Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2807(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0897/2016

Dibattiti :

PV 07/07/2016 - 7.1
CRE 07/07/2016 - 7.1

Votazzjonijiet :

PV 07/07/2016 - 9.1

Testi adottati :

P8_TA(2016)0314

Testi adottati
PDF 272kWORD 89k
Il-Ħamis, 7 ta' Lulju 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Is-sitwazzjoni tal-persuni bl-albiniżmu fl-Afrika, b'mod partikolari fil-Malawi
P8_TA(2016)0314RC-B8-0897/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2016 dwar is-sitwazzjoni tal-persuni bl-albiniżmu fl-Afrika, b'mod partikolari fil-Malawi (2016/2807(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Settembru 2008 dwar il-qtil tal-albini fit-Tanzanija(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-18 ta' Jannar 2016 tal-Espert Indipendenti tan-NU dwar it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem mill-persuni bl-albiniżmu,

–  wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-UE tat-13 ta' Ġunju 2015 dwar il-Jum Internazzjonali ta' Sensibilizzazzjoni dwar l-Albiniżmu,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 69/170 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tat-18 ta' Diċembru 2014 dwar il-Jum Internazzjonali ta' Sensibilizzazzjoni dwar l-Albiniżmu,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 263 tal-Kummissjoni Afrikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli tal-5 ta' Novembru 2013 dwar il-prevenzjoni ta' attakki u diskriminazzjoni kontra l-persuni bl-albiniżmu,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 23/13 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-attakki u d-diskriminazzjoni kontra l-persuni bl-albiniżmu,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-10 ta' Diċembru 1948,

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità ,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha ta' Diskriminazzjoni Razzjali,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Persuni li jappartjenu għal Minoranzi Nazzjonali, Etniċi, Reliġjużi u Lingwistiċi tat-18 ta' Diċembru 1992,

–  wara li kkunsidra l-Karta Afrikana għad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Popli,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Sħubija ta' Cotonou,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-albiniżmu huwa disturb konġenitali li jaffettwa madwar wieħed f'20 000 fid-dinja kollha; billi din ir-rata hija ħafna ogħla fil-pajjiżi sub-Saħarjani, fejn it-Tanzanija, il-Malawi u l-Burundi għandhom waħda mill-ogħla konċentrazzjonijiet ta' persuni bl-albiniżmu;

B.  billi l-persuni bl-albiniżmu qed jiffaċċjaw uħud mill-aktar forom estremi ta' persekuzzjoni u ksur tad-drittijiet tal-bniedem, li jvarjaw minn diskriminazzjoni soċjetali mifruxa, abbuż verbali u esklużjoni minn servizzi pubbliċi għal qtil, ħtif, stupru u mutilazzjonijiet; billi l-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem fl-2015 biss irrappurtaw 448 attakk fuq l-albini fuq firxa ta' 25 pajjiż Afrikan; billi huwa probabbli ħafna li dawn iċ-ċifri huma sottovalutati peress li l-awtoritajiet ma jimmonitorjawx u ma jiddokumentawx b'mod sistematiku delitti bħal dawn jew m'għandhomx il-kapaċità u r-riżorsi biex iwettqu investigazzjonijiet bir-reqqa;

C.  billi l-akbar theddida għall-persuni bl-albiniżmu fl-Afrika tiġi mis-superstizzjonijiet mifruxa u mis-sistemi ta' twemmin qarrieqa dwar il-kundizzjoni tagħhom, inkluż il-mit li l-persuni bl-albiniżmu għandhom setgħat maġiċi, li jirriżulta f'li huma jiġu maqtula b'mod regolari minn gajjijiet kriminali u traffikanti għall-partijiet ta' ġisimhom, li huwa maħsub li jġibu l-fortuna, is-saħħa u l-ġid; billi, f'għadd ta' pajjiżi, l-oqbra tal-persuni bl-albiniżmu nfetħu u partijiet minn ġisimhom jew għadamhom ġew misruqa;

D.  billi, fil-Malawi, fejn huwa stmat li madwar 10 000 persuna jgħixu bl-albiniżmu, il-pulizija rrappurtaw 69 attakk minn Novembru 2014, li minnhom 18 kienu qtil; billi f'April 2016 erba' persuni nqatlu, inkluża tarbija ta' sentejn, li wassal biex l-awtoritajiet jiddikjaraw lill-persuni bl-albiniżmu bħala "speċi mhedda";

