Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2225(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0174/2016

Testi mressqa :

A8-0174/2016

Dibattiti :

PV 06/06/2016 - 18
CRE 06/06/2016 - 18

Votazzjonijiet :

PV 07/06/2016 - 5.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0251

Testi adottati
PDF 413kWORD 152k
It-Tlieta, 7 ta' Ġunju 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Soluzzjonijiet teknoloġiċi għal agrikoltura sostenibbli
P8_TA(2016)0251A8-0174/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Ġunju 2016 dwar soluzzjonijiet teknoloġiċi għal agrikoltura sostenibbli fl-UE (2015/2225(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 11, 114(3), 168(1) u 191 tiegħu,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/743/UE tat-3 ta' Diċembru 2013 li tistabbilixxi l-programm speċifiku li jimplimenta Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li tħassar id-Deċiżjonijiet 2006/971/KE, 2006/972/KE, 2006/973/KE, 2006/974/KE u 2006/975/KE(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/128/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għal azzjoni Komunitarja biex jinkiseb użu sostenibbli tal-pestiċidi(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 233/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2014 li jistabbilixxi strument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp għall-perjodu 2014-2020(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 870/2004 tal-24 ta' April 2004 li jwaqqaf programm tal-Komunità dwar il-ħarsien, karatterizzazzjoni, ġbir u l-użu ta' riżorsi ġenetiċi fl-agrikoltura u li jħassar Regolament (KE) Nru 1467/94(7), u r-rapport tal-Kummissjoni tat-28 ta' Novembru 2013 bl-isem "Ir-Riżorsi Ġenetiċi Agrikoli – mill-konservazzjoni sal-użu sostenibbli" (COM(2013)0838),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2003 dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament(8),

–  wara li kkunsidra l-Memorandum ta' Qbil tal-14 ta' Lulju 2014 bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Bank Ewropew tal-Investiment għall-kooperazzjoni fl-agrikoltura u l-iżvilupp rurali fl-2014-2020,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 dwar il-futur tas-settur tal-ortikoltura fl-Ewropa – strateġiji għat-tkabbir(9),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-2014 tad-Dipartiment Tematiku B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni – Agrikoltura u żvilupp rurali, intitolat "Precision agriculture: An opportunity for EU farmers – potential support with the CAP 2014-2020" (agrikoltura ta' preċiżjoni: Opportunità għall-bdiewa tal-UE – appoġġ potenzjali mal-PAK 2014-2020),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-2013 ta' Valutazzjoni tal-Għażliet Xjentifiċi u Teknoloġiċi (STOA) intitolat "Technology options for feeding 10 billion people" (Għażliet teknoloġiċi biex jintemgħu 10 biljun ruħ);

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Frar 2012 dwar is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni "Produttività u Sostenibilità fil-qasam Agrikolu" (COM(2012)0079),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Frar 2012 bit-titolu "Ninnovaw għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa" (COM(2012)0060),

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Ottubru 2015 dwar it-twaqqif ta' Grupp ta' Livell Għoli ta' Konsulenti Xjentifiċi (C(2015)6946),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE" (COM(2015)0215),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2015 dwar il-privattivi u d-drittijiet ta' min inissel il-pjanti(10);

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0174/2016),

A.  billi s-soċjetajiet tagħna qed jiffaċċjaw bosta sfidi li jinvolvu l-agrikoltura u jridu jaqdu r-rwol tagħhom, u billi l-popolazzjoni tad-dinja hija stmata li se tilħaq 9,6 biljun ruħ sal-2050, li jfisser li se jkun hemm madwar 2,4 biljun ruħ aktar minn issa;

B.  billi medja ta' mill-anqas terz tal-ikel prodott, u f'ċerti setturi, kważi nofs, jinħela, u billi wieħed mill-aktar metodi effettivi biex tintlaħaq din id-domanda mistennija, filwaqt li ma jinħlewx ir-riżorsi skarsi, hu l-isfruttament ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi biex tiżdied il-produzzjoni, jittejbu l-mezzi ta' distribuzzjoni u tiġi indirizzata l-ħela tal-ikel;

C.  billi dejjem qiegħda tikber id-domanda għall-produzzjoni ta' aktar ikel li jkun sikur, tajjeb għas-saħħa u nutrittiv għal ċittadini tal-UE u għal ċittadini globali sabiex jiġu indirizzati l-malnutrizzjoni, l-obeżità, il-mard kardjo-vaskulari, eċċ.; u billi l-istandards ta' kwalità għolja tal-ikel tal-UE igawdu rikonoxximent mad-dinja kollha;

D.  billi hemm ħafna alternattivi għall-użu tal-art li jikkompetu mal-biedja, fosthom l-urbanizzazzjoni, l-industrija, it-turiżmu u r-rikreazzjoni;

E.  billi materja prima agrikola toffri prospettivi għal tkabbir fil-kimika ekoloġika;

F.  billi l-objettiv li l-agrikoltura ssir aktar sostenibbli qed isir dejjem aktar importanti għall-operaturi, minħabba l-ħtieġa li jiġu kkontrollati l-ispejjeż sabiex jiġu salvagwardjati l-introjti, min-naħa l-waħda, u sabiex ikun hemm reazzjoni għat-tnaqqis u d-degradazzjoni tar-riżorsi naturali (il-ħamrija, l-ilma, l-arja u l-bijodiversità) min-naħa l-oħra; billi l-agrikoltura hija responsabbli għal 70 % tal-użu tal-ilma ħelu tad-dinja, u billi d-disponibilità tal-ilma diġà hija limitazzjoni ewlenija fuq il-produzzjoni agrikola f'xi reġjuni tal-UE u fid-dinja; billi l-użu ta' ilma tax-xorb fl-agrikoltura jista' jitnaqqas b'mod sinifikanti permezz tal-użu effettiv ta' tekniki ta' irrigazzjoni moderni u permezz tat-tkabbir ta' għelejjel xierqa għall-klima lokali;

G.  billi fertilizzanti tan-nitroġenu jirriżultaw f'rendimenti għoljin iżda l-manifattura tagħhom hi responsabbli għal madwar 50 % tal-enerġija tal-fjuwils fossili kkunsmati mis-sistemi ta' produzzjoni agrikola;

H.  billi huwa previst li d-domanda globali għall-enerġija se tiżdied b'40 % sal-2030, u billi issa għandha tingħata kunsiderazzjoni serja biex tintlaħaq din id-domanda permezz ta' taħlita ta' effiċjenza enerġetika miżjuda u enerġija sigura li tinkludi s-sorsi ta' enerġija rinnovabbli; billi r-riċerka wriet li katini agroalimentari iqsar li jistgħu jwasslu għal użu ta' enerġija mnaqqas, u dan hu ta' benefiċċju ambjentali u għall-ispejjeż;

