Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2321(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0204/2016

Testi mressqa :

A8-0204/2016

Dibattiti :

PV 04/07/2016 - 14
CRE 04/07/2016 - 14

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2016 - 4.3
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0297

Testi adottati
PDF 464kWORD 213k
It-Tlieta, 5 ta' Lulju 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Rifuġjati: inklużjoni soċjali u integrazzjoni fis-suq tax-xogħol
P8_TA(2016)0297A8-0204/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2016 dwar ir-rifuġjati: inklużjoni soċjali u integrazzjoni fis-suq tax-xogħol (2015/2321(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 78 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u l-protokoll addizzjonali tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar il-migrazzjoni u r-rifuġjati fl-Ewropa(2),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni ta' Għaxar Punti tal-Kummissjoni dwar il-Migrazzjoni, ippreżentat fil-Kunsill Konġunt tal-Affarijiet Barranin u tal-Intern li ltaqa' fil-Lussemburgu fl-20 ta' April 2015,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni" (COM(2015)0240),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Pjan ta' azzjoni dwar l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi" (COM(2016)0377),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet tad-dħul u tar-residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' impjieg b'ħiliet għolja (COM(2016)0378),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Ġunju 2016 bit-titolu "Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa" (COM(2016)0381),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi lista komuni tal-UE ta' pajjiżi ta' oriġini bla periklu għall-finijiet tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, u li jemenda d-Direttiva 2013/32/UE (COM(2015)0452),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali (Direttiva dwar l-Akkoljenza),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar ir-ritorn" (COM(2015)0453),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi "Manwal ta' Ritorn" li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri meta jkunu qed iwettqu kompiti relatati mar-ritorn (C(2015)6250),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli dwar l-Akkwist Pubbliku b'rabta mal-kriżi attwali tal-asil (COM(2015)0454),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta mill-Kummissjoni u mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà intitolata "L-indirizzar tal-Kriżi tar-Rifuġjati fl-Ewropa: Ir-Rwol tal-Azzjoni Esterna tal-UE" (JOIN(2015)0040),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-Unjoni Ewropea għall-istabilità u li jindirizza l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u l-persuni spostati fl-Afrika (C(2015)7293),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġestjoni tal-kriżi tar-rifuġjati: miżuri operazzjonali, baġitarji u legali skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (COM(2015)0490),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti (2015-2020)" (COM(2015)0285),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u l-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Aġenda Ewropea għall-Integrazzjoni ta' Persuni bin-Nazzjonalità ta' Pajjiżi Terzi,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Ġestjoni tal-kriżi tar-rifuġjati: Sitwazzjoni Attwali tal-Implimentazzjoni tal-Azzjonijiet ta' Prijorità taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni" (COM(2015)0510),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa tiegħu f'Ġunju 2014, fil-laqgħa speċjali tiegħu tat-23 ta' April 2015, fil-laqgħa tiegħu tal-25 u s-26 ta' Ġunju 2015, fil-laqgħa informali tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern dwar il-migrazzjoni tat-23 ta' Settembru 2015, fil-laqgħa tiegħu tal-15 ta' Ottubru 2015, u fil-laqgħa tiegħu tas-17 u t-18 ta' Diċembru 2015 u tat-18 u d-19 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill dwar pajjiżi ta' oriġini bla periklu fil-laqgħa tiegħu tal-20 ta' Lulju 2015, dwar il-migrazzjoni fil-laqgħa tiegħu tal-20 ta' Lulju 2015, dwar il-futur tal-politika tar-ritorn fil-laqgħa tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015, dwar il-migrazzjoni fil-laqgħa tiegħu tat-12 ta' Ottubru 2015, dwar miżuri biex tiġi indirizzata l-kriżi tar-rifuġjati u l-migrazzjoni fil-laqgħa tiegħu tad-9 ta' Novembru 2015, u dwar l-apolidija fil-laqgħa tiegħu tal-4 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill dwar ir-risistemazzjoni permezz ta' skemi multilaterali u nazzjonali ta' 20 000 persuna fi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali fil-laqgħa tagħhom tal-20 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Konġunt bejn l-UE u t-Turkija tal-15 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Konferenza ta' Livell Għoli dwar il-Lvant tal-Mediterran - Ir-Rotta tal-Balkani tal-Punent, li ġiet adottata fit-8 ta' Ottubru 2015, kif ukoll id-dikjarazzjoni tal-mexxejja adottata fil-laqgħa dwar il-flussi tar-rifuġjati tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent, fil-25 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra l-pjan ta' azzjoni u d-dikjarazzjoni politika adottati matul is-summit bejn l-UE u l-Afrika dwar il-migrazzjoni, li sar fil-Belt Valletta fil-11 u t-12 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tat-22 ta' Settembru 2003 dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt tal-Kummissjoni u tal-Kunsill dwar l-Impjiegi li jakkumpanja l-komunikazzjoni dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016,

–  wara li kkunsidra r-rizoluzzjoni 1994 (2014) tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-ħidma u r-rapporti tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), u b'mod partikolari r-Rapport Annwali tiegħu dwar is-Sitwazzjoni tal-asil fl-Unjoni Ewropea 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 33(1) u (2) tal-Konvenzjoni tal-1984 kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti,

–  wara li kkunsidra l-ħidma, ir-rapporti annwali u l-istudji tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), u b'mod partikolari l-istudji tagħha dwar forom ħorox ta' sfruttament tax-xogħol,

–  wara li kkunsidra l-istudji tad-Dipartiment Tematiku A dwar l-Integrazzjoni tal-Migranti u l-Effetti tagħha fuq is-Suq tax-Xogħol, l-istudji tad-Dipartiment Tematiku C dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 80 tat-TFUE, dwar approċċi ġodda, toroq alternattivi u mezzi ta' aċċess għal proċeduri tal-asil għal persuni li jfittxu protezzjoni internazzjonali, dwar l-esplorazzjoni ta' possibilitajiet ġodda għal leġiżlazzjoni dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema lejn l-UE, dwar it-titjib tas-sistema Ewropea komuni tal-asil u alternattivi għal Dublin, u dwar il-kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-migrazzjoni, u n-noti u d-dokumenti tad-Dipartimenti Tematiċi A u D dwar il-fondi tal-UE għall-politiki tal-migrazzjoni u l-integrazzjoni tar-rifuġjati: analiżi tal-effiċjenza u l-aħjar prattika għall-futur, u l-istudju tad-Dipartiment Tematiku EXPO dwar il-migranti fil-Mediterran: protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-istudji min-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni (EMN), u b'mod partikolari l-istudju tiegħu dwar il-politiki, il-prattiki u d-data dwar vjaġġaturi minorenni mhux akkumpanjati,

–  wara li kkunsidra l-ħidma u r-rapporti tal-Kummissarju Għoli tan-NU għar-Rifuġjati,

–  wara li kkunsidra l-ħidma u r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-migranti,

–  wara li kkunsidra l-ħidma u r-rapporti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-ħidma u r-rapporti tal-Kunsill Ewropew għar-Rifuġjati u l-Eżiljati,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, adottata fil-115-il sessjoni plenarja tiegħu tat-3 u l-4 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Opinjonijiet tal-10 ta' Diċembru 2015, tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni u dwar il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-27 ta' April 2016 dwar l-integrazzjoni tar-rifuġjati fl-UE,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni(3),

–  wara li kkunsidra l-esperjenza miksuba permezz tal-programm EQUAL u l-lezzjonijiet misluta,

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Bażiċi Komuni għall-Politika dwar l-Integrazzjoni tal-Immigranti fl-UE, adottati mill-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni f'Novembru 2004, partikolarment il-prinċipji 3, 5 u 7,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar l-integrazzjoni tal-migranti, l-effetti tagħha fuq is-suq tax-xogħol u d-dimensjoni esterna tal-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali(4);

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjonijiet rilevanti tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD), b'mod partikolari "Indicators of Immigrant Integration 2015: Settling In", "Making Integration Work: Refugees and others in need of protection", and "A New Profile of Migrants in the Aftermath of the Recent Economic Crisis",

–  wara li kkunsidra l-pubblikazzjonijiet rilevanti tal-Eurofound, b'mod partikolari "Challenges of policy coordination for third-country nationals" u "Approaches towards the labour market integration of refugees in the EU",

–  wara li kkunsidra n-nota ta' diskussjoni tal-persunal tal-Fond Monetarju Internazzjonali "The Refugee Surge in Europe: Economic Challenges",

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali 2014-2015 tal-Asylum Information Database bit-titolu "Common Asylum System at a turning point: Refugees caught in Europe's solidarity crisis",

–  wara li kkunsidra l-Kunsiderazzjonijiet tal-UNHCR dwar il-Protezzjoni Internazzjonali fir-rigward tal-persuni li qed jaħarbu mir-Repubblika Għarbija Sirjana, it-II aġġornament, tat-22 ta' Ottubru 2013,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar politiki dwar il-ħiliet għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar l-intraprenditorija soċjali u l-innovazzjoni soċjali fil-ġlieda kontra l-qgħad(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Marzu 2016 dwar is-sitwazzjoni tan-nisa rifuġjati u li jfittxu asil fl-UE(7),

–  wara li kkunsidra l-istudju mħejji mid-Dipartiment Tematiku C tal-Parlament fi Frar 2016 bit-titolu "Female refugees and asylum seekers: the issue of integration",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tas-Summit Soċjali Tripartitiku tas-16 ta' Marzu 2016, b'mod partikolari d-Dikjarazzjoni tas-Sħab Ekonomiċi u Soċjali Ewropej dwar il-kriżi tar-rifuġjati,

–  wara li kkunsidra l-obbligi internazzjonali li jinsabu fil-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, filwaqt li jitqies id-dritt fundamentali li t-tfal kollha jkollhom aċċess għal edukazzjoni primarja b'xejn, indipendentement mis-sess, l-oriġini razzjali, etnika jew soċjali tagħhom,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-edukazzjoni għal tfal f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u kriżijiet imtawla(8),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0204/2016),

