Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2074(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0207/2016

Testi mressqa :

A8-0207/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 23/06/2016 - 8.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0285

Testi adottati
PDF 434kWORD 89k
Il-Ħamis, 23 ta' Ġunju 2016 - Brussell Verżjoni finali
Mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni: l-applikazzjoni mill-Belġju - EGF/2015/012 BE/Hainaut Machinery
P8_TA(2016)0285A8-0207/2016
Riżoluzzjoni
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni ppreżentat mill-Belġju – EGF/2015/012 BE/Hainaut Machinery (COM(2016)0242 – C8-0170/2016 – 2016/2074(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0242 – C8-0170/2016),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) ("ir-Regolament dwar il-FEG"),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0207/2016),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassistihom fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni ("il-FEG");

C.  billi l-Belġju ppreżenta l-applikazzjoni EGF/2015/012 BE/Hainaut Machinery għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għal sensji fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 28 (Manifattura ta' makkinarju u tagħmir n.e.c.) fir-reġjun tal-livell NUTS 2 ta' Hainaut (BE32), u billi mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri 488 ħaddiem li ngħataw is-sensja, kif ukoll 300 żagħżugħ(a) taħt l-età ta' 25 sena mir-reġjun ta' Hainaut, li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs); billi s-sensji saru minn Carwall SA, Caterpillar Belgium SA u Doosan SA;

D.  billi, minkejja l-fatt li l-applikazzjoni ma tissodisfax il-kriterji ta' eleġibilità stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG, din tressqet skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(2), li jippermetti deroga fir-rigward tal-għadd ta' ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti, u li għalhekk il-Belġju għandu dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 1 824 041 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-ispiża totali ta' EUR 3 040 069;

2.  Jinnota li l-Kummissjoni osservat l-iskadenza ta' 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni kompluta mill-awtoritajiet Belġjani, fil-11 ta' Frar 2016, sa ma ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha dwar il-konformità mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta' kontribuzzjoni finanzjarja fl-4 ta' Mejju 2016 u nnotifikatha lill-Parlament fl-istess ġurnata.

3.  Josserva li wara t-taqlib serju fil-kummerċ fil-makkinjarju tal-kostruzzjoni ta' dawn l-aħħar snin fis-suq Ewropew, id-domanda għall-prodotti tat-tliet impriżi kkonċernati minn din l-applikazzjoni naqset konsegwentement;

4.  Jinnota li, wara li Caterpillar Belgium SA, fit-23 ta' Frar 2013 ħabbret proċedura kollettiva ta' sensji fl-impjant tagħha f'Gosselies, il-maġġoranza tal-1 399 ħaddiem tagħha spiċċat fl-ambitu tal-applikazzjoni EGF/2014/011 BE/Caterpillar, u jippreċiża li l-applikazzjoni attwali tikkostitiwixxi segwitu għal dik l-applikazzjoni, minħabba li hija parti mill-istess proċedura ta' sensji; jissottolinja li r-reġjun ta' Hainaut qed iħabbat wiċċu ma' sitwazzjoni diffiċli tas-suq tax-xogħol b'rata ta' qgħad ta' 14,5 % (5,9 % ogħla mill-medja nazzjonali), b'telf ta' 1 236 impjieg fl-2013 u ta' 1 878 impjieg fl-2014 fis-settur tal-manifattura, tnaqqis sinifikanti fl-offerti tax-xogħol ta' 13 % mill-2012 u proporzjon għoli ta' ħaddiema mhux ikkwalifikati biżżejjed billi kważi nofs il-persuni li qegħdin ifittxu impjieg ma għandhomx il-kwalifiki tal-edukazzjoni sekondarja għolja, kif ukoll livelli għoljin ta' qgħad fit-tul, li jilħaq id-39,0 % tal-qgħad kumplessiv fir-reġjun ta' Hainault;

5.  Jilqa' pożittivament il-fatt li l-awtoritajiet Belġjani bdew joffru s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta' Jannar 2015, ferm qabel l-applikazzjoni għall-appoġġ mill-FEG;