I.  billi sa 40 % tar-rendimenti tal-għelejjel globali jiġu mitlufa minħabba organiżmi ta' ħsara u mard tal-pjanti kull sena, u billi dan il-perċentwal huwa mistenni li jiżdied b'mod sinifikanti fis-snin li ġejjin; billi jeħtieġ li jiġi evitat li din iċ-ċifra tiżdied aktar, fost l-oħrajn permezz ta' approċċi sistemiċi u l-adattament tal-mudelli ta' produzzjoni eżistenti, u billi t-tibdil fil-klima qed jikkontribwixxi għal dan it-telf u jwassal għall-feġġ ta' organiżmi ta' ħsara u mard tal-pjanti ġodda;

J.  billi t-tisħin globali qed jiġġenera fenomeni metereoloġiċi estremi li jirriżultaw f'nixfiet jew f'għargħar li jikkawżaw dannu sostanzjali lil dawk il-gruppi tal-popolazzjoni milquta u joħolqu riskji serji għas-sigurtà tal-ikel tagħhom; u billi r-reżiljenza klimatika f'agroekosistemi bijoloġikament u strutturalment differenti tista' tgħin biex jitnaqqas dan ir-riskju;

K.  billi l-potenzjal ġenetiku tal-għelejjel tal-UE mhuwiex qiegħed jiġi realizzat konsistentement fl-azjendi agrikoli tal-Ewropa, fejn ir-rendimenti ma baqgħux jikbru f'dawn l-aħħar snin;

L.  billi d-diversità u l-kwalità tar-riżorsi ġenetiċi tal-pjanti għandhom rwol kruċjali għar-reżiljenza u l-produttività agrikoli, u għalhekk huma fattur determinanti għall-biedja u s-sigurtà tal-ikel fit-tul;

M.  billi t-tnaqqis tad-"distakk ta' rendiment" joħloq problema partikolari għall-agrikoltura sostenibbli fl-aġenda tar-riċerka;

N.  billi l-biedja ta' preċiżjoni tinvolvi l-użu ta' awtomatizzazzjoni u ta' teknoloġiji oħra biex jittejbu l-preċiżjoni u l-effiċjenza tal-prattiki ewlenin ta' ġestjoni fl-agrikoltura, bl-użu ta' approċċi bbażati fuq sistemi li jiġbru u janalizzaw id-dejta u jottimizzaw l-interazzjonijiet bejn it-temp, il-ħamrija, l-ilma u l-għelejjel, u billi fl-aħħar mill-aħħar il-biedja ta' preċiżjoni hija maħsuba biex tnaqqas l-użu tal-pestiċidi, tal-fertilizzanti u tal-ilma filwaqt li ttejjeb il-fertilità tal-ħamrija u tottimizza r-rendimenti;

O.  billi x-xjenza tal-ħamrija turina li ħamrija b'saħħitha u ħajja trawwem u tipproteġi l-għelejjel permezz ta' speċijiet ta' benefiċċju li jiddefendu kontra patoġeni u organiżmi ta' ħsara u wkoll tipprovdi l-għelejjel b'nutrijenti u ilma waqt li l-għelejjel jipprovdu zokkor mill-efużjonijiet tal-għeruq tal-pjanti; billi l-prattiki agrikoli jista' jkollhom impatt negattiv fuq il-kwalità bijoloġika, kimika u fiżika tal-ħamrija, b'konsegwenzi li jinkludu l-erożjoni tal-ħamrija, id-degradazzjoni tal-istrutturi tal-ħamrija u t-telf tal-fertilità;

P.  billi l-benefiċċji ta' teknoloġiji innovattivi m'għandhomx ikunu limitati għal tip wieħed ta' prattika agrikola u jeħtieġ li jkunu applikabbli għal kull tip ta' biedja, kemm jekk konvenzjonali kif ukoll jekk organika, tat-trobbija tal-bhejjem jew tal-uċuħ tar-raba', fuq skala żgħira jew fuq skala kbira;

Q.  billi n-numru ta' sustanzi attivi fil-pestiċidi naqset b'70 % bejn l-1993 u l-2009, filwaqt li żdiedet il-preżenza tat-tifqigħat ta' organiżmi ta' ħsara fl-Unjoni Ewropea; billi l-proċess ta' approvazzjonijiet, inklużi l-kriterji għad-definizzjoni ta' sustanzi attivi u għal sustanzi ġodda li jikkostitwixxu alternattiva għal prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, qiegħed isir dejjem aktar ta' sfida għall-agrikoltura tal-UE u għaċ-ċittadini tagħha; billi hemm ħtieġa urġenti biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' sustanzi attivi għal użi minuri;

R.  billi soluzzjonijiet insuffiċjenti għall-protezzjoni tal-għelejjel jipperikolaw il-kwalità, id-diversità u l-produzzjoni sostenibbli ta' għelejjel tal-ikel fl-UE, u dan għandu impatt dirett li ġie stmat li jammonta għal aktar minn EUR 1 biljun, inkluż it-telf fil-produzzjoni u spejjeż addizzjonali għall-bdiewa;

S.  billi ċikli qosra fil-prijoritajiet ta' finanzjament għall-politika u għar-riċerka jistgħu jkunu ta' dannu għall-ħiliet, l-infrastruttura u l-innovazzjoni fl-agrikoltura, u billi għandha tingħata prijorità lit-trasferiment effiċjenti tar-riżultati tar-riċerka mix-xjenza għall-bdiewa, u għal programmi ta' riċerka ffukati fuq it-titjib tas-sostenibilità tal-agrikoltura, it-tnaqqis tal-ispejjeż tal-produzzjoni u ż-żieda fil-kompetittività;

Biedja ta' Preċiżjoni (PF)

1.  Jinnota li s-settur agrikolu dejjem iddependa fuq mudelli ta' negozju u prattiki ġodda tal-biedja li jinkludu tekniki u metodi ta' produzzjoni ġodda li jżidu l-produzzjoni u jadattaw għal ċirkostanzi ġodda u li jinbidlu; jenfasizza li s-servizzi tal-ekosistema, bħaċ-ċiklaġġ tan-nutrijenti, huma ferm importanti għall-agrikoltura, u li xi funzjonijiet bħall-assorbiment tal-karbonju, jmorru lil hinn mill-produzzjoni tal-ikel;

