Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2897(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0441/2016

Testi mressqa :

B8-0441/2016

Dibattiti :

PV 13/04/2016 - 20
CRE 13/04/2016 - 20

Votazzjonijiet :

PV 14/04/2016 - 7.11
CRE 14/04/2016 - 7.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0135

Testi adottati
PDF 329kWORD 149k
Il-Ħamis, 14 ta' April 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Ir-Rapport 2015 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina
P8_TA(2016)0135B8-0441/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta’ April 2016 dwar ir-Rapport 2015 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina (2015/2897(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (FSA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u l-Bożnija-Ħerzegovina, min-naħa l-oħra(1),

–  wara li kkunsidra l-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina għal sħubija fl-Unjoni Ewropea fil-15 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-21 ta' April 2015 li tikkonkludi l-FSA mal-Bożnija-Ħerzegovina,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19-20 ta' Ġunju 2003 dwar il-Balkani tal-Punent u l-anness tagħhom bit-titolu "L-Aġenda ta' Thessaloniki għall-Balkani tal-Punent: lejn integrazzjoni Ewropea",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta' Marzu, tat-12 ta' Ottubru u tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina,

–  wara li kkunsidra l-ewwel laqgħa tal-Kumitat Parlamentari ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni UE-Bożnija-Ħerzegovina (KPSA) li saret f'Sarajevo fil-5-6 ta' Novembru 2015 u l-ewwel laqgħat tal-Kunsill ta' Stabbilizzazzjoni u Assoċjazzjoni (KSA) u tal-Kumitat ta' Stabilizzazzjoni u ta' Assoċjazzjoni bejn il-Bożnija-Ħerzegovina u l-UE li saru fil-11 u fis-17 ta' Diċembru 2015, rispettivament,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni finali tal-President tas-Summit dwar il-Balkani tal-Punent, li sar fi Vjenna fis-27 ta' Awwissu 2015, u r-rakkomandazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili għas-Summit ta' Vjenna 2015,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Novembru 2015 bit-titolu "Strateġija tal-UE dwar it-tkabbir" (COM(2015)0611), akkumpanjata mid-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Rapport 2015 dwar il-Bożnija-Ħerzegovina" (SWD(2015)0214),

–  wara li kkunsidra l-Impenn bil-Miktub għall-Integrazzjoni tal-UE, adottat mill-Presidenza tal-Bożnija-Ħerzegovina fid-29 ta' Jannar 2015 u approvat mill-Assemblea Parlamentari tal-Bożnija-Ħerzegovina fit-23 ta' Frar 2015, kif ukoll l-Aġenda ta' Riforma għall-Bożnija-Ħerzegovina 2015-2018, adottata minn kull wieħed mit-tliet livelli ta' gvern f'Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar dan il-pajjiż, inklużi r-riżoluzzjonijiet tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar il-Kommemorazzjoni ta' Srebrenica(2) u tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar l-20 anniversarju tal-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton(3),

–  wara li kkunsidra l-konferenza dwar "Il-Futur Ewropew tal-Bożnija-Ħerzegovina – 20 sena wara l-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton-Pariġi" li saret fil-Parlament Ewropew fid-9 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-ħidma ta' Cristian Dan Preda bħala r-rapporteur permanenti dwar il-Bożnija-Ħerzegovina tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-UE għadha tħaddan l-impenn tagħha għall-perspettiva Ewropea tal-Bożnija-Ħerzegovina u għall-integrità territorjali, is-sovranità u l-unità tagħha;

B.  billi l-adeżjoni mal-UE hija proċess inklużiv li jirrikjedi kunsens nazzjonali dwar l-Aġenda tar-Riforma; billi ċ-ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina għandhom jitqiegħdu fiċ-ċentru tar-riformi istituzzjonali, ekonomiċi u soċjali;

C.  billi l-UE nediet approċċ imġedded lejn il-Bożnija-Ħerzegovina sabiex il-pajjiż javvanza lejn l-UE u jindirizza l-isfidi pendenti fil-livell soċjoekonomiku u fil-qasam tal-istat tad-dritt, biex il-pajjiż ikun jista' jħejji għas-sħubija futura; billi, b'segwitu ta' dan l-approċċ, il-FSA daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 2015;

D.  billi huwa indispensabbli li jkun hemm mekkaniżmu effikaċi ta' koordinazzjoni dwar kwistjonijiet tal-UE bejn il-livelli differenti ta' gvern sabiex tiġi żgurata interazzjoni aħjar mal-UE, biex jiġu ffaċilitati l-allinjament, l-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet tal-UE, u sabiex l-applikazzjoni għas-sħubija tal-Bożnija-Ħerzegovina mal-UE tkun suċċess; billi l-Kunsill tal-Ministri (KtM) tal-Bożnija-Ħerzegovina adotta d-"Deċiżjoni dwar Sistema ta' Koordinazzjoni fil-Proċess ta' Intergrazzjoni Ewropea fil-Bożnija-Ħerzegovina" fis-26 ta' Jannar 2016; billi l-progress fil-koordinazzjoni dwar kwistjonijiet tal-UE se jiftaħ it-triq biex il-Bożnija-Ħerzegovina tibbenefika b'mod sħiħ mill-finanzjament tal-UE;

E.  billi għad hemm 84 500 persuna spostati internament kif ukoll għadd kbir ħafna ta' refuġjati mill-Bożnija-Ħerzegovina fil-pajjiżi ġirien, madwar l-Ewropa kollha u madwar id-dinja;

F.  billi appoġġ politiku b'saħħtu huwa fattur importanti biex is-sistema istituzzjonali tal-pajjiż issir aktar effettiva;

1.  Jilqa' l-ewwel rapport aktar pożittiv tal-Kummissjoni dwar il-Bożnija-Ħerzegovina u jtenni l-impenn inekwivoku tiegħu għall-perspettiva Ewropea tal-Bożnija-Ħerzegovina; jistieden lill-awtoritajiet juru determinazzjoni fil-ħidma għal riformi istituzzjonali u soċjoekonomiċi, inkluża l-implimentazzjoni effettiva tagħhom, u jagħmlu progress kostanti lejn l-UE; jappella għat-trasparenza fil-proċess tal-ippjanar u tal-implimentazzjoni tar-riformi; jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni Konġunt mill-Istat u l-entitajiet sabiex jimplimentaw l-Aġenda ta' Riforma 2015-2018 u jappella għall-implimentazzjoni armonizzata sabiex tinkiseb bidla reali u viżibbli madwar il-pajjiż u sabiex il-ħajja taċ-ċittadini kollha tal-Bożnija-Ħerzegovina titjieb;

2.  Jilqa' l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal sħubija fl-UE min-naħa tal-Bożnija-Ħerzegovina fil-15 ta' Frar 2016; jistieden lill-Kunsill jeżamina din l-applikazzjoni fl-ewwel opportunità li jkollu u jgħaddiha mingħajr dewmien lill-Kummissjoni sabiex tibda t-tħejjija tal-avis;

