-missjoni u l-organizzazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) (COM(2014)0508),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-operat tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) u s-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF) (COM(2014)0509),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar il-finanzjament fit-tul tal-ekonomija Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Marzu 2014 dwar il-Finanzjament fit-Tul tal-Ekonomija Ewropea (COM(2014)0168),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2015 bit-titolu 'Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE' (COM(2015)0215),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2015 bit-titolu 'Proposta għal Ftehim Interistituzzjonali dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar' (COM(2015)0216),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku dwar it-trattament regolatorju ta' skoperturi sovrani ta' Marzu 2015(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kummissjoni Parlamentari għall-Istandards Bankarji tar-Renju Unit 'Changing banking for good',

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0360/2015),

A.  billi l-kriżi finanzjarja tal-2007-2008 u l-impatt negattiv mifrux tagħha kienu kkawżati, inter alia, minn nuqqas ta' applikazzjoni ta' regolamentazzjoni xierqa u ta' kwalità għolja tas-servizzi finanzjarji għal swieq u prodotti dejjem aktar kumplessi; billi f'dawn l-aħħar snin ġiet varata aġenda ta' riforma ambizzjuża għas-settur finanzjarju tal-UE biex issaħħaħ ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni finanzjarji, terġa' tinġieb l-istabbiltà finanzjarja u biex is-sistema finanzjarja ssir aktar reżiljenti għal xokkijiet u tindirizza aħjar il-ħtiġijiet tal-investituri u l-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-ekonomija reali; billi, filwaqt li l-prospetti għat-tkabbir fl-Ewropa tjiebu, l-irkupru sħiħ għadu ma nkisibx;

B.  billi seħħew, u għadhom qed iseħħu, bidliet profondi fis-setturi finanzjarji kollha, fosthom dawk bankarji, tal-assigurazzjoni, tas-swieq tat-titoli, tal-fondi ta' investiment u tal-infrastruttura tas-suq finanzjarju;

C.  billi t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tar-riforma regolatorja finanzjarja għadhom għaddejjin u għadhom ma tlestewx, b'għadd ta' riformi importanti li għad iridu jitwettqu u b'ħafna atti delegati u ta' implimentazzjoni b'mod partikolari li għad iridu jiġu finalizzati; billi s-sitwazzjoni fis-settur bankarju u f'dak tal-assigurazzjoni u fis-swieq finanzjarji hija kkaratterizzata minn bidliet u innovazzjonijiet kontinwi, u dan ifisser li tinħtieġ evalwazzjoni permanenti tar-regolamenti li jirregolaw dawn is-setturi bl-għan li jiġu żgurati l-proporzjonalità u l-effikaċja u konsegwentement l-adattament kontinwu ta' dawk ir-regolamenti;

D.  billi s-suq kapitali fl-Unjoni għadu fframmentat; billi l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (USK) potenzjalment toffri qafas siewi biex jiġi ssalvagwardjat l-aċċess ugwali għall-finanzjament għall-SMEs fl-UE kollha u biex jiġu promossi ċentri innovattivi għal finanzjament ibbażat fuq is-suq; billi nuqqasijiet speċifiċi ta' kreditu għall-SMEs u l-mikrointrapriżi jirriżultaw ukoll minn instabilità ekonomika u nuqqas ta' soluzzjonijiet immirati għall-ekonomija reali; billi l-kuntest ibbażat fuq is-swieq kapitali fl-Istati Uniti spiss jiġi ċċitat, iżda fundamentalment huwa differenti mill-kuntest tal-UE bbażat fuq l-ibbankjar, u la għandu jiġi kkupjat u lanqas jintuża bħala mudell; billi l-USK hija possibbiltà biex jissaħħu s-swieq kapitali fl-UE bħala komplement għall-finanzjament ibbażat fuq l-ibbankjar; billi fl-Istati Uniti, wara l-kriżi finanzjarja, is-self mill-banek lill-korporazzjonijiet żviluppa b'mod aktar b'saħħtu mill-finanzjament ibbażat fuq is-swieq kapitali;

Analiżi u sfidi għall-qafas attwali

1.  Jinnota li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Settur finanzjarju riformat għall-Ewropa' tipprovdi l-ewwel analiżi tar-riformi fis-settur finanzjarju iżda ma tipprovdix valutazzjoni sħiħa u analiżi kwantitattiva tal-effetti globali u l-interazzjoni tal-miżuri individwali;

2.  Jilqa' l-Pakkett tal-Investiment tal-Kummissjoni, inkluża l-USK; jissottolinja l-ħtieġa għal finanzjament mhux bankarju komplementari ta' kumpaniji u, barra minn hekk, li prinċipju fundamentali għall-bini ta' USK irid ikun li ssir enfasi akbar fuq l-utenti aħħarin tas-swieq kapitali, i.e. il-kumpaniji u l-investituri; jenfasizza li qafas ta' servizzi finanzjarji effiċjenti u effikaċi li jiżgura l-istabbiltà finanzjarja huwa prerekwiżit sabiex jiżdied l-investiment (fit-tul) u biex jitħeġġeġ it-tkabbir f'ekonomija Ewropea kompetittiva; jissottolinja r-rabta bejn l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja; jenfasizza wkoll li politiki ekonomiċi affidabbli, riformi strutturali effikaċi u politiki baġitarji sodi jwittu t-triq għall-potenzjal ta' saħħa u ta' tkabbir tal-ekonomija reali fl-Istati Membri u fl-UE; jirrikonoxxi r-rwol importanti li jista' jkollhom is-swieq kapitali fl-indirizzar tal-ħtiġijiet finanzjarji tal-ekonomiji tal-Istati Membri;

3.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-kriżi finanzjarja u tad-dejn li għaddejja wasslet għal konsegwenzi negattivi mingħajr preċedent, b'mod partikolari għall-ekonomija reali u l-flus tal-kontribwenti; jirrikonoxxi, f'dan il-kuntest, ir-regolamentazzjoni finanzjarja miftiehma bejn l-istituzzjonijiet Ewropej f'dawn l-aħħar ħames snin, li saħħet l-arkitettura finanzjarja tal-Ewropa għal kriżijiet futuri; jilqa' l-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-USK; jilqa' l-inklużjoni tal-Kummissjoni ta' livell effettiv ta' ħarsien tal-konsumaturi u tal-investituri bħala wieħed mill-prinċipji li jsostnu l-USK;

4.  Jirrikonoxxi l-kisbiet tar-regolamentazzjoni finanzjarja b'reazzjoni għar-ramifikazzjonijiet tal-kriżi finanzjarja; jinnota t-tħassib dwar iż-żieda fil-kumplessità, riflessa fl-ammont, id-dettall u l-għadd akbar ta' livelli ta' regolamentazzjoni u superviżjoni b'rekwiżiti fil-livell internazzjonali, Ewropew u nazzjonali; jinnota li regolamentazzjoni kumplessa tirrifletti wkoll swieq finanzjarji kumplessi, inklużi l-istrumenti finanzjarji, l-infrastruttura tas-suq u l-istituzzjonijiet; jissottolinja l-fatt li regolamentazzjoni kumplessa żżejjed u prekundizzjonijiet aktar stretti jistgħu jaffettwaw l-investimenti b'mod negattiv; jemmen li l-kumplessità tar-regolamentazzjoni trid tiġi indirizzata wkoll fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha għall-utenti aħħarin mhux finanzjarji ta' prodotti finanzjarji; jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni regolatorja internazzjonali f'qafas globali b'kooperazzjoni mtejba u responsabbiltà akbar;

5.  Jinnota li USK soda u robusta trid tirrikonoxxi l-interdipendenzi ma' setturi finanzjarji oħra, tesplora sorsi ta' finanzjament addizzjonali bbażati fuq is-suq għall-ekonomija reali u tkun ibbażata l-ewwel u qabel kollox fuq strutturi eżistenti stabbiliti sew; jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ olistiku għar-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji tal-UE fejn l-USK tikkontribwixxi għall-ikkomplementar tal-finanzjament bankarju; jitlob li l-USK tirrifletti l-perspettiva tal-konsumaturi u l-investituri, minbarra l-orjentazzjoni tagħha lejn il-finanzjament ta' kumpaniji; għal dan il-fini, il-Kummissjoni għandha taħdem mill-qrib mal-BERS, l-ASE u l-Awtoritajiet Kompetenti Nazzjonali biex issolvi kwalunkwe nuqqas ta' qbil fl-approċċ li jista' joħloq ir-riskju li jiġu mminati l-objettivi tal-USK; jitlob lill-Kummissjoni tuża prattiki tajbin li jiffunzjonaw sew sabiex tiżviluppa suq kapitali għall-Unjoni kollha;

6.  Iqis li l-leġiżlazzjoni mhux dejjem tkun l-aktar reazzjoni politika xierqa u li approċċi mhux leġiżlattivi u bbażati fuq is-suq għandhom jitqiesu kif jistħoqq;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ integrat fl-USK u tagħti attenzjoni lil aġendi politiċi oħra, bħall-iżvilupp ta' suq uniku diġitali u riformi kontinwi fil-qasam tad-dritt tal-kumpaniji u l-governanza korporattiva; jemmen ukoll li l-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-aħħar żviluppi teknoloġiċi; iqajjem tħassib, f'dan ir-rigward, dwar theddid għaċ-ċibersigurtà u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li din tkun dimensjoni integrata tal-istrateġija tal-UE;

8.  Jemmen li regolamentazzjoni effikaċi u effiċjenti tas-servizzi finanzjarji tal-UE għandha tkun koerenti, konsistenti (anke fuq bażi transsettorjali), proporzjonata, mhux duplikattiva u ħielsa minn kumplessità superfluwa biex jiġu evitati l-inċertezza tad-dritt, l-arbitraġġ regolatorju u spejjeż għolja ta' tranżazzjonijiet; jemmen, barra minn hekk, li għandha tippermetti li l-intermedjarji jaqdu r-rwol tagħhom fl-għoti tal-fondi lill-ekonomija reali, biex b'hekk tiffaċilita l-finanzjament tagħha, taqdi lil min ifaddal u lill-investituri u tindirizza b'mod effettiv ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja u għall-kontribwent, sabiex tevita li jerġgħu jseħħu kriżijiet finanzjarji u taġixxi bħala tarka kontra riskji sistemiċi; iqis li għandha tappoġġa l-approfondiment tas-suq uniku u tiffoka fuq miri tanġibbli li jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell Ewropew, filwaqt li tħalli spazju għal finanzjament innovattiv b'enfasi lokali;

9.  Jesprimi tħassib dwar il-problemi persistenti li jikkonċernaw il-kodiċijiet IBAN, li għadhom ma jitqisux validi biex isiru debiti diretti minn kontijiet bankarji domiċiljati fi Stati Membri għajr dak tal-benefiċjarju;

10.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' analiżi tal-qafas tas-servizzi finanzjarji bl-użu ta' approċċ kemm kwantitattiv kif ukoll kwalitattiv; jinnota li qed isiru eżerċizzji simili f'ġurisdizzjonijiet oħra, b'mod partikolari fl-Istati Uniti; jenfasizza li din l-analiżi għandha tikkontribwixxi għall-bini ta' swieq finanzjarji li jiffunzjonaw aħjar li jaqdu l-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-ekonomija reali, anke billi jiġu indirizzati l-lakuni, id-distakki l-inkonsistenzi, l-inkoerenza u l-isproporzjonalità, m'għandhiex tikkomprometti l-kisbiet leġiżlattivi miksuba s'issa, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu t-talbiet li saru fi klawsoli ta' rieżami kif adottati f'kull att leġiżlattiv speċifiku, u mingħajr ma jiġu antiċipati r-riżultati m'għandhomx jitqiesu bħala eżerċizzju li jwassal għal deregolamentazzjoni;

11.  Jemmen li suq uniku għas-servizzi finanzjarji jgħin lill-impriżi, iżda fl-aħħar mill-aħħar irid ikun ta' benefiċċju għall-konsumaturi u l-investituri; jinsisti li bosta barrieri u ostakli għall-aċċess, il-kummerċjalizzazzjoni u l-investiment transfruntieri jridu jiġu analizzati, indirizzati u megħluba filwaqt li jinżamm l-ogħla livell ta' ħarsien tal-investituri; ifakkar li anqas barrieri għall-flussi ta' kapital jistgħu jitqiesu b'mod sigur li jtejbu l-prospetti fit-tul ta' tkabbir biss jekk l-inċentivi ġenerali għall-kumpaniji jiġu stabbiliti sew; jikkunsidra wkoll l-importanza ta' ekosistema lokali żviluppata sew li tippermetti lil kumpaniji iżgħar jattiraw kapital għat-tkabbir;

12.  Jemmen li l-ħarsien tal-konsumatur ma jfissirx neċessarjament volumi kbar ta' informazzjoni u li l-enfasi għandha pjuttost tkun fuq il-kwalità u l-intelliġibilità tal-informazzjoni li tippermetti teħid xieraq ta' deċiżjonijiet – l-informazzjoni trid tkun rilevanti, eżatta, komparabbli, faċli għall-utent, affidabbli u f'waqtha; huwa preokkupat li l-multipliċità u l-kumplessità ta' informazzjoni għall-konsumatur fl-aħħar mill-aħħar jistgħu ma jaqdux il-bżonnijiet reali tal-konsumatur; isostni l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ biex il-konsumaturi jingħataw l-informazzjoni li jeħtieġu biex jagħmlu għażliet infurmati, u biex jifhmu r-riskji involuti, mingħajr ma jintefa' piż bla bżonn fuq l-impriżi, b'mod speċjali l-SMEs; iħeġġeġ id-diġitalizzazzjoni ulterjuri tal-informazzjoni; jenfasizza li l-konsulenti u l-impjegati finanzjarji li jipprovdu pariri lill-konsumatur f'istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jingħataw it-taħriġ u l-ħin meħtieġ biex ikunu jistgħu jaqdu lill-klijenti b'mod eżatt; jinnota l-importanza ta' setgħat superviżorji effettivi biex wieħed ikun jista' jintervjeni fil-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti meta jkun meħtieġ; jirrimarka dwar il-ħtieġa ta' inizjattiva Ewropea għal aktar edukazzjoni finanzjarja u edukazzjoni finanzjarja aħjar sa mhux aktar tard minn tmiem l-2016, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull Stat Membru, anke biex ikun żgurat għarfien sħiħ tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' investimenti fis-swieq kapitali; jissottolinja wkoll li l-edukazzjoni finanzjarja għandha tkun immirata lejn l-SMEs, u tgħallimhom kif jużaw is-swieq kapitali; jemmen fil-benefiċċju ta' aktar trasparenza sabiex il-kumpaniji, l-investituri u l-konsumaturi jkunu jistgħu jifhmu l-kostijiet u l-benefiċċji komparattivi ta' servizzi differenti pprovduti minn parteċipanti fis-suq, iżda jinnota wkoll li aktar trasparenza trid timxi id f'id ma' valur miżjud għall-klijenti jew is-superviżuri kompetenti u trid tkun immirata lejn l-użu prattiku tal-informazzjoni u d-data;

13.  Jenfasizza l-benefiċċji tad-diversifikazzjoni tal-assi, kemm f'termini ta' klassijiet ta' assi kif ukoll f'termini ta' oriġini tal-assi, li tippermetti diversifikazzjoni aħjar tar-riskji u t-tlaqqigħ aħjar tal-ħtiġijiet tal-investituri; jenfasizza li l-għan tar-regolamentazzjoni prudenzjali mhuwiex li tiffavorixxi ċerti klassijiet ta' assi; jappella għal approċċ ibbażat fuq ir-riskju għar-regolamentazzjoni, bl-istess regoli applikati għall-istess riskji, u li jkun komplementat b'miżuri standardizzati oħra; jemmen li kategorizzazzjoni aktar granulari tal-klassijiet ta' assi hija xierqa, b'mod partikolari bl-istabbiliment ta' kategoriji bħall-infrastruttura; jirrikonoxxi li proġetti infrastrutturali mhumiex inqas riskjużi per se u jappella għal regolamentazzjoni prudenzjali xierqa; jappoġġa aktar riċerka dwar ir-riskji u l-benefiċċji tal-infrastruttura, inkluż l-iżvelar tal-metodoloġija applikata, biex ikunu jistgħu jinsiltu konklużjonijiet ibbażati fuq l-evidenza;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' konsistenza fl-approċċ ibbażat fuq ir-riskju, u b'hekk anke ta' tnaqqis fl-opportunitajiet għal arbitraġġ regolatorju; jenfasizza l-ħtieġa li tinqata' r-rabta bejn is-sovrani u l-banek fil-livell nazzjonali permezz ta' implimentazzjoni nazzjonali sħiħa u konsistenti tad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (BRRD) kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (MUR) u l-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (FUR); jieħu nota tal-kontributi tal-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) dwar l-esponiment tad-dejn sovran tal-banek, li jinkludu konsiderazzjoni bir-reqqa tal-passi li jmiss; jenfasizza li l-politiki għandhom iqisu b'mod espliċitu l-interazzjonijiet bejn ir-riskju individwali u dak endoġenu, b'mod partikolari meta l-istituzzjonijiet finanzjarji jużaw l-istess mudelli tar-riskju standard approvati mir-regolaturi;

15.  Jinnota l-konsegwenzi mhux intenzjonati possibbli ta' rekwiżiti multipli ta' kapital, likwidità u lieva fuq it-trasformazzjoni tal-maturità, l-għoti ta' finanzjament fit-tul u l-ġenerazzjoni tas-swieq u l-likwidità, filwaqt li jfakkar li r-rekwiżiti ġew stabbiliti b'reazzjoni għall-kriżi finanzjarja; huwa mħasseb li l-isproporzjonalità tar-rekwiżiti tista' tipperikola l-mudell kummerċjali ta' banek żgħar u medji u għalhekk ikollhom konsegwenzi mhux intenzjonati għall-istruttura tal-industrija finanzjarja; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni mas-superviżuri, tanalizza dawn il-konsegwenzi għas-settur bankarju u dak tal-assigurazzjoni u komplementarjetajiet possibbli bħala kwistjoni ta' prijorità;

16.  Jesprimi tħassib dwar l-interazzjoni bejn il-leġiżlazzjoni tas-swieq u r-rekwiżiti tal-kapital meta entitajiet ġodda jkunu ġew inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni bħala entitajiet regolati fir-rieżami tad-Direttiva dwar is-Swieq tal-Istrumenti Finanzjarji (MiFID) iżda r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital ma jkunx ġie kkalibrat biex jirrifletti tipi aktar differenti ta' ditti;

17.  Jesprimi tħassib li eżenzjonijiet validi fir-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (EMIR) għall-kumpaniji mhux finanzjarji ġew parzjalment eliminati fid-Direttiva u r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital rigward l-applikazzjoni tal-imposta tal-Aġġustament tal-Valwazzjoni tal-Kreditu (CVA); jistieden lill-Kummissjoni twettaq aħjar ir-rwol tagħha li tiżgura konsistenza fl-approċċ u r-riżultati ta' politika fi proposti leġiżlattivi differenti;

18.  Iqis li d-dispożizzjonijiet speċjalizzati fir-regolamentazzjoni eżistenti għall-kumpaniji mhux finanzjarji għandhom jiġu estiżi u jsiru aktar proporzjonati sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv u ma jitnaqqasx il-kapital disponibbli għall-ekonomija għal investiment futur; jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tirrieżamina l-EMIR, twieġeb għad-diffikultajiet fl-applikazzjoni ta' reġimi kumplessi billi tissemplifika l-proċeduri, iżda tkompli tirrikonoxxi l-għan tal-eżenzjoni sabiex jiġi żgurat li l-kumpaniji mhux finanzjarji ma jiġux mgħobbija b'leġiżlazzjoni mmirata għall-parteċipanti fis-swieq finanzjarji;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tirrieżamina l-EMIR, teżamina l-effett li t-tnaqqis tal-kwalità tal-kollateral aċċettat mill-kontropartijiet ċentrali (CCPs) jista' jkollu fuq ir-reżiljenza tas-CCPs u tqis jekk ċerti parteċipanti fis-swieq bħal fondi tal-pensjoni għandhomx ikunu eżenti b'mod permanenti mill-ikklerjar ċentrali jekk il-parteċipazzjoni tagħhom tnaqqas l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ġenerali minħabba l-aċċettazzjoni ta' kollateral alternattiv mhux fi flus kontanti;

20.  Huwa preokkupat dwar in-nuqqas ta' prodotti ta' investiment u tfaddil kosteffiċjenti u adatt skont ir-riskju (fit-tul) għall-konsumatur li huma disponibbli u attraenti; itenni l-ħtieġa għal diversità fl-għażliet tal-investituri u l-konsumaturi, billi l-fiduċja tal-investituri hija kruċjali għal aktar investiment; jenfasizza li għandu jitħeġġeġ ambjent li jistimola l-innovazzjoni tal-prodotti finanzjarji, li joħloq aktar diversità u benefiċċji għall-ekonomija reali u jipprovdi inċentivi mtejba għal investimenti, u li jista' jikkontribwixxi wkoll għall-għoti ta' pensjonijiet adegwati, sikuri u sostenibbli, bħal, pereżempju, l-iżvilupp ta' Prodott tal-Pensjoni Pan-Ewropew (PEPP), b'disinn sempliċi u trasparenti; jistieden lill-ASE janalizzaw u jirrapportaw, f'konformità mal-mandat tagħhom, dwar tendenzi tal-konsumaturi, b'mod partikolari fir-rigward ta' prodotti għall-konsumatur;

21.  Jilqa' d-diversità tal-mudelli kummerċjali; jitlob li din id-diversità tiġi riflessa fir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni filwaqt li jitqiesu bis-sħiħ in-natura, id-daqs, il-livell ta' riskju u l-kumplessità tal-entitajiet taħt kunsiderazzjoni, sakemm il-prinċipji tal-kompetizzjoni ġusta u s-superviżjoni effettiva jiġu ssodisfati; ifakkar li d-diversità fil-mezzi ta' finanzjament tikkostitwixxi vantaġġ;

22.  Jemmen li USK ta' suċċess għandha tippermetti lill-kumpaniji tal-UE tad-daqsijiet kollha u fi stadji differenti ta' tkabbir ikollhom aċċess għas-swieq kapitali tal-UE b'mod faċli għall-utent, effiċjenti u bi spejjeż baxxi; jemmen li r-regolamentazzjoni m'għandhiex tikkomplika l-elenkar u m'għandhiex twaqqaf lill-kumpaniji mhux elenkati milli jiġu elenkati; jenfasizza l-ħtieġa ta' reġim regolatorju armonizzat fis-suq primarju sabiex jiġi ffaċilitat il-ġbir ta' fondi filwaqt li jiġu żgurati livelli xierqa ta' protezzjoni għall-investituri; jissottolinja l-potenzjal ta' finanzjament innovattiv ibbażat fuq is-suq, b'mod partikolari l-opportunitajiet ta' teknoloġiji finanzjarji, inklużi l-finanzjament kollettiv u s-self bejn il-pari, u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu ssemplifikati r-rekwiżiti regolatorji rispettivi; jitlob lill-Kummissjoni tagħti spazju għall-ħolqien ta' dawn il-mudelli ġodda u tesplorahom u tippromwovihom, filwaqt li tingħata prijorità lid-dimensjoni transfruntiera tagħhom u jiġi żgurat it-tnaqqis ta' ostakli għad-dħul fis-suq; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lil dawk l-Istati Membri b'setturi ta' swieq kapitali li qed jiżviluppaw permezz tas-Servizz ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali tagħha;

23.  Jappella għal tqassim xieraq u lineari tal-kompetenzi bejn il-livell tal-UE u dak nazzjonali, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li s-superviżuri nazzjonali għandhom iktar għarfien dwar il-karatteristiċi tas-suq lokali; jenfasizza li l-effikaċja tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), kundizzjonijiet ekwi u trasparenza għandhom jiġu żgurati u li l-kunflitti ta' interess bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-entitajiet taħt superviżjoni għandhom jiġu evitati; huwa preokkupat dwar l-effett ta' approċċ superviżorju "wieħed tajjeb għal kulħadd" fuq entitajiet li huma iżgħar u primarjament attivi f'livell nazzjonali fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU);

24.  Jinnota l-kisbiet fl-istabbiliment ta' unjoni bankarja u jenfasizza r-rwol kruċjali tagħha fl-indirizzar tal-interdipendenzi bejn ir-riskji sovrani u dawk bankarji u t-tnaqqis tar-riskji sistemiċi permezz ta' azzjoni konġunta; jieħu nota tat-tlestija fi stadji tal-unjoni bankarja; jenfasizza li l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tal-leġiżlazzjoni eżistenti hija meħtieġa; jinnota d-diskussjonijiet dwar Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (SEAD), li dwarha l-Parlament jagħti l-fehma tiegħu bħala koleġiżlatur; jenfasizza l-għan li jiġi evitat il-periklu morali, filwaqt li jiġi żgurat li l-prinċipju tar-responsabbiltà jibqa' prinċipju ta' gwida; jikkritika s-sensibbiltà baxxa għar-riskji fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet lill-FUR; jirrikonoxxi l-isforzi biex jiġi konkluż ir-Regolament dwar ir-Riforma Strutturali tal-Banek;

25.  Jissottolinja l-ħtieġa li tiġi implimentata u infurzata l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni adottata qabel ma tingħata kwlaunkwe kunsiderazzjoni lil reviżjoni sostanzjali ta' din il-leġiżlazzjoni; jenfasizza li t-traspożizzjoni rapida fil-liġi nazzjonali tad-Direttiva 2014/59/UE u l-finanzjament adegwat u l-effikaċja tal-MUR għandhom ikunu ta' importanza kbira, u għalhekk jinsisti li l-implimentazzjoni sħiħa ta' dawn il-miżuri trid tiġi kkompletata fil-qafas leġiżlattiv xieraq; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza fundamentali li jinqatgħu l-konnessjonijiet reċiproċi diretti bejn il-baġits nazzjonali u r-riskji bankarji, li jikkostitwixxu theddida kbira għall-istabbiltà finanzjarja; jinnota li, minħabba n-nuqqas ta' regoli biex jiġu ttrattati l-istati li, minħabba djun kbar, jitilfu l-aċċess għas-swieq finanzjarji, ħafna drabi jittieħdu passi tard wisq, u dan jista' jkollu effett negattiv fuq l-istabbiltà finanzjarja;

26.  Itenni l-ħtieġa għal kundizzjonijiet ekwi fl-UE, anke fir-rigward tal-banek taħt is-superviżjoni tal-MSU u l-banek ta' Stati Membri mhux parteċipanti, u jinkoraġġixxi l-inklużjoni sħiħa tal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro fl-Unjoni Bankarja, filwaqt li jirrikonoxxi li ċerti elementi attwalment iwasslu għal parteċipazzjoni volontarja; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-suq uniku jkompli jiġi żviluppat, filwaqt li tirrikonoxxi l-ispeċifiċitajiet nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tipprova tikseb approċċ sod, f'termini ta' regolamentazzjoni u superviżjoni, għas-sistema bankarja "parallela" bl-għan li jitnaqqsu r-riskji sistemiċi u li tittejjeb it-trasparenza; jilqa' l-passi ewlenin miksuba fir-regolamentazzjoni Ewropea dwar l-assigurazzjoni bl-applikazzjoni ta' Solvenza II, mill-1 ta' Jannar 2016, li għandha tiġi vvalutata u possibbilment żviluppata aktar, filwaqt li jitqies il-qafas internazzjonali għal assiguraturi globali sistemikament importanti;

27.  Jirrikonoxxi d-dipendenza tradizzjonali tal-SMEs fuq il-finanzjament tal-banek minħabba n-natura speċifika, il-profili ta' riskju differenti u l-varjetà tagħhom madwar l-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni mal-ASE, il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali, tivvaluta jekk il-finanzjament tal-SMEs huwiex biżżejjed, tanalizza l-ostakli għal, u l-benefiċċji ta', id-diversifikazzjoni tal-kanali ta' finanzjament u kif wieħed jagħmilha possibbli li l-banek u l-istituzzjonijiet mhux bankarji jżidu l-finanzjament tal-SMEs, biex titwessa' l-għażla tal-kumpaniji bejn metodi differenti ta' finanzjament għal stadji differenti tal-iżvilupp tagħhom; ifakkar fl-importanza ta' għodod bħalma huma l-'Fattur ta' Sostenn lill-SMEs'; jissuġġerixxi li l-inizjattivi biex jitjieb il-finanzjament tal-SMEs għandhom jiġu estiżi għal negozji li għadhom kif jiftħu, mikrointrapriżi u kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja; jenfasizza l-potenzjal ta' ċentri innovattivi u fil-biċċa l-kbira mhux sfruttati għall-finanzjament tal-SMEs, inkluż is-self bejn il-pari, il-finanzjament kollettiv u l-pjazzament privat, u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu ssemplifikati r-rekwiżiti regolatorji rispettivi;

28.  Jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni rapida tal-miżuri diġà adottati li jakkumpanjaw l-objettivi tal-USK; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu attiv tal-kategorija tas-Suq tat-Tkabbir tal-SMEs f'regolamentazzjoni futura dwar is-servizzi finanzjarji;

29.  Jemmen li l-kumpaniji għandu jkollhom aċċess għal għażla xierqa ta' tipi tas-suq fl-UE skont id-daqs, il-kumplessità u l-ambizzjonijiet ta' ġbir ta' fondi tagħhom, u jenfasizza l-ħtieġa għal swieq kapitali Ewropej aktar profondi u aktar integrati li jkunu separati minn, iżda kompatibbli, mas-swieq lokali reġjonali ta' importanza kritika;

30.  Jilqa' r-rieżami li se jsir dalwaqt tad-Direttiva dwar il-Prospetti; jenfasizza li r-rieżami għandu jkun immirat lejn it-tnaqqis tal-ispejjeż u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri għall-SMEs, filwaqt li jintlaħaq bilanċ ġust f'termini tal-protezzjoni tal-investitur;

31.  Jirrikonoxxi l-isforzi li għaddejjin biex jiġi stabbilit suq tat-titolizzazzjoni aktar trasparenti, jiġu żgurati standards għoljin għall-proċess, ċertezza tad-dritt u komparabbiltà fost l-istrumenti ta' titolizzazzjoni kollha; jenfasizza l-bżonn li jiġi stabbilit repożitorju tad-data; jenfasizza li rekwiżiti stretti għal assi ta' kwalità għolja sottostanti u kalibrazzjonijiet skont il-profil tar-riskju reali u l-għarfien tar-riskju tal-parteċipanti kollha fis-swieq tat-titolizzazzjoni huma meħtieġa, filwaqt li jitqiesu l-livell ta' riskju ta' titolizzazzjoni, b'mod partikolari titolizzazzjoni sintetika, kif intwera matul il-kriżi, u filwaqt li jingħarfu d-diversi esperjenzi fl-UE u fl-Istati Uniti; jinsisti li r-rekwiżiti ta' ritenzjoni m'għandhomx jitbaxxew sabiex jiġi evitat il-periklu morali; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi kkunsidrata ċ-ċertifikazzjoni indipendenti tal-konformità ma' kriterji ta' kwalifika; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni bir-reqqa tar-riskji u l-benefiċċji ta' titolizzazzjoni għall-SMEs, l-investituri u l-istabbiltà finanzjarja u l-kummerċjabilità ta' strumenti ta' titolizzazzjoni bħala kwistjoni ta' prijorità, u tirrapporta lill-Parlament;

32.  Jemmen li approċċ immirat lejn standardizzazzjoni akbar tal-prodotti u l-proċeduri jista' jnaqqas il-kumplessità iżda jista' jintensifika wkoll ir-riskji ta' konċentrazzjoni; huwa preokkupat dwar il-periklu li l-parteċipanti tas-suq jistgħu jimxu fl-istess direzzjoni f'każ ta' stress tas-suq, u jappella għal salvagwardji u superviżjoni xierqa fil-livell kompetenti fir-rigward tal-iżvilupp ta' suq tat-titolizzazzjoni ta' kwalità;

33.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu semplifikati l-kontenut u l-frekwenza tar-rekwiżiti ta' rapportar u l-oqsma ta' rapportar, anke billi l-entitajiet jingħataw punt ta' kuntatt wieħed, sabiex tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni ta' rekwiżiti u mezzi ta' rapportar; jistieden lill-Kummissjoni, lill-ASE u lill-MSU biex jeżaminaw liema data hija fil-fatt meħtieġa, biex jallinjaw il-mudelli u biex jipprovdu semplifikazzjonijiet u, għall-SMEs, eżenzjonijiet; jissottolinja l-fatt li d-data tar-rapportar għandha użu għas-superviżuri jekk jistgħu jsiru mistoqsijiet dwarha u tkun konsistenti internazzjonalment; iqis li huwa meħtieġ li jiġi applikat approċċ proporzjonat fl-iżvilupp tas-Sett tad-Data Analitiku tal-Kreditu (AnaCredit); jemmen li l-iskop u l-livell tal-granularità għandhom jiġu vvalutati ulterjorment fir-rigward tal-ispejjeż u l-benefiċċji tagħha;

