Indiċi 
Testi adottati
Il-Ħamis, 25 ta' Frar 2016 - BrussellVerżjoni finali
Awtorizzazzjoni lir-Repubblika tal-Awstrija biex tiffirma u tirratifika, u lil Malta biex taderixxi mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta’ Novembru 1965 ***
 Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' San Marino dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji *
 L-adeżjoni tal-Kroazja għall-Konvenzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni *
 Netwerk Ewropew ta’ Servizzi tal-Impjiegi, l-aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta’ mobilità u l-integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol ***I
 L-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi ta' emerġenza għar-Repubblika tat-Tuneżija ***I
 Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni – EGF/2013/007 BE/Hainaut-Namur Glass - Belġju)
 Is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016
 Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti soċjali u tal-impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016
 Il-governanza tas-Suq Uniku fl-ambitu tas-Semestru Ewropew 2016
 Il-ftuħ ta' negozjati għal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija
 Attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2014
 Ir-Rapport Annwali għall-2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew
 Il-bidu tan-negozjati dwar l-FTA mal-Awstralja u New Zealand
 L-introduzzjoni ta' sistemi kompatibbli għar-reġistrazzjoni ta' annimali domestiċi fl-Istati Membri kollha
 Is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen

Awtorizzazzjoni lir-Repubblika tal-Awstrija biex tiffirma u tirratifika, u lil Malta biex taderixxi mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta’ Novembru 1965 ***
PDF 251kWORD 63k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lir-Repubblika tal-Awstrija biex tiffirma u tirratifika, u lil Malta biex taderixxi mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta’ Novembru 1965 dwar in-Notifika barra l-Pajjiż ta' Dokumenti Ġudizzjarji u Extraġudizzjarji fi Kwistjonijiet Ċivili jew Kummerċjali, fl-interess tal-Unjoni Ewropea (13777/2015 – C8-0401/2015 – 2013/0177(NLE))
P8_TA(2016)0052A8-0018/2016

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (13777/2015),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta' Novembru 1965 dwar in-Notifika barra l-Pajjiż ta' Dokumenti Ġudizzjarji u Extraġudizzjarji fi Kwistjonijiet Ċivili jew Kummerċjali (13777/15/ADD1),

–  wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni mill-Kunsill skont l-Artikolu 81(2) u l-Artikolu 218(6) it-tieni subparagrafu, punt (a)(v) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0401/2015),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Ottubru 2014(1),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0018/2016),

1.  Jagħti l-approvazjoni tiegħu għall-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill li jawtorizza lir-Repubblika tal-Awstrija biex tiffirma u tirratifika, u lil Malta biex taderixxi mal-Konvenzjoni tal-Aja tal-15 ta’ Novembru 1965 dwar in-Notifika barra l-Pajjiż ta' Dokumenti Ġudizzjarji u Extraġudizzjarji fi Kwistjonijiet Ċivili jew Kummerċjali, fl-interess tal-Unjoni Ewropea,

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Bureau Permanenti tal-Konferenza tal-Aja dwar id-Dritt Internazzjonali Privat.

(1) Opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta' Ottubru 2014, 1/13, ECLI:EU:C:2014:2303.


Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' San Marino dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji *
PDF 252kWORD 62k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll ta' Emenda għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' San Marino li jipprovdi miżuri ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar it-tassazzjoni fuq id-dħul mit-tfaddil taħt forma ta' ħlas ta' mgħaxijiet (COM(2015)0518 – C8-0370/2015 – 2015/0244(NLE))
P8_TA(2016)0053A8-0025/2016

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill (COM(2015)0518),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Protokoll ta' emenda, għall-Ftehim bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika ta' San Marino li jipprovdi miżuri ekwivalenti għal dawk stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2003/48/KE dwar it-tassazzjoni fuq id-dħul mit-tfaddil taħt forma ta' ħlas ta' mgħaxijiet (13448/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 115 kif ukoll l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (b) u l-paragrafu (8), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0370/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 108(7), tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0025/2016),

1.  Japprova l-konklużjoni tal-Protokoll ta' Emenda għall-Ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika ta' San Marino.


L-adeżjoni tal-Kroazja għall-Konvenzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni *
PDF 248kWORD 63k
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar ir-rakkomandazzjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill rigward l-adeżjoni tal-Kroazja mal-Konvenzjoni tas-26 ta’ Lulju 1995, imfassla abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, il-Protokoll tas-27 ta’ Settembru 1996, imfassal abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għall- Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, il- Protokoll tad-29 ta’ Novembru 1996, imfassal abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-interpretazzjoni, abbażi ta’ sentenzi preliminarji, mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej tal-Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej, u t-Tieni Protokoll tad-19 ta’ Ġunju 1997, imfassal abbażi tal-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, għall- Konvenzjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet Ewropej (COM(2015)0458 – C8-0296/2015 – 2015/0210(NLE))
P8_TA(2016)0054A8-0019/2016

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni lill-Kunsill (COM(2015)0458),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 3(4) u (5) tal-Att ta' Adeżjoni tal-Kroazja, skont liema artikolu l-Kunsill ikkonsulta lill-Parlament (C8-0296/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0019/2016),

1.  Japprova l-proposta tal-Kummissjoni;

2.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.


Netwerk Ewropew ta’ Servizzi tal-Impjiegi, l-aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta’ mobilità u l-integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol ***I
PDF 341kWORD 99k
Riżoluzzjoni
Test
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar netwerk Ewropew ta’ Servizzi tal-Impjieg, l-aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta’ mobilità u l-integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol (COM(2014)0006 – C7-0015/2014 – 2014/0002(COD))
P8_TA(2016)0055A8-0224/2015

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2014)0006),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 46 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C7-0015/2014),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-4 ta’ Ġunju 2014(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-25 ta’ Ġunju 2014(2),

–  wara li kkunsidra l-impenn meħud mir-rappreżentant tal-Kunsill, permezz tal-ittra tat-2 ta' Diċembru 2015, li japprova l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew, skont l-Artikolu 294(4) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0224/2015),

1.  Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;

2.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa’ tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b’mod sustanzjali jew li tibdilha b’test ġdid;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-25 ta’ Frar 2016 bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) .../2016 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar netwerk Ewropew ta’ servizzi tal-impjiegi (EURES), aċċess tal-ħaddiema għas-servizzi ta’ mobilità u integrazzjoni ulterjuri tas-swieq tax-xogħol u li jemenda Regolamenti (UE) Nru 492/2011 u (UE) Nru 1296/2013

(Peress li ntlaħaq ftehim bejn il-Parlament u l-Kunsill, il-pożizzjoni tal-Parlament jaqbel mal-att leġislattiv finali, r-Regolament (UE) 2016/589.)

(1) ĠU C 424, 26.11.2014, p. 27.
(2) ĠU C 271, 19.08.2014, p. 70.


L-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi ta' emerġenza għar-Repubblika tat-Tuneżija ***I
PDF 446kWORD 84k
Test
Test konsolidat
Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fil-25 ta' Frar 2016 dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi ta' emerġenza għar-Repubblika tat-Tuneżija (COM(2015)0460 – C8-0273/2015 – 2015/0218(COD))(1)
P8_TA(2016)0056A8-0013/2016

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

EMENDI TAL-PARLAMENT EWROPEW Emendi: it-test ġdid jew modifikat huwa indikat permezz tat-tipa korsiva u grassa; it-tħassir huwa indikat permezz tas-simbolu ▌.

għall-proposta tal-Kummissjoni
P8_TA(2016)0056A8-0013/2016
---------------------------------------------------------
P8_TA(2016)0056A8-0013/2016

REGOLAMENT (UE) 2016/...
TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar l-introduzzjoni ta’ miżuri kummerċjali awtonomi ta’ emerġenza għar-Repubblika
tat-Tuneżija
[Emendi 1-4, sakemm mhux indikat mod ieħor]

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja,

Billi:

(1)  Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra(2) ('il-Ftehim') jikkostitwixxi l-bażi tar-relazzjoni bejn l-Unjoni u t-Tuneżija.

(2)  Wara l-attakk terroristiku tas-26 ta’ Ġunju 2015 viċin Sousse, fit-Tuneżija, il-Kunsill, fil-konklużjonijiet tiegħu tal-20 ta’ Lulju 2015, iddikjara li l-Unjoni, b’konsultazzjoni mal-Istati Membri tagħha, għandha tesplora l-possibbiltà li jittieħdu miżuri eċċezzjonali u temporanji sabiex tiġi appoġġata l-ekonomija Tuneżina.

(3)  Iż-żejt taż-żebbuġa huwa l-prodott agrikolu ewlieni tat-Tuneżija ta' esportazzjoni lejn l-Unjoni u l-industrija taż-żejt taż-żebbuġa hija parti importanti tal-ekonomija tal-pajjiż, bħal ma hi f'xi reġjuni ta' ċerti Stati Membri.

(4)  L-aħjar mod biex l-Unjoni tappoġġa l-ekonomija tat-Tuneżija, b’konformità mal-objettivi stabbiliti fil-Politika Ewropea tal-Viċinat u fil-Ftehim, huwa billi tipprovdi suq attraenti u affidabbli għall-esportazzjoni taż-żejt taż-żebbuġa tat-Tuneżija. Il-proviżjoni ta' tali suq jeħtieġ l-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi li jippermettu l-importazzjoni ta’ dak il-prodott fl-Unjoni, fuq il-bażi ta’ kwoti tariffarji mingħajr dazju.

(5)  Sabiex jipprevjenu l-frodi u jiġi żgurat li l-miżuri kummerċjali awtonomi previsti jkunu ta' benefiċċju reali għall-ekonomija tat-Tuneżija, dawk il-miżuri għandhom ikunu soġġetti għall-konformità mit-Tuneżija mar-regoli previsti fil-Ftehim dwar l-oriġini tal-prodotti u l-proċeduri marbuta magħhom, kif ukoll għall-kooperazzjoni amministrattiva effettiva tat-Tuneżija mal-Unjoni.

(6)  Il-preservazzjoni tal-istabbiltà tas-suq taż-żejt taż-żebbuġa fl-Unjoni teħtieġ li l-volum addizzjonali ġġenerat permezz tal-miżuri kummerċjali awtonomi jsir disponibbli biss wara li jispiċċa l-volum taż-żejt taż-żebbuġa mhux raffinat mingħajr dazju tal-kwota tariffarja annwali stipulata fl-Artikolu 3(1) tal-Protokoll Nru 1 tal-Ftehim.

(7)  L-Artikolu 184 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3) jistabbilixxi r-regoli dwar l-amministrazzjoni tal-kwoti tariffarji. Dawk ir-regoli għandhom japplikaw ukoll għall-miżuri kummerċjali awtonomi stipulati f’dan ir-Regolament.

(8)  Sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għandhom jingħataw setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sabiex tkun tista' tissospendi temporanjament l-arranġamenti preferenzali stabbiliti b'dan ir-Regolament u tintroduċi miżuri korrettivi f'każijiet fejn is-suq tal-Unjoni jiġi affettwat minn dan ir-Regolament. Dawk is-setgħat għandhom jiġu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4).

(9)  Il-miżuri kummerċjali awtonomi ta' emerġenza stabbiliti minn dan ir-Regolament huma maħsuba biex itaffu s-sitwazzjoni ekonomika diffiċli, li qiegħda tiffaċċja bħalissa t-Tuneżija, minħabba l-attakki terroristiċi. Għalhekk dawk il-miżuri għandhom ikunu limitati fiż-żmien u għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għal negozjati bejn l-Unjoni u t-Tuneżija dwar it-twaqqif ta’ Żona ta’ Kummerċ Ħieles fil-Fond u Komprensiv (DCFTA). ▌[Emendi 11 u 15]

(10)  Minħabba l-ħsara kbira li saret lill-ekonomija tat-Tuneżija, b’mod partikolari lis-settur tat-turiżmu tagħha, bl-attakk terroristiku viċin Sousse fis-26 ta’ Ġunju 2015, u minħabba l-ħtieġa li jittieħdu miżuri kummerċjali awtonomi ta’ emerġenza biex tittaffa s-sitwazzjoni ekonomika tat-Tuneżija fi żmien qasir, tqies li jkun xieraq li tingħata eċċezzjoni għall-perijodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-Parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Arranġamenti preferenzjali

Kwota tariffarja mingħajr dazju annwali fuq l-importazzjoni ta’ 35 000 tunnellata ("kwota tariffarja annwali fuq l-importazzjoni") għas-snin kalendarji 2016 u 2017 hija miftuħa għall-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ żejt taż-żebbuġa mhux raffinat li joriġina mit-Tuneżija u li huwa kklassifikat fil-kodiċijiet tan-NM 1509 10 10 u 1509 10 90 meta dan iż-żejt verġni taż-żebbuġa joriġina kollu kemm hu mit-Tuneżija u jiġi ttrasportat direttament mit-Tuneżija lejn l-Unjoni. [Emendi. 5 u 12].

Artikolu 2

Kundizzjonijiet għad-dritt ta’ kwota tariffarja annwali fuq l-importazzjoni

Id-dritt għall-kwota tariffarja annwali fuq l-importazzjoni għandu jkun soġġett għall-konformità tat-Tuneżija mar-regoli li jikkonċernaw l-oriġini tal-prodotti u l-proċeduri marbuta magħhom, stipulati fil-Protokoll Nru 4 tal-Ftehim.

Artikolu 3

Aċċess għall-kwota tariffarja annwali fuq l-importazzjoni

Il-kwota tariffarja annwali fuq l-importazzjoni għandha tkun disponibbli biss wara li jispiċċa l-volum tal-kwota tariffarja mingħajr dazju annwali taż-żejt taż-żebbuġa mhux raffinat stipulata fl-Artikolu 3(1) tal-Protokoll Nru 1 tal-Ftehim.

Artikolu 4

Amministrazzjoni tal-kwota tariffarja annwali fuq l-importazzjoni

Il-Kummissjoni għandha tamministra l-kwota tariffarja annwali fuq l-importazzjoni skont l-Artikolu 184 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

Artikolu 5

Sospensjoni temporanja

Jekk il-Kummissjoni ssib li jkun hemm biżżejjed evidenza li t-Tuneżija tkun naqqset milli tikkonforma mal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 2, din tista’ tadotta att ta’ implimentazzjoni li jissospendi b'mod temporanju kompletament jew parzjalment l-arranġamenti preferenzjali previsti fl-Artikolu 1. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 7(2).

Artikolu 6

Rieżami ta' nofs it-terminu

1.  Il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami ta' nofs it-terminu dwar l-impatt ta' dan ir-Regolament fuq is-suq tal-Unjoni taż-żejt taż-żebbuġa mid-dħul fis-seħħ tiegħu, u tippreżenta l-konklużjonijiet ta' dik l-evalwazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

2.  Fil-każ li jiġi kkonstatat li s-suq tal-Unjoni taż-żejt taż-żebbuġa ġie affettwat mid-dispożizzjonijiet ta' dan ir-Regolament, il-Kummissjoni għandha tingħata s-setgħa li tadotta att ta' implimentazzjoni sabiex tintroduċi miżuri korrettivi intiżi sabiex titreġġa’ lura s-sitwazzjoni f'dak is-suq. Dak l-att ta' implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta' eżami prevista fl-Artikolu 7(2).

Artikolu 7

Proċedura ta’ Kumitat

1.  Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna mill-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli stabbilit bl-Artikolu 229 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat skont it-tifsira tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2.  Fejn issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Artikolu 8

Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum ta' wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Huwa għandu japplika sal-31 ta’ Diċembru 2017.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi ...,

Għall-Parlament Ewropew Għall-Kunsill

Il-President Il-President

(1) Il-każ ġie mgħoddi lura lill-kumitat responsabbli biex jerġa jiġi eżaminat skont l-Artikolu 61(2), it-tieni subparagrafu (A8-0013/2016).
(2)ĠU L 97, 30.3.1998, p. 2.
(3)Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).
(4)Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni – EGF/2013/007 BE/Hainaut-Namur Glass - Belġju)
PDF 375kWORD 88k
Riżoluzzjoni
Anness
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, f'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2013/007 BE/Hainaut-Namur Glass, ippreżentata mill-Belġju) (COM(2016)0001 – C8-0013/2016 – 2016/2013(BUD))
P8_TA(2016)0057A8-0029/2016

Il-Parlament Ewropew,

—  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0001 – C8-0013/2016),

—  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

—  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b' mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

—  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u l-ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

—  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

—  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

—  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

—  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0029/2016),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex toffri appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassistihom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex tiġi ffissata l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' negozji proprji;

D.  billi l-Belġju ppreżenta l-applikazzjoni EGF/2015/007 BE/Hainaut-Namur Glass għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara sensji fis-settur ekonomiku kklassifikat fir-Reviżjoni 2 Diviżjoni 23 ("Manifattura ta' prodotti minerali mhux metalliċi oħra") tan-NACE fir-reġjuni ta' livell NUTS 2 ta' Hainaut (B32) u ta' Namur (B35) fil-Belġju, u billi l-412 ħaddiema li ngħataw is-sensja, kif ukoll 100 żagħżugħ taħt l-età ta' 25 sena mir-reġjun ta' Hainaut li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs), huma mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri; billi 144 minn dawn il-ħaddiema ngħataw is-sensja wara l-għeluq tal-impjant ta' produzzjoni ta' Roux (Hainaut), proprjetà ta' AGC Europe S.A., u 268 ħaddiem wara l-għeluq tal-impjant ta' produzzjoni ta' Auvelais (fir-reġjun ta' Namur), proprjetà ta' Saint-Gobain Glass Benelux;

E.  billi, minkejja li l-applikazzjoni ma tissodisfax il-kriterji tal-eliġibbiltà stipulati fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG, din ġiet imressqa taħt il-kriterji ta' intervent, li jippermettu għal deroga f'ċirkostanzi eċċezzjonali, b'mod partikolari l-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG fil-każ tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, u l-Artikolu 6(2) tar-Regolament dwar il-FEG fil-każ ta' NEETs;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti, u li għalhekk il-Belġju hu intitolat għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 095 544 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 1 825 907;

2.  Jikkonstata li l-awtoritajiet Belġjani ppreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fid-19 ta' Awwissu 2015, u li l-valutazzjoni tagħha tlestliet mill-Kummissjoni fl-20 ta' Jannar 2016 u ġiet notifikata lill-Parlament dakinhar stess;

3.  Jikkonstata li f'dawn l-aħħar snin il-kummerċ ta' prodotti tal-ħġieġ fl-Unjoni għadda minn taqlib kbir u jenfasizza li, bejn l-2000 u l-2010, l-impjiegi fis-settur tal-ħġieġ kollu fl-Ewropa naqsu bi 32 %; jirrimarka li fil-Vallonja, li għandha storja b'saħħitha ta' produzzjoni tal-ħġieġ, diversi impriżi kbar iffaċċjaw diffikultajiet f'dawn l-aħħar snin, u n-numru ta' impjiegi fis-settur tal-ħġieġ fir-reġjuni ta' Hainaut u ta' Namur naqas b'19 % bejn l-2007 u l-2012, filwaqt li fil-Vallonja fl-2013 intilfu 1 236 impjieg u fl-2014 intilfu 1 878 impjieg;

4.  Jirrimarka li Hainaut, b'mod partikolari, qed tħabbat wiċċha ma' sitwazzjoni diffiċli relatata mas-suq tax-xogħol b'rata ta' impjieg ta' 9,2 % inqas mill-medja nazzjonali; jikkonstata li s-swieq tax-xogħol taż-żewġ reġjuni huma, barra minn hekk, ikkaratterizzati minn proporzjon għoli ta' nies b'nuqqas ta' kwalifiki tax-xogħol (madwar 50 % ta' dawk li qed ifittxu impjieg fiż-żewġ reġjuni ma għandhomx il-kwalifiki tal-ogħla livell sekondarju)

5.  Jikkonstata li, fl-2013, is-Saint-Gobain Group ġie sforzat jagħlaq impjant ieħor ta' produzzjoni fil-Vallonja, li kien is-suġġett tal-applikazzjoni EGF/2013/011 BE/Saint-Gobain Sekurit relatata ma' 257 sensja fl-istess settur; jinnota li bosta miżuri f'dawn iż-żewġ talbiet huma simili;

6.  Jilqa' l-fatt li l-awtoritajiet Belġjani bdew jipprovdu s-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fl-10 ta' Settembru 2014, ferm qabel id-deċiżjoni dwar l-għoti ta' appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

7.  Jinnota li d-deroga mill-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG f'dan il-każ tirrigwarda għadd ta' sensji li mhumiex wisq aktar baxxi mil-limitu ta' 500 sensja; jilqa' pożittivament il-fatt li l-applikazzjoni għandha l-għan li tappoġġa 100 NEET oħrajn;

8.  Jikkonstata li l-Belġju qed jippjana seba' tipi ta' miżuri għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: (i) appoġġ/gwida/integrazzjoni, (ii) appoġġ għat-tfittix ta' taħriġ, (iii) taħriġ integrat, (iv) trasferiment ta' esperjenzi, (v) appoġġ għall-ħolqien ta' intrapriżi, (vi) appoġġ għal proġetti kollettivi, u (vii) allowances għal min ikun qed ifittex impjieg jew ikun qed isegwi taħriġ;

9.  Jilqa' l-appoġġ għall-proġetti kollettivi; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa r-riżultati li nkisbu minn din it-tip ta' miżura f'applikazzjonijiet oħra sabiex tiddetermina l-benefiċċji tagħha għall-parteċipanti;

10.  Jilqa' l-fatt li l-applikazzjoni jinkludu miżuri mmirati b'mod speċifiku biex jipprovdi assistenza lil NEETs; jikkonstata li s-servizzi personalizzati pprovduti lin-NEETs se jinkludu: (i) mobilizzazzjoni u gwida jew għal aktar edukazzjoni/taħriġ jew inkella biex isegwu sessjonijiet ta' induzzjoni, (ii) taħriġ, (iii) titjib tal-ħiliet personalizzati, u (iv) allowances għal min ikun qed ifittex impjieg jew ikun qed isegwi taħriġ;

11.  Japprezza l-fatt li l-allowances u l-inċentivi li se jiġu pprovduti bħala parti mill-miżuri proposti huma limitati għal 5,52 % tal-ispejjeż stmati totali;

12.  Jikkonstata li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali, l-impriżi u s-servizzi pubbliċi tal-impjiegi;

13.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati appoġġati mill-FEG għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-kapaċitajiet meħtieġa fil-ġejjieni tas-suq tax-xogħol, u għandu jkun jaqbel mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

14.  Ifakkar fl-importanza li titjieb l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali;

15.  Jenfasizza li fil-każ ta' applikazzjonijiet suċċessivi mill-istess reġjun ġeografiku, il-Kummissjoni għandha tiġbor u tanalizza l-esperjenzi minn applikazzjonijiet preċedenti u tiżgura li fil-każ ta' applikazzjonijiet ġodda kwalunkwe konklużjoni ta' din l-analiżi tkun dibitament ikkunsidrata;

16.  Jitlob lill-Kummissjoni tkompli tispeċifika fi proposti futuri, f'liema setturi huwa probabbli li l-ħaddiema jsibu impjieg u jekk it-taħriġ offrut huwiex allinjat mal-prospetti ekonomiċi futuri u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol fir-reġjuni milqutin mis-sensji;

17.  Jikkonstata l-fatt li l-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx jista' jkun hemm dupplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

18.  itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandha tissostitwixxi la l-azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont id-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas il-miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

19.  Japprezza l-proċedura mtejba stabbilita mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba mill-Parlament għar-rilaxx rapidu tal-għotjiet; jikkonstata l-pressjoni mil-lat ta' ħin li jġib miegħu l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-każijiet;

20.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

21.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni mill-Belġju EGF/2015/007 BE/Hainaut-Namur Glass)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni Deċiżjoni (UE) 2016/407.)

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


Is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016
PDF 401kWORD 141k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016 (2015/2285(INI))
P8_TA(2016)0058A8-0030/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 121(2), 136 u 148 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 9 tat-TFUE (il-klawżola soċjali orizzontali),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1175/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet tal-budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta' Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1174/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar miżuri ta' infurzar biex jikkoreġu żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi fiż-żona tal-euro(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1177/2011 tat-8 ta' Novembru 2011 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1467/97 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1173/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar l-infurzar effettiv tas-sorveljanza baġitarja fiż-żona tal-euro(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 473/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar dispożizzjonijiet komuni għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjani baġitarji u l-iżgurar tal-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ekonomika u baġitarja tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro li jesperjenzaw jew ikunu mhedda b'diffikultajiet gravi fir-rigward tal-istabbiltà finanzjarja tagħhom(8),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-25-26 ta' Marzu 2010 u s-17 ta' Ġunju 2010, kif ukoll il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1184 tal-14 ta' Lulju 2015 dwar linji gwida ġenerali għall-politika ekonomiċi tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea(9),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1848 tal-5 ta' Ottubru 2015 dwar il-linji gwida għall-politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri għall-2015(10),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investiment u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi(11),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Jannar 2015 dwar l-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u Tkabbir (COM(2015)0012),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2015 dwar "Ir-rieżami tal-qafas ta' governanza ekonomika: analiżi u sfidi"(12),

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar "Nikkompletaw l-Unjoni ekonomika u monetarja tal-Ewropa" ("Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti"),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Ottubru 2015 dwar passi lejn l-Ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (COM(2015)0600),

–  wara li kkunsidra l-Komunikat tal-Mexxejja tal-G20 mis-Summit ta' Antalya tal-15-16 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Aġġornament tal-Valutazzjonijiet tas-Sostenibbiltà tal-Persunal għall-Proċess ta' Valutazzjoni Reċiproka tal-G20 dwar l-Iżbilanċi u t-Tkabbir tal-Fond Monetarju Internazzjonali (Ottubru 2015),

–  wara li kkunsidra l-ftehim COP 21 adottat fil-Konferenza ta' Pariġi dwar il-Klima fit-12 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra t-Tbassir Ekonomiku Ewropew tal-Kummissjoni tal-Ħarifa 2015,

–  wara li kkunsidra l-istudji u l-analiżi fil-fond dwar il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fiż-żona tal-euro taħt is-Semestru Ewropew ippreparati għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (Novembru 2015),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016 (COM(2015)0690), ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2016 (COM(2015)0691), u l-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi (COM(2015)0700),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Programm ta' Sostenn tar-Riforma Strutturali għall-perjodu bejn l-2017 u l-2020 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1303/2013 u (UE) Nru 1305/2013 (COM(2015)0701),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa(14),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro,

–  wara li kkunsidra d-dibattitu mar-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali dwar il-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew tal-2016,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-14 ta' Diċembru 2015 dwar Il-Finanzi Pubbliċi fl-UEM 2015 (Dokument Istituzzjonali 014),

–  wara li kkunsidra d-dibattitu mal-Kummissjoni fil-Parlament Ewropew dwar il-pakkett tas-Semestru Ewropew - Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Baġits, tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel u tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali (A8-0030/2016),

A.  billi bħalissa għaddej irkupru ekonomiku fl-Unjoni Ewropea, iżda l-irkupru għadu dgħajjef u irregolari bejn u fl-Istati Membri u huwa parzjalment immexxi minn fatturi temporanji u esterni, inklużi l-prezzijiet baxxi taż-żejt;

B.  billi ċerti Stati Membri jiffaċċjaw il-problema persistenti ta' rati ta' tkabbir baxxi ħafna;

C.  billi t-tkabbir ekonomiku globali qed jonqos, fil-kuntest ta' taqlib globali ekonomiku u finanzjarju f'bosta ekonomiji emerġenti ġodda, li jirriżulta fi sfidi strateġiċi li l-Unjoni Ewropea jeħtiġilha taġġusta b'mod xieraq;

D.  billi l-Ewropa għadha qed tiffaċċja diskrepanza importanti fl-investiment, u dan idgħajjef b'mod sinifikanti l-potenzjal tat-tkabbir fit-tul tal-UE, filwaqt li s-surplus fil-kont kurrenti taż-żona tal-euro qed jiżdied; billi d-dejn pubbliku u privat għadu għoli f'ħafna pajjiżi, anke jekk id-defiċits fil-kontijiet kurrenti tnaqqsu; billi diversi Stati Membri għandhom iżidu l-isforzi tagħhom biex jimplimentaw riformi strutturali sinifikanti;

E.  billi minkejja li diversi Stati Membri esperjenzaw tnaqqis sinifikanti tad-defiċits fil-kont kurrenti tagħhom u t-tnaqqis tal-kostijiet ta' unità produttiva, id-dejn nett estern bħala perċentwali tal-PDG ma naqasx fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri;

F.  billi r-rata tal-impjiegi qed titjieb iżda għada mhux biżżejjed biex il-qgħad, speċjalment il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul, kif ukoll il-faqar, jitnaqqsu b'mod sinifikanti;

G.  billi l-Ewropa hija ż-żona ekonomika li hija l-aktar dipendenti fuq riżorsi importati, b'paragun mal-kompetitturi tagħha; billi l-bini ta' ekonomija verament ċirkolari fl-Ewropa huwa għalhekk prerekwiżit għat-tkabbir ekonomiku futur;

H.  billi l-kriżi tal-2008 ma kinitx biss ta' natura ċiklika iżda wkoll ta' natura strutturali, li tispjega l-effetti dejjiema tagħha;

I.  billi l-moviment liberu tal-persuni, l-oġġetti, is-servizzi u l-kapital huwa l-pedament tat-tkabbir ekonomiku sostenibbli fis-Suq Uniku tal-Unjoni Ewropea;

J.  billi l-evitar tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa kkaġunaw it-telf ta' biljuni ta' euro fi dħul potenzjali għall-finanzi pubbliċi ta' bosta Stati Membri, għall-benefiċċju tal-korporazzjonijiet kbar, fejn dgħajfu l-bażi għal solidarjetà bejn il-pajjiżi u l-kompetizzjoni ġusta bejn l-intrapriżi;

Taħlita ta' politika

1.  Jilqa' l-pakkett dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016 u t-taħlita ta' politika proposta dwar l-investiment, ir-riforma strutturali u r-responsabbiltà fiskali, bl-għan li tkompli tippromwovi livelli ogħla ta' tkabbir u ssaħħaħ l-irkupru Ewropew u l-konverġenza 'l fuq; jenfasizza li sforzi nazzjonali ewlenin f'termini tal-implimentazzjoni effikaċi ta' riformi strutturali, kif ukoll ta' koordinazzjoni Ewropea aktar b'saħħitha, huma meħtieġa biex jinkiseb irkupru ekonomiku aktar b'saħħtu u prosperità sostenibbli u kondiviża b'mod mifrux;

2.  Jilqa' t-titjib fil-finanzi pubbliċi, b'mod partikolari l-proporzjonijiet tad-dejn/PDG li qed jonqsu gradwalment għall-UE u ż-żona tal-ewro, u t-tnaqqis tad-defiċit tal-baġit nominali; jinnota, madankollu, li l-proporzjonijiet tad-dejn pubbliku qed ikomplu jikbru f'diversi Stati Membri bi tkabbir nominali baxx tal-PDG u b'inflazzjoni baxxa, u li l-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv għadha għaddejja fil-każ ta' disa' Stati Membri; jirrimarka li ħafna Stati Membri għandhom spazju fiskali limitat biex jindirizzaw xokkijiet ekonomiċi ġodda possibbli u li koordinazzjoni Ewropea aktar b'saħħitha għandha għalhekk tiġi kkunsidrata sabiex tappoġġja konsolidazzjoni fiskali mingħajr ma xxekkel it-tkabbir;

3.  Jinnota li l-kompetittività globali tal-Unjoni Ewropea għadha objettiv importanti u jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza ta' riformi strutturali, investiment fir-R&Ż, effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, innovazzjoni li ttejjeb il-produttività u tnaqqis tal-iżbilanċi makroekonomiċi; fl-istess ħin jikkunsidra li l-prospettiva ekonomika globali li sejra għall-agħar titlob ukoll li tissaħħaħ id-domanda interna sabiex tagħmel l-ekonomija Ewropea aktar reżiljenti; jinsab imħasseb b'mod partikolari dwar possibbiltà ta' tnaqqis fid-domanda globali;

4.  Iqis li l-iżbilanċi makroekonomiċi għandhom ikunu indirizzati permezz ta' sforz ikkoordinat li jinvolvi l-Istati Membri kollha, filwaqt li jibni fuq riformi u investimenti rilevanti; jenfasizza li kull Stat Membru jrid iwettaq ir-responsabbiltajiet individwali tiegħu f'dan il-kuntest; jinnota li s-surpluses għolja fil-kontijiet kurrenti jimplikaw il-possibbiltà ta' domanda interna akbar; jenfasizza li l-livelli għoljin ta' dejn pubbliku u privat jirrappreżentaw dgħufija sinifikanti u li jinħtieġu politiki fiskali responsabbli u tkabbir ogħla biex dawn jitnaqqsu aktar malajr;

5.  Jitlob li jsiru aktar sforzi biex jappoġġjaw l-irkupru u jippromwovu l-konverġenza lejn min ikollu l-aħjar prestazzjoni u jikkoreġu l-iżbilanċi makroekonomiċi, inkluż billi jżidu l-produttività u jsaħħu l-investiment;

6.  Huwa mħeġġeġ minn titjib żgħir fl-indikaturi tas-suq tax-xogħol, filwaqt li jirrikonoxxi li d-diverġenza bejn l-Istati Membri għadha wiesa', u li l-qgħad għadu għoli b'mod inaċċettabbli; jinnota l-ħtieġa li nibnu fuq titjib reċenti billi nżidu wkoll il-kwalità tal-impjiegi maħluqa u l-produttività tagħhom; jitlob għal sforz akbar biex jiżdied l-investiment fil-ħiliet, is-swieq tax-xogħol isiru aktar inklużivi, jinħolqu impjiegi ta' kwalità u jitnaqqas il-faqar, l-esklużjoni soċjali u l-inugwaljanzi fid-dħul u l-ġid, filwaqt li tinżamm id-dixxiplina baġitarja; jenfasizza li l-indikaturi tal-impjieg għandhom jingħataw l-istess status bħall-indikaturi eżistenti, b'tali mod li titħalla tiskatta analiżi fil-fond, sabiex jiġi evitat il jkun hemm approċċ f'żewġ klassijiet, u li għandhom jitqiesu sew fil-politika tal-UE u fil-gwida għall-Istati Membri;

7.  Jilqa' t-tiġdid tal-Linji Gwida Integrati tal-istrateġija Ewropa 2020, u jappella biex jissaħħaħ ir-rwol tal-Istrateġija Ewropa 2020 biex tiggwida s-Semestru Ewropew, skont l-objettivi tat-Trattat u l-leġiżlazzjoni applikabbli, u jipprevjenu r-rikorrenza tal-kriżi sovrana tad-dejn; jenfasizza l-importanza ta' politiki u strumenti ambizzjużi biex jiżguraw li l-Ewropa tieħu l-akbar vantaġġ mit-tranżizzjonijiet tal-enerġija u diġitali, bis-saħħa wkoll tal-investiment adegwat fir-R&Ż&I u l-ħiliet, biex b'hekk jitnaqqas id-distakk tal-Ewropa fil-konfront tal-kompetituri dinjija tagħha f'termini ta' produttività totali tal-fatturi; iqis li huwa kruċjali li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi ekonomiċi li jaġixxu bħala ostakolu għat-tkabbir ekonomiku fit-tul; jistieden lill-Kummissjoni tindirizza r-riformi fiskali ambjentali f'rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, ukoll fil-kuntest tar-responsabbiltà fiskali; jappella għal monitoraġġ konsistenti u olistiku tal-konverġenza lejn dawk bl-aħjar prestazzjoni fir-rigward tal-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020;

Investiment

8.  Jitlob li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) jjintuża kemm jista' jkun biex jappoġġja proġetti strateġiċi mhux iffinanzjati mod ieħor, f'konformità mal-mandat tiegħu; jistieden lill-Istati Membri u l-FEIS jinvolvu mill-qrib lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-iżvilupp ta' proġetti ppjanati u pjattaformi ta' investiment, bl-għajnuna taċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment; jenfasizza wkoll l-importanza li jinkisbu sinerġiji bejn il-FEIS u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jużaw il-potenzjal sħiħ tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) u f'konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020 sabiex jintensifikaw il-koeżjoni u jimmitigaw id-diverġenza fis-Suq Uniku billi jippermettu lir-reġjuni kollha jiżviluppaw il-vantaġġi kompetittivi tagħhom u jiffaċilitaw l-investiment privat addizzjonali; iqis li dawn l-investimenti għandhom iservu ta' politika industrijali konsistenti u għandhom jinvolvu fokus partikolari fuq il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, speċjalment għaż-żgħażagħ; jenfasizza l-ħtieġa għal kapaċità amministrattiva adegwata, rwol attiv għar-reġjuni u koordinazzjoni aħjar fil-livelli kollha ta' gvern u bejniethom; jitlob li titqies aktar azzjoni ta' politika possibbli biex jitnaqqas id-distakk fl-investiment fl-UE;

10.  Huwa konxju dwar il-proċess ta' tneħħija ta' lieva fis-settur privat; jenfasizza li r-rata tal-investiment tal-Ewropa hija ferm taħt il-perjodu ta' qabel il-kriżi; jindika, f'dan il-kuntest, l-importanza li tiġi implimentata b'mod rapidu l-unjoni bankarja u r-riforma strutturali tal-banek, kif ukoll l-importanza li tingħata spinta lill-investimenti tal-ekwità fl-SMEs bis-saħħa ta' Unjoni tas-Swieq Kapitali; jappella sabiex ikun hemm użu massimu tal-FEIS u l-COSME biex itejbu l-aċċess tal-SMEs għall-finanzi; iqis li prevedibbiltà regolatorja akbar fis-Suq Uniku tista' ssaħħaħ il-fiduċja tal-investituri;