2.  Jinsab konvint li l-innovazzjoni għandha l-potenzjal li tikkontribwixxi għall-kisba ta' agrikoltura sostenibbli fl-UE, u jqis li teknoloġiji ta' biedja ta' preċiżjoni huma partikolarment importanti biex il-progress ikompli, iżda jirrikonoxxi l-limiti tal-adozzjoni mifruxa tagħhom, inklużi l-affidabilità, il-maniġġabilità u l-għarfien limitat ta' din it-teknoloġija u l-adattabilità tagħha għat-tipi u d-daqsijiet kollha tal-azjendi agrikoli;

3.  Huwa tal-fehma li l-prinċipji li fuqhom hija bbażata l-biedja ta' preċiżjoni jistgħu jiġġeneraw benefiċċji sinifikanti għall-ambjent, iżidu l-introjtu tal-bdiewa, jirrazzjonalizzaw l-użu ta' makkinarju agrikolu u jżidu b'mod sinifikanti l-effiċjenza tar-riżorsi, inkluż l-użu tal-ilma għall-irrigazzjoni; għaldaqstant iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippromwovi politiki għall-istimolu tal-iżvilupp u l-użu ta' teknoloġiji ta' biedja ta' preċiżjoni għat-tipi kollha ta' azjendi agrikoli, ikun xi jkun id-daqs tagħhom, u kemm jekk il-biedja tkun tal-għelejjel kif ukoll jekk tal-bhejjem;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa partikolari li l-proċess ta' innovazzjoni fil-biedja ta' preċiżjoni jsolvi l-problema ta' "spejjeż għoljin" fl-iżvilupp u l-użu ta' xi teknoloġiji tal-biedja ta' preċiżjoni biex il-bdiewa u l-katina kollha tal-provvista jkunu involuti b'mod attiv fl-iżvilupp ta' dawn it-teknoloġiji biex jiżguraw benefiċċji ċari fil-livell tal-azjendi agrikoli u biex jgħinu lill-azjendi agrikoli jsiru aktar reżiljenti;

5.  Jinsab konvint li l-iżvilupp ekonomiku u l-produzzjoni sostenibbli ma jeskludux lil xulxin u jistgħu jinkisbu prinċipalment permezz tal-innovazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi appoġġata l-innovazzjoni fit-teknoloġija u l-governanza billi jkun hemm koerenza regolatorja, ċarezza u spazju għall-intraprenditorija, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-innovazzjoni tiġi kkunsidrata espliċitament fir-rieżamijiet u r-riformi li ġejjin tal-leġiżlazzjoni rilevanti; jenfasizza l-fatt li l-agrikoltura Ewropea kapaċi tipproduċi prodotti ta' kwalità għolja u ta' valur miżjud għoli flimkien ma' soluzzjonijiet li jrendu bbażati fuq l-għarfien sabiex tintema' l-popolazzjoni dinjija li kulma jmur qiegħda tikber u ssir aktar eżiġenti;

6.  Jistieden lill-industrija, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu fi sħubija sabiex itejbu l-prestazzjoni u l-adattabilità ta' tekniki robotiċi u ta' biedja ta' preċiżjoni oħra sabiex il-finanzjament għar-riċerka jkun użat b'mod effettiv fl-interessi tal-agrikoltura u l-ortikultura;

7.  Jistieden ukoll lill-industrija biex tisfrutta l-opportunitajiet li jirriżultaw mill-innovazzjoni għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet ta' biedja ta' preċiżjoni li jkunu aċċessibbli għal kulħadd, biex b'hekk tagħti s-setgħa lill-persuni b'diżabilità, tippromwovi l-ugwaljanza bejn is-sessi u twessa' l-bażi tal-ħiliet u l-opportunitajiet ta' mpjiegi f'komunitajiet rurali;

8.  Jilqa' l-inklużjoni tar-robotika tal-biedja ta' preċiżjoni fil-programm ta' ħidma Orizzont 2020 għall-2016-2017 li għadu kif ġie ppubblikat, iżda jiddispjaċih li l-proposti skont din is-sejħa ma jeħtiġux approċċ li jinvolvi l-partijiet varji, li jista' jfisser li l-bdiewa jkunu esklużi mill-iżviluppi innovattivi; jenfasizza li l-biedja ta' preċiżjoni tista' tnaqqas l-użu tar-riżorsi b'mill-anqas 15 %; iħeġġeġ l-adozzjoni tal-biedja ta' preċiżjoni li tipprovdi approċċi ġodda ta' ġestjoni tal-azjenda agrikola kollha kemm hi, bħalma hu l-makkinarju mmexxi mit-tekonoloġiji tal-GPS/GNSS użati flimkien ma' sistemi ta' inġenji tal-ajru pilotati mill-bogħod (RPAS);

Big data u informatika

9.  Jirrimarka li l-industrija tal-biedja, bħas-setturi l-oħra kollha tal-ekonomija, għaddejja minn proċess ta' bidla; jenfasizza li l-biedja moderna saret possibbli biss permezz tal-aċċettazzjoni ta' progress xjentifiku u teknoloġiku, u li l-avvanzi diġitali wkoll joffru l-possibilità ta' żvilupp ulterjuri fis-settur tal-biedja;

10.  Jenfasizza li l-kollazzjoni u l-analiżi ta' ġabriet integrati ta' dejta għandhom il-potenzjal li jixprunaw l-innovazzjoni fl-agrikoltura u hija partikolarment utli fl-indirizzar u fl-iżvilupp ta' katina tal-ikel effiċjenti u sostenibbli li minnha se jibbenefikaw il-bdiewa, l-ekonomija, il-konsumaturi u l-ambjent; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jneħħu l-ostakli għall-integrazzjoni ta' sistemi kumplessi u frammentati tal-ICT, u dan jistimula l-investiment u jkopri l-ispejjeż tat-taħriġ, u jagħmel il-faċilitajiet meħtieġa aktar aċċessibbli għall-agrikoltura;

11.  Jilqa' l-progress li sar mill-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) fl-iżvilupp tal-biedja ta' preċiżjoni; huwa tal-fehma li s-satellita Sentinel 2B tal-ESA, li għandha tiġi mqiegħda fl-orbita fl-aħħar tal-2016, tista' tagħti stampa aktar ċara tal-ammont ta' art assimilata mill-għelejjel u l-foresti, b'tali mod li l-politiki agrikoli jkunu jistgħu jiġu implimentati b'mod aktar effettiv, jiġi razzjonalizzat l-użu tar-riżorsi, u jiġu ottimizzati ż-żminijiet tal-ħsad; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw l-użu ta' sistemi bbażati fuq is-satelliti;