A.  billi l-kriżi tar-rifuġjati hija l-ewwel u qabel kollox kriżi umanitarja, ikkawżata, fost l-oħrajn, mid-destabilizzazzjoni ta' Stati fil-viċinat tal-UE u li għandha, ukoll, effetti fit-tul fuq is-swieq tax-xogħol u s-soċjetà ċivili tagħha, li jeħtieġu risponsi fit-tul u meqjusa, li jservu biex jiżguraw il-koeżjoni soċjali fil-livell lokali u l-integrazzjoni b'suċċess ta' migranti ġodda fis-soċjetajiet tagħna;

B.  billi l-Konvenzjoni ta' Ġinevra nħolqot biex tipproteġi r-rifuġjati Ewropej wara t-Tieni Gwerra Dinjija, u billi hija tiddefinixxi min huwa rifuġjat u tistabbilixxi sensiela ta' drittijiet għar-rifuġjati, kif ukoll l-obbligi tal-Istati;

C.  billi hemm tliet tipi ta' status legali li jibbenefikaw jew li potenzjalment jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali, jiġifieri persuni bi status ta' rifuġjat, persuni li jfittxu asil u persuni li jgawdu minn protezzjoni sussidjarja; billi l-politiki tal-inklużjoni soċjali u tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol għandhom ikunu mfassla apposta għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom;

D.  billi hemm il-ħtieġa li jiġu analizzati l-kawżi tal-kriżi tar-rifuġjati sabiex tittieħed azzjoni effikaċi u immedjata; billi, barra minn hekk, il-kawżi ewlenin tal-kriżi tar-rifuġjati huma l-kunflitti u billi jekk dawn jiġu riżolti jista' jitnaqqas drastikament l-għadd ta' rifuġjati, u jkun possibbli li dawk li jifdal jirritornaw lura lejn pajjiżhom;

E.  billi l-għadd ta' persuni li jfittxu asil u r-rifuġjati rreġistrat fl-Ewropa fl-2014 u l-2015 huwa bla preċedent, u huwa r-riżultat tal-qagħda umanitarja diffiċli f'ċerti pajjiżi ġirien tal-UE; billi aċċess aħjar għall-informazzjoni permezz ta' teknoloġiji ġodda jista' jgħin biex jiġi evitat li t-traffikanti u l-kuntrabandisti jiffjorixxu;

F.  billi l-pjan ta' azzjoni u d-dikjarazzjoni politika adottati waqt is-summit bejn l-UE u l-Afrika dwar il-migrazzjoni, li sar fil-Belt Valletta fil-11 u t-12 ta' Novembru 2015, ma rriżultawx f'azzjoni prattika u deċiżiva;

G.  billi l-integrazzjoni tar-rifuġjati kemm fis-soċjetà kif ukoll fis-suq tax-xogħol tista' tinkiseb biss jekk ikun hemm solidarjetà fost l-Istati Membri kollha u s-soċjetajiet tagħhom, u impenn magħqud bejniethom;

H.  billi huwa mistenni li l-popolazzjoni fl-età tax-xogħol fl-UE tonqos b'7.5 miljuni sal-2020; billi t-tbassir dwar l-iżvilupp tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fl-UE jindikaw nuqqasijiet emerġenti u futuri f'oqsma speċifiċi;

I.  billi l-integrazzjoni professjonali hija pass 'il quddiem lejn l-inklużjoni soċjali;

J.  billi l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni tar-rifuġjati fis-soċjetajiet ospitanti, b'mod partikolari fis-swieq tax-xogħol tagħhom, hija proċess dinamiku f'żewġ direzzjonijiet, kif ukoll f'żewġ dimensjonijiet (li jinvolvi drittijiet u dmirijiet), u jirrappreżenta sfida u opportunità li permezz tiegħu l-inklużjoni tar-rifuġjati teħtieġ responsabilitajiet u sforzi kkoordinati iżda distinti min-naħa tar-rifuġjati nfushom, mill-Istati Membri, kif ukoll mill-amministrazzjonijiet lokali u, fejn applikabbli, reġjonali, u mill-komunitajiet ospitanti tagħhom, u li jeħtieġu wkoll l-involviment u l-appoġġ tas-sħab soċjali, tas-soċjetà ċivili u tal-organizzazzjonijiet tal-volontarjat;

K.  billi l-integrazzjoni b'suċċess tirrikjedi mhux biss l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol, iżda wkoll l-aċċess għal korsijiet tal-lingwa mal-wasla, u għal akkomodazzjoni, edukazzjoni u taħriġ, protezzjoni soċjali u kura tas-saħħa, inkluż appoġġ għas-saħħa mentali;

L.  billi l-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol fil-pajjiżi ospitanti huma fattur determinanti biex l-integrazzjoni tar-rifuġjati tirnexxi; billi l-qgħad fl-UE, b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ u dawk qiegħda fit-tul, għadu f'livelli allarmanti, u t-tlaqqigħ tal-provvista u d-domanda fis-suq tax-xogħol hija sfida persistenti;

M.  billi kull rifuġjat huwa individwu bl-isfond personali, għarfien, ħiliet, kwalifiki, esperjenza tax-xogħol u tal-għajxien u ħtiġijiet tiegħu jew tagħha, li kollha jistħoqqilhom li jiġu rikonoxxuti; billi r-rifuġjati jistgħu jwettqu u jiġġeneraw attività ekonomika li tista' ġġib redditu pożittiv għall-komunitajiet ospitanti;

N.  billi, barra minn hekk, 24.4 % tal-popolazzjoni tal-UE tgħix f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali, u kważi 10 % tal-popolazzjoni qed tiffaċċja privazzjoni materjali serja;

O.  billi ċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi jiffaċċjaw ħafna diffikultajiet biex il-ħiliet u l-kwalifiki tagħhom jiġu rikonoxxuti; billi r-rikonoxximent ta' kwalifiki minn pajjiżi terzi jmur id f'id mat-tgħarbil tal-ħiliet;

P.  billi r-rikonoxximent tat-taħriġ u tal-kwalifiki tar-rifuġjati adulti, flimkien ma' dispożizzjonijiet speċifiċi għalihom sabiex jiksbu kwalifiki akkademiċi u ħiliet speċifiċi, huma essenzjali biex jidħlu fis-suq tax-xogħol;

Q.  billi huwa importanti, kif ukoll kosteffiċjenti, li jingħata aċċess reali għas-suq tax-xogħol lir-rifuġjati u lil dawk li jfittxu asil sabiex jerġgħu jiksbu l-istima fihom infushom u d-dinjità tagħhom bħala bnedmin, u jipprovvdi wkoll approċċ responsabbli fir-rigward tal-finanzi pubbliċi, billi jtaffi l-ispiża mġarrba mill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali filwaqt li jippermettilhom li jsiru kontributuri fiskali attivi;

R.  billi n-nisa u l-minorenni, kemm rifuġjati kif ukoll li jfittxu asil, għandhom ħtiġijiet ta' protezzjoni speċifiċi; billi hemm bżonn li l-politiki kollha tal-inklużjoni soċjali u tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol jinkludu perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi u ta' protezzjoni tat-tfal;

S.  billi, skont ċifri ppreżentati mill-Europol fl-2015, mill-anqas 10 000 tifel u tifla mhux akkumpanjati għebu wara li waslu fl-Ewropa;

T.  billi l-ispostamenti furzati, il-kunflitti, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u l-gwerer jista' jkollhom impatt ħażin ħafna fuq is-saħħa fiżika u mentali tal-persuni affettwati; billi, barra minn hekk, in-nisa rifuġjati u li jfittxu asil iħabbtu wiċċhom ma' rati għoljin ħafna ta' vjolenza sessista;

U.  billi proporzjon kbir tal-persuni li qed ifittxu asil u li waslu fl-Ewropa qegħdin jiffaċċjaw kundizzjonijiet diżumani u prekarji, u qed jgħixu f'kampijiet mingħajr aċċess għal riżorsi u servizzi ta' kwalità suffiċjenti biex jissodisfaw il-ħtiġijiet bażiċi tagħhom;

V.  billi l-Artikolu 33(1) tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati jistipula li "l-ebda Stat Kontraenti ma għandu jkeċċi jew jibgħat lura, bi kwalunkwe mod, rifuġjat lejn il-fruntieri ta' territorji fejn ħajtu jew il-libertà tiegħu jkunu mhedda minħabba r-razza tiegħu, ir-reliġjon tiegħu, iċ-ċittadinanza tiegħu, l-appartenenza tiegħu għal grupp soċjali, jew minħabba l-fehmiet politiċi tiegħu";

W.  billi l-Artikolu 3(1) u (2) tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti (1984) jistipulaw li "l-ebda Stat Parti ma għandu jkeċċi, jibgħat lura jew jestradixxi persuna lejn Stat ieħor fejn ikun hemm raġunijiet sostanzjali biex wieħed jemmen li din tkun fil-periklu li tiġi soġġetta għal tortura [...] l-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu l-kunsiderazzjonijiet rilevanti kollha, inkluża – fejn applikabbli – l-eżistenza ta' xejra konsistenti ta' ksur gravi, flagranti jew fuq skala kbira tad-drittijiet tal-bniedem fl-Istat ikkonċernat;

X.  billi d-diskriminazzjoni, flimkien ma' fatturi lingwistiċi, pedagoġiċi u istituzzjonali, hija waħda mill-ostakoli l-aktar sinifikanti li jimpedixxu lill-migranti b'mod ġenerali milli jipparteċipaw bis-sħiħ fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà(9);

