Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2043(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0182/2016

Testi mressqa :

A8-0182/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 26/05/2016 - 6.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0229

Testi adottati
PDF 361kWORD 87k
Il-Ħamis, 26 ta' Mejju 2016 - Brussell Verżjoni finali
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: applikazzjoni EGF/2015/010 FR/MoryGlobal
P8_TA(2016)0229A8-0182/2016
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta' Mejju 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentata minn Franza – EGF/2015/010 FR/MoryGlobal) (COM(2016)0185 – C8-0136/2016 – 2016/2043(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0185 – C8-0136/2016),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) ("ir-Regolament dwar il-FEG"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar id-dixxiplina baġitarja, dwar il-kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0182/2016),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassistihom fir-riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ("il-FEG");

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex tiġi stabbilita l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi Franza ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2015/010 FR/MoryGlobal għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara li ngħataw xi sensji mis-settur ekonomiku li huwa kklassifikat fit-Taqsima 49 ta' NACE Reviżjoni 2 (Trasport bl-art u transport permezz ta' sistemi ta' katusi) kif ukoll fit-Taqsima 52 (Magazzinaġġ u attivitajiet ta' sostenn għat-trasport) madwar Franza kontinentali, u billi 2 123 ħaddiem li ngħataw is-sensja u li huma eliġibbli għal kontribuzzjoni mill-FEG huma mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri; billi t-talba ssegwi l-likwidazzjoni ġudizzjarja ta' MoryGlobal u hija ta' segwitu għall-applikazzjoni EGF/2014/017 FR/Mory-Ducros;

E.  billi l-applikazzjoni ġiet ippreżentata skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, li jirrekjedi li jrid ikun hemm mill-inqas 500 ħaddiem li ngħataw is-sensja matul perjodu ta' referenza ta' erba' xhur f'impriża fi Stat Membru, inklużi ħaddiema li ngħataw is-sensja minn fornituri u produtturi downstream u / jew persuni li jaħdmu għal rashom li ntemmet l-attività tagħhom;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG huma ssodisfati, u li għalhekk Franza għandha dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 5 146 800 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 8 528 000;

2.  Jinnota li l-Kummissjoni osservat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni mill-awtoritajiet Franċiżi, fid-19 ta' Novembru 2015, sabiex tlesti l-valutazzjoni tagħha dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti tal-kontribuzzjoni finanzjarja, fis-7 ta' April 2016, u li l-valutazzjoni tagħha ġiet notifikata lill-Parlament dakinhar stess;

3.  Iqis li s-sensji minn MoryGlobal huma marbuta mat-tnaqqis ġenerali tal-produzzjoni fiżika fl-Ewropa, li wassal għal tnaqqis fil-volum ittrasportat u taqtigħa tal-prezzijiet fis-settur tat-trasport tal-merkanzija bit-triq, liema fatturi rriżultaw f'deterjorament kostanti fil-marġnijiet operattivi u sensiela ta' telf għas-settur fi Franza sa mill-2007, segwiti b'mewġa ta' fallimenti, inkluż dak ta' Mory-Ducros u aktar tard ta' MoryGlobal, li impjegat mill-ġdid 2 107 ħaddiem li kienu jaħdmu ma' Mory-Ducros;

4.  Jirrimarka li l-appoġġ mill-FEG għall-2 513 ħaddiem li kien jaħdmu ma' Mory-Ducros, li ġie approvat f'April 2015(4), jammonta għal EUR 6 052 200;

5.  Jinnota li, sal-lum, is-settur tat-trasport fuq l-art u tat-trasport permezz tal-pipelines kien soġġett għal żewġ applikazzjonijiet oħra għall-FEG: l-applikazzjoni EGF/2014/017 FR/Mory-Ducros, u l-applikazzjoni EGF/2011/001 AT/Nieder- und Oberoesterreich, it-tnejn li huma bbażati fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, li jirrigwardaw 2 804 sensja f'dan is-settur; jinnota li bosta miżuri f'dawn iż-żewġ applikazzjonijiet huma simili;

6.  Jinnota l-fatt li l-awtoritajiet Franċiżi bdew jipprovdu s-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fit-23 ta' April 2015, qabel id-deċiżjoni dwar l-għoti ta' appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost;