3.  Jilqa' l-adozzjoni min-naħa tal-KtM tal-Bożnija-Ħerzegovina, fis-26 ta' Jannar 2016, ta' deċiżjoni li tistabbilixxi mekkaniżmu ta' koordinazzjoni dwar kwistjonijiet tal-UE u, fid-9 ta' Frar 2016, tal-pożizzjoni tan-negozjati dwar l-adattament tal-FSA, wara l-adeżjoni tal-Kroazja mal-UE; ifakkar li, flimkien ma' progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-Aġenda ta' Riforma, dawn l-elementi huma meħtieġa sabiex l-UE tqis kredibbli l-applikazzjoni għas-sħubija; jappella sabiex il-pożizzjoni tal-entitajiet dwar il-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni adottat tiġi armonizzata mingħajr dewmien u jinkoraġġixxi l-kooperazzjoni bejn il-partijiet kollha interessati biex ikompli jittejjeb; jappella għall-implimentazzjoni b'ħeffa tiegħu u jħeġġeġ kooperazzjoni kostruttiva dwar kwistjonijiet tal-UE; jenfasizza li dan il-mekkaniżmu huwa indispensabbli biex ikun hemm teħid ta' deċiżjonijiet effiċjenti fil-proċess tal-adeżjoni mal-UE; jilqa' l-konsultazzjonijiet konkreti inizjali - fil-livell parlamentari - bil-ħsieb tal-implimentazzjoni sħiħa tal-mekkaniżmu ta' koordinazzjoni, u jħeġġeġ bil-qawwa li jkun hemm intensifikazzjoni ulterjuri ta' dawn il-laqgħat fost il-partijiet interessati istituzzjonali; jinsisti mill-ġdid fuq l-adattament tal-konċessjonijiet kummerċjali mogħtija fil-qafas tal-FSA; iqis l-implimentazzjoni sħiħa tal-FSA, inkluż l-adattament tiegħu, bħala element importanti fl-impenn tal-Bożnija-Ħerzegovina lejn l-UE u waħda mill-prekundizzjonijiet għall-approvazzjoni tal-kandidatura għas-sħubija tagħha; jirrakkomanda li l-Bożnija-Ħerzegovina wkoll timpenja ruħha mal-Istati Membri tal-UE dwar il-progress tagħha lejn l-UE;

4.  Itenni l-ħtieġa li jitkomplew ukoll ir-riformi kostituzzjonali, legali u politiċi li għandhom jittrasformaw lill-Bożnija-Ħerzegovina fi stat effettiv, inklużiv u funzjonali b'mod sħiħ, li jiggarantixxi l-ugwaljanza u r-rappreżentanza demokratika tal-popli kostitwenti kollha u taċ-ċittadini kollha tiegħu, u li jiggarantixxi li ċ-ċittadini kollha jistgħu jippreżentaw ruħhom bħala kandidati u jkunu eliġibbli għall-elezzjoni u li jservu fil-livelli politiċi kollha, f'kundizzjonijiet indaqs u jkun xi jkun l-isfond etniku jew reliġjuż tagħhom, skont il-prinċipji espressi fir-riżoluzzjoni preċedenti tiegħu, inklużi l-kriterji ta' Kopenħagen, l-acquis tal-UE, ir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni ta' Venezja u l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (KEDB) u d-deċiżjonijiet rilevanti tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB); jistieden lill-awtoritajiet jippromwovu b'mod attiv il-prinċipji tar-rappreżentanza leġittima, tal-federaliżmu, tad-deċentralizzazzjoni u s-sussidjarjetà, kif ukoll il-valuri Ewropej u l-importanza tal-perspettiva Ewropea; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex jinvolvu ruħhom b'mod attiv fl-isforzi biex tinstab soluzzjoni sostenibbli għall-arranġamenti kostituzzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina;

5.  Iħeġġeġ lill-mexxejja politiċi u reliġjużi joqogħdu lura mir-retorika nazzjonalista u seċessjonista ta' firda li tippolarizza lis-soċjetà, u biex ikomplu bi djalogu politiku u attivitajiet immirati lejn ir-rispett reċiproku, il-kunsens u l-kooperazzjoni bejn ir-rappreżentanti politiċi leġittimi u għall-ħarsien tad-diversità tas-soċjetà tagħha; jistieden liċ-ċittadini kollha jħaddnu r-rikonċiljazzjoni u l-kooperazzjoni, li huma prerekwiżiti importanti għall-kisba tal-perspettiva Ewropea;

6.  Jenfasizza r-rwol importanti tas-soċjetà ċivili lokali fil-proċess ta' bini tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni, u b'mod partikolari l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fid-djalogu u l-iskambju interkulturali, kif ukoll fl-isfera politika; jinnota r-rwol sinifikanti tal-attivisti kulturali, artisti, kittieba u akkademiċi biex jippromwovu djalogu u fehim bejn il-gruppi differenti fis-soċjetà; iħeġġeġ il-promozzjoni tal-edukazzjoni għad-demokrazija, id-drittijiet fundamentali u ċ-ċittadinanza fil-Bożnija-Ħerzegovina;

7.  Jieħu nota tal-aħbar mill-President tar-Repubblika Srpska (RS) li jipposponi r-referendum ippjanat fir-RS dwar il-ġudikatura fil-livell tal-Istat tal-Bożnija-Ħerzegovina; jiddispjaċih, madankollu, li din id-deċiżjoni ma ġietx approvata mill-Assemblea Nazzjonali tar-RS; jappella sabiex din l-idea ta' referendum titwaqqa' kompletament, peress li dan jhedded il-koeżjoni, is-sovranità u l-integrità tal-pajjiż u jirriskja li jimmina l-isforzi li qed isiru biex tittejjeb is-sitwazzjoni soċjoekonomika taċ-ċittadini kollha tal-Bożnija-Ħerzegovina u biex isir progress ulterjuri lejn l-integrazzjoni fl-UE; jenfasizza li kwalunkwe nuqqasijiet fil-ġudikatura tal-Bożnija-Ħerzegovina għandhom jiġu indirizzati fi spirtu ta' kooperazzjoni u mhux permezz ta' inizjattivi unilaterali, fl-ambitu mwessa' tad-Djalogu Strutturat dwar il-Ġustizzja; ifakkar li skont il-Ftehim ta' Dayton ir-RS m'għandhiex dritt għal seċessjoni;

8.  Jinsab ferm imħasseb dwar l-istqarrijiet tal-Ministru tal-Intern tar-Repubblika Srpska dwar it-taħriġ fil-ġejjieni ta' unitajiet speċjali tal-pulizija tar-RS fil-Federazzjoni Russa, il-kooperazzjoni aktar fil-fond, partikolarment rigward l-iskambju ta' informazzjoni, u l-intenzjoni li jixtri tagħmir militari Russu; jistieden lill-awtoritajiet tar-RS ma jsegwux politika barranija u ta' sigurtà indipendenti li tista' ddgħajjef il-politika fil-livell tal-Istat;

