Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2016/2808(RSP)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċikli relatati mad-dokumenti :

Testi mressqa :

RC-B8-0900/2016

Dibattiti :

PV 07/07/2016 - 7.2
CRE 07/07/2016 - 7.2

Votazzjonijiet :

PV 07/07/2016 - 9.2

Testi adottati :

P8_TA(2016)0315

Testi adottati
PDF 272kWORD 89k
Il-Ħamis, 7 ta' Lulju 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Il-Bahrain
P8_TA(2016)0315RC-B8-0900/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-7 ta' Lulju 2016 dwar il-Bahrain (2016/2808(RSP))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar il-Bahrain, notevolment dawk tad-9 ta' Lulju 2015 dwar il-Bahrain, b'mod partikolari l-każ ta' Nabeel Rajab(1) u tal-4 ta' Frar 2016 dwar il-Bahrain: il-każ ta' Mohammed Ramadan(2),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-5 ta' Lulju 2016 mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà dwar l-aħħar żviluppi fil-Bahrain,

–  wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar il-Piena tal-Mewt, dwar it-Tortura, dwar il-Libertà ta' Espressjoni u dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-31 ta' Mejju 2016 mill-Kelliem tar-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, Federica Mogherini, dwar il-kundanna ta' Ali Salman, is-Segretarju Ġenerali ta' Al-Wefaq fil-Bahrain,

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-1 ta' Ġunju 2016 tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-dritt għal-libertà ta' opinjoni u ta' espressjoni, David Kaye, dwar il-kundanna tal-mexxej tal-oppożizzjoni Sheikh Ali Salman, id-dikjarazzjoni tas-16 ta' Ġunju 2016 mill-kelliem tas-Segretarju Ġenerali tan-NU u d-dikjarazzjoni tal-21 ta' Ġunju 2016 mill-kelliem tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem, li t-tnejn kienu dwar il-Bahrain,

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku tal-UE u l-Pjan ta' Azzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, li għandu l-għan li jqiegħed il-protezzjoni u s-sorveljanza tad-drittijiet tal-bniedem fil-qalba tal-politiki kollha tal-UE,

–  wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni Bahrainja adottata fi Frar 2002, b'mod partikolari l-Kapitolu 3 tagħha, l-Artikolu 364 tal-Kodiċi Kriminali Bahraini u l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Bahraini tal-1963,

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' Novembru 2011 mill-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta tal-Bahrain (BICI),

–  wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966, il-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Karta Għarbija tad-Drittijiet tal-Bniedem, li l-Bahrain huwa pajjiż firmatarju tagħhom kollha,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948, u b'mod partikolari l-Artikolu 15 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 135(5) u 123(4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.  billi l-Bahrain huwa sieħeb ewlieni tal-Unjoni Ewropea fil-Golf Persiku, anki fl-ambitu tar-relazzjonijiet politiċi u ekonomiċi, tal-enerġija, u tas-sigurtà; billi huwa fl-interess reċiproku tagħna li napprofondixxu aktar is-sħubija tagħna sabiex naffrontaw aħjar l-isfidi futuri;

B.  billi f'dawn l-aħħar xhur il-Gvern tal-Bahrain intensifika l-kampanja tiegħu ta' ripressjoni u persekuzzjoni tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u tal-oppożizzjoni politika; billi l-libertà ta' espressjoni u l-libertà ta' għaqda huma pilastri indispensabbli ta' soċjetà demokratika u pluralista; billi fil-Kostituzzjoni Bahrainja, adottata fl-2002, hemm minquxa l-libertajiet fundamentali, fosthom il-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda;

C.  billi fit-13 ta' Ġunju 2016 il-pulizija arrestat mill-ġdid lil Nabeel Rajab, difensur prominenti tad-drittijiet tal-bniedem, bl-akkużi li "xerred xnigħat foloz fi żminijiet ta' gwerra" u "insulta tal-awtoritajiet pubbliċi" fir-rigward ta' posts fuq Twitter li huwa ppubblika fl-2015, li flimkien jammontaw għal piena sa 13-il sena; billi Nabeel Rajab kien diġà skonta sentenza ta' sentejn ħabs bejn l-2012 u l-2014 b'rabta mal-eżerċizzju tiegħu tad-dritt għal-libertà ta' espressjoni u ta' għaqda, u billi l-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja ddeċieda fl-2013 li kien ġie arrestat arbitrarjament;

