Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2696(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0583/2016

Testi mressqa :

B8-0583/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 12/05/2016 - 9.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0224

Testi adottati
PDF 273kWORD 88k
Il-Ħamis, 12 ta' Mejju 2016 - Strasburgu
Segwitu u sitwazzjoni attwali tal-Aġenda 2030 u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli
P8_TA(2016)0224B8-0583/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Mejju 2016 dwar is-segwitu u r-rieżami tal-Aġenda 2030 (2016/2696(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-dokument "Nittrasformaw id-Dinja Tagħna: L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli" adottat min-Nazzjonijiet Uniti fis-Summit dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fil-25 ta' Settembru 2015, fi New York,

–  wara li kkunsidra t-Tielet Konferenza Internazzjonali dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp li saret mit-13 sas-16 ta' Lulju 2015 f'Addis Ababa,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Grupp Interaġenzjali ta' Esperti dwar l-Indikaturi tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (IAEG-SDG), li ġie ppubblikat fis-17 ta' Diċembru 2015, u li ġie adottat fis-47 sessjoni tal-Kummissjoni tal-Istatistika tan-NU f'Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra li t-Taqsima ta' Livell Għoli tal-Kunsill Ekonomiku u Soċjali (ECOSOC) se ssir bejn it-18 u t-22 ta' Lulju 2016 bit-tema "L-Implimentazzjoni tal-aġenda għall-iżvilupp ta' wara l-2015: mill-impenji nimxu għar-riżultati",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Mejju 2015 dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp(1),

–   wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar l-UE u l-qafas tal-iżvilupp globali wara l-2015(2),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi adottat fil-21 Konferenza tal-Partijiet (COP21) li saret f'Pariġi fit-12 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jafferma mill-ġdid li l-UE "għandha tara li jkun hemm koerenza bejn il-politika u l-attivitajiet differenti tagħha, b'kont meħud tal-objettivi kollha tagħha",

–  wara li kkunsidra l-iżvilupp kontinwu tal-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Barranija u ta' Sigurtà, li se tkun ta' gwida għall-azzjonijiet globali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2015 dwar ir-rwol tal-UE fin-NU – kif jistgħu jintlaħqu aħjar l-objettivi tal-UE fil-qasam tal-politika barranija(3),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Ottubru 2015 dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra r-reviżjoni tal-Istrateġija Ewropa 2020 – "L-Approċċ il-Ġdid lil hinn mill-2020",

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna, l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Akkra u d-dikjarazzjoni u l-pjan ta' azzjoni adottati fil-Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna li sar f'Busan f'Diċembru 2011,

–  wara li kkunsidra l-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp u r-reviżjoni tiegħu li jmiss,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-TFUE, li jesiġi li l-prinċipju tal-politiki għall-iżvilupp jitqies fil-politiki esterni kollha tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-eżiti tas-Summit Umanitarju Dinji li se jsir f'Istanbul, it-Turkija fit-23 u l-24 ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra l-ittra tad-29 ta' Marzu 2016 li ntbagħtet mill-Kumitat għall-Iżvilupp lill-Kummissarju għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Internazzjonali dwar il-kwistjoni tas-segwitu u r-rieżami tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi r-Riżoluzzjoni 70/1 tal-Assemblea Ġenerali tappella sabiex l-għanijiet u l-miri jingħataw segwitu u jiġu rieżaminati permezz ta' sett ta' indikaturi globali; billi s-Segretarju Ġenerali tan-NU ingħata mandat biex ifassal rapport ta' progress annwali dwar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli sabiex ikun ta' għajnuna għas-segwitu u r-rieżami min-naħa tal-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli; billi r-rapport ta' progress dwar l-SDGs għandu jkun ibbażat fuq data fornuta mis-sistemi tal-istatistika nazzjonali u informazzjoni miġbura f'livelli differenti;

B.  billi l-Kummissjoni tal-Istatistika, fis-46 sessjoni tagħha (3-6 ta' Marzu 2015), approvat il-pjan direzzjonali għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-qafas ta' indikaturi globali;

C.  billi l-Grupp Interaġenzjali ta' Esperti dwar l-Indikaturi tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli ġie inkarigat biex jiżviluppa kompletament proposta għall-qafas ta' indikaturi dwar il-monitoraġġ tal-għanijiet u tal-miri tal-Aġenda għall-Iżvilupp ta' wara l-2015, ippropona indikaturi għar-rieżami tal-Aġenda 2030, li ġew maqbula fis-47 sessjoni tal-Kummissjoni tal-Istatistika tan-NU f'Marzu 2016;

D.  billi s-sett propost ta' 230 indikatur tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli jirrappreżenta punt ta' tluq tajjeb u qafas b'saħħtu għas-segwitu u r-rieżami tal-progress lejn il-kisba tas-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli;

