Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2232(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0199/2016

Testi mressqa :

A8-0199/2016

Dibattiti :

PV 23/06/2016 - 2
CRE 23/06/2016 - 2

Votazzjonijiet :

PV 23/06/2016 - 8.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0293

Testi adottati
PDF 427kWORD 176k
Il-Ħamis, 23 ta' Ġunju 2016 - Brussell Verżjoni finali
Rapport ta' implimentazzjoni dwar id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija
P8_TA(2016)0293A8-0199/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-23 ta' Ġunju 2016 dwar ir-rapport ta' implimentazzjoni dwar id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (2012/27/UE) (2015/2232(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 114 u 194 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2015 bit-titolu "Pakkett dwar l-Unjoni tal-Enerġija – Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares 'il quddiem" (COM(2015)0080),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (2010/31/UE)(1),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014 dwar il-qafas għall-politika dwar il-klima u l-enerġija sal-2030,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi ta' Diċembru 2015 li sar fil-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC),

–  wara li kkunsidra t-tielet pakkett dwar l-enerġija,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Lejn Unjoni Ewropea tal-Enerġija"(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-18 ta' Novembru 2015 bit-titolu "Valutazzjoni tal-progress magħmul mill-Istati Membri biex jilħqu l-miri tal-effiċjenza enerġetika nazzjonali għall-2020 u biex jimplimentaw id-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika 2012/27/UE kif rikjest mill-Artikolu 24(3) tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika 2012/27/UE'' (COM(2015)0574),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Marzu 2011 bit-titolu "Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050'' (COM(2011)0112),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru 2011 bit-titolu "Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050'' (COM(2011)0885),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2014 dwar qafas għall-politika tal-klima u tal-enerġija fl-2030(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari(5),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Frar 2016 bit-titolu "Strateġija tal-UE dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ"(COM(2016)0051),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8–0199/2016),

A.  billi ż-żieda fl-effiċjenza fl-enerġija u l-iffrankar tal-enerġija huma fatturi ewlenin għall-ħarsien ambjentali u klimatiku, it-tisħiħ tal-kompettività ekonomika, il-ħolqien tal-impjiegi, is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u l-indirizzar tal-faqar enerġetiku, u għandhom dimensjonijiet ġeopolitiċi u demokratiċi għall-UE; billi d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (EED) tipprovdi bażi importanti f'dan ir-rigward; billi l-proposta tal-Kummissjoni dwar it-twaqqif tal-Unjoni tal-Enerġija tqis l-effiċjenza fl-enerġija bħala sors ta' enerġija fih innifsu;

B.  billi l-UE qed tagħmel progress ġenerali tajjeb lejn il-miri klimatiċi u enerġetiċi tagħha għall-2020, skont il-previżjonijiet li jassumu implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni rilevanti kollha sal-2020, (tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2, żieda fis-sehem tal-użu ta' sorsi tal-enerġija rinovabbli, żieda fl-effiċjenza fl-enerġija) u b'hekk għandha żżomm rwol mexxej fil-livell dinji;

C.  billi l-biċċa l-kbira tal-iffrankar hija mistennija minn politiki 'trasversali' multisettorjali (44 %), segwiti mill-bini (42 %), l-industrija (8 %) u t-trasport (6 %);

D.  billi hemm inċertezzi konsiderevoli dwar l-affidabilità tal-istimi tal-iffrankar tal-enerġija provduti mill-Istati Membri;

E.  billi l-binjiet jammontaw għal 40 % tal-użu finali tal-enerġija u 36 % tal-emissjonijiet tas-CO2; billi, barra minn hekk, 50 % tal-konsum tal-enerġija finali huwa kontabilizzat mit-tisħin u t-tkessiħ, u 80 % jintuża f'binjiet b'ħafna ħela; billi għandu jiġi żviluppat indikatur tad-domanda għall-enerġija għat-tisħin u t-tkessiħ għall-binjiet fil-livell nazzojnali; billi 50 % tat-tnaqqis fl-emissjonijiet meħtieġ biex tiġi limitata ż-żieda globali fit-temperatura għal inqas minn 2 °C irid jiġi mill-effiċjenza fl-enerġija; billi t-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija tal-binjiet huwa wkoll l-aktar rotta kosteffikaċi biex tittejjeb is-sigurtà tal-enerġija u jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 filwaqt li jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-UE dwar ir-reindustrijalizzazzjoni;

F.  billi l-effiċjenza fl-enerġija jeħtieġ li titqies bħala sors tal-enerġija fih innifsu li jirrappreżenta l-ammont f'Nw (negawatts) tal-enerġija ffrankata, kif muri indubbjament mill-istorja riċenti tad-dinja u Ewropea;

G.  billi 61 % tal-gass importat huwa destinat għall-binjiet (filwaqt li 75 % minnu għall-binjiet residenzjali); billi r-riċerka wriet li b'politika ambizzjuża fl-UE kollha dwar ir-rinnovament tal-binjiet l-ammont ta' importazzjonijiet (użat fis-settur tal-bini) jista' jitnaqqas b'mod kosteffikaċi b'60 % għat-terminu qasir ta' żmien (jiġifieri 15-il sena), u eliminat kompletament għat-terminu fit-tul (fl-2040, il-korp tal-binjiet Ewropej ikun se jikkonsma l-ekwivalenti tal-produzzjoni interna tal-gass tal-UE fl-2011);

H.  billi huwa fundamentali li l-UE u l-Istati Membri jirrikonoxxu l-importanza tal-inklużjoni ta' inizjattivi bbażati fuq iċ-ċittadini bħal kooperattivi jew proġetti komunitarji ta' effiċjenza fl-enerġija; billi huwa meħtieġ li jitneħħew l-ostakli ekonomiċi, regolatorji u amministrattivi sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jieħdu sehem b'mod attiv fis-sistema tal-enerġija;

I.  billi d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija hija direttiva ewlenija li tirrikonoxxi l-importanza tal-iffrankar tal-enerġija biex iġib bidla radikali sabiex jintlaħqu l-ambizzjonijiet ta' wara l-COP 21 filwaqt li jinkisbu l-aktar benefiċċji multipli; billi l-ħolqien tax-xogħol huwa motivat minn investimenti fir-rinnovament tal-bini u miżuri oħra tal-effiċjenza fl-enerġija, il-progress fl-istandards tal-għajxien permezz tat-tnaqqis fil-faqar enerġetiku, l-opportunitajiet ta' xogħol fis-settur tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju, valuri ogħla tal-proprjetà, iżjed produttività, titjib fis-saħħa u s-sikurezza, titjib fil-kwalità tal-arja, titjib fil-bażi tat-taxxa u PDG ogħla;

J.  billi ż-żieda fl-effiċjenza fl-enerġija, b'mod speċjali fis-settur tal-bini, iġġib benefiċċji addizzjonali permezz tal-flessibilità fuq in-naħa tal-offerta u tat-tnaqqis tal-karga bażika globali u tal-punt massimu tas-sistema;

Id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija: implimentata b'mod inadegwat iżda tipprovdi qafas għar-rendiment tal-iffrankar tal-enerġija

1.  Jenfasizza li l-effiċjenza fl-enerġija hija kruċjali biex jintlaħqu l-miri tagħna dwar il-klima, skont l-objettivi mħaddna fil-Ftehim ta' Pariġi adottat fil-COP 21; jenfasizza li l-effiċjenza fl-enerġija hija ta' importanza kbira biex titnaqqas id-dipendenza tagħha fuq l-importazzjoni tal-enerġija, jinħolqu l-impjiegi, jitnaqqas il-faqar enerġetiku, jiżdiedu l-kumdità u saħħa, u tingħata spinta lill-ekonomija tagħna; jenfasizza li d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija wasslet għal ħafna żviluppi pożittivi fl-Istati Membri, iżda li n-nuqqas ta' implimentazzjoni qed ifixkel il-potenzjal sħiħ tagħha;

