Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2038(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0223/2016

Testi mressqa :

A8-0223/2016

Dibattiti :

PV 05/07/2016 - 10
CRE 05/07/2016 - 10

Votazzjonijiet :

PV 06/07/2016 - 6.10
CRE 06/07/2016 - 6.10
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0310

Testi adottati
PDF 972kWORD 373k
L-Erbgħa, 6 ta' Lulju 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili (TAXE 2)
P8_TA(2016)0310A8-0223/2016
Riżoluzzjoni
 Anness
 Anness
 Anness

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-6 ta' Lulju 2016 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili (2016/2038(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 4 u 13 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 107, 108, 113, 115 u 116 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu tat-2 ta' Diċembru 2015 dwar it-twaqqif ta' kumitat speċjali dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili (TAXE 2), is-setgħat, id-daqs numeriku u t-tul tal-mandat tiegħu(1),

–  wara li kkunsidra r-rivelazzjonijiet tal-Konsorzju Internazzjonali ta' Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ) dwar deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u prattiki dannużi oħra fil-Lussemburgu, li saru magħrufa bħala "LuxLeaks",

–  wara li kkunsidra r-rivelazzjonijiet tal-Konsorzju Internazzjonali ta' Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ), dwar l-użu ta' kumpaniji offshore, li saru magħrufa bħala l-"Panama Papers", u b'mod partikolari d-dokumenti ppubblikati fid-9 ta' Mejju 2016,

–  wara li kkunsidra l-eżiti tad-diversi summits tal-G7, tal-G8 u tal-G20 dwar kwistjonijiet ta' taxxa fil-livell internazzjonali, b'mod partikolari s-summit ta' Ise-Shima fis-26 u s-27 ta' Mejju 2016 u l-eżitu tal-laqgħa tal-Ministri tal-Finanzi u l-Gvernaturi tal-Banek Ċentrali tal-G20 li saret fl-14 u l-15 ta' April 2016 f'Washington,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni adottata mill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fis-27 ta' Lulju 2015 dwar l-Aġenda ta' Azzjoni ta' Addis Ababa,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD) tat-30 ta' Novembru 2015 bit-titolu "G20/OECD Principles of Corporate Governance",

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-ECOFIN dwar l-iskambju ta' informazzjoni relatata mat-taxxa dwar l-attivitajiet ta' kumpaniji multinazzjonali u dwar il-kodiċi ta' kondotta fil-qasam tat-tassazzjoni tal-intrapriżi tat-8 ta' Marzu 2016, dwar it-tassazzjoni korporattiva, l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa u t-trasferiment tal-profitt tat-8 ta' Diċembru 2015, dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi tad-9 ta' Diċembru 2014, dwar il-politika tat-tassazzjoni tal-1 ta' Diċembru 1997, kif ukoll in-nota tad-diskussjoni informali tal-ECOFIN dwar il-Panama Papers tat-22 ta' April 2016;

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill tat-8 ta' Diċembru 2015(2) li temenda d-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999 tat-22 ta' Marzu 1999 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat tal-KE(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 77/799/KEE tad-19 ta' Diċembru 1977 dwar assistenza reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta u t-tassazzjoni fuq il-premiums tal-assigurazzjoni(5),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu(6),

–  wara li kkunsidra s-segwitu konġunt tal-Kummissjoni, kif adottat fis-16 ta' Marzu 2016, għar-rakkomandazzjonijiet tar-riżoluzzjonijiet tal-Parlament dwar li ndaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-taxxa fuq il-kumpaniji fi ħdan l-Unjoni, u dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu minn ċerti intrapriżi u fergħat (COM(2016)0198) (il-proposta dwar is-CbCR),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Pakkett kontra l-Evitar tat-Taxxa (ATAP) li jikkonsisti f'komunikazzjoni "chapeau"(7), proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar il-Ġlieda kontra l-Evitar tat-Taxxa(8), proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva(9), rakkomandazzjoni dwar it-trattati tat-taxxa(10), u studju dwar l-ippjanar aggressiv tat-taxxa(11),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-2011, għal direttiva tal-Kunsill dwar Bażi għat-Taxxa Korporattiva Konsolidata Komuni (CCCTB) (COM(2011)0121), u l-pożizzjoni tal-Parlament tad-19 ta' April 2012 dwarha(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri tal-1 ta' Diċembru 1997 dwar kodiċi ta' kondotta fil-qasam tat-tassazzjoni tal-intrapriżi(13), u r-rapporti regolari lill-Kunsill mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta rigward it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi,

–  wara li kkunsidra l-ftehim dwar it-trasparenza tat-taxxa inizjalat bejn l-UE u l-Prinċipat ta' Monaco fit-22 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra l-ftehim iffirmat bejn l-UE u l-Prinċipat ta' Andorra fit-12 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar it-tassazzjoni fuq l-introjtu mit-tfaddil, iffirmat bejn l-UE u r-Repubblika ta' San Marino fit-8 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji ffirmat bejn l-UE u l-Prinċipat tal-Liechtenstein fit-28 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim dwar it-tassazzjoni sabiex tittejjeb il-konformità tat-taxxa ffirmat bejn l-UE u l-Konfederazzjoni Żvizzera fis-27 ta' Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim aġġornat bejn Jersey u r-Renju Unit tat-30 ta' Novembru 2015 u l-hekk imsejjaħ "Change of view on the interpretation of paragraph 2 of the Jersey-UK Double Taxation Arrangement",

–  wara li kkunsidra l-Arranġament dwar it-Tassazzjoni Doppja bejn Guernsey u r-Renju Unit kif emendat minn dak tal-2009, li ġie ffirmat fl-20 ta' Jannar 2009 u daħal fis-seħħ fis-27 ta' Novembru 2009, b'rabta mal-iskambju ta' informazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni leġiżlattiva tal-Parlament tat-8 ta' Lulju 2015 dwar il-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2007/36/KE rigward l-inkoraġġiment ta' involviment fit-tul tal-azzjonisti u d-Direttiva 2013/34/UE rigward ċerti elementi tad-dikjarazzjoni dwar il-governanza korporattiva(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar li ndaħħlu t-trasparenza, il-koordinazzjoni u l-konverġenza fil-politiki dwar it-taxxa fuq il-kumpaniji fi ħdan l-Unjoni(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa bħala sfidi għall-governanza, il-protezzjoni soċjali u l-iżvilupp fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw(17),

–  wara li kkunsidra d-diversi seduti ta' smigħ parlamentari u r-rapporti suċċessivi dwar l-evitar tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa li saru fil-parlamenti nazzjonali u b'mod partikolari fil-House of Commons tar-Renju Unit, fis-Senat tal-Istati Uniti, fis-Senat Awstraljan u fl-Assemblea Nazzjonali u s-Senat ta' Franza,

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa CM/Rec(2014)7 tat-30 ta' April 2014 dwar il-protezzjoni tal-informaturi,

–  wara li kkunsidra l-proċess ġudizzjarju fil-Lussemburgu fil-konfront ta' Antoine Deltour, Raphaël Halet u Édouard Perrin, li tressqu l-qorti minħabba r-rwol tagħhom fil-pubblikazzjoni tal-hekk imsejħa dokumenti "LuxLeaks",

–  wara li kkunsidra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-għajnuna mill-Istat b'rabta ma' Fiat(18), Starbucks(19), is-sentenzi Belġjani dwar il-qligħ eċċessiv(20), u d-deċiżjonijiet biex jinfetħu l-investigazzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat favur McDonalds, Apple u Amazon;

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat Speċjali dwar id-Deċiżjonijiet fil-Qasam tat-Taxxa u Miżuri Oħra ta' Natura jew Effett Simili (TAXE 2) (A8-0223/2016),

Konsiderazzjonijiet ġenerali, fatti u ċifri

A.  billi l-"Panama Papers" u r-rivelazzjonijiet "LuxLeaks", kif żvelati mill-Konsorzju Internazzjonali ta' Ġurnalisti Investigattivi (ICIJ), urew il-bżonn urġenti li l-UE u l-Istati Membri tagħha jiġġieldu l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, u jaġixxu favur kooperazzjoni u trasparenza akbar sabiex terġa' tiġi stabbilita l-ġustizzja fejn tidħol it-taxxa, billi s-sistemi tat-taxxa tagħna jsiru aktar ġusti u jkun żgurat li t-taxxi korporattivi jitħallsu fejn jinħoloq il-valur, mhux biss fost l-Istati Membri, iżda madwar id-dinja wkoll;

B.  billi, skont il-Kummissjoni, l-iskala ta' evażjoni u evitar tat-taxxa tlaħħaq madwar EUR 1 triljun(21) fis-sena, filwaqt li skont l-istimi tal-OECD(22) it-telf fl-introjtu fuq livell globali jammonta għal bejn 4 % u 10 % tad-dħul mit-taxxa fuq l-introjtu korporattiv, li jirrappreżenta bejn EUR 75 u EUR 180 biljun fis-sena, fil-livelli tal-2014; billi dawn huma biss stimi konservattivi; billi l-impatti negattivi ta' tali prattiki fuq il-baġits u ċ-ċittadini tal-Istati Membri huma evidenti u jistgħu jdgħajfu l-fiduċja fid-demokrazija; billi l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa jwasslu għall-erożjoni tal-bażi tat-taxxa tal-Istati Membri u għaldaqstant għal telf tad-dħul mit-taxxa, u b'hekk iħallu impatt negattiv fuq il-kapaċità tal-gvernijiet li joffru livelli adegwati ta' servizzi pubbliċi, investimenti u sigurtà soċjali;

C.  billi, fi ħdan qafas baġitarju ta' kontroll reċiproku, huwa inaċċettabbli li r-riżorsi li suppost ikunu ġġenerati mit-taxxi dovuti fi Stat Membru jkunu effettivament iġġenerati fi Stat Membru ieħor permezz ta' ppjanar aggressiv u inġust tat-taxxa;

D.  billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jintlaqtu b'mod sproporzjonat mill-evitar tat-taxxa korporattiva, fatt li, skont stimi, huwa responsabbli minn USD 100 biljun(23) f'telf ta' dħul mit-taxxa fis-sena, u b'hekk jiċċaħħdu minn riżorsi essenzjali biex jiffinanzjaw is-servizzi l-aktar bażiċi u ssir ħsara lill-politiki tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp;

E.  billi r-rivelazzjonijiet tal-"Panama Papers" fakkruna li l-kwistjoni tal-evitar tat-taxxa tmur lil hinn mill-kumpaniji multinazzjonali u hi marbuta mill-qrib mal-attivitajiet kriminali, u li hu stmat li l-ġid offshore jammonta għal, bejn wieħed u l-ieħor, USD 10 triljun;

F.  billi f'April 2009 l-mexxejja tal-G20 ħadu azzjoni, speċjalment billi talbu lill-ġurisdizzjonijiet offshore jiffirmaw tal-anqas 12-il trattat dwar l-iskambju ta' informazzjoni, bil-għan li tintemm l-era tas-segretezza bankarja; billi l-ekonomisti esprimew dubji serji dwar l-effikaċja ta' dawn il-miżuri u spjegaw li t-trattati wasslu għat-trasferiment tad-depożiti bankarji bejn ir-rifuġji fiskali iżda ma kkawżawx rimpatriju sinifikanti ta' fondi(24); billi ma hemm l-ebda prova li kien hemm tnaqqis fl-investimenti ta' portafoll fil-ġurisdizzjonijiet offshore qabel, tal-inqas, l-2014, minkejja l-isforzi internazzjonali li saru dan l-aħħar biex tiżdied it-trasparenza finanzjarja; billi għadu kmieni wisq biex jiġi vvalutat jekk l-adozzjoni tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar it-taxxa (Standard Komuni ta' Rappurtar) hijiex se ġġib magħha tibdiliet f'din it-tendenza;

G.  billi, skont l-informazzjoni fornuta mill-Bank għall-Ħlasijiet Internazzjonali, bejn l-2008 u l-2015 id-depożiti transfruntieri fiċ-ċentri offshore żdiedu b'medja ta' 2,81 % fis-sena, filwaqt li fil-bqija tad-dinja żdiedu b'1,24 % biss(25); billi l-aktar ċentri offshore finanzjarji importanti f'termini ta' depożiti barranin huma l-Gżejjer Cayman (USD 663 biljun), il-Lussemburgu (USD 360 biljun), l-Iżvizzera (USD 137 biljun), Hong Kong (USD 125 biljun), Singapore (USD 95 biljun), Bermuda (USD 77 biljun), il-Panama (USD 67 biljun), Jersey (USD 58 biljun) u l-Bahamas (USD 55 biljun); billi d-depożiti transfruntieri fir-rifuġji Ewropej bħal Andorra, Ġibiltà, il-Liechtenstein u l-Iżvizzera naqsu jew staġnaw f'dawn l-aħħar snin, fatt li ssarraf fl-ipoteżi ta' trasferiment tal-attivitajiet offshore lejn ġurisdizzjonijiet oħrajn u ristrutturar tal-industrija offshore bħala konsegwenza ta' għadd dejjem akbar ta' ftehimiet bilaterali rigward l-informazzjoni dwar it-taxxa;

H.  billi l-flussi ta' investimenti lejn iċ-ċentri finanzjarji offshore huwa stmat li jammontaw għal USD 72 biljun fl-2015(26) u f'dawn l-aħħar snin żdiedu bis-saħħa ta' flussi dejjem akbar minn intrapriżi multinazzjonali li jinsabu fl-ekonomiji li qed jiżviluppaw u f'dawk fi tranżizzjoni, xi drabi fil-forma ta' investimenti "round-tripping"; billi l-flussi ta' investimenti lejn entitajiet maħluqa għal skopijiet speċjali jirrappreżentaw il-parti l-kbira tal-flussi ta' investimenti offshore; billi fl-2015 il-Lussemburgu kien id-destinazzjoni prinċipali ta' flussi ta' investimenti konnessi ma' entitajiet maħluqa għal skopijiet speċjali, u billi fl-istess sena rriżultaw partikolarment għoljin anke l-flussi li jidħlu fin-Netherlands b'rabta ma' entitajiet maħluqa għal skopijiet speċjali; billi l-persistenza tal-flussi finanzjarji inkanalati permezz ta' mekkaniżmi finanzjarji offshore tenfasizza l-bżonn li tinħoloq aktar koerenza fost il-politiki dwar it-taxxa u l-investiment fil-livell Ewropew u globali;

I.  billi f'April 2016 l-OECD ġie għal darb'oħra inkarigat bil-ħolqien ta' lista sewda ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx; billi l-kriterji għall-identifikazzjoni tar-rifuġji fiskali qegħdin jiġu definiti mill-Kummissjoni, li rrikonoxxiet l-importanza li jitqiesu mhux biss il-kriterji ta' trasparenza u kooperazzjoni iżda anke r-reġimi tat-taxxa dannużi;

J.  billi l-intrapriżi żgħar u medji (SMEs) huma s-sors primarju fil-ħolqien tax-xogħol fl-Ewropa, u kienu huma li ħolqu madwar 85 % tal-impjiegi l-ġodda kollha fl-UE(27) f'dawn l-aħħar ħames snin; billi diversi studji(28) wrew li, bħala medja, kumpanija transfruntiera tħallas 30 % inqas taxxa minn kumpanija attiva f'pajjiż wieħed biss; billi dan joħloq distorsjonijiet gravi fil-kompetizzjoni, iwassal għal telf ta' impjiegi u ugwaljanza fl-Unjoni u jxekkel it-tkabbir sostenibbli;

K.  billi l-ippjanar aggressiv tat-taxxa huwa ddefinit mill-Kummissjoni bħala f'li wieħed jieħu vantaġġ mit-teknikalitajiet ta' sistema fiskali jew mid-diskrepanzi bejn żewġ sistemi fiskali jew aktar bl-iskop ta' tnaqqis fit-taxxa dovuta; billi l-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-ippjanar aggressiv tat-taxxa jista' jieħu diversi forom, li jwassal għal sitwazzjoni fejn il-leġiżlazzjoni fil-qasam tat-taxxa ma tiġix applikata skont il-modalitajiet previsti mil-leġiżlatur; billi l-forom prinċipali ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa jinkludu t-trasferiment tad-dejn, il-post tal-attiv intanġibbli u tal-proprjetà intellettwali, ipprezzar ta' trasferiment strateġiku, asimmetriji ibridi u strutturi ta' self offshore; billi l-kumpaniji mismugħa mill-Kumitat Speċjali, fil-parti l-kbira tal-każijiet, tennew li jħallsu ħafna taxxi u li mġibithom hija legali; billi s'issa perċentwal ċkejken biss ta' kumpaniji ammettew pubblikament li l-evitar tat-taxxa korporattiva hija prijorità li trid tiġi indirizzata;

L.  billi kważi terz tal-investimenti korporattivi transfruntieri jgħaddu minn strutturi finanzjarji offshore; billi l-Kummissjoni tinnota li 72 % tat-trasferimenti tal-profitt fl-Unjoni Ewropea jagħmel użu mill-ipprezzar ta' trasferiment u mill-post vantaġġuż mil-lat tat-taxxa tal-proprjetà intellettwali u li l-bqija tas-sistemi ta' trasferiment tal-profitt jinvolvu t-trasferiment tad-dejn(29);

M.  billi t-trattati bilaterali fil-qasam tat-taxxa jallokaw drittijiet ta' tassazzjoni bejn pajjiżi tas-sors u ta' residenza; billi l-pajjiżi tas-sors huma sikwit allokati d-dritt li jintaxxaw l-introjtu attiv tal-impriżi bil-patt li jkun jeżisti stabbiliment permanenti fil-pajjiżi tas-sors u li l-pajjiżi ta' residenza jiksbu drittijiet ta' tassazzjoni fuq l-introjtu passiv bħal dividendi, royalties u mgħax; billi tali diviżjoni tad-drittijiet ta' tassazzjoni hija essenzjali biex nifhmu l-iskemi ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa;

