Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2138(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0021/2016

Testi mressqa :

A8-0021/2016

Dibattiti :

PV 11/04/2016 - 20
CRE 11/04/2016 - 20

Votazzjonijiet :

PV 12/04/2016 - 5.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0106

Testi adottati
PDF 309kWORD 124k
It-Tlieta, 12 ta' April 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
It-tagħlim tal-UE fl-iskejjel
P8_TA(2016)0106A8-0021/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' April 2016 dwar It-tagħlim tal-UE fl-iskejjel (2015/2138(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi "Erasmus+": il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE(1),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1093/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini (2012)(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 tal-14 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" għall-perjodu 2014-2020(3),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja(4),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar il-Promozzjoni taċ-Ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni (id-"Dikjarazzjoni ta' Pariġi") dwar il-laqgħa informali tal-Ministri tal-Edukazzjoni tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar il-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ ("ET 2020")(5),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kummissjoni tas-26 ta' Awwissu 2015 bit-titolu "Abbozz ta' Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implementazzjoni tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ ("ET 2020")" (COM(2015)0408),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implementazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2015 dwar l-adozzjoni tal-programm annwali ta' xogħol tal-2016 għall-implementazzjoni ta' "Erasmus+": the Union Programme for Education, Training, Youth and Sport" (il-Programm tal-Unjoni għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ, iż-Żgħażagħ u l-Isport) (C(2015)6151),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 u tad-29 ta' Novembru 2011 dwar punt ta' riferiment għall-mobbiltà fit-tagħlim(6),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Settembru 2015 bit-titolu "L-Abbozz tar-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implementazzjoni tal-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (mill-2010 sal-2018)" (COM(2015)0429),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2009 intitolata "Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ: Investiment u Responsabbilizzazzjoni – Metodu miftuħ u mġedded ta' koordinazzjoni biex jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ" (COM(2009)0200),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2009 dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018)(7),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Mejju 1992 dwar l-edukazzjoni u l-politika fl-istennija għall-1993(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2006 dwar inizjattivi biex jiġu kkumplimentati l-kurrikuli tal-iskejjel li jipprovdu miżuri għal appoġġ xierqa biex tiġi inkluża d-dimensjoni Ewropea(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Settembru 2008 dwar it-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0021/2016),

A.  billi l-edukazzjoni hi dritt fundamentali tal-bniedem u beni pubbliku li għandu jkun aċċessibbli għal kulħadd b'mod ugwali;

B.  billi r-rwol prinċipali tal-edukazzjoni hu li tifforma ċittadini kompletament konxji u għalhekk imur lil hinn mill-kisba tal-miri ekonomiċi tal-UE u tal-istrateġiji nazzjonali;

C.  billi l-objettivi tal-edukazzjoni jinkludu t-tħejjija tal-individwi għall-ħajja u għaċ-ċittadinanza attiva f'soċjetajiet kulma jmur aktar komplessi, eżiġenti, multikulturali u integrati;

D.  billi, skont stħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2014 dwar opinjonijiet, 44 % taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jħossu li ma tantx jifhmu kif taħdem l-UE u 52 % tal-Ewropej jemmnu li l-vuċi tagħhom ma tgħoddx fl-UE(12);

E.  billi 42.61 % biss taċ-ċittadini tal-UE u 27.8 % biss ta' dawk ta' età bejn it-18 u l-24 ivvotaw fl-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, u dan jirrappreżenta l-inqas numru ta' nies li ħarġu jivvutaw mill-1979 'l hawn(13);

F.  billi għarfien insuffiċjenti dwar l-UE u konsapevolezza fqira tal-valur miżjud konkret tagħha jistgħu jikkontribwixxu għall-perċezzjoni ta' defiċit demokratiku u Ewroxettiċiżmu mifrux mal-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati; billi d-defiċit demokratiku jeħtieġ li jkun indirizzat biex jindirizza d-distakk li kulma jmur qed jikber bejn il-vuċi iċ-ċittadini Ewropej u l-istituzzjonijiet tal-UE;