Il-ħamrija, l-ilma u l-ġestjoni tan-nutrijenti

12.  Jirrikonoxxi li d-degradazzjoni tal-ħamrija hija restrizzjoni kbira fil-produzzjoni agrikola, u jitlob ambizzjonijiet u sforzi akbar biex jittejbu l-prattiki tal-ġestjoni tal-ħamrija u tal-ilma, b'mod partikolari fid-dawl tat-tibdil fil-klima; jilqa' l-iżvilupp ta' teknoloġiji ta' biedja ta' traffiku kontrollat, li tnaqqas il-ħsara tal-ħamrija kkawżata minn tħaddim żejjed tal-art, u jilqa' wkoll l-isforzi riċenti biex jiġu integrati teknoloġiji ta' telerilevament b'riżoluzzjoni għolja fil-biedja organika; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkwantifika l-benefiċċji ambjentali u tal-produzzjoni u ta' dawn it-teknoloġiji ġodda u tiżgura trasferiment tas-sensibilizzazzjoni, tal-għarfien u tat-teknoloġija;

13.  Jitlob li l-bdiewa jiġu inklużi fit-tfassil, l-ittestjar u t-tixrid ta' teknoloġiji ta' ppjanar kartografiku tan-nutrijenti tal-ħamrija sabiex jiġi megħjun it-titjib tal-effikaċja tagħhom;

14.  Jiddispjaċih li l-effiċjenza fl-użu tan-nutrijenti fl-UE huwa baxx ħafna, u jenfasizza li hija meħtieġa azzjoni biex titjieb l-effiċjenza tal-użu tan-nitroġenu (N), il-fosfru (P) u l-potassju (K), sabiex jitnaqqas l-impatt tagħhom fuq l-ambjent u tittejjeb il-produzzjoni tal-ikel u tal-enerġija; jitlob riċerka mmirata (u l-użu applikat tagħha) sabiex tittejjeb l-effiċjenza tal-monitoraġġ tan-nutrijenti u l-ottimizzazzjoni ulterjuri ta' teknoloġiji b'rata varjabbli;

15.  Jaqbel li l-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda u prattiki agrikoli innovattivi jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex jitnaqqas l-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, tal-fertilizzanti u l-ilma, kif ukoll jiġġieldu kontra l-erożjoni tal-ħamrija;

Diversità ġenetika

16.  Huwa tal-fehma li t-telf tad-diversità ġenetika tul l-aħħar seklu jhedded is-sigurtà tal-ikel/għalf u jimmina l-politiki tal-UE dwar l-agrikoltura sostenibbli, il-protezzjoni tal-bijodiversità u l-istrateġiji ta' adattament għat-tibdil fil-klima; jemmen li l-monokultura u nuqqas ta' rotazzjoni tal-għelejjel huwa fattur ewlieni f'dan it-telf; iqis il-varjetajiet tal-pjanti u l-ispeċijiet ta' bhejjem kollha, inklużi r-razez lokali, il-qraba selvaġġi u kważi selvaġġi tagħhom, u varjetajiet antiki u oriġinali essenzjali biex tinżamm id-diversità ġenetika, programmi ta' tnissil u l-produzzjoni ta' ikel suffiċjenti, nutrittiv u tajjeb għas-saħħa;

17.  Huwa tal-fehma li r-regolamentazzjoni tal-UE għandha tippermetti li l-bdiewa u n-nissiela jagħmlu l-aħjar użu minn dawn ir-riżorsi ġenetiċi għall-ħarsien tal-bijodiversità u l-innovazzjoni fl-iżvilupp ta' varjetajiet ġodda; jenfasizza li r-regolamenti tal-UE dejjem għandu jkollhom l-għan li ma jimminawx tali proċessi innovattivi billi jpoġġu piż amministrattiv mhux meħtieġ fuq in-nissiela u l-bdiewa;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa għal djalogu akbar bejn banek ġenetiċi tal-pjanti, riċerka tal-pjanti privata u pubblika, in-nissiela, l-utenti finali u l-atturi l-oħra kollha involuti fil-konservazzjoni u l-użu tar-riżorsi ġenetiċi, sabiex tinbena r-reżiljenza u jintlaqgħu l-isfidi ta' biedja sostenibbli madwar l-Ewropa;

19.  Jenfasizza l-appoġġ preċedenti mid-DĠ għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (AGRI) u d-DĠ Riċerka u Innovazzjoni (RTD) għal attivitajiet ta' konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi, pereżempju, in-Netwerk Ewropew għall-Konservazzjoni taż-Żerriegħa Indiġena (ENSCONET), iżda jitlob li programmi suċċessuri tiegħu jkomplu jappoġġaw attivitajiet ta' konservazzjoni ġenetika tal-għelejjel u tal-bhejjem, speċjalment l-użu fl-għalqa ta' riżorsi ġenetiċi permezz ta' miżuri mittieħda fl-azjenda agrikola stess;

20.  Jenfasizza l-importanza tal-ftuħ tal-konservazzjoni tar-riżorsi ġenetiċi għal diversità akbar ta' speċijiet ta' pjanti u ta' bhejjem u għall-finanzjament tar-riċerka f'dan il-qasam biex jirriżulta f'titjib teknoloġiku għall-agrikoltura u l-ortikultura;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti għal strateġija Ewropea għas-salvagwardja tad-diversità ġenetika fl-agrikoltura prevista fil-Miżura 10 tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2020;

22.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa tal-użu ta' ġabriet ta' ġermoplażma biex jiġu identifikati u karatterizzati l-karatteristiċi għall-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi, r-reżistenza għall-organiżmi ta' ħsara u għall-mard u attributi oħra li jagħtu kwalità u reżiljenza mtejba; iqis li dan jeħtieġ li titqiegħed enfasi akbar fuq il-fenotipaġġ, li huwa ostaklu partikolari għal ħafna għelejjel;

23.  Jinnota li l-aktar mod effikaċi biex tinżamm id-diversità ġenetika fl-agrikoltura hija bl-użu tagħha in vivo; jinnota li mit-tliet kriterji DUS (distintività, uniformità u stabilità) applikati għall-katalgi uffiċjali taż-żerriegħa tal-UE, l-uniformità u l-istabilità mhumiex karatteristiċi naturali fi pjanti ġenetikament differenti; jinnota li l-adattament għat-tibdil fil-klima huwa dipendenti fuq varjazzjoni ġenetika għolja; jinnota s-swieq taż-żerriegħa dejjem aktar konċentrati u l-varjazzjoni mnaqqsa għal kull varjetà; iħeġġeġ ir-rwol ta' sistemi ta' biedja taż-żerriegħa u skambji fl-għoti tas-setgħa lill-bdiewa, u jirrikonoxxi t-tnissil parteċipattiv bħala tradizzjoni twila ta' innovazzjoni fil-komunitajiet rurali;

