Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2097(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0076/2016

Testi mressqa :

A8-0076/2016

Dibattiti :

PV 12/05/2016 - 6

Votazzjonijiet :

PV 12/05/2016 - 9.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0226

Testi adottati
PDF 385kWORD 122k
Il-Ħamis, 12 ta' Mejju 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Ftehim Qafas dwar il-leave tal-ġenituri
P8_TA(2016)0226A8-0076/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Mejju 2016 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta' Marzu 2010 li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li tħassar id-Direttiva 96/34/KE (2015/2097(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3(3) u 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8, 10, 153(1)(i) u 157 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 7, 9, 23, 24 u 33 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2010/18/UE tat-8 ta' Marzu 2010, li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC u li tħassar id-Direttiva 96/34/KE,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2013/62/UE tas-17 ta' Diċembru 2013 li temenda d-Direttiva 2010/18/UE li timplimenta l-Ftehim Qafas rivedut dwar il-leave tal-ġenituri konkluż minn BUSINESSEUROPE, UEAPME, CEEP u ETUC, wara l-emenda tal-istatus tal-Majott fir-rigward tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza tal-Kunsill Ewropew li ltaqa' fi Brussell fit-23 u fl-24 ta' Marzu 2006 (777751/1/06 REV 1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Bilanċ aħjar bejn xogħol u ħajja: appoġġ akbar għar-rikonċiljazzjoni bejn il-ħajja professjonali, privata u tal-familja" (COM(2008)0635),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu "L-Investiment fit-Tfal: Niksru ċ-Ċiklu tal-Iżvantaġġ" (C(2013)0778),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti soċjali u tal-impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-leave tal-maternità(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' opportunitajiet indaqs u ta' trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta' impjiegi u xogħol(4),

–  wara li kkunsidra l-istudju mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew ta' Mejju 2015 bit-titolu "Gender equality in employment and occupation – Directive 2006/54/EC, European Implementation Assessment" (L-ugwaljanza bejn is-sessi fl-impjieg u fix-xogħol - id-Direttiva 2006/54/KE, Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea),

–  wara li kkunsidra l-istudju tad-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Unjoni tal-Parlament Ewropew bit-titolu "Maternity, Paternity and Parental Leave: Data Related to Duration and Compensation Rates in the European Union" (Il-leave tal-Maternità, tal-Paternità u tal-Ġenituri: Data Relatata mat-Tul ta' Żmien u r-Rati ta' Kumpens fl-Unjoni Ewropea),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Fondazzjoni Ewropea għat-Titjib tal-Kondizzjonijiet tal-Ħajja u tax-Xogħol bit-titolu "Promoting parental and paternity leave among fathers" (Il-promozzjoni tal-leave tal-ġenituri u tal-paternità fost il-missirijiet),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound bit-titolu "Maternity leave provisions in the EU Member States: Duration and allowances" (Dispożizzjonijiet tal-leave tal-maternità fl-Istati Membri tal-UE: Tul ta' żmien u allowances) (Eurofound, 2015),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2015 bit-titolu "Promoting uptake of parental and paternity leave among fathers in the European Union" (Il-promozzjoni tat-teħid tal-leave tal-ġenituri u tal-paternità fost il-missirijiet fl-Unjoni Ewropea),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni ta' Frar 2015 bit-titolu "The Implementation of Parental Leave Directive 2010/18 in 33 European Countries" (L-implimentazzjoni tad-Direttiva 2010/18 dwar il-leave tal-ġenituri fi 33 pajjiż Ewropew),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0076/2016),

A.  billi ftit hemm ċans li sal-2020 tintlaħaq il-mira tar-rata ta' impjiegi ta' 75 % għan-nisa stabbilita fl-istrateġija Ewropa 2020 (bħalissa r-rata hija ta' 63,5 %); billi, barra minn hekk, hemm bżonn ta' politiki proattivi maħsuba biex jgħinu lin-nisa jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol, u biex jissalvagwardjaw u jappoġġaw ir-ritorn tagħhom bħala ommijiet fis-suq tax-xogħol bl-objettiv li jiksbu xogħol stabbli u deċenti, bl-istess kundizzjonijiet bħall-irġiel, speċjalment politiki li jippromwovu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata għall-ġenituri kollha;