G.  billi, skont l-iSpecial Eurobarometer 437 tal-2015, maġġoranza vasta ta' Ewropej jaqblu li l-lezzjonijiet u l-materjal fl-iskola għandhom jinkludu informazzjoni dwar id-diversità f'termini ta' reliġjon jew twemmin, oriġini etnika, orjentament sesswali u identità tal-ġeneru(14);

H.  billi ż-żieda fil-kuxjenza dwar il-benefiċċji tal-politiki Ewropej, bħalma hu l-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi fl-Unjoni u l-programmi ta' mobilità tal-UE jistgħu jgħinu fil-ħolqien ta' sens ta' appartenenza għall-UE, spirtu komunitarju u aċċettazzjoni ta' soċjetajiet multikulturali u multinazzjonali;

I.  billi s-sistemi ta' edukazzjoni u l-kurrikula ta' suċċess, flimkien ma' influwenza u parteċipazzjoni akbar tal-Ewropej fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-politika tal-UE jistgħu joħolqu interess akbar fl-affarijiet tal-UE u sens ta' komprensjoni u appartenenza filwaqt li jikkontribwixxu fit-trattament tad-diviżjonijiet soċjali, tas-segregazzjoni kulturali u s-sens ta' privazzjoni;

J.  billi l-maġġoranza tal-Istati Membri integraw it-tagħlim dwar l-UE fil-kurrikuli tagħhom u fil-programi tat-taħriġ tal-għalliema; billi d-disparitajiet bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom għadhom jeżistu;

K.  billi f'xi Stati Membri, filwaqt li s-suġġetti tal-UE huma mgħallma b'mod ġenerali f'livelli edukattivi differenti u f'suġġetti varji ta' edukazzjoni obbligatorja, jikkostitwixxu primarjament parti żgħira tal-kurrikulu li għalliem partikolari jkollu jgħallem;

L.  billi l-għarfien u l-ħiliet tal-għalliema u persunal edukattiv ieħor dwar suġġetti tal-UE jeħtieġ li jkomplu jiġu żviluppati u aġġornati permezz ta' taħriġ inizjali u kontinwu, u billi, f'dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet edukattivi u l-għalliema jeħtieġu assistenza effettiva li tkun imfassla għalihom u li tkun rilevanti għall-ħtiġijiet partikolari tagħhom;

M.  billi skont "Learning Europe at school" (It-Tagħlim tal-Ewropa fl-iskejjel), studju magħmul minn ICF CHK għad-DĠ Edukazzjoni u Kultura(15), huma primarjament l-istituzzjonijiet u l-għaqdiet barra mill-edukazzjoni ogħla li huma involuti fit-tagħlim tal-għalliema fuq materji tal-UE;

N.  billi l-Erasmus Impact Study ppreżentat mill-Kummissjoni fl-2014 juri l-impatt pożittiv li għandha l-mobilità fl-edukazzjoni u fl-internazzjonalizzazzjoni tal-istudji, mhux biss fuq il-kurrikula u l-impjegabilità, iżda wkoll f'termini ta' għarfien dwar l-Ewropa, l-iżvilupp ta' sens ta' ċittadinanza Ewropea u atteġġjament pożittiv lejn l-Ewropa u l-votazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej;

Dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni

1.  Jissottolinja l-importanza dejjem tiżdied ta' dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni mad-dixxiplini, il-livelli u l-forom ta' edukazzjoni kollha differenti, filwaqt li jisħaq dwar il-ħtieġa li jinftiehem b'mod wiesa' u profond il-kunċett li jqis in-natura komplessa, dinamika u moltepliċi tiegħu, fid-dawl tal-fatt li t-tagħlim dwar l-UE fl-iskejjel huwa komponent kruċjali;

