Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2177(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0103/2016

Testi mressqa :

A8-0103/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.32
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0168

Testi adottati
PDF 444kWORD 97k
Il-Ħamis, 28 ta' April 2016 - Brussell Verżjoni finali
Kwittanza 2014: Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC)
P8_TA(2016)0168A8-0103/2016
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2177(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposta taċ-Ċentru(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata liċ-Ċentru fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05584/2016 – C8-0075/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 23 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0103/2016),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 409, 9.12.2015, p. 122.
(2) ĠU C 409, 9.12.2015, p. 122.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1.
(5) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar l-għeluq tal-kontijiet taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2177(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposta taċ-Ċentru(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata liċ-Ċentru fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05584/2016 – C8-0075/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 851/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li jistabbilixxi ċentru Ewropew għall-prevenzjoni u l-kontroll tal-mard(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 23 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0103/2016),

1.  Jinnota li l-kontijiet annwali finali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard huma kif annessi mar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2014;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 409, 9.12.2015, p. 122.
(2) ĠU C 409, 9.12.2015, p. 122.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 142, 30.4.2004, p. 1.
(5) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2177(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0103/2016),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tiegħu, il-baġit finali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard ('iċ-Ċentru') għas-sena finanzjarja 2014 kien jammonta għal EUR 60 486 000, li jirrappreżenta żieda ta' 3,72 % meta mqabbel ma' dak għall-2013; billi 97 % tal-baġit taċ-Ċentru jinsilet mill-baġit tal-Unjoni;

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri ('il-Qorti'), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard għas-sena finanzjarja 2014 ('ir-rapport tal-Qorti'), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali taċ-Ċentru għas-sena finanzjarja 2014 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Segwitu għall-kwittanza 2013

1.  Jirrikonoxxi miċ-Ċentru li:

   l-istrateġija ta' verifika ex post tiegħu ġiet implimentata u l-awditi ex post li jkopru l-perjodu 2012-2013 saru fl-2014 billi ntuża l-kuntratt qafas interistituzzjonali dwar l-awditjar;
   intgħażlu żewġ awditi għall-pjan tiegħu għall-verifika tal-għotjiet u tlestew fl-2014; jinnota li għal awditu minnhom intalab rkupru ta' 2,9 % tal-ispejjeż imħallsa u għall-awditu l-ieħor ma kien hemm bżonn l-ebda rkupru;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

2.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2014 irriżultaw f'rata għolja ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 98,77 %, li tirrappreżenta żieda ta' 5,81 % meta mqabbla ma' dik tas-sena preċedenti; tgħallem li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 80,37 %, li tirrappreżenta żieda ta' 6,23 % meta mqabbla ma' dik tas-sena preċedenti;

3.  Jirrikonoxxi li, minħabba li ż-żieda fil-fattur ta' ponderazzjoni għall-Iżvezja bejn l-2010 u l-2013 kellha impatt baġitarju totali ta' EUR 5 miljun fuq il-baġit għall-2014 taċ-Ċentru, iċ-Ċentru talab ammont addizzjonali ta' EUR 2 miljun mill-baġit tal-Unjoni sabiex ikun jista' jkopri ż-żieda fl-ispejjeż, u li, b'riżultat ta' dan, ammont addizzjonali ta' EUR 2 miljun, li ġie mill-eżitu pożittiv taċ-Ċentru għall-2013, ingħata b'mod eċċezzjonali liċ-Ċentru fl-2014;

Impenji u riporti

4.  Jinnota li l-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati kien ta' 25 % (EUR 1 600 000) għat-Titolu II (nefqa amministrattiva) u 49 % (EUR 8 100 000) għat-Titolu III (nefqa operattiva); jirrikonoxxi li r-riporti għat-Titolu II kienu prinċipalment relatati mal-akkwist ippjanat ta' ħardwer u softwer informatiku fit-tieni nofs tal-2014, li l-pagament tagħhom ma kienx dovut qabel l-2015. jirrikonoxxi, barra minn hekk, li r-riporti għat-Titolu III kellhom x'jaqsmu mal-proġetti pluriennali taċ-Ċentru, it-teknoloġija informatika bħala appoġġ għall-attivitajiet operattivi u konsulenza esperta;