E.  billi bosta mill-indikaturi għadhom ma ġewx finalizzati, filwaqt li fl-istess ħin l-istati membri firmatarji se jkollhom jiżviluppaw l-indikaturi nazzjonali tagħhom skont l-indikaturi globali, adattati għaċ-ċirkostanzi nazzjonali tagħhom;

F.  billi l-qafas globali ta' indikaturi għandu jiġi maqbul mill-Kunsill Ekonomiku u Soċjali (ECOSOC) f'Lulju 2016 u mill-Assemblea Ġenerali f'Settembru 2016;

G.  billi l-Kunsill Affarijiet Barranin fil-komponent tiegħu dwar l-iżvilupp se jiltaqa' fit-12 ta' Mejju 2016 u għandu jħejji pożizzjoni tal-UE għal-laqgħa tal-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li se ssir f'Lulju 2016 u jiddetermina f'liema kuntest se ssir id-diskussjoni tematika dwar il-kummerċ u l-iżvilupp, billi jiffoka fuq il-kontribut tal-UE fis-settur privat fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030;

H.  billi l-ippjanar strateġiku, l-implimentazzjoni u r-rapportar tas-sistema kollha huma meħtieġa sabiex jiġi żgurat appoġġ koerenti u integrat għall-implimentazzjoni tal-Aġenda l-ġdida mis-sistema tal-iżvilupp tan-NU;

I.  billi l-qafas universali l-ġdid għall-iżvilupp sostenibbli jappella għal aktar koerenza bejn l-oqsma differenti tal-politika u tal-atturi tal-UE, li jeħtieġ aktar koordinazzjoni, djalogu u ħidma konġunta fil-livelli kollha fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll bejniethom, sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni tat-tliet pilastri tal-iżvilupp sostenibbli (dak ambjentali, ekonomiku u soċjali) fil-politiki interni u esterni tal-UE;

J.  billi l-laqgħa tal-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f'Lulju 2016 se tinkludi rieżamijiet volontarji ta' 22 pajjiż inkluż erba' pajjiżi Ewropej – l-Estonja, il-Finlandja, Franza u l-Ġermanja – u rieżamijiet tematiċi tal-progress tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, inkluż kwistjonijiet trasversali, appoġġati mir-rieżamijiet mill-kummissjonijiet funzjonali tal-ECOSOC u korpi intergovernattivi u fora oħra;

1.  Jistieden lill-Kunsill Affarijiet Barrinin fil-komponent tiegħu dwar l-iżvilupp jadotta, qabel il-laqgħa tal-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli f'Lulju 2016, pożizzjoni koerenti u komuni tal-UE, li tqis il-pożizzjoni tal-Parlament, kif espressa f'din ir-riżoluzzjoni; jemmen li huwa kruċjali għall-kredibbiltà tal-UE kif ukoll għall-pożizzjoni ta' tmexxija tagħha li tiġi ppreżentata pożizzjoni komuni; jinsab imħasseb li l-Kummissjoni għadha ma ppubblikatx komunikazzjoni dwar is-segwitu u r-rieżami tal-Aġenda 2030 qabel il-laqgħa tal-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, kif mitlub mill-membri tal-Kumitat għall-Iżvilupp, li għandha sservi bħala bażi għal pożizzjoni komuni tal-UE;

2.  Jilqa' r-rapport tal-Grupp Interaġenzjali ta' Esperti dwar l-indikaturi tal-SDGs; jemmen li dan jirrappreżenta kisba eċċezzjonali u huwa bażi tajba għan-negozjati peress li l-indikaturi proposti jiġbdu l-attenzjoni għas-serje ħafna aktar varjat ta' tħassib strutturali;

3.  Jilqa' l-kapitolu separat dwar id-diżaggregazzjoni tad-data u l-importanza mogħtija lit-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali tal-istatistika;

4.  Jirrikonoxxi r-rwol kritiku tal-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fir-rieżami tal-implimentazzjoni tal-SDGs; jenfasizza li dan il-korp jeħtieġ li jiżgura l-valutazzjoni koordinata u effiċjenti tal-ħtiġijiet u l-adozzjoni tal-pjanijiet direzzjonali meħtieġa għall-implimentazzjoni effikaċi tal-Aġenda 2030;

5.  Jenfasizza li l-Aġenda 2030 u l-SDGs jirrappreżentaw impenn internazzjonali mġedded biex jinqered il-faqar, jiġu definiti mill-ġdid u modernizzati l-istrateġiji tagħna għall-iżvilupp għall-15-il sena li ġejjin u biex jiġi żgurat li aħna niksbu riżultati;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta għal Strateġija globali għall-Iżvilupp Sostenibbli li tkun tinkludi l-oqsma tal-politiki interni u esterni kollha rilevanti, bi skeda ta' żmien dettaljata sal-2030, b'rieżami ta' nofs it-terminu u proċedura speċifika li tiżgura l-involviment sħiħ tal-Parlament, inkluż pjan ta' implimentazzjoni konkret li jikkoordina l-kisba tas-17-il għan, 169 mira u 230 indikatur globali, u tiżgura konsistenza ma', u t-twettiq, tal-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi; jenfasizza l-importanza tal-universalità tal-għanijiet, u tal-fatt li l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li jimplimentaw l-għanijiet u l-miri kollha b'mod sħiħ, fil-prattika u fl-ispirtu;

