Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2037(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0130/2016

Testi mressqa :

A8-0130/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/04/2016 - 11.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0113

Testi adottati
PDF 341kWORD 79k
L-Erbgħa, 13 ta' April 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Abbozz ta' Baġit Emendatorju Nru 1/2016: Strument ġdid biex jipprovdi appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni
P8_TA(2016)0113A8-0130/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' April 2016 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2016 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Strument ġdid biex jipprovdi appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni (07068/2016 – C8-0122/2016 – 2016/2037(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1) u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, adottat b'mod definittiv fil-25 ta' Novembru 2015(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(3),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal-15 ta' Marzu 2016 dwar l-għoti ta' appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni(6),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 1/2016, adottat mill-Kummissjoni fid-9 ta' Marzu 2016 (COM(2016)0152),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2016, adottata mill-Kunsill fis-16 ta' Marzu 2016 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fis-17 ta' Marzu 2016 (07068/2016 – C8-0122/2016),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0130/2016),

A.  billi l-influss tal-massa ta' rifuġjati u migranti lejn l-Ewropa ħoloq sitwazzjoni eċċezzjonali li fiha għadd kbir ta' persuni jeħtieġu assistenza umanitarja urġenti fi ħdan l-Unjoni; billi din is-sitwazzjoni ta' emerġenza sfruttat iżżejjed il-kapaċità ta' reazzjoni tal-Istati Membri l-aktar milquta; billi l-ebda strument xieraq ma kien disponibbli fil-livell tal-Unjoni biex jindirizza l-ħtiġijiet umanitarji ta' nies milquta minn diżastri fi ħdan l-Unjoni;

B.  billi, fit-2 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament tal-Kunsill intiż li jagħmel tajjeb għan-nuqqas fl-istrumenti disponibbli sabiex jindirizza l-ħtiġijiet umanitarji fi ħdan it-territorju tal-Unjoni; billi dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-Artikolu 122(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li ma jipprevedix rwol għall-Parlament Ewropew; billi r-Regolament (UE) 2016/369 ġie adottat mill-Kunsill fil-15 ta' Marzu 2016;

C.  billi l-Kummissjoni sussegwentement ipproponiet abbozz ta' baġit emendatorju intiż li joħloq l-istruttura baġitarja għal dak l-istrument u li jagħmel disponibbli EUR 100 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 80,2 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament għall-ħtiġijiet immedjati ta' finanzjament minn riallokazzjoni fi ħdan l-intestatura 3 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP);

D.  billi l-Kummissjoni tistma li dan l-istrument il-ġdid se jeħtieġ EUR 300 miljun fl-2016 (segwiti minn EUR 200 miljun fl-2017 u EUR 200 miljun fl-2018) iżda li aktarx se jirriżultaw aktar ħtiġijiet jekk il-flussi tal-migranti u tar-rifuġjati jibqgħu fil-livell attwali tagħhom;

E.  billi l-Kummissjoni tipproponi wkoll li ssaħħaħ il-livelli ta' persunal taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu fl-Europol u tipprovdi l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament li jikkorrispondu għal ammont ta' EUR 2,0 miljun li għandhom jiġu riallokati mill-Fond għas-Sigurtà Interna;

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li tippermetti li l-Baġit tal-Unjoni jipprovdi appoġġ ta' emerġenza fit-territorju tal-Unjoni sabiex jiġu indirizzati l-konsegwenzi umanitarji tal-kriżi attwali tar-rifuġjati; jiġbed l-attenzjoni lejn is-sitwazzjoni li qiegħda tmur għall-agħar fir-rigward tal-migranti u l-persuni li jfittxu asil, b'mod partikolari minħabba r-reazzjoni mhux koordinata min-naħa tal-pajjiżi Ewropej, li trendi tali appoġġ ta' emerġenza dejjem aktar neċessarju u urġenti; jenfasizza l-ħtieġa li tintwera solidarjetà mal-Istati Membri li qed iħabbtu wiċċhom ma' sitwazzjoni ta' emerġenza bħal din fit-territorju tagħhom;

