Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2731(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : B8-0739/2016

Testi mressqa :

B8-0739/2016

Dibattiti :

PV 07/06/2016 - 17
CRE 07/06/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 08/06/2016 - 12.16
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0268

Testi adottati
PDF 367kWORD 112k
L-Erbgħa, 8 ta' Ġunju 2016 - Strasburgu
L-iżvilupp tas-suq spazjali
P8_TA(2016)0268B8-0739/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar l-iżvilupp tas-suq spazjali (2016/2731(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 189 tat-Titolu XIX tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Frar 2013 intitolata "Il-Politika Industrijali Spazjali tal-UE" (COM(2013)0108),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' April 2011 intitolata "Lejn strateġija tal-ispazju tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini" (COM(2011)0152),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' April 2016 intitolata "Inizjattiva tal-Cloud Ewropea – Il-bini ta' dejta kompetittiva u ekonomija tal-għarfien fl-Ewropa" (COM(2016)0178),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni tal-14 ta' Ġunju 2010 intitolata "Pjan ta' Azzjoni dwar l-Applikazzjonijiet tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita (GNSS)" (COM(2010)0308),

–  Regolament (UE) Nru 512/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 912/2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 377/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-3 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Programm Copernicus u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 911/2010(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 912/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Settembru 2010 li jistabbilixxi l-Aġenzija Ewropea GNSS, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1321/2004 dwar l-istabbiliment ta' strutturi għat-tmexxija tal-programmi Ewropej ta' radjunavigazzjoni bis-satellita u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tan-navigazzjoni bis-satellita u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 876/2002 u r-Regolament (KE) Nru 683/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2015/758 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2015 li jikkonċerna rekwiżiti għall-approvazzjoni skont it-tip għall-iskjerament tas-sistema eCall immuntata fil-vettura bbażata fuq is-servizz 112 u li jemenda d-Direttiva 2007/46/KE(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 165/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta' Frar 2014 dwar takografi fit-trasport bit-triq, li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 dwar apparat ta' reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq(6),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet rilevanti tal-Kunsill u d-"Dikjarazzjoni ta' Amsterdam" Ministerjali tal-14 ta' April 2016 dwar il-kooperazzjoni fil-qasam tas-sewqan konness u awtomatizzat,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar kapaċitajiet fil-qasam tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża Ewropea(7),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Diċembru 2013 dwar il-Politika Industrijali Spazjali tal-UE, ir-rilaxx tal-Potenzjal għat-Tkabbir fis-Settur Spazjali(8),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2012 dwar strateġija tal-Ispazju tal-Unjoni Ewropea għas-servizz taċ-ċittadini(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Ġunju 2011 dwar applikazzjonijiet għat-trasport tas-Sistema Globali ta' Navigazzjoni bis-Satellita – il-politika tal-UE għal perjodu qasir u medju ta' żmien(10),

–  wara li kkunsidra l-istudju ta' Jannar 2016 dwar l-Iżvilupp tas-Suq Spazjali fl-Ewropa(11),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-attivitajiet spazjali tal-UE huma ta' importanza ewlenija għal progress xjentifiku u tekniku, l-innovazzjoni, it-tkabbir ekonomiku, il-kompetittività industrijali, il-koeżjoni soċjali, il-ħolqien ta' impjiegi b'ħiliet u ta' intrapriżi, u opportunitajiet ġodda kemm fis-swieq upstream u dawk downstream;

B.  billi n-navigazzjoni bis-satellita, l-osservazzjoni tad-Dinja (EO) u s-servizzi ta' komunikazzjoni bis-satellita jistgħu jagħtu kontribut essenzjali lejn l-implimentazzjoni ta' firxa wiesgħa ta' politiki tal-Unjoni; billi ċ-ċittadini Ewropej jistgħu jibbenefikaw b'mod sinifikanti min-navigazzjoni bis-satellita u s-servizzi tal-EO;