34.  Jitlob lill-Kummissjoni u lis-superviżuri biex jindirizzaw l-interazzjoni bejn l-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) u r-rekwiżiti prudenzjali, billi aktar koerenza tkun ta' benefiċċju kemm għall-ekonomija kif ukoll għas-superviżur prudenzjali, u biex jirrieżaminaw l-impatt tal-kontabilità fiskali fuq il-fondi proprji; jappoġġa l-isforzi biex tiġi armonizzata d-definizzjoni ta' self improduttiv;

35.  Jitlob għal tnaqqis konsiderevoli fid-distorsjoni tad-dejn imqabbel mal-ekwità sabiex jittejbu r-reżiljenza ekonomika u l-allokazzjoni ta' kapital, u biex tissaħħaħ l-USK, biex b'hekk l-ekwità tkun aktar attraenti għall-emittenti u l-investituri; jissottolinja l-fatt li taxxa fuq it-tranżazzjonijiet taffettwa l-likwidità tas-suq, speċjalment fuq perjodu qasir ta' żmien, filwaqt li tikkontribwixxi wkoll biex tiġi limitata l-ispekulazzjoni eċċessiva;

36.  Jenfasizza li, minbarra r-regolamentazzjoni u s-superviżjoni, l-isforzi lejn bidla kulturali fis-settur finanzjarju għandhom jissaħħu aktar; jistieden lill-atturi kollha fis-settur finanzjarju, inklużi l-banek, l-istituzzjonijiet mhux bankarji, il-banek ċentrali nazzjonali u l-BĊE, biex jaħdmu lejn bidla kulturali u kultura ta' konformità fi ħdan l-organizzazzjonijiet tagħhom li tqiegħed l-interessi tal-konsumaturi l-ewwel, tiżgura sistema ta' responsabbiltà għal maniġers ewlenin responsabbli u orjentazzjoni fuq perjodu itwal ta' żmien tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji, u tikkontribwixxi għad-diversità tas-sorsi ta' finanzjament; jenfasizza l-benefiċċji ta' approċċ ta' sħubija fit-tul għall-finanzjament ta' settur bankarju Ewropew diversifikat bi rwol importanti ta' "relationship banking" għall-konsumaturi u l-intrapriżi mikro, żgħar u medji, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam it-tnaqqis ta' asimmetriji fl-informazzjoni, bis-saħħa wkoll ta' strumenti disponibbli permezz ta' teknoloġiji diġitali ġodda;

37.  Jitlob li jiġu promossi fornituri ta' klassifikazzjoni addizzjonali bil-ħsieb li tiżdied il-kompetizzjoni f'suq konċentrat ħafna; ifakkar li l-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-adegwatezza u l-fattibbiltà ta' appoġġ għal Aġenzija Ewropea tal-Klassifikazzjoni Pubblika għad-dejn sovran u/jew Fondazzjoni Ewropea tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu għall-klassifikazzjonijiet tal-kreditu l-oħra kollha sa tmiem l-2016; jikkritika l-livell għoli tal-ispejjeż imġarrba mill-SMEs meta jiksbu klassifikazzjoni tal-kreditu esterna; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi studjat aktar kif l-SMEs jistgħu jiġu kklassifikati b'mod komparabbli u affordabbli, inkluż l-approċċ ta' bażi ta' klassifikazzjoni interna avvanzata (AIRBA); jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tnaqqas l-asimmetriji fl-informazzjoni;

38.  Jappella għal enfasi akbar fit-tfassil tal-politiki fuq il-kompetittività globali tas-setturi finanzjarji tal-UE, filwaqt li tiġi evitata ġirja lejn l-iktar livell baxx u mingħajr ħsara għall-istabbiltà finanzjarja u l-ħarsien tal-konsumatur; jissottolinja li USK fl-UE kollha trid titqies fil-kuntest tat-titjib tal-kompetittività tal-impriżi Ewropej u l-ekonomija tal-UE; jenfasizza li settur finanzjarju effettiv huwa kundizzjoni meħtieġa għall-allokazzjoni effiċjenti tal-kapital u, għalhekk, għat-tkabbir;

39.  Jissottolinja l-importanza tal-qafas internazzjonali fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni, il-metodoloġiji u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-qafas tal-UE; jistieden lill-Istati Membri, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-ASE biex jissemplifikaw il-pożizzjoni tal-UE, bl-għan li tiżdied l-influwenza tagħha u tiġi promossa l-leġiżlazzjoni li adottat permezz ta' proċess demokratiku; jenfasizza l-ħtieġa li tinkiseb il-konsistenza ta' regolamentazzjoni ġdida, kemm mal-acquis Ewropew kif ukoll mal-gwida internazzjonali, u implimentazzjoni proporzjonata, anke fil-kamp ta' applikazzjoni, biex jiġu evitati diverġenzi u duplikazzjoni mhux meħtieġa fil-leġiżlazzjoni; jemmen li dawn huma prerekwiżiti biex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali tal-promozzjoni tal-istabbiltà globali fit-tul, iż-żamma tal-Ewropa bħala post attraenti għal investituri internazzjonali l-evitar ta' impatti negattivi mhux meħtieġa fuq il-kompetittività tas-setturi finanzjarji tal-UE; ifakkar fil-prinċipju tal-kooperazzjoni sinċiera bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, imsemmija fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; jemmen li l-ASE għandhom ikunu involuti fid-diskussjonijiet dwar il-prinċipji regolatorji globali fi ħdan il-korpi internazzjonali għall-istabbiliment tal-istandards; jenfasizza li d-djalogu regolatorju mal-Istati Uniti għandu jissaħħaħ ulterjorment; itenni, f'dan il-kuntest, li kwistjonijiet regolatorji tas-servizzi finanzjarji għandhom jiġu inklużi f'negozjati internazzjonali meta jkun xieraq;

40.  Jissottolinja li deċiżjonijiet ta' ekwivalenza huma meħtieġa biex jiġu indirizzati ostakli fir-rigward tal-aċċess għas-suq u l-oqfsa regolatorji rispettivi, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li tali deċiżjonijiet unilaterali jridu jkunu ta' benefiċċju għall-impriżi u l-konsumaturi Ewropej, u li l-ekwivalenza ma' ġurisdizzjonijiet oħra għandha l-potenzjal li żżid l-influssi tal-kapital u tattira aktar investiment fl-Ewropa; jissottolinja l-ħtieġa ta' evoluzzjoni lejn sistema konsistenti u koerenti ta' rikonoxximent sensibbli tal-istandards ugwali jew simili ta' xulxin;

41.  Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi pjan konsistenti, koerenti, trasparenti u qafas prattiku għal proċeduri u deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza ta' pajjiżi terzi, b'kont meħud ta' analiżi bbażata fuq ir-riżultati u ta' standards jew ftehimiet internazzjonali; jitlob li d-deċiżjonijiet ta' ekwivalenza kollha jiġu adottati permezz ta' atti delegati; iqis li l-ASE għandu jkollhom rwol xieraq fl-allinjament ta' valutazzjonijiet ta' pajjiżi terzi għal deċiżjonijiet ta' ekwivalenza;

Regolamentazzjoni aħjar tas-servizzi finanzjarji tal-UE

42.  Jemmen li regolamentazzjoni finanzjarja aħjar tinkludi qafas robust u tibda billi l-Istati Membri japplikaw l-acquis attwali; jenfasizza li implimentazzjoni effettiva, effiċjenti u konsistenti tal-leġiżlazzjoni hija kruċjali u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi rapporti regolari lill-Parlament dwar l-istat tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, u fejn applikabbli, il-proċeduri ta' ksur mressqa kontra Stati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinfurzaw il-leġiżlazzjoni b'mod xieraq; iqis li regolamentazzjoni żejda ("gold-plating") ma tiffaċilitax il-funzjonament tas-suq intern u l-kompetizzjoni; iqis li l-attrazzjoni ta' impriżi permezz tal-użu diskrezzjonali ta' standards aktar baxxi lanqas ma tiffaċilita l-funzjonament tas-suq intern; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta analiżi u rapport bir-reqqa tal-miżuri kollha ta' regolamentazzjoni żejda meħuda mill-Istati Membri fil-qasam tal-leġiżlazzjoni finanzjarja u biex tissottomettihom lill-Parlament sa tmiem l-2016;

43.  Jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom biex jirrispettaw l-iskadenzi stipulati għat-traspożizzjoni tad-direttivi billi, minbarra li huma rekwiżiti ġuridiċi, huma fundamentali biex jiġi evitat id-dewmien fl-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni, kif ukoll l-applikazzjoni parzjali jew mhux indaqs tagħha madwar l-Unjoni, li tista' tirriżulta f'nuqqas ta' kundizzjonijiet ekwi għall-atturi differenti involuti u f'tipi oħrajn ta' distorsjonijiet;

44.  Jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni transsettorjali u ta' kwalità aħjar fl-abbozzi u l-proċessi ta' abbozzar tal-Kummissjoni jew tal-ASE, li jinkludu t-twaqqit, il-prijoritizzazzjoni u l-evitar ta' trikkib; jenfasizza li dan għandu jevita kwalunkwe duplikazzjoni tal-att bażiku fl-atti delegati, iżda jevita wkoll li d-deċiżjonijiet politiċi li għandhom jiġu riżolti fi ħdan l-att bażiku qed jitħallew għall-atti delegati;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tippermetti l-involviment bikri tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, anke fil-livell tal-gruppi ta' esperti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura parteċipazzjoni bilanċjata fil-konsultazzjonijiet billi tirrifletti d-diversità tal-partijiet ikkonċernati, u billi tiffaċilita u tipprovdi kundizzjonijiet aħjar għall-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati żgħar li jirrappreżentaw l-impriżi, il-konsumaturi u s-soċjetà ċivili, inkluż il-mod kif il-konsultazzjonijiet jiġu organizzati u kif isiru l-mistoqsijiet;

46.  Jilqa' l-objettivi tal-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar; jirrikonoxxi l-ħtieġa ġenerali li tiġi eżaminata l-idoneità tar-regolamentazzjoni llum u fil-futur; madankollu, din l-idoneità ma tistax tiġi diżaggregata mill-funzjonament tas-settur finanzjarju kollu; jissottolinja r-rwol tar-REFIT biex tinkiseb regolamentazzjoni effiċjenti u effikaċi tas-servizzi finanzjarji u li tqis kif xieraq il-prinċipju tal-proporzjonalità kif ukoll biex jiġi appoġġat l-eżerċizzju ta' rendikont; jitlob li l-Parlament ikollu rwol akbar fid-deċiżjonijiet u fil-valutazzjonijiet intrinsiċi għar-REFIT; ifakkar li l-enfasi għandha tkun fuq it-titjib tar-regolamentazzjoni, mhux fuq id-deregolamentazzjoni; jenfasizza li l-iżgurar tat-trasparenza, is-sempliċità, l-aċċessibilità u l-korrettezza fis-suq intern kollu għandu jkunu parti mill-aġenda dwar ir-regolamentazzjoni aħjar għall-konsumaturi; jenfasizza wkoll li l-UE m'għandhiex toħloq piż ta' konformità mhux mixtieq fl-ispinta biex tikseb armonizzazzjoni akbar taħt il-USK;

47.  Jemmen li l-ASE u l-MSU għandhom rwol kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet ta' regolamentazzjoni u superviżjoni aħjar; jenfasizza r-rwol tal-ASE u l-MSU fl-iżgurar ta' koerenza u konsistenza bejn biċċiet differenti ta' leġiżlazzjoni, fit-tnaqqis tal-inċertezza u l-arbitraġġ regolatorju u fit-tħeġġiġ ta' kooperazzjoni ta' benefiċċju reċiproku bejn il-parteċipanti fis-suq; jenfasizza li l-ASE u l-MSU jridu jiġu ffinanzjati b'mod adegwat u jkollhom persunal biżżejjed biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti mogħtija lilhom mill-koleġiżlaturi;

48.  Jenfasizza li r-reviżjoni tar-regolamenti dwar l-ASE għandha tirrifletti d-dispożizzjonijiet ta' responsabbiltà u trasparenza għal skrutinju msaħħaħ mill-Parlament, kif stabbilit fir-regolamenti dwar l-MSU u l-MUR, u trid issaħħaħ l-indipendenza tal-ASE mill-Kummissjoni; iqis li huwa neċessarju li jiġu esplorati possibilitajiet biex tiġi ffaċilitata parteċipazzjoni akbar tal-ASE f'livell konsultattiv matul il-fażi ta' livell 1 filwaqt li jiġu rispettati l-prerogattivi tal-koleġiżlaturi;

49.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rispettati l-interazzjoni, il-konsistenza u l-koerenza bejn l-atti bażiċi u l-atti delegati u ta' implimentazzjoni; jerġa' jenfasizza li d-deċiżjonijiet politiċi jridu jsiru mill-koleġiżlaturi fi ħdan l-att bażiku, u m'għandhomx jitħallew għall-atti delegati, li huma maħsuba "sabiex jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġislattiv" (l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea); jinsisti li l-Kummissjoni u l-ASE, meta jabbozzaw atti delegati u ta' implimentazzjoni u linji gwida, iżommu mas-setgħat li ġew ikkonferiti lilhom stabbiliti fl-atti bażiċi u jirrispettaw il-ftehim tal-koleġiżlaturi; jiddispjaċih li fil-passat l-awtoritajiet superviżorji, fl-abbozzar ta' atti ta' implimentazzjoni, mhux dejjem żammew mal-mandat stabbilit mil-leġiżlaturi Ewropej; jiddeplora l-fatt li l-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni (atti delegati) u l-ASE (standards tekniċi) mhijiex suffiċjenti u għalhekk tista' taffettwa b'mod negattiv il-kwalità tal-konformità, b'mod partikolari meta r-rekwiżiti dettaljati ma jiġux adottati sa ftit żmien biss qabel l-iskadenza tal-implimentazzjoni tal-att bażiku;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tissepara għalkollox kemm l-atti delegati kif ukoll l-atti ta' implimentazzjoni u tevita "package approaches" sabiex tippermetti l-adozzjoni f'waqtha ta' dawk l-atti;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel kwalunkwe emenda li saret għall-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji (STR) u standards tekniċi ta' implimentazzjoni (STI), imressqa mill-ASE, trasparenti għall-koleġiżlaturi u l-partijiet ikkonċernati;

52.  Jenfasizza li rieżami ġuridiku bikri mill-Kummissjoni la għandu jnaqqas it-trasparenza tal-proċess vis-à-vis l-Parlament u lanqas id-dritt tal-Parlament li jiġi kkonsultat; jitlob li matul il-proċess ta' abbozzar, l-ASE jipprovdu proattivament lill-Parlament, regolarment, b'mod komprensiv u mingħajr dewmien, abbozzi provviżorji u informazzjoni interim dwar il-progress tal-ħidma u jikkonsultaw lill-Parlament dwar dan;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-ASE jirrispettaw b'mod sħiħ l-iskadenzi għas-sottomissjoni stabbiliti mill-koleġiżlaturi u jagħtu minnufih lill-koleġiżlaturi spjegazzjoni meta jkun mistenni li skadenza se tinqabeż;

54.  Ifakkar lill-ASE li l-istandards tekniċi, il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet huma marbuta bil-prinċipju tal-proporzjonalità; jistieden lill-ASE jadottaw approċċ prudenti fir-rigward tal-portata u l-għadd tal-linji gwida, b'mod partikolari meta dawn ma jkunux espliċitament previsti fl-att bażiku; jinnota li approċċ restrittiv bħal dan huwa meħtieġ ukoll minħabba r-riżorsi limitati tal-ASE u l-ħtieġa li jipprijoritizzaw il-kompiti tagħhom, fejn il-limiti prattiċi ta' superviżjoni effettiva m'għandhomx jiġu stabbiliti minn limitazzjonijiet baġitarji, u jitlob li riżorsi adegwati jiġu ggarantiti għall-ASE sabiex ikunu jistgħu jwettqu superviżjoni affidabbli, indipendenti u effettiva fit-twettiq tal-mandat tagħhom;

55.  Jistieden lill-ASE jużaw id-dritt tagħhom li jitolbu informazzjoni dwar kif l-atti bażiċi jiġu applikati mill-Istati Membri u jwettqu evalwazzjonijiet bejn il-pari aktar regolarment dwar l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali bl-għan li tittejjeb il-konverġenza superviżorja fl-Istati Membri kollha;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-ASE jippubblikaw regolarment verżjonijiet konsolidati ta' regolamenti tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji fil-websites tagħhom, inkluż sommarju li jista' jiġi aċċessat u mifhum mill-impriżi, il-konsumaturi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u oħrajn; jemmen li l-ħolqien ta' reġistru komuni li jinkludi referenzi għall-implimentazzjoni nazzjonali jkun għażla li ta' min wieħed jikkunsidraha;

It-triq 'il quddiem

57.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-ASE jwettqu regolarment (tal-inqas darba fis-sena) kontrolli ta' koerenza u konsistenza, anke fuq bażi transsettorjali u fuq kull abbozz ta' att leġiżlattiv, u fuq l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni adottata, inklużi l-STR u l-STI, u jiddedikaw riżorsi għal din l-attività;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-ASE jwettqu regolarment (tal-inqas darba fis-sena) kontrolli ta' proporzjonalità u effikaċja, b'mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti applikabbli għal parteċipanti fis-suq żgħar u medji, u fuq kull abbozz ta' att leġiżlattiv, u jiddedikaw riżorsi għal din l-attività; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika Green Paper li tesplora approċċi ġodda għall-promozzjoni tal-proporzjonalità fir-regolamentazzjoni finanzjarja;

59.  Jenfasizza li l-impatt ta' miżuri leġiżlattivi individwali jvarja mill-impatt kumulattiv tagħhom; jistieden lis-servizzi tal-Kummissjoni biex, b'kooperazzjoni mal-ASE, l-MSU u l-BERS, twettaq valutazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva komprensiva kull ħames snin tal-impatt kumulattiv tar-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji tal-UE fis-swieq finanzjarji u l-parteċipanti tagħha fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri sabiex jidentifikaw nuqqasijiet u lakuni, jivvalutaw il-prestazzjoni, l-effikaċja u l-effiċjenza tar-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji u jiżguraw li ma tkunx qed tostakola l-kompetizzjoni ġusta u l-iżvilupp tal-ekonomija, u jirrapportaw lura lill-Parlament; jenfasizza l-importanza tat-twettiq ta' valutazzjonijiet tal-impatt dettaljati u analiżijiet kostijiet-benefiċċji għal kwalunkwe leġiżlazzjoni tal-futur sabiex jintwera l-valur miżjud tal-leġiżlazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi; jissottolinja li l-valutazzjonijiet tal-impatt u l-analiżijiet kostijiet-benefiċċji għandhom jinkludu evalwazzjonijiet bir-reqqa tal-impatt tal-miżuri tal-Livell-2, li jiffurmaw parti sinifikanti mill-qafas regolatorju finanzjarju tal-UE; ifakkar li l-kwantifikazzjoni tal-impatt ta' miżuri leġiżlattivi tista' tkun diffiċli, b'mod partikolari minħabba li l-benefiċċji tagħhom huma diffiċli biex jitkejlu, iżda l-metodi għall-kwantifikazzjoni għandhom jibqgħu jintużaw;

60.  Jistieden lis-servizzi tal-Kummissjoni jikkompletaw l-ewwel valutazzjoni sal-aħħar tal-2016 u jirrapportaw dwar l-impatt ġenerali u, f'kapitoli separati, filwaqt li joqogħdu wkoll fuq riċerka indipendenti, dwar dan li ġej:

   l-effetti fuq is-setturi finanzjarji differenti, inkluża diżaggregazzjoni differenzjata xierqa tal-parteċipanti fis-suq skont id-daqs, il-kumplessità u l-mudell kummerċjali, u fuq entitajiet mhux finanzjarji,
   distakki u lakuni possibbli, filwaqt li jitqies l-iżvilupp possibbli ta' theddid u riskji ġodda kif ukoll ta' trikkib u konsegwenzi mhux intenzjonati,
   l-effetti ekonomiċi attwali u mistennija, kif ukoll il-kompetittività tas-settur finanzjarju Ewropew fid-dinja,
   il-possibilitajiet ta' benefiċċju għall-ekonomija reali, inklużi l-SMEs, il-konsumaturi u l-impjiegi,
   il-ħtieġa li jittejbu aktar mezzi ta' finanzjament eżistenti u li jiġu estiżi mezzi ta' finanzjament komplementari, inkluż l-effett fuq l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja;
   l-effetti fuq id-domanda u l-provvista ta' finanzjament fit-tul,
   l-effetti fuq l-allokazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-assi u r-riskji, u fuq l-iżvilupp ta' proporzjonijiet tal-kapital ta' Grad 1 tal-ekwità għall-assi totali fl-istituzzjonijiet finanzjarji,
   l-effikaċja u l-adegwatezza tal-qafas għal investituri fil-livell tal-konsumatur, investituri istituzzjonali u konsumaturi u klijenti, inkluż il-qafas dwar it-trasparenza,
   l-effikaċja tat-tneħħija tal-ostakli għas-suq uniku, tal-limitazzjoni tal-arbitraġġ regolatorju u tat-tħeġġiġ tal-kompetizzjoni,
   l-effett globali fuq l-istabbiltà finanzjarja u l-periklu morali, inkluża valutazzjoni tal-kostijiet u r-riskji possibbli tan-nuqqas ta' regolamentazzjoni, filwaqt li titqies l-implimentazzjoni effettiva tar-rakkomandazzjonijiet tal-G20, u l-livell ta' interkonnettività bejn ditti finanzjarji,
   l-impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-kontabilità abbażi tal-valur ġust tal-IFRS meta mqabbla mal-kontabilità prudenzjali,
   l-effikaċja u l-adegwatezza tal-qafas tas-superviżjoni makroprudenzjali fl-UE,
   il-kapaċità tal-ASE li jwettqu l-kompiti li ngħatawlhom skont il-qafas leġiżlattiv attwali u dwar il-passi li jistgħu jinħtieġu biex jitjieb il-qafas, speċjalment il-finanzjament tal-ASE fil-futur qrib,
   l-interdipendenzi ma' standards internazzjonali u l-effetti fuq il-kompetittività globali tal-impriżi Ewropej, filwaqt li jitqies paragun bejn l-UE u ġurisdizzjonijiet ewlenin oħra f'termini ta' regolamentazzjoni eżistenti u sa liema punt tiġi implimentata;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta r-riżultati tagħha lill-Parlament u lill-Kunsill u tissuġġerixxi miżuri meta xieraq;

o
o   o

62.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0268.
(2) http://www.europarl.europa.eu/document/activities/cont/201402/20140210ATT79138/20140210ATT79138EN.pdf
(3) Testi adottati, P7_TA(2014)0202.
(4) Testi adottati, P7_TA(2014)0161.
(5) http://www.esrb.europa.eu/pub/pdf/other/esrbreportregulatorytreatmentsovereignexposures032015.en.pdf?29664e3495a886d806863aac942fcdae.


Fatturi esterni li jirrappreżentaw ostakli għall-intraprenditorija femminili Ewropea
PDF 393kWORD 135k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2016 dwar fatturi esterni li jirrappreżentaw ostakoli għall-intraprenditorija femminili Ewropea (2015/2111(INI))
P8_TA(2016)0007A8-0369/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2 u 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikolu 8 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 16, 21 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa, adottata mir-Riżoluzzjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU 34/180 tat-18 ta' Diċembru 1979,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta' Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta' merkanzija u servizzi(1) u s-sentenza relatata tal-1 ta' Marzu 2011 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawża Test-Achats (C-236/09)(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2008 bl-isem "Implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ Barċellona rigward il-faċilitajiet ta' kura għat-tfal f'età ta' qabel l-iskola" (COM(2008)0638),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Settembru 2010 intitolata "Strateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015" (COM(2010)0491),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 intitolata "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-principju ta' trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE(4),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fost diretturi mhux eżekuttivi ta' kumpaniji elenkati f'borża u miżuri relatati (id-Direttiva dwar in-Nisa fuq Bordijiet (COM(2012)0614)),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' Jannar 2013 intitolata "Pjan ta' Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020: Tkebbis mill-ġdid tal-ispirtu tal-intraprendenza fl-Ewropa" (COM(2012)0795),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tal-Kummissjoni dwar l-objettivi ta' Barċellona tad-29 ta' Mejju 2013 intitolat "L-iżvilupp tas-servizzi ta' akkoljenza tat-tfal żgħar fl-Ewropa għal tkabbir sostenibbli u inklusiv", (COM(2013)0322),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Settembru 2011 dwar l-intraprenditorija tan-nisa fl-impriżi ta' daqs żgħir u medju(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Marzu 2013 dwar l-eliminazzjoni tal-istereotipi tas-sessi fl-UE(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar l-intraprenditorija soċjali u l-innovazzjoni soċjali fil-ġlieda kontra l-qgħad(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta’ Settembru 2015 dwar il-karrieri tan-nisa fix-Xjenza u l-Università u s-soqfa tal-ħġieġ li jiltaqgħu magħhom(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta’ Settembru 2015 dwar il-promozzjoni tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ(9),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Ottubru 2011 bit-titolu 'Inizjattiva għan-Negozju Soċjali – Il-ħolqien ta’ klima favorevoli għall-intrapriżi soċjali, il-partijiet interessati ewlenin fl-ekonomija soċjali u l-innovazzjoni' (COM(2011)0682),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0369/2015),

A.  billi l-intraprenditorija hija kruċjali għall-impjieg, it-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni, l-iżvilupp u t-tnaqqis tal-faqar b'mod ġenerali;

B.  billi l-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea espliċitament tirreferi għal-libertà tal-intrapriża għaċ-ċittadini kollha tal-UE u bħala tali jagħti s-setgħa u jħeġġeġ l-intraprenditorija, inkluża l-intraprenditorija femminili;

C.  billi n-nisa kienu jiffurmaw biss 31 % tal-intraprendituri (10.3 miljun) fl-UE-28 fl-2012(10), u 34.4 % biss ta' dawk li jaħdmu għal rashom fl-UE huma nisa;

D.  billi n-nisa spiss huma biss is-sidien irreġistrati uffiċjalment ta’ kumpaniji, għall-iskop uniku ta’ garanzija ta’ konċessjonijiet finanzjarji u kondizzjonijiet vantaġġjużi minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej, nazzjonali u reġjonali; billi fir-realtà dawn in-nisa jiffunzjonaw bħala “faċċati” peress li filwaqt li huma jġorru r-riskju tan-negozju it-teħid tad-deċiżjonijiet tal-kumpanija fir-realtà huwa f’idejn l-irġiel;

E.  billi r-rata imprenditorjali femminili għadha lura fl-Istati Membri kollha u taħbi potenzjal mhux sfruttat ta' tkabbir u ta' prosperità;

F.  billi l-ostakoli għall-intraprenditorija femminili bħalma hi l-predominanza ta' nisa qiegħda, id-distakk konsistenti fl-attività intraprenditorjali, u s-sottorappreżentanza tan-nisa fl-attivitajiet ta’ ġestjoni, huma minsuġa flimkien u diffiċli biex jiġu ttrattati, u t-tneħħija tagħhom ser tirrikjedi kriterji kumplessi;

G.  billi r-riċerka kwantitattiva dwar l-intraprenditorija femminili hija skarsa imma studji riċenti juru li l-irġiel huma aktar probabbli li jippreferu karrieri imprenditorjali milli huma n-nisa(11);

H.  billi l-intraprenditorija femminili, ladarba tiġi distinta bir-reqqa mit-"taparsi" impjieg indipendenti, hija għajn b’saħħitha ta’ indipendenza ekonomika li toffri lin-nisa l-opportunità ta’ integrazzjoni ulterjuri fis-swieq tax-xogħol; billi l-intraprenditorija femminili toffri lin-nisa l-opportunità li jsaħħu r-rwol tagħhom bħala mexxejja ta' negozju u li jistimolaw bidla kulturali kemm ġewwa kif ukoll barra mill-kumpanija tagħhom; billi dawn in-nisa jistgħu jkunu mudell ta' rwol importanti għall-bniet u n-nisa żgħażagħ li jimxu fuq il-passi tagħhom;

I.  billi n-nisa għandhom potenzjal intraprenditorjali enormi, u l-intraprenditorija femminili tirrigwarda t-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa;

J.  billi d-deċiżjoni li persuna tibda taħdem għal rasha huwa att ta’ awtorealizzazzjoni, iżda wieħed li jitlob livell għoli ta’ impenn; billi l-livell għoli ta’ responsabilità personali jwassal għal sigħat eċċezzjonalment twal ta’ xogħol, b’tali mod li l-impjieg indipendenti m’għandux jitqies sempliċement bħala għajn addizzjonali ta’ dħul; billi l-intraprendituri nisa jistgħu jirrikonċiljaw il-ħajja tal-familja u l-ħajja tax-xogħol biss jekk iċ-ċirkostanzi esterni jkunu jippermettu, jiġifieri jekk ikun hemm disponibbli indukrar tat-tfal xieraq u l-missirijiet iwettqu rwol attiv fl-indukrar u fit-tmexxija tal-unità domestika;

K.  billi d-disponibbiltà, il-kwalità u l-affordabilità tal-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal u faċilitajiet ta’ kura għall-anzjani u l-persuni b’diżabbiltà jibqgħu xprun ewlieni biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-forza tax-xogħol;

L.  billi t-tqassim tar-responsabilitajiet familjari u r-responsabilitajiet ta’ indukrar bejn in-nisa u l-irġiel għandu impatt fuq l-intraprenditorija femminili kif ukoll fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u li jintlaħaq bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata huwa neċessità f’dak li jirrigwarda l-indipendenza ekonomika tan-nisa; billi kwart tal-Istati Membri ma jagħtux liv tal-paternità;

M.  billi l-piżijiet amministrattivi qed ikomplu jkollhom effett negattiv fuq l-ispirtu intraprenditorjali kemm tan-nisa kif ukoll tal-irġiel, u għalhekk huma meħtieġa regolamentazzjoni u leġiżlazzjoni effettivi bil-għan li lin-nisa tingħatalhom is-setgħa ekonomika u tinħoloq ekonomija stabbli bi tkabbir sostenibbli, intelliġenti u inklużiv;

N.  billi n-nisa għandhom it-tendenza li l-livell ta' innovazzjoni tan-negozju tagħhom huma stess jivvalutawh bħala iżjed baxx minn dak tal-irġiel, u huwa biss perċentwal żgħir tal-privattivi maħruġa mill-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) li jingħataw lin-nisa(12);

O.  billi l-għażliet magħmula min-nisa matul l-edukazzjoni tagħhom u s-segregazzjoni orizzontali u vertikali bejn is-sessi fl-impjiegi jfisser li hemm inqas nisa milli rġiel li jkunu jistgħu jibdew negozju fil-qasam tax-xjenza u t-teknoloġiji jew idawru invenzjoni f’oġġett li jkun profittabbli; billi x-xjenza u t-teknoloġija, l-innovazzjoni u l-invenzjoni huma wkoll kunċetti li huma assoċjati fil-parti l-kbira mal-irġiel, fatt li jirrendi lil dawn l-oqsma inqas attraenti għan-nisa u jirriżulta f'li l-innovazzjonijiet u l-invenzjonijiet minn nisa jiġu rikonoxxuti u apprezzati inqas;

P.  billi l-intraprendituri femminili spiss aktar għandhom it-tendenza li jikkonċentraw fuq setturi li huma meqjusa inqas profittabbli, bħalma huma l-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa u x-xogħol fil-komunità, meta mqabbla mas-setturi b'potenzjal ta' tkabbir kbir iddominati mill-irġiel bħalma huma dawk tat-teknoloġija u l-IT, u spiss aktar joperaw f'intrapriżi fuq skala żgħira bi tkabbir u fatturat iżjed baxxi; billi fl-2012 dan irriżulta f'distakk fid-dħul nett medju fl-UE-28 ta' 6 % bejn l-intraprendituri femminili u dawk maskili(13);

Q.  billi t-teknoloġiji ħodor ġodda u l-intraprenditorija ekoloġika jikkostitwixxu settur li joffri potenzjal enormi għall-iżvilupp u l-promozzjoni tal-parità fl-intraprenditorija, kemm f’dak li hu aċċess ugwali għall-finanzjament u kemm f'dak li hu għadd indaqs ta’ parteċipanti nisa u irġiel intraprendituri;

