Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2196(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0097/2016

Testi mressqa :

A8-0097/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.62
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0198

Testi adottati
PDF 538kWORD 115k
Il-Ħamis, 28 ta' April 2016 - Brussell Verżjoni finali
Kwittanza 2014 - L-Impriża Konġunta għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni
P8_TA(2016)0198A8-0097/2016
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2196(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05587/2016 – C8-0052/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferilha vantaġġi(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0097/2016),

1.  Jiddifferixxi d-deċiżjoni tiegħu dwar l-għoti ta' kwittanza lid-Direttur tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 422, 17.12.2015, p. 33.
(2) ĠU C 422, 17.12.2015, p. 34.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58.
(5) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2196(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabilità tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05587/2016 – C8-0052/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/198/Euratom tas-27 ta' Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u għall-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferilha vantaġġi(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(3) tagħha,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0097/2016),

1.  Jipposponi l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 422, 17.12.2015, p. 33.
(2) ĠU C 422, 17.12.2015, p. 34.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58.
(5) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2196(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0097/2016),

A.  billi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni (l-"Impriża Konġunta") ġiet stabbilita f'Marzu 2007 għal perjodu ta' 35 sena,

B.  billi l-membri tal-Impriża Konġunta huma l-Euratom, irrappreżentata mill-Kummissjoni, l-Istati Membri tal-Euratom u pajjiżi terzi li kkonkludew ftehimiet ta' kooperazzjoni mal-Euratom fil-qasam tal-fużjoni nukleari kontrollata,

C.  billi l-Impriża Konġunta bdiet taħdem b'mod awtonomu f'Marzu 2008,

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2014 (ir-"rapport tal-Qorti"), iddikjarat li l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2014 u r-riżultati tal-operazzjonijiet tagħha u l-flussi ta' flus tagħha għas-sena li kienet għadha kif intemmet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet tar-regolamenti finanzjarji tagħha;

2.  Jinnota li l-istituzzjonijiet u l-korpi jeħtiġilhom jipproduċu kull sena rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja, u li l-informazzjoni pprovduta mill-Impriżi Konġunti f'dan ir-rapport kienet nieqsa mill-armonizzazzjoni u spiss ma kinitx kompluta; jinnota li tinħtieġ gwida mill-Kummissjoni fir-rigward tan-natura u l-kontenut tar-rapport;

3.  Jinnota li r-rapport tal-Qorti enfasizza l-fatt li l-konklużjonijiet tal-Kunsill adottati fis-7 ta' Lulju 2010(1) approvaw EUR 6 600 000 000 (fil-valuri tal-2008) għall-kontribuzzjoni tal-Impriża Konġunta lill-fażi ta' kostruzzjoni tal-Proġett ITER; jinnota li dik iċ-ċifra, li rdoppjat il-kosti inizjali bbaġitjati għal din il-fażi tal-proġett, ma kinitx tinkludi l-EUR 663 000 000 proposti mill-Kummissjoni fl-2010 biex ikopru kontinġenzi potenzjali; jirrikonoxxi li l-Organizzazzjoni ITER stabbiliet Fond ta' Riżerva bl-għan li jipprovdi mekkaniżmu aktar ċar li jikkumpensa lill-aġenziji domestiċi għal bidliet fid-disinn u jipprovdi inċentivi għall-organizzazzjoni interna biex tadotta soluzzjonijiet li jimminimizzaw il-kosti f'tentattiv biex tirrettifika d-dgħufija identifikata mill-Valutazzjoni tal-Ġestjoni tal-ITER tal-2013(2); iqis li ż-żieda notevoli fil-kosti tal-proġett tista' tikkomprometti lill-programmi l-oħrajn li huma wkoll iffinanzjati mill-baġit tal-Unjoni u tista' tmur kontra l-prinċipju tal-"valur għall-flus";