2.  Jenfasizza li dan huwa essenzjali biex tinbeda t-tranżizzjoni lejn sistema tal-enerġija aktar sostenibbli bbażata fuq is-sorsi rinnovabbli u lil hinn mill-fjuwils fossili kemm jista' jkun malajr; jinsab imħasseb li t-tnaqqis fil-prezzijiet tal-fjuwils fossili jista' jkun ta' ostaklu għall-politika ta' dekarbonizzazzjoni u ta' effiċjenza fl-enerġija;

3.  Jitlob li jitfasslu pjanijiet bil-ħsieb li s-sussidji għall-fjuwils fossili jiġu eliminati gradwalment u li jiġu allokati riżorsi finanzjarji għal proġetti effiċjenti fl-enerġija li jservu biex jintlaħaq l-għan tal-UE għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija sal-2050;

4.  Jiddikjara li sa issa d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija tal-2012 u id-Direttiva dwar il-Binjiet tal-2010 għadhom ma ġewx implimentati bis-sħiħ mill-Istati Membri; jinnota li d-data ta' skadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija kienet il-5 ta' Ġunju 2014; iqis li t-tnaqqis tal-ispejjeż u t-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija huma fl-interess taċ-ċittadini u n-negozji stess; jenfasizza l-importanza ta' qafas regolatorju b'saħħtu li jkun jikkonsisti f'miri u miżuri li jinċentivaw u jippermettu l-investiment f'effiċjenza fl-enerġija u f'konsum u spejjeż baxxi tal-enerġija, filwaqt li jappoġġja l-kompetittività u s-sostenibilità; iżid li wħud mill-Istati Membri mhumiex qed jagħmlu użu xieraq mill-appoġġ tal-UE disponibbli biex tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija tal-binjiet residenzjali; jinnota l-potenzjal sinifikanti għall-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità li toffri l-implimentazzjoni sħiħa tal-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija, b'kont meħud tal-fatt li madwar 900 000 impjieg huma marbuta mal-provvista ta' prodotti u servizzi b'effiċjenza fl-enerġija (skont id-data tal-2010);

5.  Itenni li l-effiċjenza fl-enerġija trid tiġi mifhuma bħala l-element l-aktar sostenibbli tal-obbligu tagħna li nnaqqsu l-konsum tal-enerġija tagħna, u mhux bħala pretest biex inżidu l-konsum;

6.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-prezzijiet iżjed baxxi tal-fjuwil u l-prospett ta' tkabbir ekonomiku jistgħu jipperikolaw aktar l-ilħiq tal-mira ta' 20 %; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jtejbu l-monitoraġġ, il-verifika, il-kontroll u r-reġim ta' konformità sabiex jiżguraw il-livell xieraq ta' ambizzjoni;

7.  Jirrikonoxxi li l-Istati Membri huma mistennija jilħqu 17,6 % biss ta' ffrankar tal-enerġija primarja sal-2020, u li l-mira ta' 20 % hija f'riskju sakemm il-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE ma tiġix implimentata b'mod sħiħ, ma jitħaffux l-isforzi u ma jitneħħewx l-ostakli għall-investiment; Jinnota li kwalunkwe valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija f'dan l-istadju tista' toffri biss perspettiva parzjali minħabba d-dħul fis-seħħ relattivament reċenti tagħha u l-iskadenza għat-traspożizzjoni; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ u malajr id-Direttiva; jistieden lill-Kummissjoni taġixxi fil-pront meta tagħmel talbiet, meta jkun meħtieġ, biex il-pjanijiet nazzjonali jkunu allinjati mal-objettivi ta' din id-Direttiva, u biex tuża l-mezzi legali kollha biex tiżgura li l-Istati Membri jipprovdu informazzjoni aġġornata u eżatta;

8.  Ifakkar fir-riżoluzzjoni tiegħu msemmija hawn fuq tal-5 ta' Frar 2014 u r-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-26 ta' Novembru 2014(6) u tal-14 ta' Ottubru 2015(7), li jitolbu, fost affarijiet oħra, mira tal-effiċjenza fl-enerġija ta' 40 % għall-2030; iqis li mira ġenerali vinkolanti flimkien ma' miri nazzjonali individwali għall-2030 se jżidu l-indipendenza tal-UE mill-importazzjonijiet tal-enerġija, iħeġġu l-innovazzjoni, u jgħinu biex tiġi żgurata r-rwol ta' tmexxija teknoloġika tagħha fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija; iqis ukoll li rekwiżiti vinkolanti huma vitali sabiex jintlaħaq livell ogħla ta' ambizzjoni u sforzi min-naħa tal-Istati Membri, u sabiex titħalla biżżejjed flessibilità biex it-taħlita ta' għodda u strumenti titfassal fil-livell nazzjonali;

9.  Jinnota li l-awtoritajiet lokali għandhom rwol kruċjali biex jippermettu l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, billi jinvolvu ruħhom f'miżuri ambizzjużi ta' ffrankar tal-enerġija permezz ta' pjanijiet ta' azzjoni lokali, pereżempju fil-qafas tal-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija; iqis li d-data mill-pjanijiet ta' azzjoni lokali, bħall-politiki u l-miżuri dwar l-effiċjenza fl-enerġija deskritti f'aktar minn 5 000 Pjan ta' Azzjoni dwar l-Enerġija Sostenibbli fil-qafas tal-Patt tas-Sindki, jistgħu jikkontribwixxu b'mod effettiv għat-tfassil konġunt u ż-żieda fl-ambizzjoni tal-miri nazzjonali dwar l-effiċjenza fl-enerġija;

10.  Huwa tal-fehma li l-potenzjal tal-iffrankar tal-enerġija lokali għandu jiġi sfruttat ferm iżjed, għaliex l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma ċentrali biex imexxu 'l quddiem l-effiċjenza fl-enerġija u b'mod globali t-tranżizzjoni tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ in-netwerks tal-bliet, bħall-Patt tas-Sindki, il-Bliet u l-Komunitajiet Intelliġenti jew il-komunitajiet 100 % b'sorsi ta' enerġija rinnovabbli, li jagħmlu possibbli l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-aħjar prattika bejn il-bliet, l-awtoritajiet lokali, ir-reġjuni u l-Istati Membri fl-oqsma tal-ippjanar minn isfel 'l fuq tat-tranżizzjoni tal-enerġija, id-disinn u l-implimentazzjoni ta' miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija u l-awtoġenerazzjoni, u l-aċċess għal appoġġ finanzjarju;

11.  Jiddispjaċih dwar il-mira ta' natura mhux ambizzjuża (mill-inqas 27 % ta' titjib tal-effiċjenza fl-enerġija sal-2030) adottata mill-Kunsill Ewropew fl-2014, li hija prinċipalment iġġustifikata minn rata ta' skont estremament mhux realistika f'valutazzjoni tal-impatt preċedenti; ifakkar li dan l-iskont (17.5 %) huwa eċċessivament għoli; jistieden lill-Kummissjoni tgħaddi għal analiżi komprensiva tal-ispiża-benefiċċju filwaqt li tqis il-benefiċċji multipli tal-effiċjenza fl-enerġija, u għal rata ta' skont soċjali, f'konformità mal-linji gwida dwar Regolamentazzjoni Aħjar tagħha stess; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrevedu l-mira tal-effiċjenza fl-enerġija ta' 27 % għall-2030 fid-dawl tal-Ftehim ta' Pariġi dwar it-tibdil fil-klima, bil-ħsieb li jinkiseb l-għan li t-tisħin tad-dinja jiġi limitat sew għal taħt it-2 °C, u biex ikomplu bl-isforzi biex jillimitaw dik iż-żieda għal 1,5° C skont il-mira tal-effiċjenza fl-enerġija adottata mill-Parlament; jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi mira vinkolanti ta' effiċjenza fl-enerġija ta' 40 % għall-2030, li se tirrifletti l-livell tal-potenzjal tal-effiċjenza fl-enerġija mil-lat ta' kosteffettività;

12.  Jenfasizza li fl-UE għandha tiġi promossa iżjed strateġija għat-tul għat-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija;