R.  billi l-impjieg indipendenti f’ditti li jikkonsistu f'persunal ta' mara waħda waħedha, l-arranġament li ħafna nisa jsibu ruħhom fih, normalment ma jiġġenerax profitti sostanzjali, b’mod li n-nisa in kwistjoni jinsabu partikolarment f’riskju ta’ faqar matul il-ħajja tax-xogħol tagħhom u meta jsiru ta’età avvanzata;

S.  billi diversi studji(14) jiżvelaw li l-intraprendituri femminili jibdew in-negozji b'livelli iżjed baxxi ta' kapital, fejn jagħżlu selfiet ta' ammonti inqas ta' flus u jużaw il-familja għall-pariri u l-finanzjament aktar milli finanzjament b'dejn jew b'ekwità mill-banek, investituri informali, ekwità privata jew kapital ta' riskju;

T.  billi l-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għandha l-objettiv li tippromwovi opportunitajiet indaqs għan-nisa u l-irġiel, imma l-proporzjon ta' rġiel għal nisa tal-mikroselfiet kien ta' 60:40 fl-2013(15);

U.  billi l-intraprendituri nisa, meta mqabbla mal-irġiel, huma aktar reluttanti li jassumu pożizzjoni ta’ dejn jew li jespandu n-negozju tagħhom, fil-biċċa l-kbira bis-saħħa ta' livelli aktar baxxi ta’ fiduċja fihom infushom fir-rigward tan-negozju tagħhom;

V.  billi d-diffikultà akbar għall-intraprendituri femminili fl-aċċess tagħhom għall-finanzjament tista' parzjalment tkun relatata ma' diffikultà fil-bini ta' storja ta' kreditu suffiċjenti u esperjenza maniġerjali suffiċjenti;

W.  billi l-istereotipi relatati mal-kapaċitajiet tan-nisa u l-irġiel fil-qasam tal-intraprenditorija jistgħu jinfluwenzaw il-ġudizzji tal-partijiet ikkonċernati fir-rigward ta' negozji ġodda; billi l-probabilità għolja li tista' ssir diskriminazzjoni kontrihom meta jkunu qed jippruvaw jaċċessaw il-finanzjament jista' jkollha impatt fuq id-deċiżjonijiet tan-nisa li jibdew kumpanija jew li jagħmlu dan b'self ta' inqas flus;

X.  billi l-involviment ta' persuni minn ambjenti diversi fil-proċessi tal-investiment jista' jgħin biex jiġi pprevenut il-ħsieb bħala grupp jew sterjotipat;

Y.  billi d-Direttiva 2004/113/KE tipprojbixxi d-diskriminazzjoni bejn is-sessi fl-aċċess għall-prodotti u s-servizzi u l-kamp ta' applikazzjoni tagħha jinkludu l-banek u s-servizzi finanzjarji, kif ukoll is-servizzi assoċjati mal-istabbiliment ta' negozji; billi huwa diffiċli li tiġi ppruvata d-diskriminazzjoni indiretta f'dan il-kuntest u l-Istati Membri m'għandhomx data jew informazzjoni preċiża dwar każijiet ta' diskriminazzjoni f'dak li hu aċċess għall-finanzjament;

Z.  billi d-data turi li n-nisa, minkejja t-twemmin li jeżisti li l-investituri femminili huma maniġers tar-riskju aħjar(16), huwa probabbli li jkollhom tendenza akbar ta' averżjoni għar-riskji u nuqqas akbar ta' kunfidenza; billi dan jista' jwassal għal inqas kapaċità li jiġġeneraw kunfidenza minn partijiet esterni u jista' sussegwentement jinfluwenza l-possibbiltajiet tagħhom ta' finanzjament;

AA.  billi l-intraprendituri nisa jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għall-ħolqien ta’ opportunitajiet ġodda ta’ żvilupp kif ukoll għat-tnaqqis tal-esklużjoni soċjali u t-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali; billi l-ostakoli għall-intraprenditorija soċjali jidhru inqas evidenti għan-nisa, u l-parteċipazzjoni ugwali fis-setturi soċjali tikkostitwixxi esperjenza ta’ responsabbilizzazzjoni għan-nisa li tagħmilha aktar faċli għalihom biex jidħlu għall-intraprenditorija f’setturi oħra;

AB.  billi fil-biċċa l-kbira tal-każijiet l-intraprendituri nisa joperaw f’setturi li huma sekondarji mil-lat ta’ rendiment ekonomiku u l-kompetittività fis-suq;

AC.  billi hemm nuqqas ta' riċerka dwar is-sessi u l-aċċess għall-finanzi għall-intraprendituri soċjali filwaqt li b'mod ġenerali jidher li hija kwistjoni iżjed kumplessa biex l-intrapriżi soċjali jiksbu l-finanzjament;

AD.  billi l-edukazzjoni intraprenditorjali, kemm formali kif ukoll informali, hija essenzjali biex aktar nisa u bniet jiġu inkoraġġiti jidħlu f'dan il-qasam;

1.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-valur tal-intraprenditorija femminili għall-ekonomiji tagħhom u l-ostakoli li jeħtieġ li jingħelbu; jistieden lill-Istati Membri u lir-reġjuni jressqu strateġiji konkreti biex jippromwovu kultura ta’ intraprenditorija femminili, filwaqt li jżommu f’moħħhom il-ħidma li qed issir fuq il-bżonnijiet, il-motivi u l-kundizzjonijiet fir-rigward tal-eradikazzjoni tal-isterjotipi skont is-sess, kif ukoll stili ta’ tmexxija u ta’ ġestjoni differenti u modi ġodda ta’ organizzazzjoni u tmexxija ta' kumpaniji;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-integrazzjoni sħiħa tad-dimensjoni tal-ugwaljanza tas-sessi fil-politika futura kollha fil-qasam tal-intraprenditorija;

3.  Jistieden lill-Istati Membri jikkollaboraw b'mod attiv mas-settur privat bil-għan li jiġu enfasizzati dawk il-kumpaniji li qed ifittxu li jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-aħjar prattiki tagħhom;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw programmi biex jgħinu, jappoġġaw u jagħtu pariri lill-intraprendituri nisa biex jibdew kumpaniji li jiġġeneraw il-valur u l-ġid u li huma pijunieri bbażati fuq prinċipji soċjalment responsabbli;

5.  Jistieden lill-Istati Membri jiġbru fil-livell reġjonali data diżaggregata skont il-ġeneru, inkluż dwar oqsma varji tal-intraprenditorija femminili, bil-għan li jirrikonoxxu l-kontribut tal-intraprendituri nisa fil-qasam soċjali, u jirrapportaw regolarment dwar il-għadd tagħhom; jirrakkomanda li d-data tinġabar u tiġi kkonsolidata fil-livell Ewropew bl-appoġġ tal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Eurostat; jirrakkomanda li d-dimensjoni tal-ugwaljanza tas-sessi għandha tiġi integrata fil-metodoloġija ta’ kwalunkwe riċerka mwettqa fuq l-intraprenditorija, l-ekonomija soċjali u l-intrapriżi soċjali, minn espert kwalifikat fil-qasam tal-ugwaljanza tas-sessi, u li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-esperjenzi tan-nisa b’identitajiet emarġinati multipli;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora l-kwistjoni tal-intraprenditorija tan-nisa fl-istrateġija tagħha ta' wara l-2015 dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel;

7.  Jitlob li jkun hemm approċċ olistiku lejn l-intraprenditorija femminili, li jkollu l-għan li jinkoraġġixxi u jappoġġja lin-nisa biex jibnu karriera fl-imprenditorija, filwaqt li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzi u l-opportunitajiet kummerċjali, u jinħoloq ambjent li jippermetti lin-nisa jilħqu l-potenzjal tagħhom u jsiru intraprendituri li jagħmlu suċċess billi jiżgura, inter alia, ir-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u l-ħajja personali, l-aċċess għal faċilitajiet ta' indukrar tat-tfal, u taħriġ imfassal apposta;

8.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jintensifikaw il-ġlieda tagħhom kontra l-istereotipi tas-sessi u jistabbilixxu miżuri mmirati lejn il-ġlieda kontra t-twemmin stereotipiku dwar dwar il-karatteristiċi u l-kapaċitajiet tal-irġiel u tan-nisa li għadhom jippersistu f’setturi ddominati mill-irġiel bħalma huma x-xjenza u t-teknoloġija, l-innovazzjoni u l-invenzjoni; iqis li f’dawn is-setturi, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, l-investituri, is-settur finanzjarju u s-suq jistgħu jħarsu lejn in-nisa bħala inqas kredibbli jew inqas professjonali, u b'riżultat ta' dan il-klijenti, il-fornituri, is-sħab, il-banek u l-investituri xi drabi jħarsu lejn l-intraprendituri nisa b’xettiċiżmu, u dawn tal-aħħar ikun jinħtiġilhom li jkunu ferm iktar persistenti biex jagħtu prova tal-għarfien, il-ħiliet u l-kapaċitajiet tagħhom bil-għan li jiksbu l-finanzjament li jkollhom bżonn;

Bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-valur tal-intraprenditorija għall-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata tan-nisa u tal-irġiel, ineħħu l-ostakli li jxekklu jew anki jimpedixxi l-intraprenditorija tan-nisa, u jadottaw qafas koerenti ta’ miżuri biex jappoġġjaw il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; wara d-deċiżjoni li tiġi rtirata l-proposta biex tiġi emendata d-Direttiva tal-Liv tal-Maternità u bil-għan li jiġi salvagwardjat il-progress fil-politiki tal-ugwaljanza fil-livell tal-UE, jinkoraġġixxi djalogu kostruttiv fost l-istituzzjonijiet biex jaraw kif l-aħjar li jappoġġjaw u jimplimentaw il-politiki dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata kif ukoll distribuzzjoni ugwali tar-responsabilitajiet tal-familja, billi wkoll jiġi enfasizzat ir-rwol tal-irġiel fil-promozzjoni tal-ugwaljanza; itenni li l-liv tal-ġenituri u l-liv tal-paternità jistgħu jkollhom impatt pożittiv fuq il-parteċipazzjoni tal-forza tax-xogħol femminili, u jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkunsidraw li jdaħħlu l-liv tal-paternità, jekk dan għadhom ma għamluhx diġà; jistieden lill-Kummissjoni biex, sal-aħħar tal-2016, tipproponi passi konkreti, inklużi proposti leġiżlattivi, biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol permezz ta’ miżuri biex jittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiftakru kemm hu importanti li jintlaħqu l-miri ta’ Barċellona sabiex il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata ssir realtà għal kulħadd, kif ukoll li jiġu implimentati b'mod xieraq azzjonijiet leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi previsti fil-Pjan Direzzjonali tal-Kummissjoni dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata ppubblikat f’Awwissu 2015, u tal-użu ta’ għodod u inċentivi xierqa, inklużi fondi Ewropej bħalma huma l-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, biex jiġi ggarantit il-provvediment ta’ indukrar ta’ kwalità bi prezz affordabbli għat-tfal u persuni dipendenti oħra, inklużi d-dipendenti anzjani u l-membri tal-familja b’diżabilità; jenfasizza l-importanza ta' ħinijiet tax-xogħol razzjonali u flessibbli bil-għan li l-ġenituri u dawk li jindokraw jikkontribwixxu għal bilanċ sod bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; ifakkar fl-importanza ta’ protezzjoni sħiħa tad-drittijiet soċjali għaċ-ċirkostanzi speċifiċi ta’ dawk li jaħdmu għal rashom, li mingħajrhom l-intraprenditorija innovattiva u inklużiva ma tkunx possibbli;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinbidel il-mod kif tradizzjonalment ġew assenjati r-rwoli tas-sessi fis-soċjetà, fil-post tax-xogħol u fil-familja, billi l-irġiel jiġu inkoraġġiti jiġu involuti aktar fix-xogħol tad-dar u fl-indukrar tal-qraba dipendenti, permezz ta’, pereżempju, il-liv tal-paternità obbligatorju, il-liv tal-ġenituri mhux trasferibbli u politiki pubbliċi li jippermettu r-rikonċiljazzjoni effettiva bejn ir-responsabilitajiet relatati mal-familja u dawk relatati mal-ħajja tax-xogħol, b’mod partikolari għan-nisa u speċjalment fis-setturi li huma mobbli u kompetittiva ħafna, fejn ħinijiet tax-xogħol twal u flessibbli huma n-norma, kif ukoll it-tagħlim tul il-ħajja sabiex il-persuna tibqa' aġġornata dwar l-aħħar żviluppi teknoloġiċi u opportunitajiet tas-suq;

Informazzjoni u netwerks

12.  Jenfasizza l-importanza li wieħed iħares lil hinn mill-fażi tal-bidu ta' negozju biex jgħin lil dawk in-nisa li jkunu għażlu t-triq tal-intraprenditorija ħalli jikkonsolidaw u jespandu n-negozju tagħhom, kif ukoll l-importanza tan-netwerking u l-iskambju tal-aqwa prattiki, mentorship, mudelli ta’ eżempju femminili u appoġġ bejn il-pari għal dawn in-nisa, inkluż bil-ħsieb li jimxu lejn setturi aktar innovattivi, sostenibbli u li jagħmlu qligħ filwaqt li ma jiġux imdgħajfa l-kundizzjonijiet għal benesseri ġenerali b’saħħtu;

13.  Jenfasizza l-potenzjal enormi tal-innovaturi u l-intraprendituri nisa u r-rwol importanti li dawn jistgħu jwettqu fit-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvestu fil-potenzjal diġitali tan-nisa u l-bniet, u jappoġġjaw u jippromwovu bis-sħiħ kultura intraprenditorjali diġitali għan-nisa u l-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-soċjetà tal-informazzjoni;

14.  Jenfasizza l-importanza kbira li għandhom l-ispazji pubbliċi f'li jigħinu biex jiġu żviluppati proġetti (billi jagħtu viżibbiltà u jaġixxu bħala inkubaturi għall-kumpaniji) u jipprovdu appoġġ finanzjarju u fiskali, informazzjoni rilevanti u aġġornata, u pariri dwar kif dak li jkun jibda negozju, b’mod partikolari għall-intraprendituri nisa ġodda; jenfasizza, bl-istess mod, l-importanza ta’ fondi għall-konsolidazzjoni tan-negozju, preżenza akbar fil-forums soċjali, politiki ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u r-rikonoxximent mill-awtoritajiet tal-importanza ta’ dan il-grupp – kemm l-intraprendituri ġodda u kemm l-intraprendituri li ilhom stabbiliti – għas-soċjetà;

15.  Jilqa' l-ħolqien tad-diversi netwerks Ewropej għall-intraprendituri femminili; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkomunika b'mod iżjed attiv dwar il-kisbiet tal-intraprendituri femminili u tirrikonoxxihom b'mod espliċitu bħala mudelli potenzjali ta' rwol, permezz tal-Premjijiet għall-Promozzjoni tal-Intrapriżi u l-Kompetizzjoni tal-Innovazzjoni Soċjali Ewropea;

16.  Iqis li n-netwerks Ewropej tan-nisa intraprendituri għandhom joħolqu netwerk Ewropew u nazzjonali biex jiffaċilitaw u jassistu lin-nisa biex ifittxu finanzjament u servizzi ta’ pariri għall-faċilità ta’ aċċess;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tenfasizza l-użu tal-forums fil-Pjattaforma Elettronika Ewropea għall-Intraprenditorija tan-Nisa li se ssir dalwaqt u tinkludi pjan pass, pass għall-aċċess għall-possibbiltajiet tal-finanzjament Ewropej, filwaqt li tagħmel ukoll il-Pjattaforma Elettronika attraenti għall-investituri potenzjali u għas-servizzi tal-gvern tal-Istati Membri, f'attentat biex titnaqqas il-burokrazija għall-intraprendituri femminili billi jiġu ċċarati l-proċeduri amministrattivi, u b'hekk tinħoloq Pjattaforma Elettronika li tista' ssir referenza futura fis-settur;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi, mingħajr ebda impatt fuq il-baġit tal-Kummissjoni u fil-qafas tal-istruttura eżistenti, Ċentru Ewropew tan-Negozju għan-nisa, b’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u kumpaniji mis-settur privat, li jkun jiffunzjona bħala punt fokali biex jiġu promossi l-inizjattivi tal-Kummissjoni għall-intraprendituri nisa, billi jipprovdi ġestjoni u assistenza teknika, joħloq u jsaħħaħ in-netwerks eżistenti, u jimmonitorja u jintegra d-dimensjoni tal-ugwaljanza tas-sessi fl-inizjattivi tan-negozju u l-programmi ffinanzjati mill-baġit tal-UE;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess tan-nisa intraprendituri għan-netwerks tekniċi, xjentifiċi u kummerċjali l-aktar rilevanti, peress li aċċess bħal dan huwa essenzjali biex jiżviluppaw kunċetti ta’ negozji, jiltaqgħu ma' konsumaturi, fornituri potenzjali u sħab potenzjali, jifhmu s-suq bix-xejriet, l-opportunitajiet u l-punti dgħajfin tiegħu, u jiksbu informazzjoni strateġika, kooperazzjoni u appoġġ;

Aċċess għall-finanzjament

20.  Jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-awtoritajiet tagħhom u lill-korpi tal-ugwaljanza tagħhom (fejn dawn jeżistu) biex jikkollaboraw mas-settur finanzjarju rigward l-obbligu tagħhom li jiżguraw l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għall-kapital għall-ħaddiema freelance u l-SMEs; jistedinhom jesploraw il-possibilitajiet li jintroduċu l-ugwaljanza bejn is-sessi fl-istrutturi tagħhom ta’ rappurtar dwar l-attribuzzjoni ta’ selfiet, fit-tfassil tal-profili ta’ riskju tagħhom, il-mandati ta’ investiment u l-istrutturi tal-persunal, u fil-prodotti finanzjarji u r-reklamar tagħhom;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jfasslu mapep ta’ għajnuna li jispjegaw miżuri biex jingħata appoġġ lill-intraprenditorija fost in-nisa u lill-kompetittività u l-intraprenditorija fin-negozju, li jkun ivarja mit-trawwim ta’ kultura intraprenditorjali għall-adozzjoni ta’ teknoloġiji ġodda jew finanzjament għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni (RŻI);

22.  Jistieden lill-Kummissjoni sabiex b’mod diliġenti timmonitorja l-implimentazzjoni tal-integrazzjoni tad-dimensjoni tal-ugwaljanza tas-sessi fl-allokazzjoni tal-fondi tal-UE b’rabta mal-intraprenditorija; jissuġġerixxi lill-Kummissjoni l-introduzzjoni ta’ kwoti skont is-sessi fil-forom kollha ta’ appoġġ immirat ipprovdut lill-gruppi sottorappreżentati u żvantaġġjati, sabiex jiġi żgurat il-progress lejn il-kisba ta’ parità fl-intraprenditorija;

23.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-viżibilità tal-finanzjament għall-attività intraprenditorjali billi jfasslu mapep ta’ għajnuna għall-mikrofinanzjament, fost miżuri oħra, taħt il-Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress, u jistedinhom iħarsu lejn il-possibilitajiet ta’ kollaborazzjoni mas-settur privat għal investiment f’setturi "femminili", bħalma huma garanziji ta’ self tal-gvern;

24.   Jenfasizza l-importanza tal-użu tal-flussi finanzjarji kollha possibbli, u b’mod speċjali l-Fondi Strutturali, fi ħdan il-perjodu ta’ programmazzjoni li jmiss 2014-2020;

25.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jippromwovu miżuri u azzjonijiet ta’ assistenza u pariri għal dawk in-nisa li jiddeċiedu li jsiru intraprendituri, biex jinkoraġġixxu l-intraprenditorija kummerċjali min-naħa tan-nisa billi jiffaċilitaw u jissimplifikaw l-aċċess għall-finanzjament u appoġġ ieħor, u biex ineħħu l-ostakli burokratiċi u ostakoli oħra għall-bidu ta’ negozji tan-nisa;

26.   Jistieden lill-Kummissjoni tesplora u tiżviluppa proposti għal modi kif in-nisa jistgħu jiġu mħajra jinteressaw ruħhom fil-bidu ta' negozji ġodda; Jenfasizza li n-nisa bl-ispirtu kummerċjali neċessarju għandhom isiru konxji tal-programmi ta’ appoġġ u l-opportunitajiet ta’ finanzjament;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibdew jakkumulaw data diżaggregata skont is-sess dwar l-aċċess tal-intraprendituri għall-finanzjament, b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi, u jkomplu jesploraw jekk hemmx xi evidenza konkreta ta' diskriminazzjoni diretta jew indiretta kontra n-nisa f'dan il-kuntest u, jekk ikun hemm, kif għandhom jiġu indirizzati l-fatturi esterni li jinfluwenzaw il-valutazzjonijiet tal-investituri tal-vijabbiltà ta' bidu ta' negozji mmexxija min-nisa;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-isfidi speċifiċi li jiffaċċjaw l-intraprendituri nisa fir-rieżami u aġġornament li jmiss tagħha tas-"Small Business Act" (Att dwar in-Negozji ż-Żgħar) (SBA), kif ukoll fir-rapporti annwali tal-SBA; jemmen li dawn l-isfidi għandhom jitqiesu fil-programmi kollha tal-SBA, u li għandu jiġi stabbilit Pjan ta’ Azzjoni addizzjonali biex jingħelbu l-ostakli li jħabbtu wiċċhom magħhom l-intraprendituri nisa;

29.  Jilqa' r-rieżami tal-Kummissjoni tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2004/113/KE u t-traspożizzjoni tagħha fil-liġijiet nazzjonali mill-Istati Membri, imma jiddispjaċih għan-nuqqas ta' attenzjoni kkonċentrata fuq l-identifikazzjoni tad-diskriminazzjoni indiretta; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tirrieżamina d-Direttiva billi tqis miżuri iżjed effettivi biex tittratta b'mod determinat dan it-tip potenzjali ta' diskriminazzjoni;

30.  Iqis li għandu jiġi pprovdut aċċess aktar faċli għall-finanzjament għall-intraprendituri nisa f’setturi innovattivi u sostenibbli fejn l-irġiel jinsabu fil-maġġoranza, b’referenza partikolari għall-ICT, il-kostruzzjoni u t-trasport; jitlob f’dan ir-rigward għal aktar monitoraġġ biex jiġi evitat il-fenomenu fejn in-nisa jiġu użati mill-irġiel bħala “faċċata” biex jiżguraw il-finanzjament fuq termini iktar faċli;

Edukazzjoni u taħriġ intraprenditorjali

31.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippromwovu kultura imprenditorjali fi ħdan l-edukazzjoni u t-taħriġ; jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni fil-livelli kollha, kemm formali kif ukoll informali u inkluż it-tagħlim tul il-ħajja, biex tingħata spinta lill-intraprenditorija u l-iżvilupp ta’ negozji ġodda, inkluż l-ICT, u speċjalment fl-oqsma li l-aktar jiġu studjati mill-bniet, bħalma huma l-kura tas-saħħa u servizzi oħra; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu inċentivi li jiżguraw rappreżentanza aktar bilanċjata tan-nisa u l-irġiel fis-settur tan-negozju u jagħtu spinta lil din ir-rappreżentazzjoni billi lin-nisa jagħmluhom aktar konxji tal-vantaġġi tat-taħriġ fin-negozju;

32.  Jistieden lill-iskejjel u lill-universitajiet jinkoraġġixxu lill-bniet u lin-nisa jieħdu suġġetti li jwasslu għal karrieri f'setturi fl-oqsma tax-xjenza, il-finanzi u setturi profittabbli bi tkabbir kbir bħalma huma teknoloġiji ġodda, inkluża t-teknoloġija ekoloġika, l-ambjneti diġitali u l-IT;

33.  Jistieden lill-Istati Membri jikkollaboraw mas-settur pubbliku, is-settur privat, l-NGOs, l-universitajiet u l-iskejjel sabiex jistabbilixxu aktar apprendistati u programmi ta’ tagħlim mhux formali u informali, inklużi dawk li jippermettu li l-istudenti jmexxu proġetti ta’ żvilupp ibbażati fuq kunċetti reali tan-negozju minn età żgħira 'l quddiem u inkubaturi tan-negozju li jkollhom il-għan li jagħtu s-setgħa lill-intraprendituri żgħażagħ filwaqt li jitgħallmu, jifhmu u jimplimentaw il-kultura tad-drittijiet tax-xogħol;

34.  Jitlob lill-UE tinvesti fi programmi li jipprovdu taħriġ kontinwu għan-nisa, kemm ħaddiema u kemm intraprendituri, li kontinwament jaġġornaw il-ħiliet tagħhom u jiżguraw il-kwalità tal-iżvilupp professjonali, b’referenza partikolari għas-settur kummerċjali;

35.  Jenfasizza l-importanza li jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-intraprendituri nisa, inkluż permezz ta’ għotjiet u korsijiet ta’ taħriġ dwar l-aspetti legali bażiċi tal-bidu u t-tmexxija ta’ kumpanija, bħalma huma l-liġijiet dwar il-bidu ta’ negozju, il-proprjetà intellettwali u l-protezzjoni tad-data, ir-regoli fiskali, il-kummerċ elettroniku, l-għotjiet pubbliċi disponibbli, eċċ., u l-importanza li jingħata taħriġ fit-teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, netwerks soċjali, il-kummerċ onlajn, in-netwerking, eċċ.;

36.  Jinnota bi tħassib li n-nisa spiss jissottovalutaw il-ħiliet tagħhom, probabbilment b'riżultat tal-isterjotipi ankrati fis-soċjetà, u għandhom iktar probabilità mill-irġiel li jammettu nuqqas ta' ħiliet imprenditorjali, awtokunfidenza, tal-mod kif jasserixxi ruħhom u tar-rieda li jieħdu riskji meta jkunu qed jibdew negozju, u li għalhekk hemm ħtieġa ta' programmi ta’ appoġġ motivazzjonali u psikoloġiku biex tissaħħaħ l-awtokunfidenza tal-intraprendituri femminili;

Intraprenditorija soċjali

37.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu riċerka li tfittex li tispjega l-attività imprenditorjali akbar tan-nisa fl-intraprenditorija soċjali u l-effett multiplikatur possibbli tagħha fuq l-intraprenditorija tradizzjonali;

38.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-iżvilupp ta' strumenti finanzjarji li jivvalutaw il-kumpaniji f'korrelazzjoni mal-kontribut tagħhom għas-soċjetà u l-iżvilupp ta' marki ta' fiduċja għall-intraprenditorija soċjali u ambjentali; jirrakkomanda l-inklużjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-għoti tas-setgħa lin-nisa bħala miżuri ta’ impatt soċjali li, min-naħa tagħhom, ikunu jħeġġu lil iktar intraprendituri soċjali jikkunsidraw tal-intrapriża tagħhom minn perspettiva tal-ġeneru;

39.  Jenfasizza li mudelli ta' negozju alternattivi bħalma huma l-kooperattivi u s-soċjetajiet mutwi jaqdu rwol importanti fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u t-tmexxija 'l quddiem ta' żvilupp u tkabbir sostenibbli u inklużivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw u jippromovu mudelli alternattivi bħal dawn;

o
o   o

40.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37.
(2) ĠU C 130, 30.4.2011, p. 4.
(3) ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23.
(4) ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1.
(5) ĠU C 51 E, 22.2.2013, p. 56.
(6) Testi adottati, P7_TA(2013)0074.
(7) Testi adottati, P8_TA(2015)0320.
(8) Testi adottati, P8_TA(2015)0311.
(9) Testi adottati, P8_TA(2015)0292.
(10) Rapport tal-Kummissjoni (2014), "Data statistika dwar l-intraprendituri Nisa fl-Ewropa".
(11) Kummissjoni (2012), Flash Eurobarometer 354 dwar "Entrepreneurship in the EU and beyond" ("L-Intraprenditorija fl-UE u lil hinn minnha").
(12) Rapport tal-Kummissjoni (2008), "Evalwazzjoni tal-politika: il-promozzjoni tal-innovaturi nisa u tal-intraprenditorija tan-nisa".
(13) Kummissjoni (2014), Studju dwar "Data Statistika dwar l-intraprendituri Nisa fl-Ewropa".
(14) Parlament Ewropew (2015), Studju tad-Dipartiment Tematiku għall-Politiki dwar "L-Intraprenditorija tan-Nisa: nagħlqu d-disparità bejn is-sessi fl-aċċess għas-servizzi finanzjarji u servizzi oħrajn u fl-intraprenditorija soċjali".
(15) Kummissjoni (2015), Evalwazzjoni Interim tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress.
(16) KPMG (2015), Rapport dwar "In-Nisa f'Investimenti Alternattivi".


Politiki dwar il-ħiliet għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ
PDF 503kWORD 158k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2016 dwar politiki dwar il-ħiliet għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ (2015/2088(INI))
P8_TA(2016)0008A8-0366/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istatus ta' min jitħarreġ, tal-internship u l-apprendistat(1),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2013 dwar Garanzija għaż-Żgħażagħ(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 dwar "L-Unjoni Ewropea kif tista' tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' ambjent ospitabbli biex l-intrapriżi, in-negozji u n-negozji ġodda joħolqu l-impjiegi?"(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet 2014(4),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja(5),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships(6), u wara li kkunsidra l-mistoqsija bil-miktub E-010744/2015 tat-2 ta' Lulju 2015 dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' April 2015 dwar it-tisħiħ tal-politika ta' kooperazzjoni transettorjali biex jiġu indirizzati b'mod effikaċi l-isfidi soċjoekonomiċi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ(7),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,

–  wara li kkunsidra l-"Lista ta' Kwistjonijiet b'rabta mar-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea" tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità(8),

–  wara li kkunsidra n-nota ta' tgħarrif taċ-Cedefop ta' Ġunju 2013 bit-titolu: "Toroq għall-irkupru: tliet xenarji tal-ħiliet u tas-suq tax-xogħol għall-2025".