11.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' investiment akbar fil-kapital uman, l-aktar fl-edukazzjoni u fl-innovazzjoni, anke fil-kuntest tar-riformi tas-suq tax-xogħol; jenfasizza l-ħtieġa li jitjiebu s-sistemi tal-edukazzjoni nazzjonali, tat-taħriġ vokazzjonali u tat-tagħlim tul il-ħajja u li dawn jiġu adattati għad-domandi l-ġodda għall-ħiliet u l-għarfien tas-suq tax-xogħol tal-UE; jissottolinja li dan kollu se jippermetti l-innovazzjoni bħala mutur ewlieni tat-tkabbir, il-produttività u l-kompetittività; jistieden lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, biex itejbu l-produttività tal-investimenti pubbliċi;

12.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-profili ta' investiment speċifiċi għall-pajjiżi li jidentifikaw xi wħud mill-isfidi prinċipali għall-investiment fl-Istati Membri individwali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinvolvu l-livelli kollha ta' gvern u l-partijiet interessati rilevanti fl-identifikazzjoni ta' ostakli għall-investimenti, u jiffokaw b'mod partikolari fuq is-suq intern, id-domanda interna baxxa u r-riformi strutturali, kif ukoll li jsiru disponibbli strumenti adegwati li jlaqqgħu flimkien il-finanzjament pubbliku u dak privat; jindika l-importanza ta' livelli għolja ta' investiment produttiv għal proċess ta' rkupru ekonomiku sostenibbli bejn l-Istati Membri; jinnota li bilanċ xieraq bejn in-nefqa kurrenti, is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi u l-investiment fil-potenzjal tat-tkabbir ekonomiku jeħtieġ li jinstab f'kull pajjiż, u li s-Suq Uniku u l-istrumenti Ewropej bħall-FEIS u l-FSIE għandhom rwol importanti x'jaqdu fl-appoġġ ta' livell tajjeb ta' investiment; jenfasizza li l-investiment pubbliku baxx fir-riċerka u fl-innovazzjoni f'diversi pajjiżi jista' jkompli jankrahom f'nassa ta' dħul medju;

Riformi strutturali

13.  Iqis li, wara perjodu twil ta' aġġustament makroekonomiku, għandha ssir enfasi fuq it-twettiq ta' riformi strutturali u investimenti bl-għan li jsaħħu l-potenzjal ta' tkabbir ibbażat fuq impjiegi ta' kwalità u produttività, li jiġu promossi sistemi ta' protezzjoni soċjali ġusti, b'saħħithom, effiċjenti u fiskalment sostenibbli, u li titrawwem tranżizzjoni sostenibbli tal-ekonomiji tal-Istati Membri lejn aktar effiċjenza fl-użu tar-riżorsi;

14.  Jitlob għal riformi sostenibbli fis-swieq tal-prodotti, tas-servizzi u tax-xogħol, kif ukoll fir-rigward tal-iskemi ta' pensjoni, u għal regolamentazzjoni aħjar, li tippromwovi l-innovazzjoni, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tisħiħ tal-protezzjoni soċjali, il-kompetizzjoni ġusta mingħajr ma tiddgħajjef il-protezzjoni tal-konsumatur;

15.  Jenfasizza l-importanza ta' aktar effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u tal-enerġija, inkluż permezz tal-iżvilupp tal-ekonomija ċirkolari; jissottolinja l-importanza li tiġi żviluppata aktar Unjoni tal-Enerġija reali, ibbażata fuq is-solidarjetà, l-effiċjenza u d-diversità u mingħajr ma tinjora s-sorsi ta' enerġija indiġeni, inkluż l-enerġija rinnovabbli; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi dawn l-elementi ta' tħassib fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż fejn huma l-aktar rilevanti għall-kompetittività u t-tkabbir sostenibbli;

16.  Iħeġġeġ li jittieħdu aktar inizjattivi biex jistimulaw il-ħolqien tal-impjiegi ta' kwalità u l-ħolqien ta' swieq tax-xogħol reżiljenti u b'segmentazzjoni mnaqqsa; jenfasizza l-importanza ta' sistemi ta' protezzjoni soċjali sostenibbli u effikaċi; ifakkar li fattur importanti biex tinżamm is-sostenibbiltà tas-sistemi tal-pensjonijiet huwa li tiġi żgurata rata ta' impjieg għolja;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' amministrazzjoni pubblika moderna, effiċjenti, demokratika u favur iċ-ċittadini fil-livelli kollha tal-gvern, kif ukoll għal regoli tal-akkwist pubbliku effiċjenti u trasparenti; jenfasizza l-importanza li jittieħdu passi ulterjuri lejn amministrazzjoni elettronika vera fl-Istati Membri u fosthom; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jidentifikaw u jikkoreġu n-nuqqasijiet fl-amministrazzjonijiet rispettivi tagħhom, li jistgħu jkunu detrimentali f'sitwazzjonijiet ta' kriżi;

18.  Jitlob li d-dħul fiskali jitnaqqas mis-sorsi tax-xogħol billi jiżdied dak minn sorsi oħra, li għandu jiġi deċiż fil-livell nazzjonali, filwaqt li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tas-sistemi ta' protezzjoni soċjali;

19.  Jieħu nota tal-proposta għal Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali, imfassal biex isaħħaħ l-implimentazzjoni ta' riformi favur it-tkabbir fl-Istati Membri, li għandu jiġi deċiż taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja; itenni li l-Istati Membri huma responsabbli għall-implimentazzjoni tar-riformi strutturali;

Responsabbiltà fiskali

20.  Itenni l-ħtieġa għal politiki fiskali responsabbli u li jiffavorixxu t-tkabbir, li jiżguraw is-sostenibbiltà tad-dejn u li jqisu ċ-ċiklu ekonomiku u l-lakuni fl-investiment, filwaqt li fl-istess ħin jirrispettaw id-drittijiet soċjali taċ-ċittadini; ifakkar li d-dejn għoli ħafna ta' xi Stati Membri jikkostitwixxi riskju sostanzjali f'każ ta' xokkijiet futuri possibbli fi ħdan iż-żona tal-euro; jenfasizza li l-isforzi biex tiżdied ir-reżiljenza tal-finanzi pubbliċi u biex tingħata spinta lit-tkabbir se jeħtieġu li jiġu intensifikati f'pajjiżi bi proporzjonijiet għolja ta' dejn/PDG, sabiex dawn jitpoġġew fi triq sostenibbli ta' tnaqqis;

21.  Jinsisti dwar l-implimentazzjoni tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, filwaqt li jsir użu sħiħ tal-klawsoli ta' flessibbiltà eżistenti tiegħu, f'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Jannar 2015 (COM(2015)0012), inter alia sabiex jappoġġja investiment u riformi strutturali akbar, kif ukoll biex jiġi indirizzat it-theddid għas-sigurtà u l-flussi ta' refuġjati;

22.  Jenfasizza l-ħtieġa li jittejjeb il-ġbir tat-taxxi, li jiġu miġġielda l-frodi u l-evażjoni tat-taxxa, li tissaħħaħ l-azzjoni kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u r-rifuġji fiskali, kif ukoll għal koordinazzjoni mtejba tal-politika tat-taxxa fi ħdan l-UE; jitlob għal sistemi fiskali li huma effikaċi u trasparenti sabiex jiżdied il-ġbir tat-taxxa, jipprevenju l-evitar tat-taxxa u jiġġieldu kontra l-kriminalità organizzata; huwa tal-fehma, għalhekk, li l-awtoritajiet tat-taxxa u tad-dwana għandu jkollhom biżżejjed riżorsi umani, materjali u finanzjarji;

23.  Jappoġġja sforzi razzjonali u speċifiċi għall-pajjiż maħsuba biex itejbu l-kwalità, l-effiċjenza u l-karattru li jiffavorixxi t-tkabbir tan-nefqa pubblika, b'mod partikolari billi l-infiq mhux produttiv jiġi minflok użat għal investimenti li jsaħħu t-tkabbir, iżda mingħajr ma jipperikolaw il-provvista essenzjali ta' servizzi pubbliċi u soċjali;

Enfasi speċifika fuq iż-żona tal-euro

24.  Jilqa' r-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, proposta mill-Kummissjoni sitt xhur qabel ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, bħala pass lejn l-approfondiment tal-koordinazzjoni tal-politika fis-segwitu għar-Rapport tal-Ħames Presidenti u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Parlament Ewropew;

25.  Jenfasizza li, minħabba l-livell għoli ta' interdipendenza tagħha u l-uniċità tal-politika monetarja tagħha, iż-żona tal-euro hija entità ekonomika fejn il-konverġenza lejn min ikollu l-aħjar prestazzjoni għandha tiġi promossa u appoġġata minn koordinazzjoni aktar b'saħħitha tal-politiki nazzjonali; jenfasizza l-importanza ta' azzjoni msaħħa mill-gvernijiet nazzjonali kollha biex fl-Istati Membri tagħhom jimplimentaw ir-riformi ekonomiċi u l-investimenti meħtieġa biex inaqqsu l-iżbilanċi makroekonomiċi u biex jevitaw effetti konsegwenzjali negattivi tal-politiki nazzjonali fi Stati Membri oħra; għalhekk, jitlob li ssir valutazzjoni fil-fond ta' dawn l-iżbilanċi makroekonomiċi u l-effetti konsegwenzjali li tikkomplementa l-valutazzjoni tal-vulnerabbiltajiet speċifiċi ta' kull pajjiż u d-Djalogu Makroekonomiku; jinsisti fuq koerenza sħiħa bejn ir-rakkomandazzjoni taż-żona tal-euro u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

26.  Jilqa' l-fatt li qed tingħata attenzjoni akbar lill-pożizzjoni fiskali aggregata taż-żona tal-euro, li ma tiddevjax l-attenzjoni minn fuq ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri individwali; ifakkar li, sa fejn hija kkonċernata l-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv, defiċit fiskali fi Stat Membru ma jistax jiġi kkumpensat b'surplus fiskali fi Stat Membru ieħor; jappella għal monitoraġġ regolari ta' jekk il-pożizzjoni fiskali aggregata hijiex xierqa fid-dawl tad-diskrepanza eżistenti fl-investiment;

27.  Jappoġġa r-rakkomandazzjoni li jiġu differenzjati l-isforz fiskali minn Stati Membri individwali, filwaqt li jitqiesu l-pożizzjonijiet rispettivi tagħhom vis-à-vis r-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, u l-ħtiġijiet ta' stabbilizzazzjoni, kif ukoll l-effetti konsegwenzjali; jinnota li għal ħafna Stati Membri dan jimplika l-kisba ta' konsolidazzjoni fiskali li tiffavorixxi t-tkabbir; jinnota, min-naħa l-oħra, li xi pajjiżi qed ikollhom dejjem aktar spazju fiskali vis-à-vis r-rekwiżiti tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, li jista' jintuża f'dan l-istadju biex jappoġġa l-ekonomija domestika;

28.  Jinnota li, filwaqt li s-surplus għoli ta' kontijiet kurrenti taż-żona tal-euro huwa sinjal pożittiv tal-kompetittività esterna taż-żona tal-euro, il-livell attwali tiegħu jirrifletti wkoll in-nuqqas ta' investiment intern, b'effetti negattivi fuq it-tkabbir u l-impjiegi; iqis li domanda domestika aktar qawwija tkun aħjar għat-tkabbir sostenibbli taż-żona tal-euro, kif ukoll minn perspettiva globali; huwa konxju li s-surplus ta' kontijiet kurrenti ta' xi Stati Membri jimxi id f'id ma' effetti konsegwenzjali pożittivi tul il-katina tal-valur, u dan jista' jkun ta' benefiċċju għal xi Stati Membri oħra f'diversi modi; jirrikonoxxi wkoll ir-rwol tal-munita unika li tgħin lil pajjiżi aktar kompetittivi jżommu surpluses għoljin vis-à-vis l-bqija tad-dinja; jilqa' s-sejba, fit-tbassir tax-xitwa 2016 tal-Kummissjoni, li fl-2015 it-tkabbir ekonomiku f'xi Stati Membri kien xprunat l-aktar mid-domanda domestika; iqis li huwa importanti li l-Istati Membri b'surpluses ogħla ta' kontijiet kurrenti jkomplu jespandu d-domanda domestika tagħhom għall-benefiċċju tagħhom stess u għall-benefiċċju ġenerali; fl-istess ħin jistieden lill-Istati Membri inqas kompetittivi jimplimentaw b'mod effettiv riformi strutturali u investimenti ta' kwalità għolja sabiex jimmodernizzaw l-ekonomiji tagħhom u jistabbilixxu ambjent kummerċjali sostenibbli għal investiment fit-tul b'konformità mal-Istrateġija Ewropa 2020; iqis li dan huwa l-aħjar mod biex jitnaqqsu l-iżbilanċi makroekonomiċi fl-Istati Membri, pjuttost milli d-devalwazzjoni interna li tnaqqas id-domanda u tnaqqas it-tkabbir ekonomiku fiż-żona tal-euro;

29.  Jenfasizza l-ħtieġa li titħeġġeġ konverġenza ekonomika u soċjali reali xprunata minn titjib fil-produttività u fatturi mhux marbuta mal-kostijiet; jissottolinja l-importanza li l-Istati Membri kollha jimplimentaw riformi strutturali b'mod effettiv, itejbu l-kwalità tan-nefqa pubblika u jkollhom biżżejjed kapaċità ta' investiment, sabiex jagħmlu possibbli tkabbir bilanċjat u sostenibbli, li huwa kruċjali anke biex jitnaqqas il-proporzjon tad-dejn għall-PDG; jirrikonoxxi li dejn pubbliku u privat għoli jnaqqas b'mod sinifikanti l-kapaċità ta' investiment u b'hekk inaqqas ir-ritmu tat-tkabbir;

30.  Ifakkar li l-iffissar tal-pagi huwa kwistjoni ta' negozjar kollettiv awtonomu, u jistieden lill-atturi rilevanti jiżguraw żviluppi fil-pagi kemm responsabbli kif ukoll favorevoli għat-tkabbir li għandhom jirriflettu żidiet fil-produttività; b'mod partikolari, jistieden lill-atturi rilevanti f'pajjiżi b'defiċits tal-kontijiet kurrenti jew qrib il-bilanċ ikomplu bl-isforzi għat-tisħiħ tal-produttività u ż-żamma tal-kompetittività; fl-istess ħin, jistieden lill-atturi rilevanti f'pajjiżi b'surplus għoli jużaw it-tfaddil eċċessiv biex jappoġġaw id-domanda u l-investiment domestiċi;

31.  Jappella għal miżuri li jevitaw tellieqa sal-qiegħ f'termini ta' tassazzjoni u standards soċjali, li twassal għal żieda fl-inugwaljanzi; ifakkar fil-ħtieġa li tinżamm il-kompetittività internazzjonali abbażi tal-produttività u l-konverġenza 'l fuq; jilqa' ż-żieda fl-attenzjoni lil tliet indikaturi relatati mal-impjieg fit-tabella ta' valutazzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi u jitlob lill-Kummissjoni tpoġġihom fuq l-istess livell ma' oħrajn; iqis ukoll li analiżi eżistenti tat-tabella ta' valutazzjoni eżistenti tal-indikaturi ewlenin soċjali u tal-impjieg u indikaturi rilevanti tal-effiċjenza fir-riżorsi għandha titqies kif xieraq fil-gwida politika;

32.  Jinnota l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2015 dwar l-Unjoni Ekonomika u Monetarja u jistieden lill-Kummissjoni tibda tħejji l-miżuri fit-tul mill-aktar fis possibbli;

Semestru Ewropew iżjed effettiv b'kontabilità demokratika iżjed b'saħħitha

33.  Jiddeplora l-implimentazzjoni batuta tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u jemmen li, sabiex tittejjeb l-implimentazzjoni, jeħtieġ li jiġu identifikati aħjar il-prijoritajiet imfissra b'mod ċar fil-livell Ewropew kif ukoll li jiżdiedu d-dibattitu pubbliku ġenwin, ir-rieda u l-impenn politiku fil-livell nazzjonali, li jwasslu għal rilevanza u sjieda nazzjonali akbar; jilqa', f'dan ir-rigward, iż-żjarat li saru minn membri tal-Kummissjoni lill-Istati Membri sabiex jiddiskutu l-proċess tas-Semestru Ewropew u d-dokumenti tiegħu;

34.  Jitlob li jinstab bilanċ tajjeb bejn li jsiru rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż iffukati fuq prijoritajiet ewlenin u li jiġi żgurat li dawn jindirizzaw l-isfidi ewlenin kollha, inkluża l-ħtieġa li tiġi evitata r-rikorrenza ta' kriżi tad-dejn sovran, kif ukoll il-ħtieġa li jiżdiedu l-kompetittività, it-tkabbir u l-impjiegi, filwaqt li jitqiesu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020;

35.  Jilqa' d-dibattitu fil-plenarja fil-15 ta' Diċembru 2015 mal-Presidenti tal-Kummissjoni u tal-Grupp tal-Euro dwar l-abbozz ta' rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro u jitlob li tali dibattiti fil-plenarja jsiru karatteristika regolari tas-Semestru Ewropew; iqis li tali dibattiti jsaħħu u jikkomplementaw id-djalogu demokratiku eżistenti, partikolarment id-djalogu ekonomiku, u dan jgħin biex tiżdied ir-responsabbiltà tal-eżekuttiv;

36.  Jissottolinja l-fatt li l-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa għandu jibqa' l-mument ċentrali meta jiġu definiti l-prijoritajiet politiċi; jilqa' d-diskussjoni mal-Kummissjoni fil-plenarja dwar il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir qabel u wara l-adozzjoni tiegħu; ifakkar li l-istabbiliment tal-politika ekonomika wara r-rakkomandazzjoni mill-Kunsill lill-Istati Membri huwa att eżekuttiv li jeħtieġ li jkun soġġett għal skrutinju demokratiku u dibattitu mill-Parlament Ewropew; għalhekk, jistieden lill-Kunsill jadotta r-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet għaż-żona tal-euro dwar il-pakkett tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir wara li l-Parlament ikun seta' jesprimi fehmtu dwarhom; jafferma d-determinazzjoni tiegħu li jikkunsidra dawn id-dokumenti b'ħeffa u li jieħu pożizzjoni ferm qabel il-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa; jilqa' l-istedina estiża lill-Parlament Ewropew biex il-President tiegħu jwassal il-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa; jirrimarka, barra minn hekk, li t-Trattat jirrikjedi li l-Parlament Ewropew jiġi infurmat wara li l-Kunsill ikun adotta rakkomandazzjonijiet, kif ukoll dwar ir-riżultati tas-sorveljanza multilaterali;

37.  Jenfasizza l-importanza li l-parlamenti nazzjonali jiddibattu r-rapporti tal-pajjiżi u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż u li jivvutaw dwar programmi nazzjonali ta' riforma, kif ukoll programmi nazzjonali ta' konverġenza jew stabbiltà; jistieden lill-Istati Membri jinvolvu lis-sħab soċjali, lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u lil partijiet ikkonċernati rilevanti oħra b'mod strutturat, billi jittieħed vantaġġ mill-pubblikazzjoni bikrija tar-rapporti tal-pajjiż; jenfasizza r-rwol insostitwibbli tas-sħab soċjali fl-iffissar tal-pagi u r-rwol vitali li għandhom jiżvolġu f'diskussjonijiet ekonomiċi usa', b'mod partikolari fir-rigward tal-promozzjoni tal-produttività; jappella, barra minn hekk, għal kooperazzjoni aktar b'saħħitha mill-parlamenti nazzjonali mal-Parlament Ewropew;

38.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tvara negozjati dwar ftehim interistituzzjonali dwar il-governanza ekonomika; jinsisti li dan il-FII għandu jiżgura li, fi ħdan il-qafas tat-Trattati, l-istruttura tas-Semestru Ewropew tippermetti skrutinju parlamentari sinifikanti u regolari tal-proċess, b'mod partikolari fir-rigward tal-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u tar-rakkomandazzjonijiet għaż-żona tal-euro;

Politiki baġitarji

39.  Jiddeplora l-fatt li ma hemm ebda lieva sodisfaċenti disponibbli, meta jitqies id-daqs modest tal-baġit tal-UE, u jiddispjaċih li huwa impossibbli li tkun modifikata s-sistema tar-riżorsi proprji, u li t-tbassir ekonomiku, il-prijoritajiet tal-politika ekonomika u l-proċeduri baġitarji annwali u pluriennali ma għandhom l-ebda koerenza bejniethom;

40.  Jirrimarka li l-baġit tal-UE jgħin direttament biex jintlaħqu tnejn mit-tliet objettivi stabbiliti fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016 (il-varar mill-ġdid tal-investiment, il-ħidma għal riformi strutturali, u l-implimentazzjoni responsabbli u onesta ta' politiki fiskali li jkunu proporzjonati ma' impenji politiċi ddikjarati); jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li l-fondi tal-UE jintużaw għall-assistenza teknika bħala appoġġ għar-riformi strutturali;

41.  Jikkunsidra li l-baġit tal-UE jista' jgħin biex itaffi l-piż fuq il-baġits nazzjonali u jsaħħaħ l-isforzi ta' konsolidazzjoni fiskali billi jipprovdi riżorsi proprji kif ukoll jirrazzjonalizza n-nefqa; huwa konvint li forom aktar mifruxa ta' ġestjoni tal-fondi pubbliċi fil-livell tal-UE jagħmluha possibbli li jinkisbu ekonomiji ta' skala u b'hekk jitnaqqas l-infiq, pereżempju fl-oqsma diplomatiċi u militari, filwaqt li ma jitqajmux dubji dwar il-prinċipju tal-ġestjoni kondiviża, b'mod partikolari għall-Fondi Strutturali;

42.  Jenfasizza li huwa illegali li l-baġit tal-UE jkun f'defiċit; jinnota li l-Istati Membri qed jagħmlu l-baġit tal-UE fattur varjabbli ta' aġġustament tal-baġits nazzjonali;

43.  Jenfasizza li integrazzjoni akbar fiż-żona tal-euro hija indispensabbli sabiex tiġi kkompletata l-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM), u li l-unjoni baġitarja hija fundamentali għat-tħaddim tajjeb tal-euro;

44.  Jitlob, fir-rigward tal-pożizzjoni tal-Parlament dwar iż-żona tal-euro u l-kapaċità baġitarja tagħha, li jitqiesu l-konklużjonijiet tar-rapport fuq inizjattiva proprja dwar il-kapaċità baġitarja taż-żona tal-euro, li se jitħejja matul l-2016;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni twettaq ir-rieżami tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) previst fil-ftehim politiku milħuq bejn il-Parlament, il-Kummissjoni u l-Kunsill f'Ġunju 2013; jirrimarka li l-kriżi finanzjarja u umanitarja li laqtet lill-UE bejn l-2009 u l-2014 enfasizzat l-inadegwatezza tal-QFP attwali; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa għal riforma komprensiva tal-programmazzjoni finanzjarja tal-UE li tqis kif xieraq l-objettivi u l-finanzjament u d-durata tal-istrumenti disponibbli;

Politiki dwar l-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

46.  Jenfasizza li, jekk ir-riforma tal-leġiżlazzjoni dwar l-iskart u l-pjan ta' azzjoni dwar l-ekonomija ċirkolari għandhom imexxu 'l quddiem it-tranżizzjoni tal-ekonomija Ewropea lejn mudell ċirkolari, huwa essenzjali li, f'dan is-sens, jiġu integrati r-rakkomandazzjonijiet fil-proċess tas-Semestru Ewropew biex tingħata spinta lill-kompetittività, il-ħolqien tal-impjiegi u jiġi ġġenerat tkabbir sostenibbli; jirrakkomanda li l-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari għandhom jiġu integrati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż;

47.  Itenni l-ħtieġa ta' qafas fiskali li jippremja l-iżvilupp ta' politiki sostenibbli u jkun konformi mal-prinċipju ta' "min iniġġes iħallas", filwaqt li jipprovdi s-sinjali xierqa għall-investiment fl-effiċjenza fir-riżorsi, il-modernizzazzjoni tal-proċessi ta' produzzjoni u l-manifatturar ta' prodotti li jissewwew aktar u li jservu aktar; itenni l-ħtieġa li jitneħħew gradwalment is-sussidji li jagħmlu l-ħsara lill-ambjent, inklużi l-fjuwils fossili, u li t-taxxi jinbidlu minn dawk fuq ix-xogħol għal dawk fuq it-tniġġis ambjentali;

48.  Iqis li huwa importanti li jiġu vvalutati l-prestazzjoni u s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-kura tas-saħħa fil-qafas tas-Semestru Ewropew u jappoġġa bidla lejn approċċ imsejjes fuq l-eżiti kif ukoll l-attenzjoni mogħtija lill-prevenzjoni tal-mard u l-promozzjoni tas-saħħa; jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-partijiet ikkonċernati kollha, tiżviluppa għodod biex tissorvelja r-riżultati tas-saħħa, tkejjel l-aċċess għal kura tas-saħħa ta' kwalità għolja u tinkoraġġixxi trasparenza tal-ispejjeż tar-riċerka medika bl-għan li jitnaqqsu d-diverġenzi soċjali u l-inugwaljanzi fis-settur tas-saħħa bejn u fi ħdan l-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra, fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, l-impatti fiskali u fit-tul fuq is-saħħa ta' miżuri mmirati lejn programmi ta' prevenzjoni;

49.  Jenfasizza l-importanza tas-sostenibbiltà tas-settur tal-kura tas-saħħa, li għandu rwol importanti fl-ekonomija ġenerali peress li jirrappreżenta 8 % tal-forza tax-xogħol Ewropea totali u 10 % tal-PDG fl-UE, kif ukoll li jkun kapaċi jipprovdi aċċess ugwali għas-servizzi tal-kura tas-saħħa għaċ-ċittadini kollha, peress li s-saħħa hija fattur essenzjali għall-istabbiltà, is-sostenibbiltà u l-iżvilupp ulterjuri tal-Istati Membri u l-ekonomiji tagħhom;

Politiki reġjonali

50.  Jinnota s-sinifikat tal-investiment tal-UE għal reġjuni anqas żviluppati u l-importanza li tiġi żgurata l-kapaċità tagħha li tattira aktar investiment, u b'hekk tippromwovi koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali;

51.  Jinnota r-rabtiet bejn l-objettivi tal-proċess tas-Semestru Ewropew u l-programmazzjoni tal-Fondi SIE għall-2014-2020, riflessi fil-Ftehimiet ta' Sħubija; iqis għalhekk li, wara r-riforma tal-2014-2020, l-istrumenti tal-politika ta' koeżjoni jista' jkollhom rwol importanti ħafna fl-implimentazzjoni tas-CSRs rilevanti, u b'hekk jappoġġaw riformi strutturali u jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-miri strateġiċi tal-UE u għall-implimentazzjoni effettiva tal-Ftehimiet ta' Sħubija; jissottolinja, madankollu, in-natura pluriennali u fit-tul tal-programmi u l-objettivi taħt il-Fondi SIE b'kuntrast maċ-ċiklu annwali tas-Semestru Ewropew, u l-ħtieġa ta' koordinazzjoni bejn il-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea, il-ħtiġijiet nazzjonali, il-ħtiġijiet reġjonali u l-ħtiġijiet lokali;

o
o   o

52.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet tal-Istati Membri, lill-parlamenti nazzjonali u lill-Bank Ċentrali Ewropew.

(1) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 12.
(2) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41.
(3) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 8.
(4) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 33.
(5) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(6) ĠU L 306, 23.11.2011, p. 1.
(7) ĠU L 140, 27.5.2013, p. 11.
(8) ĠU L 140, 27.5.2013, p. 1.
(9) ĠU L 192, 18.7.2015, p. 27.
(10) ĠU L 268, 15.10.2015, p. 28.
(11) ĠU L 169, 1.7.2015, p. 1.
(12) Testi adottati, P8_TA(2015)0238.
(13) Testi adottati, P8_TA(2015)0408.
(14) Testi adottati, P8_TA(2015)0469.


Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti soċjali u tal-impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016
PDF 587kWORD 211k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016 (2015/2330(INI))
P8_TA(2016)0059A8-0031/2016

Il-Parlament Ewropew,

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

—  wara li kkunsidra l-Artikoli 145, 148, 152 u 153(5) TFUE,

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 174 TFUE,

—  wara li kkunsidra l-Artikolu 349 TFUE, li jiddefinixxi status speċifiku għar-reġjuni ultraperiferiċi,

—  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-Titolu IV (Solidarjetà) tagħha,

—  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2015 bit-titolu "Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2016 – Tisħiħ tal-irkupru u trawwim tal-konverġenza" (COM(2015)0690),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2015 bit-titolu "Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2016" (COM(2015)0691),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2015 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (COM(2015)0692),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi mill-Kummissjoni u l-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2015 li jakkumpanja l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016 (COM(2015)0700),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Ottubru 2015 dwar passi lejn l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (COM(2015)0600),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Marzu 2015 dwar il-linji gwida tal-politiki tal-Istati Membri għall-impjiegi (COM(2015)0098), u l-pożizzjoni tal-Parlament tat-8 ta' Lulju 2015 dwarha(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Jannar 2015 bit-titolu "L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u Tkabbir" (COM(2015)0012),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 bit-titolu "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" (COM(2014)0903),

—  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' April 2014 dwar Sistemi tas-Saħħa Effettivi, Aċċessibbli u Reżiljenti (COM(2014)0215),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ottubru 2013 bit-titolu "It-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja" (COM(2013)0690),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu "Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020" (COM(2013)0083),

—  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu "L-Investiment fit-Tfal: Niksru ċ-Ċiklu tal-Iżvantaġġ) (C(2013)0778),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2012 bit-titolu "Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta' impjiegi" (COM(2012)0173),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2011 bit-titolu "Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ" (COM(2011)0933),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2010 bit-titolu "Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali" (COM(2010)0758), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Novembru 2011 dwarha(2),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

—  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015 u l-impenn strateġiku sussegwenti għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2016-2019, li jirreferu speċifikament għall-impjieg u l-indipendenza ekonomika tan-nisa,

—  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/867/KE tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol,

—  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Ħames Presidenti tat-22 ta' Ġunju 2015 bit-titolu "L-Ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja",

—  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali bħala mutur ewlieni għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali fl-Ewropa (13414/15),

—  wara li kkunsidra r-rapport tal-2014 tal-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali bit-titolu "Protezzjoni soċjali adegwata għal ħtiġijiet ta' kura fit-tul f'soċjetà li qed tixjieħ",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2015 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi b'enfasi speċjali fuq il-faqar fost it-tfal(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar il-politika ta' koeżjoni u r-rieżami tal-istrateġija Ewropa 2020(4),

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija għal tweġiba orali O-000121/2015 – B8-1102/2015 lill-Kunsill u r-riżoluzzjoni relatata tiegħu tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar "L-Intraprenditorija Soċjali u l-Innovazzjoni Soċjali fil-ġlieda kontra l-qgħad"(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 bit-titolu "Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015"(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar impjiegi u aspetti soċjali tal-istrateġija Ewropa 2020(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Lulju 2014 dwar l-impjieg taż-żgħażagħ(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 bit-titolu "L-Unjoni Ewropea kif tista' tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' ambjent ospitabbli biex l-intrapriżi, in-negozji u n-negozji ġodda joħolqu l-impjiegi?"(10),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2014 dwar Strateġija tal-UE għall-Persuni Mingħajr Dar(11),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-Ekonomija Soċjali(12),

—  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-2 ta' Frar 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta' xogħol mhux iddikjarat(13),

—  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tar-rapport tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità dwar ir-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea (Settembru 2015),

—  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 3/2015 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE: ittieħdu l-ewwel passi iżda hemm riskji fil-ġejjieni għall-implimentazzjoni"(14),

—  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Eurostat ta' April 2015 dwar il-qgħad fir-reġjuni tal-Unjoni Ewropea,

—  wara li kkunsidra l-eżami trimestrali dwar l-Impjiegi u s-Sitwazzjoni Soċjali fl-UE ta' Marzu 2015(15),

—  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-OECD tad-9 ta' Diċembru 2014 "Tendenzi fl-Inugwaljanza tal-Introjtu u l-Impatt tagħha fuq it-Tkabbir Ekonomiku",

—  wara li kkunsidra l-ħames edizzjoni u s-sitt edizzjoni tal-Istħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol (2010 u 2015)(16),

—  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tas-16 ta' Frar 2016 dwar ir-rwol tas-sħab soċjali fil-proċess tas-Semestru Ewropew,

—  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tas-17 ta' Ġunju 2014 dwar "Changes to wage-setting mechanisms in the context of the crisis and the EU's new economic governance regime",

—  wara li kkunsidra d-dibattitu mar-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali dwar il-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew tal-2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0031/2016),

A.  billi r-rata tal-qgħad ilha tonqos bil-mod mit-tieni nofs tal-2013, iżda mhux b'mod sinifikanti biżżejjed biex trażżan il-qgħad u l-faqar, minkejja ċerti politiki makroekonomiċi ta' appoġġ u riformi strutturali; billi madankollu r-rata tal-qgħad għadha għolja wisq f'ħafna Stati Membri, u attwalment tolqot 9,9 % taċ-ċittadini attivi, jiġifieri 23 miljun Ewropew, li madwar nofshom huma qiegħda fit-tul, b'ċifra ta' aktar minn 10 % fiż-żona tal-euro, u dan kollu għadu ogħla miċ-ċifri tal-2008; billi dan jenfasizza li huwa essenzjali li jitqiesu ċ-ċirkostanzi makroekonomiċi speċifiċi u l-ħtieġa għal aktar riformi strutturali li jkunu soċjalment ġusti, u li l-impatt soċjali tagħhom għandu jiġi vvalutat qabel ma jidħlu fis-seħħ;

B.  billi l-irkupru ekonomiku issa daħal fit-tielet sena tiegħu, bi previżjoni ta' żieda ta' 2 % għall-UE28 fl-2016 u ta' 1,8 % fiż-żona tal-euro, iżda għadu irregolari fost u fi ħdan l-Istati Membri u parzjalment jitmexxa minn fatturi temporanji, bħat-tnaqqis kontinwu fil-prezzijiet tal-enerġija, li jikkontribwixxi għaż-żieda fil-kapaċità ta' nfiq, f'każijiet fejn dan ikollu impatt fuq l-ekonomija reali; billi dan juri li l-UE tista' tagħmel iktar biex issaħħaħ l-irkupru ekonomiku u soċjali, sabiex b'hekk ikun aktar sostenibbli fuq terminu ta' żmien medju, speċjalment fis-sitwazzjoni attwali ta' inċertezza fl-ekonomija globali;

C.  billi l-konsolidazzjoni fiskali fl-UE28 qed titjieb, bi tnaqqis tad-defiċit tal-baġit ġenerali minn 4,5 % fl-2011 għal 2,5 % fl-2015;

D.  billi, kif iddikjarat mill-Kummissjoni Ewropea(17), id-diverġenzi rigward l-impjiegi u d-diverġenzi soċjali fi ħdan u fost l-Istati Membri għadhom qed jippersistu u l-iżviluppi soċjali għadhom juru diverġenza ulterjuri madwar l-UE li qed ixxekkel it-tkabbir, l-impjiegi u l-koeżjoni; billi s-soċjetajiet li huma kkaratterizzati minn livell għoli ta' ugwaljanza u investiment fin-nies għandhom prestazzjoni aħjar fir-rigward tar-reżiljenza tat-tkabbir u tal-impjiegi.