13.  Jenfasizza li f'xi każi l-flessibilità tad-Direttiva ppermettiet li bosta Stati Membri jidħlu għal miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija, u jemmen li din il-flessibilità f'miżuri alternattivi hija kruċjali biex l-Istati Membri jimplimentaw programmi u proġetti tal-effiċjenza fl-enerġija fil-futur; jitlob li jitneħħew il-lakuni fid-Direttiva eżistenti li huma responsabbli għan-nuqqas ta' progress tad-Direttiva, speċjalment fl-Artikolu 7, filwaqt li tinżamm il-flessibilità adegwata biex l-Istati Membri jagħżlu minn fost il-miżuri; jinnota li l-istudju tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 7(8), li huwa bbażat fuq ċifri kkomunikati mill-Istati Membri, wasal għall-konklużjoni li l-miżuri li jippermettu li l-Istati Membri jdaħħlu gradwalment il-mira, iqisu azzjonijiet bikrija jew jeżentaw lit-trasport u lis-settur tal-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet mill-kalkolu tal-mira tagħhom kważi fil-każijiet kollha wasslu għal mira annwali globali ta' ffrankar tal-enerġija ta' nofs biss (0,75 %); jinnota li l-awturi ddikjaraw li l-analiżi tista' biss tkun tajba daqs id-data pprovduta; jinsisti li l-miżuri alternattivi skont l-Artikolu 7(9) għandhom jiġu definiti aħjar u għandhom ikunu faċilment kwantifikabbli;

14.  Jinnota li l-introduzzjoni gradwali u l-azzjonijiet bikrija skont l-Artikolu 7(2) m'għadhomx validi; ifakkar li l-Artikolu 7 huwa mistenni jissodisfa iżjed min-nofs il-mira ta' 20 % stabbilita mid-Direttiva;

15.  Jirrimarka li d-dgħufija prinċipali tad-Direttiva eżistenti hija li l-biċċa l-kbira tal-miżuri se jiskadu fl-2020 sakemm ma tiġix emendata kif xieraq, li jfisser, fost l-oħrajn, li d-dispożizzjonijiet ewlenin tagħha, b'mod partikolari l-Artikolu 7, għandhom jiġu estiżi mhux biss sal-2030 iżda anke lil hinn, u li huwa f'dan il-kuntest li d-Direttiva kurrenti għandha tiġi vvalutata, b'objettivi li għandhom jiġu stabbiliti skont l-iżviluppi (ir-riżultati miksuba, l-innovazzjonijiet teknoloġiċi u tas-suq, eċċ.); jistenna li dan jiffavorixxi miżuri fit-tul; barra minn hekk, jinnota l-ħtieġa li jiddaħħal rieżami ta' nofs it-terminu sabiex ikun garantit li l-miri jintlaħqu fl-2030;

16.  Jenfasizza li armonizzazzjoni aħjar tal-metodi ta' kalkolu tal-addizzjonalità (il-kapaċità li jiġu promossi teknoloġiji li għandhom prestazzjoni ogħla mill-medja tas-suq) u l-materjalità (il-promozzjoni ta' azzjoni li ma kinitx neċessarjament se tittieħed) u għall-kejl u l-verifika tal-iffrankar tal-enerġija jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni aktar effettiva tal-Artikolu 7;

17.  Jipproponi li t-titolu tal-Artikolu 7 jinbidel għal "Skemi ta' appoġġ għall-iffrankar tal-enerġija" sabiex tiġi enfasizzata l-ħtieġa li l-Istati Membri jgħinu lill-konsumaturi, inklużi l-impriżi ta' daqs żgħir u medju, biex jiffrankaw l-enerġija u jnaqqsu l-kostijiet tal-enerġija tagħhom u jdaħħlu fis-seħħ miżuri li jippermettu li tali tfaddil jinkiseb;

18.  Jipproponi li l-Artikolu 7, u b'mod partikolari l-Iskema ta' Obbligu ta' Effiċjenza fl-Enerġija (EEOS), għandhom jipprijoritizzaw l-azzjoni fis-settur tal-binjiet, b'mod partikolari billi titrawwem l-implimentazzjoni tal-istrateġiji nazzjonali fit-tul inklużi fl-Artikolu 4, li għandhom jitfasslu biex iħollu l-potenzjal sħiħ għall-investiment fir-rinnovament tal-enerġija tal-bini;

19.  Jenfasizza li, fost l-isfidi li jinqalgħu u l-ostakli ewlenin għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 7, in-nuqqas ta' għarfien u ta' kapaċità min-naħa ta' dawk involuti għandu rwol importanti, kif għandu rwol ukoll il-livell baxx ta' sensibilizzazzjoni fost il-konsumaturi aħħarin rigward l-iskemi ta' effiċjenza obbligatorji jew miżuri alternattivi u l-perjodu ta' żmien limitat (2014-2020) biex dawn jitwettqu; jistieden, għalhekk, lill-UE tinvesti aktar fl-implimentazzjoni ta' programmi ta' informazzjoni u ta' appoġġ fl-Istati Membri individwali;

20.  Jenfasizza li n-nuqqas ta' indikaturi tal-effiċjenza fl-enerġija, bħall-konsum tal-enerġija għal kull unità ta' PDG, ma jippermettix li wħud mill-Istati Membri jinċentivaw liċ-ċittadini u n-negozji biex jiksbu l-objettiv politiku tal-klima u l-effiċjenza fl-enerġija;

21.  Jenfasizza li d-dispożizzjoni fl-Artikolu 7 li biha l-Istati Membri jistgħu jeżiġu li proporzjon tal-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija jiġi implimentat bħala prijorità fil-familji affettwati mill-faqar fl-enerġija jew fl-akkomodazzjoni soċjali, sa issa ntużat biss minn żewġ Stati Membri; jitlob li din id-dispożizzjoni tissaħħaħ;

22.  Hu tal-fehma li l-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija għall-familji vulnerabbli u b'użu baxx tal-enerġija għandhom jingħataw prijorità, sabiex ikun żgurat b'mod partikolari li l-ispejjeż tal-enerġija għal dawn il-familji jistgħu jitnaqqsu b'mod sostenibbli;

23.  Jissuġġerixxi li l-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali għall-effiċjenza fl-enerġija, kif meħtieġ fl-Artikolu 24 tad-Direttiva attwali, ikunu jistgħu jitolbu lill-Istati Membri jistabbilixxu objettivi li jagħmlu użu mill-miżuri tal-effiċjenza fl-enerġija biex jitnaqqas ir-riskju tal-faqar enerġetiku u jirrappurtaw dwar kif qed jissodisfaw dawn l-objettivi;

24.  Jemmen li l-miżuri għar-rinnovament effiċjenti fl-enerġija tal-binjiet eżistenti jeħtieġ li jiġu prijoritizzati fost dawk bl-aktar faqar enerġetiku; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mira biex ittejjeb l-effiċjenza tal-korp ta' binjiet residenzjali, flimkien ma' standards minimi futuri ta' effiċjenza għad-djar mikrija fil-kuntest tar-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija;

25.  Jinnota li 16-il Stat Membru għażlu li jistabbilixxu skema ta' obbligi ta' effiċjenza fl-enerġija (l-Artikolu 7(1)), u li 24 Stat Membru għamlu użu sa ċertu punt mill-possibilità ta' miżuri alternattivi u 18-il Stat Membru preferew miżuri alternattivi għall-kwota ta' rinnovament (l-Artikolu 5); jikkritika l-fatt li seba' Stati Membri ma stabbilixxewx awditjar tal-enerġija (l-Artikolu 8);

26.  Jenfasizza li xi elementi ewlenin tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (eż. arloġġi intelliġenti, pjanijiet ta' koġenerazzjoni u rinnovament) għandhom bżonn aktar żmien, u li qafas stabbli ta' effiċjenza fl-enerġija għal wara l-2020 huwa essenzjali sabiex jagħti l-fiduċja u l-istabilità regolatorja meħtieġa lill-investituri, l-awtoritajiet pubbliċi u l-impriżi biex ivaraw proġetti u innovazzjonijiet, peress li dawn għandhom potenzjal kbir biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija u b'hekk ibaxxu l-prezzijiet għall-konsumatur; jinnota li d-domanda pubblika u s-suq huma katalizzaturi essenzjali għal dawn il-proġetti;

