Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2118(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0144/2016

Testi mressqa :

A8-0144/2016

Dibattiti :

PV 12/05/2016 - 7

Votazzjonijiet :

PV 12/05/2016 - 9.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0227

Testi adottati
PDF 531kWORD 206k
Il-Ħamis, 12 ta' Mejju 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin
P8_TA(2016)0227A8-0144/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Mejju 2016 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu minn perspettiva tal-ġeneru (2015/2118(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 8, 79 u 83 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 3, 5 u 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW), b'mod partikolari l-Artikolu 6, li hu intenzjonat biex jiġġieled it-tipi kollha ta' traffikar tan-nisa u l-isfruttament tal-prostituzzjoni tan-nisa,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (ECHR),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1949 dwar is-Soppressjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin u l-Isfruttament tal-Prostituzzjoni ta' Oħrajn,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995 u d-dokumenti riżultanti sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing +5 (2000), Beijing +10 (2005) u Beijing +15 (2010) u l-konferenza ta' rieżami Beijing +20,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll dwar il-Prevenzjoni, it-Trażżin u l-Ikkastigar tat-Traffikar tal-Persuni, Speċjalment tan-Nisa u t-Tfal, u b'mod partikolari id-definizzjoni ta' traffikar tal-bnedmin internazzjonalment maqbula li tinsab fih, li jissuplimenta l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Kriminalità Organizzata Tranżnazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal dwar il-bejgħ tat-tfal, il-prostituzzjoni tat-tfal u l-pornografija tat-tfal, u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-25 Anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal(1),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Oviedo dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u l-Bijomediċina,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Aja dwar l-Adozzjonijiet,

–  wara li kkunsidra l-Kummentarju Konġunt tan-NU dwar id-Direttiva tal-UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, li tirrikjedi li tingħata protezzjoni internazzjonali lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin b'mod sensittiv għall-ġeneru,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Nru 29 tal-ILO dwar ix-xogħol furzat jew obbligatorju, li tiddefinixxi x-xogħol furzat fl-Artikolu 2 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa f'dan il-qasam,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2015/2219 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (CEPOL) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/681/ĠAI(2),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI(3),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/629/ĠAI(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE tad-29 ta' April 2004 dwar il-permess ta' residenza maħruġ lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi bnedmin jew li kienu s-suġġett ta' azzjoni għall-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti(7),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "L-istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin 2012-2016" (COM(2012)0286),

–  wara li kkunsidra dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bl-isem "Mid-term report on the implementation of the EU Strategy towards the Eradication of Trafficking in Human Beings" (Rapport ta' nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE lejn il-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin) (SWD(2014)0318),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar "L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà" (COM(2015)0185),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bl-isem "Strategic engagement for gender equality 2016-2019" (Impenn strateġiku għall-ugwaljanza bejn is-sessi 2016-2019) (SWD(2015)0278),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tas-Sitwazzjoni tal-Europol: Traffikar tal-Bnedmin fl-UE (Frar 2016),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurostat "Traffikar tal-bnedmin", edizzjoni tal-2015,

–  wara li kkunsidra l-Valutazzjoni tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew dwar l-Implimentazzjoni Ewropea tad-Direttiva 2011/36/UE maħruġa mid-Direttorat Ġenerali għas-Servizzi ta' Riċerka Parlamentari,

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar id-dimensjoni tal-ġeneru fit-traffikar tal-bnedmin, ikkummissjonat mill-Kummissjoni, 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-25 ta' Frar 2014 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-Vjolenza Fuq in-Nisa(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar l-isfruttament sesswali u l-prostituzzjoni u l-impatt tagħhom fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Ġunju 2015 dwar l-Istrateġija tal-UE għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel wara l-2015(10),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-opinjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (A8-0144/2016),

A.  billi t-traffikar tal-bnedmin huwa ksur terribbli tad-drittijiet fundamentali, kif deskritt fl-Artikolu 5(3) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, u ksur tad-dinjità umana u tal-integrità fiżika u psikoloġika tal-vittmi, u jikkawża ħsara gravi li sikwit taffettwahom għall-bqija ta' ħajjithom, kif ukoll forma serja ta' kriminalità, fil-biċċa l-kbira organizzata, xprunata mid-domanda u l-profitti għoljin, stmati għal madwar USD 150 biljun fis-sena(11), u li jimmina l-istat tad-dritt; billi d-differenzi bejn il-leġiżlazzjoni fl-Istati Membri jiffaċilitaw ħafna l-attivitajiet tal-kriminalità organizzata, għad hemm riskju baxx wisq ta' prosekuzzjoni, u s-sanzjonijiet applikati biex jiskoraġġixxu dan ir-reat huma inadegwati meta mqabbla mal-profitti potenzjalment għoljin;

B.  billi t-traffikar tal-bnedmin huwa definit fl-Artikolu 2 tad-Direttiva 2011/36/UE bħala r-reklutaġġ, it-trasport, it-trasferiment, il-kenn jew l-akkoljenza ta' persuni, inkluż l-iskambju jew it-trasferiment tal-kontroll fuq dawk il-persuni, permezz tat-theddid jew l-użu tal-forza jew forom oħra ta' ġegħil, ta' ħtif, ta' frodi, ta' qerq, tal-abbuż tal-poter jew ta' pożizzjoni ta' vulnerabilità jew tal-għoti jew tar-riċeviment ta' ħlasijiet jew benefiċċji biex jinkiseb il-kunsens ta' persuna li jkollha kontroll fuq persuna oħra, għall-fini ta' sfruttament; billi l-isfruttament għandu jinkludi, bħala minimu, l-isfruttament tal-prostituzzjoni ta' oħrajn jew forom oħra ta' sfruttament sesswali, xogħol jew servizzi furzati, inkluż is-sisija, l-iskjavitù jew prattika simili għall-iskjavitù, is-servitù jew l-isfruttament ta' attivitajiet kriminali, jew it-teħid ta' organi;

C.  billi t-traffikar tal-bnedmin jieħu ħafna forom differenti u l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jinsabu f'attivitajiet legali u illegali differenti, inklużi, imma mhux limitati għall-agrikultura, l-ipproċessar tal-ikel, l-industrija tas-sess, ix-xogħol domestiku, il-manifattura, il-kura, it-tindif, industriji oħra (partikolarment l-industriji tas-servizzi), is-sisija, il-kriminalità, iż-żwieġ furzat, l-isfruttament sesswali tat-tfal online, l-adozzjonijiet illegali u l-kummerċ ta' organi tal-bniedem;

D.  billi, kif iddikjarat mill-Kummentarju Konġunt tan-NU dwar id-Direttiva tal-UE – Approċċ Ibbażat fuq id-Drittijiet tal-Bniedem (2011), diversi aġenziji tan-NU jfakkru li għandu jiġi rikonoxxut it-traffikar kemm tal-irġiel kif ukoll tan-nisa, u għandhom jiġu indirizzati s-similaritajiet u d-differenzi fl-esperjenzi tan-nisa u l-irġiel fir-rigward tal-vulnerabilitajiet u l-vjolenzi;

E.  billi l-kriżi tar-rifuġjati attwali mmanifestat in-nuqqas ta' għodod xierqa f'livell Ewropew għall-ġlieda konġunta kontra t-traffikar tal-bnedmin, b'mod speċjali meta l-għan tiegħu jkun l-isfruttament tan-nisa u t-tfal;

F.  billi strateġija "wieħed tajjeb għal kulħadd" mhix effiċjenti u billi tipi differenti ta' traffikar, bħat-traffikar għall-isfruttament sesswali, it-traffikar għall-isfruttament ta' ħaddiema u t-traffikar tat-tfal, jeħtieġ li jiġu indirizzati b'miżuri ta' politika speċifiċi u mfassla;

G.  billi d-Direttiva 2011/36/UE (id-Direttiva) għandha tiġi mfaħħra għall-approċċ tagħha ffukat fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-vittmi, fejn il-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin huma intitolati għal ċerti drittijiet u servizzi skont id-dritt internazzjonali, irrispettivament mill-volontà jew il-kapaċità tagħhom li jipparteċipaw fi proċedimenti kriminali (skont l-Artikolu 11.3 tad-Direttiva);

H.  billi s-servizzi kollha ta' appoġġ għall-vittmi tat-traffikar għandhom isiru verament bla kundizzjoni u jiżguraw li ma jkun hemm ebda vittimizzazzjoni ulterjuri;

I.  billi t-traffikar tal-bnedmin jista', minn naħa waħda, jirriżulta mill-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali fuq livell globali u, min-naħa l-oħra, jista' jiġi aggravat ulterjorment mill-inugwaljanza ekonomika, soċjetali u edukattiva bejn in-nisa u l-irġiel;

J.  billi statistiċi reċenti juru li l-maġġoranza tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin huma nisa; billi l-ġeneru fih nnifsu ma joħloqx vulnerabilità, u hemm ħafna fatturi kontributorji li joħolqu sitwazzjoni ta' vulnerabilità għan-nisa u l-bniet, inklużi l-faqar, l-esklużjoni soċjali, is-sessiżmu u d-diskriminazzjoni;

K.  billi n-nisa u l-bniet jikkostitwixxu 80 % tal-vittmi reġistrati tat-traffikar tal-bnedmin(12), u dan jista' jkun parzjalment attribwit għall-vjolenza u d-diskriminazzjoni strutturali kontra n-nisa u l-bniet;

