Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2168(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0100/2016

Testi mressqa :

A8-0100/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.34
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0170

Testi adottati
PDF 441kWORD 100k
Il-Ħamis, 28 ta' April 2016 - Brussell Verżjoni finali
Kwittanza 2014: L-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent (EEA)
P8_TA(2016)0170A8-0100/2016
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2168(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05584/2016 – C8-0066/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Netwerk Ewropew ta' Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0100/2016),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 409, 9.12.2015, p. 143.
(2) ĠU C 409, 9.12.2015, p. 143.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13.
(5) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2168(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposta tal-Aġenzija(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Aġenzija fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05584/2016 – C8-0066/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 401/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u n-Netwerk Ewropew ta' Informazzjoni u Osservazzjoni tal-Ambjent(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0100/2016),

1.  Jinnota li l-kontijiet annwali finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent huma kif annessi mar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2014;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 409, 9.12.2015, p. 143.
(2) ĠU C 409, 9.12.2015, p. 143.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 126, 21.5.2009, p. 13.
(5) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2168(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0100/2016),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tiegħu, il-baġit finali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ("l-Aġenzija") għas-sena finanzjarja 2014 kien ta' EUR 52 573 071, ammont li jirrappreżenta tnaqqis ta' 6,70 % meta mqabbel mal-2013; billi 76,81 % tal-baġit tal-Aġenzija jinsilet mill-baġit tal-Unjoni; billi ż-żieda hija fil-biċċa l-kbira relatata mal-infiq operattiv għal azzjonijiet strateġiċi;

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent għas-sena finanzjarja 2014 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Aġenzija għas-sena finanzjarja 2014 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Kummenti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet

1.  Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li fl-2014 l-Aġenzija nediet sejħa għall-forniment ta' servizzi ta' konsulenza dwar l-IT u s-Sistemi ta' Informazzjoni Ġeografika (GIS) għall-implimentazzjoni tal-komponent ta' Aċċess għad-Data ta' Referenza (RDA), u biex jingħata appoġġ lill-Aġenzija f'attivitajiet oħrajn relatati mal-programm Copernicus; jinnota li, skont ir-rapport tal-Qorti, l-hekk imsejħa 'nuqqasijiet magħrufa' – aspett importanti tas-sejħa għall-offerti – ma ġewx definiti fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi; jirrikonoxxi, iżda, ir-risposta tal-Aġenzija li "n-nuqqasijiet magħrufa" ġew deskritti fit-taqsima 6.3.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa għall-offerti;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

2.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzarja 2014 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,19 % u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 87,19 %;

Impenji u riporti

3.  Jirrikonoxxi li l-awditu annwali tal-Qorti ma sab xejn partikolari fir-rigward tal-livell ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati fl-2014; jinnota li, għalkemm il-livell totali ta' riporti mill-2014 għall-2015 huwa ogħla minn dak tas-sena ta' qabel, 69,36 % ta' dan l-ammont jirreferi għall-pagament finali tal-kontribuzzjoni tal-2014 għaċ-Ċentri Tematiċi Ewropej (ETC) li, skont il-ftehimiet, kellha titħallas wara l-preżentazzjoni tar-raba' rapport ta' progress trimestrali fl-2015;

Trasferimenti

4.  Jinnota li fl-2014 b'kollox saru 24 trasferiment; jinnota li dawn it-trasferimenti kienu taħt il-limitu ta' 10 % tal-approprjazzjonijiet għas-sena murija fuq il-linja baġitarja li minnha jsir it-trasferiment u kienu jammontaw għal EUR 268 128 (0,64 % tal-approprjazzjonijiet totali); jinnota li 40 % tat-trasferimenti saru fuq approprjazzjonijiet differenzjati u għalhekk mhumiex inklużi fil-kalkolu tal-10 %;

Proċeduri ta' akkwist u reklutaġġ

5.  Jinnota li l-Aġenzija naqqset l-ammont ta' persunal b'konformità mal-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja(1), u dan wassal għat-tnaqqis ta' tliet pożizzjonijiet temporanji għas-sena 2014; jirrikonoxxi li l-Aġenzija qed issibha dejjem aktar diffiċli taġġusta l-istruttura organizzattiva tagħha – biex tagħmel it-tnaqqis li hemm bżonn fl-ammont ta' persunal – mingħajr ma dan ikollu effett negattiv fuq il-kapaċità tagħha li twettaq il-punti prinċipali tal-programm ta' ħidma pluriennali tagħha, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mat-tnaqqis addizzjonali antiċipat fil-persunal lil hinn mil-limitu stipulat fil-Ftehim Interistituzzjonali; jinnota li skont l-aħħar evalwazzjoni esterna tal-Aġenzija l-ispejjeż amministrattivi tagħha huma aktar baxxi minn dawk ta' aġenziji simili;

