Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2317(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0165/2016

Testi mressqa :

A8-0165/2016

Dibattiti :

PV 06/06/2016 - 12
CRE 06/06/2016 - 12

Votazzjonijiet :

PV 07/06/2016 - 5.9
CRE 07/06/2016 - 5.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0246

Testi adottati
PDF 468kWORD 132k
It-Tlieta, 7 ta' Ġunju 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Rapport 2015 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp
P8_TA(2016)0246A8-0165/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar ir-Rapport 2015 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp (2015/2317(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 208 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea li jsostni mill-ġdid li l-Unjoni għandha tqis l-objettiv tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-implimentazzjoni tal-politiki li x'aktarx jolqtu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea li jiddikjara li l-azzjoni tal-Unjoni fix-xena internazzjonali għandha tkun iggwidata mill-prinċipji li ispiraw il-ħolqien, l-iżvilupp u t-tkabbir tagħha, u li tipprova tippromwovi fil-bqija tad-dinja: id-demokrazija, l-istat ta' dritt, l-universalità u l-indiviżibilità tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u r-rispett għall-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti u d-dritt internazzjonali.

–  wara li kkunsidra l-paragrafi 9 u 35 tad-dikjarazzjoni konġunta tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fil-Kunsill, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni ta' Diċembru 2005 bit-titolu 'Il-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp'(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet suċċessivi tal-Kunsill, ir-rapporti biennali tal-Kummissjoni u r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament assoċjati mal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, u b'mod partikolari r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2014 dwar ir-Rapport 2011 tal-UE dwar il-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp(2),

–  wara li kkunsidra l-ħames rapport biennali tal-Kummissjoni dwar il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, partikolarment id-Dokument ta' Ħidma tagħha dwar il-Koerenza tal-Politika għall-Iżvilupp, ippubblikat f'Awwissu 2015 (SWD(2015)0159),

–  wara li kkunsidra l-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata waqt is-Summit dwar l-Iżvilupp Sostenibbli tan-NU fi New York fl-2015(3), li jinkludi mira li "tissaħħaħ il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli" (il-mira 17.14),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' eżitu tar-Raba' Forum ta' Livell Għoli dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna ta' Diċembru 2011 dwar Sħubija għall-Kooperazzjoni Effettiva għall-Iżvilupp,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8–0165/2016),

A.  billi l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-ħames rapport biennali tal-KE dwar il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, adottat f'Ottubru 2015, enfasizzaw li l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp ser tkun parti importanti mill-kontribut tal-UE lejn il-kisba tal-għan usa' tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli;

B.  billi l-adozzjoni ta' Aġenda ta' Żvilupp Sostenibbli għall-2030 tippreżenta sfida ġdida għall-kisba tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp, peress li tistabbilixxi sett uniku u universali ta' għanijiet ta' żvilupp applikabbli għal kulħadd;

C.  billi l-UE trid tkun ta' eżempju fil-promozzjoni tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp;

D.  billi 1,5 biljun persuna għadhom jgħixu fil-faqar bi privazzjoni fil-qasam tas-saħħa, l-edukazzjoni u l-istandards tal-għajxien; billi l-maġġoranza ta' dawn huma nisa;

E.  billi l-ispazju fiskali tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw huwa mrażżan de facto mir-rekwiżiti tal-investituri globali u mis-swieq finanzjarji; billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw qed joffru bosta inċentivi u eżenzjonijiet fiskali biex jattiraw jew iżommu lill-investituri, u dawn qed iwasslu għal kompetizzjoni fiskali dannuża u għal "ġirja lejn l-aktar livell baxx";

F.  billi l-UE għandha responsabilità diretta u storika fin-negozjati tagħha mal-pajjiżi sħab;

G.  billi l-qafas Ewropew attwali tal-iżvilupp huwa nieqes minn mekkaniżmi effettivi biex jevitaw u jirremedjaw l-inkoerenzi li jirriżultaw mill-politiki mmexxija mill-Unjoni;

Il-koerenza tal-politika għall-iżvilupp fil-qafas tal-Aġenda 2030

1.  Itenni li l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp hija element prinċipali biex titwettaq u tinkiseb l-aġenda l-ġdida tal-iżvilupp sostenibbli; jitlob li tittieħed azzjoni proattiva bbażata fuq fehim komuni tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp; jindika li l-approċċ ibbażat fuq id-drittijiet tal-bniedem għandu jwassal għal fehim aktar profond tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, billi jekk ma jiġux indirizzati l-ostakli għall-kisba tad-drittijiet ma jista' jkun hemm l-ebda progress lejn l-iżvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar; huwa tal-fehma li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp għandha tikkontribwixxi għall-istabbiliment tal-istat tad-dritt, għal istituzzjonijiet imparzjali u biex tiġi ttrattata l-isfida ta' governanza tajba fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