B.  billi x-xogħol imwettaq mill-ġenituri fil-familja u fit-trobbija tat-tfal jirrappreżenta kontribut għall-ekonomija li jista' jitkejjel, li huwa wkoll ta' importanza kbira fid-dawl tal-iżviluppi demografiċi fl-Ewropa;

C.  billi d-Direttiva 96/34/KE tirrikonoxxi r-rikonċiljazzjoni tal-ħajja professjonali u l-ħajja privata bħala suġġett separat, filwaqt li d-Direttiva 2010/18/UE tistipula li l-impjegati kollha għandhom dritt għal erba' xhur leave tal-ġenituri mhux imħallas, u li xahar minnhom irid jingħata fuq bażi mhux trasferibbli; billi l-prinċipju tal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-impjieg issa huwa stabbilit fil-leġiżlazzjoni tal-UE; billi l-ugwaljanza fil-karrieri għall-irġiel u għan-nisa, anke permezz tal-istrument tal-leave tal-ġenituri, tgħin biex tintlaħaq il-mira tar-rata ta' impjiegi ta' 75 % stabbilita fl-istrateġija Ewropa 2020, u biex tissolva l-problema li n-nisa li qed jiffaċċjaw il-faqar huma ħafna aktar vulnerabbli, imma tirrappreżenta wkoll kontribut għall-ekonomija li jista' jitkejjel, li huwa wkoll ta' importanza kbira fid-dawl tal-iżviluppi demografiċi fl-Ewropa;

D.  billi d-data disponibbli tikkonferma li l-leave tal-familja mhux imħallas jew imħallas b'mod mhux adegwat jirriżulta f'rati baxxi ta' parteċipazzjoni, u li l-missirijiet ftit jużaw id-drittijiet tagħhom għal-leave tal-ġenituri; billi leave tal-ġenituri totalment jew parzjalment mhux trasferibbli u mħallas sew jintuża b'mod aktar bilanċjat bejn iż-żewġ ġenituri, u jgħin biex titnaqqas id-diskriminazzjoni kontra n-nisa fis-suq tax-xogħol;

E.  billi mudell imħallat magħmul kemm mil-leave tal-maternità u l-leave tal-paternità kif ukoll mil-leave komuni, jiġifieri leave tal-ġenituri, jippermetti liż-żewġ ġenituri jiddeċiedu flimkien kif jistgħu jimmaniġġjaw l-intitolamenti tal-leave tagħhom, fl-aħjar interess tat-tfal tagħhom u b'kunsiderazzjoni tal-ispeċifitajiet tax-xogħol tagħhom;

F.  billi l-leave tal-ġenituri għandu benefiċċji fit-tul għall-iżvilupp tat-tfal; billi, fi ħdan il-qafas tal-politiki pubbliċi fis-seħħ dwar din il-kwistjoni, ir-rata ta' parteċipazzjoni tal-missirijiet fil-leave tal-ġenituri fl-Istati Membri tal-UE qed tiżdied iżda għadha baxxa, b'10 % biss tal-missirijiet li jieħdu mill-inqas jum wieħed ta' leave; billi, b'kuntrast ma' dan, 97 % tan-nisa jużaw il-leave tal-ġenituri li huwa disponibbli għaż-żewġ ġenituri;

G.  billi studji tal-Eurofound urew aspetti li jinfluwenzaw ir-rata ta' użu mill-missirijiet tal-leave tal-ġenituri, fosthom il-livell ta' kumpens, il-flessibilità tas-sistema tal-leave, id-disponibilità tal-informazzjoni, id-disponibilità u l-flessibilità tal-faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal u sa liema punt il-ħaddiema jibżgħu li jiġu iżolati mis-suq tax-xogħol meta jieħdu l-leave; billi bosta riċerkaturi(5) jissuġġerixxu, madankollu, li l-missirijiet li jieħdu l-leave tal-ġenituri jibnu relazzjoni aħjar ma' wliedhom u huma aktar probabbli li jkollhom rwol attiv f'kompiti futuri tal-indukrar tat-tfal; billi, għalhekk jeħtieġ li dawn il-kwistjonijiet jiġu indirizzati;

H.  billi l-UE kollha kemm hi qed tiffaċċja sfida demografika serja, peress li r-rati tat-twelid qegħdin jonqsu fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, u billi l-politiki tal-familja li huma ġusti għall-irġiel u n-nisa għandhom itejbu l-prospetti tan-nisa fis-suq tax-xogħol, itejbu l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u jnaqqsu d-disparitajiet bejn is-sessi fir-rigward tal-paga, il-pensjonijiet u l-qligħ tul il-ħajja u jkollhom impatt pożittiv fuq il-proċessi demografiċi;

