Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2353(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0224/2016

Testi mressqa :

A8-0224/2016

Dibattiti :

PV 05/07/2016 - 9
CRE 05/07/2016 - 9

Votazzjonijiet :

PV 06/07/2016 - 6.9
CRE 06/07/2016 - 6.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0309

Testi adottati
PDF 553kWORD 211k
L-Erbgħa, 6 ta' Lulju 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni
P8_TA(2016)0309A8-0224/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2016 dwar it-tħejjija tar-reviżjoni postelettorali tal-QFP 2014-2020: L-input tal-Parlament qabel il-proposta tal-Kummissjoni (2015/2353(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 311, 312 u 323 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(1), u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 2015/623 tal-21 ta' April 2015 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/335/UE, Euratom tas-26 ta' Mejju 2014 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni Ewropea(3),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 bit-titolu "Negozjati dwar il-QFP 2014-2020: it-tagħlimiet li għandhom jittieħdu u t-triq 'il quddiem"(6),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' Diċembru 2013 dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-istituzzjonijiet li jirrappreżentaw lill-gvernijiet nazzjonali(7),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tad-19 ta' Novembru 2013 dwar il-QFP 2014-2020(8) u dwar il-Ftehim Interistituzzjonali dwar id-dixxiplina baġitarja, il-kooperazzjoni fi kwistjonijiet baġitarji u dwar il-ġestjoni finanzjarja tajba(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2013 dwar il-ftehim politiku rigward il-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2014-2020(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Marzu 2013 dwar il-Qafas Finanzjarju Pluriennali(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Ottubru 2012 għall-fini li jinkiseb eżitu pożittiv għall-proċedura ta' approvazzjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għas-snin 2014-2020(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Ġunju 2011 bit-titolu " Ninvestu fil-ġejjieni: Qafas Finanzjarju Multiannwali (MFF) ġdid għal Ewropa kompetittiva, sostenibbli u inklużiva"(13),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta interistituzzjonali mehmuża mal-QFP dwar l-integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-15 ta' Ġunju 2016 dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, tal-Kumitat għat-Trapsort u t-Turiżmu, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali, tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0224/2016),

A.  billi l-qafas finanzjarju pluriennali attwali (QFP) ġie adottat għall-ewwel darba skont id-dispożizzjonijiet il-ġodda tat-Trattat ta' Lisbona, skont liema l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi f'konformità ma' proċedura leġiżlattiva speċjali, għandu jadotta b'mod unanimu r-regolament tal-QFP wara li jkun kiseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew;

B.  billi l-QFP attwali, li kien hemm qbil dwaru fl-2013, jirrifletti l-prijoritajiet tal-Unjoni fil-mument tal-adozzjoni; billi fis-snin li ġejjin l-UE se tkompli taffaċċja sfidi, li ma kinux previsti meta l-QFP kien approvat; billi l-prijoritajiet ta' finanzjament tal-UE immultiplikaw ruħhom, filwaqt li l-QFP baqa' ma nbidilx;

C.  billi, sabiex tiġi żgurata l-leġittimità demokratika tal-QFP il-ġdid u biex tingħata l-opportunità lill-Kummissjoni l-ġdida u lill-Parlament elett ġdid li jiġu kkonfermati u vvalutati mill-ġdid il-prijoritajiet politiċi u baġitarji tal-UE billi jiġi aġġustat b'mod xieraq il-QFP, klawżola ta' reviżjoni post-elettorali ġiet mitluba mill-Parlament;

D.  billi l-ftehim dwar il-QFP 2014-2020 kien ir-riżultat ta' proċess twil u diffiċli ta' negozjati li saru f'kuntest soċjali, ekonomiku u finanzjarju diffiċli ħafna; billi bħala konsegwenza l-livell ġenerali tal-QFP ġie effettivament imnaqqas meta mqabbel mal-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti;

E.  billi, iffaċċjat politikament bl-impossibilità li jinbidlu l-figuri ġenerali tal-QFP deċiżi mill-Kunsill tal-Ewropa, il-Parlament innegozja b'suċċess l-inklużjoni ta' artikolu speċifiku fir-regolament dwar il-QFP b'rabta mar-rieżami/reviżjoni obbligatorja u komprensiv tal-QFP, l-istabbiliment ta' dispożizzjonijiet ġodda u mtejba dwar il-flessibilità, u l-istabbiliment ta' Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji;

Qafas legali u kamp ta' applikazzjoni ta' rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu

1.  Ifakkar li f'konformità mal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar il-QFP, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rieżami komprensiv tal-funzjonament tal-QFP qabel l-aħħar tal-2016, li jieħu kont bis-sħiħ tas-sitwazzjoni ekonomika ta' dak iż-żmien kif ukoll tal-aħħar tbassir makroekonomiku, u dan ir-rieżami għandu, skont kif ikun xieraq, jiġi akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva għar-reviżjoni tar-Regolament dwar il-QFP;

2.  Iqis, f'dan ir-rigward, li filwaqt li rieżami għandu l-għan li jeżamina u jivvaluta l-funzjonament tal-QFP meta mqabbel mal-implimentazzjoni tiegħu, kundizzjonijiet ekonomiċi ġodda u żviluppi ġodda oħrajn, u jista' jżomm fis-seħħ l-istatus quo leġiżlattiv, reviżjoni timplika modifika tar-regolament dwar il-QFP, li jinkludu wkoll (minbarra d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi) il-limiti massimi tal-QFP, abbażi tar-rispett dovut lejn l-Artikolu 312 tat-TFUE u l-limitazzjonijiet fuq il-kamp ta' applikazzjoni tar-reviżjoni tal-QFP stipulati fl-aħħar sentenza tal-Artikolu 2 tar-Regolament dwar il-QFP; ifakkar li dan l-artikolu jistipula li l-pakketti nazzjonali allokati minn qabel ma għandhomx jitnaqqsu permezz ta' reviżjoni; jenfasizza li ebda limitazzjonijiet oħra għar-reviżjoni tal-QFP ma ġew stabbiliti, għaldaqstant reviżjoni 'l fuq tal-limiti massimi tal-QFP hija possibbli; jenfasizza f'dan il-kuntest li l-Artikolu 323 tat-TFUE jirrikjedi li l-mezzi finanzjarji biex jiġu ssodisfati l-obbligi legali tal-Unjoni fir-rigward tal-partijiet terzi qed jiġu żgurati;

3.  Ifakkar li l-Artikolu 311 tat-TFUE jiddikjara li l-Unjoni għandha tipprovdi għaliha nnifisha l-mezzi meħtieġa sabiex tikseb l-objettivi tagħha u twettaq il-politika tagħha; iqis, għalhekk, li jekk ir-rieżami jasal għal konklużjonijiet li l-limiti massimi attwali huma baxxi wisq, għandu jkun rekwiżit primarju tal-liġi li jiżdiedu l-limiti massimi;

4.  Jenfasizza li l-Artikolu 17 tar-Regolament dwar il-QFP jipprevedi l-possibilità ta' reviżjoni tal-QFP fil-każ ta' ċirkostanzi mhux previsti; jindika l-kobor tal-kriżijiet li affettwaw l-Unjoni sa mill-adozzjoni tal-QFP attwali fl-2013;

5.  Jenfasizza li l-kamp ta' applikazzjoni ta' dan ir-riżoluzzjoni huwa li janalizza l-aspetti purament baġitarji tal-funzjonament tal-QFP u li mhux ser jolqot il-bażijiet legali tal-leġiżlazzjoni settorjali; jinnota, madankollu, li ħafna politiki u programmi tal-UE jbassru r-rekwiżiti tagħhom ta' rieżami/reviżjoni, li huma primarjament skedati għall-2017;

I.Rieżami tal-QFP – valutazzjoni tal-ewwel snin tiegħu

6.  Iqis li rieżami tal-QFP fl-2016 għandu jikkunsidra numru ta' kriżijiet serji u inizjattivi politiċi ġodda, flimkien mal-konsegwenzi baġitarji rispettivi tagħhom, li ma kinux antiċipati fil-mument tal-adozzjoni tal-QFP; jinnota, fost l-oħrajn, il-migrazzjoni u l-kriżi tar-rifuġjati, l-emerġenzi esterni, il-kwistjonijiet ta' sigurtà interna, il-kriżi fl-agrikultura, il-finanzjament tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), il-kriżi tal-pagamenti fil-baġit tal-UE, il-livell għoli persistenti ta' qgħad, speċjalment fost iż-żgħażagħ, kif ukoll il-faqar u l-esklużjoni soċjali; barra minn hekk, jiġbed l-attenzjoni lejn il-ftehim internazzjonali reċenti dwar it-tibdil fil-klima u l-pressjoni dejjem tikber fuq l-iżvilupp tal-politika; josserva li, sabiex jiġu ffinanzjati l-ħtiġijiet urġenti addizzjonali, ir-rikors bla preċedenti għall-mekkaniżmi ta' flessibilità tal-QFP u l-istrumenti speċjali ġie kkunsidrat neċessarju, billi l-limiti massimi tal-QFP kienu stretti wisq f'xi intestaturi; iqis li, matul l-aħħar sentejn, il-QFP ġie essenzjalment imbuttat sal-limiti tiegħu;

7.  Jenfasizza li l-baġit tal-UE għandu jkun ekwivalenti għall-prijoritajiet politiċi u strateġiċi tal-UE u jiżgura bilanċ bejn il-prijoritajiet fuq medda twila ta' żmien u l-isfidi ġodda; jenfasizza, f’dan ir-rigward, ir-rwol ewlieni li jrid ikollu l-baġit tal-UE fil-kisba tal-Istrateġija Ewropa 2020 maqbula b'mod konġunt, li jirrappreżenta l-orjentazzjoni prinċipali tagħha u prijorità ġenerali; jemmen, għalhekk, li r-rieżami tal-QFP għandu jinkludi analiżi kwalitattiva ta' jekk u sa liema punt l-objettivi stabbiliti f'din l-istrateġija ġew milħuqa; jinsisti li din il-valutazzjoni tkun ikkombinata ma' previżjoni dwar jekk ir-riżorsi finanzjarji allokati b'appoġġ għal din l-istrateġija għas-snin li fadal tal-QFP attwali humiex se jkunu biżżejjed biex jippermettu l-implimentazzjoni b'suċċess tiegħu;

A.Avvenimenti u sfidi ewlenin

Il-migrazzjoni u l-kriżi tar-rifuġjati

8.  Jenfasizza li l-kunflitti fis-Sirja, il-Lvant Nofsani u bosta reġjuni fl-Afrika kellhom konsegwenzi umanitarji u migratorji fuq skala mingħajr preċedenti; ifakkar li l-UE ġiet milquta direttament, b'aktar minn miljun rifuġjat li waslu fl-Ewropa fl-2015 biss u aktar huma mistennija jaslu fis-snin li ġejjin; ifakkar li din il-kriżi wasslet għal rispons finanzjarju ikbar min-naħa tal-UE u għalhekk kellha impatt sinifikanti fuq il-baġit tal-UE, b'mod partikolari fuq l-intestaturi 3 (Sigurtà u Ċittadinanza) u 4 (Ewropa Globali);