C.  billi l-implimentazzjoni ta' programmi ewlenin spazjali turi l-valur miżjud tal-kooperazzjoni fil-livell tal-UE; billi l-UE għad m'għandhiex politika spazjali integrata u koerenti;

D.  billi l-aċċess awtonomu għall-ispazju huwa ta' importanza strateġika għall-UE; billi l-informazzjoni affidabbli u preċiża ħafna dwar l-ippożizzjonar u l-ittajmjar huma fundamentali għat-tisħiħ tal-awtonomija Ewropea u billi l-programmi GNSS Ewropea u Copernicus għandhom approċċ innovattiv uniku lejn l-implimentazzjoni teknoloġika; billi l-Unjoni ser tinvesti iktar minn EUR 11-il biljun fl-infrastruttura tagħhom għall-perjodu sal-2020;

E.  billi l-European Geostationary Navigation Overlay Service (EGNOS), li jżid fuq is-sinjali tal-GPS, diġà huwa operattiv u l-Galileo dalwaqt se jniedi s-servizzi inizjali tiegħu; billi Copernicus huwa operattiv, u s-servizzi ewlenin tiegħu huma diġà disponibbli għall-utenti u d-data hija liberament aċċessibbli mad-dinja kollha;

F.  billi t-teknoloġiji żviluppati fil-qafas tar-riċerka spazjali jwasslu għal livell għoli ta' arrikkiment trasversali ta' ideat u effetti multiplikaturi f'oqsma oħra ta' politika;

G.  billi l-konnessjoni tal-infrastruttura eżistenti fl-oqsma tal-ħżin ta' data, netwerking u informatika ta' prestazzjoni għolja fl-Ewropa hija neċessarja biex tiġi żviluppata l-kapaċità li jiġu pproċessati u maħżuna volumi kbar ta' data satellitari, u għalhekk huwa importanti li tiġi ffaċilitata industrija downstream EO Ewropea b'saħħitha u kompetittiva;

H.  billi fl-għoxrin sena li ġejjin, il-GNSS Ewropea hija mistennija li tiġġenera benefiċċji ekonomiċi u soċjali ta' valur ta' bejn EUR 60 u 90 biljun; billi l-potenzjal tal-fatturat annwali tas-suq tas-servizzi downstream EO li għandu jintlaħaq sal-2030 huwa stmat għal madwar EUR 2.8 biljun, li minnu aktar minn 90 % għandu jirriżulta minn Copernicus;

I.  billi l-adozzjoni ta' applikazzjonijiet u servizzi downstream ibbażati fuq data spazjali s'issa ma laħqitx l-aspettattivi; billi sabiex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal tas-suq ta' data spazjali, kemm id-domanda pubblika kif ukoll dik privata jeħtieġ li jiġu stimulati u jeħtieġ li tingħeleb il-frammentazzjoni tas-suq u kwalunkwe ostaklu tekniku, leġiżlattiv u ostakli oħrajn għall-funzjonament tas-suq intern fil-qasam tal-prodotti u s-servizzi relatati mal-ispazju;

J.  billi l-Kummissjoni ħabbret fil-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2016, l-intenzjoni li tippreżenta "Strateġija Spazjali għall-Ewropa" u nediet konsultazzjoni pubblika f'April 2016; billi din ir-Riżoluzzjoni ser tagħti kontribut lill-istrateġija;

L-istrateġija spazjali u l-iżvilupp tas-suq

1.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta strateġija komprensiva, ambizzjuża u li tħares 'il quddiem, li tiżgura, fi żmien qasir, medju u fit-tul, pożizzjoni ta' tmexxija għall-Ewropa f'teknoloġiji u servizzi spazjali fis-swieq globali, li tiżgura aċċess indipendenti għall-ispazju għall-Ewropa u li tiżgura kundizzjonijiet ekwi għall-industrija spazjali Ewropea;

2.  Jemmen li waħda mill-elementi prinċipali tal-istrateġija għandha tkun l-adozzjoni mis-suq ta' data, servizzi u applikazzjonijiet spazjali, sabiex jiġu mmassimizzati l-benefiċċji soċjoekonomiċi tal-programmi spazjali tal-UE;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal qafas ta' politika industrijali spazjali Ewropea ċara bħala parti mill-istrateġija li jmiss;