27.  Jirrikonoxxi li sinjali tal-prezzijiet insuffiċjenti huma raġuni ewlenija biex tiddgħajjef ir-reazzjoni għad-domanda; jistieden lill-Istati Membri jindirizzaw dan l-ostaklu u jippromwovu l-użu ta' arloġġi intelliġenti tad-dawl u kontijiet trasparenti bħala mezz biex titrawwem imġiba aktar reattiva tal-konsumatur fir-rigward tal-konsum tal-enerġija u l-investiment fl-effiċjenza fl-enerġija;

28.  Jilqa' soluzzjonijiet innovattivi u intelliġenti ġodda biex il-provvista u d-domanda tal-elettriku jiġu bbilanċjati, u biex jitnaqqas il-konsum tal-enerġija meta jkun fl-aqwa tiegħu; jitlob li r-riċerka u l-iżvilupp jiġu ffinanzjati għal dawn is-soluzzjonijiet ġodda, speċjalment għas-settur tal-impriżi ta' daqs żgħir u medju;

29.  Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-konsumaturi, taċ-ċittadini u tal-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni (DSO) fil-panorama enerġetiku dejjem iżjed deċentralizzat u l-importanza tal-involviment tagħhom biex jintlaħqu l-miri tal-effiċjenza fl-enerġija; jenfasizza, għalhekk, li jeħtieġ li tittieħed aktar azzjoni biex jissaħħaħ ir-rwol tagħhom permezz ta', fost l-oħrajn, l-iffaċilitar tar-reazzjoni għad-domanda, il-ħżin fuq skala żgħira, ir-rinnovament ta' binjiet u sistemi ta' tisħin u tkessiħ distrettwali, kemm fuq bażi individwali kif ukoll fuq bażi kooperattiva;

30.  Jirrimarka li d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija mhux biss tappoġġja l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija iżda wkoll fiha elementi a' ffrankar tal-enerġija permezz tal-obbligu vinkolanti ta' ffrankar tal-enerġija fis-sena fl-Artikolu 7; jenfasizza l-importanza ta' mira tal-effiċjenza fl-enerġija għall-2030 skont il-miri klimatiċi maqbula fil-COP 21 biex jintlaħqu l-għanijiet tagħna relatati mal-klima u titnaqqas id-dipendenza tagħna minn pajjiżi terzi; jinnota li l-binjiet jirrappreżentaw 40 % tal-użu tal-enerġija fl-UE u li 50 % tal-enerġija tintuża għal finijiet ta' tisħin u tkessiħ; jenfasizza li t-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija fil-binjiet, għalhekk, huwa ta' importanza kbira f'termini ta' tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2, it-titjib tas-sigurtà tal-enerġija, it-tnaqqis tal-faqar enerġetiku u sabiex tingħata spinta lill-ekonomija tagħna; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu bidu għal investimenti maġġuri sabiex itejbu l-effiċjenza fl-enerġija bl-użu tal-fondi tal-UE, peress li dan mhux biss iwassal għal kontijiet orħos tal-enerġija, iżda joħloq ukoll numru kbir ta' impjiegi u jgħin biex jintlaħqu l-għanijiet tar-reindustrijalizzazzjoni;

31.  Jenfasizza li 85 % tal-konsum tal-enerġija ġo binja huwa meħtieġ għat-tisħin tal-kmamar u l-misħun fid-djar u li, għalhekk, jeħtieġ li titħaffef il-modernizzazzjoni ta' sistemi tat-tisħin qodma u ineffiċjenti fl-Ewropa sabiex ikun hemm iffrankar fl-effiċjenza fl-enerġija ta' mill-anqas 20 % b'teknoloġiji disponibbli, inklużi sistemi tat-tisħin rinnovabbli;

Dispożizzjonijiet ġuridiċi li jikkompetu ma' xulxin u jwaqqfu l-kisbiet ambjentali, joħolqu l-burokrazija u jżidu l-ispejjeż tal-enerġija

32.  Jinnota li l-obbligi ta' rappurtar fis-settur tal-enerġija bħala parti minn qafas huma essenzjali biex jiġi evalwat il-progress dwar l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE; jiddispjaċih, madankollu, dwar l-obbligi eċċessivi ta' rappurtar ta' enerġija imposti, ukoll permezz ta' regolamentazzjoni żejda mill-Istati Membri, fuq l-impriżi, il-produtturi tal-enerġija, il-konsumaturi u l-awtoritajiet pubbliċi, ħaġa li tillimita l-potenzjal għat-tkabbir u l-innovazzjoni; jenfasizza li l-obbligi ta' rapportar għandhom, meta jkun possibbli, jiġu ssemplifikati sabiex jitnaqqsu l-piżijiet u l-ispejjeż amministrattivi; jikkritika l-fatt li d-data miksuba waqt ir-rappurtar ta' spiss ma jkunux komparabbli fl-UE minħabba analiżijiet, metodoloġiji u standards differenti; jistieden lill-Kummissjoni tnaqqas, inkluż permezz ta' soluzzjonijiet diġitali, il-piż amministrattiv relatat mal-obbligi ta' rappurtar u tistabbilixxi iktar linji gwida dwar it-tqabbil tad-data għal evalwazzjoni aħjar tad-data; jitlob li l-previżjonijiet tad-domanda tal-enerġija jiġu allinjati skont il-potenzjal ta' ffrankar kosteffikaċi fis-setturi ewlenin, u jemmen li t-tnaqqis tal-burokrazija se jħaffef l-implimentazzjoni tal-miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija; jinnota li l-applikazzjoni tal-prinċipju 'l-ewwel l-effiċjenza fl-enerġija' teħtieġ reviżjoni tal-ippjanar u r-rappurtar dwar l-enerġija u titjib fil-koerenza tal-politika sabiex ikun żgurat it-tisħiħ reċiproku tagħhom, filwaqt li jiġi rikonoxxut li l-iffrankar tal-enerġija huwa l-ewwel sors ta' enerġija tal-Ewropa u l-aktar wieħed sikur; jinnota li l-effiċjenza fl-enerġija tista' tkun l-aqwa investiment f''sors' tal-enerġija li jagħmel l-enerġija ekonomikament aktar aċċessibbli, inaqqas il-ħtieġa għal infrastruttura addizzjonali u għalja fuq in-naħa tal-provvista u jgħin biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima;

33.  Jenfasizza li r-regoli tal-kalkolu għall-iffrankar tal-enerġija u l-interpretazzjonijiet għal miżuri eleġibbli, kif stabbiliti fl-annessi għad-Direttiva, huma kkumplikati wisq, u għalhekk huwa impossibbli li jiġu segwiti b'mod preċiż; Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija se tipprovdi metodu radikalment aktar sempliċi għall-kalkolu tal-effiċjenza fl-enerġija, u tikkunsidra li tipproponi atti delegati ġodda li se jissemplifikaw il-metodi tal-kalkolu tad-Direttiva attwali;

34.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi l-fattur ta' konverżjoni għall-elettriku fl-Anness IV għad-Direttiva, biex jirrifletti aħjar it-tranżizzjoni kontinwa tal-ġenerazzjoni tal-elettriku;

35.  Jirrimarka li mhux ir-riskji kollha marbutin mal-investimenti għall-iffrankar tal-enerġija jistgħu jiġu trattati permezz tal-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet, billi din tkopri biss 45 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet serra tal-UE; jirrimarka li d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija hija interkonnessa ma' leġiżlazzjoni oħra tal-UE relatata mal-enerġija u għandha ċertu impatt fuq il-marka tal-karbonju u l-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (il-prezzijiet taċ-ċertifikati); jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-interrelazzjoni u tiżgura l-komplementarjetà; jinnota li l-prezzijiet baxxi li jirriżultaw tal-kwoti tal-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet jikkostitwixxu wieħed minn għadd ta' fatturi li jnaqqsu l-inċentivi għall-investiment industrijali fl-iffrankar tal-enerġija;