2.  Jenfasizza li dimensjoni tal-UE fl-edukazzjoni hija kruċjali biex tgħin liċ-ċittadini jifhmu aħjar l-UE, u fl-istess ħin iħossu rabta magħha, u li din tista' tapprofondixxi r-rwol tal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE u ssaħħaħ il-vuċi tal-Unjoni f'dinja interdipendenti;

3.  Jenfasizza il-ħtieġa tal-komprensjoni u l-promozzjoni tal-attakkament għall-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jinnota li l-għarfien u l-komprensjoni tal-istorja u l-valuri komuni tal-UE u l-Istati Membri tagħha huma essenzjali għall-komprensjoni reċiproka, l-għajxien paċifiku flimkien, it-tolleranza u s-solidarjetà, kif ukoll għall-komprensjoni tal-prinċipji ċentrali tal-Unjoni Ewropea;

4.  Jindika li l-UE għandha tkun aktar viżibbli, u integrata aħjar, fil-materjali tat-tagħlim u fl-attivitajiet extrakurrikulari, meta jitqies l-impatt tagħha fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tagħha; iqis li l-kontenut relatat b'mod espliċitu mal-UE jista' jżid valur sostanzjali lill-kurrikuli tal-iskejjel u sabiex l-istudenti jiżviluppaw u jikbru mill-aspett tal-personalità tagħhom;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa tal-użu ta' metodi attivi u parteċipattivi ta' tagħlim, imfassla apposta għall-età, il-livelli, il-ħtiġijiet u interessi tal-istudenti, u għall-isfruttament sħiħ tal-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji tal-informatika u tal-komunikazzjoni u l-mezzi tax-xandir, inkluża l-midja soċjali;

6.  Jissottolinja l-fatt li d-dimensjoni tal-UE fl-edukazzjoni għandha tippermetti lill-istudenti mhux biss li jiksbu l-għarfien u jiżviluppaw sens ta' appartenenza u ħiliet ta' ċittadinanza Ewropea, iżda wkoll jingaġġaw f'riflessjoni kritika tal-UE, inkluż permezz tat-tagħlim dwar il-valuri fundamentali tal-UE, imsejsin fuq l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, il-governanza u l-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, u kif dawn jinfluwenzaw lill-Istati Membru tagħhom u l-parteċipazzjoni demokratika; iħeġġeġ l-użu tal-attività ta' simulazzjoni tal-Parlament Ewropew taż-Żgħażagħ, sabiex it-tfal u l-istudenti jkunu megħjuna jifhmu l-proċessi Ewropej u tiżdied is-sensibilizzazzjoni tagħhom dwar il-kwestjonijiet Ewropej;

7.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-UE ssawret mill-Istati Membri tagħha, bl-istorja u l-kultura unika tagħhom, u li l-iżvilupp tal-Unjoni tibqa' marbuta b'mod indissolubbli mal-Istati Membri tagħha; jissottolinja, fl-istess waqt, il-kontribut ta' kulturi differenti għas-soċjetajiet u l-wirt Ewropej;

8.  Jinnota li l-impatt tal-UE fuq l-Istati Membri hu kunsiderevoli, u li t-tagħlim dwar l-UE fl-iskejjel għandu jirrifletti kemm ir-rwol tal-Istati Membri fl-iżvilupp tal-UE kemm l-influwenza tal-UE fuq l-iżviluppi nazzjonali;

9.  Jinnota li l-Istati Membri u l-UE għandhom imexxu bl-eżempju lill-atturi kollha involuti fit-tagħlim tal-UE fl-iskejjel, billi jipprattikaw il-valuri ċentrali Ewropej tal-inklużjoni soċjali u s-solidarjetà Ewropea u internazzjonali;

