Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2159(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0111/2016

Testi mressqa :

A8-0111/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0154

Testi adottati
PDF 419kWORD 94k
Il-Ħamis, 28 ta' April 2016 - Brussell
Kwittanza 2014: Il-baġit ġenerali tal-UE - Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew
P8_TA(2016)0154A8-0111/2016
Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2015/2159(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (COM(2015)0377 – C8-0204/2015)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposti tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0111/2016),

1.  Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, kif ukoll lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU L 51, 20.2.2014.
(2) ĠU C 377, 13.11.2015, p. 1.
(3) ĠU C 373, 10.11.2015, p. 1.
(4) ĠU C 377, 13.11.2015, p. 146.
(5) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.


2. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2015/2159(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima VI - Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tat-18 ta' Novembru 2015 li tagħlaq l-inkjesta dwar l-ilment 1770/2013/JF kontra l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0111/2016),

1.  Jilqa' l-fatt li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2014 għan-nefqa amministrattiva u ta' tip ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa minn żbalji materjali;

2.  Jinnota bi tħassib li fir-rapport annwali 2014 tagħha, il-Qorti tal-Awdituri osservat dgħufijiet fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) f'erba' każijiet mill-15-il proċedura ta' akkwist li eżaminat;

3.  Jilqa' l-fatt li, b'reazzjoni għall-osservazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Awdituri, il-KESE waqqaf servizz ta' appoġġ speċifiku għall-akkwist pubbliku biex jgħin lid-direttorati, apparti d-Direttorat għal-Loġistika, li diġà għandu dan is-servizz; jistenna li dan is-servizz ikun qed jopera bis-sħiħ fit-tieni nofs tal-2016;

4.  Jieħu nota li fl-2014 il-baġit tal-KESE kien jammonta għal EUR 128 559 380 (EUR 130 104 400 fl-2013), ammont li jikkorrispondi għal tnaqqis b'1,19 % meta mqabbel mal-baġit annwali tal-2013, b'rata ta' utilizzazzjoni ta' 95,6 %; jinnota ż-żieda fir-rata ta' utilizzazzjoni fl-2014 iżda jiddispjaċih li għadha ma laħqitx is-96,8 % tal-2012;

5.  Jisħaq fuq il-fatt li l-baġit tal-KESE huwa wieħed purament amministrattiv, li minnu ammont kbir jintuża għan-nefqa fuq persuni li jaħdmu fi ħdan l-istituzzjoni filwaqt li l-bqija tintuża għall-bini, l-għamara, it-tagħmir u spejjeż operattivi mixxellanji;

6.  Jieħu nota tal-osservazzjonijiet ta' segwitu mehmuża mar-rapport ta' attività annwali tal-KESE fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-Parlament tad-29 ta' April 2015 għas-sena finanzjarja 2013(1);

7.  Jinnota li l-KESE pproduċa anqas rapporti u opinjonijiet fl-2014 u organizza anqas laqgħat ta' ħidma leġiżlattiva; jinsab, madankollu, sorpriż biż-żieda fl-għadd ta' opinjonijiet ġuridiċi maħruġa mill-unità legali f'dak il-perjodu; jitlob li jkun infurmat dwar ir-raġunijiet għal din l-espansjoni;

8.  Jinnota li fil-5 ta' Frar 2014 ġie ffirmat ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-KESE u l-Parlament, b'żewġ annessi dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-impatt baġitarju, flimkien ma' ftehim parallel bejn il-Parlament u l-Kumitat tar-Reġjuni, bil-għan li tiġi żviluppata kooperazzjoni politika u amministrattiva;

9.  Jilqa' r-reazzjoni tal-KESE għat-talba tal-Parlament fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tiegħu msemmija hawn fuq għas-sena finanzjarja 2013 biex jagħmel valutazzjoni individwali tal-impatt li l-ftehim ta' kooperazzjoni qed ikollu f'termini kemm ta' riżorsi umani kif ukoll ta' nefqa, sinerġiji, valur miżjud, u kwalità sostantiva;

10.  Iqis li għad hemm lok għal titjib fi ħdan il-ftehim ta' kooperazzjoni, b'mod partikolari fl-isfera politika; jemmen li l-Parlament, il-KESE u l-Kumitat tar-Reġjini huma kapaċi jiżviluppaw sinerġiji ulterjuri li se jtejbu l-produttività fil-livelli kollha fl-oqsma ta' kooperazzjoni u jappella biex jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dettaljati speċifiċi dwar il-funzjonament tas-servizzi komuni għat-tliet istituzzjonijiet; jitlob li l-membri tal-KESE jiġu mistħarrġa dwar is-sodisfazzjon tagħhom fir-rigward tas-servizzi pprovduti lilhom mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew; jitlob li jinżamm infurmat dwar is-segwitu għall-ftehim ta' kooperazzjoni;

11.  Jitlob li r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-ftehim ta' kooperazzjoni jkun jinkludi analiżi dettaljata għal kull istituzzjoni tal-iffrankar u taż-żieda fl-ispejjeż baġitarji li jirriżultaw minnu;