24.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa taż-żamma u l-użu ta' riżorsi ġenetiċi sabiex ikun hemm sigurtà tal-ikel fit-tul u t-twessigħ tal-bażi ġenetika ta' programmi moderni għat-tnissil tal-pjanti u tal-bhejjem; jirrikonoxxi li l-azjendi agrikoli organiċi qegħdin jiffaċċjaw nuqqas ta' varjetajiet ġodda li huma reżistenti għall-organiżmi ta' ħsara u għall-mard u li jistgħu jiġu kkultivati mingħajr l-użu ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti; jappoġġa l-kunċett tal-qsim tal-aċċess u tal-benefiċċji, iżda jħeġġeġ implimentazzjoni tal-Protokoll ta' Nagoya, skont ir-Regolament (UE) Nru 511/2014 u r-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 2015/1866 ħalli n-nissiela ma jiġux skoraġġiti minħabba l-kumplessità u l-ispejjeż tal-użu ta' materjal selvaġġ għall-introduzzjoni ta' karatteristiċi ġodda bħalma huma r-reżistenza għall-organiżmi ta' ħsara u l-mard, il-kwalità nutrittiva u r-reżiljenza ambjentali; jinnota li dan għandu jsir mingħajr ma titneħħa s-setgħa tal-komunitajiet rurali li ħarsu speċijiet u nisslu varjetajiet matul is-snin;

25.  Iqis li huwa essenzjali li tinżamm u tiġi żviluppata l-prestazzjoni ta' razez lokali, minħabba l-kapaċità tagħhom li jadattaw għall-karatteristiċi tal-ambjent nattiv tagħhom, u biex id-drittijiet tal-bdiewa li jnisslu l-pjanti b'mod awtonomu u jaħżnu u jiskambjaw żrieragħ ta' speċijiet u varjetajiet differenti jridu jiġu rrispettati sabiex tiġi garantita d-diversità ġenetika tal-agrikoltura Ewropea;

26.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa tal-appoġġ ta' newba tal-għelejjel adattata li tibqa' profittabbli għall-bdiewa; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li tinżamm firxa ta' għodod ta' protezzjoni tal-għelejjel adattata għal firxa wiesgħa ta' għelejjel, flimkien ma' riżorsi ġenetiċi; jenfasizza li, mingħajr tali għodod, id-diversità tal-għelejjel li jistgħu jiġu prodotti b'mod profittabbli jkun affettwat b'mod gravi;

Tnissil bi preċiżjoni

27.  Jappoġġa l-ħtieġa ta' progress kontinwu fit-tnissil innovattiv permezz tal-applikazzjoni ta' tekniki sikuri u ppruvati mmirati biex iżidu mhux biss il-firxa ta' karatteristiċi reżistenti għal organiżmi ta' ħsara u għall-mard fl-għelejjel, iżda wkoll il-firxa ta' materja prima għall-ikel b'karatteristiċi nutrittivi u ta' ġid għas-saħħa fis-suq;

28.  Iqis li huwa importanti li jiġi żgurat appoġġ sostnut għall-iżvilupp u l-użu ta' għodod teknoloġiċi tal-ġejjieni li jistgħu jippermettu t-tnissil b'suċċess biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjetali li ġejjin;

29.  Iqis li huwa opportun li l-Kummissjoni tippubblika r-rapport finali tal-grupp ta' ħidma dwar "Tekniki Ġodda" u tuża s-sejbiet xjentifiċi tiegħu bħala l-bażi biex, fost l-oħrajn, jiġi ċċarat l-istatus ġuridiku tat-tekniki ta' tnissil li attwalment jinsabu taħt skrutinju u l-użu ta' analiżi ġuridika soda fid-deliberazzjonijiet tagħha;

30.  Jinkoraġġixxi djalogu miftuħ u trasparenti fost il-partijiet interessati kollha u l-pubbliku dwar l-iżvilupp responsabbli ta' soluzzjonijiet ta' preċiżjoni għolja u innovattivi għal programmi ta' tnissil, fosthom dwar ir-riskji u l-benefiċċji tagħhom; jinnota li dan se jeħtieġ sforzi biex jiżdiedu s-sensibilizzazzjoni u l-fehim ta' tekniki ġodda bejn il-bdiewa u l-pubbliku ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-konsumaturi u l-bdiewa jkunu suffiċjentement edukati rigward tekniki ta' tnissil ġodda u emerġenti sabiex jiġi żgurat li dibattitu pubbliku miftuħ u informat ikun jista' jseħħ;

31.  Jesprimi tħassib dwar id-deċiżjoni riċenti tal-Bord Estiż tal-Appell tal-Uffiċċju Ewropew tal-Privattivi (UEP) tal-25 ta' Marzu 2015 fil-Kawżi G2/12 u G2/13;

Prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti (PPPs)

32.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti ta' rieżami tal-implementazzjoni tal-qafas regolatorju għall-PPPs u l-iżvilupp ta' sistema ta' valutazzjoni u approvazzjoni koerenti, effiċjenti, prevedibbli, ibbażata fuq ir-riskju u xjentifikament soda; iqis li huwa importanti li l-bdiewa kemm jista' jkun inaqqsu d-dipendenza fuq il-pestiċidi, filwaqt li jinnota li l-produzzjoni ta' ikel u għalf topera f'ambjent kompetittiv, internazzjonali; iqis li huwa importanti li jiġu żviluppati PPPs li huma effettivi f'termini ta' nfiq, li jistgħu jintużaw b'mod sikur u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent;

33.  Jilqa' l-inizjattivi REFIT tal-Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni tal-2016 li jobbligaw lill-UE twettaq evalwazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 u tar-Regolament (KE) Nru 396/2005; jenfasizza li l-proċess REFIT m'għandux iwassal biex jitbaxxew l-istandards ta' sikurezza tal-ikel u tal-protezzjoni tal-ambjent;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tinkludi fir-rapport tagħha lill-Parlament u lill-Kunsill għażliet għall-emendar u t-titjib tal-leġiżlazzjoni attwali, u b'mod partikolari dwar il-funzjonament tar-rikonoxximent reċiproku tal-awtorizzazzjonijiet u l-proċess tal-evalwazzjonijiet taż-żoni;

35.  Jissottolinja t-tħassib li s-sistema żonali tal-awtorizzazzjonijiet mhux qed tiffunzjona minħabba l-użu kontinwat ta' metodoloġiji ta' awtorizzazzjoni nazzjonali antikwati u jistieden lill-Kummissjoni tarmonizza s-sistema ta' approvazzjoni li tiżgura r-rikonoxximent reċiproku ta' prodotti bejn l-Istati Membri fiż-żoni identifikati fir-Regolament (KE) Nru 1107/2009;