L.  billi d-domanda għal nisa, bniet, irġiel u subien fl-industriji tal-prostituzzjoni hija fattur ta' attrazzjoni deċiżiv għat-traffikar tal-bnedmin għall-isfruttament sesswali; u billi d-domanda għal xogħol irħis u l-inkapaċità li jiġu difiżi d-drittijiet tax-xogħol huma fatturi ta' attrazzjoni għat-traffikar tal-bnedmin għall-isfruttament ta' ħaddiema;

M.  billi t-tolleranza soċjetali tal-inugwaljanza tal-ġeneri u l-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u n-nuqqas ta' sensibilizzazzjoni pubblika tal-kwistjonijiet li jinsabu fl-isfond tat-traffikar tal-bnedmin jipperpetwaw l-ambjent permissiv għat-traffikar tal-bnedmin;

N.  billi t-tipi ta' prostituzzjoni li fihom huwa l-aktar probabbli li jinsabu vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, bħall-prostituzzjoni fit-triq, naqsu f'pajjiżi li kkriminalizzaw ix-xiri tas-sess u tal-attivitajiet li jiġġeneraw profitti mill-prostituzzjoni ta' persuni oħra;

O.  billi t-traffikar tan-nisa, l-bniet, l-irġiel u s-subien għall-isfruttament sesswali naqas fil-pajjiżi li kkriminalizzaw id-domanda, inklużi kemm it-tħaddim furzat fil-prostituzzjoni kif ukoll ix-xiri ta' servizzi sesswali;

P.  billi gruppi minoritarji u ta' immigranti bħar-Rom jikkostitwixxu għadd sproporzjonat ta' vittmi tat-traffikar tal-bnedmin bħala riżultat tal-fatt li jiġu soċjalment u ekonomikament emarġinati;

Q.  billi l-aspettattivi u d-diskriminazzjoni tal-ġeneri huma dannużi għal kulħadd, bl-irġiel inqas probabbli li jammettu li jkunu vittmi ta' sfruttament;

R.  billi l-emanċipazzjoni ekonomika u soċjali tan-nisa u tal-gruppi minoritarji tnaqqas il-vulnerabilità tagħhom biex isiru vittmi tat-traffikar tal-bnedmin;

S.  billi l-identifikazzjoni tal-vittmi tibqa' sfida, u billi, sabiex il-vittmi tat-traffikar jiġu megħjuna u t-traffikanti jitressqu l-qorti u jiġu kkundannati, l-appoġġ u l-protezzjoni lill-vittmi jeħtieġ li jiġu msaħħa, inkluż id-dritt tal-vittma li tgħix u taħdem legalment fl-Istat Membru li l-vittma tkun ġiet ittraffikata fih, kif ukoll li jittejjeb l-aċċess tal-vittmi għall-ġustizzja u l-kumpens;

T.  billi t-tfal jikkostitwixxu madwar 16 %(13) tal-vittmi reġistrati tat-traffikar tal-bnedmin, u l-bniet ikopru sa 13 %(14) , u billi huma partikolarment vulnerabbli, peress li l-vittmi li jkunu tfal jesperjenzaw ħsara gravi u dejjiema ta' natura fiżika, psikoloġika u emozzjonali;

U.  billi 70 % tal-vittmi identifikati tat-traffikar tal-bnedmin u 70 % tat-traffikanti suspettati fl-UE huma ċittadini tal-UE, u l-aktar vittmi rrapportati bl-iskop ta' sfruttament sesswali huma ċittadini tal-UE ta' ġeneru femminili mill-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant(15); billi informazzjoni statistika għandha titqies meta jiġu żviluppati sistemi ta' identifikazzjoni sabiex jiġu identifikati aħjar il-vittmi kollha tat-traffikar tal-bnedmin;

V.  billi l-maġġoranza tal-vittmi reġistrati huma nisa u bniet traffikati bi skopijiet ta' sfruttament sesswali, li flimkien jikkostitwixxu 95 % tal-vittmi traffikati għall-isfruttament sesswali(16) ; billi t-traffikar huwa forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet;

W.  billi t-traffikar tal-bnedmin huwa fenomenu kumpless transnazzjonali li jista' jiġi ttrattat b'mod effettiv biss jekk l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri jaħdmu flimkien b'mod koordinat sabiex tiġi evitata għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni mill-gruppi kriminali u mill-individwi, iżda l-enfasi jkun imqiegħed fuq l-identifikazzjoni u l-protezzjoni potenzjali u attwali tal-vittmi b'perspettiva integrata intersezzjonali; billi hemm distinzjoni ċara bejn it-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu tal-bnedmin, iżda għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-persuni li jkunu qed ifittxu asil, lir-rifuġjati, lill-migranti u lil gruppi vulnerabbli oħra, speċjalment it-tfal, il-minorenni mhux akkumpanjati u n-nisa peress li jiffaċċjaw riskji multipli u huma partikolarment vulnerabbli għall-isfruttament u l-vittimizzazzjoni ulterjuri;

X.  billi t-traffikar tal-bnedmin spiss huwa perċepit li qiegħed jiġi mwettaq biss minn gruppi kriminali organizzati, iżda fil-fatt jista' wkoll ikun qed jitwettaq mill-membri tal-familja, ħbieb, qraba, persuni f'relazzjoni ta' sentimentali u impjegaturi ordinarji tal-vittma;

Y.  billi l-maġġoranza (70 %) tat-traffikanti suspettati, mressqa l-qorti u kkundannati huma ta' ġeneru maskili, minkejja li l-perpetraturi ta' ġeneru femminili jikkostitwixxu minoranza mdaqqsa (29 %) u jista' jkollhom rwol sinifikanti fil-proċess tat-traffikar tal-bnedmin(17), speċjalment fil-każ tat-traffikar tat-tfal;

Z.  billi biex kwalunkwe leġiżlazzjoni tkun effikaċi fil-ġlieda kontra t-traffikar, trid tkun akkumpanjata b'tibdil kulturali, minn kultura ta' impunità għal kultura ta' tolleranza żero fir-rigward tat-traffikar;

AA.  billi l-vittmi sikwit ma jkollhomx l-informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u kif jeżerċitawhom b'mod effikaċi;

AB.  billi t-traffikar tal-bnedmin bħala kunċett huwa differenti mill-iskjavitù u minn diskussjonijiet usa' ta' sfruttament; billi mhux it-tipi kollha ta' sfruttament jikkwalifikaw bħala traffikar tal-bnedmin;

Valutazzjoni ġenerali tal-miżuri meħuda biex tiġi indirizzata d-dimensjoni tal-ġeneru tat-traffikar tal-bnedmin fl-implimentazzjoni tad-direttiva

1.  Jinnota li t-traspożizzjoni fil-liġijiet nazzjonali tal-Istati Membri tad-Direttiva 2011/36/UE kellha ssir sas-6 ta' April 2013, u li l-Istati Membri kollha minbarra wieħed innotifikaw lill-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni ta' din id-direttiva fil-liġi nazzjonali;

2.  Jistieden lill-Istati Membri jaċċeleraw l-infurzar sħiħ u korrett tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu;

3.  Jenfasizza li l-qafas legali u politiku tal-UE jirrikonoxxi li t-traffikar huwa fenomenu speċifiku għall-ġeneru, u jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri speċifiċi għall-ġeneru(18); ifakkar li l-Artikolu 1 tad-Direttiva jenfasizza l-ħtieġa għall-adozzjoni ta' approċċ sensittiv għall-ġeneru għat-traffikar tal-bnedmin; jenfasizza li n-nisa u l-irġiel, il-bniet u s-subien huma vulnerabbli b'modi differenti, u ta' sikwit huma traffikati għal skopijiet differenti, u għaldaqstant jeħtieġ li miżuri ta' prevenzjoni, għajnuna u appoġġ ikunu speċifiċi għall-ġeneru; jirrimarka, ulterjorment, li l-istrateġija tal-UE tidentifika l-vjolenza kontra n-nisa u l-inugwaljanzi tal-ġeneru fost il-kawżi fundamentali tat-traffikar, u tistabbilixxi ġabra ta' miżuri biex tiġi indirizzata d-dimensjoni tal-ġeneru tat-traffikar;

4.  Jinnota li l-Kummissjoni hija obbligata tippubblika għadd ta' rapporti dwar l-aspetti varji tal-implimentazzjoni tad-direttiva; jesprimi tħassib profond li dawn ir-rapporti se jaslu tard peress li dan jibgħat sinjal inkwetanti dwar il-prijoritajiet tagħhom fl-infurzar; jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-obbligi ta' rappurtar u l-kalendarju kif stabbilit fid-direttiva;

5.  Ifakkar fl-obbligu tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 23, paragrafu 1, tad-Direttiva 2011/36/UE li sa April 2015 tippreżenta rapport lill-Parlament u lill-Kunsill b'valutazzjoni tal-punt sa fejn l-Istati Membri adottaw il-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva; jissottolinja li dan il-kompitu ta' rapportar ma ġiex komplut saż-żmien stipulat;

6.  Jenfasizza li d-dimensjoni tal-ġeneru trid tiġi mmonitorjata b'mod konsistenti fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE kontra t-traffikar, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tkompli timmonitorja dan waqt il-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-Istati Membri u l-implimentazzjoni tad-Direttiva;

