Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2699(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0700/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 08/06/2016 - 12.17
CRE 08/06/2016 - 12.17
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0269

Testi adottati
PDF 342kWORD 92k
L-Erbgħa, 8 ta' Ġunju 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Sitwazzjoni fil-Venezwela
P8_TA(2016)0269RC-B8-0700/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta' Ġunju 2016 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela (2016/2699(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-diversi r-riżoluzzjonijiet preċedenti u reċenti tiegħu dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela, b'mod partikolari dawk tas-27 ta' Frar 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(1), tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-persekuzzjoni tal-oppożizzjoni demokratika fil-Venezwela(2) u tat-12 ta' Marzu 2015 dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela(3),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi, li l-Venezwela hija parti għalih,

–  wara li kkunsidra l-Karta Demokratika Inter-Amerikana adottata fil-11 ta' Settembru 2001,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tal-Venezwela, u b'mod partikolari l-Artikoli 72 u 233 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem tal-20 ta' Ottubru 2014 dwar id-detenzjoni ta' dimostranti u persunaġġi politiċi fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tas-7 ta' Diċembru 2015 tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ), Federica Mogherini, dwar l-elezzjonijiet fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Jannar 2016 mill-Kelliem tas-SEAE dwar l-inawgurazzjoni tal-Assemblea Nazzjonali l-ġdida tal-Venezwela,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tat-12 ta' April 2016 mill-Kelliem għall-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, Ravina Shamdasani,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-10 ta' Mejju 2016 mill-VP/RGħ dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela,

–  wara li kkunsidra l-ittra tas-16 ta' Mejju 2016 mill-Human Rights Watch lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, Luis Almagro, dwar il-Venezwela(4),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill Permanenti tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani tat-18 ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjonijiet uffiċjali tas-Segretarju Ġenerali tal-Unjoni tan-Nazzjonijiet tal-Amerika t'Isfel (UNASUR) maħruġa fit-23 ta' Mejju(5) u fit-28 ta' Mejju(6) 2016 dwar il-laqgħat esploratorji biex jitnieda djalogu nazzjonali bejn ir-rappreżentanti tal-Gvern Venezwelan u l-koalizzjoni tal-oppożizzjoni tal-MUD (Mesa de la Unidad Democrática),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja li pparteċipaw fis-Summit tal-G7 li sar f'Ise-Shima fis-26 u s-27 ta' Mejju 2016(7),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tas-Segretarju tal-Istat tal-Istati Uniti, John Kerry, tas-27 ta' Mejju 2016, dwar it-telefonata tiegħu mal-eks Prim Ministru Spanjol, José Luis Rodríguez Zapatero(8),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-koalizzjoni tal-oppożizzjoni tal-Venezwela, il-MUD, rebħet 112-il siġġu fl-Assemblea Nazzjonali li għandha kamra leġiżlattiva waħda b'167 membru, jiġifieri maġġoranza ta' żewġ terzi meta mqabbla mal-55 siġġu tal-PSUV (Partido Socialista Unido de Venezuela); billi l-Qorti Suprema sussegwentement imblukkat erba' rappreżentanti li kienu għadhom kemm ġew eletti fl-Assemblea Nazzjonali (li 3 minnhom huma tal-MUD) milli jieħdu l-kariga, u dan ċaħħad lill-oppożizzjoni mill-maġġoranza tagħha ta' żewġ terzi;

B.  billi, fil-ħames xhur ta' attività leġiżlattiva tal-Assemblea Nazzjonali l-ġdida, li fiha l-oppożizzjoni demokratika għandha l-maġġoranza, il-Qorti Suprema qatgħet 13-il sentenza b'motivazzjonijiet politiċi favur l-eżekuttiv, li kollha kemm huma jipperikolaw il-bilanċ tas-setgħat neċessarju fi stat iggvernat bl-istat tad-dritt;

