Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2199(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0092/2016

Testi mressqa :

A8-0092/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.56
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0192

Testi adottati
PDF 434kWORD 95k
Il-Ħamis, 28 ta' April 2016 - Brussell Verżjoni finali
Kwittanza 2014: L-Impriża Konġunta ARTEMIS
P8_TA(2016)0192A8-0092/2016
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2199(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għall-perjodu mill-1 ta' Jannar sas-26 ta' Ġunju 2014, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05587/2016 – C8-0055/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2008 tal-20 ta' Diċembru 2007 dwar it-twaqqif tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għall-implimentazzjoni ta' Inizjattiva Teknoloġika Konġunta f'Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 561/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ECSEL(5),u b'mod partikolari l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0092/2016),

1.  Jiddifferixxi d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti ta' kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta SESAR għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta ECSEL, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1)ĠU C 422, 17.12.2015, p. 9.
(2)ĠU C 422, 17.12.2015, p. 10.
(3)ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4)ĠU L 30, 4.2.2008, p. 52.
(5)ĠU L 169, 7.6.2014, p. 152.
(6)ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(7)ĠU L 38, 7.2.2013, p. 2.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2199(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għall-perjodu mill-1 ta' Jannar sas-26 ta' Ġunju 2014, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014, skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05587/2016 – C8-0055/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 74/2008 tal-20 ta' Diċembru 2007 dwar it-twaqqif tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għall-implimentazzjoni ta' Inizjattiva Teknoloġika Konġunta f'Sistemi Inkorporati tal-Kompjuter(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 561/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta ECSEL(5),u b'mod partikolari l-Artikolu 1(2) u l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(7),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0092/2016),

1.  Jipposponi l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta ECSEL, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1)ĠU C 422, 17.12.2015, p. 9.
(2)ĠU C 422, 17.12.2015, p. 10.
(3)ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4)ĠU L 30, 4.2.2008, p. 52.
(5)ĠU L 169, 7.6.2014, p. 152.
(6)ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(7)ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2199(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta ARTEMIS għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0092/2016),

A.  billi l-Impriża Konġunta ARTEMIS (l-"Impriża Konġunta") twaqqfet f'Diċembru 2007 għal perjodu ta' 10 snin biex tistabbilixxi u timplimenta aġenda ta' riċerka għall-iżvilupp ta' teknoloġiji ewlenin għal sistemi inkorporati tal-kompjuter f'oqsma differenti ta' applikazzjoni sabiex tissaħħaħ il-kompetittività u s-sostenibbiltà tal-Unjoni, u biex tippermetti l-ħolqien ta' swieq u applikazzjonijiet soċjetali ġodda,

B.  billi l-Impriża Konġunta bdiet topera b'mod awtonomu f'Ottubru 2009,

C.  billi l-kontribuzzjoni massima għall-perjodu ta' 10 snin mill-Unjoni lill-Impriża Konġunta tammonta għal EUR 420 000 000 li għandha titħallas mill-baġit tas-Seba' Programm Kwadru għar-Riċerka,

D.  billi l-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri tal-ARTEMIS għandhom jammontaw għal mill-inqas 1,8 darbiet aktar mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni filwaqt li l-kontribuzzjoni in natura mill-organizzazzjonijiet ta' riċerka u żvilupp li jipparteċipaw fi proġetti matul il-perjodu tal-Impriża Konġunta għandha tkun daqs jew akbar il-kontribuzzjoni tal-awtoritajiet pubbliċi,

E.  billi l-Impriża Konġunta ngħaqdet mal-Impriża Konġunta ENIAC ("ENIAC") sabiex tinħoloq l-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta tal-Komponenti u s-Sistemi Elettroniċi għat-Tmexxija Ewropea ("ECSEL ITK") li bdiet l-attività tagħha f'Ġunju 2014 u se tibqa' topera għal 10 snin,