9.  Ifakkar li matul l-2015 il-miżuri addizzjonali approvati f'konformità mal-Aġenda Ewropea għall-Migrazzjoni kellhom impatt baġitarju immedjat, kif rifless b'mod partikolari fl-emendi tal-baġits  5 u 7/2015; ifakkar barra minn hekk li l-utilizzazzjoni ta' EUR 1506 miljun addizzjonali fil-baġit tal-UE tal-2016 bil-mobilizzazzjoni tal-Istrument ta' Flessibilità ġiet approvata sabiex jingħataw riżorsi addizzjonali għall-miżuri ta' migrazzjoni jew miżuri relatati mar-rifuġjati skont l-Intestatura 3 (Sigurtà u Ċittadinanza), bħal żieda tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) u l-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF), kif ukoll riżorsi għat-tliet aġenziji relatati mal-migrazzjoni, jiġifieri l-Frontex, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) u l-Europol;

10.  Jinnota li d-deċiżjonijiet baġitarji msemmija hawn fuq eżawrew kompletament il-marġini żgħir disponibbli taħt din l-intestatura u wasslu għal reviżjoni de facto tal-limiti massimi tal-Intestatura 3; barra minn hekk jiġbed l-attenzjoni għall-proposti ġodda tal-Kummissjoni li huma mistennija li jkollhom impatt fuq il-baġit tal-UE, b'mod partikolari r-riformulazzjoni tar-Regolament "Dublin III", b'impatt baġitarju totali ta' EUR 1829 miljun għall-bqija tal-perjodu tal-QFP, il-proposta għall-istabbiliment tal-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, b'baġit ġenerali ta' EUR 1212 miljun għall-bqija tal-perjodu tal-QFP, u l-mekkaniżmu l-ġdid ta' appoġġ għall-emerġenzi, b'impatt minimu stmat ta' EUR 700 miljun fil-perjodu bejn l-2016 u l-2018; jenfasizza li s-sitwazzjoni tant hi kritika li l-approprjazzjonijiet addizzjonali awtorizzati għall-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) f'Novembru 2015 kellhom jitnaqqsu f'Marzu 2016 sabiex jiġu ffinanzjati ħtiġijiet saħansitra aktar urġenti, bħall-ħtieġa li tiġi pprovduta għajnuna umanitarja fl-UE, indirizzata mill-mekkaniżmu ġdid ta' appoġġ għall-emerġenzi msemmi hawn fuq;

11.  Jemmen li s-soluzzjoni tal-kriżi Ewropea tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati teħtieġ approċċ Ewropew ibbażat fuq is-solidarjetà u kondiviżjoni ġusta tal-piżijiet; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-baġit tal-UE għandu jappoġġja lill-Istati Membri biex jitnaqqas il-piż tal-ispejjeż marbut mar-riċeviment ta' rifuġjati peress li dan se jnaqqas il-pressjoni fuq il-baġits ta' dawk l-Istati Membri li qed jiffaċċjaw influss partikolarment għoli ta' rifuġjati; jenfasizza li dan l-approċċ se joħloq sinerġiji, u barra minn hekk huwa effiċjenti u kosteffettiv għall-Istati Membri kollha;

12.  Jenfasizza li mezzi baġitarji sinifikanti, iżda madanakollu insuffiċjenti, ġew skjerati biex jiġu ttrattati l-kawżi ewlenin tal-kriżi tar-rifuġjati u tal-migrazzjoni permezz tat-tisħiħ tal-programmi speċifiċi tal-UE taħt l-Intestatura 4; ifakkar fil-miżuri meħuda, bħar-riallokazzjonijiet favur l-azzjonijiet ta' migrazzjoni jew relatati mar-rifuġjati għal EUR 170 miljun matul l-2015, kif ukoll l-approvazzjoni fl-2016 ta' EUR 130 miljun addizzjonali taħt l-Intestatura 4 għall-attivitajiet ta' migrazzjoni/relatati mar-rifuġjati, flimkien ma' tqassim mill-ġdid ta' EUR 430 miljun taħt l-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni, l-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp u l-Istrument Ewropew ta' Viċinat; ifakkar, barra minn hekk, li sabiex tiġi indirizzata d-dimensjoni esterna tal-migrazzjoni u l-kriżi tar-rifuġjati l-Kummissjoni għamlet diversi proposti addizzjonali li kellhom impatt fuq il-baġit tal-UE, bħal dawk għall-istabbiliment ta' fondi fiduċjarji tal-UE (il-Fond Fiduċjarju Madad u l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Afrika, b'impatt baġitarju inizjali stmat għal EUR 570 miljun u EUR 405 miljun rispettivament), kif ukoll il-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija, li minnha EUR 1 biljun għandu jiġi ffinanzjat mill-baġit tal-UE, mingħajr ma jingħadd finanzjament ulterjuri possibbli; jenfasizza li pressjoni ulterjuri fuq il-baġit tal-Unjoni se tiġi kkawżata minn azzjonijiet ippjanati oħrajn imħabbra mill-Kummissjoni bħall-"wegħda ta' Londra" jew minn avvenimenti bħas-summit bejn l-UE u t-Turkija tat-18 ta' Marzu 2016; jenfasizza li mezzi finanzjarji addizzjonali għandhom jippermettu wkoll l-inklużjoni tal-migranti l-aktar vulnerabbli, speċjalment in-nisa, it-tfal u l-persuni LGBTI; huwa mħasseb, madankollu, li minħabba d-daqs tal-problemi li l-UE qed tiffaċċja jistgħu jkunu meħtieġa azzjonijiet ulterjuri;

13.  Jikkonkludi li l-kobor tal-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati kif ukoll l-impatt finanzjarju tal-miżuri mibdija mill-Kummissjoni biex tindirizza din il-kwistjoni ma setgħux jiġu mbassra fiż-żmien tal-konklużjoni tal-QFP 2014-2020; jenfasizza l-fatt li minħabba n-nuqqas ta' riżorsi suffiċjenti l-UE kellha tistabbilixxi strumenti "satelliti" ad hoc, iffinanzjati b'mod konġunt mill-Istati Membri u mill-baġit tal-UE, bħall-fondi fiduċjarji tal-UE (il-Fond Fiduċjarju Madad u l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Afrika) u l-Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija; ifakkar li nuqqas ta' strateġija baġitarja globali biex tiġi indirizzata l-kriżi tal-migranti u tar-rifuġjati wasslet biex il-Parlament qed jibqa' lura fir-rigward tad-deċiżjoni dwar l-użu tal-fondi tal-UE; jenfasizza li l-multiplikazzjoni ta' dawn l-istrumenti toħloq problema ta' responsabilità u kontroll demokratiku fl-UE, li jeħtieġ li tiġi indirizzata; barra minn hekk, jiddeplora l-fatt li l-Istati Membri naqsu bil-bosta milli jipproduċu l-kontribuzzjonijiet mistennija minnhom għall-fondi fiduċjarji, u b'hekk ipperikolaw is-suċċess ta' dawk il-fondi; itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri biex b'mod immedjat jissodisfaw l-impenji tagħhom u r-responsabilitajiet tagħhom;

Livell baxx ta' investiment

14.  Ifakkar li, minn meta bdiet il-kriżi globali ekonomika u finanzjarja, l-UE sofriet minn livelli baxxi u insuffiċjenti ta' investiment; jinnota b'mod partikolari li fl-2014 l-investiment totali kien 15 % inqas mil-livell tal-2007, li jikkorrispondi għal tnaqqis fl-investimenti għal EUR 430 biljun; iqis li investiment dgħajjef inaqqas l-irkupru ekonomiku u għandu riperkussjonijiet diretti fuq it-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività;

15.  Jenfasizza li, b'rispons għal din il-problema urġenti, il-Kummissjoni l-ġdida fl-2014 ipproponiet pjan ta' investiment għall-Ewropa u l-istabbiliment tal-FEIS, bl-għan li jiġu mobilizzati EUR 315 biljun f'investiment ġdid fl-ekonomija reali; itenni l-impenn qawwi tiegħu fir-rigward tal-FEIS li mistenni jagħti stimolu qawwi u mmirat lis-setturi ekonomiċi li jwasslu għat-tkabbir u l-impjiegi; josserva li għadd ta' proġetti diġà ġew approvati u qed jiġu implimentati; jinnota li l-garanzija mogħtija mill-Unjoni għall-FEIS hija koperta minn Fond ta' Garanzija ta' EUR 8 biljun kostitwit fil-baġit tal-UE;

16.  Ifakkar li, sabiex jinkiseb dan il-finanzjament ulterjuri, l-allokazzjoni finanzjarja għal żewġ programmi sinifikanti tal-UE, Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) tnaqqset b'EUR 2.2 biljun u EUR 2.8 biljun rispettivament, filwaqt li t-EUR 3 biljuni li għad fadal huma koperti minn marġnijiet tal-QFP mhux allokati; jenfasizza l-impenn tal-Parlament matul in-negozjati tal-FEIS biex jitnaqqas kemm jista' jkun l-impatt negattiv fuq dawn iż-żewġ programmi, li l-pakketti finanzjarji tagħhom, li ġew deċiżi biss fl-2013, sofrew tnaqqis sinifikanti meta mqabbel mal-proposta tal-Kummissjoni diġà matul in-negozjati dwar il-QFP 2014–2020;

17.  Jiddispjaċih li l-parti tal-baġit tal-UE ddedikata għar-riċerka u l-innovazzjoni spiss kienet l-ewwel li ntlaqtet minn kwalunkwe tnaqqis tal-baġit; jinnota li l-programmi ta' riċerka u innovazzjoni jiġġeneraw valur miżjud tal-UE, u jenfasizza r-rwol ewlieni ta' dawk il-programmi fl-appoġġ lill-kompetittività u, b'hekk, għall-iżgurar ta' tkabbir futur u l-prosperità fit-tul tal-Unjoni;

18.  Jenfasizza, f'dan il-kuntest, li f'konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament dwar il-QFP, fl-2014-2015 ġie implimentat forniment minn qabel tar-riżorsi għall-Orizzont 2020 (EUR 200 miljun għall-azzjonijiet tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka u l-azzjonijiet Marie Curie) u l-COSME (EUR 50 miljun) sabiex jikkumpensaw parzjalment għat-tnaqqis fl-approprjazzjonijiet bejn l-2013 u l-2014; jinnota li dan il-forniment minn qabel ma jbiddilx il-pakkett finanzjarju ġenerali tal-programmi, u jwassal għal inqas approprjazzjonijiet rispettivament għat-tieni nofs tal-QFP; jenfasizza, madankollu, li l-forniment minn qabel għall-Orizzont 2020 u l-COSME ġie assorbit bis-sħiħ, u b'hekk tiġi ppruvata l-prestazzjoni b'saħħitha ta' dawn il-programmi u l-kapaċità tagħhom li jiġu assorbiti aktar;