C.  billi deċiżjonijiet bħal dawk li ħarġu u kkonfermaw id-Digriet ta' Stat ta' Eċċezzjoni u ta' Emerġenza Ekonomika, li eliminaw is-setgħat tal-Assemblea Nazzjonali rigward l-iskrutinju tal-politiki, li rrifjutaw li jirrikonoxxu s-setgħa kkonferita mill-kostituzzjoni lill-Assemblea Nazzjonali li din tal-aħħar tirrevoka l-ħatra ta' mħallfin tal-Qorti Suprema, li ddikjaraw mhux kostituzzjonali r-riforma tal-Liġi dwar il-Bank Ċentrali tal-Venezwela u ssospendew l-artikoli tar-Regoli dwar id-Dibattiti Interni tal-Assemblea Nazzjonali, fost l-oħrajn, ittieħdu bi ksur tas-setgħat leġiżlattivi tal-Assemblea Nazzjonali, bl-ebda rispett għall-bilanċ tas-setgħat li huwa essenzjali fi stat iggvernat bl-istat tad-dritt;

D.  billi hemm madwar 2 000 persuna miżmuma l-ħabs, taħt arrest domiċiljarju jew fuq probation għal raġunijiet politiċi, fosthom mexxejja politiċi importanti bħal Leopoldo López, Antonio Ledezma u Daniel Ceballos; billi fit-30 ta' Marzu 2016, l-Assemblea Nazzjonali tal-Venezwela għaddiet liġi li tagħti amnestija lill-priġunieri msemmijin hawn fuq, u b'hekk wittiet it-triq għal djalogu lejn ir-rikonċiljazzjoni nazzjonali; billi din il-liġi hija konformi mal-Artikolu 29 tal-Kostituzzjoni tal-Venezwela, minkejja d-dikjarazzjoni ta' nonkostituzzjonalità mogħtija mill-Qorti Suprema; billi Zeid Ra’ad Al Hussein, il-Kummissarju Għoli tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem, stqarr pubblikament li l-Liġi dwar l-Amnestija u r-Rikonċiljazzjoni Nazzjonali kienet konformi mad-dritt internazzjonali u esprima d-diżappunt tiegħu dwar ir-rifjut tagħha;

E.  billi l-istat tad-dritt u l-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat mhumiex irrispettati kif xieraq fil-Venezwela; billi l-fatti attwali jindikaw l-influwenza u l-kontroll tal-gvern fuq il-poter ġudizzjarju u l-Kunsill Elettorali Nazzjonali, fatt li għandu impatt detrimentali fuq is-setgħat tal-leġiżlatur u tal-oppożizzjoni, li huma l-pedament ta' kull sistema demokratika, bi ksur ċar tal-prinċipju ta' indipendenza u separazzjoni tas-setgħat li huwa karatteristika ta' stati demokratiċi rregolati mill-istat tad-dritt;

F.  billi l-oppożizzjoni demokratika bdiet proċess rikonoxxut kostituzzjonalment li jippermetti li uffiċjali pubbliċi jitneħħew mill-kariga permess ta' referendum ta' revoka wara li jkunu lestew 50 % tal-mandat tagħhom; billi l-Kunsill Elettorali Nazzjonali rċieva mingħand il-MUD 1,8 miljun firma ta' ċittadini tal-Venezwela b'appoġġ għal dan il-proċess, ħafna aktar mill-198 000 inizjalment meħtieġa biex il-proċess ikun legali u aċċettat kostituzzjonalment;

G.  billi l-Venezwela qed tħabbat wiċċha ma' kriżi umanitarja serja, ikkawżata minn nuqqasijiet ta' ikel u mediċina; billi l-Assemblea Nazzjonali ddikjarat 'kriżi umanitarja tas-saħħa u tal-ikel' minħabba n-nuqqas ġenerali ta' mediċini, tagħmir u provvisti mediċi, u talbet lill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) għal għajnuna umanitarja u żjara teknika biex jiġu ċertifikati l-kundizzjonijiet deskritti hawn fuq;