N.  billi l-prassi kontabilistiċi jikkonsistu fit-turija tas-sitwazzjoni finanzjarja tal-kumpanija billi jiġu abbinati d-dħul u l-ispejjeż, kif ukoll il-qligħ u t-telf fil-perjodu ta' kalendarju li fihom iseħħu pjuttost milli fil-perjodu li fih isiru effettivament il-flussi ta' flus; billi, jekk l-introjtu taxxabbli jgħaddi minn ġurisdizzjoni għal għand oħra u ż-żewġ ġurisdizzjonijiet jittrattawh b'mod differenti, tiżdied il-possibbiltà ta' sfruttament tal-asimmetriji; billi l-pagamenti ta' royalties ħorox jistgħu jkunu ġustifikati għal finijiet ta' negozju, mingħajr koordinament fiskali xieraq, u billi dawn jistgħu jirċievu trattament fiskali favorevoli f'pajjiż partikolari li jissarraf f'erożjoni tal-bażi tat-taxxa f'pajjiżi oħra;

O.  billi 60 % tal-kummerċ dinji kollu huwa kummerċ intragrupp u għaldaqstant huwa soġġett għal metodoloġiji ta' pprezzar ta' trasferiment; billi 70 % tat-trasferiment tal-profitt isir bis-saħħa tal-ipprezzar ta' trasferiment;

P.  billi l-konverġenza tal-politiki tat-taxxa għandha tkun akkumpanjata wkoll minn kontrolli akbar u aktar investigazzjonijiet dwar prattiki tat-taxxa dannużi; billi l-Kummissjoni bdiet investigazzjonijiet formali ġodda rigward it-trattament tat-taxxa min-naħa tal-intrapriżi multinazzjonali (MNEs); billi l-valutazzjoni tal-miżuri tal-politika dwar it-taxxi mil-lat tal-għajnuna mill-Istat hija approċċ li dan l-aħħar żdied fl-importanza; billi huma meħtieġa aktar riflessjoni u miżuri ħalli jkun hemm fehim u indirizzar aħjar tal-interazzjoni bejn it-tassazzjoni u l-kompetizzjoni; billi l-Kummissjoni għandha l-għażla li tinvestiga l-każijiet kollha li huma suspettati li jikkostitwixxu għajnuna illegali mill-Istat permezz ta' trattamenti fiskali preferenzjali b'mod imparzjali u mhux selettiv; billi għadd ta' investigazzjonijiet mill-Kummissjoni dwar kwistjonijiet ta' għajnuna mill-Istat kienu għadhom għaddejjin meta r-rapport A8-0223/2016, ġie adottat; billi xi Stati Membri nedew proċeduri ta' rkupru kontra ċerti MNEs; billi ftit Stati Membri biss wettqu eżerċizzji analitiċi konsegwenzjali tal-politiki nazzjonali dwar it-taxxa biex jivvalutaw l-impatti fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

Q.  billi l-aħjar għodda għall-ġlieda kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa hija leġiżlazzjoni mfassla sewwa u implimentata b'mod korrett u koordinat;

Ir-rwol ta' ġurisdizzjonijiet speċifiċi fil-qasam tat-taxxa

R.  billi l-Parlament kellu laqgħat mar-rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' Andorra, il-Liechtenstein, Monaco, Guernsey u Jersey; billi l-Gżejjer Cayman dehru biss waqt laqgħa tal-koordinaturi u mhux f'seduta formali tal-Kumitat Speċjali; billi Isle of Man irrifjutat milli tidher quddiem il-Kumitat Speċjali u, minflok, bagħtet kontribut bil-miktub;

S.  billi ċerti ġurisdizzjonijiet speċifiċi fil-qasam tat-taxxa jikkontribwixxu b'mod attiv għat-tfassil ta' politiki aggressivi dwar it-taxxa f'isem l-MNEs, li b'hekk jevitaw it-tassazzjoni; billi r-rata tat-taxxa korporattiva f'xi ġurisdizzjonijiet hija qrib jew daqs iż-0 %; billi l-kumplessità tas-sistemi tat-taxxa differenti toħloq nuqqas ta' trasparenza li hija globalment dannuża;

T.  billi dawn il-ġurisdizzjonijiet ilkoll impenjaw ruħhom li jintroduċu l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni sal-2017, għajr għal Andorra u Monaco li se jagħmlu hekk fl-2018; billi huwa importanti li jsir monitoraġġ ta' jekk humiex diġà qed jiġu introdotti bidliet leġiżlattivi effettivi, biex jiġi żgurat skambju awtomatiku effettiv ta' informazzjoni mill-2017 'il quddiem;

U.  billi l-lakuni fil-leġiżlazzjoni, skambji ta' informazzjoni ineffikaċi u, b'mod aktar ġenerali, nuqqas ta' konformità mar-rekwiżiti ta' kontroll, nuqqas ta' informazzjoni dwar il-benefiċjarji finali, kif ukoll is-segretezza tal-banek u tal-kumpaniji minkejja t-tneħħija gradwali tas-segretezza bankarja, jikkostitwixxu ostakli għat-tmiem tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa; billi l-opaċità ta' dawn il-prattiki tintuża minn xi aġenti tat-taxxa fis-settur finanzjarju għal skopijiet ta' prattiki tat-taxxa aggressivi; billi l-inizjattivi għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni bejn il-pajjiżi, lil hinn mill-konvenzjonijiet tat-taxxa bilaterali diġà eżistenti, m'ilhomx li ġew introdotti; billi, mingħajr infurzar effikaċi, id-dgħufijiet tas-sistemi se jħeġġu l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa;

V.  billi xi ġurisdizzjonijiet speċifiċi tat-taxxa fi ħdan u barra mill-UE mhumiex lesti jirriformaw is-sistemi tat-taxxa tagħhom, minkejja l-inizjattivi globali u minkejja l-fatt li wħud minnhom huma involuti fil-ħidma tal-OECD;

W.  billi s-seduti ta' smigħ organizzati ma' Andorra, Guernsey, Jersey, il-Liechtenstein u Monaco (ara l-Anness 1) urew li l-kundizzjonijiet għar-reġistrazzjoni ta' kumpaniji offshore, u l-informazzjoni li għandha tingħata f'dan ir-rigward, ivarjaw minn ġurisdizzjoni għal oħra; billi l-informazzjoni sħiħa dwar il-benefiċjarji finali ta' trusts, fondazzjonijiet u kumpaniji minn uffiċjali tal-amministrazzjoni tat-taxxa ta' wħud minn dawn il-ġurisdizzjonijiet la hija magħrufa, la hija miġbura u lanqas mhija disponibbli pubblikament; billi Andorra, il-Liechtenstein, Monaco, San Marino u l-Iżvizzera ffirmaw ftehimiet mal-UE fil-qasam tal-iskambju ta' informazzjoni; billi ċ-Channel Islands iffirmaw ftehimiet mar-Renju Unit u ddikjaraw li huma lesti li jidħlu fi ftehimiet simili ma' Stati Membri oħra;

X.  billi l-leġiżlazzjoni fis-seħħ f'xi ġurisdizzjonijiet ma tiggarantixxix governanza tajba, u lanqas ma tiggarantixxi r-rispett għall-istandards internazzjonali fir-rigward tal-benefiċjarji finali, it-trasparenza u l-kooperazzjoni;

Y.  billi wħud minn dawn il-ġurisdizzjonijiet huma territorji dipendenti jew assoċjati tal-Istati Membri u, anke jekk awtonomi, huma għaldaqstant parzjalment soġġetti għal-liġijiet nazzjonali u Ewropej; billi, għalhekk, l-Istati Membri għandhom jikkunsidraw li jintroduċu leġiżlazzjoni li tiżgura li t-territorji dipendenti u assoċjati tagħhom jikkonformaw mal-ogħla standards;

Z.  billi xi Stati Membri ħejjew il-listi tagħhom ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx u/jew definizzjonijiet sostantivi ta' "rifuġji fiskali" jew "ġurisdizzjonijiet fiskali preferenzjali"; billi hemm differenzi kbar bejn dawn il-listi fir-rigward ta' kif jiġu definiti u evalwati l-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx u r-rifuġji fiskali; billi l-lista tal-OECD ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx ma taqdix l-iskop tagħha; billi l-Kummissjoni, fil-pakkett dwar it-tassazzjoni tas-17 ta' Ġunju 2015, ippubblikat lista ta' ġurisdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx, stabbilita skont approċċ ta' "denominatur komuni" abbażi tal-listi eżistenti fil-livell nazzjonali; billi, għalkemm hemm bżonn urġenti, għad m'hemmx definizzjoni u lista komuni għall-Unjoni kollha ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx; billi l-ebda waħda minn dawn il-listi ma fihom kriterji ċari, kwantifikabbli u eżawrjenti dwar il-livell ta' segretezza ta' ġurisdizzjonijiet partikolari;

Ir-rwol tal-istituzzjonijiet finanzjarji fl-ippjanar aggressiv tat-taxxa min-naħa tal-intrapriżi multinazzjonali (MNEs)

AA.  billi xi istituzzjonijiet finanzjarji u ditti kontabilistiċi jew legali żvolġew rwol ta' intermedjarji fit-twaqqif ta' strutturi legali kumplessi li jwasslu għal skemi ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa li jintużaw mill-MNEs, kif ħareġ mill-"Luxleaks" u l-"Panama Papers"; billi l-lakuni legali, id-disparitajiet u n-nuqqas ta' koordinazzjoni, kooperazzjoni u trasparenza bejn il-pajjiżi joħlqu ambjent li jiffaċilita l-evażjoni tat-taxxa; billi, madankollu, l-istituzzjonijiet finanzjarji huma awżiljari fundamentali u indispensabbli fil-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa, minħabba l-informazzjoni dwar il-kontijiet finanzjarji u s-sjieda benefiċjarja li għandhom għad-dispożizzjoni tagħhom, u għaldaqstant huwa kruċjali li jikkooperaw b'mod sħiħ u effikaċi fl-iskambju ta' tali informazzjoni;

AB.  billi matul iż-żmien li kienet qed titwettaq din l-investigazzjoni ġew żvelati diversi skandli li jinvolvu banek; billi l-istituzzjonijiet finanzjarji jistgħu jużaw diversi skemi ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa biex jgħinu lill-klijenti tagħhom jevadu jew jevitaw it-taxxi; billi l-banek jistgħu jaġixxu fis-suq f'isem il-klijenti tagħhom u jiddikjaraw li huma s-sid benefiċjarju ta' dawn it-tranżazzjonijiet fil-konfront tal-awtoritajiet tat-taxxa, li jwassal biex il-klijenti jibbenifikaw b'mod indebitu minn vantaġġi fiskali mogħtija lill-banek minħabba l-istatus bankarju jew tar-residenza tagħhom; billi, fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-ippjanar aggressiv tat-taxxa, il-banek (partikolarment dawk li joperaw bħala banek tal-investiment) għandhom jitqiesu li jiżvolġu rwol doppju: l-ewwel nett bil-forniment ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa għall-użu tal-klijenti, sikwit permezz ta' prodotti finanzjarji bħal self, derivattivi, repos jew kwalunkuwe strument marbut mal-ekwità; u t-tieni, fl-użu ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa min-naħa tagħhom stess, permezz tat-tranżazzjonijiet finanzjarji strutturati interbankarji jew proprjetarji tagħhom;

AC.  billi l-banek kollha li dehru quddiem il-Kumitat Speċjali ċaħdu uffiċjalment li taw pariri lill-klijenti tagħhom biex jevadu jew jevitaw it-taxxi bi kwalunkwe mod, u ċaħdu li kellhom rabtiet ma' ditti kontabilistiċi jew legali għal dak il-għan;

AD.  billi xi istituzzjonijiet finanzjarji ewlenin stabbilixxew għadd importanti ta' sussidjajri f'ġurisdizzjonijiet tat-taxxa speċjali jew f'ġurisdizzjonijiet b'rati tat-taxxa korporattiva baxxi jew baxxi ħafna biex jevitaw it-taxxi f'isem il-klijenti korporattivi u privati tagħhom jew għall-benefiċċju tagħhom stess; billi, dan l-aħħar, għadd ta' istituzzjonijiet finanzjarji għalqu wħud mill-fergħat tagħhom f'dawk il-ġurisdizzjonijiet; billi diversi istituzzjonijiet finanzjarji tressqu l-qorti għal reati ta' frodi tat-taxxa jew ħasil tal-flus fl-Istati Uniti, li wassal għal ħlas ta' multi sostanzjali, iżda ftit li xejn infetħu proċedimenti ġudizzjarji fl-Unjoni Ewropea;

AE.  billi l-banek qed joperaw f'suq kompetittiv u jiġu inċentivati biex jippromwovu skemi tat-taxxa attraenti sabiex iħajru klijenti ġodda u jservu dawk eżistenti; billi l-impjegati tal-banek spiss ikunu taħt pressjoni kbira biex jikkonvalidaw il-kuntratti tal-klijenti u jippermettu l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa bir-riskju li jitkeċċew jekk ma jagħmlux hekk; billi jeżistu kunflitti ta' interess bejn impjegati mlaħħqin fid-ditti ta' konsulenza u rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa, kif ukoll każijiet ta' "revolving doors" li jinvolvuhom; billi l-amministrazzjonijiet tat-taxxa mhux dejjem ikollhom aċċess suffiċjenti għall-informazzjoni jew l-għodda biex jinvestigaw u jikxfu każijiet ta' evażjoni tat-taxxa;

AF.  billi huwa importanti li wieħed jirrikonoxxi li mhux it-tranżazzjonijiet finanzjarji strutturati kumplessi (CSFTs) kollha għandhom motivazzjoni dominanti relatata mat-taxxa u li l-prodotti li huma marbutin mat-taxxa b'mod predominanti huma biss parti żgħira min-negozju totali tas-CSFTs; billi, madankollu, l-ammonti involuti fi tranżazzjonijiet ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa jistgħu jkunu kbar ħafna, u xi drabi tranżazzjoni waħda tista' tinvolvi l-finanzjament ta' biljuni ta' euro u vantaġġi fiskali li jiswew mijiet ta' miljuni(30); billi l-awtoritajiet tat-taxxa jinsabu mħassba dwar in-nuqqas ta' trasparenza tas-CSFTs li jintużaw għal skopijiet ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa, b'mod partikolari meta l-istadji individwali ta' dawn l-arranġamenti jiġu eżegwiti f'ġurisdizzjonijiet differenti;

AG.  billi l-istituzzjonijiet ta' kreditu fl-UE diġà huma soġġetti għal rekwiżiti ta' rappurtar pubbliku għal kull pajjiż fil-qafas tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (CRD IV); billi għandu jiġi nnutat li kien hemm xi nuqqasijiet f'dawn ir-rapporti għal kull pajjiż u li dawn in-nuqqasijiet għandhom jiġu indirizzati; billi l-ebda waħda mill-istituzzjonijiet finanzjarji li dehru quddiem il-Kumitat Speċjali ma qajmet xi oġġezzjoni sinifikanti fir-rigward tar-rekwiżiti ta' divulgazzjoni; billi wħud minnhom qalu b'mod ċar li kienu favur dan ir-rekwiżit u li kienu jaqblu li jsir standard globali;

AH.  billi r-rappurtar pubbliku għal kull pajjiż fir-rigward ta' ċerti dokumenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji wera diskrepanzi notevoli bejn il-qligħ globali magħmul f'ġurisdizzjonijiet barranin u l-attività, l-ammont ta' taxxa mħallsa u l-għadd ta' impjegati f'dawk l-istess ġurisdizzjonijiet; billi l-istess rappurtar kixef ukoll diskrepanza bejn it-territorji fejn joperaw u fejn għandhom il-persunal tagħhom u t-territorji minn fejn jagħmlu l-qligħ;

AI.  billi l-banek u l-MNEs li dehru quddiem il-Kumitat Speċjali ma wiġbux b'mod sħiħ il-mistoqsijiet kollha tal-membri tiegħu, u għalhekk uħud mill-kwistjonijiet imqajma baqgħu bla tweġiba jew mhux definiti sew; billi wħud minn dawn il-banek u MNEs bagħtu kontributi bil-miktub (ara l-Anness 2) aktar tard;

Sistemi ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi, l-għarfien u r-R&Ż

AJ.  billi l-iskemi marbuta mal-proprjetà intellettwali, il-privattivi u r-riċerka u l-iżvilupp (R&Ż) jintużaw ħafna fl-Unjoni kollha; billi dawn jintużaw mill-MNEs sabiex inaqqsu b'mod artifiċjali l-kontribuzzjoni tat-taxxa globali tagħhom; billi l-Azzjoni 5 tal-Pjan ta' Azzjoni tal-OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (BEPS) jenfasizzza l- "approċċ nexus modifikat"; billi r-rwol tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta huwa li janalizza u jissorvelja b'mod effikaċi tali prattiki fl-Istati Membri;

AK.  billi l-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta analizza s-sistemi ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi Ewropej, iżda ma kkonkludiex l-analiżi tiegħu ta' reġimi speċifiċi; billi, sadanittant, l-Azzjoni 5 tal-Pjan ta' Azzjoni tal-OECD dwar il-BEPS tirreferi għall-"approċċ nexus modifikat" bħala l-istandard il-ġdid għall-għoti ta' inċentivi għar-R&Ż; billi, fil-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta, l-Istati Membri qablu li jimplimentaw l-approċċ nexus modifikat fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom mill-2015 'il quddiem; billi huma jaqblu wkoll li l-iskemi ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi eżistenti għandhom jitneħħew gradwalment sal-2021; billi l-Istati Membri qegħdin lura serjament fl-implimentazzjoni tal-approċċ nexus modifikat fil-livell nazzjonali;

AL.  billi diversi studji tal-Kummissjoni wrew b'mod ċar li r-rabta bejn is-sistemi ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi u r-R&Ż hija sikwit arbitrarja u/jew artifiċjali; billi din l-inkonsistenza tista' twassal għas-suppożizzjoni li dawn l-iskemi fil-biċċa l-kbira tal-każijiet jitwaqqfu u jintużaw għal skopijiet ta' evitar tat-taxxa; billi l-inċentivi tat-taxxa fuq id-dħul iġġenerat mir-R&Ż, speċjalment is-sistemi ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi, spiss jirriżultaw fi tnaqqis kbir fid-dħul mit-taxxa għall-gvernijiet kollha, inklużi dawk involuti f'politika bħal din; billi għandu jiġi analizzat aħjar kif l-aħjar jiġu stimulati r-R&Ż u l-innovazzjoni tant meħtieġa fl-UE mingħajr ma jinħolqu prattiki dwar it-taxxa dannużi; billi l-OECD u l-Fond Monetarju Internazzjonali (FMI) diversi drabi kkonfermaw ukoll li ma jemmnux li s-sistemi ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi huma l-għodda t-tajba biex jiġu promossi r-R&Ż;