–  wara li kkunsidra n-nota ta' tgħarrif taċ-Cedefop ta' Marzu 2014 bit-titolu "Nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet: aktar milli tara l-għajn",

–  wara li kkunsidra l-istudju taċ-Cedefop ta' Novembru 2014 bit-titolu "L-isfida tal-validazzjoni: kemm hi qrib l-Ewropa li tirrikonoxxi t-tagħlim kollu?",

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: investiment għat-tkabbir u l-impjiegi" (COM(2014)0473),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Strateġija Ewropea tad-Diżabilità 2010-2020 - Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli" (COM(2010)0636),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' April 2015 bit-titolu "Pilotaġġ ta' sħubijiet realistiċi għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ - Rapport sommarju tal-kisbiet ewlenin u t-tagħlimiet miksuba mill-Azzjoni Preparatorja dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-Parlament Ewropew",

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2015 bit-titolu "Intraprenditorija għaż-żgħażagħ fl-Ewropa: valuri, attitudnijiet, politiki",

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006, u b'mod partikolari l-Kapitolu IV tiegħu dwar "l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ"(9),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0366/2015),

A.  billi fil-preżent 4.5 miljun żagħżugħ u żagħżugħa ta' bejn il-15 u l-24 sena jinsabu qiegħda fl-Unjoni Ewropea u billi aktar minn 7 miljun żagħżugħ Ewropew ta' bejn il-15 u l-24 sena la qed jaħdmu, la qed jistudjaw u lanqas qed jagħmlu korsijiet ta' taħriġ;

B.  billi r-rata tal-qgħad madwar l-Unjoni kienet ta' 9.9 % fl-aħħar tal-2014, u billi r-rata tal-qgħad għaż-żgħażagħ kienet aktar mid-doppju ta' din iċ-ċifra, preċiżament 21.4 %;

C.  billi ż-żgħażagħ intlaqtu b'mod speċjali mill-kriżi;

D.  billi nuqqas ta' ħiliet rilevanti għal xogħol disponibbli u nuqqas ta' tlaqqigħ tal-edukazzjoni u tat-taħriġ huma fatturi importanti li jikkawżaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ; billi, minkejja li għandhom livell ta' edukazzjoni ogħla u għandhom aktar ħiliet minn ġenerazzjonijiet preċedenti, iż-żgħażagħ għadhom qed jiffaċċjaw ostakli strutturali sinifikanti biex jiksbu impjieg ta' kwalità li jirrispetta l-istandards tal-UE u nazzjonali; billi mingħajr ħolqien tax-xogħol effiċjenti u sostenibbli fl-Ewropa, il-kriżi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ ma tistax tiġi solvuta;

E.  billi d-dewmien fl-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-perjodi twal ta' qgħad għandhom impatti negattivi fuq il-prospetti ta' karriera, paga, saħħa u mobilità soċjali;

F.  billi ż-żgħażagħ huma ta' valur għall-ekonomija Ewropea u billi għandhom jimpenjaw ruħhom biex jipprovdu l-ħiliet mitluba mis-suq tax-xogħol, filwaqt li jantiċipaw il-ħtiġijiet tal-ġejjieni;

G.  billi ż-żgħażagħ jiġu integrati fi tliet gruppi ewlenin - l-istudenti, il-ħaddiema u dawk qiegħda - u billi għandhom jiġu adottati approċċi politiċi distinti għal kull wieħed minn dawn il-gruppi sabiex jiġi żgurat li l-membri tal-grupp huma integrati fis-suq tax-xogħol, li jfisser li l-istudenti żgħażagħ irid ikollhom il-ħiliet meħtieġa mis-suq tax-xogħol, il-ħaddiema żgħażagħ iridu jaġġornaw il-ħiliet u t-taħriġ tagħhom tul il-karriera tagħhom u, fir-rigward taż-żgħażagħ qiegħda, id-distinzjoni trid tqis il-fatt li dawn jistgħu jkunu qed ifittxu impjieg b'mod attiv jew ikunu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs);

H.  billi għandhom isiru l-isforzi kollha sabiex jiġi żgurat li s-sistemi edukattivi jippreparaw lill-istudenti għar-realizzazzjoni professjonali b'mod adegwat u biex tkun iggarantita kooperazzjoni mill-qrib bejn ir-rappreżentanti tas-settur tal-edukazzjoni, is-servizzi soċjali fejn xieraq, l-impjegaturi u l-istudenti;

I.  billi l-ippjanar tat-taħriġ u tal-edukazzjoni jitjieb b'mod sinifikanti meta l-organizzazzjonijiet tal-istudenti u taż-żgħażagħ jiġu inklużi fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jilħaq aħjar il-ħtiġijiet tas-soċjetà, tas-suq tax-xogħol u tal-ħiliet meħtieġa;

J.  billi l-persuni li huma żvantaġġati, diskriminati u vulnerabbli ħafna drabi huma esklużi mill-possibbiltà li jiżviluppaw it-talenti, l-abbiltajiet u l-ħiliet tagħhom meta d-dimensjoni soċjali ma tiġix meqjusa fil-politiki dwar l-edukazzjoni, l-impjieg u fil-politiki soċjali; billi għandhom jiġu allokati biżżejjed riżorsi finanzjarji lis-settur tal-edukazzjoni;

K.  billi l-implimentazzjoni ta' politiki effikaċi dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħiliet bl-appoġġ tal-impjegaturi, tal-aġenziji tal-impjieg u ta' partijiet interessati oħrajn jistgħu jgħinu jnaqqsu l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

L.  billi jinħtieġ taħriġ xieraq għal dawk li jirreklutaw, għall-maniġers tar-riżorsi umani, għas-servizzi ta' impjiegi, għall-impjegaturi u għas-settur tal-edukazzjoni;

M.  billi l-kriżi finanzjarja tal-2008 ħolqot problemi addizzjonali fl-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, peress li l-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa aktar sensittiv għall-kundizzjonijiet ekonomiċi mill-qgħad globali, peress li dawn ġeneralment ikollhom inqas esperjenza;

N.  billi l-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju huma wieħed mill-ikbar ġeneraturi ta' impjiegi fl-UE, li jirrappreżentaw konsiderevolment aktar minn 80 % tal-impjiegi kollha u kienu minn ta' quddiem f'ħafna setturi "ekoloġiċi", iżda jistgħu jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet partikolari biex jantiċipaw il-ħiliet meħtieġa u fit-twettiq tal-potenzjal għall-impjiegi;

O.  billi l-intraprenditorija taż-żgħażagħ tista' tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ tista' tixpruna l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ;

P.  billi s-suċċess tal-iskemi ta' internships u apprendistati jvarja minn parti għall-oħra tal-Unjoni, skont il-karatteristiċi tagħhom;

Q.  billi l-Garanzija għaż-Żgħażagħ, meta tiġi implimentata b'mod effikaċi, tikkostitwixxi approċċ komprensiv li jgħin liż-żgħażagħ jagħmlu t-tranżizzjoni għas-suq tax-xogħol jew għal edukazzjoni ta' kwalità għolja b'suċċess, kif muri mill-kisbiet tal-Azzjoni Preparatorja dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-Parlament Ewropew;

R.  billi, sabiex jinkisbu riżultati effikaċi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, huwa indispensabbli li jiġu vvalutati l-ħtiġijiet reali tal-impjiegi taż-żgħażagħ u l-oqsma veri li joffru opportunitajiet ta' xogħol futuri, bħal pereżempju l-ekonomija soċjali u l-ekonomija ekoloġika, dan kollu flimkien ma' monitoraġġ kostanti u bir-reqqa mhux biss tal-proġetti kkonċernati iżda wkoll tal-aġenziji li jipprovduhom, u l-ħruġ ta' rapporti regolari dwar l-istat ta' progress ta' din il-miżura kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

S.  billi l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ hija għodda essenzjali għat-twassil ta' appoġġ immirat lejn iż-żgħażagħ li huma barra min-NEETs;

Kooperazzjoni, parteċipazzjoni, sħubiji

1.  Jinnota li l-iżvilupp tal-ħiliet individwali u t-tixrid tat-tagħrif u tal-ħiliet huma wieħed mill-elementi ewlenin tal-politiki tal-impjieg u soċjali integrati u li jistgħu jippermettu l-istabbiliment tat-tkabbir fit-tul, l-ixprunar tal-kompetittività tal-Ewropa, il-ġlieda kontra l-qgħad u l-bini ta' soċjetà Ewropea aktar inklużiva, jekk il-politiki għall-iżvilupp tal-ħiliet jirrikonoxxu l-ħtiġijiet u l-ħiliet fuq bosta saffi taż-żgħażagħ qiegħda; ifakkar li l-iżvilupp tal-ħiliet se jibqa' mingħajr effett jekk il-ħolqien tal-impjiegi u l-protezzjoni xierqa ta' sigurtà soċjali ma jiġux indirizzati b'mod parallel;

2.  Jenfasizza li "spinta ġdida għall-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment" hija prijorità essenzjali tal-Kummissjoni u li, fil-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2015, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tieħu inizjattivi prattiċi biex tippromwovi l-integrazzjoni u l-impjegabbiltà fis-suq tax-xogħol, u b'mod partikolari miżuri biex tagħti appoġġ lill-Istati Membri sabiex idaħħlu ż-żgħażagħ fix-xogħol; itenni li l-Parlament ippropona regolarment soluzzjonijiet differenti li jenfasizzaw li l-impjiegi għaż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom ikunu fost l-ogħla prijoritajiet politiċi għall-UE;

3.  Ifakkar li l-involviment taż-żgħażagħ, tal-partijiet interessati, tal-organizzazzjonijiet u tas-sħab soċjali fl-ixprunar tal-żvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta' inizjattivi rilevanti mmirati lejn l-appoġġ għall-impjieg taż-żgħażagħ fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali huwa tal-ogħla importanza;

4.  Jirrimarka li, min-naħa waħda, hemm 24 miljun persuna qiegħda fl-Ewropa, inkluż 7.5 miljun żagħżugħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) u min-naħa l-oħra hemm 2 miljun post vakanti fl-UE; jinnota li hemm ħafna żgħażagħ qiegħda kwalifikati żżejjed li l-ħiliet tagħhom ma jaqblux mad-domanda tas-suq tax-xogħol; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa li jinbnew sħubijiet bejn l-awtoritajiet lokali, is-servizzi tal-edukazzjoni u tal-impjiegi - kemm dawk ewlenin kif ukoll dawk speċjalizzati - u s-sħab soċjali u l-komunità tan-negozji biex jappoġġjaw il-ħolqien, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġiji tal-impjiegi sostenibbli fuq terminu qasir u twil, inklużivi u ta' kwalità u pjanijiet ta' azzjoni; jappella għall-kooperazzjoni u interazzjoni mill-qrib u strutturali bejn l-edukazzjoni fl-iskola u vokazzjonali, l-amministrazzjoni pubblika, in-negozju, is-soċjetà ċivili, speċjalment l-organizzazzjonijiet tal-istudenti u taż-żgħażagħ, bil-ħsieb li l-ħiliet jitqabblu aħjar mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta' opzjonijiet tat-tieni possibbiltà, sabiex tiġi massimizzata l-kwalità tal-edukazzjoni u tat-taħriġ; jenfasizza li dan it-titjib fil-kooperazzjoni huwa kruċjali wkoll għal implimentazzjoni effikaċi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ;

5.  Jilqa' l-għodod għall-iżvilupp tal-ħiliet u t-tbassir ta' ħtiġijiet ta' ħiliet proposti mill-Kummissjoni; jenfasizza l-fatt li l-iżvilupp tal-ħiliet għandu jħeġġeġ l-iżvilupp tal-ħiliet STEM, li fl-ekonomija huma utli b'mod wiesa'; jenfasizza, madankollu, li huma meħtieġa azzjoni u investiment aktar ambizzjużi; jemmen li, sabiex jiġu previsti l-ħtiġijiet ta' ħiliet futuri, il-partijiet interessati kollha tas-suq tax-xogħol iridu jkunu involuti b'mod qawwi fil-livelli kollha;

6.  Jistieden lill-Istati Membri, il-gvernijiet reġjonali u l-awtoritajiet lokali jadottaw u jimplimentaw, flimkien mas-sħab soċjali u l-fornituri tat-taħriġ, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-istrateġiji ta' antiċipazzjoni bl-għan tat-titjib tal-ħiliet ġeneriċi, settorjali u speċifiċi għall-okkupazzjoni; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza ta' sħubijiet u ta' fiduċja bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, in-negozji, is-sħab soċjali u l-awtoritajiet;

7.  Jenfasizza r-rwol li għandhom l-istituzzjoniijet ta' edukazzjoni għolja fl-iżvilupp tal-għarfien u l-kompetenzi li jeħtieġu l-gradwati sabiex jagħmlu suċċess fis-suq tax-xogħol;

8.  Jenfasizza r-rwol essenzjali ta' għalliema u persunal tat-taħriġ li jkunu kompetenti fit-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola, speċjalment fiż-żoni sottożviluppati, u biex itejbu l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ; jenfasizza li l-għalliema għandhom bżonn li jkunu appoġġjati aħjar mill-iskejjel, l-istituzzjonijiet tat-taħriġ, il-komunitajiet lokali u l-politiki edukattivi, pereżempju permezz ta' taħriġ aktar effiċjenti u aġġornat f'ħiliet ġodda, bħalma huma l-ħiliet intraprenditorjali u tal-ICT, il-promozzjoni tat-tagħlim bejn il-pari u l-iskambju tal-aħjar prattiki, u aċċess aktar faċli għal opportunitajiet ta' taħriġ u t-titjib tas-sistemi ta' ETV kontinwi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-investiment fl-iżvilupp tat-tagħlim tul il-ħajja għall-għalliema; jopponi bis-saħħa kwalunkwe tnaqqis fil-baġits tal-edukazzjoni, speċjalment meta dawn ikunu kombinati ma' tnaqqis fil-boroż ta' studju u fl-għotjiet u maż-żieda tat-tariffi edukattivi;

9.  Jinkoraġġixxi l-integrazzjoni ta' metodi ġodda ta' tagħlim u taħriġ, żviluppati mill-għalliema bħala rispons għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-klassi;

10.  Jenfasizza li l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-kumpaniji għandhom jaħdmu flimkien biex ifasslu kwalifiki li jirriflettu b'mod preċiż il-ħiliet attwali li l-gradwati jkunu kisbu matul ħajjithom;

11.  Jenfasizza l-importanza li jiġu involuti impjegaturi żgħażagħ innovattivi fid-djalogu li għaddej bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u l-impjegaturi fi sforz sabiex jitfasslu aħjar l-edukazzjoni u t-taħriġ speċjalizzat għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; jilqa' u jenfasizza l-importanza ta' programmi ta' konsulenza maħsuba biex iħejju liż-żgħażagħ għall-impjiegi futuri;

12.  Jenfasizza l-importanza tal-kapaċità amministrattiva u tal-aġenziji tal-impjieg li jiffunzjonaw; jitlob għat-tisħiħ tal-prinċipju tas-sħubija bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili kif ukoll għall-provvediment tat-taħriġ rilevanti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u partijiet interessati oħra sabiex jiġi żgurat l-użu tal-fondi Ewropej b'mod aktar effikaċi u strateġiku; jitlob ukoll li l-gvernijiet ikunu aktar ambizzjużi u jagħmlu sforzi fl-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet taż-żgħażagħ, tal-kumpaniji u tas-soċjetà ċivili kif ukoll l-entitajiet edukattivi u tat-taħriġ, billi jimplimentaw b'aktar ħeffa l-programmi operattivi għall-impjieg u billi jimmonitorjaw il-progress miksub;

13.  Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni transettorjali mill-qrib, b'mod partikolari bejn is-servizzi ta' impjieg u tal-edukazzjoni;

14.  Ifakkar li l-politiki għandhom jiffukaw fuq l-għoti ta' għajnuna lin-NEETs, inklużi dawk li m'għadhomx involuti, biex ikomplu l-edukazzjoni tagħhom jew jintegraw fis-swieq tax-xogħol;

15.  Jinnota li l-fondi Ewropej, jekk użati b'mod aktar effiċjenti u strateġiku, jistgħu jirrappreżentaw strument straordinarju għat-tkabbir u l-iżvilupp tal-universitajiet u tan-negozji; jitlob li jintużaw aktar riżorsi ekonomiċi għat-tixrid ta' informazzjoni dwar l-istrumenti ta' finanzjament Ewropej, kif ukoll biex fl-universitajiet u fin-negozji jiżdiedu l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa għat-tiftix ta' fondi, għall-istudju u għall-ġestjoni tal-proġetti ta' finanzjament;

16.  Jenfasizza li, biex tiġi żgurata l-kwalità tal-użu tal-fondi tal-UE, huwa importanti ħafna li tiġi implimentata sistema ta' superviżjoni u monitoraġġ tal-użu ta' dawn ir-riżorsi;

17.  Jitlob li jkun hemm premju tal-UE għall-aħjar proġetti fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, li jistgħu jkunu marbuta mal-konkors pan-Ewropew "Premju Ewropew taż-Żgħażagħ" u mal-Premju Ewropew "Għall-impjieg taż-żgħażagħ fl-Ekonomija Soċjali"; jistieden lill-Kummissjoni tagħti viżibbiltà lil dawn l-inizjattivi sabiex tqajjem is-sensibilizzazzjoni u toqrob lejn il-ħtiġijiet taċ-ċittadini; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa għal responsabbiltà baġitarja u jitlob, għaldaqstant, biex dawn l-inizjattivi jiġu ffinanzjati mill-baġit eżistenti;

18.  Jitlob Strateġija tal-Ħiliet Ewropea li tkun tħares 'il quddiem u tkun orjentata lejn ir-riżultati biex tiggwida l-istrateġiji tal-ħiliet nazzjonali u tintegrahom fil-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Impjiegi filwaqt li tipprovdi qafas komprensiv għall-pjanijiet ta' azzjoni settorjali proposti fil-pakkett tal-impjiegi;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jaġixxu, kemm jista' jkun malajr, fuq ir-rakkommandazzjonijiet relatati mal-edukazzjoni u mas-suq tax-xogħol u speċifiċi għall-pajjiż fis-Semestru Ewropew u rakkomandazzjonijiet oħra tal-Kummissjoni;

L-SMEs u l-intraprenditorija

20.  Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-intrapriżi, inklużi l-SMEs, l-atturi tal-ekonomija soċjali u ta' solidarjetà u l-mikrointrapriżi fit-taħriġ tal-ħiliet fuq ix-xogħol u fil-ħolqien ta' impjiegi għaż-żgħażagħ; jenfasizza l-ħtieġa li ż-żgħażagħ jiġu pprovduti b'edukazzjoni li tippreparahom għall-intrapenditorija bl-aktar mod wiesa'; jinkoraġġixxi l-inklużjoni fil-kurrikuli tal-iżvilupp f'ambjent sikur tal-ħiliet vokazzjonali meħtieġa fil-bidu u fil-ġestjoni tan-negozji kif ukoll fit-trawwim tal-kompetenza intraprenditorjali trażversali, il-ħiliet u t-tagħrif, li jiġu mwassla b'mod effikaċi permezz ta' esperjenzi attwali u reali; jissuġġerixxi li l-intraprenditorija tista' tiġi mgħallma fuq firxa ta' diversi suġġetti jew bħala suġġett separat u jenfasizza l-ħtieġa għal aċċess għal traineeships ta' kwalità għolja u ta' taħriġ professjonali tul u wara l-istadju universitarju tal-edukazzjoni; jenfasizza li l-kisba ta' ħiliet demokratiċi u ta' xogħol f'tim, li wieħed jitgħallem jerfa' r-responsabbiltà u li jiġu analizzati sitwazzjonijiet, huma parti mit-tagħlim tul il-ħajja li jappoġġja ċittadinanza attiva; jiġbed l-attenzjoni għall-opportunitajiet u l-vantaġġi li jkun hemm aktar nies (pereżempju imprendituri żgħażagħ ta' suċċess, NGOs li l-għan tagħhom huwa li jippromwovu l-intraprenditorija) involuti fl-għoti ta' edukazzjoni dwar l-intraprenditorija;

21.  Ifakkar li l-appoġġ lill-intraprenditorija, fehim tal-ekonomija u t-trawwim ta' sens ta' responsabbiltà u inizjattiva huma fatturi importanti fil-promozzjoni ta' approċċ attiv lejn il-karriera tal-individwu; jemmen li hija r-responsabbiltà tal-korpi pubbliċi, il-qasam tal-edukazzjoni, in-negozji u s-soċjetà ċivili, li jippromwovu l-intraprenditorija; itenni l-ħtieġa li tiġi żviluppata l-mobilità bejn in-negozji; itenni r-rwol tal-istituzzjonijiet finanzjarji fin-negozji ġodda u l-aċċess għall-iffinanzjar u jitlob għal investiment, żvilupp tal-ħiliet u tbassir fis-setturi emerġenti u potenzjali, inklużi teknoloġiji nodfa u impjiegi ekoloġiċi, billi dawn għandhom potenzjal kbir biex joħolqu impjiegi ta' kwalità;

22.  Jenfasizza li l-ħiliet intraprenditorjali jistgħu jinkisbu wkoll permezz ta' programmi ta' żvilupp tal-ħiliet organizzati barra mis-sistema tal-edukazzjoni ġenerali u li dawn il-programmi jistgħu jinkludu attivitajiet ta' coaching u mentoring mogħtija minn għalliema bl-esperjenza, imprendituri u esperti fil-qasam tan-negozju li jiffaċilitaw mhux biss l-għoti ta' għarfien, pariri u informazzjoni prezzjużi dwar in-negozju lil imprendituri potenzjali, iżda wkoll jippermettu li dawn tal-aħħar jiżviluppaw netwerks prezzjużi ta' kuntatti ma' intrapriżi eżistenti u ma' imprendituri li kieku setgħu jieħdu żmien twil biex jitwettqu;

23.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ffaċilitati r-rekwiżiti amministrattivi u finanzjarji eżistenti għall-bidu u l-ġestjoni tan-negozji permezz tas-simplifikazzjoni tal-proċeduri, aċċess aktar faċli għal kreditu, kapital ta' riskju u mikrofinanzjament għal negozji li jkunu għadhom kemm fetħu, aċċess garantit għall-internet b'veloċità għolja, pariri multidixxiplinari mfassla apposta, l-introduzzjoni ta' miżuri ta' inċentivi għall-imprendituri li jimpjegaw liż-żgħażagħ qiegħda meta dan ikun possibbli; jenfasizza l-importanza tal-mikrofinanzjament u l-programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI), kif ukoll il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, biex jinkisbu dawn l-għanijiet; jenfasizza l-ħtieġa għall-ħolqien ta' punti uniċi ta' servizz biex jittrattaw il-proċeduri amministrattivi rilevanti kollha marbuta mat-twaqqif u l-amministrazzjoni ta' negozju; ifakkar li r-rekwiżiti amministrattivi kollha għandhom jieħdu kont tar-rispett lejn id-drittijiet tal-ħaddiema;

24.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jieħdu sehem fil-programm Erasmus għall-Imprendituri Żgħażagħ u jippromovuh fost iż-żgħażagħ li jixtiequ jidħlu għal proġetti intraprenditorjali, sabiex dawn ikunu jistgħu jiksbu esperjenza barra minn pajjiżhom u jiksbu ħiliet ġodda li jgħinuhom iwettqu l-pjanijiet intraprenditorjali tagħhom;

25.  Ifakkar li l-industriji kreattivi huma fost l-iktar setturi intraprenditorjali u li jikbru malajr, u li l-edukazzjoni kreattiva tiżviluppa ħiliet trasferibbli bħall-ħsieb kreattiv, is-soluzzjoni tal-problemi, il-ħidma f'tim u l-inġenjożità fl-użu tar-riżorsi; jirrikonoxxi li s-setturi tal-arti u tal-midja għandhom appell partikolari għaż-żgħażagħ;

26.  Ifakkar fil-ġid ta' impjiegi marbutin ma' ħiliet tradizzjonali, li ta' spiss ma jistgħux jiġu rilokati xi mkien ieħor, li, barra minn hekk, jgħinu biex jistimulaw l-ekonomiji lokali u huma ta' interess kulturali; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżguraw, għalhekk, li s-snajja' u l-professjonijiet b'elementi tradizzjonali u kulturali jiġu ppreservati u jiġu mgħoddija b'mod effikaċi lill-ġenerazzjonijiet iżgħar permezz tal-implimentazzjoni ta' programmi speċjalizzati;

27.  Jitlob għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet favorevoli għall-ekonomija soċjali bil-għan li jiġu kombinati l-ħolqien tal-impjiegi għaż-żgħażagħ u l-iżvilupp tal-kapital soċjali; jappella għall-inklużjoni aħjar tal-intrapriżi soċjali u tal-ekonomija tas-solidarjetà fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u Ewropej għall-impjieg, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-integrazzjoni soċjali bil-għan li jinfetaħ u jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal ta' ħolqien ta' impjieg tagħhom u l-kontribut tagħhom għall-ilħuq tal-miri tal-Istrateġija UE 2020;

28.  Ifakkar li l-impjegaturi u l-imprendituri għandhom rwol importanti fit-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u f'li jipprovdu apprendistati u li dan għandu jiġi appoġġjat u żviluppat aktar;

29.  Jirrimarka li l-politiki għall-promozzjoni tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ jeħtieġu ppjanar fuq żmien medju u fit-tul; jenfasizza li l-politiki għall-promozzjoni tal-intraprenditorija għandhom iqisu l-ħtiġijiet differenti ta' kull Stat Membru;

30.  Jitlob appoġġ effikaċi ta' proġetti intraprenditorjali soċjalment responsabbli, ekoloġiċi u sostenibbli kif ukoll il-promozzjoni ta' mudelli alternattivi sostenibbli bħal kooperattivi, li jkunu bbażati fuq proċess ta' deċiżjonijiet demokratiċi u li jippruvaw ikollhom impatt fuq il-komunità lokali;

Ħiliet għall-impjegabbiltà

31.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jittejbu l-kwalifiki u l-motivazzjoni tal-konsulenti li jaħdmu fl-aġenziji tal-impjiegi pubbliċi, sabiex ikunu jistgħu jirrispondu b'mod proattiv għall-ħtiġijiet tal-persuni żgħażagħ li qed ifittxu impjieg, jgħinuhom jiksbu kwalifiki addizzjonali u jidentifikaw il-ħiliet li għandhom bżonn għas-suq tax-xogħol;

32.  Ifakkar li gwida u appoġġ edukattivi ta' kwalità tajba u mfassla apposta fl-istadji kollha tal-edukazzjoni u tat-taħriġ huma meħtieġa u jistgħu jnaqqsu r-riskju ta' tluq bikri mill-iskola kif ukoll jgħinu biex jingħelbu d-diffikultajiet fl-aċċess għas-suq tax-xogħol; jenfasizza li din il-gwida dwar il-karriera għandha tkun ankrata fil-kurrikuli u trid tiġi pprovduta f'kooperazzjoni mal-atturi ekonomiċi u l-aġenziji tal-impjieg; ifakkar li t-tagħlim tal-lingwi u l-litteriżmu diġitali huma fundamentali;

33.  Jirrimarka dwar in-nuqqas ta' gwida għall-karrieri ta' kwalità għolja fl-Istati Membri; jenfasizza l-ħtieġa li titjieb il-kwalità ta' gwida għall-karrieri fl-iskejjel u li jingħata taħriġ professjonali kontinwu għall-konsulenti tal-karrieri sabiex ikunu kkwalifikati sew biex jgħinu lill-istudenti jagħżlu karriera xierqa;

34.  Jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw l-aħjar prattiki fis-sistema ta' gwida għal karriera fl-iskejjel fejn l-istudenti jiġu mmonitorjati minn stadju bikri tal-iskola sal-ewwel passi fis-suq tax-xogħol;

35.  Jenfasizza l-importanza ta' monitoraġġ regolari tal-ħtiġijiet tal-ħiliet futuri u jħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti kollha biex jaqsmu prattiki tajba f'dan ir-rigward u jiżviluppaw iżjed l-għodod ta' monitoraġġ u tbassir;

36.  Jilqa' t-trasformazzjoni tas-sit elettroniku eżistenti tal-Panorama tal-Ħiliet tal-UE, li jipprovdi punt ta' aċċess ċentrali aktar komprensiv u faċli għall-utent għall-informazzjoni u l-għarfien dwar il-ħtiġijiet tal-ħiliet fl-okkupazzjonijiet u s-setturi fl-UE u li jgħin lil dawk li jfasslu l-politika, l-esperti, l-aġenziji tal-impjiegi, il-konsulenti tal-karrieri u l-individwi sabiex jieħdu deċiżjonijiet aħjar u aktar infurmati;

37.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu skambju tal-prattiki tajba fl-edukazzjoni vokazzjonali u fl-iżvilupp tat-taħriġ permezz tal-ħiliet, fejn b'hekk jiġi żgurat aktar aċċess għas-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ, u jirrevedu l-programmi ta' taħriġ b'tali mod li jantiċipaw il-ħtiġijiet tas-suq fejn meħtieġ; jenfasizza l-importanza ta' kodifikazzjoni u ħiliet elettroniċi prattiċi u intraprenditorjali bħala indispensabbli għall-iżvilupp professjonali fis-seklu 21; jindika l-importanza tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 u l-istrateġija tal-Ħiliet Elettroniċi tal-UE; ifakkar li l-gwida tul il-ħajja dwar l-iżvilupp tal-karriera professjonali għandha tkun disponibbli tul il-ħajja tax-xogħol kollha biex iżżomm u tiżviluppa l-ħiliet u l-għarfien tal-individwu;

38.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippromwovu u jappoġġjaw il-possibbiltajiet ta' mobilità professjonali fost iż-żgħażagħ li qed jagħmlu apprendistat, biex ikunu jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom permezz ta' kuntatt ma' sistemi oħra ta' taħriġ u tipi oħra ta' negozji, iżda wkoll biex jagħtuhom l-opportunità li jipprattikaw lingwa barranija, li se jgħinuhom jidħlu b'mod permanenti fis-suq tax-xogħol;

39.  Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta' "ħiliet personali", li jagħmlu aktar faċli n-negozjar b'suċċess fis-suq tax-xogħol u l-iżvilupp ta' karriera professjonali, u li huma komplement essenzjali għall-għarfien u l-esperjenza professjonali;

40.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġi promoss it-tagħlim mhux formali u informali, li jinkludi l-volontarjat, u li huwa riżorsa imprezzabbli fl-għajnuna għaż-żgħażagħ li jiksbu l-ħiliet meħtieġa għall-ħajja tax-xogħol;

41.  Ifakkar li t-tagħlim mhux formali u informali huwa kruċjali għall-iżvilupp tal-ħiliet personali bħal ħiliet fil-komunikazzjoni u fit-teħid ta' deċiżjonijiet; jitlob, għaldaqstant, għal investiment f'opportunitajiet inklużivi għal tagħlim mhux formali u informali u għar-rikonoxximent tal-impatt u l-valur tal-esperjenza, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba;

42.  Iħeġġeġ l-istabbiliment ta' sistema ta' taħriġ u ta' studji, li tadotta approċċi innovattivi iżda aċċessibbli, u li tiffoka fuq l-iżvilupp tal-ħiliet bażiċi kif ukoll il-kapaċitajiet intellettwali u tekniċi;

43.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata aktar l-għodda EURES, speċjalment fiż-żoni tal-fruntieri, biex iż-żgħażagħ ikunu inkoraġġuti jieħdu interess f'offerti ta' xogħol, traineeships jew apprendistati barra mill-pajjiż, u jkunu appoġġjati fil-proġetti ta' mobilità tagħhom billi jiġu pprovduti b'assistenza u pariri fil-proġetti tagħhom;

44.  Ifakkar li l-politiki dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet m'għandux ikollhom l-għan uniku li jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq, iżda wkoll li jipprovdu lill-individwi bil-kompetenzi trażversali meħtieġa sabiex jiżviluppaw bħala ċittadini attivi u responsabbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrispettaw il-fatt li l-edukazzjoni u t-taħriġ jikkostitwixxu dritt fundamentali u li għandhom valur qawwi fihom infushom;

45.  Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni olistika, pereżempju fil-forma ta' edukazzjoni ċivika, li għandha tkun parti integrali mill-flussi kollha tal-edukazzjoni u tista' tgħin biex tipprepara liż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni għall-ħajja tax-xogħol;

46.  Jenfasizza l-importanza tal-bini tal-kapaċità tal-istudenti li jitgħallmu u l-ħtieġa li jiġu pprovduti bi strateġiji tat-tagħlim effikaċi; jenfasizza li t-tagħlim dwar kif titgħallem jiffaċilita l-kisba tal-għarfien, il-ħiliet, l-attitudnijiet u l-aptitudnijiet li jippermettu lill-individwi jistabbilixxu, jippjanaw u jilħqu l-objettivi tat-tagħlim tagħhom stess u jsiru persuni li jitgħallmu awtonomi li jkunu kapaċi jiffaċċjaw it-tibdil intensiv fis-suq tax-xogħol;

47.  Jenfasizza li l-prattika ta' sport tipprovdi lill-parteċipanti b'opportunitajiet biex jiżviluppaw firxa wiesgħa ta' ħiliet trażversali li jtejbu l-impjegabbiltà tagħhom kif ukoll tgħinhom biex jirnexxu bħala mexxejja u biex jilħqu l-għanijiet tagħhom; jenfasizza, barra minn hekk, ir-rabta bejn l-isports, l-impjegabbiltà, l-edukazzjoni u t-taħriġ;

48.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tnaqqis fil-punteġġi osservati fl-aħħar stħarriġ tal-PISA (Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti) f'xi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità għolja lill-edukazzjoni sabiex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020;

49.  Jenfasizza li t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u l-apprendistati formattivi ta' kwalità għolja, imsaħħa bi sħubiji bejn l-iskejjel, l-istituzzjonijiet ta' taħriġ u l-kumpaniji, huma modi kif jista' jittejjeb l-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, u użu aħjar ta' dawn l-opportunitajiet jista', permezz tat-titjib tal-orjentazzjoni għall-karriera, ikabbar l-għadd ta' kandidati potenzjali għall-postijiet battala u jttejjeb ukoll l-istat ta' tħejjija tagħhom għax-xogħol; jinnota s-suċċess ta' dawn il-miżuri f'xi Stati Membri; jissuġġerixxi li l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki f'dan il-qasam tista' tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ; jenfasizza li persuni f'taħriġ li huma żvantaġġati jeħtieġu appoġġ speċjali, bħal pereżempju tagħlim addizzjonali u korsijiet ta' rimedju, u assistenza għan-negozji fl-isforz tagħhom biex jegħlbu l-kompiti amministrattivi u organizzazzjonali;

50.  Jenfasizza l-valur ta' apprendistati ta' kwalità għolja fis-setturi kollha tal-impjieg u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu lin-nisa biex jidħlu f'apprendistati u okkupazzjonijiet li tradizzjonalment huma ddominati mill-irġiel;