E.  billi r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fil-livell tal-UE hija ta' 22,6 %, u fl-2014 il-proporzjon taż-żgħażagħ li ma kinux fl-edukazzjoni, f'impjieg jew f'taħriġ (NEETs) kien ta' 12,3 %, u b'hekk dan il-grupp jinsab f'riskju ta' esklużjoni mis-suq tax-xogħol, u dan iwassal għal telf ta' ħiliet u kapital uman; billi dan jikkontribwixxi għal nuqqas ta' awtonomija individwali u jipperikola l-integrazzjoni soċjali; billi r-responsabilità primarja għall-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ tinsab f'idejn l-Istati Membri f'termini tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-oqfsa regolatorji tas-suq tax-xogħol, is-sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol;

F.  billi fl-2014, ir-rata tal-impjieg fl-UE28 żdiedet b'0,8 % filwaqt li dik fiż-żona tal-euro żdiedet b'0,4 %, u billi hemm differenzi konsiderevoli bejn il-prestazzjonijiet tal-Istati Membri, fejn ħamsa minnhom naqqsu r-rati tal-impjieg tagħhom mill-inqas b'ħames punti perċentwali bejn l-2009 u l-2014; billi fl-2014 in-numru ta' persuni li jaħdmu għal rashom żdied b'madwar l-istess rata bħall-impjieg u mill-2013 iż-żieda fl-għadd totali ta' impjiegi kienet prinċipalment xprunata minn żieda fil-kuntratti temporanji, għalkemm dan ivarja ħafna fost l-Istati Membri; billi l-livell tal-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tiegħu jvarjaw bejn il-pajjiżi Ewropej; billi ħafna żgħażagħ jew japplikaw għal studji postuniversitarji addizzjonali fi sforz li jevitaw il-qgħad jew inkella jitilqu minn pajjiżhom biex ifittxu impjieg fi Stati Membri oħra; billi dawn iż-żewġ każijiet mhumiex inklużi fl-statistika nazzjonali dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ;

G.  billi r-rata tal-impjieg tan-nisa (63,5 % f'Mejju 2015) għadha ferm taħt il-mira ewlenija ta' 75 % tal-Ewropa 2020, u r-rata ta' impjieg part-time tan-nisa għadha għolja, b'32,2 % apparagun tar-rata ta' 8,8 % għall-irġiel, anki jekk wieħed jikkunsidra l-bżonnijiet u l-għażliet ħielsa individwali; billi, iż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol tista' tgħin biex jitnaqqsu dawn id-differenzi u biex jiġi indirizzat ir-riskju akbar ta' faqar u esklużjoni soċjali tan-nisa;

H.  billi t-telf ta' kapital uman minħabba l-qgħad huwa kbir u billi l-kost totali tal-qgħad fost iż-żgħażagħ ġie stmat li jammonta għal EUR 153 biljun kull sena(18); billi, apparti l-effetti finanzjarji u soċjali tagħhom, il-qgħad, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul jaffettwaw b'mod negattiv il-konverġenza soċjali u finalment jispiċċaw biex ixekklu t-tkabbir ekonomiku sostenibbli;

I.  billi fl-2014 madwar 5 % tal-forza tax-xogħol fl-UE28 kienu ilhom qiegħda għal aktar minn sena, u 3,1 % għal aktar minn sentejn; billi nofs il-ħaddiema ta' bejn l-età ta' 55 u 65 biss għandhom xogħol u l-qgħad fit-tul huwa partikolarment prevalenti fost dawk iktar żgħażagħ u dawk akbar fl-età; billi d-diskriminazzjoni kontra l-persuni li jkunu qiegħda fit-tul u jkunu qed ifittxu xogħol sfortunatament hija komuni ħafna; billi tali prattiki huma bbażati fuq l-istigma psikoloġika assoċjata mal-qgħad, u l-impjegaturi jistgħu jipperċepixxu l-applikanti mdaħħla fiż-żmien mingħajr impjieg bħala inqas kompetenti u inqas impjegabbli minn individwi impjegati; billi hemm ħtieġa li l-impjegaturi jħarrġu l-maniġers tar-riżorsi umani biex jegħlbu l-preġudizzji possibbli kontra l-ħaddiema qiegħda u l-ħaddiema ikbar fl-età u biex jiffukaw fuq il-kwalifiki u l-esperjenza iktar milli fuq l-istatus tal-impjieg attwali;

J.  billi madwar 20 % taċ-ċittadini attivi fl-UE għandhom biss ħiliet bażiċi u 40 % tal-popolazzjoni tal-UE tista' titqies li m'għandhiex biżżejjed ħiliet diġitali; billi, minkejja d-diffikultajiet iffaċċati minn ħafna nies, inklużi ż-żgħażagħ, sabiex jidħlu fis-suq tax-xogħol, hemm madwar 2 miljun post tax-xogħol vakanti fl-UE, li minnhom madwar 900 000 huma fis-settur diġitali, u 39 % tal-kumpaniji għad għandhom diffikultajiet biex isibu persunal bil-ħiliet meħtieġa, għalkemm ir-riċerka turi li l-kumpaniji li ma jistgħux isibu ħaddiema bil-ħiliet meħtieġa ħafna drabi jkunu dawk li ma jkunux lesti joffru kuntratti fit-tul; billi, fl-2012, wieħed minn kull tliet Ewropej la kienu kwalifikati żżejjed u lanqas mhux kwalifikati biżżejjed għal xogħolhom; billi l-livelli edukattivi baxxi u d-disparità bejn l-edukazzjoni u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol huma fost il-kawżi ewlenin għalfejn iż-żgħażagħ isiru NEETs, u dan jaffettwa t-tkabbir b'mod negattiv; billi huwa essenzjali li jiġu identifikati l-għeruq tal-problema tat-tluq bikri mill-iskola u jagħti pariri lill-Istati Membri biex jirkupraw l-infiq fl-edukazzjoni f'livelli li jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet tal-Ewropa 2020;

K.  billi x-xogħol mhux iddikjarat iċaħħad lill-ħaddiema mid-drittijiet soċjali u tax-xogħol tagħhom, irawwem id-dumping soċjali, u għandu implikazzjonijiet baġitarji serji minħabba li jwassal għal telf ta' dħul mit-taxxa u mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, u dan jipproduċi effetti negattivi fuq l-impjieg, il-produttività u l-kwalità tax-xogħol, l-iżvilupp tal-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja, u jmur ukoll kontra sistema effiċjenti u effettiva tad-drittijiet tal-pensjoni, inter alia peress li jżid id-distakk fil-pensjonijiet, u jaffettwa wkoll l-aċċess għall-kura tas-saħħa f'xi Stati Membri; billi hemm il-ħtieġa għal aktar sforzi biex ix-xogħol mhux iddikjarat jinbidel f'xogħol iddikjarat;

L.  billi għalkemm forom atipiċi jew mhux standard tal-impjieg fihom infushom ma jikkostitwixxux xogħol prekarju, huwa aktar probabbli li jinsabu fejn il-kuntratti ta' din in-natura japplikaw, għalkemm dawn il-kuntratti jammontaw għal minoranza tar-relazzjonijiet tal-impjieg eżistenti(19); billi n-nuqqas ta' sigurtà huwa element ieħor ta' prekarjetà, li jinkludi l-inċertezza tax-xogħol, id-dħul insuffiċjenti, in-nuqqas ta' protezzjoni kontra s-sensji, u tul mhux magħruf tal-impjieg; billi kien hemm żieda inkwetanti ta' kuntratti ta' dan it-tip f'ċerti Stati Membri; billi sabiex jiġi evitat l-użu mhux xieraq ta' tali kuntratti, irid jiġi implimentat mekkaniżmu ta' spezzjoni tax-xogħol effiċjenti u effettiv fil-livell nazzjonali; billi huwa importanti li jiġu stimulati l-impjiegi ta' kwalità li jipprovdu dħul u sigurtà ekonomika adegwati għall-familji;

M.  billi waħda mill-ħames miri tal-Ewropa 2020 għandha l-għan li tnaqqas mill-inqas b'20 miljun in-numru ta' persuni fqar u f'esklużjoni soċjali jew f'riskju ta' dan; billi kważi 123 miljun persuna fl-UE huma f'din is-sitwazzjoni; billi fl-2013, 26,5 miljun tifel u tifla fl-UE28 kienu fir-riskju li jispiċċaw f'faqar jew esklużjoni soċjali; billi n-numru ta' Ewropej li jinsabu f'riskju ta' faqar żdied fil-perjodu 2009-2012, iżda s-sitwazzjoni saret iktar stabbli apparagun tan-numri fl-2013 u fl-2014; billi l-problema ta' persuni mingħajr dar żdiedet f'ħafna Stati Membri; billi 32,2 miljun persuna b'diżabilità ta' età iktar minn 16-il sena fl-2012 kienu f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali; billi l-miri tal-Ewropa 2020 għadhom ma ntlaħqux u għalhekk hemm bżonn ta' rieżami immedjat tal-istrateġija;

N.  billi l-proporzjon tal-popolazzjoni tal-UE li għandhom aktar minn 65 sena apparagun tan-numru ta' persuni li għandhom bejn 15 u 64 sena huwa pproġettat li jiżdied minn 27,8 % għal 50,1 % sal-2060, filwaqt li l-proporzjon tad-dipendenza ekonomika totali(20) mistenni li jistabbilizza għal iktar minn 120 % sa nofs id-deċennju li jmiss u mbagħad jiżdied għal aktar minn 140 % sal-2060; billi dawn il-fatturi, kif ukoll bidliet demografiċi oħra, bħat-tixjiħ tal-popolazzjoni, id-densità tal-popolazzjoni jew it-tixrid tal-popolazzjoni, jenfasizzaw il-ħtieġa li l-awtoritajiet pubbliċi jintroduċu politiki komprensivi u soċjalment responsabbli bl-għan li tiżdied ir-rata tat-twelid, jiġu ffaċilitati rati għoljin ta' impjiegi ta' kwalità, u tiġi promossa s-suffiċjenza fis-sistemi tas-sigurtà soċjali u t-tixjiħ attiv, jiġu introdotti riformi soċjalment responsabbli fis-suq tax-xogħol u fis-sistemi tal-irtirar u jiġu żgurati s-suffiċjenza u l-adegwatezza tal-ewwel pilastru tal-pensjonijiet fuq perjodu ta' żmien qasir, medju u twil;

O.  billi d-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi fl-UE għadha sostanzjali, b'40 %, u dan jirrifletti d-differenzi bejn in-nisa u l-irġiel fir-rigward tax-xogħol part-time u full-time, kif ukoll id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u l-karrieri aktar qosra tan-nisa;

P.  billi n-numru li qiegħed jiżdied ta' persuni anzjani dipendenti għandu u se jkollu impatt dejjem akbar fuq is-sistemi tas-saħħa u tal-kura fit-tul, u l-bżonn ta' riżorsi tal-kura formali u informali; billi s-sistemi tas-sigurtà soċjali attwali ma jikkunsidrawx biżżejjed is-sitwazzjoni tal-persuni li jipprovdu kura informali, li jikkostitwixxu riżorsa kbira għas-soċjetà;

Q.  billi d-dejn pubbliku u privat għadu għoli wisq f'bosta Stati Membri, u dan ixekkel is-saħħa tal-ekonomiji tal-UE; billi r-rati baxxi ta' imgħax fiż-żona tal-euro jistgħu jintużaw sabiex ikabbru l-marġni ta' azzjoni tal-Istati Membri; billi huwa neċessarju li jsir dibattitu fid-dettall dwar l-indirizzar tad-dejn fl-UE;

R.  billi, fid-dawl tat-tendenza attwali, f'dawn l-10 snin sa 15-il sena li ġejjin, 90 % tat-tkabbir dinji se jiġi minn barra l-UE; jemmen, għalhekk, li jeħtieġ li jkomplu jiġu żviluppati u promossi strateġiji favur tkabbir reali u ħolqien tal-impjiegi fl-Istati Membri; billi huwa essenzjali li jiġu implimentati politiki industrijali u tas-suq innovattivi sabiex tiżdied il-kompetittività intra-UE u dik globali u b'hekk tingħata għajnuna biex jinkisbu opportunitajiet ta' impjiegi sostenibbli u soċjalment inklużivi;

S.  billi 20 % tal-infiq tal-Fond Soċjali Ewropew għandu jintuża biex jindirizza l-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-Istati Membri;

T.  billi l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) diġà approva 69 proġett fi 18-il pajjiż, u ffirma 56 operazzjoni (b'finanzjament totali taħt dan il-fond li jammonta għal madwar EUR 1,4 biljun), u dan mistenni li jirriżulta f'aktar minn EUR 22 biljun f'investiment u li jinvolvi madwar 71 000 SME; billi hemm bżonn ta' aktar sforz biex jiġi żgurat li jiġi pprovdut finanzjament għal infrastruttura soċjali bħall-kura tat-tfal, bl-għan li jiġu ssodisfati l-impenji ta' Barċellona li ilhom għaddejin għal żmien twil; billi dawn il-proġetti fil-biċċa l-kbira jinvolvu skemi infrastrutturali kbar, filwaqt li l-SMEs u l-mikrointrapriżi normalment jiġu esklużi minn dawn il-fondi minkejja l-importanza tagħhom bħala s-sinsla tal-ekonomija Ewropea u ġeneratur ta' impjiegi ta' kwalità;

U.  billi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jinkludu 2 miljun negozju (10 % tat-total tal-UE) li jimpjegaw aktar minn 14-il miljun persuna, li jirrappreżenta madwar 6,5 % tal-ħaddiema fl-UE;

V.  billi r-reġjuni ultraperiferiċi qed jiffaċċaw diffikultajiet kbar relatati mal-karatteristiċi speċifiċi tagħhom li jillimitaw il-potenzjal tagħhom għat-tkabbir; billi r-rati tal-qgħad f'dawk ir-reġjuni jvarjaw bejn 15 % u 32,4 %;

W.  billi attwalment hemm 6,9 miljun ċittadin tal-UE li jeżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom għall-moviment liberu u li jgħixu u jaħdmu f'pajjiż ieħor tal-UE; billi hemm aktar minn 1,1 miljun ħaddiem transkonfinali jew tal-fruntiera; billi l-moviment liberu tal-persuni huwa fundamentali għat-tisħiħ tal-konverġenza bejn il-pajjiżi Ewropej;

X.  billi l-għadd li dejjem qed jiżdied ta' refuġjati fl-Ewropa jeżiġi solidarjetà u sforzi aktar ibbilanċjati u msaħħa mill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali f'termini ta' miżuri ta' integrazzjoni, bħal pereżempju l-għajnuna soċjali b'konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE dwar l-ażil u azzjonijiet u strateġiji fuq terminu medju sa twil għall-ilqugħ u l-integrazzjoni tar-refuġjati fis-soċjetà;

Investiment fin-nies

1.  Jenfasizza li l-ħtieġa li jsir investiment fl-iżviluppi soċjali mhijiex biss mezz biex jiġi ggarantit li jistgħu jinkisbu żvilupp ekonomiku sostenibbli inklużiv u konverġenza, iżda trid tkun ukoll mira speċifika fiha nnifisha; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tal-indikaturi tal-kwalità tal-impjieg, tal-faqar u tal-inugwaljanza; jilqa' t-talba tal-Kummissjoni għal investiment fis-servizzi bħall-appoġġ għall-akkomdazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-kura tat-tfal, u s-servizzi ta' riabilitazzjoni; jenfasizza li l-koeżjoni ekonomika u soċjali għandha tibqa' l-objettiv primarju tal-politiki kollha tal-UE u li għandhom isiru aktar sforzi biex issir evalwazzjoni aktar kumplessa u oġġettiva bbażata fuq id-diversità u karatteristiċi tal-Istati Membri;

2.  Jilqa' l-fatt li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni (SAT) jenfasizza l-ħtieġa li tingħata aktar attenzjoni lill-ġustizzja soċjali fil-kuntest tal-programmi nazzjonali l-ġodda ta' stabilità u riforma, biż-żieda ta' tliet indikaturi tal-impjieg (ir-rata tal-attività, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul) fil-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku; iħeġġeġ sabiex dawn l-indikaturi jkunu fuq bażi verament ekwa mal-indikaturi eżistenti, biex b'hekk ikunu jistgħu jikkawżaw analiżi profonda fl-Istati Membri rilevanti u jiggarantixxu li l-iżbilanċi interni tagħhom jiġu vvalutati ulterjorment, filwaqt li jiġu proposti u mmonitorjati riformi ekonomiċi u soċjali;

3.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-azzjoni tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li poġġiet il-ġustizzja soċjali fil-qalba tal-irkupru ekonomiku Ewropew; jenfasizza l-kisbiet ta' konverġenza tal-UE permezz tal-ħolqien ta' UEM u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni sabiex jagħtu spinta 'l fuq lill-konverġenza soċjali fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi u tikkwantifika l-kunċett tagħha ta' ġustizzja soċjali, b'kunsiderazzjoni kemm tal-politiki tal-impjieg kif ukoll dawk soċjali, li għandha tinkiseb permezz tas-SAT 2016 u s-Semestru Ewropew.

4.  Ifakkar li l-impjieg ta' kwalità u inklużiv jikkostitwixxi pilastru essenzjali għall-ġustizzja soċjali, u jippromwovu d-dinjità tal-bniedem għal kulħadd; jemmen li f'dan is-sens il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u l-ġenerazzjoni tat-tkabbir għandhom ikunu fil-qofol tal-politiki tal-Istat Membru u tal-UE, speċjalment għaż-żgħażagħ u għall-"Ġenerazzjoni 55+", bħala mezz biex jinbnew ekonomiji soċjali aktar sostenibbli fl-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw u jiżviluppaw aktar il-politiki dwar l-impjieg taż-żgħażagħ billi jqabblu dawk il-politiki mal-bżonnijiet reali tas-suq tax-xogħol;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex trawwem, fil-livell tal-Istati Membri, forom ta' kooperazzjoni li jinvolvu lill-gvernijiet, l-intrapriżi, inklużi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, l-istituzzjonijiet edukattivi, is-servizzi individwalizzati, is-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali, fuq il-bażi tal-iskambju tal-aħjar prattiki u bl-għan li jkun hemm tlaqqigħ aħjar tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Istati Membri biex jiġi miġġieled in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet, jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u jingħata appoġġ għal aċċess għall-impjieg u ż-żamma tiegħu fis-suq tax-xogħol miftuħ għall-persuni kollha fl-Ewropa, b'mod partikolari permezz ta' taħriġ doppju; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ifasslu bir-reqqa u jagħmlu evalwazzjoni ex ante tar-riformi strutturali kollha fis-sistemi edukattivi nazzjonali, b'kooperazzjoni mas-sħab soċjali, sabiex jiġi żgurat li l-edukazzjoni tipprovdi l-għodod xierqa liċ-ċittadini; jistieden lill-Istati Membri biex jinkludu l-kultura tal-intraprenditorija u l-prinċipji tal-ekonomija soċjali fil-programmi edukattivi u ta' taħriġ tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi, fil-livell ta' Stati Membru, strateġija tal-investiment usa' għaċ-ċiklu sħiħ ta' edukazzjoni u taħriġ, li tkopri s-setturi kollha tat-tagħlim tul il-ħajja, it-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol u t-tagħlim fuq il-post tax-xogħol, u t-tagħlim formali u mhux formali;

6.  Jinnota li minkejja li l-isforzi fl-edukazzjoni huma ffukati primarjament fuq il-parti żagħżugħa tal-forza tax-xogħol, bosta Stati Membri jeħtieġu enfasi usa' fuq l-edukazzjoni tal-forza tax-xogħol, inkluża l-edukazzjoni għall-adulti u l-opportunitajiet ta' taħriġ vokazzjonali; jenfasizza li jekk ikun hemm investiment insuffiċjenti fl-edukazzjoni, speċjalment fil-ħiliet diġitali, dan joħloq theddida għall-pożizzjoni kompetittiva tal-Ewropa u għall-impjegabbiltà tal-forza tax-xogħol tagħha; iħeġġeġ għalhekk lill-Istati Membri biex jipprijoritizzaw edukazzjoni wiesgħa fil-ħiliet diġitali; jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi, fil-livell ta' Stat Membru, strateġija tal-investiment usa' għaċ-ċiklu sħiħ ta' edukazzjoni u taħriġ, li tkopri s-setturi kollha tat-tagħlim tul il-ħajja, it-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol u t-tagħlim fuq il-post tax-xogħol, it-tagħlim doppju u t-tagħlim formali u mhux formali filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li titjieb l-edukazzjoni għall-adulti b'reazzjoni għat-tibdil demografiku b'mod li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Istati Membri jiġu adattati aħjar għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri sabiex jappoġġaw l-apprendistati u sabiex jagħmlu użu sħiħ mill-fondi tal-Erasmus+ li huma disponibbli għall-apprendisti sabiex jiġu ggarantiti l-kwalità u l-attraenza ta' dan it-tip ta' taħriġ;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment fin-nies minn kmieni kemm jista' jkun fiċ-ċiklu tal-ħajja sabiex titnaqqas l-inugwaljanza u titrawwem l-inklużjoni soċjali minn età żgħira; jitlob, għalhekk, aċċess għal servizzi ta' edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal li jkunu ta' kwalità, inklużivi u affordabbli (ECEC) għat-tfal kollha fl-Istati Membri kollha;

8.  Ifakkar fl-importanza tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba f'ambjenti ta' tagħlim mhux formali u informali f'termini ta' titjib tal-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u l-persuni li jkunu qattgħu żmien barra mis-suq tax-xogħol biex jassumu responsabbiltajiet ta' għoti ta' kura; jenfasizza, għalhekk, l-importanza li tinħoloq sistema ta' validazzjoni għal forom ta' għarfien u esperjenza mhux formali u informali, speċjalment dawk miksuba permezz ta' attivitajiet ta' volontarjat; huwa tal-fehma li ċ-ċertifikazzjoni koerenti u r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki se jikkontribwixxu biex jitnaqqas id-distakk bejn in-nuqqas ta' ħiliet fis-suq tax-xogħol Ewropew u ż-żgħażagħ li qed ifittxu impjieg; jinsisti dwar l-implimentazzjoni tal-approċċ qafas ta' tagħlim tul il-ħajja favur mogħdija edukattiva flessibbli li tirrikonoxxi t-tagħlim formali, iżda wkoll it-tagħlim mhux formali u informali biex jitrawmu l-ekwità u l-koeżjoni soċjali u jkun hemm il-possibbiltà ta' opportunitajiet ta' impjieg għall-gruppi aktar vulnerabbli;

9.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, u jenfasizza l-importanza tagħha għat-tranżizzjonijiet mill-iskola għax-xogħol; jiddispjaċih, madankollu, dwar il-fatt li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ ma ġietx implimentata b'mod effettiv f'ħafna Stati Membri; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ggarantiti forom xierqa ta' kollaborazzjoni bejn is-servizzi tal-impjiegi pubbliċi u privati fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew u s-servizzi ta' appoġġ soċjali, inklużi s-servizzi ta' appoġġ standard u dawk individwalizzati; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ tilħaq liż-żgħażagħ li qed jiffaċċaw esklużjonijiet multipli u faqar estrem; fid-dawl ta' dan, jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra rieżami mmirat tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-istrumenti ta' finanzjament tagħha, inkluża l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;jemmen li l-Kummissjoni jista' jkollha rwol biex tiffoka l-attenzjoni tal-Istati Membri fuq il-ħtieġa għal azzjoni u biex tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-aħjar mod kif jista' jiġi miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ;

10.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni favur approċċ individwalizzat għal dawk qiegħda fit-tul, iżda jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni mwiegħra ta' aktar minn 12-il miljun ruħ li huma qiegħda fl-Ewropa; iqis li tali approċċ se jeħtieġ sforz akbar f'termini ta' riżorsi umani, li jeħtieġ li l-parteċipanti bil-livell edukattiv meħtieġ ikunu jistgħu jorjentaw lill-persuni qiegħda dwar kif jegħlbu nuqqasijiet possibbli fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ; jitlob għal appoġġ adegwat għal persuni li qed ifittxu impjieg fil-forma ta' għoti ta' servizz integrat u aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja sabiex jingħelbu d-distakki possibbli; jenfasizza li l-proċessi ta' rikwalifikazzjoni professjonali jeħtieġu riżorsi finanzjarji xierqa li jridu jkunu diretti lejn individwi qiegħda ta' kull età, u li sabiex il-politiki tal-impjiegi attivi jkunu effiċjenti, dawn iridu jinkludu rekwiżiti kemm għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-impjegaturi kif ukoll għal dawk qiegħda fit-tul;

11.  Ifakkar li l-integrazzjoni ta' individwi qiegħda fit-tul hija kruċjali għall-awtokunfidenza, il-benesseri u l-iżvilupp futur tagħhom u hija kruċjali għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u tikkontribwixxi biex tiżgura s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali; iqis li huwa meħtieġ li titqies is-sitwazzjoni soċjali ta' dawn iċ-ċittadini u l-ħtiġijiet tagħhom; jenfasizza, madankollu, li 12.7 % tal-persuni ta' età li jaħdmu qed ibatu l-faqar fost dawk li jaħdmu (fuq ċifri tal-2014, żieda minn 11 % fl-2009), u għalhekk huwa meħtieġ approċċ integrat ta' inklużjoni attiva u ta' investiment soċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex timpenja lill-Istati Membri fi strateġiji u azzjonijiet biex inaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali f'konformità mal-istrateġija tal-Ewropa 2020; jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi biex jinħolqu opportunitajiet inklussivi għal tagħlim tul il-ħajja għall-ħaddiema u għal dawk li qegħdin ifittxu x-xogħol fl-etajiet kollha u biex, mill-aktar fis possibbli, tieħu miżuri li jtejbu l-aċċess għall-finanzjament mill-UE u jiġu mobilizzati riżorsi addizzjonali meta dan ikun possibbli, kif ġara fil-każ tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ.

12.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġi żgurat li l-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, jindirizzaw b'mod attiv in-numri dejjem jikbru ta' persuni bla dar, li attwalment mhumiex koperti mill-indikaturi użati biex ikejlu l-mira tat-tnaqqis tal-faqar tal-UE iżda li jirrappreżentaw realtà soċjali allarmanti li taffettwa mill-inqas 4 miljun ruħ kull sena(21).

13.  Jenfasizza l-ħtieġa għal rispons rapidu u effettiv għall-ħtiġijiet ta' nies qiegħda li għandhom 'il fuq minn 55 sena; jistieden kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri biex jappoġġaw soluzzjonijiet flessibbli tal-impjiegi għal dan il-grupp (inklużi impjiegi part-time u temporanji) li jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, u b'hekk jiġi żgurat li ma joħorġux mid-dinja tax-xogħol qabel iż-żmien; jenfasizza r-rwol importanti ta' ħaddiema aktar anzjani fuq il-post tax-xogħol li jgħaddu l-għarfien u l-esperjenza tagħhom lill-ħaddiema żgħażagħ, pereżempju billi jiġu involuti fil-proċessi ta' taħriġ fil-post tax-xogħol, u b'hekk jiżguraw li l-ħaddiema ta' età 'l fuq minn 55 sena ma jispiċċawx bla xogħol.

Riformi strutturali b'mod soċjali u responsabbli

14.  Jinnota li l-UE kollha kemm hi u ħafna mill-Istati Membri tagħha għadhom ibatu minn problemi strutturali li jeħtieġu li jiġu indirizzati b'mod urġenti; huwa mħasseb dwar l-impatt soċjali ta' dawk il-politiki ta' aġġustament fiskali li jiffokaw fuq it-tnaqqis fl-infiq, u jenfasizza li l-politiki ekonomiċi għandhom jiggarantixxu konformità mal-Artikolu 9 TFUE; jirrimarka dwar il-ħtieġa li titkompla tingħata prijorità lill-investiment pubbliku u privat u lir-riformi strutturali soċjalment u ekonomikament ibbilanċjati li jnaqqsu l-inugwaljanzi, u li jiġu promossi tkabbir sostenibbli u konsolidazzjoni fiskali responsabbli (filwaqt li titqies is-sostenibbiltà tad-dejn, iċ-ċiklu ekonomiku u d-distakk tal-investiment), inklużi politiki ta' dħul permezz tal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, biex b'hekk tissaħħaħ it-triq lejn aktar koeżjoni u konverġenza soċjali 'l fuq; iqis li dawn il-politiki jippromwovu ambjent favorevoli għan-negozju u s-servizzi pubbliċi bl-għan li jinħolqu impjiegi ta' kwalità u progress soċjali u jitrawmu investimenti li jwasslu għal redditi kemm soċjali kif ukoll ekonomiċi; jenfasizza li dawk il-prijoritajiet se jinkisbu biss jekk investiment adegwat fil-kapital uman u fit-tagħlim tul il-ħajja jkun prijoritizzat bħala strateġija komuni; jinsisti fuq l-involviment tas-sħab soċjali fir-rigward tar-riformi strutturali u l-politiki tas-suq tax-xogħol;

15.  Jenfasizza li riformi soċjalment responsabbli jridu jkunu bbażati fuq is-solidarjetà, l-integrazzjoni, il-ġustizzja soċjali u d-distribuzzjoni ġusta tal-ġid – mudell li jiżgura l-ugwaljanza u l-protezzjoni soċjali, jipproteġi lill-gruppi vulnerabbli u jtejjeb l-istandards tal-għajxien għaċ-ċittadini kollha;

16.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa u protetta l-ekonomija tas-suq soċjali, li tipprovdi qafas li fih il-kompetittività u l-istandards soċjali għoljin jikkontribwixxu għall-ġustizzja soċjali u l-ġustizzja soċjali tistimula l-kompetittività; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jinstab bilanċ bejn il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u l-ħtieġa li jiġu żgurati konsolidazzjoni fiskali effiċjenti, ekonomija sostenibbli, koeżjoni soċjali reali u protezzjoni soċjali akbar; jistieden lill-Kummissjoni testendi l-approċċ tagħha għall-insolvenza u l-falliment tan-negozju(22) u biex itejjeb l-iskemi ta' ristrutturar tad-dejn u tat-tieni opportunità;

17.  Jenfasizza li l-SAT għandu jivvaluta b'mod aktar konsistenti l-evoluzzjoni tal-inugwaljanza fl-Ewropa permezz ta' indikaturi ekonomiċi, bħal pereżempju l-indiċi Gini u Palma;

18.  Jistieden lill-Istati Membri biex jipparteċipaw b'mod attiv fil-Pjattaforma tax-Xogħol mhux Iddikjarat u biex isegwu l-iskambju tagħhom tal-aħjar prattiki b'azzjonijiet konkreti biex jiġi ttrattat ix-xogħol mhux iddikjarat, il-kumpanniji tal-isem u l-impjiegi indipendenti fittizji, peress li dawn jipperikolaw kemm il-kwalità tax-xogħol kif ukoll l-aċċess tal-ħaddiema għal sistemi ta' protezzjoni soċjali u tal-finanzi pubbliċi nazzjonali, li jwasslu għal kompetizzjoni inġusta bejn l-intrapriżi Ewropej; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jibdlu x-xogħol mhux iddikjarat f'xogħol iddikjarat u jgħammru b'mod adegwat l-ispezzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll biex isaħħu l-mekkaniżmi tal-ispezzjoni tax-xogħol u jfasslu miżuri li jippermettu lill-ħaddiema jagħmlu l-bidla minn ekonomija informali għal waħda formali, sabiex ikollhom aċċess għal reġimi ta' protezzjoni tal-impjiegi; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jimplimentaw rati tat-taxxa relatati mal-grad ta' stabilità u kwalità tad-diversi forom tar-relazzjoni tal-impjieg, bħala wieħed mill-inċentivi għal kuntratti stabbli;

19.  Iqis li d-dispersjoni tal-pagi żżid l-inugwaljanzi u tippreġudika l-produttività u l-kompetittività tal-kumpaniji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw miżuri biex titejjeb il-kwalità tal-impjiegi sabiex inaqqsu s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol flimkien ma' miżuri li jgħollu l-pagi minimi għal livell adegwat b'mod konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u li jsaħħu n-negozjar kollettiv u l-pożizzjoni tal-ħaddiema f'sistemi tal-formazzjoni tal-pagi sabiex titnaqqas id-dispersjoni tal-pagi; jemmen li dan kollu għandu jsir bl-għan li tiġi appoġġata d-domanda aggregata u l-irkupru ekonomiku, billi jitnaqqsu l-inugwaljanzi fil-pagi u jiġi miġġieled il-faqar fost dawk li jaħdmu;

20.  Jikkunsidra li l-flessigurtà meqjusa bir-reqqa tikkontribwixxi għall-evitar tal-frammentazzjoni tax-xogħol u tippromwovi ż-żamma ta' impjiegi sostenibbli ta' kwalità iżda huwa mħasseb li l-flessigurtà ma ġietx applikata b'mod adegwat f'għadd ta' Stati Membri; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fejn xieraq, biex jiżguraw li d-drittijiet tax-xogħol u l-istandards tas-sigurtà soċjali jitħarsu meta jiġi applikat il-mudell tal-flessigurtà; jistieden lill-Istati Membri biex jimmodernizzaw il-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tal-impjiegi tagħhom sabiex jippromwovu aktar stabbiltà fix-xogħol u s-sigurtà fit-tranżizzjonijiet bejn ix-xogħlijiet u anki permezz ta' kooperazzjoni ikbar u aħjar bejn is-servizzi tal-impjiegi pubbliċi u privati fejn ikun applikabbli, kif ukoll l-aċċess tal-impjegati għas-sigurtà soċjali u d-drittijiet tal-benessri; Diversi Stati Membri wettqu riformi, b'effetti pożittivi viżibbli, pereżempju b'żieda fir-rati tal-impjieg, iżda jiddispjaċih li f'xi każijiet, ir-riformi tax-xogħol iffavorixxew il-flessibilità għad-detriment tas-sigurtà, li rriżulta fil-prekarjetà u nuqqas ta' protezzjoni tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid il-monitoraġġ tal-prattika abbużiva tal-kuntratti suċċessivi għal żmien fiss kif ukoll kuntratti atipiċi suċċessivi oħrajn, fis-setturi kemm privati kif ukoll pubbliċi;

21.  Jistieden lill-Istati Membri biex iqisu l-evoluzzjoni totali tal-pagi tal-ħaddiema tas-servizz pubbliku kif ukoll id-dħul minimu fejn applikabbli, mingħajr preġudizzju għal tkabbir fil-produttività u b'mod sostenibbli u stabbli b'mod li ma jipperikolax il-kompetenzi tagħhom stess;

22.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar l-investiment fil-kapital uman bil-ħsieb li jiġu restawrati l-livelli tal-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli, imma huwa mħasseb serjament dwar il-fatt li n-nefqa pubblika fuq l-edukazzjoni rreġistrat tnaqqis ta' 3,2 %(23) mill-2010, bi tnaqqis fi ħdax-il Stat Membru fl-aktar sena reċenti li għaliha jeżistu ċifri (2013);

23.  Jenfasizza l-importanza ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol fil-kuntest attwali; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-kopertura u l-effikaċja tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol;

24.  Jinnota li jeħtieġ li titħaddan il-bidla lejn l-ekonomija diġitali fil-kuntest tat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ kif ukoll fir-rigward ta' forom ġodda ta' impjiegi;

25.  Jitlob lill-Istati Membri biex gradwalment iċaqilqu l-piż tat-taxxa minn fuq ix-xogħol lejn sorsi oħra b'mod li ma jfixkilx la l-aktar gruppi vulnerabbli fis-soċjetà, speċjalment ħaddiema b'pagi baxxi, u lanqas il-kompetittività ġenerali, filwaqt li tiġi żgurata wkoll is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistemi tal-pensjoni pubbliċi u l-finanzjament adegwat tas-sigurtà soċjali u s-sistemi ta' protezzjoni soċjali; jistieden ukoll lill-Istati Membri biex jimplimentaw ir-regoli fiskali li jrawmu inċentivi għall-intraprenditorija u l-ħolqien tal-impjiegi, speċjalment għaż-żgħażagħ u wkoll għall-"Ġenerazzjoni 55+", sabiex tintuża l-esperjenza professjonali ta' dawk il-ħaddiema u jiġi żgurat it-trasferiment tal-għarfien tagħhom u tingħata spinta lill-proġetti ta' riċerka u ta' innovazzjoni fi ħdan l-intrapriżi Ewropej; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex inaqqsu l-piżijiet amministrattivi sabiex jippromwovu l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ;

26.  Jitlob li s-Semestru Ewropew u s-SAT jivvalutaw l-importanza tal-politiki marbuta mad-dħul, inklużi l-pensjonijiet, l-indikaturi tad-dħul u l-politika fiskali, sabiex tiġi ggarantita l-koeżjoni soċjali u jitreġġgħu lura x-xejriet ta' inugwaljanza;

27.  Jistieden lill-Istati Membri biex jivvalutaw u jżidu l-investiment fis-sistemi attwali tagħhom ta' protezzjoni soċjali, sabiex tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni tagħhom fit-trattament u l-prevenzjoni tal-faqar u l-inugwaljanza filwaqt li jiżguraw is-sostenibbiltà tagħhom quddiem l-isfidi demografiċi, ekonomiċi u soċjali ġodda mistennija, u biex tittejjeb ir-reżiljenza tal-ekonomiji tal-Istati Membri fi żminijiet ta' kriżi; jenfasizza li, is-sistemi tal-protezzjoni soċjali ta' kwalità għolja u l-investiment soċjali huma ta' importanza kbira jekk l-Ewropa trid iżżomm il-vantaġġ kompetittiv ewlieni tagħha - f'termini ta' ħaddiema b'livell għoli ta' ħiliet u kumpaniji produttivi;

28.  Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom iżommu responsabbiltà sħiħa għall-organizzazzjoni tas-sistemi tagħhom tal-pensjoni kif ukoll għal deċiżjonijiet dwar ir-rwol ta' kull wieħed minn dawn it-tliet pilastri tas-sistema ta' rtirar fl-Istati Membri individwali; iqis li l-iskemi tal-pensjonijiet għandhom jipprovdu garanzija kontra l-faqar fl-età anzjana u li għal din ir-raġuni huwa meħtieġ li jiġu implimentati politiki li jiggarantixxu livell sod, sostenibbli u adegwat tal-pensjonijiet tal-ewwel pilastru;

29.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jeqirdu d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri u li jieħdu miżuri iktar attivi biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fejn xieraq skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà bl-għajnuna tas-sħab soċjali, biex jippromwovu linji politiċi favur il-familja li jtejbu l-kura ta' dipendenti oħra kif ukoll il-kapaċità tal-ġenituri bħall-dispożizzjonijiet adegwati ta' liv tal-maternità u tal-paternità u l-aċċess għal servizzi ta' kura tat-tfal affordabbli sabiex jiġu żgurati l-benessri tat-tfal, li jippermettu lil dawk b'responsabbiltajiet li jipprovdu kura li jkollhom aċċess ugwali għas-suq tax-xogħol sabiex jinkiseb bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, li hija ta' importanza partikolari għall-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jeżaminaw il-persistenza ta' rati baxxi ta' twelid fl-UE u biex jikkunsidraw l-applikazzjoni ta' divrenzjar fiskali aktar favorevoli skont l-għadd ta' tfal f'unità domestika; jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu lill-familji b'għajnuna, mhux biss permezz ta' appoġġ finanzjarju, iżda wkoll fil-forma ta' servizzi;