6.  Jinnota li l-Belġju qed jippjana dawn it-tipi ta' miżuri li ġejjin għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: appoġġ/gwida/integrazzjoni; iffaċilitar tat-tfittix ta' impjieg; taħriġ integrat; appoġġ għall-ħolqien ta' impriża; appoġġ għal proġetti kollettivi, benefiċċji għat-tfittix ta' impjieg u għat-taħriġ;

7.  Jilqa' il-fatt li l-benefiċċji u l-inċentivi, li, kif ikkonferma l-Belġju, huma kundizzjonali fuq il-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira f'attivitajiet ta' tfittix ta' impjieg jew ta' taħriġ, (azzjonijiet skont il-punt (b) tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament dwar il-FEG), huma limitati għal inqas minn 5 % tal-ispejjeż totali, perċentwal ferm inqas mil-limitu ta' 35 % tal-ispejjeż totali tal-pakkett ta' miżuri personalizzati permessi mir-Regolament;

8.  Jinnota li l-ħaddiema li għandhom età bejn 55 u 64 sena jirrappreżentaw 35,9 % tal-benefiċjarji fil-mira; iqis li l-ħaddiema f'dan il-grupp jinsabu f'riskju ogħla ta' qgħad fit-tul u ta' esklużjoni soċjali u għandhom esiġenzi speċifiċi meta jingħataw approċċ personalizzat skont l-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tforni informazzjoni dwar ir-riżultati tal-appoġġ li qiegħed jingħata lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja minn Caterpillar, peress li parti mill-applikazzjoni preżenti hija segwitu għall-applikazzjoni EGF/2014/011 BE/Caterpillar;

10.  Jilqa'il-fatt li minbarra l-488 ħaddiem li ngħataw is-sensja, 300 żagħżugħ(a) li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) taħt l-età ta' 25 sena mill-istess reġjun mistennija li jipparteċipaw fil-miżuri u jirċievu servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG, li għandhom jinkludu: mobilizzazzjoni u gwida, biex imorru direttament għal aktar edukazzjoni/taħriġ jew inkella jsegwu sessjonijiet ta' orjentament imfassla biex jesploraw l-interessi; korsijiet ta' taħriġ speċifiċi; titjib tal-ħiliet personalizzat; benefiċċji għat-tfittix ta' impjieg, għat-taħriġ u għall-mobilità;

11.  Jilqa' l-estensjoni tal-aċċess għall-FEG għan-NEETs; jinnota madankollu li r-Regolament dwar il-FEG bħalissa jipprovdi li dan l-aċċess jista' biss jkompli sal-31 ta' Diċembru 2017; jitlob li ssir reviżjoni tar-Regolament dwar il-FEG, fil-qafas tar-reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, sabiex in-NEETs ikunu jistgħu jkomplu jingħataw l-aċċess wara l-2017;

12.  Jilqa' il-fatt li l-awtoritajiet Belġjani qed jipproponu miżuri speċjali maħsuba għan-NEETs, u, b'dan il-mod, jimmiraw għall-ħtiġijiet tagħhom iżjed speċifikament;

13.  Josserva l-importanza li titnieda kampanja ta' informazzjoni biex tilħaq lin NEETs li jistgħu jkunu eleġibbli fl-ambitu ta' dawn il-miżuri; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu dwar il-ħtieġa li n-NEETs jingħataw għajnuna b'mod permanenti u sostenibbli;

14.  Jilqa' l-fatt li l-pakkett koordinat tas-servizzi personalizzati ġie stabbilit b'segwitu għal konsultazzjonijiet ulterjuri mal-partijiet interessati kollha, fosthom is-sħab soċjali, l-impriżi u s-servizzi tal-impjieg pubbliċi, li se jsegwu wkoll l-implimentazzjoni tal-miżuri proposti permezz ta' Kumitat għall-Monitoraġġ;

