Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2019(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0131/2016

Testi mressqa :

A8-0131/2016

Dibattiti :

PV 13/04/2016 - 23
CRE 13/04/2016 - 23

Votazzjonijiet :

PV 14/04/2016 - 7.8
CRE 14/04/2016 - 7.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0132

Testi adottati
PDF 458kWORD 133k
Il-Ħamis, 14 ta' April 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
L-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2017
P8_TA(2016)0132A8-0131/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' April 2016 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2017 (2016/2019(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 36 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ġenerali tal-baġit għall-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-abbozz konġunt ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fil-qafas tal-proċedura baġitarja(6),

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarju Ġenerali lill-Bureau dwar it-tħejjija tal-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2017,

–  wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-estimi mħejji mill-Bureau fil-11 ta' April 2016 skont l-Artikoli 25(7) u 96(1) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra l-abbozz preliminari tal-estimi mħejji mill-Kumitat għall-Baġits skont l-Artikolu 96(2) tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 96 u 97 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0131/2016),

A.  billi din il-proċedura hija t-tieni proċedura baġitarja sħiħa mwettqa fil-leġiżlatura l-ġdida u billi din hija r-raba' sena tal-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020;

B.  billi l-baġit 2017, kif propost fir-rapport tas-Segretarju Ġenerali, se jkun ikkaratterizzat minn kontinwazzjoni u intensifikazzjoni tal-politika tal-istituzzjoni intiża li ttejjeb l-effiċjenza fl-oqsma kollha fejn dan huwa possibbli mingħajr ma tiġi kompromessa l-kwalità tal-ambjent tax-xogħol tal-Membri u tal-persunal;

C.  billi ġew proposti erba' objettivi prijoritarji mis-Segretarju Ġenerali għall-baġit 2017, jiġifieri: is-sigurtà u s-sigurtà ċibernetika, l-eliminazzjoni gradwali tad-deroga għall-Irlandiż, miżuri attwali intiżi sabiex il-Membri jingħataw mezzi aqwa fl-eżerċizzju tal-mandat tagħhom u Parlament aktar attraenti għall-pubbliku u l-viżitaturi;

D.  billi, fil-kuntest politiku u tas-sigurtà attwali li jirriżulta mill-attakki terroristiċi fl-Ewropa, il-proċedura baġitarja għall-2017 għandha twassal għal żieda fis-sigurtà u ċ-ċibersigurtà tal-Parlament;

E.  billi s-Segretarju Ġenerali ppropona baġit ta' EUR 1 910 073 000 għall-abbozz preliminari tal-estimi tal-Parlament għall-2017, li jirrappreżenta żieda globali ta' 3,9 % fuq il-baġit 2016, li minnhom 1,7 % huma kkunsidrati bħala nfiq ordinarju, u li jkun jikkostitwixxi 19,26 % tal-Intestatura V tal-QFP 2014-2020;

F.  billi bejn l-2017 u l-2022 id-deroga li d-dokumenti uffiċjali kollha ma jiġux tradotti għall-Irlandiż se titneħħa gradwalment, u dan ifisser li d-dokumenti uffiċjali kollha jiġu tradotti għall-Irlandiż ukoll; billi qed jiġi propost infiq straordinarju addizzjonali ta' EUR 3,7 miljun biex jiġi ssodisfat dan ir-rekwiżit lingwistiku ġdid, li jikkorrispondi għal 0,2 % taż-żieda ġenerali;

G.  billi huma meħtieġa investimenti straordinarji addizzjonali ta' EUR 47,6 miljun biex jissaħħu s-sigurtà u ċ-ċibersigurtà, liema investimenti jikkorrispondu għal 2,6% taż-żieda ġenerali;

H.  billi r-rati tal-inflazzjoni naqsu b'mod kostanti mill-2011; billi r-rata ta' inflazzjoni reali fil-postijiet tax-xogħol tal-Parlament fl-2015 u fl-2016 kienet anqas mir-rata attwali ta' żieda fil-baġit tiegħu;

I.  billi kważi 60 % tal-baġit jikkostitwixxi nfiq marbut bl-indiċi, li fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa relatat mar-remunerazzjonijiet għall-Membri u l-persunal, aġġustati skont ir-Regolamenti tal-Persunal, u obbligi kuntrattwali, li jikkorrispondu għal indiċizzazzjoni speċifika skont is-settur li ġeneralment tkun ogħla mir-rata tal-inflazzjoni standard;

J.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament Ewropew għas-sena finanzjarja 2016(7), il-Parlament saħaq li l-baġit 2016 għandu jiġi stabbilit fuq bażi realistika u għandu jkun konformi mal-prinċipji ta' dixxiplina baġitarja u ġestjoni finanzjarja tajba;

K.  billi l-kredibilità tal-Parlament bħala fergħa waħda tal-awtorità baġitarja tiddependi fil-biċċa l-kbira mill-kapaċità tiegħu li jżomm l-infiq tiegħu stess taħt kontroll;