51.  Jenfasizza li tranżizzjoni bla xkiel mill-edukazzjoni għall-impjieg għandha tiġi promossa billi l-edukazzjoni teoretika tiġi marbuta ma' taħriġ prattiku u l-ħiliet ta' impjegabbiltà jiġu integrati fil-kurrikulu akkademiku ewlieni, u jiġu provduti internships ta' kwalità għolja kif stipulat fil-Karta Ewropea tal-Kwalità tal-Internships u l-Apprendistati kif ukoll permezz tar-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba matul edukazzjoni formali u mhux formali, jew waqt l-esperjenzi ta' volontarjat; jenfasizza li l-internships/traineeships ta' kwalità għolja dejjem għandu jkollhom riżultati ċari ta' tagħlim u li l-apprendisti ma għandhomx jiġu sfruttati;

52.  Ifakkar li t-traineeships u l-apprendistati ta' kwalità għolja li jirriflettu l-ħtiġijiet attwali għandhom iwasslu għall-impjieg u li t-traineeships għandhom jippreparaw lill-apprendistati għal xogħol, u jikkundanna kwalunkwe abbuż inklużi t-traineeships foloz li jxekklu l-akkwist mill-ħaddiema tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali; jenfasizza li t-traineeships għandhom iwasslu għal aktar ħiliet u impjegabbiltà; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri dissważivi biex jipprevjenu l-abbuzi tal-istatus tat-traineeships u jintensifikaw il-kampanji ta' informazzjoni dwar id-drittijiet tal-apprendistati;

53.  Jilqa' l-Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships u l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati; jenfasizza l-importanza li l-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tagħhom fl-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati tippromwovi l-aċċess għall-apprendistati għaż-żgħażagħ billi titlob għat-tneħħija tal-ostakoli bħat-tariffi tal-edukazzjoni għall-apprendisti;

54.  Ifakkar, fir-rigward tal-kompetenzi tal-Istati Membri f'dan il-qasam, li l-mudell duwali tal-edukazzjoni u l-kisba ta' ħiliet prattiċi, soċjali u ta' komunikazzjoni huma ta' importanza kbira; jenfasizza li l-ħiliet soċjetali u ta' komunikazzjoni jistgħu jgħinu fil-kunfidenza taż-żgħażagħ u jagħmluha aktar faċli għalihom biex jidħlu fis-suq tax-xogħol; jenfasizza li l-mudell duwali jrid jiġi mmirat lejn il-kuntest soċjali, ekonomiku u kulturali ta' kull pajjiż u m'għandux jitqies bħala l-unika sistema korretta tal-ETV; jitlob, għaldaqstant, għar-rikonoxximent u t-tisħiħ tat-tagħlim duwali fil-livelli kollha;

55.  Jitlob għat-titjib fil-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni - kemm fil-livell vokazzjonali kif ukoll f'dak ta' livell ogħla - u l-imprendituri fl-iżvilupp ta' kurrikuli aġġustati għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

56.  Ifakkar il-vantaġġi ta' approċċ flessibbli ffukat fuq l-istudenti għall-edukazzjoni li jagħmilha possibbli li tinbidel jew li tiġi adattata d-direzzjoni ta' studju konformi mal-ħtiġijiet tal-istudenti u ma torbothomx mal-għażla inizjali tagħhom;

57.  Iwissi lill-Istati Membri kontra t-tixrid fit-tipi ta' kuntratti offruti liż-żgħażagħ; jitlob li ssir aktar riflessjoni f'dan ir-rigward sabiex tiżdied l-effikaċja;

58.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-attraenza tal-programmi u tal-istudji STEM sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet eżistenti f'dan il-qasam; jenfasizza, madankollu, li l-umanitajiet u l-għarfien umanistiku ġenerali huma indispensabbli biex isir użu effikaċi tal-opportunitajiet imressqa mid-dixxiplini STEM u għalhekk għandhom jingħataw appoġġ effikaċi fi ħdan l-istituzzjonijiet tagħhom u għandhom rwol espliċitu fl-iżvilupp tal-kurrikuli; jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu approċċ transsettorjali bejn oqsma differenti fi ħdan l-istituzzjonijiet edukattivi, bħall-programmi konġunti li jinvolvu l-arti, ix-xjenza, l-ICT, l-inġinerija, in-negozju u oqsma rilevanti oħrajn;

59.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex b'urġenza jinkorporaw teknoloġiji ġodda fil-proċess tat-tagħlim, u jintensifikaw u jtejbu t-taħriġ fl-ICT u fil-ħiliet diġitali fil-livelli kollha u fit-tipi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż għall-persunal tat-tagħlim, sabiex jiġu pprovduti lawrji u kurrikuli iktar allinjati b'mod diġitali u biex iż-żgħażagħ jiġu motivati jistudjaw l-ICT u jsegwu karrieri relatati; jenfasizza l-ħtieġa li tinbena bażi teknoloġika aħjar fl-iskejjel u fl-universitajiet u biex tiġi pprovduta l-infrastruttura meħtieġa; jenfasizza, barra minn hekk, f'dan ir-rigward, l-importanza tar-riżorsi edukattivi miftuħa (OERs), li jiżguraw l-aċċess għall-edukazzjoni għal kulħadd u jtejbu l-impjegabbiltà billi jappoġġjaw il-proċess ta' tagħlim tul il-ħajja; ifakkar fil-ħtieġa li l-bniet u n-nisa żgħażagħ jiġu inkoraġġuti jsegwu l-istudji fl-ICT;

60.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati miżuri biex iħeġġu lill-bniet jinvolvu ruħhom f'suġġetti STEM u li jiġu stabbiliti gwidi għall-karrieri ta' kwalità biex jiġu appoġġjati fl-issoktar tal-karrieri professjonali tagħhom f'dan il-qasam billi n-nisa, fil-parti l-kbira tagħhom, għadhom mhux rappreżentati biżżejjed fi professjonijiet relatati ma' STEM, u jikkostitwixxu biss 24 % tal-professjonijiet fl-oqsma tax-xjenza u l-inġinerija u billi l-okkupazzjonijiet STEM huma mal-ewwel 20 fil-lista ta' postijiet battala konċentrati fl-Istati Membri;

61.  Jirrimarka li, minkejja r-rati għoljin ta' qgħad fost iż-żgħażagħ f'uħud mill-Istati Membri u ta' postijiet ta' impjiegi battala f'oħrajn, il-mobilità intra-UE għadha baxxa; ifakkar, għaldaqstant, l-importanza tal-mobilità tal-ħaddiema għal suq tax-xogħol kompetittiv, u jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu l-ostakoli lingwistiċi u kulturali li aktarx irażżnuha, billi jipprovdu korsijiet lingwistiċi speċifiċi għas-settur u taħriġ dwar il-komunikazzjoni interkulturali għall-persuni qiegħda;

62.  Jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati n-nuqqas ta' ħiliet u t-tlaqqigħ ħażin tal-ħiliet billi jiġu promossi u faċilitati l-mobilità ta' min jitgħallem, kif ukoll ir-rikonoxximent transfruntier tal-kwalifiki, permezz ta' użu aħjar tal-għodod u programmi kollha tal-UE, bħall-Erasmus+, il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, il-Passaport Ewropew tal-Ħiliet, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, is-CV tal-Europass, il-Pass tal-Ħiliet Intraprenditorjali, il-EURES, l-Alleanzi tal-Għarfien, l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, is-Sistema Ewropea għat-Trasferiment ta' Krediti, l-Assigurazzjoni Ewropea tal-Kwalità fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET) u s-Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET); jenfasizza l-importanza tal-ESCO, li tidentifika u tikkategorizza l-ħiliet, il-kompetenzi u l-kwalifiki rilevanti għas-suq tax-xogħol tal-UE u l-edukazzjoni u t-taħriġ, f'25 lingwa Ewropea; jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza tat-trasferibbiltà adegwata tad-drittijiet soċjali fi ħdan l-Unjoni u jtenni l-importanza tal-Erasmus+, il-Fond Soċjali Ewropew u l-EURES f'dan ir-rigward; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu korsijiet ta' taħriġ b'mod partikolari f'setturi fejn hemm diskrepanzi partikolari bejn il-provvista u d-domanda;

63.  Jinkoraġġixxi l-użu mill-aħjar tal-finanzjamenti eżistenti tal-UE bħall-programm Erasmus+ fl-istimolu tal-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi trażversali fost iż-żgħażagħ sabiex il-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE jiġi indirizzat b'mod aktar effikaċi;

64.  Jindika l-Erasmus+ bħala strument ewlieni għall-iżgurar tal-kwalità tal-ETV madwar l-UE u jħeġġeġ l-iskambji internazzjonali għal skopijiet ta' taħriġ professjonali;

65.  Ifakkar li l-implimentazzjoni effikaċi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ tista' tgħin ukoll biex ittejjeb l-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ billi jingħelbu d-defiċits edukattivi u billi tipprovdi l-ħiliet rilevanti għall-ħtiġijiet ta' suq tax-xogħol u ekonomija sostenibbli, u tista' toffri esperjenza ta' xogħol ta' valur u tiffaċilita l-istabbiliment ta' negozji ta' suċċess; jirrimarka li, għal dak il-għan, l-ivvalutar tal-ħtiġijiet reali tal-impjiegi taż-żgħażagħ u tal-oqsma veri ta' żvilupp tax-xogħol huwa indispensabbli, bħal pereżempju l-ekonomija soċjali u l-ekonomija ekoloġika, dan kollu flimkien ma' monitoraġġ kostanti u bir-reqqa mhux biss tal-proġetti kkonċernati iżda wkoll tal-aġenziji li jipprovduhom, u l-ħruġ ta' rapporti perjodiċi dwar l-istat ta' progress ta' dawn il-miżuri kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;

66.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ssimplifikati l-miżuri amministrattivi għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-urġenza li jitneħħa kull ostaklu burokratiku li jista' jillimita l-effikaċja tagħha;

67.  Jilqa' d-deċiżjoni reċenti mill-koleġiżlaturi tal-UE dwar iż-żieda fil-prefinanzjament għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, li timmira sabiex twitti l-implimentazzjoni ta' din l-inizjattiva importanti għar-reġjuni u l-istati li qed jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jużaw il-fondi disponibbli biex iwettqu t-titjib meħtieġ u joħolqu soluzzjonijiet sostenibbli minflok ad hoc; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw malajr u b'mod effikaċi l-Programmi Operattivi tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;

Opportunitajiet indaqs

68.  Jenfasizza li l-iżvilupp tal-ħiliet, jekk imwettaq bħala kunċett integrat, jista' jsir mekkaniżmu li jwassal għal u jippromwovi opportunitajiet indaqs għall-persuni minn gruppi żvantaġġati, inklużi minoranzi żvantaġġati, b'mod partikolari għat-tfal u ż-żgħażagħ minn familji milquta mill-faqar, dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil, l-immigranti żvantaġġati u persuni b'diżabilitajiet; jenfasizza li l-prevenzjoni u l-appoġġ tul il-ħajja u l-għoti ta' pariri fl-aktar stadju bikri possibbli għall-gruppi żvantaġġati huma ta' importanza kbira biex tiġi pprovduta forza tax-xogħol produttiva u b'ħiliet għoljin għas-suq tax-xogħol; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġu pprovduti appoġġ u żvilupp tal-ħiliet permezz ta' taħriġ għall-impjegaturi, dawk li jagħmlu r-reklutaġġ u l-maniġers tar-riżorsi umani, biex jingħata appoġġ lill-inklużjoni ta' gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol; jenfasizza li, biex ikun hemm inklużjoni ta' dawk l-aktar żvantaġġati, irid jiġi provdut taħriġ xieraq lill-impjegaturi, lit-timijiet tar-riżorsi umani u lill-għalliema, sabiex l-aktar żvantaġġati fis-soċjetà jiġu appoġġjati bl-aħjar mod possibbli biex b'hekk l-integrazzjoni tagħhom tkun kemm jista' jkun effikaċi; itenni l-importanza tal-aċċess universali għall-edukazzjoni għal kulħadd;

69.  Jenfasizza li l-iżvilupp tal-ħiliet ta' netwerking huwa importanti ħafna għaż-żgħażagħ kollha, iżda b'mod partikolari għal dawk b'esperjenza tax-xogħol limitata u dawk li ġejjin minn gruppi mhux rappreżentati biżżejjed u żvantaġġati; jisħaq li t-tagħlim tan-netwerking jista' jkun strateġija għall-faċilitazzjoni tal-impjiegi, l-iżvilupp tal-karrieri u l-esplorazzjoni;

70.  Jinnota li, waqt li n-nisa jirrappreżentaw il-parti l-kbira (60 %) tal-gradwati universitarji fl-Unjoni Ewropea, ir-rata ta' impjieg u t-trajettorji ta' promozzjoni tagħhom ma jirriflettux il-potenzjal sħiħ tagħhom; jenfasizza li l-kisba ta' tkabbir ekonomiku inklużiv u fit-tul tiddependi fuq li jitnaqqas id-distakk bejn dak li n-nisa jiksbu fl-edukazzjoni tagħhom u l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, primarjament billi tingħeleb is-segregazzjoni orizzontali u vertikali;

71.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-aġenziji tal-impjiegi jagħmlu aktar biex jiżguraw li l-persuni b'diżabilità ma jinżammux fiżikament milli jaċċessaw is-servizzi tagħhom, skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità;

72.  Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea jippromwovu l-aħjar prattiki u jappoġġjaw l-inklużjoni taż-żgħażagħ b'diżabilitajiet fl-edukazzjoni, inklużi programmi ta' tagħlim tul il-ħajja, u l-impjieg, permezz ta' miżuri bħal investimenti f'inizjattivi ta' intraprenditorija soċjali li jappoġġjaw lil dawn iż-żgħażagħ, jew inċentivi finanzjarji għall-organizzazzjonijiet li jirreklutawhom;

73.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-persuni b'diżabilità jkollhom aċċess għal appoġġ u għotjiet finanzjarji, li għandhom ikunu parti integrali mill-programmi informattivi u edukattivi maħsuba biex jippromwovu l-intraprenditorija;

Ġenerazzjoni ġdida, opportunitajiet ġodda, sfidi ġodda

74.  Jinnota li ż-żgħażagħ, imrobbija f'era ta' progress teknoloġiku mgħaġġel għandhom mhux biss potenzjal, talenti u ħiliet iżda wkoll valuri u prijoritajiet li huma differenti minn dawk ta' ġenerazzjonijiet preċedenti, u għalhekk huwa utli li tkun enfasizzata l-ħtieġa għal programmi u inizjattivi li jegħlbu d-distakk bejn il-ġenerazzjonijiet; jinnota li dan jgħin ukoll fil-fehim tal-assi tal-ġenerazzjoni żagħżugħa, bħall-multitasking, il-kreattività, il-mobilità, ir-rieda għall-bidla u, fuq kollox, ħidma f'tim; jenfasizza li s-sistemi edukattivi u ta' taħriġ għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex jippermettu l-iżvilupp sħiħ tal-ħiliet u t-talenti taż-żgħażagħ; jenfasizza, barra minn hekk, li l-persunal tas-servizzi tar-reklutaġġ u tal-impjiegi għandhom ikunu mħarrġa sew u mgħammra b'ħiliet li jagħtuhom fehim aħjar tal-ġenerazzjoni l-ġdida; jinnota wkoll li mhux iż-żgħażagħ kollha awtomatikament għandhom il-ħiliet u l-kompetenzi biex jissodisfaw id-domandi diġitali u jtenni, għaldaqstant, li l-għoti ta' aċċess u taħriġ ugwali lil kulħadd għat-tagħmir diġitali huwa aktar importanti minn qabel;

o
o   o

75.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 29.
(2) ĠU C 440, 30.12.2015, p. 67.
(3) Testi adottati, P7_TA(2014)0394.
(4) Testi adottati, P8_TA(2014)0038.
(5) ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.
(6) ĠU C 88, 27.3.2014, p. 1.
(7) ĠU C 172, 27.5.2015, p. 3.
(8) CRPD/C/EU/Q/1
(9) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.


Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali
PDF 702kWORD 288k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta' Jannar 2016 dwar Lejn Att dwar is-Suq Uniku Diġitali (2015/2147(INI))
P8_TA(2016)0009A8-0371/2015

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192) u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2015)0100),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2014 bit-titolu "Lejn ekonomija ta' suċċess immexxija mid-dejta" (COM(2014)0442),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2015/2240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 li tistabbilixxi programm dwar soluzzjonijiet ta’ interoperabbiltà u oqfsa komuni għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini Ewropej (programm ISA²) bħala mezz għall-modernizzazzjoni tas-settur pubbliku(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu “It-twettiq tal-potenzjal tal-finanzjament kollettiv fl-Unjoni Ewropea” (COM(2014)0172),

–  wara li kkunsidra l-anness għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "L-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT): Ir-riżultati u l-passi li jmiss" (COM(2013)0685),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Kummissjoni li jistabbilixxi miżuri li jikkonċernaw is-suq uniku Ewropew għall-komunikazzjoni elettronika u biex jinkiseb Kontinent Konness, u li jemenda d-Direttivi 2002/20/KE, 2002/21/KE u 2002/22/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1211/2009 u (UE) Nru 531/2012 (COM(2013)0627),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-23 ta' April 2013 bl-isem ‘E-commerce Action plan 2012-2015 – State of play 2013’ (Pjan ta' Azzjoni dwar il-kummerċ elettroniku 2012-2015 – Is-sitwazzjoni fl-2013) (SWD(2013)0153),

–  wara li kkusidra l-proposta tal-Kummissjoni dwar miżuri biex tonqos l-ispiża biex isiru netwerks tal-komunikazzjoni elettronika b'veloċità għolja (COM(2013)0147),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni dwar miżuri li jiżguraw livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (COM(2013)0048),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Diċembru 2012 bit-titolu "Dwar il-Kontenut fis-Suq Uniku Diġitali" (COM(2012)0789),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi tal-entitajiet tas-settur pubbliku (COM(2012)0721),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ottubru 2012 bl-isem "Industrija Ewropea aktar b’saħħitha għat-Tkabbir u l-Irkupru Ekonomiku" (COM(2012)0582),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Ottubru 2012 bit-titolu "Att dwar is-Suq Uniku II – Flimkien għal tkabbir ġdid" (COM(2012)0573),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' April 2011 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "L-Att dwar is-Suq Uniku: Tnax-il xprun sabiex jiġi stimulat it-tkabbir u r-rinfurzar tal-fiduċja" (COM(2011)0206),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Ottubru 2010 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Lejn Att dwar is-Suq Uniku: Għal ekonomija tas-suq kompetittiva ħafna – 50 proposta biex intejbu l-ħidma, in-negozju u l-iskambji ma' xulxin" (COM(2010)0608),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda Direttiva 2006/116/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-proprjetà intellettwali: it-terminu ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-awtur u ta' ċerti drittijiet relatati (COM(2008)0464),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/758 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 li jikkonċerna rekwiżiti għall-approvazzjoni skont it-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq is-servizz 112 u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 910/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar l-identifikazzjoni elettronika u s-servizzi fiduċjarji għal tranżazzjonijiet elettroniċi fis-suq intern u li jħassar id-Direttiva 1999/93/KE(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 283/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 dwar linji gwida għal netwerks trans-Ewropej fil-qasam tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjoni u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1336/97/KE(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/26/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-immaniġġjar kollettiv tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati u ħruġ ta' liċenzji multiterritorjali ta' drittijiet f'xogħlijiet mużikali għall-użu online fis-suq intern(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jemenda r-Regolament (UE) Nru 913/2010 u jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 680/2007 u (KE) Nru 67/2010(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/37/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 li temenda d-Direttiva 2003/98/KE dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku(7) (Direttiva PSI),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 524/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar is-soluzzjoni online għal tilwim mal-konsumaturi u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (Regolament dwar l-ODR tal-konsumaturi)(8),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/13/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2010 dwar il-koordinazzjoni ta' ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b'regolament jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar il-forniment ta' servizzi tal-media awdjoviżiva(9),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 243/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li tistabbilixxi programm pluriennali tal-politika tal-ispettru tar-radju(10),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(11),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1211/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 li jistabbilixxi l-Korp ta' Regolaturi Ewropej tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi (BEREC) u l-Uffiċċju(12),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar servizzi fis-suq intern(13),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika(14),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 1996 dwar il-protezzjoni legali ta' databases(15),

–  wara li kkunsidra l-Ewwel evalwazzjoni tad-Direttiva 96/9/KE dwar il-protezzjoni legali ta' databases,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 95/46/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Ottubru 1995 dwar il-protezzjoni ta' individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali u dwar il-moviment liberu ta' dik id-data(16), inklużi l-emendi b'riżultat tar-Regolament (KE) Nru 1882/2003,

–  wara li kkunsidra l-ftehim tat-28 ta' Settembru 2015 dwar is-sħubija 5G bejn iċ-Ċina u l-Unjoni Ewropea u l-ftehimiet relatati,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerti aspetti ta' drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni(17),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar "Lejn kunsens imġedded dwar l-infurzar tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali: Pjan ta' Azzjoni tal-UE"(18),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE(19),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta’ Novembru 2014 dwar is-sostenn tad-drittijiet tal-konsumatur fis-suq uniku diġitali(20),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Frar 2014 dwar imposti fuq l-ikkuppjar privat(21),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar suq integrat għall-konsenja tal-pakketti għat-tkabbir tal-kummerċ elettroniku fl-UE(22),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Jannar 2014 dwar ir-riindustrijalizzazzjoni tal-Ewropa biex jiġu promossi l-kompetittività u s-sostenibbiltà(23),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar l-isfruttar tal-potenzjal tal-cloud computing fl-Ewropa(24),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta’ Diċembru 2013 dwar ir-rapport ta' evalwazzjoni rigward il-BEREC u l-Uffiċċju(25),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ottubru 2013 dwar ir-rapport ta' implimentazzjoni dwar il-qafas regolatorju għall-komunikazzjoni elettronika(26),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2013 dwar prattiki ta' reklamar qarrieqi(27),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Settembru 2013 dwar l-Aġenda Diġitali għat-Tkabbir, il-Mobbiltà u l-Impjieg: wasal iż-żmien li nħaffu l-ħidma tagħna(28),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Lulju 2013 dwar l-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali(29),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Ġunju 2013 dwar aġenda ġdida għall-Politika Ewropea tal-Konsumatur(30),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Mejju 2013 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi tal-Midja Awdjoviżiva(31),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2012 dwar it-twettiq tas-Suq Uniku Diġitali(32),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Settembru 2012 dwar id-distribuzzjoni online ta' xogħlijiet awdjoviżivi fl-Unjoni Ewropea(33),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Ġunju 2012 dwar il-ħarsien tal-Infrastruttura Kritika ta' Informazzjoni – kisbiet u l-passi li jmiss: lejn ċibersigurtà dinjija(34),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2012 dwar suq uniku diġitali kompetittiv – il-Gvern elettroniku bħala xprun(35),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-21 ta' Settembru 2010 dwar l-ikkompletar tas-suq intern għall-kummerċ elettroniku(36),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar il-governanza tal-internet: il-passi li jmiss(37),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Mejju 2010 dwar Aġenda Diġitali ġdida għall-Ewropa: 2015.eu(38),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2010 dwar l-Internet tal-Oġġetti(39),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, kif inkorporata fit-Trattati bl-Artikolu 6 tat-Trattat UE,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (is-CRPD tan-NU), ratifikata mill-UE fit-23 ta' Diċembru 2010 (2010/48/KE),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali adottata mill-Organizzazzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Edukazzjoni, ix-Xjenza u l-Kultura (UNESCO) fl-20 ta' Ottubru 2005,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 9, 12, 14, 16 u 26 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-deliberazzjonijiet konġunti tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur skont l-Artikolu 55 tar-Regoli ta' Proċedura,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, il-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0371/2015),

A.  billi l-użu tal-Internet u tal-komunikazzjonijiet mobbli li qed jevolvi b'ħeffa biddel il-mod kif iċ-ċittadini, il-kumpaniji u l-impjegati tagħhom jikkomunikaw, jaċċessaw l-informazzjoni u l-għarfien, joħolqu, jikkonsmaw, jikkondividu, jipparteċipaw u jaħdmu; billi dan kabbar u biddel l-ekonomija, iffaċilita l-aċċess minn kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju għal klijentela potenzjali ta’ 500 miljun konsumatur fl-UE, kif ukoll għas-swieq globali, u ta lill-individwi l-opportunità li jiżviluppaw ideat intraprenditorjali u mudelli tan-negozju ġodda;

B.  billi l-politiki u l-leġiżlazzjoni kollha tal-Unjoni fil-qasam tas-Suq Uniku Diġitali għandhom jippermettu opportunitajiet ġodda għall-utenti u n-negozji u li jfiġġu u jikbru servizzi onlajn transkonfinali innovattivi ġodda bi prezzijiet kompetittivi, jitneħħew l-ostakli bejn l-Istati Membri u jiffaċilitaw l-aċċess għan-negozji Ewropej, b’mod partikolari l-SMEs u n-negozji l-ġodda, għas-suq transkonfinali, bħala elementi ewlenin għat-tkabbir u l-impjiegi fl-UE, filwaqt li jiġi rikonoxxut li dawn l-opportunitajiet inevitabbilment se jinvolvu bidliet strutturali u l-ħtieġa li jittieħed approċċ olistiku, inkluża d-dimensjoni soċjali, u l-ħtieġa li d-distakk fil-ħiliet diġitali jingħalaq malajr;

C.  billi, filwaqt li 75 % tal-valur miżjud mill-ekonomija diġitali ġej mill-industrija tradizzjonali, it-trasformazzjoni diġitali tal-industrija tradizzjonali għadha dgħajfa u 1.7 % biss tal-intrapriżi tal-UE jagħmlu użu sħiħ mit-teknoloġiji diġitali avvanzati u 14 % biss tal-SMEs jużaw l-internet bħala mezz ta' bejgħ; billi l-Ewropa trid tuża l-potenzjal kbir tas-settur tal-ICT biex tiddiġitalizza l-industrija u tmantni l-kompetittività globali;

D.  billi l-bini ta' ekonomija bbażata fuq id-data jiddependi ħafna fuq qafas legali li jinkoraġġixxi l-iżvilupp, il-ġestjoni, il-manutenzjoni u t-tkabbir ta' bażijiet ta' data u għaldaqstant jiddependi fuq qafas legali li jkun favur l-innovazzjoni u prattiku;

E.  billi fl-2013 id-daqs tas-suq tal-ekonomija tal-qsim tad-data kien ta' madwar USD 3,5 biljun madwar id-dinja u llum il-Kummissjoni qed tbassar potenzjal ta' tkabbir li jaqbeż il-USD 100 biljun;

F.  billi livell għoli u konsistenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur, l-għoti tas-setgħa u s-sodisfazzjon bilfors li jimplikaw għażla, kwalità, flessibbiltà, trasparenza, informazzjoni, interoperabbiltà u ambjent online sikur u aċċessibbli b’livell għoli ta’ protezzjoni tad-data;

G.  billi l-kreattività u l-innovazzjoni huma l-muturi tal-ekonomija diġitali, u billi huwa għalhekk essenzjali li jiġi żgurat li jkun hemm livell għoli ta' protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali;

H.  billi 44,8 % tal-familji fl-UE(40) m'għandhomx aċċess għall-internet b'veloċità għolja, u l-politiki u l-inċentivi attwali ma rnexxilhomx jipprovdu infrastruttura diġitali adegwata, b'mod partikolari f'żoni rurali;

I.  billi r-reġjuni fl-UE jinsabu fuq livelli ferm differenti rigward il-konnettività diġitali, il-kapital uman, l-użu tal-internet, l-integrazzjoni tat-teknoloġija diġitali min-negozji, u s-servizzi pubbliċi diġitali kif turi t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Aġenda Diġitali; billi r-reġjuni li għandhom punteġġ baxx fuq dawn il-ħames indikaturi huma fir-riskju li jitilfu l-benefiċċji tal-era diġitali;

1.INTRODUZZJONI: GĦALIEX NEĦTIEĠU SUQ UNIKU DIĠITALI

1.  Jilqa' l-Komunikazzjoni dwar "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa"; iqis li l-kisba ta’ Suq Uniku Diġitali, abbażi ta’ sett komuni ta’ regoli, tista’ trawwem il-kompetittività tal-UE, ikollha effetti pożittivi fuq it-tkabbir u l-impjiegi, terġa' tagħti spinta lis-Suq Uniku u twassal biex is-soċjetà tkun aktar inklużiva u toffri opportunitajiet ġodda liċ-ċittadini u n-negozji, speċjalment permezz tal-iskambju u l-kondiviżjoni tal-innovazzjoni; jemmen li l-approċċ orizzontali meħud jeħtieġ li issa jissaħħaħ fl-implimentazzjoni tiegħu, inkluż l-adozzjoni f’waqtha tas-16-il inizjattiva, billi l-muturi diġitali jaffettwaw lil kull ċittadin u d-dimensjoni tas-soċjetà u l-ekonomija;

2.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-governanza u t-twassil f'waqtu tas-Suq Uniku Diġitali huma responsabbiltà kondiviża tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timpenja ruħha mal-partijiet interessati tas-soċjetà u dawk soċjali u tinvolvihom fil-proċess tat-teħid deċiżjoni bl-usa' mod possibbli;

3.  Jemmen li regolamentazzjoni aħjar teħtieġ li jittieħed approċċ għal-leġiżlazzjoni li jkun awtomatikament diġitali, imsejjes fuq prinċipji, u teknoloġikament newtrali; sabiex jingħata spazju għall-innovazzjoni, dan jirrikjedi valutazzjoni ta’ jekk il-leġiżlazzjoni eżistenti, l-azzjonijiet komplementari mhux regolatorji u l-oqfsa ta’ infurzar, wara li jsiru l-konsultazzjonijiet u l-valutazzjonijiet tal-impatt meħtieġa, humiex tajbin għall-iskop tagħhom fl-era diġitali, fid-dawl ta’ teknoloġiji ġodda u mudelli ta’ negozju ġodda, bil-għan li tingħeleb il-frammentazzjoni legali tas-Suq Uniku, jitnaqqas il-piż amministrattiv, u tingħata spinta lit-tkabbir u l-innovazzjoni;

4.  Iqis li l-fiduċja taċ-ċittadini u tan-negozji fl-ambjent diġitali hija vitali biex jiġu żblukkati bis-sħiħ l-innovazzjoni u t-tkabbir fl-ekonomija diġitali; huwa konvint li t-tisħiħ tal-fiduċja tagħhom, permezz tal-protezzjoni tad-data u ta' standards tas-sigurtà u livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur u tal-għoti tas-setgħa lill-konsumatur, kif ukoll leġiżlazzjoni aġġornata għan-negozji, għandu jkun fuq il-bażi tal-politika pubblika, filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-mudelli ta’ negozju tan-negozji diġitali jinbnew fuq il-fiduċja tal-utenti tagħhom;

5.  Jirrimarka li l-kummerċ elettroniku jiġġenera EUR 500 biljun kull sena fl-Unjoni Ewropea u jikkumplimenta b'mod importanti l-kummerċ offline, filwaqt li jipprovdi lill-konsumaturi għażla akbar, speċjalment f’żoni remoti, u l-SMEs b’opportunitajiet ġodda; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tneħħi l-ostakoli li jaffettwaw il-kummerċ elettroniku sabiex jibnu suq tal-kummerċ elettroniku transkonfinali ġenwin; jemmen li dawn l-ostakoli jinkludu n-nuqqas ta’ interoperabbiltà u ta' standards komuni, in-nuqqas ta’ informazzjoni adegwata li tippermetti li l-konsumaturi jieħdu deċiżjonijiet infurmati, u l-aċċess inadegwat għal pagamenti transkonfinali msaħħa;

6.  Jappoġġa l-pjan tal-Kummissjoni li tiżgura li l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE tapplika b’mod sħiħ għas-suq uniku diġitali, minħabba li l-kompetizzjoni tagħti lill-konsumaturi aktar għażla iżda tipprovdi wkoll kundizzjonijiet ekwi, u jiddispjaċih li n-nuqqas attwali ta’ qafas diġitali Ewropew enfasizza l-falliment li jiġu rrikonċiljati l-interessi tal-fornituri kbar u ta' dawk żgħar;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jippromwovu ekonomija aktar dinamika li tippermetti li l-innovazzjoni tiffjorixxi u li tneħħi l-ostakli għan-negozji, b’mod partikolari dawk innovattivi, l-SMEs, in-negozji li jkunu għadhom kemm fetħu u s-scale-ups, sabiex ikunu jistgħu jaċċessaw is-swieq f’kundizzjonijiet ekwi, permezz tal-iżvilupp ta’ gvern elettroniku, qafas regolatorji u mhux regolatorji li jkun ħieles minn problemi fil-futur u li jkun integrat, l-aċċess għall-finanzjament, inklużi mudelli ġodda ta’ finanzjament tal-UE għan-negozji ġodda, l-SMEs u l-inizjattivi tas-soċjetà ċivili, u strateġija ta’ investiment fit-tul fl-infrastruttura diġitali, fil-ħiliet u l-inklużjoni diġitali, fir-riċerka u fl-innovazzjoni; ifakkar li l-bażi tal-politika favur l-innovazzjoni li trawwem il-kompetizzjoni u l-innovazzjoni għandha tinkludi l-possibbiltà li proġetti jaċċessaw possibbiltajiet ta' finanzjament; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tiżgura li l-finanzjament kollettiv (crowdfunding) ikun jista’ jsir mingħajr xkiel bejn il-fruntieri, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jintroduċu inċentivi għall-finanzjament kollettiv;