4.  Jenfasizza l-fatt li l-iżvilupp futur tal-programmi spazjali tal-UE għandu jkun orjentat lejn l-utent u mmexxi mill-ħtiġijiet tal-utenti pubbliċi, privati u xjentifiċi;

5.  Jirrikonoxxi li l-firxa wiesgħa ta' partijiet ikkonċernati involuti fl-implimentazzjoni tal-Politika Spazjali Ewropea, b'mod partikolari l-Kummissjoni, l-Aġenzija Ewropea GNSS (GSA), l-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA), fornituri ta' servizzi ta' Copernicus (Eumetsat, l-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, l-Aġenzija Frontex, iċ-Ċentru Ewropew għat-Tbassir tat-Temp fuq Medda-Medja, iċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka, Mercator Ocean), l-Istati Membri u l-industrija; iħeġġiġhom ikomplu jrawmu l-kooperazzjoni tagħhom, jiġifieri bejn l-UE u l-ESA; jistieden lill-Kummissjoni biex ikollha rwol ewlieni fl-iżvilupp tal-kapaċitajiet tal-industrija Ewropea biex ittejjeb l-aċċess għad-data, l-iżvilupp tas-suq u l-kompetittività fis-suq globali;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' struttura istituzzjonali simplifikata għall-attivitajiet spazjali tal-UE biex tiġi ffaċilitata l-adozzjoni mill-utenti, kemm pubblika kif ukoll privata; jitlob lill-Kummissjoni tindirizza din il-ħtieġa fl-istrateġija tagħha u tipproponi definizzjonijiet ċari tar-rwoli tal-atturi differenti;

7.  Jenfasizza l-importanza tad-dimensjoni reġjonali; jappoġġja involviment ikbar tal-awtoritajiet reġjonali u lokali f'politika spazjali tal-UE ta' suċċess; jinsisti fuq il-ħtieġa li jiġu kkoordinati inizjattivi lokali fil-livell nazzjonali biex tiġi evitata duplikazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri;

Ostakli tekniċi

8.  Jilqa' l-progress li sar fir-rigward taż-żewġ programmi ewlenin spazjali, Galileo u Copernicus; jemmen li għandhom jitqiesu bħala programmi komplementari u li għandhom jiġu inkoraġġuti sinerġiji ulterjuri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrispetta l-iskeda taż-żmien u tiżgura l-operat sħiħ u rapidu tal-infrastruttura spazjali u tal-art u servizzi pprovduti miż-żewġ programmi ewlenin; jemmen li, l-evitar ta' dewmien ulterjuri huwa ta' importanza ewlenija biex tinżamm il-fiduċja tas-settur privat; itenni l-opportunitajiet fis-suq globali tal-GNSS Ewropea marbuta mal-estensjoni tal-kopertura EGNOS fix-Xlokk u fil-Lvant tal-Ewropa, fl-Afrika u fil-Lvant Nofsani;

9.  Jappoġġja l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet integrati li jużaw kemm l-EGNOS/Galileo u Copernicus;

10.  Iqis li t-tixrid ta' data ta' Copernicus huwa frammentat wisq u li l-approċċ tal-UE huwa essenzjali sabiex l-industrija Ewropea tieħu vantaġġ minnu; jenfasizza l-fatt li aċċess aħjar għal data tal-Copernicus EO huwa prekundizzjoni għall-iżvilupp ta' settur ta' industrija downstream b'saħħtu; jenfasizza b'mod partikolari l-ħtieġa ta' aċċess aktar mgħaġġel għal settijiet kbar ta' data tal-EO, bħalma huma s-serje tal-ħin;