9.  Jilqa' d-dħul fis-seħħ tal-FSA u l-fatt li l-KPSA kien l-ewwel korp komuni kostitwit abbażi tiegħu; jiddispjaċih ħafna, madankollu, li naqas milli jadotta r-Regoli tiegħu ta' Proċedura (RtP) minħabba t-tentattivi biex jiġi introdott l-imblukkar etniku fir-regoli ta' votazzjoni tal-KPSA; ifakkar li l-FSA jirrikjedi l-adozzjoni tar-RtP u n-nuqqas li jsir dan huwa ksur dirett tal-implimentazzjoni tal-FSA; iħeġġeġ lid-delegazzjoni Bożnijaka taħdem b'mod kostruttiv f'dan ir-rigward lejn l-adozzjoni tar-RtP fil-laqgħa li jmiss tal-KPSA mingħajr dewmien; jilqa' l-ewwel laqgħat tal-KSA bejn il-Bożnija-Ħerzegovina u l-UE li saru fil-11 ta' Diċembru 2015;

10.  Jiddeplora l-fatt li l-korruzzjoni, inkluża l-korruzzjoni fl-ogħla livelli, għadha mifruxa u li l-impenji politiċi ma ġewx tradotti f'riżultati konkreti; jibqa' mħasseb dwar id-dgħufija tal-qafas ġuridiku u istituzzjonali biex jiġġieled il-korruzzjoni, li jippermetti t-twettiq ta' prattiki korrotti b'impunità, u dwar l-għadd baxx ta' kundanni finali f'każijiet ta' korruzzjoni; jappella għal titjib fir-rekord ta' investigazzjoni u prosekuzzjoni effettivi f'każijiet ta' korruzzjoni ta' profil għoli li jinvolvu politikanti, uffiċjali ta' livell għoli u l-istituzzjonijiet regolatorji, u fil-qafas tal-akkwist pubbliku u l-privatizzazzjoni; ifaħħar l-adozzjoni tal-istrateġija u l-pjan ta' azzjoni kontra l-korruzzjoni 2015-2019 u jħeġġeġ l-allokazzjoni ta' baġit suffiċjenti għall-implimentazzjoni tagħhom; jitlob għal tisħiħ sinifikanti tal-kooperazzjoni bejn l-aġenziji fil-pajjiż kollu; iħeġġeġ it-twaqqif ta' strutturi ddedikati għall-prevenzjoni u l-monitoraġġ tal-korruzzjoni u l-adozzjoni ta' dokumenti ta' politika għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni fil-livelli kollha tal-gvern; iħeġġeġ l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-GRECO mingħajr dewmien;

11.  Jenfasizza li ġudikatura funzjonali u stabbli hija tal-akbar importanza biex jiġi żgurat l-istat tad-dritt fil-pajjiż u biex il-Bożnija-Ħerzegovina twettaq aktar progress lejn l-UE; jinsab imħasseb dwar il-pressjoni fuq il-ġudikatura mill-atturi politiċi; jistqarr il-ħtieġa urġenti li tissaħħaħ l-indipendenza tal-ġudikatura fil-Bożnija-Ħerzegovina; huwa mħasseb partikolarment dwar il-każijiet ta' indħil politiku fil-proċedimenti tal-qorti, il-politiċizzazzjoni tal-proċeduri ta' ħatra fil-ġudikatura, il-frammentazzjoni li għadha teżisti f'erba' sistemi legali differenti u n-nuqqas ta' sistema effettiva u oġġettiva għall-valutazzjoni tal-kwalitajiet professjonali tal-imħallfin; jilqa' l-Istrateġija ta' Riforma fis-Settur tal-Ġustizzja 2014-2018 li ġiet aġġornata u jappella għal pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tagħha, b'enfasi qawwija fuq l-isforzi ta' armonizzazzjoni fil-pajjiż kollu; iqis li huwa essenzjali li jkun hemm garanzija ta' sistema ġudizzjarja aktar professjonali, indipendenti u affidabbli, inkluża l-applikazzjoni sistematika ta' kriterji oġġettivi għall-ħatriet; jilqa' l-protokoll iffirmat mill-ministri tal-ġustizzja fil-livell kemm tal-Entitajiet kif ukoll tal-Istat, li jimmira lejn riformi ġudizzjarji fil-livell tal-Istat u l-Kunsill Ġudizzjarju u ta' Prosekuzzjoni Għoli; jilqa' l-ħatra ta' Ombudspersons, iżda huwa mħasseb dwar id-diffikultajiet finanzjarji u ta' riżorsi umani kontinwi li jiltaqa' magħhom l-Uffiċċju tal-Ombudsperson; jappella għall-adozzjoni b'ħeffa tal-liġi dwar ir-riforma tal-Ombudsperson;

12.  Għadu mħasseb li l-aċċess għal għajnuna legali bla ħlas huwa limitat ħafna; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jadottaw liġi dwar l-għajnuna legali bla ħlas fil-livell tal-Istat bħala prerekwiżit għal garanzija ta' aċċess ugwali, effettiv u mhux diskriminatorju għall-ġustizzja; jemmen li l-implimentazzjoni ta' din il-liġi hija kruċjali biex tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-istat tad-dritt;

13.  Jikkundanna bil-qawwa l-liġi li għadha effettiva dwar l-ordni pubblika fir-RS, li ddgħajjef id-drittijiet demokratiċi fundamentali tal-libertà tal-għaqda, il-libertà tal-assoċjazzjoni u l-libertà tal-midja; iħeġġeġ l-implimentazzjoni sħiħa tal-Att dwar il-Libertà tal-Aċċess għall-Informazzjoni, billi din għadha irregolari u ta' spiss limitata meta jiġu invokati d-dritt għall-privatezza u l-protezzjoni tal-interessi kummerċjali tal-kumpaniji li jikkollaboraw mal-gvernijiet, u b'hekk iċ-ċittadini jiġu mċaħħda minn mezz effiċjenti ta' appell meta l-informazzjoni tkun miċħuda; ifaħħar l-adozzjoni tal-emendi għall-Kodiċi Kriminali tal-Bożnija-Ħerzegovina li jġib id-dispożizzjonijiet tiegħu dwar it-tortura, l-għajbien sfurzat u l-istupru f'konformità mal-istandards internazzjonali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jinkorporaw fil-Kodiċi kriminali r-reati kriminali mniżżla fil-Protokoll Addizzjonali għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar iċ-Ċiberkriminalità;