I.  billi, skont il-Eurostat, in-numru ta' persuni li ħadu leave tal-ġenituri fl-2010 kien 3 518 600, u minn dawn 94 800 biss kienu rġiel (2,7 %); billi, skont riċerka li saret mill-Eurofound (6), id-disparità bejn is-sessi fil-parteċipazzjoni fl-impjieg twassal għal telf serju fl-ekonomiji Ewropej, li fl-2013 ammonta għal madwar EUR 370 biljun;

J.  billi l-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, għandha tniedi miżuri speċifiċi biex trawwem tip ġdid ta' organizzazzjoni tax-xogħol, permezz ta' mudelli aktar flessibbli li permezz ta' strumenti ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja jippermettu lill-ġenituri jeżerċitaw effettivament id-dritt tagħhom li jkunu ġenituri; billi dawn il-miżuri jistgħu jgħinu biex tonqos id-diskriminazzjoni kontra n-nisa u jgħinuhom jidħlu, jibqgħu u jirritornaw fis-suq tax-xogħol mingħajr l-ebda pressjoni ekonomika u soċjali;

K.  billi, minbarra li jiżgura l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-aċċess tan-nisa għall-impjieg, il-leave tal-ġenituri għandu jippermetti lill-ġenituri jwettqu r-responsabilitajiet tagħhom lejn uliedhom;

L.  billi huwa essenzjali li n-nisa jkollhom id-dritt li jirrikkonċiljaw ix-xogħol mad-drittijiet u d-dritt li jsiru ommijiet mingħajr ma jiġu ppenalizzati minħabba dan, peress li n-nisa għadhom dawk li jintlaqtu u jbatu l-aktar mid-diskriminazzjoni; billi eżempji ta' din id-diskriminazzjoni jinkludu pressjoni min-naħa tal-impjegaturi fuq nisa li jmorru għal intervisti għal impjieg li matulhom jintalbu jgħidu għandhomx tfal u l-etajiet ta' dawn it-tfal, bl-għan li jinfluwenzaw id-deċiżjonijiet tan-nisa u jagħżlu ħaddiema mingħajr tfal li huma "aktar disponibbli", flimkien ma' pressjonijiet ekonomiċi u pressjonijiet marbuta max-xogħol dejjem jikbru fuq impjegati nisa biex ma jiħdux leave tal-maternità;

M.  billi waħda mill-kwistjonijiet li jirrestrinġu lin-nisa milli jidħlu fis-suq tax-xogħol u jibqgħu hemm, hija r-responsabilità tagħhom li jieħdu ħsieb tfal b'diżabilità li mhumiex awtosuffiċjenti u li għaldaqstant huma dipendenti u/jew jappartjenu għal kategoriji u gruppi żvantaġġati;

N.  billi fejn ma hemmx dispożizzjonijiet għal leave, jew fejn dawk eżistenti huma kkunsidrati bħala insuffiċjenti, is-sħab soċjali, permezz ta' ftehimiet kollettivi, jista' jkollhom rwol importanti fl-istabbiliment ta' dispożizzjonijiet ġodda jew fl-aġġornament ta' dawk preżenti għal leave tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri;

O.  billi l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata huwa dritt fundamentali li għandu jkun inkorporat bis-sħiħ f'kull test tal-UE li jista' jkollu impatt fuq din il-kwistjoni; billi, b'mod aktar ġenerali, għandha tiġi enfasizzata l-importanza ta' ambjenti tax-xogħol li jiffavorixxu l-familja;

P.  billi l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri tal-UE diġà jikkonformaw mar-rekwiżiti minimi tad-Direttiva dwar il-Leave tal-Ġenituri (2010/18/UE) u f'ħafna Stati Membri d-dispożizzjonijiet nazzjonali jmorru lil hinn minn dawn ir-rekwiżiti;

Q.  billi l-Istati Membri għandhom jippromwovu, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat, mudelli ta' assistenza soċjali fil-livell tal-intrapriżi li jirrikjedu r-rispett għad-dritt għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

R.  billi d-differenzi fit-teħid ta' leave tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri mill-irġiel u n-nisa juru diskriminazzjoni bejn is-sessi f'dak li jikkonċerna l-indukrar tat-tfal u l-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; billi, f'bosta Stati Membri, il-miżuri li ttieħdu biex iħeġġu lill-irġiel jieħdu sehem ugwali ta' responsabilitajiet familjari ma wasslux għal riżultati sodisfaċenti;

