Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2156(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0101/2016

Testi mressqa :

A8-0101/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.15
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0151

Testi adottati
PDF 429kWORD 96k
Il-Ħamis, 28 ta' April 2016 - Brussell Verżjoni finali
Kwittanza 2014: Il-baġit ġenerali tal-UE - Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill
P8_TA(2016)0151A8-0101/2016
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill (2015/2156(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (COM(2015)0377 – C8-0201/2015)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0101/2016),

1.  Jiddifferixxi d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti ta' kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, lill-Qorti tal-Awdituri, lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 51, 20.02.2014.
(2) ĠU C 377, 13.11.2015, p. 1.
(3) ĠU C 373, 5.11.2015, p. 1.
(4) ĠU C 377, 13.11.2015, p. 146.
(5) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1


2. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima II – Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill (2015/2156(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima II - Il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0101/2016),

A.  billi t-trasparenza u l-iskrutinju ġenerali tal-kontijiet pubbliċi huma prinċipji demokratiċi ġenerali li japplikaw ukoll għall-Unjoni;

B.  billi l-proċedura ta' kwittanza hija parti mill-kunċett ta' demokrazija rappreżentattiva;

C.  billi, skont it-termini tal-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-Parlament Ewropew għandu r-responsabbiltà esklussiva li jagħti l-kwittanza fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea;

D.  billi l-baġit tal-Kunsill huwa taqsima tal-baġit tal-Unjoni Ewropea;

E.  billi skont l-Artikolu 319(2) tat-TFUE, il-Kummissjoni jeħtiġilha tippreżenta lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta' dan tal-aħħar, kwalunkwe informazzjoni meħtieġa dwar l-implimentazzjoni tan-nefqa u tal-operat tas-sistemi ta' kontroll finanzjarju;

F.  billi, skont l-Artikolu 335 tat-TFUE, kull istituzzjoni tal-Unjoni għandha awtonomija amministrattiva, u skont l-Artikolu 55 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ("ir-Regolament Finanzjarju") l-istituzzjonijiet huma responsabbli b'mod individwali għall-implimentazzjoni tat-taqsimiet tal-baġit relatati magħhom;

G.  billi mingħajr l-informazzjoni meħtieġa, il-Parlament ma jistgħax ikun fil-pożizzjoni li jieħu deċiżjoni infurmata dwar l-għoti ta' kwittanza;

H.  billi esperti legali u akkademiċi qablu dwar id-dritt tal-Parlament għall-informazzjoni fis-sessjoni ta' ħidma tal-Parlament Ewropew dwar id-dritt tal-Parlament li jagħti kwittanza lill-Kunsill li saret fis-27 ta' Settembru 2012;

1.  Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, ikkonkludiet li l-pagamenti b'mod ġenerali għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2014 għan-nefqa amministrattiva u nfiq ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi ma kellhomx żbalji materjali;

2.  Jieħu nota tal-fatt li, fir-rapport annwali tagħha għall-2014, il-Qorti tal-Awdituri osservat li għadd żgħir ta' żbalji relatati mal-kalkolu tal-ispejjeż tal-persunal u xi dgħufijiet fil-ġestjoni ta' allowances tal-familja nstabu fir-rigward tas-suġġetti awditjati għall-Kunsill Ewropew u l-Kunsill;

3.  Jistieden lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill itejbu l-ġestjoni tad-dgħufijiet identifikati u jikkoreġu l-iżbalji osservati mill-Qorti;

4.  Jinnota li fl-2014, il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill kellhom baġit globali ta' EUR 534 200 000 (EUR 535 511 300 fl-2013), b'implimentazzjoni ta' 91,3 %; jinnota żieda fir-rata ta' użu fl-2014;

5.  Jieħu nota tat-tnaqqis ta' EUR 1,3 miljun (-0,2 %) fil-baġit tal-Kunsill għall-2014;

6.  Jibqa' mħasseb dwar rata għolja ta' nfiq inqas li tkopri kważi l-kategoriji kollha; itenni l-appell tiegħu għall-iżvilupp ta' indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni biex jitjieb l-ippjanar baġitarju;

7.  Jinsab imħasseb dwar in-numru għoli ħafna ta' approprjazzjonijiet li ġew riportati mill-2014 għall-2015, b'mod partikolari dawk relatati mal-proprjetà, impjant u tagħmir; jemmen bis-sħiħ li x-xejra ripetuta ta' approprjazzjonijiet riportati tmur kontra l-prinċipji tal-annwalità u tal-ġestjoni finanzjarja tajba tar-Regolament Finanzjarju;

8.  Iqis li trasferimenti kbar min-naħa tal-Kunsill fi ħdan il-linji baġitarji jistgħu jiġu evitati permezz ta' programmar baġitarju aħjar;

