Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2038(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0217/2016

Testi mressqa :

A8-0217/2016

Dibattiti :

PV 04/07/2016 - 17
CRE 04/07/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 05/07/2016 - 4.4
CRE 05/07/2016 - 4.4
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0298

Testi adottati
PDF 485kWORD 170k
It-Tlieta, 5 ta' Lulju 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
L-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà korporattiva
P8_TA(2016)0298A8-0217/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-5 ta' Lulju 2016 dwar l-implementazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-2010 tal-Parlament dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà korporattiva (2015/2038(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 3, 6 u 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 11, 153, 191, 207 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 12, 21, 28, 29, 31 u 32 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni: Kummerċ għal Kulħadd: Lejn politika aktar responsabbli għall-kummerċ u l-investiment" (COM(2015)0497),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-10 Konferenza Ministerjali tad-WTO (MC10)(1),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi (mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015)(2),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija fid-dinja (2014)(3),

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (2015-2019) – Inżommu d-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-aġenda tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Linji gwida dwar l-analiżi tal-impatti fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-valutazzjonijiet tal-impatt għal inizjattivi politiċi marbuta mal-kummerċ(4),

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar il-"Klawżoli tad-Drittijiet tal-Bniedem u tad-Demokrazija fil-ftehimiet internazzjonali" ippubblikat fl-2015 mid-Dipartiment tal-Politika tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015: Nittrasformaw id-dinja tagħna: l-aġenda 2030 għall-iżvilupp sostenibbli(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 2173/2005 tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta' skema ta' liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta' injam fil-Komunità Ewropea(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li japplika skema ta' preferenzi tariffarji ġeneralizzati(7),

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali(8),

–  wara li kkunsidra l-Gwida tal-OECD dwar id-Diliġenza Dovuta għal Ktajjen ta' Provvista Responsabbli tal-Minerali minn Żoni Affettwati mill-Kunflitti u Żoni ta' Riskju Għoli(9),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-14 ta' Lulju 2015 dwar l-Implimentazzjoni tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem – Sitwazzjoni attwali (SWD(2015)0144),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija rinnovata tal-UE 2011-2014 għar-Responsabbilità Soċjali Korporattiva" (COM(2011)0681),

–  wara li kkunsidra l-Qafas tal-Politika tal-Investiment tal-UNCTAD għall-Iżvilupp Sostenibbli (2015)(10),

–  wara li kkunsidra l-istudju "Il-Politika tal-Kummerċ tal-UE: bidla minn ma tħarisx lejn il-ġeneru għal sensittiva għall-ġeneru?" mid-Dipartiment tal-Politika tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Raba' Rapport tal-Espert Indipendenti fuq "Il-promozzjoni ta' ordni internazzjonali demokratiku u ekwitabbli" – Nota mis-Segretarju Ġenerali tan-NU lill-Assemblea Ġenerali tal-5 ta' Awwissu 2015 (A/70/285),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar ir-responsabbiltà soċjali tal-kumpanniji fil-ftehimiet kummerċjali internazzjonali(11),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 64/292 tan-NU, li fiha l-ilma u s-sanità huma rikonoxxuti speċifikament bħala drittijiet tal-bniedem mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti u ġie ddikjarat li l-ilma nadif tajjeb għax-xorb u s-sanità huma essenzjali għat-twettiq tad-drittijiet kollha tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar is-segwitu għall-Inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej "Right2Water"(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2010 dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali fi Ftehimiet ta' Kummerċ Internazzjonali(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-25 ta' Novembru 2010 dwar il-Politika dwar il-Kummerċ Internazzjonali fil-kuntest tal-imperattivi marbuta mat-tibdil fil-klima(14),

–  wara li kkunsidra l-istudju dwar il-"Gender Mainstreaming in Committees and Delegations of the European Parliament" (L-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-Kumitati u d-Delegazzjonijiet tal-Parlament Ewropew) ippubblikat fl-2014 mid-Dipartiment Tematiku għall-Politiki C tal-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 26/9(15) tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem, fejn huwa ddeċida "li jiġi stabbilit grupp ta' ħidma intergovernattiv miftuħ dwar il-korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi kummerċjali oħrajn fir-rigward tad-drittijiet tal-bniedem, li l-mandat tiegħu jkun li jiġi elaborat strument internazzjonali legalment vinkolanti li jirregola, fil-liġi internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, l-attivitajiet ta' korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi oħra ta' kummerċ",

–  wara li kkunsidra l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP) riformata tal-UE stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 978/2012,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Rapport dwar l-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi li tkopri l-perjodu 2014-2015" (COM(2016)0029),

–  wara li kkunsidra l-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, il-Linji Gwida riveduti tal-OECD għall-Impriżi Multinazzjonali, id-Dikjarazzjoni Tripartitika ta' Prinċipji dwar l-Impriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali tal-ILO, il-Qafas tal-Kumitat Internazzjonali għar-Rapportar Integrat (International Integrated Reporting Council - IIRC), l-għaxar prinċipji tal-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti u l-istandard ISO 26000 dwar il-Gwida għar-Responsabbiltà Soċjali tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Istandardizzazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-liġi Franċiża dwar id-"diliġenza dovuta" li tavvanza l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, u d-dikjarazzjoni li saret mill-President Juncker fis-Summit tal-G7 tal-2015,

–  wara li kkunsidra l-proġett "Realizzazzjoni ta' valur fit-tul għall-kumpaniji u għall-investituri", li qiegħed jiġi implimentat bħalissa fl-ambitu tal-inizjattiva tal-Prinċipji għall-Investiment Responsabbli (PRI) u l-Patt Globali tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0217/2016),

A.  billi l-Parlament ħareġ rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar l-istandards soċjali u ambjentali, id-drittijiet tal-bniedem u r-responsabbiltà korporattiva fl-2010; billi għadd ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew implimentati, filwaqt li oħrajn ma ġewx implimentati;

B.  billi l-Parlament jaġixxi bħala koleġiżlatur fir-rigward ta' miżuri li jiddefinixxu l-qafas għall-implimentazzjoni tas-CCP tal-Unjoni; billi l-kunsens tal-Parlament huwa meħtieġ għar-ratifika ta' kull ftehim tal-kummerċ innegozjat mill-Unjoni, billi l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament hija għalhekk meħtieġa biex jiġi żgurat is-suċċess ta' kwalunkwe inizjattiva meħuda mill-Kummissjoni fil-qasam tas-CCP;