7.  Jinsisti li l-Istrateġija l-ġdida tal-UE għall-Iżvilupp Sostenibbli u l-politiki ta' implimentazzjoni assoċjati għandhom ikunu soġġetti għal konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet interessati kollha, inkluż il-parlamenti nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u s-soċjetà ċivili, permezz ta' proċess inklużiv;

8.  Jappella għal komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar is-segwitu u r-rieżami tal-Aġenda 2030, b'informazzjoni ċara dwar l-istruttura tal-implimentazzjoni tal-Aġenda fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri; jissottolinja l-fatt li kull Direttorat Ġenerali rilevanti tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) għandu jkun involut kompletament fl-integrazzjoni tal-Aġenda 2030 fir-rieżami li jmiss tal-istrateġija Ewropa 2020 u tal-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Barranija u ta' Sigurtà, sabiex tiġi żgurata koerenza politika b'saħħitha għall-iżvilupp sostenibbli;

9.  Jenfasizza li r-rieżami tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp jeħtieġ li jirrifletti bi sħiħ l-Aġenda 2030 il-ġdida, li tinkludi bidla fundamentali u trasformazzjoni kompleta tal-politika tal-UE dwar l-iżvilupp; ifakkar li pprogrammar adegwat u immirat tal-għajnuna fi ħdan il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, b'rispett dovut għall-prinċipji tal-effikaċja tal-għajnuna, huwa essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet u l-miri assoċjati;

10.  Jenfasizza li l-UE jeħtieġ li tieħu vantaġġ sħiħ tar-rieżami ta' nofs it-terminu li jmiss tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) sabiex jiġi żgurat li l-mekkaniżmi ta' finanzjament u l-linji baġitarji jirriflettu l-impenji kollha tal-Aġenda 2030 maqbula mill-UE; jappella biex l-UE u l-Istati Membri jerġgħu jimpenjaw ruħhom mingħajr dewmien għall-mira ta' 0,7 % tal-introjtu nazzjonali gross (ING) għall-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp (ODA) sabiex tinkiseb il-mira ta' 0,7 %;

11.  Jappella għal djalogu regolari bejn il-Forum Politiku ta' Livell Għoli dwar l-Iżvilupp Sostenibbli u l-Kummissjoni dwar il-progress li sar, li jkun jinkludi rapportar regolari lill-Parlament, b'konformità mal-prinċipji tat-trasparenza u tar-responsabbiltà reċiproka; jinsisti dwar il-ħtieġa għal djalogu msaħħaħ bejn il-Kummissjoni u l-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, b'mod partikolari fir-rigward tal-politika dwar l-iżvilupp u tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex, b'konsultazzjoni mill-qrib ma' sħab oħra, jippreżentaw proposti konkreti dwar kif il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tiġi integrata b'mod aktar effikaċi fl-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 u jappella biex dan l-approċċ il-ġdid jiġi integrat fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE sabiex tiġi żgurata kooperazzjoni effikaċi u jingħeleb l-approċċ "tad-dipartimentaliżmu";

13.  Jenfasizza l-importanza li jiġi integrat il-kunċett tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE biex, f'konsultazzjoni mill-qrib ma' sħab oħra, jippreżentaw proposti konkreti dwar kif il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tiġi integrata b'mod aktar effikaċi fl-approċċ tal-UE għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, u jappella biex dan l-approċċ il-ġdid jiġi integrat fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa mekkaniżmi effikaċi ta' monitoraġġ, rieżami u responsabbiltà għall-implimentazzjoni tal-Aġenda 2030, u tirrapporta lura lill-Parlament fuq bażi regolari; ifakkar, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jiżdied l-iskrutinju demokratiku mill-Parlament, possibbilment permezz ta' ftehim interistituzzjonali vinkolanti, skont l-Artikolu 295 tat-TFUE;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-aġenziji speċjalizzati, lill-fondi u lill-programmi tan-NU jistabbilixxu djalogu ta' livell għoli dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs, bl-għan li jikkoordinaw il-politiki, il-programmi u l-operazzjonijiet tal-UE u tan-NU u ta' donaturi oħra; jissottolinja l-importanza ta' data diżaggregata u aċċessibbli għall-monitoraġġ tal-progress u għall-evalwazzjoni tar-riżultati;

16.  Jistieden lill-aġenziji u lill-korpi tan-NU jsaħħu l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fi ħdan l-istrutturi ta' ħidma tan-NU, sabiex ikun hemm integrazzjoni effikaċi tad-dimensjonijiet kollha tal-iżvilupp sostenibbli;

17.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0196.
(2) Testi adottati, P8_TA(2014)0059.
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0403.

Avviż legali - Politika tal-privatezza