Y.  billi, fost il-persuni li jfittxu asil u r-rifuġjati li waslu fl-UE fl-2015, nofshom għandhom età bejn it-18 u l-34 sena, u wieħed minn kull erbgħa huma tfal; billi t-tfal jiġu minn żoni ta' kunflitt fejn l-attendenza skolastika tagħhom ġiet interrotta jew ristretta, xi drabi għal perjodi twal, jew minn kampijiet tar-rifuġjati fejn minoranza biss minnhom kienu kapaċi jiksbu xi forma ta' edukazzjoni jew jattendu skejjel lokali;

Z.  billi d-Direttiva 2003/86/KE tistipula, fir-rigward tar-riunifikazzjoni tal-familja għar-rifuġjati, li l-pajjiżi tal-UE ma jistgħux jimponu kundizzjonijiet marbutin ma' perjodu minimu ta' residenza fit-territorju qabel ma l-membri tal-familja tar-rifuġjati jkunu jistgħu jingħaqdu magħhom;

1.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-UE tibbaża r-reazzjoni immedjata tagħha għas-sitwazzjoni fuq is-solidarjetà u l-kondiviżjoni ġusta tar-responsabilità, kif iddikjarat fl-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u fuq approċċ olistiku li jqis il-ħtieġa li jitjiebu l-mezzi ta' migrazzjoni sikura u legali, u li jiżgura r-rispett sħiħ tal-liġijiet eżistenti u tad-drittijiet u l-valuri fundamentali Ewropej; jenfasizza li, għall-ġestjoni tal-influss tar-rifuġjati u l-persuni li jfittxu asil, jeħtieġ li jitwaqqaf minnufih mekkaniżmu ta' rilokazzjoni permanenti għall-Istati Membri kollha;

2.  Jinnota l-livell għoli ta' eteroġeneità u ta' nuqqas ta' ċarezza fl-użu tat-terminu "rifuġjat" fid-diskors pubbliku u politiku; jenfasizza l-importanza li r-rifuġjati jiġu identifikati b'mod ċar skont id-definizzjoni legali stabbilita fil-Konvenzjoni ta' Ġinevra tat-28 ta' Lulju 1951, kif emendata bil-Protokoll ta' New York tal-31 ta' Jannar 1967, u fil-leġiżlazzjoni tal-UE, b'mod partikolari d-Direttiva dwar il-Kwalifiki (2011/95/UE)(10) , kif definit fl-Artikolu 2(c), (d), (e), (f), (g), u d-Direttiva dwar l-Akkoljenza, kif definit fl-Artikolu 2(a), (b) u (c); jenfasizza l-importanza li ssir distinzjoni ċara bejn rifuġjat u migrant ekonomiku għall-finijiet tal-implimentazzjoni tad-diversi politiki Ewropej u internazzjonali;

3.  Jirrimarka li persuna eliġibbli għall-protezzjoni sussidjarja hija ċittadina ta' pajjiż terz jew persuna apolida li ma tikkwalifikax bħala rifuġjat imma li xorta tiffaċċja riskju reali li ssofri tortura jew trattament jew pieni inumani jew degradanti, jew persuna ċivili li tħabbat wiċċha ma' theddid serju u individwali għal ħajjitha minħabba vjolenza indiskriminatorja f'sitwazzjonijiet ta' konflitt armat internazzjonali jew intern (ara d-Direttiva dwar il-Kwalifiki);

4.  Jenfasizza li jeżistu differenzi sinifikanti fit-tul ta' żmien u l-modalitajiet tal-ipproċessar tat-talbiet għal protezzjoni internazzjonali fl-Istati Membri; jenfasizza li l-proċeduri bil-mod u burokratiċi wisq jistgħu jfixklu l-aċċess tar-rifuġjati u ta' dawk li jfittxu asil għall-edukazzjoni u t-taħriġ, għall-gwida għall-impjieg u għas-suq tax-xogħol, l-attivazzjoni tal-programmi tal-UE u tal-Istati Membri, u l-użu effikaċi u kkoordinat ta' fondi f'dan il-qasam, kif ukoll iżidu l-vulnerabilità tar-rifuġjati u ta' dawk li jfittxu asil għal xogħol mhux iddikjarat u kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa urġenti li titwaqqaf sistema tal-asil komuni biex ittejjeb il-proċeduri ta' rikonoxximent filwaqt li, fl-istess ħin, tiżgura l-ogħla livell ta' sikurezza għar-rifuġjati u ċ-ċittadini Ewropej; jirrakkomanda li jittieħdu l-miżuri neċessarji biex jingħata appoġġ lil dawk l-Istati Membri li, għal raġunijiet ġeografiċi, huma involuti b'mod aktar intensiv fl-akkoljenza inizjali; jirrikonoxxi li t-tul tal-permess ta' residenza mogħti (speċjalment għal dawk bi protezzjoni sussidjarja) jostakola l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol jekk il-permess ikun għal żmien relattivament qasir;

5.  Jappella wkoll biex jittieħdu miżuri effikaċi barra t-territorju tal-UE, kemm biex jiġi żgurat li dawk li huma intitolati jkunu jistgħu jaslu fil-pajjiżi ospitanti b'mod sikur kif ukoll biex jiġu ġestiti l-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u jitrażżnu l-flussi migratorji mhux definiti;

6.  Jenfasizza l-fatt li sabiex tiġi faċilitata l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni tar-rifuġjati fis-suq tax-xogħol, huwa neċessarju li jiġi żviluppat approċċ li jipprevedi adattament xieraq u jippresupponi l-kooperazzjoni, u li jiġu indirizzati firxa ta' kwistjonijiet serji u b'diversi aspetti, bħal: kull forma ta' diskriminazzjoni; l-ostakli lingwistiċi, li huma l-ewwel ostakli għall-integrazzjoni; il-validazzjoni tal-ħiliet; id-diversi sfondi soċjoekonomiċi, edukattivi u kulturali; id-djar; il-bżonnijiet tas-saħħa, inkluż appoġġ psikosoċjali u post-trauma; ir-reunifikazzjoni familjari; u s-sehem sinifikanti ta' gruppi vulnerabbli fost ir-rifuġjati, partikolarment l-għadd inkwetanti ta' tfal, inklużi tfal mhux akkumpanjati, persuni b'diżabilitajiet, persuni anzjani u nisa(11), li kollha jeħtieġu risponsi mfassla apposta għall-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom;

7.  Jirrifjuta l-idea li jinħolqu swieq tax-xogħol speċjali għar-rifuġjati;

8.  Isostni li l-paga minima nazzjonali rispettiva għandha tibqa' valida għar-rifuġjati wkoll;

9.  Ifakkar is-sitwazzjoni estremament inkwetanti tan-nisa fil-kampijiet tar-rifuġjati fl-Ewropa, u b'mod partikolari l-kundizzjonijiet iġjeniċi u tal-għajxien tagħhom, li huma tali li jirrikjedu miżuri sanitarji ta' emerġenza; jenfasizza li n-nisa għandhom bżonnijiet ta' kura tas-saħħa differenti mill-irġiel peress li jkunu aktar esposti għal aktar minn riskju wieħed, inklużi vjolenza sessista, kumplikazzjonijiet fis-saħħa riproduttiva u ostakli ta' natura kulturali fl-aċċess għall-kura tas-saħħa; iqis, għaldaqstant, li l-politiki f'dan il-qasam ma jistgħux ikunu newtrali mil-lat tas-sessi;

10.  Jirrimarka l-importanza li ssir distinzjoni bejn miżuri ta' emerġenza u miżuri li għandhom jittieħdu fuq medda medja u twila ta' żmien sabiex jiġu indirizzati b'mod effikaċi l-bżonnijiet differenti;

11.  Itenni l-importanza tar-rikonoxximent tad-dimensjoni tal-ġeneri mill-bidu nett meta jkunu qed jiġu pproċessati l-applikazzjonijiet għall-istatus ta' rifuġjat, u li jiġu rikonoxxuti l-ħtiġijiet tan-nisa li japplikaw għal protezzjoni internazzjonali, u l-isfidi speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa fir-rigward tal-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol; jappella għal opportunitajiet indaqs għall-irġiel u n-nisa fil-politiki u l-proċeduri kollha li jirrigwardaw l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, u l-asil u l-migrazzjoni, filwaqt li jżomm f'moħħu li n-nisa aktar sikwit mill-irġiel jieħdu r-responsabilità għall-kura tat-tfal u tal-anzjani, tal-morda jew inkella membri tal-familja dipendenti; ifakkar li l-forniment ta' servizzi aċċessibbli u ta' kwalità għall-indukrar tat-tfal u għall-kura ta' dipendenti oħra, kif ukoll arranġamenti ta' xogħol flessibbli, huma eżempji kruċjali ta' kif jista' jitjieb l-aċċess għas-swieq tax-xogħol għall-ġenituri kollha u ta' kif jistgħu jingħataw is-setgħa ekonomika u soċjali;

12.  Jenfasizza l-vantaġġi tal-edukazzjoni għall-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol; jenfasizza l-importanza li r-rifuġjati kollha, b'mod partikolari l-bniet u n-nisa, jiġi żgurat li jkollhom aċċess għal edukazzjoni formali, informali u mhux formali u taħriġ tul il-ħajja flimkien ma' esperjenza ta' xogħol(12); jitlob, barra minn hekk, proċeduri robusti u trasparenti fil-proċeduri għar-rikonoxximent ta' kwalifiki miksuba minn barra, lil hinn mill-Unjoni Ewropea;

13.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu sistema ta' taħriġ fil-lingwi, li torbot flimkien mill-qrib it-taħriġ lingwistiku ġenerali u vokazzjonali;

14.  Jenfasizza l-importanza ta' approċċ ta' integrazzjoni mfassal apposta bbażat fuq opportunitajiet indaqs, b'attenzjoni xierqa mogħtija lill-ħtiġijiet u l-isfidi speċifiċi ta' gruppi differenti fil-mira; jenfasizza, f'dan ir-rigward, id-domanda kbira għal programmi ta' litteriżmu;