S.  billi leave tal-ġenituri adegwat, individwali u kkompensat huwa kruċjali biex il-koppji tal-istess sess li jrabbu t-tfal ikunu jistgħu jiksbu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

T.  billi n-nisa li jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata billi jieħdu l-leave tal-ġenituri jħabbtu wiċċhom ma' stigma meta jirritornaw fis-suq tax-xogħol, liema stigma twassal għal kundizzjonijiet ta' xogħol anqas favorevoli u kuntratti prekarji;

It-traspożizzjoni tad-Direttiva

1.  Jenfasizza li d-dispożizzjonijiet neċessarji għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2010/18/UE jieħdu forom differenti fl-Istati Membri varji; jemmen, għalhekk, li t-traspożizzjoni għandha tikkonforma bis-sħiħ mal-leġiżlazzjoni fis-seħħ fil-qasam tan-negozjar kollettiv bejn is-sħab soċjali;

2.  Jemmen li, peress mhux l-Istati Membri kollha segwew l-approċċ separat jew sekwenzjali tal-UE għal-leave tal-maternità u tal-ġenituri, il-klassifikazzjoni tat-tipi differenti ta' leave fil-livell tal-UE hija diffiċli;

3.  Ifakkar li r-regolamentazzjoni żejda min-naħa tal-Istati Membri tista' żżid il-kumplessità tar-regolamentazzjoni u fir-realtà tnaqqas il-konformità; jistieden lill-Istati Membri jevitaw li jżidu l-piż amministrattiv meta jittrasponu l-leġiżlazzjoni tal-UE;

4.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan biex jipprovdu lill-Kummissjoni fi żmien raġonevoli b'tabelli ta' korrispondenza bejn id-dispożizzjonijiet tad-direttiva u l-miżuri ta' traspożizzjoni; iqis li huwa kruċjali għall-Istati Membri li jiżguraw li r-riżorsi ta' spezzjoni neċessarji jkunu fis-seħħ biex jiġi vverifikat li hemm konformità mal-leġiżlazzjoni li tipproteġi d-drittijiet tal-ġenituri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja bir-reqqa l-implimentazzjoni tad-Direttiva fl-Istati Membri, sabiex tiżgura li ma jsirx abbuż mill-adattabilità li toffri; iqis il-prinċipju ta' kondiviżjoni tal-aħjar prattiki bħala mezz utli biex jinkisbu dawn l-objettivi;

5.  Jiddispjaċih li jeżistu disparitajiet bejn il-miżuri ta' traspożizzjoni tad-Direttiva fil-qasam tal-applikazzjoni, u b'hekk jinħolqu sistemi li jibbenefikaw xi ftit jew wisq lill-ħaddiema skont, pereżempju, is-settur ta' impjieg tagħhom (fl-UE kollha is-settur pubbliku joffri aktar protezzjoni mis-settur privat u għalhekk għandu rwol ta' pijunier fil-qasam) u t-tul tal-kuntratt tagħhom; jirrakkomanda, għal dan l-għan, li jittieħdu l-miżuri kollha possibbli sabiex id-Direttiva tkun tista' tiġi implimentata b'mod korrett u b'mod uniformi, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat; jenfasizza li kulħadd, indipendentement mill-ġeneru, għandu jkun garantit id-dritt għal-leave tal-ġenituri mingħajr diskriminazzjoni, irrispettivament mis-settur tal-impjieg jew mit-tip ta' kuntratt li jkollhom il-missirijiet u l-ommijiet li jaħdmu;

6.  Jilqa' l-fatt li ċerti Stati Membri ttrasponew id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva lil hinn mill-kamp ta' applikazzjoni minimu tagħha, u għalhekk ippermettew lill-ħaddiema indipendenti, l-apprendisti, il-koppji tal-istess sess u l-ġenituri ta' tfal adottati li jibbenefidaw minn dan kollu;

7.  Jemmen bis-sħiħ li l-għoti tas-servizzi soċjali huwa kompetenza tal-Istat Membru;

8.  Jitlob lill-Istati Membri jadottaw politiki soċjali orjentati lejn il-familja li jipprevedu l-applikazzjoni tal-benefiċċji kollha inklużi fid-Direttiva fil-każ ta' soġġorn imtawwal barra mill-pajjiż minn ġenituri li qed ifittxu li jtemmu proċedura ta' adozzjoni internazzjonali;