10.  Ifakkar fil-ħtieġa li jkunu żgurati, imsaħħin u mwessgħin opportunitajiet inizjali u kontinwi, professjonali u ta' żvilupp tul il-ħajja għall-għalliema u l-edukaturi, sabiex jingħataw l-appoġġ u r-riżorsi biex ikunu jistgħu jinkorporaw dimensjoni tal-UE fit-tagħlim tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tal-edukazzjoni dwar l-istorja u ċ-ċittadinanza, kif ukoll għall-implementazzjoni tal-istrateġiji ċċentrati fuq l-istudenti u biex jadattaw il-metodi tagħhom ta' tagħlim għall-ħtiġiet tal-istudenti;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi u jitħeġġu l-kompetenzi multilingwali u interkulturali tal-edukaturi, kif ukoll l-opportunitajiet ta' mobilità, tagħlim bejn il-pari u skambji tal-aħjar prattiki fost l-għalliema, pereżempju permezz tal-organizzazzjoni ta' seminars fil-livell Ewropew;

12.  Jissottolinja r-rwol tal-universitajiet fit-tħejjija u t-taħriġ ta' għalliema u edukaturi ikkwalifikati sew u mmotivati; jitlob li jkun hemm inkoraġġiment u appoġġ għall-azzjonijiet tal-Istati Membri fl-isforzi tagħhom li jagħtu possibilitajiet għal korsijiet speċjalizzati ta' kwalifika fl-universitajiet, miftuħin u aċċessibbli għal studenti miktubin kif ukoll għal għalliema u edukaturi eżerċenti;

13.  Jenfasizza l-importanza u l-potenzjal ta' approċċ Ewropew għat-tagħlim tal-istorja, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu l-kompetenza tal-Istati Membri f'dan il-qasam, peress li xi ġrajjiet storiċi kienu determinanti fit-tiswir tal-ideal u l-valuri Ewropej; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-għaqdiet storiċi u ċ-ċentri għar-riċerka storika, sabiex ikun evidenzjat il-valur tal-kontribut xjentifiku tagħhom għall-istorja Ewropea u r-rwol tagħhom biex l-għalliema fl-iskejjel jinżammu aġġornati;

14.  Jistieden lid-Dar tal-Istorja Ewropea tiżviluppa, b'mod speċjali għall-istudenti u għall-għalliema fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, programmi, strumenti u attivitajiet speċifiċi li jikkostruwixxu narrattiva raġunata tal-integrazzjoni Ewropea u l-valuri bażiċi tagħha;

15.  Jitlob li jkun hemm tiġdid u tisħiħ taċ-ċittadinanza tal-UE u edukazzjoni ċivika fl-Istati Membri kemm attwali u kif ukoll futuri, bil-għan li l-istudenti jingħataw l-għodda meħtieġa, permezz ta' mezzi li huma xierqa għall-età tagħhom, bl-għarfien, il-valuri, il-ħiliet u l-kompetenzi rilevanti, li jagħtuhom il-kapaċità li jaħsbu b'mod kritiku u jiffurmaw opinjonijiet infurmati tajjeb u bbilanċjati, jeżerċitaw id-drittijiet demokratiċi u r-responsabbiltajiet tagħhom, inkluż id-dritt għall-vot, li jgħożżu d-diversità, jinkoraġġixxu d-djalogu interkulturali u interreliġjuż u jkunu ċittadini attivi u responsabbli;

16.  Jinnota li ż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-istudenti u l-ġenituri fil-goveranza tal-iskejjel tista' tikkontribwixxi għat-trattament tad-diskriminazzjoni u t-tisħiħ tad-demokrazija u ċ-ċittadinanza parteċipattivi sostennibbli, għat-tkattir tal-fiduċja u tal-kooperazzjoni bejn l-atturi varji; jistieden lill-istituzzjonijiet edukattivi jintroduċu u jwessgħu l-ambitu tal-governanza demokratika, anki permezz tal-għoti ta' aktar piż lill-vuċi tar-rappreżentanzi studenteski, billi d-demokrazija wieħed irid jitgħallimha u jesperjenzaha;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu msaħħa l-motivazzjoni u l-opportunitajiet tal-għalliema u l-istudenti biex jitgħallmu aktar dwar l-UE permezz tal-esperjenza personali tagħhom stess, bħalma huma ż-żjarat mal-iskola f'pajjiżi oħra, żjarat fl-istituzzjonijiet Ewropej, kuntatti ma' uffiċjali tal-UE, opportunitajiet ta' traineeship għall-istudenti fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE, u permezz tal-edukazzjoni medjatika, bħalma hu l-Portal taż-Żgħażagħ Ewropej, billi jsir użu sħiħ tat-teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u r-riżorsi edukattivi miftuħa;