36.  Jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni xierqa tar-riżerva tal-istabilità tas-suq li tista' tgħin biex ittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija billi ssaħħaħ il-koerenza bejn l-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet tal-EU u l-politiki ta' enerġija b'emissjonijiet baxxi ta' karbonju;

37.  Jistenna bil-ħerqa l-Fond ta' Modernizzazzjoni futur, li se jkun immirat lejn il-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-enerġija u t-titjib tal-effiċjenza fl-enerġija fl-Istati Membri tal-UE b'introjtu baxx, u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta struttura ta' governanza xierqa, li tinkludi dettalji rigward ir-rwoli tal-Istati Membri benefiċjarji, il-BEI u istituzzjonijiet oħra;

38.  Jenfasizza li n-nuqqas ta' koordinament bejn l-elementi differenti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali jista' jostakola s-soluzzjonijiet effettivi ta' effiċjenza fl-enerġija li jipprovdu l-aħjar riżultati possibbli f'termini ta' kosteffettività, u jikkanċella l-vantaġġi tal-prezz miksuba permezz tal-iffrankar tal-enerġija; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jfasslu miżuri ta' koordinament għat-twettiq sħiħ tal-potenzjal tal-effiċjenza fl-enerġija, li jwassal għal aktar koerenza bejn l-Istati Membri mingħajr ma jillimita l-kapaċità tagħhom li jfasslu politika skont is-suq u l-prezzijiet tal-enerġija lokali tagħhom, it-teknoloġiji u s-soluzzjonijiet disponibbli u t-taħlita tal-enerġija nazzjonali; jitlob biex l-iskema għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet tqis aħjar il-miżuri nazzjonali li jaffettwaw in-numru ta' kwoti u l-prezz tagħhom;

39.  Jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija tas-settur pubbliku, u jappella għal integrazzjoni aħjar tal-inizjattivi ta' ffrankar tal-enerġija fl-akkwist pubbliku;

40.  Jinnota li r-rekwiżiti tal-effiċjenza fl-enerġija fl-akkwist pubbliku mhumiex mifhuma għalkollox mill-aġenti kollha tal-akkwist; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi linji gwida aktar ċari biex tiffaċilita l-konformità mal-Artikolu 6 tad-Direttiva, kif ukoll integrazzjoni aħjar fir-regoli usa' tal-UE dwar l-akkwist pubbliku;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-istituzzjonijiet lokali u reġjonali sabiex tippromwovi l-effiċjenza fl-enerġija fil-livell reġjonali u lokali u fil-komunitajiet ta' bażi;

42.  Jinnota li għalkemm il-prezzijiet għall-konsumaturi Ewropej tal-elettriku u għall-klijenti azjendali u industrijali żgħar u ta' daqs medju u għall-konsumaturi privati huma relattivament għolja f'ħafna Stati Membri, l-investiment fl-effiċjenza fl-enerġija jista' jagħti spinta lill-kompetittività tan-negozji Ewropej u jnaqqas l-ispejjeż tal-enerġija għall-konsumaturi privati; jenfasizza, madankollu, li l-kont tal-elettriku fl-UE huwa magħmul bħala medja minn terz taxxi u imposti indiretti indotti mill-Istat għad-djar privati, li meta jiġu applikati bħala element fiss fuq il-kontijiet, jistgħu jagħmluha diffiċli għall-konsumaturi li jħossu l-benefiċċji tal-iffrankar tal-enerġija, u jikkontribwixxi għall-faqar enerġetiku; jinnota li l-imposti għall-finanzjament ta' politiki Ewropej dwar il-klima u l-enerġija huma l-iżgħar parti tal-kont; jenfasizza li l-prezzijiet għolja tal-enerġija fl-UE jirriżultaw f'differenza fil-prezzijiet tal-enerġija bejn l-Istati Membri tal-UE u l-kompetituri prinċipali tagħna f'bosta partijiet tad-dinja, li jxekklu l-kompetittività tal-industriji Ewropej li jużaw ħafna enerġija; jinnota li l-innovazzjoni tiżdied ukoll ma' investiment akbar fl-effiċjenza fl-enerġija, biex l-industrija tal-UE tkun f'pożizzjoni dinjija dominanti;

43.  Jinnota li l-effiċjenza fl-enerġija tista' tkun l-aqwa investiment f''sors' tal-enerġija li jagħmel l-enerġija ekonomikament aktar aċċessibbli, inaqqas il-ħtieġa għal infrastruttura addizzjonali u għalja u jgħin biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima;

44.  Jinnota li l-prinċipju ta' 'l-ewwel l-effiċjenza fl-enerġija' jippermetti li jkun hemm espansjoni kosteffettiva tas-sehem tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli fit-taħlita; jenfasizza li l-obbligi ta' ffrankar għandhom ikunu kompatibbli mal-iżvilupp ta' sorsi sostenibbli ta' enerġija rinnovabbli u li s-sinerġiji għandhom jissaħħu biex ikun hemm tranżizzjoni effiċjenti lejn sistema intelliġenti, dekarbonizzata u reżiljenti tal-enerġija; hu tal-fehma li distribuzzjoni transreġjonali mtejba, sistemi ta' ħżin u ġestjoni tan-naħa tad-domanda jippreżentaw opportunitajiet tajbin għall-iżvilupp ulterjuri ta' siti ottimali għall-enerġija mir-riħ, mill-ilma u mix-xemx b'funzjonijiet ta' provvista għall-Ewropa kollha; huwa konvint li dan se jkollu effetti ta' taffija fuq il-prezz tal-enerġija;

45.  Jissottolinja li l-effiċjenza fl-enerġija hija l-iżjed miżura kosteffikaċi biex jiġu sodisfatti l-impenji tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tas-CO2;

Bżonn ta' aktar koerenza fil-leġiżlazzjoni dwar l-enerġija

46.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrispetta l-prinċipju ta' 'regolamentazzjoni aħjar', tqis mezzi aħjar ta' koordinament tar-regoli tal-UE dwar l-enerġija u l-bidla fil-klima sabiex ittejjeb l-effiċjenza u l-effettività leġiżlattivi, u tipproponi miżuri li jtejbu r-regolament attwali; jistieden ukoll lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-metodoloġiji għall-valutazzjoni komprensiva fit-tul tal-inizjattivi tal-effiċjenza fl-enerġija, inklużi l-esternalitajiet prinċipali kollha; jitlob perspettiva ċċentrata fuq is-soċjetà fit-tiswir ta' mudelli u fil-valutazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji globali tal-livelli differenti ta' ambizzjoni dwar l-effiċjenza fl-enerġija, u li l-effiċjenza fl-enerġija tiġi trattata bħala sors ta' enerġija fiha nnifisha;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tittratta l-effiċjenza fl-enerġija bħala prijorità infrastrutturali, tirrikonoxxi li din tissodisfa d-definizzjoni ta' infrastruttura użata mill-Fond Monetarju Internazzjonali u istituzzjonijiet ekonomiċi oħra(9), u tagħmilha element kruċjali u konsiderazzjoni prijoritarja fid-deċiżjonijiet futuri dwar l-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija tal-Ewropa;

48.  Jinnota li l-effiċjenza fl-enerġija tista' tgħin biex tiżdied ir-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija u b'hekk tgħin it-tranżizzjoni lejn sitwazzjoni sostenibbli u sikura;

49.  Jenfasizza li suq intern funzjonali tal-enerġija, inkluż għal servizzi ta' effiċjenza fl-enerġija, se jottimizza l-ispejjeż tas-sistemi tal-enerġija, biex b'hekk jibbenefika lill-konsumaturi kollha u jtejjeb b'mod sinifikanti l-effiċjenza fl-enerġija u l-kompetittività fl-Ewropa kollha; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ it-tielet pakkett dwar l-enerġija sabiex jiżguraw swieq tal-enerġija li jaħdmu b'mod sħiħ, u li jkunu kompetittivi u interkonnessi;