9.  Itenni li l-baġit tal-Kunsill Ewropew u tal-Kunsill għandu jkun separat bl-għan li jingħata kontribut għat-trasparenza tal-ġestjoni finanzjarja tal-istituzzjonijiet u titjieb ir-responsabbiltà taż-żewġ istituzzjonijiet;

10.  Jinsisti li l-Kunsill jeħtieġ li jinżamm politikament responsabbli u jkun trasparenti, bħalma huma l-istituzzjonijiet l-oħra, u jistieden lill-Kunsill jidħol fir-reġistru ta' trasparenza tal-Unjoni;

11.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill biex jibagħtu lill-Parlament ir-rapport annwali tal-attività tagħhom b'analiżi komprensiva tar-riżorsi umani kollha disponibbli għaż-żewġ istituzzjonijiet, imqassma skont il-kategorija, il-grad, is-sess, iċ-ċittadinanza u t-taħriġ professjonali;

12.  Jiddikjara li r-rapporti annwali tal-istituzzjonijiet u tal-aġenziji tal-Unjoni jista' jkollhom rwol importanti fl-ottemperanza fir-rigward tat-trasparenza, ir-responsabbiltà politika u l-integrità; jappella lill-istituzzjonijiet u lill-aġenziji tal-Unjoni jinkludu kapitolu standard dwar dawn il-komponenti fir-rapporti annwali tagħhom;

13.  Iqis li huwa ta' dispjaċir li l-Kunsill għadu ma adottax kodiċi ta' kondotta; huwa tal-fehma li l-istituzzjonijiet u l-aġenziji kollha tal-Unjoni għandhom jaqblu dwar kodiċi komuni ta' kondotta, peress li dan huwa indispensabbli għat-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-integrità ta' dawn l-istituzzjonijiet; jistieden lil dawk l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni li għad ma għandhomx kodiċi ta' kondotta sabiex jiżviluppaw tali dokument mill-aktar fis possibbli;

14.  Jistieden lill-Kunsill jimplimenta r-regoli interni dwar żvelar ta' informazzjoni protetta mingħajr aktar dewmien;

15.  Jappella sabiex dikjarazzjoni ċara tal-interessi finanzjarji tal-Membri tal-Kunsill tiġi ppubblikata fuq l-internet;

16.  Jinnota bi tħassib li ma hemmx regoli dwar l-integrità, dikjarazzjonijiet dwar il-kunflitti ta' interess u informazzjoni bijografika fir-rigward tal-President tal-Kunsill Ewropew u tal-membri tal-kabinett tiegħu; jinnota wkoll li ma hemmx regoli komuni dwar l-integrità fir-rigward tar-rappreżentanti nazzjonali fil-Kunsill; jistieden lill-Kunsill jintroduċi miżuri li jirrimedjaw is-sitwazzjoni u jirrapporta dwar dan lill-awtorità ta' kwittanza;

17.  Jilqa' l-abbozz ta' regolament tal-Kunsill li jiddetermina l-emolumenti ta' detenturi ta' karigi pubbliċi għolja tal-Unjoni u l-iffrankar tal-ispejjeż ippjanat skont dan ir-regolament;

18.  Jistieden lill-Kunsill jiżviluppa linji gwida dettaljati kontra l-korruzzjoni u politiki indipendenti fi ħdan l-istrutturi tiegħu;

19.  Jinnota bi tħassib li hemm nuqqas inkwetanti ta' trasparenza fir-rigward tal-proċess leġiżlattiv, tan-negozjati, tal-pożizzjonijiet tal-Istati Membri u tal-laqgħat fi ħdan il-Kunsill; iħeġġeġ lill-Kunsill jiddivulga d-dokumenti rilevanti u jdaħħal fis-seħħ sistema ċara ta' rapportar li tippermetti lill-pubbliku jsegwi l-proċeduri leġiżlattivi b'mod miftuħ u trasparenti;

20.  Jinsab imħasseb bin-nuqqas ta' trasparenza fit-trilogi u fil-laqgħat ta' konċiljazzjoni; jistieden lill-Kunsill jżid b'mod sistematiku t-trasparenza u l-integrità fir-rigward tan-negozjati;

21.  Jirrikonoxxi r-riżultati miksuba permezz tal-kumitat tal-ftehim interistituzzjonali għat-traduzzjoni u l-interpretazzjoni fl-istabbiliment ta' metodoloġija armonizzata li tippermetti tqabbil dirett tal-ispejjeż tat-traduzzjoni tal-istituzzjonijiet kollha; jilqa' l-fatt li l-Kunsill ipprovda data skont din il-metodoloġija;