14.  Iqis li huwa importanti li titjieb il-kooperazzjoni bejn il-parlamenti fil-livell tal-Istat, fil-livell tal-Entitajiet kif ukoll fil-livell tad-Distrett ta' Brčko u li jsiru laqgħat konġunti bejniethom; jieħu nota tal-impenji magħmula fil-qafas ta' ġemellaġġ parlamentari u jappella għall-implimentazzjoni urġenti tar-rakkomandazzjonijiet li jirriżultaw minnhom, kif ukoll l-operazzjonalizzazzjoni tal-qafas ta' kooperazzjoni miftiehem; jilqa', f'dan il-kuntest, l-iffirmar tal-"Kunċett ta' mekkaniżmu ta' kooperazzjoni tal-parlamenti fil-Bożnija-Ħerzegovina f'attivitajiet relatati mal-proċess ta' integrazzjoni fl-UE"; jappella għal titjib fil-koordinazzjoni ġenerali mal-assembleji kantonali;

15.  Jinnota r-rwol imwettaq mill-Kumitat Parlamentari Konġunt għas-Sigurtà u d-Difiża f'iżgurar tal-kontroll demokratiku fuq il-forzi armati tal-Bożnija-Ħerzegovina; jinsab imħasseb minħabba l-preżenza mifruxa ta' armi miżmuma illegalment mill-popolazzjoni u dwar il-ħażniet kbar ta' munizzjon u armi li għadhom miżmuma taħt ir-responsabbiltà tal-forzi armati; ifaħħar il-progress li sar mill-forzi armati fit-tneħħija tal-aktar munizzjon instabbli u fil-bini tal-kapaċità sostenibbli għall-ġestjoni tal-bqija tal-ħażniet; iħeġġeġ l-adozzjoni ta' approċċ komprensiv biex sal-2019 jiġu indirizzati l-isfidi li baqa' dwar it-tneħħija ta' mini mill-pajjiż; jistieden lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ itejbu l-għajnuna għal dawn l-attivitajiet;

16.  Iħeġġeġ lill-membri tal-grupp ta' ħidma għat-tħejjija tal-emendi għal-liġi elettorali tal-Bożnija-Ħerzegovina sabiex jiżguraw li l-emendi għal-liġi joħolqu s-sisien għal elezzjonijiet demokratiċi ġenwini bħala espressjoni tas-sovranità; jenfasizza li ma jistgħux jinkisbu elezzjonijiet demokratiċi jekk ma jkunux jistgħu jiġu eżerċitati firxa wiesgħa ta' drittijiet tal-bniedem u libertajiet fundamentali oħra fuq bażi kontinwa mingħajr diskriminazzjoni abbażi tal-etniċità, ir-reliġjon, il-ġeneru, fehmiet politiċi u fehmiet oħra, proprjetà, twelid jew status ieħor, u mingħajr restrizzjonijiet arbitrarji u mhux raġonevoli;

17.  Huwa tal-fehma li l-frammentazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika, il-politiċizzazzjoni tagħha u d-dgħufija tal-koordinazzjoni tal-politiki jxekklu r-riformi istituzzjonali u leġiżlattivi u għandhom impatt fuq il-forniment ta' servizzi pubbliċi liċ-ċittadini; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti fil-livelli kollha jtejbu l-ippjanar tal-politika fuq perjodu medju ta' żmien u jiżviluppaw qafas strateġiku komprensiv u mal-pajjiż kollu għar-riforma tal-amministrazzjoni pubblika u programm għall-ġestjoni finanzjarja pubblika, f'konformità mal-Prinċipji Ewropej tal-Amministrazzjoni Pubblika li ġew identifikati mill-OECD/SIGMA għal kandidati għas-sħubija fl-UE;

18.  Jirrikonoxxi li l-agrikoltura hija settur ekonomiku importanti għall-Bożnija u Ħerzegovina, peress li madwar 20 % tal-popolazzjoni tagħha tiddependi direttament jew indirettament fuq dan is-settur; jilqa', għalhekk, il-progress li sar fil-qasam tas-sikurezza tal-ikel u l-politika veterinarja u d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tapprova l-esportazzjoni tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib mill-Bożnija-Ħerzegovina lejn l-UE; iħeġġeġ biex isiru sforzi akbar biex is-sistema uffiċjali ta' kontroll veterinarju u fitosanitarju tiġi allinjata mal-istandards Ewropej u biex jiġu stabbiliti l-istrutturi istituzzjonali meħtieġa li jippermettu l-użu tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni għall-Iżvilupp Rurali; jistieden lill-gvern jappoġġja l-istabbiliment ta' ministeru tal-agrikoltura fil-livell tal-Istat flimkien ma' strateġija ta' żvilupp;

19.  Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li m'hemmx mekkaniżmi biżżejjed għall-kooperazzjoni bejn il-gvern u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili (CSOs), inkluża l-kapaċità limitata ta' dawn biex jipparteċipaw fi djalogu politiku dwar l-Aġenda ta' Riforma; iqis li huwa essenzjali li jissaħħaħ ir-rwol tas-soċjetà ċivili u li ċ-ċittadini jkunu involuti fil-proċess ta' adeżjoni mal-UE; itenni t-talba tiegħu għall-ħolqien u l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmi ta' konsultazzjoni pubblika trasparenti u inklużivi; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti fil-livelli kollha jtejbu l-qafas ġuridiku u finanzjarju rilevanti, jadottaw strateġija nazzjonali dwar is-CSOs u jiżguraw li jkun hemm finanzjament pubbliku trasparenti għas-CSOs sabiex irawmu demokrazija aktar parteċipattiva u inklużiva madwar il-pajjiż; jistieden lis-CSOs u lill-attivisti jsaħħu b'mod sinifikanti l-kapaċitajiet u l-istrutturi tagħhom u biex jinvolvu ruħhom mal-awtoritajiet fil-Bożnija-Ħerzegovina, l-UE u l-komunità internazzjonali; jistieden lil dawn l-aħħar entitajiet jgħinuhom f'dawn l-isforzi;

20.  Jinnota l-implimentazzjoni xejn ikkoordinata tal-istrateġija 2014-2016 dwar il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata; iħeġġeġ l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta' strateġija u pjan ta' azzjoni ġodda dwar il-ħasil tal-flus skont ir-rakkomandazzjonijiet ta' MONEYVAL; jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ iffukat fuq il-vittma u strateġija multidixxiplinari u komprensiva biex jiġġieldu t-traffikar tad-drogi u tal-bnedmin; jistieden lill-UE u lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina jaħdmu flimkien biex jiġġieldu b'mod effettiv it-traffikar tal-bnedmin u jipprovdu protezzjoni għall-vittmi; jilqa' l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni għall-2016–2019 għall-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin fil-Bożnija-Ħerzegovina, inkluża l-enfasi tiegħu fuq il-problemi relatati mal-ħaddiema migranti u t-talb furzat tat-tfal, u jappella għall-implimentazzjoni effettiva tiegħu; jibqa' mħasseb dwar il-volum kbir ta' armi illegali fil-Bożnija, li faċilment ikunu ttrasferiti lejn l-UE; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jsaħħu l-isforzi tagħhom biex iħarrku lis-sensara u l-kuntrabandisti tal-armi u biex jagħmlu aktar biex jiġġieldu l-proliferazzjoni bla kontroll u t-traffikar illeċitu ta' armi, speċjalment armi żgħar u ħfief, anki permezz ta' kooperazzjoni reġjonali aktar mill-qrib u kooperazzjoni bejn il-Bożnija-Ħerzegovina u l-UE;