C.  billi l-kummerċ għandu rwol b'saħħtu fil-promozzjoni ta' opportunitajiet tan-negozju, joħloq il-prosperità u t-tkabbir tal-impjiegi, kif ukoll fit-tmexxija tal-iżvilupp ekonomiku, fil-progress soċjali, fl-istandards ta' għajxien, fil-kwalità tal-ħajja u fit-titjib fit-tul tal-istandards tad-drittijiet tal-bniedem;

D.  billi l-UE tissottolinja l-impenn sod tagħha biex tippromwovi l-iżvilupp sostenibbli kif affermat mill-ġdid fl-istrateġija tagħha "Kummerċ għal Kulħadd", kif ukoll id-drittijiet tal-bniedem u l-governanza tajba, permezz ta' mezzi bbażati fuq inċentivi bħall-SĠP+ u dispożizzjonijiet ta' aċċess preferenzjali għas-suq f'pajjiżi li huma impenjati biex jimplimentaw konvenzjonijiet internazzjonali prinċipali f'dawk l-oqsma;

E.  billi l-UE għandha l-kapaċità li tikkontribwixxi b'mod pożittiv għal aktar rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli globali permezz tal-politika kummerċjali tagħha; billi l-Kummissjoni għandha twettaq l-azzjonijiet tagħha billi żżomm f'moħħha dan l-għan; billi l-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment għandhom effett fuq id-drittijiet tal-bniedem u fuq l-iżvilupp sostenibbli, u għalhekk għandhom ikunu mfassla b'tali mod li jappoġġaw il-progress soċjali u ambjentali, li jiggarantixxu li l-istandards Ewropej ma jistgħux jiġu kompromessi, u jiġu salvagwardjati d-drittijiet tal-bniedem u jiġi żgurat ir-rispett tar-regoli soċjali u ambjentali;

F.  billi l-kummerċ u l-investiment barrani minn impriżi internazzjonali jikkontribwixxu għal aktar impenn lejn id-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet soċjali u d-drittijiet tal-ħaddiema fil-pajjiżi fejn joperaw l-impriżi;

G.  billi l-kontribuzzjoni tal-Parlament tista' titkejjel f'termini ta' implimentazzjoni effettiva tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu; billi l-implimentazzjoni tal-ftehimiet trid tiġi mmonitorjata perjodikament biex tiġi żgurata konformità mal-objettivi u l-impenji li jirriżultaw mill-ftehimiet tal-kummerċ, partikolarment dawk dwar il-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

H.  billi, skont l-Artikolu 208 tat-TFUE, l-UE u l-Istati Membri tagħha attwalment għandhom obbligu legali li jagħmlu l-politiki tagħhom koerenti mal-għanijiet tal-iżvilupp;

I.  billi l-proposta tal-Kummissjoni għal strateġija ġdida tal-kummerċ u tal-investiment – "Kummerċ għal Kulħadd" – tirrikonoxxi r-rabta bejn il-kummerċ, id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali, u tinsisti fuq il-ħtieġa li dawk id-drittijiet u standards ikunu parti integrali mir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali tal-Unjoni;

J.  billi l-bejjiegħa u l-intrapriżi bl-imnut globali transnazzjonali għandhom responsabbiltà fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-pagi fil-pajjiżi ta' produzzjoni;

K.  billi d-drittijiet tan-nisa huma parti kostituttiva tad-drittijiet tal-bniedem; billi l-ugwaljanza bejn is-sessi taqa' fil-kamp ta' applikazzjoni tal-kapitoli tal-ftehimiet kummerċjali dwar l-iżvilupp sostenibbli; billi l-impatt speċifiku tal-kummerċ u tal-investiment jaffettwa lin-nisa u lill-irġiel b'mod differenti minħabba l-inugwaljanzi strutturali bejn is-sessi, u billi l-ftehimiet kummerċjali, ta' tkabbir u ta' żvilupp sostenibbli u inklussiv għandhom jinkludu d-drittijiet tal-bniedem, inkluż minn perspettiva tal-ġeneru;

L.  billi l-aġenda għall-Iżvilupp Sostenibbli 2030 tirrikonoxxi l-impatt kruċjali fl-implimentazzjoni tal-miri tagħha billi tkopri numru ta' oqsma politiċi, bħar-regoli ta' oriġini, regolamenti dwar l-ikel, swieq tal-komoditajiet u l-ugwaljanza bejn is-sessi;

M.  billi l-potenzjal tas-sistema SĠP u SĠP+ sabiex tiġi żgurata r-ratifika u l-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw jista' jitejjeb billi jintrabtu inċentivi ekonomiċi mal-adozzjoni effettiva u l-monitoraġġ kostanti tal-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet ewlenin dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol;

N.  billi, wara d-diżastru ta' Rana Plaza, l-UE, f'kooperazzjoni mal-Gvern tal-Bangladesh u l-ILO, varat il-Patt Dinji għal Titjib fid-Drittijiet tax-Xogħol u s-Sikurezza fil-Fabbriki tal-Bangladesh li għandu l-għan li jtejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol, tas-saħħa u tas-sikurezza għall-ħaddiema; billi dawn l-isforzi wasslu għal għarfien pubbliku akbar, kif ukoll għal soluzzjonijiet innovattivi biex jiġu indirizzati kwistjonijiet relatati mat-TSD, bħalma huma l-Ftehim dwar is-Sikurezza kontra n-Nirien u s-Sikurezza tal-Bini fil-Bangladesh;

O.  billi s-settur privat irid jikkontribwixxi, flimkien mas-settur pubbliku, għall-iżvilupp sostenibbli; billi l-kumpaniji jridu jaġixxu b'mod soċjalment u ambjentalment responsabbli; billi l-ġenerazzjoni l-ġdida ta' ftehimiet kummerċjali u ta' investiment tinkludi kapitoli dwar l-iżvilupp sostenibbli li jappellaw lill-partijiet biex jimpenjaw ruħhom biex jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem, jikkonformaw ma' standards soċjali u ambjentali u jiżguraw ir-responsabbiltà soċjali korporattiva; billi dawn il-kapitoli wrew differenzi fil-livell tal-ambizzjoni tagħhom fi ftehimiet kummerċjali suċċessivi tal-UE; billi l-Kummissjoni hija mħeġġa tipprova tikseb l-ogħla livell ta' ambizzjoni;

P.  billi l-Istrateġija tal-Kummissjoni tal-2015 "Kummerċ għal kulħadd" tagħmel it-TSD prijorità għall-UE; billi, biex din l-istrateġija tagħti spinta adegwata lill-aġenda TSD, il-Kummissjoni issa trid issarraf l-ambizzjoni tagħha li ntlaqgħet tajjeb ħafna f'azzjoni determinata u konkreta;