D.  billi, wara 15-il jum f'reklużjoni, l-esperjenza tas-Sur Rajab tal-kundizzjonijiet ħżiena fil-ħabs wasslet għal deterjorament f'saħħtu u ġie ttrasferit għal sptar fis-27 ta' Ġunju 2016; billi ġie trasferit lura l-ħabs fid-29 ta' Ġunju 2016, minkejja l-problemi kontinwi tas-saħħa;

E.  billi l-Gvern tal-Bahrain sforza lil Zainab Al-Khawaja f'eżilju insegwitu ta' theddid ta' arrest mill-ġdid u detenzjoni indefinita, u impona projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fuq grupp ta' attivisti tad-drittijiet li kienu se jattendu l-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Ġinevra;

F.  billi s-Sur Ramadan u s-Sur Ali Moosa għadhom f'riskju ta' eżekuzzjoni imminenti;

G.  billi l-awtoritajiet tal-Bahrain qed ikomplu jużaw ir-revoka taċ-ċittadinanza bħala mezz ta' ripressjoni politika, li issa wasslet għad-denaturalizzazzjoni tal-kleriku Ayatollah Sheikh Isa Qassim; billi l-awtoritajiet Bahrainin irrevokaw iċ-ċittadinanza ta' 300 persuna, inklużi difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, politiċi, ġurnalisti, u awtoritajiet reliġjużi prinċipali, biex b'hekk il-biċċa l-kbira minnhom spiċċaw apolidi, bi ksur tal-Artikolu 15 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

H.  billi fl-14 ta' Ġunju 2016, l-awtoritajiet Bahrainin issospendew l-akbar grupp politiku fir-Renju, is-Soċjetà Iżlamika Nazzjonali Al-Wefaq, iffriżaw l-assi tagħha u ħadu s-sjieda tal-kwartieri ġenerali tagħha, u ressqu talba quddiem qorti għax-xoljiment rapidu tas-soċjetà politika f'Lulju 2016;

I.  billi Sheikh Ali Salman, il-kap tal-grupp tal-oppożizzjoni Al-Wefaq, ilu l-ħabs minn Lulju 2015 mingħajr proċess ġust, u s-sentenza tiegħu ġiet saħansitra estiża fl-appell f'Mejju 2016 minn erba' għal disa' snin; billi n-nuqqas ta' protezzjoni tad-drittijiet ta' persuna akkużata jikkostitwixxi ksur dirett tal-kostituzzjoni nazzjonali tal-Bahrain u tad-dritt internazzjonali; billi f'Settembru 2015 il-Grupp ta' Ħidma tan-NU dwar id-Detenzjoni Arbitrarja kien ikkonkluda li d-detenzjoni tiegħu kienet arbitrarja;

1.  Jesprimi tħassib serju dwar il-kampanja ta' ripressjoni kontinwa kontra d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-oppożizzjoni politika u s-soċjetà ċivili, kif ukoll ir-restrizzjoni tad-drittijiet demokratiċi fundamentali, partikolarment il-libertajiet tal-espressjoni, ta' assoċjazzjoni u ta' għaqda, il-pluraliżmu politiku u l-istat tad-dritt fil-Bahrain; jappella sabiex jieqfu l-atti kollha ta' vjolenza, fastidju u intimidazzjoni, anke fil-livell ġudizzjarju, kif ukoll iċ-ċensura tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-avversarji politiċi, dimostranti paċifiċi u l-atturi tas-soċjetà ċivili min-naħa tal-awtoritajiet tal-istat u l-forzi u s-servizzi tas-sigurtà;

2.  Jirrispetta s-sovranità, l-indipendenza u l-integrità territorjali tal-Bahrain u jinkoraġġixxi djalogu kontinwu bejn il-Gvern tal-Bahrain, l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tal-UE;