18.  Jappella biex isir użu sħiħ tal-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji diġitali biex ikompli jiġi żviluppat it-tagħlim transkonfinali, permezz ta' korsijiet diġitali u vidjokonferenzi, bil-għan li l-istudenti jiġu megħjuna jiskopru perspettivi u approċċi oħra rigward id-dixxiplini tagħhom;

19.  Jenfasizza li t-tagħlim tal-lingwi barranin jista' jaqdi rwol kruċjali biex tikber is-sensibilizzazzjoni interkulturali u biex iċ-ċittadini jingħataw il-ħiliet meħtieġa biex jgħixu u jaħdmu f'dinja li kulma jmur hija aktar kumplessa u globalizzata;

20.  Jissottolinja r-rwol kruċjali tat-tagħlim mhux formali u informali, inkluż ix-xogħol taż-żgħażagħ, inkluż il-volontarjat, it-tagħlim interġenerazzjonali, tal-familja u tal-adulti, kif ukoll l-isport bħala strument pedagoġiku, fl-iżvilupp tal-ħiliet, il-kompetenzi u l-imġiba soċjali u ċiviċi, u l-formazzjoni ta' ċittadini Ewropej responsabbli u attivi; jissottolinja l-ħtieġa li jkunu rikonoxxuti u vvalidati tali kompetenzi fi ħdan it-tagħlim formali u li jinħolqu rabtiet eqreb bejn it-tagħlim formali, mhux formali u informali;

21.  Jitlob li jiġi adottat approċċ interkulturali għall-politika tal-edukazzjoni li tkun kapaċi ġġib l-integrazzjoni ġenwina ta' studenti immigranti fl-iskejjel abbażi tal-għarfien reċiproku tal-kulturi differenti u l-kostruzzjoni ta' valuri komuni kondiviżi;

Ir-rwol tal-Unjoni

22.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli bl-appoġġ tagħha għall-isforzi li tiżviluppa u tippromwovi dimensjoni tal-UE fl-edukazzjoni kif ukoll il-mobilità tal-atturi edukattivi, u li xxerred attivament l-informazzjoni – inkluża l-informazzjoni dwar opportunitajiet rilevanti ta' finanzjament u studji u rapporti disponibbli – fost il-partijiet ikkonċernati ewlenin u ċ-ċittadini; jinkoraġġixxi, f'dan ir-rigward, użu aħjar tat-teknoloġiji ta' komunikazzjoni u l-midja ġodda, inkuża l-midja soċjali;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi qafas komuni, u biex tħejji linji gwida b'eżempji konkreti, għat-tagħlim dwar l-UE, sabiex trawwem ħsieb oġġettiv u kritiku dwar il-benefiċċji tal-Unjoni Ewropea għaċ-ċittadini tagħha, filwaqt li tiġi rispettata l-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ;