8.  Iqis li jeħtieġ li l-effetti tad-diġitalizzazzjoni fuq is-saħħa u fuq is-sikurezza fuq il-post tax-xogħol jiġu evalwati u li l-miżuri tas-saħħa u s-sikurezza eżistenti jiġu adattati kif xieraq; jinnota l-possibbiltà ta’ aċċidenti li għalihom jistgħu jiġu esposti persuni fil-kuntest tat-telexogħol jew tal-crowdworking mid-dar; jenfasizza li l-problemi tas-saħħa mentali relatati max-xogħol bħall-eżawriment ikkawżati mill-aċċessibbiltà kostanti u l-erożjoni tal-arranġamenti ta’ ħin tax-xogħol tradizzjonali jirrappreżentaw riskju serju għall-ħaddiema; jistieden lill-Kummissjoni tikkummissjona studju dwar l-effetti sekondarji tad-diġitalizzazzjoni, bħalma hija l-intensità ogħla tax-xogħol, dwar il-benesseri psikoloġiku u l-ħajja tal-familja tal-impjegati, kif ukoll dwar l-iżvilupp tal-kapaċitajiet konjittivi tat-tfal;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, tkompli tiżviluppa inizjattivi biex tingħata spinta lill-intraprenditorija, partikolarment il-mudelli innovattivi tan-negozju li jgħinu sabiex ibiddlu l-mentalità fir-rigward ta' kif huwa ddefinit is-suċċess u li jippromwovu kultura intraprenditorjali u ta' innovazzjoni; jemmen, barra minn hekk, li d-diversità u l-attributi speċifiċi taċ-ċentri ta’ innovazzjoni nazzjonali differenti jistgħu jinbidlu f’vantaġġ tassew kompetittiv għall-UE fis-suq globali, u għalhekk dawn għandhom ikunu interkonnessi, filwaqt li l-ekosistemi innovattivi fejn setturi u negozji differenti jikkooperaw għandhom jissaħħu;

10.  Jinsab imħasseb dwar l-approċċi nazzjonali differenti li ttieħdu s'issa mill-Istati Membri dwar ir-regolamentazzjoni tal-internet u tal-ekonomija kollaborattiva; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu inizjattivi, f’konformità mal-kompetenzi tal-UE, biex tappoġġja l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni ġusta, tneħħi l-ostakoli għall-kummerċ diġitali, u tippreserva l-koeżjoni ekonomika u soċjali u l-integrità tas-suq uniku: jistieden lill-Kummissjoni wkoll biex tippreserva l-internet bħala pjattaforma miftuħa, newtrali, sikura, inklużiva u globali għall-komunikazzjoni, il-produzzjoni, il-parteċipazzjoni, il-ħolqien, id-diversità kulturali u l-innovazzjoni, fl-interess taċ-ċittadini, tal-konsumaturi u s-suċċess tal-kumpaniji Ewropej b’mod globali;

11.  Jinnota li r-rivoluzzjoni diġitali taffettwa kull aspett tas-soċjetajiet tagħna, u twassal għal sfidi u opportunitajiet; jemmen li din għandha l-potenzjal li tagħti aktar setgħa liċ-ċittadini, lill-konsumaturi u lill-intraprendituri b’modi li ma kinux possibbli qabel; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa politika li tippromwovi l-parteċipazzjoni attiva taċ-ċittadini u tippermettilhom li jibbenefikaw mill-bidla diġitali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tkompli tivvaluta kif ir-rivoluzzjoni diġitali qed issawwar lis-soċjetà Ewropea;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tiġġieled kontra l-frammentazzjoni legali billi żżid b'mod sinifikanti l-koordinazzjoni tad-diversi Direttorati Ġenerali tagħha meta tkun qed tabbozza regolamenti ġodda, u tinkoraġġixxi b'saħħa lill-Istati Membri jiżguraw li l-mod kif ikunu qed jimplimentaw ir-regolamenti jibqa' koerenti;

13.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' konformità mad-drittijiet fundamentali, b'mod partikolari l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data, tal-inizjattivi kollha żviluppati skont l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, filwaqt li jirrikonoxxi l-valur miżjud tal-istrateġija għall-ekonomija tal-UE; ifakkar fl-importanza tal-adozzjoni b'ħeffa tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data u d-Direttiva dwar il-Protezzjoni tad-Data, fl-interess kemm tas-suġġetti tad-data kif ukoll tan-negozji; jappella għal reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Privatezza Elettronika sabiex tiġi żgurata l-konsistenza tad-dispożizzjonijiet tagħha mal-pakkett tal-protezzjoni tad-data sa meta jidħol fis-seħħ il-pakkett;

2.AĊĊESS AĦJAR GĦALL-KONSUMATURI U N-NEGOZJI MADWAR L-EWROPA KOLLHA GĦAS-SUQ UNIKU DIĠITALI

2.1 Regoli dwar il-kummerċ elettroniku transkonfinali li l-konsumaturi u n-negozji jistgħu jafdaw

14.  Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li tadotta proposta b’saħħitha dwar il-kuntratti online li jkopru l-kontenut diġitali mixtri online u li ttejjeb il-protezzjoni legali tal-konsumaturi f’dan il-qasam; jemmen li kwalunkwe titjib bħal dan għandu jkun immirat u li d-differenzi bejn il-kontenut, fuq naħa, u l-prodotti tanġibbli, fuq in-naħa l-oħra, għandhom jiġu analizzati bir-reqqa; jirrimarka li, filwaqt li l-konsumaturi li jixtru kontenut fuq mezz tanġibbli huma protetti minn liġijiet għall-protezzjoni tal-konsumatur, id-drittijiet tal-konsumatur meta jinxtara kontenut diġitali online għadhom fil-biċċa l-kbira mhux regolati u mhux ċari, partikolarment fir-rigward tal-garanziji legali, kontenut difettuż u termini inġusti speċifiċi dwar il-kontenut diġitali; jenfasizza li l-klassifikazzjoni attwali tal-kontenut diġitali kollu bħala servizzi tista' tqajjem tħassib, peress li tista' ma tikkonformax mal-aspettattivi tal-konsumaturi, peress li l-abbonamenti għal servizz ta’ streaming mhumiex distinti minn xiri ta’ kontenut li jista’ jitniżżel mill-internet; jaqbel li l-konsumaturi għandhom igawdu minn livell ta' protezzjoni ekwivalenti u li jkun ħieles mill-problemi fil-futur, irrispettivament jekk jixtrux kontenut diġitali online jew offline;

15.  Jemmen li aktar armonizzazzjoni tal-qafas legali li jirregola l-bejgħ online min-negozji lill-konsumatur ta’ kontenut diġitali u prodotti tanġibbli, irrispettivament jekk ikunux tranżazzjonijiet transkonfinali jew domestiċi, filwaqt li tinżamm il-koerenza tar-regoli online u offline, tiġi evitata ġirja lejn l-iktar livell regolatorju baxx, jingħalqu l-lakuni regolatorji u ssir ħidma mibnija fuq il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-konsumatur, tikkostitwixxi approċċ prattiku u proporzjonat; jenfasizza li dan għandu jsir b’mod teknoloġikament newtrali u mhux billi jiġu imponuti spejjeż żejda għan-negozji;

16.  Iqis li l-proposti tal-Kummissjoni għal regoli dwar il-kuntratti transkonfinali għall-konsumaturi u n-negozji għandhom jevitaw ir-riskju ta’ disparità li qiegħda dejjem tikber bejn l-istandards legali applikabbli għax-xiri online u offline, u jemmen li bejgħ online u offline għandu jkun ittrattat b’mod koerenti u ttrattat b’mod ugwali abbażi tal-livell għoli eżistenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur, peress li l-istandards legali differenti jistgħu jitqiesu mill-konsumaturi bħala ċaħda tad-drittijiet tagħhom; jinsisti li kwalunkwe proposta ġdida għandha tirrispetta l-Artikolu 6 tar-Regolament Ruma I, u jirrimarka li l-Kummissjoni qed tippjana REFIT tal-acquis tal-konsumaturi kollu għall-2016; jistieden lill-Kummissjoni, f’dan il-kuntest, biex tikkunsidra jekk il-proposta ppjanata tal-Kummissjoni għal prodotti tanġibbli għandhiex titniedi fl-istess żmien tar-REFIT;

17.  Jemmen li regoli kuntrattwali għall-kontenut diġitali jeħtieġ li jkunu bbażati fuq prinċipji sabiex jikkostitwixxu provi teknoloġikament newtrali u jkunu ħielsa minn problemi fil-futur; jenfasizza, barra minn hekk, fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni f’dan il-qasam, l-importanza li tiġi evitata l-inkonsistenza u s-sovrapożizzjoni mal-leġiżlazzjoni eżistenti kif ukoll kwalunkwe riskju li tinħoloq qasma legali mhux ġustifikata fuq żmien fit-tul bejn kuntratti online u offline u kanali ta’ distribuzzjoni differenti, filwaqt li jitqies ukoll l-acquis tal-konsumatur REFIT;

18.  Jitlob strateġija għal "Konsumaturi Attivi" biex jiġi valutat b'mod partikolari jekk il-bdil tal-fornituri min-naħa tal-konsumatur huwiex iffaċilitat fid-dinja online, u jekk hemmx ħtieġa ta' azzjoni biex jiġi ffaċilitat il-bdil ta' fornituri min-naħa tal-konsumatur, sabiex tingħata spinta lill-kompetizzjoni fis-swieq online; jinnota wkoll il-ħtieġa li jiġi żgurat li jkun hemm servizzi aċċessibbli ta' kummerċ elettroniku tul il-katina sħiħa tal-valur, inkluż informazzjoni aċċessibbli, mekkaniżmi ta' ħlas aċċessibbli u servizz lill-klijenti;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, flimkien mal-partijiet interessati, il-fattibbiltà, is-siwi u l-opportunitajiet u d-dgħjufijiet potenzjali li jinħolqu bl-introduzzjoni ta’ marki ta' fiduċja tal-UE speċifiċi għas-settur għall-bejgħ online, billi tibbaża ruħha fuq l-aħjar prattiki tal-iskemi ta’ marki ta’ fiduċja eżistenti fl-Istati Membri sabiex jitrawmu l-fiduċja tal-konsumaturi u l-kwalità, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-bejgħ online transkonfinali, u biex jintemm l-għadd kbir ta' marki ta' fiduċja eżistenti li possibilment iwassal għall-konfużjoni, b’mod parallel mal-valutazzjoni ta' alternattivi oħrajn bħalma huma l-awtoregolamentazzjoni jew l-istabbiliment ta’ gruppi ta’ partijiet interessati biex jiddefinixxu l-prinċipji komuni tas-servizz għall-konsumaturi;

20.  Jilqa’ l-isforzi ġenerali tal-Kummissjoni biex tistabbilixxi madwar l-UE kollha l-pjattaforma għas-soluzzjoni online għat-tilwim (ODR), u jistieden lill-Kummissjoni taħdem għall-implimentazzjoni f’waqtha u korretta tar-Regolament tal-ODR, b’mod partikolari fir-rigward tal-faċilitajiet ta’ traduzzjoni, kif ukoll id-Direttiva dwar l-ADR, flimkien mal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-partijiet interessati relevanti jikkunsidraw kif l-aċċess għall-informazzjoni dwar l-ilmenti tal-konsumaturi jista' jitjieb aktar;

21.  Jitlob qafas ta' infurzar ambizzjuż tal-acquis tal-konsumaturi u tad-Direttiva dwar is-Servizzi; jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tagħmel użu mill-mezzi kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u korretta tar-regoli eżistenti, u proċeduri ta' ksur kull meta tiġi identifikata implimentazzjoni ħażina jew insuffiċjenti tal-leġiżlazzjoni;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jadottaw il-miżuri meħtieġa kontra l-bejgħ ta’ kontenut u prodotti illegali online u billi jżidu l-kooperazzjoni u l-iskambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki biex jiġġieldu l-attività illegali fuq l-internet; jenfasizza, f’dan il-kuntest, li l-kontenut diġitali fornut lill-konsumaturi għandu jkun ħieles minn kull dritt ta’ parti terza, li jista’ jimpedixxi lill-konsumatur milli jgawdi l-kontenut diġitali skont il-kuntratt;

23.  Jappella biex titwettaq analiżi bir-reqqa, immirata u bbażata fuq il-provi dwar jekk l-atturi kollha fil-katina tal-valur, inklużi l-intermedjarji online, il-pjattaformi online, il-fornituri tal-kontenut u tas-servizzi, kif ukoll l-intermedjarji offline bħar-rivendituri u l-bejjiegħa bl-imnut, għandhomx jieħdu miżuri raġonevoli u xierqa kontra l-kontenut illegali, il-prodotti ffalsifikati u l-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq skala kummerċjali, filwaqt li tiġi salvagwardjata l-abbiltà tal-utenti finali li jaċċessaw u jxerrdu l-informazzjoni jew li jużaw l-applikazzjonijiet u s-servizzi li jagħżlu huma;

24.  Jenfasizza li l-prinċipju ta' tolleranza żero fit-traspożizzjoni tar-regolamenti tal-UE għandu jkun regola fundamentali għall-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea; madankollu, jemmen li l-proċeduri ta' ksur għandhom ikunu dejjem l-aħħar għażla u li għandhom jinbdew biss wara li jkunu saru diversi tentattivi ta' koordinazzjoni u rettifika; jenfasizza li huwa essenzjali li jitnaqqas il-perjodu ta' żmien ta' dawn il-proċeduri;

25.  Jilqa' r-rieżami tar-Regolament dwar il-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumaturi mħabbar mill-Kummissjoni; iqis li l-estensjoni tal-kompetenzi tal-awtoritajiet superviżorji u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni reċiproka bejniethom jikkostitwixxu prerekwiżit għal infurzar effettiv tar-regoli dwar il-konsumatur għal xiri online;

2.2.Il-konsenja transkonfinali ta’ kwalità għolja tal-pakketti bi prezz raġonevoli

26.  Jenfasizza l-fatt li, filwaqt li s-servizzi ta’ konsenja ta’ pakketti jiffunzjonaw tajjeb għall-konsumaturi f’xi Stati Membri, is-servizzi ta’ forniment ineffiċjenti, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-aħħar mil tal-konsenja, huma wieħed mill-ostakli ewlenin għall-kummerċ elettroniku transkonfinali f’xi Stati Membri u waħda mir-raġunijiet l-aktar irrappurtati għall-irtirar minn tranżazzjonijiet online kemm għall-konsumaturi kif ukoll għan-negozji; jemmen li n-nuqqasijiet fil-konsenja tal-pakketti transkonfinali jistgħu jiġu solvuti biss minn perspettiva tas-suq uniku Ewropew, u jenfasizza l-importanza tal-kompetizzjoni f’dan is-settur kif ukoll il-ħtieġa li l-industrija tal-konsenja tal-pakketti tadatta għax-xejriet tal-ħajja moderna u toffri alternattivi flessibbli tal-konsenja, bħal netwerks ta’ punti ta’ ġbir, punti għall-pakketti u għat-tqabbil tal-prezzijiet;

27.  Jenfasizza li s-servizzi tal-konsenja aċċessibbli, bi prezz li jintlaħaq, effiċjenti u ta’ kwalità għolja huma prerekwiżit essenzjali għall-kummerċ elettroniku transkonfinali ta' suċċess, u għalhekk jappoġġja l-miżuri proposti biex tittejjeb it-trasparenza tal-prezzijiet sabiex jiżdied l-għarfien tal-konsumaturi tal-istruttura tal-prezzijiet, l-informazzjoni dwar l-obbligazzjonijiet f’każ ta’ telf jew ħsara, l-interoperabbiltà u s-superviżjoni regolatorja li għandha tkun diretta lejn il-funzjonament bla xkiel tas-swieq tal-konsenja tal-pakketti transkonfinali, inkluża l-promozzjoni ta’ sistemi ta’ traċċar transkonfinali, li jippermettu biżżejjed flessibbiltà biex is-suq tal-konsenji jiżviluppa u jadatta għall-innovazzjonijiet teknoloġiċi;

28.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex b’mod attiv jikkondividu l-aħjar prattiki fis-settur tal-konsenja tal-pakketti, u lill-Kummissjoni biex tirrapporta lill-Parlament Ewropew dwar il-konsultazzjoni pubblika dwar il-konsenja transkonfinali tal-pakketti, kif ukoll li jippreżentaw ir-riżultati tal-eżerċizzju ta’ awtoregolazzjoni; jilqa’ l-ħolqien ta’ grupp ta’ ħidma ad hoc dwar il-konsenja transkonfinali tal-pakketti;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex tipproponi pjan ta’ azzjoni komprensiv, inklużi linji gwida għall-aħjar prattiki, f’kooperazzjoni mal-operaturi, biex issib soluzzjonijiet innovattivi biex ittejjeb is-servizzi, tnaqqas l-ispejjeż u l-impatt ambjentali, biex tintegra ulterjorment is-suq uniku tal-konsenja tal-pakketti u s-servizzi postali, biex tneħħi l-ostakoli li jiltaqgħu magħhom l-operaturi postali fil-konsenji transkonfinali, biex isaħħaħ il-kooperazzjoni bejn il-BEREC u l-ERGP, u tipproponi, jekk ikun meħtieġ, reviżjoni tal-leġiżlazzjoni rilevanti;

30.  Jenfasizza li l-armonizzazzjoni ulterjuri tal-konsenji tal-pakketti mill-Kummissjoni m’għandhiex twassal għal protezzjoni soċjali u kundizzjonijiet tax-xogħol imnaqqsa għal dawk li jwasslu l-pakketti, irrispettivament mill-istatus ta’ impjieg tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li d-drittijiet tal-ħaddiema f’dan is-settur f'dak li jirrigwarda l-aċċess għal sistemi ta’ sigurtà soċjali u d-dritt li jeżerċitaw azzjonijiet kollettivi, ikunu rispettati; jilqa' l-fatt li l-għoti ta' sigurtà soċjali hija l-kompetenza tal-Istat Membru;

2.3.Il-prevenzjoni ta’ mblukkar ġeografiku mhux ġustifikat

31.  Iqis li jinħtieġu azzjonijiet ambizzjużi u mmirati biex jitjieb l-aċċess għall-prodotti u s-servizzi, b’mod partikolari billi jintemmu l-prattiki ta’ mblukkar ġeografiku mhux ġustifikat u d-diskriminazzjoni inġusta fil-prezz ibbażati fuq il-pożizzjoni ġeografika jew in-nazzjonalità, li sikwit ikollhom l-effett tal-bini ta’ monopolji u li l-konsumaturi jduru għal kontenut illegali;

32.  Jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni li tindirizza l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat b’mod effettiv billi tikkumplimenta l-qafas eżistenti dwar il-kummerċ elettroniku u tinforza d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-leġiżlazzjoni eżistenti; iqis li huwa vitali li tiffoka fuq ir-relazzjonijiet bejn in-negozji li jwasslu għall-prattiki ta’ mblukkar ġeografiku, bħad-distribuzzjoni selettiva meta din ma tkunx skont il-liġi tal-kompetizzjoni u s-segmentazzjoni tas-suq, kif ukoll dwar miżuri teknoloġiċi u prattiki tekniċi (bħat-traċċar tal-IP jew in-nuqqas intenzjonat ta’ interoperabilità tas-sistemi) li jirriżultaw f’limitazzjonijiet mhux ġustifikati fuq l-aċċess għal servizzi tas-soċjetà tal-informazzjoni provduti min-naħa għall-oħra tal-fruntieri, dwar il-konklużjoni ta’ kuntratti transkonfinali biex jinxtraw prodotti u servizzi, u wkoll dwar l-attivitajiet assoċjati, bħall-ħlas u l-konsenja tal-prodotti, filwaqt li jitqies il-prinċipju tal-proporzjonalità, b’mod partikolari għan-negozji żgħar u mikro;

33.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-konsumaturi kollha fl-Unjoni jiġu ttrattati b'mod ugwali mill-kummerċjanti online li jbigħu fi Stat Membru wieħed jew aktar minn wieħed, inkluż l-aċċess tagħhom għal tnaqqis fil-prezzijiet jew promozzjonijiet oħrajn;

34.  Jappoġġja b’mod partikolari l-iskrutinju ppjanat, min-naħa tal-Kummissjoni, tal-infurzar prattiku tal-Artikolu 20(2) tad-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern sabiex janalizzaw xejriet possibbli ta’ diskriminazzjoni mhux ġustifikata kontra l-konsumaturi u riċevituri oħra ta’ servizzi bbażata fuq in-nazzjonalità jew il-pajjiż ta’ residenza tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tiddefinixxi gruppi ta' każijiet konċiżi ta' diskriminazzjoni ġustifikata skont l-Artikolu 20(2) tad-Direttiva dwar is-Servizzi sabiex tiċċara x'jikkostitwixxi mġiba diskriminatorja mhux ġustifikata minn entitajiet privati u sabiex tipprovdi assistenza interpretattiva lill-awtoritajiet responsabbli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 20(2) fil-prattika, kif imsemmi fl-Artikolu 16 tad-Direttiva dwar is-Servizzi; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel sforzi koordinati sabiex iżżid id-dispożizzjoni tal-Artikolu 20(2) mal-Anness għar-Regolament (KE) Nru 2006/2004 sabiex tutilizza s-setgħat ta' investigazzjoni u ta' infurzar tan-Netwerk ta' Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur;

35.  Jenfasizza li projbizzjoni fuq l-imblukkar ġeografiku qatt ma għandha tobbliga lil bejjiegħa bl-imnut jikkonsenjaw prodotti mill-ħanut tal-websajt tiegħu lil xi Stat Membru partikolari meta ma jkollhom l-ebda interess li jbigħu l-prodotti tagħhom lill-Istati Membri kollha u jippreferu li jibqgħu żgħar jew li jbigħu biss lil konsumaturi qrib il-ħanut tagħhom;

36.  Jirrimarka wkoll dwar l-importanza tal-inkjesta tas-settur tal-kompetizzjoni li għaddejja fis-settur tal-kummerċ elettroniku sabiex jiġi investigat, fost oħrajn, jekk ir-restrizzjonijiet mhux ġustifikati ta' mblukkar ġeografiku, bħad-diskriminazzjoni abbażi tal-indirizz tal-IP, l-indirizz postali jew il-pajjiż tal-ħruġ ta' karti tal-kreditu, jiksrux ir-regoli tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE; jenfasizza l-importanza li tiżdied il-fiduċja tal-konsumaturi u tan-negozji billi jittieħed kont tar-riżultati tal-inkjesta tas-settur u jiġi vvalutat jekk il-bidliet immirati għar-Regolament dwar l-Eżenzjoni Ġenerali ta’ Kategorija humiex meħtieġa, inkluż l-Artikolu 4a u l-Artikolu 4b, sabiex jiġu llimitati r-restrizzjonijiet mhux mixtieqa territorjali jew ta' bdil tar-rotta;

37.  Jilqa’ l-proposta tal-Kummissjoni biex jissaħħu l-portabbiltà u l-interoperabbiltà sabiex jistimolaw iċ-ċirkolazzjoni libera ta’ kontenut jew servizzi miksuba legalment, u li jkunu legalment disponibbli, bħala l-ewwel pass lejn tmiem l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat, kif ukoll l-aċċessibbiltà u l-funzjonalità transkonfinali tal-abbonamenti; jenfasizza li m'hemmx kontradizzjoni bejn il-prinċipju tat-territorjalità u l-miżuri biex jitneħħew l-ostakoli għall-portabbiltà tal-kontenut;

38.  Iwissi kontra l-promozzjoni indiskriminata tal-ħruġ ta’ liċenzji obbligatorji pan-Ewropej peress li dan jista’ jwassal għal tnaqqis fil-kontenut disponibbli għall-utenti: jenfasizza li l-prinċipju tat-territorjalità huwa element essenzjali fis-sistema tad-drittijiet tal-awtur minħabba l-importanza ta’ liċenzjar territorjali fl-UE;

2.4.Aċċess aħjar għall-kontenut diġitali - qafas tad-drittijiet tal-awtur modern u aktar Ewropew

39.  Jilqa’ l-impenn tal-Kummissjoni li timmodernizza l-qafas attwali tad-drittijiet tal-awtur attwali sabiex tadattah għall-era diġitali; jenfasizza li kwalunkwe modifika għandha tiġi mmirata u tiffoka fuq remunerazzjoni xierqa u ġusta għal min joħloq u għal detenturi oħrajn tad-drittijiet, fuq it-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività u t-titjib tal-esperjenza tal-konsumatur, iżda wkoll fuq il-ħtieġa li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali;

40.  Jenfasizza li l-attivitajiet professjonali jew il-mudelli kummerċjali bbażati fuq il-ksur tad-drittijiet tal-awtur huma theddida serja għall-funzjonament tas-Suq Uniku Diġitali;

41.  Jemmen li r-riforma għandha ssib il-bilanċ ġust bejn l-interessi kollha involuti; jindika li s-settur kreattiv għandu speċifiċitajiet u sfidi differenti, b’mod partikolari minħabba d-diversi tipi ta’ xogħlijiet ta' kontenut u kreattivi u l-mudelli tan-negozju użati; billi l-istudju "Territoriality and its impact on the financing of audiovisual works" jenfasizza r-rwol importanti ta' liċenzjar territorjali rigward il-finanzjament mill-ġdid ta' films Ewropej; jistieden għaldaqstant lill-Kummissjoni tidentifika u tikkunsidra aħjar dawn l-ispeċifiċitajiet;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe riforma tad-Direttiva dwar id-drittijiet tal-awtur tqis ir-riżultati tal-evalwazzjoni tal-impatt ex-post u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-9 ta’ Lulju 2015 dwar id-Direttiva 2001/29/KE, u tkun ibbażata fuq evidenza soda, inkluża valutazzjoni tal-impatt possibbli ta’ kwalunkwe modifika fuq it-tkabbir u l-impjiegi, fuq id-diversità kulturali u, b’mod partikolari fuq il-produzzjoni, il-finanzjament u d-distribuzzjoni ta’ xogħlijiet awdjoviżivi;

43.  Jenfasizza r-rwol kruċjali ta' eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet immirati għad-drittijiet tal-awtur fil-kontribuzzjoni għat-tkabbir ekonomiku, l-innovazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi, l-inkoraġġiment tal-kreattività fil-futur u t-titjib fl-innovazzjoni u d-diversità kreattiva u kulturali tal-Ewropa; ifakkar fl-appoġġ tal-Parlament għall-eżami tal-applikazzjoni ta' standards minimi għall-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet għad-drittijiet tal-awtur u l-applikazzjoni xierqa ta' dawk l-eċċezzjonijiet u l-limitazzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva 2001/29/KE;

44.  Jenfasizza li l-approċċ għal eċċezzjonijiet u limitazzjoni tad-drittijiet tal-awtur għandu jkun ibbilanċjat, immirat u newtrali fil-format u għandu jkun ibbażat biss fuq il-ħtiġijiet, u għandu jkun mingħajr preġudizzju għad-diversità kulturali Ewropea, il-finanzjament tagħha u r-remunerazzjoni ġusta tal-awturi;

45.  Jenfasizza li filwaqt li l-użu tal-estrazzjoni ta' testi u data jeħtieġ aktar ċertezza legali li tippermetti lir-riċerkaturi u l-istituzzjonijiet edukattivi jagħmlu użu usa' ta’ materjal protett mid-drittijiet tal-awtur, inkluż lil hinn mill-konfini Ewropej, kwalunkwe eċċezzjoni għal estrazzjoni ta' testi u ta' data għandha tapplika biss meta l-utent ikollu aċċess legali, u għandha tiġi żviluppata b’konsultazzjoni mal-partijiet interessati kollha, wara li tkun saret valutazzjoni tal-impatt ibbażata fuq il-provi;

46.  Jenfasizza l-importanza li jitjiebu ċ-ċarezza u t-trasparenza tar-reġim tad-drittijiet tal-awtur, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kontenut iġġenerat mill-utent u tal-imposti fuq l-ikkuppjar privat f’dawk l-Istati Membri li jagħżlu li japplikawhom; jinnota, f’dan ir-rigward, li ċ-ċittadini għandhom jiġu infurmati dwar l-ammont reali tal-imposta tad-drittijiet tal-awtur, l-iskop tagħha u kif se tintuża;

2.5.Tnaqqis fil-piżijiet u l-ostakoli relatati mal-VAT għall-bejgħ transfruntier

47.  Iqis li, b'rispett dovut għall-kompetenzi nazzjonali, sabiex tiġi evitata d-distorsjoni tas-suq, l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa u għall-ħolqien ta' Suq Uniku Diġitali Ewropew reali, aktar koordinazzjoni dwar it-tassazzjoni hija meħtieġa, li tirrikjedi, b'mod partikolari, l-istabbiliment ta' Bażi Komuni Konsolidata tat-Taxxa Korporattiva fil-livell tal-UE;

48.  Iqis bħala prijorità l-iżvilupp ta' sistema tal-VAT online simplifikata, uniformi u konsistenti biex jitnaqqsu l-ispejjeż ta' konformità għal kumpaniji żgħar u innovattivi li joperaw madwar l-Ewropa; jilqa' l-introduzzjoni tal-VAT f'Punt Uniku ta' Servizz Żgħir, li huwa pass lejn it-tmiem tar-reġim temporanju tal-VAT tal-UE; huwa mħasseb, madankollu, li n-nuqqas ta' limitu minimu jagħmilha diffiċli għal ċerti SMEs li jikkonformaw mar-reġim kurrenti; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi dan ir-reġim biex tagħmilha aktar faċli għan-negozji;

49.  Jitlob, barra minn hekk, li l-prinċipju tan-newtralità fiskali jiġi rrispettat b’mod sħiħ għal prodotti u servizzi simili, irrispettivament minn jekk ikunux diġitali jew fiżiċi; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta, skont l-impenji meħuda u mill-aktar fis possibbli, sabiex tippermetti lill-Istati Membri jnaqqsu r-rati ta' VAT għall-istampa, l-ippubblikar diġitali, kotba elettroniċi u pubblikazzjonijiet online sabiex tiġi evitata diskriminazzjoni fis-suq uniku;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet tat-taxxa u l-partijiet interessati biex tiżviluppa soluzzjonijiet xierqa għall-ħlas ta' taxxi fi ħdan l-ekonomija kollaborattiva;

51.  Jilqa' l-adozzjoni tar-rieżami tad-direttiva dwar is-servizzi ta' ħlas; jenfasizza li jekk l-Unjoni għandha ttejjeb il-kummerċ elettroniku fl-UE kollha, il-pagamenti elettroniċi u b'mezz mobbli istantanji fl-UE kollha taħt standard komuni u l-implimentazzjoni xierqa tar-rieżami tad-direttiva dwar is-servizzi ta' ħlas għandhom jinkisbu mingħajr dewmien,

3.NOĦOLQU KUNDIZZJONIJIET ĠUSTI U KUNDIZZJONIJIET EKWIVALENTI TA' KOMPETIZZJONI GĦAL NETWERKS DIĠITALI AVVANZATI U SERVIZZI INNOVATTIVI

3.1.Nadattaw ir-regoli dwar it-telekomunikazzjoni għall-iskop tagħhom

52.  Jenfasizza li l-investimenti privati fin-netwerks tal-komunikazzjoni veloċi u ultraveloċi huma rekwiżit għal kwalunkwe progress diġitali li għandhom jiġu inċentivati permezz ta' qafas regolatorju tal-UE stabbli li jippermetti lill-parteċipanti kollha jagħmlu investimenti, inkluż f’żoni rurali u remoti; iqis li l-kompetizzjoni miżjuda ġiet assoċjata ma' livelli ogħla ta' investiment fl-infrastruttura, l-innovazzjoni, l-għażliet u prezzijiet aktar baxxi għall-konsumaturi u n-negozji; iqis li teżisti ftit evidenza fl-Ewropa ta' rabta bejn il-konsolidazzjoni tal-operaturi u investiment u output miżjuda fin-netwerks; iqis li dan għandu jiġi vvalutat bir-reqqa, u jiġu infurzati r-regoli tal-kompetizzjoni, sabiex tiġi evitata konċentrazzjoni eċċessiva tas-suq, il-ħolqien ta' oligopolji fil-livell Ewropew u ta' impatt negattiv għall-konsumaturi;