6.  Jitlob li l-Aġenzija tapplika strettament il-miżuri li jirrigwardaw id-diskrezzjoni u l-esklużjoni fl-akkwist pubbliku, b'verifiki ta' sfond xierqa mwettqa f'kull każ, u li tapplika l-kriterji tal-esklużjoni ħalli l-kumpaniji ma jitħallewx joperaw f'każ ta' kunflitt ta' interess, billi dan huwa essenzjali għall-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u trasparenza

7.  Jinnota li f'Novembru 2014 il-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija adotta l-istrateġija tagħha kontra l-frodi, bil-għan li tiġi żgurata ġestjoni xierqa fi kwistjonijiet ta' kunflitt ta' interess u li jiġu żviluppati attivitajiet bħala parti mill-ġlieda kontra l-frodi, speċjalment permezz tal-prevenzjoni, l-identifikazzjoni, is-sensibilizzazzjoni u kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF); jinnota li, bi qbil mal-'Metodoloġija u gwida għal strateġiji kontra l-frodi għall-aġenziji deċentralizzati tal-UE' tal-OLAF, l-Aġenzija wettqet valutazzjoni tar-riskju ta' frodi fil-kuntest tal-attivitajiet tagħha bbażata fuq il-probabbiltà ta' frodi u l-impatt li dan jista' jkollu;

8.  Jitlob li l-Aġenzija timplimenta l-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal billi kull sena tippubblika l-informazzjoni dwar l-uffiċjali għolja li jkunu telqu mis-servizz u lista ta' kunflitti ta' interess;

9.  Iħeġġeġ lill-Aġenzija tissensibilizza aktar lill-membri tal-persunal tagħha dwar il-politika li tittratta l-kunflitti ta' interess, pari passu mal-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni li għaddejjin diġà, u tinkludi l-integrità u t-trasparenza bħala punti li jridu jiġu diskussi b'mod obbligatorju waqt il-proċeduri ta' reklutaġġ u l-valutazzjonijiet tal-prestazzjoni;

10.  Jistieden lill-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni li daħħlu kodiċijiet ta' mġiba, fosthom il-Parlament, biex itejbu l-miżuri ta' implimentazzjoni tagħhom, bħalma huma l-verifiki tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji;

11.  Jitlob li jsir titjib globali fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni, u fil-ġlieda kontriha, permezz ta' approċċ olistiku, li jibda b'aċċess pubbliku mtejjeb għad-dokumenti u b'regoli aktar stretti dwar il-kunflitti ta' interess, l-introduzzjoni jew it-tisħiħ ta' reġistri ta' trasparenza u l-għoti ta' riżorsi suffiċjenti għall-miżuri tal-infurzar tal-liġi, u anke permezz ta' titjib fil-kooperazzjoni fost l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi rilevanti;

12.  Jinnota li l-Aġenzija ppubblikat fuq is-sit tagħha d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija tagħha, li żdiedu mas-CVs li diġà kienu ġew ippubblikati; jinnota li s-CVs tal-membri tal-Bord li qablu li jipprovduhom tqiegħdu għad-dispożizzjoni mill-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija;

Kontrolli interni

13.  Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, li l-Aġenzija bdiet timplimenta politika ġdida ta' kontrolli ex ante u ex post għall-għotjiet; jinnota li, meta sar l-awditu tal-Qorti, il-proċeduri ta' verifika kienu għadhom ma ġewx dokumentati; jirrikonoxxi, mir-risposta tal-Aġenzija, li meta f'Mejju 2014 bdiet timplimenta l-politika l-ġdida dwar il-kontrolli, hija tat prijorità lil-linji gwida għall-benefiċjarji fir-rigward tat-tħejjija tad-dikjarazzjonijiet relatati mal-ispejjeż; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li dawn il-linji gwida tfasslu u tqassmu lill-uffiċjali tar-riżorsi inkarigati mill-verifiki ex ante tal-għotjiet u huma applikabbli mis-sena finanzjarja 2016 'il quddiem;