19.  Jinnota wkoll bi tħassib kbir li r-rata ta' suċċess għall-Orizzont 2020 naqset għal livell ta' 13 % mill-20-22 % li kien igawdi minnha l-predeċessur tiegħu (FP7) fil-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti; jiddispjaċih mill-fatt li b'riżultat ta' dan, inqas proġetti ta' kwalità għolja fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni qed jirċievu finanzjament mill-UE; jinnota, bl-istess mod, ir-rifjut ta' ħafna applikazzjonijiet ta' kwalità għolja relatati mas-CEF minħabba fondi baġitarji mhux suffiċjenti;

Qgħad fost iż-żgħażagħ

20.  Jenfasizza li l-qgħad fost iż-żgħażagħ jibqa' kunsidervolment għoli u jirrappreżenta waħda mill-aktar problemi urġenti u serji li qed tiffaċċja l-UE bħalissa; jenfasizza li 4,4 miljun żagħżugħ taħt il-25 sena kienu bla xogħol fl-Unjoni fi Frar 2016 u dan jikkorrispondi għal proporzjon ta' aktar minn 40 % f'bosta Stati Membri u jilħaq il-quċċata ta' aktar minn 60 % f'bosta reġjuni jew żoni tal-UE; jissottolinja li r-rata ta' impjieg fl-UE hija tferm taħt il-mira tal-Ewropa 2020; konsegwentement jenfasizza li hemm wisq żgħażagħ li huma f'riskju ta' esklużjoni soċjali u li għandhom jittieħdu aktar azzjonijiet speċifiċi dwar l-inklużjoni ta' żgħażagħ li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-volum ta' riżorsi umani mħarrġa sewwa u bi kwalifiki għolja għandu impatt qawwi fuq il-kompetittività tal-Ewropa, il-kapaċità innovattiva u l-produttività, u jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li jsir investiment fl-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-kultura; jirrikonoxxi, barra minn hekk, l-importanza ta' strateġija tal-UE dwar iż-Żgħażagħ 2010-2018 tal-UE;

21.  Jenfasizza li l-baġit tal-UE jagħmel kontribuzzjoni sinifikanti għall-ġlieda kontra l-qgħad, speċjalment permezz tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI); jiġbed l-attenzjoni għall-indikazzjoni tal-Kummissjoni li l-ħatra ta' awtoritajiet ta' implimentazzjoni kkostitwiet sfida ewlenija għall-flussi finanzjarji tal-programm; jenfasizza wkoll li minkejja d-dewmien inizjali ta' din il-ħatra u tal-implimentazzjoni tal-YEI, iċ-ċifri attwali jindikaw kapaċità ta' assorbiment sħiħa (parzjalment permezz ta' żieda sinifikanti fir-rata ta' prefinanzjament ta' dan il-programm); jinnota li evalwazzjoni ta' din l-inizjattiva ser tiġi konkluża dalwaqt mill-Kummissjoni, u jistenna li jiġu introdotti l-aġġustamenti meħtieġa biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni tajba tagħha; iqis li l-proposta għal programm ta' appoġġ għal riformi strutturali tista' tagħti kontribut siewi għat-titjib tal-kapaċità amministrattiva fl-Istati Membri f'dan il-kuntest; jenfasizza l-importanza ta' valutazzjoni kontinwa tal-prestazzjoni tal-YEI minn partijiet interessati rilevanti, inklużi l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ;

22.  Huwa partikolarment imħasseb bin-nuqqas ta' approprjazzjonijiet ta' impenn għall-YEI mill-2016, minħabba li l-pakkett oriġinali kollu tagħha ġie allokat minn qabel fl-2014-2015 (l-Artikolu 15 tar-Regolament dwar il-QFP); jenfasizza li fl-appoġġ ta' dawn il-fornimenti minn qabel il-Parlament qatt ma kellu l-intenzjoni li l-inizjattiva tiġi terminata wara biss sentejn ta' finanzjamenti u li mekkaniżmi oħrajn tal-QFP, bħall-Marġni Globali għall-Impenji (GMC), iddaħħlu fis-seħħ bl-għan li tiġi żgurata l-kontinwazzjoni tagħha; ifakkar, madankollu, li l-GMC diġà ġie mobilizzat biss għall-finanzjament tal-FEIS; jinnota wkoll il-fornimenti minn qabel tal-approprjazzjonijiet, abbażi tal-istess artikolu, għall-Erasmus + (EUR 150 miljun), billi dan huwa programm ieħor tal-UE li jagħmel kontribuzzjoni ewlenija għat-titjib tal-impjegabilità taż-żgħażagħ, li ġiet implimentata bis-sħiħ fl-ewwel sentejn ta' dan il-perjodu; ifakkar li, skont l-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO), Garanzija għaż-Żgħażagħ effiċjenti fil-livell tal-Unjoni Ewropea se tiswa EUR 21 biljun fuq bażi annwali għall-pajjiżi taż-żona tal-euro;

Is-sigurtà interna

23.  Ifakkar l-attakki terroristi riċenti fi Franza u l-Belġju u l-livelli ikbar ta' theddid fl-Istati Membri l-oħrajn, li jitolbu azzjoni u mezzi aktar koordinati u msaħħa fil-livell tal-UE; jenfasizza li l-Unjoni diġà għandha l-Fond għas-Sigurtà Interna bħala strument xieraq u għandha bosta aġenziji li joperaw f'dan il-qasam u li qed ijiffaċċjaw dejjem aktar pressjoni; jikkunsidra li aktar azzjoni Ewropea, u għalhekk iktar finanzjament, humaa meħtieġa f'dan il-qasam biex jingħata rispons adegwat għal din it-theddida; jisħaq fuq il-fatt li aktar kooperazzjoni f'dan il-qasam teħtieġ tisħiħ tal-persunal tal-aġenziji rilevanti, fatt li jista' jkompli jżid il-pressjoni fuq il-baġit tal-UE, u jfakkar fit-tisħiħ limitat tal-livelli tal-persunal taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu fl-Europol iffinanzjat mir-riallokazzjoni mill-Fond għas-Sigurtà Interna;

24.  Jenfasizza li minħabba l-azzjonijiet u l-proposti leġiżlattivi attwali mmirati biex ikabbru l-kooperazzjoni ġudizzjarja, il-Eurojust ukoll se jkollu bżonn żieda progressiva ta' riżorsi finanzjarji u umani addizzjonali, li se jkollu impatt fuq il-baġit tal-UE;

Kriżijiet fis-settur agrikolu

25.  Jenfasizza li l-limiti stretti stabbiliti għall-PAK sal-2020 jinvolvu marġnijiet ħafna aktar baxxi minn dawk li kien hemm fil-QFP preċedenti, filwaqt li s-settur qiegħed iħabbat wiċċu ma' aktar sfidi; ifakkar li din il-politika hija kruċjali għas-sitwazzjoni tad-dħul ta' ħafna bdiewa, b'mod partikolari fi żminijiet ta' kriżi, u jindika rata annwali għolja ta' assorbiment ta' kważi 100 %; ifakkar fil-bosta kriżijiet li ffaċċjaw il-bdiewa Ewropej sa mill-bidu tal-QFP attwali, b'mod partikolari fis-settur tal-prodotti tal-ħalib, fs-setturi tal-laħam tal-majjal, taċ-ċanga u tal-frott u l-ħaxix, u l-effetti negattivi fit-tul fuq il-bdiewa Ewropej li ġejjin mit-telf ikkawżat mill-embargo Russu fuq il-prodotti agrikoli; jinnota t-tneħħija tal-kwoti taz-zokkor fl-2017 u l-effett possibbli tagħha fuq is-settur taz-zokkor, waqt li tingħata l-attenzjoni dovuta għall-ħtiġijiet partikolari tar-reġjuni l-aktar imbiegħda; jenfasizza l-impatt baġitarju tal-miżuri ta' emerġenza li ttieħdu b'rispons għal dawn il-kriżijiet, li jinvolvu EUR 500 miljun fil-baġit tal-2016 u EUR 300 miljun fl-2015, u li kienu ffinanzjati mill-marġnijiet tal-Intestatura 2; jenfasizza li kwalunkwe tnaqqis f'dan il-qasam jipperikola l-koeżjoni territorjali fl-UE, b'mod partikolari fir-rigward taż-żoni rurali; huwa, barra minn hekk, kontra kwalunkwe ċaqliq lejn ir-rinazzjonalizzazzjoni tal-politika agrikola, li toħloq distorsjoni fis-suq u kompetizzjoni inġusta għall-bdiewa;

Sfidi ambjentali

26.  Huwa preokkupat li l-mira ta' infiq ta' mill-anqas 20 % tal-baġit tal-UE (taħt il-QFP attwali) fuq azzjonijiet relatati mat-tibdil fil-klima għadha ma ntlaħqitx u li, skont il-metodoloġija ta' integrazzjoni, madwar 12.7 % biss tal-baġit annwali tal-UE jintnefaq fuq din il-kawża; jenfasizza l-ħtieġa ta' finanzjament sinifikanti għall-azzjoni dwar il-klima, il-ħarsien tal-bijodiversità u l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali, li se tkompli tiżdied minħabba l-effetti tat-tisħin globali attwali; jinnota, b'mod partikolari, il-ftehim COP 21 dwar il-klima li ntlaħaq fl-aħħar Konferenza tal-Partijiet għall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti f'Pariġi fl-2015;

Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali

27.  Ifakkar li l-politika ta' koeżjoni hija l-politika ewlenija tal-Unjoni rigward l-investiment li timmira li tnaqqas id-disparitajiet ekonomiċi, soċjali u territorjali bejn ir-reġjuni kollha Ewropej u, b'hekk, ittejjeb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini Ewropej; jenfasizza r-rwol importanti tagħha fit-twettiq tal-Istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv, b'mod partikolari permezz ta' allokazzjoni ċara ta' riżorsi għal azzjonijiet marbutin mal-klima u l-objettivi soċjali, speċjalment għall-ġlieda kontra ż-żieda tal-faqar, inkluż il-faqar tat-tfal, l-inugwaljanzi u l-esklużjoni soċjali, u biex jiġu stimulati l-impjiegi; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja l-implimentazzjoni sħiħa tal-miri msemmija hawn fuq; iqis, barra minn hekk, li, filwaqt li jiġu rrispettati l-pakketti nazzjonali allokati minn qabel, il-fondi strutturali jistgħu jagħtu wkoll kontribut prezzjuż għal sfidi li jinqalgħu, bħalma huma l-konsegwenzi tal-kriżi tar-rifuġjati;