7.  Jilqa' l-fatt li Franza stabbiliet pjan soċjali, li fih il-kumpanija MoryGlobal tipparteċipa wkoll b'mod finanzjarju, qabel ma tikseb il-kontribuzzjoni supplementari mill-FEG; japprezza li l-għajnuna mitluba mill-FEG ma tinkludix miżuri li jaqgħu taħt l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG, jiġifieri l-allowances, iżda hija orjentata lejn miżuri b'valur miżjud reali għar-riintegrazzjoni futura fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja;

8.  Jinnota li s-servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG li għandhom jingħataw jikkonsistu minn pariri u gwida mogħtija minn tim ta' konsulenti esperti, li se jingħataw flimkien mal-pjan soċjali u mal-Contrat de Sécurisation Professionnelle ffinanzjati mill-Istat Franċiż biex jgħinu lill-ħaddiema jerġgħu jsibu impjieg. jinnota li t-tliet kuntratturi li joperaw it-tim ta' konsulenti huma l-istess li qed jipprovdu s-servizzi lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn Mory-Ducros; jistenna li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet Franċiżi jsegwu strettament il-prinċipju li skontu l-pagamenti lill-aġenziji jridu jsiru abbażi tar-riżultati miksuba;

9.  Jinnota li kuntratturi (BPI, Sodie u AFPA Transitions) għandhom jassistu lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja u jgħinuhom isibu soluzzjonijiet biex jibqgħu fis-suq tax-xogħol u jsibu impjiegi ġodda, permezz ta' servizzi personalizzati bħal sessjonijiet ta' informazzjoni kollettivi u individwali, tranżizzjoni bejn l-impjiegi u akkumpanjament lejn impjiegi ġodda;

10.  Iqis li l-ħaddiema li għandhom bejn il-55 u l-64 sena jinsabu f'riskju ogħla ta' qgħad fit-tul u li jiġu esklużi mis-suq tax-xogħol, b'effett possibbli ta' esklużjoni soċjali; iqis, għalhekk, li dawn il-ħaddiema, li jirrappreżentaw aktar minn 19 % tal-benefiċjarji li huma mistennija li jkunu fil-mira tal-azzjonijiet proposti, għandhom esiġenzi speċifiċi meta jiġu pprovduti b'approċċ personalizzat skont l-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG;

11.  Jinnota li Franza indikat li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mar-rappreżentanti tal-benefiċjarji fil-mira u tas-sħab soċjali;

12.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-ħiliet li ser ikun hemm bżonn fil-futur fis-suq tax-xogħol, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija sostenibbli u effiċjenti fl-użu tar-riżorsi; jilqa' l-fatt li Franza tat il-garanziji kollha meħtieġa li l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali li flimkien jammontaw għal miżura kombinata li tilqa' għall-isfidi globali sabiex jinkiseb tkabbir ekonomiku sostenibbli kif enfasizzat fil-Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni 2007-2014(5);

13.  Jinnota li l-kuntratturi li jmexxu t-tim ta' konsulenti huma l-istess li qegħdin jipprovdu servizzi lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn Mory-Ducros; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi evalwazzjoni tal-kosteffikaċja tal-appoġġ li qiegħed jingħata lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn Mory-Ducros, peress li din l-applikazzjoni ssegwi l-applikazzjoni EGF/2014/017FR/Mory-Ducros, u s-servizzi personalizzati huma pprovduti mill-istess kuntratturi;

14.  Iqis is-sensittività speċifika tas-suq tax-xogħol peress li Franza għandha l-ikbar sehem tal-valur miżjud tal-UE28 tas-settur tas-servizzi tat-trasport fuq l-art;

15.  Jinnota li l-awtoritajiet Franċiżi jikkonfermaw li l-azzjonijiet proposti ma jirċevux appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u li huma komplementari għall-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali;

16.  Itenni li l-għajnuna mill-FEG takkumpanja l-mizuri nazzjonali u ma għandhiex tieħu post azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri jew tal-kumpaniji;

17.  Japprezza l-proċedura mtejba stabbilita mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota l-pressjoni mil-lat ta' ħin li jġib miegħu l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-każijiet;

18.  Ifakkar fl-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

19.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(4) Deċiżjoni (UE) 2015/738 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni EGF/2015/017 FR/Mory-Ducros ippreżentata minn Franza) (ĠU L 117, 8.5.2015, p. 47).
(5) http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/IDAN/2016/558763/EPRS_IDA(2016)558763_EN.pdf


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

(applikazzjoni minn Franza – EGF/2015/010 FR/MoryGlobal)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2016/989.)

Avviż legali