50.  Josserva li l-industriji li jużaw ħafna enerġija jridu jikkontribwixxu wkoll, u li kundizzjonijiet ekwi fl-UE huma importanti ħafna f'dan il-kuntest;

51.  Jenfasizza li l-effiċjenza fl-enerġija tifforma parti mill-miri ewlenin tal-UE u li l-pajjiżi Ewropej għandhom għalhekk jitħeġġu jevitaw ir-rimi kkawżat mill-konsum fl-industrija, it-trasport u l-kostruzzjoni, peress li dawn huma s-setturi ewlenin li jirriżultaw l-akbar sehem tal-konsum;

52.  Jilqa' l-impatt pożittiv li qed ikollhom l-iskemi ta' ċertifikazzjoni jew l-obbligi ta' ffrankar (l-Artikolu 7) f'ħafna Stati Membri; iqis li l-għażla ta' miżuri alternattivi ta' ambizzjoni ekwivalenti hija fattur ewlieni fil-garanzija tal-aċċettazzjoni tagħhom; jinnota l-importanza li jkun żgurat li l-iffrankar iċċertifikat jikkorrispondi għall-iffrankar reali tal-enerġija u ma jkunx biss iffrankar fuq il-karta; jenfasizza r-rwol tal-utilitajiet tal-enerġija fl-iżviluppar attiv ta' miżuri dwar l-effiċjenza fl-enerġija; jitlob li l-kalkolu ta' skemi ta' ċertifikazzjoni u miżuri ta' ffrankar tal-enerġija ma jiġux imxekkla; jistieden lill-Kummissjoni tevalwa jekk hux possibbli li l-iffrankar tal-enerġija primarja jitqies permezz ta' impjanti inkorporati ta' koġenerazzjoni (sħana u enerġija kombinati);

53.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-rapport imħejji għall-Parlament mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew li jasal għall-konklużjoni li ħafna mill-Iskemi ta' Obbligu ta' Effiċjenza fl-Enerġija stabbiliti wrew li kienu importanti biex iwasslu titjib nazzjonali fl-effiċjenza fl-enerġija u pprovdew iffrankar kosteffikaċi għal numri kbar ta' familji u organizzazzjonijiet; jenfasizza wkoll il-konklużjoni li saret li l-Iskemi ta' Obbligu ta' Effiċjenza fl-Enerġija huma ferm kosteffikaċi u li teżisti evidenza li l-iskemi ddisinjati tajjeb u implimentati jistgħu jipprovdu sa 100 % tal-iffrankar tal-pajjiż skont l-Artikolu 7; jissuġġerixxi, għalhekk, li l-Kummissjoni għandha tiġbor lista ta' prattiki tajba u ħżiena u tiżviluppa sett ta' kriterji biex tiżgura Skema ta' Obbligu ta' Effiċjenza fl-Enerġija ddisinjata tajjeb u effikaċi;

54.  Jappella sabiex jiġu pprovduti kalkoli plawsibbli dwar l-iffrankar u l-effiċjenza, mingħajr burokrazija mhux meħtieġa; hu tal-fehma li d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija tista' sservi wkoll bħala leġiżlazzjoni qafas f'dan ir-rigward; iqis li jistgħu jiġu integrati miżuri u kriterji dwar l-effiċjenza konkreti fid-direttivi eżistenti (eż. id-Direttiva dwar il-Binjiet) jew f'obbligu ta' tikkettar konsolidat (tikkettar tal-effiċjenza fl-enerġija, ekodisinn, ekonomija ċirkolari, marka CE);

55.  Hu tal-fehma li l-miri tal-UE għall-ħarsien tal-klima u l-effiċjenza jridu jkunu ta' tisħiħ reċiproku, u li r-rekwiżiti vinkolanti għall-effiċjenza fl-enerġija huma vitali biex jinkiseb livell massimu ta' ambizzjoni u sforz fl-Istati Membri, filwaqt li huwa wkoll meħtieġ li titħalla flessibilità suffiċjenti biex it-taħlita tal-għodda u l-istrumenti tiġi personalizzata fil-livell nazzjonali;

56.  Jitlob li d-Direttiva riveduta dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija tkun skont il-miri tal-UE għall-protezzjoni tal-klima u l-għan tal-Ftehim tal-COP 21; jenfasizza li l-kontinwazzjoni u t-titjib ta' miżuri eżistenti u l-qerda tal-kontradizzjonijiet u l-lakuni jridu jkunu parti mir-reviżjoni tad-Direttiva sabiex jiġu żgurati l-prevedibilità regolatorja u l-fiduċja tal-investituri fit-tul;

Aktar effiċjenza fl-enerġija – aktar impjiegi u tkabbir

57.  Jiddispjaċih dwar il-proġetti xejn effettivi tal-effiċjenza fl-enerġija appoġġjati mill-Fondi Strutturali tal-UE (mill-2007 sal-2013) kif jikkritikahom ir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri; jistieden lill-Kummissjoni timplimenta minnufih it-titjib korrispondenti b'enfasi speċjali fuq il-ġustifikazzjoni, il-monitoraġġ, u t-tqassir tal-perjodu ta' rkupru għall-proġetti ffinanzjati; jitlob li jkun hemm linji gwida mtejba u monitoraġġ aktar b'saħħtu min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward ta' użu aħjar tal-fondi strutturali u tal-FEIS flimkien ma' investimenti privati għall-proġetti vijabbli fl-effiċjenza fl-enerġija, b'mod partikolari fil-binjiet; iqis li l-finanzjament ta' proġetti għall-effiċjenza fl-enerġija mill-Fondi Strutturali u l-FEIS għandu jimmira lejn dawk il-konsumaturi aktar sensittivi għall-prezz tal-enerġija, bħalma huma l-industrija f'riskju ta' rilokazzjoni tal-emissjonijiet tal-karbonju, l-impriżi ta' daqs żgħir u medju u l-familji fir-riskju tal-faqar enerġetiku; iqis li hija prijorità assoluta li jiġu żviluppati strumenti ta' finanzjament, għodda, u mudelli innovattivi li jimmobilizzaw il-fondi pubbliċi u jisfruttaw il-finanzjament privat fil-livell lokali, nazzjonali, reġjonali u dak Ewropew biex jiġu appoġġjati l-investimenti fis-setturi ewlenin tal-effiċjenza fl-enerġija bħar-rinnovament tal-binjiet, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill-gruppi vulnerabbli u wkoll l-attenzjoni dovuta lill-ispeċifiċitajiet tal-investimenti fit-tul;

58.  Jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-investiment fis-settur tal-kostruzzjoni, fost l-oħrajn b'aktar sforzi biex jingħataw inċentivi għal rinnovament fil-fond tal-korp ta' binjiet b'iżolament ħażin fl-UE;

59.  Jenfasizza li jekk l-Istati Membri jistabbilixxu skema tal-effiċjenza fl-enerġija ffinanzjata mill-imposti, livell limitu minimu għandu jiġi mmirat lejn il-familji affettwati mill-faqar enerġetiku; jenfasizza wkoll li l-Istati Membri għandhom juru kif tali skema tal-effiċjenza fl-enerġija ffinanzjata mill-imposti tikkontribwixxi għat-titjib tal-agħar korp eżistenti ta' akkomodazzjoni domestika;

60.  Jenfasizza l-importanza tal-istrumenti finanzjarji Ewropej fil-forma ta' self, garanziji u ekwità biex jattiraw il-finanzjament privat għal proġetti ta' effiċjenza fl-enerġija; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li l-finanzjament jiġi provdut fil-forma ta' għotjiet għal proġetti fil-qasam soċjali;

61.  Jenfasizza li l-UE għandha tistabbilixxi mira ambizzjuża tal-iffrankar tal-enerġija u tħeġġeġ l-innovazzjoni fir-rigward tal-investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija, peress li tali investimenti huma ta' profitt u jistgħu jiġu rkuprati b'mod ġust u malajr;