AM.  billi r-rwol ċentrali tas-sistemi ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi fi prattiki tat-taxxa dannużi inizjalment ġie osservat fil-missjonijiet ta' ġbir ta' informazzjoni tal-Kumitat Speċjali preċedenti tal-Parlament (TAXE 1) fin-Netherlands u fir-Renju Unit, u sussegwentement ġie kkonfermat fil-missjoni tiegħu f'Ċipru; billi fi Stati Membri oħra jeżistu sistemi simili;

AN.  billi hemm problema partikolarment urġenti li tirriżulta min-nuqqas ta' approċċ armonizzat fost l-Istati Membri fir-rigward tal-kwistjoni ta' pagamenti ttrasferiti 'l barra; billi f'dan il-qafas attwali mhux koordinat, it-taħlita ta' tneħħija tat-tassazzjoni minn ras il-għajn skont id-Direttiva dwar l-Imgħax u r-Royalties u d-Direttiva dwar il-Kumpaniji Prinċipali u Sussidjarji, b'nuqqas ta' taxxi minn ras il-għajn fuq il-pagamenti ttrasferiti 'l barra b'rabta ma' dividendi, liċenzji, royalties u mgħaxijiet f'xi Stati Membri, toħloq lakuni li fihom il-profitti jistgħu effettivament jimxu minn kwalunkwe Stat Membru għal barra l-Unjoni mingħajr ma jkunu soġġetti għat-taxxa mill-inqas darba;

Dokumenti mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta dwar it-tassazzjoni tal-intrapriżi, il-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli dwar it-Tassazzjoni u l-Grupp ta' Ħidma dwar Kwistjonijiet ta' Taxxa

AO.  billi l-mandat tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta huwa definit fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-ECOFIN tal-1 ta' Diċembru 1997; billi d-dokumenti tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta jikkostitwixxu sors essenzjali ta' informazzjoni għall-ħidma tal-Kumitat Speċjali (kif diġà spjegat fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Novembru 2015);

AP.  billi kien biss ħames xhur mill-bidu tal-mandat tal-Kumitat Speċjali tiegħu li xi minuti u dokumenti tas-seduti tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Membri tal-PE bil-magħluq fil-bini tal-Parlament; billi, filwaqt li tqiegħdu għad-dispożizzjoni dokumenti addizzjonali, xi dokumenti u minuti għadhom ma nħarġux, mhumiex disponibbli jew huma neqsin; billi l-Kummissjoni, waqt laqgħa informali, sostniet li qiegħdet għad-dispożizzjoni tal-Kumitat Speċjali d-dokumenti kollha li oriġinaw mill-Kummissjoni u li kienu għad-dispożizzjoni tagħha, u li kwalunkwe dokument tas-seduti ieħor rilevanti li oriġina mill-Kummissjoni, jekk qatt kien fil-pussess tal-Kummissjoni, għaldaqstant bilfors li ntilef;

AQ.  billi l-Istati Membri taw tweġibiet mhux sodisfaċenti għat-talbiet ripetuti tal-Parlament għad-divulgazzjoni sħiħa tad-dokumenti kkonċernati; billi din il-prattika ilha għaddejja għal diversi xhur; billi dawn id-dokumenti ngħataw lil riċerkaturi mill-Università ta' Amsterdam fuq talba abbażi tad-Direttiva dwar it-Trasparenza; billi, madankollu, dawn id-dokumenti tqiegħdu għad-dispożizzjoni reċentement, għalkemm fuq bażi kunfidenzjali biss, u ma jistgħux jintużaw f'dibattitu pubbliku; billi t-trasparenza u l-aċċess għall-informazzjoni huma elementi essenzjali tal-ħidma parlamentari;

AR.  billi l-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta eżamina kwistjonijiet speċifiċi mingħajr ma wasal għal riformi konkreti; billi, pereżempju, id-diskussjonijiet dwar id-deċiżjonijiet ilhom għaddejjin tal-inqas mill-1999 u għad hemm diffikultajiet biex jiġu implimentati r-rakkomandazzjonijiet maqbula, anki wara r-rivelazzjonijiet tal-"LuxLeaks"; billi l-eżami tas-sistemi ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi qatt ma ġie konkluż għalkollox fl-2014 u ma tnieda ebda eżami ieħor, minkejja l-fatt li l-Istati Membri qegħdin lura fl-implimentazzjoni tal-approċċ nexus modifikat il-ġdid;

Id-dimensjoni esterna: il-G20, l-OECD u n-NU; involviment u konsegwenzi għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw

AS.  billi l-OECD, in-Nazzjonijiet Uniti u organizzazzjonijiet internazzjonali oħra huma partijiet interessati fil-ġlieda kontra l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa korporattiva; billi hemm il-ħtieġa li tiġi żgurata l-armonizzazzjoni globali tal-prattiki u l-implimentazzjoni ta' standards komuni bħal dawk proposti mill-OECD fil-pakkett dwar il-BEPS; billi għandu jitwaqqaf forum intergovernattiv fil-livell tan-NU, bi sħubija inqas selettiva minn dik tal-OECD jew tal-G20, b'mod li l-pajjiżi kollha, inklużi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw, ikunu jistgħu jieħdu sehem fuq bażi ugwali; billi l-laqgħa tal-ministri tal-finanzi u l-gvernaturi tal-banek ċentrali tal-G20 li saret f'Washington fl-14 u l-15 ta' April 2016 tenniet it-talba tagħha biex kull pajjiż u ġurisdizzjoni jimplimentaw l-istandards tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) dwar it-trasparenza u s-sjieda benefiċjarja tal-persuni ġurdiċi u l-arranġamenti legali; billi xi membri tal-G20 appellaw għal skambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja u talbu li l-FATF u l-Forum Globali dwar it-Trasparenza u l-Iskambju ta' Informazzjoni għal Skopijiet ta' Taxxa jagħmlu proposti inizjali f'dan is-sens sa Ottubru 2016;

AT.  billi, kif ġie osservat waqt il-missjoni ta' ġbir ta' informazzjoni fl-Istati Uniti, hemm nuqqas ta' trasparenza u ta' definizzjoni komuni ta' sjieda benefiċjarja fil-livell globali; billi dan in-nuqqas ta' trasparenza kien partikolarment evidenti fil-każ ta' kumpaniji tal-isem u ditti legali; billi l-Istati Uniti bħalissa qed iħejju l-implimentazzjoni tal-pjan ta' azzjoni tal-OECD dwar il-BEPS;

AU.  billi l-proċess tal-BEPS ma jinkludix lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw bħala sħab indaqs fin-negozjati u naqas milli jagħti soluzzjonijiet effettivi għall-problemi tal-ifqar pajjiżi f'dak li għandu x'jaqsam mat-taxxa, kif evidenzjat min-netwerk globali ta' trattati fiskali li sikwit ifixklu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw milli jintaxxaw il-profitti ġġenerati fit-territorju tagħhom;

AV.  billi diġà teżisti kooperazzjoni dwar kwistjonijiet komuni bejn l-awtoritajiet rilevanti tal-UE u tal-Istati Uniti f'dak li għandu x'jaqsam mt-taxxa, iżda hemm nuqqas ta' kooperazzjoni simili fil-livell politiku, speċjalment fir-rigward tal-kooperazzjoni parlamentari;

AW.  billi f'Lulju 2016 huwa ppjanat li jsir Simpożju dwar it-Tassazzjoni bil-għan li jinkiseb tkabbir ekonomiku b'saħħtu, sostenibbli u bbilanċjat; billi fil-laqgħa tal-G20 l-organizzazzjonijiet internazzjonali kollha, inkluża l-UE, ġew mistiedna jindirizzaw l-isfidi kkonċernati;

AX.  billi s-smigħ konġunt tal-Kumitat Speċjali (TAXE 2) u l-Kumitat għall-Iżvilupp dwar il-konsegwenzi ta' prattiki fiskali aggressivi għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw wera li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw jiffaċċaw problemi simili tal-erożjoni tal-bażi, ċaqliq tal-profitti, nuqqas ta' trasparenza, sistemi ta' tassazzjoni globalment differenti u nuqqas ta' leġiżlazzjoni internazzjonali koerenti u effikaċi; billi l-pajjiżi li qed jiżviluppaw isofru minħabba l-ippjanar aggressiv tat-taxxa; billi l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw għandhom nuqqas ta' riżorsi u ta' għarfien espert biex jiġġieldu l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa b'mod effikaċi;

AY.  billi l-membri tal-G20 affermaw mill-ġdid l-impenn tagħhom li jiżguraw li jsiru sforzi biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-ekonomiji tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw u li jħeġġu lill-pajjiżi żviluppati jirrispettaw il-prinċipji tal-Inizjattiva tat-Taxxa ta' Addis kif stipulat fil-laqgħa tan-NU tas-27 ta' Lulju 2015; billi l-fehmiet u l-prijoritajiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw huma essenzjali għal koordinazzjoni globali effikaċi;

AZ.  billi l-FMI u l-Bank Dinji jipprovdu assistenza teknika, inklużi għodod għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw rigward kwistjonijiet ta' taxxa internazzjonali, sabiex jitjiebu l-kapaċitajiet tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jindirizzaw il-kwistjonijiet marbuta mal-frodi u l-evitar tat-taxxa kif ukoll il-ħasil tal-flus, b'mod partikolari b'rabta mal-ipprezzar ta' trasferiment;

BA.  billi l-Gvern Awstraljan ħabbar pjanijiet għall-introduzzjoni ta' taxxa fuq il-profitti ddevjati (DPT) għall-MNEs li jevitaw it-taxxa, li tidħol fis-seħħ fl-1 ta' Lulju 2017, kif ukoll il-ħolqien ta' task force ġdida għall-Uffiċċju tat-Taxxa;

Il-ħidma tal-Kumitat Speċjali (TAXE 2) tal-Parlament

BB.  billi l-għadd ta' miżuri proposti mill-Kummissjoni jsegwu direttament ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament tas-16 ta' Diċembru 2015 u l-25 ta' Novembru 2015; billi, għaldaqstant, il-Kummissjoni ressqet diversi inizjattivi importanti inklużi fihom, tal-inqas parzjalment; billi għadhom ma ġewx implimentati miżuri kritiċi oħra mitluba f'dawn ir-riżoluzzjonijiet, bħal, pereżempju, ir-riforma tal-qafas fiskali ta' għajnuna mill-Istat, dispożizzjonijiet legali effikaċi għall-protezzjoni tal-informaturi u miżuri biex titrażżan l-assistenza u l-promozzjoni f'dak li għandu x'jaqsam mal-ippjanar aggressiv tat-taxxa min-naħa tal-konsulenti jew tas-settur finanzjarju;

BC.  billi l-implikazzjonijiet għall-Unjoni ġew analizzati u vvalutati, partikolarment mill-Kumitat Speċjali tal-Parlament dwar id-deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u miżuri oħra ta' natura jew effett simili (TAXE 1), li l-ħidma tiegħu wasslet biex fil-25 ta' Novembru 2015 ġiet adottata riżoluzzjoni b'maġġoranza ferm qawwija; billi r-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta' Diċembru 2015 ġiet adottata b'maġġoranza daqshekk ieħor kbira; billi l-Kummissjoni ħarġet tweġiba konġunta għar-riżoluzzjonijiet tas-16 ta' Diċembru 2015 u l-25 ta' Novembru 2015;

BD.  billi l-Kumitat Speċjali tal-Parlament TAXE 2, li ġie kostitwit fit-2 ta' Diċembru 2015, organizza 11-il laqgħa, xi wħud minnhom b'mod konġunt mal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Kumitat għall-Iżvilupp, fejn sema' lill-Kummissarju għall-Kompetizzjoni, Margrethe Vestager, il-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana, Pierre Moscovici, il-Kummissarju għall-Istabbiltà Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, Jonathan Hill, is-Segretarju tal-Istat għall-Finanzi Netherlandiżi, Eric Wiebes (f'isem il-Presidenza tal-Kunsill), esperti fil-qasam tat-tassazzjoni u l-iżvilupp, rappreżentanti ta' MNEs, rappreżentanti tal-banek, u membri tal-parlamenti nazzjonali tal-UE; billi kellu wkoll laqgħat ma' rappreżentanti tal-Gvernijiet ta' Andorra, il-Liechtenstein, Monaco, Guernsey u Jersey, u rċieva kontribut bil-miktub mingħand il-Gvern ta' Isle of Man (ara l-Anness 1); billi organizza wkoll missjonijiet ta' tiftix tal-fatti fl-Istati Uniti (ara l-Anness 6 tar-rapport A8-0223/2016), sabiex jeżamina aspetti speċifiċi tad-dimensjoni relatata ma' pajjiżi terzi tal-mandat tiegħu, u f'Ċipru (ara l-Anness 5 tar-rapport A8-0223/2016); billi l-membri tal-Kumitat Speċjali kienu mistiedna personalment jieħdu sehem fil-ħidma tal-grupp interparlamentari ta' livell għoli tal-OECD "TAXE"; billi l-Kumitat Speċjali kellu laqgħat bil-magħluq fil-livell tal-koordinaturi fejn sema' rappreżentanti tal-Gvern tal-Gżejjer Cayman, ġurnalisti investigattivi u uffiċjali tal-Kummissjoni; billi dawn l-attivitajiet kollha, li pprovdew abbundanza enormi ta' informazzjoni utli ħafna dwar il-prattiki u s-sistemi tat-taxxa kemm ġewwa kif ukoll barra l-Unjoni, għenu biex jiġu ċċarati wħud mill-kwistjonijiet rilevanti, filwaqt li oħrajn baqgħu mingħajr risposta;

BE.  billi minn 7 MNEs , 4 biss qablu mal-ewwel stedina li jidhru quddiem il-membri tiegħu (ara l-Anness 2);

BF.  billi, minħabba r-rifjut kontinwu tal-Kummissjoni u tal-Kunsill li japprovaw il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew dwar id-dispożizzjonijiet dettaljati li jirregolaw l-eżerċizzju tad-dritt ta' inkjesta tal-Parlament, il-kumitati speċjali u l-kumitati ta' inkjesta tal-Parlament xorta għad m'għandhomx biżżejjed kompetenzi – pereżempju, m'għandhomx id-dritt li jħarrku xhieda u li jinfurzaw l-aċċess għad-dokumenti – meta mqabbla ma' kumitati simili tal-parlamenti tal-Istati Membri jew tal-Kungress tal-Istati Uniti;

BG.  billi f'dak li jirrigwarda l-kwistjonijiet tat-taxxa, il-Kunsill adotta reċentement, f'diversi okkażjonijiet, pożizzjonijiet politiċi komprensivi minn qabel, bla ma kkunsidra jew saħansitra stenna l-pożizzjonijiet tal-Parlament;

Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.  Itenni l-konklużjonijiet tar-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 u tar-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2015;

Segwitu mill-Kummissjoni u mill-Istati Membri

2.  Jiddispjaċih għall-fatt li 13-il Stat Membru ma għandhomx regoli xierqa sabiex jiġġieldu l-ippjanar aggressiv tat-taxxa abbażi ta' fluss eżenti mit-taxxa ta' dividendi; jiddispjaċih ukoll għall-fatt li 13 Stati Membri ma jivverifikawx is-sid benefiċjarju meta jaċċettaw talba għal tnaqqis tat-taxxa f'ras l-għajn jew għal eżenzjoni minn tali taxxa; jiddispjaċih ukoll li, s'issa, 14-il Stat Membru għad m'għandhomx regoli dwar il-kumpaniji kkontrollati minn barra l-pajjiż biex jipprevjenu l-ippjanar aggressiv tat-taxxa u li 25 m'għandhomx regoli kontra d-disparitajiet tal-kwalifiki tat-taxxa ta' kumpanija lokali minn Stat ieħor; jiddeplora l-fatt li s'issa l-ebda Stat Membru ma appella għal projbizzjoni fuq strutturi ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa;

3.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jadottaw proposti leġiżlattivi ulterjuri dwar l-evitar tat-taxxa korporattiva, peress li jeżisti lok biex l-Istati Membri jsaħħu r-regoli tagħhom kontra l-abbuż sabiex jiġġieldu kontra l-erożjoni tal-bażi; jiddispjaċih ħafna li l-Istati Membri ma ddiskutew ir-rakkomandazzjonijiet tal-Parlament fl-ebda grupp ta' ħidma tal-Kunsill;

4.  Jilqa' l-Pakkett Kontra l-Evitar tat-Taxxa (ATAP) ippubblikat mill-Kummissjoni fit-28 ta' Jannar 2016, kif ukoll il-proposti leġiżlattivi u l-komunikazzjonijiet kollha li diġà saru minn dak iż-żmien 'l hawn (ara l-Anness 4, tar-rapport A8-0223/2016); jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill tad-Direttiva li temenda d-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva sabiex jiġi stabbilit rappurtar għal kull pajjiż lill-awtoritajiet tat-taxxa, filwaqt li jiddispjaċih li l-Kunsill ma stenniex li jsir jaf u jikkunsidra l-pożizzjoni tal-Parlament qabel ma laħaq qbil dwar il-pożizzjoni tiegħu u ma pprevediex l-involviment tal-Kummissjoni fl-iskambju ta' informazzjoni; jistieden lill-Kunsill biex jilħaq pożizzjoni unanima u ambizzjuża dwar l-ATAP u biex iżomm id-Direttiva kontra l-evitar tat-taxxa bħala Direttiva waħda, bil-għan illi r-rakkomandazzjonijiet tal-OECD jiġu implimentati b'mod effikaċi u jittieħdu passi li jmorru lil hinn minnhom ħalli jintlaħqu l-ambizzjonijiet tal-UE u jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb tas-suq uniku aktar milli jiddgħajjef; jiddispjaċih ħafna għall-fatt li l-abbozz ta' pożizzjoni attwali tal-Kunsill ddgħajjef, notevolment permezz ta' klawsola ta' anterjorità dwar it-tnaqqis tal-imgħax u approċċ aktar dejjaq lejn ir-regola dwar il-kumpaniji kkontrollati minn barra l-pajjiż; jilqa' l-inizjattiva biex jinħolqu definizzjoni u lista komuni tal-Unjoni ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx fl-Istrateġija Esterna għal Tassazzjoni Effettiva; jisħaq fuq il-fatt li din il-lista għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, eżawrjenti u kwantifikabbli; itenni li fil-futur, azzjoni ulterjuri u aktar vinkolanti se tkun meħtieġa favur il-ġlieda effikaċi u sistematika kontra l-BEPS;