H.  billi, minkejja n-nuqqas ta' data uffiċjali, skont l-ENCOVI (Encuesta de Condiciones de Vida) r-rata tal-faqar fil-Venezwela irdoppjat, minn 30 % fl-2013 għal 60 % fl-2016; billi 75 % tal-mediċini meqjusa bħala essenzjali mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa mhumiex disponibbli fil-Venezwela;

I.  billi l-gvern qed jimpedixxi d-dħul tal-għajnuna umanitarja fil-pajjiż, u qed jibbojkottja d-diversi inizjattivi internazzjonali ta' assistenza lis-soċjetà ċivili, kif seħħ fil-każ tal-Caritas u NGOs oħra;

J.  billi skont il-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI), l-ekonomija tal-Venezwela hija mbassra li se tiċkien bi 8 % fl-2016, wara t-tnaqqis ta' 5,7 % fl-2015; billi minkejja ż-żieda ta' 30 % fil-paga minima, ir-rata ta' inflazzjoni ta' 180,9 % xxekkel kwalunkwe prospett li l-prodotti bażiċi jkunu għall-but tal-Venezwelani; billi l-FMI jbassar rata medja tal-inflazzjoni ta' 700 % sa tmiem l-2016 u ta' 2 200 % fl-2017;

K.  billi n-nuqqas ta' prospettiva fl-infrastruttura bażika u l-ineffiċjenza fil-governanza wasslu għal kriżi ekonomika u soċjali kbira, kif juru l-iskarsezzi - li ilhom għaddejjin -, ta' riżorsi, materji primi, fatturi ta' produzzjoni, prodotti tal-ikel bażiċi u mediċini essenzjali, flimkien ma' produzzjoni żero, u billi l-pajjiż jinsab f'xifer ta' taqliba soċjali kbira u kriżi umanitarja b'konsegwenzi imprevedibbli;

L.  billi r-rati ta' kriminalità għoljin ħafna u l-impunità totali fil-Venezwela biddlu lill-pajjiż f'wieħed mill-aktar pajjiżi perikolużi tad-dinja, b'Caracas għandha l-ogħla rata ta' kriminalità vjolenti fid-dinja, b'aktar minn 119,87 omiċidju għal kull 100 000 persuna;

M.  billi l-ġlied għal kontroll ta' minjieri illegali huwa komuni fiż-żona li hija għanja fil-minerali qrib il-fruntieri mal-Guyana u mal-Brażil; billi fl-4 ta' Marzu 2016 seħħ massakru f'Tumeremo fl-istat ta' Bolívar, li fih 28 ħaddiem tal-minjieri għebu u mbagħad wara ġew maqtula; billi għadha dovuta tweġiba sodisfaċenti min-naħa tal-awtoritajiet, u billi l-ġurnalista Lucía Suárez, li dan l-aħħar kienet investigat il-każ, inqatlet b'arma tan-nar fit-28 ta' April 2016 f'darha f'Tumeremo;

N.  billi fis-27 ta' Mejju 2016 il-pajjiżi tal-G7 ħarġu stqarrija li fiha ħeġġew lill-Venezwela ''tistabbilixxi l-kondizzjonijiet għal djalogu bejn il-gvern u ċ-ċittadini tagħha biex tiġi riżolta l-kriżi politika u ekonomika dejjem aktar serja'', u billi fl-1 ta' Ġunju 2016 l-Kunsill Permanenti tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) ħareġ dikjarazzjoni dwar is-sitwazzjoni fil-Venezwela;

O.  billi, fil-qafas tal-UNASUR, dan l-aħħar saru laqgħat esploratorji fir-Repubblika Dominikana, immexxija mill-eks Prim Ministru Spanjol José Luis Rodríguez Zapatero, mill-eks President tar-Repubblika Dominikana Leonel Fernández u mill-eks President tal-Panama Martín Torrijos, bl-għan li jingħata bidu għal djalogu nazzjonali mar-rappreżentanti tal-Gvern tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela u l-partiti fl-oppożizzjoni rrappreżentati mill-MUD;

