Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2197(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0089/2016

Testi mressqa :

A8-0089/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.63
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0199

Testi adottati
PDF 442kWORD 100k
Il-Ħamis, 28 ta' April 2016 - Brussell
Kwittanza 2014: L-Impriża Konġunta SESAR
P8_TA(2016)0199A8-0089/2016
Deċiżjoni
 Deċiżjoni
 Riżoluzzjoni

1. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2197(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05587/2016 – C8-0053/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta' Frar 2007 dwar l-istabbiliment ta' Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta' ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR)(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(b) tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0089/2016),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta SESAR għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta SESAR, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 422, 17.12.2015, p. 70.
(2) ĠU C 422, 17.12.2015, p. 72.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1.
(5) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


2. Deċiżjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2197(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mar-risposta tal-Impriża Konġunta(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05587/2016 – C8-0053/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 219/2007 tas-27 ta' Frar 2007 dwar l-istabbiliment ta' Impriża Konġunta għall-iżvilupp tas-sistema Ewropea ta' ġenerazzjoni ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (SESAR)(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 4(b) tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0089/2016),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta SESAR, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

(1) ĠU C 422, 17.12.2015, p. 70.
(2) ĠU C 422, 17.12.2015, p. 72.
(3) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
(4) ĠU L 64, 2.3.2007, p. 1.
(5) ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
(6) ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.


3. Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta' April 2016 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2014 (2015/2197(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta SESAR għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0089/2016),

A.  billi l-Impriża Konġunta SESAR ("l-Impriża Konġunta") twaqqfet fi Frar 2007 biex tmexxi l-programm ta' Riċerka dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku bl-Ajru tal-Ajru Uniku Ewropew (SESAR), li hu intenzjonat biex jimmodernizza l-ġestjoni tat-traffiku fl-Ewropa,

B.  billi l-Impriża Konġunta SESAR 2 ħadet post l-Impriża Konġunta SESAR f'Ġunju 2014 skont l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 721/2014, u estendiet it-tul ta' żmien tal-Impriża Konġunta għall-perjodu sal-31 ta' Diċembru 2024,

C.  billi l-proġetti SESAR huma maqsumin f'''fażi ta' definizzjoni" (2004-2007) immexxija minn Eurocontrol, "fażi ta' żvilupp" inizjali (2008-2016) iffinanzjata mill-perjodu ta' programmazzjoni 2008-2013 ġestita mill-Impriża Konġunta u "fażi ta' twaqqif" (2014-2020) attiva b'mod parallel mal-"fażi ta' żvilupp"; billi l-fażi ta' twaqqif mistennija titmexxa mill-industrija u l-partijiet interessati għall-produzzjoni u l-implimentazzjoni fuq skala kbira tal-infrastruttura l-ġdida għall-ġestjoni tat-traffiku bl-ajru,

D.  billi l-Impriża Konġunta bdiet taħdem b'mod awtonomu fl-2007,

E.  billi l-Impriża Konġunta ġiet iddisinjata bħala sħubija pubblika-privata, bl-Unjoni u Eurocontrol bħala membri fundaturi,

F.  billi l-baġit għall-fażi ta' żvilupp 2008-2016 tal-proġett SESAR huwa ta' EUR 2 100 000 000, u għandu jiġi pprovdut f'partijiet ugwali mill-Unjoni, Eurocontrol u s-sħab pubbliċi u privati parteċipanti,

Ġenerali

1.  Jikkonstata li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri huwa bbażat fuq wisq rimarki ġenerali għad-detriment ta' rimarki vijabbli u speċifiċi; jappella għalhekk li jsir awditu b'enfasi akbar fuq il-prestazzjoni finanzjarja annwali, l-istatus ta' implimentazzjoni tal-proġetti pluriennali (inkluża preżentazzjoni ċara tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena rispettiva u għas-snin preċedenti) u r-riżultati u l-implimentazzjoni tagħhom;

2.  Jinnota li l-Istituzzjonijiet u l-Korpi kull sena jeħtiġilhom jipproduċu Rapport dwar il-Ġestjoni Baġitarja u Finanzjarja, u li l-informazzjoni pprovduta mill-Impriża Konġunti f'dan ir-rapport kienet nieqsa mill-armonizzazzjoni u spiss ma kinitx kompluta; hemm bżonn ta' gwida min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tan-natura u l-kontenut tar-rapport;

3.  Jieħu nota tal-fatt li l-programm ta' ħidma tal-Qorti tal-Awdituri għall-2016 jinkludi rapport speċjali dwar l-awditu tal-prestazzjoni tal-Impriżi Konġunti;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

4.  Jikkonstata mir-rapport tal-Kontijiet Annwali Finali li l-baġit finali tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2014 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn li jammontaw għal EUR 13 119 600 u approprjazzjonijiet ta' pagament li jammontaw għal EUR 121 942 760(1);

5.  Jinnota li r-rata ta' utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta' impenn kienet ta' 99,4 % (99,6 % fl-2013); jinnota barra minn hekk li r-rata ta' utilizzazzjoni għall-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 79,8 % (94,4 % fl-2013)(2);