36.  Jilqa' l-aħħar Netwerk Ewropew ta' Żoni ta' Riċerka (IPM-ERANET) - dwar il-Ġestjoni Integrata tal-Organiżmi ta' Ħsara u l-pjattaforma ta' koordinazzjoni ġdida għal "użu minuri", iżda jqis li l-pjattaforma tista' tiġi sfruttata aħjar biex jiġu koperti r-riċerka u l-innovazzjoni bl-għan li jiġi indirizzat in-nuqqas ta' soluzzjonijiet għall-protezzjoni tal-għelejjel għal użu minuri u għelejjel ta' speċjalità;

37.  Jenfasizza l-importanza ta'l-valutazzjoni trasparenti tal-impatti ta' sustanzi attivi bl-għan li tiġi żgurata agrikoltura sostenibbli f'konformità mal-liġi tal-UE, u tal-evalwazzjoni komprensiva tar-riskji u l-perikli assoċjati mal-użu ta' prodotti, u jfakkar li għandu jintuża l-prinċipju ta' prekawzjoni meta l-livell ta' inċertezza jkun għoli wisq biex tkun żgurata s-saħħa pubblika jew kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajbin;

38.  Jistieden lid-DĠ Saħħa u Sikurezza Alimentari (SANTE) jistabbilixxi kriterji ċari għad-definizzjoni ta' sustanzi attivi b'riskju baxx għall-iżvilupp u l-użu ta' pestiċidi b'riskju baxx, filwaqt li jqis l-għarfien xjentifiku li qed jevolvi u jiggarantixxi li jiġu milħuqa l-għanijiet tas-saħħa u tal-protezzjoni ambjentali, u jiġi garantit li d-dejta dwar is-sikurezza tkun preżenti għall-kriterji applikati għas-sustanzi kollha ta' riskju potenzjali baxx;

39.  Huwa tal-fehma li sustanzi b'riskju baxx, inklużi alternattivi mhux kimiċi għall-PPPs, bħall-kontrolli bijoloġiċi, għandhom jingħataw prijorità għall-evalwazzjoni mill-Istati Membri relaturi u mill-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel (EFSA) sabiex dan jgħin fl-ilħiq tal-għanijiet tad-Direttiva 2009/128/KE dwar ġestjoni integrata tal-organiżmi ta' ħsara u l-użu sostenibbli tal-pestiċidi, speċjalment għall-użu tal-prodotti fuq għelejjel minuri u ta' speċjalità;

40.  Jenfasizza l-fatt li l-bdiewa għandu jkollhom aktar għażliet disponibbli għalihom biex jipproteġu l-għelejjel tagħhom u biex jiddeċiedu liema miżura tipproteġi l-għelejjel tagħhom bl-aħjar mod; għaldaqstant jinkoraġġixxi użu usa' ta' diversi alternattivi għall-pestiċidi tradizzjonali, inklużi bijopestiċidi, bħala komponent ta' ġestjoni integrata ta' organiżmi ta' ħsara, u jitlob li jsiru aktar sforzi biex jiġu żviluppati alternattivi aktar kosteffikaċi billi tiġi appoġġata riċerka fuq il-post u aktar espożizzjoni ta' alternattivi mhux kimiċi u miżuri ta' riskju baxx u pestiċidi li jirrispettaw aktar lill-ambjent;

41.  Jinnota li l-kontrolli bijoloġiċi huma metodi li jipproteġu l-għelejjel ibbażati fuq l-użu ta' organiżmi ħajjin jew sustanzi naturali u jistgħu jnaqqsu l-użu ta' pestiċidi tradizzjonali u jikkontribwixxu għal reżiljenza tal-pjanti aħjar;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta pjan ta' azzjoni u tistabbilixxi grupp ta' esperti biex taħdem favur sistema ta' ġestjoni tal-organiżmi ta' ħsara aktar sostenibbli; jenfasizza l-potenzjal ta' ġestjoni tal-organiżmi ta' ħsara li ttejjeb l-interazzjoni bejn l-isforzi tat-tnissil tal-pjanti, is-sistemi ta' difiża naturali u l-użu tal-pestiċidi;

43.  Jiddispjaċih mill-progress dgħajjef tal-Istati Membri u l-Kummissjoni f'li rispettivament jimplimentaw u jevalwaw l-implimentazzjoni tal-IPM u tad-Direttiva 2009/128/KE;

L-iżvilupp tal-ħiliet u t-trasferiment tal-għarfien

44.  Jirrikonoxxi li l-iżvilupp ta' teknoloġiji marbutin mal-agrikoltura jeħtieġ għadd ta' ħiliet li huma speċjalizzati kif ukoll approċċ transdixxiplinarju – dawn jinkludu, fost dixxiplini oħra, ix-xjenza ġenerali tal-pjanti, tal-bhejjem u tal-ambjent, il-fiżjoloġija u l-inġinerija;

45.  Jiddispjaċih dwar iż-żieda fin-nuqqas ta' ħiliet f'bosta minn dawn il-professjonijiet, u jistieden lill-Istati Membri biex jaħdmu fi sħubija mal-industrija, mal-istituzzjonijiet ta' riċerka u ma' partijiet interessati oħra fit-tfassil ta' programmi ta' żvilupp rurali li jmiss tagħhom, inklużi s-Sħubijiet Ewropej għall-Innovazzjoni (EIPs), bl-għan li jidentifikaw opportunitajiet biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-ħiliet u t-trasferiment tal-għarfien f'dawn l-oqsma, inkluż permezz ta' taħriġ u apprendistati għall-bdiewa żgħażagħ u għall-bdiewa ġodda;

46.  Jistieden lis-settur tat-teknoloġiji agrikoli biex itejjeb il-koordinazzjoni u l-integrazzjoni ta' wirjiet fl-azjendi agrikoli u l-użu ta' azjendi agrikoli għall-wiri u l-monitoraġġ bl-għan li tinqasam l-aħjar prattika fil-livell reġjonali, nazzjonali u Ewropew, bl-użu ta' programmi, inizjattivi jew riżorsi attwalment disponibbli jew ġodda;

47.  Jirrikonoxxi l-potenzjal li l-biedja ta' preċiżjoni u l-integrazzjoni tat-teknoloġija diġitali jista' jkollhom biex l-agrikoltura ssir aktar attraenti għall-bdiewa żgħażagħ u jinħolqu opportunitajiet ġodda għat-tkabbir u l-impjiegi fiż-żoni rurali; jemmen li l-investiment fl-iżvilupp ta' dawn it-teknoloġiji jista' jrawwem bidla ġenerazzjonali fil-biedja;