5.  Jirrikonoxxi t-titjib fl-ippjanar u fl-eżekuzzjoni baġitarji tal-laqgħat operattivi, b'mod partikolari l-użu tal-medja tal-prezzijiet effettivi tat-titjiriet minflok limiti massimi biex jiġi kkalkolat il-baġit għall-avvenimenti u l-implimentazzjoni ta' diżimpenji immedjati b'segwitu għal-laqgħat; jinnota li ċ-Ċentru għandu jissorvelja mill-qrib l-ispejjeż għal-laqgħat operattivi sabiex jevita riporti jew kanċellazzjonijiet bla bżonn billi jimplimenta sistema ta' rieżami trimestrali tal-programm tal-laqgħat taċ-Ċentru u jintroduċi proċess ta' approvazzjoni għall-ġestjoni tal-bidliet u ż-żidiet għall-programmi tal-laqgħat;

6.  Jappella liċ-Ċentru sabiex sa fejn ikun possibbli jkompli jnaqqas il-livell tal-approprjazzjonijiet impenjati riportati fil-ġejjieni permezz tal-miżuri kollha disponibbli, pereżempju billi jadotta l-aħjar prassi użata fl-aġenziji l-oħra;

Proċeduri ta' akkwist u ta' reklutaġġ

7.  Jieħu nota li, fl-2014, iċ-Ċentru rrekluta 16-il membru tal-persunal filwaqt li telqu 10; jinnota li, fi tmiem is-sena, iċ-Ċentru kellu total ta' 182 aġent temporanju, 92 aġent kuntrattwali u tliet esperti nazzjonali sekondati; jirrikonoxxi miċ-Ċentru li l-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tal-Lussemburgu u l-Kroazja, huma rappreżentati fost il-persunal taċ-Ċentru;

8.  Jinnota li, fir-rigward tal-proċeduri ta' akkwist tiegħu, iċ-Ċentru ffoka speċifikament l-attenzjoni fuq l-iiżgurar tal-konsistenza fid-dokumenti ta' sejħa għal offerti kollha; jenfasizza li l-Kumitat dwar l-Akkwist, il-Kuntratti u l-Għotjiet rivedut taċ-Ċentru qed jipprovdi mekkaniżmu ta' kontroll tal-kwalità addizzjonali; jappella liċ-Ċentru biex b'mod partikolari jwettaq verifiki bir-reqqa tal-kunflitti ta' interess fir-rigward tas-sejħiet għal offerti, l-akkwist, ir-reklutaġġ u l-kuntratti sabiex isaħħaħ it-trasparenza;

9.  Jitlob liċ-Ċentru japplika strettament il-miżuri li għandhom x'jaqsmu mad-diskrezzjoni u l-esklużjoni fl-akkwist pubbliku, bit-twettiq ta' verifiki xierqa tal-preċedenti f'kull każ, u japplika l-kriterji ta' esklużjoni biex, f'każ ta' kunflitt ta' interess, il-kumpaniji ma jiġux ammessi, peress li dan hu essenzjali għall-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

10.  Jieħu nota li fl-2014 l-għadd totali tal-membri tal-persunal statutorji naqas minn 287 għal 277, minħabba t-tnaqqis mitlub ta' 10 % tal-karigi fil-Pjan ta' Stabbiliment sal-2018;

11.  Jinnota li ċ-Ċentru qed jiddedika 75,5 % tar-riżorsi umani tiegħu għal attivitajiet operattivi; jinkoraġġixxi liċ-Ċentru jagħmel progress ulterjuri f'din id-direzzjoni;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

12.  Jilqa' l-iżvilupp fl-2014 ta' strateġija kontra l-frodi skont il-linji gwida maħruġa mill-Ufficju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF);

Kontrolli interni

13.  Jinnota li ċ-Ċentru eżamina mill-ġdid l-implimentazzjoni tal-Istandards ta' Kontroll Intern tiegħu fl-2014; jinnota b'sodisfazzjon li, mill-Istandards ta' Kontroll Intern, tlieta ġew kważi kompletament implimentati filwaqt li l-bqija ġew implimentati għal kollox;

Awditu intern

14.  Jinnota li, fl-2014, is-Servizz ta' Awditjar Intern (IAS) tal-Kummissjoni wettaq awditu rigward 'Taħriġ fis-settur tas-saħħa pubblika' u ssottometta r-rapport tiegħu li kien jinkludi osservazzjoni waħda mmarkata bħala 'Importanti ħafna' u sitt rakkomandazzjonijiet immarkati bħala 'Importanti'; jinnota li l-pjan ta' azzjoni mħejji miċ-Ċentru ġie aċċettat mill-IAS u attwalment qed jiġi implimentat.