Q.  billi l-proġett "Realizzazzjoni ta' valur fit-tul għall-kumpaniji u għall-investituri" li qiegħed jitwettaq mill-inizjattiva tal-Prinċipji għall-Investiment Responsabbli (PRI) u l-Patt Globali tan-NU juri li l-irkupru ekonomiku fl-Ewropa u fid-dinja huwa kompatibbli ma', u ta' tisħiħ reċiproku għall-prinċipji ta' ġustizzja soċjali, s-sostenibbiltà ambjentali u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

R.  billi, skont l-Artikolu 207 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), il-politika kummerċjali komuni tal-UE għandha titwettaq fil-kuntest tal-prinċipji u l-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni;

S.  billi l-Artikolu 21 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jtenni li l-azzjonijiet esterni tal-UE jridu jiġu ggwidati mill-prinċipji tad-demokrazija, l-istat tad-dritt, l-universalità u l-indiviżibbiltà tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, ir-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-prinċipji tal-ugwaljanza u s-solidarjetà, u l-konformità mal-Karta tan-NU u mad-dritt internazzjonali;

T.  billi r-rabta bejn il-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem, fuq naħa, u l-istandards soċjali u ambjentali, fuq in-naħa l-oħra, saret parti integrali mir-relazzjonijiet ekonomiċi u kummerċjali tal-UE; billi l-politiki tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem u d-demokrazija fil-pajjiżi terzi għandhom ikomplu jiġu integrati permezz ta' politiki oħra tal-UE b'dimensjoni esterna, fosthom il-politika kummerċjali; billi l-UE għandha tuża l-politika kummerċjali biex tkompli fl-għan li jiġu stabbiliti standards globali għoljin fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet soċjali, il-protezzjoni tal-konsumatur u kwistjonijiet ambjentali;

U.  billi l-politika kummerċjali u l-ftehimiet kummerċjali ambizzjużi qed jippromwovu u jsaħħu s-sistema globali tal-kummerċ ibbażata fuq regoli; billi kwistjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem għandhom jiġu kkunsidrati wkoll qabel ma jiġu konklużi n-negozjati kummerċjali f'ambjent b'saħħtu u trasparenti; billi l-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, flimkien mal-istrumenti rilevanti oħra kollha inkluża l-promozzjoni tar-responsabbiltà soċjali korporattiva, jimmiraw li jrawmu dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-rigward tal-politika kummerċjali;

V.  billi fis-26 ta' Ġunju 2014 il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU adotta riżoluzzjoni dwar l-istabbiliment ta' grupp ta' ħidma intergovernattiv bir-responsabbiltà li jniedi proċess li jwassal għall-introduzzjoni ta' strument internazzjonali legalment vinkolanti li jirregola l-attivitajiet ta' korporazzjonijiet transnazzjonali u intrapriżi ta' negozju oħra fil-qafas tal-liġi internazzjonali;

W.  billi l-kummerċ u d-drittijiet tal-bniedem jistgħu jsaħħu lil xulxin, u l-komunità kummerċjali, filwaqt li l-obbligu li jiġu rrispettati d-drittijiet tal-bniedem jista' jkollu wkoll rwol importanti biex jiġu offruti inċentivi pożittivi f'termini ta' promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, tad-demokrazija, tal-istandards ambjentali u r-responsabilità korporattiva; billi l-UE żvolġiet rwol ewlieni fin-negozjati u fl-implimentazzjoni ta' numru ta' inizjattivi ta' responsabbiltà globali li jmorru id f'id mal-promozzjoni u r-rispett tal-istandards internazzjonali, inklużi l-ġustizzja soċjali, is-sostenibbiltà ambjentali u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem; billi l-impatt pożittiv fit-tul fuq id-drittijiet tal-bniedem ta' negozji Ewropej li joperaw fuq livell globali u jmexxu bl-eżempju permezz ta' kultura korporattiva mhux diskriminatorju huwa rikonoxxut; billi t-tisħiħ tar-relazzjonijiet kummerċjali bbażati fuq il-protezzjoni u l-infurzar tad-drittijiet tal-bniedem jżidu l-fehim reċiproku u l-valuri komuni bħall-istat tad-dritt, il-governanza tajba u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem;

Il-prinċipji ġenerali

1.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinkorporaw approċċ ta' integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-politiki kollha tagħhom, inkluż fil-politika tal-kummerċ, u li jiggarantixxu konformità effettiva ma', inter alia, il-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW); jistieden lill-Kummissjoni biex tqis l-aspetti relatati mal-ugwaljanza bejn is-sessi fl-evalwazzjoni tagħha tal-impatt tal-istrateġija kummerċjali tal-UE, fir-rigward tad-drittijiet tan-nisa, u jistieden lill-Kummissjoni tevalwa sistematikament il-ftehimiet eżistenti ta' kummerċ u ta' investiment sabiex jiġu identifikati l-konsegwenzi tagħhom fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi;

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura koerenza akbar fir-rigward tal-iżvilupp, tiżgura valutazzjoni politika effettiva u koordinazzjoni bejn l-għajnuna għall-iżvilupp u l-politika kummerċjali, u tistinka biex ikun żgurat li l-partijiet interessati kollha jkunu konformi mal-istandards internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, l-ugwaljanza bejn is-sessi, id-dritt tax-xogħol u r-rispett għall-ambjent;

3.  Jistieden lill-UE jkollha rwol attiv fil-kisba tas-17-il Għan ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs) li jinsabu fl-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis-70 Sessjoni tagħha;

4.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jippromwovu miżuri vinkolanti li jiżguraw li l-kumpaniji jħallsu t-taxxi fejn isseħħu l-attivitajiet ekonomiċi u jinħoloq il-valur, jippromwovu rappurtar obbligatorju, pajjiż b'pajjiż, mis-settur privat kif irrakkomandat mill-OECD, u jippromwovu governanza tajba l-aktar fil-qasam tat-taxxa u l-ġbir effettiv tat-taxxi; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li din il-kwistjoni tingħata prijorità fl-aġenda fid-djalogu politiku tagħha (fil-livell politiku dwar l-iżvilupp u dwar il-kummerċ) u biex jappoġġaw ir-rwol tas-soċjetà ċivili fl-iżgurar ta' skrutinju pubbliku tal-governanza tat-taxxa u l-monitoraġġ ta' każijiet li jikkonċernaw il-frodi fiskali; jemmen li l-politika tat-tassazzjoni ta' negozju għandha titqies bħala parti integrali mis-CSR u li konsegwentement, l-imġiba soċjalment responsabbli ma tħalli l-ebda lok għal strateġiji maħsuba biex jevadu t-taxxa jew jisfruttaw ir-rifuġji fiskali;