30.  Jinnota li popolazzjoni b'densità baxxa jew popolazzjoni mxerrda ħafna tirriżulta fi spiża ogħla b'mod sinifikanti għall-forniment ta' servizzi pubbliċi bħall-kura tas-saħħa jew l-edukazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu l-kawżi u l-konsegwenzi tagħhom fil-kuntest tal-analiżi tal-effetti tat-tibdil demografiku u l-impatt tiegħu fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi;

31.  Jenfasizza l-fatt li, sabiex ikun effettiv, il-FEIS għandu jkun iffukat fuq il-ħolqien ta' investimenti ġodda f'oqsma fejn l-interess tal-investitur huwa limitat pjuttost milli fuq is-sostituzzjoni ta' investimenti li kienu jsiru band'oħra jew fuq investimenti li jrendu profitti kbar u li kienu se jseħħu fi kwalunkwe każ; itenni t-talba tiegħu dwar l-importanza tal-investimenti fil-kapital uman u investimenti soċjali oħra, bħal fil-kura tas-saħħa, il-kura tat-tfal jew l-akkomodazzjoni affordabbli u dwar il-ħtieġa tal-implimentazzjoni effettiva tal-Pakkett ta' Investiment Soċjali;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvolvu l-livelli kollha ta' gvern u l-partijiet ikkonċernati rilevanti fl-identifikazzjoni tal-ostakli għall-investimenti, filwaqt li jiffokaw kemm fuq ir-reġjuni u s-setturi l-iktar fil-bżonn kif ukoll fuq id-disponibilità ta' strumenti adegwati li jlaqqgħu flimkien il-finanzjament pubbliku u dak privat;

It-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli billi jerġa' jitnieda l-investiment

33.  Jenfasizza l-ħtieġa tal-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli u inklużiv li jwassal għall-ħolqien ta' aktar xogħlijiet u xogħlijiet aħjar u prospetti tanġibbli għal kulħadd, inkluż għaż-żgħażagħ, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi interni u esterni li qed tiffaċċa l-UE; jinnota li għandha tingħata aktar attenzjoni biex jiġu adattati l-impjiegi eżistenti, inkluż l-impjieg ta' gruppi vulnerabbli, għas-suq tax-xogħol li qed jinbidel malajr u għas-setturi ġodda emerġenti, bl-għan li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tiegħu;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffukaw fuq intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, bħala element fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli u inklużiv u għall-ħolqien tax-xogħol, u biex jistabbilizzaw id-differenzi fir-rati ta' impjieg indipendenti bejn in-nisa u l-irġiel; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw skemi tat-taxxa marbuta ma' mudell kummerċjali sostenibbli li jiffavorixxu start-ups innovattivi u l-faċilitazzjoni tal-ħolqien tax-xogħol mill-SMEs, biex jimmonitorjaw l-impatt ta' inċentivi tat-taxxa fuq l-iżvilupp sostenibbli, u biex jiżviluppaw mekkaniżmi li jistgħu jgħinu tali intrapriżi jiksbu jew jaħdmu f'dimensjoni internazzjonali; jenfasizza għalhekk, il-ħtieġa li jiġu implimentati politiki komprensivi fil-livell tal-UE sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiffaċċaw l-isfidi fir-rigward tal-kompetituri tagħhom barra mill-UE;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, biex tieħu passi biex tipprovdi informazzjoni aħjar dwar il-fondi u l-programmi Ewropej kollha li għandhom il-potenzjal li jagħtu spinta lill-intraprenditorija, l-investiment u l-aċċess għall-finanzjament, bħall-Erasmus għall-Intraprendituri, in-netwerk tas-Servizzi Ewropej tax-Xogħol (EURES), il-programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi Żgħar u Medji (COSME), il-programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS); ifakkar fl-importanza tal-prinċipju ta' sħubija, ta' approċċ minn isfel għal fuq u ta' allokazzjoni adegwata tar-riżorsi;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-programmi kollha msemmija hawn fuq, b'mod olistiku, sabiex jiġu evitati l-kunflitti bejn il-miri u d-domandi u biex tnaqqas il-burokrazija; iqis li reviżjoni bħal din għandha tinkludi analiżi tal-implimentazzjoni ta' kull Stat Membru, u b'hekk tiġi żgurata ugwaljanza akbar f'termini ta' aċċess għall-fondi;

37.  Il-Fond Soċjali Ewropew għandu jiddedika aktar riżorsi għall-finanzjament tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema qiegħda f'programmi ta' taħriġ fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll f'programmi fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom, biex b'hekk tkun iffaċilitata l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol Ewropew magħżul minnhom u tissaħħaħ iċ-ċittadinanza Ewropea;

38.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw politiki li jagħtu spinta lill-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ, minn età bikrija, billi jipprovdi opportunitajiet ta' internat u żjarat fil-kumpaniji;

39.  Jistieden lill-Istati Membri biex, bl-għan li tingħata spinta lill-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ, jappoġġaw l-assoċjazzjonijiet u l-inizjattivi li jgħinu lill-intraprendituri żgħażagħ fl-iżvilupp ta' proġetti innovattivi billi jipprovdulhom appoġġ amministrattiv, legali jew organizzattiv;

40.  Jirrimarka li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, inklużi dawk li jipprovdu s-servizzi soċjali, jiffaċċaw problemi saħansitra aktar mill-intrapriżi tradizzjonali biex jiksbu finanzjament pubbliku u privat, minħabba, fost fatturi oħra, in-nuqqas ta' tagħrif dwar is-sitwazzjoni attwali min-naħa tal-maniġers intermedjarji finanzjarji; jenfasizza l-ħtieġa li tali intrapriżi jingħataw aktar appoġġ, speċjalment fir-rigward tal-aċċess għal forom differenti ta' finanzjament, inklużi l-fondi Ewropej; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi biex jiġu appoġġati l-intrapriżi soċjali; jenfasizza l-ħtieġa li jingħataw qafas ġuridiku, pereżempju permezz ta' status Ewropew għas-soċjetajiet kooperattivi, l-assoċjazzjonijiet, il-fondazzjonijiet u s-soċjetajiet mutwi, filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-azzjoni tagħhom fl-UE u tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġa l-investiment fl-ekonomija soċjali, u jilqa' l-fatt li parti mill-fondi għall-programm EaSI huma maħsuba biex jgħinu sabiex jiġi pprovdut aċċess għall-finanzi għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali;

41.  Jenfasizza l-valur soċjali u ekonomiku għoli tal-investiment fil-protezzjoni soċjali, inklużi s-servizzi soċjali;

Użu aħjar tal-fondi Ewropej biex irawmu l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali

42.  Jilqa' l-istabbiliment tal-FEIS fl-ewwel sena tal-implimentazzjoni tiegħu u r-rwol tiegħu li jappoġġa l-aħjar proġetti fil-livell Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-FEIS jippermetti konverġenza ekonomika u soċjali aħjar tal-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom fi ħdan l-UE u li l-Istati Membri kollha jagħmlu użu mill-possibbiltà li jaċċessaw dan il-fond b'mod konformi mal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq monitoraġġ u tikkontrolla l-investimenti taħt il-FEIS; jemmen li għandu jiġi ppubblikat rapport biex jivverifika u jkejjel l-impatt ekonomiku u soċjali tal-investiment ikkonċernat f'termini reali;

43.  Jirrimarka li l-prijoritajiet tal-investiment għandhom ikunu orjentati lejn proġetti infrastrutturali fejn dawn ikunu meħtieġa b'mod ċar sabiex ikunu żgurati koeżjoni ikbar, ġustizzja soċjali jew l-iżvilupp tal-kapital uman jew biex jitjieb it-tkabbir inklużiv sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni biex titlob kemm preżentazzjoni minn qabel tar-riżultati soċjali u ekonomiċi mistennija ta' kwalunkwe proġett tal-investiment iffinanzjat mill-UE, kif ukoll biex tinkludi l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni sussegwenti; jenfassizza l-ħtieġa li jiġi evitat l-impatt negattiv fuq l-ambjent li dawn il-proġetti jistgħu jikkawżaw;

44.  Jenfasizza, b'kont meħud tad-diffikultajiet tal-Istati Membri fl-użu sħiħ tal-fondi Ewropej, li l-UE għandha tiggarantixxi kemm użu xieraq u aħjar tal-investimenti tagħha, li għandhom jiġu mqabbla mal-prijoritajiet u l-valuri fundamentali tagħha kif deskritt fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll il-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi tagħha, u għandha taqta' l-piżijiet amministrattivi u tnaqqas l-ostakli fir-rigward tal-aċċess, tal-implimentazzjoni u tal-evalwazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-intrapriżi kollha jkollhom opportunitajiet indaqs għall-aċċess għall-finanzjament; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura monitoraġġ mill-qrib tal-użu tal-fondi tal-UE;

45.  Jilqa' t-talba tal-Kummisjoni lill-Istati Membri biex iżidu l-investiment soċjali tagħhom sabiex tingħata spinta lill-koeżjoni ekonomika, territorjali u soċjali Ewropea, speċjalment fil-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul (formali u informali) kif ukoll fis-servizzi soċjali, fil-kura tat-tfal, fl-appoġġ tal-akkomodazzjoni u s-servizzi tar-riabilitazzjoni; jistieden lill-intrapriżi u l-benefiċjarji oħra eliġibbli kollha biex jagħmlu użu aħjar tal-mekkaniżmi tal-investiment ipprovduti mill-fondi Ewropej u proġetti li għandhom applikazzjoni diretta; jistdieden barra minn hekk lill-Kummissjoni biex twettaq monitoraġġ dwar jekk ir-rakkomandazzjonijiet tal-UE humiex qed jiġu implimentati b'mod xieraq mill-Istati Membri;

46.  Jinnota li dawk li jagħtu l-kura b'mod formali u speċjalment dawk li jagħtu l-kura b'mod informali jirrappreżentaw pilastru importanti biex jiġu indirizzati d-domandi dejjem ikbar relatati mal-futur tas-sistemi tal-kura fl-Ewropa; jenfasizza l-ħtieġa tat-titjib tal-protezzjoni soċjali għall-membri tal-familja responsabbli mill-kura, li spiss ikollhom inaqqsu l-impjieg imħallas tagħhom sabiex jipprovdu kura bla ħlas u konsegwentement jitilfu d-drittijiet tas-sigurtà soċjali;

47.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex ittejjeb l-użu tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej b'appoġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs), u jinnota l-proposta tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar il-finanzjament għall-assistenza teknika; jenfasizza li dawn il-fondi m'għandhomx jintużaw biss biex jimplimentaw is-CSRs, peress li dan jista' potenzjalment iwassal biex jitħallew barra oqsma oħra importanti ta' investiment;

48.  Jaqbel dwar il-ħtieġa li jiġi żviluppat proċess ta' konverġenza ekonomika u soċjali 'l fuq sabiex titrawwem il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali fi ħdan u bejn l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom, iżda jinnota li dan għandu jitqies bħala għan ta' proġett komuni li fih għandhom rwol ewlieni d-djalogu soċjali u l-involviment tal-partijiet kollha kkonċernati; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-politika soċjali taqa' taħt il-kompetenza kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri u li r-rwol tal-UE f'dan il-qasam huwa limitat għal azzjoni li tappoġġa u tikkumplimenta l-attivitajiet tal-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 153 TFUE u f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

49.  Jitlob li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi ekonomiċi li jaġixxu ta' ostaklu għat-tkabbir ekonomiku fit-tul; jenfasizza li l-qasma bejn l-ifqar reġjuni u l-bqija tal-UE qed tikber u jitlob sforzi mmirati urġenti kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali għall-promozzjoni tal-koeżjoni u t-tkabbir f'dawk ir-reġjuni; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu spinta lill-investimenti strateġiċi sabiex tiżdied il-kompetittività fir-rigward tal-Artikolu 174 TFUE, b'mod partikolari f'dawk ir-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb l-applikazzjoni tal-Artikolu 349 TFUE sabiex tagħmel ir-reġjuni ultraperiferiċi aktar integrati fl-Ewropa tar-Reġjuni, filwaqt li tiddistingwi politiki tal-UE sabiex tiggarantixxi l-ekwità bejn ir-reġjuni u tippromwovi l-konverġenza 'l fuq; jenfasizza li huwa neċessarju li tinżamm l-attenzjoni speċjali mogħtija lir-reġjuni ultraperiferiċi, mhux biss f'termini ta' allokazzjoni ta' fondi iżda wkoll fid-dawl tal-impatt li l-politiki Ewropej jista' jkollhom fuq il-livelli ta' impjieg u s-sitwazzjoni soċjali tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li d-deċiżjonijiet Ewropej u l-allokazzjonijiet tal-fondi jkunu akkumpanjati b'monitoraġġ xieraq, sabiex ikun hemm titjib sinifikanti wkoll fil-benessri taċ-ċittadini tar-reġjuni ultraperiferiċi;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-qafas tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), tistudja l-possibbiltà li jiżdied il-finanzjament tal-FSE sabiex tiġi żgurata l-adegwatezza tal-objettivi tiegħu u tikkunsidra l-isfidi l-ġodda li ġew inkorporati, bħall-qgħad fit-tul jew l-integrazzjoni tar-refuġjati; jappella wkoll għall-istabbiliment ta' programm speċifiku, fi ħdan il-QFP kif miftiehem, għal dawk is-sottoreġjuni tal-UE li r-rati ta' qgħad tagħhom jaqbżu t-30 %;

L-inklużjoni soċjali bħala opportunità għas-soċjetà

52.  Jilqa' t-tiġdid tal-linji gwida integrati tal-istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza li l-pertinenza tal-istrateġija Ewropa 2020 kibret minn mindu nħolqot, u jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu l-implimentazzjoni tagħha fil-prattika; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iwettqu monitoraġġ aktar mill-qrib tal-implimentazzjoni nazzjonali u globali tagħha; iqis neċessarju li jibdew jipproġettaw xenarju post-Ewropa 2020 marbut mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

53.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-impjieg, fih innifsu, m'għadux garanzija kontra l-faqar jew l-aħjar għodda biex tiġi żgurata l-inklużjoni soċjali, bi 12.7 % ta' nies fl-età li jaħdmu jbatu minn faqar fost dawk li jaħdmu fl-2014, żieda minn 11 % fl-2009; jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi strateġija integrata tal-UE kontra l-faqar, sabiex tiġi indirizzata l-multidimensjonalità tal-faqar għall-gruppi kollha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, u tippromwovi integrazzjoni attiva, ibbażata fuq id-dritt għal protezzjoni soċjali xierqa; f'dan ir-rigward, itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tipproponi inizjattiva li tippromwovi l-introduzzjoni ta' dħul minimu fl-Istati Membri mingħajr ma tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

54.  Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw u jimmonitorjaw forom aktar effettivi, effiċjenti u inklużivi tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali u ta' appoġġ tad-dħul, sabiex jiġi żgurat li dawn is-sistemi joffru standard adegwat ta' għajxien għall-persuni qiegħda u dawk fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, filwaqt li jiggarantixxu li tali mekkaniżmi ma jipperpetwawx id-dipendenza soċjali u jiżguraw aċċess għall-edukazzjoni, taħriġ u opportunitajiet ta' dħul fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar l-effiċjenza ta' dħul minimu biex jitnaqqsu l-inugwaljanza u l-esklużjoni soċjali fl-Ewropa;

55.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw il-miżuri meħtieġa għall-inklużjoni soċjali tar-refuġjati, il-migranti li jirrisjedu legalment fl-UE u dawk li jfittxu l-asil, skont il-leġiżlazzjoni rilevanti dwar l-asil; jinnota madankollu, li tali miżuri jistgħu jkunu effettivi biss jekk ikunu kondiviżi u jiġu implimentati mill-Istati Membri kollha; iqis li tali approċċ se jeħtieġ allokazzjoni ta' fondi adegwata u fis-sitwazzjoni preżenti hekk fraġli, ma jistgħux jiġu pprovduti biss mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi l-finanzjament meħtieġ biex jiġi żviluppat approċċ olistiku għall-migrazzjoni, bħala parti mir-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-QFP; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri xierqa biex ir-refuġjati jiġu megħjuna jistabbilixxu ruħhom u jintegraw, kif ukoll sabiex jiżguraw li s-servizzi pubbliċi jkollhom riżorsi biżżejjed u li jkun hemm antiċipazzjoni bikrija tal-ħtiġijiet sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni tagħhom għas-suq tax-xogħol, inklużi mekkaniżmi għar-rikonoxximent ta' ħiliet u kompetenzi; l-awtoritajiet lokali u s-sħab soċjali għandhom jaqdu rwol importanti biex tkun iffaċilitata integrazzjoni effettiva tal-migranti fis-suq tax-xogħol u jiġi pprevenut l-abbuż tax-xogħol;

56.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jittrasponu bis-sħiħ fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet kollha inklużi fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni aġġornata; jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni kellha tadotta 40 deċiżjoni ta' ksur kontra varji Stati Membri, inklużi Avviż ta' Tqegħid fil-Mora lil 19-il Stat Membru talli ma ħadux il-miżuri neċessarji sabiex jittrasponu d-Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet ta' Akkoljenza; jappoġġa lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex issaħħaħ l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni;

57.  Ifakkar lill-Istati Membri, fid-dawl tat-tixjiħ taċ-ċittadini Ewropej u r-rata għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ f'ċerti partijiet tal-UE, dwar ir-riskju soċjali involut fin-nuqqas li jkunu ggarantiti s-sostenibbiltà, is-sigurtà, l-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistemi ta' sigurtà soċjali tul l-għexieren ta' snin li ġejjin; għalhekk, iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji li jiżguraw li aktar nies ikunu jistgħu jibqgħu attivi fis-soċjetà;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien fuq it-tneħħija tal-ostakli għal mobilità tax-xogħol ġusta, peress li l-moviment liberu huwa dritt fundamentali fl-UE, u biex jaġixxu fuq naħa waħda biex tiżdied ir-rata tal-impjiegi u, min-naħa l-oħra, biex jiġi żgurat li l-ħaddiema mobbli tal-UE jkunu trattati bl-istess mod bħall-ħaddiema nazzjonali u li ma jiġux abbużati jew diskriminati, u li d-drittijiet tal-impjieg u dawk soċjali tagħhom jkunu ggarantiti;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw il-mobilità fi ħdan l-UE tal-forza tax-xogħol fl-Unjoni kollha, bħala mezz biex jinħolqu opportunitajiet kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-intrapriżi; jistieden lill-Istati Membri biex jużaw u jippromwovu l-għodod Ewropej disponibbli biex jiffaċilitaw din il-mobbiltà tax-xogħol, speċjalment in-netwerk Ewropew tal-impjiegi EURES; fil-każ ta' reġjuni transkonfinali fejn il-mobilità tal-impjiegi hija verament għolja, jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw sħubijiet transfruntieri EURES biex il-ħaddiema jiġu megħjuna fil-pjanijiet tagħhom ta' mobilità;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa pjan konkret dwar kif is-Semestru Ewropew se jintuża biex jiġu implimentati l-prinċipji tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità;

61.  Jiddikjara li d-djalogu soċjali huwa strument ewlieni għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, u li sabiex jiġu żgurati l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għad-djalogu bejn is-sħab soċjali, il-prekundizzjonijiet neċessarji f'dan il-kuntest huma l-eżistenza ta' trade unions b'saħħithom, il-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-kwistjonijiet tal-kumpanija u t-tisħiħ tal-ftehimiet kollettivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-kwalità tad-djalogu soċjali anki fil-livell Ewropew filwaqt li jiġu żgurati konsultazzjonijiet f'waqthom u sinifikanti tas-sħab soċjali, u li jippermettu l-analiżi meħtieġa u l-integrazzjoni tal-proposti fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-isforzi tagħhom sabiex jindirizzaw id-dumping soċjali u tal-pagi fl-UE, li jikkawżaw ħsara sinifikanti lill-ħaddiema affettwati u lis-sistemi tal-protezzjoni soċjali tal-Istati Membri; jitlob, barra minn hekk, li s-sħab soċjali jiġu inklużi fil-livelli kollha f'dawn l-isforzi;

Koordinazzjoni aħjar tas-Semestru Ewropew

63.  Jilqa' r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fuq iż-żona tal-euro, li tikkonsolida l-analiżi konġunta u d-definizzjoni ta' strateġiji tad-dimensjonijiet soċjali u ekonomiċi tal-Istati Membri skont l-UEM, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li dawn il-kriterji jiġu rikonċiljati; madankollu, iwissi dwar il-possibbiltà tal-iżvilupp ta' politika tal-UE fuq żewġ livelli;

64.  Jemmen li r-rakkomandazzjoni taż-żona tal-euro għandha tkun il-punt tat-tluq biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali f'dak li jirrigwarda:

   (a) mekkaniżmi msaħħa ta' responsabbiltà demokratika kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali, inkluż ftehim interistituzzjonali mal-Parlament Ewropew, u li jiżguraw li l-parlamenti nazzjonali kollha taż-żona tal-euro jkollhom il-kundizzjonijiet biex isegwu kull pass tal-proċess tas-Semestru Ewropew;
   (b) dimensjoni soċjali ffukata fuq il-preservazzjoni tal-ekonomija soċjali tas-suq Ewropew, li tipprovdi livelli bażiċi ta' pagi aħjar fil-forma ta', fejn applikabbli u f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, pagi minimi ffissati f'livelli xierqa u bl-involviment tas-sħab soċjali.
   (c) laqgħat konġunti bejn il-Kunsill EPSCO u l-Kunsill ECOFIN, sabiex jiġu promossi politiki soċjoekonomiċi kkoordinati bl-għan li tissaħħaħ il-kompetittività fl-Ewropa u biex tingħata spinta sostenibbli lit-tkabbir u l-impjiegi ta' kwalità;
   (d) laqgħat tal-Ministri tax-Xogħol u l-Ministri għall-Affarijiet Soċjali taż-Żona Euro sabiex jintegraw aħjar id-dimensjoni soċjali tagħha u jindirizzaw b'mod adegwat l-iżbilanċi soċjali;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, mill-aktar fis possibbli, proposta li tistabbilixxi pilastru dwar id-drittijiet soċjali, li kapaċi tiżgura kundizzjonijiet ekwi madwar l-UE, bħala parti mill-isforzi favur suq tax-xogħol ġust u tassew pan-Ewropew kif ukoll li tkun mezz biex titrawwem konverġenza ekonomika u soċjali 'l fuq sabiex jiġu indirizzati d-disparitajiet ekonomiċi u soċjali li jeżistu fi ħdan u bejn l-Istati Membri;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi monitoraġġ adegwat u segwitu tal-implimentazzjoni tas-CSRs u biex tiżgura li jkun hemm attenzjoni adegwata fir-rigward tal-kwistjonjiet marbuta mal-impjiegi u l-inklużjoni soċjali;

67.  Jitlob li jkun hemm rwol aktar b'saħħtu għall-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli, u għall-miri tagħha, b'mod partikolari l-miri soċjali li għandhom jiġu riflessi b'mod ugwali fl-istrumenti kollha tas-Semestru, inklużi s-CSRs;

68.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ddistingwiet b'mod ċar fażi Ewropea u nazzjonali fir-rigward tas-Semestru Ewropew; jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet Ewropej fid-disinn, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-istrateġija Ewropea għat-tkabbir sostebibbli u inklużiv; jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi aġenda ċara f'dan ir-rigward, li tinvolvi wkoll is-sħab soċjali, il-parlamenti nazzjonal, u l-partijiet l-oħra rilevanti mis-soċjetà ċivili, u biex jiġi żgurat li l-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa jibqa' l-perjodu ta' żmien prinċipali fejn jiġu ddefiniti l-prijoritajiet ta' politika abbażi tal-kontributi mill-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill; jemmen li l-Kummissjoni tista' twettaq monitoraġġ u rappurtar fir-rigward ta' jekk ġewx implimentati s-suġġerimenti għall-implimentazzjoni ta' ċerti CSRs fuq bażi ta' konsultazzjoni mas-sħab soċjali;

69.  Jemmen li, sabiex ikun hemm qbil mal-politiki Ewropej u nazzjonali dwar it-tkabbir u tiġi ggarantita l-adegwatezza tagħhom fil-prattika, huwa kruċjali li jissaħħaħ ir-rwol tas-sħab soċjali kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali; jenfasizza li, sabiex isir progress fil-konverġenza 'l fuq u fil-bilanċ tal-kompetittività u l-ekwità, id-djalogu soċjali għandu jiġi segwit fil-fażijiet kollha tas-Semestru; f'dan ir-rigward, jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tniedi mill-ġdid id-djalogu soċjali u l-approċċ simplifikat introdott permezz tas-SAT għall-2015; jirrimarka, madankollu, li f'ħafna Stati Membri, is-sitwazzjoni għadha dgħajfa fil-livell nazzjonali;

70.  Jemmen li l-Kummissjoni tista' ssaħħaħ ir-rwol tal-Uffiċjali tas-Semestru Ewropew billi tiddefinixxi aħjar l-objettivi u l-funzjonijiet tagħhom;

o
o   o

71.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0261.
(2) ĠU C 153 E, 31.5.2013, p. 57.
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0401.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0384.
(5) Testi adottati, P8_TA(2015)0389.
(6) Testi adottati, P8_TA(2015)0320.
(7) Testi adottati, P8_TA(2015)0068.
(8) Testi adottati, P8_TA(2014)0060.
(9) Testi adottati, P8_TA(2014)0010.
(10) Testi adottati, P7_TA(2014)0394.
(11) Testi adottati, P7_TA(2014)0043.
(12) Testi adottati, P6_TA(2009)0062.
(13) Testi adottati, P8_TA(2016)0033.
(14) http://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR15_03/SR15_03_MT.pdf
(15) http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=89⟨Id=en≠wsId=2193&furtherNews=yes
(16) http://www.eurofound.europa.eu/european-working-conditions-surveys-ewcs
(17) Rapport konġunt dwar l-impjiegi 2016, p. 2.
(18) http://www.eca.europa.eu/Lists/ECADocuments/SR15_03/SR15_03_mt.pdf
(19) Studju dwar ix-Xogħol Prekarju u d-Drittijiet Soċjali (VT/2010/084), p. 164–170
(20) Total tal-popolazzjoni mhux attiva meta mqabbla ma' persuni impjegati bejn l-20 u l-64.
(21) http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=9770&langId=en
(22) Espress fir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Marzu 2014 (C(2014)1500).
(23) Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi 2016, p. 19


Il-governanza tas-Suq Uniku fl-ambitu tas-Semestru Ewropew 2016
PDF 384kWORD 120k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar il-governanza tas-Suq Uniku fl-ambitu tas-Semestru Ewropew 2016 (2015/2256(INI))
P8_TA(2016)0060A8-0017/2016

Il-Parlament Ewropew,

–   wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-governanza tas-Suq Uniku fil-qafas tas-Semestru Ewropew 2015(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 dwar il-governanza tas-Suq Uniku fil-qafas tas-Semestru Ewropew 2014(3), u r-rispons ta' segwitu tal-Kummissjoni adottat fit-28 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet 2014(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2013 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-governanza tas-Suq Uniku(5), u r-rispons ta' segwitu tal-Kummissjoni adottat fit-8 ta' Mejju 2013,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 bit-titolu "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" (COM(2014)0903),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Ħames Presidenti tat-22 ta' Ġunju 2015 bit-titolu "Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa",

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Ottubru 2015 dwar passi lejn l-Ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (COM(2015)0600),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Ottubru 2015 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Bordijiet Nazzjonali tal-Kompetittività fiż-Żona tal-Euro (COM(2015)0601),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2016 – Tisħiħ tal-irkupru u trawwim tal-konverġenza (COM(2015)0690),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar l-isfidi li għandhom quddiemhom l-Istati Membri fir-rigward tal-investiment (SWD(2015)0400),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' politika ta' Bruegel ta' Novembru 2015 bit-titolu "The Limitations of Policy Coordination in the Euro Area under the European Semester" (Il-limitazzjonijiet tal-koordinazzjoni tal-politika fiż-żona tal-euro fil-qafas tas-Semestru Ewropew),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' kull tliet xhur dwar iż-żona tal-euro (QREA), Vol 14, Nru 2,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-EPRS ta' Settembru 2014 bit-titolu "The Cost of Non-Europe in the Single Market" (il-Kost tan-Non-Ewropa fis-Suq Uniku),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji" (COM(2015)0550) u r-rapport bit-titolu "Single Market Integration and Competitiveness in the EU and its Member States" (L-integrazzjoni tas-Suq Uniku u l-kompetittività fl-UE u fl-Istati Membri tagħha) (SWD(2015)0203),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192);

–  wara li kkunsidra l-edizzjoni tal-2015 tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern online,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Ġunju 2012 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi (COM(2012)0261), kif aġġornata f'Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-27 u t-28 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta' Ottubru 2013,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0017/2016),

A.  billi l-UE qed tiffaċċja diversi sfidi kemm fuq livell globali u kemm fuq livell domestiku, bħalma huma tkabbir batut, livelli għoljin ta' qgħad u, b'mod partikolari, kompetizzjoni internazzjonali qawwija;

B.  billi s-Semestru Ewropew għandu l-għan li jżid il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u fiskali fost l-UE 28 sabiex tiżdied l-istabbiltà, jitrawmu t-tkabbir u l-impjiegi u tissaħħaħ il-kompetittività;

C.  billi huwa kruċjali li jiġu sfruttati s-soluzzjonijiet kollha possibbli biex tingħata spinta lill-ekonomija u l-kompetittività tal-UE;

D.  billi s-Suq Uniku huwa wieħed mill-pedamenti tal-UE u hu fost l-akbar kisbiet tagħha; billi s-Semestru Ewropew, biex tassew irawwem it-tkabbir ekonomiku u jistabbilizza l-ekonomiji, jeħtieġ jinkludi wkoll is-Suq Uniku u l-politiki mmirati għall-kompletar tiegħu;

E.  billi Suq Uniku inklużiv, b'governanza msaħħa li tiffavorixxi regolamentazzjoni u kompetizzjoni aħjar, huwa strument kruċjali biex tingħata spinta lill-investiment, l-impjiegi u l-kompetittività u tiġi ppreservata l-fiduċja tas-settur kummerċjali u tal-konsumaturi;

F.  billi l-bidliet teknoloġiċi, komportamentali u dawk marbuta mas-soċjetà għandhom impatt sinifikanti fuq in-negozju u fuq l-imġiba tal-konsumaturi, u dan joħloq ħafna opportunitajiet u sfidi ekonomiċi li l-qafas tas-Suq Uniku jeħtieġ jindirizza;

G.  billi, qabelxejn, hija l-konformità mar-regoli eżistenti fi ħdan is-Semestru Ewropew u s-Suq Uniku li se tkun tista' tipprovdi viżjoni konkreta dwar l-adegwatezza jew in-nuqqasijiet tar-regoli attwali;

Is-Suq Uniku bħala għodda importanti biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-UE u jiżdiedu l-impjiegi u t-tkabbir

1.  Itenni li s-Suq Uniku huwa wieħed mill-pedamenti tal-UE; jenfasizza li s-Semestru Ewropew, biex tassew irawwem it-tkabbir ekonomiku u jistabbilizza l-ekonomiji tal-Istati Membri, jeħtieġ jinkludi wkoll is-Suq Uniku u l-politiki mmirati għall-kompletar tiegħu;

2.  Jenfasizza li s-Suq Uniku huwa s-sinsla tal-ekonomiji tal-Istati Membri u tal-proġett ta' integrazzjoni Ewropea kollu kemm hu; jenfasizza l-benefiċċji ekonomiċi tas-Suq Uniku, bħalma huma l-istandardizzazzjoni tal-prodotti u l-integrazzjoni tas-suq, l-ekonomiji ta' skala, kompetizzjoni aktar b'saħħitha u kundizzjonijiet ekwi għal 500 miljun konsumatur fit-28 Stat Membru, vantaġġi li b'mod partikolari jippermettu lill-konsumaturi jibbenefikaw minn għażla akbar ta' prodotti u servizzi, kwalità aħjar u prezzijiet aktar baxxi;

3.  Jenfasizza l-importanza li jsir progress fis-Suq Uniku sabiex jinkiseb tkabbir ekonomiku strutturali u sostenibbli sabiex nattiraw u nrawmu l-investiment, fil-kuntest ta' regoli dwar it-trasparenza u l-effiċjenza, li jikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi u l-promozzjoni tal-benessri fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq monitoraġġ sistematiku tal-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli tas-Suq Uniku permezz tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs), b'mod partikolari f'dawk il-każijiet fejn dawn ir-regoli jagħtu kontribut sinifikanti għar-riformi strutturali;

4.  Jemmen li jeħtieġ jiġi ffaċilitat ambjent adegwat għall-inizjattiva ekonomika u għall-iżvilupp tan-negozji li jħeġġeġ il-kompetittività u l-kooperazzjoni fost l-SMEs, u b'hekk jiġi sfruttat il-potenzjal industrijali tal-innovazzjoni, ir-riċerka u t-teknoloġija;

5.  Jinnota l-ħidma li saret dan l-aħħar mis-servizzi tal-Kummissjoni b'rabta mal-identifikazzjoni u l-immappjar tal-isfidi għall-investiment u t-tfassil ta' profili ta' investiment speċifiċi għall-pajjiżi;

6.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-livell ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew għall-2011-2014 kien aktar baxx minn kemm kien mistenni; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tipproponi mekkaniżmu li jħeġġeġ lill-pajjiżi jimplimentaw is-CSRs;

7.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ssimplifikat il-proċess il-ġdid tas-Semestru Ewropew u jifhem li l-għadd ta' CSRs naqas sabiex jiġu proposti rakkomandazzjonijiet aktar iffukati fuq il-prijoritajiet tal-pajjiżi; jinnota li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jagħti aktar attenzjoni lill-kwistjonijiet marbuta mas-Suq Uniku milli lis-CSRs;

8.  Itenni l-appell tiegħu biex fis-Semestru Ewropew jiddaħħal il-pilastru tas-Suq Uniku, b'sistema ta' monitoraġġ regolari, identifikazzjoni tal-ostakli speċifiċi għall-pajjiżi fir-rigward tas-Suq Uniku u evalwazzjoni tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku kif ukoll tal-kompetittività ffukata fuq sett ta' oqsma prijoritarji fejn l-azzjoni tiġġenera l-akbar impatt f'termini ta' tkabbir u impjiegi, inkluż l-iżvilupp sostenibbli tan-negozji – li jinkludi wkoll lill-SMEs; iqis li s-sistema għandha tinkludi database ta' informazzjoni robusta, sett ta' indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi mmirati biex ikejlu fost l-oħrajn l-effetti ekonomiċi tal-applikazzjoni tar-regoli tas-Suq Uniku, valutazzjoni komparattiva, evalwazzjoni bejn il-pari u skambju tal-aħjar prattiki;

9.  Jilqa' r-rapport tal-2015 dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku u l-kompetittività fl-UE u fl-Istati Membri tagħha; jinnota li dan ir-rapport, li jieħu post kemm ir-Rapport dwar l-Integrazzjoni tas-Suq Uniku li qabel kien jiġi anness mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u kemm ir-rapport dwar il-qagħda tal-industrija Ewropea, ġie ppubblikat bħala dokument li jakkumpanja l-komunikazzjoni dwar l-Istrateġija tas-Suq Uniku, minflok ma ġie anness mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir kif kien isir qabel; jitlob li r-rapport jiġi żviluppat ulterjorment u li jsir parti mill-pilastru tal-governanza tas-Suq Uniku u l-bażi għal evalwazzjoni annwali tal-progress fis-Suq Uniku; iqis li r-rapport għandu jiddaħħal fit-taqsima speċifika dwar is-Suq Uniku fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, fis-CSRs u fid-djalogu strutturat regolari dwar il-konformità magħmul mal-Istati Membri fir-rigward tas-Suq Uniku;

10.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tanalizza ulterjorment l-isfidi speċifiċi għall-pajjiżi fir-rigward tal-investiment, fil-qafas tas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari fir-Rapporti tal-Pajjiżi u permezz ta' diskussjonijiet tematiċi fil-Kunsill;

11.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ħafna mill-isfidi identifikati fir-rigward tal-investiment huma relatati mal-funzjonament tas-Suq Uniku u mat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tirrigwarda s-Suq Uniku; jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja b'mod rigoruż il-mod kif l-Istati Membri komplew jaħdmu fuq l-isfidi u l-ostakli identifikati fir-rigward tal-investiment, tipparteċipa fi djalogu strutturat regolari dwar il-konformità mal-Istati Membri u tuża s-setgħat tagħha u tieħu azzjoni fejn xieraq sabiex tneħħi ostakli mhux ġustifikati u sproporzjonati għas-Suq Uniku;

12.  Jenfasizza li kwalunkwe proċess ta' rieżami tas-Semestru Ewropew jeħtieġ jippermetti l-involviment xieraq tal-Parlament Ewropew, tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, mhux biss biex jiżdied is-sens ta' appartenenza fil-konfront tas-Semestru Ewropew iżda wkoll biex jiżdied il-livell ta' implimentazzjoni tas-CSRs;

13.  Jenfasizza l-importanza ta' approċċ inklużiv u trasparenti li jiġġenera riformi rilevanti u meħtieġa permezz tas-Semestru Ewropew;

Il-potenzjal mhux sfruttat tas-Suq Uniku

14.  Ifakkar fil-bżonn li jitwettqu riformi ekonomiċi u soċjali adatti u ġusti, kif ukoll li jiġu indirizzati l-burokrazija żejda u l-protezzjoniżmu, sabiex jitjiebu l-produttività u l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea;

15.  Jenfasizza li għalkemm fis-Suq Uniku m'hemmx ostakli tariffarji diretti, jeżistu għadd kbir ta' ostakli nontariffarji varji; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jagħtu bidu għal dibattitu kostruttiv dwar din il-kwistjoni sabiex jingħelbu l-ostakli nontariffarji fl-UE;

16.  Jiddeplora l-fatt li f'diversi Stati Membri hemm nuqqasijiet sinifikanti fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, li tkopri attivitajiet li jirrappreżentaw aktar minn 45 % tal-PDG u tal-impjiegi tal-UE, fost l-oħrajn minħabba għadd sostanzjali ta' regoli u regolamenti nazzjonali li mhux dejjem ikunu fl-interess pubbliku; jiddispjaċih ukoll li l-proċedura ta' notifika mhux dejjem tiġi rispettata;

17.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-modernizzazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, li tipproponi sistema aħjar ta' rikonoxximent tal-kwalifiki li tiffavorixxi l-mobilità tal-ħaddiema; jinnota li r-regolamentazzjoni ta' professjonijiet regolati, kif ukoll ir-riżervi li jillimitaw l-eżerċizzju ta' ċerti attivitajiet, ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor;

18.  Jilqa' favorevolment l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkunsidra inizjattiva għal passaport tas-servizzi u formola ta' notifika armonizzata, bil-kundizzjoni li din l-inizjattiva twassal għal trasparenza akbar fir-rigward tas-setgħat tal-fornituri tas-servizzi transkonfinali u għal tnaqqis fil-burokrazija u l-piżijiet amministrattivi; jenfasizza li kwalunkwe inizjattiva bħal din m'għandhiex twassal għall-introduzzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini; josserva, madankollu, li jkun xieraq li jingħata aktar dettall dwar il-punti prinċipali ta' din il-proposta; iqis il-passaport tas-servizzi bħala soluzzjoni temporanja maħsuba biex tintuża matul it-tranżizzjoni lejn Suq Uniku integrat għalkollox;

19.  Jenfasizza li s-suq tal-akkwist pubbliku jirrappreżenta porzjon sostanzjali tas-Suq Uniku kollu kemm hu u jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-tkabbir tal-Istati Membri u tan-negozji, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività; jitlob lill-Kummissjoni tappoġġja t-trasparenza tal-proċeduri ta' akkwist fis-settur pubbliku, il-kompetizzjoni transkonfinali u t-titjib fl-użu tar-riżorsi pubbliċi, anke permezz ta' standards soċjali u ambjentali;

20.  Ifakkar li, fl-2014, l-UE adottat riforma kbira tal-qafas tal-akkwist tal-UE, li permezz tagħha ssimplifikat il-proċeduri, għamlet ir-regoli aktar flessibbli u adattathom biex tintegrahom aħjar ma' politiki oħrajn tas-settur pubbliku;

21.  Jirrimarka li fl-Istati Membri għad hemm ineffiċjenzi sinifikanti fl-akkwist pubbliku li jillimitaw l-espansjoni u t-tkabbir transkonfinali fis-swieq domestiċi; jenfasizza l-ħtieġa ta' traspożizzjoni u implimentazzjoni xierqa u f'waqthom tal-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet min-naħa tal-Istati Membri; jemmen li l-implimentazzjoni korretta tal-proċedura tar-rimedji tal-2007 tiżgura li l-akkwist pubbliku jkun aktar effiċjenti, effikaċi u trasparenti.