22.  Jenfasizza li wieħed mill-objettivi finanzjarji ewlenin tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għall-2014 ma ntlaħaqx – it-tlestija tal-bini Europa sa tmiem l-2015; jiddispjaċih dwar id-dewmien u jitlob li jiġi infurmat dwar il-konsegwenzi finanzjarji tal-posponiment;

23.  Itenni l-appell tiegħu li l-politika tal-Kunsill dwar il-bini tinhemeż mar-rapport annwali ta' attività tiegħu, speċjalment peress li huwa importanti li l-ispejjeż ta' tali politika jiġu razzjonalizzati kif xieraq u mhux eċċessivi;

Raġunijiet għad-differiment tad-deċiżjoni dwar l-għoti ta' kwittanza

24.  Itenni li l-Kunsill għandu jkun trasparenti u kompletament responsabbli lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni fir-rigward tal-fondi fdati lilu billi jieħu sehem b'mod sħiħ u in buona fede fil-proċedura annwali ta' kwittanza, bħalma jagħmlu l-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni; iqis, f'dan ir-rigward, li s-superviżjoni effikaċi tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni tirrikjedi kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill permezz ta' ftehim ta' ħidma; jiddispjaċih dwar id-diffikultajiet li nqalgħu fil-proċedura ta' kwittanza sal-ġurnata tal-lum; jenfasizza l-ħtieġa li titjieb il-kapaċità għal djalogu bejn iż-żewġ istituzzjonijiet sabiex tinstab soluzzjoni kemm jista' jkun malajr li se tippermetti konformità mal-mandat tat-Trattati u responsabbiltà lejn iċ-ċittadini;

25.  Jinnota li l-proċedura ta' għoti ta' kwittanza separata lill-istituzzjonijiet u lill-korpi individwali tal-Unjoni hija prattika li ilha stabbilita, u li żviluppat sabiex tiggarantixxi t-trasparenza u r-responsabbiltà demokratika lejn il-kontribwenti tat-taxxi fi ħdan l-Unjoni; jissottolinja li dan jiggarantixxi b'mod effikaċi d-dritt u d-dmir tal-Parlament li jagħmel skrutinju tal-baġit tal-Unjoni kollu kemm hu;

26.  Jinnota wkoll li fl-ittra tagħha tat-23 ta' Jannar 2014, il-Kummissjoni esprimiet il-fehma li l-istituzzjonijiet kollha huma parti sħiħa mill-proċess ta' segwitu għall-osservazzjonijiet magħmula mill-Parlament fl-eżerċizzju ta' kwittanza u li l-istituzzjonijiet kollha għandhom jikkooperaw biex jiżguraw il-funzjonament mingħajr xkiel tal-proċedura ta' kwittanza b'rispett sħiħ tad-dispożizzjonijiet rilevanti fit-TFUE u fil-leġiżlazzjoni sekondarja rilevanti;

27.  Jenfasizza li l-Kummissjoni fl-ittra tagħha ssostni wkoll li mhijiex se tissorvelja l-implimentazzjoni tal-baġits ta' istituzzjonijiet oħra u li l-fatt li tagħti risposta għal mistoqsijiet indirizzati lil istituzzjoni oħra jikser l-awtonomija ta' dik l-istituzzjoni biex timplimenta t-taqsima tagħha stess tal-baġit;

28.  Ifakkar li kull istituzzjoni, kif definit fl-Artikolu 2(b) tar-Regolament Finanzjarju, għandha l-awtonomija li timplimenta t-taqsima tagħha tal-baġit skont l-Artikolu 55 ta' dak ir-Regolament; jafferma li, skont il-prassi u l-interpretazzjoni tar-regoli attwali, u sabiex tinżamm it-trasparenza u r-responsabbiltà demokratika lejn il-kontribwenti tat-taxxi tal-Unjoni, il-Parlament jagħti l-kwittanza lil kull istituzzjoni fuq bażi individwali;

29.  Jissottolinja s-setgħa tal-Parlament li jagħti l-kwittanza skont l-Artikoli 316, 317 u 319 tat-TFUE u l-Artikolu 55 u l-Artikoli 164 sal-167 tar-Regolament Finanzjarju; iqis li dawn id-dispożizzjonijiet huma bażi legali suffiċjenti biex jiġi eżerċitat id-dritt tal-Parlament li jieħu deċiżjoni separata ta' kwittanza fir-rigward tal-Kunsill, minbarra d-dritt tiegħu li jagħti kwittanza lill-Kummissjoni; jafferma li l-għoti jew in-nuqqas ta' għoti ta' kwittanza huwa dritt u dmir li l-Parlament għandu lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni;