9.  Jinnota li, aktar minn deċennju wara t-traspożizzjoni tad-Direttiva 96/34/KE mill-Istati Membri, l-iżbilanċ bejn is-sessi fit-teħid tal-leave tal-ġenituri għadu jippersisti; jinnota wkoll id-disparità kbira bejn l-Istati Membri rigward it-tul ta' żmien massimu, il-forma statutorja tal-leave tal-ġenituri u s-sistemi marbuta mal-ħlas matul il-perjodu tal-leave; jemmen li l-kwistjoni tal-ħlas matul il-leave hija kruċjali biex jiġi żgurat li l-ġenituri bi dħul baxx u l-familji b'ġenitur wieħed jibbenefikaw fuq livell ugwali mal-ġenituri kollha l-oħra; jilqa' d-diversi miżuri meħuda biex iħeġġu lill-missirijiet jieħdu l-leave tal-ġenituri; jirrikonoxxi l-valur tal-UE bħala mezz biex l-Istati Membri jiffokaw l-attenzjoni tagħhom fuq il-bżonn għall-azzjoni, u għall-iffaċilitar tal-iskambji ta' konsulenza u assistenza għal dawk l-Istati Membri li jkollhom bżonnha, partikolarment fil-qasam tad-drittijiet tal-assistenza soċjali; jemmen li l-Kummissjoni għandha tipproponi miżuri li jħeġġu lill-missirijiet jieħdu iktar leave tal-ġenituri u li l-Istati Membri għandhom jippromwovu kondiviżjoni aktar effettiva tal-aħjar prattiki f'dan il-qasam;

10.  Jinnota l-għażla ta' xi Stati Membri li jagħtu biss aċċess għad-drittijiet tal-assistenza soċjali għal perjodu iqsar mit-tul ta' żmien massimu tal-leave tal-ġenituri, u b'hekk jitnaqqas in-numru ta' ġenituri li jużaw fil-realtà dan it-tul ta' żmien massimu;

11.  Jitlob lill-Istati Membri, flimkien mal-Kummissjoni, biex jiggarantixxu li d-drittijiet tal-familja mogħtija permezz ta' politiki pubbliċi, inkluż il-leave tal-ġenituri, huma ugwali f'termini tad-drittijiet individwali u aċċessibbli bl-istess mod għaż-żewġ ġenituri, sabiex jinkoraġġuhom jiksbu bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u fl-aħjar interess ta' wliedhom; jenfasizza li dawn id-drittijiet għandhom jiġu individwalizzati kemm jista' jkun sabiex jgħinu jiksbu l-miri tar-rata ta' impjieg ta' 75 % għan-nisa u l-irġiel stabbiliti fl-Istrateġija Ewropa 2020 u biex jippromwovu l-ugwaljanza bejn is-sessi; jemmen li għandha tingħata ċerta flessibilità lill-ġenituri fl-użu tal-leave tal-ġenituri, u li fl-ebda każ m'għandu jikkostitwixxi ostakolu għall-kisba tal-miri tar-rata ta' impjieg ta' 75 % għan-nisa u l-irġiel stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020; iqis li s-sistema adottata mis-sħab soċjali għandha tippromwovi s-soluzzjoni fejn parti sinifikanti tal-leave tibqa' mhux trasferibbli; jenfasizza li ż-żewġ ġenituri għandhom jiġu trattati bl-istess mod rigward id-drittijiet għall-introjtu u t-tul ta' żmien tal-leave tal-ġenituri;

12.  Jenfasizza li l-familji bi tfal u ġenituri li jieħdu pawża mill-karriera sabiex irabbuhom ikollhom iġarrbu mhux biss telf ta' introjtu, iżda wkoll nefqa akbar u stima baxxa wisq tar-rwol tagħhom ta' ġenituri;