24.  Jitlob lill-Kummissjoni tħeġġeġ aktar riċerka sabiex jiġi vverifikat kif l-UE bħalissa qed tiġi mgħallma fl-iskejjel madwar l-Ewropa, kif tidher fil-kurrikuli u l-eżamijiet, u jekk (a) l-għalliema u l-edukaturi għandhomx aċċess suffiċjenti għal programmi u azzjonijiet rilevanti tal-UE għall-iżvilupp professjonali, it-tagħlim tul il-ħajja u pjattaformi għall-iskambju tal-aħjar prattiki, u jekk (b) azzjonijiet iffinanzjati biex jinkorporaw tagħlim effiċjenti fl-iskejjel dwar l-UE fl-aħħar mill-aħħar għandhomx impatt fuq l-iskejjel;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi, tappoġġja u tiffaċilita n-netwerks li jippromwovu t-tagħlim dwar l-UE u li huma involuti fih f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll skambji tal-aħjar prattiki bejn dawn in-netwerks fil-livell tal- Unjoni, u biex tidentifika l-oqsma fejn għandu jsir titjib;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri kif ukoll il-pajjiżi kandidati, rigward id-dimensjoni tal-UE fl-edukazzjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-preġudizzju f'xenarji edukattivi, inkluż permezz ta' evalwazzjoni ta' materjal pedagoġiku u politiki kontra l-bullying u d-diskriminazzjoni;

27.  Jissottolinja r-rwol ewlieni ta' Erasmus+, Ewropa għaċ-Ċittadini u Ewropa Kreatttiva fil-promozzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-ħiliet lingwistiċi, iċ-ċittadinanza attiva, is-sensibilizzazzjoni kulturali, il-komprensjoni interkulturali u kompetenzi siewja ewlenin u trasversali oħrajn; jenfasizza l-importanza ta' dawn il-programmi fit-tisħiħ taċ-ċittadinanza Ewropea u l-bżonn li jkun hemm aktar appoġġ finanzjarju adegwat għal dawn il-programmi, attenzjoni akbar fuq l-eżiti kwalitattivi tagħhom u aċċess usa' għall-mobilità, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill- għalliema u edukaturi oħra, liż-żgħażagħ bi sfond soċjoekonomiku differenti, kif ukoll lill-gruppi vulnerabbli u żvantaġġjati, u lill-persuni bi bżonnijiet speċjali;

28.  Ifakkar fil-firxa wiesgħa ta' azzjonijiet li joffri l-programm Erasmus+, kif ukoll il-popolarità u r-rikonoxximent tiegħu mill-pubbliku ġenerali, b'mod partikolari fir-rigward tal-mobilità tal-istudenti bħala parti mill-istudji tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza dwar dawk il-partijiet tal-programm Erasmus+ li mhumiex daqshekk magħrufa, bħalma hu s-Servizz Volontarju Ewropew;

29.  Jilqa' l-Programm ta' Ħidma tal-2016 tal-Kummissjoni għall-implementazzjoni tal-programm Eramus+ u l-impenn tagħha għal azzjonijiet konkreti bħala segwitu għad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi, b'mod partikolari dawk immirati biex iżidu l-impatt ta' Erasmus+ fuq it-trawwim ta' ċittadinanza attiva u demokratika, id-djalogu interkulturali, l-inklużjoni soċjali u s-solidarjetà, inkluż appoġġ aktar qawwi għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-rwol ewlieni tagħhom fl-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-aspetti pedagoġiċi u l-kapaċità ta' rispons għall-ħtiġijiet tal-iskejjel, ta' proġetti ffinanzjati permezz ta' proġetti Jean Monnet, billi tiżgura li l-iskejjel ikunu jistgħu japplikaw direttament, u billi tipprovdi finanzjament għal perjodu itwal ta' żmien, bħal tliet snin, f'konformità mal-mod kif il-Moduli Jean Monnet huma ffinanzjati; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel disponibbli l-azzjoni tal-Moduli Jean Monnet għall-istituzzjonijiet ta' taħriġ għall-għalliema biex tinkoraġġixxi tali istituzzjonijiet jinkorporawhom fil-programmi tagħhom;