Sfidi u opportunitajiet

15.  Jemmen li jekk jiġi ffaċilitat l-aċċess effettiv tar-rifuġjati u dawk li jfittxu asil, għad-djar, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni, il-protezzjoni soċjali u s-suq tax-xogħol, filwaqt li jiġi żgurat ir-rispett għad-drittijiet fundamentali tagħhom u li s-swieq tax-xogħol isiru aktar inklużivi fil-livell lokali u nazzjonali, dan jista' jkollu rwol importanti biex jiġu rrestawrati d-dinjità tagħhom u l-istima fihom infushom, u jenfasizza li dan huwa wkoll kosteffiċjenti, peress li jippermettilhom ikunu awtosuffiċjenti, jiksbu indipendenza ekonomika u jikkontribwixxu b'mod pożittiv lejn is-soċjetà, li huwa pass essenzjali għall-inklużjoni b'suċċess tagħhom f'dik is-soċjetà, u approċċ responsabbli lejn il-finanzi pubbliċi, u b'hekk tittaffa l-ispiża mġarrba mill-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali, billi tinvolvi l-integrazzjoni tar-rifuġjati waqt li fl-istess ħin tħallihom isiru kontributuri fiskali attivi, li jista' jitqies bħala ta' ġid għat-tkabbir u l-iżvilupp individwali tagħhom, għall-istima fihom infushom, għar-rikonoxximent fis-soċjetà, kif ukoll għas-soċjetà u għall-Komunità kollha; jinnota li mhux ir-rifuġjati kollha li jaslu fl-UE jkunu jistgħu jaħdmu, minħabba raġunijiet ta' saħħa, età jew kwistjonijiet oħra; ifakkar li d-Direttiva dwar il-Kwalifiki u d-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza jipprevedu d-dritt ta' aċċess għas-suq tax-xogħol u t-taħriġ vokazzjonali, kemm għall-persuni li jfittxu asil kif ukoll għall-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali;

16.  Jitlob lill-Istati Membri jaħdmu fuq l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi stabbiliti fil-qafas tas-Semestru Ewropew;

17.  Jirrimarka li intervent bikri u kontinwu huwa kruċjali għall-isforzi biex jiżguraw l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni tar-rifuġjati fis-suq tax-xogħol u fil-komunitajiet lokali, bl-aktar mod effettiv possibbli, li jservi biex inaqqas ir-riskju li aktar tard jesperjenzaw sens ta' iżolament, inadegwatezza u li jħossuhom mhux f'posthom; ifakkar li miżuri ta' intervent bikri jistgħu jinkludu l-parteċipazzjoni bikrija permezz tal-volontarjat, l-internships, il-mentoring u l-involviment fil-komunità;

18.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-ħidma tas-soċjetà ċivili u tal-organizzazzjonijiet tal-volontarjat li jipprovdu appoġġ għall-emanċipazzjoni, l-integrazzjoni u l-awtoreżiljenza tal-persuni kollha li jfittxu asil u għar-rifuġjati kollha qabel u matul il-parteċipazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; jenfasizza li għandhom jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jitħarrġu b'mod adegwat dawk il-persuni li volontarjament qed jimpenjaw ruħhom fl-integrazzjoni u l-edukazzjoni tar-rifuġjati; jinnota l-importanza li jitwaqqfu u jinbnew netwerks soċjali u komunitarji fost u ma' komunitajiet ta' rifuġjati u migranti sabiex jiġi ffaċilitat l-aċċess għas-suq tax-xogħol;

19.  Jenfasizza l-fatt li l-kundizzjonijiet tas-suq tax-xogħol fil-pajjiżi ospitanti huma wieħed mill-fatturi determinanti biex tiġi żgurata l-integrazzjoni b'suċċess u sostenibbli tar-rifuġjati; huwa konxju tal-fatt li r-rifuġjati huma eteroġenji f'termini ta' età, ħiliet u għarfien; jenfasizza li l-qgħad fl-UE, b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ u dawk qiegħda għal żmien fit-tul, għadu f'livelli allarmanti f'xi pajjiżi u reġjuni, u li l-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom ikomplu jagħtu prijorità lil politiki u investimenti li għandhom l-għan li jipprovdu impjiegi ta' kwalità għas-soċjetà kollha, b'enfasi partikolari fuq il-persuni l-aktar vulnerabbli u t-tkabbir ekonomiku; ifakkar li l-azzjonijiet biex jinħolqu impjiegi ta' kwalità, jiġu promossi swieq tax-xogħol attivi, u biex jiġi indirizzat il-qgħad iridu jagħmlu sens fil-kuntest lokali, inkella ma jkunux effettivi;

20.  Jiġbed l-attenzjoni wkoll għad-differenzi kbar fiċ-ċirkustanzi soċjali u ekonomiċi fi ħdan l-UE; jenfasizza l-importanza li dawn jitqiesu meta r-rifuġjati jiġu rilokati, biex jiġu mmassimizzati l-prospetti għall-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, minħabba li dawn ta' sikwit l-ewwel jiġu rilokati f'postijiet fejn ma jkunux jistgħu jiġu integrati fis-suq tax-xogħol;

21.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-akkoljenza tar-rifuġjati timxi id f'id ma' politika ta' integrazzjoni b'saħħitha, bħal korsijiet ta' tagħlim tal-lingwa u ta' orjentazzjoni, li jipprovdu informazzjoni komprensiva dwar id-drittijiet u l-valuri fundamentali tal-UE u l-inklużjoni soċjali; jenfasizza li l-kisba tal-ħiliet lingwistiċi għandha rwol essenzjali fl-integrazzjoni b'suċċess tar-rifuġjati, b'mod partikolari fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri jirrikjedu u jagħtu lir-rifuġjati, li x'aktarx jingħataw permess u jsibu impjieg fil-pajjiż ospitanti, korsijiet tal-lingwa komprensivi kemm ġenerali kif ukoll relatati max-xogħol; huwa tal-fehma li t-tagħlim tal-lingwa għandu diġà jiġi pprovdut fil-hotspots u fiċ-ċentri ta' akkoljenza;

22.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' valutazzjoni bikrija, ġusta, trasparenti u mingħajr ħlas tal-ħiliet formali u mhux formali tar-rifuġjati u l-persuni li jfittxu asil, kif ukoll ir-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-kwalifiki tagħhom, bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat l-aċċess tagħhom għal politiki attivi tas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari permezz ta' gwida għat-taħriġ u l-impjieg, inklużi miżuri li jiggarantixxu l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol u għal kundizzjonijiet tax-xogħol mhux diskriminatorji, u miżuri mfassla biex ikunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ tal-potenzjal tagħhom, u biex iqabblu l-provvista u d-domanda tax-xogħol fil-pajjiżi ospitanti; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza li jissaħħaħ ir-rwol tal-Qafas Ewropew dwar il-Kwalifiki, u li minnufih jiġu introdotti arranġamenti aktar effettivi għar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-kwalifiki, esperjenza u ħiliet; jinnota li ċ-ċittadinanza tal-UE kollha tibbenefika minn tali arranġamenti effettivi; jenfasizza, madankollu, li din il-valutazzjoni bl-ebda mod m'għandha tkun proċess ta' diskriminazzjoni fir-rigward tal-kwalifiki tal-persuni li jfittxu asil, u l-ħiliet u l-impjegabilità potenzjali m'għandhomx ikunu kriterju għal deċiżjonijiet dwar l-applikazzjonijiet għall-asil; jenfasizza li r-riżorsi limitati disponibbli għandhom jintefqu b'mod għaqli fuq it-twettiq f'waqtu tal-proċeduri tal-asil u fuq l-integrazzjoni rapida u effettiva tar-rifuġjati;

23.  Jenfasizza l-fatt li l-infiq pubbliku, li jkopri l-investimenti straordinarji f'miżuri u programmi ta' inklużjoni soċjali u integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, x'aktarx ikollu effett pożittiv fuq il-PDG nazzjonali fiż-żmien qasir, filwaqt li l-impatti fuq perjodu ta' żmien medju jew twil fuq il-finanzi pubbliċi se jiddependu fuq l-effikaċja ta' dawn il-miżuri;

24.  Jilqa', f'dan il-kuntest, id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tieħu kont tal-impatt baġitarju tal-influss eċċezzjonali ta' rifuġjati b'rabta mal-ispejjeż straordinarji tal-Istati Membri skont il-parti preventiva u korrettiva tal-Patt ta' Stabilità u Tkabbir (PST), meta tkun qed tivvaluta l-possibbiltà ta' devjazzjonijiet temporanji mir-rekwiżiti tal-PST(13);

25.  Jenfasizza li l-fondi tal-UE disponibbli għall-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol, b'mod partikolari l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD), għandhom oqsma ta' prijorità, gruppi fil-mira u modi ta' ġestjoni differenti fil-livell ta' Stat Membru; jenfasizza li dawn il-fondi jappoġġjaw inizjattivi mmirati biex itejbu l-ħiliet lingwistiċi u professjonali, jippromwovu l-aċċess għas-servizzi u għas-suq tax-xogħol u jappoġġjaw kampanji ta' sensibilizzazzjoni mmirati kemm lejn il-komunitajiet ospitanti kif ukoll il-migranti; ifakkar fl-importanza li jintużaw fondi ta' integrazzjoni għal miżuri ta' integrazzjoni veri, u jfakkar lill-Istati Membri fl-importanza tal-prinċipju ta' sħubija sabiex jiżguraw użu effikaċi u aktar ikkoordinat ta' dawn il-fondi; jinnota, madankollu, li l-objettiv tal-integrazzjoni tar-rifuġjati fis-suq tax-xogħol irid jiġi rifless f'li tingħata importanza akbar lill-Fond Soċjali Ewropew;