3.  Jitlob il-ħelsien immedjat u mingħajr kundizzjonijiet ta' Nabeel Rajab u difensuri oħrajn tad-drittijiet tal-bniedem miżmuma l-ħabs fuq allegazzjonijiet marbuta mad-drittijiet tagħhom tal-libertà ta' espressjoni, ta' għaqda u ta' assoċjazzjoni, u jitlob li jitwaqqgħu l-akkużi kollha miġjuba kontrihom; jitlob lill-awtoritajiet jiggarantixxu l-integrità fiżika u psikoloġika ta' Nabeel Rajab u jipprovdulu l-kura medika kollha meħtieġa;

4.  Jikkundanna l-impożizzjoni ta' projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar fuq id-delegazzjoni ta' attivisti tad-drittijiet tal-bniedem fi triqthom biex jattendu t-32 sessjoni tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU f'Ġinevra, u jitlob lill-gvern ineħħi dawn il-projbizzjonijiet; jenfasizza li mhux aċċettabbli li r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-mezzi tax-xandir jinżammu milli jipparteċipaw fil-ħidma ta' korpi internazzjonali, u jinsisti li l-awtoritajiet tal-Bahrain jirrispettaw id-drittijiet fundamentali tal-bniedem u politiċi tar-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili tal-Bahrain;

5.  Ifakkar lill-Gvern tal-Bahrain fir-responsabbiltà tiegħu li jiżgura s-sigurtà u s-sikurezza taċ-ċittadini kollha, irrispettivament mill-fehmiet politiċi, l-affiljazzjoni jew it-twemmin tagħhom; jemmen li l-istabilità fit-tul u s-sigurtà fil-Bahrain jistgħu jiġu żgurati biss permezz tal-bini ta' soċjetà realment pluralista li tkun rispettuża tad-diversità, u, f'dan ir-rigward, jitlob għall-ħelsien ta' Sheikh Ali Salman u attivisti oħra li attwalment jinsabu miżmuma b'mod arbitrarju fil-ħabsijiet tal-Bahrain;

6.  Jemmen li l-espressjoni libera ta' lmenti leġittimi u paċifiċi għandha tkun permessa; jinnota bi tħassib it-trażżin min-naħa tal-Gvern tal-Bahrain tal-oppożizzjoni politika leġittima, inkluża l-estensjoni tas-sentenza ta' Sheikh Ali Salman, is-sospensjoni tas-Soċjetaà Iżlamika Nazzjonali Al-Wefaq u l-iffriżar tal-assi tagħha; jitlob li jkun hemm aktar libertajiet bażiċi għaċ-ċittadini kollha tal-Bahrain; jinsisti fuq waqfien immedjat tat-trażżin ta' opinjonijiet politiċi differenti fil-pajjiż u r-repressjoni tar-rappreżentanti ewlenin tagħhom, tkun xi tkun l-affiljazzjoni politika jew reliġjuża tagħhom;

7.  Jesprimi tħassib partikolari rigward l-abbuż tal-liġijiet kontra t-terroriżmu fil-Bahrain u, b'mod partikolari, ir-revoka taċ-ċittadinanza bħala mezz ta' pressjoni politika u kastig; jitlob bil-qawwa lill-awtoritajiet tal-Bahrain biex jirrevokaw id-deċiżjoni li jneħħu ċ-ċittadinanza ta' Ayatollah Sheikh Isa Qassim, biex jemendaw il-liġi dwar iċ-ċittadinanza tal-pajjiż u biex jerġgħu jistabbilixxu ċ-ċittadinanza tal-Bahrain lil dawk l-individwi li tteħditilhom inġustament, sabiex jikkonformaw mal-istandards internazzjonali u mad-dritt internazzjonali dwar din il-kwistjoni;

8.  Jitlob lill-awtoritajiet tal-Bahrain jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-Kostituzzjoni tal-2002 u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali ggarantiti fiha, kif ukoll l-istandards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem u l-istrumenti internazzjonali ratifikati mill-Bahrain; jitlob b'mod partikolari li jkun hemm implimentazzjoni effettiva tar-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Kummissjoni Indipendenti ta' Inkjesta tal-Bahrain, l-Eżami Perjodiku Universali u l-istituzzjoni nazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem, sabiex jingħata lok ta' titjib fis-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