P.  billi soluzzjoni għall-kriżi tista' tinstab biss permezz ta' djalogu mal-livelli kollha tal-gvern, l-oppożizzjoni demokratika u s-soċjetà;

1.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar is-sitwazzjoni li qed tiddeterjora fir-rigward tad-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u s-sitwazzjoni soċjoekonomika fil-Venezwela, bi klima ta' instabilità politika u soċjali li kulma jmur qed tkompli tiżdied;

2.  Jesprimi t-tħassib tiegħu anke dwar l-impass istituzzjonali attwali u l-użu min-naħa tal-eżekuttiv ta' setgħat statali biex jikkontrolla lill-Qorti Suprema u l-Kunsill Elettorali Nazzjonali bl-għan li jimpedixxi l-applikazzjoni ta' liġijiet u inizjattivi adottati mill-Assemblea Nazzjonali; jistieden lill-Gvern tal-Venezwela jirrispetta l-istat tad-dritt u l-prinċipju tas-separazzjoni tas-setgħat; ifakkar li s-separazzjoni u n-nuqqas ta' interferenza bejn is-setgħat li huma ugwalment leġittimi huwa prinċipju essenzjali ta' stati demokratiċi mmexxija mill-istat tad-dritt;

3.  Jistieden lill-Gvern Venezwelan jadotta attitudni kostruttiva sabiex tingħeleb is-sitwazzjoni attwali kritika tal-Venezwela permezz ta' soluzzjoni kostituzzjonali, paċifika u demokratika bbażata fuq id-djalogu;

4.  Jilqa' l-isforzi ta' medjazzjoni mibdija fuq l-istedina tal-UNASUR sabiex jitnieda proċess ta' djalogu nazzjonali bejn l-eżekuttiv u l-oppożizzjoni rappreżentata mill-komponenti ta' maġġoranza tal-MUD;

5.  Jieħu nota tad-Dikjarazzjoni tal-Mexxejja tal-G7 dwar il-Venezwela; jitlob lill-Kunsill Ewropew ta' Ġunju biex joħroġ dikjarazzjoni politika dwar is-sitwazzjoni fil-pajjiż u biex jappoġġa l-isforzi ta' medjazzjoni li ġew imnedija reċentement sabiex jagħtu lok li jintlaħaq qbil fuq soluzzjonijiet demokratiċi u politiċi għall-Venezwela;

6.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Venezwela biex jeħles minnufih lill-priġunieri politiċi kollha; ifakkar li l-ħelsien ta' priġunieri politiċi huwa prerekwiżit stabbilit mill-oppożizzjoni għall-bidu tat-taħdidiet ta' negozjati, u jistieden liż-żewġ naħat jaqblu dwar soluzzjoni ta' kompromess bl-għan li jiġu appoġġati l-isforzi ta' medjazzjoni li jeżistu bħalissa; jistieden lill-UE u lill-VP/RGħ jħeġġu l-ħelsien immedjat tal-priġunieri politiċi u ta' dawk miżmuma b'mod arbitrarju, bi qbil mat-talbiet li għamlu diversi korpi tan-NU u organizzazzjonijiet internazzjonali u mal-Liġi dwar l-Amnestija u r-Rikonċiljazzjoni Nazzjonali;

7.  Jitlob lill-awtoritajiet jirrispettaw u jiggarantixxu d-dritt kostituzzjonali għal dimostrazzjonijiet paċifiċi; jistieden ukoll lill-mexxejja tal-oppożizzjoni jeżerċitaw is-setgħat tagħhom b'responsabilità; jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jiggarantixxu sigurtà u l-eżerċizzju liberu tad-drittijiet taċ-ċittadini kollha, partikolarment tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, tal-ġurnalisti, tal-attivisti politiċi u tal-membri tal-organizzazzjonijiet mhux governattivi indipendenti;