11.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li d-data tal-Copernicus tkun disponibbli fuq pjattaformi tal-ICT indipendenti, li jippermettu ħżin, ġestjoni, ipproċessar ta' big data u aċċess faċli għaliha, u tagħmilha aktar faċli biex jiġu integrati settijiet ta' data minn kemm jista' jkun sorsi u tressaqhom viċin l-utent; jemmen li dawn il-pjattaformi għandhom:

   jiġbru d-domanda, fejn b'hekk jgħinu biex tingħeleb il-frammentazzjoni attwali u joħolqu suq tad-data tal-EO intern mingħajr il-ħtieġa ta' miżuri regolatorji;
   jiggarantixxu aċċess miftuħ u mhux diskriminatorju għall-utenti;
   jippermettu lill-industrija tforni kwalunkwe servizz li jqisu xieraq permezz tal-pjattaformi;
   ikunu kumplimentari ma' sforzi oħra mill-Istati Membri, l-ESA, l-industrija u l-Cloud tax-Xjenza Miftuħa (Open Science Cloud);

12.  Jirrakkomanda wkoll li l-Kummissjoni taħdem mill-qrib mal-Istati Membri u l-ESA dwar il-ħolqien ta' sistema ta' infrastruttura integrata b'mod xieraq, b'livelli adegwati ta' sigurtà tad-data;

13.  Jenfasizza l-fatt li, mingħajr chipsets u riċevituri abilitati għall-Galileo, id-dħul fis-suq tal-Galileo se jkun imxekkel b'mod serju; jilqa', għalhekk, l-ammont allokat fil-baġit tal-GNSS Ewropea għall-programm ta' finanzjament "Elementi Fundamentali", li hu ġestit mill-GSA, biex tappoġġja l-iżvilupp tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex fl-eżami ta' nofs it-terminu teżamina jekk l-ammont għandux jiżdied;

14.  Jistieden lill-GSA tkompli taħdem ma' manifatturi taċ-chipsets u tar-riċevituri biex jifhmu aħjar il-ħtiġijiet tagħhom u jipprovduhom bl-informazzjoni u l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi meħtieġa biex jiżguraw li t-tagħmir tal-utent ikun kemm jista' jkun kompatibbli mal-Galileo; jemmen li l-industrija teħtieġ tkun inkorporata fil-proċess tal-evoluzzjoni tal-programm sabiex is-sistema tkompli tissodisfa l-ħtiġijiet tas-suq; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Galileo tiġi inkluża mill-industrija bħala waħda mill-kostellazzjonijiet ta' referenza għar-riċevituri ta' ħafna kostellazzjonijiet;

15.  Ifakkar li l-Galileo se jkollha "differenzjaturi", jiġifieri, ċerti vantaġġi mhux provduti minn kostellazzjonijiet GNSS oħrajn, bħal servizz ta' awtentikazzjoni miftuħ u l-preċiżjoni għolja ħafna u l-affidabbiltà tas-servizzi kummerċjali; jenfasizza li huwa essenzjali għal dawn id-differenzjaturi li jkunu disponibbli kemm jista' jkun malajr biex jgħinu jiżguraw li l-Galileo ssir kostellazzjoni ta' referenza u li l-vantaġġi fuq il-kompetituri tagħha jkunu jistgħu jiġu promossi;

16.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-istandards tekniċi meħtieġa jkunu fis-seħħ biex jippermettu lid-data spazjali u s-servizzi jintużaw; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi gruppi ta' ħidma tematiċi b'esperti mill-Istati Membri sabiex jiġu stabbiliti tali standards;

L-ostakli għas-suq

17.  Iqis li l-attivitajiet tas-settur pubbliku, inklużi dawk ta' aġenziji Ewropej fdati, għandhom ikunu prevedibbli sabiex jistimulaw l-investimenti tas-settur privat; jemmen fil-prinċipju li s-servizzi spazjali futuri għandhom ikunu pprovduti prinċipalment minn, u akkwistati minn, impriżi kummerċjali sakemm ma jkunx hemm raġuni tajba biex dan ma jsirx, pereżempju, minħabba riskji ta' sigurtà tanġibbli; jissuġġerixxi li l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tar-Regolamenti Copernicus u Galileo għandha tintuża sabiex jiġi żgurat involviment akbar tas-settur privat fl-akkwist tas-servizzi;