2.  Jiddispjaċih li, għalkemm il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp kienet approvata fid-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-NU(4), it-Trattat ta' Lisbona u l-Forum ta' Busan dwar l-Effikaċja tal-Għajnuna(5), ftit li xejn sar progress dwar l-implimentazzjoni konkreta tagħha;

3.  Jitlob li fl-UE jsir dibattitu dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fil-qafas tal-Aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030 u s-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli universali u indiviżibbli tagħha, sabiex nifhmu aħjar kif il-kunċett jista' jaqbel mal-kunċett aktar universali tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli;

4.  Ifakkar li l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli japplikaw kemm għall-pajjiżi żviluppati kif ukoll għal dawk li qed jiżviluppaw u li l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli għandhom jiġu integrati b'mod komprensiv fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE kemm fil-livell intern kif ukoll fil-livell estern; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati proċessi ta' governanza li jippromwovu l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fil-livell globali, u jitlob li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tiddaħħal bħala kwistjoni ewlenija fid-dibattiti tal-UE dwar il-politiki li jmiss dwar l-Istrateġija Globali l-ġdida u l-QFP;

Il-mekkaniżmi ta' koerenza tal-politiki għall-iżvilupp

5.  Jitlob li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tiġi diskussa fil-laqgħa tal-Kunsill Ewropew sabiex jitrawwem dibattitu interistituzzjonali li jinvolvi lill-Kummissjoni, lis-SEAE, lill-Kunsill, u lill-Parlament, kif ukoll dibattitu fil-livell nazzjonali;

6.  Jipproponi li, bi tħejjija għal dak is-summit, il-Kummissjoni u s-SEAE jindirizzaw rakkomandazzjonijiet konkreti lill-kapijiet ta' stat u ta' gvern tal-UE dwar mekkaniżmi effettivi ta' operazzjonalizzazzjoni tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp u ta' integrazzjoni tal-istrateġiji tal-UE sabiex jiġu implimentati aħjar l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli, u dwar kif għandhom jiġu definiti b'mod aktar ċar ir-responsabilitajiet ta' kull istituzzjoni tal-UE biex jintlaħqu l-impenji tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; jemmen li dan il-proċess għandu jkun trasparenti u inklużiv kemm jista' jkun, billi jinvolvi lill-gvernijiet lokali u reġjonali, lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lil gruppi ta' riflessjoni;

7.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' grupp ta' Kummissarji involuti fir-relazzjonijiet esterni; jitlob li jsir rappurtar regolari dwar il-ħidma ta' dan il-grupp mill-VP/RGħ lill-Kumitat għall-Iżvilupp;

8.  Iqis li l-mekkaniżmi ntużaw minn xi delegazzjonijiet tal-UE biex jipprovdu feedback lill-Kummissjoni dwar ir-Rapport għall-2015 tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp għandhom jiġu estiżi għad-delegazzjonijiet kollha tal-UE, u li dan għandu jsir eżerċizzju annwali; jistieden lid-delegazzjonijiet tal-UE jiżguraw li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tkun fl-aġenda tal-laqgħat bilaterali u laqgħat tal-assemblej konġunti rispettivi, kif ukoll tal-laqgħa annwali tal-Kapijiet tad-Delegazzjonijiet tal-UE fi Brussell;

9.  Jilqa' l-pakkett ta' Regolamentazzjoni Aħjar, li ġie adottat mill-Kummissjoni fid-19 ta' Mejju 2015; jilqa' wkoll il-fatt li l-koerenza tal-politika għall-iżvilupp tissemma b'mod speċifiku bħala rekwiżit legali fl-Istrument 30 tal-Linji Gida għal Regolamentazzjoni Aħjar (COM(2015)0215);

10.  Jiddispjaċih mill-fatt li għalkemm il-valutazzjonijiet tal-impatt jirrappreżentaw għodda importanti għall-kisba tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, il-valutazzjonijiet ta' impatti tal-iżvilupp għadhom ftit u ma jindirizzawx kif jixraq l-impatt potenzjali fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jittama li l-Pakkett ta' Regolamentazzjoni Aħjar u l-Linji Gwida tiegħu se jtejbu din is-sitwazzjoni billi jqisu l-iżvilupp u d-drittijiet tal-bniedem fil-valutazzjonijiet tal-impatt kollha u billi jsaħħu t-trasparenza; Jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta b'mod sistematiku lill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem fi stadju bikri tal-proċess tat-tfassil tal-politiki u biex idaħħal fis-seħħ salvagwardji u mekkaniżmi aktar b'saħħithom sabiex jinħoloq bilanċ aħjar tar-rappreżentanza tal-partijiet ikkonċernati; jilqa' l-konsultazzjoni pubblika dwar il-pjan direzzjonali, li toffri opportunitajiet għall-partijiet ikkonċernati esterni, inklużi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw u s-soċjetà ċivili, biex jagħtu l-opinjonijiet tagħhom u jipparteċipaw b'mod attiv; jemmen li jeħtieġ li jsiru valutazzjonijiet ex-post aktar sistematiċi matul l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE;