21.  Jistieden lill-awtoritajiet jiżviluppaw pjan ta' azzjoni għall-implimentazzjoni tal-istrateġija 2015-2020 għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu; jistieden lill-awtoritajiet isaħħu l-isforzi tagħhom biex jiżguraw kooperazzjoni aktar effikaċi fil-livell nazzjonali bejn il-pulizija, l-intelligence u l-aġenziji tas-sigurtà fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti; jappella għat-tisħiħ tal-kapaċitajiet fil-ġlieda kontra t-terroriżmu tal-Bożnija-Ħerzegovina; iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti jagħmlu sforzi akbar fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, inkluż il-ħolqien ta' qafas legali li jippermetti l-iffriżar tal-assi ta' gruppi terroristiċi; iqis li huwa essenzjali li l-operazzjonijiet tas-sigurtà fil-Bożnija-Ħerzegovina jkunu kkoordinati u li d-data tiġi kondiviża fil-pajjiż; jisħaq li l-kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn is-servizzi tas-sigurtà reġjonali hija wkoll ta' importanza kbira, u jinkoraġġixxi li jkun hemm kooperazzjoni ulterjuri f'dan ir-rigward;

22.  Jenfasizza li l-Bożnija-Ħerzegovina ġiet serjament affettwata mill-fenomenu tal-ġellieda barranin u r-radikalizzazzjoni; jinsab imħasseb dwar ir-radikalizzazzjoni fost iż-żgħażagħ, li għadd kbir minnhom – meta mqabbel ma' pajjiżi oħra fir-reġjun – ingħaqdu mad-Da'esh; jappella għall-kontinwazzjoni u t-tisħiħ ta' miżuri kontra r-radikalizzazzjoni u t-terroriżmu; jilqa' l-isforzi biex jissaħħaħ id-djalogu interreliġjuż, inkluża d-dikjarazzjoni konġunta mill-mexxejja politiċi u reliġjużi li jikkundannaw it-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti; jilqa' l-ewwel sentenzi maħruġa fir-rigward ta' ġellieda barranin abbażi tar-reati kriminali relatati mal-finanzjament ta' attivitajiet terroristiċi, l-istigazzjoni pubblika ta' attivitajiet terroristiċi, u l-organizzazzjoni u s-sħubija mad-Da'esh; jappella għall-iżvilupp urġenti ta' programmi effettivi ta' deradikalizzazzjoni u għal sforzi urġenti biex jipprovdu perspettiva ekonomika aħjar għaż-żgħażagħ fil-Bożnija-Ħerzegovina, bi qbil mal-Aġenda Pożittiva għaż-Żgħażagħ fil-Balkani tal-Punent, biex b'hekk joqogħdu lura milli jassoċjaw ruħhom ma' ideoloġiji radikali u estremi; jinkoraġġixxi l-isforzi biex jimpenjaw lill-midja, lill-komunità akkademika u lis-soċjetà ċivili biex jgħinu titqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-fatturi ta' riskju li jippermettu li r-radikalizzazzjoni jevolvi f'estremiżmu vjolenti; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' Netwerks ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni nazzjonali u reġjonali bbażati fuq l-aħjar prattiki u l-għodod disponibbli fin-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni fl-UE kollha; iħeġġeġ kooperazzjoni aktar mill-qrib mas-servizzi ta' sigurtà fl-UE u fil-pajjiżi ġirien, inkluż dwar l-iskambju ta' informazzjoni; iħeġġeġ operazzjonijiet tal-pulizija fil-Bożnija-Ħerzegovina kollha li jirriżultaw fl-arrest ta' persuni suspettati li jorganizzaw, jappoġġjaw u jiffinanzjaw attivitajiet terroristiċi;

23.  Jinnota li l-qafas legali u istituzzjonali għall-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem jeħtieġ titjib sostanzjali; jappella għall-iżvilupp ta' strateġija kontra d-diskriminazzjoni fil-pajjiż kollu b'kooperazzjoni mas-CSOs; iħeġġeġ għal darb'oħra l-inklużjoni ta' definizzjoni ċara tal-identità tal-ġeneru, l-orjentazzjoni sesswali, l-età u d-diżabilità bħala bażi ta' diskriminazzjoni fil-liġi kontra d-diskriminazzjoni; jitlob għall-implimentazzjoni effettiva tagħha u biex ir-rwol tal-Ombudsman għad-Drittijiet tal-Bniedem jissaħħaħ; huwa mħasseb dwar id-diskriminazzjoni kontra l-persuni b'diżabilitajiet fl-impjieg, l-edukazzjoni, l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-forniment ta' servizzi oħra; huwa mħasseb dwar il-vjolenza b'mibegħda, id-diskors ta' mibegħda u ż-żieda rrappurtata ta' theddid lejn persuni LGBTI; iħeġġeġ lill-gvern biex jindirizza dan inter alia billi jimplimenta azzjonijiet ta' sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet tal-persuni LGBTI fost il-ġudikatura, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-pubbliku ġenerali; jinnota l-progress sinifikanti fit-tlestija tal-proċess tar-reġistrazzjoni ċivili għar-Roma, iżda għadu mħasseb dwar l-azzjoni limitata fir-rigward tat-titjib tal-prospetti tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-impjieg tagħhom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex, b'mod partikolari, jiġġieldu d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru; iħeġġeġ ir-revoka tad-dispożizzjoni dwar il-piena tal-mewt fil-kostituzzjoni tal-entità tar-RS;

24.  Jiddispjaċih li ma sar l-ebda progress rigward l-implimentazzjoni tal-każijiet Sejdić-Finci u Zornić, u jfakkar li l-Bożnija-Ħerzegovina għadha qed tikser is-sentenzi tal-QEDB dwar dawn; jenfasizza mill-ġdid li n-nuqqas tal-implimentazzjoni tagħhom qed ikompli jirriżulta f'diskriminazzjoni kontra ċ-ċittadini tal-Bożnija-Ħerzegovina u jista', għalhekk, jostakola l-proċess ta' adeżjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina mal-UE;