12.  Jieħu nota li l-KESE implimenta r-regoli l-ġodda dwar ir-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-Membri abbażi tal-ispejjeż reali, insegwitu tat-talbiet speċifiċi tal-Parlament fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza għall-2013 tas-sena li għaddiet; jilqa' l-fatt li s-sistema saret operattiva għal kollox mal-bidu tal-mandat il-ġdid attwali tal-KESE fil-ħarifa tal-2015;

13.  Jinnota bi tħassib li t-total tar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-allowances imħallsa lill-benefiċjarji tal-KESE kien jammonta għal EUR 17 375 864; iħeġġeġ lill-istituzzjoni tiżviluppa strateġija sistematika biex tnaqqas dawk l-ispejjeż u allowances b'mod sostanzjali;

14.  Jieħu nota li fl-2014 il-KESE kellu bilanċ pożittiv ta' EUR 1 560 000 skont il-ftehim ta' kooperazzjoni; jinnota bi tħassib li 36 uffiċjal mill-KESE u 24 uffiċjal mill-Kumitat tar-Reġjuni, kollha kemm huma mis-servizzi ta' traduzzjoni u li fil-parti l-kbira tagħhom kienu viċin ħafna tal-età tal-irtirar, ġew trasferiti skont dan il-ftehim ta' kooperazzjoni, bir-riżultat li ż-żewġ istituzzjonijiet se jiksbu ffrankar sinifikanti fil-kapitoli dwar il-persunal (salarji u pensjonijiet) filwaqt li l-ispejjeż tal-Parlament se jiżdiedu b'mod konsiderevoli kemm fi żmien qasir (salarji) u kemm fit-tul (pensjonijiet);

15.  Jiddispjaċih għaż-żieda tal-ispejjeż tal-missjoni tal-persunal minn EUR 338 366 fl-2013 għal EUR 387 481 fl-2014 (14,5 %);

16.  Iħeġġeġ l-inklużjoni ta' ħarsa ġenerali lejn il-persunal b'kariga maniġerjali mqassma skont in-nazzjonalità, is-sess u l-kariga fir-rapport ta' attività annwali;

17.  Jilqa' l-kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-KESE u l-Kumitat tar-Reġjuni fit-tfassil tar-regoli interni dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta peress li wħud mis-servizzi u mill-membri tal-persunal huma komuni għat-tnejn li huma; iqis li l-KESE ħa wisq żmien biex japprova dawn ir-regoli; jilqa', madankollu, il-fatt li r-regoli qed jiġu infurzati retroattivament;

18.  Jinnota t-titjib ċkejken fl-2014 fl-għadd ta' wieħed miż-żewġ sessi b'karigi maniġerjali (40 %; 39 % fl-2013); jiddispjaċih, madankollu, għad-diskrepanza li għadha tippersisti u li ma tinstabx fil-kategoriji l-oħra; jisħaq fuq l-importanza li jiġu stabbiliti għanijiet fuq terminu medju li bis-saħħa tagħhom ikun jista' jintlaħaq il-bilanċ meħtieġ, u jħeġġeġ it-tkomplija ta' ħidma attiva lejn dan il-għan;

19.  Jilqa' t-tnedija ta' kors speċifiku min-naħa tal-KESE dwar it-tema "Etika u Integrità" maħsub biex itejjeb l-għarfien u s-sensibbiltà dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-membri tal-persunal; iqis, madankollu, li dan il-kors m'għandux ikun obbligatorju biss għall-membri tal-persunal il-ġodda iżda għall-persunal kollu;

20.  Jiddispjaċih li l-KESE għadu ma implimentax il-miżuri kollha mitluba mill-Parlament fil-paragrafu 24 tar-riżoluzzjoni ta' kwittanza tiegħu msemmija hawn fuq għall-2013; iqis li meta ma bagħatx informazzjoni dwar żewġ sentenzi tal-Qorti kontra l-KESE lill-Bureau tal-Parlament u lill-membri u l-persunal tiegħu stess u minflok għażel li jinkludi tali informazzjoni f'pubblikazzjonijiet oħra ta' natura ġenerali, il-KESE ma ġabx ruħu kif suppost; jittama li ommissjonijiet ta' dan it-tip se jiġu solvuti permezz tal-iżvilupp tar-regoli l-ġodda dwar l-informaturi u li konsegwentement, f'dan il-każ speċifiku, jistgħu jiġi regolarizzati retroattivament;

21.  Jittama li bl-infurzar tar-regoli l-ġodda dwar l-informaturi, il-KESE se jieħu, minnufih u b'mod effiċjenti, il-miżuri meħtieġa biex jiżgura r-rikonoxximent, ir-rispett u l-kunsiderazzjoni tal-informaturi f'każijiet rikonoxxuti bħala tali mill-Qorti Ġenerali qabel l-adozzjoni ta' dawk ir-regoli; jappella biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jintemmu darba għal dejjem l-attakki li qed isiru kontra dawk l-informaturi permezz ta' diversi pubblikazzjonijiet tal-KESE;