11.  Jemmen li għandu jkun hemm enfasi akbar fuq koordinazzjoni istituzzjonali, sew jekk hi bejn l-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll mal-Istati Membri; Jistieden lill-gvernijiet tal-Istati Membri jintegraw il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp f'att legalment vinkolanti u jiddefinixxu pjan ta' azzjoni għal koerenza politika għall-iżvilupp sostenibbli biex joperazzjonalizzawha; iqis li l-parlamenti nazzjonali għandhom jiġu involuti aktar bis-sħiħ fl-aġenda tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, fil-kuntest tal-kapaċità tagħhom li jirresponsabilizzaw lill-gvernijiet tagħhom u jiskrutinizzaw il-progress f'dan il-qasam;

12.  Jenfasizza r-rwol importanti li għandu jkollu l-Parlament fil-proċess tal-promozzjoni tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp billi jagħtiha l-prijorità fl-aġendi tiegħu, iżid l-għadd ta' laqgħat bejn il-kumitati u bejn il-parlamenti relatati mal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, jippromwovi skambji ta' fehmiet dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp mal-pajjiżi sħab, u jrawwem id-djalogu mas-soċjetà ċivili;

13.  Jinnota li xi Stati Membri stabbilixxew mekkaniżmu effettiv ta' koordinazzjoni interministerjali b'mandat speċifiku dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli; jitlob lill-Istati Membri jsegwu u jiskambjaw l-aħjar prattiki li diġà ġew adottati minn Stati Membri oħra;

14.  Jinnota li l-ipprogrammar konġunt huwa għodda ta' suċċess għall-ippjanar koerenti ta' attivitajiet ta' kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE; jilqa' l-fatt li dan jinkludi l-attivitajiet bilaterali tal-Istati Membri fil-pajjiżi sħab, iżda jiddispjaċih li fil-passat ma rnexxilniex norbtu l-azzjoni tal-UE mal-attivitajiet tal-Istati Membri, u dan wassal għat-telf ta' opportunitajiet għall-isfruttament ta' sinerġiji;

15.  Jirrikonoxxi li l-implimentazzjoni korretta tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp ser tirrikjedi livell adegwat ta' riżorsi u persunal; iħeġġeġ li l-punti fokali tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fil-ministeri nazzjonali u fid-delegazzjonijiet tal-UE għandhom jingħataw ir-riżorsi meħtieġa biex jistabbilixxu strateġiji nazzjonali u Ewropej dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp;

16.  Jenfasizza r-rwol essenzjali li jaqdu l-parlamenti nazzjonali fl-implimentazzjoni tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp sostenibbli billi jiżguraw l-impenji politiċi, il-monitoraġġ u l-involviment tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jirċievu skrutinju perjodiku, u billi jiskrutinizzaw ir-rapporti dwar il-valutazzjonijiet tal-impatt mill-gvernijiet;

17.  Ifakkar fil-proposta tiegħu li jkun hemm mekkaniżmu indipendenti fl-Unjoni li jirċievi l-ilmenti mill-persuni jew il-komunitajiet milquta mill-politiki tal-Unjoni; jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-Kumitat għall-Iżvilupp tal-Parlament Ewropew u tar-rapporteur permanenti tiegħu għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp biex iwasslu t-tħassib espress mill-membri tal-pubbliku jew mill-komunitajiet milquta mill-politiki tal-UE;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tinvesti aktar riżorsi f'analiżi bbażata fuq l-evidenza dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; jistieden lill-Kummissjoni tidentifika l-inkoerenzi mingħajr dewmien u tipproduċi analiżi tal-ispejjeż tagħhom, kif ukoll biex tiżviluppa mekkaniżmi ta' monitoraġġ u traċċar tal-progress adegwat dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tinkludi fl-analiżi tagħha proposti dwar kif għandhom jiġu evitati u indirizzati l-inkoerenzi bejn il-politiki differenti; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tittejjeb ir-referenza għall-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fid-dokumenti ta' pprogrammar;

19.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fil-kuntest tar-reviżjoni tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp u tad-diskussjonijiet dwar il-futur tal-ftehim ta' wara Cotonou;