Il-pressjoni dejjem ikbar fuq il-politiki dwar l-iżvilupp u l-viċinat

28.  Jinnota l-pressjoni 'l fuq fuq il-bżonnijiet globali għall-għajnuna umanitarja u għat-tnaqqis tar-riskju ta' diżastri li jirriżultaw mill-effetti ta' kunflitti u gwerer; jinnota l-ftehim Addis Ababa, fejn il-Kapijiet tal-Istati u l-Gvernijiet affermaw l-impenn politiku b'saħħtu tagħhom għall-kisba tal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs), u huwa konxju mill-ħtieġa ta' nefqa f'dan ir-rigward; ifakkar t-tiġdid reċenti mill-UE tal-impenn kollettiv tagħha li żżid l-għajnuna uffiċjali tagħha għall-iżvilupp (ODA) għal 0.7 % tal-ING tagħha u biex talloka mill-inqas 20 % tal-ODA tagħha għal servizzi soċjali bażiċi, b'enfasi fuq is-saħħa u l-edukazzjoni; huwa ferm kontra kull użu ta' għajnuna għall-iżvilupp għal għanijiet mhux relatati mal-iżvilupp;

29.  Ifakkar li s-sitwazzjoni ġeopolitika fil-Viċinat tal-Lvant hija wkoll fraġli; jenfasizza r-rwol importanti tal-baġit tal-UE biex jingħata kontribut għall-istabbilizzazzjoni tas-sitwazzjoni kemm fil-Viċinat tan-Nofsinhar kif ukoll dak tal-Lvant tal-UE fl-indirizzar ta' dawn l-isfidi permezz ta' appoġġ lill-pajjiżi li bħalissa qed jimplimentaw il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, sabiex jiġu avvanzati r-riformi u jiġi żgurat l-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi rispettivi;

Integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri

30.  Jilqa' b'sodisfazzjon ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-QFP bħala opportunità biex isir progress sinifikanti f'integrazzjoni aktar effettiva tal-integrazzjoni tal-ġeneru fil-QFP u fl-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tad-Dikjarazzjoni Konġunta mehmuża mal-QFP f'dan ir-rigward;

Pagamenti pendenti

31.  Ifakkar fiż-żieda fil-pagamenti pendenti tal-kontijiet mhux imħallsa tal-QFP preċedenti (2007-2013), li żdiedu minn livell "normali" ta' EUR 5 biljun fl-aħħar tal-2010 għal livelli bla preċedent ta' EUR 11-il biljun fl-aħħar tal-2011, EUR 16-il biljun fl-aħħar tal-2012, u EUR 23.4 biljun fl-aħħar tal-2013; iwissi li dawn il-pagamenti pendenti kellhom riperkussjonijiet fuq il-QFP attwali (2014-2020), u laħqu massimu mingħajr preċedenti ta' EUR 24.7 biljun fl-aħħar tal-2014; jenfasizza li, fuq talba insistenti tal-Parlament, intlaħaq qbil dwar pjan ta' pagamenti bl-għan li jitnaqqsu l-pagamenti pendenti ta' talbiet għall-pagamenti relatati mal-politika ta' koeżjoni għall-2007-2013 għal livell "normali" ta' EUR 2 biljuni sal-aħħar tal-2016; jindika li tal-inqas EUR 8.2 biljun f'kontijiet mhux imħallsa ġew identifikati fl-aħħar tal-2015 għall-2007-2013 fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni, figura li mistennija tinżel taħt l-EUR 2 biljuni sal-aħħar tal-2016; jinnota li dan it-tnaqqis jipprovdi sempliċiment serħan temporanju peress li huwa biss ir-riżultat ta' sottomissjonijiet għal talbiet pagabbli għall-progammi 2007-2013 u 2014-2020 li kienu inqas milli ġie mħabbar; jiddispjaċih li ma ttieħdet ebda azzjoni biex jiġu indirizzati l-"pagamenti pendenti moħbija" identifikati f'intestaturi oħrajn; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, jekk ma tittieħed l-ebda miżura konkreta, is-sitwazzjoni tal-2012-2014 hija mistennija li terġa' tokkorri fi tmiem il-QFP attwali;

32.  Jiddispjaċih li l-konsegwenzi ta' din il-kriżi ta' pagamenti kienu severi, hekk kif affettwaw il-benefiċjarji tal-baġit tal-UE bħall-istudenti, l-universitajiet, l-SMEs, ir-riċerkaturi, l-NGOs, l-awtoritajiet lokali u reġjonali u entitajiet rilevanti oħra; ifakkar, b'mod partikolari, fin-nuqqas drammatiku ta' pagamenti fil-qasam tal-operazzjonijiet umanitarji fl-2014, li affettwaw b'mod negattiv l-operazzjonijiet ta' salvataġġ tal-UE; ifakkar li l-Kummissjoni kellha tuża "miżuri ta' mitigazzjoni" bħat-tnaqqis tal-perċentwali ta' prefinanzjament u l-posponiment ta' sejħiet għal proposti/sejħiet għal offerti u kuntratti relatati; ifakkar li kien hemm tnaqqis artifiċjali fir-ritmu tal-implimentazzjoni tal-programmi ġodda 2014-2020 minħabba n-nuqqas ġenerali ta' pagamenti, eżempju minnhom huwa dewmien artifiċjali relatat ma' sejħiet għal proposti tal-valur ta' EUR 1 biljun taħt l-Orizzont 2020 fl-2014, li kellu l-għan li jiżgura li l-ħlasijiet ikollhom isiru fl-2015 minflok fl-2014; jenfasizza, barra minn hekk, li l-penali għall-ħlasijiet tard ġew imposti fuq il-baġit tal-UE, u laħqu madwar EUR 3 miljun kemm fl-2014 kif ukoll fl-2015;

B.Użu sostanzjali tad-dispożizzjonijiet ta' flessibilità tal-QFP

33.  Jenfasizza li, sabiex jiġu żgurati l-approprjazzjonijiet addizzjonali li kienu meħtieġa bħala rispons għall-kriżijiet jew biex jiffinanzjaw prijoritajiet politiċi ġodda mill-2014, l-awtorità baġitarja approvat mobilizzazzjoni sostanzjali tad-dispożizzjonijiet ta' flessibilità u l-istrumenti speċjali inklużi fir-regolament dwar il-QFP, wara li jkunu ġew eżawriti l-marġnijiet disponibbli kollha; ifakkar li bosta minn dawn id-dispożizzjonijiet irriżultaw direttament minn proposti tal-Parlament Ewropew, li kklaassifikaw is-sejħa għall-flessibilità massima possibbli bħala waħda mit-talbiet ewlenin fin-negozjati tal-QFP;

34.  Jinnota, b'mod partikolari, li l-istrumenti speċjali ġew mobilizzati biex tiġi ttrattata l-kriżi tar-rifuġjati u l-migrazzjoni (l-ammont sħiħ tal-Istrument ta' Flessibilità ġie eżawrit fl-2016 - EUR 1 530 miljun; Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza fl-2016 - EUR 150 miljun), il-problema tan-nuqqasijiet fil-pagamenti (Marġni ta' Kontinġenza attivat fl-2015 - EUR 3.16 biljun), u l-finanzjament tal-Fond ta' Garanzija tal-FEIS (użu sħiħ tal-Marġni Globali għall-Impenji 2014 - EUR 543 miljun); ifakkar li d-deċiżjoni biex tiġi jiġi mobilizzat il-Marġni ta' Kontinġenza f'pagamenti huwa marbut ma' nuqqas fil-limiti massimi tal-ħlasijiet għas-snin 2018 sa 2020;

35.  Jantiċipa li kwalunkwe ħtiġijiet ulterjuri li jirriżultaw b'rabta mal-migrazzjoni u l-kriżi tar-rifuġjati fl-2016, inkluż il-ħlas parzjali ta' EUR 200 miljun għall-istrument il-ġdid sabiex jipprovdi appoġġ għall-emerġenzi fi ħdan l-Unjoni, għandhom jirriżultaw fil-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta' Kontinġenza kemm jista' jkun malajr; ifakkar li ebda marġini ulterjuri mhuwa disponibbli taħt l-Intestatura 3, filwaqt li l-Istrument ta' Flessibilità diġà ntuża kollu għal din is-sena; jissuġġerixxi li għandhom jiġu investigati aktar opportunitajiet ta' flessibilità għal sfidi emerġenti;

36.  Ifakkar li l-flessibilità leġiżlattiva, kif minquxa fil-Punt 17 tal-Ftehim Interistituzzjonali (FII), tippermetti żieda fil-pakkett ġenerali tal-programmi adottati mill-proċedura leġiżlattiva ordinarja li tilħaq sa madwar 10 % fuq perjodu ta' seba' snin; jinnota li "ċirkustanzi ġodda, oġġettivi u fuq żmien twil" jippermettu lill-awtorità baġitarja tmur saħansitra aktar lil hinn mill-pakkett oriġinali; jilqa' l-fatt li din id-dispożizzjoni diġà ntużat biex tippermetti lill-Unjoni tirrispondi għal avvenimenti mhux previsti billi żżid b'mod konsiderevoli l-allokazzjonijiet annwali oriġinali tal-programmi bħall-AMIF;

II.Reviżjoni tal-QFP ta' nofs it-terminu – rekwiżit imperattiv

37.  Huwa konvint, abbażi tal-analiżi msemmija hawn fuq, li r-rieżami tal-funzjonament tal-QFP attwali jinvolvi l-konklużjoni li reviżjoni ġenwina ta' nofs it-terminu tal-QFP kif prevista fir-Regolament dwar il-QFP hija assolutament indispensabbli jekk l-Unjoni għandha tikkonfronta b'mod effettiv numru ta' sfidi filwaqt li tissodisfa l-objettivi politiċi tagħha; ifakkar li t-twettiq tal-istrateġija Ewropa 2020 tibqa' l-prijorità ewlenija li għandha tiġi appoġġjata mill-baġit tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li l-baġit tal-UE jkun mogħni b'riżorsi adegwati sabiex jiżgura b'mod effettiv l-investimenti li jwasslu għal tkabbir u impjiegi, tinkiseb koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u tiġi promossa s-solidarjetà;

38.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, fil-preparazzjoni tal-proposta leġiżlattiva tagħha, tieħu f'kunsiderazzjoni t-talbiet li ġejjin tal-Parlament fir-rigward tal-bidliet għar-Regolament dwar il-QFP, fir-rigward kemm tal-figuri kif ukoll tal-bosta dispożizzjonijiet relatati mal-funzjonament tal-QFP li għandhom diġà jkunu applikabbli għall-QFP attwali;