8.  Jistieden lill-President Nicolas Maduro u l-gvern tiegħu jimplimentaw riformi ekonomiċi urġenti f'kooperazzjoni mal-Assemblea Nazzjonali biex tinstab soluzzjoni kostruttiva għall-kriżi ekonomika u tal-enerġija, b'mod partikolari l-iskarsezza ta' ikel u ta' mediċini;

9.  Jesprimi tħassib serju rigward it-tensjoni soċjali li kulma jmur qed tiddeterjora, ikkawżata mill-iskarsezza ta' prodotti bażiċi bħall-ikel u l-mediċini; jistieden lill-VP/RGħ tipproponi pjan ta' assistenza għall-pajjiż u tħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-Venezwela biex jippermettu li l-għajnuna umanitarja tidħol fil-pajjiż u biex jagħtu aċċess lill-organizzazzjonijiet internazzjonali li jixtiequ jgħinu lis-setturi l-aktar affettwati fis-soċjetà bil-ħsieb li jindirizzaw l-aktar ħtiġijiet urġenti u bażiċi tal-popolazzjoni;

10.  Iħeġġeġ lill-gvern u lill-awtoritajiet pubbliċi tal-Venezwela biex jirrispettaw il-Kostituzzjoni, inklużi l-mekkaniżmi u l-proċeduri leġittimi u rikonoxxuti għall-attivazzjoni tal-proċess stabbilit fil-Kostituzzjoni tal-Venezwela għad-destituzzjoni tal-president qabel tmiem l-2016;

11.  Iħeġġeġ lill-VP/RGħ tikkoopera mal-pajjiżi tal-Amerika Latina u ma' organizzazzjonijiet reġjonali u internazzjonali bil-għan li jkun żgurat li fil-Venezwela jiġu implimentati mekkaniżmi għad-djalogu, għar-rikonċiljazzjoni u għall-medjazzjoni nazzjonali ħalli jirfdu soluzzjoni paċifika, demokratika u kostituzzjonali għall-kriżi li l-pajjiż qed iġarrab bħalissa;

12.  Iqis bħala prijorità assoluta t-tnaqqis tal-livelli għoljin attwali ta' impunità, li jżidu u jrawmu l-vjolenza u l-insigurtà, dejjem akbar, fil-pajjiż, u l-garanzija tar-rispett tas-sistema ġuridika fis-seħħ, li tesiġi ġustizzja għall-vittmi tas-sekwestri, tal-qtil u ta' delitti oħra kommessi kuljum, kif ukoll għall-familji tagħhom;

13.  Jistieden lill-awtoritajiet Venezwelani jinvestigaw il-massakru ta' Tumeremo, li fih 28 ħaddiem tal-minjieri nqatlu, bl-għan li l-awturi u l-instigaturi jinġiebu quddiem il-ġustizzja, inklużi dawk involuti fil-qtil reċenti tal-ġurnalista Lucía Suárez, li seħħ fl-istess post u li hemm suspett li huwa konness;

14.  Itenni t-talba tiegħu li tintbagħat delegazzjoni tal-Parlament Ewropew fil-Venezwela u li jkun hemm djalogu mas-setturi kollha involuti fil-kunflitt mill-aktar fis possibbli;

15.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvern u lill-Assemblea Nazzjonali tar-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana u lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani.

(1) Testi adottati, P7_TA(2014)0176.
(2) Testi adottati, P8_TA(2014)0106.
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0080.
(4) https://www.hrw.org/news/2016/05/16/letter-human-rights-watch-secretary-general-almagro-about-venezuela
(5) http://www.unasursg.org/es/node/719
(6) http://www.unasursg.org/es/node/779
(7) http://www.mofa.go.jp/files/000160266.pdf
(8) http://www.state.gov/r/pa/prs/ps/2016/05/257789.htm

Avviż legali