5.  Iqis li d-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, wara li sarulha diversi modifiki konsekuttivi ad hoc dwar l-iskambju awtomatiku tad-deċiżjonijiet dwar it-taxxa u dwar ir-rappurtar għal kull pajjiż, issa għandha tiġi riformulata fl-intier tagħha, b'mod partikolari iżda mhux biss sabiex jitnaqqsu u eventwalment jiġu eliminati l-eċċezzjonijiet attwali għall-prinċipju ta' skambju ta' informazzjoni;

6.  Itenni l-pożizzjoni tiegħu li l-impriżi multinazzjonali għandhom jippubblikaw b'mod ċar u li jiftiehem fil-karti tal-bilanċ tagħhom, għal kull Stat Membru u kull pajjiż terz fejn ikunu stabbiliti, sensiela ta' elementi ta' informazzjoni, inklużi l-profitti jew telf qabel it-taxxa, it-taxxa fuq il-profitti jew it-telf, in-numru ta' impjegati, u l-operazzjonijiet imwettqa; jissottolinja l-importanza li tali informazzjoni titqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, possibbilment fil-forma ta' reġistru ċentrali tal-UE;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta għal bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (BKKTK) qabel tmiem l-2016, li tkun akkumpanjata minn skema ta' distribuzzjoni xierqa u ġusta li tkun tista' toffri soluzzjoni komprensiva fir-rigward ta' prattiki dwar it-taxxa dannużi fl-Unjoni, tipprovdi ċarezza u sempliċità għan-negozji, u tiffaċilita l-attivitajiet ekonomiċi transkonfinali fi ħdan l-Unjoni; jemmen li l-konsolidazzjoni hija l-element essenzjali tal-BKKTK; huwa tal-fehma li l-konsolidazzjoni għandha tiġi introdotta mill-aktar fis possibbli u li kwalunkwe sistema intermedja li tinkludi biss l-armonizzazzjoni tal-bażi tat-taxxa b'mekkaniżmu ta' tpaċija għat-telf tista' tkun biss waħda temporanja; jemmen li l-introduzzjoni ta' BKKTK sħiħa u obbligatorja qed issir dejjem aktar urġenti; jistieden lill-Istati Membri biex minnufih jilħqu ftehim dwar il-proposta għall-BKKTK meta titressaq u sussegwentement jimplimentaw il-leġiżlazzjoni malajr; ifakkar lill-Istati Membril-lakuni u d-diskrepanzi bejn il-bażijiet tat-taxxa korporattiva u d-differenzi fil-prattiki amministrattivi jistgħu joħolqu kundizzjonijiet mhux ekwi u kompetizzjoni inġusta fil-qasam tat-taxxa fi ħdan l-UE;

8.  Jilqa' l-adozzjoni mill-Kummissjoni fit-12 ta' April 2016 tal-proposta għal direttiva li temenda d-Direttiva 2013/34/UE fir-rigward tal-iżvelar mill-kumpaniji, is-sussidjarji u l-fergħat tagħhom, ta' informazzjoni dwar it-taxxa fuq l-introjtu u favur trasparenza akbar fit-taxxa korporattiva; jiddispjaċih, madankollu, li l-kamp ta' applikazzjoni, il-kriterji u l-limiti minimi proposti mill-Kummissjoni mhumiex f'konformità mal-pożizzjonijiet preċedenti adottati mill-Parlament u għalhekk ma jippermettux li jintlaħqu l-objettivi;

9.  Jilqa' l-ftehim milħuq fil-Kunsill fit-8 ta' Diċembru 2015 dwar l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar deċiżjonijiet tat-taxxa; jiddispjaċih, madankollu, li l-Kunsill ma aċċettax ir-rakkomandazzjonijiet li saru mill-Parlament fir-rapport tiegħu tal-20 ta' Ottubru 2015 dwar il-proposta oriġinali tal-Kummissjoni għal tali miżura; jenfasizza li l-Kummissjoni jeħtiġilha tingħata aċċess sħiħ għad-database il-ġdida tal-Unjoni ta' deċiżjonijiet tat-taxxa; jinsisti fuq il-ħtieġa ta' database komprensiva u effiċjenti tad-deċiżjonijiet kollha fil-qasam tat-taxxa li għandhom potenzjal ta' effett transkonfinali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw malajr il-qafas leġiżlattiv meħtieġ biex jinbeda l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet tat-taxxa;

10.  Jissottolinja li l-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni se jirriżulta f'volum kbir ta' data li tkun trid tiġi ttrattata, u jinsisti li l-kwistjonijiet marbutin mal-ipproċessar bil-kompjuter tad-data kkonċernata jridu jiġu kkoordinati, kif iridu jiġu kkoordinati wkoll ir-riżorsi umani meħtieġa għall-analiżi tad-data; jappella għat-tisħiħ tar-rwol tal-Kummissjoni f'din il-ħidma; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu monitoraġġ bir-reqqa tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-livell nazzjonali u jikkonformaw bis-sħiħ ma' tali implimentazzjoni, speċjalment bil-għan li jivverifikaw kemm Stati Membri jitolbu informazzjoni rigward taxxa permezz ta' trattati bilaterali dwar it-taxxa pjuttost milli skont dik il-bażi ġuridika; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-amministrazzjonijiet tat-taxxa tagħhom b'kapaċità adegwata tal-persunal sabiex jiżguraw il-ġbir effikaċi tad-dħul mit-taxxi u jindirizzaw il-prattiki dwar it-taxxa dannużi, peress li n-nuqqas ta' riżorsi u t-tnaqqis tal-persunal, flimkien man-nuqqas ta' taħriġ, għodod tekniċi u setgħat investigattivi adegwati, fixklu serjament l-amministrazzjonijiet tat-taxxa f'xi Stati Membri; jistieden lill-Istati Membri jintegraw l-informazzjoni skambjata mal-awtoritajiet fiskali u dik skambjata mas-superviżuri u r-regolaturi finanzjarji;

11.  Jilqa' l-fatt li Franza, in-Netherlands u r-Renju Unit ħabbru fit-12 ta' Mejju 2016 li se jistabbilixxu reġistri pubbliċi tas-sidien benefiċjarji tal-kumpaniji; ifaħħar lil Franza talli ħadet l-impenn li toħloq reġistru pubbliku għat-trusts; jappoġġa l-impenn li ħadet ir-Renju Unit li tobbliga lil kwalunkwe kumpanija minn barra mir-Renju Unit li tixtri proprjetà fil-pajjiż jew tidħol f'kuntratt mal-Istat tiddikjara s-sid benefiċjarju tagħha; jistieden lill-Istati Membri kollha jadottaw inizjattivi simili;

12.  Jiddispjaċih li l-Istandard Globali l-ġdid tal-OECD għal Skambju Awtomatiku ta' Informazzjoni dwar Kontijiet Finanzjarji ma jinkludix perjodu ta' tranżizzjoni għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw, u li jekk dan l-istandard isir reċiproku, dawk il-pajjiżi li għad għandhom livell baxx ta' kapaċità biex iwaqqfu l-infrastruttura meħtieġa għall-ġbir, il-ġestjoni u l-kondiviżjoni tal-informazzjoni rikjesta jistgħu effettivament jiġu esklużi;

13.  Jinnota li l-Forum Konġunt tal-UE dwar l-Ipprezzar ta' Trasferiment inkluda fil-programm ta' ħidma tiegħu għall-2014-2019 l-iżvilupp ta' prattiki tajba biex jiġi żgurat li l-linji gwida tal-OECD dwar is-suġġett jikkorrispondu għall-ispeċifiċitajiet tal-Istati Membri; jinnota li l-Kummissjoni qed twettaq monitoraġġ ta' din il-ħidma;

14.  Jissottolinja li 70 % tat-trasferiment tal-profitti jsir permezz tal-ipprezzar ta' trasferiment u li l-aħjar mod kif tiġi indirizzata din il-kwistjoni huwa bl-adozzjoni ta' BKKTK sħiħa; jistieden, madankollu, lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva konkreta dwar l-ipprezzar ta' trasferiment, b'kont meħud tal-Linji Gwida tal-OECD dwar l-Ipprezzar ta' Trasferiment għall-Intrapriżi Multinazzjonali u għall-Amministrazzjoni tat-Taxxa 2010; jissottolinja, barra minn hekk, li jista' jkun hemm bżonn ta' sforzi addizzjonali biex jitrażżnu r-riskji marbuta mal-BEPS bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi li jirriżultaw mill-qafas tal-ipprezzar ta' trasferiment, b'mod partikolari l-ipprezzar ta' assi intanġibbli, u li alternattivi globali għall-prinċipju attwali ta' distakkament (arm's length) għandhom jiġu investigati b'mod attiv u għandhom jiġu eżaminati għall-potenzjal tagħhom li jiżguraw sistema ta' tassazzjoni globali aktar ġusta u aktar effikaċi;

15.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissarju għall-Kompetizzjoni, Margrethe Vestager, ikkategorizzat l-ipprezzar ta' trasferiment bħala qasam ta' attenzjoni partikolari għall-każijiet ta' għajnuna mill-Istat, peress li huwa rrappurtat li jintuża bħala għodda komuni mill-MNEs għal skemi ta' evażjoni jew evitar tat-taxxa bħas-self bejn il-gruppi; jinnota li attwalment ma jeżistux linji gwida għall-identifikazzjoni u r-regolamentazzjoni tal-għajnuna mill-Istat relatata mat-taxxa, filwaqt li ntwera li dan it-tip ta' għajnuna mill-Istat huwa għodda inkwetanti ta' evitar tat-taxxa; jistieden lill-Kummissjoni toħloq linji gwida u tistabbilixxi kriterji ċari biex tiddefinixxi aħjar x'inhuma l-limiti dwar l-ipprezzar ta' trasferiment, sabiex il-każijiet ta' għajnuna mill-Istat jiġu vvalutati aħjar; jappoġġa l-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet tal-Kummissjoni fil-każ ta' Starbucks, Fiat u Amazon; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-Kummissjoni jkollha aċċess għad-data kollha rilevanti;

16.  Jiddispjaċih li ħafna intrapriżi multinazzjonali li nstemgħu ma kkundannawx bil-qawwa l-prattiki ta' evitar tat-taxxa u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa; jisħaq fuq il-fatt li l-MNEs faċilment jistgħu jagħtu self artifiċjali bejn il-gruppi għal skopijiet ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa; jisħaq fuq il-fatt li l-preferenza għal tali finanzjament tad-dejn hija għad-detriment tal-kontribwenti kif ukoll tal-istabbiltà finanzjarja; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jeliminaw il-preġudizzju favur id-dejn minflok l-ekwità fil-liġijiet tat-taxxa rispettivi tagħhom;

17.  Jenfasizza bil-qawwa li x-xogħol tal-informaturi huwa kruċjali biex jikxfu d-dimensjoni tal-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, u li, għalhekk, jeħtieġ li l-protezzjoni tal-informaturi tkun legalment garantita u msaħħa madwar l-UE kollha; jinnota li l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Kunsill tal-Ewropa ħadmu fuq din il-kwistjoni; iqis li l-qrati u l-Istati Membri għandhom jiżguraw il-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali leġittimi filwaqt li bl-ebda mod ma jostakolaw, ixekklu jew joħonqu l-kapaċità tal-informaturi u l-ġurnalisti li jiddokumentaw u jiżvelaw il-prattiki illegali, abbużivi jew dannużi meta dan ikun b'mod ċar fl-ogħla interess pubbliku; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ma għandhiex pjanijiet għal azzjoni fil-pront dwar din il-kwistjoni, meta wieħed iqis r-rivelazzjonijiet ferm reċenti u sinifikanti minn informaturi komunement imsejħa, rispettivament, "Luxleaks" u "Panama Papers";

18.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika dwar it-titjib tal-mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim fir-rigward tat-tassazzjoni doppja; jenfasizza li l-istabbiliment ta' qafas ta' żmien ċar għall-proċeduri ta' soluzzjoni tat-tilwim huwa essenzjali għat-titjib tal-effikaċja tas-sistemi;

19.  Jilqa' l-komunikazzjoni "Strateġija Esterna għal Tassazzjoni Effettiva", fejn saret stedina lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) biex jittrasponi r-rekwiżiti għal governanza tajba fil-kuntratti tiegħu mal-intermedjarji finanzjarji magħżulin kollha; jistieden lill-BEI jistabbilixxi politika ġdida dwar tassazzjoni responsabbli, li tibda bir-reviżjoni tal-politika tiegħu dwar il-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx imwettqa fl-2016 fi djalogu mill-qrib mas-soċjetà ċivili; itenni li l-BEI għandu jsaħħaħ l-attivitajiet ta' diliġenza dovuta tiegħu sabiex itejjeb il-kwalità tal-informazzjoni dwar il-benefiċjarji aħħarija u jipprevjeni b'aktar effikaċja it-tranżazzjonijiet ma' intermedjarji finanzjarji li jkollhom preċedenti negattivi f'termini ta' trasparenza, frodi, korruzzjoni, kriminalità organizzata, ħasil tal-flus u impatti ambjentali u soċjali dannużi jew li jkunu rreġistrati f'ċentri finanzjarji offshore jew f'rifuġji fiskali li jirrikorru għal ippjanar aggressiv tat-taxxa;

20.  Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ leġiżlazzjoni ċara dwar id-definizzjoni ta' "sustanza ekonomika", "ħolqien tal-valur" u "stabbiliment permanenti", bil-għan li tindirizza, b'mod partikolari, il-kwistjoni tal-kumpaniji tal-isem ("letterbox companies");

Lista sewda u sanzjonijiet konkreti għall-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx u taxxa minn ras il-għajn

21.  Jinnota li s'issa l-unika inizjattiva konkreta meħuda mill-Kummissjoni rigward il-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx, inklużi t-territorji extra-Ewropej, kienet l-Istrateġija Esterna għal Tassazzjoni Effettiva; josserva li s'issa l-kriterji għall-elenkar tal-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx mill-OECD ma rriżultawx effiċjenti fl-indirizzar ta' din il-kwistjoni u ma servewx ta' deterrent; jenfasizza li għad hemm pajjiżi terzi li jipproteġu l-assi miksuba illegalment, u dan jagħmel l-irkupru mill-awtoritajiet tal-UE impossibbli;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq kemm jista' jkun malajr definizzjoni u lista komuni tal-Unjoni ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx (jiġifieri l-hekk imsejħa "lista sewda ta' rifuġji fiskali"), abbażi ta' kriterji sodi, trasparenti u oġġettivi, bl-inklużjoni tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-OECD, miżuri dwar it-trasparenza tat-taxxa, azzjonijiet tal-BEPS u standards għall-Iskambju Awtomatiku ta' Informazzjoni, l-eżistenza ta' prattiki dwar it-taxxa dannużi, il-vantaġġi mogħtija lil persuni jew entitajiet ġuridiċi mhux residenti, in-nuqqas ta' rekwiżit ta' sustanza ekonomika u n-nuqqas ta' divulgazzjoni tal-istruttura korporattiva ta' entitajiet ġuridiċi (inklużi trusts, għaqdiet tal-karità, fondazzjonijiet, eċċ.) jew is-sjieda ta' assi jew drittijiet, u jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tilħaq qbil dwar tali lista matul is-sitt xhur li ġejjin; jistieden lill-Istati Membri japprovaw dak il-ftehim sa tmiem l-2016; jemmen li proċedura ta' eskalazzjoni, li tibda bi djalogu kostruttiv mal-ġurisdizzjoni fejn ikunu ġew identifikati n-nuqqasijiet, jeħtieġ li tiġi prevista qabel l-elenkar sabiex jinkiseb ukoll effett preventiv tal-proċess; jemmen li għandu jiġi stabbilit mekkaniżmu biex jippermetti t-tneħħija mil-lista ta' ġurisdizzjonijiet jekk u meta l-konformità tkun intlaħqet jew inkisbet mill-ġdid b'suċċess; iqis li din il-valutazzjoni għandha tiġi estiża wkoll għall-membri tal-OECD;

23.  Jappella għal qafas regolatorju konkret tal-Unjoni għal sanzjonijiet kontra l-ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx elenkati fil-lista s-sewda, li jkun jinkludi l-possibbiltà ta' rieżami u, bħala l-aħħar għażla, is-sospensjoni tal-ftehimiet ta' kummerċ ħieles, is-sospensjoni tal-ftehimiet dwar it-taxxa doppja u l-projbizzjoni tal-aċċess għall-fondi tal-UE; jinnota li l-iskop tas-sanzjonijiet huwa li jwasslu għal bidliet fil-leġiżlazzjoni tal-ġurisdizzjonijiet ikkonċernati; jappella biex is-sanzjonijiet japplikaw ukoll għal kumpaniji, banek, ditti ta' kontabbiltà u ditti legali u konsulenti tat-taxxa li jkun instab li kienu involuti f'attivitajiet illegali, dannużi jew abbużivi ma' dawk il-ġurisdizzjonijiet jew li jkunu ffaċilitaw arranġamenti ta' taxxa korporattiva illegali, dannużi jew illeċiti li jinvolvu vetturi legali f'dawk il-ġurisdizzjonijiet;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprepara leġiżlazzjoni vinkolanti li tipprojbixxi lill-istituzzjonijiet kollha tal-UE milli jiftħu kontijiet jew joperaw fil-ġurisdizzjonijiet inklużi fil-lista komuni tal-Unjoni ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx;