22.  Jilqa' t-tieni programm dwar is-Soluzzjonijiet ta' Interoperabbiltà għall-Amministrazzjonijiet Pubbliċi Ewropej (ISA²), li beda fl-1 ta' Jannar 2016 u li se jappoġġja l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet diġitali interoperabbli, disponibbli għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini interessati kollha fl-Ewropa, mingħajr ħlas;

23.  Jenfasizza li l-iżvilupp u l-użu mifrux tal-amministrazzjoni elettronika fl-Istati Membri se jservu bħala għodda fundamentali li tagħmilha aktar faċli għall-imprendituri biex joperaw fis-Suq Uniku u għall-konsumaturi biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex, b'rabta ma' dan ta' hawn fuq, timpenja ruħha għall-iżvilupp tal-amministrazzjoni elettronika bħala prijorità ewlenija u urġenti;

24.  Jenfasizza li s-settur privat huwa mutur kruċjali għat-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi; jirrimarka li r-regolamenti u l-prattiki nazzjonali individwali, flimkien ma' implimentazzjoni inadegwata tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku, jistgħu jirriżultaw f'ostakli u piżijiet bla bżonn u dannużi għall-imprendituri u l-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw applikazzjoni xierqa u infurzar aħjar tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku u strumenti kosteffiċjenti għas-soluzzjoni tat-tilwim;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati sabiex jiġu identifikati s-setturi u s-swieq fejn l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku hija insuffiċjenti jew problematika;

26.  Huwa tal-parir li t-tisħiħ tar-rwol tal-Punti ta' Kuntatt tal-Prodott eżistenti bħala punti ta' aċċess uniku għall-operaturi ekonomiċi dwar kwistjonijiet relatati mas-Suq Uniku jgħin biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u l-komprensjoni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli;

27.  Jenfasizza li kundizzjonijiet aħjar għat-trawwim ta' negozji ġodda u SMEs jistgħu jirriżultaw f'innovazzjoni aktar attiva u ħolqien ta' impjiegi, minbarra li jiġġeneraw tkabbir sostenibbli; ifakkar li għad hemm ħafna ostakli, xi wħud minnhom burokratiċi, li jfixklu l-iżvilupp tal-SMEs internament u internazzjonalment; jappella biex jiġu identifikati u eliminati l-ostakli li jimpedixxu t-tkabbir domestiku u internazzjonali;

28.  Jenfasizza li, wara l-kriżi finanzjarja, l-intensità tal-akkumulazzjoni kapitali tanġibbli u intanġibbli kienet aktar baxxa fl-UE milli fit-territorju tal-kompetituri tagħha, fatt li huwa ta' detriment għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali; jenfasizza li l-investiment, inkluż fil-qasam tal-ICT, huwa ta' importanza kbira sabiex jerġa' jkun hemm produttività u tkabbir fit-tul fl-UE; huwa tal-fehma li sabiex tinqaleb din ix-xejra negattiva, jeħtieġ jissaħħaħ is-Suq Uniku u jitnaqqsu l-ostakli għall-investiment; jesiġi li l-investiment ikun immirat lejn il-finanzjament tal-ekonomija reali u li jkomplu jittieħdu miżuri kontinwi sabiex jintlaħaq dak il-għan;

29.  Jappella biex jitneħħew minnufih ir-restrizzjonijiet territorjali mhux ġustifikati – l-hekk imsejjaħ "imblukkar ġeografiku" (geo-blocking), b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar is-Servizzi, u b'hekk tintemm id-diskriminazzjoni mhux ġustifikata fl-aċċess għal prodotti u servizzi kif ukoll id-diskriminazzjoni fil-prezzijiet ibbażata fuq il-post ġeografiku jew iċ-ċittadinanza;

30.  Jappella biex is-Sistema Ewropea ta' Standardizzazzjoni tissaħħaħ ħalli l-ħidma tinbeda malajr kemm jista' jkun sabiex jiżdied l-appoġġ favur il-politiki tal-UE fl-innovazzjoni diġitali, tiżdied iċ-ċibersigurtà u titjieb l-interoperabbiltà;

31.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw u jinfurzaw ir-regoli tas-Suq Uniku b'mod xieraq u f'waqtu; jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tas-CSRs – inklużi r-riformi fis-swieq tal-prodotti u tas-servizzi nazzjonali – sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal ta' tkabbir tal-Istati Membri;

32.  Jemmen li l-Istati Membri jeħtieġ iżidu l-isforzi tagħhom biex jimmodernizzaw l-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom, billi jipprovdu aktar servizzi diġitali li jkunu aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini u għan-negozji, u biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni transkonfinali u l-interoperabbiltà tal-amministrazzjonijiet pubbliċi;

Is-Suq Uniku fis-seklu 21

33.  Jenfasizza li l-kunċett tal-ekonomija moderna qed jinbidel b'pass mgħaġġel minħabba l-avvanzi diġitali u teknoloġiċi, kompetizzjoni internazzjonali aktar intensa u t-tibdil fix-xejriet komportamentali tal-atturi ekonomiċi u tal-konsumaturi;

34.  Jirrimarka l-fatt li l-linja bejn il-prodotti u s-servizzi qed issir dejjem aktar imċajpra; jenfasizza l-importanza dejjem akbar tas-servizzi relatati man-negozju u s-sistemi bi prodotti u servizzi integrati; jemmen li l-oqfsa regolatorji tas-Suq Uniku jeħtieġ iħaddnu dawn l-iżviluppi evoluttivi;

35.  Jilqa' l-mudelli kummerċjali ġodda tal-ekonomija kollaborattiva u jirrikonoxxi l-potenzjal innovattiv enormi li għandhom u li għandu jiġi sfruttat f'konformità mal-istandards eżistenti mil-lat ġuridiku u tal-ħarsien tal-konsumaturi kif ukoll ma' kundizzjonijiet kompetittivi ekwi; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-aħjar kundizzjonijiet possibbli sabiex l-ekonomija kollaborattiva tiżviluppa u tirnexxi; jistieden lill-Kummissjoni tieħu approċċ strateġiku li jippermetti li n-negozji tal-ekonomija kollaborattiva jikkompetu ma' negozji tradizzjonali f'ambjent ġust;

36.  Jirrimarka li x-xejriet tal-investiment min-naħa tan-negozji raw bidla sinifikanti, b'żieda fid-daqs u l-importanza tal-infiq f'assi intanġibbli meta mqabbla mal-investiment f'assi tanġibbli; jenfasizza li, b'rabta ma' assi intanġibbli, 17 % biss tal-investiment tad-ditti jmur favur ir-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam xjentifiku; jistieden lil dawk responsabbli mit-tfassil tal-politika jaħdmu favur it-tneħħija tal-ostakli regolatorji li jimpedixxu t-twettiq tal-potenzjal sħiħ ta' din il-lieva ta' innovazzjoni ġdida;

37.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-Istrateġija tas-Suq Uniku, li tiddeskrivi kif diversi azzjonijiet tal-Kummissjoni (l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, is-Suq Uniku Diġitali, l-Unjoni tal-Enerġija, eċċ.) huma ffukati fuq għan prinċipali – l-isfruttament tal-potenzjal tas-Suq Uniku tal-UE; jenfasizza li l-komunikazzjoni dwar l-Istrateġija tas-Suq Uniku tgħid li s-Suq Uniku għandu jitqies iżjed fil-proċess tas-Semestru Ewropew;

38.  Jilqa' l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali bħala l-approċċ it-tajjeb biex l-UE tadatta ruħha għall-era diġitali; jappella biex din l-istrateġija tiġi introdotta u implimentata malajr biex ikun żgurat li l-UE tirkupra ż-żmien li tilfet preċedentement meta l-adozzjoni u l-użu tat-teknoloġiji diġitali kienu batuti; iqis li dan jeħtieġ allokazzjoni ta' fondi nazzjonali u tal-UE sabiex tinħoloq l-infrastruttura meħtieġa, b'mod partikolari fiż-żoni rurali; jinnota wkoll l-importanza tal-appoġġ favur l-innovazzjoni diġitali u t-titjib fl-interoperabbiltà, u li kwistjonijiet ta' sigurtà ċibernetika għandhom jingħataw attenzjoni partikolari;

39.  Jenfasizza li servizzi ta' twassil tal-pakketti aċċessibbli, effiċjenti, ta' kwalità għolja u bi prezz raġonevoli jikkostitwixxu rekwiżit preliminari essenzjali għal kummerċ elettroniku transkonfinali li jirnexxi, għall-benefiċċju – b'mod partikolari – tal-SMEs u l-konsumaturi;

40.  Ifakkar li l-integrazzjoni tas-Suq Uniku fil-prodotti u s-servizzi hija kważi dejjem ibbażata fuq id-data, u li l-interoperabbiltà hija l-"kolla" li ttejjeb il-konnessjoni tul il-katina tal-provvista u tiżgura komunikazzjoni effikaċi bejn il-komponenti diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tibda l-aġġornament tal-Qafas Ewropew tal-Interoperabbiltà malajr kemm jista' jkun, flimkien ma' pjan ta' standardizzazzjoni integrat li jidentifika u jiddefinixxi l-prijoritajiet ewlenin;

41.  Jenfasizza li l-investimenti privati u pubbliċi f'netwerks ta' komunikazzjoni veloċi u ultraveloċi huma rekwiżit għal kwalunkwe progress diġitali, u jridu jiġu inċentivati permezz ta' qafas regolatorju stabbli tal-UE sabiex l-atturi kollha jkunu jistgħu jagħmlu investimenti anke f'żoni rurali u remoti;

42.  Jenfasizza l-importanza li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi jiġi implimentat b'suċċess sabiex l-investimenti jiġu massimizzati u l-kumpaniji innovattivi jingħataw appoġġ fl-istadji differenti tal-finanzjament tal-iżvilupp tagħhom; jenfasizza l-importanza li, f'każ ta' falliment tas-suq, jiġu sfruttati bis-sħiħ il-fondi pubbliċi li diġà huma disponibbli għal investimenti diġitali, u li jingħata lok għal sinerġiji bejn programmi tal-UE bħalma huma Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, u fondi strutturali rilevanti u strumenti oħrajn;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa jekk l-istrateġija tal-broadband attwali għal netwerks mobbli u fissi, kif ukoll il-miri tagħha, humiex adegwati għall-esiġenzi tal-futur u jekk jissodisfawx il-kundizzjonijiet għal konnettività għolja għal kulħadd – sabiex tiġi evitata l-qasma diġitali – u għall-ħtiġijiet tal-ekonomija bbażata fuq id-data kif ukoll it-tixrid rapidu tal-5G;

44.  Jenfasizza li l-UE għandha tibni l-vantaġġ kompetittiv tagħha billi toħloq art fertili perfetta għat-twelid ta' kumpaniji innovattivi, li jeħtieġ politika industrijali moderna u infrastruttura aktar integrata li tqiegħed fuq quddiem l-adozzjoni tat-teknoloġija u ambjent regolatorju li jiffavorixxi l-innovazzjoni u l-intraprenditorija; jappella biex kwalunkwe qafas diġitali propost fil-futur ikun inklużiv, aċċessibbli u jiżgura livell għoli ta' ħarsien għall-konsumaturi;

Il-governanza tas-Suq Uniku

45.  Jenfasizza li, sabiex ikun hemm governanza u sens ta' appartenenza aktar b'saħħithom fil-livelli kollha fejn jidħol is-Suq Uniku, hemm bżonn kjarifika fit-tqassim tal-kompiti bejn dawk il-livelli u oqfsa li jagħtu inċentivi aħjar u responsabbiltà ċara għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet tas-Suq Uniku biex jingħata impetu ġdid lis-Suq Uniku;

46.  Jinnota li s-sens ta' appartenenza fuq ħafna livelli fir-rigward tal-governanza effikaċi tas-Suq Uniku jista' jintlaħaq b'suċċess permezz ta' regolamentazzjoni aħjar, minn naħa, u kultura ta' infurzar regolatorju usa', min-naħa l-oħra; jappella biex jiġi żviluppat il-kapital uman, fost l-oħrajn abbażi ta' informazzjoni aktar aċċessibbli u taħriġ xieraq biex jogħlew il-livelli ta' għarfien u ta' sensibilizzazzjoni;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-regoli tas-Suq Uniku jiġu infurzati b'mod konsistenti min-naħa tal-Istati Membri, billi tuża l-informazzjoni disponibbli, id-data u l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha, u timponi l-konsegwenzi previsti mit-Trattati f'każijiet fejn l-Istati Membri jonqsu milli jirrispettaw il-politiki u l-liġijiet tal-UE;

48.  Jirrimarka l-importanza tal-monitoraġġ u l-ġbir tad-data u l-ħtieġa ta' sistema robusta u integrata; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li, f'ħafna każijiet, l-informazzjoni dwar il-konsultazzjonijiet pubbliċi tkun disponibbli f'lingwa waħda biss u dan ma jippermettix lill-partijiet interessati kollha jikkummentaw dwar kwistjonijiet u proposti importanti; iqis li d-data u l-evidenza għandhom jiġu kkunsidrati fit-teħid ta' deċiżjonijiet strateġiċi fundamentali għall-kompletar tas-Suq Uniku, għat-tnaqqis tad-distakk bejn l-Istati Membri u għat-tisħiħ tal-governanza tas-Suq Uniku, bħal fil-prijoritizzazzjoni għall-azzjoni u l-infurzar, fl-evalwazzjoni tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku u l-kompetittività, u anke fi ħdan id-djalogu strutturat dwar il-konformità magħmul mal-Istati Membri;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ rapport annwali dwar l-ostakli għas-Suq Uniku f'diversi Stati Membri u fl-UE kollha kemm hi u biex, fis-CSRs, toħroġ rakkomandazzjonijiet iffukati fuq it-tneħħija tagħhom; jenfasizza li s-Suq Uniku għandu jkollu rwol aktar importanti fis-CSRs;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-miżuri kollha disponibbli, inklużi l-proċeduri ta' ksur, meta jkun meħtieġ, sabiex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Uniku; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tul ta' żmien li tieħu l-proċedura ta' ksur meta jkun qed jiġi eżaminat u rimedjat ksur tar-regoli tas-Suq Uniku, u dwar l-għadd kbir ta' każijiet pendenti;

51.  Jinnota l-benefiċċji tas-SOLVIT; jitlob li s-SOLVIT jissaħħaħ, li jkun konness aħjar mas-servizzi tal-Kummissjoni, u li jkun integrat sew ma' proġetti u databases eżistenti bħaċ-CHAP u l-EU Pilot sabiex jinħolqu sinerġiji fl-informazzjoni u jkun hemm kondiviżjoni tal-aħjar prattiki; jitlob li l-Kummissjoni tibqa' ssegwi b'mod konsistenti l-każijiet mhux solvuti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li s-SOLVIT jingħata l-appoġġ u l-għarfien espert meħtieġ sabiex ikun jista' jindirizza b'mod effiċjenti l-każijiet li jaslulu;

52.  Huwa tal-fehma li l-awtoritajiet inkarigati mis-sorveljanza tas-suq fi ħdan is-Suq Uniku jeħtieġ jissaħħu, ikunu konnessi aħjar u jkunu mgħammra bil-persunal xieraq sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-lum, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-kompetizzjoni minn madwar id-dinja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mis-sorveljanza tas-suq jikkooperaw aktar mill-qrib u jikkondividu l-informazzjoni u l-aħjar prattiki biex jiġu indirizzati b'mod effikaċi l-forom differenti ta' kompetizzjoni inġusta fis-Suq Uniku, fosthom l-għadd kbir ta' prodotti illegali u mhux konformi li jiġġeneraw spejjeż għoljin għan-negozji li jirrispettaw ir-regoli kif ukoll riskji kbar għall-konsumaturi, b'mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tul ta' żmien li qed jieħu l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jadotta l-Pakkett dwar is-Sikurezza tal-Prodotti u s-Sorveljanza tas-Suq, li qed jipperikola s-sikurezza tal-prodotti fl-UE; jistieden lill-Kunsill jadottah minnufih;

53.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex jinħoloq Portal Diġitali Uniku bħala portal ċentrali aċċessibbli li jirrazzjonalizza u jissimplifika l-aċċess għall-informazzjoni u jippromwovi l-pjattaformi eżistenti ddedikati għall-utenti; jenfasizza r-rwol tal-gvernijiet nazzjonali u reġjonali fil-promozzjoni ta' dawn il-pjattaformi, billi jagħmluhom aċċessibbli u jedukaw lill-utenti tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ u tissimplifika l-għodod online tas-Suq Uniku;

54.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar u tal-inizjattiva REFIT, kif ukoll il-ħtieġa ta' sigurtà u prevedibbiltà mil-lat regolatorju, fit-tfassal ta' inizjattivi leġiżlattivi ġodda; jenfasizza li l-prinċipju ta' regolamentazzjoni aħjar m'għandux jippreġudika d-dritt tal-UE u tal-Istati Membri li jilleġiżlaw f'oqsma kritiċi għall-interess pubbliku bħas-saħħa u l-ambjent;

o
o   o

55.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0067.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0069.
(3) Testi adottati, P7_TA(2014)0130.
(4) Testi adottati, P8_TA(2014)0038.
(5) Testi adottati, P7_TA(2013)0054.


Il-ftuħ ta' negozjati għal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija
PDF 389kWORD 123k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar il-ftuħ ta' negozjati għal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija (2015/2791(RSP))
P8_TA(2016)0061B8-0255/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-ftuħ ta' negozjati fit-13 ta' Ottubru 2015 fil-prospettiva ta' Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 3, 207 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet ta' Cecilia Malmström fit-13 ta' Ottubru 2015 f'Tuneż fl-okkażjoni tal-ftuħ tan-negozjati għal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles approfondit u komprensiv bejn l-Unjoni u t-Tuneżija,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tad-9 ta' Ottubru 2015 li l-Premju Nobel għall-Paċi tal-2015 jingħata lill-Kwartett għad-Djalogu Nazzjonali li jirrappreżenta lis-soċjetà ċivili Tuneżina,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-20 ta' Lulju 2015 dwar it-Tuneżija(1),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni Nru 1/2015 tal-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Tuneżija tas-17 ta' Marzu 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni UE-Tuneżija (2013-2017) li jimplimenta s-sħubija privileġġjata fil-qafas tal-Politika Ewropea tal-Viċinat(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 534/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 li tipprovdi għajnuna makrofinanzjarja lir-Repubblika tat-Tuneżija(3), kif ukoll it-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-ewwel akkont fis-26 ta' April 2015,

–  wara li kkunsidra l-analiżijiet imwettqa minn Ecorys dwar l-impatt tal-kummerċ fuq l-iżvilupp sostenibbli, li jservu ta' appoġġ għan-negozjati dwar ftehim ta' kummerċ ħieles approfondit u komprensiv bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija(4),

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni tal-impatt għas-sostenibilità (VIS) rigward iż-Żona ta' Kummerċ Ħieles Ewro-Mediterranja (ŻKĦEM), ir-rapport finali tal-proġett VIS taż-ŻKĦEM u l-proġett ta' konsultazzjoni mwettaq f'Settembru 2007 mill-Impact Assessment Research Centre (Ċentru ta' Riċerka dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt) tal-Institute for Development Policy and Management (Istitut għall-Politika u l-Ġestjoni tal-Iżvilupp) tal-Università ta' Manchester(5),

–  wara li kkunsidra l-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni Ewro-Mediterranji bejn il-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa waħda, u r-Repubblika tat-Tuneżija, min-naħa l-oħra(6),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni Ewropea u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-18 ta' Novembru 2015 bit-titolu "Rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-Unjoni għall-Mediterran u dwar il-pajjiżi tal-viċinat tan-Nofsinhar, b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Mejju 2012 bit-titolu "Kummerċ għall-Bidla: L-Istrateġija Kummerċjali u ta' Investiment tal-UE għan-Nofsinhar tal-Mediterran wara r-rivoluzzjonijiet tar-Rebbiegħa Għarbija"(7),

–  wara li kkunsidra l-mozzjoni għal riżoluzzjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-relazzjonijiet bejn l-Ewropa u t-Tuneżija huma stretti u antiki ħafna, u billi l-Unjoni Ewropea hija l-akbar sieħeb kummerċjali tat-Tuneżija u t-Tuneżija l-erbgħa u tletin sieħeb tal-Unjoni;

B.  billi l-ewwel ftehim ta' kooperazzjoni kummerċjali konkluż bejn iż-żewġ sħab ġie ffirmat fl-1969, u billi t-Tuneżija kienet l-ewwel pajjiż fuq ix-xtut tan-Nofsinhar tal-Mediterran li ffirma ftehim ta' assoċjazzjoni mal-Unjoni Ewropea fl-1995;

C.  billi fit-13 ta' Ottubru 2015, l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija varaw negozjati għal Ftehim ta' Kummerċ Ħieles ambizzjuż abbażi tal-mandat adottat fl-14 ta' Diċembru 2015 b'unanimità mill-Istati Membri tal-Unjoni, u billi sar ċiklu ta' negozjati inizjali mid-19 sat-22 ta' Ottubru 2015;

D.  billi d-diskussjonijiet preliminari bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija dwar id-DCFTA damu erba' snin, u billi t-Tuneżija stabbiliet Kummissjoni Nazzjonali biex tiddefinixxi l-prijoritajiet tagħha;

E.  billi l-approfondiment tar-relazzjonijiet kummerċjali bejn l-Ewropa u t-Tuneżija bil-konklużjoni ta' sħubija kummerċjali ambizzjuża għandu jiftaħ prospettivi ta' tkabbir u ta' tqarrib għall-ekonomiji tat-Tuneżija u tal-Unjoni Ewropea; billi din is-sħubija trid tikkontribwixxi għall-istabbilizzazzjoni politika u demokratika tat-Tuneżija;

F.  billi s-sħubija kummerċjali taqa' fl-ambitu usa' tar-relazzjonijiet ta' viċinat bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija rregolati mill-Ftehim Ewro-Mediterranju ta' Assoċjazzjoni tal-1995 li jipprevedi l-istabbiliment ta' żona ta' kummerċ ħieles u dispożizzjonijiet dwar l-agrikoltura u s-servizzi; billi fis-17 ta' Marzu 2015 il-Kunsill ta' Assoċjazzjoni UE-Tuneżija adotta pjan ta' azzjoni ġdid li jimplimenta s-sħubija privileġġjata, sabiex jintlaħaq livell għoli ta' integrazzjoni ekonomika; billi r-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat għandu jippromwovi l-valuri u l-interessi komuni tal-Unjoni u tat-Tuneżija, żvilupp soċjoekonomiku solidali u l-ħolqien tal-impjiegi għaż-żgħażagħ, u għandu jwassal għal stabbilizzazzjoni ekonomika;

G.  billi t-Tuneżija, il-post fejn bdew il-ġrajjiet magħrufa bħala r-"Rebbiegħa Għarbija", hija l-uniku pajjiż fir-reġjun tal-Lvant Qrib u Nofsani u tal-Afrika tat-Tramuntana fejn ġie implimentat proċess ta' tranżizzjoni demokratika u politika u, għaldaqstant, huwa eżempju għar-reġjun kollu;

H.  billi l-istabbiltà politika u l-iżvilupp ekonomiku jimxu id f'id, u billi dan il-ftehim kummerċjali għandu jkollu l-objettiv li joffri prospettivi reali għall-ekonomiji Tuneżini u Ewropej;

I.  billi, b'mod parallel ma' dawn in-negozjati, l-Unjoni Ewropea għandha tkompli tagħti u tintensifika l-għajnuna tagħha lit-Tuneżija u tipprovdilha assistenza finanzjarja u teknika adegwata u xierqa matul in-negozjati u mbagħad fl-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-ftehim permezz tal-iżvilupp ta' sħubija reali li fiha jistgħu jitqiesu l-interessi tal-popolazzjonijiet taż-żewġt ixtut tal-Mediterran;

J.  billi t-Tuneżija u l-Unjoni Ewropea għandhom kull interess li jippromwovu u jsaħħu l-proċess ta' integrazzjoni reġjonali "Nofsinhar-Nofsinhar" bejn it-Tuneżija u l-istati ġirien, b'mod partikolari bis-saħħa tal-Ftehim ta' Agadir; u billi n-negozjati ta' kummerċ ħieles bejn l-UE u t-Tuneżija għandhom jikkumplementaw tali sforzi;

K.  billi t-tranżizzjoni demokratika Tuneżina tibqa' eżempju għall-pajjiżi l-oħra tar-reġjun; billi fis-26 ta' Jannar 2014, l-Assemblea Nazzjonali Kostitwenti adottat il-Kostituzzjoni l-ġdida għat-Tuneżija; billi dan huwa eżemplari fir-rigward tal-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet; billi fil-21 ta' Diċembru 2014, is-Sur Beji Caïd Essebsi ġie elett President tar-Repubblika tat-Tuneżija f'elezzjonijiet ħielsa, pluralisti u trasparenti;

L.  billi s-soċjetà ċivili Tuneżina, b'riżultat tad-dinamiżmu u l-livell ta' edukazzjoni tagħha, tiżvolġi rwol essenzjali fit-tranżizzjoni tal-pajjiż lejn id-demokrazija; billi għandha tkompli tiġi assoċjata mill-qrib mal-proċess ta' deliberazzjonijiet politiċi, anke fin-negozjati li għaddejjin;

M.  billi l-għoti tal-Premju Nobel għall-Paċi lill-Kwartett tad-Djalogu Nazzjonali Tuneżin huwa rikonoxximent tal-isforzi li saru għall-konsolidament tad-demokrazija u huwa inkoraġġiment biex dan il-proċess jitkompla; billi huwa imperattiv li jiġi konkluż ftehim eżemplari biex itaffi l-preokkupazzjonijiet espressi mis-soċjetà ċivili;

Konstatazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika, politika u soċjali fit-Tuneżija

1.  Jikkundanna bil-qawwa l-attakki terroristiċi li seħħew fit-Tuneżija f'dawn l-aħħar xhur u li ħallew ħafna vittmi; iqis li t-Tuneżija qiegħda tħabbat wiċċha ma' theddida terroristika kbira ħafna u jfakkar li l-attentat tal-24 ta' Novembru 2015 fuq xarabank tas-sigurtà presidenzjali, l-attakki terroristiċi tas-26 ta' Ġunju 2015 f'Sousse u l-attentat tat-18 ta Marzu 2015 fil-Mużew ta' Bardo kkompromettew serjament il-prospettivi turistiċi għas-sajf tal-2015 meta t-turiżmu u s-setturi marbuta jirrappreżentaw 15 % tal-PNG tal-pajjiż; jesprimi s-solidarjetà sħiħa tiegħu mat-Tuneżija u jtenni l-appoġġ tiegħu lill-awtoritajiet Tuneżini fil-ġlieda tagħhom kontra t-terroriżmu, fir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt;

2.  Jikkonstata li l-ekonomija Tuneżina qed taffronta diffikultajiet sinifikanti, li r-rata ta' tkabbir tal-PDG kienet ta' 2,3 % fl-2014, li r-rata tal-qgħad fl-2015 kienet tammonta għal 15 % tal-popolazzjoni attiva, li 28,6 % tal-gradwati mill-edukazzjoni għolja huma bla xogħol u li l-qgħad fost iż-żgħażagħ Tuneżini qed jiżdied;

3.  Isostni li jeżisti żbilanċ demografiku u ekonomiku evidenti bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija, u li dan jiġġustifika strateġija asimmetrika u progressiva fin-negozjati;

4.  Ifakkar li t-Tuneżija hija karatterizzata minn disparitajiet reġjonali sinifikanti bejn il-kapitali, Tuneż, u r-reġjuni l-oħra tal-pajjiż, b'distakki fl-iżvilupp sinifikanti ħafna bejn il-kosta u ż-żoni taċ-ċentru tal-pajjiż, partikolarment fir-rigward tar-rata tal-qgħad, l-aċċess għall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, u li dawn id-distakki jistgħu jaggravaw minħabba t-tibdil fil-klima;

5.  Ifakkar li s-suq tax-xogħol fit-Tuneżija fih disparitajiet bejn id-diversi setturi affettwati mill-ftehim kummerċjali, li, jekk ma jiġux indirizzati, jistgħu jwasslu għal eċċess ta' ħaddiema fis-settur agrikolu u għall-għajbien ta' setturi oħra importanti għad-diversifikazzjoni ekonomika fit-Tuneżija, bħall-industrija tal-manifattura jew tal-minjieri;

6.  Jinnota li l-proċess ta' tranżizzjoni demokratika tat-Tuneżija huwa l-iktar wieħed li rnexxa fir-reġjun u li l-pajjiż għażel mudell politiku u ta' żvilupp ekonomiku uniku fost il-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, u jitlob lill-Kummissjoni Ewropea tqis dan il-fatt bis-sħiħ fin-negozjati; iqis li l-Unjoni għandha tieħu l-miżuri kollha possibbli biex tappoġġja lit-Tuneżija fit-tranżizzjoni demokratika tagħha lejn soċjetà stabbli u pluralista;

7.  Jikkonstata li t-Tuneżija tbati minħabba ambjent reġjonali instabbli ħafna, b'mod partikolari minħabba l-kunflitt fil-Libja u l-vjolenza sporadika fl-Alġerija, żewġ pajjiżi fuq il-fruntiera magħha;

8.  Jikkonstata li t-Tuneżija laqgħet aktar minn 1,8 miljun rifuġjat Libjan, u li dan in-numru jikkorrispondi għal 16 % tal-popolazzjoni totali tat-Tuneżija;

Il-kundizzjonijiet biex jirnexxi ftehim kummerċjali bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija

9.  Jilqa' l-ftuħ tan-negozjati fil-ħarifa tal-2015 għall-konklużjoni ta' ftehim ta' kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija, abbażi tal-mandat adottat fl-2011 mill-Kunsill b'segwitu għar-"Rebbiegħa Għarbija"; jinnota li, mill-2011, it-Tuneżija kkonsolidat it-tranżizzjoni demokratika tagħha bil-proklamazzjoni tal-Kostituzzjoni l-ġdida tagħha fis-26 ta' Jannar 2014 u bl-organizzazzjoni tal-elezzjonijiet parlamentari u presidenzjali li saru rispettivament fis-26 ta' Ottubru u fit-23 ta' Novembru 2014;

10.  Iqis li dan il-ftehim fih iktar minn dimensjoni kummerċjali biss, u li għandu bilfors ikollu l-għan li jikkontribwixxi għall-istabbiltà tat-Tuneżija, għall-konsolidazzjoni tad-demokrazija tagħha u għar-rivitalizzazzjoni tal-ekonomija tagħha, billi jkollha impatt pożittiv kemm fuq il-prezzijiet tal-konsumatur u l-impjiegi, fuq is-salarji tal-ħaddiema kwalifikati u mhux kwalifikati u fuq it-tnaqqis tal-inugwaljanzi; jitlob li ma jiġi konkluż ebda ftehim li ma jindirizzax dawn il-kwistjonijiet;

11.  Iħeġġeġ lin-negozjaturi jikkonkludu ftehim progressiv u asimmetriku li jqis id-disparitajiet ekonomiċi kbar bejn iż-żewġ partijiet, juru flessibbiltà, reattività, innovazzjoni, trasparenza u kapaċità ta' adattament fin-negozjati, u jżommu f'moħħhom li dan il-ftehim irid ikun ta' benefiċċju għall-ekonomiji u s-soċjetajiet tat-Tuneżija u tal-UE, filwaqt li jitqiesu kif xieraq id-differenzi u s-sensittivitajiet speċifiċi, u l-kuntesti soċjoekonomiċi u kulturali, taż-żewġ partijiet, mingħajr distorsjoni fil-kummerċ intrareġjonali tat-Tuneżija mal-pajjiżi tar-reġjun;

12.  Jilqa' l-fatt li l-Gvern Tuneżin ippreżenta pjan ta' riformi fuq ħames snin (2015-2020) tal-ekonomija, bl-għan li jnaqqas ir-rata tal-qgħad u d-disparitajiet reġjonali fil-pajjiż u li jiddiversifika l-istruttura ekonomika; iqis li l-ftehim ta' kummerċ ħieles għandu jkun konsistenti mal-għanijiet ta' dan il-pjan;

13.  Ifakkar li dawn huma l-ewwel negozjati kummerċjali ta' din il-portata għat-Tuneżija, u li għalhekk, huwa importanti li l-ftuħ tas-setturi ekonomiċi Tuneżini jkun progressiv, gradwali u asimmetriku, u li jipprevedi perjodi ta' tranżizzjonijiet għas-setturi sensittivi filwaqt li jiġu esklużi min-negozjati ċerti prodotti meqjusa bħala sensittivi mill-partijiet;

14.  Iqis li huwa essenzjali li t-Tuneżija tirċievi mill-Unjoni Ewropea għajnuna finanzjarja u teknika sostanzjali għan-negozjati kummerċjali biex timplimenta kif xieraq id-dispożizzjonijiet differenti tal-ftehim ta' kummerċ ħieles; jitlob li l-għajnuna finanzjarja tiġi allokata b'mod trasparenti u li tkun effettivament ta' benefiċċju għad-destinatarji tagħha;

15.  Jilqa' l-appoġġ mogħti mill-Bank Ewropew tal-Investiment lil numru ta' proġetti fit-Tuneżija; jissottolinja l-fatt li dan l-appoġġ jikkontribwixxi għad-diversifikazzjoni ekonomika tat-Tuneżija kif ukoll għall-ħolqien ta' impjiegi, b'mod partikolari għaż-żgħażagħ;

16.  Jilqa' l-fatt li l-Unjoni Ewropea għamlet lit-Tuneżija wieħed mill-pajjiżi prijoritarji tal-politika tal-viċinat tagħha vis-à-vis l-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran, u li allokat self ta' EUR 300 miljun lit-Tuneżija f'assistenza makrofinanzjarja biex jiġu stabbiliti riformi ekonomiċi;

17.  Jitlob, madankollu, lill-Unjoni Ewropea, kif ukoll lill-Istati Membri tagħha, lill-BEI u lill-BERŻ, biex jibqgħu qrib it-Tuneżini u jintensifikaw il-programmi ta' għajnuna u ta' assistenza, anke permezz tal-introduzzjoni ta' miżuri kummerċjali awtonomi straordinarji, biex jakkumpanjaw lit-Tuneżija fil-konsolidazzjoni tal-proċess demokratiku tagħha; jilqa' l-implimentazzjoni minn ċerti Stati Membri ta' "sħubijiet għat-trasformazzjoni tat-Tuneżija"; jistieden lill-Unjoni Ewropea tkompli l-programm tagħha ta' tnaqqis tal-inugwaljanzi reġjonali fir-rigward tal-aċċess għall-kura medika bażika;