2.  Jieħu nota tas-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni bħala kwistjoni ta' urġenza; jinnota li, wara t-twaqqif ta' żewġ Fondi Fiduċjarji u ta' Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija, ġie stabbilit mekkaniżmu ad hoc ġdid mingħajr strateġija globali sabiex jindirizza l-kriżi tar-rifuġjati u mingħajr ma jiżgura rispett sħiħ lejn il-prerogattivi tal-Parlament bħala koleġiżlatur; jiġbed l-attenzjoni lejn il-problema li l-istrument il-ġdid mhuwiex ibbażat fuq proposta tal-Kummissjoni għal regolament skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja; jisħaq li l-Parlament dejjem aġixxa b'mod kostruttiv u malajr favur l-inizjattivi kollha b'rabta mal-kriżi tar-rifuġjati, u għadu qed jagħmel dan bl-adozzjoni rapida ta' dan il-baġit emendatorju;

3.  Iqis li għandu jiġi previst qafas ġuridiku u baġitarju aktar sostenibbli sabiex jippermetti li fil-ġejjieni, meta ċ-ċirkostanzi jirrikjedu, tiġi mobilizzata l-għajnuna umanitarja fi ħdan l-Unjoni; jirrimarka li tali finanzjament ta' emerġenza, li jservi biex jirrispondi għal kriżijiet u sitwazzjonijiet mhux previsti, għandu, min-natura tiegħu stess, ikun kopert minn strumenti speċjali u jinqata' barra mil-limiti massimi tal-QFP;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li ma tirriallokax approprjazzjonijiet mil-linja baġitarja tal-għajnuna umanitarja esterna; jirrimarka li l-Kummissjoni tipproponi li tiffinanzja l-ewwel pagament fl-ambitu ta' dan l-istrument il-ġdid billi tirrialloka l-approprjazzjonijiet mill-approprjazzjonijiet tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li diġà kienu jservu biex jiżguraw il-kondiviżjoni tal-piżijiet bejn l-Istati Membri fit-trattament tar-rifuġjati; jemmen li l-ammont kollu ma jistax jiġi kopert permezz ta' riallokazzjonijiet mingħajr ma jaffettwa t-twettiq tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li aktarx jisfa taħt pressjoni din is-sena u jista' jeħtieġ aktar tisħiħ jekk l-iskema ta' rilokazzjoni trid tilħaq veloċità massima; iqis, għaldaqstant, dawn il-EUR 100 miljun bħala antiċipazzjoni ta' approprjazzjonijiet li jkunu jridu jiġu kumpensati fi stadju aktar tard; jirrimarka li m'għad hemm l-ebda marġni taħt l-intestatura 3 u li l-Istrument ta' Flessibbiltà diġà ntuża fl-intier tiegħu għall-2016; jappoġġa, għaldaqstant, il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta' Kontinġenza għall-ammont li jifdal għal din is-sena hekk kif meħtieġ u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta f'dan ir-rigward; jantiċipa li reviżjoni 'l fuq tal-limitu massimu tal-QFP għall-intestatura 3 se tkun inevitabbli biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet kollha marbuta mal-kriżi tar-rifuġjati u l-migrazzjoni;

5.  Japprova ż-żidiet proposti fil-persunal għaċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu tal-Europol minħabba s-sitwazzjoni ta' sigurtà attwali fl-Unjoni Ewropea; jirrimarka li dawn iż-żidiet mhumiex inklużi f'dawk diġà miftiehma fil-qafas tar-reviżjoni reċenti dwar il-qafas ġuridiku tal-Europol;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teskludi l-aġenziji kollha li jittrattaw f'sens usa' l-migrazzjoni u s-sigurtà mill-objettiv ta' tnaqqis tal-persunal ta' 5 %, peress li dawn kollha għandhom nuqqas tal-persunal minħabba ż-żieda enormi fil-volum tax-xogħol u l-kompiti matul dawn l-aħħar sentejn; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura bilanċ bejn l-aġenziji tal-ĠAI li jirrispettaw ix-xogħol u l-kompiti tagħhom;

7.  Jafferma r-rieda tiegħu li jadotta l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2016 kif ippreżentat mill-Kummissjoni, minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni;

8.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2016;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 1/2016 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Qorti tal-Awdituri u lill-parlamenti nazzjonali.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 48, 24.2.2016.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(4) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(5) ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.
(6) ĠU L 70, 16.3.2016, p. 1.

Avviż legali