39.  Jenfasizza li żewġ proposti leġiżlattivi b'implikazzjonijiet baġitarji importanti, jiġifieri l-estensjoni tal-FEIS u l-istabbiliment ta' Pjan ta' Investiment Estern, huma mistennija fil-Ħarifa tal-2016; jistenna li l-informazzjoni kollha relatata mal-finanzjament ta' dawn iż-żewġ proposti tkun disponibbli mill-aktar fis possibbli, sabiex tiġi kkunsidrata kif xieraq matul in-negozjati dwar ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP; itenni l-pożizzjoni prinċipali tiegħu li inizjattivi politiċi ġodda m'għandhomx jiġu ffinanzjati għad-detriment ta' programmi u politiki eżistenti tal-UE;

40.  Jenfasizza li l-modifiki maqbula matul il-laqgħa ta' reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP għandhom jiġu implimentati mingħajr dewmien u jkunu diġà integrati fil-baġit tal-UE 2017; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tippreżenta l-proposta leġiżlattiva tagħha dwar ir-reviżjoni tar-Regolament QFP, malajr kemm jista' jkun, sabiex ikunu jistgħu jsiru negozjati paralleli dwar ir-reviżjoni tal-QFP u l-baġit tal-UE 2017 u ftehim f'waqtu f'dan ir-rigward;

41.  Jieħu nota tal-eżitu tar-referendum fir-Renju Unit tat-23 ta' Ġunju 2016; jistieden f'dan ir-rigward lill-Kummissjoni tipprovdi lill-awtorità baġitarja l-informazzjoni rilevanti kollha dwar implikazzjonijiet baġitarji possibbli li jirriżultaw minn dan ir-referendum, mingħajr preġudizzju għall-eżitu tan-negozjati imminenti bejn ir-Renju Unit u l-UE;

42.  Jinnota l-kontribut importanti li l-UE għamlet sabiex tinkoraġġixxi l-paċi u r-rikonċiljazzjoni fl-Irlanda, b'mod partikolari permezz tal-Programmi PEACE, li huma mmirati lejn l-Irlanda ta' Fuq u l-kontei tal-fruntieri fin-Nofsinhar; jinnota li r-riżultat tar-referendum fir-Renju Unit jista' joħloq problemi gravi għall-proċess ta' paċi, u jdgħajjef l-integrità tal-proċess ta' paċi u tal-Ftehim tal-Ġimgħa l-Kbira; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja l-proċess ta' paċi permezz ta' finanzjament kontinwu tal-programm PEACE;

A.It-talbiet tal-Parlament għat-tieni nofs tal-QFP

Ċifri tal-QFP (impenji)

43.  Huwa konvint li, filwaqt li jikkonferma l-kunċett ta' appoġġ politiku u finanzjarju fuq skala kbira għall-FEIS, il-baġit tal-UE m'għandux jiffinanzja inizjattivi ġodda għad-detriment tal-programmi u politiki eżistenti tal-Unjoni; għandu l-intenzjoni jissodisfa l-impenji tiegħu għat-tpaċija bis-sħiħ tat-tnaqqis relatat mal-FEIS li jaffettwa l-inizjattiva Orizzont 2020 u s-CEF, sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-objettivi tagħhom kif maqbul sentejn ilu biss, u biex jippermetti lill-Unjoni tilħaq il-miri tagħha ta' riċerka u innovazzjoni; jenfasizza, f'dan il-kuntest, li l-livell ta' finanzjament tal-programmi l-oħra fis-Subintestatura 1a ("Kompetittività għat-tkabbir u l-impjiegi") m'għandux ikun affettwat minn dan il-kumpens, minħabba l-kontribut inkontestabbli tagħhom lit-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività; jemmen li l-marġnijiet fis-Subintestatura 1a mhumiex suffiċjenti biex jiġu ssodisfati dawn il-ħtiġijiet, għalhekk jitlob għal żieda fil-limitu massimu f'din is-Subintestatura;

44.  Jappoġġa bis-sħiħ it-tkomplija tal-YEI, bħala mezz għall-iżgurar ta' rispons urġenti fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, wara l-aġġustamenti meħtieġa li rriżultaw mill-evalwazzjoni li qed issir bħalissa; jikkunsidra li dan jista' jinkiseb biss bl-għoti ta' mill-inqas l-istess livell f'approprjazzjonijiet ta' impenn għall-YEI sa tmiem il-QFP attwali bħal dak allokat annwalment lill-programm matul l-ewwel sentejn ta' dan il-perjodu (EUR 6 biljun mogħtija minn qabel fl-2014-2015), skont l-eżitu tal-valutazzjoni li jmiss tal-Kummissjoni; jinnota li dan għandu jinvolvi reviżjoni 'l fuq tal-limiti massimi tas-Subintestatura 1b ("Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali"), billi mhuwa disponibbli ebda marġini;

45.  Huwa tal-opinjoni soda li l-allokazzjoni baġitarja globali u l-pakketti nazzjonali allokati minn qabel għall-PAK, inklużi l-approprjazzjonijiet ta' pagament dirett, jibqgħu l-istess matul ir-reviżjoni tal-QFP; jissottolinja, barra minn hekk, l-importanza li jiġi żgurat li l-allokazzjoni għall-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd ma titnaqqasx, sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-objettivi tar-riforma riċenti tal-Politika Komuni tas-Sajd;

46.  Jikkunsidra li l-kobor tal-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati, ikkawżata minn kunflitti u mit-tibdil fil-klima, juri li fis-snin li ġejjin jistgħu jiżdiedu f'dan ir-rigward ħtiġijiet addizzjonali, b'konsegwenzi baġitarji sinifikanti taħt l-Intestatura 3 ("Sigurtà u Ċittadinanza"); jissottolinja, barra minn hekk, li taħt l-istess Intestatura, se jinħtieġ ukoll finanzjament addizzjonali biex tiġi apoġġata azzjoni msaħħa fil-livell tal-UE għas-sigurtà interna fl-UE u għall-ġlieda kontra t-terroriżmu; jitlob lill-Kummissjoni tfassal mill-aktar fis possibbli projezzjoni aġġornata tal-baġit meħtieġ sa tmiem il-QFP attwali, biex jingħelbu l-isfidi kollha f'dawn l-oqsma;

47.  Għalhekk, huwa tal-opinjoni soda li, anke bil-mobilizzazzjoni tal-marġnijiet żgħar disponibbli taħt l-Intestatura 3 u d-dispożizzjonijiet ta' flessibilità eżistenti, ir-riżorsi disponibbli mhux se jkunu suffiċjenti biex jiġu ttrattati l-ħtiġijiet ikbar taħt din l-intestatura; jappella, għaldaqstant, għal tisħiħ sinifikanti għall-AMIF u l-Fond għas-Sigurtà Interna, kif ukoll għall-aġenziji tal-Unjoni (Frontex, l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), Europol, Eurojust u l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA)) li assumew responsabbiltajiet ġodda li joperaw fil-qasam, kif ukoll inizjattivi oħra li jistgħu jittieħdu; iqis li tinħtieġ reviżjoni 'l fuq tal-limiti massimi taħt l-Intestatura 3;

48.  Jistenna li azzjoni koordinata bħala rispons effettiv għad-dimensjoni esterna tal-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati, partikolarment l-istabbilizzazzjoni politika tal-Viċinat Ewropew u tal-Afrika sub-Saħarjana, kif ukoll it-trattament tal-kawżi umanitarji u ekonomiċi tal-migrazzjoni, tintensifika matul is-snin li ġejjin, u tkun akkumpanjata b'aktar talbiet għal finanzjament taħt l-Intestatura 4 ("Ewropa Globali"); jissottolinja li tali talbiet għal finanzjament addizzjonali m'għandhomx jiġu implimentati għad-detriment tal-azzjoni esterna eżistenti tal-UE, fosthom fil-politika tal-iżvilupp tagħha; jappella, għalhekk, għal reviżjoni 'l fuq tal-limiti massimi taħt l-Intestatura 4;

49.  Jitlob għal iżjed appoġġ finanzjarju għat-tliet programmi Ewropej li jikkonċernaw direttament liċ-ċittadini - Ewropa Kreattiva, Ewropa għaċ-Ċittadini u Erasmus+, peress li dawn il-programmi jiżviluppaw linji ġodda ta' sussidju li jindirizzaw is-sitwazzjoni attwali tal-integrazzjoni tar-refuġjati, l-edukazzjoni u huma priorità f'azzjonijiet immexxija mill-Unjoni u mill-Istati Membri biex itejbu s-sitwazzjoni soċjali inġenerali, il-fehim reċiproku u l-għajxien flimkien f'soċjetajiet differenti tagħna

Ċifri tal-QFP (pagamenti)

50.  Iqis li, bħala kwistjoni ta' prijorità, hija meħtieġa azzjoni biex jiġi evitat li sseħħ kriżi ġdida tal-pagamenti lejn it-tmiem tal-QFP attwali; jemmen bis-sħiħ li għandu jsir kull sforz sabiex jiġi evitat l-akkumulu ta' arretrati fil-kontijiet mhux imħallsa bħal dak li ġie osservat matul il-perjodu preċedenti; jenfasizza madankollu li, fl-istess żmien li l-ħtiġijiet ta' pagament għandhom jilħqu l-quċċata tagħhom normali, diġà tista' tiġi antiċipata pressjoni sinifikanti fuq pagamenti fit-tieni nofs tal-QFP; iqis li l-pressjoni addizzjonali hija dovuta, inter alia, għat-tpaċija tal-Marġini ta' Kontinġenza mal-limiti massimi diġà stretti għall-2018-2020, għad-dewmien konsiderevoli fil-varar tal-programmi l-ġodda taħt ġestjoni konġunta, inkluża l-YEI, il-profil tal-pagamenti tal-FEIS, u l-pagamenti addizzjonali li jikkorrispondu għaż-żidiet riċenti f'impenji b'rabta mal-kriżi tal-migrazzjoni u tar-rifuġjati;