25.  Jistieden lill-Istati Membri jerġgħu jinnegozjaw trattati bilaterali tagħhom dwar it-taxxa ma' pajjiżi terzi permezz ta' strument multilaterali, sabiex jintroduċu klawsoli kontra l-abbuż b'saħħithom biżżejjed u b'hekk jimpedixxu l-għażla opportunistika tat-trattat, inklużi distribuzzjoni tad-drittijiet ta' tassazzjoni bejn il-pajjiżi sors u l-pajjiżi ta' residenza li tirrifletti s-sustanza ekonomika u definizzjoni xierqa ta' stabbiliment permanenti; jenfasizza, barra minn hekk, li dan il-proċess jista' jiġi aċċellerat konsiderevolment jekk il-Kummissjoni tingħata mandat mill-Istati Membri biex tinnegozja tali trattati dwar it-taxxa f'isem l-Unjoni; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw trattament ġust tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw waqt in-negozjar ta' tali trattati;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta leġiżlattiva għal taxxa minn ras l-għajn fl-UE kollha, li tiġi implimentata mill-Istati Membri, sabiex jiġi żgurat li l-profitti ġġenerati fl-Unjoni jiġu intaxxati tal-anqas darba qabel ma joħorġu minnha; jinnota li tali proposta għandha tinkludi sistema ta' rifużjoni sabiex tiġi evitata t-tassazzjoni doppja; jissottolinja li tali sistema ġenerali ta' taxxa minn ras l-għajn ibbażata fuq il-metodu ta' kreditu għandha l-vantaġġ li tipprevjeni n-nontassazzjoni doppja u l-BEPS mingħajr ma toħloq sitwazzjonijiet ta' tassazzjoni doppja;

27.  Jiddispjaċih li Andorra u Monaco impenjaw ruħhom favur l-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni sal-2018 minflok sal-2017; jirrimarka li xi ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx, bħal Andorra, huma konformi mal-istandards għall-iskambju ta' informazzjoni iżda mexjin biex isiru ġurisdizzjonijiet b'taxxa baxxa; jinsab imħasseb li l-ftehim ta' tassazzjoni doppja bejn Andorra u Spanja attwalment ma jiżgurax skambju awtomatiku effikaċi ta' informazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni twettaq monitoraġġ mill-qrib tal-applikazzjoni effettiva tal-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni inkluża fil-ftehimiet tal-Istati Membri ffirmati ma' ġurisdizzjonijiet li attwalment jew qabel kienu ma jikkooperawx;

28.  Jikkunsidra li d-diskrepanza ibrida bejn l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi terzi fin-nomina ta' entitajiet, li twassal għal nontassazzjoni doppja, għandha tiġi trattata b'mod effikaċi fil-leġiżlazzjoni Ewropea, bħala żieda mal-proposti tal-Kummissjoni rigward l-ATAP;

Sistemi ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi, l-għarfien u r-R&Ż

29.  Jinnota li sal-lum is-sistemi ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi, l-għarfien u r-R&Ż ma rriżultawx daqstant effikaċi fit-trawwim tal-innovazzjoni fl-Unjoni daqskemm kellhom ikunu; jiddispjaċih li minflok dawn qegħdin jintużaw mill-MNEs għat-trasferiment tal-profitti permezz ta' skemi ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa, bħall-famuż "Double Irish with a Dutch sandwich"; huwa tal-fehma li s-sistemi ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi huma għodda mhux xierqa u mhux effikaċi biex jintlaħqu l-għanijiet ekonomiċi; jinsisti li r-R&Ż jistgħu jiġu promossi permezz ta' miżuri ta' politika usa' li jippromwovu l-innovazzjoni fuq perjodu twil u riċerka indipendenti u permezz ta' sussidji li għandhom jingħataw preferenza fuq is-sistemi ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi, peress li s-sussidji huma anqas f'riskju li jiġu abbużati permezz ta' skemi ta' evitar tat-taxxa; josserva li r-rabta bejn is-sistemi ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi u l-attivitajiet ta' R&Ż spiss tkun waħda arbitrarja u li l-mudelli attwali jwasslu għal ġirja lejn l-aktar livell baxx fir-rigward tal-kontribuzzjoni tat-taxxa effettiva tal-MNEs;

30.  Jiddeplora l-fatt li ċerti Stati Membri, b'mod partikolari fil-qafas tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta, s'issa ttraskuraw din il-kwistjoni u għad iridu joħorġu b'qafas ta' żmien xieraq biex jindirizzawha;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni, bil-għan li tipprojbixxi l-użu ħażin tas-sistemi ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi għall-finijiet ta' evitar tat-taxxa u tiżgura li jekk u meta jintużaw ikunu marbuta ma' attività ekonomika ġenwina, biex tressaq proposti għal leġiżlazzjoni vinkolanti tal-Unjoni dwar is-sistemi ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi, li jindirizzaw id-dgħufijiet tal-Approċċ Nexus Modifikat tal-OECD u jibnu fuqhom; jenfasizza li l-proposta tal-Kummissjoni għandha tapplika għas-sistemi kollha ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi ġodda maħruġa mill-Istati Membri u li s-sistemi ta’ inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi eżistenti kollha li għadhom fis-seħħ għandhom jiġu emendati kif jixraq;;

32.  Jistieden lill-Istati Membri jinkludu klawsola ta' tassazzjoni minima effettiva (MET) fid-Direttiva dwar l-Imgħax u r-Royalties kif ukoll fid-Direttiva dwar Kumpaniji Prinċipali u Sussidjarji u jiżguraw li ma jingħatawx eżenzjonijiet mill-Kunsill;

Il-banek, il-konsulenti tat-taxxa u l-intermedjarji

33.  Jiddispjaċih bil-kbir li xi banek, konsulenti tat-taxxa, ditti legali u ditti ta' kontabbiltà u intermedjarji oħra kienu strumentali u żvolġew rwol ewlieni fit-tfassil ta' skemi ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa għall-klijenti tagħhom u għenu wkoll lill-gvernijiet nazzjonali jfasslu l-kodiċijiet u liġijiet tagħhom dwar it-taxxa, fattur li ħoloq kunflitt ta' interess sinifikanti;

34.  Jesprimi tħassib dwar in-nuqqas ta' trasparenza u dokumentazzjoni adegwata fl-istituzzjonijiet finanzjarji u fost il-konsulenti u d-ditti legali b'rabta mal-mudelli speċifiċi ta' sjieda u kontroll tal-kumpaniji rrakkomandati minn konsulenti finanzjarji, legali u tat-taxxa, kif ikkonfermat mir-rivelazzjonijiet reċenti tal-"Panama Papers"; jirrakkomanda, sabiex tiġi indirizzata l-problema tal-kumpaniji fittizji, li jissaħħu r-rekwiżiti ta' trasparenza għall-istabbiliment ta' kumpaniji privati;

35.  Jinsab imħasseb dwar in-nuqqas ta' trasparenza u dokumentazzjoni adegwata fl-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali b'rabta mal-effetti fuq il-kompetizzjoni ta' deċiżjonijiet dwar l-ipprezzar ta' trasferiment, l-issettjar ta' sistemi ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi, deċiżjonijiet fil-qasam tat-taxxa u elementi oħra ta' tassazzjoni korporattiva diskrezzjonali;

36.  Jitlob it-tisħiħ tal-kodiċijiet tal-kondotta eżistenti għall-industrija tal-konsulenza dwar it-taxxa u, b'mod partikolari, biex jiġu kkunsidrati kunflitti potenzjali ta' interess b'tali mod li jiġu żvelati b'mod ċar u li jinftiehem; jistieden lill-Kummissjoni tressaq Kodiċi tal-Kondotta tal-Unjoni għas-servizzi ta' konsulenza kollha sabiex is-sitwazzjonijiet ta' kunflitti potenzjali ta' interess jkunu jistgħu jiġu żvelati b'mod ċar; jemmen li dan għandu jinkludi reġim ta' inkompatibbiltà tal-Unjoni għall-konsulenti tat-taxxa, sabiex jiġu evitati l-kunflitti ta' interess waqt l-għoti ta' konsulenza kemm fis-settur privat u kemm f'dak pubbliku u jiġu evitati kunflitti ta' interess oħrajn;

37.  Jiġbed l-attenzjoni għar-riskji ta' kunflitti ta' interess li jirriżultaw mill-forniment ta' konsulenza legali u dwar it-taxxa u servizzi ta' awditjar fi ħdan l-istess ditti ta' kontabbiltà; jisħaq, għalhekk, fuq l-importanza ta' separazzjoni ċara bejn dawn is-servizzi; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura l-monitoraġġ u l-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni mmirata lejn il-prevenzjoni ta' tali kunflitti, u tistudja l-ħtieġa li tirrevedi d-Direttiva dwar l-Awditjar, b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 22 tagħha, kif ukoll ir-Regolament dwar l-Awditjar, u b'mod partikolari d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 5 tiegħu u d-definizzjoni f'tali Artikolu tal-"effett materjali" ta' servizzi mhux ta' awditjar;

38.  Jitlob lill-Kummissjoni tagħmel investigazzjoni fl-interkonnettività tad-dinja tal-akkademja u dik tal-konsulenza tat-taxxa, billi tindirizza tal-anqas il-kwistjonijiet ta' kunflitti ta' interess;

39.  Jistieden lill-Istati Membri jadottaw sanzjonijiet effikaċi, proporzjonati u dissważivi, inklużi sanzjonijiet kriminali, fuq maniġers ta' kumpaniji involuti fl-evażjoni tat-taxxa, kif ukoll il-possibbiltà li jiġu revokati l-liċenzji kummerċjali għall-professjonisti u l-kumpaniji li jkun hemm provi li huma involuti fit-tfassil, l-użu, jew il-konsulenza dwar l-użu ta' skemi ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa u evażjoni tat-taxxa; jitlob li l-Kummissjoni tesplora l-possibbiltà li tintroduċi responsabbiltà finanzjarja proporzjonali għall-konsulenti tat-taxxa involuti fi prattiki illegali dwar it-taxxa;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-possibbiltà li tintroduċi responsabbiltà finanzjarja proporzjonali għall-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji li jiffaċilitaw it-trasferimenti lejn rifuġji fiskali magħrufa, kif definiti mil-lista komuni futura tal-Unjoni dwar ir-rifuġji fiskali u l-ġurisdizzjonijiet fil-qasam tat-taxxa li ma jikkooperawx;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rekwiżiti fuq il-banek biex jirrappurtaw lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri t-trasferimenti minn u lejn ġurisdizzjonijiet elenkati fil-lista komuni tal-Unjoni ta' rifuġji fiskali u ġurisdizzjonijiet tat-taxxa li ma jikkooperawx; jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-banek u istituzzjonijiet finanzjarji oħra jipprovdu informazzjoni simili għall-awtoritajiet ta' regolamentazzjoni u tat-taxxa; jistieden lill-Istati Membri jsaħħu l-kapaċità tal-amministrazzjonijiet tat-taxxa tagħhom biex jinvestigaw każijiet ta' evażjoni u evitar tat-taxxa;

42.  Jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta leġiżlattiva li tintroduċi rekwiżit ta' żvelar obbligatorju għall-banek, il-konsulenti tat-taxxa u intermedjarji oħra fir-rigward ta' strutturi kumplessi u servizzi speċjali li huma marbuta mal-ġurisdizzjonijiet inklużi fil-lista komuni tal-UE ta' rifuġji fiskali u ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx, li huma mfassla għall-klijenti u li qegħdin jintużaw minnhom biex jiġu ffaċilitati l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni(31) tintroduċi regoli speċifiċi, komuni u minimi kontra l-abbuż, bil-għan li jiċħdu l-benefiċċji li jirriżultaw minn ċerti trasferimenti ibridi ta' assi(32), li l-effett tagħhom huwa ta' spiss it-tnaqqis tal-introjtu fi Stat wieħed mingħajr l-inklużjoni fil-bażi tat-taxxa tal-Istat l-ieħor jew il-ġenerazzjoni ta' tranżazzjonijiet abbużivi ta' kreditu ta' taxxa barranija;

Informaturi ("whistleblowers")

44.  Itenni r-rwol kruċjali tal-informaturi biex jikxfu mġiba ħażina, inklużi prattiki illegali jew abbużivi; iqis li dawn ir-rivelazzjonijiet, li jitfgħu dawl fuq kemm huma mifruxin l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus, huma ċarament fl-interess pubbliku, kif intwera fir-rivelazzjonijiet reċenti "LuxLeaks" u "Panama Papers", li wrew il-firxa tal-fenomenu tat-trasferiment ta' assi lejn ġurisdizzjonijiet b'taxxa baxxa; ifakkar li l-possibbiltà li min jikser il-liġijiet tat-taxxa jinqabad u li jittieħdu passi kontrih tiddependi ħafna mid-data disponibbli u mill-kwalità tad-data;

45.  Jiddispjaċih li l-Kummissjoni qed tillimita l-azzjoni tagħha għall-monitoraġġ tal-iżviluppi f'oqsma differenti ta' kompetenza tal-Unjoni, mingħajr ma qed tippjana li tieħu xi passi konkreti biex tindirizza l-kwistjoni; jinsab imħasseb li dan in-nuqqas ta' protezzjoni jista' jipperikola l-pubblikazzjoni ta' rivelazzjonijiet ġodda, u dan potenzjalment iwassal biex l-Istati Membri jitilfu dħul leġittimu mit-taxxa; jiddispjaċih bil-kbir li l-Kummissjoni ma pprovdietx risposta sodisfaċenti għad-domandi li jinsabu fil-paragrafi 144 u 145 tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-25 ta' Novembru 2015, jew għar-rakkomandazzjonijiet tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tas-16 ta' Diċembru 2015, u b'mod partikolari għat-talba biex toħroġ b'qafas legali ċar dwar il-protezzjoni tal-informaturi u simili sal-aħħar tal-2016;

46.  Mill-ġdid jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, malajr kemm jista' jkun, qafas legali ċar li jiżgura l-protezzjoni effikaċi tal-informaturi, kif ukoll tal-ġurnalisti u ta' persuni oħra relatati mal-istampa li jgħinuhom u li jiffaċilitawlhom l-iżvelar; jistieden lill-Istati Membri jirrevedu l-leġiżlazzjoni attwali tagħhom dwar il-protezzjoni tal-informaturi billi tiġi inkluża l-possibbiltà ta' astenzjoni mill-prosekuzzjoni f'każijiet fejn l-informaturi jkunu aġixxew biss fl-interess pubbliku; jistieden biex l-aħjar eżempji ta' leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-informaturi diġà fis-seħħ f'xi Stati Membri jiġu kkunsidrati bħala mudell;

Il-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta u kwistjonijiet interistituzzjonali

47.  Jiddispjaċih li, minkejja l-fatt li kemm l-ewwel u kemm it-tieni Kumitat Speċjali tiegħu (TAXE 1 u TAXE 2) talbu kemm-il darba aċċess sħiħ għad-dokumenti u l-minuti tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta, għadd limitat ta' dokumenti ġodda biss tqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Membri tal-PE għal konsultazzjoni bil-magħluq, u li dan sar biss ħames xhur mill-bidu tal-mandat tal-Kumitat Speċjali TAXE 2; jinnota li wħud minn dawn id-dokumenti kellhom isiru pubbliċi biex ikunu jistgħu jsiru skrutinju pubbliku u dibattitu politiku miftuħ dwar il-kontenut tagħhom; jinnota, barra minn hekk, li r-rieda tal-Kunsill li jissodisfa din it-talba għadha mhijiex sodisfaċenti;

48.  Jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni, minkejja li forniet xi minuti interni tal-laqgħat tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta, ma kinitx kapaċi żżomm ir-rekords kollha tad-dokumenti mqassma; iqis li huwa d-dmir tal-Kummissjoni li żżomm it-traċċi u r-rekords kollha tal-informazzjoni u d-dokumenti kollha ċċirkolati fl-ambitu tal-mandat tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta, sabiex tiġi vvalutata l-konformità tal-miżuri tal-Istati Membri skont it-Trattat; jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni urġenti biex ittejjeb din is-sitwazzjoni billi tirkupra d-dokumenti kollha; jistieden lill-Kunsill u lill-Istati Membri jikkooperaw mal-Kummissjoni f'din il-kwistjoni;

49.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jtejbu t-trasparenza u l-effikaċja tal-metodi ta' ħidma tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta, peress li huma wieħed mill-fatturi li qed ixekklu titjib potenzjali konkret f'dak li għandu x'jaqsam mal-indirizzar ta' prattiki dwar it-taxxa dannużi; jiddispjaċih li ma rċeviex bosta dokumenti tal-kamra mill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta li joħorġu mill-Kunsill jew mill-Istati Membri u li huma kritiċi rigward l-implimentazzjoni tajba tal-mandat tal-Kumitat Speċjali; jappella għall-pubblikazzjoni regolari tar-riżultati tas-superviżjoni tagħha għal dak li jikkonċerna l-livell ta' konformità tal-Istati Membri mar-rakkomandazzjonijiet li saru; jitob lill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta jipproduċi rapport annwali aċċessibbli għall-pubbliku li jidentifika u jiddeskrivi l-aktar prattiki dwar it-taxxa dannużi użati mill-Istati Membri matul is-sena; itenni t-talba li għamel lill-Kunsill fl-2015 biex dan iwaqqaf "kumitat dwar it-tassazzjoni" fil-livell politiku;

50.  Jiddetermina mill-informazzjoni pubblika li l-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta analizza 421 miżura bejn l-1998 u l-2014 u li 111 minnhom ikkunsidrahom dannużi (26 %), iżda li żewġ terzi ta' dawk il-miżuri ġew eżaminati matul l-ewwel ħames snin ta' eżistenza tal-Grupp; jinnota li l-iskrutinju tal-miżuri mill-Istati Membri naqas matul is-snin u li 5 % biss tal-miżuri totali ġew eżaminati fl-2014, u jiddispjaċih li l-ebda miżura tat-taxxa dannuża ma nstabet mill-Grupp minn Novembru 2012 'il hawn; jikkonkludi li l-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta ma kienx operattiv għalkollox matul l-aħħar għaxar snin u li l-goveranza u l-mandat tiegħu jeħtieġu rieżami urġenti;