62.  Jistieden lill-Istati Membri jinkludu dispożizzjoni għal perċentwali minimu sinifikanti ta' miżuri fi skemi ta' obbligu għall-effiċjenza fl-enerġija sabiex jiġi mmirati l-konsumaturi b'introjtu baxx;

63.  Jinnota li l-proġetti għall-effiċjenza fl-enerġija spiss ikunu fuq skala żgħira u jirrikjedu li jiġu amalgamati f'portafolli akbar; jistieden lill-Kummissjoni, lill-BEI u lill-Istati Membri, għal dan il-għan, ivaraw iktar għajnuna teknika u għajnuna għall-iżvilupp ta' proġetti sabiex jiffaċilitaw l-investimenti;

64.  Iqis li strateġija fit-tul ta' effiċjenza fl-enerġija fil-binjiet u iżjed stimolu għal rinnovament effiċjenti fl-enerġija tal-binjiet huma meħtieġa sabiex immorru lil hinn minn miżuri sempliċi u bi prezz baxx fis-settur tal-bini;

65.  Jitlob li jkun hemm koordinament u skambju ta' ideat u l-aħjar prattiki mtejba fost l-Istati Membri dwar l-obbligi ta' ffrankar u l-pjanijiet ta' bini u rinnovament (l-Artikoli 4, 5, 6 u 7). bil-għan li jiġu applikati aktar malajr strumenti eżistenti u ġodda (inċentivi fiskali, programmi ta' appoġġ, kuntratti mudell u investimenti fl-akkomodazzjoni soċjali); jemmen li l-Artikolu 5 għandu jiġi estiż biex ikopri l-korpi pubbliċi kollha meta jkun possibbli; jitlob lill-Kummissjoni linji gwida għall-pjanijiet nazzjonali futuri, biex jiġu żgurati t-trasparenza u l-komparabilità; jilqa' l-appoġġ tekniku tal-Kummissjoni għall-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija; jitlob li jkun hemm mudelli obbligatorji għall-pjanijiet nazzjonali sabiex jiġu żgurati t-trasparenza u l-komparabilità; jistieden lill-Istati Membri jqisu skemi ta' appoġġ innovattivi bbażati fuq is-suq;

66.  Jinnota li l-inqas li sar progress kien fis-settur residenzjali, u għalhekk jistieden lill-Istati Membri jużaw il-kumpaniji tas-servizzi tal-enerġija u l-ikkuntrattar għall-prestazzjoni tal-enerġija, jimplimentaw skemi tat-taxxa u programmi ta' self sabiex iżidu r-rati baxxi ta' rinnovament għall-korp ta' binjiet eżistenti fl-Ewropa, u biex jippremjaw miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija bħall-użu ta' tisħin u tkessiħ effiċjenti fl-enerġija;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw u jtejbu s-soluzzjonijiet ta' monitoraġġ, kejl u ġestjoni tal-effiċjenza fl-enerġija fil-binjiet sabiex ikun hemm żidiet konsiderevoli fl-effiċjenza fl-enerġija fil-binjiet tal-UE;

68.  Jitlob li l-pjanijiet direzzjonali dwar ir-rinnovament tal-Istati Membri skont l-Artikolu 4 jiddeskrivu kif huma se jiksbu, fl-iterazzjoni li jmiss tal-pjanijiet direzzjonali (mistennija f'April 2017), ir-rinnovament tal-enerġija tal-korp tagħhom tal-binjiet; u bħala riżultat iwasslu l-viżjoni għall-UE kollha ta' korp ta' binjiet b'użu negliġibbli tal-enerġija (nZEB) sal-2050;

69.  Jemmen li l-estensjoni tar-rwol eżemplari tal-binjiet pubbliċi fil-livelli kollha tal-amministrazzjoni pubblika, u mhux tal-gvern ċentrali, se tgħin biex jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal kosteffettiv tal-binjiet, peress li dan wera li huwa s-settur bl-ogħla potenzjal mhux biss għall-iffrankar tal-enerġija, iżda wkoll għall-ksib ta' benefiċċji usa' oħra, inklużi aktar kumdità u benessri; iqis, f'dan ir-rigward, li l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa jistabbilixxu mekkaniżmu intern għall-kondiviżjoni tal-ilħiq tal-mira għar-rinnovament ta' 3 % bejn id-diversi livelli tal-amministrazzjoni pubblika, u li l-flessibilità li jagħżlu miżuri oħra għandha tinżamm filwaqt li jiġu kwantifikati l-impatti tagħhom, bħala approċċ alternattiv għall-paragrafi 1 u 2;

70.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri jaħdmu iktar biex jirrinovaw il-binjiet mhux residenzjali fid-dawl tal-potenzjal kbir tagħhom ta' qligħ fi żmien qasir;

71.  Jipproponi li l-Artikolu 4 tad-Direttiva jingħata t-titolu ta' "strateġiji fit-tul għar-rinnovament profond tal-korp nazzjonali ta' binjiet, fosthom għall-mobilizzazzjoni tal-investiment";

72.  Jitlob li r-riżorsi meħtieġa għat-taħriġ ta' dawk responsabbli għall-installazzjoni tat-tagħmir jiġu allokati sabiex ikun żgurat livell għoli ta' kwalità fir-rinnovamenti;

73.  Jitlob approċċ strateġiku mill-Kummissjoni sabiex iżżid is-sensibilizzazzjoni tal-iżviluppi tekniċi ġodda (fost oħrajn fil-mezzi ta' tkessiħ, id-dawl, l-iżolament, it-termostati, il-kejl bl-arloġġi, il-ħġieġ, eċċ.);

74.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprijoritizzaw l-Artikolu 4 tad-Direttiva fir-rigward tat-tħejjija tat-tieni verżjoni tal-istrateġiji, li għandha tiġi ppreżentata fl-2017 u li għandha titfassal fuq l-involviment xieraq mal-partijiet ikkoncernati, skont mudelli obbligatorji u li tinkludi miri fuq ħames snin intermedji u pjanijiet ta' implimentazzjoni, sabiex sal-2050 tintlaħaq il-mira ta' stokk ta' binjiet b'użu negliġibbli tal-enerġija (nZEB) fil-livell tal-UE, peress ukoll li dan se jkun meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tal-COP 21;

75.  Iqis li l-awditjar tal-enerġija għan-negozji huwa mezz ippruvat biex tingħata spinta lill-effiċjenza fl-enerġija, u jenfasizza l-benefiċċji tiegħu għall-kompetittività; jitlob definizzjoni u infurzar uniformi tal-kriterji stabbiliti fid-Direttiva (għad-definizzjoni ta' SMEs; għal awditjar; l-ebda ċertifikazzjoni doppja għal strutturi ta' negozji transkonfinali) u li jinħoloq approċċ uniformi lejn il-limitu de minimis imsemmi fl-Artikolu 8(4); jitlob li l-kamp ta' applikazzjoni ta' dak l-Artikolu jiġi estiż biex ikopri l-kumpaniji kollha li għandhom konsum għoli tal-enerġija; jitlob li ssir evalwazzjoni bil-ħsieb li titjieb l-effettività tas-sistemi ta' awditjar tal-enerġija; jitlob li l-implimentazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet ta' awditjar tal-enerġija kosteffikaċi jkunu meħtieġa flimkien ma' manutenzjoni ppjanata skont l-objettivi tal-kumpaniji;

76.  Jipproponi rieżami tad-definizzjoni ta' 'SME' applikata fid-Direttiva (Artikolu 2(26)) sabiex tirreferi biss għall-għadd ta' persuni impjegati u għall-fatturat annwali, sabiex il-kumpaniji li 25 % jew aktar minnhom huma kkontrollati minn korp pubbliku xorta waħda jistgħu jitqiesu bħala impriżi ta' daqs żgħir u medju;