53.  Jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni b'suċċess tal-FEIS biex jiġu mmassimizzati l-investimenti billi jiffukaw fuq proġetti bi profil ta' riskju ogħla, jagħtu spinta lill-irkupru ekonomiku, jistimulaw it-tkabbir u jinċentivizzaw l-investimenti privati, inter alia l-mikrofinanzjament u l-kapital ta' riskju biex jiġu appoġġjati kumpaniji innovattivi fi stadji differenti ta' finanzjament tal-iżvilupp tagħhom; jenfasizza, f'każijiet ta' falliment tas-suq, dwar l-importanza li jiġu sfruttati bis-sħiħ il-fondi pubbliċi diġà disponibbli għal investimenti diġitali, li jitħalla li jkun hemm sinerġiji bejn programmi tal-UE bħal Orizzont 2020, il-KEF, fondi strutturali rilevanti oħra u strumenti oħra, inklużi proġetti bbażati fuq il-komunità u l-għajnuna mill-Istat f'konformità mal-linji gwida ta' għajnuna mill-Istat, inter alia sabiex jiġu promossi netwerks WLAN pubbliċi f'muniċipalitajiet ikbar u iżgħar, peress li dan wera li huwa indispensabbli għall-integrazzjoni reġjonali, soċjali u kulturali kif ukoll għall-edukazzjoni;

54.  Ifakkar lill-Istati Membri dwar l-impenn tagħhom biex sal-2020 jintlaħaq id-dħul fl-użu sħiħ ta' mill-inqas mira minima ta' veloċitajiet ta' 30Mbps; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa jekk din l-istrateġija tal-broadband għal netwerks fissi u mobbli, inklużi l-miri, hijiex bi tħejjija għall-futur, u biex tissodisfa l-kundizzjonijiet għal konnettività tajba għal kulħadd sabiex jiġi evitat id-distakk diġitali għall-ħtiġijiet tal-ekonomija mmexxija mid-data u d-dħul rapidu fl-użu tal-5G u l-broadband ultraveloċi;

55.  Jenfasizza li l-iżvilupp diġitali, inklużi servizzi over-the-top (OTT), żiedu d-domanda u l-kompetizzjoni għall-benefiċċju tal-konsumaturi u l-ħtieġa għal investimenti fl-infrastruttura diġitali; iqis li l-modernizzazzjoni tal-qafas tat-telekomunikazzjonijiet m'għandhiex twassal għal piżijiet regolatorji mhux meħtieġa, iżda għandha tiggarantixxi aċċess mhux diskriminatorju għan-netwerks u timplimenta soluzzjonijiet għall-futur, ibbażati fejn ikun possibbli fuq regoli simili għal servizzi simili li jrawmu l-innovazzjoni u l-kompetizzjoni ġusta, u li jiżguraw il-protezzjoni tal-konsumatur;

56.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li d-drittijiet tal-utenti finali stabbiliti fil-qafas dwar it-telekomunikazzjonijiet ikunu koerenti, proporzjonati u bi tħejjija għall-futur, u, wara l-adozzjoni tal-Pakkett tal-Kontinent Konness, inkluż tibdil faċilitat u trasparenza tal-kuntratti għall-utenti finali; jilqa' r-rieżami li ġej tad-Direttiva tas-Servizzi Universali flimkien mal-eżami tal-qafas tat-telekomunikazzjonijiet biex jiżgura li r-rekwiżiti dwar aċċess għall-internet broadband b'veloċità għolja jkunu tajbin għall-iskop biex jitnaqqas id-distakk diġitali u tiġi eżaminata d-disponibbiltà tas-servizz tan-numru 112;

57.  Jenfasizza li s-Suq Uniku Diġitali Ewropew għandu jagħmel il-ħajja ta' kuljum aktar faċli għall-konsumatur finali; għalhekk jitlob lill-Kummissjoni biex issolvi l-problema tat-trasferiment transfruntier ta' telefonati, sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu telefonati mhux interrotti meta jaqsmu l-fruntieri fl-Unjoni;

58.  Jilqa' d-diversi konsultazzjonijiet pubbliċi kontinwi mnedija reċentement mid-DĠ Connect dwar l-aġenda diġitali għall-Ewropa, b'mod partikolari dwar ir-rieżami tar-regoli dwar it-telekomunikazzjoni tal-UE, dwar il-ħtieġa għal veloċità u kwalità tal-internet lil hinn mill-2020 u dwar il-pjattaformi, cloud u data Online, ir-responsabbiltà tal-intermedjarji, u l-ekonomija kollaborattiva, iżda jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tiżgura konsistenza fost dawn l-inizjattivi paralleli kollha;

59.  Jenfasizza li l-ispettru tar-radju huwa riżorsa ta' importanza kritika għas-suq intern għall-komunikazzjonijiet broadband mobbli u mingħajr fili, kif ukoll għax-xandir, u huwa essenzjali għall-kompetittività futura tal-Unjoni Ewropea; jitlob, bħala prijorità għal qafas armonizzat u favur il-kompetizzjoni, għall-assenjazzjoni tal-ispettru tar-radju u l-immaniġġjar effettiv biex jiġi evitat dewmien fl-allokazzjoni tal-ispettru, u għal kundizzjonijiet ekwi għall-atturi kollha tas-suq u, fid-dawl tar-Rapport Lamy(41), għal strateġija fit-tul dwar l-użi futuri tal-frekwenzi varji tal-ispettru, li huma meħtieġa b'mod partikolari għad-dħul fl-użu tal-5G;

60.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni f'waqtha u l-infurzar uniformi u trasparenti fl-Istati Membri kollha tar-regoli tat-telekomunikazzjoni tal-UE bħal "il-pakkett Kontinent Konness" huma pilastru kruċjali għall-istabbiliment ta' suq uniku diġitali, sabiex jiżguraw l-applikazzjoni rigoruża tal-prinċipju tan-newtralità tan-net u, b'mod partikolari, biex iwettqu rieżami komprensiv f'waqtu għat-tmiem tat-tariffi tar-roaming għall-konsumaturi Ewropej kollha sal-15 ta' Ġunju 2017;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni, sabiex tintegra aktar is-suq uniku diġitali, biex tiżgura t-twaqqif ta' qafas istituzzjonali aktar effiċjenti billi ssaħħaħ ir-rwol, il-kapaċità u d-deċiżjonijiet tal-BEREC ħalli tinkiseb applikazzjoni konsistenti tal-qafas regolatorju, tiġi żgurata sorveljanza fl-iżvilupp tas-suq uniku u jiġi solvut it-tilwim transkonfinali; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jitjiebu r-riżorsi finanzjarji u umani u tkompli tittejjeb l-istruttura ta' governanza tal-BEREC kif suppost;

3.2.Qafas tal-midja għas-Seklu 21

62.  Jenfasizza n-natura duwali tal-midja awdjoviżiva bħala riżorsa soċjali, kulturali u ekonomika; josserva li l-ħtieġa għal regolamentazzjoni tal-midja Ewropea futura tiġi mill-ħtieġa li tiżgura u tippromwovi d-diversità ta' midja awdjoviżiva u li tistabbilixxi standards għoljin għall-protezzjoni tal-minuri u l-konsumaturi u d-data personali, kundizzjonijiet ġusti ta' kompetizzjoni u flessibbiltà akbar fir-rigward ta' regoli ta' komunikazzjoni kummerċjali u kwantitattivi;

63.  Jenfasizza li l-"prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini" stabbilit fid-Direttiva AVMS huwa prerekwiżit neċessarju għall-forniment ta' kontenut awdjoviżiv bejn il-fruntieri, li jwassal għal suq komuni fis-servizzi; jenfasizza, fl-istess ħin, li dan il-prinċipju ma jxekkilx il-kisba ta' objettivi soċjali u kulturali u li dan ma jipprekludix il-ħtieġa li d-dritt tal-UE jiġi adattat barra mid-Direttiva AVMS; jenfasizza li, sabiex tiġi miġġielda l-prattika ta' "forum shopping", il-pajjiż ta' oriġini tal-profitt tar-reklamar, il-lingwa tas-servizz u l-pubbliku fil-mira tar-reklam u l-kontenut għandhom ikunu parti mill-kriterji biex jiġi ddeterminat jew ikkontestat il-"pajjiż ta' oriġini" ta' servizz tal-midja awdjoviżiva;

64.  Jemmen li kulħadd, inklużi l-fornituri ta' pjattaformi tal-midja awdjoviżiva online u l-interfaċċji tal-utenti, għandhom ikunu soġġetti għad-Direttiva AVMS safejn huwa kkonċernat servizz tal-midja awdjoviżiva; jenfasizza l-importanza ta' regoli mmirati lejn it-titjib fis-sitwazzjoni biex jinstab kontenut legali u informazzjoni sabiex jissaħħu l-libertà, il-pluraliżmu u r-riċerka indipendenti tal-midja, u biex jiġi ggarantit il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, billi jiġu salvagwardjati d-diversità lingwistika u kulturali; jenfasizza li biex tiġi żgurata l-idea tat-traċċabbiltà ta' kontenut awdjoviżiv ta' interess pubbliku, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu regoli speċifiċi li għandhom l-għan li jippreservaw id-diversità kulturali u lingwistika u l-varjetà ta' informazzjoni, opinjonijiet u midja, il-protezzjoni tat-tfal, taż-żgħażagħ u tal-minoranzi u l-protezzjoni tal-konsumaturi b'mod ġenerali; jitlob li jittieħdu miżuri biex jiġi żgurat li servizzi tal-midja awdjoviżiva jkunu aċċessibbli għal persuni vulnerabbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistimula l-offerta legali ta' kontenut tal-midja awdjoviżiva billi tiffavorixxi xogħlijiet indipendenti Ewropej;

65.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra x-xejriet dejjem jinbidlu tal-udjenza u mezzi ġodda biex jaċċessaw kontenut awdjoviżiv permezz ta' allinjament ta' servizzi lineari u mhux lineari u billi jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi f'livell Ewropew għas-servizzi tal-midja awdjoviżiva kollha, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-applikazzjoni konsistenti tagħhom, ħlief fejn tali kontenut ikun it-tlestija indispensabbli ta' ħaġa oħra għajr kontenut jew servizzi awdjoviżivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jiżviluppaw il-kunċett ta' servizzi tal-midja li ġie ddefinit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva AVMS b'mod li, filwaqt li l-Istati Membru jżommu grad xieraq ta' flessibbiltà, jittieħed iktar kont tal-impatt soċjopolitiku potenzjali tas-servizzi u ta' elementi karatteristiċi speċifiċi ta' dak l-impatt, partikolarment ir-rilevanza tagħhom għall-formazzjoni tal-opinjonijiet u għad-diversità tal-opinjoni, kif ukoll il-kwistjoni tar-responsabilità editorjali;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod ugwali, u jittrattaw b'mod effiċjenti, il-projbizzjoni ta' kwalunkwe servizz tal-midja awdjoviżiva fl-UE fil-każ ta' ksur tad-dinjità tal-bniedem, l-inċitament għall-mibegħda jew ir-razziżmu;

67.  Jenfasizza li l-adattament tad-Direttiva AVMS għandu jnaqqas ir-regolamentazzjoni u jsaħħaħ il-koregolazzjoni u l-awtoregolazzjoni billi jibbilanċja d-drittijiet u l-obbligi tax-xandara, permezz ta' approċċ regolatorju orizzontali u mal-midja kollha, ma' dawk ta' parteċipanti oħra tas-suq; iqis li wieħed għandu jagħti prijorità lill-prinċipju ta' rikonoxxibbiltà ċara u d-distinzjoni bejn ir-reklamar u l-kontenut tal-programmi fuq il-prinċipju ta' separazzjoni bejn il-kontenut tar-reklamar u tal-programmi fil-mezzi kollha tax-xandir; jistieden lill-Kummissjoni teżamina jekk għadux utli u pertinenti li taderixxi mat-taqsima 6.7 tal-komunikazzjoni tagħha dwar l-applikazzjoni ta' regoli dwar għajnuna mill-Istat għax-xandir tas-servizz pubbliku;

68.  Iqis li l-kunċett legali stabbilit fid-Direttiva 93/83/KEE, jista', wara li tkun saret valutazzjoni ulterjuri, itejjeb l-aċċess transkonfinali għall-kontenut u servizzi legali online fis-Suq Uniku Diġitali mingħajr ma jinxteħtu dubji dwar il-prinċipji tal-libertà kuntrattwali, ir-rimunerazzjoni adegwata lill-awturi u lill-artisti u n-natura territorjali tad-drittijiet esklużivi;

3.3.Ambjent regolatorju adattat għall-iskop għal pjattaformi u intermedjarji

3.3.1.Ir-rwol ta' pjattaformi online

69.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teżamina jekk kwistjonijiet potenzjali relatati ma' pjattaformi online jistgħux jiġu solvuti permezz tal-implimentazzjoni korretta u sħiħa tal-leġiżlazzjoni eżistenti u l-infurzar effettiv tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-UE, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u kompetizzjoni ġusta u effettiva bejn pjattaformi online u li jkun evitat il-ħolqien ta' monopolji; jistieden lill-Kummissjoni żżomm politika favur l-innovazzjoni fir-rigward ta' pjattaformi online li tiffaċilita d-dħul fis-suq u trawwem l-innovazzjoni; iqis li t-trasparenza, in-nondiskriminazzjoni, l-iffaċilitar ta' bdil bejn pjattaformi jew servizzi online li jippermettu l-għażliet tal-konsumaturi, l-aċċess għal pjattaformi, l-identifikazzjoni u l-indirizzar ta' ostakoli għall-ħolqien u l-avvanz tal-pjattaformi għandhom ikunu prijoritajiet;

70.  Jinnota li d-dispożizzjonijiet tal-ECD ssaħħew sussegwentement mid-Direttiva dwar Prattiki Kummerċjali Inġusti, id-Direttiva dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi u komponenti oħra tal-acquis tal-konsumatur u li dawn id-direttivi għandhom bżonn jiġu infurzati kif suppost u japplikaw għan-negozjanti li jużaw pjattaformi online daqs kemm japplikaw għal negozjanti fi swieq tradizzjonali; jistieden lill-Kummissjoni taħdem mal-partijiet interessati kollha u mal-Parlament biex tintroduċi gwida ċara dwar l-applikabbiltà tal-acquis tal-konsumatur għal negozjanti li jużaw pjattaformi online, u, fejn meħtieġ, għajnuna għall-awtoritajiet tal-protezzjoni tal-konsumatur tal-Istat Membru biex jinfurzaw kif suppost il-liġi dwar il-konsumatur;

71.  Japprezza l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tanalizza r-rwol ta' pjattaformi online fl-Ekonomija Diġitali bħala parti mill-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, minħabba li din se taffettwa bosta proposti leġiżlattivi li jmiss; jemmen li l-analiżi għandha sservi biex tidentifika problemi kkonfermati u definiti sew fi ħdan oqsma speċifiċi tan-negozju u nuqqasijiet possibbli f'termini ta' protezzjoni tal-konsumatur, u li ssir distinzjoni bejn is-servizzi online u l-fornituri tas-servizzi online; jenfasizza li l-pjattaformi li jittrattaw oġġetti kulturali, speċjalment tal-mezzi tax-xandir awdjoviżivi, iridu jiġu trattati b'mod speċifiku li jirrispetta l-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-protezzjoni u l-promozzjoni tad-diversità tal-espressjonijiet kulturali;

72.  Jitlob lill-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament fl-ewwel kwart tal-2016 dwar ir-riżultati ta' konsultazzjonijiet rilevanti u biex jiġi żgurat approċċ konsistenti fir-reviżjonijiet leġiżlattivi li jmiss; iwissi kontra l-ħolqien ta' distorsjonijiet fis-suq jew ostakli għad-dħul fis-suq għal servizzi online, billi jiġu introdotti obbligi ġodda li jissussidjaw b'mod inkroċjat mudelli ta' negozju tradizzjonali partikolari;

73.  Jenfasizza li r-responsabbiltà limitata ta' intermedjarji hija essenzjali għall-protezzjoni ta' internet miftuħ, id-drittijiet fundamentali, iċ-ċertezza legali u l-innovazzjoni; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, li d-dispożizzjonijiet dwar ir-responsabbiltà intermedjarja fid-Direttiva dwar il-Kummerċ Elettroniku huma tajbin għall-futur u teknoloġikament newtrali;

74.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, sabiex jibbenefika mil-limitazzjoni ta' responsabbiltà, il-fornitur ta' servizz għas-soċjetà tal-informazzjoni, malli jakkwista t-tagħrif attwali jew isir konxju tal-attivitajiet illegali, għandu jaġixxi mingħajr dewmien biex ineħħi jew iwaqqaf l-aċċess għall-informazzjoni kkonċernata; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-implimentazzjoni uniformi ta' din id-dispożizzjoni f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali sabiex tiġi evitata kwalunkwe privatizzazzjoni tal-infurzar tal-liġi u biex tiżgura li jittieħdu miżuri adegwati u raġonevoli kontra l-bejgħ ta' kontenut u oġġetti illegali;

75.  Iqis li, fid-dawl ta' swieq li jevolvu b'rata mgħaġġla u d-diversità ta' pjattaformi li jvarjaw minn pjattaformi mingħajr skop ta' qligħ għal pjattaformi B2B u li jinkludu servizzi u setturi differenti u varjetà wiesgħa ta' atturi, m'hemm l-ebda definizzjoni ċara ta' pjattaformi, u approċċ ta' "daqs wieħed għal kulħadd" jista' jfixkel b'mod serju l-innovazzjoni u jqiegħed lill-kumpaniji Ewropej fi żvantaġġ kompetittiv fl-ekonomija globali;

76.  Huwa tal-fehma li ċerti intermedjarji online u pjattaformi online jiġġeneraw dħul minn xogħlijiet u kontenut kulturali, iżda dan id-dħul mhux dejjem jista' jiġi kondiviż ma' min ikun ikkreah; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-għażliet bbażati fuq il-provi biex tindirizza kwalunkwe nuqqas ta' trasparenza u trasferiment ta’ valur minn kontenut għal servizzi li se jagħmilha possibbli għall-kittieba, l-artisti u d-detenturi tad-drittijiet biex jiġu remunerati b’mod ġust għall-użu tax-xogħlijiet tagħhom fuq l-internet mingħajr ma tixxekkel l-innovazzjoni;

3.3.2.Opportunitajiet ġodda offruti mill-ekonomija kollaborattiva

77.  Jilqa' ż-żieda fil-kompetizzjoni u l-għażla tal-konsumaturi li jirriżultaw minn ekonomija kollaborattiva, kif ukoll opportunitajiet għall-ħolqien ta' impjiegi, tkabbir ekonomiku, kompetittività, suq tax-xogħol aktar inklussiv u ekonomija tal-UE aktar ċirkolari permezz ta' użu aktar effiċjenti ta' riżorsi, kapaċitajiet u assi oħra; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw l-iżvilupp ulterjuri tal-iskambju tal-ekonomija billi jiġu identifikati l-ostakli artifiċjali u l-leġiżlazzjoni rilevanti li jxekklu t-tkabbir tagħha;

78.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tanalizza, fil-qafas ta' ekonomija kollaborattiva, kif wieħed jista' jsib bilanċ bejn l-għoti tas-setgħa u l-protezzjoni tal-konsumaturi u, fejn ikun hemm bżonn ta' kjarifika, biex tiġi żgurata l-adegwatezza tal-qafas leġiżlattiv relatat mal-konsumatur fl-isfera diġitali, inkluż f'każijiet ta' abbużi possibbli, u biex tiddetermina wkoll fejn ir-rimedji ex-post huma suffiċjenti jew aktar effettivi;

79.  Jinnota li huwa fl-interess tal-kumpaniji li jużaw dawn il-mudelli ta' negozju ġodda msejsa fuq ir-reputazzjoni u l-fiduċja, li jadottaw miżuri li jiskoraġġixxu l-attivitajiet illegali filwaqt li jipprovdu karatteristiċi ta' sikurezza għall-konsumatur ġodda;

80.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni twaqqaf grupp ta' partijiet interessati inkarigati mill-promozzjoni tal-aħjar prattiki fis-settur tal-ekonomija kollaborattiva;

81.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-politiki tal-impjieg u dawk soċjali jkunu tajbin għall-iskop tal-innovazzjoni diġitali, l-intraprenditorija, u t-tkabbir tal-ekonomija kollaborattiva u l-potenzjal tagħha għal aktar forom flessibbli ta' impjieg, billi jidentifikaw forom ġodda ta' impjiegi u jivvalutaw il-ħtieġa għall-modernizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni soċjali u tax-xogħol sabiex id-drittijiet eżistenti tal-impjieg u l-iskemi ta' servizzi soċjali jkunu jistgħu wkoll jinżammu fid-dinja diġitali tax-xogħol; jenfasizza li l-għoti ta' sigurtà soċjali hija l-kompetenza ta' Stat Membru; jitlob lill-Kummissjoni tidentifika u tiffaċilita l-iskambji tal-aħjar prattiki fl-UE f'dawn l-oqsma u fil-livell internazzjonali;

3.3.3.Il-ġlieda kontra l-kontenut illegali fuq l-Internet

82.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi politiki u qafas legali sabiex tindirizza ċ-ċiberkriminalità u kontenut u materjali illegali fuq l-internet, inklużi d-diskors ta' mibegħda, li jkunu f'konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali kif stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari d-dritt tal-libertà ta' espressjoni u informazzjoni, mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE jew tal-Istati Membri u mal-prinċipji tan-neċessità, il-proporzjonalità, il-proċess legali dovut u l-istat tad-dritt; iqis li, sabiex jintlaħaq dan l-għan, huwa neċessarju li:

   jiġu pprovduti għodda li jgħinu l-infurzar konsistenti u effiċjenti tal-liġi għall-aġenziji tal-pulizija Ewropej u nazzjonali u għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi;
   jingħataw linji gwida ċari dwar kif għandu jiġi indirizzat il-kontenut illegali online, inkluż id-diskors ta' mibegħda;
   jingħata appoġġ għal sħubijiet pubbliċi-privati, u d-djalogu bejn entitajiet pubbliċi u privati, f'konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE;
   jiġi ċċarat ir-rwol ta' intermedjarji u l-pjattaformi online b'rispett tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;
   jiġi żgurat li l-istabbiliment fi ħdan l-Europol tal-Unità ta' Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet tal-Unjoni Ewropea (EU IRU) ikun imsejjes fuq bażi legali li tkun xierqa għall-attivitajiet tiegħu;
   jiġi żgurat li miżuri speċjali biex jiġi miġġieled l-isfruttament sesswali tat-tfal online u kooperazzjoni effettiva bejn il-partijiet interessati kollha biex jiġu ggarantiti d-drittijiet u l-protezzjoni tat-tfal fuq l-internet u jitħeġġu inizjattivi li għandhom l-għan li l-internet isir sikur għat-tfal, u
   ikun hemm kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti biex jiġu promossi l-edukazzjoni u kampanji ta' sensibilizzazzjoni;

83.  Jilqa' l-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni biex timmodernizza l-infurzar tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali online fir-rigward tal-ksur fuq skala kummerċjali; iqis li l-infurzar tad-drittijiet tal-awtur kif stabbilit fid-Direttiva 2004/48/KE fl-Istati Membri kollha huwa importanti ħafna u li d-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati huma effettivi biss daqs il-miżuri ta' infurzar stabbiliti sabiex jipproteġuhom;

84.  Jenfasizza li l-UE qed taffaċċja għadd kbir ta' ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali; jenfasizza r-rwol tal-Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali li jipprovdi data affidabbli u analiżi oġġettiva tal-impatti tal-ksur fuq l-atturi ekonomiċi; jitlob għall-adozzjoni ta' approċċ effettiv, sostenibbli, proporzjonat u modernizzat għall-infurzar, l-implimentazzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali online, b'mod partikolari fir-rigward ta' ksur fuq skala kummerċjali;

85.  Jinnota li f'xi każijiet, ksur tad-drittijiet tal-awtur jista' jirriżulta minn diffikultajiet biex jinsab il-kontenut mixtieq li jkun disponibbli legalment; jitlob, għaldaqstant, li tiġi żviluppata u promossa għall-pubbliku firxa usa' ta' offerti legali li jkunu faċli għall-użu mill-utent;

86.  Jilqa' l-approċċ "segwi l-flus" u jinkoraġġixxi lill-atturi fil-katina tal-provvista biex jaġixxu b'mod koordinat u proporzjonat biex jiġi miġġieled il-ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali fuq skala kummerċjali, billi titkompla l-ħidma fuq il-prattiki ta' ftehimiet volontarji; jenfasizza li l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, għandha tippromwovi s-sensibilizzazzjoni u d-diliġenza dovuta tul il-katina tal-provvista u tħeġġeġ l-iskambju ta' informazzjoni u tal-aħjar prattiki, kif ukoll il-kooperazzjoni mtejba bejn is-settur pubbliku u dak privat; jinsisti li kwalunkwe miżura għandha tkun iġġustifikata, ikkoordinata u proporzjonata u tinkludu l-possibbiltà ta' rimedju effettiv u li jkun faċli għall-utenti għal partijiet affettwati b'mod negattiv; iqis li hu meħtieġ li jiżdied l-għarfien tal-konsumatur dwar il-konsegwenzi ta' ksur tad-drittijiet tal-awtur u tad-drittijiet relatati;

3.4.It-tisħiħ tal-fiduċja u s-sigurtà fin-netwerks diġitali, l-industriji, is-servizzi u l-infrastrutturi u fl-immaniġġjar ta' data personali

87.  Iqis li, sabiex ikunu żgurati l-fiduċja u s-sigurtà fis-servizzi diġitali, fit-teknoloġiji mmexxija mid-data u s-sistemi ta' ħlas, l-infrastruttura kritika u n-netwerks online, fejn aktar riżorsi huma meħtieġa kif ukoll il-kooperazzjoni bejn l-industrija taċ-ċibersigurtà Ewropea, is-settur pubbliku u dak privat, b'mod partikolari permezz ta' kooperazzjoni ta' riċerka inkluż Orizzont 2020, u s-sħubijiet pubbliċi-privati; jappoġġja l-iskambju ta' prattiki tajba tal-Istati Membri fil-PPPs f'dan il-qasam;

88.  Jitlob li jsiru sforzi biex titjieb ir-reżiljenza kontra l-attakki ċibernetiċi, bi rwol akbar għall-ENISA, b'mod partikolari, sabiex jiżdied l-għarfien tar-riskji u l-proċessi ta' sigurtà bażika ta' għarfien fost l-utenti, b'mod partikolari l-SMEs, biex jiġi żgurat li l-kumpaniji jkollhom livelli bażiċi ta' sigurtà, bħal kriptaġġ minn tarf sa tarf ta' data u komunikazzjonijiet u aġġornamenti tas-softwer, u biex jitħeġġeġ l-użu tal-kunċett ta' sigurtà mill-waqt tad-disinn;

89.  Iqis li l-fornituri tas-softwer għandhom iħeġġu aħjar il-vantaġġi ta' softwer "open source" u l-aġġornamenti ta' softwer relatati mas-sigurtà għall-utenti; jistieden lill-Kummissjoni tesplora programm ta' żvelar tal-vulnerabbiltà koordinata madwar l-UE kollha, inkluża t-tiswija ta' vulnerabbiltajiet tas-softwer magħrufa, bħala rimedju kontra l-abbuż ta' vulnerabbiltajiet tas-softwer u ksur fis-sigurtà u fid-data personali;

90.  Jemmen li l-adozzjoni rapida tal-abbozz tad-Direttiva NIS adattata hija meħtieġa biex tipprovdi approċċ ikkoordinat tal-UE dwar iċ-ċibersigurtà; iqis li livell iktar ambizzjuż ta' kooperazzjoni fost l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-korpi rilevanti tal-UE, u l-iskambju tal-aħjar prattiki, huma essenzjali għal aktar diġitalizzazzjoni tal-industrija, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-UE, partikolarment il-protezzjoni tad-data;

91.  Jenfasizza l-fatt li n-numru li qed jikber b'rata mgħaġla ta' attakki fuq netwerks u atti taċ-ċiberkriminalità jitlob li jkun hemm rispons armonizzat mill-UE u l-Istati Membri tagħha, bil-ħsieb li jiġi żgurat livell għoli ta' sigurtà tan-netwerk u tal-informazzjoni; jemmen li l-forniment tas-sigurtà fuq l-internet ifisser il-protezzjoni tan-netwerks u tal-infrastruttura kritika, li jiżgura l-kapaċità tal-aġenziji tal-infurzar tal-liġi fil-ġlieda kontra l-kriminalità, inkluż it-terroriżmu, ir-radikalizzazzjoni vjolenti u l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal online, u l-użu ta' data li tkun strettament neċessarja għall-ġlieda kontra l-kriminalità online u offline; jenfasizza li s-sigurtà, hekk definita, flimkien mal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fiċ-ċiberspazju, hija kruċjali biex tissaħħaħ il-fiduċja fis-servizzi diġitali u għalhekk hija bażi neċessarja biex jiġi stabbilit suq uniku diġitali kompetittiv;

92.  Ifakkar li għodod bħalma huwa l-kriptaġġ huma utli għaċ-ċittadini u n-negozji bħala mezz biex jiġu żgurati l-privatezza u tal-inqas livell bażiku ta' komunikazzjoni dwar is-sigurtà; jikkundanna l-fatt li dan jista' jintuża wkoll għal skopijiet kriminali;

93.  Jilqa' ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità (EC3) fi ħdan il-Europol, li jikkontribwixxi għal rispons aktar rapidu fl-eventwalità ta' attakki ċibernetiċi; jitlob għal proposta leġiżlattiva li ssaħħaħ il-mandat tal-EC3, u jitlob biex ikun hemm traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/40/UE tat-12 ta' Awwissu 2013 dwar attakki kontra sistemi ta' informazzjoni;

94.  Jinnota li r-rivelazzjonijiet ta' sorveljanza elettronika tal-massa wrew il-ħtieġa li terġa' tinkiseb il-fiduċja taċ-ċittadini fil-privatezza, is-sikurezza u s-sigurtà tas-servizzi diġitali, u jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa ta' konformità stretta ma' leġiżlazzjoni eżistenti dwar il-protezzjoni tad-data u r-rispett tad-drittijiet fundamentali, meta tkun qed tiġi pproċessata data personali għal finijiet kummerċjali jew ta' infurzar tal-liġi; ifakkar, f'dan il-kuntest, fl-importanza ta' għodod eżistenti bħal trattati dwar l-għajnuna legali reċiproka (Mutual Legal Assistance Treaties - MLATs), li jirrispettaw l-istat tad-dritt u jnaqqsu r-riskju ta' aċċess mhux xieraq għal data li tkun maħżuna f'territorju barrani;

95.  Itenni li, skont l-Artikolu 15(1) tad-Direttiva dwar il-kummerċ elettroniku (2000/31/KE), "L-Istati Membri m'għandhomx jimponu obbligu ġenerali fuq dawk li jipprovdu" servizzi ta' trażmissjoni, ħżin u servizzi ta' hosting, "li jagħmlu monitoraġġ tal-informazzjoni li huma jittrażmettu jew iżommu, l-anqas obbligu ġenerali biex ikunu mfittxija fatti jew ċirkostanzi li jindikaw attività illegali"; itenni, b'mod partikolari, li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, fis-sentenzi tagħha tal-kawżi C-360/10 u C-70/10, ċaħdet miżuri għall-"monitoraġġ attiv" ta' kważi l-utenti kollha tas-servizzi kkonċernati (fornituri tal-aċċess tal-internet f'kawża minnhom, netwerk soċjali fil-kawża l-oħra), u speċifikat li kwalunkwe inġunzjoni li titlob li fornitur ta' servizzi ta' hosting iwettaq monitoraġġ ġenerali għandha tiġi pprojbita;

4.IL-MASSIMIZZAZZJONI TAL-POTENZJAL TA' TKABBIR TAL-EKONOMIJA DIĠITALI

96.  Jemmen li, fid-dawl tal-importanza tal-industrija Ewropea u tal-ekonomija diġitali li qed tikber b'rata aktar mgħaġġla mill-bqija tal-ekonomija, it-trasformazzjoni diġitali tal-industrija hija essenzjali għall-kompetittività tal-ekonomija Ewropea u t-tranżizzjoni tal-enerġija tagħha, imma tista' tkun ta' suċċess biss jekk il-kumpaniji Ewropej jifhmu l-importanza tagħha f'termini ta' effiċjenza akbar u aċċess għal potenzjal mhux sfruttat, b'aktar ktajjen ta' valur integrati u konnessi li jkunu jistgħu jirreaġixxu malajr u b'mod flessibbli għat-talbiet tal-konsumaturi;