51.  Itenni l-istedina li għamel lill-Kummissjoni fl-2015 biex tipprovdi aġġornament għar-rapport Simmons & Simmons tal-1999 dwar il-prattiki amministrattivi msemmija fil-paragrafu 26 tar-rapport tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta tal-1999 (ir-rapport Primarolo (SN 4901/99));

52.  Jenfasizza li anki jekk il-Kodiċi tal-Kondotta ppermetta xi titjib, l-awtonotifika ta' miżuri potenzjalment dannużi mill-Istati Membri mhijiex effiċjenti, il-kriterji għall-identifikazzjoni tal-miżuri dannużi huma skaduti u l-prinċipju tal-unanimità għall-ilħiq ta' deċiżjonijiet dwar id-dannu kkawżat ma rriżultax effikaċi; jiddispjaċih li bosta Stati Membri qed jopponu riforma meħtieġa tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-passi meħtieġa biex jirriformaw, mill-aktar fis possibbli, il-kriterji għall-identifikazzjoni tal-miżuri dannużi u l-aspetti ta' governanza tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta (inklużi l-istruttura tat-teħid ta' deċiżjonijiet u l-monitoraġġ tal-miżuri maqbula ta' żmuntar u status quo, l-evitar ta' dewmien potenzjali, sanzjonijiet f'każ ta' nuqqas ta' konformità), sabiex jiżdiedu t-trasparenza u l-obbligu ta' rendikont tiegħu u jiġu żgurati l-involviment qawwi u l-aċċess għall-informazzjoni tal-Parlament; jirrimarka n-nuqqasijiet u informazzjoni oħra rilevanti msemmija fl-Anness 3; jinnota wkoll li jekk wieħed jagħmel paragun bejn il-lista tal-Kummissjoni tar-reġimi kollha tat-taxxa vvalutati formalment mill-Grupp dwar il-Kodiċi u d-dokumenti tal-laqgħa rispettivi fil-mument tad-deċiżjoni u wara, l-ewwel nett f'ħafna każijiet mhuwiex ċar kif tkun intlaħqet deċiżjoni, pereżempju, għaliex ir-reġimi li għalihom kien hemm raġunijiet biex wieħed jissupponi li huma dannużi fl-aħħar ġew iddikjarati mhux dannużi, u, it-tieni nett, dwar dawk il-każijiet fejn id-dannu attestat kien ir-riżultat tal-valutazzjoni, jekk il-proċeduri konsegwenti ta' żmuntar ġewx konklużi b'mod sodisfaċenti mill-Istati Membri; jenfasizza li, għalhekk, l-Istati Membri ma kinux konformi mal-obbligi stabbiliti fid-Direttivi tal-Kunsill 77/799/KEE u 2011/16/UE peress li ma skambjawx b'mod spontanju l-informazzjoni marbuta mat-taxxa, anke f'każijiet fejn kien hemm raġunijiet fondati, minkejja l-marġni ta' diskrezzjoni li tħalliet minn tali direttivi biex dak li jkun jissupponi l-eżistenza ta' telf ta' taxxa fi Stati Membri oħrajn, jew li t-taxxa setgħet tkun iffrankata bħala riżultat ta' trasferimenti artifiċjali ta' profitti fi ħdan il-gruppi; jenfasizza li l-Kummissjoni ma ssodisfatx ir-rwol tagħha ta' gwardjan tat-Trattati, kif stabbilit fl-Artikolu 17(1) tat-TUE, peress li ma ħaditx azzjoni f'din il-kwistjoni u ma ħaditx il-passi kollha meħtieġa biex tiżgura li l-Istai Membri jkunu konformi mal-obbligi tagħhom, b'mod partikolari dawk stabbiliti fid-Direttivi tal-Kunsill 77/799/KEE u 2011/16/UE, minkejja evidenza kuntrarja;

53.  Jinnota li l-Kumitat Speċjali nnota b'mod ċar mudell ta' tfixkil sistematiku minn xi Stati Membri biex jinkiseb progress fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa; jinnota li d-diskussjonijiet dwar prattiki amminstrattivi (deċiżjonijiet) kienu ilhom għaddejjin fil-Kodiċi tal-Kondotta għal kważi għoxrin sena; jikkundanna l-fatt li bosta Stati Membri sabuha bi tqila biex jaqblu dwar l-iskambju ta' informazzjoni dwar il-prattiki tagħhom ta' deċiżjonijiet qabel il-Luxleaks u għadhom isibuha bi tqila biex jimplimentaw fil-liġi nazzjonali l-mudell ta' istruzzjonijiet żviluppat fil-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta minkejja l-impenji tagħhom wara r-rivelazzjonijiet tal-Luxleaks;

54.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti lill-Parlament aċċess permanenti, regolari u f'waqtu għad-dokumenti tal-kamra u l-minuti tal-gruppi tal-Kunsill li qed jaħdmu dwar kwistjonijiet ta' taxxa, inklużi l-Kodiċi tal-Kondotta dwar it-Tassazzjoni tal-Intrapriżi, il-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli u l-Grupp ta' Ħidma dwar Kwistjonijiet ta' Taxxa; jissuġġerixxi lill-Kummissjoni tuża l-ftehim milħuq mal-Parlament dwar l-aċċess għall-minuti tal-MSU/BĊE bħala eżempju għal dak l-iskop;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, f'każ ta' risposta mhux sodisfaċenti min-naħa tal-Istati Membri, tippreżenta proposta leġislattiva, preferibbilment skont l-Artikolu 116 tat-TFUE jew l-Artikolu 352 tat-TFUE jew skont il-proċedura ta' kooperazzjoni msaħħa sabiex titjieb l-effikaċja tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta;

56.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri biex jieħdu azzjoni urġenti kontra l-frodi tat-taxxa, l-evażjoni tat-taxxa, ir-rifuġji fiskali u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, kemm min-naħa tad-domanda kif ukoll min-naħa tal-provvista; jiddispjaċih li l-Kunsill u b'mod partikolari xi Stati Membri għal diversi snin ma ħadux azzjoni deċiżiva fir-rigward ta' dawn il-kwistjonijiet, u jfakkar lill-Istati Membri fil-possibbiltà li għandhom li jistabbilixxu sistemi ta' kooperazzjoni msaħħa (bejn mill-inqas 9 Stati Membri) sabiex titħaffef l-azzjoni dwar prattiki tat-taxxa dannużi u illegali;

57.  Jappella li jinħoloq Ċentru tal-Unjoni għall-Koerenza u l-Koordinazzjoni tal-Politika tat-Taxxa ġdid fi ħdan l-istruttura tal-Kummissjoni, biex ikun salvagwardjat il-funzjonament korrett u koerenti tas-suq uniku u l-implimentazzjoni tal-istandards internazzjonali; jemmen li dan iċ-Ċentru l-ġdid għandu jkollu l-kompitu li jivvaluta u jissorvelja l-politiki tat-taxxa tal-Istati Membri fil-livell tal-Unjoni, jiżgura li l-Istati Membri ma jimplimentawx miżuri tat-taxxa dannużi ġodda, jissorvelja l-konformità tal-Istati Membri mal-lista komuni tal-Unjoni ta' ġurisdizzjonijiet li ma jikkooperawx, jiggarantixxi u jrawwem il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali (pereżempju taħriġ u skambju tal-aħjar prattiki), u jniedi programmi akkademiċi f'dan il-qasam; jemmen li b'hekk dan iċ-Ċentru jkun jista' jgħin biex jiġi evitat li jfeġġu lakuni ġodda fil-qasam tat-taxxa li jirriżultaw minn inizjattivi ta' politika mhux koordinati bejn l-Istati Membri, u jiġġieled il-prattiki u l-istandards tat-taxxa li jfixklu, jostakolaw jew jinterferixxu fil-funzjonament xieraq u l-loġika tas-suq uniku; jemmen li dan iċ-Ċentru jista' jservi wkoll bħala punt ta' kuntatt għall-informaturi, f'każ li l-Istati Membri u l-amministrazzjonijiet tat-taxxa nazzjonali ma jaġixxux fuq rivelazzjoni ta' evażjoni u evitar tat-taxxa jew ma jwettqux investigazzjonijiet xierqa dwar il-kwistjoni; iqis li ċ-Ċentru jista' jibbenefika mill-qsim tal-għarfien espert fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni, biex b'hekk jitnaqqas il-piż fuq il-kontribwenti;

Id-dimensjoni esterna

58.  Jilqa' t-tiġdid tal-enfasi fil-livell tal-G8 u tal-G20 dwar kwistjonijiet tat-taxxa, li għandu jwassal għal rakkomandazzjonijiet ġodda; jistieden lill-Kummissjoni żżomm pożizzjoni koerenti f'isem l-Unjoni waqt il-laqgħat tal-G20 u simpożji ad hoc fil-futur qarib; jitlob lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament bis-sejbiet u l-konsegwenzi possibbli tad-deċiżjonijiet tal-G20 dwar il-ġlieda kontra l-erożjoni tal-bażi tat-taxxa korporattiva, il-prattiki ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa u kwalunkwe fluss finanzjarju illeċitu;

59.  Jistieden lill-Unjoni, il-G20, l-OECD u n-NU jkomplu jikkooperaw biex jippromwovu linji gwida globali li jkunu ta' benefiċċju anke għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

60.  Jappoġġa l-ħolqien ta' korp dinji fi ħdan il-qafas tan-NU, li jkun mgħammar sew u b'riżorsi addizzjonali suffiċjenti, biex jiġi żgurat li l-pajjiżi kollha jkunu jistgħu jipparteċipaw fuq l-istess livell fit-tfassil u r-riforma tal-politiki tat-taxxa globali; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jibdew jaħdmu fuq Summit Dinji dwar it-Taxxa ambizzjuż u biex jimmiraw li joħolqu korp intergovernattiv bħal dan;

61.  Jistieden lill-fora internazzjonali jaqblu dwar definizzjoni aktar stretta u preċiża ta' sjieda benefiċjarja sabiex tiġi żgurata trasparenza iktar;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri, fejn xieraq, biex iwettqu analiżi tar-riperkussjonijiet tal-politiki tat-taxxa nazzjonali u tal-UE, sabiex jiġi vvalutat l-impatt fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

63.  Jirrimarka li l-flussi illeċiti huma spjegazzjoni ewlenija għad-dejn tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, filwaqt li l-ippjanar aggressiv tat-taxxa jmur kontra l-prinċipji tar-responsabbiltà soċjali korporattiva;

64.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tinkludi fil-ftehimiet ta’ kummerċ u sħubija klawsoli dwar il-governanza tajbafil-qasam tat-taxxa li jirreferu b’mod partikolari għal konformità mar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-OECD fir-rigward tal-qasam tat-tassazzjoni (eż. l-inizjattiva BEPS) u jiżguraw li l-ftehimiet ta’ kummerċ u ta’ sħubija ma jistgħux jintużaw ħażin mill-kumpaniji jew l-intermedjarji biex jevitaw u jevadu t-taxxi jew jaħslu d-dħul minn attivitajiet illegali;

65.  Jistieden lill-OECD u korpi oħra internazzjonali jibdew jaħdmu fuq BEPS II ambizzjuż, li għandu jkun ibbażat primarjament fuq standards minimi u objettivi konkreti għall-implimentazzjoni;

66.  Jenfasizza li l-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri li huma membri tal-FATF għandha tittejjeb sabiex l-UE ssemma' leħinha; jenfasizza l-ħtieġa għal linji gwida dettaljati ta' implimentazzjoni, b'mod partikolari għal pajjiżi li qed jiżviluppaw, kif ukoll il-monitoraġġ tal-iżvilupp ta' miżuri ta' tassazzjoni ġodda dannużi;

67.  Jappella, f'dan ir-rigward, biex jinħoloq grupp ta' monitoraġġ parlamentari fil-livell tal-OECD sabiex josserva u jwettaq skrutinju tal-formulazzjoni u l-implimentazzjoni ta' din l-inizjattiva;

68.  Jitlob li jiġi stabbilit djalogu strutturat bejn il-Parlament Ewropew u l-Kungress tal-Istati Uniti dwar kwistjonijiet tat-taxxa internazzjonali; jissuġġerixxi li jiġu stabbiliti fora interparlamentari formali li jittrattaw dawn il-kwistjonijiet, u anke li jintuża l-qafas ta' Djalogu Tranżatlantiku tal-Leġiżlaturi eżistenti f'dan ir-rigward; jinkoraġġixxi lill-UE u lill-Istati Uniti jikkooperaw dwar l-implimentazzjoni tal-proġett BEPS tal-OECD; jieħu nota ta' nuqqas sinifikanti ta' reċiproċità bejn l-Istati Uniti u l-UE fil-qafas tal-ftehim FATCA; jinkoraġġixxi kooperazzjoni mtejba bejn l-Istati Uniti u l-UE fil-qafas tal-ftehim FATCA sabiex tiġi żgurata r-reċiproċità, u jistieden lill-partijiet kollha involuti biex jieħdu sehem b'mod proattiv fl-implimentazzjoni tiegħu;

69.  Jilqa' l-proġett pilota għall-iskambju awtomatiku ta' informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja bejn l-awtoritajiet tat-taxxa mniedi f'April 2016 mill-ikbar ħames Stati Membri tal-UE; jitlob, skont l-intenzjoni ddikjarata ta' dawn il-pajjiżi, li din l-inizjattiva tiġi estiża u tikkostitwixxi l-bażi għal standard globali ta' skambju ta' informazzjoni b'mod simili għal dak li jeżisti għall-informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji;

70.  Jappella, bħala l-pass li jmiss fil-proċess li tissaħħaħ id-disponibbiltà ta' informazzjoni dwar is-sjieda benefiċjarja u l-effikaċja tal-iskambju ta' tali informazzjoni, biex jinħoloq reġistru pubbliku tal-Unjoni tas-sjieda benefiċjarja, li jkun jinkludi standards armonizzati ta' aċċess għall-informazzjoni dwar sjieda benefiċjarja u jippreżenta s-salvagwardji kollha meħtieġa fir-rigward tal-protezzjoni tad-data, liema reġistru jkun jifforma l-bażi ta' inizjattiva globali f'dan ir-rigward; jenfasizza r-rwol fundamentali ta' istituzzjonijiet bħall-OECD u n-NU f'dan ir-rigward;

71.  Jitlob li jsir studju dwar il-fattibbiltà ta' reġistru globali tal-assi finanzjarji kollha miżmuma mill-individwi, il-kumpaniji u l-entitajiet kollha bħalma huma t-trusts u l-fondazzjonijiet, li l-awtoritajiet tat-taxxa jkollhom aċċess sħiħ għalih u li jinkludu salvagwardji xierqa biex tiġi protetta l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miżmuma fih;

72.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ komuni u komprensiv UE/Stati Uniti dwar l-implimentazzjoni tal-istandards tal-OECD u dwar is-sjieda benefiċjarja; barra minn hekk jenfasizza li għandhom jiġu inklużi klawsoli dwar il-governanza tajba fil-qasam tat-taxxa fi kwalunkwe trattat tal-kummerċ futur sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi, jinħoloq aktar valur għas-soċjetà kollha kemm hi u jiġu miġġielda l-frodi u l-evitar tat-taxxa, u jkun hemm tmexxija min-naħa tas-sieħba transatlantiċi fil-promozzjoni ta’ governanza tajba fil-qasam tat-taxxa;;

Rakkomandazzjonijiet oħra

73.  Jistieden lill-parlamenti nazzjonali kollha jaħdmu flimkien biex jiżguraw kontroll u koerenza xierqa bejn is-sistemi tat-taxxa tal-Istati Membri; jitlob lill-parlamenti nazzjonali jibqgħu jsegwu b'attenzjoni d-deċiżjonijiet tal-gvernijiet tagħhom f'din il-kwistjoni u jżidu l-impenn tagħhom favur il-ħidma tal-fora interparlamentari dwar kwistjonijiet tat-taxxa;

74.  Jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga l-każijiet kollha ta' għajnuna statali illegali miġjuba għall-attenzjoni tagħha sabiex tiġi żgurata l-ugwaljanza ta' trattament quddiem il-liġi fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni twieġeb fuq bażi ta' deċiżjoni b'ordni ta' rkupru fil-każijiet kollha fejn l-allegat benefiċċju tat-taxxi jiġi kkunsidrat għajnuna illegali mill-istat; jinsab imħasseb dwar allegazzjonijiet li l-Lussemburgu jaf qiegħed joħroġ deċiżjonijiet orali sabiex jiskansa l-obbligu tiegħu li jikkondividi l-informazzjoni skont id-direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva; jistieden lill-Kummissjoni biex timmonitorja u tirrapporta jekk l-Istati Membri humiex qegħdin jissostitwixxu prattika dannuża b'oħra wara li jkun inkiseb progress leġiżlattiv fil-livell tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja u tirrapporta kwalunkwe każ ta' distorsjoni tas-suq minħabba l-għoti ta' vantaġġi tat-taxxa speċifiċi;

75.  Jenfasizza l-potenzjal ta' soluzzjonijiet diġitali għall-ġbir effettiv tat-taxxa meta d-data tat-taxxa tinġabar direttament mill-operazzjonijiet fl-ekonomija kollaborattiva u fit-tnaqqis tal-ammont globali ta' xogħol tal-awtoritajiet tat-taxxa fl-Istati Membri;

76.  Jieħu nota tar-rivelazzjonijiet tal-"Panama Papers" li jiddokumentaw l-użu sistematiku ta’ kumpaniji passivi mill-kumpaniji kif ukoll minn ċittadini privati sabiex jaħbu l-assi taxxabbli u d-dħul mill-korruzzjoni u mill-kriminalità organizzata; jilqa’ d-deċiżjoni tal-Parlament li jitwaqqaf kumitat ta’ inkjesta f’dan ir-rigward u li jkompli jaħdem fuq l-evażjoni tat-taxxa, l-evitar tat-taxxa u l-ħasil tal-flus; jenfasizza l-importanza politika enormi li jiġi analizzat il-modus operandi tal-awtoritajiet tat-taxxa u l-kumpaniji involuti fil-prattiki deskritti bil-ħsieb li jiġu indirizzati l-lakuni leġiżlattivi;