18.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fir-rigward tad-data ta' Copernicus, tiddefinixxi b'mod ċar malajr kemm jista' jkun ir-rwol tas-servizzi pubbliċi ewlenin (liema prodotti jipprovdu fi ħdan il-politika ta' aċċess miftuħa u libera, il-proċeduri li bihom prodotti ġodda jistgħu jiġu miżjuda) u dak li għandu jitħalla lis-settur downstream; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħtiġijiet ta' riżoluzzjoni għolja ħafna tad-data tal-EO għal skopijiet operazzjonali interni tal-UE; jemmen li din id-data għandha tiġi akkwistata minn fornituri kummerċjali Ewropej sabiex l-industrija Ewropea titqiegħed f'pożizzjoni b'saħħitha li jippermettilha tbigħ fi swieq kummerċjali madwar id-dinja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu wkoll miżuri biex tiffaċilita l-akkwist ta' servizzi fuq bażi spazjali minn awtoritajiet pubbliċi, inkluż billi tħeġġeġ akkwist prekummerċjali, b'mod partikolari biex jiġu appoġġjati SMEs innovattivi;

19.  Jitlob li jiżdiedu l-isforzi biex titqajjem sensibilizzazzjoni dwar il-potenzjal ta' programmi spazjali Ewropej fost is-settur pubbliku u dak privat u l-utenti aħħarija u biex jiġi inkoraġġut l-użu ta' data spazjali fis-settur pubbliku u l-komunità tan-negozju; jemmen li approċċ stimulat mill-utenti u wieħed tas-soluzzjoni għall-problemi, fejn il-ħtiġijiet tal-politika huma mqabbla ma' servizzi operazzjonali bbażati fuq is-satellita, jista' jkun effikaċi; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki, bħall-UK Space for Smarter Government Programme; iqis li l-Kummissjoni tista' taqdi rwol importanti fil-ġbir tal-ħtiġijiet tas-settur pubbliku u tgħin fil-ġenerazzjoni tad-domanda mill-utenti;

20.  Japprezza d-diversi attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni pprovduti mill-Kummissjoni, il-GSA u l-ESA, il-fornituri ta' servizzi ta' Copernicus, l-aġenziji spazjali nazzjonali u partijiet interessati oħra; jenfasizza bħala eżempji b'suċċess tal-aħjar prattika fil-Konferenzi Annwali dwar il-Politika Ewropea dwar l-Ispazju, il-konferenzi European Space Solutions, l-Ispace Days, l-Expo tal-European Space, il-Kompetizzjoni tat-Tpinġija ta' Galileo, il-Kompetizzjoni tan-Navigazzjoni bis-Satellita Ewropea u l-Copernicus Masters;

21.  Jemmen li għandhom isiru iktar sforzi sabiex jiġi promoss u kumerċjalizzat il-Programm Copernicus;

22.  Iħeġġeġ lill-GSA tkompli bl-isforzi tagħha fil-qasam tal-promozzjoni u tal-kummerċjalizzazzjoni tal-Galileo u tal-EGNOS u fil-provvista ta' informazzjoni dwar il-ħtiġijiet tal-utenti u żviluppi fis-suq tan-navigazzjoni bis-satellita;

23.  Iqis li l-Kummissjoni għandha tinvolvi n-netwerk ta' ċentri reġjonali Europe Direct fl-Istati Membri fit-tixrid ta' sensibilizzazzjoni tal-vantaġġi tad-data spazjali minn Copernicus u Galileo u tappoġġja wkoll l-awtoritajiet pubbliċi fl-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet tagħhom;