7.  Ifaħħar ix-xogħol tajjeb imwettaq mill-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar biex jiġu żviluppati l-għarfien u l-evidenza dwar aspetti differenti tat-traffikar tal-bnedmin, inkluża r-riċerka dwar id-dimensjoni tal-ġeneru u l-vulnerabilità partikolari tat-tfal; huwa tal-fehma, madankollu, li sabiex tiġi aċċelerata r-reazzjoni tal-UE għat-traffikar tal-bnedmin, il-mandat tal-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar jista' jiġi estiż;

8.  Jiddispjaċih li l-kapaċitajiet tal-Europol ma jintużawx bis-sħiħ fost l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri bl-għan li jiżdied il-qsim tal-informazzjoni mal-Europol sabiex ikunu jistgħu jsiru konnessjonijiet bejn investigazzjonijiet fi Stati Membri differenti u tkun tista' tinkiseb stampa ta' intelligence usa' dwar in-netwerks ta' kriminalità organizzata li huma l-aktar ta' theddida u li huma attivi fl-UE;

9.  Jilqa' l-ħolqien mill-Kummissjoni ta' paġna web kontra t-traffikar li jkun fiha bażi tad-data tal-proġetti ffinanzjati mill-UE fl-UE u kwalunkwe post ieħor, informazzjoni aġġornata dwar l-istrumenti legali u politiċi tal-UE, miżuri kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-Istati Membri, il-possibilitajiet ta' finanzjament u inizjattivi tal-UE;

10.  Jenfasizza l-importanza li jkun hemm informazzjoni ċara u konsistenti għall-vittmi u għall-persunal l-aktar espost li jista' jiġi f'kuntatt mal-vittmi, il-forzi ta' sigurtà, l-awtoritajiet ġudizzjarji, il-pulizija u s-servizzi soċjali, inkluża informazzjoni dwar drittijiet fir-rigward ta' għajnuna ta' emerġenza, trattament mediku u l-kura tas-saħħa, permessi ta' residenza, drittijiet ta' impjieg, l-aċċess għall-qrati u għal avukat, il-possibilitajiet għat-tiftix ta' rimedju, id-drittijiet speċifiċi tat-tfal, eċċ.;

11.  Jenfasizza li huwa importanti li tingħata attenzjoni akbar lill-intermedjarji tas-suq tax-xogħol, il-kuntratturi, is-sottokuntratturi u l-aġenziji tal-impjiegi, b'mod partikolari f'setturi b'riskju għoli, bħala mezz ta' prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, b'mod partikolari għall-iskop ta' sfruttament ta' ħaddiema iżda wkoll għal finijiet ta' sfruttament sesswali moħbi wara kuntratti li jagħtu x'wieħed jifhem li jkunu għal servizzi fl-industrija tal-lukandi u tal-forniment tal-ikel u tas-servizzi tal-kura personali;

12.  Jenfasizza li qafas politiku u legali tal-UE dwar it-traffikar tal-bnedmin jgħaqqad flimkien id-dimensjonijiet interni u esterni, filwaqt li jirrikonoxxi li azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin, li huwa ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem, tikkostitwixxi objettiv ċar tal-azzjoni esterna tal-UE; jenfasizza, bl-istess mod, li pajjiżi barra mill-UE huma ta' spiss il-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu għat-traffikar fl-UE u li t-traffikar bħala attività illegali transkonfinali, hija qasam importanti ta' kooperazzjoni ma' pajjiżi barra mill-Komunità; jilqa', f'dan ir-rigward, il-fatt li, fuq talba tal-Kunsill, il-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna ffurmaw pakkett ta' informazzjoni dwar l-attivitajiet imwettqa biex jiġi miġġieled it-traffikar tal-bnedmin f'pajjiżi u reġjuni ta' prijorità, kif ukoll lista ta' għodod u strumenti disponibbli għall-UE u l-Istati Membri, inklużi l-politiki esterni li jindirizzaw it-traffikar, u l-proġetti ffinanzjati mill-UE u l-Istati Membri f'dan il-qasam; jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw mal-Kummissjoni u mas-SEAE fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni;

13.  Iqis li l-persuni li jfittxu asil, ir-rifuġjati u l-migranti huma partikolarment vulnerabbli għat-traffikar u li għandha tingħata attenzjoni speċjali lit-traffikar tan-nisa, it-tfal u gruppi vulnerabbli oħra; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvestigaw ir-rabta bejn l-għadd dejjem jiżdied ta' rifuġjati li qegħdin jaslu u t-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni, inkluż fil-"hotspots" biex jiġu identifikati vittmi potenzjali u jużaw kull mezz għall-ġlieda kontra t-traffikanti u l-kuntrabandisti, anki billi jtejbu il-ġbir ta' data u jiżguraw il-konformità ma' standards eżistenti ta' protezzjoni; ifakkar fir-rwol tal-aġenziji u n-netwerks tal-UE fl-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi fil-fruntieri tal-UE u fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin, u f'dan il-kuntest jissottolinja l-ħtieġa għal kooperazzjoni akbar bejn l-Europol, l-Eurojust, l-awtoritajiet nazzjonali u l-pajjiżi terzi, u permezz tal-użu ta' ECRIS; jitlob aktar riżorsi biex l-aġenziji tal-ĠAI jippermettu l-ħatra ta' uffiċjali tal-aġenzija mħarrġa dwar kwistjonijiet sensittivi għall-ġeneru, speċjalment f'dawk l-Istati Membri li qed jiffaċċjaw żieda ta' flussi migratorji mħallta; jenfasizza li l-approċċ ġdid ta' "hotspot" deskritt fl-Aġenda dwar il-Migrazzjoni m'għandux ikun limitat għal ipproċessar rapidu u biex isir ix-xogħol b'lura, iżda għandu jinkludi komponent proporzjonat kontra t-traffikar immirat lejn ir-riferiment effikaċi ta' vittmi potenzjali;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw b'mod kritiku r-reġistrazzjoni tagħhom tar-rifuġjati u s-servizzi u l-istrutturi tal-kura rilevanti peress li dan il-grupp, b'mod partikolari l-minorenni mhux akkumpanjati, huma vulnerabbli ħafna għall-isfruttament minn gruppi kriminali u t-traffikar tal-bnedmin sussegwenti;

15.  Iqis li għandha tingħata kunsiderazzjoni akbar lis-sitwazzjoni tal-vittmi transġeneri, li sikwit iġarrbu diskriminazzjoni, stigmatizzazzjoni u theddid ta' vjolenza minħabba l-identità tal-ġeneru tagħhom; huwa tal-fehma li l-persuni transġeneri għandhom jitqiesu bħala grupp vulnerabbli, għax b'mod partikolari jinsabu f'riskju li jispiċċaw f'idejn traffikanti li ; jemmen li dan il-fattur ta' vulnerabilità għandu jitqies meta l-Istati Membri jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju individwali, sabiex jiġi żgurat li l-vittmi tat-traffikar jirċievu protezzjoni u kura xierqa; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu lill-uffiċjali li x'aktarx ikollhom kuntatt mal-vittmi jew mal-vittmi potenzjali tat-traffikar tal-bnedmin, b'taħriġ adegwat dwar l-ispeċifiċitajiet tal-vittmi transġeneri, sabiex ikunu kapaċi jidentifikawhom b'mod iktar proattiv u jadattaw is-servizzi ta' assistenza biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tagħhom;

Il-perspettiva tal-ġeneru fil-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin

16.  Jissottolinja li skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva, l-Istati Membri għandhom obbligu li jistabbilixxu mekkaniżmi sabiex jiżguraw l-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi u għajnuna u appoġġ lilhom, f'kooperazzjoni mal-organizzazzjonijiet ta' appoġġ rilevanti; jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ ibbażat fuq erba' strateġiji ewlenin: il-prevenzjoni, il-prosekuzzjoni, il-protezzjoni tal-vittmi u s-sħubija fuq diversi livelli;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jiġġieldu l-impunità, jikkriminalizzaw it-traffikar u jiżguraw li l-awturi tar-reati jitressqu l-qorti u li s-sanzjonijiet jissaħħu; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Istati Membri jirratifikaw l-istrumenti, il-ftehimiet u l-obbligi legali internazzjonali rilevanti kollha li se jagħmlu l-isforz għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bniedem aktar effettiv, koordinat u koerenti, inkluża l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Ġlieda kontra t-Traffikar tal-Bnedmin;

18.  Jitlob approċċ konsistenti għall-prosekuzzjoni ta' reati marbuta mat-traffikar tal-bnedmin, u jitlob lill-Istati Membri jagħtu spinta lill-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tagħhom; jitlob, f'dak ir-rigward, li l-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni transfruntiera mal-aġenziji rilevanti tal-UE;

19.  Ifakkar li n-nisa u t-tfal jistgħu jiġu mġiegħla jiskambjaw is-sess mal-protezzjoni, sabiex jissopravvivu, bl-għan li javvanzaw tul ir-rotta migratorja tagħhom u għas-sussistenza bażika; jissottolinja li n-nisa u t-tfal involuti f'sess għas-sopravvivenza mhumiex meqjusa bħala vittmi ta' traffikar, u għaldaqstant ma jistgħux jirċievu l-assistenza meħtieġa;