L-oqsma prijoritarji

Il-migrazzjoni

20.  Jirrikonoxxi li l-UE qed tiffaċċja l-akbar kriżi tar-refuġjati mit-Tieni Gwerra Dinjija 'l hawn; jenfasizza li t-tisħiħ tar-rabta bejn il-migrazzjoni u l-politiki ta' żvilupp hi essenzjali biex jiġu indirizzati l-kawżi oriġinali ta' dan il-fenomenu; jemmen li l-UE għandha tuża l-għodod kollha għad-dispożizzjoni tagħha biex tindirizza l-kriżi, inklużi strumenti ta' sigurtà u dawk diplomatiċi; jenfasizza li r-reazzjoni għall-kriżi tar-refuġjati m'għandhiex tiffoka biss fuq kwistjonijiet ta' sigurtà u li l-objettivi ta' żvilupp għandhom jiġu integrati aħjar sabiex il-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni ssir kompatibbli ma' dawk li jfittxu li jnaqqsu l-faqar; jenfasizza li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp tirrappreżenta parti importanti mill-politika l-ġdida tal-UE dwar il-migrazzjoni; jilqa' l-adozzjoni ta' Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (COM(2015)0240), li tiżviluppa reazzjoni komprensiva għall-kriżi; jemmen li l-implimentazzjoni tagħha għandha tiġi akkumpanjata minn azzjonijiet konkreti biex tingħata spinta għall-iżvilupp ekonomiku, politiku u soċjali u l-governanza tajba fil-pajjiżi ta' oriġini; jenfasizza l-importanza tar-rimessi bħala sors ta' finanzjament għall-iżvilupp; Jenfasizza l-importanza tal-ftehimiet tal-Istati Membri ma' pajjiżi terzi biex jiġi ffaċilitat il-moviment bla periklu u l-mobilità tal-ħaddiema internazzjonali; iqis li l-programmi u l-baġits ta' għajnuna għall-iżvilupp m'għandhomx jintużaw għal finijiet ta' kontroll tal-migrazzjoni; jenfasizza li kwalunkwe politika ta' migrazzjoni komuni teħtieġ tiffoka fuq rotot legali lejn l-Ewropa u fuq l-akkoljenza tal-migranti;

21.  Jenfasizza li l-UE teħtieġ aktar armonizzazzjoni tal-politiki dwar il-migrazzjoni u l-asil, kemm fl-Unjoni nnifisha kif ukoll mas-sħab internazzjonali tagħha; jissuġġerixxi li politika ta' migrazzjoni u asil tassew effikaċi u olistika għandha tintegra bis-sħiħ il-politiki interni u esterni tal-UE, b'mod partikolari fl-istrutturi ta' ħidma tal-UE; jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata politika unika ta' asil u immigrazzjoni komuni; jitlob li jkun hemm approċċ inklużiv biex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni li jkun marbut mill-qrib mal-iżvilupp sabiex tinkiseb soluzzjoni sostenibbli għall-kriżi attwali tal-migrazzjoni; ifakkar li n-nisa u l-bniet li huma refuġjati jew migranti huma partikolarment vulnerabbli għall-vjolenza u l-isfruttar sesswali u li l-perspettiva tal-ġeneru għandha tkun integrata fil-politika tal-migrazzjoni tal-UE;

22.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri tagħha biex, bil-għan li jsaħħu l-koerenza bejn il-politika ta' migrazzjoni u dik ta' żvilupp, ma jirrappurtawx l-ispejjeż tar-refuġjati bħala għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp, għax dan ikollu kost tal-għażla enormi askapitu ta' programmi ta' żvilupp li jindirizzaw b'mod effettiv il-kawżi bażiċi tal-migrazzjoni;

Il-kummerċ u l-finanzi

23.  Jenfasizza li l-UE u l-Istati Membri tagħha flimkien għadhom l-akbar donaturi tal-Għajnuna għall-Kummerċ fid-dinja (EUR 11,7 biljun fl-2013 – SWD(2015)0128); jissuġġerixxi li l-għajnuna tal-UE għall-kummerċ trid ukoll timmira li ttejjeb il-pożizzjoni tal-produtturi fqar, il-kooperattivi, l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, tiffaċilita d-diversifikazzjoni tas-swieq domestiċi, ittejjeb l-ugwaljanza tan-nisa, u żżid l-integrazzjoni reġjonali u t-tnaqqis tal-inugwaljanza fl-introjtu; jilqa' l-għan tal-Kummissjoni li tiffoka aktar fuq id-dispożizzjonijiet relatati mal-iżvilupp ta' ftehimiet kummerċjali; ifakkar fl-impenn tal-Istati Membri li jagħmlu sforzi konkreti biex jilħqu l-mira ta' 0,7 % tal-PNG bħala għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif ukoll fir-rakkomandazzjonijiet tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi/Kumitat ta' Għajnuna għall-Iżvilupp (OECD/DAC) li tintlaħaq element medju ta' għotja tat-total tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp totali ta' 86 %; jenfasizza li l-ftehimiet kummerċjali għandhom jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli, id-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-korruzzjoni fid-dinja kollha;