97.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa mingħajr dewmien il-pjan ta' trasformazzjoni diġitali, inkluż l-immodernizzar ta' leġiżlazzjoni u l-użu ta' strumenti rilevanti għall-investiment fl-R&D u l-infrastruttura, biex tappoġġja d-diġitalizzazzjoni tal-industrija fis-setturi kollha, bħalma huma l-produzzjoni, is-setturi tal-enerġija, tat-trasport u tal-bejgħ bl-imnut, billi titħeġġeġ l-adozzjoni ta' teknoloġiji diġitali u l-konnettività minn tarf sa ieħor f'katini ta' valur, kif ukoll servizzi innovattivi u mudelli kummerċjali;

98.  Iqis li l-qafas regolatorju għandu jippermetti lill-industriji li jħaddnu u jantiċipaw dawk il-bidliet sabiex jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi, it-tkabbir u l-konverġenza reġjonali;

99.  Jitlob, barra minn hekk, għal fokus speċjali fuq l-SMEs, inkluż b'mod partikolari l-possibbiltà ta' reviżjoni tal-Att dwar in-Negozji ż-Żgħar, billi t-trasformazzjoni diġitali tagħhom hija essenzjali għall-kompetittività u l-ħolqien tal-impjiegi fl-ekonomija u għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn kumpaniji stabbiliti u start-ups li jistgħu jwasslu għal mudell industrijali aktar sostenibbli u kompetittiv u l-ħolqien ta' mexxejja globali;

100.  Itenni l-importanza tas-Sistemi Ewropej ta' Navigazzjoni bis-Satellita, b'mod partikolari Galileo u EGNOS għall-iżvilupp tas-Suq Uniku Diġitali fir-rigward tal-pożizzjoni tad-data u l-kronogramma għall-applikazzjonijiet tal-Big Data u tal-internet tal-oġġetti;

4.1.Il-bini ta' ekonomija tad-data

101.  Iqis li ekonomija mmexxija mid-data hija essenzjali għat-tkabbir ekonomiku; jenfasizza l-opportunitajiet li teknoloġiji ġodda tal-ICT bħal Big Data, cloud computing, l-internet tal-oġġetti, l-istampar 3D u teknoloġiji oħra jistgħu joħolqu għall-ekonomija u s-soċjetà, speċjalment jekk ikunu integrati ma' setturi oħra bħall-enerġija, it-trasport u l-loġistika, is-servizzi finanzjarji, l-edukazzjoni, il-bejgħ bl-imnut, il-manifattura, ir-riċerka jew is-saħħa u s-servizzi ta' emerġenza, u jekk użati mill-awtoritajiet pubbliċi biex jiġu żviluppati bliet intelliġenti, ir-riżorsi jiġu ġestiti aħjar u titjieb il-protezzjoni ambjentali; Jenfasizza b'mod partikolari l-opportunitajiet li toffri d-diġitalizzazzjoni tas-settur tal-enerġija, b'miters intelliġenti, grilji intelliġenti u ċentri tad-data għal produzzjoni tal-enerġija aktar effiċjenti u flessibbli; jissottolinja l-importanza ta' sħubija pubblika-privata u jilqa' inizjattivi tal-Kummissjoni f'dan ir-rigward;

102.  Jitlob lill-Kumissjoni tistudja l-possibbiltà li tagħmel aċċessibbli u mingħajr ħlas f'forma diġitali il-proġetti kollha ta' riċerka xjentifika ffinanzjati għall-inqas sa 50% mill-fondi pubbliċi fi żmien raġonevoli li ma jagħmilx ħsara lill-qligħ ekonomiku u soċjali inkluż l-użu ta' pubblikaturi f'dan il-qasam;

103.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel, sa Marzu 2016, reviżjoni wiesgħa u trasparenti dwar il-Big Data li tinvolvi l-esperti rilevanti kollha, inkluż ir-riċerkaturi, is-soċjetà ċivili u s-settur pubbliku u dak privat, immirati lejn l-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet tat-teknoloġiji tal-Big Data u għall-kalkolu tal-infrastruttura, b'mod partikolari dawk dwar is-superkompjuters Ewropej, inklużi kondizzjonijiet aħjar fil-qafas regolatorju eżistenti u mhux regolatorji għat-tkabbir u l-innovazzjoni f'dan is-settur, u li jiġu mmassimizzati l-opportunitajiet u l-indirizzar ta' riskji potenzjali u sfidi biex tinbena fiduċja relatata, pereżempju, mal-aċċess għad-data, is-sigurtà u l-protezzjoni tad-data;

104.  Jitlob għall-iżvilupp ta' approċċ Ewropew li ma jkollux iżjed problemi fil-futur u li jkun teknoloġikament newtrali u aktar integrazzjoni tas-suq uniku relatati mal-internet tal-oġġetti u l-internet industrijali, bi strateġija trasparenti ta' stabbiliment tal-istandards u l-interoperabilità, u t-tisħiħ ta' fiduċja f'dawn it-teknoloġiji permezz ta' sigurtà, trasparenza u privatezza bid-disinn u b'mod awtomatiku; jilqa' l-inizjattiva tal-"fluss liberu tad-data" li għandha, wara valutazzjoni komprensiva, tiċċara r-regoli dwar l-użu, aċċess għal u s-sjieda tad-data, filwaqt li jitqies it-tħassib dwar l-impatt ta' rekwiżiti ta' lokalizzazzjoni tad-data dwar il-funzjonament tas-suq uniku, u jiġi ffaċilitat il-qlib bejn fornituri tas-servizz tad-data biex jiġu evitati l-lock-in u d-distorsjonijiet tas-suq;

105.  Jemmen li l-amministrazzjonijiet pubbliċi għandu jkollhom data governattiva miftuħa b'mod awtomatiku; iħeġġeġ li jsir progress dwar il-grad u r-ritmu ta' ħruġ ta' informazzjoni bħala data miftuħa, fuq l-identifikazzjoni ta' settijiet ta' data ewlenin biex ikunu disponibbli u fuq il-promozzjoni tal-użu mill-ġdid tad-data miftuħa b'mod miftuħ, minħabba l-valur tagħhom għall-iżvilupp ta' servizzi innovattivi, inklużi soluzzjonijiet transkonfinali, it-trasparenza, u benefiċċji għall-ekonomija u s-soċjetà;

106.  Jirrikonoxxi t-tħassib dejjem jikber tal-konsumaturi tal-UE dwar l-użu u l-protezzjoni ta' data personali mill-fornituri tas-servizzi online, peress li dan huwa essenzjali biex jinbnew il-fiduċja tal-konsumaturi fl-ekonomija diġitali; jenfasizza r-rwol importanti tal-konsumaturi attivi fit-trawwim tal-kompetizzjoni; jenfasizza għalhekk l-importanza li l-konsumaturi jkunu infurmati aħjar dwar l-użu tad-data tagħhom, b'mod partikolari fil-każ ta' servizzi mogħtija bi skambju ta' data, u dwar id-dritt tagħhom għall-portabbiltà tad-data; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiċċara r-regoli dwar il-kontroll tad-data u l-portabbiltà tad-data f'konformità mal-prinċipju ewlieni li ċ-ċittadini għandu jkollhom kontroll tad-data tagħhom;

107.  Jemmen li l-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data u s-salvagwardji effettivi tal-privatezza u s-salvagwardji tas-sigurtà, kif stabbilit fir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, inklużi d-dispożizzjonijiet speċjali fir-rigward tat-tfal bħala konsumaturi vulnerabbli, huma kruċjali għall-bini tal-fiduċja taċ-ċittadini u l-konsumaturi fis-settur tal-ekonomija mmexxija mid-data; jenfasizza l-ħtieġa li titqajjem kuxjenza dwar ir-rwol ta' data u t-tifsira tal-qsim tad-data għall-konsumaturi, fir-rigward tad-drittijiet fundamentali tagħhom u fl-ekonomija, u li jiġu stabbiliti regoli dwar is-sjieda tad-data u l-kontroll taċ-ċittadini fuq id-data personali tagħhom; jenfasizza r-rwol tal-personalizzazzjoni tas-servizzi u l-prodotti li għandhom jiġu żviluppati f'konformità mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data; jitlob għall-promozzjoni tal-privatezza b'mod awtomatiku u bid-disinn, li jista' jkollu wkoll impatt pożittiv fuq l-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat approċċ mhux diskriminatorju għall-ipproċessar kollu tad-data; jissottolinja l-importanza ta' approċċ ibbażat fuq ir-riskju, li jgħin biex jiġi evitat kwalunkwe piż amministrattiv bla bżonn u jipprovdi ċertezza legali, speċjalment għal SMEs u negozji ġodda, kif ukoll is-sorveljanza demokratika u sorveljanza kostanti mill-awtoritajiet pubbliċi; jenfasizza li data personali teħtieġ protezzjoni speċjali u jirrikonoxxi li l-istabbiliment ta' salvagwardji addizzjonali, bħall-użu ta' psewdonimi jew l-anonimità, jistgħu jtejbu l-protezzjoni meta d-data personali tintuża minn applikazzjonijiet tal-Big Data u l-fornituri tas-servizzi online;

108.  Jinnota li l-valutazzjoni tal-Kummissjoni tad-Direttiva dwar id-Databases tqis din id-direttiva bħala ostaklu għall-iżvilupp ta' ekonomija Ewropea mmexxija mid-data; jistieden lill-Kummissjoni ssegwi għażliet politiċi għat-tħassir tad-Direttiva 96/9/KE;

4.2.Spinta lill-kompetittività permezz ta' interoperabbiltà u standardizzazzjoni

109.  Iqis li l-pjan ta' standardizzazzjoni tal-ICT Ewropew u r-reviżjoni tal-qafas ta' interoperabilità, inklużi l-mandati tal-Kummissjoni għall-organizzazzjonijiet Ewropej tal-istandardizzazzjoni, għandhom ikunu parti minn strateġija diġitali Ewropea biex joħolqu ekonomiji ta' skala, iffrankar fil-baġit u kompetittività mtejba għall-kumpaniji Ewropej, u biex iżidu l-interoperabbiltà transsettorjali u transkonfinali ta' oġġetti u servizzi permezz ta' definizzjoni aktar mgħaġġla, b'mod miftuħ u kompetittiv, volontarju u mmexxi mis-suq u standards globali li jkunu faċilment implimentati mill-SMEs; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-proċessi ta' standardizzazzjoni jinkludu l-partijiet interessati kollha, jattiraw l-aqwa teknoloġiji u jevitaq ir-riskju tal-ħolqien ta' monopolji jew katini ta' valur magħluqa, speċjalment għal SMEs u negozji ġodda, u biex tippromwovi b'mod attiv standards Ewropej internazzjonalment fid-dawl tan-natura globali ta' inizjattivi ta' standardizzazzjoni tal-ICT;

110.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iżidu s-sehem tas-softwer liberu u b'sors miftuħ u l-użu mill-ġdid tiegħu fl-amministrazzjonijiet pubbliċi, kif ukoll bejniethom, bħala soluzzjoni biex tiżdied l-interoperabbiltà;

111.  Jinnota li l-Kummissjoni bħalissa qed tikkonsulta mal-partijiet interessati rilevanti dwar l-istabbiliment ta' pjattaforma mmuntata fil-vetturi interoperabbli, standardizzata, sikura u b'aċċess miftuħ għal applikazzjonijiet jew servizzi possibbli fil-futur, kif mitlub mill-Parlament fir-Regolament eCall; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li din il-pjattaforma ma tillimitax l-innovazzjoni, il-kompetizzjoni ħielsa u l-għażla tal-konsumatur;

112.  Jistieden lill-Kummissjoni, b’kont meħud tal-innovazzjoni rapida fis-settur tat-trasport, tiżviluppa strateġija koordinata dwar il-konnettività fis-settur tat-trasport u, b’mod partikolari, biex tistabbilixxi qafas regolatorju għal vetturi konnessi li jiżgura l-interoperabbiltà ma' servizzi differenti, inklużi dijanjostiċi remoti u manutenzjoni, u applikazzjonijiet biex tinżamm kompetizzjoni ġusta u biex jissodisfaw ħtieġa qawwija għal prodotti li jikkonformaw maċ-ċibersigurtà u mar-rekwiżiti tal-protezzjoni tad-data, iżda wkoll biex jiżguraw is-sigurtà fiżika tal-passiġġieri; jemmen li huma meħtieġa sħubijiet bejn l-industriji tal-vetturi tat-toroq u dawk tat-telekomunikazzjonijiet sabiex jiġi żgurat li jiġu żviluppati vetturi konnessi u infrastruttura tal-vetturi konnessi abbażi ta' standards komuni fl-Ewropa;

4.3.Soċjetà elettronika inklużiva

113.  Jinnota li l-Internet u l-ICT għandhom impatt enormi fuq l-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet; jirrikonoxxi li l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-settur diġitali tal-UE għandha impatt pożittiv fuq il-PDG Ewropew; jirrikonoxxi l-potenzjal enormi tal-innovaturi u l-intraprendituri nisa u r-rwol importanti li dawn jista' jkollhom fit-trasformazzjoni diġitali; jenfasizza l-ħtieġa li jingħelbu l-isterjotipi tas-sessi, u jappoġġja bis-sħiħ u jinkoraġġixxi kultura intraprenditorjali diġitali għan-nisa, kif ukoll l-integrazzjoni u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà tal-informazzjoni;

114.  Jirrikonoxxi l-potenzjal tas-Suq Uniku Diġitali biex jiżgura l-aċċessibbiltà u l-parteċipazzjoni għaċ-ċittadini kollha, inklużi persuni bi bżonnijiet speċjali, l-anzjani, il-minoranzi u ċ-ċittadini l-oħra li jappartjenu għal gruppi vulnerabbli, dwar l-aspetti kollha tal-ekonomija diġitali, inklużi prodotti u servizzi protetti bid-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati, speċjalment permezz tal-iżvilupp ta' soċjetà elettronika inklużiva u jiġi żgurat li l-programmi tal-Gvern elettroniku u l-Amministrazzjoni elettronika jkunu kompletament aċċessibbli; huwa mħasseb ħafna dwar in-nuqqas ta' progress fir-ratifika tat-Trattat ta' Marrakexx u jħeġġeġ ir-ratifika tiegħu kemm jista' jkun malajr; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-urġenza ta' adozzjoni rapida tal-proposta għal Direttiva dwar l-aċċessibilità tal-websajts tal-korpi fis-settur pubbliku;

4.3.1.Ħiliet u kompetenzi diġitali

115.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li n-nuqqas ta' tqabbil bejn il-forniment u d-domanda fir-rigward tal-ħiliet hija problema għall-iżvilupp tal-ekonomija diġitali, il-ħolqien ta' impjiegi u għall-kompetittività tal-Unjoni, u jistieden lill-Kummissjoni, bħala kwistjoni ta' urġenza, biex jiżviluppaw strateġija ta' ħiliet li jistgħu jindirizzaw dan in-nuqqas; jistieden lill-Kummissjoni biex, fost l-oħrajn, tuża l-approprjazzjonijiet mill-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ biex tappoġġja assoċjazzjonijiet (movimenti lokali) li jgħallmu l-ħiliet diġitali lil żgħażagħ żvantaġġati; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ billi jipprovdu l-bini neċessarju;

116.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu l-litteriżmu medjatiku u l-kompetenza tal-internet għaċ-ċittadini kollha tal-UE, b'mod partikolari persuni vulnerabbli, permezz ta' inizjattivi u azzjoni koordinata u l-investiment fil-ħolqien ta' netwerks Ewropej għat-tagħlim tal-litteriżmu medjatiku; jenfasizza li l-kapaċita li tintuża l-midja b'mod indipendenti u b'mod kritiku, u t-trattament ta' informazzjoni eċċessiva, jirrappreżentaw kompitu ta' tagħlim tul il-ħajja bejn ġenerazzjoni u oħra li huwa soġġett għal bidla kostanti sabiex il-ġenerazzjonijiet kollha jkunu jistgħu jimmaniġġjaw it-trattament xieraq u awtonomu ta' informazzjoni eċċessiva; jirrimarka li hekk kif il-profili tal-impjiegi u l-ħiliet qed isiru aktar kumplessi, eżiġenzi ġodda – speċjalment fir-rigward ta' ħiliet tal-informazzjoni u t-teknoloġija tal-komunikazzjoni (ICT) – qed jitpoġġew fuq it-taħriġ, kif ukoll fuq aktar edukazzjoni u tagħlim tul il-ħajja;

117.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri integraw l-akkwist ta' ħiliet diġitali fil-kurrikula tal-iskejjel, biex itejbu t-tagħmir tekniku meħtieġ u biex jippromwovu l-kooperazzjoni bejn l-universitajiet u l-kulleġġi tekniċi bil-għan li jiġu żviluppati kurrikuli ta' tagħlim elettroniku komuni li huma rikonoxxuti fis-sistema ECTS; jenfasizza li l-kurrikuli tal-edukazzjoni u t-taħriġ iridu jimmiraw lejn approċċ tal-iżvilupp ta' ħsieb kritiku għall-użu u l-fehim sħiħ tal-midja ġdida, apparati u interfaċċji diġitali u tal-informazzjoni, li permezz tagħhom in-nies ikunu utenti attivi ta' dawn it-teknoloġiji ġodda u mhux sempliċiment utenti finali; jenfasizza l-importanza ta' taħriġ xieraq għall-għalliema b'ħiliet diġitali, f'kif jiġu mgħallma dawn il-ħiliet b'mod effiċjenti, inkluż is-suċċess tat-tagħlim diġitali bbażat fuq il-logħob, u dwar kif jużawhom biex jiġi appoġġjat il-proċess tat-tagħlim b'mod ġenerali billi jsiru aktar attraenti l-matematika, l-IT, ix-xjenza u t-teknoloġija; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jintensifikaw ir-riċerka dwar l-effetti tal-mezzi tax-xandir diġitali fuq il-ħiliet konjittivi;

118.  Jinnota li l-investiment pubbliku u privat, u opportunitajiet ġodda ta' finanzjament fl-edukazzjoni vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja, huma meħtieġa biex jiżguraw li l-ħaddiema, speċjalment il-ħaddiema inqas kwalifikati, jkunu mgħammra bil-ħiliet it-tajba għall-ekonomija diġitali; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri biex, flimkien mal-industrija privata, jiżviluppaw korsijiet għat-taħriġ online aċċessibbli b'mod faċli, standardizzati u ċċertifikati, u programmi ta' taħriġ tal-ħiliet elettroniċi innovattivi u aċċessibbli sabiex jgħallmu lill-parteċipanti livell minimu ta' ħiliet diġitali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu dawn il-korsijiet online komponent integrali mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu l-bażi għal rikonoxximent reċiproku ta' ħiliet u kwalifiki diġitali permezz tat-twaqqif ta' sistema Ewropea ta' klassifikazzjoni jew ċertifikat Ewropew, fuq l-eżempju tal-Qafas Komuni Ewropew ta' Referenza għat-tagħlim tal-lingwi; jenfasizza li d-diversità kulturali fl-Ewropa, kif ukoll il-multilingwiżmu, jibbenefikaw minn aċċess transfruntier għall-kontenut;

119.  Jilqa' t-twaqqif tal-gran koalizzjoni għall-impjiegi diġitali fil-livell Ewropew, jinkoraġġixxi n-negozji biex jingħaqdu u jħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni attiva tal-SMEs; jilqa' l-kunsiderazzjonijiet tal-Kummissjoni fir-rigward tal-kostruzzjoni ta' sistemi ta' ħżin ġodda ta' għarfien għas-settur pubbliku permezz ta' teknoloġiji tal-cloud kif ukoll permezz ta' servizzi ta' estrazzjoni tat-test u tad-data li jkunu ċertifikati u sikuri skont il-liġi dwar il-protezzjoni tad-data. huwa tal-fehma li l-użu ta' dawn it-teknoloġiji jitlob sforzi għal taħriġ speċjali fil-professjonijiet tal-librerija, l-arkivjar u d-dokumentar; jitlob sabiex il-forom diġitali ta' xogħol kollaborattiv u l-komunikazzjoni – bl-użu u l-iżvilupp ta' liċenzji CC – jiġu mgħallma u applikati lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u lingwistiċi fl-edukazzjoni u t-taħriġ, u fi stabbilimenti pubbliċi ta' riċerka, u jiġu promossi fi proċeduri ta' akkwist pubbliku; jinnota r-rwol vitali tat-taħriġ duwali;

120.  Jinnota wkoll li l-investiment pubbliku u privat fl-edukazzjoni vokazzjonali u t-tagħlim tul il-ħajja huma neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-forza tax-xogħol tal-UE, inklużi "l-ħaddiema diġitali" li jaħdmu f'forom ta' xogħol mhux standard, jkunu mgħammra bil-ħiliet it-tajba għall-ekonomija diġitali; jinnota li xi Stati Membri introduċew drittijiet li jiggarantixxu lill-ħaddiema intitolamenti minimi għal liv edukattiv imħallas bħala miżura sabiex jittejjeb l-aċċess tal-ħaddiema għall-edukazzjoni u t-taħriġ;

4.3.2.Gvern elettroniku

121.  Jemmen li l-iżvilupp ta' amministrazzjoni elettronika huwa prijorità għall-innovazzjoni, peress li għandu effett ta' lieva fuq is-setturi kollha tal-ekonomija u jtejjeb l-effiċjenza, l-interoperabbiltà u t-trasparenza, inaqqas l-ispejjeż u l-piż amministrattiv, jippermetti kooperazzjoni aħjar bejn l-amministrazzjonijiet pubbliċi, u jipprovdi servizzi personalizzati, aħjar u li jkunu aktar faċli għaċ-ċittadini u n-negozji kollha fid-dawl tal-opportunitajiet offruti minn innovazzjonijiet soċjali diġitali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tmexxi bl-eżempju fil-qasam tal-gvern elettroniku u biex tiżviluppa, flimkien mal-Istati Membri, pjan ta' azzjoni tal-gvern elettroniku ambizzjuż u komprensiv; jemmen li dan il-pjan ta' azzjoni għandu jkun ibbażat fuq il-ħtiġijiet tal-utenti u l-aħjar prattiki, inklużi punti ta' riferiment għall-progress, approċċ settorjali li jimxi pass pass biex japplika l-"prinċipju ta' darba biss" f'amministrazzjonijiet pubbliċi li skontu, iċ-ċittadini u n-negozji ma għandhomx jintalbu informazzjoni diġà pprovduta lil awtorità pubblika, filwaqt li tiġi żgurata l-privatezza taċ-ċittadini u livell għoli ta' protezzjoni tad-data f'konformità mar-rekwiżiti u l-prinċipji tal-pakkett ta' Riforma tal-Protezzjoni tad-Data tal-UE u f'konformità sħiħa mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll livell għoli ta' sigurtà fir-rigward ta' dawn l-inizjattivi; iqis li għandu wkoll jiġi żgurat id-dħul fl-użu transkonfinali sħiħ ta' firem elettroniċi u identifikazzjoni elettronika kriptati ferm, b'mod partikolari bl-implimentazzjoni rapida tar-Regolament eIDAS u d-disponibbiltà online miżjuda tas-servizzi pubbliċi; jenfasizza l-importanza għaċ-ċittadini u n-negozji li jkollhom aċċess għal reġistri kummerċjali interkonnessi;

122.  Jitlob għall-iżvilupp ta' portal diġitali uniku komprensiv u aċċessibbli għal kollox, li jibni fuq l-inizjattivi u n-netwerks diġà eżistenti, bħala proċess diġitali minn tarf sa tarf uniku għan-negozji biex jistabbilixxu u joperaw fl-UE, inkluż it-twaqqif online tan-negozji kif ukoll l-ismijiet ta' dominju, l-iskambju ta' informazzjoni dwar l-informazzjoni dwar il-konformità, ir-rikonoxximent tal-fatturi elettroniċi, il-preżentazzjoni tat-taxxi, skema tal-VAT online simplifikata, informazzjoni online dwar il-konformità tal-prodotti, il-kiri ta' riżorsi u l-kollokament tal-ħaddiema, id-drittijiet tal-konsumatur, l-aċċess għal netwerks tal-konsumaturi u tan-negozji, il-proċeduri ta' notifika u l-mekkaniżmi għal soluzzjoni tat-tilwim;

123.  Jistieden ukoll lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Punti ta' Kuntatt Uniku, kif stabbilit skont id-Direttiva tas-Servizzi, u biex jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiggarantixxu l-funzjonament effiċjenti tagħhom, u b'hekk jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ tagħhom;

124.  Huwa mħasseb li l-infrastrutturi cloud għar-riċerkaturi u l-universitajiet huma frammentati; jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-partijiet interessati rilevanti kollha, biex jistabbilixxu pjan ta' azzjoni li jwassal għall-istabbiliment tal-Fond Ewropew tax-Xjenza tal-Cloud Miftuħa sa tmiem l-2016, li għandu jintegra bla xkiel in-netwerks eżistenti, id-data u s-sistemi tal-informatika bi prestazzjoni għolja u ta' servizzi tal-infrastruttura elettronika madwar oqsma xjentifiċi, fi ħdan qafas ta' politiki, standards u investimenti komuni; jemmen li għandu jservi bħala stimulu għall-iżvilupp ta' sħab lil hinn mix-xjenza, ċentri ta' innovazzjoni interkonnessi aħjar, ekosistemi għat-tnedija ta' start-ups, u l-kooperazzjoni mtejba bejn l-universitajiet u l-industrija fil-kummerċjalizzazzjoni rilevanti tat-teknoloġija, f’konformità ma' regoli ta' kunfidenzjalità, u li jiffaċilita l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali f'dan il-qasam;

125.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jġeddu l-impenn tagħhom fir-rigward tal-miri tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-Istrateġija UE 2020 bħala blokki tal-bini ta' Suq Uniku Diġitali kompetittiv, it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien ta' impjiegi, b'approċċ komprensiv għal Xjenza Miftuħa, Innovazzjoni Miftuħa, Data Miftuħa u t-trasferiment tal-għarfien; Iqis li dan għandu jinkludi qafas legali rivedut għall-estrazzjoni ta' test u ta' data għal finijiet ta' riċerka xjentifika, l-użu akbar ta' softwer liberu u b'sors miftuħ, b'mod partikolari fl-istabbilimenti edukattivi u l-amministrazzjonijiet pubbliċi, u aċċess aktar faċli għall-SMEs u l-istart-ups għall-finanzjament tal-Orizzont 2020 adattat għaċ-ċikli ta' innovazzjoni qosra fis-settur tal-ICT; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza tal-inizjattivi rilevanti kollha, minn sħubijiet pubbliċi-privati u raggruppamenti tal-innovazzjoni għat-teknoloġija Ewropea u parks tax-xjenza, b'mod partikolari r-reġjuni Ewropej inqas industrijalizzati, u programmi ta' aċċelerazzjoni għall-bidu ta' negozji u pjattaformi teknoloġiċi konġunti, kif ukoll il-possibilità ta' liċenzjar effikaċi tal-privattivi essenzjali standard, fi ħdan il-limiti tal-liġi tal-UE dwar il-kompetizzjoni, taħt it-termini ta' liċenzjar FRAND, sabiex jiġu ppreservati l-R&D u l-inċentivi tal-istandardizzazzjoni u titrawwem l-innovazzjoni;

126.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffoka fuq l-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-akkwist elettroniku, kif ukoll tad-Dokument Ewropew Uniku għall-Akkwist (passaport PP), sabiex jiġu ffaċilitati l-benefiċċji ekonomiċi globali kif ukoll l-aċċess għas-suq tal-UE għall-operaturi ekonomiċi kollha f'konformità mal-kriterji kollha tal-għażla, tal-esklużjoni u tal-għoti; jenfasizza l-obbligu fuq l-awtoritajiet kontraenti li jipprovdu indikazzjoni tar-raġunijiet prinċipali għad-deċiżjoni tagħhom li ma jqassmux il-kuntratti f'lottijiet skont il-leġiżlazzjoni eżistenti biex jitjieb l-aċċess ta' kumpaniji innovattivi u SMEs għas-swieq tal-akkwist;

4.4.Id-dimensjoni internazzjonali

127.  Jenfasizza l-importanza ta' struttura ta' governanza tal-Internet indipendenti għalkollox li jżommu l-internet bħala mudell trasparenti u inklużiv ta' governanza ta' diversi partijiet interessati, ibbażata fuq il-prinċipju tal-internet bħala pjattaforma unika, miftuħa, ħielsa u stabbli; iqis li huwa essenzjali li jintuża d-dewmien fit-tranżizzjoni ta' tmexxija tal-ICANN biex iservi dan l-għan; jemmen bil-qawwa li d-dimensjoni globali tal-internet jeħtieġ li tiġi kkunsidrata fil-politiki rilevanti kollha tal-UE, u jistieden lis-SEAE jagħmel użu sħiħ tal-opportunitajiet offruti mid-diġitalizzazzjoni fl-iżvilupp ta' politika esterna koerenti, biex jkun żgurat li l-UE tkun irrappreżentata fil-pjattaformi ta' governanza tal-internet u biex issemma' aktar leħinha fil-fora globali, b'mod partikolari dwar standards, it-tħejjijiet għad-dħul fl-użu tal-5G u s-sigurtà ċibernetika;

128.  Jirrikonoxxi n-natura globali tal-ekonomija tad-data; ifakkar li l-ħolqien tas-suq uniku diġitali huwa dipendenti fuq il-fluss ħieles ta' data fi ħdan u barra l-Unjoni Ewropea; jitlob, għalhekk, li jittieħdu passi mill-UE u l-Istati Membri tagħha b'kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi biex jiġu żgurati standards għoljin ta' protezzjoni tad-data u ta' trasferimenti ta' data internazzjonali b'mod sikur, f'konformità mar-Regolament dwar il-Protezzjoni tad-Data u l-ġurisprudenza eżistenti tal-UE, fil-qafas tal-kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi fi ħdan l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali;

o
o   o

129.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 318, 4.12.2015, p. 1.
(2) ĠU L 123, 19.5.2015, p. 77.
(3) ĠU L 257, 28.8.2014, p. 73.
(4) ĠU L 86, 21.3.2014, p. 14.
(5) ĠU L 84, 20.3.2014, p. 72.
(6) ĠU L 348, 20.12.2013, p. 129.
(7) ĠU L 175, 27.6.2013, p. 1.
(8) ĠU L 165, 18.6.2013, p. 1.
(9) ĠU L 95, 15.4.2010, p. 1.
(10) ĠU L 81, 21.3.2012, p. 7.
(11) ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64.
(12) ĠU L 337, 18.12.2009, p. 1.
(13) ĠU L 376, 27.12.2006, p. 36.
(14) ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37.
(15) ĠU L 77, 27.3.1996, p. 20.
(16) ĠU L 281, 23.11.1995, p. 31.
(17) Testi adottati, P8_TA(2015)0273.
(18) Testi adottati, P8_TA(2015)0220.
(19) Testi adottati, P8_TA(2015)0051.
(20) Testi adottati, P8_TA(2014)0071.
(21) Testi adottati, P7_TA(2014)0179.
(22) Testi adottati, P7_TA(2014)0067.
(23) Testi adottati, P7_TA(2014)0032.
(24) Testi adottati, P7_TA(2013)0535.
(25) Testi adottati, P7_TA(2013)0536.
(26) Testi adottati, P7_TA(2013)0454.
(27) Testi adottati, P7_TA(2013)0436.
(28) Testi adottati, P7_TA(2013)0377.
(29) Testi adottati, P7_TA(2013)0327.
(30) Testi adottati, P7_TA(2013)0239.
(31) Testi adottati, P7_TA(2013)0215.
(32) ĠU C 434, 23.12.2015, p. 2.
(33) ĠU C 353E, 3.12.2013, p. 64.
(34) ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 22.
(35) ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 64.
(36) ĠU C 50E, 21.2.2012, p. 1.
(37) ĠU C 236E, 12.8.2011, p. 33.
(38) ĠU C 81E, 15.3.2011, p. 45.
(39) ĠU C 236E, 12.8.2011, p. 24.
(40) Eurostat 2014: http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Information_society_statistics_at_regional_level#People_who_never_used_the_internet
(41) Rapport dwar ir-riżultati tal-ħidma tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar l-użu tal-frekwenza UHF fil-ġejjieni.

Avviż legali