25.  Iħeġġeġ l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni aktar qawwija u xierqa tal-każijiet ta' reati ta' mibegħda u ta' diskors ta' mibegħda, inkluż għal raġunijiet etniċi, u tat-tixrid ta' ideoloġiji estremisti permezz tal-midja soċjali; jiddispjaċih li l-Federazzjoni għadha l-uniku territorju fil-Balkani tal-Punent fejn is-sanzjonar tar-reati ta' mibegħda mhuwiex irregolat mil-liġi kriminali u jħeġġeġ l-inklużjoni ta' tali dispożizzjoni; jitlob, bl-istess mod, li tiddaħħal dispożizzjoni dwar id-diskors ta' mibegħda fil-liġijiet kriminali tal-entitajiet kollha;

26.  Itenni li l-liġi elettorali u s-sistema elettorali għandhom jagħtu lit-tliet popli kostitwenti u ċ-ċittadini l-oħra kollha l-opportunità li liberament u b'mod awtonomu jeleġġu r-rappreżentanti politiċi leġittimi tagħhom stess fl-istituzzjonijiet u l-awtoritajiet;

27.  Jenfasizza r-rwol importanti tas-soċjetà ċivili fil-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-minoranzi fil-pajjiż, kif ukoll biex jitrawmu l-armonija soċjali u t-tolleranza u sabiex in-nies jfihmu aktar il-benefiċċji tad-diversità; jappella għal involviment akbar mis-soċjetà ċivili fl-indirizzar tal-isfidi tad-diviżjoni etnika sabiex tgħin lill-pajjiż javvanza lejn l-UE; jitlob ukoll għal koordinazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet kompetenti u s-CSOs sabiex jiġi żgurat li jkun hemm infurzar aħjar tal-liġi dwar il-minoranzi;

28.  Jilqa' l-adozzjoni tal-istrateġija 2015-2018 dwar l-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika; jappella għall-adozzjoni u l-applikazzjoni urġenti tal-Istrateġija ta' Qafas għall-Implimentazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Istanbul; jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' qafas legali komprensiv fil-livell tal-Istat dwar l-attakki sesswali u n-nuqqas ta' mekkaniżmu ta' kumpens xieraq għall-vittmi; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jiżguraw il-finanzjament xieraq tad-"djar sikuri", u leġiżlazzjoni aħjar dwarhom, u biex jistabbilixxu sistema armonizzata għall-monitoraġġ u l-ġbir ta' data dwar każijiet ta' vjolenza kontra n-nisa; jitlob ukoll li jsir kull sforz biex tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika u l-impjieg, biex tittejjeb is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tagħhom – speċjalment fir-rigward tal-aċċess għad-dritt għal-liv u l-benefiċċji tal-maternità – u biex jiġu promossi, protetti u msaħħa d-drittijiet tan-nisa; iħeġġeġ lill-gvernijiet fil-livelli kollha biex iqajmu kuxjenza dwar dawn il-kwistjonijiet, bl-għajnuna tas-soċjetà ċivili, bl-għan li n-nisa jutilizzaw il-protezzjoni disponibbli skont il-liġi;

29.  Jenfasizza r-rwol essenzjali tal-edukazzjoni fil-ħolqien u l-promozzjoni ta' soċjetà tolleranti u inklużiva, kif ukoll biex titrawwem kooperazzjoni u koeżjoni bejn id-diviżjonijiet kulturali, reliġjużi u etniċi; jinnota b'dispjaċir il-progress bil-mod li sar fl-indirizzar tal-kwistjoni taż-"żewġ skejjel taħt saqaf wieħed" u ta' forom oħra ta' segregazzjoni u diskriminazzjoni fl-iskejjel, u jiddeplora l-fatt li għadu ma ġiex żviluppat kurrikulu bażiku komuni; iħeġġeġ l-adozzjoni ta' miżuri konkreti sabiex tinbeda d-desegregazzjoni tas-sistema edukattiva; jenfasizza l-ħtieġa ta' sforzi sinifikanti biex tittejjeb l-effiċjenza tas-sistema edukattiva frammentata, filwaqt li jiġi ggarantit id-dritt għal opportunitajiet indaqs għall-edukazzjoni fil-lingwi uffiċjali kollha tal-Bożnija-Ħerzegovina u d-dritt ta' kull komunità għall-edukazzjoni fil-lingwa tagħha; iħeġġeġ lill-awtoritajiet biex jiżguraw l-implimentazzjoni effettiva tal-prinċipji tal-edukazzjoni inklużiva fir-rigward tat-tfal b'diżabilità;

30.  Jilqa' l-parteċipazzjoni attiva tal-Bożnija-Ħerzegovina fil-pjattaforma tal-Balkani tal-Punent dwar l-Edukazzjoni u t-Taħriġ, kif ukoll il-parteċipazzjoni kontinwa tagħha fil-Programm Erasmus+ u fl-azzjoni "Tieqa għaż-Żgħażagħ tal-Balkani tal-Punent", li għandhom rwol importanti ħafna fil-ġlieda kontra r-rati għoljin ħafna ta' qgħad fost iż-żgħażagħ; jilqa' wkoll l-impenn tal-Bożnija-Ħerzegovina biex tieħu sehem fl-istudju PISA tal-OECD tal-2018; iqis dan l-istudju bħala strument utli għad-dibattitu dwar il-kwalità tal-edukazzjoni u r-riformi meħtieġa; ifaħħar ir-rieda espressa tat-13-il ministeru tal-edukazzjoni kollha u l-aġenziji relatati kollha li jipparteċipaw f'dan l-isforz konġunt; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra li tiffinanzja l-parteċipazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina fl-istudju mill-fondi ta' qabel l-adeżjoni;

31.  Jenfasizza li l-istituzzjonijiet tal-midja indipendenti u professjonali huma wieħed mill-komponent ewlieni ta' soċjetà demokratika li tiffjorixxi; jesprimi t-tħassib tiegħu, għaldaqstant, dwar ir-rigress fl-oqsma tal-libertà tal-espressjoni, każijiet ta' pressjoni politika u ta' intimidazzjoni fuq il-ġurnalisti, inkluża s-soġġezzjoni ta' xi mezzi tal-midja għal spezzjonijiet finanzjarji u oħrajn fittizji mill-awtoritajiet lokali u nazzjonali, u l-polarizzazzjoni kontinwa politika u etnika tal-midja; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jwettqu investigazzjoni bir-reqqa dwar l-attakki fuq il-ġurnalisti, u joħolqu qafas legali għall-protezzjoni tal-ġurnalisti; jitlob, barra minn hekk, li tittieħed azzjoni urġenti biex tiġi żgurata l-indipendenza politika, istituzzjonali u finanzjarja tal-Awtorità Regolatorja tal-Komunikazzjonijiet u biex tiġi żgurata t-trasparenza fis-sjieda tal-midja billi jingħalqu l-lakuni leġiżlattivi kollha li sistematikament ifixklu t-trasparenza sħiħa; jinnota li l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri hija kruċjali biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda influwenza politika indebita; jappella għal azzjoni biex jiġi żgurat il-pluraliżmu tal-midja u x-xandir fil-lingwi uffiċjali kollha; jitlob ukoll biex l-indipendenza editorjali u l-istabbiltà finanzjarja tax-xandara tas-servizz pubbliku jissaħħew minħabba l-importanza tal-eżistenza ta' xandar tas-servizz pubbliku għall-unità tal-Bożnija-Ħerzegovina; huwa mħasseb li mhi qed issir l-ebda prosekuzzjoni għall-attakki ċibernetiċi mmirati kontra siti ta' informazzjoni;