24.  Ifakkar li l-liberalizzazzjoni tal-kummerċ mhuwiex fih innifsu pożittiv għall-qerda tal-faqar, peress li jista' jkollu effetti negattivi fuq l-iżvilupp sostenibbli;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-għajnuna tal-UE għall-kummerċ fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u biex tagħti dettalji tal-ammonti u s-sorsi tal-finanzjament allokat, kemm fil-Kapitolu 4 tal-baġit tal-UE kif ukoll fil-FEŻ; huwa tal-fehma li tali rapport jipprovdi bażi soda għar-rapporti tal-UE dwar il-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, li għandhom jiġu ppubblikati kull sentejn;

26.  Ifakkar li l-mira 17.15 tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tirrikonoxxi l-ħtieġa li jiġi rrispettat l-ispazju politiku ta' kull pajjiż għall-qerda tal-faqar u l-iżvilupp sostenibbli; itenni d-dritt tal-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw li jirregolaw l-investiment sabiex jiżguraw obbligi u dmirijiet għall-investituri kollha, inklużi l-investituri barranin, bil-għan li jiġu protetti d-drittijiet tal-bniedem, l-impjieg u l-istandards ambjentali;

27.  Jilqa' l-progress li sar minn meta ġie stabbilit il-Patt dwar is-Sostenibilità tal-Bangladexx, u jitlob lill-Kummissjoni tespandi oqfsa vinkolanti biex tkopri setturi oħra; Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, testendi r-responsabilità soċjali korporattiva u l-inizjattivi dwar id-diliġenza dovuta li jikkumplimentaw ir-regolament eżistenti tal-UE dwar l-injam jew li jikkonċernaw ir-regolament propost tal-UE dwar il-minerali ta' kunflitt għal setturi oħra, biex b'hekk tiżgura li l-UE u n-negozjanti u l-operaturi tagħha jonoraw l-obbligu li jirrispettaw kemm id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll l-ogħla standards soċjali u ambjentali;

28.  Ifakkar li l-politika ta' investiment tal-UE, speċjalment fil-każ ta' fondi pubbliċi, trid tikkontribwixxi għat-twettiq tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; ifakkar fil-bżonn li jiżdiedu t-trasparenza u r-responsabilità tal-istituzzjonijiet ta' finanzjament tal-iżvilupp sabiex jiġu intraċċati u mmonitorjati b'mod effettiv il-flussi, is-sostenibilità tad-dejn u l-valur miżjud fir-rigward tal-proġetti ta' żvilupp sostenibbli tagħhom;

29.  Ifakkar fir-rwol uniku tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp fil-kisba ta' riżultati effettivi ta' żvilupp; jitlob li jiġu protetti l-fokus fuq l-iżvilupp u n-natura tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp, inkluża sistema ta' rappurtar trasparenti u responsabbli; ifakkar li l-għajnuna mhux vinkolanti hija kundizzjoni neċessarja biex jingħataw opportunitajiet lill-atturi soċjoekonomiċi tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, bħal kumpaniji lokali jew esperti tal-għajnuna teknika, u jirrakkomanda li tingħata spinta lill-użu tas-sistemi ta' akkwist tal-pajjiż li qed jiżviluppaw għall-programmi ta' għajnuna b'appoġġ għal attivitajiet ġestiti mis-settur pubbliku bil-għan li jissaħħaħ is-settur privat lokali;

30.  Ifakkar, madankollu, li l-għajnuna waħidha mhijiex biżżejjed; jemmen li jridu jitqiesu sorsi innovattivi u diversifikati ta' finanzjament, bħal taxxa fuq it-tranżazzjonijiet finanzjarji, taxxa tal-karbonju, imposta fuq il-biljett tal-ajru, kirjiet minn riżorsi naturali, eċċ., u li dawn għandhom jiġu allinjati mal-prinċipji tal-effikaċja tal-iżvilupp; jemmen li għandha tissaħħaħ il-koerenza bejn il-finanzjament pubbliku, privat, internazzjonali u dak domestiku; jirrikonoxxi, f'dan ir-rigward, ir-rwol essenzjali tas-settur privat; jenfasizza li huwa importanti li jinħolqu l-kundizzjonijiet adegwati għall-intrapriżi privati fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u jiġi promoss l-istabbiliment ta' oqfsa politiċi u legali li jiffaċilitaw l-użu tal-kontijiet bankarji u l-ħolqien ta' infrastrutturi diġitali;