14.  Jinnota, mir-rapport tal-Qorti, id-dgħufijiet identifikati fil-verifiki ex ante u ex post tal-Aġenzija; jirrimarka li f'każ partikolari kien hemm dokumenti li ntalbu u ma ngħatawx, u f'każ ieħor idaħħlet nefqa li ma kinitx eliġibbli iżda l-ammont sħiħ mitlub xorta ġie approvat; jirrikonoxxi r-risposta tal-Aġenzija li, wara l-osservazzjonijiet tal-Qorti, hija bdiet tirkupra l-ammont inkwistjoni mingħand il-benefiċjarju kkonċernat fit-tieni każ; jirrikonoxxi li l-Aġenzija se tiddokumenta b'mod rigoruż kwalunkwe każ ta' inosservanza tal-kontrolli jew ta' devjazzjonijiet mill-politiki u l-proċedura stabbiliti li jista' jkun hemm fil-futur;

15.  Jinnota bi tħassib, mir-rapport tal-Qorti, li għalkemm il-verifiki ex ante u ex post huma kompiti inkompatibbli, l-awditur intern kien involut fit-tnejn; jirrikonoxxi, mir-risposta tal-Aġenzija, li se tiġi żviluppata strateġija formali dwar il-verifika ex post li tiżgura kompatibbiltà mal-kompiti tal-Kapaċità tal-Awditjar Intern tal-Aġenzija; jirrikonoxxi li l-awditur intern tal-Aġenzija se jwettaq kontrolli ex post biss, biex b'hekk jiġu koperti kemm il-verifiki fuq il-post kif ukoll l-effikaċja tal-proċess ta' verifika ex ante tal-Aġenzija; jistenna li l-Aġenzija tirrapporta lura lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress magħmul fir-rigward tal-miżuri implimentati f'dak li għandu x'jaqsam mal-politika tal-kontrolli ex-ante u ex-post;

Awditu intern

16.  Jinnota li s-Servizz ta' Awditjar Intern tal-Kummissjoni wettaq awditu fuq il-ġestjoni tad-data/tal-informazzjoni, inkluż il-komponent tal-IT, li beda fl-2014 u tlesta fl-2015; jistenna b'interess ir-riżultati tal-verifika li se jiġu ppreżentati fir-Rapport Annwali tal-Aġenzija għall-2015;

17.  Jinnota li, minħabba tibdil fir-regolament finanzjarju tal-Aġenzija, il-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija ddefinixxa u approva Karta ġdida għall-eżerċizzju ta' awditjar intern; jinnota li l-Bord tat-Tmexxija huwa d-destinatarju l-ġdid tar-rapporti tal-Kapaċità tal-Awditjar Intern (IAC), u li l-Bord tat-Tmexxija se jkun ukoll qed japprova l-pjan ta' ħidma annwali u jsegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-IAC;

Kummenti oħra

18.  Jinnota li l-Aġenzija kkonludiet ftehim dwar servizzi ta' backup fl-IT, inklużi servizzi tal-email, ma' fornitur ta' servizzi ta' cloud computing permezz ta' kuntratt interistituzzjonali pprovdut mill-Kummissjoni; jinnota li l-kundizzjonijiet tal-kuntratt ma jiddefinixxux b'mod adegwat il-lokalizzazzjoni tad-data tal-Aġenzija, li jfisser li hemm riskju li l-privileġġi u l-immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej, li l-Aġenzija hija suġġetta għalihom, ma jkunux garantiti, u li l-fornitur tas-servizz ma jirrispettax bis-sħiħ il-garanziji ta' privatezza mogħtija mill-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jirrikonoxxi, mir-risposta tal-Aġenzija, li wara li rċeviet kjarifiki u garanziji mingħand il-fornitur tas-servizz, hija tqis li r-riskji residwi identifikati huma aċċettabbli u huma indirizzati b'mod adegwat permezz tal-klawsoli kuntrattwali miftiehma; jinnota li l-Aġenzija, madankollu, se tagħmel verifiki perjodiċi tal-implimentazzjoni tal-kuntratt bil-għan li tivvaluta r-riskji mill-ġdid u, jekk tinħass il-ħtieġa, tadotta miżuri xierqa u azzjonijiet korrettivi;

o
o   o

19.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2016(2) dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji.

(1) Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1).
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0159.

Avviż legali