4.  Jinnota bi tħassib li l-kumplessità tal-attivitajiet tal-Impriża Konġunta jimplikaw li l-ammont tal-kontribuzzjoni għall-fażi ta' kostruzzjoni tal-proġett mill-Impriża Konġunta huwa espost għal riskji sinifikanti ta' żieda; josserva li dawn ir-riskji jirriżultaw prinċipalment minn tibdil fl-ambitu tar-riżultati tanġibbli tal-proġett kif ukoll minn dewmien fl-iskeda attwali li kienet meqjusa bħala mhux realistika u li r-rilaxx ta' pjan ġdid ta' azzjoni tal-Organizzazzjoni ITER, inkluż l-ambitu, l-iskeda u l-kosti (il-"pjan ta' azzjoni l-ġdid tal-ITER"), mill-Kunsill tal-Organizzazzjoni ITER ("il-Kunsill tal-ITER"), ippjanat għall-Ġunju 2015, ġie pospost sa Novembru 2015 u issa hu skedat għal nofs l-2016; jinnota, barra minn hekk, li fiż-żmien tal-awditu, l-Impriża Konġunta stmat li d-dewmien għall-fażi ta' kostruzzjoni tal-proġett kien mill-inqas 43 xahar; jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta diġà qiegħda tadotta politika stretta dwar dan ta' hawn fuq u qed toqgħod lura milli tipproċedi b'azzjonijiet ta' akkwist sakemm l-ispeċifikazzjonijiet għal kuntratti jkunu stabbli biżżejjed; jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta wettqet rieżami tal-iskedi tal-akkwist għas-sistemi kollha biex tiżgura li t-tul tal-attivitajiet ikunu korretti u li l-ħidma ppjanata tkun fattibbli fil-qies tar-riżorsi disponibbli fi ħdan l-organizzazzjoni(3);

5.  Jieħu nota tal-fatt li l-aktar stima reċenti tad-defiċit (kontinġenza negattiva) sal-finalizzazzjoni tal-fażi ta' kostruzzjoni, ikkalkolata mill-Impriża Konġunta f'Novembru 2014, kienet ta' EUR 428 000 000 (valuri tal-2008); jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta attwalment qiegħda taħdem fuq stima aktar preċiża u aġġornata permezz ta' miżuri ta' trażżin tal-kosti u li l-kontroll tal-kosti ser ikompli jkun prijorità fuq il-livell globali tal-ġestjoni tal-proġett taħt it-tmexxija tad-Direttur Ġenerali l-ġdid tal-Organizzazzjoni ITER; jirrimarka li, matul il-laqgħa tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit li saret fit-22 ta' Frar 2016, il-Kummissjoni ddikkjarat pubblikament li "ċaħdet" il-proposta tal-pjan ta' azzjoni magħmula mid-Direttur Ġenerali l-ġdid tal-Organizzazzjoni ITER; jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta implimentat sistema ċentrali biex tiġġestixxi d-data tal-ikkostjar sabiex iżżomm kontroll mill-qrib fuq l-evoluzzjoni tal-baġit u tissorvelja d-devjazzjonijiet fil-kosti fuq bażi regolari(4);

6.  Iħeġġeġ lid-Direttur Ġenerali l-ġdid tal-Organizzazzjoni ITER biex iressaq pubblikament il-pjan ta' azzjoni l-ġdid tal-ITER; jistenna li l-pjan ta' azzjoni l-ġdid tal-ITER jevita b'mod ċar kwalunkwe dewmien ulterjuri jew kosti addizzjonali lill-Proġett ITER;

7.  Jistieden lill-Impriża Konġunta biex tipparteċipa b'mod attiv fil-pjan ta' azzjoni l-ġdid tal-ITER, li għandu jinkludi l-iskeda u l-ambitu tal-proġett; jistenna li l-pjan ta' azzjoni l-ġdid tal-ITER jinkludi miżuri biex jiġu indirizzati l-osservazzjonijiet kollha rikonoxxuti mill-Qorti.