Il-prijoritajiet tar-riċerka u l-finanzjament

48.  Jirrikonoxxi l-isfidi fit-tul marbutin mal-agrikoltura sostenibbli u mal-ortikultura, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżviluppaw pjan ta' investiment fit-tul, filwaqt li tingħata prijorità lil approċċ settorjali, b'kontinwità fil-finanzjament għal riċerka bażika u applikata, u jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu t-taħriġ għall-ispeċjalisti fl-agrikoltura sostenibbli, u biex jiġi żgurat li l-konsulenza esperta tkun disponibbli;

49.  Iqis li l-pjan għandu jinkludi soluzzjonijiet kosteffikaċi u jkun applikabbli għal produtturi fuq skala żgħira, iż-żoni rurali u dawk ultraperiferiċi u r-reġjuni muntanjużi; jenfasizza li l-bdiewa huma l-akbar protetturi tal-ambjent fl-Ewropa u jeħtieġu aċċess kontinwu għal innovazzjoni u riċerka, li jippermettilhom jipproduċu ikel, għalf u prodotti oħra b'mod aktar sostenibbli u kosteffikaċi, filwaqt li jitħares l-ambjent għall-ġenerazzjonijiet futuri u jittejbu s-servizzi tal-bijodiversità u tal-ekosistemi;

50.  Jilqa' l-progress magħmul fir-riċerka applikata f'dawn l-aħħar snin, iżda jitlob għal sforzi akbar li jiggarantixxu t-trasferiment tal-għarfien lill-utenti finali u li jinvolvu l-bdiewa u utenti oħra tat-teknoloġiji u prodotti agrikoli, inklużi l-azjendi agrikoli żgħar;

51.  Jitlob li s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għal agrikoltura kompetittiva u sostenibbli, li tinsab fit-tieni pilastru tal-PAK, tiġi intensifikata sabiex jinħolqu sħubijiet ta' atturi innovattivi, inklużi l-bdiewa kollha, u b'mod partikolari l-bdiewa fuq skala żgħira, aktar 'il bogħod miċ-ċentri ta' teħid ta' deċiżjonijiet Ewropej;

52.  Jinnota li fl-Istati Membri fejn sħubijiet pubbliċi-privati huma użati b'mod intelliġenti, kien hemm mixja aktar qawwija lejn ir-riċerka applikata u involviment akbar tal-utenti finali;

53.  Iqis li hu essenzjali li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw proġetti li jiffukaw fuq l-iżvilupp ta' prattiki agrikoli u varjetajiet tal-għelejjel aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi, inklużi varjetajiet lokali speċjalizzati, li huma mmirati lejn il-konservazzjoni u t-titjib tal-fertilità tal-ħamrija u l-iskambju tan-nutrijenti, speċjalment minħabba n-nuqqas dejjem jikber ta' disponibilità tal-ilma u ta' ċerti komponenti ewlenin ta' fertilizzanti bħall-fosfat; jistieden lill-Kummissjoni tagħti prijorità lill-investimenti fl-ekonomija ċirkolari u prattiki ta' biedja li jirrispettaw il-klima, b'finanzjament adegwat ta' inċentivi għar-riċerka u użu mill-bdiewa; jissottolinja li l-merti tal-akkwaponika, iċ-ċiklaġġ tas-sustanzi nutrittivi f'ċiklu magħluq, l-agroekoloġija, inkluża l-agroforestrija, l-agrikoltura ta' konservazzjoni u ġestjoni sostenibbli tal-foresti, is-sapropel, il-ktajjen tal-ikel qosra, il-bur ibbażat fuq il-mergħa u l-produzzjoni ta' input baxx għandhom ikunu evalwati, żvelati u inċentivati kif jixraq;

54.  Iqis ukoll li huwa essenzjali li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw proġetti innovattivi għall-produzzjoni ta' prodotti u servizzi li mhumiex tal-ikel (il-bijoekonomija, l-enerġija rinnovabbli, eċċ.) bil-ħsieb tal-iżvilupp ta' industrija agrikola aktar effiċjenti fir-riżorsi (użu aħjar tal-ilma, l-enerġija, l-ikel għall-għelejjel u l-bhejjem, eċċ.), u waħda li hija aktar awtonoma;

55.  Jinnota li, fil-biċċa l-kbira tal-UE, ċentri indipendenti jew finanzjati pubblikament għall-edukazzjoni, it-taħriġ u l-innovazzjoni fl-agrikoltura naqsu fl-għadd jew ma jipprovdux adegwatament għal approċċi transdixxiplinari f'oqsma emerġenti bħall-inġinerija agrikola; jirrikonoxxi li f'xi Stati Membri l-kwalifiki tal-bdiewa għadhom limitati, li jfisser li l-aċċess għal, u l-applikazzjoni ta', teknoloġiji ġodda, hija aktar diffiċli, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan Ewropew għall-investiment f'taħriġ u edukazzjoni agrikoli tekniċi jew ta' livell għoli;

56.  Jilqa' s-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għall-Produttività u Sostenibilità fil-qasam Agrikolu (EIP-AGRI) li tnediet dan l-aħħar, li għandha l-għan li tgħaqqad ir-riċerka u l-biedja fil-prattika, u jistieden lill-Kummissjoni biex ikollha rwol attiv fil-promozzjoni ta' koordinazzjoni f'livell nazzjonali u transfruntier għall-promozzjoni ta' aġenda ta' innovazzjoni espliċita marbuta ma' Orizzont 2020 u li tiggarantixxi t-trasferiment tal-għarfien xieraq għall-utenti finali;

57.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu aktar biex ikabbru s-sensibilizzazzjoni tal-pubbliku dwar il-valur tal-biedja fl-UE, u biex jiżviluppaw ċentri trans-Ewropej għall-innovazzjoni agrikola li jistgħu juru u jippermettu aċċess xieraq għal teknoloġiji innovattivi ġodda, l-agrikoltura sostenibbli, is-sigurtà tal-ikel u s-sovranità;

58.  Jenfasizza li l-attivitajiet ta' dawn iċ-ċentri għandhom jippermettu l-aċċess għal teknoloġiji ġodda mhux biss għal agrikoltura sostenibbli iżda wkoll għal żvilupp rurali sostenibbli permezz ta' ħidma fi ħdan il-komunitajiet, ma' SMEs rurali, kooperattivi u organizzazzjonijiet tal-produtturi; jissottolinja li dawn għandhom ikunu trasparenti u miftuħa għall-pubbliku ġenerali u l-bdiewa, u għandu jkollhom approċċ transsettorjali, billi jrawmu djalogu fost is-setturi li jistgħu jintlaqtu mill-innovazzjoni b'modi differenti;