L.  billi fis-26 ta' Ottubru 2015, il-Bureau adotta sett ġdid ta' regoli għall-ġestjoni tal-allowances għall-assistenza parlamentari, b'mod li saħħaħ ir-rekwiżiti għar-rimborż tal-kuntratti tal-assistenti lokali, speċifikament permezz tal-allokazzjoni ta' mill-anqas 25 % tal-allowance għall-assistenza parlamentari biex tkopri nfiq fuq assistenti akkreditati;

Il-qafas ġenerali

1.  Jenfasizza li s-sehem tal-baġit tal-Parlament fl-2017 għandu jinżamm taħt 20 % tal-intestatura V; jinnota li l-livell tal-abbozz preliminari tal-estimi għall-2017, kif stipulat fil-pożizzjoni tal-Bureau tad-9 ta' Marzu 2016, ikkorrisponda għal 19,26 %, li huwa anqas minn dak li ntlaħaq fl-2016 (19,39 %) u t-tieni l-anqas parti mill-intestatura V f'dawn l-aħħar tmien snin; ikompli jnaqqas is-sehem tiegħu mill-intestatura V għal 19,17 % għall-2017;

2.  Iqis, madankollu, li, meta jitqies it-tnaqqis ekonomiku esperjenzat minn Stati Membri, il-livell previst ta' inflazzjoni għall-2017 m'għandux jitqies bħala l-parametru referenzjarju ewlieni għaż-żidiet fl-infiq ordinarju;

3.  Jikkonferma li kien hemm talba għal infiq straordinarju, li jirrappreżenta żieda ta' 0,2 % imqabbla mal-baġit 2016, biex jitneħħew gradwalment il-miżuri ta' deroga temporanji għall-użu tal-lingwa Irlandiża li kienu stabbiliti bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 920/2005 tat-13 ta' Ġunju 2005(8);

4.  Jinnota t-talba għal żieda ta' 2,6% fl-oqsma tas-sigurtà u ċ-ċibersigurtà, li twassal biex ir-riżorsi allokati fl-2016 ikunu aktar mid-doppju; iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali jipprovdi lill-Kumitat għall-Baġits informazzjoni dettaljata b'mod trasparenti rigward il-miżuri attwali u futuri fl-oqsma tas-sigurtà u ċ-ċibersigurtà u l-mod kif inhuma mqassma l-ispejjeż tagħhom;

5.  Japprova l-pakkett ta' nfiq straordinarju għal investimenti fis-sigurtà fl-2017, wara l-analiżi ppreżentata lill-Bureau fi Frar 2016 u ssupplimentata mill-analiżi li saret wara l-avvenimenti tat-22 ta' Marzu 2016 (EUR 47,6 miljun), u l-pakkett ta' nfiq straordinarju marbut mat-tneħħija gradwali tad-deroga temporanja għall-użu tal-lingwa Irlandiża (EUR 3,7 miljun);

6.  Jillimita ż-żieda fl-infiq ordinarju tiegħu għall-2017, mingħajr iż-żewġ pakketti straordinarji, għal 1,4 % meta mqabbel mal-infiq ordinarju tal-baġit 2016 u 0,6 % meta mqabbel mal-baġit 2016;

7.  Jiffissa l-livell ġenerali tal-estimi tiegħu għall-2017 għal EUR 1 900 873 000, ammont li jikkorrispondi għal żieda ta' 3,4 % meta mqabbel mal-baġit 2016;

8.  Jissottolinja li l-Parlament għandu jingħata r-riżorsi suffiċjenti meħtieġa biex jikkonforma mal-funzjoni ewlenija tiegħu bħala korp leġiżlattiv u awtorità baġitarja; jenfasizza li, fil-kuntest ekonomiku attwali, dawk ir-riżorsi għandhom jiġu ġestiti b'rigorożità, prammatiżmu u effiċjenza; jindika li filwaqt li l-iżgurar ta' livell adegwat ta' finanzjament għall-Parlament huwa xieraq għall-eżerċizzju tad-demokrazija Ewropea, l-isforzi biex ikun hemm iffrankar u l-impenn biex tkompli tissaħħaħ l-effiċjenza fl-użu tal-flus pubbliċi għandhom ikunu mħeġġa bil-qawwa;

9.  Jenfasizza li l-ikbar parti mill-baġit tal-Parlament u l-indiċizzazzjoni annwali tiegħu huma stabbiliti permezz ta' obbligi statutorji jew kuntrattwali, li ma jistgħux jiġu influwenzati mill-Parlament fil-proċedura baġitarja;

Trasparenza, aċċessibilità u leġġibilità

10.  Jistieden lis-Segretarju Ġenerali jressaq proposta sabiex il-baġit jiġi ppreżentat lill-pubbliku ġenerali b'ammont xieraq ta' dettall u b'mod li jinftiehem u jkun faċli għall-utent fuq is-sit web tal-Parlament ħalli ċ-ċittadini kollha jkunu jistgħu jiżviluppaw fehim aħjar tal-attivitajiet, il-prijoritajiet u x-xejriet korrispondenti ta' nfiq tal-Parlament; iqis li l-ewwel pass jista' jkun li l-grafika ta' informazzjoni attwalment disponibbli fl-intranet tibda tidher fuq is-sit web tal-Parlament;