15.  Jilqa', partikolarment, l-approċċ tal-awtoritajiet Belġjani u l-kooperazzjoni mas-sħab soċjali fl-għoti ta' appoġġ għall-proġetti kollettivi favur il-ħaddiema li jqisu li jikkostitwixxu impriża soċjali flimkien bħala grupp, bħala miżura b'potenzjal b'valur miżjud għoli;

16.  Josserva li l-azzjonijiet proposti jikkostitwixxu miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eleġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG u jfakkar li, konformement ma' dan l-Artikolu, is-servizzi personalizzati mogħtija mistennija jantiċipaw il-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet rikjesti u jkunu kompatibbli mat-tranżizzjoni lejn ekonomija effiċjenti fir-riżorsi u sostenibbli u jqisu l-esperjenza miksuba s'issa fl-appoġġ favur il-ħaddiema li ngħataw is-sensja fl-ambitu tal-applikazzjoni EGF/2014/011 BE/Caterpillar; josserva, kontemporanjament, li dawn l-azzjonijiet ma jissostitwixxux miżuri passivi ta' protezzjoni soċjali;

17.  Jistieden lill-Istati Membri jħejju, flimkien mas-sħab soċjali, strateġiji biex jantiċipaw il-bidliet previsti fis-suq tax-xogħol u jipproteġu lill-impjiegi u lill-ħiliet tal-Unjoni, speċjalment huma u jinnegozjaw ftehimiet kummerċjali bil-għan li jiżguraw regoli ġusti fil-qasam tal-kompetizzjoni u miżuri komuni kontra d-dumping ekonomiku, soċjali u ambjentali; ifakkar fl-appell tiegħu għal reviżjoni xierqa tal-istrumenti ta' difiża kummerċjali tal-Unjoni;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat se jilħaq kemm il-bżonnijiet tal-ħaddiema u l-ambjent kummerċjali fir-reġjun kif ukoll fir-reġjuni tal-madwar;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat b'mod li jippermettu interventi statali intiżi biex isaħħu proġetti ta' benefiċċju soċjali u ambjentali, biex jgħinu lil SMEs u industriji li jkunu f'diffikultà permezz ta' kontribut għar-rikostruzzjoni tal-kapaċitajiet ta' produzzjoni tagħhom, li ntlaqtu b'mod qawwi mill-kriżi finanzjarja u ekonomika globali;

20.  Itenni l-appell tiegħu indirizzat lill-Kummissjoni biex tipprovdi aktar dettalji fil-proposti futuri dwar is-setturi li għandhom prospetti ta' tkabbir, u għalhekk ta' reklutaġġ, kif ukoll tiġbor data sostanzjata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, inkluż dwar il-kwalità tal-impjiegi u r-rata ta' reintegrazzjoni miksuba permezz tal-FEG;

21.  Jinnota l-fatt li l-awtoritajiet Belġjani kkonfermaw li l-azzjonijiet eleġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx jista' jkun hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

22.  Jinnota li sal-lum, is-settur tal-manifattura ta' makkinarju u ta' tagħmir n.e.c. kien is-suġġett ta' 14-il applikazzjoni għall-FEG, u li tmienja minnhom kienu bbażati fuq globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ u sitta fuq il-kriżi ekonomika u finanzjarja globali;

23.  Itenni li l-assistenza mill-FEG ma għandha tissostitwixxi la l-azzjonijiet li huma r-responsabbiltà tal-kumpaniji skont id-dritt nazzjonali jew ftehimiet kollettivi, u lanqas miżuri għar-ristrutturar ta' kumpaniji jew setturi;

24.  Japprezza t-titjib implimentat fil-proċedura min-naħa tal-Kummissjoni, b'segwitu wara għat-talba tal-Parlament biex jitħaffef ir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota l-pressjoni mil-lat ta' ħin li jġib miegħu l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-każijiet;

25.  Itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

26.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

27.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

28.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(3) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.


ANNESS

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (l-applikazzjoni mill-Belġju – EGF/2015/012 BE/Hainaut Machinery)

(It-test ta' dan l-anness mhux riprodott hawnhekk billi jikkorrispondi mal-att finali, Deċiżjoni (UE) 2016/1145.)

Avviż legali