26.  Jenfasizza, minħabba li dawn il-fondi mhumiex biżżejjed, li jinħtieġu investiment pubbliku akbar u riżorsi addizzjonali sabiex jipprovdu, bħala kwistjoni ta' prijorità, lill-awtoritajiet lokali, lis-sħab soċjali, lill-atturi soċjali u ekonomiċi, lis-soċjetà ċivili u lill-organizzazzjonijiet tal-volontarjat, appoġġ finanzjarju dirett għal miżuri mmirati lejn l-integrazzjoni rapida tar-rifuġjati u l-persuni li jfittxu asil fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol, mhux l-anqas sabiex jiġu evitati tensjonijiet soċjali, b'mod partikolari f'dawk l-inħawi fejn il-qgħad huwa l-ogħla;

27.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex tissimplifika u żżid is-sinerġiji bejn l-istrumenti ta' finanzjament disponibbli; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa li tkompli tiżviluppa l-aċċessibilità, il-komplementarjetà u t-trasparenza ta' dawn il-fondi bl-għan li ssaħħaħ il-kapaċitajiet ta' akkoljenza u integrazzjoni tal-Istati Membri, tar-rifuġjati u l-persuni li jfittxu asil;

28.  Jenfasizza li, f'dan ir-rigward, li l-AMIF uża r-riżorsi kollha tiegħu; jappella, għalhekk, sabiex meta l-QFP jiġi rivedut, il-fond jinżamm;

29.  Jenfasizza l-fatt li l-prinċipji ta' trattament ugwali, nondiskriminazzjoni, opportunitajiet indaqs u ugwaljanza bejn il-ġeneri għandhom dejjem jiġu żgurati fit-tfassil u l-implimentazzjoni ta' politiki u miżuri ta' inklużjoni soċjali u integrazzjoni;

30.  Jenfasizza wkoll li l-miżuri mmirati lejn l-integrazzjoni u l-inklużjoni tar-rifuġjati u dawk li jfittxu asil m'għandhomx jużaw ir-riżorsi finanzjarji ddestinati għal programmi mmirati lejn gruppi żvantaġġati oħra, iżda neċessarjament jeħtieġu investimenti soċjali addizzjonali li jirriflettu l-ħtieġa ta' miżuri addizzjonali; jenfasizza, barra minn hekk, li l-fondi disponibbli tal-UE għandhom jintefqu b'mod iktar effiċjenti u effikaċi; jistieden lill-Kummissjoni tqis id-data dwar is-suq tax-xogħol u s-sitwazzjoni soċjali meta tfassal dawn il-politiki ta' integrazzjoni sabiex tiżgura li s-sitwazzjoni soċjali u ekonomika tar-reġjuni ta' akkoljenza ma tmurx għall-agħar minħabba l-proċess ta' integrazzjoni;

31.  Jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni tikkunsidra tintroduċi sehem minimu ta' 25 % tal-baġit tal-politika ta' koeżjoni għall-FSE fir-reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), bl-għan li tiżgura li jkun hemm riżorsi adegwati għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol fuq perjodu ta' żmien twil; Jistieden lill-Kunsill, fil-kuntest tar-reviżjoni li jmiss tal-QFP, jaġġusta l-limiti massimi għal allokazzjonijiet totali u sabiex l-intestaturi individwali jieħdu kont tal-isfidi interni u esterni li qamu fil-kuntest tal-kriżi tar-rifuġjati, u biex iġibhom konformi mal-ħtiġijiet tal-Istati Membri li qed jiffaċċjaw l-akbar sfida ta' integrazzjoni(14);

32.  Jirrimarka li sabiex jiżguraw allokazzjoni espedjenti fl-ambitu tal-FSE, l-Istati Membri għandhom, fejn ikun meħtieġ, jaġġustaw ir-regoli nazzjonali relatati sabiex jiżguraw li l-persuni li jfittxu asil jiġu ttrattati daqs iċ-ċittadini tal-UE u ta' pajjiżi terzi li jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol;

Is-suċċess tal-intergrazzjoni

33.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' korrelazzjoni stretta bejn l-atti leġiżlattivi kollha li jiffurmaw l-Aġenda tal-UE dwar il-Migrazzjoni(15) sabiex tiġi żgurata ġestjoni tajba tar-rifuġjati u tal-persuni li jfittxu asil;

34.  Jinnota li l-parteċipazzjoni tal-atturi kollha involuti fis-soċjetà hija kruċjali, u għalhekk jissuġġerixxi li, filwaqt li jiġu rispettati l-kompetenzi tal-Istati Membri rigward il-miżuri ta' integrazzjoni, l-iskambju tal-aħjar prassi f'dan il-qasam għandu jissaħħaħ; jissottolinja li l-miżuri ta' integrazzjoni għaċ-ċittadini kollha ta' pajjiżi terzi residenti legalment għandhom jippromwovu l-inklużjoni pjuttost mill-iżolament; jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, inklużi l-bliet, għandhom rwol fundamentali fil-proċessi ta' integrazzjoni;

35.  Huwa konvint b'saħħa li l-integrazzjoni tar-rifuġjati fis-suq tax-xogħol tkun diffiċli mingħajr appoġġ attiv, fuq skala kbira minn mikrointrapriżi u intrapriżi żgħar u medji fl-UE; huwa tal-fehma li l-awtoritajiet adatti fl-Istati Membri għandhom jagħtu lill-SMEs appoġġ u pariri komprensivi u speċifiċi fil-kuntest tal-integrazzjoni tar-rifuġjati fis-suq tax-xogħol;

36.  Jappoġġja l-isforzi tal-Kummissjoni biex taġġorna l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, b'mod partikolari billi teżamina mill-ġdid ir-Regolament ta' Dublin III sabiex ittejjeb is-solidarjetà, il-kondiviżjoni tar-responsabilità u l-armonizzazzjoni tal-istandards tal-protezzjoni fost l-Istati Membri; jissottolinja l-impatt pożittiv li l-mobilità tar-rifuġjati jkollha biex tindirizza l-ħtiġijiet u n-nuqqasijiet ta' ħaddiema, kif ukoll fuq l-inklużjoni tar-rifuġjati fis-suq tax-xogħol, inklużi aspetti bħal li l-Istati Membri jitħeġġew jippermettu r-riunifikazzjoni tal-familja; jenfasizza li jinħtieġu aktar sforzi biex tinħoloq Sistema Ewropea Komuni tal-asil verament uniformi, u politika komprensiva u sostenibbli dwar il-migrazzjoni legali fl-UE li tissodisfa d-domanda tas-suq tax-xogħol f'termini ta' ħiliet, fejn il-politiki tal-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni attiva jkollhom rwol ċentrali;

37.  Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni kellha tadotta 40 deċiżjoni ta' ksur kontra bosta Stati Membri minħabba li naqsu milli jimplimentaw politiki ewlenin tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, inklużi ittri ta' tqegħid fil-mora lil 19-il Stat Membru minħabba li ma kkomunikawx il-miżuri għat-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet ta' Akkoljenza, li tistabbilixxi standards essenzjali dwar kwistjonijiet bħall-aċċess għall-impjieg, it-taħriġ vokazzjonali, it-tagħlim u l-edukazzjoni tal-minorenni, l-ikel, l-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-kura medika u psikoloġika u dispożizzjonijiet għal persuni żvantaġġati; jemmen b'saħħa li l-Kummissjoni trid tagħmel aktar biex tiżgura li r-regoli eżistenti jiġu implimentati b'mod sħiħ u effikaċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrettifikaw din is-sitwazzjoni, b'konformità man-normi tad-drittijiet tal-bniedem u mal-prinċipji Ewropej ta' solidarjetà, kondiviżjoni ġusta tar-responsabilità u kooperazzjoni leali, kif stabbilit fit-Trattati;

38.  Jinnota d-dikjarazzjoni tal-President Juncker(16) fid-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2015 fejn afferma l-appoġġ tiegħu biex jingħata aċċess għas-suq tax-xogħol lil dawk li jfittxu asil waqt li l-applikazzjonijiet tagħhom ikunu qed jiġu pproċessati; jiddispjaċih, madankollu, għan-nuqqas ta' rieda murija mill-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet meħuda; huwa mħasseb dwar id-deċiżjoni meħuda minn xi Stati Membri li jagħlqu l-fruntieri interni tagħhom jew jintroduċu kontrolli temporanji fil-fruntieri, biex b'hekk jikkompromettu l-libertà tal-moviment fiż-Żona Schengen;

39.  Jiddispjaċih li l-ftehim ta' Settembru 2015 dwar il-kondiviżjoni tar-rifuġjati bejn l-Istati Membri mhux qed jiġi implimentat b'mod sodisfaċenti; jenfasizza li l-kwoti għall-akkoljenza tar-rifuġjati mhux qed jiġu ssodisfati fil-maġġoranza tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimplimentaw il-ftehimiet malajr kemm jista' jkun u jħaffu l-proċessi tal-wasla u r-risistemazzjoni tar-rifuġjati;

40.  Jinnota li l-ipproċessar fit-tul tal-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali, u n-nuqqas ta' reġistrazzjoni tal-persuni li jfittxu asil mal-wasla tagħhom, mhux biss ixekklu l-aċċess f'waqtu u legali tar-rifuġjati u ta' dawk li jfittxu asil għas-suq tax-xogħol iżda joħolqu wkoll il-kundizzjonijiet għall-iżvilupp ta' prattiki ta' xogħol mhux iddikjarat u l-forom kollha ta' sfruttament; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu appoġġjati dawk l-Istati Membri li jinsabu fuq quddiem fil-ġestjoni tar-reġistrazzjonijiet tal-persuni li jfittxu asil;

41.  Jenfasizza li l-aċċess għall-ġustizzja u l-protezzjoni għandu jkun żgurat lil dawk kollha li jisfaw vittmi ta' sfruttament u diskriminazzjoni; jenfasizza l-ħidma kruċjali li diġà saret mis-sħab soċjali, is-soċjetà ċivili, l-awtoritajiet lokali, l-atturi ekonomiċi u soċjali u l-organizzazzjonijiet tal-volontarjat biex jilħqu lil dawn il-ħaddiema, u jipprovdulhom informazzjoni, b'mod partikolari dwar id-drittijiet u d-dmirijiet tagħhom u l-protezzjoni li huma intitolati għaliha, u l-appoġġ li jeħtieġu, b'kont meħud ukoll tan-natura possibbilment temporanja tas-soġġorn tar-rifuġjati;