11.  Iqis li, bħal fil-każ tal-proċess baġitarju, kwalunkwe informazzjoni rilevanti għandha tiġi ppreżentata lill-Membri tal-Bureau u l-Kumitat għall-Baġits f'kull stadju tal-proċedura b'mod f'waqtu u li jinftiehem u fil-livell meħtieġ ta' dettall u analiżijiet sabiex il-Bureau, il-Kumitat għall-Baġits u l-gruppi politiċi jkunu jistgħu jwettqu deliberazzjonijiet xierqa u jibbażaw id-deċiżjonijiet fuq stampa komprensiva tas-sitwazzjoni u l-ħtiġijiet tal-baġit tal-Parlament;

12.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' preċiżjoni u trasparenza fl-evoluzzjoni tal-baġit minn sena għall-oħra; jikkunsidra li, filwaqt li ċertu nfiq straordinarju bħas-sigurtà jista' jiġi ġustifikat għall-baġit 2017, l-użu dejjem jikber tal-infiq straordinarju kull sena huwa problematiku f'termini ta' skrutinju u stabilità baġitarji; jitlob definizzjoni aktar preċiża ta' nfiq straordinarju; jemmen li, għal raġunijiet ta' responsabilità u komparabilità tad-data fil-baġit ġenerali, għandha titwettaq valutazzjoni dwar jekk l-infiq straordinarju għandux jiġi inkluż fil-bażi għall-kalkolu tal-perċentwal tad-differenza bejn il-baġits minn sena għal sena;

13.  Itenni l-appell tiegħu għal ippjanar baġitarju fuq terminu medju u fit-tul, inkluża distinzjoni ċara bejn l-investimenti u l-infiq operattiv relatat mal-funzjonament tal-Parlament u l-obbligi statutorji tiegħu (inkluż fuq kirjiet u akkwisti), b'konformità mar-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar l-estimi tad-dħul u tal-infiq tal-Parlament għas-sena finanzjarja 2016(9); jitlob, għaldaqstant, bidla fil-preżentazzjoni li tagħmel distinzjoni ċara bejn l-infiq ta' investiment u l-infiq operattiv;

14.  Ifaħħar lill-Bureau u lid-DĠ ITEC għad-disinn il-ġdid tal-paġni personali tal-Membri fuq is-sit web uffiċjali tal-Parlament, li jipprovdi aktar trasparenza dwar il-kompożizzjoni u l-istatus tal-grupp ta' ħidma tagħhom (ħolqien ta' tab ġdida "assistenti" bit-taqsimiet li ġejjin: assistenti, assistenti akkreditati, assistenti akkreditati (grupp), assistenti lokali, fornituri ta' servizzi, aġenti tal-ħlas, trainees); jitlob lis-Segretarju Ġenerali jiżgura l-kontrolli meħtieġa għall-implimentazzjoni tas-sett ta' regoli ġodda dwar l-allowances għall-assistenza parlamentari adottat mill-Bureau fis-26 ta' Ottubru 2015;

15.  Jappella biex, tal-anqas darba kull ħames snin, jitfassal baġit abbażi tal-ħtiġijiet reali tal-partiti individwali u mhux abbażi ta' sistema ta' koeffiċjenti;

Sigurtà u ċibersigurtà

16.  Jappella biex isir ippjanar baġitarju fuq terminu medju u fit-tul, li jkun jinkludi informazzjoni ċara fir-rigward tal-infiq relatat mas-sigurtà u s-sigurtà ċibernetika; jistieden barra minn hekk lill-Bureau, fid-dawl tal-avvenimenti li ġraw dan l-aħħar, jaġġorna l-Kunċett tas-Sigurtà Globali u jikkomunikah malajr kemm jista' jkun u mhux aktar tard minn Ġunju 2016;

17.  Iqis li kwalunkwe miżura f'dan il-qasam għandha tkun imsejsa fuq evalwazzjoni ċara tal-ħtiġijiet tal-Parlament u l-proporzjonalità mar-riskji mġarrba; jitlob lis-Segretarju Ġenerali u lill-Bureau jippreżentaw fil-ħin lill-Kumitat għall-Baġits, qabel il-qari tal-baġit 2017 min-naħa tal-Parlament, Kunċett tas-Sigurtà Globali li jinkludi evalwazzjoni globali tar-riskji perċepiti u tal-miżuri ta' sigurtà previsti, kif ukoll għażliet alternattivi, flimkien ma' evalwazzjoni dettaljata tal-impatt baġitarju tagħhom fuq il-baġit 2017 u l-baġits sussegwenti, b'distinzjoni ċara bejn l-investimenti u l-infiq rikorrenti, u jispjegaw il-miżuri previsti għat-tisħiħ tas-sigurtà tal-Parlament fil-bini tiegħu u barra minnu, kif ukoll l-impatt ta' tali miżuri fuq il-baġit 2017; jappella għal informazzjoni dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-arranġamenti għal kooperazzjoni amministrattiva interistituzzjonali fil-qasam tas-sigurtà;