20.  Jenfasizza li, sabiex jiġi evitat it-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu tal-persuni, huwa importanti li jinħolqu rotot ta' migrazzjoni legali sikuri għal nisa u tfal (bħal viżi umanitarji); jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li huwa importanti wkoll għall-pajjiżi ta' destinazzjoni biex jiżguraw li n-nisa migranti li jkunu ngħataw residenza legali fil-pajjiżi ta' destinazzjoni jkollhom aċċess għat-tagħlim tal-lingwi u mezzi oħra ta' integrazzjoni soċjali, edukazzjoni u taħriġ b'mod partikolari, bl-għan li jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom bħala ċittadini;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu minn tekniki ta' intervisti tal-vittmi strutturati sewwa sabiex ikun hemm rikostruzzjoni preċiża tal-avvenimenti mingħajr ma, fl-istess ħin, titqiegħed pressjoni psikoloġika fuq il-vittmi li jkunu diġà imbeżżgħa u konfużi;

22.  Jenfasizza li l-isforzi kollha kontra t-traffikar għandhom jibbilanċjaw l-enfasi fuq il-prosekuzzjoni bir-responsabilità tal-protezzjoni tal-vittmi; jinnota li l-appoġġ tal-vittmi għandu rwol importanti fil-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, peress li vittmi li jkunu appoġġjati sew ikunu aktar kapaċi jirkupraw mit-trawma tal-esperjenza tagħhom u jassistu fil-prosekuzzjoni tat-trasgressuri, fil-preparazzjoni ta' programmi ta' prevenzjoni u fit-tfassil infurmat ta' politika, kif ukoll biex jevitaw li jerġgħu jiġu traffikati;

23.  Jenfasizza li l-internet għandu rwol ċentrali fil-faċilitazzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, biex b'hekk żdiedu aktar sfidi fil-ġlieda kontra din il-forma serja ta' kriminalità organizzata; jikkundanna l-fatt li, kulma jmur l-internet qiegħed jintuża dejjem aktar għar-reklutaġġ tal-vittmi kemm fl-UE kif ukoll barra mill-UE permezz ta' offerti ta' xogħol foloz, b'servizzi ta' reklamar provduti minn vittmi sfruttati, u għall-iskambju ta' informazzjoni fost in-netwerks kriminali; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-politiki rispettivi tagħhom kontra t-traffikar iqisu dan, u li l-isforzi tal-infurzar tal-liġi li jindirizzaw iċ-ċiberteknoloġiji jkollhom għarfien espert dwar il-ġeneri meħtieġ għall-prevenzjoni u għall-ġlieda effiċjenti kontra l-forom kollha ta' dan ir-reat, partikolarment dwar it-traffikar tal-bnedmin għal skopijiet ta' sfruttament sesswali; jenfasizza li teknoloġiji ġodda, il-midja soċjali u l-internet għandhom jintużaw ukoll biex jinxterdu prattiki tajba għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u biex titrawwem sensibilizzazzjoni u biex vittmi potenzjali jiġu mwissija dwar ir-riskji tat-traffikar; f'dan il-kuntest jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga ulterjorment ir-rwol tal-internet fit-traffikar tal-bnedmin u biex iżżomm lill-Parlament infurmat kif xieraq;

24.  Jiddispjaċih li l-identifikazzjoni tal-vittmi għadha waħda mill-aktar aspetti diffiċli u mhux kompluti tal-implimentazzjoni, iżda jenfasizza li dan ma jnaqqasx ir-responsabilità tal-Istati Membri biex jipproteġu lil dawn il-persuni vulnerabbli; jenfasizza li minħabba n-natura koerċittiva u qarrieqa tar-reat, huwa possibbli li l-vittmi ma jkunux kapaċi jirrikonoxxu l-vulnerabilità tagħhom stess; jenfasizza li l-fatt li l-azzjonijiet li l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin ikunu mġiegħla jwettqu huma atti kriminali f'xi Stati Membri, f'ċerti każijiet idgħajjef il-fiduċja bejn il-vittmi u l-awtoritajiet; jinnota li d-Direttiva 2011/36/UE tipprojbixxi l-kriminalizzazzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ l-Artikoli 11 sa 17 tad-Direttiva dwar il-protezzjoni u l-appoġġ tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin b'approċċ sensittiv għall-ġeneru (b'mod partikolari billi jżidu n-numru ta' rifuġji għall-vittmi u billi jsaħħu l-programmi għall-integrazzjoni mill-ġdid tal-vittmi fis-soċjetà) u jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità biex jiżguraw appoġġ u assistenza xierqa għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, inkluż fir-rigward tad-dritt ta' residenza fl-Istat Membru li fih il-vittma tkun ġiet ittraffikata u l-aċċess għas-suq tax-xogħol ta' dan l-istess Stat Membru; jenfasizza li dawn id-dispożizzjonijiet m'għandhomx ikun kundizzjonali fuq il-fatt li l-vittmi jressqu lmenti jew jikkooperaw f'investigazzjonijiet kriminali; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-iskambju tal-aħjar prattiki għall-protezzjoni tal-vittmi;

25.  Jenfasizza li l-organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) u l-individwi li jaħdmu biex jipproteġu u jgħinu lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin ma għandhom jinżammu responsabbli għall-ebda reat;

26.  Huwa kritiku ħafna tal-fatt li għadu mhuwiex reat kriminali li wieħed juża s-servizzi ta' persuni traffikati madwar l-Istati Membri kollha, iżda jirrikonoxxi d-diffikultà li tiġi ppruvata l-konsapevolezza f'kuntest ġudizzjarju, u jqis li dan ikun pass importanti fir-rikonoxximent tal-gravità ta' dan ir-reat, filwaqt li jiġi żgurat qafas reali għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u biex tinqered il-kultura tal-impunità;

27.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu pieni kriminali qawwija għar-reati tat-traffikar tal-bnedmin, l-iskjavitù moderna u l-isfruttament; u jistabbilixxu bħala reat kriminali l-att li wieħed konxjament juża s-servizzi ta' vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, inklużi vittmi tat-traffikar fil-prostituzzjoni, l-isfruttament tal-prostituzzjoni ta' oħrajn jew forom oħra ta' sfruttament sesswali, xogħol jew servizzi furzati, inklużi s-sisija, l-iskjavitù jew prattiki simili għall-iskjavitù, is-servitù jew l-isfruttament ta' attivitajiet kriminali jew it-teħid ta' organi; jinnota n-numru baxx ta' prosekuzzjonijiet u kundanni għar-reat tat-traffikar fil-livell nazzjonali;

28.  Jinnota li s-sors prinċipali ta' informazzjoni għar-reġistrazzjoni tal-vittmi hi l-Pulizija, u dan jiġbed l-attenzjoni lejn il-ħtieġa għal riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti, inkluż taħriġ immirat u speċjalizzat għall-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi, kif ukoll għal bilanċ akbar bejn is-sessi fost il-persunal; jenfasizza l-fatt li r-reġistrazzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin permezz ta' ħabsijiet u ċentri ta' detenzjoni f'xi Stati Membri juri nuqqasijiet fis-sistema u fl-għarfien tal-professjonisti involuti; jinsisti li l-Istati Membri tal-UE għandhom japplikaw b'mod effettiv leġiżlazzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin, u jenfasizza wkoll li, sabiex tittejjeb l-identifikazzjoni tal-vittmi u jiġi żviluppat fehim ta' mezzi sottili tat-traffikar, is-sistema tal-ġustizzja kriminali għandha tiffoka aktar fuq id-dinamiki ta' sfruttament kif ukoll l-applikazzjoni tal-liġi; jinnota f'dan il-kuntest li skont ir-Regolament (UE) Nru 2015/2219, is-CEPOL għandu jippromwovi fehim u rispett komuni għad-drittijiet fundamentali fl-infurzar tal-liġi, inklużi d-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi;

29.  Jitlob li l-Europol u l-forzi tal-pulizija nazzjonali jingħataw aktar prijorità u riżorsi għall-prosekuzzjoni ta' dawk li jiffaċilitaw it-traffikar tal-bnedmin, b'attenzjoni speċjali għas-sensibilizzazzjoni fost il-forzi tal-pulizija kif ukoll fost il-pubbliku ġenerali dwar forom ġodda ta' traffikar tal-bnedmin;

30.  Jistieden lill-Europol u lill-Istati Membri jsaħħu l-azzjoni tagħhom fil-ġlieda kontra r-reklutanti kemm jekk permezz ta' approċċ proattiv jew abbażi tax-xhieda ta' vittma skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva 2011/36/UE; jenfasizza li r-reklutanti jużaw varjetà ta' mezzi, inklużi n-netwerks soċjali u s-siti tal-internet (aġenziji ta' reklutaġġ online); jistieden lill-Kummissjoni tespandi l-mandat tal-Unità tal-UE ta' Indikazzjoni ta' Kontenut fuq l-Internet (IRU), tal-Europol, fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-effikaċja tal-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u l-Europol fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jenfasizza l-importanza tal-iskambju sistematiku ta' data u l-importanza li l-Istati Membri kollha jikkontribwixxu għall-bażijiet ta' data Ewropej użati għal dan l-għan, inklużi l-bażijiet ta' data tal-Europol Focal Point Phoenix u Focal Point Twins; jenfasizza l-ħtieġa li l-gwardji tal-fruntieri u l-gwardji kostali jkollhom aċċess għall-bażijiet ta' data tal-Europol;

32.  Jinnota li l-vittmi jġarrbu l-isfruttament b'modi differenti, u li metodu ta' identifikazzjoni li juża "check list" ta' indikaturi jista' jxekkel l-identifikazzjoni formali u għaldaqstant ikollu impatt fuq l-aċċess tal-vittmi għas-servizzi, għajnuna u protezzjoni;

33.  Jenfasizza li, biex tinkuraġġixxi lill-vittmi tat-traffikar biex jirrappurtaw dawn ir-reati lill-awtoritajiet u b'hekk tiffaċilita l-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi, il-liġi għandha tiġi emendata biex tagħraf il-vittmi tat-traffikar bħala detenturi tad-drittijiet f'għajnejn il-liġi; huwa tal-fehma li l-vittmi tat-traffikar għandhom ikunu intitolati għal għajnuna u protezzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata aktar setgħa lill-ħaddiema soċjali, lill-persunal mediku u lis-servizzi tal-immigrazzjoni sabiex jiddeterminaw x'jikkostitwixxi traffikar u lil min għandha tingħata assistenza u protezzjoni bil-liġi;

34.  Jitlob implimentazzjoni u monitoraġġ aħjar tal-Artikolu 8 tad-Direttiva 2011/36/EU, bl-għan li jiġu żgurati n-nonprosekuzzjoni u n-nonapplikazzjoni tas-sanzjonijiet jew il-pieni għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, u jenfasizza li dan jinkludi n-nonapplikazzjoni ta' sanzjonijiet jew penali għall-persuni li jinsabu fil-prostituzzjoni u li ma jingħatawx pieni għal dħul jew residenza irregolari fil-pajjiżi ta' tranżitu u ta' destinazzjoni.