77.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni qed taħdem fuq linji gwida għall-implimentazzjoni tal-Artikoli 9 sa 11 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija sabiex tgħin lill-konsumaturi jikkontrollaw aħjar il-konsum tal-enerġija tagħhom; iqis li l-fattibilità teknika u l-varar ta' arloġġi intelliġenti, b'kunsiderazzjoni tal-kosteffettività u tat-trasparenza tal-prezzijiet, huma elementi importanti għall-iffrankar tal-enerġija; hu tal-fehma li għall-finijiet ta' konsistenza d-dispożizzjonijiet eżistenti kollha dwar il-kejl bl-arloġġi u l-kontijiet għandhom jiġu raggrupati mill-ġdid f'post wieħed;

78.  Jindika li l-kontijiet tal-enerġija tal-konsumaturi għadhom mhumiex ċari u preċiżi; jirrakkomanda titjib fit-trasparenza u ċ-ċarezza tal-kontijiet billi jiġu stabbiliti prinċipji ta' livell għoli għall-kontijiet fil-livell tal-UE sabiex l-informazzjoni ewlenija tkun disponibbli għall-konsumaturi f'format komparabbli sabiex jiġu aġġustati l-andamenti tal-konsum; jenfasizza li l-konsumaturi għandhom firxa wiesgħa ta' preferenzi u ta' għodod aċċessibbli, u li għalhekk l-approċċ għall-informazzjoni għandu jkun iffurmat mir-riċerka dwar il-konsumaturi fil-livell nazzjonali;

79.  Jemmen li l-aċċess għal informazzjoni u pariri indipendenti u affidabbli dwar miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija u skemi finanzjarji xierqa huwa essenzjali, b'mod partikolari għall-familji imma wkoll għall-awtoritajiet reġjonali u lokali, sabiex dawn ikunu jistgħu jagħmlu deċiżjonijiet infurmati u konxji tal-enerġija u jimmaniġġjaw aħjar il-konsum tal-enerġija tagħhom, inkluż permezz ta' arloġġi intelliġenti u kejl individwali tal-konsum tat-tisħin u t-tkessiħ;

80.  Jitlob li jiddaħħlu standards rigorużi tal-garanzija tal-kwalità, programmi nazzjonali ta' taħriġ u sistemi nazzjonali ta' ċertifikazzjoni uniċi u simplifikati għall-fornituri tal-effiċjenza fl-enerġija, appoġġjati minn oqfsa ta' konsulenza u rimedju konġunti u aċċessibbli faċilment; jenfasizza li dan qed jiġi propost sabiex jitneħħew xi wħud mill-ostakli mhux finanzjarji għall-adozzjoni mill-konsumaturi ta' prodotti u servizzi effiċjenti fl-enerġija, pereżempju billi jagħmilha possibbli li jiġu identifikati l-kummerċjanti ta' fiduċja;

81.  Jistenna aktar investimenti fl-iffrankar li jirriżultaw mill-osservanza tar-regoli ta' koġenerazzjoni b'effiċjenza għolja skont l-Artikolu 14;

82.  Jenfasizza li jekk l-Istati Membri jistabbilixxu skema tal-effiċjenza fl-enerġija ffinanzjata mill-imposti (l-Artikolu 20), din għandha tipprijoritizza lill-familji affettwati mill-faqar enerġetiku; jinsisti li d-Direttiva riveduta dwar l-enerġija għandha tipprovdi lill-Istati Membri ambjent ta' politika stabbli fit-tul biex tiżgura żieda sostenibbli f'investimenti fl-effiċjenza fl-enerġija, b'mod partikolari fil-livell lokali; jitlob li l-UE u l-BEI jipperfezzjonaw il-konsolidament tal-kapaċitajiet tagħhom u l-isforzi għal għajnuna teknika biex jiżviluppaw proġetti vijabbli ta' effiċjenza fl-enerġija li jattiraw l-investiment privat mis-suq; jitlob li l-programmi ta' finanzjament tal-UE (eż. il-Fondi Strutturali, il-Pjan Juncker, ELENA-BEI) iżidu l-proporzjon ta' fondi allokati għall-bini ta' kapaċità ta' effiċjenza fl-enerġija u għajnuna teknika;

83.  Jiddeplora l-livell baxx ta' investimenti pubbliċi u privati fin-netwerks ta' distribuzzjoni intelliġenti tal-elettriku; jistieden lill-Kummissjoni Ewropea ssaħħaħ l-implimentazzjoni tal-Artikolu 15 tad-Direttiva sabiex tippromwovi l-iżvilupp ta' dawn in-netwerks;

84.  Jitlob obbligu li jitwettqu valutazzjonijiet nazzjonali tal-ispejjeż u l-benefiċċji ta' programmi tal-effiċjenza fl-enerġija varati permezz tal-awtoritajiet lokali – jew magħhom – u li dan l-approċċ jiġi segwit meta jwassal għal effiċjenzi u ffrankar tal-ispejjeż għall-konsumaturi;

85.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fit-tniġġis ikkawżat minn ċerti installazzjonijiet tat-tisħin domestiku li jiffunzjonaw permezz tal-bijomassa solida, li jipproduċu kwantitajiet kbar ta' għabra fina, ossidi tan-nitroġenu, monossidu tal-karbonju u diossini li jnaqqsu bil-kbir il-kwalità tal-arja u għalhekk huma ta' ħsara għas-saħħa tal-bniedem; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Istati Membri jimplimentaw soluzzjonijiet alternattivi li jkunu effiċjenti u li jibżgħu għall-ambjent;

86.  Jissottolinja l-bżonn immedjat li jintuża approċċ aktar komprensiv biex tittejjeb l-effiċjenza fl-enerġija tas-sistema kollha tat-trasport, bla ma jkun hemm dipendenza biss fuq l-iżvilupp teknoloġiku tal-vetturi jew tas-sistemi ta' propulsjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu passi ambizzjużi biex idaħħlu miżuri ġodda li jsaħħu l-bidla modali għall-mezzi l-aktar effiċjenti fl-enerġija, u jużaw bis-sħiħ is-Sistemi ta' Trasport Intelliġenti (ITS) sabiex jittejbu aktar l-effiċjenza u r-rata ta' użu tal-kapaċità disponibbli, kemm tal-vetturi u tal-infrastruttura, kif ukoll fil-loġistika, l-avjazzjoni u t-trasport marittimu;

87.  Ifakkar li l-effiċjenza fl-enerġija tista' tinkiseb billi jiġu stabbiliti standards tas-CO2 u tingħata informazzjoni lill-utenti dwar il-konsum tal-fjuwil tal-vetturi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti biex tinforma lill-utenti dwar il-konsum tal-fjuwil tat-trakkijiet, il-karozzi tal-linja u x-xarabankijiet il-ġodda, u tistabbilixxi limiti fuq l-emissjonijiet ta' CO2 tagħhom;

88.  Jiddispjaċih dwar il-kontribut baxx tas-settur tat-trasport għall-iffrankar tal-enerġija, b'perċentwal ta' 3 % biss fl-ambitu tal-qsim settorjali ġenerali tal-iffrankar, minkejja l-istabbilizzazzjoni tat-traffiku tal-passiġġieri u t-tnaqqis fit-traffiku tal-merkanzija bejn l-2005 u l-2013 minħabba l-kriżi ekonomika; jistieden lill-Istati Membri jżidu l-għadd ta' miżuri mmirati lejn is-settur tat-trasport;

o
o   o

89.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1) ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13.
(2) ĠU L 315, 14.11.2012, p. 1.
(3) Testi adottati, P8_TA(2015)0444.
(4) Testi adottati, P7_TA(2014)0094.
(5) Testi adottati, P8_TA(2015)0266.
(6) Testi adottati, P8_TA(2014)0063.
(7) Testi adottati, P8_TA(2015)0359.
(8) Ara Tina Fawcett u Jan Rosenow: 'The Member States' plans and achievements towards the implementation of Article 7 of the Energy Efficiency Directive' (Il-pjanijiet u l-kisbiet tal-Istati Membri lejn l-implimentazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija), studju tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew.
(9) 'Energy efficiency as infrastructure: leaping the investment gap' (L-effiċjenza fl-enerġija bħala infrastruttura: Naqbżu d-distakk fl-investiment) – rapport mill-Grupp ta' Konsulenza E3G tat-3 ta' Marzu 2016.

Avviż legali