18.  Jitlob lis-Segretarju Ġenerali jivvaluta jekk hemmx ħtieġa li jiġu riveduti kuntratti tal-assigurazzjoni eżistenti (għall-Membri u l-persunal) fid-dawl tat-theddidiet terroristiċi u, jekk xieraq, jagħmel proposti ħalli jiġu indirizzati n-nuqqasijiet li jista' jkun hemm;

19.  Jikkunsidra li s-sistema ta' sigurtà barra l-bini tal-Parlament għandha tkompli tiġi garantita mill-awtoritajiet Belġjani;

Mezzi aqwa għall-Membri fl-eżerċizzju tal-mandat tagħhom

20.  Jieħu nota tal-miżuri attwali intiżi sabiex il-Membri jingħataw mezzi aqwa fl-eżerċizzju tal-mandat tagħhom;

21.  Jilqa' l-estensjoni tal-Portal Diġitali tal-Membri (il-portal elettroniku), madankollu jistieden lis-Segretarju Ġenerali sabiex, fid-dawl tal-"inizjattiva mingħajr karti", itejjeb din is-sistema attwali li jintbagħtu kopji stampati tad-dokumenti ta' ħlas lill-Membri, bil-għan li eventwalment din titneħħa sa tmiem is-sena 2017; iqis li l-portal elettroniku għandu jipprovdi din il-karatteristika lill-Membri kollha awtomatikament b'mod elettroniku, fattur li jwassal għal iffrankar kunsiderevoli kemm f'termini ta' ħin kif ukoll mil-lat ekonomiku;

22.  Jilqa' ż-żieda fil-kwalità tal-pariri u r-riċerka mogħtija lill-Membri u l-kumitati; ifakkar li, meta inħoloq is-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew (EPRS) fl-2013, kienet ġiet prevista evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-effikaċja tal-kooperazzjoni bejn dan is-servizz u d-dipartimenti tematiċi; jitlob għalhekk lis-Segretarju Ġenerali biex jipproċedi għal tali evalwazzjoni u biex jippreżenta r-riżultati lill-Kumitat għall-Baġits sa tmiem l-2016; iqis li din l-evalwazzjoni għandha tinkludi proposti dwar kif jiġi żgurat li l-appoġġ mogħti mill-EPRS ikun marbut aħjar mal-iżviluppi fil-kumitati tematiċi rispettivi filwaqt li jissodisfa l-ħtiġijiet tal-Membri individwali, u li dan ma jirreplikax l-attivitajiet tad-dipartimenti tematiċi u lanqas ma jinkoraġġixxi l-kompetizzjoni bejn servizz u ieħor;

23.  Huwa tal-opinjoni li l-ħtiġijiet tal-Membri għandhom jiġu evalwati fil-kostitwenzi tagħhom, filwaqt li jitqiesu wkoll id-differenzi bejn il-kostitwenzi, bil-għan li l-Membri jingħataw mezzi aqwa fil-ħidma tagħhom fil-kostitwenzi; jemmen li l-ispazju tax-xogħol mobbli għall-Membri u l-appoġġ fil-kostitwenzi għandhom ikunu bbażati fuq valutazzjoni tal-ħtiġijiet u l-użu reali, u m'għandhomx jiġġeneraw spejjeż sinifikanti jew rikorrenti addizzjonali għall-Parlament; jinsisti li m'għandu jingħata l-ebda hardware peress li l-allowance għall-ispejjeż ġenerali tipprovdi biżżejjed riżorsi għax-xiri ta' apparat tal-ogħla livell; jiddubita l-ħtieġa li jiġi żviluppat spazju tax-xogħol mobbli privat għall-Membri peress li dan ma jidhirx li jikkorrispondi mal-mod kif il-Membri u l-uffiċċji tagħhom jorganizzaw lilhom infushom;

24.  Jaqbel li l-għodod tal-IT huma strument importanti għall-Membri biex iwettqu l-funzjoni tagħhom; itenni madankollu l-ħtieġa li tiġi permessa l-installazzjoni ta' software free-source li tippermetti ffrankar kunsiderevoli fl-ispejjeż tal-komunikazzjoni u ttejjeb il-fluss tax-xogħol tal-uffiċċji tal-Membri, filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni ċ-ċibersigurtà u tiġi garantita l-protezzjoni tad-data;

25.  Jitlob li l-possibilità li d-dokumenti interni jiġu ffirmati b'mod diġitali għandha ssir ħaġa komuni, f'kull ċirkostanza, bħall-iffirmar ta' formoli, dikjarazzjonijiet bil-miktub eċċ., filwaqt li jiġu żgurati l-affidabilità u s-sigurtà; jitlob li tiġi vvalutata l-possibilità li tiġi inrodotta sistema ta' verifika TAN fuq il-mowbajls tal-Membri tal-PE; jemmen, barra minn hekk, li l-użu ta' apparat tal-fax m'għandux jitħeġġeġ u għandu jitneħħa gradwalment fuq id-deċiżjoni tal-Membri tal-PE individwali;