5.  Jirrikonoxxi li l-aċċess għal beni komuni bħall-ilma, il-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni huwa riflessjoni importanti tal-kapaċità ta' pajjiż li jiggarantixxi d-drittijiet tal-bniedem u dawk soċjali;

6.  Jenfasizza li r-rekord tal-UE fuq perjodu twil ta' żmien fl-impenn tagħha għal kwistjonijiet soċjali u ambjentali fil-kuntest tad-diplomazija kummerċjali tagħha diġà jinsab fuq quddiem fost l-atturi prinċipali l-oħra tal-kummerċ dinji; jissottolinja li l-impenji tad-drittijiet tal-bniedem tas-sħab kummerċjali tagħna jipprovdu bażi solida għal djalogu kontinwu, proċessi kooperattivi u titjib progressiv fit-tul;

7.  Jenfasizza l-importanza ta' kummerċ u investiment barrani bħala għodda importanti biex jinkiseb it-tkabbir ekonomiku, l-iżvilupp sostenibbli, it-tmexxija tajba u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

8.  Ifakkar li l-kummerċ u l-investiment dirett barrani jżidu l-prosperità fil-pajjiżi l-fqar; Ifakkar li hemm konnessjoni mhux negliġibbli bejn iktar prosperità u protezzjoni aħjar tad-drittijiet tal-bniedem, id-drittijiet soċjali u d-drittijiet tal-ħaddiema u protezzjoni ambjentali qawwija;

9.  Ifakkar li l-UE hija impenjata fil-promozzjoni koerenti tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tad-demokrazija fir-relazzjonijiet tagħha ma' pajjiżi terzi fil-politiki kollha tagħha, inkluża l-politika kummerċjali, u fl-istrumenti ta' finanzjament estern rilevanti kollha tagħha;

10.  Jirrakkomanda, għalhekk, li l-istrateġija kummerċjali tal-UE tkun għodda għall-promozzjoni ta' valuri demokratiċi fil-pajjiżi terzi; jilqa', għaldaqstant, it-tisħiħ ta' ftehimiet kummerċjali u ta' programmi kummerċjali preferenzjali bħala xprun biex jiġu promossi d-drittijiet tal-bniedem, jiġi eliminat ix-xogħol furzat u tat-tfal, u biex jiġu ggarantiti s-sigurtà tal-ikel u d-drittijiet għas-saħħa, l-iżvilupp sostenibbli u standards għoljin ta' sikurezza u dawk ambjentali, kif ukoll opportunitajiet ekonomiċi għal kulħadd;

Id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards ambjentali u soċjali f'livell multilaterali

11.  Jenfasizza kemm huwa importanti li l-UE tibni kooperazzjoni fil-livell multilaterali u għalhekk itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex ikollha rwol ewlieni fir-riforma tal-governanza tad-WTO, partikolarment b'rabta mal-ilħiq tal-għanijiet li ġejjin:

   (a) li jissaħħu l-kooperazzjoni effettiva u d-djalogu regolari bejn id-WTO u l-aġenziji relevanti tan-NU, b'mod partikolari l-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem, il-Konferenza tan-NU dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol, b'mod partikolari billi l-ILO tingħata l-istatus ta' osservaturfi ħdan id-WTO u billi tiġi involuta f'tilwim kummerċjali relatat ma' ksur ta' konvenzjonijiet internazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol; iqis li l-ILO għandha tkompli tkun involuta fil-ftehimiet kummerċjali bilaterali, multilaterali u plurilaterali;
   (b) li jiġu rriformati l-mekkaniżmi ta' reviżjoni tal-politika kummerċjali tad-WTO biex jinkludu d-dimensjonijiet soċjali, ambjentali u tad-drittijiet tal-bniedem abbażi tal-linji gwida tal-ILO, tad-drittijiet tal-bniedem tan-NU, u tal-Ftehimiet Ambjentali Multilaterali (MEAs), u li jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli, b'mod partikolari permezz tat-twaqqif ta' Kumitat dwar il-Kummerċ u x-Xogħol Deċenti fid-WTO flimkien mal-Kumitat eżistenti dwar il-Kummerċ u l-Ambjent, kif mitlub fir-rakkomandazzjonijiet tagħha tal-2010,
   (c) li jiġi vvalutat sa liema punt il-Kumitat tad-WTO għall-Kummerċ u l-Ambjent issodisfa l-mandat tiegħu kif stabbilit fid-Deċiżjoni Ministerjali tad-WTO dwar il-Kummerċ u l-Ambjent meħud f'Marrakexx fil-15 ta' April 1994 u l-konklużjonijiet tiegħu dwar x'jeħtieġ li jsir aktar, b'mod partikulari fil-kuntest tad-djalogu globali dwar il-mitigazzjoni u l-adattament għat-tibdil fil-klima u d-WTO, kif oriġinarjament mitlub mill-Parlament,
   (d) li jkun hemm impenn kostruttiv favur il-Grupp ta' Ħidma tan-NU għal proċess tat-Trattat dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem wara l-istudju dwar it-trattament tal-ksur serju mill-kumpanniji tad-drittijiet tal-bniedem permezz ta' rimedju ġudizzjarju li twettaq mill-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi b'mod attiv aktar riformi tad-WTO bil-għan li jiġu definiti regoli multilaterali għall-ġestjoni sostenibbli ta' katini ta' forniment globali b'mod responsabbli, li għandhom jinkludu b'mod partikolari:

   (a) ir-rekwiżiti effettivi u infurzabbli tad-diliġenza dovuta u tat-trasparenza fil-katina tal-provvista, fuq il-bażi tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem,
   (b) l-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza, li jirrikonoxxu b'mod partikolari d-dritt tal-ħaddiema għal kumitati tas-sikurezza,
   (c) bażi ta' protezzjoni soċjali,
   (d) ir-rispett tal-istandards fundamentali tax-xogħol tal-ILO;

13.  Itenni t-talba tiegħu biex jiġi żgurat li kwalunkwe miżura adottata minn parti fil-qafas tal-Ftehim ta' Pariġi jew relatata ma' kwalunkwe waħda mill-prinċipji jew mill-impenji inklużi fl-Artikoli 3 u 4 tal-UNFCCC se jkunu garantiti wkoll billi tiġi pprovduta protezzjoni legalment aktar soda tad-dritt tar-regolamentazzjoni fil-ftehimiet kummerċjali;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tħaffef il-progress lejn l-iżvilupp ta' skemi li jiddistingwu bejn prodotti skont il-metodi ta' proċess u ta' produzzjoni tagħhom (PPMs) u kriterji ta' sostenibbiltà fil-qafas ta' ftehimiet kummerċjali;