31.  Jemmen li l-politika kummerċjali tal-UE trid tqis ir-realtajiet u s-sitwazzjoni tal-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, kif ukoll id-dritt tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw li jistabbilixxu l-istrateġiji ta' żvilupp tagħhom stess; Jenfasizza li ftehimiet kummerċjali u ta' investiment konklużi mill-UE u l-Istati Membri tagħha ma għandhomx jikkompromettu, direttament jew indirettament, l-objettivi ta' żvilupp jew il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż sħab; ifakkar li l-kummerċ ġust u regolat b'mod xieraq bi qbil mar-regoli tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ jista' jkollu l-potenzjal għal żvilupp; jilqa' l-inklużjoni ta' kapitoli dwar il-kummerċ komprensiv u l-iżvilupp sostenibbli fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment kollha;

32.  Jistieden lill-UE tistabbilixxi qafas adatt biex jiġi indirizzat kif il-korporazzjonijiet jintegraw id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali; jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha jkomplu jimpenjaw ruħhom b'mod attiv fil-ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU sabiex jirresponsabilizzaw lill-kumpaniji għall-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem;

33.  Jappoġġja sistema fiskali effiċjenti, ġusta u trasparenti skont il-prinċipji ta' governanza tajba; jilqa' l-pakkett ta' miżuri dwar it-trasparenza tat-taxxa ppreżentat mill-Kummissjoni fit-18 ta' Marzu 2015 u l-Pakkett kontra l-Evitar tat-Taxxa ppreżentat fit-28 ta' Jannar 2016, inkluża l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar strateġija esterna biex tiġi promossa governanza fiskali tajba internazzjonalment; jenfasizza l-importanza li titwettaq valutazzjoni tal-impatt u analiżi tal-effetti konsegwenzjali tal-leġiżlazzjoni fiskali l-ġdida tal-UE, sabiex jiġu evitati l-impatti negattivi fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw; ifakkar li l-mobilizzazzjoni tar-riżorsi domestiċi permezz tat-tassazzjoni hija l-aktar sors importanti ta' introjtu għall-finanzjament pubbliku tal-iżvilupp sostenibbli; iħeġġeġ lill-UE tappoġġja lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-bini tal-kapaċitajiet fl-oqsma tal-amministrazzjoni tat-taxxa, il-governanza finanzjarja u l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, u fil-ġlieda kontra l-flussi finanzjarji illegali; jistieden lill-UE tiżgura li l-korporazzjonijiet iħallsu t-taxxi fil-pajjiżi fejn jiġi estratt jew jinħoloq il-valur minnhom; jenfasizza, għalhekk, ir-responsabilità tal-UE li tippromwovi u toperazzjonalizza globalment il-prinċipju tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp fil-kwistjonijiet dwar it-taxxa; iħeġġeġ lill-UE, f'dan ir-rigward, biex tippermetti l-pajjiżi li qed jiżviluppaw ikunu jistgħu jipparteċipaw fuq livell indaqs fir-riforma globali tar-regoli internazzjonali eżistenti dwar it-taxxa;

34.  Iqis li l-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali għall-ġlieda kontra l-flussi finanzjarji illegali u l-evażjoni tat-taxxa, u jistieden lill-UE tinkoraġġixxi aktar kooperazzjoni internazzjonali dwar kwistjonijiet ta' taxxa; jistieden lill-UE tiżgura trattament ġust taċ-ċittadini tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw meta tkun qed tinnegozja trattati dwar it-taxxa skont il-Mudellta' Konvenzjoni dwar it-Tassazzjoni Doppja tan-NU , filwaqt li titqies is-sitwazzjoni partikolari tagħhom u tiġi żgurata distribuzzjoni ġusta tad-drittijiet tat-tassazzjoni; jilqa' l-impenji li saru waqt il-Konferenza ta' Addis Adaba dwar il-Finanzjament għall-Iżvilupp, li saret f'Lulju 2015, bħar-reviżjoni tal-finanzi għall-iżvilupp multilaterali u l-Inizjattiva Fiskali ta' Addis li tfittex li tgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jibnu s-sistemi ta' riżorsi domestiċi tagħhom; jistieden lill-UE tagħmel użu sħiħ mill-Mudell ta' Konvenzjoni Fiskali tal-OECD, li jinkludi dispożizzjoni fakultattiva għall-assistenza fil-ġbir tat-taxxa;

35.  Jitlob li ssir valutazzjoni tal-impatt tas-sussidji tal-prezz fuq l-esportazzjonijiet, it-tariffi u l-ostakli kummerċjali għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

36.  Ifakkar li l-isforzi biex jiġi żgurat l-aċċess għall-materja prima mill-pajjiżi li qed jiżviluppaw ma jridux jipperikolaw l-iżvilupp lokali u l-qerda tal-faqar, iżda għandhom pjuttost jappoġġjaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex isarrfu l-ġid minerali tagħhom fi żvilupp reali;