E.  billi l-President tal-Malawi, Peter Mutharika, pubblikament ikkundanna s-sensiela ta' attakki li saru reċentement;

F.  billi, apparti l-Malawi, l-attakki kontra l-persuni bl-albiniżmu ġew irrappurtati f'diversi pajjiżi oħra tal-Afrika tal-Lvant, b'mod partikolari fit-Tanzanija, il-Burundi, il-Kenja u l-Mozambique;

G.  billi n-nisa u t-tfal bl-albiniżmu huma partikolarment vulnerabbli għall-esklużjoni soċjali; billi n-nisa bl-albiniżmu sikwit huma fil-mira ta' vjolenza sesswali, minħabba t-twemmin mifrux li l-konġunġiment karnali ma' mara bl-albiniżmu jista' jfejjaq l-HIV/AIDS, u billi n-nisa li jwelldu trabi bl-albiniżmu jiġu mwarrba u ssir diskriminazzjoni kontrihom fuq il-post tax-xogħol; billi t-tfal jirrappreżentaw proporzjon kbir tal-vittmi ta' attakki ritwali u jiffaċċjaw riskju għoli ta' abbandun; billi l-biża' mill-attakki rriżulta f'li t-tfal tal-età tal-iskola ma jkunux jistgħu jgawdu d-dritt tagħhom għall-edukazzjoni;

H.  billi l-Gvern tat-Tanzanija impenja ruħu f'azzjoni serja u tanġibbli biex jindirizza s-seħer fil-pajjiż, inkluża s-sospensjoni tal-liċenzji tal-fejjieqa tradizzjonali u għadd kbir ta' arresti ta' tobba sħaħar; billi l-President tat-Tanzanija ħatar l-ewwel Membru tal-Parlament bl-albiniżmu fl-2008, u l-ewwel Viċi Ministru bl-albiniżmu f'Diċembru 2015;

I.  billi, minkejja ż-żieda tal-viżibilità internazzjonali u l-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni ġdida fil-pajjiżi milquta, l-għadd ta' prosekuzzjonijiet u kundanni jibqa' wieħed baxx ħafna u d-delitti u t-tortura għadhom qed jitwettqu b'impunità totali f'ħafna pajjiżi Afrikani;

J.  billi fl-1 ta' Marzu 2016 fin-Nofsinhar tal-Malawi, folla ta' nies irrabjati llinċjaw u taw in-nar lil seba' allegati "kaċċaturi tal-albini"; billi l-Ispettur Ġenerali tal-Pulizija tal-Malawi ordna lill-uffiċjali tiegħu jisparaw biex joqtlu lil kull min jinqabad jaħtaf persuna bl-albiniżmu;

K.  billi d-diskriminazzjoni, il-fastidju u l-istigmatizzazzjoni tal-persuni bl-albiniżmu kkawżaw lil mijiet ta' nies jaħarbu u jfittxu rifuġju f'postijiet ta' kenn temporanji; billi din is-sitwazzjoni ġabet aktar prekarjetà u nuqqas ta' sigurtà għall-persuni bl-albiniżmu, li llimitat l-aċċess tagħhom għal servizzi bażiċi bħalma huma l-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, l-opportunitajiet ta' impjieg tagħhom u l-parteċipazzjoni tagħhom fis-soċjetà;

L.  billi din id-diskriminazzjoni tista' twassal għal trawma tul il-ħajja kollha u problemi psikosoċjali u toħloq ħafna apprensjoni u biża' kbar fost il-komunità tal-albini; billi l-persuni bl-albiniżmu normalment ikollhom aktar diffikultajiet biex jaċċessaw kura medika xierqa, inkluża medikazzjoni preventiva għall-kanċer tal-ġilda;

M.  billi, f'Marzu 2015, in-NU ħatret l-ewwel espert indipendenti tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem tal-persuni bl-albiniżmu u uffiċjalment iddikkjarat it-13 ta' Ġunju bħala l-Jum Internazzjonali ta' Sensibilizzazzjoni dwar l-Albiniżmu;

N.  billi f'Ġunju 2016 in-NU sponsorjat l-ewwel forum reġjonali li qatt sar għal Azzjoni dwar l-Albiniżmu fl-Afrika (Action on Albinism in Africa), li stabbilixxa pjan direzzjonali ta' miżuri speċifiċi, sempliċi u effikaċji għall-ġlieda kontra l-abbużi tad-drittijiet tal-bniedem kontra l-persuni bl-albiniżmu;

O.  billi l-UE wettqet kampanji ta' promozzjoni pubblika biex tiġġenera għarfien aktar mifrux dwar il-kwistjoni u appoġġjat l-impenn ta' organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u l-isforzi ta' bini tal-kapaċitajiet tal-awtoritajiet lokali fil-ġlieda kontra l-qtil ta' persuni bl-albiniżmu;