13.  Jinnota l-flessibilità li d-Direttiva tagħti lill-Istati Membri biex jiddefinixxu l-forom tal-leave tal-ġenituri – part-time jew full-time – u l-perjodi ta' xogħol u ta' notifika minn qabel stabbiliti bħala kundizzjonijiet għall-għoti tal-leave tal-ġenituri; jinnota li, f'xi Stati Membri, il-ħaddiema b'kuntratti mhux standard bħall-kuntratti b'terminu fiss(7) u l-kuntratti li ma jispeċifikawx il-ħinijiet tax-xogħol(8) mhux dejjem huma inklużi f'dawn il-miżuri u huwa mħasseb dwar l-abbuż ta' dawn it-tipi ta' kuntratti tax-xogħol; jinnota l-inizjattivi introdotti mill-Istati Membri biex jagħtu lill-ħaddiema kemm jista' jkun flessibilità f'dan il-qasam, filwaqt li jiżguraw li l-leave tal-ġenituri jkun marbut maċ-ċirkostanzi personali u professjonali tagħhom, iżda jemmen li l-arranġamenti kollha għandu jkollhom l-għan li jżidu l-użu tal-leave tal-ġenituri;

14.  Jinnota li r-ritorn għax-xogħol wara l-leave tal-ġenituri jista' jkun sitwazzjoni diffiċli u stressanti kemm għall-ġenituri kif ukoll għall-ulied; jistieden lill-Istati Membri jadottaw politiki dwar il-familja li jiffaċilitaw ir-ritorn bla xkiel u gradwali għax-xogħol u bilanċ ġeneralment ottimali bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, filwaqt li jqisu wkoll il-promozzjoni tat-telexogħol, ix-xogħol mid-dar u x-xogħol intelliġenti, b'tali mod li dawn il-politiki ma jimponux piż addizzjonali fuq l-impjegati;

15.  Jitlob lill-Istati Membri, huma u jagħmlu l-arranġamenti tagħhom, biex jiżguraw li l-intrapriżi jkunu jistgħu jippjanaw b'ċertezza, u jagħtu attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju f'dan ir-rigward;

16.  Jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb u ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/18/UE dwar il-kundizzjonijiet ta' eliġibilità u r-regoli dettaljati għall-għoti ta' leave tal-ġenituri għal dawk li għandhom tfal b'diżabilità jew mard serju jew fit-tul li jikkawża inkapaċità, b'kont meħud ukoll tal-aħjar prattiki fl-Istati Membri (estensjoni tal-limitu tal-età tat-tfal dwar l-eliġibilità għal leave tal-ġenituri jew leave għat-trobbija tat-tfal, aċċess eħfef għal arranġamenti ta' xogħol part-time mar-ritorn, estensjoni tat-tul ta' żmien tal-leave, eċċ.);

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkunu garantiti kundizzjonijiet favorevoli għar-ritorn għax-xogħol ta' dawk li bbenefikaw minn leave tal-ġenituri, speċjalment rigward id-dħul mill-ġdid fl-istess pożizzjoni jew f'pożizzjoni ekwivalenti jew simili, skont il-kuntratt jew it-termini ta' impjieg, il-bidliet fil-ħinijiet tax-xogħol u/jew il-proċeduri dwar ir-ritorn tagħhom għax-xogħol (inkluża l-ħtieġa għal min iħaddem biex jiġġustifika kull rifjut) u l-possibilità li jibbenefikaw minn perjodi ta' taħriġ, minn protezzjoni kontra t-tkeċċija jew trattament inqas favorevoli bħala riżultat tal-applikazzjoni jew it-teħid ta' leave għall-ġenituri, u perjodu ta' protezzjoni wara r-ritorn tagħhom ħalli jkunu jistgħu jerġgħu jidraw xogħolhom;

Lejn direttiva effettiva li tindirizza l-isfidi ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata

18.  Jinnota l-irtirar tal-Kummissjoni tal-abbozz ta' direttiva dwar il-leave tal-maternità, u l-fatt li, fil-kuntest tal-pjan direzzjonali "Bidu ġdid biex jiġu indirizzati l-isfidi ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata ffaċċjati minn familji li jaħdmu", f'dan l-istadju l-Kummissjoni m'għandhiex l-intenzjoni li tippubblika rapport finali dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-leave tal-ġenituri; jitlob lill-Kummissjoni, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tas-sussidjarjetà, biex tirritorna bi proposta ambizzjuża li effettivament se tippermetti bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

19.  Jemmen li d-diskussjonijiet politiċi għandhom jiffukaw ukoll fuq firxa ta' inizjattivi mhux leġiżlattivi bil-ħsieb li ssir azzjoni konġunta mal-Istati Membri u s-soċjetà ċivili biex jiġi enfasizzat ir-rwol tal-ġenituri u jiġi promoss bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