Kummenti oħra

15.  Jilqa' l-iżvilupp u t-tnedija tal-Atlas għas-Sorveljanza ta' Mard li Jittieħed ('l-Atlas') fuq il-portal taċ-Ċentru fuq l-internet; jinnota li, sa tmiem l-2014, iċ-Ċentru kien qed jippubblika data fil-livell tal-Unjoni flimkien ma' xi data fil-livell internazzjonali għal erba' tipi ta' mard permezz tal-Atlas u jinkoraġġixxi liċ-Ċentru jkompli b'dal-proġett; jiddispjaċih fl-istess ħin li l-attivitajiet ta' komunikazzjoni taċ-Ċentru fil-biċċa l-kbira kienu ristretti għal pubblikazzjonijiet fuq is-sit taċ-Ċentru fuq l-internet u li ċ-Ċentru ma ġiex identifikat mill-midja tal-UE bħala fornitur ta' informazzjoni kruċjali; jappella liċ-Ċentru biex jieħu passi biex itejjeb il-preżenza medjatika;

16.  Jirrikonoxxi li r-rapporti kollha mfassla u ppubblikati miċ-Ċentru tqiegħdu għad-dispożizzjoni fuq il-portal taċ-Ċentru fuq l-internet minn fejn jistgħu jitniżżlu bħala dokumenti, kif ukoll il-fatt li ċ-Ċentru qiegħed jippubblika dejjem aktar data, graffs, mapep u infografika b'mod li jistgħu jitniżżlu minn fuq l-internet; jinnota li, fl-2014, żdiedet taqsima ġdida 'Data and Tools' (Data u Għodda) fuq il-portal taċ-Ċentru fuq l-internet b'mod li ġie pprovdut punt ta' aċċess ċentralizzat għal data interattiva, mapep u riżorsi simili oħra; jiddispjaċih li l-informazzjoni ma tqegħditx għad-dispożizzjoni fuq il-portal bil-lingwi kollha tal-Unjoni;

17.  Jappella liċ-Ċentru biex iqawwi l-proċeduri u l-prattiki tiegħu mmirati lejn is-salvagwardja tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni u biex jikkontribwixxi attivament għal proċess ta' kwittanza li jkun orjentat lejn ir-riżultati;

18.  Ifakkar li, bħala aġenzija tal-UE, iċ-Ċentru għandu baġit denominat f'euro, iżda għandu ħafna spejjeż f'munita oħra (krona Żvediża (SEK)) minħabba li hu bbażat f'pajjiż li mhux fiż-żona tal-euro; jinnota li, lejn il-bidu tal-2014, iċ-Ċentru kellu jimplimenta rata tal-kambju riveduta minn EUR għal SEK u kellu jaġġusta 'l fuq il-kost f'EUR ta' spejjeż f'SEK li jmorru lura għall-2011, u dan wassal għal bosta reviżjonijiet tal-programm ta' ħidma tiegħu; jilqa' l-fatt li, minkejja dan, sa tmiem is-sena 2014, iċ-Ċentru wettaq madwar 85 % tar-riżultati tanġibbli ppjanati fil-programm ta' ħidma tiegħu għall-2014, kif ukoll wettaq 117-il intervent ta' emerġenza fir-rigward tal-emerġenza ewlenija ta' kontroll tal-mard fl-2014, speċifikament, l-epidemija bla preċedent tal-Ebola li faqqgħet fl-Afrika tal-Punent u sussegwentement evolviet fi kwistjoni ta' tħassib globali;

19.  Jirrikonoxxi li l-ġestjoni ġenerali fit-tieni nofs tal-2014 kienet iddominata minn kwistjonijiet ta' kontinwità tal-operat, bħall-ħtieġa li jsiru għażliet bilanċjati u li l-ippjanar jiġi allinjat mill-ġdid sabiex jindirizza theddid ta' prijorità għolja, filwaqt li fl-istess ħin tiġi żgurata l-kontinwità ta' servizzi u proġetti fundamentali; jilqa' l-fatt li, ftit jew wisq, il-kwalità tal-interventi taċ-Ċentru baqgħet f'livell għoli minkejja dawn il-kwistjonijiet;

20.  Jieħu nota li, matul l-emerġenza tal-Ebola, aktar minn 100 membru tal-persunal taċ-Ċentru ħadmu biex jappoġġaw ir-rispons fil-livell tal-Unjoni għall-Ebola, u jilqa' l-flessibbiltà, l-orjentament lejn is-servizz u l-impenn favur l-eċċellenza xjentifika li wera ċ-Ċentru f'din l-okkażjoni;

o
o   o

21.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016(1) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) Testi adottati, P8_TA(2016)0159.

Avviż legali