42.  Jenfasizza l-importanza li tiġi evitata l-formazzjoni ta' getti sabiex tiġi żgurata l-integrazzjoni effikaċi tar-rifuġjati fis-soċjetà;

43.  Jilqa' t-twaqqif ta' "Għodda għat-Tfassil tal-Profil tal-Ħiliet" għaċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi fil-qafas tal-"Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa" tal-Kummissjoni, li għandha l-għan li ssaħħaħ l-identifikazzjoni u d-dokumentazzjoni bikrija tal-ħiliet u l-kwalifiki ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi, li tintroduċi gwida dwar l-aħjar prattiki bħala appoġġ għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol fl-Istati Membri, u li ttejjeb it-tagħlim tal-lingwi online għar-rifuġjati u dawk li jfittxu l-ażil li jkunu għadhom kif waslu, permezz ta' korsijiet lingwistiċi online fil-qafas tal-programm Erasmus+;

44.  Jilqa' l-"Pjan ta' Azzjoni dwar l-integrazzjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi" tal-Kummissjoni, li jindirizza miżuri ta' qabel il-wasla u ta' qabel it-tluq, l-edukazzjoni, l-impjieg u t-taħriġ vokazzjonali, l-aċċess għas-servizzi bażiċi, il-parteċipazzjoni attiva u l-inklużjoni soċjali;

Rakkomandazzjonijiet u l-aħjar prattiki

45.  Jitlob lill-Istati Membri jiżguraw l-integrazzjoni rapida u sħiħa fis-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali tar-rifuġjati, skont il-prinċipju ta' trattament ugwali, is-sitwazzjoni nazzjonali tas-suq tax-xogħol u l-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE, u biex jinformawhom dwar is-servizzi pubbliċi, u jagħtuhom aċċess għalihom, b'mod partikolari l-aċċess għall-akkomodazzjoni, il-kura tas-saħħa u l-protezzjoni soċjali, korsijiet ta' integrazzjoni, moduli ta' tagħlim tal-lingwa u miżuri oħra ta' edukazzjoni u taħriġ;

46.   Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra reviżjoni mmirata tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza sabiex jiġi żgurat li l-applikanti għal protezzjoni internazzjonali jkollhom aċċess għas-suq tax-xogħol mill-aktar fis possibbliwara li titressaq l-applikazzjoni tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi konverġenza 'l fuq tal-istandards tal-protezzjoni soċjali kif ukoll ħruġ rapidu tal-permessi tax-xogħol fl-Istati Membri;

47.   Jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-isforzi tagħha biex tiżgura li r-rifuġjati u l-persuni li jfittxu asil jingħataw aċċess effettiv għas-suq tax-xogħol, b'mod partikolari tivverifika li l-Istati Membri ma jimponux kundizzjonijiet restrittivi żżejjed għall-aċċess għall-impjieg, li jrendu l-aċċess għall-impjieg diffiċli bla bżonn; jistieden ukoll lill-Istati Membri jnaqqsu l-burokrazija sabiex jagħmluha aktar faċli għall-persuni impjegabbli li jidħlu fis-suq tax-xogħol; jirrimarka li tali azzjonijiet iwasslu kemm għall-integrazzjoni tar-rifuġjati u, b'mod aktar ġenerali, ikunu wkoll ta' benefiċċju għaċ-ċittadini tal-UE;

48.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jqassru ż-żmien tal-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-protezzjoni internazzjonali, b'kunsiderazzjoni xierqa tad-drittijiet tal-individwi kkonċernati u mingħajr ma tiġi kompromessa l-kwalità tal-proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet, jevalwaw il-livelli tal-edukazzjoni u tal-kwalifiki fil-faċilitajiet ta' akkoljenza inizjali u, għaldaqstant, biex jestendu, fuq bażi aktar immirata, il-miżuri ta' intervent bikri bħat-taħriġ fil-lingwa, il-korsijiet ta' evalwazzjoni tal-ħiliet u ta' integrazzjoni ċivika, inklużi korsijiet dwar id-drittijiet fundamentali, valuri u kultura Ewropej, b'mod partikolari għal dawk li jfittxu asil li għandhom prospetti tajbin li jingħataw protezzjoni internazzjonali, u jħeġġeġ li jkun hemm aċċess ugwali għal dawn il-miżuri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri b'miżuri speċifiċi u effettivi li jgħinu biex iħaffu l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet;

49.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess bikri, faċli u ndaqs għar-rifuġjati u dawk li jfittxu asil għal taħriġ, inkluż taħriġ intern u apprendistati, sabiex jiżguraw integrazzjoni rapida, effettiva u sħiħa fis-soċjetajiet tagħna u fis-suq tax-xogħol, inkluż billi jagħtuhom il-ħiliet meħtieġa biex jibnu ġejjieni ġdid mar-ritorn tagħhom; jenfasizza li dan għandu jsir f'forma ta' inizjattivi meħuda flimkien mas-settur privat, it-trade unions u s-soċjetà ċivili; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jirrikonoxxu u jivvalidaw il-ħiliet eżistenti u tar-rifuġjati, u l-kompetenzi, kapaċitajiet u għarfien formali u mhux formali, fuq bażi individwali; ifakkar li l-ewwel ostaklu li r-rifuġjati jridu jegħlbu huwa l-lingwa; jirrakkomanda, għalhekk, miżuri effikaċi li jippermettu mhux biss li jitgħallmu u jifhmu l-lingwa tal-pajjiż ospitanti, iżda anke li jippromwovu proċess ta' familjarizzazzjoni reċiproka bejn il-kulturi differenti sabiex jevitaw il-firxa ta' sentimenti ksenofobiċi u razzisti;

50.  Jitlob li tiġi stabbilita task force ta' DĠ EMPL fil-Kummissjoni sabiex, kemm jista' jkun malajr, tiffissa standards pan-Ewropej għall-ħiliet personali u metodi biex dawn il-ħiliet jiġu kkatalogati;

51.  Jilqa' soluzzjonijiet li jipprovdu tagħrif multilingwi dwar l-opportunitajiet fir-rigward tal-edukazzjoni formali u mhux formali, it-taħriġ vokazzjonali, l-għoti ta' xogħol u l-volontarjat għall-migranti, ir-rifuġjati u għal dawk li jfittxu asil; jitlob għalhekk li dawn l-offerti jiġu estiżi;

52.  Jenfasizza li strumenti innovattivi bbażati fuq media ġdida, bħall-media soċjali u l-apps, jista' jkollhom rwol fundamentali fl-iffaċilitar tal-aċċess għas-servizzi, kif ukoll l-iskambji ta' informazzjoni, rigward ir-reġistrazzjoni tar-rifuġjati, il-valutazzjoni tal-ħiliet, it-tiftix għal impjieg u t-taħriġ lingwistiku, kif ukoll fl-għoti ta' għajnuna diretta lil persuni fil-bżonn; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jistabbilixxu pjattaformi dedikati u portali multilingwi tal-internet immirati sabiex jipprovdu informazzjoni konċiża u faċilment aċċessibbli dwar possibilitajiet ta' rikonoxximent, programmi eżistenti ta' integrazzjoni u listi tal-istituzzjonijiet responsabbli, filwaqt li jfakkar li kull Stat Membru tal-UE u taż-ŻEE għandu Ċentru Nazzjonali ta' Informazzjoni dwar ir-Rikonoxximent Akkademiku, li jagħti mezz kif wieħed iqabbel il-kwalifika akkademiċi; iħeġġeġ lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, biex jippromwovu dan is-servizz;

53.  Jiġbed l-attenzjoni għall-firxa ta' possibilitajiet ta' taħriġ u mudelli disponibbli fl-Istati Membri u, b'mod partikolari, għall-mudell ikkombinat ta' edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, li mhuwiex magħruf jew kważi mhuwiex magħruf f'xi Stati Membri u mar-rifuġjati u l-persuni li jfittxu asil, iżda li jista' jagħti kontribut kbir lill-integrazzjoni tar-rifuġjati fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà, bl-aġevolar tat-tranżizzjoni mill-edukazzjoni u t-taħriġ għall-impjieg, li b'riżultat tiegħu l-ħaddiema jistgħu jitħarrġu wkoll fi professjonijiet tas-sengħa fejn hemm nuqqas ta' parteċipanti ġodda;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi linji gwida dwar kif il-kwalifiki u l-ħiliet eżistenti tar-rifuġjati jistgħu jiġu rikonoxxuti; jinnota, f'dan ir-rigward, li f'ħafna każijiet it-taħriġ u l-proċess tal-kisba tal-kwalifiki fil-pajjiżi ta' oriġini tar-rifuġjati għadhom ma laħqux l-istandards Ewropej; jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tfassal rakkomandazzjonijiet li jippermettu lill-Istati Membri jidentifikaw il-ħiliet, il-kompetenzi, it-talenti u l-kompetenzi tar-rifuġjati b'mod aktar faċli, aktar malajr u aktar effettiv; jinnota, f'dan ir-rigward, id-differenzi bejn is-swieq tax-xogħol fl-Istati Membri, u l-bżonnijiet differenti tagħhom, u jittama li, billi jittieħed kont ta' dan, l-esiġenzi tal-ħaddiema f'ċerti oqsma jistgħu jiġu ssodisfati aktar malajr, aktar faċli u b'mod aktar effiċjenti u li, fl-istess ħin, ir-rifuġjati jiġu integrati aktar malajr fis-suq tax-xogħol;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Karta Blu;