Is-sigurtà alimentari

37.  Jenfasizza li l-kisba ta' sigurtà alimentari dinjija se titlob l-introduzzjoni tal-koerenza tal-politika għall-iżvilupp fil-livelli kollha, b'mod partikolari jekk għandhom jintlaħqu l-miri aktar ambizzjużi tal-Aġenda 2030, jiġifieri li jinqered il-ġuħ u li jintemmu l-forom kollha ta' nutrizzjoni ħażina; jemmen li l-UE għandha tippromwovi l-istabbiliment ta' oqfsa regolatorji robusti bi kriterji ċari li jipproteġu d-drittijiet u s-sigurtà alimentari tal-persuni vulnerabbli;

38.  Jistieden lill-UE tevalwa sistematikament l-impatt tal-politiki agrikoli, kummerċjali u enerġetiċi tal-UE, fost fatturi oħra – bħall-politiki dwar il-bijofjuwil – fuq is-sigurtà alimentari fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u fuq l-għajxien tal-persuni l-aktar vulnerabbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tkompli tikkonċentra fuq il-kooperattivi, l-azjendi agrikoli ta' daqs mikro, żgħir u medju u l-ħaddiema agrikoli, u tippromwovi prattiki sostenibbli u agroekoloġiċi b'konformità mal-konklużjonijiet tal-Għarfien, ix-Xjenzi u t-Teknoloġiji Agrikoli għall-Iżvilupp (IAASTD), ir-rakkomandazzjonijiet tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel, u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli; ifakkar fil-ħtieġa li jkun żgurat li l-varar tal-miżuri tal-PAK ma jipperikolax il-kapaċità tal-produzzjoni tal-ikel u s-sigurtà tal-ikel fuq medda twila ta' żmien tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li kwistjonijiet sostantivi ta' koerenza politika u impatt għandhom jiġu indirizzati fil-monitoraġġ kontinwu tal-qafas ta' politika tal-UE għas-sigurtà alimentari (COM(2010)0127); jenfasizza li l-UE għandha tappoġġja l-istabbiliment tal-industriji tal-ipproċessar fis-settur agrikolu u t-titjib tat-tekniki għall-ħżin tal-ikel; ifakkar fl-importanza li jitqies l-impatt tal-ftehimiet dwar is-sajd fuq is-sigurtà alimentari tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-ħtif tal-art billi jappoġġjaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-implimentazzjoni tagħhom fil-livell nazzjonali tal-Linji Gwida Volontarji tan-NU dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti;

Is-Saħħa

39.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw fil-baġit ta' finanzjament tagħhom jipprijoritizzaw l-istabbiliment ta' sistemi tas-saħħa sodi, il-bini ta' infrastrutturi tas-saħħa sostenibbli u l-provvediment ta' servizzi bażiċi u kura ta' kwalità; jistieden lill-UE tappoġġja l-istabbiliment ta' kopertura universali tas-saħħa li tiggarantixxi l-mutwalizzazzjoni tar-riskji tas-saħħa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

It-tibdil fil-klima

40.  Jitlob li jkun hemm azzjoni determinata mill-UE, l-Istati Membri tagħha u s-sħab kollha internazzjonali biex jimplimentaw il-ftehim reċenti dwar il-klima COP21/Pariġi; jenfasizza li l-UE u pajjiżi żviluppati oħra jridu jkomplu jappoġġjaw azzjonijiet favur l-ambjent biex jitnaqqsu l-emissjonijiet u tinbena r-reżiljenza għall-impatti tat-tibdil fil-klima fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u b'mod partikolari fil-pajjiżi l-anqas żviluppati; ifakkar fl-importanza kruċjali tal-provvista ta' finanzjament adegwat fil-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima f'dan il-kuntest; jappoġġja l-proċess ta' tranżizzjoni tal-enerġija tal-UE u l-bidla lejn l-enerġija rinnovabbli f'dan ir-rigward; jisħaq fuq il-fatt li, jekk il-limitazzjoni tat-tisħin globali għal ferm anqas minn 2° C ma tirnexxix, dan jista' jimmina l-kisbiet fil-qasam tal-iżvilupp; jistieden lill-UE tassumi rwol proattiv fl-indirizzar tal-isfida klimatika dinjija billi tistabbilixxi prijoritajiet strateġiċi fil-livelli kollha u fis-setturi kollha, u biex tfassal u timplimenta miri ġodda vinkolanti dwar il-klima, l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-enerġija rinnovabbli b'konformità mal-Ftehim ta' Pariġi;