31.  Jinnota li l-Unjoni bħalissa għaddejja minn kriżi fil-leġittimità demokratika tagħha, mhux biss minħabba l-fatt li l-Ewropej m'għandhomx għarfien suffiċjenti dwar il-mekkaniżmi tal-UE, iżda wkoll minħabba l-fatt li l-vuċijiet tagħhom huma bogħod mill-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jenfasizza li, sabiex dan jerġa' jinkiseb, l-Unjoni għandha twaqqaf id-degradazzjoni tal-istrutturi demokratiċi tagħha u tistabbilixxi mill-ġdid ir-rabta maċ-ċittadini tagħha;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-programm l-Ewropa għaċ-Ċittadini b'mod effiċjenti sabiex tissodisfa l-objettivi ta' soċjetà demokratiku u aktar inklużiva, u b'hekk tissaħħaħ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-impatt tal-programmi kollha tal-UE dwar l-iżvilupp tas-sens ta' ċittadinanza u parteċipazzjoni ċivika tal-parteċipanti;

34.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa ulterjorment, u tippromwovi bl-aktar mod wiesa', il-pjattaformi virtwali ta' eTwinning, EPALE, u l-iSchool Education Gateway, u tkompli tappoġġja u tiżviluppa pjattaformi diġitali oħra bħalma huma t-Teachers' Corner, sabiex tiffaċilita l-aċċess għal materjali pedagoġiċi ta' kwalità għolja, faċli biex jintużaw u moderni, li huma relevanti għat-tagħlim tal-UE u li jkunu disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE;

35.  Jitlob lill-Kummissjoni tiffaċilita rieżami kritiku tal-materjal attwalment disponibbli fuq il-pjattaforma tat-Teachers' Corner minn edukaturi li attwalment jinsabu jgħallmu u akkademiċi speċjalizzati fl-istudji tal-UE biex jiġu żgurati l-kwalità u l-adegwatezza;

36.  Jenfasizza r-rwol li jaqdu l-uffiċċji ta' informazzjoni tal-Istituzzjonijiet Ewropej u jilqa' l-impenn tagħhom fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-Istati Membri, mal-istituzzjonijiet edukattivi nazzjonali, reġjonali u lokali, u ma' organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-midja, bil-għan li jqarrbuhom aktar lejn xulxin u biex jiżguraw li ż-żgħażagħ jifhmu r-rwol li għandhom l-istituzzjonijiet fil-ħajja ta' kuljum tagħhom;

37.  Jitlob li jsir dibattitu miftuħ u konġunt bejn il-Kummissjoni u l-bliet, kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali, rigward ir-rabta bejn is-sistemi tal-iskola u l-mudelli urbani, bħala mod kif jiġu mifhuma l-effetti ta' approċċi differenti lejn ir-relazzjonijiet interkulturali fl-Ewropa llum;

38.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi t-tagħlim tal-UE fl-iskejjel bħala rakkomandazzjoni li għandha ssir malajr kemm jista' jkun fil-proċessi ta' negozjar ma' pajjiżi kandidati għal sħubija fl-UE;

Ir-rwol tal-Istati Membri

39.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jappoġġjaw, jirrevedu u jaġġornaw is-sistemi edukattivi tagħhom – u l-forom kollha ta' kontenut ta' kurrikuli marbutin mal-UE fil-livelli kollha tal-edukazzjoni – inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali – bl-iskop li tissaħħaħ id-dimensjoni tal-UE b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-atturi relevanti kollha fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali, filwaqt li jiġu inkuraġġiti bil-qawwa r-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, b'mod partikolari meta huma jkollhom kompetenzi diretti fis-sistemi edukattivi;

40.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġjaw il-possibilitajiet kollha tal-għoti ta' aktar informazzjoni dwar l-UE lill-istudenti kif ukoll lill-għalliema u l-edukaturi l-oħrajn permezz ta' tagħlim formali, mhux formali u informali, u biex jisfruttaw bis-sħiħ u jikkomplementaw l-istrumenti finanzjarji, il-programmi u l-inizjattivi tal-UE f'dan ir-rigward;

41.  Jitlob lill-Istati Membri jieħdu aktar azzjoni biex jippromwovu edukazzjoni u valuri taċ-ċittadinanza interkulturali, nondiskriminatorji u inklussivi fil-kurrikuli skolastiċi u universitarji;