1.  Ifakkar li l-persuni bl-albiniżmu għandhom id-dritt li jgħixu bħal kull persuna oħra, mingħajr l-ebda tip ta' biża', kif iddikjarat fl-Artikoli 2 u 3 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948;

2.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar id-diskriminazzjoni u l-persekuzzjoni kontinwi u mifruxa li jħabbtu wiċċhom magħhom il-persuni bl-albiniżmu fl-Afrika, b'mod partikolari wara ż-żieda reċenti fil-vjolenza fil-Malawi; jikkundanna bil-qawwa l-qtil, il-ħtif, il-mutilazzjonijiet kollha u t-trattament inuman u degradanti l-ieħor kollu li ġarrbu l-persuni bl-albiniżmu u jesprimi l-kondoljanzi u s-solidarjetà tiegħu lill-familji tal-vittmi; jikkundanna wkoll kull kummerċjar spekulattiv tal-partijiet tal-ġisem tal-persuni bl-albiniżmu;

3.  Jiddeplora s-silenzju u l-inerzja li teżisti madwar dawn il-ġrajjiet; ifakkar li r-responsabilità primarja ta' stat hija li jipproteġi ċ-ċittadini tiegħu, inklużi l-gruppi vulnerabbli, u jħeġġeġ lill-Gvern tal-Malawi u lill-awtoritajiet tal-pajjiżi kollha affettwati jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jeliminaw il-forom kollha ta' vjolenza u diskriminazzjoni kontra l-persuni bl-albiniżmu u jipproteġu d-dinjità, id-drittijiet tal-bniedem u l-benesseri tagħhom, kif ukoll dawk tal-membri tal-familja tagħhom;

4.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet Malawjani jtemmu l-impunità u jfittxu, bħala kwistjoni ta' urġenza, l-appoġġ internazzjonali biex iwettqu investigazzjonijiet imparzjali u effikaċi dwar l-attakki kollha rrappurtati li saru kontra persuni bl-albiniżmu bil-għan li dawk responsabbli jitressqu quddiem il-ġustizzja u jinżammu responsabbli;

5.  Jilqa' d-dikjarazzjoni tal-President Mutharika li tikkundanna l-attakki u li tistieden lill-aġenziji tas-sigurtà jipprovdu l-ogħla protezzjoni għall-persuni bl-albiniżmu; iwissi, madankollu, kontra kwalunkwe eskalazzjoni u jfakkar li t-tixwix għall-mibegħda u l-vjolenza ma jistax tkun ir-risposta għad-diskriminazzjoni li hemm bħalissa kontra l-persuni bl-albiniżmu; jikkundanna, b'mod partikolari, kwalunkwe tentattiv min-naħa tan-nies li jieħdu l-liġi f'idejhom;

6.  Jistieden lill-Gvern tal-Malawi biex b'mod aktar effikaċi jissodisfa l-ħtiġijiet mediċi, psikoloġiċi u soċjali tal-persuni bl-albiniżmu billi jiggarantilhom aċċess ugwali għall-kura tas-saħħa u l-edukazzjoni, bħala parti mill-politiki ta' inklużjoni;

7.  Jilqa' l-Pjan ta' Rispons Nazzjonali Malawjan ta' Marzu 2015, li għandu l-għan li jqajjem kuxjenza, iżid is-sigurtà interna, u jtejjeb il-monitoraġġ tad-drittijiet tal-bniedem, l-amministrazzjoni tal-ġustizzja u l-leġiżlazzjoni, kif ukoll li jagħti s-setgħa lill-persuni bl-albiniżmu; jistieden lill-Gvern tal-Malawi jinforza l-pjan ta' azzjoni ta' ħames punti u jitlob bi dritt li jiġu allokati aktar riżorsi għal dan il-proġett;

8.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi magħmula mill-Gvern tat-Tanzanija biex jiġġieled lid-diskriminazzjoni kontra l-persuni bl-albiniżmu u d-deċiżjoni tiegħu li jiddikjara illegali lit-tobba saħħara bil-ħsieb li jwaqqaf il-qtil tal-persuni bl-albiniżmu, filwaqt li jirrikonoxxi li huma ftit wisq il-każijiet li jitressqu quddiem il-ġustizzja; jistieden lill-Gvern tal-Malawi, għaldaqstant, jemenda l-liġijiet eżistenti sabiex jirriflettu l-gravità tar-reati li jsiru kontra l-persuni bl-albiniżmu;