35.  Jinnota bi tħassib l-evidenza ta' xi vittmi tat-traffikar tal-bnedmin li ġew soġġetti għal arrest u deportazzjoni minflok ma tħallew igawdu d-drittijiet tagħhom u ġew megħjuna biex igawduhom bħala vittmi u jkollhom aċċess għall-għajnuna meħtieġa, kif suppost isir skont id-Direttiva 2004/81/KE;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida bbażati fuq l-aħjar prattiki għall-iżvilupp u l-integrazzjoni tat-tagħrif espert dwar il-ġeneru fl-attivitajiet tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi madwar l-UE;

37.  Jistieden lill-Istati Membri jikkooperaw fl-iżvilupp aħjar ta' linji gwida dwar l-identifikazzjoni ta' vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, li għandhom jgħinu lis-servizzi konsulari u l-gwardjani tal-fruntiera f'dan il-kompitu;

38.  Jenfasizza l-importanza tat-"traċċar tal-flus" bħala strateġija ewlenija għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tan-netwerks tal-kriminalità organizzata li jagħmlu profitt mit-traffikar tal-bnedmin, u jistieden lill-Europol u l-Eurojust isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom fil-qasam tal-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-Istati Membri jaħdmu mill-qrib mal-Europol u bejniethom bl-għan li jinvestigaw l-aspetti finanzjarji u l-ħasil tal-flus fil-każijiet tat-traffikar tal-bnedmin; jenfasizza li l-Istati Membri għandhom isaħħu l-kooperazzjoni fl-iffriżar u l-ikkonfiskar tal-assi tal-individwi involuti fit-traffikar, peress li dan jista' jkun mezz effettiv biex jinbidel it-traffikar tal-bnedmin minn negozju "ta' riskju baxx u profitt kbir" għal wieħed "ta' riskju għoli u profitt żgħir"; jistieden lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, jużaw b'mod aktar effiċjenti l-għodod eżistenti kollha disponibbli bħalma huma r-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji, l-iskwadri ta' investigazzjoni konġunta u l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropea; jemmen li l-assi kkonfiskati tal-persuni misjuba ħatja ta' reati ta' traffikar għandhom jintużaw biex jappoġġjaw u jikkumpensaw lill-vittmi tat-traffikar; jinnota wkoll li l-fondi enormi miġbura mit-traffikar u l-isfruttament tal-bnedmin jiffinanzjaw tipi oħra ta' kriminalità serja;

39.  Jistieden lill-aġenziji tal-Ġustizzja u l-Affarijiet Interni (ĠAI) bħall-Eurojust, l-Europol, il-FRA, il-Frontex, is-CEPOL u l-EASO jiżviluppaw programm sostnut ta' titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fit-teħid tad-deċiżjonijiet rilevanti għat-traffikar; jitlob ċifri dwar il-kompożizzjoni skont il-ġeneru tal-bordijiet maniġerjali tagħhom u tal-persunal, li għandhom jiġu rilaxxati, segwiti minn diskussjonijiet mal-Istati Membri dwar il-benefiċċji ta' reklutaġġ u promozzjoni ekwi fis-servizzi tal-infurzar tal-liġi u tal-fruntieri; jitlob bl-istess mod biex programmi bħal "Female Factor" tal-Europol jinfirxu madwar l-aktar aġenziji tal-ĠAI ddominati mill-irġiel fuq bażi perjodika, u mhux fuq bażi sporadika;

40.  Ifakkar li t-taħriġ tal-professjonisti u l-uffiċjali huwa kruċjali għall-identifikazzjoni bikrija ta' vittmi potenzjali u l-prevenzjoni tar-reati; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri biex japplikaw b'mod sħiħ l-Artikolu 18(3) tad-Direttiva 2011/36/UE u jikkondividu l-aħjar prattiki, b'mod partikolari meta joħolqu programmi ta' taħriġ sensittiv għall-ġeneri għal dawk li jkollhom kuntatt ma' vittmi tat-traffikar tal-bnedmin f'kapaċità uffiċjali, inklużi uffiċjali tal-pulizija u forzi oħra tas-sigurtà, uffiċjali tal-fruntieri, imħallfin, maġistrati, avukati u awtoritajiet ġudizzjarji oħra, persunal mediku l-aktar espost, ħaddiema soċjali u konsulenti psikoloġiċi; jenfasizza li t-taħriġ għandu jinkludi l-iżvilupp ta' fehim ta' vjolenza u sfruttament ibbażati fuq il-ġeneru, id-detezzjoni tal-vittmi, il-proċess ta' identifikazzjoni formali u assistenza għall-vittmi xierqa u speċifika għall-ġeneru;

41.  Jitlob l-iżvilupp usa' u t-tixrid ta' pubblikazzjonijiet immirati biex itejbu l-għarfien fost il-professjonijiet, bħall-"Handbook for consular and diplomatic staff on how to assist and protect victims of human trafficking" (Manwal għall-persunal konsulari u diplomatiku dwar kif jiġu assistiti u protetti l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin)(19);

42.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-iżvilupp ta' relazzjonijiet fit-tul bejn l-infurzar tal-liġi, il-fornituri tas-servizzi, il-partijiet interessati varji u l-vittmi sabiex tinbena fiduċja u jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-vittmi b'mod sensittiv; jenfasizza li organizzazzjonijiet ta' appoġġ jirrikjedu finanzjament suffiċjenti għall-proġetti, u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li ħafna organizzazzjonijiet, speċjalment organizzazzjonijiet tan-nisa, jinsabu f'diffikultà minħabba tnaqqis ta' finanzjament;

43.  Jenfasizza li l-finanzjament mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri għandu jkun immirat lejn l-aktar fornituri xierqa ta' servizzi, abbażi tal-ħtiġijiet tal-vittmi, inklużi rekwiżiti speċifiċi għall-ġeneru u għat-tfal, l-għarfien espert tal-fornitur u l-kamp ta' applikazzjoni biex il-fornitur jinvolvi ruħu f'għajnuna u kura wiesgħa u fit-tul;

44.  Jistieden lill-Istati Membri jinkludu b'mod attiv is-sħab soċjali, is-settur privat, it-trade unions u s-soċjetà ċivili, b'mod partikolari l-NGOs li qed jaħdmu biex jiġġieldu kontra t-traffikar u jagħtu għajnuna lill-vittmi, fl-inizjattivi tagħhom għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, speċjalment fil-qasam tal-isfruttament tax-xogħol, inkluż fir-rigward tal-identifikazzjoni ta' vittmi u l-attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni;

45.  Jinnota li minkejja li l-isfruttament sesswali tat-tfal huwa illegali fl-Istati Membri kollha, dan ma jipprevenix it-traffikar tat-tfal għal sfruttament sesswali; Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw bis-sħiħ id-Direttiva 2011/92/UE dwar il-ġlieda kontra l-abbuż sesswali u l-isfruttament sesswali tat-tfal u l-pedopornografija, u jsaħħu l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja biex jipprevjenu u jiġġieldu l-isfruttament sesswali tat-tfal; jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, teżamina kif id-domanda għas-servizzi sesswali tixpruna t-traffikar tal-bnedmin, inkluż it-traffikar tat-tfal, u l-aħjar mod biex titnaqqas id-domanda; ifakkar, f'dan ir-rigward, fl-obbligu tal-Istati Membri li jagħtu attenzjoni speċjali lill-vittmi tat-traffikar li huma tfal, inklużi minorenni mhux akkumpanjati li jiġu minn pajjiżi terzi, u li jipprovdu protezzjoni speċjali lit-tfal fil-proċeduri kriminali, waqt li l-aħjar interessi tal-minorenni jitqiesu tal-akbar importanza f'kull ħin;

46.  Jinnota li l-ġbir tad-data dwar it-traffikar tat-tfal għandu jkun ibbażat fuq definizzjoni komuni ta' dan il-fenomenu kriminali; jinnota bl-istess mod li xi Stati Membri jikkunsidraw lit-traffikar tat-tfal bħala forma separata ta' sfruttament waqt li oħrajn jinkludu l-vittmi tfal mal-adulti, u dan qed ixekkel il-possibilità tal-ħolqien ta' stampa ta' intelligence komprensiva u d-definizzjoni tal-aħjar reazzjonijiet investigattivi fil-livell tal-UE;