15.  Jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jonoraw l-impenn tagħhom li gradwalment jitneħħew is-sussidji għall-karburanti fossili f'konformità mal-impenn tal-G20;

16.  Jemmen li l-politika kummerċjali tista' tagħti kontribut akbar lejn it-tranżizzjoni tal-enerġija u li l-istrumenti kummerċjali tal-UE għandhom jippromwovu l-ħolqien u l-iżvilupp ta' enerġiji rinnovabbli u l-iżvilupp ta' prodotti u teknoloġiji ekoloġiċi fl-Ewropa; jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex tinnegozja ftehim plurilaterali dwar prodotti ekoloġiċi (il-Ftehim dwar il-Beni Ambjentali – EGA) u jitlob li dawn in-negozjati jipproduċu ftehim ambizzjuż u bbilanċjat; jitlob lill-Kummissjoni biex, fil-qafas tan-negozjati tal-EGA, tiżviluppa kriterji kwantitattivi jew kwalitattivi għall-identifikazzjoni ta' "prodotti ekoloġiċi" u biex tippromwovi metodoloġija kredibbli u trasparenti fin-negozjati tal-EGA; jistieden ukoll lill-Kummissjoni biex tieħu kont dovut ta' fatturi li jaffettwaw il-kummerċ fi prodotti ekoloġiċi, bħal politiki ta' kontra d-dumping fis-settur tal-enerġija rinnovabbli, sistemi ta' proprjetà intellettwali, programmi ta' finanzjament strett u politiki ambjentali nazzjonali li joħolqu d-domanda għal dawn il-prodotti;

Id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards ambjentali u soċjali fuq livell bilaterali

17.  Jilqa' b'sodisfazzjon id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li twettaq valutazzjonijiet tal-impatt għas-sostenibilità (SIAs) ex ante u ex post għal kwalunkwe ftehim kummerċjali f'konformità mal-"Linji gwida dwar l-analiżi tal-valutazzjonijiet tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem għal inizjattivi ta' politika relatati mal-kummerċ"; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni biex:

   (a) tapplika l-linji gwida fl-iżvilupp ta' SIAs għan-negozjati attwali u futuri kollha;
   (b) tirrifletti wkoll f'dawn is-SIAs, il-prinċipji gwida żviluppati mir-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel;
   (c) tieħu kont tal-impatt tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment fuq in-nies li huma partikolarment vulnerabbli bħal dawk li jappartjenu għal gruppi ta' minoranza, jew li jkunu ġeografikament iżolati, foqra jew soċjalment esklużi; jiġbed l-attenzjoni wkoll, f'dan ir-rigward, għall-impenn tal-Kummissjoni biex tivvaluta l-impatt tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles fuq ir-reġjuni l-aktar imbiegħda tal-UE;
   (d) tiżgura l-involviment xieraq ta' SCOs u tas-sħab soċjali fl-iżvilupp tas-SIAs u biex tinvolvi lill-Parlament f'kull stadju f'dan il-proċess;
   (e) tikkunsidra bis-sħiħ fin-negozjati, il-konklużjonijiet ta' tali valutazzjonijiet;
   (f) tiżgura l-pubblikazzjoni fil-ħin ta' SIAs sabiex tinforma l-pożizzjonijiet ta' negozjar qabel ma jiġu fformulati, biex tinforma lill-pubbliku u tippermetti lir-rappreżentanti eletti sabiex jevalwaw kwalunkwe ftehim propost;

18.  Jirrikonoxxi l-konklużjonijiet tal-Ombudsman Ewropew rigward id-deċiżjoni tal-Kummissjoni biex jiġi ffinalizzat il-Ftehim mal-Vjetnam qabel il-konklużjoni ta' valutazzjoni tal-impatt tad-drittijiet tal-bniedem u jħeġġeġ lill-Kummissjoni sabiex twettaq din il-valutazzjoni mal-ewwel opportunità abbażi tal-metodoloġija l-ġdida sabiex il-Parlament ikun jista' jieħu deċiżjoni informata;

19.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-kundizzjonalità tad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kummerċjali u jfakkar l-importanza li jiġu rrispettati u implimentati klawżoli tad-drittijiet tal-bniedem; jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni u tal-Kunsill li jdaħħlu tali klawżoli legalment vinkolanti dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment kollha f'konformità mal-approċċ komuni u jitlob il-pubblikazzjoni tal-approċċ komuni tal-Kunsill; jinnota li l-klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem ma ġewx inklużi fil-ftehimiet kollha tal-UE u jitlob li n-negozjati kummerċjali li għaddejjin bħalissa ma' sħab oħra tal-UE, b'mod partikolari dawk dwar it-TTIP, jiżguraw l-inklużjoni ta' klawżola vinkolanti dwar id-drittijiet tal-bniedem;

20.  Iqis madankollu li l-klawżoli attwali kellhom impatt limitat fuq it-twettiq tal-obbligi u l-impenji tad-drittijiet tal-bniedem; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex jimplimentaw dawn il-bidliet li ġejjin:

   (a) l-inklużjoni ta' dispożizzjonijiet ta' salvagwardja kummerċjali biex tiġi ppreżervata l-kapaċità ta' kull parti biex tissodisfa l-obbligi tagħha tad-drittijiet tal-bniedem fl-oqsma fejn hija primarjament responsabbli f'każijiet ta' ksur ipprovat tad-dispożizzjonijiet tal-klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem,
   (b) monitoraġġ regolari fid-dettall tal-implimentazzjoni ta' klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem fi ftehimiet ta' kummerċ u ta' Assoċjazzjoni, b'mod partikolari permezz tal-pubblikazzjoni regolari ta' rapporti konġunti mill-Kummissjoni u l-EEAS lill-Parlament dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa tal-pajjiżi sħab u permezz tal-istabbiliment ta' kumitat interistituzzjonali,
   (c) jikkunsidraw l-inklużjoni ta' kumitat għad-drittijiet tal-bniedem fil-ftehimiet kummerċjali kollha tal-UE sabiex jiġi żgurat segwitu serju u sistematiku ta' kwistjonijiet ta' drittijiet tal-bniedem relatati mal-Ftehim; ifakkar f'dan ir-rigward l-importanza ta' parteċipazzjoni tal-pubbliku fin-negozjati biex tiġi żgurata t-trasparenza;
   (d) jiżguraw li l-UE jkollha sistema tar-rimedji legali domestiċi li tippermetti lmenti f'każijiet ta' nuqqas ta' konformità ma' ftehimiet kummerċjali u ma' klawżoli dwar id-drittijiet tal-bniedem;