59.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li flimkien mal-innovazzjonijiet teknoloġiċi u xjentifiċi, it-tekniki tradizzjonali u l-azjendi agrikoli jkunu jistgħu jkomplu jirnexxu, peress li dawn jikkostitwixxu assi enormi, peress li huma sors ta' diversità kulturali, rurali u turistika, u jipprovdu għajxien għal bosta bdiewa Ewropej fuq skala żgħira f'ħafna reġjuni;

60.  Jistieden lill-Istati Membri jużaw aħjar l-istrumenti finanzjarji maħluqa taħt il-Memorandum ta' Ftehim konġunt bejn il-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment fir-rigward tal-iżvilupp agrikolu u rurali għall-perjodu 2014-2020;

61.  Jenfasizza l-valur miżjud assoċjat ma' dawn l-istrumenti, speċjalment f'termini ta' effetti ta' ingranaġġ u garanziji ta' self immirati biex jixprunaw l-implimentazzjoni tal-aġenda għar-riċerka tal-agrikoltura u l-forestrija sostenibbli, inkluża l-Isfida Soċjetali numru 2 tal-Orizzont 2020; isemmi, b'mod partikolari, l-utilità tagħhom għat-tnaqqis tal-ħtiġijiet u r-riskji tal-investiment għall-bdiewa li jixtiequ jadottaw teknoloġija u metodi ta' biedja ta' preċiżjoni li jiswew ħafna;

Inżommu lill-Ewropa fil-qalba tal-iżvilupp xjentifiku u tal-innovazzjoni

62.  Jinnota li żoni rurali, inklużi r-reġjuni l-aktar periferiċi u r-reġjuni muntanjużi, huma aktar esposti għat-tibdil fil-klima reali u potenzjali, li tagħmilhom anqas attraenti u aktar suxxettibbli għal popolazzjoni li qed tixjiħ u għad-depopolazzjoni; jirrikonoxxi li l-agrikoltura għandha titħalla tadatta ruħha sabiex tiffaċċja ċirkostanzi li qed jinbidlu permezz tal-użu tas-soluzzjonijiet teknoloġiċi kollha disponibbli biex ikun żgurat li l-art agrikola tintuża b'mod aktar sostenibbli;

63.  Jinnota li teknoloġiji moderni fl-agrikoltura u settur tal-użu tal-art usa' jistgħu jgħinu biex dawn is-setturi jikkontribwixxu b'mod ġust għall-isforzi ta' mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima globali; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-ħtieġa li titwessa' d-definizzjoni ta' "agrikoltura produttiva" u li jiġu appoġġati u rispettati b'mod sħiħ l-artijiet agrikoli li jipprovdu beni pubbliċi fil-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-assorbiment tal-karbonju, inkluża l-biedja agroekoloġika;

64.  Iqis li huwa essenzjali li tinżamm l-art agrikola f'żoni muntanjużi u żoni periferiċi tal-Unjoni, u jappoġġa l-azzjonijiet kollha biex jiġi żgurat li l-azjendi li jinsabu hemm, fil-biċċa l-kbira fuq skala żgħira, ikollhom ukoll aċċess għal teknoloġija avvanzata mfassla għall-ħtiġijiet tagħhom;

65.  Iqis li huwa essenzjali li regolamentazzjoni tal-UE raġonevoli, orjentata lejn is-sikurezza u s-saħħa tal-konsumatur u l-protezzjoni tal-ambjent, ibbażata fuq xjenza indipendenti rieżaminata mill-pari, tippermetti li l-prodotti tal-azjendi agrikoli tal-UE jkunu kompetittivi u attraenti fis-swieq interni u dinjin, u jitlob li dak il-prinċipju jibqa' jinżamm sod;

66.  Jinnota, b'mod partikolari, l-ispejjeż għoljin, il-perjodi twal u l-inċertezza kummerċjali u ġuridika tal-introduzzjoni fis-suq ta' teknoloġiji ġodda u prodotti sostenibbli skont ir-regolamenti attwali tal-UE; jinnota li dawn il-fatti huma terġ' aktar evidenti fir-reġjuni l-aktar periferali, f'żoni rurali remoti, f'żoni żvantaġġati u f'żoni muntanjużi;

67.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tuża u ttejjeb il-karatteristiċi kollha tar-reġjuni l-aktar periferali billi twettaq proġetti pilota fil-qasam tal-innovazzjoni teknoloġika u xjentifika bl-għan li jitnaqqsu l-iżvantaġġi naturali tagħhom u, minħabba l-iskala żgħira tagħhom, id-diffikultà li jiksbu aċċess u li japplikaw l-aħħar żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi;

68.  Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-qafas regolatorju tagħha b'konformità mal-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar biex ikunu żgurati proċeduri deċiżjonali f'waqthom, effiċjenti u effikaċi, li jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp teknoloġiku tal-UE;

69.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-Mekkaniżmu l-ġdid ta' Pariri Xjentifiċi (SAM) biex tfassal qafas regolatorju li jpoġġi enfasi akbar fuq l-evidenza xjentifika indipendenti u bbażata fuq ir-riskji waqt li tiddetermina r-riskji, il-perikli u l-benefiċċji fl-adozzjoni jew in-nuqqas ta' adozzjoni ta' teknoloġiji, prodotti u prattiki ġodda;

70.  Jinnota appoġġ wiesa' għall-adozzjoni tal-prinċipju ta' innovazzjoni, li jeħtieġ li l-proposti leġiżlattivi tal-UE jiġu valutati bis-sħiħ f'termini tal-impatt tagħhom fuq l-innovazzjoni;

71.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjonijiet aktar mifruxa fil-qasam tal-kooperazzjoni xjentifika fil-livell internazzjonali, bil-ħsieb, inter alia, ta' intensifikazzjoni tal-iskambju ta' informazzjoni u l-identifikazzjoni ta' opportunitajiet ta' żvilupp;

o
o   o

72.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 965.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104.
(3) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.
(4) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1.
(5) ĠU L 309, 24.11.2009, p. 71.
(6) ĠU L 77, 15.3.2014, p. 44.
(7) ĠU L 162, 30.4.2004, p. 18.
(8) ĠU L 268, 18.10.2003, p. 1.
(9) Testi adottati, P7_TA(2014)0205.
(10) Testi adottati, P8_TA(2015)0473.

Avviż legali