51.  Ifakkar li l-approprjazzjonijiet ta' pagament huma l-konsegwenza regolari ta' impenji fil-passat; jistenna, għalhekk, li r-rinforzi ġodda fl-approprjazzjonijiet ta' impenn jiġu akkumpanjati minn żieda korrispondenti fl-approprjazzjonijiet ta' pagament, inkluża reviżjoni 'l fuq tal-limiti massimi tal-pagamenti; iqis, barra minn hekk, li r-rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP jipprovdu/tipprovdi opportunità eċċellenti biex jiġu kkunsidrati l-implimentazzjoni tal-pagamenti u l-previżjonijiet aġġornati għall-evoluzzjoni mistennija tal-pagamenti sal-aħħar tal-QFP attwali; jemmen li pjan ta' pagament konġunt għall-2016-2020 għandu jkun vinkolanti, u għandu jiġi żviluppat u maqbul bejn it-tliet istituzzjonijiet; jinsisti li tali pjan ta' pagament ġdid għandu jkun ibbażat fuq ġestjoni finanzjarja soda u jipprovdi strateġija ċara biex tissodisfa l-ħtiġijiet kollha ta' pagament fl-intestaturi kollha sa tmiem il-QFP attwali, u biex ma jkunx hemm "xogħol b'lura moħbi" kkawżat minn tnaqqis artifiċjali fl-implimentazzjoni ta' ċerti programmi pluriennali u miżuri oħra ta' mitigazzjoni, bħat-tnaqqis ta' rati ta' prefinanzjament;

52.  Huwa determinat li jsolvi b'mod inekwivokabbli l-kwistjoni tal-baġitjar tal-pagamenti tal-istrumenti speċjali tal-QFP; ifakkar fil-kunflitt mhux solvut tal-interpretazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Parlament minn naħa waħda, u l-Kunsill min-naħa l-oħra, li kien fuq quddiem nett fin-negozjati baġitarji fis-snin riċenti; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu minn żmien twil li l-approprjazzjonijiet ta' pagament li jirriżultaw mill-mobilizzazzjoni ta' strumenti speċjali fl-approprjazzjonijiet ta' impenn għandhom jiġu magħduda separatament mil-limiti massimi annwali tal-pagamenti tal-QFP;

Kundizzjonalità biex ikun żgurat id-dritt fundamentali tal-UE

53.  Jinsisti li l-pajjiżi kollha għandhom jassumu sehem sħiħ tar-responsabilitajiet fil-kuntest tal-kriżi tar-rifuġjati u d-Deċiżjoni dwar il-mekkaniżmu ta' riallokazzjoni dedikat; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi mekkaniżmu finanzjarju bonus-malus fir-rigward tat-twettiq jew le mill-Istati Membri tal-impenji tagħhom skont il-miżuri adottati mill-UE; isostni li kwalunkwe kontribuzzjoni finanzjarja li tkun ġejja minn sanzjoni fuq Stat Membru li ma jirrispettax dawn il-miżuri għandha tmur lura fil-baġit tal-UE bħala dħul addizzjonali;

Dħul straordinarju

54.  Jemmen bis-sħiħ li kwalunkwe surplus li jirriżulta mis-sottoimplimentazzjoni tal-baġit tal-UE jew minn penali imposti fuq il-kumpaniji għall-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE għandu jiġi inkluż fil-baġit bħala dħul żejjed fil-baġit tal-UE, b'ebda aġġustament korrispondenti tal-kontribuzzjonijiet tal-ING; iqis li din il-miżura tikkontribwixxi b'mod sinifikanti biex ittaffi l-problema tal-pagamenti tal-baġit tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposti leġiżlattivi adatti f'dan ir-rigward;

55.  Huwa konvint li d-diżimpenji fl-intestaturi kollha, li jirriżultaw min-nuqqas ta' implimentazzjoni totali jew parzjali tal-azzjonijiet li għalihom kienu allokati, għandhom jerġgħu jkunu disponibbli fil-baġit tal-UE u għandhom jiġu mobilizzati mill-awtorità baġitarja fil-qafas tal-proċedura baġitarja annwali; jemmen bil-qawwa li, fid-dawl tar-restrizzjonijiet attwali li jaffettwaw il-baġit tal-UE u l-ħtiġijiet addizzjonali ta' finanzjament li qed tiffaċċja l-Unjoni, din id-dispożizzjoni għandha tapplika wkoll għal diżimpenji li jirriżultaw mill-implimentazzjoni tal-programmi 2007-2013, inkluż l-għeluq tal-programmi tal-politika ta' koeżjoni; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposti leġiżlattivi adatti f'dan ir-rigward;

Dispożizzjonijiet ta' flessibilità u strumenti speċjali

56.  Jenfasizza li s-sempliċi frekwenza u livell ta' mobilizzazzjoni tal-istrumenti speċjali tal-QFP matul is-sentejn li għaddew juru mingħajr ebda dubju l-valur tad-dispożizzjonijiet tal-flessibilità u l-mekkaniżmi minquxa fir-Regolament dwar il-QFP; jenfasizza l-pożizzjoni minn żmien twil tal-Parlament li l-flessibilità għandha tippermetti l-użu massimu tal-limiti massimi globali tal-QFP għall-impenji u l-pagamenti;

57.  Jemmen, għalhekk, li r-reviżjoni ta' nofs it-terminu tar-Regolament dwar il-QFP għandha tipprevedi t-tneħħija ta' numru ta' restrizzjonijiet u limitazzjonijiet li ġew imposti mill-Kunsill fuq id-dispożizzjonijiet ta' flessibilità fi żmien l-adozzjoni tal-QFP; jikkunsidra, b'mod partikolari, li kwalunkwe restrizzjoni fuq ir-riport tal-approprjazzjonijiet u l-marġnijiet mhux użati, jew bl-istabbiliment ta' limiti massimi annwali (Marġini Globali għall-Pagamenti) jew bl-impożizzjoni ta' limiti ta' żmien (Marġini Globali għall-Impenji) għandha tiġi revokata; jemmen li, minħabba r-restrizzjonijiet baġitarji attwali f'bosta intestaturi, l-ebda skop speċifiku ma għandu jiġi definit fir-rigward tal-utilizzazzjoni tar-riżorsi skont il-Marġini Globali għall-Impenji;

58.  Jenfasizza, b'mod partikolari, il-mobilizzazzjoni tal-ammont sħiħ tal-Istrument ta' Flessibilità fl-2016; jinnota li dan l-istrument jippermetti l-finanzjament ta' nefqa identifikata biċ-ċar li ma tistax tiġi ffinanzjata fi ħdan il-limitu massimu ta' intestatura waħda jew aktar u mhijiex marbuta ma' politika tal-UE speċifika; iqis, għalhekk, li jipprovdi flessibilità ġenwina fil-baġit tal-UE, speċjalment fil-każ ta' kriżi kbira; jitlob, għalhekk, iż-żieda sostanzjali fil-pakkett finanzjarju tiegħu sa allokazzjoni annwali ta' EUR 2 biljun, u jindika li dan l-ammont huwa inkluż fil-baġit biss fil-każ ta' deċiżjoni tal-awtorità baġitarja għall-mobilizzazzjoni ta' dan l-istrument; ifakkar li l-Istrument ta' Flessibilità mhuwiex marbut ma' qasam ta' politika speċjali u jista' jiġi mobilizzat għal kwalunkwe skop li jiġi kkunsidrat neċessarju;

59.  Jindika r-rwol tar-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza fil-provvista ta' rispons rapidu għall-ħtiġijiet ta' għajnuna speċifiċi ta' pajjiżi terzi għal avvenimenti mhux previsti, u jenfasizza l-importanza partikolari tiegħu fil-kuntest attwali; jitlob iż-żieda sostanzjali fil-pakkett finanzjarju tiegħu sa allokazzjoni annwali ta' EUR 1 biljun;

60.  Jinnota r-regoli differenti fis-seħħ fir-rigward tat-tul taż-żmien għar-riport tal-approprjazzjonijiet mhux użati għall-istrumenti speċjali tal-QFP, jiġifieri l-Istrument ta' Flessibilità, ir-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza, il-Fond ta' Solidarjetà tal-UE u l-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni; jitlob l-armonizzazzjoni ta' dawn ir-regoli sabiex tiġi permessa l-applikazzjoni tar-regola ġenerali N+3 għal dawn l-istrumenti;

61.  Jagħti attenzjoni partikolari lill-Marġini ta' Kontinġenza bħala l-aħħar strument għal rispons f'każ ta' ċirkustanzi mhux previsti; jenfasizza li, skont il-Kummissjoni, dan huwa l-uniku strument speċjali li jista' jiġi mobilizzat biss għall-approprjazzjonijiet ta' pagament, u b'hekk jevita kriżi ta' pagamenti fil-baġit tal-UE, bħal fl-2014; jiddeplora l-fatt li, kuntrarju għall-perjodu preċedenti, it-tpaċija obbligatorja tal-approprjazzjonijiet hija stipulata fir-Regolament dwar il-QFP; huwa tal-opinjoni soda li dan ir-rekwiżit joħloq sitwazzjoni insostenibbli li effettivament tbaxxi l-ammonti annwali fir-rigward tal-limiti massimi tal-QFP fl-aħħar snin ta' dan il-perjodu u b'hekk tinħoloq pressjoni addizzjonali fuq il-baġit tal-UE; jenfasizza li l-Marġini ta' Kontinġenza huwa, fi kwalunkwe każ, l-aħħar strument, li l-mobilizzazzjoni tiegħu hija maqbula b'mod konġunt miż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja; jitlob, għalhekk, li r-regola għat-tpaċija obbligatorja tiġi revokata immedjatament b'effett retroattiv, kif ukoll għal reviżjoni 'l fuq tal-ammont annwali massimu għal 0.05 % tal-ING tal-UE;

Segwitu tal-ftehimiet internazzjonali dwar it-tibdil ambjentali

62.  Jinnota li l-ftehim COP 21 li ntlaħaq f'Pariġi huwa ftehim universali, dinamiku u differenzjat bl-għan li tiġi affrontata l-isfida tat-tibdil fil-klima; jissottolinja li, skont dan il-ftehim, jeħtieġ li jiġi allokat finanzjament tal-UE sabiex tiġi appoġġata azzjoni klimatika fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw; jenfasizza li kwalunkwe finanzjament għall-miżuri possibbli li joriġinaw mill-COP 21 għandu jkun addizzjonali għall-infiq attwali fuq l-azzjonijiet dwar il-klima, u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-istrateġija ta' implimentazzjoni tagħha u l-ewwel evalwazzjoni tal-impatt possibbli tal-ftehim COP 21 fuq il-baġit tal-UE fi żmien debitu għar-reviżjoni; jissottolinja, barra minn hekk, li r-reviżjoni tal-QFP toħloq opportunità eċċellenti biex jiġi żgurat li l-mira ta' 20 % ta' nfiq fuq azzjonijiet relatati mal-klima tintlaħaq u biex tiġi prevista żieda possibbli ta' dan is-soll f'konformità mal-impenji internazzjonali tal-UE meħuda waqt il-COP 21; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-mekkaniżmu ta' mainstreaming tal-azzjoni klimatika jkun kompletament operattiv u li l-metodu attwali ta' traċċar ta' tali nfiq jittejjeb; ifakkar, barra minn hekk, li l-UE hija impenjata wkoll li timplimenta l-Pjan Strateġiku għall-Bijodiversità tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti, u jissottolinja li għandha tiddedika biżżejjed riżorsi biex tissodisfa l-impenji tagħha f'dak ir-rigward;