21.  Ifakkar it-talba li għamel fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu tal-2010 li kull ftehim kummerċjali tal-UE, kemm jekk bilaterali kif ukoll plurilaterali, għandu jinkludi kapitoli dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp Sostenibbli (TSD) komprensivi, infurzabbli u ambizzjużi; jenfasizza d-disparitajiet murija mill-kapitoli tat-TSD fid-diversi ftehimiet kummerċjali tal-UE; għalhekk jistieden lill-Kummissjoni żżomm l-ogħla livell ta' konsistenza fin-negozjati kummerċjali kollha u li tintroduċi kapitoli TSD bil-karatteristiċi li ġejjin:

   (a) impenn miż-żewġ partijiet biex jirratifikaw u jimplimentaw b'mod effettiv it-tmien Konvenzjonijiet ILO prinċipali u l-erba' Konvenzjonijiet ILO ta' prijorità kif ukoll il-ftehimiet ambjentali multilaterali internazzjonali;
   (b) kopertura tal-klawżoli tad-drittijiet tal-bniedem u l-kapitoli TSD minn naħa tas-soluzzjoni tat-tilwim ġenerali, b'kundizzjonijiet indaqs ma' partijiet oħra tal-Ftehim kif mitlub fir-rakkomandazzjonijiet tal-2010 biex tkun żgurata l-osservanza tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali;
   (c) il-possibbiltà ta' appell u li wieħed ifittex rimedju permezz ta' proċedura għall-ilmenti għas-sħab soċjali u s-soċjetà ċivili;
   (d) miżuri dissważivi effettivi, inkluż fil-forma ta' rimedji monetarji, fil-każ ta' ksur gravi u ppruvat tad-dispożizzjonijiet tal-kapitolu tal-ftehim dwar l-iżvilupp sostenibbli; tali miżuri jistgħu jiġu implimentati permezz ta' tnaqqis temporanju, ta' tnaqqis jew ta' sospensjoni ta' ċerti vantaġġi kummerċjali previsti mill-ftehim, fil-każ ta' ksur aggravat u kontinwu ta' dawn l-istandards, bħala miżura tal-aħħar, u l-introduzzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni mas-sħab tagħna tista' tgħin biex ikun hemm rimedju għan-nuqqas ta' konformità ma' ċerti impenji magħmula fil-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment;

22.  Itenni t-talba tiegħu għal fora jew gruppi konsultattivi dwar l-iżvilupp sostenibbli li għandhom jitwaqqfu fid-diversi stadji tal-abbozzar, in-negozjati u l-implimentazzjoni ta' ftehim; ifakkar fil-ħtieġa għal Gruppi Konsultattivi Domestiċi (DAGs) kollha biex ikunu kompletament indipendenti u jkollhom aċċess għal riżorsi adegwati; jieħu nota tal-kritika li ta' sikwit ġiet espressa minn ċerti parteċipanti f'DAGs stabbiliti mill-UE taħt ftehimiet kummerċjali eżistenti li d-deliberazzjonijiet tagħhom ma għandhom ebda impatt prattiku u jipproponi li l-Kummissjoni timplimenta l-miżuri li ġejjin:

   (a) li twaqqaf sistema ta' rappurtar li tippermetti lill-Parlament jevalwa l-ħidma tal-gruppi konsultattivi;
   (b) li tirrispondi b'mod sistematiku u b'mod konkret għat-tħassib tad-DAGs tal-UE u li ssegwi l-inizjattivi proposti mill-UE SCOs u s-sħab soċjali f'dan il-qafas;
   (c) li tistabbilixxi dispożizzjonijiet loġistiċi bażiċi fil-kapitoli tat-TSD li jippermettu l-implimentazzjoni effettiva, minħabba li dawn l-aspetti f'xi każijiet irriżultaw li huma ostakli serji, kif ukoll miżuri relatati ta' akkumpanjament bħall-assistenza teknika u l-programmi ta' kooperazzjoni;

23.  Jitlob li jkun hemm aktar trasparenza u responsabilità għal organizzazzjonijiet lokali fil-formulazzjoni ta' regoli dwar il-kummerċ internazzjonali u politiki kummerċjali nazzjonali, filwaqt li tiġi żgurata konsistenza fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-ħaddiema u d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tan-nisa;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvolvi lill-Parlament b'mod aktar mill-qrib fil-proċess ta' monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ftehimiet kummerċjali u ta' investiment fir-rigward tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-istandards soċjali u ambjentali u jitlob lill-Kunsill biex jikkonsulta lill-Parlament dwar kwalunkwe deċiżjoni li tirrevedi jew tissospendi l-applikazzjoni tal-Ftehim jekk dan ikun meħtieġ;

Id-drittijiet tal-bniedem u l-istandards ambjentali u soċjali fuq livell unilaterali

25.  Jilqa' id-dħul fis-seħħ tal-Iskema Ġeneralizzata ta' Preferenzi (SĠP) (Regolament (UE) Nru 978/2012) fl-1 ta' Jannar 2014 u l-pubblikazzjoni tal-ewwel rapport ta' monitoraġġ SĠP għall-perjodu 2014-2015; huwa tal-fehma li l-politika tal-kummerċ għandha tkun mod biex il-pajjiżi sħab tal-UE jiġu inkoraġġuti jadottaw standards soċjali u ambjentali ogħla u għalhekk jistieden lill-Kummissjoni biex timplimenta l-miżuri korrettivi li ġejjin:

   (a) biex tiċċara, jew permezz ta' att delegat jew permezz tar-reviżjoni li ġejja tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, id-definizzjonijiet ta' "nuqqas serju fl-implimentazzjoni effettiva" ta' konvenzjoni internazzjonali u "ksur serju u sistematiku tal-prinċipji", inklużi f'konvenzjoni internazzjonali,
   (b) biex tara l-fehmiet tal-korpi kollha rilevanti ta' monitoraġġ sabiex tiġi vvalutata aħjar il-konformità mal-konvenzjonijiet internazzjonali msemmija fir-Regolament SĠP; b'mod partikolari biex tiffoka l-valutazzjoni tagħha fuq il-fehmiet espressi mill-Kumitat ta' Esperti tal-ILO dwar l-Applikazzjoni tal-Konvenzjonijiet, fir-rigward kemm tal-għoti kif ukoll tas-sospensjoni tal-preferenzi kummerċjali skont ir-Regolament SĠP;
   (c) li jittejjeb, fir-reviżjoni li jmiss tar-Regolament (UE) Nru 978/2012, il-monitoraġġ tal-impenji meħuda mill-pajjiżi benefiċjarji; is-sħab soċjali u s-CSOs għandhom jingħataw rwol formali ta' monitoraġġ SĠP u SĠP+, b'mod partikolari permezz ta' proċedura biex tisma' u tirrispondi t-tħassib indirizzat lill-Kummissjoni;
   (d) biex tinkludi wkoll fir-reviżjoni, kif mitlub fl-2010, is-CSR fir-Regolament SĠP sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-korporazzjonijiet transnazzjonali mal-obbligi legali nazzjonali u internazzjonali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, l-istandards tax-xogħol u r-regoli ambjentali;
   (e) biex timmonitorja u tivvaluta l-iżviluppi relatati mal-implimentazzjoni u l-effettività tal-ftehimiet "Everything But Arms (EBA)" u l-arranġamenti SĠP standard, u biex tirrapporta lura lill-Parlament Ewropew;