8.  Jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta għadha qed tiżviluppa sistema ċentrali u uniformi biex tintegra d-data operazzjonali kollha u biex tippermetti monitoraġġ u kontroll regolari tal-istimi, il-kosti u d-devjazzjonijiet; jissottolinja l-importanza li tkun implimentata sistema bħal din; jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta għadha m'aġġornatx il-valutazzjoni tal-kontribuzzjoni mill-Impriża Konġunta lill-Proġett ITER lil hinn mill-finalizzazzjoni tal-fażi ta' kostruzzjoni; jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta għandha sistema għalkollox operazzjonali biex tikkontrolla u timmonitorja l-kosti fil-livell tal-arranġamenti ta' akkwist u fil-livell tas-sistema, għalkemm fiż-żmien tal-awditjar ma kienx għad kellha d-data kollha fil-livell 6 (kuntratti); jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta stmat il-kosti li jikkonċernaw proġetti fit-timijiet ta' proġetti individwali u mhux b'mod ċentralizzat u uniformi; jinnota li l-Impriża Konġunta tħaddem numru ta' għodod ta' ġestjoni tad-data biex iżżomm u tiġġestixxi d-data operattiva u finanzjarja tagħha, integrati minn sistema ta' rapportar ċentrali, u li x-xogħol jinsab għaddej biex itejjeb is-sistema tagħha għall-ġestjoni ta' data tal-kosti u tad-devjazzjonijiet;

9.  Jaċċerta li, minħabba fl-isfidi li l-Proġett ITER qed jiffaċċja bħalissa, id-Direttur Ġenerali l-ġdid tal-Organizzazzjoni ITER ressaq pjan ta' azzjoni lill-Kunsill tal-ITER b'miżuri speċifiċi biex jindirizzaw ir-restrizzjonijiet prinċipali li bħalissa qed jaffettwaw l-iżvilupp tal-proġett; jinnota, barra minn hekk, li, fir-rigward tal-Impriża Konġunta, l-aġent direttur il-ġdid ipprepara pjan ta' azzjoni għall-Impriża Konġunta li fil-biċċa l-kbira jappoġġja l-pjan ta' azzjoni tal-Organizzazzjoni ITER; jirrikonoxxi li l-aġent direttur tal-Impriża Konġunta ressaq il-pjan ta' azzjoni lill-Bord ta' Tmexxija tal-Impriża Konġunta f'Marzu 2015, meta l-pjan ġie approvat b'mod sħiħ, u li l-pjan ta' azzjoni tal-Impriża Konġunta jikkomplementa l-pjan ta' azzjoni tal-Organizzazzjoni ITER f'għadd ta' aspetti u jidentifika aktar titjib fl-operazzjonijiet proprji tal-Impriża Konġunta; josserva li, fiż-żmien tal-awditjar, il-miżuri prattiċi għall-implimentazzjoni taż-żewġ pjanijiet ta' azzjoni kienu għadhom qed jiġu stabbiliti; jinnota, barra minn hekk, li minn Marzu 2015, dawk il-pjanijiet ta' azzjoni ġew implimentati u segwiti mill-qrib mill-Organizzazzjoni ITER u mill-Impriża Konġunta, u li huwa mistenni li jġibu titjib;

10.  Jinnota li l-Kunsill tal-ITER approva wkoll skeda ta' ħidma għall-Organizzazzjoni ITER għas-snin 2016 u 2017, flimkien ma' ġabra ta' miri li jridu jintlaħqu f'dawk is-snin; jitlob lill-Impriża Konġunta tressaq dawk il-miri b'aktar dettall lill-awtorità ta' kwittanza;

11.  Jieħu nota tal-fatt li l-baġit finali 2014 disponibbli għall-implimentazzjoni kien jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn ta' EUR 1 168 800 000 u approprjazzjonijiet ta' pagament ta' EUR 576 600 000; ir-rati ta' użu għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' dawk ta' pagament kienu ta' 100 % u 88,5 % rispettivament; jinnota, madankollu, li r-rata ta' implimentazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta' pagament fir-rigward tal-baġit inizjali 2014 kienet ta' 73 %;