26.  Jilqa' r-riforma l-ġdida dwar mistoqsijiet bil-miktub addizzjonali adottata fit-3 ta' Settembru 2015 mill-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali fuq talba tal-Kumitat għall-Baġits meta ġie adottat il-baġit tal-Parlament għall-2016; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jistabbilixxi l-kontrolli neċessarji għall-implimentazzjoni tal-interpretazzjoni l-ġdida; jistieden lill-Konferenza tal-Presidenti twettaq valutazzjoni ta' dan ir-reġim il-ġdid għall-mistoqsijiet bil-miktub fir-rigward tal-mistoqsijiet addizzjonali sabiex jiġi analizzat l-iffrankar iġġenerat u tinforma lill-Kumitat għall-Baġits dwar ir-riżultati ta' din il-valutazzjoni sa Awwissu 2016, qabel il-qari tal-baġit min-naħa tal-Parlament fil-ħarifa 2016;

27.  Iqis li huwa xieraq li l-approprjazzjonijiet għall-pakkett tal-infiq dwar l-għajnuna parlamentari għall-2017 jinżammu fuq l-istess livell bħal dawk tal-2016, suġġett għall-indiċizzazzjoni legalment vinkolanti applikabbli skont ir-Regolamenti tal-Persunal;

28.  Jemmen li d-deskrizzjoni attwali tal-attivitajiet parlamentari tal-Membri fuq is-sit web tal-Parlament mhijiex preċiża u ma tirriflettix l-attivitajiet u l-involviment reali tal-Membri; jissuġġerixxi li jitneħħa l-użu attwali ta' siti web ta' klassifikazzjoni, filwaqt li titjieb l-informazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Membri individwali fuq is-sit web uffiċjali tal-Parlament; jitlob li ssir evalwazzjoni tal-preżentazzjoni, tal-ispjegazzjonijiet tal-vot u d-diskorsi ta' minuta, b'mod partikolari, inkluża l-għażla li dawn jintwerew separatament mid-diskorsi fil-plenarja, u jitlob ukoll li ssir valutazzjoni tal-valur miżjud tal-ispjegazzjonijiet tal-vot u alternattivi possibbli; jistenna li l-grupp ta' ħidma rilevanti tal-Bureau li qed jittratta din il-kwistjoni jippreżenta l-aġenda u s-sejbiet tiegħu lill-Kumitat għall-Baġits hekk kif isiru disponibbli;

Spejjeż tal-Membri

29.  Itenni t-talba tiegħu lill-Bureau biex jiddefinixxi regoli aktar preċiżi fir-rigward tar-responsabbiltà tan-nefqa awtorizzata skont l-allowance għan-nefqa ġenerali, li jistgħu jinkludu miżuri kosteffikaċi bħal pereżempju li l-Membri jippubblikaw ir-rekords tal-infiq tagħhom, kif diġà jsir minn għadd dejjem akbar ta' Membri, u li jistgħu jiġu akkumpanjati minn sistema simplifikata għal rimborż ta' fondi mhux użati; itenni li dawn il-miżuri m'għandux jirrikjedi persunal addizzjonali għall-amministrazzjoni tal-Parlament;

Politika immobiljari

30.  Ifakkar li l-istrateġija immobiljari ta' nofs it-terminu, adottata mill-Bureau fl-2010, attwalment tinsab taħt reviżjoni; jiddispjaċih li l-Bureau għadu ma kkonkludiex id-deliberazzjonijiet tiegħu dwar l-istrateġija immobiljari tal-Parlament ta' nofs it-terminu; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jippreżenta lill-Kumitat għall-Baġits l-istrateġija immobiljari ta' nofs it-terminu l-ġdida mill-aktar fis possibbli u mhux aktar tard minn Awwissu 2016, qabel il-qari tal-baġit min-naħa tal-Parlament fil-ħarifa 2016;

31.  Jistieden lill-Bureau jippreżenta strateġija fuq terminu twil għall-bini tal-Parlament; itenni li hemm bżonn li l-investimenti fit-tul, bħall-proġetti immobiljari tal-Parlament, jiġu ġestiti bi prudenza u trasparenza; jinsisti fuq ġestjoni stretta tal-ispejjeż u fuq l-ippjanar u s-superviżjoni tal-proġetti; itenni l-appell tiegħu għal proċess trasparenti tat-teħid ta' deċiżjonijiet fil-qasam tal-politika immobiljari, abbażi ta' informazzjoni bikrija, filwaqt li jitqies kif dovut l-Artikolu 203 tar-Regolament Finanzjarju; jemmen li rapport dwar ir-raġunijiet għad-dewmien u l-ispejjeż ogħla ta' Dar l-Istorja Ewropea għandu jikkontribwixxi għall-istrateġija immobiljari fuq terminu twil;

32.  Jappella sabiex il-pożizzjoni fir-rigward tal-istokk immobiljari tal-Parlament tiġi riflessa fedelment fil-baġit; jappella għaldaqstant sabiex l-ispiża għall-bini KAD tiġi stabbilita b'mod ċar fil-baġit definittiv tal-Parlament, u sabiex l-investiment relatat mal-proprjetà jiġi inkorporat fil-baġit, fil-futur, ħalli jiġi evitat il-bżonn ta' trasferimenti ta' tlaqqit;