26.  Jappoġġja l-impenn tal-Kummissjoni biex taħdem lejn l-eliminazzjoni tat-tħaddim tat-tfal; jilqa' l-adozzjoni ta' Dokument ta' Ħidma tal-Persunal u jtenni t-talba tiegħu mill-2010 għal proposta bilanċjata u realistika għal leġiżlazzjoni, inklużi miżuri bħall-ittikkettjar ta' prodotti li juru li ma tħaddmux tfal fil-produzzjoni tagħhom, preferenzi kummerċjali mogħtija lill-pajjiżi li jissodisfaw ċerti standards tax-xogħol u projbizzjonijiet fuq l-importazzjoni orizzontali għall-prodotti magħmula permezz tat-tħaddim tat-tfal; jenfasizza l-importanza li jiġi inkluż l-għan tal-ġlieda kontra x-xogħol furzat u t-tħaddim tat-tfal fl-ambitu tad-kapitoli TSD ta' ftehimiet ta' kummerċ tal-UE flimkien ma' 6 konvenzjonijiet fundamentali oħra tal-ILO, kif ukoll l-impenn tal-UE fid-diskussjonijiet internazzjonali fil-livell tad-WTO, l-OECD u l-ILO biex javvanzaw id-dimensjoni multilaterali tagħha;

27.  Jikkonferma l-oppożizzjoni tiegħu għal kwalunkwe dispożizzjoni diretta jew indiretta li taffettwa l-kummerċ fis-servizzi relatati mal-enerġija li jippermettu n-newtralità teknoloġika ta' sussidji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu b'mod serju l-fatt li l-livell ta' emissjonijiet tas-CO2 li qed jiżdied mill-kummerċ internazzjonali jimmina l-Istrateġija Ewropea dwar il-Klima, u jenfasizza li l-bidla lejn mudelli ta' produzzjoni u konsum lokali tista' tikkontribwixxi għall-kisba tal-objettivi tal-Ftehim ta' Pariġi;

28.  Ifakkar ir-rabta intrinsika bejn it-tibdil fil-klima u d-deforestazzjoni kkawżata minn prodotti illegali u mhux sostenibbli ta' estrazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura l-implimentazzjoni u l-infurzar effettivi ta' FLEGT u EUTR, inkluż l-obbligu tal-legalità fil-ktajjen ta' provvista tal-injam;

29.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tniedi studju dwar il-fattibbiltà għal Pjan ta' Azzjoni Ewropew dwar id-Deforestazzjoni u d-Degradazzjoni tal-Foresti;

Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR)

30.  Ifakkar it-talba tal-Parlament mill-2010 għall-inklużjoni tas-CSR fil-ftehimiet u d-dispożizzjonijiet kummerċjali kollha tal-UE, għal aktar infurzar, b'mod partikolari l-possibbiltà għall-Kummissjoni li twettaq investigazzjonijiet dwar ksur allegat tal-impenji tas-CSR u l-iżvilupp ta' punti ta' kuntatt tal-UE li jibni fuq u jsaħħaħ il-punti ta' kuntatt tal-OECD; jitlob lill-Kummissjoni biex tintensifika l-isforzi tagħha lejn il-kisba ta' konformità mill-kumpaniji, tul il-katini tal-provvista tagħhom, u b'rispett sħiħ tal-istandards ċentrali tax-xogħol tal-ILO u tal-istandards tas-CSR rikonoxxuti internazzjonalment, b'mod partikolari l-Linji Gwida tal-OECD aġġornati reċentement għall-Intrapriżi Multinazzjonali, l-għaxar prinċipji tal-Patt Globali tan-Nazzjonijiet Uniti, l-Istandard Gwida ISO 26000 dwar ir-Responsabbiltà Soċjali, id-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw l-Intrapriżi Multinazzjonali u l-Politika Soċjali, u l-Prinċipji Gwida tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, b'mod partikolari fl-industriji tal-ħwejjeġ u dawk estrattivi, fejn ir-riskji ta' ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istandards soċjali huma iktar komuni; jiġbed l-attenzjoni lejn il-Patt tas-Sostenibbiltà mnedija mill-Kummissjoni flimkien mal-Bangladesh, l-ILO u l-Istati Uniti wara d-diżastru ta' Rana Plaza fl-2013; jisħaq fuq l-importanza li jkomplu jiġu segwiti l-objettivi tal-Patt ta' Sostenibbiltà biex jittejbu d-drittijiet tal-ħaddiema, kif ukoll il-ħtieġa għal immaniġġjar aktar responsabbli tal-katini ta' provvista fil-livell internazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi programmi u miżuri simili ma' sħab kummerċjali oħra tal-UE;

31.  Jemmen li huwa kruċjali li jitkomplew l-isforzi biex jaderixxu għad-dikjarazzjoni tal-OECD dwar l-Investiment Internazzjonali u l-Intrapriżi Multinazzjonali, filwaqt li jiġi żgurat li l-Linji Gwida jkunu speċifikament iċċitati fil-ftehimiet ġodda kollha bejn l-UE u l-pajjiżi terzi u ċ-ċaqliq minn approċċ "passiv" għal wieħed "attiv" fir-rigward tal-implimentazzjoni tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura t-trasparenza rigward l-aċċess għall-informazzjoni dwar il-kondotta tal-impriżi u li tiġi introdotta sistema ta' rappurtar effettiva u infurzabbli li tipprovdi informazzjoni dwar il-katini ta' valur ta' prodott; ifakkar il-pożizzjoni tagħha mill-2010 li titlob lill-kumpaniji jippubblikaw il-bilanċi tagħhom tas-CSR u biex l-impriżi kollha juru diliġenza xierqa; iħeġġeġ lill-Kummissjoni taġġorna l-istrateġija tagħha dwar is-CSR biex tistabbilixxi rekwiżiti aktar b'saħħithom ta' rappurtar u ta' konformità, filwaqt li tiżgura implimentazzjoni aktar effettiva tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem, u jħeġġeġ lill-Istati Membri japprovaw il-promozzjoni tas-CSR fil-ftehimiet kummerċjali;