20.  Jemmen li għandha tiġi kkunsidrata inizjattiva mhux leġiżlattiva wiesgħa biex tippromwovi r-rikonċiljazzjoni tax-xogħol u l-ħajja tal-familja fl-Istati Membri;

21.  Jemmen, fid-dawl tan-natura sovrastanti tat-tipi differenti tal-leave tal-familja, li l-koerenza bejn id-diversi testi hija meħtieġa fil-livell tal-UE bl-involviment tas-sħab soċjali sabiex tipprovdi perspettivi taċ-ċiklu tal-ħajja tal-leave lill-familji biex jiġi promoss sehem iktar ugwali ta' responsabilitajiet ta' indukrar bejn in-nisa u l-irġiel; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tqis l-attivazzjoni tal-klawsola ta' rieżami tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-leave tal-ġenituri għal dan il-għan; jemmen li hija neċessarja leġiżlazzjoni fformulata b'mod aktar ċar li tneħħi l-kumplessità, ittejjeb il-konformità u tipproteġi lill-ħaddiema;

22.  Jistieden lis-sħab soċjali, abbażi tar-rapport tal-Kummissjoni ppubblikat fi Frar 2015, jindirizzaw in-nuqqasijiet tad-Direttiva dwar il-Leave tal-Ġenituri fil-kisba sħiħa tal-objettivi tagħha f'dak li jikkonċerna l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol, l-isfidi demografiċi u s-sehem tal-irġiel fil-kompiti tal-familja, fosthom l-indukrar tat-tfal u ta' dipendenti oħra iqis, li għandhom jittieħdu miżuri aktar effettivi biex titħeġġeġ kondiviżjoni aktar ugwali tar-responsabilitajiet tal-familja bejn l-irġiel u n-nisa;

23.  Jenfasizza li arranġamenti sodisfaċenti għal-leave tal-ġenituri huma marbuta mill-qrib ma' paga adegwata; jinnota li fejn m'hemmx dispożizzjonijiet għal-leave, jew fejn dawk eżistenti huma kkunsidrati bħala insuffiċjenti, is-sħab soċjali, permezz ta' ftehimiet kollettivi, jista' jkollhom rwol importanti fl-istabbiliment ta' dispożizzjonijiet ġodda jew fl-aġġornament ta' dawk attwali għal leave tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri; jitlob lill-Istati Membri, bi ftehim mas-sħab soċjali, biex jikkunsidraw mill-ġdid is-sistema tagħhom ta' kumpens finanzjarju għal-leave tal-ġenituri bl-għan li jintlaħaq livell li jista' jaġixxi bħala inċentiv għal livell adegwat u diċenti ta' sostituzzjoni tal-introjtu, li jħeġġeġ ukoll l-irġiel jieħdu leave tal-ġenituri lil hinn mill-perjodu ta' żmien minimu garantit mid-Direttiva;

24.  Jemmen li l-promozzjoni tal-individwalizzazzjoni tad-dritt għal-leave u ta' azzjoni pożittiva maħsuba għall-promozzjoni tal-missirijiet hija essenzjali biex tgħin tikseb rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħajja privata li tkun ibbilanċjata bejn is-sessi;

25.  Jitlob lill-Kummissjoni u lis-sħab soċjali jikkunsidraw li joffru estensjoni xierqa tat-tul ta' żmien minimu ta' leave tal-ġenituri minn erba' xhur għal mill-inqas sitt xhur biex jittejjeb il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

26.  Jenfasizza li koordinazzjoni, koerenza u aċċessibilità aħjar fis-sistemi tal-leave (tal-maternità, tal-paternità u tal-ġenituri) fl-Istati Membri jżidu r-rati ta' parteċipazzjoni u l-effiċjenza b'mod ġenerali; jenfasizza f'dan ir-rigward li direttiva tal-UE dwar leave tal-paternità ta' mhux anqas minn ġimagħtejn hija essenzjali u urġenti;

27.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi estiż il-perjodu fejn iż-żewġ ġenituri jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom għal-leave tal-ġenituri; jitlob lill-Kummissjoni u lis-sħab soċjali jżidu l-età tat-tfal li għalihom jista' jittieħed il-leave tal-ġenituri, kif ukoll jikkunsidraw li l-possibilità tal-leave tal-ġenituri għall-ġenituri ta' tfal b'diżabilità jew mard fit-tul għandha tiġi estiża lil hinn mill-età statutorja tat-tfal prevista fid-Direttiva;