33.  Huwa tal-fehma li, fil-kuntest ekonomiku attwali, ma għandu jitnieda l-ebda proġett b'rabta mal-Parliamentarium mingħajr ma l-ewwel issir konsultazzjoni mal-Kumitat għall-Baġits u l-approvazzjoni tiegħu;

34.  Jipproponi għalhekk l-introduzzjoni, mill-2018, ta' linja speċifika għal investimenti f'kostruzzjoni ta' bini li tkun tuża, bħala bażi għall-finanzjament fl-2018, il-fondi li fl-2017 huma proposti għal infiq straordinarju;

35.  Jipproponi, fid-dawl taċ-ċirkostanzi straordinarji fl-2017 li jirrikjedu investiment għoli fl-infrastruttura tas-sigurtà, li kwalunkwe fond mhux użat sa tmiem l-2017 jintuża biex jitħallsu l-ispejjeż ta' kostruzzjoni għall-bini KAD sabiex jiġi evitat li jitħallsu kemm jista' jkun pagamenti tar-rata tal-imgħax lill-banek għal self li jkun irid jiġi kkuntrattat biex tiġi ffinanzjata l-kostruzzjoni;

36.  Jappella għal aktar informazzjoni dwar l-istatus quo tal-proġett għar-rinnovazzjoni tal-bini PHS; jitlob li jitnieda u jiġi eżaminat studju dwar ir-rinnovazzjoni mill-Bureau; jistenna li l-Bureau jieħu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa ta' kundizzjonijiet ta' xogħol tajbin għas-saħħa u sikuri meta jistabbilixxi l-kalendarju tar-rinnovazzjoni; jitlob lill-Bureau jinforma lill-Kumitat għall-Baġits dwar il-passi kollha malli jsiru disponibbli; jistieden f'dan il-kuntest lill-Bureau jistabbilixxi l-bażi għat-trasformazzjoni tal-bini PHS f'bini eżemplari tal-ogħla livell, f'termini ta' effiċjenza fl-enerġija, u biex jipproċedi minnufih bil-modernizzazzjoni tal-bini;

37.  Jistieden lill-Viċi Presidenti responsabbli jippreżentaw rapport ta' progress dwar il-bini KAD lill-Kumitat għall-Baġits;

38.  Iqis li r-riformi strutturali u organizzattivi mmirati biex jiksbu aktar effiċjenza, sostenibilità ambjentali u effikaċja għandhom jitkomplew permezz ta' eżami bir-reqqa tas-sinerġiji u l-iffrankar possibbli; ifakkar li jistgħu jiġu ffrankati riżorsi sostanzjali jekk il-Parlament ikollu post tax-xogħol wieħed biss minflok tlieta (Brussell, Strasburgu, il-Lussemburgu); jissottolinja l-fatt li dan il-proċess għandu jitmexxa mingħajr ma jipperikola l-eċċellenza leġiżlattiva tal-Parlament, is-setgħat baġitarji u ta' skrutinju tiegħu, kif ukoll il-kwalità tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-Membri, l-assistenti u l-persunal;

Kwistjonijiet relatati mal-persunal

39.  Jilqa' l-proposta li fl-2017 l-organigramma tiegħu tonqos b'60 kariga f'konformità mal-ftehim milħuq mal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni skont il-proċedura baġitarja fl-14 ta' Novembru 2015;

40.  Ifakkar li l-livell totali ta' persunal fil-gruppi politiċi għandu jiġi eżentat mill-mira ta' tnaqqis tal-persunal ta' 5 %, f'konformità mad-deċiżjonijiet meħuda fir-rigward tas-snin finanzjarji 2014, 2015 u 2016;

41.  Jappoġġa l-karigi addizzjonali meħtieġa għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni bil-lingwa Irlandiża; jeżenta dawn il-karigi addizzjonali mill-mira ta' tnaqqis ta' 5 % f'konformità mar-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jikkonsulta mal-Membri Irlandiżi bil-ħsieb li possibilment jiġi razzjonalizzat l-użu tal-lingwa Irlandiża mingħajr ma jiġu kompromessi d-drittijiet garantiti tal-Membri;

42.  Jappoġġa l-introduzzjoni ta' interpretazzjoni bil-lingwa tas-sinjali internazzjonali għad-dibattiti plenarji kollha sabiex tal-anqas dawn ikunu ġenwinament aċċessibbli għaċ-ċittadini Ewropej kollha;

43.  Jilqa' l-progress li sar rigward l-effiċjenza tat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni; jirrikonoxxi l-kwalità u l-valur miżjud tas-servizzi mogħtija mill-interpreti; jappella għal ftehim bikri u sostenibbli bejn is-Segretarju Ġenerali u r-rappreżentanti tal-interpreti, li jgħaqqad kundizzjonijiet tax-xogħol ta' kwalità għolja flimkien ma' ġestjoni effiċjenti sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta' żbilanċi f'termini ta' sigħat ta' xogħol u nuqqas ġenerali ta' sigurtà fost l-interpreti, filwaqt li jitqiesu d-drittijiet soċjali; jitlob lis-Segretarju Ġenerali jagħmel aktar proposti ta' razzjonalizzazzjoni, bħal pereżempju aktar traduzzjonijiet u interpretazzjoni fuq talba, b'mod partikolari rigward l-attivitajiet tal-Intergruppi tal-Parlament Ewropew; jikkunsidra li s-sistema ta' klassifikazzjoni skont il-profil lingwistiku li ilha stabbilita minn Ottubru 2014 għall-emendi fl-istadju tal-kumitat hija eżempju tal-effiċjenzi li jistgħu jinkisbu u li jistgħu jiġu żviluppati aktar; huwa tal-fehma li l-interpretazzjoni u t-traduzzjoni huma komponenti essenzjali ta' demokrazija Ewropea li hija miftuħa għal kulħadd, u għaldaqstant jappella sabiex ma tkun permessa l-ebda riforma li tnaqqas l-aċċessibilità massima għall-attivitajiet u d-dokumenti tal-Parlament, u dan fuq l-aktar bażi inklużiva possibbli;