32.  Jistieden lill-UE sabiex twaqqaf pjattaformi ta' djalogu CSR li jġibu flimkien is-soċjetà ċivili, in-negozji, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u partijiet oħra interessati;

33.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tapplika r-riżultati emerġenti tal-proġett "Realizzazzjoni ta' valur fit-tul għall-kumpaniji u għall-investituri" li qiegħed jitwettaq mill-Prinċipji għall-Investiment Responsabbli u l-Patt Globali tan-NU għal Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi tagħha stess u għad-djalogu tagħha ma' investituri meta tinnegozja ftehimiet kummerċjali, u biex tappoġġa l-kunċett ta' "Unjoni tas-Swieq Kapitali Sostenibbli" permezz tal-appoġġ tal-kummerċ sostenibbli;

34.  Ifakkar li d-Dikjarazzjoni Tripartitika tal-ILO dwar il-Prinċipji li jikkonċernaw intrapriżi multinazzjonali u l-politika soċjali, l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO u l-elementi tax-xogħol tal-Linji Gwida tal-OECD għall-Intrapriżi Multinazzjonali huma testi ewlenin fir-rigward tar-responsabbiltà soċjali korporattiva; jitlob lill-Kummissjoni tkompli fuq l-inizjattivi tal-OECD u tan-NU billi tinkorpora l-istandards internazzjonali ġodda u żviluppati reċentement fil-leġiżlazzjoni tal-UE u biex tippromwovi rakkomandazzjonijiet ta' politika bbilanċjati u komprensivi, inkluża dimensjoni ta' żvilupp qawwija u sostenibbli fuq katini ta' valur globali, fil-laqgħa ta' Lulju 2016 tal-Ministri tal-Kummerċ tal-G20 f'Shanghai;

35.  Ifakkar li l-UE hija l-attur ewlieni fid-dinja f'termini ta' pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali dwar is-CSR; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi b'mod attiv imġiba kummerċjali responsabbli fost kumpaniji tal-UE li joperaw barra minn pajjiżhom b'iffukar speċjali fuq l-iżgurar ta' konformità stretta mal-obbligi legali kollha tagħhom li joħorġu jew mil-liġijiet nazzjonali jew minn kwalunkwe obbligu legali bilaterali jew internazzjonali li l-operazzjonijiet kummerċjali tagħhom huma suġġetti għalihom, mhux l-inqas il-konformità mal-istandards u r-regoli internazzjonali fl-oqsma tad-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol u l-ambjent; jissuġġerixxi wkoll, biex jintlaħaq dan l-għan, li l-Kummissjoni tkun involuta b'mod attiv mal-pajjiżi sħab tagħha fl-iskambju tal-aħjar prattiki u l-kompetenzi dwar modi u mezzi kif jittejjeb l-ambjent kummerċjali u l-għarfien dwar imġiba kummerċjali responsabbli;

36.  Jinnota li l-aġenda tar-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR) trid tiġi adattata għall-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni u tal-pajjiżi sabiex tikkontribwixxi għat-titjib tal-ekonomija sostenibbli u l-iżvilupp soċjali;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tieħu miżuri ta' kummerċ u ta' investiment li jinvolvu l-għoti ta' tikketti, l-għoti ta' aċċess preferenzjali għall-kuntratti pubbliċi tal-UE u l-implimentazzjoni ta' programmi ta' appoġġ għall-SMEs li se jħeġġu u jippremjaw kumpaniji li jintroduċu strateġiji tas-CSR;

38.  Jilqa' b'sodisfazzjon kbira l-inklużjoni tar-rappurtar tad-drittijiet tal-bniedem minn negozji kbar fid-Direttiva tal-UE dwar ir-rappurtar mhux finanzjarju; jistieden lill-Istati Membri tal-UE jittrasponu d-Direttiva malajr u b'mod effettiv; jiġbed l-attenzjoni lejn il-Prinċipji Gwida tal-Qafas ta' Rappurtar tan-NU, tar-Riferiment Korporattiv tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-objettiv ta' "rappurtar integrat", u jistieden lill-kumpaniji elenkati kollha tal-UE u l-partijiet interessati tagħhom biex jikkonformaw mal-ispirtu tad-Direttiva fi ħdan l-UE kif ukoll meta jsir kummerċ barra mill-UE;

39.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri biex jieħdu sehem b'mod attiv fil-ħidma tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU u tal-Programm Ambjentali tan-NU (UNEP) dwar trattat internazzjonali li jżomm responsabbli korporazzjonijiet transnazzjonali għal abbużi tad-drittijiet tal-bniedem u l-ksur ta' standards ambjentali;

40.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni effettiva ta' dawn ir-rakkomandazzjonijiet tikkostitwixxi element kruċjali fil-valutazzjoni tal-Parlament tal-ftehimiet tal-kummerċ innegozjati mill-Kummissjoni; jitlob għal risposta dettaljata u f'waqtha mill-Kummissjoni għall-punti kollha mqajma f'din ir-riżoluzzjoni;

o
o   o

41.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) https://www.wto.org/english/news_e/news15_e/mc10_19dec15_e.htm
(2) http://unfccc.int/resource/docs/2015/cop21/eng/l09r01.pdf
(3) http://eeas.europa.eu/human_rights/docs/2014-hr-annual-report_en.pdf
(4) http://trade.ec.europa.eu/doclib/docs/2015/july/tradoc_153591.pdf
(5) Riżoluzzjoni, adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-NU fil-25 ta' Settembru 2015 (A/RES/70/1)http://www.un.org/ga/search/view_doc.asp?symbol=A/RES/70/1&Lang=E
(6) ĠU L 347, 30.12.2005, p. 1.
(7) ĠU L 303, 31.10.2012, p. 1.
(8) http://mneguidelines.oecd.org/text/
(9) http://www.oecd.org/daf/inv/mne/GuidanceEdition2.pdf
(10) http://unctad.org/en/pages/PublicationWebflyer.aspx?publicationid=1437
(11) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 101.
(12) Testi adottati, P8_TA(2015)0294.
(13) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 31.
(14) ĠU C 99 E, 3.4.2012, p. 94.
(15) A/HRC/RES/26/9: http://www.ihrb.org/pdf/G1408252.pdf

Avviż legali