41.  Jirrikonoxxi li l-finanzjament privat fil-kuntest tal-finanzjament għall-klima ma jistax jissostitwixxi l-finanzjament pubbliku; jenfasizza l-ħtieġa ta' rappurtar u kontabilità trasparenti u li tkun żgurata l-implimentazzjoni tas-salvagwardji rilevanti fil-qasam soċjali u ambjentali fir-rigward tal-finanzjament tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima;

Il-ġeneru

42.  Jilqa' l-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016–2020 tal-UE u jinkoraġġixxi l-monitoraġġ u l-implimentazzjoni tal-objettivi tiegħu fl-azzjoni esterna kollha tal-UE, inkluż fi proġetti ffinanzjati mill-UE fil-livell tal-pajjiżi; jistieden ukoll lill-UE tintegra b'mod effettiv il-perspettiva tal-ġeneri u t-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa fil-politiki kollha tagħha, inkluż fil-baġits, u biex tiżgura li l-politiki esterni tagħha jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni, inkluż kontra l-persuni leżbjani, gay, bisesswali u transġeneru;

Is-sigurtà

43.  Jirrikonoxxi li mingħajr sigurtà ma jista' jkun hemm ebda żvilupp sostenibbli jew qerda tal-faqar; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li din ir-rabta bejn is-sigurtà u l-iżvilupp hija element importanti biex tiġi żgurata l-effikaċja tal-azzjoni esterna tal-UE;

44.  Jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-koerenza tal-politiki u l-koordinament bejn l-azzjoni esterna tal-UE u l-politiki fil-qasam tas-sigurtà, id-difiża, il-kummerċ, l-għajnuna umanitarja, il-migrazzjoni u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp; jiġbed l-attenzjoni għall-isfida ta' governanza tajba fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jinsisti li l-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp għandha tikkontribwixxi għall-istabbiliment tal-istat tad-dritt u ta' istituzzjonijiet imparzjali, kif ukoll għat-tisħiħ ta' azzjonijiet li jwasslu għad-diżarm u jiżguraw il-kura tas-saħħa pubblika u s-sigurtà alimentari, u politiki relatati li jiżguraw is-sigurtà u l-iżvilupp;

45.  Jistieden lill-UE ssaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha għal prevenzjoni u reazzjoni bikrija f'każ ta' kriżijiet biex tqawwi s-sinerġiji bejn il-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) u strumenti ta' żvilupp, u jsibu bilanċ bejn reazzjonijiet fuq medda qasira ta' żmien għal kriżijiet u strateġiji ta' żvilupp fit-tul; jissuġġerixxi li jinħoloq strument ġdid iddedikat għall-iżvilupp u s-sigurtà li jista' jnaqqas l-inkoerenzi u jżid l-effiċjenza tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp; jenfasizza li dan l-istrument m'għandux ikun iffinanzjat permezz tal-istrumenti eżistenti għall-iżvilupp, iżda permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda fil-baġit; jitlob li l-prijoritajiet u l-politiki tar-reġjuni u l-pajjiżi kkonċernati jiddaħħlu fit-tħejjija tal-istrateġiji tal-UE għas-sigurtà u l-iżvilupp; jilqa' l-użu tal-Qafas Politiku għal Approċċ għal Kriżijiet bħala għodda importanti biex ikun hemm fehim komuni bikri f'każ ta' kriżijiet; jitlob li tissaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-Kummissjoni, is-SEAE u l-Istati Membri sabiex issir analiżi komprensiva li tippermetti għażla infurmata bejn l-azzjonijiet tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni (PSDK) u dawk mhux tal-PSDK fit-trattament ta' kriżi;

46.  Jemmen li l-Istrateġija għas-Sigurtà u l-Iżvilupp fis-Saħel(6), kif ukoll il-Forza ta' Azzjoni Rapida Afrikana u l-Pjan ta' Azzjoni Reġjonali għas-Saħel 2015–2020(7) , huma eżempji tajbin ta' implimentazzjoni b'suċċess tal-approċċ komprensiv tal-UE, li jiġbor flimkien b'mod effettiv ir-reazzjonijiet għas-sigurtà, l-iżvilupp u l-governanza;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jtejbu r-rabtiet bejn l-għajnuna umanitarja, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u r-reżiljenza għad-diżastri sabiex ikun possibbli li jkun hemm reazzjoni aktar flessibbli u effikaċi għall-ħtiġijiet li qed jiżdiedu;

o
o   o

48.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU C 46, 24.2.2006, p. 1.
(2) Testi adottati, P7_TA(2014)0251.
(3) http://www.un.org/en/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/70/1
(4) http://www.un.org/millennium/declaration/ares552e.htm
(5) http://www.oecd.org/development/effectiveness/49650173.pdf
(6) http://eeas.europa.eu/africa/docs/sahel_strategy_en.pdf
(7) www.consilium.europa.eu/en/meetings/fac/2015/04/st07823-en15_pdf

Avviż legali