18.  Jistieden lill-Unjoni Ewropea tqis is-sitwazzjoni speċifika tat-Tuneżija f’dawn in-negozjati, speċjalment fid-dawl tat-tranżizzjoni demokratika fraġli u d-differenza fl-iżvilupp ekonomiku bejn l-Unjoni u t-Tuneżija, filwaqt li żżomm dejjem f’moħħha li l-aħjar soluzzjonijiet huma dawk li jkunu ta’ benefiċċju għaż-żewġ partijiet;

19.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li dawn in-negozjati jiksbu malajr gwadanji konkreti għall-ekonomiji tal-Ewropa u tat-Tuneżija f’setturi ewlenin kif ukoll għall-atturi kollha involuti, speċjalment l-SMEs u l-mikrointrapriżi;

20.  Jenfasizza li dan il-ftehim irid jikkontribwixxi għall-iżvilupp u għad-diversifikazzjoni tal-ekonomija Tuneżina li bħalissa hija dipendenti primarjament fuq l-agrikoltura, għat-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali u li jrid jipprovdi benefiċċji konkreti għat-Tuneżini u l-Ewropej kollha;

21.  Jilqa' l-fatt li t-Tuneżija wettqet riformi soċjali u ekonomiċi kbar; jinsisti li dawn ir-riformi jkomplu għaddejjin, anke matul in-negozjati, sabiex il-pajjiż ikun jista’ jieħu vantaġġ sħiħ mill-ftehim;

22.  Jikkunsidra li l-ftehim għandu jikkontribwixxi għall-approfondiment tal-kooperazzjoni ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija, li diġà għamlet progress tajjeb permezz tat-tneħħija tad-dazji doganali fuq il-prodotti industrijali, bi qbil mal-ftehim ta' assoċjazzjoni; jipproponi għalhekk l-isem il-ġdid ta’ "sħubija ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija";

23.  Iħeġġeġ ħafna lill-Kummissjoni u lill-Gvern Tuneżin jistabbilixxu proċess ċar u preċiż tal-involviment tas-soċjetà ċivili Tuneżina u dik Ewropea matul iż-żmien kollu tan-negozjati, u biex ikunu innovattivi; f’dan is-sens, huwa sodisfatt mir-rwol tas-soċjetà ċivili Tuneżina fl-ewwel ċiklu tan-negozjati u jitlob biex il-konsultazzjonijiet ikunu miftuħa u trasparenti u biex jikkunsidraw aktar id-diversità tas-soċjetà ċivili Tuneżina, billi jinbnew fuq l-aħjar prattiki bħal dawk li ġew stabbiliti fil-qafas ta’ negozjati simili;

24.  Jilqa’, f’dan ir-rigward, l-istabbiliment mill-Ministeru tal-Kummerċ u tal-Artiġjanat ta’ sit tal-internet iddedikat għall-komunikazzjoni tad-DCFTA lill-pubbliku kif ukoll ir-rieda tan-negozjaturi li jippubblikaw it-test finali f’verżjoni bi tliet lingwi; jikkunsidra li s-soċjetà ċivili Tuneżina tista’ wkoll tkun assoċjata ma’ dawn in-negozjati permezz ta’ kumitat ta’ superviżjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt;

25.  Jitlob minnufih lill-Kunsill biex jagħmel pubbliku l-mandat ta’ negozjar, li ġie adottat unanimament mill-Istati Membri fl-14 ta’ Diċembru 2011;

26.  Jitlob l-istabbiliment ta’ djalogu regolari matul in-negozjati bejn membri parlamentari Tuneżini u Ewropej; jilqa’, f’dan il-kuntest, il-ħolqien ta’ Kumitat Parlamentari Konġunt (KPK) UE-Tuneżija, li se jkollu rwol ċentrali billi jippermetti lill-membri parlamentari Ewropej u Tuneżini li jiltaqgħu regolarment u jwettqu segwitu reali tan-negozjati tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles;

27.  Jesprimi x-xewqa tiegħu li dan id-djalogu jippermetti valutazzjoni aħjar tal-aspettattivi u l-preokkupazzjonijiet taż-żewġ partijiet, u għalhekk itejjeb it-termini tal-ftehim;

28.  Ifakkar li l-Unjoni għall-Mediterran tappoġġja l-iżvilupp ta’ proġetti konkreti fir-reġjun u tista’, f’dan is-sens, tipprovdi għarfien espert waqt in-negozjati tal-ftehim;

29.  Jitlob li jsiru studji tal-impatt u evalwazzjonijiet settorjali, rigorużi u trasparenti miż-żewġ naħat, inkluż mill-Parlament Ewropew bil-parteċipazzjoni ta’ esperti Tuneżini, dwar l-effetti tal-ftehim fuq diversi oqsma, speċjalment fuq is-servizzi, l-akkwist pubbliku, il-kompetittività tal-SMEs, l-impjiegi, l-agrikoltura, l-ambjent jew kwalunkwe settur ieħor ta’ prijorità; jinnota li t-Tuneżija tixtieq tinvolvi mill-ewwel lill-esperti Tuneżini biex tiżgura l-kredibilità taċ-ċifri tal-valutazzjoni tal-impatt fit-Tuneżija stess;

30.  Jitlob li dawn il-valutazzjonijiet tal-impatt u l-evalwazzjonijiet settorjali jiġu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea u li, skont it-talba ta’ bosta organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili Tuneżina, jiġu eventwalment preċeduti minn evalwazzjoni ex post tal-impatti soċjoekonomiċi tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni tal-1995;

31.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabilixxi mill-aktar fis possibbli n-natura mħallta jew esklużiva tal-ftehim u jitlobha tinvolvi, mill-ewwel diskussjonijiet, lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri fid-dibattitu;

32.  Jenfasizza li l-kundizzjonijiet ambjentali fil-baċir tal-Mediterran, b’mod partikolari l-iskarsezza tal-ilma, li tikkaġuna ħsara lill-attivitajiet agrikoli, għandhom jiġu kkunsidrati fin-negozjati u li għandu jiġi promoss mudell li jkun ekonomikament sostenibbli mil-lat tal-ambjent u tal-ġestjoni tar-riżorsi naturali;

33.  Jenfasizza li n-negozjati kummerċjali mat-Tuneżija huma parti mill-kuntest usa’ tar-relazzjonijiet kummerċjali Ewro-Mediterranji; jinsisti li l-Għaxar Konferenza Ministerjali dwar il-Kummerċ tal-Unjoni għall-Mediterran indefinittivament posposta mill-2013 issir dalwaqt biex jiġu eżaminati l-isfidi kummerċjali tar-reġjun u l-prijoritajiet ta’ ħidma li għandhom jiġu stabbiliti għas-snin li ġejjin;

Viżjoni settorjali tan-negozjati

34.  Jitlob li l-ftehim jiddedika biżżejjed importanza lis-settur tas-servizzi, li jirrappreżenta potenzjal kbir għat-tkabbir tal-ekonomija Tuneżina u mistenni jattira investimenti strateġiċi; iqis li, peress li dawn in-negozjati kummerċjali huma l-ewwel ta’ din il-portata għat-Tuneżija, il-kapitolu dwar is-servizzi għandu jidentifika b’mod espliċitu dawk is-setturi li fihom il-partijiet jixtiequ jieħdu impenji dwar l-aċċess għas-suq jew it-trattament nazzjonali;

35.  Ifakkar li s-settur pubbliku huwa ta’ importanza fundamentali għat-Tuneżija u li jiġbor il-parti l-kbira tal-impjiegi kwalifikati Tuneżini;

36.  Ifakkar li t-Tuneżija għandha ħafna negozji ġodda, mikrointrapriżi u SMEs ta' dinamiċità kbira fil-qasam tat-teknoloġiji avvanzati, u jitlob li l-ftehim jiffavorixxi l-kapaċitajiet ta' żvilupp u ta' internazzjonalizzazzjoni tagħhom; jieħu nota tat-talba tat-Tuneżini li fil-ftehim jiġu integrati dispożizzjonijiet ambizzjużi u bilanċjati dwar il-kummerċ online;

37.  Jistieden liż-żewġ partijiet iħeġġu, inkluż permezz ta’ inizjattivi konġunti, it-tkabbir fl-impjiegi, li huwa kundizzjoni essenzjali għall-irkupru ekonomiku u l-istabilità politika fit-Tuneżija;

38.  Jikkunsidra li l-ftehim għandu jkun ta' benefiċċju għall-produtturi ż-żgħar u l-intraprendituri żgħar fit-Tuneżija, li huma indispensabbli għan-nisġa ekonomika Tuneżina; Iħeġġeġ l-iżvilupp ta’ djalogu regolari bejn l-intraprendituri, l-organizzazzjonijiet professjonali u l-organizzazzjonijiet tat-taħriġ, li jippermetti li jiġu promossi l-aħjar prattiki u li nifhmu aħjar id-diffikultajiet u l-aspettattivi ta’ xulxin;

39.  Iqis li fil-qafas tan-negozjati ta’ kapitolu dwar il-kompetizzjoni, huwa importanti li jittieħed approċċ bil-galbu, progressiv u flessibbli minħabba n-natura strateġika tal-għajnuniet tal-Istat għall-iżvilupp ekonomiku Tuneżin;

40.  Ifakkar fl-importanza li jiġu stabbiliti kmamar tal-kummerċ bilaterali li jirappreżentaw fora permanenti li jippermettu lill-atturi differenti li jiżviluppaw sħubiji bejniethom u jiżviluppaw l-attivitajiet ekonomiċi u kummerċjali tagħhom;

41.  Jitlob lill-Kummissjoni tiffaċilita l-għoti ta’ viżi għal soġġorn qasir għall-eżerċizzju ta’ servizzi tat-tip "Move IV" li jeħtieġu l-ispostament ta’ persuni għal perjodu limitat u f’kundizzjonijiet preċiżi previsti minn kuntratti u mil-leġiżlazzjoni nazzjonali; jenfasizza li l-ebda element fil-ftehim ma għandu jimpedixxi lill-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha milli japplikaw miżuri maħsuba biex jirregolaw id-dħul jew ir-residenza temporanja ta’ persuni fiżiċi fit-territorju tagħha, inklużi l-miżuri neċessarji sabiex jiżguraw il-moviment ordnat ta’ persuni fiżiċi lil hinn mill-fruntieri tagħha, bħall-istabbiliment ta’ kundizzjonijiet tad-dħul;

42.  Jixtieq li dan il-ftehim jikkontribwixxi għall-istabbiliment sostenibbli fit-Tuneżija ta' klima favorevoli u ta’ inċentiv għall-investimenti fit-tul fis-setturi ekonomiċi essenzjali, dinamiċi u b’valur miżjud kbir bħat-turiżmu, l-enerġija, inklużi s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, is-servizzi ta' teknoloġija avvanzata, l-ekonomija diġitali u l-iskambju tad-data; jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora kapitolu dwar l-investimenti maħsuba biex jiffaċilitaw l-investiment barrani dirett bejn l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija u taċċellera t-twaqqif tal-mekkaniżmu Ewro-Mediterranju ta’ faċilitazzjoni tal-kummerċ u tal-investiment, li se jippermetti l-ġbir ta’ informazzjoni u data rilevanti, isaħħaħ is-sħubijiet kummerċjali u jkun ta’ benefiċċju partikolarment għat-Tuneżija;

43.  Iqis li l-ftehim għandu jinkludi dispożizzjonijiet dwar l-akkwist pubbliku filwaqt li jiġi nnegozjat bil-galbu l-livell ta' ftuħ kemm min-naħa tal-UE kif ukoll min-naħa tat-Tuneżija u jqis l-istruttura u l-kundizzjonijiet speċjali tal-ekonomija Tuneżina;

44.  Iqis li l-Unjoni Ewropea u t-Tuneżija jistgħu biss jibbenefikaw minn aċċess aħjar għas-swieq agrikoli tagħhom u li l-ftehim għandu jikkontribwixxi għat-tnaqqis tat-tariffi doganali, għall-eliminazzjoni tal-ostakli mhux tariffarji u għat-titjib tal-proċeduri għall-esportazzjoni;

45.  Jinnota li t-Tuneżija ffokat fuq l-iżvilupp tal-agrikoltura organika u li, permezz ta' dan il-ftehim, il-prodotti Tuneżini tal-agrikoltura ta' dan it-tip għandu jkollhom il-possibilità ta' aċċess għal swieq ġodda;

46.  Jixtieq li n-negozjati ma jippreġudikawx l-ekonomija taż-żewġ partijiet; jitlob lill-Unjoni u lit-Tuneżija jikkunsidraw il-fatt li jeżistu diversi setturi agrikoli sensittivi fuq iż-żewġ naħat tal-Mediterran, li għalihom se jkollhom jiġu miftiehma, waqt il-proċess ta’ negozjati, listi kompluti b’perjodi ta’ tranżizzjoni u kwoti xierqa, u jekk ikun neċessarju, l-esklużjoni tagħhom mill-kamp ta’ applikazzjoni tan-negozjati;

47.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tinnegozja l-implimentazzjoni ta' standards eżiġenti u ta' kwalità għolja fl-oqsma tas-saħħa u tas-saħħa tal-pjanti u r-riżoluzzjoni ta' problemi veterinarji u ta' kontroll tal-laħam u tal-frott u l-ħaxix li għad fadal fit-Tuneżija; jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi dispożizzjonijiet ta’ assistenza teknika speċifika biex tgħin lill-produtturi Tuneżini jissodisfaw l-istandards tas-saħħa u tas-saħħa tal-pjanti aktar stretti tal-Unjoni Ewropea;

48.  Iqis li l-ftehim għandu jikkontribwixxi għad-definizzjoni ta’ standards ta’ kwalità għolja fil-qasam tal-iżvilupp sostenibbli, speċjalment fl-istandards soċjali;

49.  Jistenna li l-Gvern tat-Tuneżija u l-istituzzjonijiet Ewropej jistabbilixxu dispożizzjonijiet adegwati sabiex jiddefinixxu biċ-ċar l-oriġini, il-provenjenza u t-traċċabbiltà tal-prodotti Tuneżini, kif ukoll jiggarantixxu trasparenza akbar lill-produtturi, l-intermedjarji u l-konsumaturi;

50.  Jixtieq li l-ftehim jinkludi kapitolu ambizzjuż dwar is-setturi tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, fosthom ir-rikonoxximent u l-protezzjoni msaħħa tal-indikazzjonijiet ġeografiċi, biex jiġu żgurati rikonoxximent sħiħ u komplut tal-indikazzjonijiet ġeografiċi tal-Unjoni Ewropea u tat-Tuneżija, it-traċċabilità tal-prodotti kkonċernati u l-protezzjoni tal-għarfien espert tal-manifatturi;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni testendi l-protezzjoni tal-indikazzjonijiet ġeografiċi għall-prodotti mhux agrikoli għal dan il-ftehim, bil-patt li t-Tuneżija tirrikonoxxihom min-naħa tagħha;

52.  Jixtieq li l-ftehim jippermetti lill-industrija Tuneżina timmodernizza ruħha u tiggwadanja f'termini ta' għarfien espert, b'mod li jitkoprew elementi aktar estensivi tal-ktajjen ta' provvista tal-prodotti manifatturati u għaldaqstant jiġu attirati livelli ta' kompetenzi aktar avvanzati u jiġi impjegat persunal bi kwalifiki aħjar fil-livell lokali;

53.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinkorpora fil-ftehim kapitolu ambizzjuż dwar l-enerġija u l-materja prima li jippermetti kooperazzjoni msaħħa fl-oqsma tal-elettriku, il-gass, l-enerġija eolika, l-enerġija solari u sorsi oħra ta' enerġija rinnovabbli;

54.  Jixtieq li fil-kuntest ta’ dan il-ftehim, il-kooperazzjoni xjentifika tkun imsaħħa bejn l-universitajiet, iċ-ċentri ta’ riċerka u l-istituti ta’ taħriġ fl-Ewropa u t-Tuneżija għar-riċerka, l-innovazzjoni, l-iżvilupp ta’ teknoloġiji ġodda u, b’mod aktar ġenerali, għall-kultura u l-edukazzjoni, u li dawn l-inizjattivi jkunu jistgħu jgħinu wkoll biex jappoġġjaw is-suq tax-xogħol Tuneżin;

55.  Jilqa' l-fatt li t-Tuneżija ġiet integrata fil-programm ta’ riċerka Ewropew "Orizzont 2020" u jitlob minnufih lill-Kummissjoni u lill-Gvern Tuneżin jinkorporaw fil-ftehim kapitolu ambizzjuż dwar l-iżvilupp sostenibbli li jippromwovi standards soċjali u tax-xogħol għoljin, skont id-dispożizzjonijiet tal-konvenzjonijiet tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-istandards ambjentali taħt il-ftehimiet multilaterali f’dan il-qasam;

56.  Ifakkar li t-Tuneżija rratifikat il-konvenzjonijiet kollha tal-ILO iżda, skont korp indipendenti ta’ sorveljanza, għandha żżid l-isforzi tagħha biex tippromwovi standards tax-xogħol għoljin; jixtieq li d-DCFTA jgħin lit-Tuneżija tiżviluppa standards soċjali u tax-xogħol aktar protettivi, b’mod partikolari fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tat-trade unions; jistenna li d-DCFTA, fil-kuntest Tuneżin tat-tranżizzjoni demokratika u tat-theddida terroristika, jippromwovi t-tisħiħ tal-istat tad-dritt u l-libertajiet fundamentali, speċjalment il-libertà tal-assoċjazzjoni, tal-espressjoni u tal-informazzjoni;

57.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fit-test tal-ftehim il-klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem, li biha l-Unjoni Ewropea tista’ tissospendi b’mod unilaterali l-applikazzjoni tal-ftehim fil-każ ta’ ksur tad-drittijiet tal-bniedem minn parti kontraenti;

58.  Jitlob lill-partijiet jikkunsidraw l-introduzzjoni ta’ klawżola dwar il-governanza fiskali tajba abbażi tal-ħidma tal-Pjattaforma għal governanza tajba tat-taxxa tal-Kummissjoni Ewropea, sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ tassazzjoni doppja;

59.  Jilqa' l-interess kondiviż li s-Sħubija għall-Mobilità stabbilita fit-3 ta' Marzu 2014 tiġi approfondita, u jjixtieq li jiġi ffinalizat ftehim ta' faċilitazzjoni tal-viżi u ftehim ta' riammissjoni;

60.  Fil-każ ta’ ħsara effettiva jew eventwali lil settur kummerċjali wieħed jew aktar kkonċernati mill-ftehim, jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej jadottaw miżuri kumpensatorji adegwati;

o
o   o

61.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Konklużjonijiet 11076/15 RELEX 626 tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-20.7.2015.
(2) ĠU L 151, 18.6.2015, p. 25.
(3) ĠU L 151, 21.5.2014, p. 9.
(4) http://www.trade-sia.com/tunisia/the-study/?lang=en.
(5) http://www.sia-trade.org/emfta.
(6) ĠU L 97, 30.3.1998, p. 2.
(7) ĠU C 261 E, 10.9.2013, p. 21.


Attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2014
PDF 292kWORD 106k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2014 (2015/2231(INI))
P8_TA(2016)0062A8-0020/2016

Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11, 19, 41, 42 u 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 220(2), it-tieni u t-tielet sentenza, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0020/2016),

A.  billi r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2014 tressaq formalment lill-President tal-Parlament fis-26 ta' Mejju 2015, u l-Ombudsman, Emily O'Reilly, ippreżentat ir-rapport lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi Brussell fit-23 ta' Ġunju 2015;

B.  billi Emily O'Reilly ġiet eletta mill-ġdid Ombudsman Ewropew mill-Parlament waqt is-sessjoni plenarja tiegħu fis-16 ta' Diċembru 2014 fi Strasburgu;

C.  billi l-prijorità ewlenija tal-Ombudsman Ewropew hija li tiżgura li d-drittijiet taċ-ċittadini jiġu rispettati bis-sħiħ u li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jirrifletti l-ogħla standards kif mistenni mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni; billi l-Ombudsman Ewropew għandu rwol vitali li jgħin lill-istituzzjonijiet tal-UE jsiru aktar miftuħa, effikaċi u favur iċ-ċittadini bl-għan li tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-UE;

D.  billi skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru ta' Mejju 2015, il-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea hija ta' 40 % u n-nuqqas ta' fiduċja 46 %; billi l-kapaċità ta' monitoraġġ bejn l-istituzzjonijiet hija essenzjali biex jitjieb il-livell ta' sodisfazzjon fost iċ-ċittadini Ewropej;

E.  billi l-Artikolu 24 tat-TFUE jistipula li "kull ċittadin tal-Unjoni jista' jressaq rikors quddiem l-Ombudsman stabbilit skont l-Artikolu 228";

F.  billi l-Artikolu 228 tat-TFUE jagħti s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew li jmexxi inkjesti dwar amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji, u l-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha; billi l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tiddikjara li "Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni";

G.  billi l-Artikolu 43 tal-Karta jgħid li: "Kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandu d-dritt li jirrikorri għand l-Ombudsman Ewropew f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha";

H.  billi skont l-ewwel Ombudsman Ewropew, "l-amministrazzjoni ħażina tokkorri meta korp pubbliku ma jaġixxix skont regola jew prinċipju li jorbtu"(2); billi dan jitlob lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni mhux biss li jirrispettaw l-obbligi legali tagħhom, iżda wkoll li jkunu orjentati li joffru servizz tajjeb u jiżguraw li l-membri tal-pubbliku jkunu ttrattati b'mod xieraq u jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom; billi l-kunċett ta' amministrazzjoni tajba għandu jinftiehem bħala proċess ta' titjib kontinwu li għadu għaddej;

I.  billi fl-2014, 23 072 ċittadin talbu lis-servizzi tal-Ombudsman għall-għajnuna; billi 19 170 ingħataw konsulenza permezz tal-gwida interattiva tas-sit tagħha; billi fl-2014 l-Ombudsman irreġistrat 2 079 ilment, filwaqt li rċeviet 1 823 talba għal informazzjoni;

J.  billi mill-għadd totali ta' 2 163 ilment ipproċessat mill-Ombudsman, 736 kienu jaqgħu taħt il-mandat tagħha u 1 427 ma kinux;

K.  billi mill-2 163 ilment ipproċessat, f'1 217-il każ l-Ombudsman tat pariri lill-ilmentatur jew ittrasferiet il-każ, f'621 każ l-ilmentatur ġie infurmat li ma setgħux jingħataw pariri ulterjuri, u fi 325 minnhom infetħet inkjesta;

L.  billi l-Ombudsman fetħet 342 inkjesta, li minnhom 325 kienu bbażati fuq ilmenti u 17 kienu inkjesti fuq inizjattiva proprja; billi għalqet 400 inkjesta, li 13 minnhom kienu inkjesti fuq inizjattiva proprja; billi, mill-inkjesti li ngħalqu, 335 tressqu minn ċittadini individwali u 52 minn kumpaniji, assoċjazzjonijiet jew entitajiet ġuridiċi oħra;

M.  billi l-Ombudsman ittrasferiet 772 ilment lil membri tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, inklużi 86 ilment ittrasferiti lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, 144 lill-Kummissjoni u 524 lil istituzzjonijiet u korpi oħra; billi l-biċċa l-kbira tal-inkjesti kienu jikkonċernaw il-Kummissjoni (59,6 %), segwiti mill-aġenziji tal-UE (13,7 %), l-EPSO (9,4 %), istituzzjonijiet oħra (8,5 %), is-SEAE (3,8 %), il-Parlament (3,5 %) u l-OLAF (3,2 %);

N.  billi mill-inkjesti li ngħalqu mill-Ombudsman 21,5 % kienu jikkonċernaw talbiet għal informazzjoni u aċċess għal dokumenti, 19,3 % ir-rwol tal-Kummissjoni bħala gwardjana tat-Trattati, 19,3 % il-kompetizzjoni u proċeduri ta' selezzjoni u 16 % kwistjonijiet istituzzjonali u ta' politika, 11,3 % regolamenti dwar l-amministrazzjoni u l-persunal, 8,3 % l-għoti ta' offerti jew għotjiet u 6 % l-eżekuzzjoni tal-kuntratti;

O.  billi mill-inkjesti li ngħalqu, 133 każ ġew solvuti mill-istituzzjoni jew ingħalqu wara li tkun intlaħqet soluzzjoni amikevoli, u f'163 każ l-Ombudsman qieset li l-ebda inkjesta ulterjuri ma kienet ġustifikata;

P.  billi f'76 każ ma nstabet l-ebda amministrazzjoni ħażina; billi f'39 każ instabet amministrazzjoni ħażina, u fi 13-il każ intuża mezz ieħor biex jingħalaq il-każ; billi fil-każijiet fejn instabet amministrazzjoni ħażina l-Ombudsman esprimiet rimarki kritiċi f'27 istanza u abbozz ta' rakkomandazzjonijiet fi 12-il istanza;

Q.  billi t-tul tal-inkjesti li ngħalqu fl-2014 kien bejn 3 xhur u 18-il xahar; billi ż-żmien medju biex tingħalaq inkjesta kien ta' 11-il xahar;

R.  billi l-istituzzjonijiet qed jikkonformaw ma' 80 % tal-proposti tal-Ombudsman; billi għad hemm 20 % tal-proposti li ġew preżentati u li jeħtieġ li jkun hemm konformità magħhom;

S.  billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li fl-2014 biss irċieva 2 714-il talba, huwa parti importanti tal-funzjonament istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, billi jressaq il-Parlament eqreb taċ-ċittadini; billi r-relazzjoni mill-qrib bejn l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet se ttejjeb il-livell ta' kontroll demokratiku tal-attività tal-istituzzjonijiet Ewropej;

1.  Japprova r-rapport annwali għall-2014 ippreżentat mill-Ombudsman Ewropew;

2.  Jifraħ lil Emily O'Reilly għall-ħatra mill-ġdid tagħha bħala l-Ombudsman Ewropew u għall-ħidma eċċellenti tagħha; jappoġġja l-għan tagħha li tgħin lill-istituzzjonijiet tal-UE fl-isforz tagħhom li jipprovdu l-aħjar servizz possibbli liċ-ċittadini u r-residenti tal-Ewropa; iqis li l-enfasi tal-Ombudsman fuq it-trasparenza bħala garanzija ta' amministrazzjoni tajba kienet kruċjali;

3.  Jilqa' u jagħti appoġġ sħiħ għall-fatt li l-Ombudsman qed tagħmel użu akbar mis-setgħa tagħha li tiftaħ investigazzjonijiet strateġiċi fuq inizjattiva tagħha stess; jilqa' l-ħatra, fl-uffiċċju tagħha, ta' Koordinatur tal-Investigazzjoni fuq Inizjattiva Proprja u l-introduzzjoni ta' regoli interni ġodda dwar il-whistleblowing; ifaħħar lill-Ombudsman għall-isforzi li għamlet fl-organizzazzjoni mill-ġdid tal-uffiċċju tagħha, li diġà ħolqu titjib sinifikanti fl-effiċjenza; jilqa' u jappoġġja l-approċċ tal-Ombudsman orjentat lejn il-futur u l-adozzjoni ta' strateġija għal ħames snin ġdida "Lejn l-2019", li tintroduċi approċċ aktar strateġiku biex jiġu indirizzati kwistjonijiet sistemiċi u għall-promozzjoni tal-amministrazzjoni tajba;

4.  Jilqa' l-inkjesti li nbdew mill-Ombudsman fl-2014, li fihom jistgħu jiġu identifikati t-temi ewlenin li ġejjin: it-trasparenza fi ħdan l-istuzzjonijiet tal-UE, it-trasparenza fil-lobbying u l-provi kliniċi, id-drittijiet fundamentali, il-kwistjonijiet etiċi, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, il-proġetti u l-programmi ffinanzjati mill-UE, u l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE;

5.  Ifakkar li, tul is-snin, 20-30 % tal-ilmenti kienu jikkonċernaw it-trasparenza u li l-aktar kwistjonijiet ta' trasparenza komuni li tqajmu huma ċ-ċaħda tal-istituzzjonijiet milli jagħtu aċċess għal dokumenti u/jew informazzjoni; iqis li l-ftuħ u l-aċċessgħad-dokumenti huma, f'konformità mal-Artikolu 15 tat-TFUE u mal-Artikolu 42 tal-Karta, parti essenzjali mis-sistema ta' kontrolli u bilanċi istituzzjonali; jappoġġja kwalunkwe inizjattiva mill-Kummissjoni u mill-istituzzjonijiet tal-UE l-oħrajn biex jiġi żgurat aċċess ġust, rapidu u sempliċi għad-dokumentazzjoni kollha tal-UE; jinnota b'apprezzament it-trasparenza mtejba li tirriżulta mir-Reġistru Pubbliku tad-dokumenti fuq l-internet; jistieden lill-Ombudsman tinvestiga l-kwistjonijiet tat-trasparenza rigward l-aċċess f'waqtu tal-Parlament għad-dokumenti relevanti tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta' ksur u tal-EU Pilot, b'mod speċjali meta dawn ikunu relatati ma' petizzjonijiet eżistenti; iqis li jeħtieġ li jiġu identifikati u mdaħħla fis-seħħ mekkaniżmi xierqa sabiex jiġi żgurat djalogu interistituzzjonali leali;

6.  Iwissi li mhux id-dispożizzjonijiet kollha relatati mal-Konvenzjoni ta' Aarhus u r-Regolamenti relatati magħha ((KE) Nru 1367/2006 u (KE) Nru 1049/2001) qed jiġu osservati b'mod effettiv kif xieraq; iqis li għad hemm opportunità kbira għal titjib fil-qasam tat-trasparenza min-naħa tal-Kummissjoni, b'mod partikolari dwar id-disponibilità f'termini ta' kwantità u kwalità tal-informazzjoni mogħtija liċ-ċittadini individwali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq talba tagħhom għall-aċċess għad-dokumenti; jistieden lill-Ombudsman biex twettaq investigazzjoni fuq il-bażi tal-petizzjoni estensiva 0134/2012 dwar dawn il-kwistjonijiet, fid-dawl tal-identifikazzjoni u l-korrezzjoni ta' kwalunkwe amministrazzjoni ħażina possibbli li tikkonċerna l-implimentazzjoni ta' dawn ir-Regolamenti mill-istituzzjonijiet ikkonċernati tal-UE;

7.  Jilqa' l-investigazzjonijiet tal-Ombudsman f'każijiet li jikkonċernaw uffiċjali għoljin tal-UE li jmorru jaħdmu mas-settur privat f'qasam relatat ("revolving door"); jinnota li l-Ombudsman investigat ilmenti minn ħames NGOs u eżaminat 54 fajl tal-Kummissjoni; iħeġġeġ lill-Ombudsman tgħin biex jiġu żviluppati, u introdotti, kriterji u mekkaniżmi ta' infurzar ċari u dettaljati sabiex jiġu identifikati, investigati u, fejn ikun possibbli, evitati kunflitti ta' interess fi kwalunkwe livell tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE;

8.  Iqis li l-kunċett ta' kunflitt ta' interess imur lil hinn minn sempliċi kwistjoni ta' trasparenza u li l-iżgurar ta' amministrazzjoni pubblika Ewropea mingħajr kunflitt ta' interess huwa ta' tħassib ewlieni meta jkun hemm tentattiv li tinbena demokrazija vera Ewropea u li tiġi ssalvagwardjata l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej, fost impjegati taċ-ċivil u fi ħdan l-istituzzjonijiet; jirrakkomanda lill-Ombudsman, fl-investigazzjonijiet tagħha, biex tqis id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC), il-Linji Gwida tal-OECD "Managing Conflict of Interest in the Public Service" (Il-Ġestjoni ta' Kunflitt ta' Interess fis-Servizz Pubbliku), u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi ta' Transparency International;

9.  Jinnota li bħala riżultat tal-inkjesti tal-Ombudsman il-Kummissjoni ppubblikat dokumenti dwar id-dħul tal-Greċja fiż-żona euro, li l-Bank Ċentrali Ewropew iddivulga ittra lill-Gvern Irlandiż dwar il-kriżi finanzjarja, u li l-Kummissjoni segwiet ir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman biex tirrilaxxa dokumenti dwar ir-riforma fil-Politika Komuni tas-Sajd, għalkemm dan sar wara li ntlaħaq ftehim dwar ir-riforma;

10.  Jilqa' l-progress fil-trasparenza fin-negozjati tat-TTIP li jinsabu għaddejjin b'segwitu għall-inkjesti tal-Ombudsman dwar it-trasparenza f'dawn il-laqgħat; jinnota li l-Kunsill minn dak iż-żmien ippubblika d-direttivi li l-UE qed tuża biex tinnegozja t-TTIP u li l-Kummissjoni ħabbret pjanijiet biex iżżid it-trasparenza fil-lobbying u twessa' l-aċċess għad-dokumenti tat-TTIP; jinnota t-tħassib taċ-ċittadini dwar it-trasparenza fin-negozjati tat-TTIP;

11.  Ifakkar li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jirċievi bosta lmenti anonimi minn gruppi u ċittadini dwar in-nuqqas ta' trasparenza fin-negozjati tat-TTIP, u dan juri tħassib pubbliku profond dwar il-kwistjoni fil-livell Ewropew;

12.  Jistaqsi jekk id-dewmien twil fit-teħid tad-deċiżjonijiet ta' xi inizjattivi leġiżlattivi fil-Kunsill, bħad-direttiva kontra d-diskriminazzjoni orizzontali li ġiet iffriżata għal aktar minn sitt snin, jew ir-ratifika tat-Trattat ta' Marrakech dwar l-eċċezzjonijiet tad-dritt tal-awtur għall-persuni b'vista batuta, jaqax taħt il-kategorija ta' amministrazzjoni ħażina, peress li dan joħloq ħafna frustrazzjoni fuq iċ-ċittadini kkonċernati fir-rigward tal-istituzzjonijiet Ewropej; iħeġġeġ lill-Kunsill u b'mod partikolari lill-minoranzi li jimblokkaw fih, biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jindirizzaw dawn is-sitwazzjonijiet intollerabbli; jissuġġerixxi lill-Ombudsman biex tesplora din il-kwistjoni fil-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenzi tagħha;

13.  Jilqa' l-enfasi miżjuda u meħtieġa fuq it-trasparenza tal-attivitajiet tal-lobbying mill-Ombudsman u l-ħidma tagħha biex jinkiseb Reġistru dwar it-Trasparenza obbligatorju, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jafu min qed jipprova jinfluwenza lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-UE; jilqa' l-inkjesta tagħha fil-kompożizzjoni u t-trasparenza ta' gruppi ta' esperti fil-Kummissjoni, b'mod partikolari dawk li qed jagħtu konsulenza dwar il-Politika Agrikola Komuni (PAK) fejn l-UE tonfoq aktar minn terz tal-baġit tagħha; jappoġġja l-approċċ tagħha u jħeġġiġha tkompli tissorvelja t-trasparenza fil-kompożizzjoni ta' dawn il-gruppi sabiex tiggarantixxi rappreżentanza bilanċjata, u bilanċ bejn is-sessi, fil-firxa wiesgħa ta' gruppi ta' interess ekonomiċi u mhux ekonomiċi fl-oqsma kollha ta' politika;

14.  Jinnota li aktar minn 7 000 istituzzjoni volontarjament irreġistraw fir-Reġistru ta' Trasparenza, u dan jirrifletti l-varjetà ta' partijiet interessati pubbliċi u privati li qed jaħdmu magħhom l-istituzzjonijiet Ewropej; japprova l-appoġġ tal-Ombudsman għall-pjan tal-Viċi President Timmermans biex jagħmel ir-Reġistru obbligatorju; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Diċembru 2014 li tobbliga lill-membri kollha tal-Kummissjoni u l-persunal f'livell għoli biex jippubblikaw il-kuntatti kollha u l-laqgħat kollha mal-partijiet interessati u mal-lobbisti; jilqa' l-fatt li r-Reġistru għandu jinkludi informazzjoni dwar ir-riżorsi umani u finanzjarji disponibbli għall-organizzazzjonijiet tal-lobbying, biex jikkonformaw aktar mad-dispożizzjonijiet dwar il-ftuħ u l-governanza tajba fl-istituzzjonijiet tal-UE;

15.  Iħeġġeġ lill-Ombudsman tibqa' viġilanti u determinata, u tkompli tħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti trasparenza sħiħa lill-membri u lil-laqgħat tal-gruppi esperti, il-pjattaformi tat-teknoloġija u l-aġenziji kollha; ifakkar fil-kundizzjonijiet li fl-2012 il-Parlament Ewropew kien stabbilixxa meta neħħa l-iffriżar tal-baġits tal-gruppi ta' esperti;

16.  Jinnota li l-Ombudsman fl-2014 kellha rwol ewlieni fil-qasam tat-trasparenza tad-data dwar il-provi kliniċi billi għenet fit-tiswir tal-politika dwar it-trasparenza proattiva tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA); jinnota li f'Ottubru 2014 l-EMA iddeċidiet li tippubblika r-rapporti dwar l-istudji kliniċi minn jeddha; iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli tissorvelja kif l-EMA tagħmel id-data dwar il-provi kliniċi disponibbli u tiżgura li din tilħaq l-ogħla standards ta' trasparenza;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jkunu aktar diliġenti fil-kollaborazzjoni obbligatorja tagħhom mal-Ombudsman;