44.  Jistieden lill-Bureau jevalwa u, fejn ikun hemm bżonn, jirrevedi r-regoli dwar l-istatut tat-trainees, inkluż permezz tal-introduzzjoni ta' remunerazzjoni minima u l-armonizzazzjoni tal-offerta tal-prezzijiet relatata mal-forniment tal-ikel għat-trainees kollha, kemm dawk fl-amministrazzjoni tal-Parlament kif ukoll dawk fl-uffiċċji tal-Membri, sabiex jiġi żgurat trattament ugwali u jitħarsu d-drittijiet soċjali tat-trainees;

45.  Jistieden lill-Bureau jirrevedi r-regoli dwar ir-rimborż tal-ispejjeż tal-missjonijiet relatati mal-vjaġġi bejn il-postijiet tax-xogħol tal-Parlament u mġarrba mill-assistenti parlamentari akkreditati, sabiex jiġu allinjati mar-regoli applikabbli għall-kumplament tal-persunal;

46.  Huwa tal-fehma li għandha tiġi introdotta t-tielet proċedura sabiex kuntratt bejn Membru u assistent ikun jista' jintemm b'kunsens reċiproku;

Servizzi tax-xufiera/mobilità

47.  Għandu riżervi rigward il-proposta biex jinternalizzaw is-servizz tax-xufiera, jiġifieri li aġenti kuntrattwali tal-Parlament jieħdu post il-fornitur estern tas-servizz, li se tikkorrispondi għal madwar EUR 3,7 miljun fi spejjeż addizzjonali immedjati; iqis li kuntratt estern organizzat tajjeb konkluż skont ir-regoli tal-akkwist pubbliku applikabbli, fejn il-fornitur estern tas-servizz jkun obbligat biċ-ċar jerfa' r-responsabilità għall-kontrolli ta' sigurtà u l-verifiki tal-preċedenti personali kif ukoll għal kundizzjonijiet tax-xogħol u paga diċenti, għandu jitqies bħala għażla alternattiva; jappoġġa l-internalizzazzjoni biss jekk l-ispejjeż tagħha ma jaqbżux l-ispejjeż relatati mas-sistema attwali, u sakemm din tippermetti kundizzjonijiet tax-xogħol u paga diċenti għax-xufiera, bilanċ aħjar bejn is-sessi u użu ta' karozzi aktar ekoloġiċi; jitlob li l-Kumitat għall-Baġits jingħata informazzjoni dettaljata qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni;

48.  Jitlob lis-Segretarju Ġenerali jikkonsulta mal-awtoritajiet Belġjani bil-għan li jiġi żgurat aċċess faċli u l-aħjar użu ġenerali tal-kollegament dirett il-ġdid bil-ferrovija bejn l-istazzjon ferrovjarju Brussell-Lussemburgu u l-ajruport ta' Zaventem, li jista' jinkludi l-aċċettazzjoni tal-badges tal-Membri minflok is-sistema attwali ta' laissez-passer;

49.  Jemmen li l-flotta tal-karozzi għandha tikkonsisti f'karozzi aktar kosteffiċjenti, effiċjenti fl-użu tal-fjuwil u aktar sikuri; jisħaq fuq il-fatt li għandha tingħata preferenza għall-użu ta' minivans u xarabanks minn u lejn l-ajruport, f'ħinijiet skedati; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jippreżenta rapport dwar bidla sħiħa għal mezzi tal-ivvjaġġar elettroniċi fit-tmiem tad-deċennju;

50.  Jitlob lis-Segretarju Ġenerali jorganizza diskussjonijiet mal-aġenzija tal-ivvjaġġar tal-Parlament; iħeġġeġ lill-aġenzija tal-ivvjaġġar tintensifika t-tqabbil tal-prezzijiet; jistieden lill-aġenzija tal-ivvjaġġar biex, meta tkun qed tagħmel ir-riżervazzjonijiet, tfittex b'mod attiv biljetti orħos u, b'mod ġenerali, toffri prezzijiet aktar kompetittivi għall-Membri u l-kategoriji kollha tal-persunal filwaqt li tiżgura kundizzjonijiet xierqa għal bdil ta' biljetti;