L-ispazju fil-politiki tal-UE

24.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżguraw li l-infrastruttura tal-programmi spazjali Ewropej u s-servizzi tagħhom jiġu użati f'politiki u programmi relatati; iqis li l-Kummissjoni għandha ssaħħaħ ir-rabtiet bejn l-assi u l-attivitajiet spazjali tal-UE f'oqsma ta' politika bħas-suq intern, il-bażi industrijali, l-impjiegi, it-tkabbir, l-investiment, l-enerġija, il-klima, l-ambjent, is-saħħa, l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, it-trasport, it-turiżmu, is-suq uniku diġitali, il-politika reġjonali u l-ippjanar lokali; jemmen li hemm potenzjal enormi biex jiġu indirizzati sfidi bħalma huma l-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntiera u l-iżvilupp sostenibbli;

25.  Jagħmel pressjoni fuq il-Kummissjoni, għalhekk, biex twettaq "verifika spazjali" fuq l-inizjattivi ta' politiki kollha eżistenti u ġodda, biex tiżgura li jsir l-aħjar użu mill-assi spazjali tal-UE; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tirrevedi l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE biex tivvaluta jekk humiex meħtieġa xi bidliet biex jiġi stimulat l-użu tad-data u s-servizzi bis-satellita (GNSS, EO, telekomunikazzjoni), jiġu pprovduti benefiċċji soċjoekonomiċi u oħrajn u biex titwettaq "verifika spazjali" ta' kull leġiżlazzjoni ġdida;

26.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinvestiga opportunitajiet għall-użu tal-GNSS Ewropea u l-Copernicus fil-viċinat u fil-politika ta' żvilupp tal-Unjoni u f'negozjati dwar kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali;

27.  Jenfasizza l-importanza kritika li d-data tal-GNSS Ewropea għal aktar sikurezza u użu effiċjenti tas-sistemi tat-trasport intelliġenti u tal-ġestjoni tat-traffiku; jiġbed l-attenzjoni għar-Regolamenti dwar l-eCall u t-takografu diġitali, li se jgħinu biex jippromwovu l-adozzjoni tal-Galileo u l-EGNOS; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tindirizza oqsma ta' applikazzjoni rilevanti oħra b'benefiċċji għas-sikurezza u s-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE bħal post ta' sejħa/messaġġ ta' emerġenza; jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri leġiżlattivi f'dan ir-rigward biex tiżgura l-kompatibilità taċ-chipsets tal-GNSS mal-Galileo/EGNOS, b'mod partikolari fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili u l-infrastrutturi kritiċi;

28.  Jenfasizza l-fatt li d-data spazjali u s-servizzi jistgħu jaqdu rwol essenzjali f'li jippermettu lill-Ewropa tkun tista' tieħu rwol ta' mexxejja f'tendenzi teknoloġiċi prinċipali bħal pereżempju l-internet tal-oġġetti, il-bliet intelliġenti, il-big data u l-vetturi konnessi/awtonomi; jilqa', f'dan ir-rigward, id-"Dikjarazzjoni ta' Amsterdam" li tenfasizza r-rwol tal-Galileo u l-EGNOS;

Aċċess għall-finanzjament u l-għarfien espert

29.  Jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ il-finanzjament għall-iżvilupp ta' applikazzjonijiet u servizzi downstream u s-suq downstream b'mod ġenerali; jistieden lill-Kummissjoni, biex fil-perjodu tal-QFP li jmiss, teżamina x-xewqa li għal dan l-iskop jiġi mwarrab proporzjon akbar tal-baġit spazjali tal-UE;

30.  Jenfasizza li l-UE għandha firxa wiesgħa ta' aċċess għal opportunitajiet ta' finanzjament għad-dispożizzjoni tagħha biex tappoġġja s-settur spazjali downstream (l-Orizzont 2020, il-FSIE, il-COSME, il-FEIS, eċċ.); iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża dawn l-istrumenti b'mod koordinat u ffukat u, inkluż permezz tal-iffaċilitar ta' servizzi ta' konsulenza u ta' komunikazzjoni; iħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni tintroduċi mekkaniżmi ta' finanzjament innovattivi u flessibbli u biex tindirizza d-disponibbiltà insuffiċjenti ta' kapital ta' riskju; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata attenzjoni partikolari li jkun issimplifikat l-aċċess għall-finanzjament għal kumpaniji Ewropej ġodda, mikrointrapriżi, intrapriżi żgħar u ta' daqs medju b'mod partikolari biex jiġu megħjuna jkollhom suċċess fil-fażijiet bikrin tal-kummerċjalizzazzjoni;