18.  Iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli tippromwovi trasparenza akbar fil-provi kliniċi, speċjalment fil-valutazzjoni tal-kwalità tar-riżultati mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini; ifakkar li din il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-valur miżjud ta' mediċini innovattivi u l-ispiża reali tar-riċerka sabiex jiġu ffaċilitati l-mudelli ta' pprezzar u finanzjament tal-Istati Membri;

19.  Jistieden lill-Ombudsman tkompli tappoġġja l-inizjattiva għal trasparenza akbar fir-R&Ż, biex ikun garantit aċċess għas-servizzi tas-saħħa fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tas-setgħat tal-mandat tal-Ombudsman;

20.  Jilqa' r-Regolament dwar il-Provi Kliniċi l-ġdid tal-UE li jitlob li l-informazzjoni dwar il-provi kliniċi ssir disponibbli; jinnota li l-"Jum Internazzjonali tad-Dritt għall-Informazzjoni" 2014 tal-Ombudsman ġie ddedikat għat-trasparenza tad-data dwar il-provi kliniċi;

21.  Jilqa' l-investigazzjoni tal-Ombudsman dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-każijiet kollha tal-politika ta' koeżjoni tal-UE, li twaqqfet biex jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi, biex jiġu indirizzati t-tibdil fil-klima u d-dipendenza fuq l-enerġija, u biex jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali;

22.  Jinnota li Orizzont 2020 huwa t-tielet l-aktar pakkett importanti ta' investimenti tal-baġit wara l-PAK u l-Fondi Strutturali, b'baġit ta' kważi EUR 80 000 miljun, u li huwa fundamentali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-futur; jistieden lill-Ombudsman biex tkompli tiggarantixxi t-trasparenza fil-proċess ta' analiżi kollu u fl-għoti ta' proġetti taħt Orizzont 2020;

23.  Jistieden lill-Frontex tiżgura r-rispett għall-benesseri tal-persuni rimpatrijati matul it-titjiriet ta' ritorn u l-implimentazzjoni korretta tal-Kodiċi ta' Kondotta għal Operazzjonijiet Konġunti ta' Ritorn; jilqa' l-appell tal-Ombudsman lill-Frontex biex tistabbilixxi mekkaniżmu individwali ta' lmenti għal ksur potenzjali tad-drittijiet fundamentali; jistedinha tinvestiga din il-kwistjoni ulterjorment fl-isfond tas-sitwazzjoni attwali tan-numru dejjem jiżdied ta' refuġjati fil-fruntieri tal-UE;

24.  Jilqa' l-investigazzjoni tal-Ombudsman dwar jekk l-Istituzzjonijiet tal-UE humiex qegħdin jirrispettaw l-obbligu tagħhom li jintroduċu regoli interni għall-whistleblowing; ifakkar lid-disa' istituzzjonijiet tal-UE indirizzati mill-Ombudsman, inklużi l-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill, jinfurmawha dwar ir-regoli li għandhom fis-seħħ jew li għandhom l-intenzjoni li jintroduċu;

25.  Ifaħħar lill-Ombudsman dwar l-investigazzjonijiet tagħha rigward id-dritt taċ-ċittadini biex jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, u b'mod partikolari rigward il-funzjonament tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI); jinnota li fl-2014 stiednet lill-organizzaturi tal-ECI, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet oħra interessati biex jipprovdu rispons dwar l-ECI bil-għan li tittejjeb; jinnota bi tħassib li rappreżentanti ta' pjattaformi promoturi jitolbu armonizzazzjoni aħjar u biex il-metodi amministrattivi għall-ġbir u r-reġistrar tal-firem jittejbu; jistenna suġġerimenti ulterjuri għat-titjib, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna limitazzjonijiet eżistenti tekniċi u dawk relatati mal-protezzjoni tad-data fil-proċess tal-ġbir ta' firem; jistieden lill-Ombudsman biex taqsam l-esperjenzi tagħha u tikkontribwixxi għar-reviżjoni li jmiss tar-Regolament dwar l-ECI;

26.  Jilqa' r-rata ta' konformità ta' 80 % tal-istituzzjonijiet tal-UE mas-suġġerimenti tal-Ombudsman; huwa mħasseb rigward l-20 % persistenti ta' nuqqas ta' konformità; huwa konxju li s-suġġerimenti tal-Ombudsman mhumiex legalment vinkolanti; iħeġġeġ l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji biex jirreaġixxu fil-pront, b'mod effettiv u responsabbli għal rimarki kritiċi u abbozzi ta' rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman; jappoġġja l-Ombudsman f'inkjesti futuri fi ħdan il-mandat tagħha biex jiġu identifikati lakuni possibbli fit-trasparenza fl-eżekuzzjoni tal-baġit tal-UE, b'kooperazzjoni mal-Qorti tal-Awdituri, l-OLAF u l-Kumitat Parlamentari għall-Kontroll tal-Baġit meta dan ikun meħtieġ;

27.  Ifakkar li l-Ombudsman għandu wkoll il-kapaċità, u għaldaqstant id-dmir, ta' skrutinju tal-Parlament fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tal-ksib ta' amministrazzjoni tajba għaċ-ċittadini tal-UE;

28.  Ifaħħar lill-Ombudsman għall-inizjattiva tagħha, li ħadet fil-preparazzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej, biex torganizza avveniment interattiv "Your wish list for Europe" (Il-lista tax-xewqat tiegħek għall-Ewropa) bl-għan li ċ-ċittadini jkunu protagonisti fit-teħid tad-deċiżjonijiet;

29.  Iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli tippromwovi n-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen bl-għan li tinforma liċ-ċittadini tal-UE aħjar dwar it-tqassim tar-responsabilitajiet bejn l-Ombudsman Ewropew, l-ombudsmen nazzjonali u reġjonali u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament; jirrikonoxxi l-kontribut importanti tan-Netwerk fit-trawwim tal-iskambju tal-aħjar prattiki u l-informazzjoni dwar il-mandati u l-kompetenzi tal-membri tiegħu; jinnota li 59,3 % tal-ilmenti proċessati fl-2014 kienu jaqgħu taħt il-mandat ta' membru tan-Netwerk; jistieden lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex ikun membru aktar attiv tan-Netwerk u jsaħħaħ il-kollaborazzjoni man-Netwerk dwar politiki komuni li jaqgħu fil-qasam tal-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea; jinnota li fl-2014 l-Ombudsman ittrasferiet 86 ilment lil dan il-kumitat;

30.  Iħeġġeġ lill-Ombudsman biex tinvestiga f'koordinazzjoni mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-programmi u l-proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea, b'attenzjoni partikolari għall-finanzjament ta' proġetti maħsuba biex inaqqsu d-disparitajiet fl-iżvilupp;

31.  Jaqbel mal-Ombudsman li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jiżguraw li s-servizzi tagħhom ikunu aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità u li tali persuni jkollhom aċċess għall-informazzjoni u l-mezzi ta' komunikazzjoni; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet biex jiżguraw li l-ambjenti tax-xogħol ikunu miftuħa, inklużivi u aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b'mod effettiv u sħiħ fil-ħajja politika u pubblika;

32.  Jitlob li l-baġit annwali tal-Uffiċċju tal-Ombudsman jiżdied;

33.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u dan ir-rapport lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-ombudsmen tagħhom u lill-korpi kompetenti simili.

(1) ĠU L 113, 4.5.1994, p. 15.
(2) "L-Ombudsman Ewropew – Rapport Annwali 1999 (ĠU C 260, 11.9.2000, p. 1).


Ir-Rapport Annwali għall-2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew
PDF 286kWORD 102k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar ir-Rapport Annwali għall-2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (2015/2115(INI))
P8_TA(2016)0063A8-0012/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali għall-2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 284(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-QtĠ-UE fil-Kawża C-62/14 tas-16 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, b'mod partikolari l-Artikolu 15 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 132(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0012/2016),

A.  billi, skont l-aħħar previżjoni tal-ħarifa tal-Kummissjoni, l-irkupru ekonomiku fiż-żona tal-euro mistenni jespandi, u huwa mbassar li l-PDG reali jiżdied b'1,4 % fl-2015, b'1,7 % fl-2016 u b'1,8 % fl-2017; billi s-sisien għat-tkabbir huma fraġli; billi impenn politiku qawwi favur l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali sostenibbli u soċjalment bilanċjati huwa essenzjali biex jissaħħaħ it-tkabbir ekonomiku;

B.  billi, skont l-istess tbassir, il-qgħad fiż-żona tal-euro mistenni jirreġistra tnaqqis gradwali, minn 11,6 % fi tmiem l-2014 għal 10,5 % fi tmiem l-2016; billi hemm differenzi kbar fir-rati tal-qgħad bejn Stati Membri differenti, b'ċifri li jvarjaw minn 6,4 % fil-Ġermanja għal 26,6 % fil-Greċja; billi r-rati tal-qgħad jibqgħu f'livelli allarmanti f'bosta Stati Membri, u dan jaffettwa b'mod partikolari liż-żgħażagħ u lil dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil;

C.  billi, għal darb'oħra skont l-istess tbassir, il-prospettivi fiskali fiż-żona tal-euro għandhom juru titjib, u huwa mistenni tnaqqis fid-defiċit pubbliku (minn 2,4 % fl-2014 għal 1,7 % fl-2016) u fid-dejn pubbliku (minn 94 % fi tmiem l-2014 għal 92,5 % fi tmiem l-2016);

D.  billi l-prezzijiet baxxi tal-enerġija, waqt li għandhom impatt negattiv fuq l-aspettattivi ta' inflazzjoni, jistgħu potenzjalment jgħinu l-irkupru ekonomiku;

E.  billi dawn il-proċessi huma appoġġati l-aktar mill-konsum privat, l-esportazzjonijiet u fatturi esterni bħall-prezzijiet baxxi tal-enerġija, b'mod partikolari għaż-żejt grezz, filwaqt li l-investiment pubbliku u privat fiż-żona tal-euro qed jiżdied biss gradwalment u għadu f'livelli ferm aktar baxxi minn dawk irreġistrati qabel il-bidu tal-kriżi u s-sehem relattiv tal-investiment fil-PDG ilu jonqos gradwalment fuq diversi deċennji;

F.  billi, skont il-projezzjoni tal-BĊE ta' Settembru 2015, ir-rata medja tal-inflazzjoni fiż-żona tal-euro, wara li baqgħet qrib iż-żero fl-ewwel nofs tal-2015, hija mistennija togħla, għal 1,1% fl-2016 u 1,7% fl-2017;

G.  billi l-Artikolu 127(2) tat-TFUE jirrikjedi lis-Sistema Ewropea tal-Banek Ċentrali "tippromwovi l-ħidma bla ostakoli ta' sistemi ta' ħlas";

H.  billi fl-2014 il-BĊE baxxa r-rati ta' rifinanzjament ewlenin tiegħu għal-limitu inferjuri effettiv u naqqas ir-rata ta' faċilità ta' depożitu tiegħu għal -0,20 %; billi rati reali aktar baxxi ma ssarrfux b'mod sinifikanti fi kreditu għall-unitajiet domestiċi jew għan-negozji, speċjalment l-SMEs, u dan ikkontribwixxa biex il-BĊE qabad it-triq ta' miżuri ta' politika monetarja mhux konvenzjonali;

I.  billi, fil-kuntest tal-attivitajiet superviżorji tiegħu, il-BĊE sa issa mhux dejjem ikkunsidra l-prinċipju ta' proporzjonalità b'mod suffiċjenti;

J.  billi l-SMEs huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea u s-sistema bankarja hija strumentali sabiex jiġu żgurati l-kompetittività u t-tkabbir tagħhom; billi l-faċilitazzjoni tal-fluss ta' kreditu għal impriżi Mikro, Żgħar u Medji (MSMEs) hija fundamentali peress li jirrappreżentaw 99 % tan-negozji kollha u jammontaw għal 80 % tal-impjiegi fl-Unjoni, u b'hekk għandhom rwol ewlieni fil-ġenerazzjoni tat-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien tal-impjiegi u t-tnaqqis tad-disparitajiet soċjali; billi l-volumi ta' self bankarju qed jiżdiedu bil-mod;

K.  billi fl-2014 il-BĊE implimenta sensiela ta' operazzjonijiet ta' rifinanzjament immirati fuq żmien itwal (TLTROs) u programmi ta' akkwist fir-rigward ta' ċerti assi tas-settur privat bl-għan li jingħata appoġġ lis-self lill-ekonomija reali;

L.  billi fit-22 ta' Jannar 2015 il-BĊE vara programm estiż ta' xiri ta' assi (PXA) li jammonta għal EUR 1.1 triljun u li hu ppjanat li jibqa' għaddej sa Settembru 2016, u jiġri x'jiġri sa ma jkun hemm aġġustament sostnut fil-perkors tal-inflazzjoni;

M.  billi permezz tal-programm għar-riakkwist tal-bonds il-BĊE assuma riskji sostanzjali fil-karta bilanċjali tiegħu;

N.  billi l-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), l-ewwel pilastru tal-Unjoni Bankarja, beda jiffunzjona bis-sħiħ fl-4 ta' Novembru 2014 bit-trasferiment tas-superviżjoni diretta tal-akbar 122 bank taż-żona tal-euro lill-BĊE; billi, b'mod parallel, twettqet valutazzjoni komprensiva li tikkonsisti minn rieżami tal-kwalità tal-assi u test tal-istress ta' dawn il-banek sinifikanti, u ġiet iffinalizzata fis-26 ta' Ottubru 2014; billi l-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (MUR), it-tieni pilastru tal-Unjoni Bankarja, daħal fis-seħħ fil-bidu tal-2015, filwaqt li t-tielet pilastru tagħha, l-Iskema Unika ta' Garanzija tad-Depożiti, għadu ma ġiex stabbilit;

1.  Ifakkar li l-irkupru mhux ġeografikament uniformi u mhux kbir ħafna mistenni għas-snin li ġejjin fiż-żona tal-euro jeħtieġ li jissaħħaħ u li t-tkabbir ekonomiku potenzjali jeħtieġ li jiżdied biex jitnaqqsu r-rati għoljin ta' qgħad reġistrati f'bosta Stati Membri taż-żona tal-euro u biex jitnaqqas il-piż tad-dejn; jenfasizza li ħafna Stati Membri qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi makroekonomiċi ta' natura simili; jenfasizza l-ħtieġa li jittejbu l-kundizzjonijiet għall-investiment pubbliku kif ukoll privat immirat għaż-żieda tat-tkabbir u l-ħolqien ta' impjiegi, u jitlob li jiżdiedu l-isforzi biex jiġi żgurat il-finanzjament tal-ekonomija reali; jemmen li l-Istati Membri jridu jwettqu l-implimentazzjoni ta' riformi strutturali sostenibbli u soċjalment bilanċjati;

2.  Jiddeplora d-distakki eżistenti, għalkemm qed jonqsu gradwalment, bejn ir-rati ta' finanzjament mogħtija lill-SMEs u dawk mogħtija lill-kumpaniji ikbar, bejn ir-rati ta' self fuq self żgħir u kbar, u bejn il-kundizzjonijiet ta' kreditu għall-SMEs li jinsabu f'pajjiżi differenti taż-żona tal-euro, iżda jirrikonoxxi l-limiti ta' dak li l-politika monetarja tista' tinkiseb f'dan ir-rigward; jinnota, f'dan ir-rigward, ir-rwol tal-banek tat-tfaddil, kooperattivi u mutwi, u jenfasizza li l-qafas regolatorju għandu jakkomoda l-prinċipji operattivi partikolari tagħhom u jirrispetta l-missjoni speċifika tagħhom, u li l-awtoritajiet superviżorji għandhom ikunu konxji minn dawn l-aspetti u jqisuhom fil-prattiki u fl-approċċi tagħhom;

3.  Jenfasizza li, minkejja l-fatt li l-BĊE qed iwettaq l-azzjonijiet tiegħu sabiex iżomm kundizzjonijiet ta' finanzjament favorevoli, l-investiment privat u pubbliku fiż-żona tal-euro għadu f'livelli ferm aktar baxxi minn dawk li kien fihom qabel il-kriżi attwali; jilqa', f'dan ir-rigward, it-twaqqif tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), kif ukoll il-pjan tal-Kummissjoni li tistabbilixxi Unjoni tas-Swieq Kapitali (USK) ġenwina, li għandha tiddiversifika s-sorsi ta' finanzjament fl-ekonomija tal-UE, tagħti spinta lill-investiment transfruntier u żżid l-aċċess għall-finanzjament għall-impriżi, b'mod partikolari l-SMEs;

4.  Jinnota li, b'reazzjoni għal ambjent kumpless ta' kriżi tad-dejn sovran, ta' tnaqqis fl-inflazzjoni, ta' limitazzjoni tal-kreditu u ta' tkabbir ekonomiku batut, u bir-rati tal-imgħax tiegħu qrib il-limitu inferjuri ta' żero, il-BĊE rrikorra għal strumenti ta' politika monetarja mhux konvenzjonali;

5.  Jinnota l-impatt pożittiv iżda modest tal-Programm ta' Xiri ta' Assi (PXA) fuq id-dinamika tal-flus u tal-kreditu, filwqt li s-self lill-impriżi għadu dgħajjef iżda qed jibbenefika minn tnaqqis gradwali tal-istandards tal-kreditu, tnaqqis kontinwu tat-termini u l-kundizzjonijiet għal self ġdid, tnaqqis fl-applikazzjonijiet rifjutati, żieda fid-domanda għal self u żieda gradwali fl-investiment privat fl-ewwel tliet trimestri tal-2015, filwaqt li għad hemm differenzi sinifikanti bejn l-ekonomiji taż-żona tal-euro; jinnota, barra minn hekk, li mit-tnedija tal-PXA, bdew jiżdiedu l-aspettattivi dwar l-inflazzjoni fuq perjodu medju ta' żmien, u bdew joqorbu gradwalment lejn il-mira ta' 2 %, filwaqt li r-riskji ta' trappola ta' deflazzjoni setgħu naqsu; jitlob lill-BĊE biex, meta jkun possibbli, japplika l-PXA għall-Istati Membri kollha mingħajr diskriminazzjoni filwaqt li jirrispetta r-regoli li l-BĊE huwa marbut bihom;

6.  Jistenna li l-BĊE jikkontribwixxi għall-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni u għall-ilħuq tal-objettivi tagħhom, skont l-Artikolu 282 TFUE, sakemm ma jiġix kompromess il-kompitu ewlieni tiegħu tal-istabbiltà tal-prezzijiet;

7.  Jenfasizza li l-kontribut tal-BĊE jinkludi sforzi bl-għan li jiżdied is-self b'rata baxxa lill-ekonomija reali u li jiġi ffaċilitat l-irkupru ekonomiku fid-direzzjoni tal-impjiegi, it-tkabbir u l-istabbiltà;

8.  Huwa preokkupat dwar il-konsegwenzi mhux intenzjonati possibbli u l-effetti fit-tul tal-istrumenti ta' politika monetarja mhux konvenzjonali tal-BĊE; huwa konxju li l-ħruġ minn dawn il-miżuri jkun kwistjoni kumplessa li jkollha tiġi ppjanata b'attenzjoni sabiex jiġi evitat tfixkil tas-suq mhux intenzjonat, speċjalment fir-rigward tal-ġestjoni xierqa, prudenti u f'waqtha tal-ħruġ; jitlob lill-BĊE jimmonitorja b'attenzjoni r-riskji assoċjati mal-programmi ta' xiri tagħha; jinsisti li l-politika monetarja ma tistax issolvi l-problemi fiskali u ekonomiċi li jeżistu f'ħafna Stati Membri, u ma tistax tkun sostitut għar-riformi strutturali sostenibbli u soċjalment bilanċjati meħtieġa, għall-konsolidazzjoni fiskali u għall-investiment immirat;

9.  Huwa kawt rigward ir-riskji potenzjali għall-istabbiltà finanzjarja li jirriżultaw minn rati tal-imgħax baxxi persistenti f'ċerti Stati Membri, li jista' jkollhom effett negattiv fuq l-assigurazzjoni fuq il-ħajja u l-pjanijiet tal-pensjoni; jirrikonoxxi l-fatt li rati tal-imgħax fit-tul huma riflessjoni tal-kundizzjonijiet makroekonomiċi sottostanti u tal-għażliet ta' politika monetarja;

10.  Jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta proposti biex ittejjeb is-sorveljanza makroprudenzjali u l-għodod ta' politika disponibbli għall-mitigazzjoni tar-riskji fis-sistema bankarja parallela, fid-dawl tat-twissija tal-BĊE fir-rapport annwali tiegħu li, minħabba l-espansjoni kostanti tul l-aħħar deċennju - għal EUR 22 triljun f'assi - ta' intermedjazzjoni kreditizja mhux bankarja, jinħtieġu aktar inizjattivi biex jiġu mmonitorjati u vvalutati l-vulnerabbiltajiet fis-settur bankarju parallel li qed jikber;

11.  Jilqa' l-wegħda kategorika tal-BĊE ta' Awwissu 2012 li "jagħmel dak kollu possibbli" biex jiddefendi l-euro;

12.  Jikkonkludi li l-programm għax-xiri ta' titoli ta' dejn pubbliċi u privati fi swieq sekondarji jista' jkun aktar effettiv;

13.  Jiġbed l-attenzjoni dwar il-preokkupazzjonijiet espressi fis-sentenza tal-QtĠ-UE tas-16 ta' Ġunju 2015 fil-Kawża C-62/14, li tiddikjara li meta l-BĊE jixtri bonds tal-gvern minn swieq sekondarji jkun possibbilment espost għal riskju sinifikanti ta' telf kif ukoll għar-riskju ta' tnaqqis tad-dejn; jinnota li l-istess sentenza tiċċara li dan ma jbiddilx il-konklużjoni li l-BĊE huwa awtorizzat jixtri bonds tal-gvern fi swieq sekondarji u li tali xiri ma jiksirx il-projbizzjoni ta' finanzjament monetarju tal-Istati Membri;

14.  Jenfasizza li l-livelli għoljin u diverġenti ta' dejn pubbliku u privat f'xi Stati Membri, minbarra d-dgħufijiet strutturali fis-settur bankarju li għadhom ma ġewx riżolti, huma ostakli għat-trażmissjoni korretta tal-politika monetarja, u li l-politika monetarja mhux konvenzjonali implimentata mill-BĊE ma tistax, waħedha, tbiddel din is-sitwazzjoni;

15.  Iħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri taż-żona tal-euro li huma soġġetti għal programm ta' aġġustament makroekonomiku biex jaġixxu, skont l-Artikolu 7(9) tar-Regolament (UE) Nru 472/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Mejju 2013 sabiex iwettqu awditjar komprensiv tal-finanzi pubbliċi tagħhom sabiex, inter alia, jivvalutaw ir-raġunijiet li wasslu għall-akkumulazzjoni ta' livelli eċċessivi ta' dejn, kif ukoll biex jirrintraċċaw kwalunkwe irregolarità possibbli; jenfasizza li l-għan ta' dan l-awditjar għandu jkun li jinkiseb fehim aħjar tal-iżbalji tal-passat, u mhux biex jinbeda proċess ta' ristrutturar tad-dejn ad hoc li jista' jerġa' jkebbes mill-ġdid il-kriżi tad-dejn f'xi Stati Membri;

16.  Jissottolinja l-fatt li r-regoli tal-qafas ta' governanza ekonomika eżistenti għandhom jiġu rispettati u infurzati sew, mingħajr distinzjoni bejn Stati Membri kbar u żgħar; itenni li l-adeżjoni għall-objettiv fuq perjodu medju ta' żmien ta' pożizzjonijiet baġitarji li jkunu viċin il-bilanċ jew b'bilanċ favorevoli f'termini aġġustati ċiklikament u mingħajr miżuri ta' darba u temporanji tippermetti lill-Istati Membri jittrattaw l-fluttwazzjonijiet ċikliċi normali filwaqt li jżommu d-defiċit tal-gvern fi ħdan il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG; iqis li l-għodda kollha eżistenti fil-PST imsaħħaħ għandhom jiġu applikati sabiex l-istabbiltà u t-tkabbir jiġu sostnuti aħjar;

17.  Jafferma l-impenn tiegħu li jirrispetta l-indipendenza tal-BĊE fit-tmexxija tal-politika monetarja tiegħu, kif minqux fit-Trattati; iqis li l-indipendenza tal-banek ċentrali hija kruċjali biex jintlaħaq l-objettiv taż-żamma tal-istabbiltà tal-prezzijiet; jenfasizza li l-gvernijiet u l-awtoritajiet pubbliċi nazzjonali kollha għandhom għalhekk joqogħdu lura milli jitolbu lill-BĊE jieħu azzjonijiet speċifiċi;

18.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 127 tat-TFUE, il-BĊE, mingħajr preġudizzju għall-objettiv ewlieni tiegħu li jżomm l-istabbiltà tal-prezzijiet, għandu jsostni l-politiki ekonomiċi ġenerali fl-Unjoni, u li din hija speċifikata ulterjorment fl-Artikolu 282 tat-TFUE;

19.  Jiġbed l-attenzjoni għall-Artikolu 123 tat-TFUE, l-Artikolu 21 tal-Istatut tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3603/93 tat-13 ta' Diċembru 1993, li jipprojbixxu x-xiri dirett mill-banek ċentrali nazzjonali jew mill-BĊE ta' strumenti ta' dejn maħruġa mill-UE jew mill-awtoritajiet jew korpi pubbliċi nazzjonali; ifakkar, madankollu, li dan ix-xiri jiġi permess fis-swieq sekondarji;

20.  Jilqa' t-tentattiv tal-BĊE li jerġa' jġib l-inflazzjoni taħt iżda qrib it-2 %, peress li dan jista' jikkontribwixxi wkoll għas-suċċess ta' politiki oħra tal-UE u jsaħħaħ il-kompetittività, it-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi fl-Ewropa, jekk implimentat flimkien ma' investiment immirat, riformi strutturali ambizzjużi u soċjalment bilanċjati u konsolidazzjoni fiskali;

21.  Jilqa' l-pass 'il quddiem li għamel il-BĊE bil-pubblikazzjoni tas-sommarju tal-minuti tal-laqgħat tiegħu, u jistenna b'ħerqa li jitħabbru passi ulterjuri biex tittejjeb it-trasparenza tal-mezzi ta' komunikazzjoni tiegħu; iqis li għad jista' jsir aktar progress, speċjalment fir-rigward tal-MSU;

22.  Jilqa' t-tendenza li issa saret ġeneralizzata tal-banek ċentrali ewlenin li d-deċiżjonijiet monetarji jiġu spjegati pubblikament immedjatament wara li jittieħdu, prattika li l-BĊE kien minn ta' quddiem li implimenta; jilqa' wkoll il-pubblikazzjoni ta' proċeduri aktar ċari u trasparenti ta' assistenza ta' likwidità f'emerġenza (ALE) għal istituzzjonijiet finanzjarji solventi (speċjalment banek nazzjonali) li qed iħabbtu wiċċhom ma' problemi temporanji ta' likwidità;

23.  Ifakkar fit-talba tiegħu biex ir-rapport annwali tal-BĊE jinkludi feedback dwar l-inputs ipprovduti fir-rapport annwali tal-Parlament Ewropew; iqis li jkun utli jekk, flimkien mal-valutazzjoni tiegħu tal-kundizzjonijiet monetarji u finanzjarji, il-BĊE jista' jagħti, fid-dikjarazzjoni tiegħu wara l-laqgħa mensili tal-Kunsill tal-Gvernaturi tiegħu, il-valutazzjoni tiegħu tal-entità tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni fiż-żona tal-euro;

24.  Ifakkar li d-djalogu monetarju trimestrali huwa importanti biex tiġi żgurata t-trasparenza tal-politika monetarja, vis-à-vis l-Parlament u l-pubbliku ġenerali; jilqa' l-prattika li biha r-rappreżentanti tal-BĊE jagħtu tweġibiet preċiżi u dettaljati għall-mistoqsijiet mill-Membri tal-PE; jilqa' wkoll il-prattika tal-BĊE li jipprovdi informazzjoni addizzjonali bil-miktub meta t-tweġibiet mogħtija matul id-diskussjonijiet ma jkunux sodisfaċenti u/jew komprensivi għalkollox;

25.  Jenfasizza li jrid ikun hemm distinzjoni ċara bejn ir-rwol superviżorju tal-BĊE u l-funzjoni tal-politika monetarja tiegħu, u li l-kombinazzjoni taż-żewġ funzjonijiet m'għandha tiġġenera ebda kunflitt ta' interess għall-BĊE; ifakkar, f'dan ir-rigward, il-prinċipju gwida li l-istrument użat għat-tfassil tal-politika, kemm dik monetarja kif ukoll dik superviżorja, għandu jintgħażel skont l-objettiv li jrid jintlaħaq u skont il-kwistjoni partikolari;

26.  Jissottolinja l-ħtieġa għal responsabbiltà demokratika fid-dawl tar-responsabbiltajiet il-ġodda mogħtija lill-BĊE rigward il-kompiti superviżorji, kif ukoll tar-rwol konsultattiv tiegħu fil-programmi tat-Trojka u tal-Kwadriga;

27.  Jenfasizza l-importanza tal-indipendenza organizzattiva tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku, u jistieden lill-BĊE jqis modi kif jista' jsaħħaħ l-indipendenza ta' dan il-bord;

28.  Jistieden lill-BĊE jerġa' jirrevedi għalkollox il-proposta għall-istabbiliment ta' Analytical Credit Dataset, (AnaCredit), filwaqt li jikkunsidra b'mod partikolari l-prinċipju tal-proporzjonalità, u filwaqt li jagħti attenzjoni partikolari lill-valuri limiti adegwati biex jillimita strettament il-piż amministrattiv, partikolarment għal istituzzjonijiet iżgħar;

29.  Jilqa' r-rieda espressa minn Mario Draghi fid-djalogu monetarju tat-23 ta' Settembru 2015 li "jinforma lill-Parlament Ewropew dwar il-pożizzjonijiet meħuda mill-BĊE" f'korpi bħall-Bord għal-Istabilità Finanzjarja jew il-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja;

30.  Ifakkar li r-rwol tal-BĊE jinkludi l-protezzjoni tal-istabbiltà finanzjarja, u għaldaqstant il-ħtieġa li tiġi żgurata biżżejjed likwidità biex jiġu evitati assalti bankarji pubbliċi fuq banek solventi konnessi man-netwerk tal-Eurosistema;

31.  Ifakkar li r-rwol tal-BĊE fit-Trojka u fil-Kwadriga ġie kodifikat fit-"two-pack" (Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 472/2013); jieħu nota tas-sentenza tal-QtĠ-UE tas-16 ta' Ġunju 2015 fil-Kawża C-62/14, u jistieden lill-BĊE jqisha fl-azzjonijiet tiegħu; iħeġġeġ lill-BĊE jivvaluta mill-ġdid u, jekk ikun meħtieġ, isaħħaħ, l-indipendenza tiegħu mid-deċiżjonijiet politiċi;

32.  Jitlob li ssir valutazzjoni bir-reqqa tal-modus operandi tat-Trojka u tal-involviment tal-BĊE fl-oqfsa tat-Trojka u tal-Kwadriga, bl-għan li jiġi kkjarifikat il-kamp ta' applikazzjoni tar-responsabbiltajiet u li tiġi żgurata responsabbiltà demokratika akbar fl-adozzjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi ta' salvataġġ;

33.  Ifakkar fir-rapport tal-Parlament tat-28 ta' Frar 2014 dwar l-inkjesta fir-rigward tar-rwol u l-attivitajiet tat-Trojka, li jistieden lill-Parlament sussegwenti jibni fuq il-ħidma ta' dan ir-rapport, jiżviluppa l-konklużjonijiet ewlenin tiegħu u jinvestiga ulterjorment;

34.  Jistieden lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-BĊE jagħmlu kull sforz biex jiżguraw bilanċ bejn il-ġeneri fil-korpi deċiżjonali tal-BĊE u jagħtu attenzjoni partikolari lil dan il-fattur meta jġeddu s-sħubija ta' dawk il-korpi, b'mod partikolari tal-Kunsill Governattiv u tal-Bord Eżekuttiv;

35.  Jinnota li fl-24 ta' Novembru 2015 il-Kummissjoni pproponiet skema ta' assigurazzjoni tad-depożiti (EDIS) fiż-żona tal-euro kollha għad-depożiti bankarji;

36.  Jilqa' l-proġett tal-USK u l-potenzjal tiegħu li jibbilanċja mill-ġdid il-mezzi ta' finanzjament, mhux billi jnaqqas il-mezzi ta' finanzjament jew billi jinżammu fil-livelli attwali tagħhom, iżda pjuttost billi jżidhom u jiddiversifikahom, biex b'hekk jikkontribwixxi biex titnaqqas id-dipendenza eċċessiva tal-ekonomiji taż-żona tal-euro fuq is-sistema bankarja u biex jinħoloq ammortizzatur kruċjali għall-Unjoni Monetarja; iwissi, madankollu, li l-USK m'għandhiex tiskoraġġixxi attivitajiet bankarji ta' relazzjonijiet iffukati fuq l-ekonomija reali, peress li dawn huma l-forma l-aktar xierqa ta' finanzjament għall-impriżi ż-żgħar;

37.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Bank Ċentrali Ewropew.