32.  Jilqa' l-progress imwettaq biex jitnaqqsu l-każijiet pendenti tad-delitti tal-gwerra; jinnota t-tħassib tal-ICTY dwar is-segwitu insuffiċjenti mill-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Istat rigward talbiet ripetuti għall-ikkompletar tal-każijiet ta' delitti tal-gwerra; jitlob li jkun hemm reviżjoni tal-Istrateġija Nazzjonali dwar id-Delitti tal-Gwerra, prosekuzzjoni aktar effikaċi u aħjar tal-atti ta' vjolenza sesswali matul il-gwerra u għal titjib fil-protezzjoni tal-vittmi; jitlob li tittieħed azzjoni li tiżgura d-dritt tagħhom għal rimedju effettiv;

33.  Jinnota li ttieħdet xi azzjoni u jappella għal aktar progress dwar ir-ritorn sostenibbli ta' persuni u rifuġjati spostati internament, inklużi dawk dwar l-impjiegi, l-edukazzjoni, il-ħarsien soċjali, ir-ritorn tal-proprjetà u l-kura tas-saħħa fil-livell lokali; itenni l-importanza li jitħeġġeġ ir-ritorn sostenibbli tagħhom lejn il-Bożnija-Ħerzegovina, partikolarment għar-RS; jistieden lil-livelli kollha tal-gvern jipproteġuhom u biex iħaffu l-proċess tar-ritorn tagħhom billi jintroduċu u jimplimentaw il-miżuri leġislattivi u amministrattivi kollha meħtieġa; jitlob għall-implimentazzjoni effettiva tal-istrateġija riveduta dwar l-Anness VII tal-Ftehim ta' Paċi ta' Dayton; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi assistenza finanzjarja u għall-proġetti li tiffaċilita dan il-proċess; jinnota l-għadd persistentement għoli ta' persuni nieqsa u jistieden lill-awtoritajiet jibdew kooperazzjoni intensiva u jsaħħu l-isforzi tagħhom biex isibu s-7 019-il persuna li għadhom nieqsa b'riżultat tal-gwerra; jenfasizza l-ħtieġa li jiżviluppaw aktar approċċi alternattivi għall-ġustizzja, inter alia billi jibbażaw fuq l-istrateġija tal-UNDP dwar il-ġustizzja tranżizzjonali; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina jinvestu riżorsi sinifikanti fil-programmi rilevanti;

34.  Jinnota li, filwaqt li r-riabilitazzjoni u r-rikostruzzjoni mill-ġdid ta' wara l-gwerra fil-Bożnija-Ħerżegovina kienet fil-biċċa l-kbira tagħha suċċess u ġabet lill-pajjiż eqreb lejn l-UE, xorta waħda għad baqa' sfidi fejn tidħol is-sostenibbiltà tal-proċess ta' rikonċiljazzjoni; jenfasizza għalhekk l-importanza tal-edukazzjoni dwar ir-rikonċiljazzjoni u l-fehim reċiproku fis-soċjetà;

35.  Jilqa' ż-żieda fl-impjiegi rreġistrati, kif ukoll l-ewwel passi li ttieħdu biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politiki u biex tittejjeb il-klima tan-negozju; għadu mħasseb dwar l-influwenza tal-istat fuq l-ekonomija, il-kwalità tal-finanzi pubbliċi, il-livell għoli ta' dipendenza fuq finanzjament minn kreditu internazzjonali, l-oriġini mhux ċar tal-investiment internazzjonali u l-kundizzjonijiet diffiċli fis-suq tax-xogħol; jisħaq fuq il-ħtieġa li tiġi indirizzata r-rata għolja u persistenti tal-qgħad fit-tul (27,6 %), inkluża r-rata għolja ħafna tal-qgħad fost iż-żgħażagħ (62,7 %), kif ukoll l-ekonomija informali kbira u l-ħtieġa li jittejjeb it-tħaddim tas-suq tax-xogħol;

36.  Jilqa' l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida dwar ix-xogħol miż-żewġ entitajiet; jiddispjaċih għan-nuqqas ta' żona ekonomika waħda unifikata, li jfixkel l-ambjent tan-negozju; iħeġġeġ biex ikun hemm titjib ulterjuri tal-ambjent tan-negozju permezz tat-tisħiħ tal-istat tad-dritt, is-simplifikazzjoni tal-infurzar tal-kuntratti u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni; jiddispjaċih li l-Bożnija-Ħerzegovina għadha ma żviluppatx strateġija dwar l-SMEs fil-livell tal-Istat;

37.  Jenfasizza l-ħtieġa li s-sistemi frammentati tal-ħarisen soċjali jiġu rriformati u armonizzati abbażi tal-ħtiġijiet taċ-ċittadini sabiex jingħata trattament ugwali lil kulħadd; jinnota li d-drittijiet dwar it-trejdjunjins u dwar ix-xogħol, inklużi l-liġijiet dwar is-saħħa u s-sikurezza, għadhom limitati, u jenfasizza l-importanza li dawn il-liġijiet jiġu msaħħa u armonizzati aktar madwar il-pajjiż;

38.  Iħeġġeġ l-adozzjoni ta' strateġiji settorjali mal-pajjiż kollu dwar it-trasport, l-enerġija u l-ambjent; jenfasizza li dawn l-istrateġiji huma meħtieġa, inter alia, sabiex jibbenefikaw bis-sħiħ mill-għajnuna ta' qabel l-adeżjoni fl-UE;

39.  Jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina fl-inizjattiva tas-sitt pajjiżi tal-Balkani tal-Punent; jenfasizza l-importanza ta' żewġ proġetti kbar ta' investiment – "Stara Gradiška" u "Svilaj" – li se jiffaċilitaw il-kummerċ, l-integrazzjoni reġjonali u t-tkabbir sostenibbli; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa u b'ħeffa tal-istandards tekniċi u miżuri ħfief fit-trasport li kienu miftiehma waqt is-Summit tal-2015 tal-Balkani tal-Punent fi Vjenna (pereżempju l-allinjament/is-simplifikazzjoni tal-proċessi għall-qsim tal-fruntieri, is-sistemi ta' informazzjoni, l-iskemi ta' manutenzjoni, is-separazzjoni tan-netwerks u l-aċċess ta' partijiet terzi għalihom) qabel is-Summit li jmiss tal-2016 f'Pariġi;