9.  Ifakkar lill-awtoritajiet tal-Bahrain li l-Artikolu 15 tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti jipprojbixxi l-użu bħala prova fi kwalunkwe proċedura ta' kull dikjarazzjoni magħmula bħala riżultat ta' tortura; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bahrain jirratifikaw li-Protokoll Fakultattiv tal-Konvenzjoni kontra t-Tortura;

10.  Jilqa' l-parteċipazzjoni tal-Bahrain fil-koalizzjoni internazzjonali kontra d-Daesh;

11.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-Bahrain mar lura għall-piena tal-mewt u jitlob li jerġa' jiġi introdott moratorju fuq il-piena tal-mewt;

12.  Jilqa' l-miżuri li jipproteġu lill-ħaddiema introdotti fil-Liġi tax-Xogħol tal-Bahrain tal-2012 u jemmen li dawn jistgħu iservu bħala eżempju li għandu jiġi segwit minn pajjiżi oħra fil-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf;

13.  Ifaħħar lill-Bahrain talli b'mod ġenerali jirrispetta d-dritt ta' ċittadini u residenti barranin li jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom; jistieden lill-awtoritajiet tal-Bahrain jimxu mal-kostituzzjoni tal-pajjiż, li tistipula li m'għandu jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni fir-rigward tad-drittijiet u l-obbligi taċ-ċittadini għal raġunijiet ta' reliġjon u biex itemmu kwalunkwe diskriminazzjoni kontra l-popolazzjoni Xiita;

14.  Jinnota l-isforzi kontinwi tal-Gvern tal-Bahrain biex jirriforma l-kodiċi penali u l-proċeduri ġuridiċi tal-pajjiż, u jħeġġeġ it-tkomplija ta' dan il-proċess; iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bahrain biex jirrispetta l-istandards internazzjonali dwar id-dritt għal proċess ġust; jenfasizza l-importanza tal-appoġġ mogħti lill-Bahrain, b'mod partikolari fir-rigward tas-sistema ġudizzjarja tiegħu, bil-għan li tiġi żgurata l-konformità ma' standards internazzjonali tad-drittijiet tal-bniedem; jappella għat-tisħiħ tad-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Bahrain;

15.  Jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Istati Membri biex ikomplu jqajmu tħassib dwar l-attakki kontra l-libertà ta' espressjoni, l-assoċjazzjoni u l-għaqda paċifika fil-Bahrain u pajjiżi oħra tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf, kemm fuq livell bilaterali kif ukoll bl-użu ta' pjattaformi multilaterali bħal-laqgħa Ministerjali li se ssir fit-18 u d-19 ta' Lulju 2016 bjen l-UE u l-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf;

16.  Jikkundanna l-ftehimiet dwar kummerċ tal-armi u teknoloġiji użati biex jinkisru d-drittijiet tal-bniedem; jitlob li jkun hemm probjizzjoni tal-gass tad-dmugħ u ta' tagħmir ta' kontra l-irvellijiet sa meta jkunu saru l-investigazzjonijiet dwar l-użu ħażin tagħhom u l-persuni konċernati jkunu ġew identifikati u mressqa quddiem il-qrati;

17.  Iħeġġeġ ħafna l-istabbiliment ta' grupp ta' ħidma dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn UE u l-Bahrain, iżda jinnota li d-djalogu dwar id-drittijiet tal-bniedem bejn l-UE u l-Bahrain ma jistax jieħu post djalogu komprensiv bejn il-gvern, l-oppożizzjoni u s-soċjetà ċivili fil-Bahrain innifsu;

18.  Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Bahrain biex jikkoopera mar-Rapporteurs Speċjali tan-NU (b'mod partikolari fir-rigward tat-tortura, il-libertà ta' għaqda, l-indipendenza tal-imħallfin u l-avukati, u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem) u biex joħorġilhom stedina permanenti;

19.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lill-Gvern u lill-Parlament tar-Renju tal-Bahrain u lill-membri tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf.

(1) Testi adottati, P8_TA(2015)0279.
(2) Testi adottati, P8_TA(2016)0044.

Avviż legali