6.  Jieħu nota tal-fatt li tliet pagamenti minn 15-il dikjarazzjoni ta' spejjeż annwali tal-membri, ġew posposti mill-aħħar tal-2014 għall-bidu tal-2015; jistieden lill-Impriża Konġunta u lill-membri tagħha jippreżentaw id-dikjarazzjonijiet tal-ispejjeż fi żmien debitu u jevitaw posponimenti, u jiżguraw li l-ġestjoni finanzjarja tar-riżorsi finanzjarji tagħha tkun tajba dejjem;

7.  Jinnota li r-Regoli Finanzjarji tal-Impriża Konġunta għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014-2020 ġew adottati fil-25 ta' Ġunju 2015 mill-Bord Amministrattiv(3), skont Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni adottata fl-4 ta' Ġunju 2015, li tawtorizza li jkun hemm derogi fir-rigward tar-Regoli Finanzjarji għall-Impriża Konġunta mir-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013;

8.  Jindika li, sal-31 ta' Diċembru 2014, il-fażi ta' żvilupp tal-Impriża Konġunta kienet tinkludi ħidma fuq proġetti minn 16-il membru (inkluża Eurocontrol) dwar attivitajiet tal-programm li jinvolvu aktar minn 100 entità privata u pubblika u sottokuntratturi; jilqa' l-fatt li, mit-369 proġett tal-programm SESAR li jaqgħu taħt ir-raba' emenda għall-Ftehim Qafas Multilaterali, 348 (94 %) kienu qed jiġu implimentati jew kienu ġew ikkompletati(4);

9.  Jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li ġew impenjati 100 % (EUR 556 miljun) tal-kontribuzzjonijiet ta' kofinanzjament tal-Unjoni u ta' Eurocontrol pagabbli lill-15-il membru l-oħrajn (mill-1 ta' Jannar 2014 'l hawn) taħt ir-raba' emenda għall-Ftehim Qafas Multilaterali; jikkonstata barra minn hekk li 66 % (EUR 369 miljun) tħallsu sal-31 ta' Diċembru 2014, filwaqt li l-34 % (EUR 187 miljun) li fadal mistennija jitħallsu sal-31 ta' Diċembru 2017(5);

10.  Jieħu nota tan-nuqqas ta' informazzjoni rigward l-awditi ex-post imwettqa minn SESAR u SESAR2; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex fir-rapporti futuri tinkludi informazzjoni dwar l-għadd ta' awditi ex-post, l-ammonti totali koperti u s-sejbiet;

11.  Jinnota li l-eżekuzzjoni tal-baġit allokat lis-Seba' Programm Kwadru (FP7) hija ta' 99,44 % għall-impenji (EUR 13 046 425 minn EUR 13 119 600) u 79,82 % għall-pagamenti (EUR 97 328 996 minn EUR 121 942 760)(6); jinnota barra minn hekk li ċ-ċifri ma kinux disponibbli għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament allokati għal Orizzont 2020; iqis li, fin-nuqqas ta' separazzjoni ċara bejn l-informazzjoni relatata mal-implimentazzjoni tal-FP7 u Orizzont 2020, dawk l-indikaturi (approprjazzjonijiet u impenji) ma jiżgurawx evalwazzjoni reali tal-prestazzjoni; jistieden lill-Impriża Konġunta tipprovdi lill-awtorità ta' kwittanza b'informazzjoni li tikkonċerna s-sena finanzjarja 2014 u biex tinkludi b'mod separat fir-rapporti tas-snin futuri, informazzjoni rigward l-eżekuzzjoni tal-baġit għall-FP7 u Orizzont 2020;

12.  Jinnota li l-programmi tal-Impriża Konġunta ffinanzjati taħt l-FP7 għadhom għaddejjin; jieħu nota tal-fatt li dawn l-approprjazzjonijiet jibqgħu disponibbli sal-2016 minħabba r-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta li jippermettulha terġa' ddaħħal l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament tagħha sa massimu ta' tliet snin wara li jkunu ġew ikkanċellati mill-baġit tal-Impriża Konġunta; iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta twettaq bir-reqqa l-ippjanar baġitarju tagħha, filwaqt li tqis kif xieraq il-proċess parallel;

13.  Jiddispjaċih li hemm informazzjoni limitata rigward il-kontribuzzjonijiet in natura/fi flus; jistieden lill-Qorti tal-Awdituri biex fir-rapporti futuri tinkludi dispożizzjonijiet dwar il-proċedura ta' evalwazzjoni u l-livell ta' kontribuzzjonijiet imħallsa in natura/fi flus għall-FP7 u Orizzont 2020, li għandhom jiġu ppreżentati b'mod separat;

Sejħiet għal proposti

14.  Jilqa' l-fatt li waħda mill-kisbiet prinċipali fl-2014 kienet it-tnedija ta' proġett ġdid dwar l-Avjazzjoni Ġenerali u l-Operazzjonijiet Rotocraft(7);