Simplifikazzjoni

63.  Jemmen li r-rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu jipprovdu opportunità eċċellenti għall-valutazzjoni u l-evalwazzjoni tal-ewwel darba tal-funzjonament tal-politiki u l-programmi konċernati tal-UE, kif ukoll it-tħaddim tad-dispożizzjonijiet ta' flessibilità u tal-istrumenti speċjali tal-QFP, u jistenna li l-Kummissjoni tipprovdi analiżi li tidentifika n-nuqqasijiet tas-sistema ta' implimentazzjoni attwali; jagħti attenzjoni partikolari għall-valutazzjoni tal-impatt fuq il-proċess ta' implimentazzjoni tal-elementi l-ġodda introdotti fil-perjodu ta' programmazzjoni attwali, bħal kundizzjonalitajiet ex ante fil-politika ta' koeżjoni; iqis li r-rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP għandhom jevalwaw ukoll il-prestazzjoni tal-fondi allokati bl-għan li jintlaħqu l-objettivi tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel proposti konkreti biex tindirizza n-nuqqasijiet possibbli u biex ittejjeb u tirrazzjonalizza l-ambjent tal-implimentazzjoni għas-snin li jifdal tal-QFP attwali, sabiex jiġi żgurat l-aktar użu effiċjenti tar-riżorsi finanzjarji skarsi u biex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-benefiċjarji;

Ibbaġitjar ibbażat fuq il-prestazzjoni / Baġit Iffukat fuq ir-Riżultati

64.  Jenfasizza li huwa importanti li jintwera l-valur miżjud tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE u jappoġġa l-fatt li l-kultura ta' orjentazzjoni lejn ir-riżultati tkun fil-qofol tal-infiq tal-UE; jenfasizza li l-valutazzjoni tal-prestazzjoni u relatata mal-output għandha ssir, meta jkun xieraq, prinċipju essenzjali, u jisħaq fuq fuq l-applikabilità partikolari ta' tali prinċipju għal programmi ffukati fuq l-innovazzjoni; jirrikonoxxi l-ħidma tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-inizjattiva tal-UE "Baġit Iffukat fuq ir-Riżultati", li għad trid tiġi żviluppata aktar, u jistenna r-riżultati tal-ħidma tal-grupp ta' ħidma ta' esperti interistituzzjonali dwar il-baġitjar abbażi tal-prestazzjoni; iqis li dan l-approċċ jista' jkun mezz biex tingħata spinta lill-prestazzjoni tal-programmi bi prestazzjoni baxxa; jenfasizza, madankollu, li nuqqasijiet tekniċi jew ta' programmazzjoni ma jistgħux iwasslu għal tnaqqis fil-baġit tal-UE jew l-abbandun tal-prijoritajiet politiċi, u li nfiq aħjar waħdu mhux se jsolvi l-problema tan-nuqqas ta' mezzi finanzjarji biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet urġenti u li qed jikbru; ifakkar lill-Kummissjoni li l-Parlament, bħala waħda mill-fergħat tal-awtorità baġitarja, irid jiġi inkluż fl-iżvilupp tal-istrateġija tal-Kummissjoni f'dak ir-rigward;

Strumenti finanzjarji

65.  Jirrikonoxxi r-rwol ikbar tal-istrumenti finanzjarji fil-baġit tal-Unjoni bħala forma kumplimentari ta' finanzjament meta mqabbel mas-sussidji u l-għotjiet; jirrikonoxxi l-potenzjal ta' dawn l-istrumenti f'termini ta' żieda fl-impatt finanzjarju, u għalhekk politiku, tal-baġit tal-Unjoni; jissottolinja, madankollu, li ma jaqbilx mal-bidla minn finanzjament tradizzjonali għal strumenti aktar innovattivi fl-oqsma kollha tal-politika, billi mhux il-politiki kollha huma orjentati għas-suq; jenfasizza li l-istrumenti finanzjarji jipprovdu mod alternattiv u komplementari ta' finanzjament u m'għandhomx jintużaw għal proġetti li jistgħu biss jibbenefikaw mill-użu ta' għotjiet, li huma partikolarment importanti għal reġjuni anqas żviluppati;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, matul ir-rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu, twettaq analiżi fil-fond dwar l-użu tal-istrumenti finanzjarji mill-bidu tal-perjodu ta' programmazzjoni attwali; jenfasizza li meta jiġi vvalutat strument finanzjarju, id-dimensjoni ta' lieva ma tistax tkun l-uniku kriterju ta' evalwazzjoni; ifakkar, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-kriterji ta' "addizzjonalità" u l-valutazzjoni tal-kontribut biex jintlaħqu l-objettivi politiċi tal-UE;

67.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tidentifika l-oqsma kollha tal-politika tal-UE fejn l-għotjiet jistgħu jiġu kkombinati ma' strumenti finanzjarji u tirrifletti dwar bilanċ xieraq bejn it-tnejn; huwa tal-opinjoni soda li l-possibilità ta' kombinazzjoni ta' diversi riżorsi tal-UE taħt regoli ta' ġestjoni armonizzati tgħin l-ottimizzazzjoni tas-sinerġiji bejn is-sorsi ta' finanzjament disponibbli fil-livell tal-UE; jissottolinja li l-użu ikbar tal-istrumenti finanzjarji m'għandux iwassal għal tnaqqis fil-baġit tal-Unjoni; ifakkar fit-talbiet ripetuti tiegħu għal aktar trasparenza u skrutinju demokratiku fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-istrumenti finanzjarji appoġġati mill-baġit tal-Unjoni;

B.Kunsiderazzjonijiet tal-Parlament dwar il-QFP wara l-2020

68.  Ifakkar li skont l-Artikolu 25 tar-Regolament dwar il-QFP, il-Kummissjoni għandha tippreżenta proposta għal qafas finanzjarju pluriennali qabel l-1 ta' Jannar 2018; jenfasizza, għalhekk, li għadd ta' elementi ewlenin għall-QFP li jmiss għandhom diġà jiġu diskussi fil-qafas tar-rieżami/reviżjoni li jmiss;

69.  Iqis li l-prijoritajiet ewlenin li għandhom jiġu indirizzati għandhom jinkludu aġġustamenti għall-perjodu tal-QFP, riforma bir-reqqa tas-sistema ta' riżorsi proprji, enfasi ikbar fuq l-unità tal-baġit, u aktar flessibilità baġitarja; huwa konvint, barra minn hekk, li l-modalitajiet tal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet jeħtieġ li jiġu rieżaminati sabiex tiġi żgurata l-leġittimità demokratika u l-konformità mad-dispożizzjonijiet tat-Trattat;

70.  Ifakkar fil-prinċipji baġitarji tal-unità, il-preċiżjoni baġitarja, l-annwalità, l-ekwilibriju, l-universalità, l-ispeċifikazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja soda u t-trasparenza, li għandhom jiġu rispettati fl-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni;

71.  Jissottolinja li element essenzjali tad-diffikultajiet biex jintlaħaq ftehim dwar qafas finanzjarju pluriennali bejn l-Istati Membri huwa l-importanza primarja li jagħtu lill-bilanċi netti; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li l-baġit tal-Unjoni mhuwiex sempliċi logħba fejn il-gwadann ta' naħa jissarraf f'telf għan-naħa l-oħra iżda, minflok, jagħti spinta lill-konverġenza u l-espressjoni ta' politiki komuni li joħolqu valur miżjud kollettiv; iħeġġeġ lill-Istati Membri, għalhekk, jibdlu l-perċezzjoni tagħhom tal-baġit tal-Unjoni u l-approċċ għalih, sabiex jistabbilixxu d-daqs tal-baġit abbażi ta' valutazzjoni bir-reqqa tal-ħtiġijiet finanzjarji li ġejjin mill-obbligi ġuridiċi tal-Unjoni, l-objettivi politiċi tagħha stabbiliti fil-programmi u l-politiki tagħha kif ukoll fl-impenji internazzjonali, sabiex jiġi żgurat li r-riżultat ma jkunx staġnar ieħor li jkompli jbiegħed ulterjorment lill-Unjoni miċ-ċittadini tagħha; għaldaqstant, jistieden lill-Kummissjoni tagħmel studju dwar l-iffrankar li sar fil-livell nazzjonali mill-Istati Membri bħala riżultat ta' azzjoni politika ffinanzjata fil-livell tal-UE;

72.  Jindika l-imperattiv politiku li tiġi stabbilita proċedura ta' teħid tad-deċiżjonijiet li tiggarantixxi d-disponibilità tar-riżorsi finanzjarji meħtieġa, fil-livell tal-UE jew f'dak nazzjonali, sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa tad-deċiżjonijiet politiċi meħuda mill-Kunsill Ewropew;

Tul ta' żmien

73.  Ifakkar li, skont il-premessa 3 tar-Regolament dwar il-QFP, it-tliet istituzzjonijiet qablu li jeżaminaw b'mod konġunt il-kwistjoni tal-aktar tul ta' żmien xieraq fil-kuntest tar-rieżami/reviżjoni; itenni l-pożizzjoni tiegħu li t-tul ta' żmien tal-QFP għandu jiġi allinjat maċ-ċiklu politiku tal-Parlament kif ukoll tal-Kummissjoni, u b'hekk l-elezzjonijiet Ewropej isiru forum għal dibattitu dwar il-prijoritajiet futuri tal-infiq;

74.  Jissottolinja, madankollu li, speċjalment għall-programmi taħt ġestjoni kondiviża fil-qasam tal-politika dwar il-koeżjoni u l-iżvilupp rurali, il-prevedibilità fuq żmien twil hija essenzjali, minħabba l-ħin meħtieġ biex jintlaħaq ftehim fuq il-leġiżlazzjoni settorjali u l-programmi operazzjonali fil-livell nazzjonali u reġjonali;

75.  Jemmen li, minħabba l-ambjent politiku li qed jinbidel malajr u bl-għan li tiġi żgurata flessibilità akbar, xi elementi tal-QFP għandu jintlaħaq qbil dwarhom għal 5 snin filwaqt li oħrajn, b'mod partikolari dawk relatati mal-programmi li jeħtieġu programmazzjoni fit-tul u/jew politiki li jipprevedu proċeduri kumplessi għall-istabbiliment ta' sistemi ta' implimentazzjoni, bħall-politika ta' koeżjni jew l-iżvilupp rurali, għandu jintlaħaq qbil dwarhom għal perjodu ta' 5+5 snin b'reviżjoni obbligatorja ta' nofs it-terminu;