47.  Jissottolinja l-obbligu tal-Kummissjoni skont l-Artikolu 23, paragrafu 2, tad-Direttiva li sal-2016 tressaq rapport li jivvaluta l-impatt ta' liġijiet nazzjonali eżistenti dwar il-kriminalizzazzjoni tal-użu konsapevoli tas-servizzi ta' vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, u l-ħtieġa għal azzjoni ulterjuri; jenfasizza li l-Kummissjoni m'għandhiex tiddependi biss fuq ir-rappurtar ta' Stat Membru, iżda għandha wkoll tivvaluta l-konformità permezz tal-involviment tas-soċjetà ċivili u korpi rilevanti oħra, bħal GRETA u r-rapporti tal-pajjiżi ppreżentati mir-Rappreżentant Speċjali tal-OSKE dwar it-Traffikar tal-Bnedmin u r-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-Traffikar u l-Forom Kontemporanji ta' Skjavitù;

48.  Jinnota n-nuqqas ta' fehim komuni fost l-Istati Membri dwar x'jikkostitwixxi d-domanda għal sfruttament u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipproponu linji gwida dwar il-piena tal-klijent ibbażati fuq il-mudell Nordiku, filwaqt li jrawmu sensibilizzazzjoni għal kull forma ta' traffikar tal-bnedmin, speċjalment għall-isfruttament sesswali, u jagħmlu viżibbli forom oħra ta' sfruttament bħas-servitù domestika;

49.  Jinnota li żieda fil-vulnerabilità ta' ċerti gruppi ta' nies tqegħedhom f'riskju partikolari li jisfaw vittmi tat-traffikar; jiddeplora, madankollu, il-fatt li t-traffikar iseħħ bħala riżultat ta' domanda għolja għal prodotti u servizzi li jiddependu fuq l-isfruttament tal-bnedmin, li hija forma ta' kriminalità organizzata li tħalli ħafna profitt;

50.  Jenfasizza d-data li tikkonferma l-effett deterrenti li l-kriminalizzazzjoni tax-xiri ta' servizzi sesswali kellu fl-Isvezja; jenfasizza l-effett normattiv ta' dan il-mudell ta' regolamentazzjoni u l-potenzjal tiegħu li jbiddel l-attitudnijiet soċjali sabiex titnaqqas id-domanda ġenerali għas-servizzi tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin;

51.  Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw b'mod sħiħ l-Artikolu 18(4) tad-Direttiva u biex jiżviluppaw strateġiji speċifiċi biex titnaqqas id-domanda għat-traffikar għal sfruttament sesswali, bħal programmi biex wieħed joħroġ miċ-ċirku tal-isfruttament u skemi li jemanċipaw u jipproteġu d-drittijiet ta' persuni fil-prostituzzjoni u jnaqqsu l-vulnerabilità tagħhom għall-isfruttament, u kampanji li jiskoraġġixxu d-domanda għas-servizzi sesswali ta' persuni traffikati, filwaqt li jinnota wkoll li r-regolamentazzjoni tal-prostituzzjoni hija kompetenza tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni teżamina ulterjorment kwalunkwe rabta bejn id-domanda għal servizzi sesswali u t-traffikar tal-bnedmin; jemmen li t-tnaqqis fid-domanda jista' jinkiseb permezz ta' leġiżlazzjoni li tneħħi r-responsabilità kriminali minn fuq dawk li jbigħu is-servizzi sesswali tal-persuni traffikati għal fuq dawk li jixtruhom;

52.  Jitlob li l-UE tagħmel viżibbli u tagħti attenzjoni lill-forom ġodda ta' traffikar u sfruttament tal-bnedmin, inklużi l-isfruttament riproduttiv u t-traffikar tat-trabi tat-twelid;

53.  Jinnota bi tħassib li huma verament ftit l-Istati Membri li ddefinixxew b'mod ċar il-programmi ta' tnaqqis tad-domanda, u li, b'mod ġenerali, dawn kienu ffukati fuq it-traffikar għall-isfruttament sesswali; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi ta' tnaqqis fid-domanda għat-tipi kollha ta' traffikar tal-bnedmin;

54.  Jinnota li ż-żwiġijiet ta' konvenjenza jistgħu jikkwalifikaw bħala traffikar tal-bnedmin taħt ċerti ċirkostanzi jekk ikun hemm element ta' forza jew ta' sfruttament, u li n-nisa u l-bniet huma aktar probabbli li jsiru vittmi;

55.  Jenfasizza li l-isforzi biex tittejjeb l-ugwaljanza bejn is-sessi jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin, u għandhom jinkludu strateġiji għall-edukazzjoni u programmi għall-emanċipazzjoni tan-nisa u l-bniet sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom fis-soċjetà u jsiru anqas vulnerabbli għat-traffikar; jistieden lill-Istati Membri biex jieħdu azzjonijiet preventivi aktar proattivi bħal kampanji ta' informazzjoni u ta' sensibilizzazzjoni, taħriġ imfassal b'mod speċifiku għall-irġiel, workshops immirati ma' gruppi vulnerabbli u attivitajiet ta' edukazzjoni fl-iskejjel, inklużi attivitajiet li jippromwovu l-ugwaljanza, il-ġlieda kontra l-isterjotipi sessisti u l-vjolenza sessista, peress li t-trattament ugwali għandu jkun objettiv tas-soċjetà kollha kemm hi;

56.  Jenfasizza l-effikaċja ta' skemi ta' sensibilizzazzjoni għall-edukazzjoni tal-konsumaturi biex jagħżlu prodotti minn korporazzjonijiet li jiżguraw katina tal-provvista ħielsa mill-iskjavitù, iżda jinnota li dan fih innifsu mhux biżżejjed biex titnaqqas id-domanda għat-traffikar tal-bnedmin;

57.  Jinnota li skont id-Direttiva 2009/52/KE, huwa diġà illegali għal min iħaddem li juża xogħol jew servizzi ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li m'għandhomx status ta' residenza legali fl-UE bl-għarfien li huma vittmi tat-traffikar tal-bnedmin; jirrikonoxxi li ċittadini tal-UE li huma vittmi tat-traffikar tal-bnedmin mhumiex inklużi taħt din il-leġiżlazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom iċ-ċittadini tal-UE li huma vittmi tat-traffikar jiġu protetti mill-isfruttament tax-xogħol u li jiġu stabbiliti s-sanzjonijiet rilevanti;

58.  Ifakkar li, skont l-Europol, madwar 10 000 tfal mhux akkumpanjati sparixxew wara l-wasla tagħhom fl-UE fl-2015 u li dawn it-tfal jistgħu jkunu vittmi ta' traffikar u esposti għal kull tip ta' sfruttament u abbuż; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ il-pakkett tal-asil u jirreġistraw it-tfal mal-wasla tagħhom sabiex jiżguraw l-inklużjoni tagħhom fis-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-qsim ta' informazzjoni sabiex jipproteġu aħjar lit-tfal migranti fl-Ewropa;

59.  Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' data dwar in-nisa u t-tfal Rom li jinsabu f'riskju li jiġu traffikati għal xogħol jew servizzi furzati, li jinkludu s-sisija; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi data dwar in-nisa u t-tfal Rom rikonoxxuti bħala vittmi tat-traffikar, kemm minnhom irċevew għajnuna għall-vittmi u f'liema pajjiżi;

60.  Jenfasizza li ż-żwieġ furzat jista' jiġi meqjus bħala tip ta' traffikar tal-bnedmin jekk ikun fih element ta' sfruttament tal-vittma u jistieden lill-Istati Membri kollha jinkludu din id-dimensjoni; jenfasizza li l-isfruttament jista' jkun sesswali (vjolazzjoni konjugali, prostituzzjoni furzata jew pornografija furzata) jew ekonomiku (xogħol domestiku furzat jew sisija furzata) u li ż-żwieġ furzat jista' jkun l-għan finali tat-traffikar (il-bejgħ tal-vittma għaż-żwieġ jew l-ikkuntrattar taż-żwieġ b'ġegħil); jenfasizza li huwa diffiċli għall-awtoritajiet biex jidentifikaw dan it-tip ta' traffikar, peress li jsir fil-privat; jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu servizzi ta' rifuġju xierqa lil dawn il-vittmi; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward;

61.  Jinsab imħasseb dwar il-fenomenu dejjem jikber tas-solleċitazzjoni sesswali; jirrimarka li l-vittmi sikwit jinsabu f'sitwazzjoni ta' dipendenza emozzjonali b'riżultat li x-xogħol investigattiv jiġi mxekkel minħabba li mhux faċli jiġu identifikati bħala vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u spiss jirrifjutaw li jixhdu kontra n-nies li jkunu qed jissolleċitawhom sesswalment; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ l-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu rifuġju speċifiku għal dawn il-vittmi u jiżguraw li s-servizzi tal-infurzar tal-liġi u dawk ġudizzjarji jirrikonoxxu l-istatus tagħhom ta' vittmi, u dan b'mod partikolari jekk huma minorenni, sabiex jiġi evitat li jiġu stigmatizzati minħabba "imġiba devjanti";

Id-dimensjoni tal-ġeneru tal-għajnuna u l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi

62.  Jesprimi tħassib li mhux il-vittmi kollha jkunu jistgħu jaċċedu għas-servizzi faċilment jew li jkunu konxji tagħhom; jenfasizza li m'għandux ikun hemm diskriminazzjoni fl-aċċess għas-servizzi;

63.  Jinnota li l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jeħtieġu servizzi speċjalizzati, inkluż l-aċċess għal akkomodazzjoni sikura fuq perjodu qasir u fit-tul, skemi ta' protezzjoni tax-xhieda, kura tas-saħħa u konsulenza, servizzi ta' traduzzjoni u interpretazzjoni, rimedji legali, kumpens, aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż it-tagħlim tal-lingwa tal-pajjiż ta' residenza tagħhom, l-impjieg, l-integrazzjoni (mill-ġdid), medjazzjoni familjari u assistenza għal risistemazzjoni, u li dawn is-servizzi għandhom ikunu individwalizzati ulterjorment każ b'każ, b'kunsiderazzjoni speċifika mogħtija lill-kwistjoni tal-ġeneru;

64.  Jenfasizza li d-dimensjoni tal-ġeneru tat-traffikar tal-bnedmin tinvolvi obbligu biex l-Istati Membri jindirizzawha bħala forma ta' vjolenza kontra n-nisa u l-bniet; jenfasizza l-fatt li għandha tingħata aktar attenzjoni għad-dinamika ta' sfruttament u għall-ħsara emozzjonali u psikoloġika fit-tul li tkun assoċjata ma' dan; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija Ewropea għall-ġlieda kontra l-vjolenza sessista, li tinkludi proposta leġiżlattiva dwar il-vjolenza kontra n-nisa li tinkludi t-traffikar tal-bnedmin;

65.  Jenfasizza x-xogħol siewi mwettaq minn għadd ta' servizzi tal-gvern u tas-soċjetà ċivili bl-identifikazzjoni ta' vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u bl-għoti ta' għajnuna u appoġġ lill-vittmi, minkejja li dan ix-xogħol mhuwiex imwettaq b'mod konsistenti madwar l-Istati Membri jew fir-rigward tat-tipi differenti ta' traffikar tal-bnedmin;

66.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġi żgurat finanzjament adegwat għal NGOs indipendenti u rifuġji speċifiċi għall-ġeneru biex jissodisfaw b'mod adegwat il-ħtiġijiet fil-punti kollha tal-perkors tal-vittma fil-pajjiżi ta' destinazzjoni kif ukoll għall-ħidma preventiva fil-pajjiżi ta' oriġini, tranżitu u destinazzjoni rilevanti;

67.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu hotlines fejn il-vittmi tat-traffikar u l-isfruttament tal-bnedmin ikunu jistgħu jċemplu biex ifittxu assistenza u parir; jinnota li tali hotlines kienu ta' suċċess f'oqsma oħra bħar-radikalizzazzjoni u l-ħtif tat-tfal;

68.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw l-għoti ta' servizzi speċifiċi għall-ġeneru lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin li jkunu xierqa għall-ħtiġijiet tagħhom, li jirrikonoxxu l-ħtiġijiet li jistgħu ikunu speċifiċi għall-forma ta' traffikar li għaliha jkunu ġew soġġetti; jenfasizza li waqt li l-maġġoranza tal-vittmi huma nisa u bniet, għandu jkun hemm servizzi speċjalizzati għall-vittmi tal-ġeneri kollha;

69.  Jenfasizza li bosta vittmi ta' sfruttament sesswali jiġu ddrogati bl-għan li jinżammu fi stat ta' dipendenza fiżika u psikoloġika; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri jipprovdu programmi ta' appoġġ speċjalizzati għal dawn il-vittmi u jirrikonoxxu dan l-element bħala ċirkostanza aggravanti fir-reazzjoni tagħhom ta' ġustizzja kriminali għat-traffikar tal-bnedmin;

70.  Jenfasizza li l-effett kumulattiv tat-tipi differenti ta' diskriminazzjoni abbażi tal-orjentazzjoni sesswali jew l-identità tal-ġeneru jagħmel lill-persuni LGBTI partikolarment vulnerabbli għat-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw il-ħtiġijiet uniċi tal-persuni LGBTI; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan ir-rigward;

71.  Jissottolinja l-importanza li l-Istati Membri kollha jirrikonoxxu b'mod sistematiku d-dritt ta' nisa vittmi tat-traffikar tal-bnedmin għal aċċess għal servizzi ta' abort sikur meta t-tqala tkun riżultat tal-isfruttament tagħhom;

72.  Hu tal-fehma li l-Artikolu 11(5) tad-Direttiva 2011/36/UE għandu jiġi estiż sabiex jintroduċi għajnuna maħsuba għall-integrazzjoni futura (tagħlim tal-lingwa, familjarizzazzjoni mal-kultura u l-komunità, eċċ.) fejn iċ-ċirkostanzi tal-vittmi jippermettulhom jagħżlu li jieħdu permess ta' residenza;

73.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li ċittadini tal-UE u ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar huma intitolati għal permessi ta' residenza;

74.  Jinnota li l-istatus ta' residenza legali irregolari ma teskludix persuna milli tkun vittma tat-traffikar tal-bnedmin, u li għaldaqstant tali vittmi għandu jkollhom l-istess drittijiet bħall-oħrajn; jistieden lill-Istati Membri ma jħalltux il-kwistjonijiet tal-migrazzjoni u tat-traffikar tal-bnedmin, waqt li jenfasizza l-prinċipju tal-inkondizzjonalità tal-għajnuna stabbilit fid-direttiva;

75.  Jistieden lill-Istati Membri kollha sabiex jiggarantixxu b'mod effettiv id-drittijiet tal-vittmi u jitlob li l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE tiġi analizzata fid-dawl tad-disposizzjonijiet tad-Direttiva 2012/29/UE; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu għajnuna legali mingħajr ħlas, assistenza u rappreżentanza legali, appoġġ psikololġiku u mediku, u informazzjoni dwar id-drittijiet ta' assistenza u kura tas-saħħa, inkluż id-dritt għal abort għal vittmi ta' sfruttament sesswali, għal dawk kollha li jidentifikaw lilhom infushom, jew jissodisfaw għadd xieraq ta' kriterji għall-identifikazzjoni, bħala vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, biex jgħinuhom jaċċedu għad-drittijiet tagħhom, għal kumpens u/jew rimedju legali; jenfasizza li l-awtoidentifikazzjoni qatt ma għandha tkun l-uniku rekwiżit għall-aċċess għad-drittijiet u s-servizzi għall-vittmi;

76.  Jistieden lill-Istati Membri jqiegħdu l-għajnuna legali għad-dispożizzjoni tal-vittmi tat-traffikar mhux biss fi proċedimenti kriminali, iżda wkoll fi proċedimenti ċivili, tax-xogħol jew tal-immigrazzjoni/l-asil li jkunu involuti fihom;

77.  Jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu ż-żmien itwal meħtieġ biex persuna tirkupra mill-ħsara tat-traffikar għal skopijiet ta' sfruttament sesswali, meta mqabbel maż-żmien meħtieġ biex persuna tirkupra minn tipi oħra ta' traffikar, biex jiġu deċiżi l-parametri tal-appoġġ tal-vittmi; jitlob li l-miżuri ta' protezzjoni offruti lill-vittmi traffikati għal sfruttament sesswali jiġu estiżi, sabiex titnaqqas il-ħsara, għall-prevenzjoni ta' traffikar mill-ġdid u ta' vittimizzazzjoni sekondarja u biex f'kull każ jipprovdu għall-ħtiġijiet individwali;

Valutazzjoni ta' miżuri oħra sensittivi għall-ġeneru meħuda fl-implimentazzjoni tad-Direttiva

78.  Jenfasizza li kwalunkwe obbligu biex il-vittmi jipparteċipaw fil-prosekuzzjoni tat-traffikanti jista' jkun ta' dannu; jenfasizza li f'approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem, tali obbligu m'għandux ikun kundizzjoni għall-aċċess għas-servizzi;

79.  Jissottolinja li l-vittmi kollha tat-traffikar tal-bnedmin għandhom sistematikament jiġu infurmati dwar il-possibilità li jibbenefikaw minn perjodu ta' rkupru u riflessjoni, u għandhom effettivament jiġu mogħtija tali perjodu; jiddispjaċih li f'xi Stati Membri dawn id-drittijiet ġew trasposti biss f'liġijiet tal-migrazzjoni u għalhekk ma japplikawx għall-vittmi kollha tat-traffikar tal-bnedmin, iżda biss għal dawk li jinsabu f'sitwazzjoni irregolari; ifakkar li dawn id-drittijiet għandhom jingħataw lil vittmi kollha tat-traffikar tal-bnedmin;

80.  Ifakkar li, skont id-Direttiva 2004/81/KE, l-Istati Membri huma obbligati jippermettu perjodu ta' riflessjoni u rkupru għall-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-Istati Membri, biex meta jiddeterminaw it-tul ta' dan il-perjodu, iqisu l-Artikolu 13 tal-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar azzjoni kontra t-traffikar tal-bnedmin u biex jestendu l-perjodu minimu ta' 30 ġurnata għall-perjodu ta' rkupru u riflessjoni inkluż f'din il-Konvenzjoni għall-vittmi traffikati għal skopijiet ta' sfruttament sesswali, minħabba l-ħsara sinifikanti u fit-tul ikkawżata minn din il-forma ta' vjolenza;