77.  Jinnota li hi meħtieġa aktar ħidma fuq l-aċċess għad-dokumenti tal-Istati Membri, tal-Kummissjoni u tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta; itenni li hija meħtieġa analiżi ulterjuri tad-dokumenti diġà disponibbli għall-Parlament sabiex jitkejjel b'mod adegwat il-bżonn ta' aktar azzjoni politika u inizjattivi ta' politika; jitlob lill-kumitat ta’ inkjesta jkompli din il-ħidma u jadotta format differenti minn dak tal-Kumitat Speċjali, u jsegwi aktar mill-qrib il-mudell ta’ kumitat interrogattiv bħalma huma l-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi fir-Renju Unit;

78.  Jistieden lill-Kunsill jisfrutta bis-sħiħ il-proċedura ta' konsultazzjoni mal-Parlament, li b'mod partikolari jfisser li wieħed jistenna l-kontribut tal-Parament qabel ma jintlaħaq ftehim politiku, u jistinka biex jaċċetta l-pożizzjoni tal-Parlament;

79.  Jimpenja ruħu li jkompli l-ħidma li beda l-Kumitat Speċjali tiegħu, jindirizza l-ostakli li nqalgħu fit-twettiq tal-mandat tiegħu, u jiżgura segwitu xieraq tar-rakkomandazzjonijiet tiegħu; jagħti istruzzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti biex jidentifikaw l-aqwa struttura istituzzjonali biex jintlaħaq dan il-għan;

80.  Jistieden lill-kumitat kompetenti jagħti segwitu lil dawn ir-rakkomandazzjonijiet fir-rapport ta' inizjattiva leġiżlattiva imminenti tiegħu dwar l-istess suġġett;

o
o   o

81.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri, lill-parlamenti nazzjonali, lin-NU, lill-G20 u lill-OECD.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0420.
(2) Direttiva tal-Kunsill (UE) 2015/2376 tat-8 ta' Diċembru 2015 li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (ĠU L 332, 18.12.2015, p. 1).
(3) Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal-15 ta' Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-Direttiva 77/799/KEE (ĠU L 64, 11.3.2011, p. 1), dwar għajnuna reċiproka mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni diretta.
(4) ĠU L 83, 27.3.1999, p. 1.
(5) ĠU L 336, 27.12.1977, p. 15.
(6) ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.
(7) Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, Il-Pakkett kontra l-Evitar tat-Taxxa: Il-pass li jmiss lejn it-twettiq ta' tassazzjoni effettiva u trasparenza fiskali akbar fl-UE (COM(2016)0023).
(8) Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li tistabbilixxi regoli kontra l-prattiki ta' evitar tat-taxxa li jaffettwaw direttament il-funzjonament tas-suq intern (COM(2016)0026).
(9) Proposta għal Direttiva tal-Kunsill li temenda d-Direttiva 2011/16/UE fir-rigward tal-iskambju awtomatiku u obbligatorju ta' informazzjoni fil-qasam tat-tassazzjoni (COM(2016)0025).
(10) Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Jannar 2016 dwar l-implimentazzjoni ta' miżuri kontra l-abbuż ta' trattat dwar it-taxxa (C(2016)0271).
(11) Study on Structures of Aggressive Tax Planning and Indicators, l-Unjoni Ewropea, 2016.
(12) ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 134.
(13) ĠU C 2, 6.1.1998, p. 2.
(14) Testi adottati,P8_TA(2015)0257.
(15) Testi adottati, P8_TA(2015)0457.
(16) Testi adottati, P8_TA(2015)0408.
(17) Testi adottati, P8_TA(2015)0265.
(18) SA.38375 – Għajnuna mill-Istat li l-Lussemburgu ta lil Fiat.
(19) SA.38374 – Għajnuna mill-Istat implimentata min-naħa tan-Netherlands favur Starbucks.
(20) Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1699 tal-11 ta' Jannar 2016 dwar l-iskema ta' għajnuna mill-Istat dwar l-eżenzjoni tal-profitt żejjed SA.37667 (2015/C) (ex 2015/NN) implimentata mill-Belġju (notifikat taħt id-dokument) (C(2015)9837) (ĠU L 260, 27.9.2016, p. 61).
(21) http://ec.europa.eu/taxation_customs/taxation/tax_fraud_evasion/a_huge_problem/index_en.htm, il-Kummissjoni Ewropea, l-10 ta' Mejju 2016.
(22) Measuring and Monitoring BEPS, Action 11 - 2015 Final Report, OECD/G20 Base Erosion and Profit Shifting Project.
(23) [1] World Investment Report 2015 - Reforming International Investment Governance, UNCTAD, 2015
(24) http://gabriel-zucman.eu/files/JohannesenZucman2014
(25) BIS 2016 – statistika bankarja skont il-lokalizzazzjoni
(26) http://unctad.org/en/PublicationsLibrary/webdiaeia2016d2_en.pdf
(27) http://ec.europa.eu/growth/smes/, European Commission, 10 ta’ Mejju 2016.
(28) http://europa.eu/rapid/press-release_MEMO-16-1351_en.htm#_ftnref8 u Egger, P., W. Eggert u H. Winner (2010), ‘Saving Taxes through Foreign Plant Ownership’, Journal of International Economics 81: 99–108; Finke, K. (2013), Tax Avoidance of German Multinationals and Implications for Tax Revenue Evidence from a Propensity Score Matching Approach, mimeo.
(29) https://polcms.secure.europarl.europa.eu/cmsdata/upload/a0cf64ee-8e0d-4b5f-b145-6ffbaa940e10/TheRoleFinancialSectorTaxPlanning_Draft_210316.pdf
(30) OECD, 2008, "Study into the role of tax intermediaries"; http://www.oecd.org/tax/administration/39882938.pdf
(31) Is-servizzi tal-Kummissjoni kkonfermaw fil-fatt li l-Artikolu 10 ("Diskrepanzi ibridi") tal-proposta tagħha tat-28 ta' Jannar 2016 dwar id-Direttiva Kontra l-Evitar tat-Taxxa (ATAD) "kien ibbażat fuq approċċ ta' rikonoxximent reċiproku li għandu l-għan li jsolvi d-differenzi fil-kwalifika legali ta' entitajiet ibridi u strumenti finanzjarji ibridi iżda ma kopriex it-trasferimenti ibridi ta' assi li ma jikkonċernawx id-diskrepanzi ta' kwalifika legali".
(32) L-OECD tiddefinixxi t-"trasferimenti ibridi" bħala "arranġamenti li huma ttrattati bħala trasferiment ta' sjieda ta' assi għal skopijiet ta' taxxa ta' pajjiż wieħed iżda mhux għal skopijiet ta' taxxa ta' pajjiż ieħor, li ġeneralment jara arranġament kollateralizzat ta' self". Ara OECD, Marzu 2012, "Hybrid mismatch arrangements: Tax Policy and Compliance Issues" ("Arranġamenti dwar id-diskrepanzi ibridi: Kwistjonijiet ta' politika tat-taxxa u konformità mar-regoli tat-taxxa "), http://www.oecd.org/


ANNESS 1

LISTA TA' PERSUNI LI SARU LAQGĦAT MAGĦHOM (LAQGĦAT TAL-KUMITATI, KOORDINATURI U MISSJONIJIET)

Data

Kelliema

11.1.2016

—  Pierre Moscovici, Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana

17.2.2016

—  Pierre Moscovici, Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, it-Tassazzjoni u d-Dwana

29.2.2016

Skambju ta' fehmiet mal-Presidenza tal-Kunsill

Fil-preżenza ta' Eric Wiebes, Segretarju tal-Istat għall-Finanzi tan-Netherlands

14-15.3.2016

Skambju ta' fehmiet mal-Ġurisdizzjonijiet

Rob Gray, Direttur tat-Taxxa fuq l-Introjtu, Guernsey;

Colin Powell, Konsulent tal-Prim Ministru dwar kwistjonijiet internazzjonali, Jersey;

Clàudia Cornella Durany, Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Finanzjarji Internazzjonali, Andorra;

Katja Gey, Direttur għall-Affarijiet Finanzjarji Internazzjonali, Liechtenstein;

Jean Castellini, Ministru tal-Finanzi u l-Ekonomija, Monaco.

Skambju ta' fehmiet mal-MNEs

Cathy Kearney, Viċi President tal-Operazzjonijiet Ewropej, Apple

Julia Macrae, Direttur tat-Tassazzjoni tal-EMEIA, Apple;

Adam Cohen, Kap tal-Politika Ekonomika (EMEA), Google;

Søren Hansen, Uffiċjal Kap Eżekuttiv, Inter-Ikea Group;

Anders Bylund, Kap tal-Komunikazzjonijiet tal-Grupp, Inter-Ikea Group;

Irene Yates, Viċi President għat-Taxxa Korporattiva; McDonald's.

Skambju ta' fehmiet ma' ġurnalisti investigattivi – bil-magħluq

Véronique Poujol, Paperjam;

Markus Becker, Der Spiegel.

21.3.2016

Skambju ta' fehmiet mal-banek Ewropej (L-Ewwel Parti)

Jean-Charles Balat, Direttur Finanzjarju, Crédit Agricole SA;

Rob Schipper, Kap Globali tat-Tassazzjoni, ING;

Eva Jigvall, Kap tat-Tassazzjoni, Nordea;

Monica Lopez-Monís, Uffiċjal Kap għall-Konformità u Viċi President Eżekuttiv Għoli, Banco Santander;

Christopher St. Victor de Pinho, Direttur Eżekuttiv, Kap Globali tat-Tassazzjoni tal-Grupp, UBS Group AG;

Stefano Ceccacci, Kap tat-Tassazzjoni tal-Grupp, Unicredit.

4.4.2016

—  Margrethe Vestager, Kummissarju għall-Kompetizzjoni

Skambju ta' fehmiet mal-banek Ewropej (It-Tieni Parti)

Brigitte Bomm, Direttur Eżekuttiv, Kap tat-Tassazzjoni Globali, Deutsche Bank AG;

Grant Jamieson, Kap tat-Tassazzjoni, Royal Bank of Scotland;

Graeme Johnston, Kap tat-Tassazzjoni Internazzjonali, Royal Bank of Scotland.

15.4.2016

Missjoni f'Ċipru

Ioannis Kasoulides, Ministru tal-Affarijiet Barranin;

Michael Kammas, Direttur Ġenerali, Aristio Stylianou, President u George Appios, Viċi President tal-Assoċjazzjoni tal-Banek Ċiprijotti;

Christos Patsalides, Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi;

George Panteli, Kap tal-Politika tat-Tassazzjoni fil-Ministeru tal-Finanzi;

Yannakis Tsangaris, Kummissarju tat-Taxxa;

Alexander Apostolides, l-Università ta' Ċipru;

Maria Krambia-Kapardis, President tal-Kumitat Eżekuttiv ta' Transparency International;

Costas Markides, Membru tal-Bord, Tassazzjoni Internazzjonali, KPMG Limited u Cyprus Investment Funds Association;

Natasa Pilides, Direttur Ġenerali, The Cyprus Investment Promotion Agency;

Kyriakos Iordanou, Direttur Ġenerali, is-Sur Pieris Marcou, is-Sur Panicos Kaouris, is-Sur George Markides, l-Institute of Certified Public Accountants of Cyprus;

Christos Karidis, Kap tar-Riċerka Ekonomika tad-Dipartiment tal-Konfederazzjoni u Segretarju tal-Assoċjazzjoni tal-Konsumaturi Impjegati;

Nikos Grigoriou, Kap tad-Dipartiment tal-Politika Ekonomika u Soċjali tal-Federazzjoni Pan-Ċiprijotta tax-Xogħol.

18.4.2016

Laqgħa interparlamentari dwar "Il-Pakkett kontra l-Evitar tat-Taxxa u żviluppi oħra internazzjonali u fil-livell tal-UE: skrutinju u kontroll demokratiku mill-Parlamenti Nazzjonali"

Skambju ta' fehmiet mal-Ġurisdizzjonijiet (Parti II) – bil-magħluq

Wayne Panton, Ministru tas-Servizzi Finanzjarji, il-Kummerċ u l-Ambjent, il-Gżejjer Cayman

20.4.2016

Laqgħa konġunta ECON/JURI/TAXE

Jonathan Hill, Kummissarju għall-Istabilità Finanzjarja, is-Servizzi Finanzjarji u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali

2.5.2016

Laqgħa ta' livell għoli tal-Grupp Parlamentari dwar it-Taxxa tal-OECD flimkien mal-Kumitat Speċjali tal-Parlament Ewropew dwar id-Deċiżjonijiet fil-Qasam tat-Taxxa, Pariġi

Pascal Saint-Amans, Direttur taċ-Ċentru għall-Politika u l-Amministrazzjoni fil-qasam tat-Taxxa tal-OECD;

Valère Moutarlier, Direttur, Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u d-Dwana fil-Kummissjoni Ewropea;

Michèle André, President tal-Kumitat tal-Finanzi tas-Senat

Meg Hillier, President tal-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi.

17-20.5.2015

Missjoni fl-Istati Uniti tal-Amerika (Washington DC)

David O’Sullivan, Ambaxxatur għall-UE;

Elise Bean, eks-Direttur u Konsulent Ewlieni tas-Sottokumitat Permanenti tal-Investigazzjonijiet;

Orrin Grant Hatch, President tal-Kumitat tal-Finanzi tas-Senat, President Pro Tempore tas-Senat;

Dr Charles Boustany, President tas-Sottokumitat tal-Politika tat-Taxxa;

Sander Levin, Membru tal-Kungress, Membru Anzjan tal-Kumitat "Ways and Means" tal-Kamra tar-Rappreżentanti;

Richard Neal, Membru Anzjan tas-Sottokumitat tal-Politika tat-Taxxa;

Earl Blumenauer, Membru tal-Kumitat "Ways and Means" tal-Kamra tar-Rappreżentanti;

Lloyd Doggett, Membru tal-Kumitat "Ways and Means tal-Kamra tar-Rappreżentanti, Membru Anzjan tas-Sottokumitat tar-Riżorsi Umani (u possibbilment Membri oħra tal-Partit Demokratiku)

Anders Aslund, Resident Senior Fellow, Dinu Patriciu Eurasia Center, Atlantic Council;

Gianni Di Giovanni, President ta' Eni USA R&M, Eni;

L-Onor. Boyden GRAY, Sieħeb Fundatur, Boyden Gray & Associates

Jillian Fitzpatrick, Direttur, Kwistjonijiet Governattivi u Politika Pubblika, S&P Global;

Marie Kasparek, Assistent Direttur tal-Programm "Global Business and Economics", Atlantic Council;

Benjamin KNUDSEN, Internat tal-Programm "Global Business and Economics", Atlantic Council;

Jennifer McCloskey, Direttur, Affarijiet Governattivi, "Information Technology Industry Council";

Susan Molinari, Viċi President, Politika Pubblika u Kwistjonijiet Governattivi, Google;

Andrea Montanino, Direttur, Programm "Global Business and Economics", Atlantic Council;

Álvaro Morales Salto-Weis, Internat tal-Programm "Global Business and Economics", Atlantic Council;

L-Onor. Earl Anthony Wayne, Riċerkatur mhux Residenti, Atlantic Council;

Alexander Privitera, Riċerkatur Anzjan, Università John Hopkins;

Bill Rys, Direttur, Kwistjonijiet tal-Gvern Federali, Citigroup;

Pete Scheschuk, Viċi President Anzjan, Taxxi, S&P Global;

Garret Workman, Direttur, Kwistjonijiet Ewropej, Kamra tal-Kummerċ tal-Istati Uniti;

Caroline D. Ciraolo, Aġent Assistent Avukat Ġenerali inkarigata mit-Taqsima ta-Taxxa, Dipartiment tal-Ġustizzja;

Thomas Sawyer, Konsulent Anzjan tal-Litigazzjoni għall-Kwistjonijiet Internazzjonali tat-Taxxa;

Todd Kostyshak, Konsulent tal-Viċi Assistent Avukat Ġenerali għal Kwistjonijiet Kriminali tat-Taxxa tad-Dipartiment tal-Ġustizzja;

Mark J. Mazur, Assistent Segretarju (Politika tat-Taxxa) - Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti;

Robert Stack, Viċi Assistent Segretarju (Kwistjonijiet tat-Taxxa Internazzjonali)- id-Dipartiment tat-Teżor tal-Istati Uniti;

Scott A. Hodge, President ta' Tax Foundation - Tax Foundation ;

Gavin Ekins, Research Economist - Tax Foundation;

Stephen J. Entin, Riċerkatur Anzjan - Tax Foundation;

Scott Greenberg, Analista - Tax Foundation;

John C. Fortier, Direttur tad-Democracy Project, Bipartisan Policy Center;

Shai Akabas, Direttur Assoċjat tal-Bipartisan Policy Center , Economic Policy Project;

Eric Toder, Direttur Konġunt, Urban-Brookings Tax Policy Center -

Gawain Kripke, Direttur tal-Politika u r-Riċerka - OXFAM America;

Didier Jacobs, Ekonomista Anzjan - OXFAM America;

Nick Galass, kap tar-riċerka dwar l-inugwaljanza ekonomika - OXFAM America;

Robbie Silverman, Konsulent Anzjan - OXFAM America;

Vicki Perry, Direttur Assistent, Dipartiment tal-Affarijiet Fiskali u Kap tat-Taqsima, Taqsima tal-Politika tat-Taxxa, FMI;

Ruud de Mooij, Viċi Kap tat-Taqsima, Taqsima tal-Politika tat-Taxxa, FMI;

Hamish Boland-Rudder, editur online tal-ICIJ;

Jim Brumby, Direttur, Servizz Pubbliku u Prestazzjoni, Governance Global Practice;

Marijn Verhoeven, Ekonomista, Global Practice on Governance;

Guggi Laryea, Konsulent tas-Soċjetà Ċivili Ewropea u Konsulent tar-Relazzjonijiet tal-Palrament Ewropew, Relazzjonijiet Esterni u Korporattivi, il-Bank Dinji;

Rajul Awasthi, Speċjalista Anzjan tas-Settur Pubbliku, Governance Global Practice;

Xavier Becerra, Kungressista, Presdient tal-Konferenza tad-Demokratiċi fil-Kamra tar-Rappreżentanti ;

Ron Kind, Kungressista, Membru tal-Kumitat "Ways and Means" tal-Kamra tar-Rappreżentanti.