Il-bidu tan-negozjati dwar l-FTA mal-Awstralja u New Zealand
PDF 268kWORD 84k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar il-bidu tan-negozjati dwar l-FTA mal-Awstralja u New Zealand (2015/2932(RSP))
P8_TA(2016)0064B8-0250/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Kummerċ għal kulħadd – Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment'' (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet konġunti tal-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, u tal-President tal-Kunsill Ewropew, Donald Tusk, tad-29 ta' Ottubru 2015 mal-Prim Ministru ta' New Zealand, John Key, u tal-15 ta' Novembru 2015 mal-Prim Ministru tal-Awstralja, Malcolm Turnbull,

–  wara li kkunsidra l-Qafas ta' Sħubija bejn l-UE u l-Awstralja tad-29 ta' Ottubru 2008 u d-Dikjarazzjoni Konġunta dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni bejn l-UE u New Zealand tal-21 ta' Settembru 2007,

–  wara li kkunsidra ftehimiet bilaterali oħra bejn l-UE u l-Awstralja, b'mod partikolari l-Ftehim dwar l-għarfien reċiproku fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità, iċ-ċertifikati u l-immarkar u l-Ftehim dwar il-kummerċ tal-inbid,

–  wara li kkunsidra ftehimiet bilaterali oħra bejn l-UE u New Zealand, b'mod partikolari l-Ftehim dwar miżuri sanitarji applikabbli għall-kummerċ fl-annimali ħajjin u l-prodotti tal-annimali u l-Ftehim dwar l-għarfien reċiproku fir-rigward tal-valutazzjoni tal-konformità,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu, u b'mod partikolari il-pożizzjonijiet tiegħu tat-12 ta' Settembru 2012 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u l-Awstralja li jemenda l-Ftehim dwar l-għarfien reċiproku(1) u dik tat-12 ta' Settembru 2012 dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim UE/New Zealand li jemenda l-Ftehim dwar l-għarfien reċiproku(2),

–  wara li kkunsidra l-istqarrija maħruġa wara l-laqgħa tal-Kapijiet ta' Stat u ta' Gvern tal-G20 li saret fi Brisbane fil-15 u s-16 ta' Novembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tat-22 ta' April 2015 tal-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Awstraljan bit-titolu "Lejn sħubija aktar mill-qrib bejn l-UE u l-Awstralja" u d-dikjarazzjoni konġunta tal-25 ta' Marzu 2014 tal-President Van Rompuy, il-President Barroso u l-Prim Ministru Key dwar l-approfondiment tas-sħubija bejn New Zealand u l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra n-natura sensittiva ta' ċerti setturi agrikoli f'dawn in-negozjati,

–  wara li kkunsidra n-numru diġà sinifikanti ta' ftehimiet li qed jiġu nnegozjati bejn l-UE u s-sħab kummerċjali ewlenin tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 207(3) u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-mistoqsija lill-Kummissjoni dwar il-bidu tan-negozjati dwar l-FTA mal-Awstralja u New Zealand (O-000154/2015 – B8-0101/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 128(5) u 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Awstralja u New Zealand huma fost l-eqdem u l-eqreb sħab tal-UE, u lkoll jikkondividu valuri komuni u huma impenjati favur il-promozzjoni globali tal-prosperità u s-sigurtà fi ħdan sistema bbażata fuq ir-regoli;

B.  billi l-UE, l-Awstralja u New Zealand jaħdmu flimkien biex jaffrontaw l-isfidi komuni f'għadd kbir ta' oqsma u jikkooperaw f'diversi fora internazzjonali;

C.  billi l-UE u New Zealand huma firmatarji tal-Ftehim dwar l-Akkwisti Pubbliċi u l-Awstralja qiegħda fil-proċess li tirratifikah;

D.  billi l-UE, l-Awstralja u New Zealand huma impenjati f'negozjati plurilaterali biex ikomplu jilliberalizzaw il-kummerċ fi prodotti ekoloġiċi (Ftehim dwar il-Prodotti Ambjentali) u l-kummerċ fis-servizzi (TiSA);

E.  billi kemm l-Awstralja kif ukoll New Zealand huma involuti fin-negozjati dwar Sħubija Trans-Paċifika (TPP) li ġew konklużi reċentement u fin-negozjati li għaddejjin bħalissa dwar Sħubija Ekonomika Reġjonali Komprensiva (RCEP) fil-Lvant tal-Asja, li tgħaqqad flimkien lill-aktar sħab kummerċjali importanti tal-Awstralja u New Zealand;

F.  billi l-Awstralja u New Zealand huma tnejn mill-uniċi sitt membri tad-WTO li għalihom għad m'hemmx aċċess preferenzjali għas-suq tal-UE jew negozjati għaddejjin f'dan ir-rigward;

G.  billi l-Awstralja u New Zealand huma żewġ pajjiżi li jirrispettaw bis-sħiħ l-istat tad-dritt u li bħalissa joffru protezzjoni qawwija fir-rigward tal-ambjent u d-drittijiet tal-bniedem, dawk soċjali u tax-xogħol;

H.  billi l-konklużjoni tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles tal-UE mal-Awstralja u ma' New Zealand se tapprofondixxi r-relazzjoni kummerċjali u ta' investiment u billi ma setax jiġi eżaminat jekk il-ftehimiet jaffettwawx il-kapaċità tal-partijiet biex jintroduċu, iżommu jew itejbu l-istandards soċjali, ambjentali u tax-xogħol;

I.  billi l-UE kkonkludiet in-negozjati dwar il-Ftehim ta' Sħubija bejn l-UE u New Zealand dwar ir-Relazzjonijiet u l-Kooperazzjoni (PARC) fit-30 ta' Lulju 2014 u dawk dwar il-Ftehim Qafas (FA) bejn l-UE u l-Awstralja fit-22 ta' April 2015;

J.  billi l-UE hija t-tielet l-aktar sieħeb kummerċjali importanti kemm tal-Awstralja kif ukoll ta' New Zealand, li huma l-wieħed u għoxrin u l-wieħed u ħamsin sieħeb kummerċjali tal-UE rispettivament (2014);

K.  billi New Zealand huwa wieħed mill-ftit pajjiżi li l-Kummissjoni tirrikonoxxi li għandhom livell adegwat ta' protezzjoni tad-data privata;

L.  billi l-konklużjoni ta' ftehimiet moderni, ambizzjużi, bilanċjati u komprensivi tieħu r-relazzjonijiet ekonomiċi f'livell ġdid;

M.  billi l-Parlament se jintalab jiddeċiedi jekk għandux jagħti l-kunsens tiegħu għall-FTAs potenzjali bejn l-UE u l-Awstralja u bejn l-UE u New Zealand;

1.  Jenfasizza l-importanza li jiġu approfonditi r-relazzjonijiet bejn l-UE u r-reġjun tal-Asja u l-Paċifiku għat-tkabbir ekonomiku fl-Ewropa u jenfasizza li dan għandu jkun rifless fil-politika kummerċjali tal-Unjoni Ewropea; jirrikonoxxi li l-Awstralja u New Zealand jikkostitwixxu komponent fundamentali ta' din l-istrateġija u li t-twessigħ u l-approfondiment tal-kummerċ ma' dawn is-sħab jistgħu jgħinu biex jintlaħaq dan l-objettiv;

2.  Ifaħħar lill-Awstralja u lil New Zealand għall-impenn b'saħħtu u konsistenti tagħhom favur l-aġenda kummerċjali multilaterali;

3.  Iqis li l-potenzjal sħiħ tal-istrateġiji ta' kooperazzjoni bilaterali u reġjonali tal-Unjoni jista' jintlaħaq biss bil-konklużjoni ta' FTAs ta' kwalità għolja kemm mal-Awstralja kif ukoll ma' New Zealand fi spirtu ta' reċiproċità u benefiċċju reċiproku filwaqt li dan m'għandu, taħt l-ebda ċirkustanza, jipperikola jew jiddevja r-riżorsi u l-attenzjoni mill-ambizzjoni li jinkiseb progress multilaterali jew mill-implimentazzjoni ta' ftehimiet multilaterali u bilaterali diġà konklużi;

4.  Jemmen li n-negozjar ta' żewġ FTAs separati, moderni, ambizzjużi, bilanċjati u komprensivi mal-Awstralja u New Zealand f'konformità mal-karatteristiċi speċifiċi ta' dawn l-ekonomiji huwa mod prammatiku ta' approfondiment tas-sħubijiet bilaterali u tisħiħ ulterjuri tar-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment eżistenti u diġà maturi, u jgħin biex jittaffew l-effetti diversivi potenzjali tat-TPP konkluża reċentement; jipprevedi li l-eżitu tan-negozjati jista' jservi bħala mudell għal ftehimiet oħra ta' kummerċ ħieles fil-futur;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, matul l-eżerċizzju esplorattiv, tistudja bir-reqqa l-opportunitajiet addizzjonali kollha ta' aċċess għas-suq għall-operaturi ekonomiċi Ewropej, speċjalment l-SMEs, offruti mill-FTAs prospettivi mal-Awstralja u ma' New Zealand u tqabbilhom ma' kwalunkwe interess difensiv li jista' jkun hemm, peress li kemm l-Awstralja kif ukoll New Zealand diġà għandhom swieq relattivament miftuħin u tariffi baxxi ħafna meta mqabbla mal-bqija tad-dinja;

6.  Jenfasizza li ftehimiet ambizzjużi bejn dawn it-tliet ekonomiji avvanzati għandhom jindirizzaw, b'mod sinifikattiv, l-investiment, il-kummerċ fi prodotti u servizzi (abbażi tar-rakkomandazzjonijiet reċenti tal-Parlament Ewropew fir-rigward tal-ispazju politiku u s-setturi sensittivi), il-kummerċ elettroniku, l-akkwist pubbliku, l-enerġija, l-intrapriżi tal-Istat, il-kompetizzjoni, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, kwistjonijiet regolatorji bħal ostakli sanitarji u fitosanitarji, ir-riċerka teknoloġika u, b'mod speċjali, il-bżonnijiet tal-SMEs, u jistgħu jkunu ta' benefiċċju għall-governanza tal-ekonomija globali permezz ta' konverġenza u kooperazzjoni akbar dwar standards internazzjonali mingħajr ma jitnaqqsu l-livelli ta' protezzjoni tal-konsumatur (eż. is-sikurezza tal-ikel), ambjentali (eż. is-saħħa u l-benessri tal-annimali, is-saħħa tal-pjanti), soċjali jew tax-xogħol;

7.  Jenfasizza li l-ftehimiet prospettivi għandhom iqisu bis-sħiħ, f'kapitolu separat, il-bżonnijiet u l-interessi tal-SMEs b'rabta ma' kwistjonijiet li jirrigwardaw l-iffaċilitar tal-aċċess għas-suq sabiex jinħolqu opportunitajiet kummerċjali konkreti;

8.  Iqis li kapitolu solidu u ambizzjuż dwar l-iżvilupp sostenibbli, li jkopri, fost affarijiet oħra, l-istandards fundamentali tax-xogħol, l-erba' konvenzjonijiet prijoritarji tal-ILO dwar il-governanza kif ukoll il-ftehimiet ambjentali multilaterali, huwa komponent indispensabbli ta' kwalunkwe ftehim ta' kummerċ ħieles prospettiv; iqis li l-ftehim għandu jinkludi wkoll it-twaqqif ta' forum konġunt tas-soċjetà ċivili li jissorvelja u jikkummenta fuq l-implimentazzjoni tiegħu u kif il-partijiet jirrispettaw l-impenji u l-obbligi tagħhom fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, l-istandards tax-xogħol u l-protezzjoni ambjentali;

9.  Jinnota li l-agrikoltura tikkostiwixxi settur sensittiv ħafna u li eżitu finali u bilanċjat fil-kapitoli tal-agrikoltura u s-sajd għandu jqis kif dovut l-interessi tal-produtturi Ewropej kollha, pereżempju l-produtturi tal-laħam, tal-ħalib, taz-zokkor, taċ-ċereali u tat-tessuti u dawk fir-reġjuni ultraperifeċriċi, pereżempju billi jiġu introdotti perjodi ta' tranżizzjoni jew kwoti xierqa, jew billi ma jittiħdux impenji fl-aktar setturi sensittivi; jemmen li dan b'hekk biss jista' jagħti spinta lill-kompetittività u jkun ta' benefiċċju kemm għall-konsumaturi kif ukoll għall-produtturi; jappella biex jiddaħħlu miżuri ta' salvagwardja bilaterali effikaċi sabiex tiġi evitata żieda fl-importazzjonijiet li tista' tikkawża, jew thedded li tikkawża, dannu serju lill-produtturi Ewropej f'setturi sensittivi u biex jiġu implimentati miżuri speċifiċi li jipproteġu prodotti sensittivi mir-reġjuni ultraperiferiċi, b'mod partikolari l-esklużjoni ta' tipi speċjali ta' zokkor;

10.  Jenfasizza li n-negozjati għandhom iwasslu għal dispożizzjonijiet b'saħħithom u infurzabbli li jkopru r-rikonoxximent u l-protezzjoni tad-drittijiet ta' proprjetà intellettwali, inklużi l-indikazzjonijiet ġeografiċi (IĠ);

11.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, malajr kemm jista' jkun, twettaq valutazzjonijiet tal-impatt komprensivi dwar is-sostenibbiltà tal-ftehimiet prospettivi bil-għan li tkun tista' ssir evalwazzjoni profonda tal-gwadann u t-telf li jista' jkun hemm mit-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment tal-UE mal-Awstralja u New Zealand għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji fuq iż-żewġ naħat, inklużi r-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi u t-territorji lil hinn mill-baħar;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni torbot it-tnedija tan-negozjati mal-Awstralja u New Zealand mal-impenn tal-partijiet kollha li jikkommettu ruħhom mill-bidu nett biex in-negozjati jitwettqu bl-aktar mod trasparenti possibbli u b'rispett sħiħ tal-aħjar prattika – kif stabbilit f'negozjati oħra – u permezz ta' djalogu kostanti mas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili, u li tinkludi l-livell ta' ambizzjoni mistenni f'dan ir-rigward fl-eżerċizzju esplorattiv;

13.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Awstralja u New Zealand.

(1) ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 210.
(2) ĠU C 353 E, 3.12.2013, p. 210.


L-introduzzjoni ta' sistemi kompatibbli għar-reġistrazzjoni ta' annimali domestiċi fl-Istati Membri kollha
PDF 268kWORD 81k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar l-introduzzjoni ta' sistemi kompatibbli għar-reġistrazzjoni ta' annimali domestiċi fl-Istati Membri kollha (2016/2540(RSP))
P8_TA(2016)0065RC-B8-0251/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni mill-Kummissjoni tal-4 ta' Frar 2016 dwar l-introduzzjoni ta' sistemi kompatibbli għar-reġistrazzjoni ta' annimali domestiċi fl-Istati Membri kollha,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 43 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) dwar il-funzjonament tal-Politika Agrikola Komuni,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 114 tat-TFUE dwar l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq uniku,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 168(4)(b) tat-TFUE dwar il-miżuri fil-qasam veterenarju u dak fito-sanitarju,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 169 tat-TFUE dwar miżuri ta' protezzjoni tal-konsumatur,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 13 tat-TFUE li jistabbilixxi li, fil-formulazzjoni u fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-Unjoni, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jagħtu konsiderazzjoni sħiħa lill-ħtiġijiet tal-benessri tal-annimali minħabba li huma esseri sensibbli,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 576/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Ġunju 2013 dwar il-movimenti mhux kummerċjali tal-annimali domestiċi, u r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 577/2013 tat-28 ta' Ġunju 2013 dwar id-dokumenti tal-identifikazzjoni tal-mudell għall-moviment mhux kummerċjali ta' klieb, qtates u inmsa, l-istabbiliment ta' listi ta' territorji u pajjiżi terzi u l-format, it-tqassim u r-rekwiżiti lingwistiċi tad-dikjarazzjonijiet li jiċċertifikaw il-konformità ma' ċerti kundizzjonijiet stipulati fir-Regolament (UE) Nru 576/2013,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta' Lulju 1992 li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta', u l-importazzjoni fil-Komunità ta' annimali, semen, ova u embrijuni, mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta' saħħa tal-annimali meħtieġa f'regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(1) għad-Direttiva 90/425/KEE,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 dwar il-proposta għal regolament dwar is-saħħa tal-annimali(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tat-3,050 laqgħa tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd tad-29 ta' Novembru 2010 dwar il-benessri tal-klieb u l-qtates,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 tad-9 ta' Diċembru 1996 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom,

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 792/2012 tat-23 ta’ Awwissu 2012li jistipula regoli għat-tfassil ta' permessi, ċertifikati u dokumenti oħrajn ipprovduti fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 338/97 dwar il-protezzjoni ta' speċi ta' fawna u flora selvaġġi billi jkun regolat il-kummerċ fihom u li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 865/2006,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015 dwar kura tas-saħħa aktar sikura fl-Ewropa: it-titjib tas-sikurezza tal-pazjent u l-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi(2),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-istudju mill-Companion Animals Multisectoral Interprofessional and Interdisciplinary Strategic Think Tank on Zoonoses (CALLISTO),

–  wara li kkunsidra l-ewwel riżultati ta' studju tal-UE dwar il-klieb u l-qtates involuti fil-prattiki kummerċjali magħmul fi 12-il Stat Membru, skont id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni annessa mar-Regolament (UE) Nru 576/2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Kummmissjoni ffinanzjat studju dwar il-benessri tal-klieb u l-qtates involuti fi prattiki kummerċjali;

B.  billi l-organizzazzjonjiet mhux governattivi, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi, l-awtoritajiet kompetenti u l-veterinarji wrew evidenza ta' żieda fil-kummerċ illegali tal-annimali domestiċi, b'abbuż mifrux tal-Iskema ta' Vvjaġġar tal-Annimali Domestiċi, l-evażjoni tal-kontrolli u l-falsifkazzjoni tad-dokumenti;

C.  billi, skont l-organizzazzjonijiet mhux governattivi, l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u l-awtoritajiet kompetenti, il-kummerċ illegali tal-annimali domestiċi u selvaġġi, inklużi l-annimali eżotiċi, huwa marbut mal-kriminalità serja u organizzata;

D.  billi, minkejja t-titjib reċenti, għad baqa' tħassib kbir f'dak li għandu x'jaqsam mal-informazzjoni pprovduta fil-Passaporti tal-Annimali Domestiċi, b'mod partikolari rigward il-mod kif jista' jiġi pprovat li l-età ta' annimal individwali li tingħata hija korretta;

E.  billi l-annimali domestiċi involuti fil-kummerċ illegali spiss ikunu mrobbija ħażin, ma jkunux imdorrijin jinteraġixxu soċjalment u jkunu f'riskju għoli ta' mard, u billi 70 % tal-mard ġdid li laqat lil bniedem f'dawn l-aħħar deċennji oriġina mill-annimali, u l-annimali ġeneralment miżmuma bħala annimali domestiċi jġorru fuqhom bosta żoonożi, inkluża r-rabja;

F.  billi l-maġġoranza tal-Istati Membri diġà għandhom xi tip ta' rekwiżiti għar-reġistrazzjoni u/jew l-identifikazzjoni tal-annimali domestiċi; billi l-biċċa l-kbira ta' dawn il-bażijiet ta' data għadhom mhumiex kompatibbli, u meta l-annimali domestiċi jittieħdu minn post għall-ieħor fl-UE, it-traċċabbiltà hija limitata;

G.  billi rekwiżiti kompatibbli għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali domestiċi jkunu pass sinifikanti 'l quddiem fil-protezzjoni tal-benesseri tal-annimali u s-saħħa pubblika u tal-annimali, u jipprevedu traċċabbiltà effikaċi tal-annimali domestiċi fi ħdan l-Unjoni;

H.  billi xi Stati Membri (in-Netherlands u l-Belġju) diġà għandhom listi pożittivi għaż-żamma u/jew il-bejgħ tal-annimali domestiċi;

1.  Jissottolinja l-kontribut pożittiv li l-annimali domestiċi jagħtu lill-ħajjiet ta' miljuni ta' sidien individwali u familji fl-UE kollha, u jafferma mill-ġdid li s-sidien għandhom ikunu jistgħu jivvjaġġaw bl-annimali domestiċi tagħhom b'mod sikur u kkontrollat fl-Unjoni kollha;

2.  Jilqa' t-titjib li sar fl-Iskema ta' Vvjaġġar tal-Annimali Domestiċi introdotta bir-Regolament (UE) Nru 576/2013, inkluża l-introduzzjoni ta' elementi ta' sigurtà fil-Passaport tal-Annimali Domestiċi, u t-titjib ulterjuri li se jsegwi ladarba l-koleġiżlaturi jadottataw il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali;

3.  Jinnota bi tħassib l-evidenza ppreżentata minn organizzazzjonijiet mhux governattivi, aġenziji tal-infurzar tal-liġi, awtoritajiet kompetenti u veterinarji li turi b'mod ċar abbuż illegali dejjem jiżdied mill-Iskema ta' Vvjaġġar tal-Annimali Domestiċi, li qed tiġi sfruttata għal skopijiet kummerċjali;

4.  Jinnota li n-nuqqas ta' tilqim, ta' trattament antivirali xieraq, u ta' kura veterinarja u sanitarja fost l-annimali domestiċi involuti fil-kummerċ illegali spiss jirriżultaw fil-ħtieġa li dawn jiġu trattati bl-antibijotiċi; jissottolinja li dan iżid ir-riskju ta' reżistenza għall-antimikrobiċi;

5.  Jinnota bi tħassib iż-żieda fil-kummerċ, kemm legali kif ukoll illegali, tal-annimali selvaġġi ġeneralment miżmuma bħala annimali domestiċi; jinnota li ż-żamma ta' annimali selvaġġi bħala annimali domestiċi tikkomprometti b'mod sinifikanti l-benessri tal-annimali individwali u tpoġġi f'riskju s-saħħa u s-sigurtà tal-bniedem; jinnota li l-kummerċ għandu implikazzjonijiet serji għall-konservazzjoni tal-ispeċijiet selvaġġi li jinqabdu biex jiġu kkummerċjati; jistieden lill-Kummissjoni tadotta miżuri b'saħħithom u effikaċi biex tindirizza l-kummerċ illegali tal-annimali domestiċi, inklużi annimali selvaġġi miżmuma bħala annimali domestiċi;

6.  Jinnota li filwaqt li l-Istati Membri għandhom sistemi obbligatorji għall-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tal-annimali domestiċi, jeżistu diskrepanzi fir-rigward tat-tip ta' informazzjoni li tinżamm, l-annimali koperti mir-rekwiżiti ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni, u l-livell ta' governanza fuq l-informazzjoni miżmuma;

7.  Jinnota li sistemi kompatibbli ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni tal-klieb (Canis lupus familiaris) u l-qtates (Felis silvestris catus) jistgħu jnaqqsu l-possibbiltà ta' falsifikazzjoni tad-dokumenti u ta' kummerċ illegali, u b'hekk itejbu l-benesseri tal-annimali, jipproteġu s-saħħa pubblika u s-saħħa tal-annimali u jipprevedu traċċabbiltà effikaċi fi ħdan l-Unjoni;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, malli jidħol fis-seħħ ir-Regolament dwar il-Mard Trasmissibbli tal-Annimali (Il-Liġi dwar is-Saħħa tal-Annimali), tadotta att delegat minnufih li jistipula regoli skont l-Artikoli 109 u 118 tar-regolament dwar sistemi dettaljati u kompatibbli għall-mezzi u l-metodi ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni tal-klieb (Canis lupus familiaris) u l-qtates (Felis silvestris catus); jissottolinja li d-data personali tal-proprjetarji u l-bejjiegħa tal-annimali domestiċi għandha tiġi rispettata skont l-istandards ġuridiċi relevanti tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data personali;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, malli jidħol fis-seħħ ir-Regolament dwar il-Mard Trasmissibbli tal-Annimali, tikkunsidra li tadotta atti delegati li jistipulaw regoli skont l-Artikoli 109 u 118 tar-regolament dwar sistemi dettaljati u kompatibbli għall-mezzi u l-metodi ta' identifikazzjoni u ta' reġistrazzjoni tal-annimali domestiċi, kif definit mill-Anness I tal-istess regolament;

10.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippubblika mingħajr dewmien il-konklużjonijiet tal-istudju dwar il-benessri tal-klieb u l-qtates involuti fi prattiki kummerċjali;

11.  Jemmen li sistema kompatibbli ta' identifikazzjoni u ta' reġistrazzjoni tal-annimali domestiċi fl-UE jkollha benefiċċji usa' mill-ġlieda kontra l-kummerċ illegali weħidha; jemmen li dawn il-benefiċċji jinkludu l-identifikazzjoni tas-sors tat-tifqigħ tal-mard u l-indirizzar tal-abbuż tal-annimali u tħassib ieħor marbut mal-benessri tal-annimali;

12.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0381.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0197.


Is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen
PDF 273kWORD 89k
Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2016 dwar is-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen (2016/2515(RSP))
P8_TA(2016)0066RC-B8-0151/2016

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Jemen, b'mod partikolari dik tad-9 ta' Lulju 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Jemen(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta tal-10 ta' Jannar 2016 tal-Viċi President tal-Kummissjoni / tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, u tal-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar l-attakk fuq ċentru tas-saħħa tal-Médecins Sans Frontières (Tobba Mingħajr Fruntieri) (MSF) fil-Jemen,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-15 ta' Diċembru 2015 mill-kelliem tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) dwar it-tkomplija tat-taħditiet iffaċilitati min-NU dwar il-Jemen, u d-dikjarazzjoni konġunta tat-2 ta' Ottubru 2015 mill-VP/RGħ, Federica Mogherini, u l-Kummissarju għall-Għajnuna Umanitarja u l-Ġestjoni tal-Kriżijiet, Christos Stylianides, dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Affarijiet Barranin dwar il-Jemen, b'mod partikolari dawk tal-20 ta' April 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Jemen, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2216 (2015), 2201 (2015) u 2140 (2014),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-10 ta' Jannar 2016 u tat-8 ta' Jannar 2016 attribwibbli għall-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU dwar il-Jemen,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-kriżi attwali fil-Jemen hija konsegwenza tal-fatt li gvern wieħed wara l-ieħor naqas milli jissodisfa l-aspirazzjonijiet leġittimi tal-poplu Jemenit għad-demokrazija, l-iżvilupp ekonomiku u soċjali, l-istabbiltà u s-sigurtà; billi dan in-nuqqas ħoloq il-kondizzjonijiet ideali biex ifaqqa' kunflitt vjolenti, minħabba l-ineżistenza ta' gvern inklużiv u ta' kondiviżjoni ġusta tal-poter u minħabba l-fatt li t-tensjonijiet numerużi bejn it-tribujiet, l-insigurtà mifruxa u l-paraliżi ekonomika tal-pajjiż ġew injorati b'mod sistematiku;

B.  billi l-intervent militari mmexxi mill-Arabja Sawdija fil-Jemen, mitlub mill-President tal-Jemen Abd Rabbuh Mansur Hadi, inkluż l-użu ta' cluster bombs, li huma pprojbiti internazzjonalment, wassal għal sitwazzjoni umanitarja diżastruża li taffettwa l-popolazzjoni madwar il-pajjiż, għandu implikazzjonijiet serji għar-reġjun u jikkostitwixxi theddida għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali; billi membri tal-popolazzjoni ċivili tal-Jemen, li diġà huma affettwati minn kondizzjonijiet ta' ħajja terribbli, huma l-ewwel vittmi tal-eskalazzjoni militari attwali;

C.  billi r-ribelli Houthi bdew assedju fuq il-belt ta' Taiz, it-tielet l-akbar belt tal-Jemen, b'tali mod li xekklu t-twassil tal-għajnuna umanitarja; billi, skont Stephen O'Brien, is-Sottosegretarju Ġenerali tan-NU għall-Affarijiet Umanitarji u l-Koordinatur tal-Għajnuna ta' Emerġenza, madwar 200 000 ċivili maqbuda hemm kienu fi bżonn serju ta' ilma tax-xorb, ikel, trattament mediku, u assistenza u protezzjoni oħrajn li jsalvaw il-ħajja;

D.  billi sa mill-bidu tal-kunflitt mill-inqas 5 979 persuna ġew maqtula, kważi nofshom ċivili, u 28 208 ġew midruba; billi hemm mijiet ta' nisa u tfal fost il-vittmi; billi l-impatt umanitarju fuq il-popolazzjoni ċivili tal-ġlied kontinwu bejn il-milizzji differenti, il-bumbardamenti u l-interruzzjoni ta' servizzi essenzjali qed jilħaq livelli allarmanti;

E.  billi, skont il-Humanitarian Needs Overview (HNO) tal-2016 maħruġ f'Novembru 2015, bħalissa hemm 21.2 miljun ruħ (82 % tal-popolazzjoni) li jeħtieġu xi forma ta' assistenza umanitarja; billi, bl-istess mod, huwa stmat li kważi 2.1 miljun ruħ bħalissa qegħdin fi stat ta' malnutrizzjoni, inkluż aktar minn 1.3 miljun tifel u tifla jsofru minn malnutrizzjoni severa;

F.  billi l-UE pprovdiet EUR 52 miljun f'għajnuna umanitarja ġdida għall-kriżi fil-Jemen u l-impatt tagħha fil-Qarn tal-Afrika fl-2015; billi l-UE se tipprovdi sa EUR 2 miljun għall-istabbiliment ta' Mekkaniżmu ta' Verifika u Spezzjoni tan-NU (UNVIM) għat-tbaħħir kummerċjali lejn il-Jemen, b'tali mod li jiġi ffaċilitat il-fluss mingħajr xkiel ta' beni kummerċjali u għajnuna umanitarja lill-Jemen;

G.  billi hemm diversi rapporti li attakki mill-ajru mill-koalizzjoni militari mmexxija mill-Arabja Sawdija fil-Jemen laqtu miri ċivili, inklużi sptarijiet, skejjel, swieq, imħażen tal-qamħ, portijiet u kamp għal persuni spostati, fejn għamlu ħsara kbira lill-infrastruttura essenzjali għat-twassil tal-għajnuna u kkontribwew għall-iskarsezzi gravi tal-ikel u tal-fjuwil fil-pajjiż; billi sptar fit-Tramuntana tal-Jemen appoġġjat mill-Médecins Sans Frontières (Tobba Mingħajr Fruntieri) (MSF) ġie bbumbardjat fl-10 ta' Jannar 2016, li wassal biex inqatlu mill-inqas sitt persuni, indarbu tnax, fosthom persunal tal-MSF, u saret ħsara serja lill-faċilitajiet mediċi; billi dan huwa l-aħħar wieħed f'sensiela ta' attakki fuq faċilitajiet tas-saħħa; billi ħafna monumenti storiċi u siti arkeoloġiċi wkoll saritilhom ħsara irreparabbli jew inqerdu, inklużi partijiet mill-Belt qadima ta' Sanaa, sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO;

H.  billi, minħabba kapaċità mnaqqsa tal-port u l-konġestjoni li tirriżulta mill-ħsara fl-infrastruttura u fil-faċilitajiet, fil-pajjiż qed jidħol biss 15 % tal-volum tal-importazzjonijiet tal-fjuwil ta' qabel il-kriżi; billi, skont il-Klassifikazzjoni Integrata tal-Fażi tas-Sigurtà tal-Ikel (IPC) tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura, bħalissa hemm tmien gvernaturati li huma kklassifikati fil-livell ta' emerġenza fejn għandha x'taqsam is-sigurtà tal-ikel, jiġifieri Sa'ada, Hajjah, Hodeida, Taiz, Al-Dhale, Lahj, Abyan u Hadramaut;

I.  billi, skont Save the Children, sptarijiet f'mill-inqas 18 mit-22 gvernaturat tal-pajjiż ingħalqu bħala riżultat tal-ġlied jew tan-nuqqas ta' fjuwil, jew ġew affettwati b'mod gravi minnhom; billi, b'mod partikolari, 153 ċentru tas-saħħa li preċedentement kienu jfornu nutrizzjoni lil aktar minn 450 000 tifel u tifla f'riskju issa ngħalqu, flimkien ma' 158 klinika outpatient responsabbli milli jipprovdu kura tas-saħħa bażika lil kważi nofs miljun tifel u tifla taħt l-età ta' ħames snin;

J.  billi, skont l-UNICEF, il-kunflitt fil-Jemen kellu wkoll impatt iebes fuq l-aċċess tat-tfal għall-edukazzjoni, li waqfet għal kważi 2 miljun tifel u tifla, bi 3 584 skola – jew waħda minn kull erbgħa – jingħalqu; billi 860 minn dawn l-iskejjel saritilhom ħsara jew qed jilqgħu lill-persuni spostati;

K.  billi fil-15 ta' Diċembru 2015 ġie ddikjarat waqfien mill-ġlied man-nazzjon kollu iżda sussegwentement dan ġie miksur diversi drabi; billi taħditiet ta' paċi, li saru fl-Iżvizzera f'nofs Diċembru 2015 bejn il-partijiet fil-ġlied, naqsu milli jagħmlu xi progress sinifikanti bil-ħsieb li jtemmu l-kunflitt; billi t-tkomplija ta' taħditiet ta' paċi mmexxija min-NU taħt l-awspiċi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU għall-Jemen, Ismail Ould Cheikh Ahmed, li kienet skedata għall-14 ta' Jannar 2016, ġiet posposta temporanjament fost vjolenza kontinwa;

L.  billi s-sitwazzjoni fil-Jemen iġġorr magħha riskji serji għall-istabbiltà tar-reġjun, b'mod partikolari dik tal-Qarn tal-Afrika, tal-Baħar l-Aħmar u tar-reġjun usa' tal-Lvant Nofsani; billi l-Al-Qaeda fil-Peniżola Għarbija (AQAP) approfittat mid-deterjorament tas-sitwazzjoni politika u tas-sigurtà fil-Jemen, u qiegħda tespandi l-preżenza tagħha u tkabbar l-għadd u l-iskala tal-attakki terroristiċi tagħha; billi l-hekk imsejjaħ Stat Iżlamiku (ISIS) / Daesh stabbilixxa l-preżenza tiegħu fil-Jemen u wettaq attakki terroristiċi kontra l-moskej Xiiti, bil-qtil ta' mijiet ta' persuni;

M.  billi Jemen stabbli u sikur, bi gvern li jiffunzjona sew, hu kruċjali għall-isforzi internazzjonali biex jiġu miġġielda l-estremiżmu u l-vjolenza fir-reġjun u lil hinn minnu, kif ukoll għall-paċi u l-istabbiltà fil-Jemen stess;

N.  billi xi Stati Membri tal-UE komplew jawtorizzaw trasferimenti ta' armi u oġġetti relatati lejn l-Arabja Sawdija minn mindu bdiet il-gwerra; billi dawn it-trasferimenti huma bi vjolazzjoni tal-Pożizzjoni Komuni 2008/944/PESK dwar il-kontroll tal-esportazzjonijiet tal-armi, li teskludi b'mod espliċitu l-awtorizzazzjoni ta' liċenzji tal-armi mill-Istati Membri jekk ikun hemm riskju ċar li t-teknoloġija jew it-tagħmir militari li ser jiġi esportat jista' jintuża biex jitwettqu vjolazzjonijiet serji tad-dritt umanitarju internazzjonali u biex ixekklu l-paċi, is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali;

1.  Jesprimi tħassib serju dwar id-deterjorament allarmanti tas-sitwazzjoni umanitarja fil-Jemen, li hija kkaratterizzata minn insigurtà tal-ikel mifruxa u malnutrizzjoni gravi, l-attakki indiskriminati kontra ċ-ċivili u l-ħaddiema mediċi u umanitarji, il-qerda ta' infrastruttura ċivili u medika bħala riżultat tal-kunflitt domestiku li kien jeżisti qabel, l-intensifikazzjoni tal-attakki mill-ajru mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija, il-ġlied fuq l-art u l-bumbardamenti, minkejja appelli ripetuti għal waqfien imġedded tal-ostilitajiet; jiddispjaċih ħafna għat-telf ta' ħajja kkawżat mill-kunflitt u s-sofferenza ta' dawk maqbuda fil-ġlied, u jesprimi l-kondoljanzi tiegħu lill-familji tal-vittmi; ittenni mill-ġdid l-impenn tiegħu li jkompli jappoġġja lill-Jemen u l-poplu Jemenit;

2.  Jesprimi tħassib kbir dwar l-attakki mill-ajru mill-koalizzjoni mmexxija mill-Arabja Sawdija u l-imblokk navali li hija imponiet fuq il-Jemen, li wasslu għal eluf ta' mwiet, komplew jiddestabbilizzaw lill-Jemen, qed jeqirdu l-infrastruttura fiżika tal-pajjiż, ħolqu instabbiltà li ġiet sfruttata minn organizzazzjonijiet terroristiċi u estremisti bħall-ISIS/Daesh u l-AQAP, u qegħdin jaggravaw sitwazzjoni umanitarja diġà kritika; jikkundanna bil-qawwa, barra minn hekk, l-azzjonijiet ta' destabbilizzazzjoni u vjolenti meħuda mill-Houthis, li huma appoġġjati mill-Iran, inkluż l-assedju tal-belt ta' Taiz, li kellu wkoll konsegwenzi umanitarji diżastrużi għall-abitanti tagħha;

3.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' azzjoni umanitarja kkoordinata taħt it-tmexxija tan-NU, u jħeġġeġ lill-pajjiżi kollha jikkontribwixxu għall-indirizzar tal-ħtiġijiet umanitarji; iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex jippermettu d-dħul u t-twassil ta' ikel, mediċini, fjuwil u assistenza oħra meħtieġa b'mod urġenti permezz ta' kanali tan-NU u internazzjonali umanitarji sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet urġenti taċ-ċivili milquta mill-kriżi, b'konformità mal-prinċipji ta' imparzjalità, newtralità u indipendenza; jappella għal pawża umanitarja sabiex għajnuna li tista' ssalva l-ħajjiet tiġi permessa tilħaq lill-poplu Jemenit b'mod urġenti; ifakkar għalhekk li huwa essenzjali li l-aċċess tat-tbaħħir kummerċjali lejn il-Jemen jiġi ffaċilitat aktar;

4.  Jappella lin-naħat kollha biex jikkonformaw mad-dritt umanitarju internazzjonali u mad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, sabiex jiżguraw il-protezzjoni taċ-ċivili u biex iżommu lura milli jimmiraw direttament lejn infrastruttura ċivili, b'mod partikolari l-faċilitajiet mediċi u s-sistemi tal-ilma; jitlob li ssir investigazzjoni indipendenti dwar l-allegazzjonijiet kollha ta' abbuż, tortura, qtil immirat ta' ċivili u vjolazzjonijiet oħra tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali;

5.  Ifakkar lill-partijiet kollha li l-isptarijiet u l-persunal mediku huma espliċitament protetti taħt id-dritt umanitarju internazzjonali u li t-tqegħid fil-mira intenzjonat ta' ċivili u infrastruttura ċivili jammonta għal delitt tal-gwerra; jappella għal investigazzjoni imparzjali u indipendenti dwar il-vjolazzjonijiet allegati tad-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tad-dritt umanitarju internazzjonali, inklużi l-aħħar attakki mmirati fuq infrastruttura u persunal umanitarji; jappella lill-partijiet kollha jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet taċ-ċittadini Jemeniti kollha, u jenfasizza l-importanza li titjieb is-sigurtà ta' dawk kollha li jaħdmu f'missjonijiet ta' paċi u umanitarji fil-pajjiż, inklużi ħaddiema umanitarji, tobba u ġurnalisti;

6.  Jistieden lill-UE tippromwovi b'mod effikaċi l-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, kif previst fil-linji gwida rilevanti tal-UE; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li l-UE tqajjem, fid-djalogu politiku tagħha mal-Arabja Sawdija, il-ħtieġa ta' konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali, u, f'każ li dan id-djalogu ma jagħti ebda riżultati, biex tikkunsidra miżuri oħra f'konformità mal-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni tal-konformità mad-dritt umanitarju internazzjonali;

7.  Jistieden lill-VP/RGħ tniedi inizjattiva bil-għan li timponi embargo fuq l-armi tal-UE kontra l-Arabja Sawdija, minħabba l-allegazzjonijiet serji ta' ksur tad-dritt umanitarju internazzjonali mill-Arabja Sawdija fil-Jemen u l-fatt li l-bejgħ kontinwu tal-liċenzjar tal-armi lill-Arabja Sawdija jkun għaldaqstant ksur tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2008/944/PESK tat-8 ta' Diċembru 2008;

8.  Jemmen li l-Arabja Sawdija u l-Iran huma strumentali biex tiġi solvuta l-kriżi, u jħeġġeġ liż-żewġ naħat jaħdmu b'mod pragmatiku u b'rieda tajba sabiex jintemm il-ġlied fil-Jemen;

9.  Jenfasizza li hija biss soluzzjoni politika, inklużiva u nnegozjata għall-kunflitt li tista' ġġib lura l-paċi u żżomm l-unità, is-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Jemen; iħeġġeġ lill-partijiet kollha biex, b'rieda tajba u mingħajr prekondizzjonijiet, jimpenjaw ruħhom f'ċiklu ġdid ta' negozjati ta' paċi mmexxija min-NU malajr kemm jista' jkun, inkluż billi jsolvu d-differenzi tagħhom permezz ta' djalogu u konsultazzjonijiet, jirrifjutaw atti ta' vjolenza biex jintlaħqu għanijiet politiċi, u jżommu lura minn provokazzjoni u mill-azzjonijiet kollha li jxekklu s-soluzzjoni politika; jappoġġja l-isforzi tal-Mibgħut Speċjali tan-NU, Ismail Ould Cheikh Ahmed, biex isiru taħditiet ta' paċi ffaċilitati min-NU f'konformità mal-inizjattiva tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, l-eżiti tal-Konferenza Nazzjonali għad-Djalogu, u r-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, b'mod partikolari r-riżoluzzjonijiet 2140 (2014) u 2216 (2015);

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, lis-Segretarju Ġenerali tal-Lega tal-Istati Għarab, u lill-Gvern tal-Jemen.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0270.

Avviż legali