Komunikazzjoni

51.  Jitlob ir-riżultati tal-evalwazzjoni ex post tal-istrateġija ġenerali u l-metodoloġija tal-kampanja ta' informazzjoni u komunikazzjoni għall-2014 (ir-rapport ta' evalwazzjoni kien mistenni għat-tieni semestru tal-2015);

52.  Itenni is-sejħa lis-Segretarju Ġenerali jirrapporta lill-Kumitat għall-Baġits dwar l-evalwazzjoni tal-kampanja għall-elezzjonijiet parlamentari tal-2014 kif ukoll dwar l-effikaċja tal-miżuri ta' komunikazzjoni tal-Parlament intiżi għall-pubbliku ġenerali;

53.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-uffiċċji tal-informazzjoni tal-Parlament (EPIOs) f'termini ta' sensibilizzazzjoni dwar l-attivitajiet tal-Parlament u l-Unjoni b'mod ġenerali; jemmen li għandhom jiġu previsti miżuri ta' effiċjenza fir-rigward tal-uffiċċji tal-informazzjoni tal-Parlament; iqis li l-EIPOs għandhom, sal-limitu massimu possibbli, jinżammu fl-istess bini mar-rappreżentanzi tal-Kummissjoni u jaqsmu magħhom is-servizzi ta' back office; jitlob li l-objettivi, il-kompiti u l-prestazzjonijiet tal-EIPOs jiġu evalwati u li fid-dawl ta' dan jiġu definiti l-prijoritajiet;

54.  Jitlob evalwazzjoni tal-possibilità għal kooperazzjoni eqreb ma' ARTE fi Strasburgu sabiex jiġi stabbilit ċentru medjatiku Ewropew għal skopijiet ta' taħriġ għall-ġurnalisti żgħażagħ;

55.  Jistieden lis-Segretarju Ġenerali jippreżenta rapport dwar il-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet li ngħataw aċċess għall-Parlament sabiex ikunu jistgħu jorganizzaw forums dwar l-attivitajiet tagħhom; jistieden lis-Segretarju Ġenerali jżomm bilanċ bejn is-setturi differenti u t-tipi differenti ta' organizzazzjonijiet li jingħataw aċċess għall-Parlament;

Kwistjonijiet oħra

56.  Iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali biex jippreżenta rapport dettaljat dwar l-implimentazzjoni tal-partijiet amministrattivi tal-ftehimiet ta' kooperazzjoni bejn il-Parlament, il-Kumitat tar-Reġjuni u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u biex, fuq din il-bażi, ifassal l-arranġamenti possibbli għal kooperazzjoni amministrattiva ulterjuri f'oqsma bħal-loġistika, l-infrastruttura jew is-sigurtà;

57.  Iħeġġeġ lis-Segretarju Ġenerali jipprovdi kjarifiki dwar il-ġestjoni attwali tal-ġinnasju tal-Parlament u dwar l-użu attwali mill-persunal tal-Parlament f'dan il-kuntest; jitlob, barra minn hekk, kjarifika dwar il-litigazzjoni pendenti u dwar l-alternattivi li jeżistu biex jiġi żgurat li jiġi ġestit b'mod effiċjenti u kosteffikaċi tal-ġinnasju fil-ġejjieni;

58.  Iqis li jista' jsir iffrankar ieħor fuq l-infiq għall-għamara, billi jqis li żieda ta' EUR 3 589 832 għall-2016 u żieda simili għall-2017 fil-konfront ta' EUR 2 415 168 fl-2015, hija aktar minn raġonevoli;

59.  Jilqa' l-użu aktar limitat u effiċjenti tal-bagolli (cantines); iħeġġeġ il-kondiviżjoni tal-bagolli għall-ivvjaġġar lejn Strasburgu;

60.  Jitlob lis-Segretarju Ġenerali jimplimenta bis-sħiħ l-ispirtu u l-ittra tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid fir-rigward tal-akkwist pubbliku ekoloġiku u ekonomikament effiċjenti billi jsaħħaħ l-istrateġija tal-akkwist tal-Parlament f'dan ir-rigward;

61.  Iħeġġeġ biex tkompli tiġi segwita t-triq lejn iffrankar tal-enerġija, b'mod partikolari fir-rigward tas-sistemi ta' dawl u tisħin tal-bini, hekk kif id-diskussjonijiet dwar il-baġit 2016 urew li hemm lok għal titjib;

62.  Iħeġġeġ aktar promozzjoni ta' ikel tajjeb għas-saħħa u organiku; jistieden, barra minn hekk, lill-Bureau jevalwa l-possibilità li jiġi pprovdut ikel tajjeb għas-saħħa, mhux biss f'termini ta' diversifikazzjoni tas-servizzi imma anke, u fuq kollox, f'termini tal-forniment ta' frott u ħaxix frisk bi prezzijiet għall-but ta' kulħadd;

o
o   o

63.  Jadotta l-estimi għas-sena finanzjarja 2017;

64.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u l-estimi lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15.
(5) Testi adottati, P8_TA(2015)0376.
(6) Testi adottati, P8_TA(2015)0407.
(7) Testi adottati, P8_TA(2015)0172.
(8) ĠU L 156, 18.6.2005, p. 3.
(9) Testi adottati, P8_TA(2015)0172.

Avviż legali