Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/3031(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0461/2016

Testi mressqa :

B8-0461/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0123

Testi adottati
PDF 260kWORD 78k
L-Erbgħa, 13 ta' April 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni fil-Polonja
P8_TA(2016)0123B8-0461/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' April 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja (2015/3031(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattati tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 2, 3, 4 u 6 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Marzu 2014 dwar "Qafas ġdid tal-UE biex jissaħħaħ l-Istat tad-Dritt" (COM(2014)0158),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB),

–  wara li kkunsidra d-dibattitu tal-Parlament tad-19 ta' Jannar 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Polonja,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja tat-12 ta' Marzu 2016 dwar l-emendi tat-22 ta' Diċembru 2015 għall-Att tal- 25 ta' Ġunju 2015 dwar it-Tribunal Kostituzzjonali tal-Polonja,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-rispett tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem, tal-libertajiet fundamentali, u tal-valuri u tal-prinċipji minquxa fit-trattati tal-UE u fi strumenti internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem huma obbligi għall-Unjoni u għall-Istati Membri tagħha u jridu jiġu rrispettati;

B.  billi, skont l-Artikolu 2 tat-TUE, l-Unjoni hija bbażata fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet ta' persuni li jagħmlu parti minn minoranzi, valuri kondiviżi mill-Istati Membri kollha u li jridu jiġu rrispettati mill-UE, kif ukoll minn kull Stat Membru individwali, fil-politiki kollha tagħhom;

C.  billi, skont l-Artikolu 4(2) tat-TUE, l-Unjoni għandha tirrispetta l-ugwaljanza tal-Istati Membri quddiem it-Trattati kif ukoll l-identità nazzjonali tagħhom;

D.  billi, skont l-Artikolu 4(3) tat-TUE, skont il-prinċipju tal-koperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f'rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati;

E.  billi, skont l-Artikolu 17 tat-TUE, il-Kummissjoni trid tiżgura l-applikazzjoni tat-Trattati;

F.  billi l-istat tad-dritt huwa s-sinsla tad-demokrazija u huwa wieħed mill-prinċipji fundaturi tal-UE, li topera fuq il-bażi tal-preżunzjoni ta' fiduċja reċiproka li l-Istati Membri jikkonformaw mad-demokrazija, mal-istat tad-dritt u mad-drittijiet fundamentali, kif minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fil-KEDB;

G.  billi sistema ġudizzjarja effiċjenti, indipendenti u imparzjali hija essenzjali għall-istat tad-dritt u sabiex tiżgura l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali u tal-libertajiet ċivili taċ-ċittadini fl-Ewropa;

H.  billi t-Tribunal Kostituzzjonali twaqqaf bħala wieħed mill-elementi ċentrali li jiżguraw kontrolli u bilanċi f'demokrazija kostituzzjonali u l-istat tad-dritt fil-Polonja;

I.  billi l-ġrajjiet reċenti fil-Polonja, b'mod partikolari d-disputa politika u legali rigward il-kompożizzjoni tat-Tribunal Kostituzzjonali u dwar ir-regoli ġodda għall-operat tiegħu (bi rbit, fost l-oħrajn, mal-eżami tal-każijiet u l-ordni tagħhom, mat-tkabbir tal-quorum ta' attendenza u mal-maġġoranzi meħtieġa sabiex jgħaddu deċiżjonijiet tat-Tribunal) qajmu preokkupazzjonijiet dwar kemm it-Tribunal Kostituzzjonali kapaċi jiddefendi l-kostituzzjoni u jiggarantixxi r-rispett tal-istat tad-dritt;

J.  billi l-Kummissjoni ta' Venezja ddikjarat b'mod ċar li t-Tribunal Kostituzzjonali ma jistax iwettaq ir-rwol tiegħu bħala garanti tas-supremazija tal-Kostituzzjoni tal-Polonja, minħabba l-fatt li d-deċiżjoni tat-Tribunal tad-9 ta' Marzu 2016 mhijiex ippubblikata u għalhekk ma tistax tidħol fis-seħħ, u li dan il-fatt qed jimmina l-istat tad-dritt; billi l-Kummissjoni ta' Venezja wissiet li paralisi tat-Tribunal timmina d-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt;

K.  billi l-azzjonijiet meħuda mill-Gvern Pollakk u mill-President tar-Repubblika tal-Polonja rigward it-Tribunal Kostituzzjonali jirrappreżentaw riskju għad-demokrazija kostituzzjonali;

L.  billi, wara d-dibattitu ta' orjentament tat-13 ta' Jannar 2016, il-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi d-djalogu strutturat skont il-Qafas tal-Istat tad-Dritt billi bagħtet ittra lill-Gvern Pollakk bl-għan li s-sitwazzjoni fil-Polonja tiġi ċċarata;

M.  billi l-Kummissjoni, bħala l-gwardjan tat-Trattati, issa sejra tiġbor u teżamina l-informazzjoni rilevanti kollha u tivvaluta jekk hemmx indikazzjonijiet ċari ta' theddida sistemika għall-istat tad-dritt;

N.  billi l-Qafas tal-Istat tad-Dritt huwa intiż biex jindirizza theddidiet għall-istat tad-dritt li jkunu ta' natura sistemika, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet li ma jistgħux jiġu solvuti b'mod effikaċi permezz ta' proċeduri ta' ksur u meta s-"salvagwardji tal-istat tad-dritt" li jkun hemm fil-livell nazzjonali ma jibqgħux jidhru li jkunu kapaċi jindirizzaw dawn it-theddidiet b'mod effikaċi;