56.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi tagħhom fil-ġlieda kontra l-forom kollha ta' diskriminazzjoni, ksenofobija u razziżmu, inkluż billi jżidu l-għarfien tal-liġijiet kontra d-diskriminazzjoni, billi jappoġġjaw l-awtoritajiet lokali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, is-sħab soċjali u l-Korpi Nazzjonali tal-Ugwaljanza fil-ħidma tagħhom, u billi jżidu l-isforzi ta' komunikazzjoni tagħhom fir-rigward tal-medja u ċ-ċittadini fl-UE biex jiġġieldu kwalunkwe informazzjoni ħażina jew ksenofobija, li jmorru kontra l-valuri fundamentali Ewropej, liema sforzi kollha se jgħinu ħafna l-aċċettazzjoni soċjali u l-inklużjoni tar-rifuġjati; iħeġġeġ lill-Istati Membri jużaw il-fondi mill-Programm għad-Drittijiet, l-Ugwaljanza u ċ-Ċittadinanza biex jipprovdu taħriġ dwar id-diversità u biex jedukaw u jinfurmaw lir-rifuġjati u lill-migranti li jidħlu fis-suq tax-xogħol dwar id-drittijiet legali tagħhom bħala ħaddiema , u jgħinuhom jevitaw li jisfaw vittmi ta' prattiki ta' sfruttament jew ta' impjegaturi li jisfruttawhom; jenfasizza li d-diskriminazzjoni multipla għandha tiġi kkunsidrata fil-politiki kollha dwar il-migrazzjoni u l-integrazzjoni;

57.  Jilqa' d-dikjarazzjoni konġunta tas-16 ta' Marzu 2016 dwar il-kriżi tar-rifuġjati maħruġa mis-sħab soċjali li ħadu sehem fis-Summit Soċjali Tripartitiku, li fiha enfasizzaw l-impenn u r-rieda tagħhom li jaħdmu mal-gvernijiet u mal-partijiet ikkonċernati oħra biex ifasslu u jiżviluppaw politiki li jappoġġjaw l-inklużjoni; huwa tal-fehma li s-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili huma intermedjarji insostitwibbli li għandhom rwol ewlieni x'jaqdu fl-inklużjoni tar-rifuġjati fis-suq tax-xogħol u fis-soċjetà kollha kemm hi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb id-djalogu mas-sħab soċjali abbażi ta' rappreżentanza bbilanċjata tal-interessi bil-ħsieb li tidentifika opportunitajiet tas-suq tax-xogħol u ta' impjieg għar-rifuġjati;

58.  Jistieden lill-Istati Membri jitgħallmu mill-kondiviżjoni tal-esperjenza u l-prattiki akkumulati fil-livell tal-belt, kif ukoll jiffaċilitawha, sabiex jippromwovu s-swieq tax-xogħol inklużivi għar-residenti kollha inklużi l-benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali u biex il-bliet u l-awtoritajiet lokali jiġu involuti fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta' politiki ta' inklużjoni soċjali u ekonomika; huwa tal-fehma li jeħtieġ li jkun hemm sħubija aktar effettiva bejn il-livelli differenti ta' gvern, u li l-inizjattivi tal-UE u dawk nazzjonali għandhom jikkomplementaw u jsaħħu l-azzjonijiet tal-belt, u jindirizzaw il-bżonnijiet reali taċ-ċittadini tagħna; jemmen li l-prattiki t-tajba tal-Istati Membri – fil-koordinazzjoni effikaċi mal-bliet, u bl-involviment tagħhom – għandhom jiġu rikonoxxuti u jingħataw viżibilità;

59.  Iqis li jeħtieġ li jingħata taħriġ adegwat dwar il-leġiżlazzjoni dwar l-impjieg u n-nondiskriminazzjoni lir-rifuġjati kif ukoll lill-awtoritajiet sabiex jiġi żgurat li r-rifuġjati ma jiġux sfruttati minn prattiki ta' xogħol mhux iddikjarat u forom oħra ta' sfruttament gravi tal-ħaddiema, jew li jsofru minn diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi appoġġ finanzjarju lill-iskemi transnazzjonali li jiżguraw it-trasferibilità u l-adattabilità ta' prattiki tajbin – bħal pereżempju l-proġetti ta' mentoring u coaching bejn il-pari li jinvolvu l-livelli kollha ta' governanza u ta' partijiet interessati multipli, imfassla u implimentati minn partijiet interessati differenti fil-livell tal-UE — u tiżgura l-implimentazzjoni effettiva tagħhom;

61.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw id-Deċiżjoni Qafas dwar il-Ġlieda Kontra r-Razziżmu u l-Ksenofobija, u d-Direttiva l-ġdida dwar il-Vittmi tal-Kriminalità kif ukoll biex jiżguraw l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni f'waqthom ta' kwalunkwe inċitament għall-vjolenza, inkluża l-vjolenza sessista, kontra l-migranti u l-persuni li jfittxu asil, irrispettivament mill-istatus ta' residenza tagħhom;

62.  Jenfasizza l-livelli li qed jiżdiedu ta' diskors ta' mibegħda, ta' sentimenti kontra l-migranti u ta' vjolenza ksenofobika kemm mill-istituzzjonijiet kif ukoll minn individwi;

63.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw ir-relazzjonijiet diplomatiċi u jieħdu l-miżuri ekonomiċi u soċjali kollha meħtieġa biex jippermettu l-istabbilizzazzjoni tal-pajjiżi ta' oriġini tar-rifuġjati sabiex ikunu jistgħu jibqgħu f'pajjiżhom jew jirritornaw lura lejhom;

64.  Jappella biex il-flejjes jiġu riallokati malajr kemm jista' jkun fil-FSE, fl-AMIF, fil-FEŻR u fil-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) sabiex dawk l-Istati Membri li qed iġorru l-akbar piż tal-kriżi tar-rifuġjati jingħataw appoġġ aktar effettiv;

Il-kultura, l-edukazzjoni u l-isport

65.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġi żgurat li l-minorenni mhux akkumpanjati jirċievu protezzjoni partikolari mill-isfruttament fuq il-post tax-xogħol, il-vjolenza u t-traffikar; jissottolinja l-ħtieġa ta' mentors u miżuri speċifiċi b'mod partikolari għall-bniet, li ta' sikwit huma aktar vulnerabbli u huma aktar esposti għal diversi forom ta' sfruttament, traffikar u abbuż sesswali u li għandhom ċans akbar li jkunu mċaħħda minn opportunitajiet edukattivi;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni tkabbar il-profil tal-kultura, l-edukazzjoni u t-taħriġ f'dawk il-miżuri operazzjonali meħuda bħala parti mill-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tadotta politika speċifika dwar id-djalogu interkulturali;

67.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu prijorità lill-integrazzjoni permezz ta' miżuri mmirati bikrija dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ, il-kultura u l-isport, kif ukoll l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom is-soċjetajiet ospitanti huma u jiggarantixxu, b'mod partikolari, id-dritt tat-tfal għall-edukazzjoni, indipendentement mill-istatus tagħhom ta' rifuġjati, kif jingħad fl-Artikolu 22 tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal, biex b'hekk jagħtu prijorità lill-aħjar interessi tat-tfal;

68.  Jinsisti dwar il-ħtieġa għal analiżi eżawrjenti, permezz ta' studji, riċerka u statistika, li abbażi tagħha l-aqwa suġġerimenti għall-inizjattivi u azzjoni ta' politika jistgħu jsiru, bil-ħsieb li jiġi aċċertat kif għandha tkun l-istrateġija tal-edukazzjoni għar-rifuġjati, b'mod speċifiku fil-kuntest tat-tagħlim għall-adulti, fid-dawl tal-kwalifiki attwali tagħhom;

69.  Jenfasizza r-rwol kruċjali tad-djalogu kulturali, interkulturali u interreliġjuż, tal-edukazzjoni formali u mhux formali, tat-tagħlim tul il-ħajja, u l-politika favur iż-żgħażagħ u l-isport fil-promozzjoni tal-integrazzjoni u l-inklużjoni soċjali tar-rifuġjati u l-persuni li jfittxu asil fl-Ewropa, kif ukoll tal-fehim u s-solidarjetà tal-pajjiżi ospitanti fil-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u l-estremiżmu, u fil-kontribut biex tinbena soċjetà aktar koeżiva u inklużiva bbażata fuq id-diversità kulturali, il-promozzjoni tal-valuri komuni Ewropej u l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali; jissottolinja l-ħtieġa li tiġi żgurata medjazzjoni kulturali u lingwistika waqt li r-rifuġjati u dawk li qed ifittxu asil ikunu qed jiżviluppaw l-għarfien tal-ilsien u l-kultura u l-valuri soċjali tal-pajjiż ospitanti;

70.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-isport bħala strument għat-trawwim tad-djalogu soċjali u interkulturali billi jiġi promoss l-istabbiliment ta' rabtiet pożittivi bejn il-popolazzjoni lokali u r-rifuġjati u dawk li jfittxu asil, u jistieden lill-istituzzjonijiet Ewropej u l-Istati Membri jimplimentaw programmi mmirati lejn l-integrazzjoni soċjali tar-rifuġjati permezz ta' attivitajiet kulturali jew sportivi konġunti; jappoġġja, għaldaqstant, l-inizjattivi eżistenti tal-organizzazzjonijiet sportivi u jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-entitajiet differenti involuti f'attivitajiet sportivi mmirati lejn l-integrazzjoni soċjali tar-rifuġjati;

71.  Jiddispjaċih ferm dwar l-għejbien attwali tan-netwerks kulturali minħabba l-orjentament il-ġdid ta' Ewropa Kreattiva;

72.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' proċeduri effettivi li jippermettu tranżizzjoni bla xkiel bejn il-faċilitajiet edukattivi disponibbli fil-kampijiet tar-rifuġjati u s-sistemi edukattivi tal-Istati Membri fejn ikunu jinsabu;

73.  Jinsisti dwar il-ħtieġa li l-Istati Membri jiffaċilitaw ir-reġistrazzjoni tal-istudenti rifuġjati fil-livelli edukattivi kollha, u jitlob li jkun hemm sforzi akbar għad-distribuzzjoni tal-istudenti u biex jitqiegħdu b'mod effikaċi fis-sistemi skolastiċi nazzjonali;