12.  Josserva li, fir-rigward tal-approprjazzjonijiet ta' impenn, 23 % ġew implimentati permezz ta' impenji individwali diretti filwaqt li s-77 % li kien fadal ġew implimentati permezz ta' impenji globali; josserva li r-rata baxxa ta' implimentazzjoni mil-lat tal-impenji individwali hija spjegata permezz tad-dewmien kumplessiv tal-Proġett ITER u l-bosta talbiet għal bidliet magħmula mill-Organizzazzjoni ITER;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

13.  Jieħu nota tal-fatt li sar progress sinifikanti u l-maġġoranza tas-CVs tal-Bord ta' Tmexxija u tal-membri tal-korpi sussidjajrji tal-Impriża Konġunta ġew ippubblikati fuq is-sit elettroniku tagħha; jinnota, barra minn hekk, li, f'konformità mar-regoli ta' proċedura tal-Bord ta' Tmexxija, dawk il-membri li jonqsu milli jippubblikaw is-CVs tagħhom ma jkunux jistgħu jaċċedu għas-sistema ta' ġestjoni tad-dokumenti tal-Impriża Konġunta li fiha d-dokumentazzjoni tal-Bord ta' Tmexxija(5);

Ftehim mal-Istat Ospitanti

14.  Jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta laqgħet l-offerta magħmula mir-Renju ta' Spanja, li ppropona bini ġdid kondiviż ma' istituzzjoni Spanjola; josserva, madankollu, li ma ntlaħaqx ftehim minħabba li, wara li saret analiżi minn arkitett indipendenti estern, instab li l-ispazju disponibbli ma kienx idoneu(6); iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-eżitu tan-negozjati reċenti rigward kuntratt ġdid fil-bini ospitanti eżistenti;

Kondizzjonijiet tax-xogħol

15.  Huwa mħasseb ħafna bil-fatt li l-Impriża Konġunta għadha ma adottatx ir-regoli kollha li jimplimentaw ir-Regolamenti tal-Persunal; jinnota bi tħassib li l-Impriża Konġunta invokat żewġ miżuri tranżitorji sabiex jiġi evitat vakwu ġuridiku sakemm jiġu adottati formalment ir-regoli ta' implimentazzjoni pendenti għar-Regolamenti tal-Persunal; jinnota, madankollu, li sar progress f'dan ir-rigward; iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta tirrimedja s-sitwazzjoni b'mod urġenti; jistieden lill-Impriża Konġunta tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar aktar żviluppi u dwar l-istat ta' implimentazzjoni(7);

Sistemi ta' kontroll intern

16.  Jinnota li fl-2014, il-Kapaċità tal-Awditjar Intern tal-Impriża Konġunta ("IAC") wettqet rieżami tal-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-kuntratt u ddeskriviet fil-qosor l-eżistenza ta' fatturi importanti ta' riskju bħat-tfassil immatur ta' xi wħud mill-attivitajiet tal-ITER, l-għadd kbir ta' talbiet għal bidliet tal-proġett, l-iskeda mhux realistika tal-proġett u d-dewmien fl-implimentazzjoni tal-attivitajiet; josserva li hu diffiċli għall-Impriża Konġunta li tnaqqas xi wħud minn dawn ir-riskji b'mod effikaċi, peress li huma attribwibbli għall-Organizzazzjoni ITER; jinnota, barra minn hekk, li r-rieżami identifika wkoll li kontrolli aktar b'saħħithom u bidliet fil-proċessi huma meħtieġa, b'mod partikolari fil-kontroll tal-ġestjoni u tal-bidliet, fil-ġestjoni finanzjarja tal-kuntratti u fil-ġestjoni ta' nuqqasijiet ta' konformità;

17.  Jinnota bi tħassib mir-rapport tal-Qorti li s-sistema interna għall-ġestjoni tar-riskju korporattiv tal-Impriża Konġunta identifikat għaxar riskji ġodda fl-2014; jinnota li, mit-32 azzjoni identifikati biex jiġu indirizzati s-sitt riskji għoljin ħafna, 13 ġew implimentati, disgħa kienu għaddejjin, waħda ġiet ikkanċellata bħala skaduta, u disgħa ma kienux inbdew fiż-żmien tal-awditjar;