Riforma tas-sistemi ta' riżorsi proprji

76.  Jissottolinja l-ħtieġa għal riforma sħiħa tas-sistema tar-riżorsi proprji, bis-sempliċità, il-ġustizzja u t-trasparenza bħala prinċipji ta' gwida; għalhekk qed jistenna rapport finali ambizzjuż mill-Grupp ta' Livell Ġħoli dwar ir-Riżorsi Proprji sal-aħħar tal-2016, kif ukoll pakkett leġiżlattiv ugwalment ambizzjuż dwar ir-riżorsi proprji sa mill-2021 u mill-Kummissjoni sal-aħħar tal-2017;

77.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqas il-proporzjon tal-kontribuzzjonijiet tal-ING għall-baġit tal-Unjoni sabiex jinbidel l-approċċ ta' "juste retour" tal-Istati Membri; jissottolinja li dan għandu jnaqqas il-piż fuq il-finanzi nazzjonali u b'hekk jagħmel disponibbli r-riżorsi kkonċernati għall-baġits nazzjonali tal-Istati Membri; ifakkar li l-VAT attwali fuq ir-riżorsi proprji hija kumplessa żżejjed u fl-essenza tagħha hija t-tieni kontribuzzjoni għall-ING, u għalhekk jitlob li din ir-riżorsa proprja tiġi riformata sostanzjalment jew revokata kompletament; iqis li huwa meħtieġ, madankollu, li l-kontribuzzjonijiet tal-ING jinżammu bħala element tal-baġit, minħabba l-ħtieġa għall-funzjoni tagħhom bħala kontribuzzjoni ta' bilanċ;

78.  Jitlob l-introduzzjoni ta' riżorsa proprja ġdida jew bosta riżorsi proprji ġodda, idealment b'rabta ċara mal-politiki Ewropej li joħolqu valur miżjud; jinnota li għadd kbir ta' riżorsi proprji ġodda possibbli diġà ġew diskussi mill-Grupp ta' Livell Għoli, bħal VAT riformata, Taxxa fuq it-Tranżazzjonijiet Finanzjarji, qligħ mill-ħruġ ta' munita tal-BĊE, riforma tas-Sistema tal-UE għan-Negozjar tal-Emissjonijiet u t-tassazzjoni tal-karbonju, it-tassazzjoni tat-trasport, it-tassazzjoni korporattiva, it-tassazzjoni tal-elettriku jew diġitali; jistenna b'ħerqa r-rakkomandazzjonijiet tal-Grupp ta' Livell Għoli, sabiex jipproċedi u jħejji l-pożizzjoni tal-Parlament f'dan ir-rigward; jitlob, f'dan il-kuntest, biex jiġu eliminati gradwalment il-forom kollha ta' rifużjoni;

Unità tal-baġit

79.  Jissottolinja l-importanza tal-prinċipju tal-unità tal-baġit, u jfakkar li skont l-Artikolu 310(1) tat-TFUE, l-entrati kollha ta' dħul u spiża tal-Unjoni għandhom jintwerew fil-baġit; huwa mħasseb dwar il-bidla riċenti mill-metodu tal-Komunità għat-teħid tad-deċiżjonijiet intergovernattiv kif osservat, sa mill-2014, fl-istabbiliment tal-Fond Fiduċjarju Bêkou għar-Repubblika Ċentru-Afrikana, il-Fond Fiduċjarju Reġjonali Madad bħala rispons għall-kriżi fis-Sirja, u l-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Afrika tal-UE, kif ukoll il-Faċilità tar-Rifuġjati għat-Turkija; jenfasizza li din il-forma ta' finanzjament tinvolvi riallokazzjoni ta' fondi taħt il-programmi finanzjarji pluriennali eżistenti nnegozjati u miftiehema bejn it-tliet istituzzjonijiet; jenfasizza li dan jipperikola r-responsabilità demokratika, peress li l-Parlament ġie eskluż mill-istabbiliment ta' dawk il-fondi;

80.  Jissottolinja li skont it-Trattat, il-Parlament u l-Kunsill jistabbilixxu l-baġit tal-Unjoni fuq bażi ndaqs maż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja; iqis, barra minn hekk, li kontroll parlamentari sħiħ fuq in-nefqa kollha huwa element essenzjali tal-infiq kollu tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tippreżerva l-unità tal-baġit u tikkunsidraha bħala prinċipju ta' gwida fil-proposta ta' inizjattivi ta' politika ġodda;

81.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu sa minn żmien twil li l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għandu jiġi integrat fil-baġit tal-Unjoni, sa mill-2021, filwaqt li jiġi żgurat il-finanzjament tal-Faċilità għall-Paċi fl-Afrika u operazzjonijiet relatati mas-sigurtà;

82.  Jenfasizza li kwalunkwe integrazzjoni futura tal-FEŻ jew ta' tali strumenti ad hoc fil-baġit tal-UE titlob li l-pakketti finanzjarji rispettivi tagħhom jiżdiedu fuq il-limiti massimi tal-QFP, li għandhom jiġu riveduti kif xieraq, sabiex ma jkunx ipperikolat il-finanzjament ta' politiki u programmi oħra tal-UE;

Flessibilità mtejba

83.  Jenfasizza li l-istruttura riġida tal-baġit tal-Unjoni ċċaħħad lill-awtorità baġitarja mill-possibilità li tirreaġixxi b'mod adegwat għaċ-ċirkustanzi li jinbidlu; jappella, għalhekk, għal flessibilità akbar fil-QFP li jmiss, b'mod partikolari permezz ta' aktar flessibilità bejn l-intestaturi fil-forma ta' flessibilità ta' marġnijiet mhux minfuqa u bejn is-snin bl-għan li jiġu sfruttati bis-sħiħ il-limitu massimu tal-QFP;

84.  Jissottolinja li minbarra l-kapaċità għal reazzjoni flessibbli għal ċirkustanzi dejjem jinbidlu mingħajr preġudizzju għall-programmazzjoni maqbula, hemm ukoll il-ħtieġa li l-Unjoni tkun tista' tirreaġixxi malajr għall-kriżijiet li qed jiżviluppaw, bħall-kriżi attwali tal-migrazzjoni; jappella, għalhekk, biex minbarra l-istrumenti speċjali eżistenti tal-QFP, tiġi stabbilita riżerva ta' kriżi permanenti tal-UE fi ħdan il-baġit tal-Unjoni sabiex jiġu evitati soluzzjonijiet ad hoc bħall-istabbiliment ta' fondi fiduċjarji; jenfasizza li tali mekkaniżmu, li hu maħsub bħala reazzjoni għall-kriżijiet u għal sitwazzjonijiet mhux previsti, għandu, min-natura tiegħu stess, jopera bħala strument speċjali ġdid tal-QFP u jiġu magħdud apparti l-limiti massimi tal-QFP;

Proċess ta' teħid tad-deċiżjonijiet

85.  Ifakkar fil-pożizzjoni kritika tal-Parlament fir-rigward tal-mod kif tmexxiet il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament dwar il-QFP 2014-2020; ifakkar li l-adozzjoni tar-regolament teħtieġ l-approvazzjoni tal-Parlament; jenfasizza, għalhekk, li l-Parlament jeħtieġ li jkun involut bis-sħiħ fin-negozjati rilevanti sa mill-bidu nett; iqis li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jifformalizzaw il-modalitajiet għall-proċedura li jmiss tal-QFP bi qbil milħuq fi żmien ir-rieżami/reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP, li għandhom jieħdu kont tan-nuqqasijiet tan-negozjati preċedenti u jissalvagwardjaw bis-sħiħ ir-rwol u l-prerogattivi tal-Parlament kif stabbilit fit-Trattati; iqis li dawn il-modalitajiet għandhom eventwalment jitniżżlu fl-FII, kif huwa l-każ għall-proċedura baġitarja annwali;

86.  Iqis li r-rekwiżit ta' unanimità għall-adozzjoni tar-Regolament QFP jirrappreżenta xkiel reali fil-proċess; jappella, f'dak ir-rigward, lill-Kunsill Ewropew biex jattiva l-klawsola "passerelle" fl-Artikolu 312(2) TFUE sabiex ir-Regolament QFP jkun jista' jiġi adottat permezz ta' maġġoranza kwalifikata; ifakkar, barra minn hekk, li l-klawsola "passerelle" ġenerali tal-Artikolu 48(7) TUE tista' tiġi implimentata wkoll, sabiex tiġi applikata l-proċedura leġiżlattiva ordinarja; jenfasizza li bidla lejn votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata għall-adozzjoni tar-Regolament QFP għandha tikkonforma mal-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet għall-adozzjoni ta' kważi l-programmi pluriennali kollha tal-UE kif ukoll tal-proċedura annwali ta' adozzjoni tal-baġit tal-UE;

87.  Ifakkar li t-Trattat ma jagħtix lill-Kunsill Ewropew id-dritt li jeżerċita funzjonijiet leġiżlattivi; itenni, f'dan il-kuntest, l-oġġezzjoni qawwija tiegħu kontra l-interferenza tal-Kunsill Ewropew fil-leġiżlazzjoni matul l-aħħar negozjati dwar il-QFP; jitlob b'insistenza lill-Kunsill Ewropew li jillimita ruħu għall-kompiti tiegħu kif definiti mit-Trattat, u li jastjeni milli jantiċipa bidliet ta' politika li għandhom jiġu deċiżi taħt il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, u b'hekk jirrispetta l-prerogattivi leġiżlattivi tal-Parlament taħt il-kodeċiżjoni;

88.  Jinsisti li l-proċess leġiżlattiv għall-adozzjoni tal-QFP li jmiss għandu jkun konkluż sa tmiem l-2018, wara negozjati sostanzjali bejn il-Parlament u l-Kunsill; jenfasizza li ftehim QFP f'waqtu jippermetti l-adozzjoni rapida tar-regolamenti settorjali kollha, u jippermetti li l-programmi l-ġodda jibdew mingħajr dewmien fl-1 ta' Jannar 2021; jenfasizza l-importanza li l-parlamenti nazzjonali u ċ-ċittadini Ewropej jiġu infurmati aħjar dwar l-isfidi tal-QFP li jmiss permezz tal-organizzazzjoni, meta jkun xieraq, ta' konferenza interistituzzjonali, interparlamentari;

o
o   o

89.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-istituzzjonijiet u lill-korpi kkonċernati l-oħra, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1) ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(2) ĠU L 103, 22.4.2015, p. 1.
(3)ĠU L 168, 7.6.2014, p. 105.
(4) ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(5) ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1
(6) Testi adottati, P7_TA(2014)0378.
(7) Testi adottati, P7_TA(2013)0599.
(8) Testi adottati, P7_TA(2013)0455.
(9) Testi adottati, P7_TA(2013)0456.
(10) ĠU C 75, 26.2.2016, p. 47.
(11) ĠU C 36, 29.1.2016, p. 49.
(12) ĠU C 68 E, 7.3.2014, p. 1.
(13) ĠU C 380 E, 11.12.2012, p. 89.

Avviż legali