30.  Jenfasizza li mill-2009 l-Kunsill irrifjuta li jikkoopera mal-proċedura ta' kwittanza kif implimentata mill-Parlament, billi naqas milli jgħaddi l-informazzjoni meħtieġa, milli jwieġeb għal mistoqsijiet bil-miktub u milli jattendi seduti ta' smigħ u dibattiti dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tiegħu stess, u li għalhekk, bħala riżultat, aktar minn EUR 3 biljun f'fondi pubbliċi ntefqu mingħajr skrutinju xieraq; iqis li dan huwa sinjal negattiv mibgħut liċ-ċittadini tal-Unjoni;

31.  Itenni li mingħajr il-kooperazzjoni tal-Kunsill, il-Parlament mhuwiex f'pożizzjoni li jagħmel deċiżjoni infurmata dwar l-għoti ta' kwittanza;

32.  Huwa tal-fehma li dan jikkostitwixxi nuqqas serju ta' rispett tal-obbligi stabbiliti mit-Trattati, b'mod partikolari l-prinċipju ta' kooperazzjoni sinċiera bejn l-istituzzjonijiet, u li għandha tinstab soluzzjoni malajr sabiex ikun jista' jsir skrutinju tal-baġit kollu tal-Unjoni; f'dan ir-rgward, jirreferi wkoll għall-Artikolu 15 tat-TFUE, li jipprevedi li kull istituzzjoni, korp, uffiċċju jew aġenzija tal-Unjoni għandha tiżgura li l-proċeduri tagħha jkunu trasparenti;

33.  Itenni li l-kontroll baġitarju effikaċi huwa possibbli biss li jiġi implimentat jekk ikun hemm kooperazzjoni bejn il-Parlament u l-Kunsill, filwaqt li l-elementi ewlenin tiegħu għandhom jinkludu laqgħat formali bejn ir-rappreżentanti tal-Kunsill u tal-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit, jitwieġbu mistoqsijiet magħmula mill-membri tal-kumitat abbażi ta' kwestjonarju bil-miktub u jiġu sottomessi dokumenti li jservu bħala materjal ta' sfond għall-kontrolli baġitarji, meta jiġi hekk mitlub;

34.  Ifakkar li l-Parlament jagħti kwittanza lill-istituzzjonijiet l-oħra wara li jikkunsidra d-dokumenti pprovduti u r-risposti mogħtija għall-mistoqsijiet tiegħu; jiddispjaċih li l-Parlament ripetutament jiltaqa' ma' problemi biex jirċievi risposti mill-Kunsill;

35.  Jieħu nota tal-ittra mis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill b'risposta għall-istedina tal-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit biex jattendi skambju ta' fehmiet fil-11 ta' Jannar 2016; jenfasizza li l-ittra la tirrispondi għall-istedina u lanqas għall-kwestjonarju bil-miktub mibgħut lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill fil-25 ta' Novembru 2015 b'mistoqsijiet mill-Membri tal-Parlament, iżda sempliċiment ittenni l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-iskambju ta' informazzjoni finanzjarja li diġà ġiet espressa fil-passat;

36.  Jemmen li l-proċedura ta' kwittanza hija strument importanti ta' responsabbiltà demokratika lejn iċ-ċittadini tal-Unjoni;

37.  Jitlob lill-Kunsill biex jidħol f'negozjati mal-Parlament Ewropew bl-għan li jiġi żgurat li dan tal-aħħar ikun jista' jeżerċita d-dritt tiegħu ta' aċċess għal informazzjoni dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kunsill; jemmen li dan jirriżulta f'obbligu tal-Kunsill li jagħti l-informazzjoni mitluba;

38.  Jiddispjaċih dwar il-fatt li mhux l-istituzzjonijiet kollha tal-Unjoni jirrispettaw l-istess standards dwar it-trasparenza u jemmen li l-Kunsill għandu jagħmel titjib f'dan ir-rigward;

39.  Huwa tal-fehma li, filwaqt li sadattant, is-sitwazzjoni tista' titjieb permezz ta' kooperazzjoni aħjar bejn l-istituzzjonijiet tal-Unjoni fi ħdan il-qafas tat-Trattati, reviżjoni tat-Trattati tista' fl-aħħar mill-aħħar tkun meħtieġa biex il-proċedura ta' kwittanza ssir aktar ċara, fis-sens li l-Parlament jingħata l-kompitu espliċitu li jagħti l-kwittanza lill-istituzzjonijiet u lill-korpi kollha b'mod individwali;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni temenda r-Regolament Finanzjarju biex tikkjarifika l-objettivi tal-proċedura ta' kwittanza u tiddefenixxi b'mod ċar sanzjonijiet f'każ ta' nuqqas ta' ottemperanza tar-regolamenti; jenfasizza li dan għandu jsir sabiex l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jinżammu responsabbli bl-għan li jiġu protetti l-interessi finanzjarji taċ-ċittadini tal-Unjoni; jenfasizza li ma għandu jkun hemm ebda eċċezzjoni.

Avviż legali