18.  Jaċċerta li s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni ("IAS") wettaq rieżami limitat dwar il-ġestjoni tal-kuntratti u rrimarka li l-Impriża Konġunta qed tinbidel minn organizzazzjoni prinċipalment orjentata lejn l-akkwist għal organizzazzjoni li prinċipalment tiġġestixxi l-kuntratti; josserva li r-rieżami kkonkluda li l-Impriża Konġunta qed tagħmel progress fl-istabbiliment ta' kontrolli mal-entitajiet kollha sabiex tindirizza r-riskji relatati mal-implimentazzjoni tal-kuntratti; josserva, madankollu, li hija identifikat ukoll ċertu numru ta' oqsma fejn il-kontrolli fis-seħħ mhumiex maturi biżżejjed, b'mod partikolari fir-rigward tal-ġestjoni ta' emendi għal kuntratti u tal-kontinġenzi;

Għotjiet u kuntratti għall-akkwist operazzjonali

19.  Jirrikonoxxi mir-rapport tal-Qorti li l-proċeduri nnegozjati kkostitwew 58 % mis-67 proċedura tal-offerti operattivi mnedija fl-2014, u li hemm lok għal titjib tal-proċeduri ta' akkwist;

20.  Jesprimi tħassib dwar il-fatt li r-rapport tal-Qorti sab li, b'eċċezzjoni waħda, l-Impriża Konġunta naqset milli tipprovdi l-ammont allokat lill-kuntratti differenti mill-baġit limitat għal massimu ta' EUR 6 600 000 000 fiż-żmien tat-tnedija tal-proċedura u ma pprovdietx il-valur għall-istima mat-tlestija ("EAC") ta' dawn l-attivitajiet; ifakkar lill-Impriża Konġunta li din l-informazzjoni hija essenzjali biex jiġu kkalkolati d-devjazzjonijiet tal-kosti mil-baġit limitat għal valur massimu; jinnota, barra minn hekk, li f'każ minnhom, id-devjazzjoni tal-valur mogħti tal-kuntratt fuq il-linja bażi tal-kosti kien ta' 29 % u li din id-devjazzjoni ma ġietx irrappurtata fir-rapport tal-kumitat ta' evalwazzjoni; iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta biex tkun trasparenti u tirrispetta b'mod strett il-prinċipji tal-ġestjoni finanzjarja tajba;

21.  Jinnota bi tħassib li r-rapport tal-Qorti jirreferi għal nuqqasijiet li nstabu waqt il-valutazzjoni tal-offerti finanzjarji mill-kumitat għall-evalwazzjoni; josserva li, f'kaz minnhom, la l-għażliet kuntrattwali, li jammontaw għal EUR 32 000 000, u lanqas il-kosti addizzjonali li għandhom jiġġarrbu ma tqiesu fil-valutazzjoni; jinnota li, f'każ ieħor, l-offerti ma tqabblux mal-valur allokat mill-baġit limitat għal valur massimu, jew mal-linja bażi tal-kosti; jirrimarka li r-rapporti tal-kumitat tal-evalwazzjoni ma ddikjarawx l-EAC għal dawn il-kuntratti f'kull proċedura li ġiet rieżaminata;

22.  Jinnota li l-prestazzjoni ta' ċerti proċeduri ta' akkwist kienet affettwata minn dewmien, u li fi proċedura waħda ta' akkwist, l-Impriża Konġunta kellha tinkludi attività mhux prevista u mhux ibbaġitjata fil-programm ta' ħidma tal-2014, li tirriżulta f'kuntratt addizzjonali ta' EUR 2 880 000; josserva, li fi proċedura minnhom ta' akkwist, il-valutazzjoni tal-kriterji tekniċi tal-għoti pprovduta mill-kumitat ta' evalwazzjoni fir-rapport tal-kumitat ta' evalwazzjoni kienet ġenerika wisq u l-kummenti rreġistrati ma kinux dettaljati b'mod suffiċjenti biex jappoġġjaw il-punteġġi mogħtija; jinnota, barra minn hekk, li fi tliet proċeduri ta' akkwist, għalkemm hi ppubblikat l-avviżi korrispondenti dwar kuntratti u wettqet għadd ta' attivitajiet ta' qabel l-akkwist, l-Impriża Konġunta ma rreklamatx il-kuntratti permezz ta' avviż ta' informazzjoni minn qabel sabiex iżżid il-viżibbiltà u l-kompetizzjoni, kif irrakkomandat mill-Vademecum tal-Kummissjoni dwar l-akkwist pubbliku;