81.  Jinnota li l-Istrateġija attwali tal-UE lejn l-Eradikazzjoni tat-Traffikar tal-Bnedmin se tintemm fi tmiem l-2016, u jistieden lill-Kummissjoni tevalwa l-istrateġija attwali u tintroduċi mudell ġdid li jsegwi approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem li jiffoka fuq il-vittmi, jinkludi dimensjoni ċara ta' ġeneru u jinkludi azzjonijiet konkreti f'dan ir-rigward, tindirizza l-prevenzjoni b'mod adegwat u effikaċi, u tkompli tiskoraġġixxi d-domanda li trawwem il-forom kollha ta' traffikar; jitlob li din l-istrateġija tkun integrata u tiġi magħmula koerenti ma' oqsma ta' politika oħra, bl-għan li tiżgura l-implimentazzjoni effettiva ta' miżuri kontra t-traffikar, inkluż, iżda mhux limitat għas-sigurtà, l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-migrazzjoni, iċ-ċibersigurtà u l-infurzar tal-liġi;

82.  Ifaħħar dawk l-Istati Membri li stabbilixxew mekkaniżmi nazzjonali ta' rappurtar effettivi u rapporteurs nazzjonali, u jistedinhom jiżguraw li dawn il-miżuri jkollhom ir-riżorsi adegwati u jkunu indipendenti sabiex iwettqu l-kompiti tagħhom bl-aħjar mod possibbli;

83.  Jistieden lill-Istati Membri jaħtru, bl-għan li jivvalutaw l-istrateġiji u l-attivitajiet tagħhom u jtejbu l-isforzi għall-ġlieda kontra t-traffikar, rapporteur nazzjonali indipendenti li jkollu id-dritt legali li jidher quddiem il-parlament nazzjonali u jagħmel rakkomandazzjonijiet dwar kif l-aħjar jiġi miġġieled it-traffikar tal-bnedmin;

84.  Jistieden lill-Istati Membri jiġbru data aktar dettaljata u aġġornata billi tinġabar informazzjoni statistika affidabbli miġbura mill-atturi ewlenin kollha, billi jiżguraw li d-data hija omoġenja u diżaggregata skont il-ġeneru, l-età, it-tip ta' sfruttament (f'sottogruppi ta' tipi ta' traffikar tal-bnedmin), il-pajjiż tal-oriġini u tad-destinazzjoni, u bl-inklużjoni ta' persuni traffikati internament, sabiex jiġu identifikati aħjar il-vittmi potenzjali u għall-prevenzjoni tal-kriminalità; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-kondiviżjoni tad-data sabiex jivvalutaw aħjar id-dimensjoni tal-ġeneru u x-xejriet reċenti tat-traffikar tal-bnedmin u jiġġieldu t-traffikar b'mod aktar effettiv; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li rapporteurs nazzjonali jkollhom rwol aktar sinifikanti fil-koordinazzjoni ta' inizjattivi ta' ġbir tad-data, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili attivi f'dan il-qasam;

85.  Jinnota li minkejja d-definizzjoni ċara tat-traffikar tal-bnedmin mogħtija fid-Direttiva, għadd ta' definizzjonijiet differenti ġew adottati fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni twettaq riċerka dwar dan u tirraporta dwar xi jfissru fil-prattika dawn id-differenzi fid-definizzjoni għall-applikazzjoni tad-Direttiva; jenfasizza l-importanza ta' ċarezza kunċettwali sabiex ikun evitat taħlit ma' kwistjonijiet relatati iżda separati;

86.  Jinnota li, b'mod ġenerali, il-partijiet interessati jikkonfermaw li l-maġġoranza l-kbira tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin ma jiġux identifikati; jirrikonoxxi li t-traffikar ta' ċerti gruppi vulnerabbli bħal żgħażagħ, tfal u persuni b'diżabilità u persuni LGBTI (li jkunu bla dar), ġie pjuttost traskurat; jenfasizza l-importanza ta' titjib fil-ġbir tad-data biex jissaħħu l-isforzi ta' identifikazzjoni tal-vittmi fir-rigward ta' dawn il-gruppi u l-iżvilupp tal-aħjar prattika fl-indirizzar tal-ħtiġijiet speċifiċi ta' dawn il-vittmi;

87.  Jenfasizza li, sabiex jitjiebu l-isforzi għall-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin fl-Unjoni Ewropea, l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jivvalutaw bir-reqqa l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE fl-Istati Membri, u jieħdu miżuri leġiżlattivi u oħrajn ulterjuri, jekk ikun meħtieġ;

88.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida standardizzati, inkluża l-protezzjoni tad-data, għall-ġbir tad-data għall-korpi rilevanti, bħall-infurzar tal-liġi, is-servizzi tal-fruntieri u tal-immigrazzjoni, is-servizzi soċjali, l-awtoritajiet lokali, il-ħabsijiet, l-NGOs u kontributuri oħra;

89.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li tingħata prijorità akbar lill-ġlieda kontra t-traffikar fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (COM(2015)0240), sabiex tiffaċilita l-involviment tal-vittmi fil-prosekuzzjoni tat-traffikanti;

90.  Jistieden lill-Kummissjoni tindirizza l-abbuż tal-impjieg indipendenti fl-impjieg ta' ħaddiema migranti f'xi Stati Membri tal-UE sabiex jiġu evitati l-istandards lokali tax-xogħol u l-obbligi tal-impjieg, waqt li tirrikonoxxi li l-impjieg indipendenti fittizju ta' sikwit jintuża f'oqsma tax-xogħol tal-migranti l-aktar suxxettibbli għat-traffikar;

91.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni reġjonali dwar it-traffikar tal-bnedmin tul rotot magħrufa, bħal mil-Lvant lejn l-UE, permezz tal-użu tal-Istrument għall-Istabilità u r-responsabilità kontinwa li għaddejja tal-pajjiżi kandidati;

92.  Jitlob li l-UE tipprovdi, permezz tal-Eurostat, stimi dwar in-numru ta' vittmi tat-traffikar tal-bnedmin, reġistrati jew xort' oħra, f'konformità mal-mudell ġenerali segwit minn organizzazzjonijiet bħalma huma l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni (IOM), l-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti kontra d-Droga u l-Kriminalità (UNODC) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO);

93.  Jistieden lill-Istati Membri jinkludu l-prinċipju ta' non-refoulement fid-direttivi tagħhom kontra t-traffikar, fuq l-eżempju tal-Protokoll tan-NU dwar it-Traffikar u l-Konvenzjoni dwar it-Traffikar tal-Kunsill tal-Ewropa u skont l-obbligi tal-istati skont id-dritt internazzjonali dwar ir-rifuġjati u d-dritt internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem;

94.  Iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jmexxu riċerka dwar l-aktar tendenzi u forom ġodda ta' traffikar tal-bnedmin, inkluża l-influwenza li jista' jkollha l-kriżi migratorja attwali fuq it-traffikar tal-bnedmin, bl-għan li l-iżviluppi l-ġodda jiġu indirizzati b'rispons adegwat u mmirat;

95.  Jitlob li l-Kummissjoni tipproduċi analiżi tar-rabtiet bejn tipi differenti ta' traffikar u r-rotot bejniethom fir-rapport li jmiss dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2011/36/UE, billi l-vittmi spiss jiġu sfruttati b'modi differenti fl-istess ħin jew jimxu minn tip ta' traffikar għal ieħor; u li tippromwovi riċerka kontinwa dwar il-kawżi ewlenin tat-traffikar tal-bnedmin u l-impatt tagħhom fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri;

96.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtieġa li jiġi rieżaminat il-mandat tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew futur sabiex ladarba jiġi stabbilit, jinkludi setgħat biex jindirizza t-traffikar tal-bnedmin;

97.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex, filwaqt li tqis li l-Konvenzjoni ta' Istanbul hija għodda effettiva sabiex tipprevjeni u tiġġieled kontra l-vjolenza fuq in-nisa, inkluż it-traffikar, tipproteġi u tgħin lill-vittmi u tippromwovi r-ratifikazzjoni tal-Konvenzjoni mill-Istati Membri;

o
o   o

98.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1) Testi adottati, P8_TA(2014)0070.
(2) ĠU L 319, 4.12.2015, p. 1.
(3) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 57.
(4) ĠU L 101, 15.4.2011, p. 1.
(5) ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24.
(6) ĠU L 348, 24.12.2008, p. 98.
(7) ĠU L 261, 6.8.2004, p. 19.
(8) Testi adottati, P7_TA(2014)0126.
(9) Testi adottati, P7_TA(2014)0162.
(10) Testi adottati, P8_TA(2015)0218.
(11) Stimi tal-ILO għall-2014, Profits and poverty the economics of forced labour (Profitti u faqar, l-ekonomija tax-xogħol furzat).
(12) Rapport tal-Eurostat "Trafficking in human beings" (Traffikar tal-bnedmin), edizzjoni tal-2015.
(13) Idem.
(14) Idem.
(15)3 Europol, Rapport tas-Sitwazzjoni: Traffikar tal-Bnedmin fl-UE (Frar 2016).
(16) Rapport tal-Eurostat, 2015.
(17) Idem.
(18) "Rapport ta' nofs it-terminu dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-UE lejn il-qerda tat-traffikar tal-bnedmin" (SWD(2014)0318), paġna 9.
(19) https://ec.europa.eu/anti-trafficking/publications/handbook-consular-and-diplomatic-staff-how-assist-and-protect-victims-human-trafficking_en.

Avviż legali