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għall-perjodu mill-1 ta' Jannar sas-26 ta' Ġunju 2014 jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha sas-26 ta' Ġunju 2014 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi tal-flus tagħha għall-perjodu li ntemm dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni;

2.  Jinsab imħasseb li l-Qorti tal-Awdituri (il-"Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2014 (ir-"rapport tal-Qorti") ħarġet opinjoni kwalifikata dwar ir-regolarità u l-legalità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi abbażi li l-ftehimiet amministrattivi ffirmati mal-awtoritajiet ta' finanzjament nazzjonali dwar l-awditjar tad-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż tal-proġetti ma jinkludux arranġamenti prattiċi dwar l-awditi ex post;

3.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Impriża Konġunta ma vvalutatx il-kwalità tar-rapporti tal-awditjar li rċeviet mingħand l-awtoritajiet ta' finazjament nazzjonali fir-rigward tal-ispejjeż relatati ma' proġetti lesti; jinnota, barra minn hekk, li, wara valutazzjoni tal-istrateġiji tal-awditjar ta' tliet awtoritajiet ta' finanzjament nazzjonali, ma kienx possibbli li jiġi determinat jekk l-awditi ex post humiex qegħdin jiffunzjonaw b'mod effikaċi minħabba l-metodoloġiji differenti użati mill-awtoritajiet ta' finanzjament nazzjonali li ma ppermettewx lill-Impriża Konġunta tikkalkula rata ta' żball ipponderata jew rata ta' żball residwa; jinnota li l-ECSEL ITK ikkonfermat li l-valutazzjoni estensiva tagħha tas-sistemi ta' assigurazzjoni nazzjonali kkonkludiet li dawn jistgħu jipprovdu protezzjoni raġonevoli tal-interessi finanzjarji tal-membri tal-Impriża Konġunta;

4.  Jistieden lill-Impriża Konġunta ECSEL, wara l-valutazzjoni tal-proċeduri applikati mill-awtoritajiet ta' finanzjament nazzjonali, biex tistieden lill-awtoritajiet ta' finanzjament nazzjonali jippreżentaw provi li l-implimentazzjoni tal-proċeduri nazzjonali tipprovdi assigurazzjoni raġonevoli dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet;

5.  Jinnota li r-rapport tal-Qorti jinkludi opinjoni kwalifikata li hija bbażata fuq in-nuqqas ta' informazzjoni meħtieġa għall-kalkolu ta' rata ta' żball ipponderat jew ta' rata ta' żball residwu wara l-awditi ex post mill-awtoritajiet ta' finanzjament nazzjonali; jistieden lill-Qorti tiġbor dokumenti u informazzjoni addizzjonali u meħtieġa, li l-Impriża Konġunta m'għandhiex is-setgħa li tirrikjedi minn korpi nazzjonali tal-awditjar jew mid-dipartimenti kompetenti nazzjonali skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 287(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea; barra minn hekk, jistieden lill-Qorti tuża dik l-informazzjoni addizzjonali bħala mod alternattiv biex tiġġustifika l-opinjoni tagħha u tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-valutazzjoni tagħha ta' dawk l-elementi addizzjonali;

6.  Jieħu nota tal-fatt li, skont ir-rapport tal-Qorti, il-baġit finali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2014 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn li jammontaw għal EUR 2 554 510 u approprjazzjonijiet ta' pagament li jammontaw għal EUR 30 330 178 (operattivi);

7.  Jinnota li l-baġit inizjali għall-2014 kien jinkludi biss approprjazzjonijiet ta' impenn għal spejjeż ta' ġestjoni li jammontaw għal EUR 2 200 000 u li l-baġit ma kienx jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn għal attivitajiet operattivi; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' użu għall-approprjazzjonijiet ta' impenn amministrattivi kienet ta' 38 %; josserva li, skont ir-rapport tal-Qorti, dawn l-approprjazzjonijiet huma dovuti għall-fużjoni tal-Impriża Konġunta mal-ENIAC f'Ġunju 2014 u l-fatt li l-baġit ġie adottat għal dik is-sena sħiħa;