Kontroll u monitoraġġ kumplessivi ta' għotjiet u kuntratti ta' akkwist operazzjonali

23.  Jirrikonoxxi li l-pjanijiet ta' azzjoni adottati mill-Impriża Konġunta, b'rispons għall-awditi interni taċ-ċirkwiti finanzjarji, il-ġestjoni tal-għotjiet u l-kuntratti tal-esperti, ġew implimentati kompletament, jew fil-biċċa l-kbira tagħhom, fiż-żmien tal-awditjar sa Marzu 2015; jinnota, barra minn hekk, li, minn 46 rakkomandazzjoni li għadhom għaddejja, l-iskadenzi għall-implimentazzjoni ta'29 rakkomandazzjoni kienu skadew, rigward il-pjanijiet ta' azzjoni adottati mill-Impriża Konġunta b'rispons għall-awditi interni mwettqa;

24.  Josserva li l-awditi ex-post dwar l-għotjiet ma kinux konklużi fil-mument meta l-Qorti wettqet l-awditu;

Qafas ġuridiku

25.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li l-Impriża Konġunta ma emendatx ir-regoli finanzjarji tagħha sabiex jirriflettu l-bidliet li rriżultaw mir-Regolament Finanzjarju l-ġdid(8) u mill-qafas tar-regolament finanzjarju għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament Finanzjarju l-ġdid(9); jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta adottat miżuri u bdiet djalogu mal-Kummissjoni sabiex tinstab soluzzjoni għal dik il-kwistjoni(10); jitlob lill-Impriża Konġunta tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li sar f'dan ir-rigward;

Drittijiet ta' proprjetà intellettwali u politika industrijali

26.  Jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta tqis il-miżuri fis-seħħ bħala effiċjenti biex itaffu r-riskji u jżidu l-kompetizzjoni; jinnota li, fir-rigward tal-politika industrijali, l-Impriża Konġunta implimentat 24 mit-32 azzjoni previsti sal-aħħar tas-sena finanzjarja 2014(11);

27.  Jaċċerta li l-Impriża Konġunta ħadet miżuri rigward drittijiet esklużivi ta' sfruttament fuq proprjetà intellettwali prodotta f'oqsma lil hinn mill-fużjoni; jinnota, barra minn hekk, li l-Impriża Konġunta kellha l-intenzjoni tiżviluppa definizzjonijiet u metodoloġiji biex jiġu identifikati applikazzjonijiet tal-fużjoni; ifakkar l-importanza kbira ta' din il-kwistjoni; jitlob lill-Impriża Konġunta tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li sar f'dan ir-rigward(12).

(1) Il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-istatus tal-ITER tas-7 ta' Lulju 2010 (ref. 11902/10).
(2) Rapport ta' segwitu għall-Kwittanza 2013.
(3) Rapport ta' segwitu għall-Kwittanza 2013.
(4) Rapport ta' segwitu għall-Kwittanza 2013.
(5) Rapport ta' segwitu għall-Kwittanza 2013.
(6) Rapport ta' segwitu għall-Kwittanza 2013.
(7) ITER AAR - p. 104 & Rapport ta' segwitu għall-Kwittanza 2013.
(8) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(9) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.
(10) Rapport ta' segwitu għall-Kwittanza 2013.
(11) Rapport ta' segwitu għall-Kwittanza 2013.
(12) Rapport ta' segwitu għall-Kwittanza 2013.

Avviż legali