O.  billi l-Kostituzzjoni Pollakka kurrenti, adottata fl-1997, tiggarantixxi s-separazzjoni tas-setgħat, il-pluraliżmu politiku, il-libertà tal-istampa u tal-espressjoni u d-dritt għall-informazzjoni;

P.  billi, minbarra l-kriżi kostituzzjonali, hemm kwistjonijiet oħrajn li huma ta' tħassib kbir għall-Parlament Ewropew, fil-grad li jistgħu jikkostitwixxu ksur tad-dritt Ewropew u tad-drittijiet fundamentali, inkluż tad-drittijiet tan-nisa; billi tali azzjonijiet mill-Gvern Pollakk iridu jiġu ssorveljati mill-qrib mill-istituzzjonijiet Ewropej;

1.  Iqis li huwa fundamentali li jiġi ggarantit li l-valuri komuni Ewropej imsemmija fl-Artikolu 2 tat-TUE jkunu rrispettati bis-sħiħ;

2.  Jemmen li l-Istati Membri jeħtiġilhom jirrispettaw bis-sħiħ id-dritt tal-UE fil-prassi leġiżlattiva u amministrattiva tagħhom, u li kwalunkwe leġiżlazzjoni, inkluż id-dritt primarju tal-Istati Membri u tal-pajjiżi kandidati kollha, trid tirrifletti l-valuri bażiċi Ewropej u taderixxi ma' dawk il-valuri, jiġifieri l-prinċipji demokratiċi, l-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet fundamentali;

3.  Huwa mħasseb serjament li l-paralisi effettiva tat-Tribunal Kostituzzjonali fil-Polonja tirrappreżenta periklu għad-demokrazija, għad-drittijiet tal-bniedem u għall-istat tad-dritt;

4.  Iħeġġeġ lill-Gvern Pollakk jirrispetta, jippubblika u jimplimenta bis-sħiħ, mingħajr aktar dewmien, is-sentenza tat-Tribunal Kostituzzjonali tad-9 ta' Marzu 2016, u jimplimenta s-sentenzi tat-3 u tad-9 ta' Diċembru 2015;

5.  Jistieden lill-Gvern Pollakk jimplimenta bis-sħiħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja; jikkondividi l-opinjoni tal-Kummissjoni ta' Venezja li l-Kostituzzjoni Pollakka u l-istandards Ewropej u internazzjonali jirrikjedu li s-sentenzi ta' Qorti Kostituzzjonali jiġu rrispettati;

6.  Jilqa' ż-żjara li l-Viċi President tal-Kummissjoni Timmermans għamel dan l-aħħar fil-Polonja u d-dikjarazzjoni tiegħu fil-laqgħa tal-Kummissjoni tas-6 ta' April 2016 dwar il-bidu ta' djalogu biex tinstab rotta għall-ħruġ mis-sitwazzjoni attwali, fuq il-bażi ta' rispett sħiħ tal-qafas kostituzzjonali, jiġifieri l-pubblikazzjoni u l-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet tat-Tribunal kostituzzjonali; jikkondividi t-tħassib tiegħu dwar il-possibbiltà li jkun hemm żewġ sistemi legali paralleli, sitwazzjoni li twassal għal inċertezza legali;

7.  Jappoġġja d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tniedi djalogu strutturat skont il-Qafas tal-Istat tad-Dritt, li għandu jiċċara jekk hemmx theddida sistemika għall-valuri demokratiċi u għall-istat tad-dritt fil-Polonja; jilqa' l-assigurazzjoni tal-Kummissjoni li d-djalogu mal-awtoritajiet Pollakki se jitwettaq b'mod imparzjali, ibbażat fuq l-evidenza u koperattiv, u jistieden lill-Kummissjoni biex, kemm-il darba l-Gvern Pollakk jonqos milli jikkonforma mar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni ta' Venezja tul id-djalogu strutturat, tattiva t-tieni stadju tal-proċedura tal-istat tad-dritt billi toħroġ ir-"rakkomandazzjoni tal-istat tad-dritt" tagħha u toffri l-appoġġ tagħha lill-Polonja fl-iżvilupp ta' soluzzjonijiet intiżi biex isaħħu l-istat tad-dritt;

8.  Jenfasizza, madankollu, li l-miżuri kollha li jittieħdu jridu jirrispettaw il-kompetenzi tal-UE u tal-Istati Membri tagħha, kif stabbiliti bit-Trattati u bil-prinċipju tas-sussidjarjetà;

9.  Jitlob li l-Kummissjoni żżomm lill-Parlament infurmat b'mod regolari u dettaljat dwar il-valutazzjonijiet tagħha, il-progress li jsir u l-azzjonijiet li jittieħdu;

10.  Jesprimi t-tama tiegħu li d-djalogu strutturat bejn il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni sejjer iwassal ukoll għal rieżami ta' deċiżjonijiet oħra tal-Gvern Pollakk li qajmu tħassib dwar il-legalità tagħhom u dwar l-impatt potenzjali tagħhom fuq id-drittijiet fundamentali;

11.  Jistenna li l-Kummissjoni tissorvelja lill-Istati Membri kollha bl-istess mod f'dak li jirrigwarda r-rispett tad-demokrazija, tal-istat tad-dritt u tad-drittijiet fundamentali, biex b'hekk tevita standards doppji, u li tirrapporta lura lill-Parlament;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-President tar-Repubblika tal-Polonja.

Avviż legali