8.  Ifakkar lill-Impriża Konġunta dwar l-obbligu tagħha li tirrispetta l-proporzjon ta' 1 sa 1,8 bejn il-kontribuzzjonijiet tal-Unjoni u tal-Istati Membri; jinnota b'nuqqas ta' sodisfazzjoni li l-ammont tal-approprjazzjonijiet ta' impenn għas-sejħiet għal proposti kien ta' EUR 198 000 000 li jirrappreżenta 48 % tal-baġit totali; josserva, madankollu, li, skont ir-rapport tal-Qorti, ir-restrizzjonijiet baġitarji fl-Istati Membri ma ppermettewx l-impenn tal-parti li fadal tal-baġit, li tirrappreżenta 52 % tat-total tal-baġit;

9.  Jinnota l-ammont limitat ta' informazzjoni dwar il-kontribuzzjonijiet in natura u fi flus; jistieden lill-Qorti tinkludi fir-rapporti futuri, disposizzjonijiet konreti dwar il-proċedura ta' evalwazzjoni u l-livell ta' kontribuzzjoni in natura u fi flus;

Qafas ġuridiku

10.  Huwa konxju tal-fużjoni tal-Impriża Konġunta f'Ġunju 2014; madankollu, jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-Impriża Konġunta ma emendatx ir-regoli finanzjarji tagħha sabiex ikunu konformi mar-Regolament Finanzjarju l-ġdid(1) applikabbli għal korpi ta' sħubija pubblika-privata, li daħal fis-seħħ fit-8 ta' Frar 2014;

Awditjar intern

11.  Jinnota li l-Impriża Konġunta ma emendatx ir-regoli finanzjarji tagħha sabiex tinkludi d-dispożizzjoni dwar id-Deċiżjoni dwar is-Seba' Programm Kwadru(2) li tirreferi għas-setgħat tal-Awditur Intern tal-Kummissjoni; jirrikonoxxi li dan kien minħabba l-fużjoni mal-ENIAC biex tifforma l-ECSEL ITK;

Kontroll intern

12.  Jinnota bi tħassib li l-Impriża Konġunta ma ħadet ebda azzjoni rigward ċerti standards ta' kontroll intern relatati mal-informazzjoni u r-rappurtar finanzjarju: b'mod partikolari, evalwazzjoni tal-attivitajiet, valutazzjoni tas-sistemi ta' kontroll intern u kapaċità ta' awditjar intern ("IAC"); josserva li dan kien minħabba l-fużjoni imminenti; jitlob lill-ECSEL ITK tinforma lill-awtorità ta' kwittanza tal-miżuri li ttieħdu u l-progress li nkiseb f'dan ir-rigward;

13.  Jinnota b'sodisfazzjon li, għalkemm il-funzjoni tal-IAC ma ġietx stabbilita fiż-żmien tal-fużjoni, din ġiet stabbilita ftit wara l-fużjoni, fl-4 ta' Lulju 2014;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

14.  Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li l-Impriża Konġunta fiż-żmien tal-awditu ma kellhiex fis-seħħ proċedura komprensiva bil-miktub biex tittratta l-kunflitti ta' interess; jirrikonoxxi, li l-Bord ta' Tmexxija tal-ECSEL ITK adottata politika komprensiva biex jevita l-kunflitti ta' interess;

15.  Jieħu nota tal-fatt li l-programm ta' ħidma tal-2016 tal-Qorti jinkludi rapport speċjali dwar l-awditu tal-prestazzjoni ta' Impriżi Konġunti.

(1)Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell ir-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 38, 7.2.2013, p. 2).
(2)Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2006 dwar is-Seba' Programm Kwadru tal-Komunità Ewropea għall-attivitajiet ta' riċerka, ta' żvilupp teknoloġiku u ta' dimostrazzjoni (2007-2013) (ĠU L 412, 30.12.2006, p. 1).

Avviż legali