9.  Jemmen li għandhom isiru aktar sforzi fl-indirizzar tal-kawżi ewlenin ta' tali diskriminazzjoni u vjolenza permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni pubblika; jenfasizza r-rwol kruċjali li għandhom l-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni bl-albiniżmu, billi jinformaw u jedukaw lill-poplu u jxejjnu l-miti u l-preġudizzji dwar l-albiniżmu;

10.  Jinsab imħasseb minħabba l-isfidi speċifiċi li jħabbtu wiċċhom magħhom in-nisa u t-tfal bl-albiniżmu, li jagħmluhom aktar esposti għall-faqar, in-nuqqas ta' sigurtà u l-iżolament; jinsisti li l-vittmi kollha għandu jkollhom aċċess għal kura medika u psikoloġika xierqa, u li għandhom jiġu stabbiliti politiki adegwati biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fil-komunitajiet tagħhom;

11.  Jistieden lill-awtoritajiet tal-pajjiżi affettwati, f'kooperazzjoni mas-sħab internazzjonali u reġjonali tagħhom, jimpenjaw ruħhom li jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jipprevjenu u jindirizzaw b'mod deċiżiv il-kummerċ illegali tal-partijiet tal-ġisem tal-albini, jiftħu mill-ġdid il-każijiet ta' suspett ta' serq mill-oqbra, jintraċċaw u jidentifikaw l-għajn tad-domanda għal tali partijiet tal-ġisem, u jressqu quddiem il-ġustizzja lill-"kaċċaturi tal-albini";

12.  Jemmen li l-prosekuturi, l-investigaturi u l-persunal tal-pulizija għandhom jirċievu taħriġ speċjali mmirat biex jagħtihom l-għarfien meħtieġ biex jittrattaw każijiet li jinvolvu lill-persuni bl-albiniżmu;

13.  Jenfasizza li n-nuqqas ġenerali ta' fehim u ta' tagħrif dwar is-saħħa dwar l-albiniżmu għandu t-tendenza li jaggrava l-kundizzjoni tas-saħħa tal-persuni bl-albiniżmu; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li dawn ikollhom aċċess għall-kura tas-saħħa, b'mod partikolari fiż-żoni rurali u remoti; iqis li l-membri tal-persunal tal-qasam tas-saħħa għandhom jingħataw taħriġ fis-sensittività fir-rigward tal-albiniżmu;

14.  Jitlob li jkun hemm taħriġ imtejjeb tal-għalliema u tal-amministrazzjonijiet tal-iskejjel dwar l-albiniżmu, u li l-awtoritajiet Malawjani jiffaċilitaw l-aċċess tal-persuni bl-albiniżmu għall-edukazzjoni u għat-tgawdija tal-edukazzjoni;

15.  Jilqa' l-istabbiliment mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tal-pożizzjoni ta' Espert Indipendenti fuq it-tgawdija tad-drittijiet tal-bniedem mill-persuni bl-albiniżmu fl-2015, u l-varar sussegwenti min-naħa tagħha tal-ewwel forum reġjonali li qatt sar għal Azzjoni dwar l-Albiniżmu fl-Afrika (Action on Albinism in Africa) f'Dar es Salaam, li sar bejn is-17 u d-19 ta' Ġunju 2016;

16.  Jitlob li l-UE u l-Istati Membri tagħha jibqgħu jimpenjaw ruħhom mal-pajjiżi affettwati bil-għan li jappoġġjaw b'mod effikaċji l-isforzi tagħhom biex jifformulaw politiki li jindirizzaw il-bżonnijiet speċjali u d-drittijiet tal-albini, fuq il-bażi tan-nondiskriminazzjoni u tal-inklużjoni soċjali, billi jipprovdu l-assistenza finanzjarja u teknika meħtieġa;

17.  Iħeġġeġ lill-istati affettwati kollha jikkondividu l-aħjar prattiki fil-ħarsien u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-persuni bl-albiniżmu;

18.  Jitlob li l-UE tissorvelja mill-qrib is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni bl-albiniżmu fl-Afrika, b'mod partikolari permezz ta' rappurtar regolari u xogħol ta' segwitu mid-delegazzjonijiet tagħha, u tkompli tippromwovi titjibiet sinifikanti fil-protezzjoni u fl-integrazzjoni soċjali tagħhom;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-Gvernijiet u lill-Parlamenti tal-Malawi u tat-Tanzanija, lill-Unjoni Afrikana u lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti.

(1) ĠU C 295 E, 4.12.2009, p. 94.

Avviż legali