40.  Jitlob li r-riżultati taċ-ċensiment tal-popolazzjoni u tad-djar jiġu ppubblikati mingħajr aktar dewmien minħabba li huma strumentali għall-ippjanar ekonomiku u soċjali; jirrimarka wkoll li d-data miċ-ċensiment tal-2013 se tkun meħtieġa biex jimtela l-kwestjonarju li l-Bożnija-Ħerzegovina se tirċievi mill-Kummissjoni;

41.  Iħeġġeġ lill-aġenziji tal-istatistika tal-Bożnija-Ħerzegovina jallinjaw l-istatistika tagħhom mal-istandards tal-Eurostat;

42.  Huwa mħasseb dwar ir-rigress fil-qasam tas-soċjetà tal-informazzjoni; jappella għall-implimentazzjoni urġenti tal-qalba diġitali; iħeġġeġ l-istabbiliment ta' korp superviżorju għall-akkreditazzjoni ta' liġijiet dwar il-kummerċ elettroniku u l-firma elettronika fil-livell tal-Istat, billi din tal-aħħar għad trid tiġi implimentata minħabba n-nuqqas ta' din l-entità; jistieden lill-awtoritajiet responsabbli jaċċelleraw l-implimentazzjoni b'suċċess tan-numru Ewropew ta' emerġenza 112, li kien stabbilit fl-2009;

43.  Jinnota l-miżuri u l-azzjonijiet limitati imwettqa fuq l-adattament għat-tibdil fil-klima u l-passi inizjali meħuda biex jiġi żviluppat in-netwerk Natura 2000 dwar il-protezzjoni tan-natura; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu qafas legali armonizzat għall-protezzjoni ambjentali u l-azzjoni klimatika u sabiex jissaħħaħ l-ippjanar strateġiku u l-allinjament mal-acquis f'dawn l-oqsma; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti jipprevjenu t-tniġġis tal-arja eċċessiv f'konformità mal-istandards ambjentali tal-UE, inkluż it-tniġġis ikkawżat mir-raffinerija taż-żejt f'Bosanski Brod; itenni l-ħtieġa li l-Bożnija-Ħerzegovina timplimenta bis-sħiħ l-obbligi tagħha rigward il-Konvenzjoni dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali f'Kuntest Transkonfinali (Espoo, 1991) u l-Protokoll dwar il-Valutazzjoni Ambjentali Strateġika (Kiev, 2003);

44.  Jistieden lill-Gvern tal-Bożnija-Ħerzegovina jirregola u jimmonierja l-iżvilupp ta' impjanti idroelettriċi f'żoni ambjentalment sensittivi, kif ukoll f'inħawi protetti jew potenzjament protetti, u biex iżomm l-integrità tal-parks nazzjonali eżistenti, bħall-Park Nazzjonali ta' Sutjeska u l-Park Nazzjonali ta' Una; jirrakkomanda li l-kwalità tal-valutazzjonijiet tal-impatt ambjentali titjieb sabiex tqis l-istandards tal-UE kif stabbiliti mid-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bożnija-Ħerzegovina jżid it-trasparenza permezz tal-parteċipazzjoni u konsultazzjoni pubblika dwar proġetti ppjanati mal-komunitajiet lokali, l-esperti xjentifiċi u s-settur ċivili;

45.  Jifraħ lill-Bożnija-Ħerzegovina talli ħadet il-Presidenza tal-Komunità tal-Enerġija fl-2016; huwa mħasseb, madankollu, dwar l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet kontra l-Bożnija-Ħerzegovina mill-Komunità tal-Enerġija; itenni l-appell tiegħu lill-Bożnija-Ħerzegovina biex tieħu miżuri biex tikkonnettja mal-infrastrutturi tal-enerġija tal-pajjiżi ġirien u biex tonora l-obbligi kuntrattwali kollha tagħha skont it-Trattat dwar il-Komunità tal-Enerġija;

46.  Jikkundanna l-Liġi dwar il-Paċi u l-Ordni Pubbliċi adottata fir-RS fi Frar 2015, li tikkriminalizza l-postings fuq il-midja soċjali li jiddisturbaw l-ordni pubbliku jew li jkun fihom kontenut indeċenti, offensiv jew li jinsulta, peress li din twitti t-triq għal restrizzjonijiet legali fuq l-espressjoni libera fuq l-internet u l-midja ħielsa u tista' toħloq awtoċensura fost l-utenti tal-midja soċjali;

47.  Ifaħħar il-pożizzjoni kostruttiva u proattiva tal-Bożnija-Ħerzegovina fil-promozzjoni tal-kooperazzjoni reġjonali; huwa tal-fehma li kooperazzjoni konkreta f'oqsma ta' interess reċiproku tista' tikkontribwixxi għall-istabilizzazzjoni tal-Balkani tal-Punent; jilqa' l-ftehim dwar il-fruntieri mal-Montenegro; jappella għal aktar sforzi sabiex jiġu solvuti l-kwistjonijiet bilaterali pendenti, inklużi dwar kwistjonijiet ta' delimitazzjoni tal-fruntieri mas-Serbja u l-Kroazja, u li jindirizzaw kwistjonijiet ta' tniġġis ambjentali transkonfinali; jilqa' l-ewwel sessjoni konġunta tal-Kunsill tal-Ministri tal-Bożnija-Ħerzegovina mal-Gvern Serb li seħħet fl-4 ta' Novembru 2015 f'Sarajevo;

48.  Jilqa' ż-żieda fir-rata ta' allinjament mad-deċiżjonijiet tal-PESK minn 52 % għal 62 %; iqis li huwa neċessarju, fid-dawl tal-applikazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina biex tissieħeb mal-UE, li tikkoordina l-politika barranija kemm jista' jkun mal-PESK tal-UE;

49.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-Bożnija-Ħerzegovina biex, fil-kuntest tal-elezzjonijiet lokali li ġejjin, jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti magħmula mill-osservaturi internazzjonali u lokali tal-OSKE/ODIHR sabiex jiżguraw il-kredibbiltà u l-integrità tal-proċess elettorali; iħeġġeġ lill-awtoritajiet jirregolaw l-elezzjonijiet lokali f'Mostar bħala kwistjoni ta' urġenza;

50.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-VP/RGħ, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Presidenza tal-Bożnija-Ħerzegovina, lill-Kunsill tal-Ministri tal-Bożnija-Ħerzegovina, lill-Assemblea Parlamentari tal-Bożnija-Ħerzegovina u lill-Gvernijiet u l-Parlamenti tal-Federazzjoni tal-Bożnija-Ħerzegovina u r-Repubblika Srpska u lill-gvernijiet tal-10 Kantoni.

(1) ĠU L 164, 30.6.2015, p. 2.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0276.
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0471.

Avviż legali