74.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jistabbilixxu "kurituri edukattivi" billi jippromwovu ftehimiet mal-universitajiet Ewropej u l-Unjoni tal-Universitajiet Mediterranji (UNIMED) biex jospitaw studenti rifuġjati ġejjin minn zoni milquta minn kunflitt ħalli jiffaċilitawlhom l-aċċess u jippromwovu l-appoġġ bejn il-pari kif ukoll il-volontarjat; jilqa' l-inizjattivi adottati f'dan ir-rigward minn għadd ta' universitajiet Ewropej u s-sħubiji tagħhom;

75.  Jilqa' l-programmi Ewropej u nazzjonali kif ukoll l-inizjattivi privati mnedija minn istituzzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ li jipprovdu assistenza lil akkademiċi migranti mill-qasam tax-xjenza u oqsma professjonali oħra u jesprimi ruħu favur l-iżvilupp u l-appoġġ tagħhom;

76.  Jistieden lill-Istati Membri jiggarantixxu soluzzjonijiet għal informazzjoni edukattiva f'bosta lingwi li tkun preparatorja, faċli biex tinftiehem u orjentata lejn il-prattika u dan sabiex jiġi żgurat li l-integrazzjoni tibda minnufih;

77.  Jistieden lill-Istati Membri jipprovdu appoġġ immirat lir-rifuġjati u lil dawk li jfittxu asil li huma tfal u żgħażagħ malli jidħlu fis-sistema tal-iskola, pereżempju permezz ta' programmi ta' lingwa intensivi u programmi ta' induzzjoni ġenerali, inkluż appoġġ pedagoġiku, li jippermettulhom jipparteċipaw fil-klassijiet ġenerali malajr kemm jista' jkun; jenfasizza l-ħtieġa li jwieġbu għall-ħtiġijiet distinti u l-vulnerabilitajiet ta' gruppi speċifiċ, b'mod partikolari l-minorenni mhux akkumpanjati u l-adulti mingħajr edukazzjoni bażika;

78.  Ifakkar lill-UE u lill-Istati Membri fid-dmir li għandhom li jiżguraw protezzjoni speċjali għall-minorenni, inklużi t-tfal rifuġjati, f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza, f'konformità mad-dispożizzjonijiet internazzjonali, u b'mod partikolari billi jiggarantulhom aċċess għall-iskejjel u għall-faċilitajiet edukattivi; jilqa' l-mira ta' finanzjament għall-edukazzjoni ta' 4 % tal-baġit ġenerali tal-UE għall-għajnuna umanitarja għall-2016, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jippromwovu fuq livell internazzjonali żieda fil-finanzjament għall-edukazzjoni f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza fil-qafas ta' programmi ta' għajnuna eżistenti fid-dawl tas-Summit Umanitarju Dinji f'Istanbul f'Mejju 2016;

79.  Jirrakkomanda li jiġu pprovduti korsijiet tal-lingwa supplimentari għat-tfal rifuġjati fil-lingwa ta' pajjiżhom;

80.  Jenfasizza l-importanza tat-tnedija ta' azzjonijiet ta' appoġġ għall-edukazzjoni, b'mod partikolari bil-ħsieb li jiġu pprovduti faċilitajiet xierqa f'hotspots u ċentri tal-UE, li jiġu appoġġjati l-isforzi tal-organizzazzjonijiet umanitarji u l-NGOs li diġà bdew jorganizzaw attivitajiet edukattivi u oħrajn fil-kampijiet u jipprovdu inċentivi u appoġġ għall-iżvilupp ta' strutturi edukattivi formali fil-kampijiet tar-rifuġjati, inklużi dawk li jinsabu f'pajjiżi terzi;

81.  Jilqa' l-appelli ġodda għal proposti dedikati għal programmi kulturali, edukattivi u sportivi u programmi ta' mobilità taż-żgħażagħ immirati lejn djalogu interkulturali u l-inklużjoni u l-integrazzjoni kulturali u soċjali taħt il-Programm Ewropa Kreattiva u Erasmus+; jenfasizza l-ħtieġa li jiżżarmaw l-ostakli u x-xkiel eżistenti għall-applikazzjoni ta' proġetti mmirati lejn l-integrazzjoni tar-rifuġjati u li jkun iffaċilitat l-aċċess għall-programmi għal kulħadd;

82.  Jitlob lill-Istati Membri jippromwovu l-inizjattivi li jiżguraw kooperazzjoni akbar, koerenza fil-politiki u djalogu bejn l-awtoritajiet pubbliċi, l-NGOs xierqa, is-sħab soċjali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-komunitajiet tar-rifuġjati ħalli jitkattru l-għarfien u l-komprensjoni reċiproċi u ħalli jkunu vvalutati aktar l-inizjattivi potenzjali ħalli jiġi żgurat aċċess indaqs għall-edukazzjoni ta' kwalità għolja, biex b'hekk ikunu integrati l-migranti u r-rifuġjati f'ambjent pożittiv tat-tagħlim;

83.  Jenfasizza r-rwol essenzjali tal-għalliema fl-integrazzjoni tat-tfal u żgħażagħ rifuġjati u migranti fis-sistema edukattiva, u jenfasizza l-ħtieġa ta' persunal speċjalizzat tat-tagħlim u taħriġ avvanzat għall-għalliema ħalli jkunu kkwalifikati; jitlob f'dan il-kuntest li l-UE u l-Istati Membri jikkunsidraw it-twaqqif ta' mezzi ta' kooperazzjoni għall-għalliema sabiex ikunu jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom u jiskambjaw l-aħjar prattiki u jirċievu appoġġ bejn il-pari;

84.  Jistieden lill-Istati Membri jgħinu lill-għalliema u lill-professuri migranti jsibu impjiegi tat-tagħlim, bil-ħsieb li kemm itejbu s-sitwazzjoni tagħhom kif ukoll biex jużaw b'mod tajjeb il-ħiliet tal-lingwa u tat-tagħlim u l-esperjenza tagħhom, fis-sistemi tal-iskejjel;

85.  Jappoġġja l-idea tal-ħolqien ta' punti ta' assistenza għall-għalliema sabiex jingħataw appoġġ f'waqtu biex jiffaċċjaw tipi varji tad-diversità fil-klassi, il-promozzjoni ta' djalogu interkulturali u gwida meta jiġu kkonfrontati b'kunflitti jew studenti li jinsabu f'riskju li jiġu radikalizzati; jistieden, barra minn hekk, lill-Istati Membri jestendu l-opportunitajiet ta' edukazzjoni politika u biex jipprovdu opportunitajiet ta' taħriġ ulterjuri adegwati u materjal edukattiv sabiex jiċċaraw għaliex in-nies jaħarbu u sabiex jiġġieldu l-estremiżmu;

86.  Jissottolinja l-importanza tal-iskejjel fl-għoti ta' counselling u ta' medjazzjoni lingwistika u kulturali, inklużi l-valuri demokratiċi permezz tal-edukazzjoni ċivika u l-programmi ta' ċittadinanza attiva, u fir-rwol importanti fit-tħaffif u l-iżgurar tal-inklużjoni u tal-integrazzjoni soċjali u kulturali mhux biss tal-istudenti iżda wkoll tal-familji tagħhom;

87.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kunsill li jiddedika azzjonijiet speċifiċi fil-Pjan ta' Ħidma għall-Kultura 2015-2018 dwar ir-rwol tal-kultura, l-arti u d-djalogu interkulturali fl-integrazzjoni tal-migranti u sabiex jittieħed kont tal-prattiki tajba eżistenti fl-Istati Membri;

88.  Jenfasizza li l-użu tal-arti bħala għodda ta' integrazzjoni għandu jiġi promoss b'mod aħjar, u li l-parteċipazzjoni tar-rifuġjati f'attivitajiet tal-arti għandha tiġi ffaċilitata u msaħħa;

89.  Jilqa' l-Grupp ta' Ħidma ta' Esperti dwar id-Djalogu interkulturali u l-integrazzjoni tal-migranti u r-rifuġjati permezz tal-arti u d-djalogu(17) stabbilit mill-Kummissjoni li hija mistennija tippubblika manwal ta' prattiki tajba sa tmiem l-2017;

90.  Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni u l-iżvilupp ulterjuri tal-apps, il-videos u l-eżerċizzji edukattivi, kif ukoll pjattaformi ta' tagħlim għar-rifuġjati, sabiex jiġu ffaċilitati u kkomplementati l-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom;

o
o   o

91.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0176.
(2) Testi adottati, P8_TA(2015)0317.
(3) Testi adottati, P8_TA(2014)0105.
(4) ĠU C 36, 29.1.2016, p. 91.
(5) Testi adottati, P8_TA(2016)0008.
(6) Testi adottati, P8_TA(2015)0320.
(7) Testi adottati, P8_TA(2016)0073.
(8) Testi adottati, P8_TA(2015)0418.
(9) http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/note/join/2014/518768/IPOL-EMPL_NT%282014%29518768_EN.pdf
(10) ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9.
(11) http://www.keepeek.com/Digital-Asset-Management/oecd/social-issues-migration-health/making-integration-work-humanitarian-migrants_9789264251236-en
(12) Ara t-Testi adottati tat-8.3.2016, P8_TA(2016)0073.
(13) http://europa.eu/rapid/press-release_IP-15-6067_mt.htm
(14) http://www.europarl.europa.eu/news/mt/news-room/20131118IPR25534/Approvata-l-politika-%C4%A1dida-ta'-koe%C5%BCjoni-EUR-325-biljun-g%C4%A7ar-re%C4%A1juni-tal-UE
(15) COM(2015)0240.
(16) http://ec.europa.eu/avservices/video/player.cfm?ref=I107934
(17) http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-14444-2015-INIT/mt/pdf

Avviż legali