42.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-investiment fl-edukazzjoni ta' kwalità, anke permezz ta' sħubija akbar mas-settur privat, u biex jippromwovu opportunitajiet ugwali għal kulħadd, u jipprovdu lill-istituzzjonijiet edukattivi u ta' taħriġ, kif ukoll l-għalliema u lil edukaturi oħra, bl-appoġġ meħtieġ biex jagħtuhom is-setgħa li jintroduċu u kontinwament jiżviluppaw dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni minn età bikrija li tmur lil hinn mill-klassi;

43.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess ugwali u inklussiv għal edukazzjoni formali u mhux formali innovattiva u ta' kwalità għolja għall-istudenti kollha, kif ukoll opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri jadottaw il-proposta tal-2008 għal direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentament sesswali, li tipproteġi kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta' dawn ir-raġunijiet fl-edukazzjoni;

44.  Jistieden lill-Istati Membri jinvolvu lill-migranti, lir-rifuġjati u lill-komunitajiet tal-fidi fi proċessi ta' bini ta' ċittadinanza li jkunu rispettużi u li jagħtu s-setgħa, filwaqt li jiżguraw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja ċivika u kulturali;

45.  Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw taħriġ ta' kwalità għolja dwar suġġetti tal-UE lill-għalliema, lil persunal edukattiv ieħor, lill-mexxejja taż-żgħażagħ u lit-trainers, anke billi jippermettulhom iqattgħu parti mill-formazzjoni tagħhom fi Stat Membru ieħor, u billi jiżguraw ir-rikonoxximent tal-kompetenzi tagħhom li jgħallmu dwar l-UE, pereżempju permezz tal-ħolqien u l-promozzjoni ta' unur ta' "Ewro-għalliem";

46.  Iqis li l-Istati Membri, fi djalogu u kooperazzjoni ma' atturi tal-edukazzjoni, għandhom ifittxu opportunitajiet biex jiskambjaw ideat u eżempji ta' prattiki tajba fl-integrazzjoni ta' dimensjoni tal-UE fil-programmi edukattivi tagħhom, sabiex, inter alia, jagħtu spinta lill-għarfien taż-żgħażagħ u l-komprensjoni tal-proċess tal-bini ta' ċittadinanza tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-UE, u b'hekk jippermettulhom li jaraw l-Unjoni bħala parti integrali tal-ambjent fejn jgħixu, li jistgħu jsawru u li huma mistennija li jsawru huma;

47.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrikonoxxu u jappoġġjaw lis-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, fit-tentattivi biex jonqos id-distakk bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u ċ-ċittadini Ewropej b'mod strutturali u sostenibbli, bil-promozzjoni u t-tisħiħ tal-għodod parteċipattivi u favur demokrazija diretta;

o
o   o

48.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50.
(2) ĠU L 325, 23.11.2012, p. 1.
(3) ĠU L 115, 17.4.2014, p. 3.
(4) ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.
(5) ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.
(6) ĠU C 372, 20.12.2011, p. 31.
(7) ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.
(8) ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.
(9) ĠU C 150, 15.6.1992, p. 366.
(10) ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 100.
(11) ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 12.
(12) Standard Eurobarometer 81, Spring 2014: "Public opinion in the European Union" (http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb/eb81/eb81_publ_en.pdf), p. 117 u 131.
(13) http://www.eprs.sso.ep.parl.union.eu/lis/lisrep/13-EPRS-publications/2015/COMM_STUD_558351_UpdateReview-EN.pdf, p. 43-45.
(14) Special Eurobarometer 437, 2015: ‘Discrimination in the EU in 2015’ (http://ec.europa.eu/COMMFrontOffice/PublicOpinion/index.cfm/ResultDoc/download/DocumentKy/68004), p. 100.
(15) http://www.eupika.mfdps.si/Files/Learning%20Europe%20at%20School%20final%20report.pdf.

Avviż legali