28.  Jitlob lill-Istati Membri u lis-sħab soċjali jindirizzaw il-ħafna ostakoli għar-ritorn għax-xogħol wara perjodu twil ta' leave tal-ġenituri, biex b'hekk dan il-leave jitwaqqaf milli jsir nassa ta' esklużjoni mis-suq tax-xogħol; ifakkar f'dan il-kuntest li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa tista' tinkiseb biss permezz ta' ridistribuzzjoni ġusta kemm ta' xogħol imħallas u mhux imħallas kif ukoll ta' responsabilitajiet tax-xogħol, tal-familja u ta' indukrar;

29.  Jitlob lill-Istati Membri jkomplu l-isforzi tagħhom lejn konverġenza akbar fir-rigward tal-iskambju tal-aħjar prattiki fil-qasam tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, b'attenzjoni partikolari lejn il-politiki li jgħinu lill-ommijiet biex jidħlu, joqogħdu u jirritornaw fis-suq tax-xogħol u lill-missirijiet biex jieħdu sehem fil-ħajja tal-familja u li jżidu l-parteċipazzjoni tal-missirijiet fil-leave tal-ġenituri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, biex tissorvelja u tippromwovi dawn l-azzjonijiet;

30.  Jemmen li, bil-ħsieb li jinkisbu l-objettivi ta' Barċellona, flimkien ma' miżuri leġiżlattivi biex jippromwovu bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, l-Istati Membri, bl-appoġġ finanzjarju tad-diversi strumenti tal-UE, għandhom jiffokaw fuq l-introduzzjoni tal-indukrar tat-tfal pubbliku jew privat bi kwalità għolja, inklużiv, bi prezz raġonevoli u aċċessibbli, disponibbli mill-mument li l-ġenitur jirritorna fis-suq tax-xogħol, b'attenzjoni speċjali fir-rigward ta' familji foqra u f'riskju ta' esklużjoni soċjali;

31.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-għarfien tal-ġenituri dwar il-benefiċċji tal-parteċipazzjoni fi programmi ta' edukazzjoni u indukrar bikri tat-tfal għal uliedhom u għalihom stess; jitlob lill-Istati Membri jaddattaw it-tfassil u l-kriterji tal-eliġibilità ta' servizzi ta' edukazzjoni u indukrar bikri tat-tfal ta' kwalità għolja u inklużivi, fosthom servizzi tal-indukrar u l-edukazzjoni bikrija tat-tfal għal ritmi ta' xogħol li dejjem qed isiru diversi, biex b'hekk ikunu qed jgħinu lill-ġenituri jżommu l-impenji tax-xogħol jew isibu impjieg filwaqt li jkunu qed iżommu fil-mira l-aħjar interessi tat-tfal;

32.  Jemmen li approċċ integrat għall-ugwaljanza bejn is-sessi – inklużi l-politiki biex jegħlbu r-rwoli tas-sessi sterjotipati – u bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata f'inizjattivi futuri kollha tal-UE, iġib koerenza u trasparenza fil-proċess u jgħin biex jiżgura l-promozzjoni ta' bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata bbilanċjat bejn is-sessi; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu s-sensibilizzazzjoni fost is-soċjetà dwar id-drittijiet u l-azzjoni legali b'rabta mal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata;

33.  Jitlob lill-Kummissjoni tkejjel l-influwenza pożittiva tal-inizjattivi fuq it-titjib tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata bl-għan li ssir distribuzzjoni mill-ġdid tar-responsabilitajiet tal-familja, tal-indukrar u dawk domestiċi, u biex jiġu estiżi r-responsabilitajiet partikolari ta' dawk li jieħdu ħsieb it-tfal b'diżabilità, fi stat dipendenti u/jew li jagħmlu parti minn kategoriji u gruppi żvantaġġati;

o
o   o

34.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0068.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0218.
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0207.
(4) Testi adottati, P8_TA(2015)0351.
(5) http://www.oecd.org/gender/parental-leave-where-are-the-fathers.pdf
(6) https://www.eurofound.europa.eu/news/news-articles/social-policies/international-womens-day-2016-the-campaign-for-equality-continues
(7) Peter MOSS f'the 10th International Review of Leave Policies and Related Research 2014, Ġunju 2014, p. 39.
(8) https://www.cipd.co.uk/binaries/zero-hours-contracts_2013-myth-reality.pdf

Avviż legali