31.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi l-internazzjonalizzazzjoni tal-kumpaniji spazjali, inklużi l-SMEs, permezz ta' aċċess aħjar għal finanzjament u appoġġ adegwat għall-kompetittività tal-industrija spazjali Ewropea, u wkoll permezz ta' azzjoni speċifika tal-UE li tippermetti l-aċċess indipendenti tal-Ewropa għall-ispazju;

32.  Jirrakkomanda li għandu jkun hemm rabta aktar b'saħħitha bejn ir-R&Ż u appoġġ għall-programmi ta' żvilupp tan-negozji; iqis b'mod partikolari li l-potenzjal ta' innovazzjoni tal-Orizzont 2020 għandu jiġi sfruttat aħjar għas-settur spazjali; jitlob li jkun hemm strateġija xierqa ta' tixrid tar-riżultati ta' riċerka relatata mal-ispazju tal-Orizzont 2020 lill-komunità tan-negozju u jemmen li jeħtieġ li tiġi promossa kollaborazzjoni aktar mill-qrib bejn l-universitajiet u l-kumpaniji privati għall-iżvilupp tal-applikazzjonijiet u tas-servizzi;

33.  Huwa konvint li r-raggruppamenti, l-inkubaturi u inizjattivi simili oħra tal-industrija spazjali jgħinu biex isaħħu d-dħul fis-suq, jistimulaw l-innovazzjoni u jippromwovu sinerġiji bejn l-ispazju u l-ICT u setturi oħra tal-ekonomija; jilqa' l-isforzi ta' xi Stati Membri f'dan il-qasam kif ukoll l-inkubaturi tan-negozju tal-ESA; jemmen li l-Kummissjoni għandha tibni fuq dawn l-isforzi biex tiġi żviluppata strateġija koerenti tal-UE li tappoġġja l-intraprenditorija spazjali u tiżviluppa l-mezzi biex tgħaqqadhom mal-ekonomija usa'; jistieden lill-Kummissjoni tgħin fil-korrezzjoni tal-iżbilanċ ġeografiku ta' dawn l-attivitajiet li fihom il-pajjiżi Ewropej Ċentrali u tal-Lvant għadhom lura; jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni u l-aħjar prattiki u l-kondiviżjoni ta' kapaċitajiet tal-infrastruttura;

34.  Iqis li l-UE u l-Istati Membri għandhom, b'kooperazzjoni mas-settur privat, iżidu l-isforzi tagħhom biex jistimolaw il-ħiliet u l-intraprenditorija u biex jattiraw studenti minn universitajiet tekniċi, xjenzjati u intraprendituri żgħażagħ lejn is-settur spazjali; jemmen li dan se jgħin sabiex tinżamm kapaċità ta' xjenza spazjali fuq quddiem u biex jiġi prevenut eżodu ta' mħuħ ta' esperti b'edukazzjoni u b'ħiliet għolja lejn partijiet oħra tad-dinja;

o
o   o

35.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1)ĠU L 150, 20.5.2014, p. 72.
(2)ĠU L 122, 24.4.2014, p. 44.
(3)ĠU L 276, 20.10.2010, p. 11.
(4)ĠU L 347, 20.12.2013, p. 1.
(5)ĠU L 123, 19.5.2015, p. 77.
(6)ĠU L 60, 28.2.2014, p. 1.
(7) Testi adottati, P8_TA(2016)0267.
(8) Testi adottati, P7_TA(2013)0534.
(9) ĠU C 227 E, 6.8.2013, p. 16.
(10) ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 1.
(11)L-Iżvilupp tas-Suq Spazjali fl-Ewropa, Studju għall-Kumitat ITRE, Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, Dipartiment Tematiku A, 2016, ISBN 978-92-823-8537-1.

Avviż legali - Politika tal-privatezza