22.  Jiddeplora l-fatt li fid-deċiżjoni msemmija hawn fuq li tagħlaq l-inkjesta 1770/2013/JF kontra l-KESE, l-Ombudsman tiddikjara li l-KESE aċċetta biss parti mill-proposta magħmula biex tissewwa l-amministrazzjoni ħażina; jiddeplora l-fatt li l-KESE ma rrikonoxxiex l-amministrazzjoni ħażina u ma rrikonoxxa l-ebda żball fid-deċiżjoni tiegħu li jassenja mill-ġdid lill-persuna li ressqet l-ilment; jiddeplora l-fatt li l-KESE ma qabilx li jirrikonoxxi dawk l-iżbalji bi prinċipju, għalkemm fil-prattika aċċetta wħud mir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman li jagħti lill-persuna li ressqet l-ilment kumpens għall-inġustizzji li saru;

23.  Jieħu nota tal-informazzjoni pprovduta mill-KESE fis-segwitu għar-riżoluzzjoni ta' kwittanza msemmija hawn fuq għall-2013 dwar l-użu tal-għodod tal-vidjokonferenzi; jitlob li jinżamm infurmat dwar il-progress miksub f'din il-kwistjoni; jemmen li l-użu tal-vidjokonferenzi u teknoloġiji simili se jippermetti lill-KESE tnaqqas l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-laqgħat b'mod sinifikanti;

24.  Jinnota li n-numru ta' laqgħat li jużaw l-għodod tal-vidjokonferenzi rdoppja meta mqabbel mal-2013; jinnota li l-għodda tal-vidjokonferenzi ntużat fl-laqgħat fejn m'hemmx bżonn ta' interpretazzjoni; iħeġġeġ lill-KESE juża t-taħriġ fil-lingwi b'mod effikaċi sabiex jiżgura li jkollu bżonn anqas interpretazzjoni u li, b'hekk, il-ħidma tagħha tkun aktar effettiva u effiċjenti;

25.  Jinkoraġġixxi lill-KESE jsaħħaħ il-politika ta' informazzjoni u komunikazzjoni tiegħu kif ukoll il-preżenza tiegħu fil-midja soċjali;

26.  Jinnota l-isforzi tal-KESE biex jgħolli l-profil tiegħu permezz ta' politika ta' informazzjoni u komunikazzjoni effikaċi; jaqbel miegħu li jiffoka fuq l-ixprunar tal-kooperazzjoni interistituzzjonali sabiex itejjeb il-komunikazzjoni u l-viżibbiltà kif ukoll fuq it-tisħiħ tal-preżenza tal-membri ta' istituzzjonijiet fil-livell nazzjonali, u jinkoraġġixxi lill-KESE jkompli jaħdem f'din id-direzzjoni; jilqa', f'dan ir-rigward, kwalunkwe sforz ulterjuri sabiex itejjeb il-fluss ta' informazzjoni u, b'hekk, it-trasparenza;

27.  Jinnota b'sodisfazzjon ix-xejra 'l isfel fir-rata tas-servizzi tal-interpretazzjoni mitluba iżda mhux użati minn 5,1 % fl-2013 għal 4,3 % fl-2014; jistenna li t-termini nnegozjati skont il-ftehim ta' kooperazzjoni jiżguraw tnaqqis ulterjuri fl-ispejjeż ta' interpretazzjoni;

28.  Jinsab sorpriż bit-tnaqqis ta' 1 % fit-traduzzjoni esternalizzata meta mqabbel mal-2013; jistenna li din it-tendenza tinbidel wara l-implimentazzjoni tal-ftehim ta' kooperazzjoni, li jipprevedi aktar esternalizzazzjoni tat-traduzzjoni wara t-trasferiment tal-persunal tat-traduzzjoni lejn il-Parlament;

29.  Jirrikonoxxi r-riżultati miksuba mill-Kumitat Interistituzzjonali tat-Traduzzjoni u l-Interpretazzjoni fl-istabbiliment ta' metodoloġija armonizzata li tippermetti l-ipparagunar dirett tal-ispejjeż tat-traduzzjoni tal-istituzzjonijiet kollha; jilqa' l-fatt li l-KESE qed jipprovdi data skont din il-metodoloġija;

30.  Jiddispjaċih li fl-2014 kellu jiġi pospost avveniment ewlieni; itenni t-talbiet tiegħu lill-KESE biex jippjana aħjar l-organizzazzjoni tal-avvenimenti interni;

31.  Jilqa' l-inklużjoni tar-riżultati u l-konsegwenzi tal-każijiet magħluqa tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi fl-2014 fir-rapport ta' attività annwali;

32.  Jappoġġa d-deċiżjoni tal-KESE li jehmeż il-politika immobiljari tiegħu mar-rapport ta' attività annwali;

33.  Jieħu nota tal-kooperazzjoni bejn il-KESE u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, b'mod partikolari fir-rigward tal-eżerċizzju ta' kwittanza.

(1) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VI — Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (ĠU L 255, 30.9.2015, p. 128).

Avviż legali - Politika tal-privatezza