24.05.2015

Smigħ pubbliku konġunt TAXE/DEVE dwar il-konsegwenzi tal-prattiki fiskali aggressivi għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw

Dr Attiya Waris, Lekċerer Anzjan, Fakultà tal-Liġi, Università ta' Nairobi;

Dr Manuel Montes, Konsulent Anzjan dwar il-Finanzi u l-Iżvilupp, The South Centre;

Is-Sinjura Aurore Chardonnet, OXFAM Konsulent dwar it-Taxxa u l-Inugwaljanza fil-Politika tal-UE;

Is-Sur Savior Mwambwa, ActionAid International, Tax Power Campaigning Manager;

Is-Sa Tove Ryding, Diriġent tal-Politika u s-Sensibbilizzazzjoni, Ġustizzja tat-Taxxa, EURODAD;

Is-Sur Sol Picciotto, Professur, Università ta' Lancaster.


ANNESS 2

KORPORAZZJONIJIET MULTINAZZJONALI U BANEK MISTIEDNA GĦAL-LAQGĦAT TAL-KUMITATI

Anness 2.1: Lista ta' MNEs mistiedna

Kumpanija

Mistiedna/Rappreżentanti

Sitwazzjoni (11.3.2016)

Apple Inc.

Timothy D. Cook

Uffiċjal Kap Eżekuttiv

Parteċipanti

Cathy Kearney, Viċi President għall-Operazzjonijiet Ewropej

Julia Macrae, Direttur għat-Tassazzjoni EMEIA

Google Inc.

Nicklas Lundblad

Direttur Anzjan għall-Politika Pubblika u r-Relazzjonijiet mal-Gvern (EMEA)

Parteċipanti

Adam Cohen, Kap tal-Politika Ekonomika (EMEA)

Fiat Chrysler

Automobiles

Sergio Marchionne

Uffiċjal Kap Eżekuttiv

Stedina rrifjutata fil-11.3.2015:

"Bħalma forsi taf, fid-29 ta' Diċembru 2015 ippreżentajna rikors quddiem il-Qorti Ġenerali tal-UE li fiha kkontestajna d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li kkonkludiet li waħda mill-kumpaniji tagħna fil-Lussemburgu kienet irċeviet għajnuna mill-Istat. Anke l-Lussemburgu kkontesta din id-deċiżjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. Filwaqt li aħna konvinti li ma rċevejna l-ebda għajnuna mill-Istat fil-Lussemburgu bi ksur tad-dritt tal-UE, fiċ-ċirkustanzi ma jkunx xieraq li nipparteċipaw fil-laqgħa tal-Kumitat Speċjali jew nikkummentaw ulterjorment. Għalhekk, filwaqt li nibqgħu napprezzaw l-isforzi tal-Kumitat u x-xewqa tiegħu li jisma' lill-intrapriżi, jiddispjaċina li m'aħniex f'pożizzjoni li nipparteċipaw f'din id-diskussjoni sakemm il-kawża tagħna tiġi riżolta."

Inter IKEA Group

Søren Hansen

Uffiċjal Kap Eżekuttiv

Parteċipanti

Søren Hansen, Uffiċjal Kap Eżekuttiv

Anders Bylund, Kap tal-Komunikazzjoni tal-Grupp

Korporazzjoni McDonald's

Irene Yates

Viċi President, Taxxa Korporattiva

Parteċipanti

Irene Yates, Viċi President, Taxxa Korporattiva

Starbucks Coffee

Company

Kris Engskov

President ta' Starbucks għall-Ewropa, il-Lvant Nofsani u l-Afrika (EMEA)

Stedina rrifjutata fit-23.2.2015:

"Peress li Starbucks qed tippjana li tappella kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea, imħabbra fl-21 ta' Ottubru 2015, li l-Olanda tat vantaġġi tat-taxxa partikolari lill-impjant tal-kafè tagħna f'Amsterdam (Starbucks Manufacturing EMEA BV), ma nistgħux naċċettaw l-istedina tal-Kumitat Speċjali dwar id-Deċiżjonijiet fil-Qasam tat-Taxxa u Miżuri Oħra ta' Natura jew Effett Simili tal-Parlament Ewropew.

Ladarba din il-kwistjoni tkun ġiet riżolta, u Starbucks hija kunfidenti li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni se tiġi annullata fl-appell, inkunu lesti li niltaqgħu.

Jekk dan jgħin fil-ġbir ta' informazzjoni tiegħek, huwa ta' min jinnota li Starbucks hija konformi mar-regoli, il-linji gwida u d-dispożizzjonijiet leġiżlattivi tal-OECD u tappoġġja l-proċess ta' riforma tat-taxxa tagħha, inkluż il-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti. Starbucks ħallset rata ta' taxxa effettiva medja globali ta' bejn wieħed u ieħor 33 fil-mija, ferm aktar mill-medja ta' 18.5 fil-mija mħallsa minn kumpaniji Amerikani kbar oħra. '

Anness 2.2: Lista tal-banek mistiedna

Isem

Mistiedna/Rappreżentanti

Sitwazzjoni 04/04/2016

Crédit Agricole (FR)

Is-Sur Dominique Lefebvre

President

Stedina aċċettata (15.3.2016)

Jean-Charles Balat,

Direttur tal-Finanzi, Groupe Crédit Agricole

Deutsche Bank (DE)

Paul Achleitner

President

Aċċetta (16.3.2016)

li jipparteċipa f'laqgħa fl-

4 ta' April 2016

Rappreżentant parteċipanti

Brigitte Bomm, Direttur Eżekuttiv, Kap Globali tat-Tassazzjoni, Deutsche Bank

ING Group (NL)

Is-Sur Ralph Hamers

Uffiċjal Kap Eżekuttiv

Stedina aċċettata (08.3.2016)

Doctorandus R.N.J. Schipper

Kap tat-Tassazzjoni Globali, ING

Nordea (SW)

Is-Sur Casper von Koskull

President u Uffiċjal Kap Eżekuttiv

Stedina aċċettata (09.3.2016)

Eva Jigvall

Kap tat-Tassazzjoni tal-Grupp, Nordea

Royal Bank of Scotland (Renju Unit)

Ross McEwan

Uffiċjal Kap Eżekuttiv

Aċċetta (16.3.2016)

li jipparteċipa f'laqgħa fl-

4 ta' April 2016

Rappreżentant parteċipanti

Grant Jamieson, Kap tat-Tassazzjoni, Royal Bank of Scotland

Graeme Johnston, Kap tat-Tassazzjoni Internazzjonali, Royal Bank of Scotland

Santander (Spanja)

Ana Patricia Botín,

President

Stedina aċċettata (11.3.2016)

Monica Lopez-Monis Gallego

Uffiċjal Kap għall-Konformità u Viċi President Eżekuttiv Għoli ta' Banco Santander

Antonio H. Garcia del Riego

Direttur Eżekuttiv

Direttur Affarijiet Korporattivi Ewropej

UBS (l-Iżvizzera)

Is-Sur Axel A. Weber

President

Stedina aċċettata (14.3.2016)

Christopher Pinho,

Direttur Eżekuttiv, Kap Globali tat-Taxxa tal-Grupp

UniCredit (l-Italja)

Is-Sur Giuseppe Vita

President

Stedina aċċettata (08.3.2016)

Stefano Ceccacci

Kap tal-Kwistjonijiet tat-Taxxa, UC

Costanza Bufalini

Kap tal-Affarijiet Regolatorji u Ewropej 


ANNESS 3: DOKUMENTI TAL-KODIĊI TA’ KONDOTTA

Dokument (1)

Data

Sejba

Dokument tas-seduta Nru 1 Anness 1

Laqgħa tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta ta’ April 2006

Il-Kummissjoni nnutat li, speċjalment f’ċerti territorji dipendenti u assoċjati, l-iżmuntar propost inkluda l-introduzzjoni ta’ rata ta’ 0 % jew it-tneħħija għalkollox tat-taxxa fuq l-introjtu tal-kumpaniji, u għaldaqstant mhux kull parti mill-ħidma tal-Grupp dwar il-Kodiċi wasslet għal eżitu konsistenti jew sodisfaċenti

Dokument tas-seduta Nru 1 Anness 1

Laqgħa tal-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta ta’ April 2006

Il-Kummissjoni nnutat li minħabba l-kompromessi politiċi, il-Grupp tal-Kodiċi kkunsidra bħala adegwati xi proposti ta' żmuntar li jistgħu faċilment jiġu kkunsidrati bħala insuffiċjenti skont il-prinċipji tal-Kodiċi

Rapport tal-Grupp dwar il-Kodiċi lill-Kunsill

7 ta' Ġunju 2005

Ġie ddikjarat b’mod espliċitu li f’każ wieħed il-Lussemburgu kien naqas milli jimplimenta l-iżmuntar kif miftiehem

Dokument tas-seduta Nru 1 Anness 1

Laqgħa tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta ta’ April 2006

Minkejja dan in-nuqqas ta' konformità ċar, il-Kunsill naqas milli jieħu kwalunkwe azzjoni u l-Lussemburgu ma kienx politikament kkontestat jew imħeġġeġ isir konformi mal-prinċipji u l-ftehimiet tal-Kodiċi

Dokument tas-seduta Nru 1 Anness 1

Laqgħa tal-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta ta’ April 2006

Il-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta qabel fl-1999 li jħalli barra s-sistemi favur is-settur tat-trasport marittimu kif ukoll il-valutazzjoni ta’ vetturi ta’ investiment kollettiv

Dokument tas-seduta Nru 1 Anness 1

Laqgħa tal-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta ta’ April 2006

Diversi Stati Membri rrifjutaw li jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar il-futur tal-Grupp dwar il-Kodiċi fir-rigward tat-trasparenza, il-mandat, il-kamp ta' applikazzjoni u l-kriterji ta' ħidma ġejjiena; L-Ungerija u l-Litwanja esprimew riżervi kontra l-emendi tal-kriterji tal-Kodiċi; L-Irlanda u l-Polonja opponew kwalunkwe estensjoni tal-kamp ta' applikazzjoni tal-Kodiċi f'oqsma oħra tat-tassazzjoni;

Dokument tas-seduta Nru 2 u Minuti

Laqgħa tal-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta tal-11 ta' April 2011

Il-Kummissjoni għamlet diversi proposti għal oqsma ġodda ta’ ħidma bħall-espansjoni tal-ħidma fuq l-iżbilanċi, it-tassazzjoni ta’ persuni li jgħixu barra minn pajjiżhom, it-tassazzjoni ta’ individwi sinjuri, rieżami tar-REIT u l-vetturi ta' investiment kollettiv. In-Netherlands u l-Lussemburgu opponew l-espansjoni tal-ħidma fuq id-diskrepanzi, Franza esprimiet riżervi kontra x-xogħol fuq persuni li jgħix barra minn pajjiżhom, l-individwi sinjuri u l-fondi ta’ investiment, ir-Renju Unit appoġġa enfasi fuq it-taxxa fuq in-negozju minflok estensjoni.

Minuti

Laqgħa tal-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta tat-22 ta’ Ottubru 2013 u Mejju 2013

Elementi sinifikanti tal-kodiċi tat-taxxa ta’ Ġibiltà li ilha tiġi diskussa mill-inqas mill-11 ta’ April 2011 u għadu ma kienx hemm konklużjoni dwarhom;

Minuti

Laqgħa tal-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta tat-8 ta' Novembru 2013

L-iskema tat-taxxa bl-imnut tal-Isle of Man ma ġietx meqjusa bħala dannuża minkejja dubji serji dwar dan, espressi minn diversi Stati Membri;

Minuti

Laqgħa tal-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta tad-29 ta’ Mejju, it-22 ta’ Ottubru u l-20 ta’ Novembru 2013

Fir-rigward tal-inċentivi, in-Netherlands, il-Lussemburgu u, sa ċertu punt, il-Belġju opponew valutazzjoni komprensiva tar-reġimi tal-kaxxa tal-privattivi kollha tal-UE, minkejja li jeżistu raġunijiet biex wieħed jissupponi li r-reġimi eżistenti huma dannużi fir-rigward tal-kriterji tal-kodiċi

Minuti

Laqgħa tal-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta tat-3 ta' Ġunju 2014

Spanja, in-Netherlands, il-Lussemburgu u r-Renju Unit komplew jipposponu l-proċess tar-riforma tar-reġimi tal-kaxxa tal-privattivi billi ripetutament introduċew domandi addizzjonali fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet

Rapport pubbliku lill-Kunsill

Laqgħa tal-ECOFIN ta’ Ġunju 2015

minkejja l-impenji biex jiġu adattati għalkollox id-dispożizzjonijiet legali nazzjonali sat-30 ta' Ġunju 2016, l-Istati Membri għamlu progress limitat ħafna fl-implimentazzjoni fil-liġi nazzjonali l-approċċ nexus modifikat miftiehem mill-Ministri f'Diċembru 2014 u li xi pajjiżi, bħall-Italja, kienu saħansitra introduċew miżuri ġodda ta' sistemi ta' inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi, li huma inkompatibbli mal-approċċ nexus modifikat, wara li ntlaħaq ftehim dwar dawn tal-aħħar, sabiex jibbenefikaw mid-dispożizzjonijiet ta' anterjorità ġenerużi żżejjed sal-2021;

Minuti tal-laqgħat u dokument tal-kamra 3

Il-Laqgħa tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta tal-25 ta’ Mejju 2010 u l-Laqgħa tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta tas-17 ta’ Ottubru 2012;

Matul il-fażi ta’ tħejjija tal-gwida miftiehma dwar it-trasferimenti 'l ġewwa tal-profitti, ir-Renju Unit oppona kwalunkwe approċċ koordinat

Minuti

Laqgħa tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta tal-25 ta' Mejju 2010

Ma ntlaħaqx qbil dwar kwalunkwe segwitu għall-ħidma tas-sottogrupp kontra l-abbuż

Minuti

Laqgħa tal-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta tal-15 ta' Mejju 2009

Dikjarazzjonijiet tal-Belġju u tan-Netherlands li fihom joġġezzjonaw għal kwalunkwe inizjattiva li għandha l-għan li tikkoordina l-miżuri ta’ difiża kontra trasferimenti 'l barra ta’ profitti mhux intaxxati

Minuti

Il-Laqgħa tas-Sottogrupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta ta’ Settembru u April 2014, April u Lulju 2015

L-Istati Membri qablu fuq gwida dwar id-diskrepanzi ibridi f’Settembru 2014, minkejja inizjattivi ripetuti u sistematiċi minn ċerti Stati Membri biex jipprevjenu ftehim ħafna qabel dwar dawn il-prattiki dannużi, li ilhom jiġu diskussi attivament fil-Grupp dwar il-Kodiċi mill-inqas mill-2008, u b’hekk żdied b’mod sinifikanti id-dannu tat-taxxa kontinwi li nħoloq minħabba l-użu rikorrenti ta’ dawk l-iskemi għal skopijiet ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa;

Minuti

Laqgħa tal-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta tal-15 ta’ Mejju u d-29 ta’ Ġunju 2009 u l-25 ta’ Mejju 2010

Laqgħa tas-Sottogrupp kontra l-Abbuż tal-25 ta’ Marzu u t-22 ta’ April 2010

Dwar l-iżbilanċi ibridi, in-Netherlands, il-Lussemburgu u l-Belġju, kif ukoll Malta u l-Estonja fi grad inqas, ilhom jipposponu azzjoni kollettiva rapida billi jasserixxu li l-ibridi m’għandhomx jiġu indirizzati taħt il-kodiċi

Minuti

Laqgħa tal-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta tat-13 ta' Settembru 2011

Laqgħa tal-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta tal-11 ta' April u s-26 ta' Mejju 2011

Fir-rigward tal-fondi ta’ investiment, l-Istati Membri qablu li jwaqqfu d-diskussjoni dwar id-dannu allegat u potenzjali ta' dawn l-iskemi;

Inizjattivi meħuda mir-Renju Unit, il-Lussemburgu u n-Netherlands li effettivament wasslu lill-grupp biex ma jkomplix isegwi aktar dan il-kamp ta' azzjoni

Dokument tas-seduta Nru 2

Laqgħa tal-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta tal-4 ta' Marzu 2010

Rigward il-prattiki amministrattivi, l-ebda Stat Membru ma skambja informazzjoni spontanjament u b’mod sistematiku dwar id-deċiżjonijiet tiegħu fil-passat

Dokument tas-Seduta Nru 4

Laqgħa tal-Grupp dwar il-Kodiċi ta' Kondotta tal-10 ta' Settembru 2012

Fil-prattika, l-ebda informazzjoni dwar deċiżjonijiet ma kienu skambjati fuq bażi spontanja

Konklużjonijiet tal-Kunsill

Laqgħa tal-ECOFIN ta’ Diċembru 2015

Fir-rigward tal-klawsoli minimi effettivi ta' tassazzjoni, l-Istati Membri ma qablux dwar reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Imgħax u r-Royalties li tiżgura li l-privileġġi mogħtija fis-suq uniku bil-għan li tiġi evitata t-tassazzjoni doppja ma jwasslux għal tassazzjoni żero jew kważi żero minkejja l-proposta rispettiva tal-Kummissjoni fl-2011; L-Istati Membri ma marrux lil hinn minn stedina lill-Grupp ta' Ħidma ta' Livell Għoli dwar it-Tassazzjoni biex janalizza l-kwistjoni b'mod ulterjuri, minflok ma ħadu impenn għal azzjoni f'waqtha u effettiva;

Konklużjonijiet tal-Kunsill

Laqgħa tal-ECOFIN ta' Marzu 2016

L-Istati Membri ma qablux fuq ir-riformi meħtieġa urġentement tal-Grupp dwar il-Kodiċi u pposponew kwalunkwe deċiżjoni dwar riformi għall-2017

(1)  Abbażi ta' dokumenti u sorsi disponibbli pubblikament

Avviż legali