15.  Jindika li f'Ġunju 2014 SESAR2 ħadet f'idejha l-attività ta' SESAR; jinnota li m'hemmx biżżejjed informazzjoni ċara dwar l-istatus ta' implimentazzjoni tal-proġetti SESAR (livell ta' pagamenti, pjanijiet ta' pagamenti għas-snin li ġejjin);

Funzjoni ta' awditjar intern u s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni

16.  Jieħu nota tal-fatt li l-Kapaċità tal-Awditjar Intern tal-Impriża Konġunta wettqet awditi tar-riżorsi umani / tar-reklutaġġ u dwar il-validazzjoni tal-awtorizzazzjoni tal-Fluss tal-Ħidma tal-Kontabilità Abbażi tad-Dovuti, kif ukoll servizzi oħra ta' assigurazzjoni u ta' konsulenza(8);

17.  Jieħu nota tal-fatt li s-Servizz tal-Awditjar Intern (IAS) wettaq awditu tal-ġestjoni tar-riskju segwit minn valutazzjoni tar-riskju; saru tliet rakkomandazzjonijiet (li l-ebda waħda minnhom ma ġiet immarkata bħala ''kritika'', iżda li tnejn minnhom kienu meqjusa bħala ''importanti ħafna'' u waħda bħala ''importanti'') b'riżultat tal-awditu u ġew aċċettati; bħalissa qed jiġi implimentat pjan ta' azzjoni(9);

18.  Jilqa' l-iffirmar ta' memorandum ta' kooperazzjoni mal-Impriża Konġunta Clean Sky2, li għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rabtiet u s-sinerġiji;

19.  Jiddispjaċih li l-Impriża Konġunta naqset milli tippubblika rapport dwar l-impatt soċjoekonomiku tal-attivitajiet tagħha; jistieden lill-Impriża Konġunta tippreżenta lill-awtorità ta' kwittanza r-rapport imsemmi hawn fuq.

Ġestjoni tar-Riskju

20.  Jirrikonoxxi li matul l-2014, l-Impriża wettqet żewġ rieżamijiet ewlenin biex tivvaluta mill-ġdid ir-riskji ewlenin tal-programm u l-azzjonijiet ta' mitigazzjoni relatati; jinnota li r-rieżami rriżulta f'lista ta' 33 riskju marbuta mal-Programm u l-Impriża Konġunta, li minnhom disgħa kienu meqjusa bħala ''riskji ewlenin'' minħabba l-livell ta' sensittività kritika tagħhom; iqis li għadd ta' fatturi esterni fl-2014 wasslu għal inċertezza fil-ġejjieni tal-programm u għall-identifikazjoni ta' għadd akbar ta' riskji mis-soltu (previżjonijiet ekonomiċi inċerti, qafas finanzjarju pluriennali ġdid kif ukoll tibdil fl-organizzazzjoni tal-Impriża Konġunta SESAR u fid-DĠ ta' referenza, eċċ.); jilqa' l-fatt li azzjonijiet speċifiċi ta' rimedju ġew jew qegħdin jiġu implimentati mill-Impriża Konġunta;

Ir-rwol tal-Impriża Konġunta

21.  Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-Impriża fil-koordinazzjoni u l-implimentazzjoni tar-riċerka fil-proġett SESAR, li huwa proġett pilastru tal-Ajru Uniku Ewropew; jinnota wkoll li s-sena 2014 tirrappreżenta l-bidu tal-fażi ta' mobilizzazzjoni tal-proġett SESAR; jilqa' f'dan ir-rigward l-istabbiliment ta' Maniġer għall-Mobilizzazzjoni tas-SESAR biex jirrapporta u jimmonitorja l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet operattivi ġodda u titjib teknoloġiku żviluppati mis-SESAR, filwaqt li jiżgura l-mobilizzazzjoni effikaċi tagħha;

22.  Jinkoraġġixxi lill-Impriża Konġunta u lill-Maniġer għall-Mobilizzazzjoni, f'kollaborazzjoni mal-Istati Membri, biex iżidu l-għadd u l-kwalità tal-proġetti proposti taħt il-programm ta' trasport Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa; ifakkar fil-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew matul il-proċedura baġitarja, li hija favur li jiġu rkuprati l-ammonti totali li kienu ġew rilokati mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għall-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS);

(1) Rapport tal-QEA għas-sena finanzjarja 2014, Anness I, p. 2.
(2) Rapport tal-QEA għas-sena finanzjarja 2014, p. 7.
(3) Rapport tal-QEA għas-sena finanzjarja 2014, p. 8.
(4) Rapport tal-QEA għas-sena finanzjarja 2014, p. 7.
(5) Rapport tal-QEA għas-sena finanzjarja 2014, p. 7.
(6) Il-kontijiet finali SESAR - p. 36
(7) Rapport ta' Attività Annwali, p. 33.
(8) Rapport tal-QEA għas-sena finanzjarja 2014, p. 8.
(9) Rapport ta' Attività Annwali, p. 119.

Avviż legali - Politika tal-privatezza