Indiċi 
 Preċedenti 
 Li jmiss 
 Test sħiħ 
Proċedura : 2015/2255(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0255/2016

Testi mressqa :

A8-0255/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 14/09/2016 - 9.8
CRE 14/09/2016 - 9.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0346

Testi adottati
PDF 509kWORD 66k
L-Erbgħa, 14 ta' Settembru 2016 - Strasburgu Verżjoni finali
Dumping soċjali fl-UE
P8_TA(2016)0346A8-0255/2016

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Settembru 2016 dwar id-dumping soċjali fl-Unjoni Ewropea (2015/2255(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 56, 153(5) u 154 TFUE,

–  wara li kkunsidra l-libertà fundamentali tal-moviment għall-ħaddiema (l-Artikolu 45 TFUE) u l-moviment liberu tas-servizzi (l-Artikolu 56 TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 151 u 153 TFUE u l-Artikolu 9 TFUE, li jiggarantixxu protezzjoni soċjali xierqa,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 96/71/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 1996 dwar l-impjieg ta' ħaddiema fil-qafas ta' prestazzjoni ta' servizzi(1),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/67/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014 dwar l-infurzar tad-Direttiva 96/71/KE dwar l-istazzjonament ta' ħaddiema fil-qafas tal-prestazzjoni ta' servizzi u li temenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni tas-Suq Intern ("ir-Regolament tal-IMI")(2),

–  wara li kkunsidra l-implimentazzjoni li għaddejja tad-Direttiva 2014/67/UE,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta' April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Settembru 2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta' sigurtà soċjali(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I)(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1072/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 dwar regoli komuni għall-aċċess għas-suq internazzjonali tat-trasport bit-triq tal-merkanzija(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1071/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li jistabbilixxi regoli komuni dwar il-kondizzjonijiet li għandhom jiġu rispettati għall-eżerċizzju tal-professjoni ta' operatur tat-trasport bit-triq u li jħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/26/KE(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 561/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2006 dwar l-armonizzazzjoni ta' ċerta leġiżlazzjoni soċjali li għandha x'taqsam mat-trasport bit-triq u li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 3821/85 u (KE) Nru 2135/98 u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3820/85(8), u d-Direttiva 2002/15/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Marzu 2002 dwar l-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol ta' ħaddiema li jwettqu attivitajiet mobbli tat-trasport fit-toroq(9),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta' servizzi tal-ajru fil-Komunità(10),

–  wara li kkunsidrat ir-Regolament (KEE) Nru 3577/92 tal-Kunsill, tas-7 ta' Diċembru 1992 li japplika l-prinċipju ta' libertà li jiġu pprovduti servizzi għat-trasport marittimu fi ħdan l-Istati Membri (kabotaġġ marittimu)(11),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Direttiva tal-Kunsill dwar il-kundizzjonijiet tal-persunal tal-ekwipaġġ għal servizzi regolari ta' passiġġieri u servizzi tal-bastimenti li joperaw bejn l-Istati Membri (COM(1998)0251),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/63/KE tal-21 ta' Ġunju 1999 dwar il-Ftehim dwar l-organizzazzjoni tal-ħin ta' xogħol tal-baħħara konkluż mill-Assoċjazzjoni tal-Komunità Ewropea tas-Sidien tal-Bastimenti (AKESB) u l-Federazzjoni tal-Unjonijiet tal-Ħaddiema tat-Trasport (FUĦT)(12), kif emendata mid-Direttiva tal-Kunsill 2009/13/KE tas-16 ta' Frar 2009 li timplimenta l-Ftehim konkluż mill-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA) u l-Federazzjoni Ewropea tal-Ħaddiema tat-Trasport (ETF) dwar il-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, 2006(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Jannar 2014 dwar spezzjonijiet tax-xogħol effikaċi bħala strateġija biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa(14),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2016/344 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta' Marzu 2016 dwar l-istabbiliment ta' Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fl-indirizzar ta' xogħol mhux iddikjarat(15),

–  wara li kkunsidra l-istandards fundamentali tax-xogħol stabbiliti mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO) u l-konvenzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha dwar l-amministrazzjoni tax-xogħol u l-ispezzjonijiet tax-xogħol, li huma parametru referenzjarju internazzjonali biex jiġi żgurat li d-dispożizzjonijiet legali dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-protezzjoni tal-ħaddiema jiġu applikati,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound bit-titolu "Posted workers in the European Union (2010)" (Ħaddiema stazzjonati fl-Unjoni Ewropea - 2010)(16) u r-rapporti nazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-Dizzjunarju tar-Relazzjonijiet Industrijali Ewropej tal-Eurofound(17),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE" (COM(2015)0215),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-2015 tal-Parlament bit-titolu "Drittijiet soċjali u tax-xogħol tal-UE u d-Dritt tas-Suq Intern tal-UE",

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-Kummissjoni tal-2015 bit-titolu "Study on wage setting systems and minimum rates of pay applicable to posted workers in accordance with Directive 96/71/EC in a selected number of Member States and sectors" (Studju dwar sistemi tal-issettjar tal-pagi u r-rati minimi ta' salarju applikabbli għall-ħaddiema stazzjonati skont id-Direttiva 96/71/KE f'għadd magħżul ta' Stati Membri u setturi),

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-2015, imwettaq mill-Università ta' Ghent u ffinanzjat mill-Kummissjoni, intitolat 'Atypical Employment in the Aviation Sector' (Impjieg Atipiku fis-Settur tal-Avjazzjoni),

–  wara li kkunsidra d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni magħmul mill-President tal-Kummissjoni quddiem il-Parlament Ewropew fid-9 ta' Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0255/2016),

A.  billi x-xogħol mhux iddikjarat u x-xogħol indipendenti fittizju jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet tal-kompetizzjoni li jirriżultaw fi ħsara fit-tul għas-sistemi tal-assigurazzjoni soċjali, għadd dejjem akbar ta' impjiegi prekarji u għad-deterjorament tal-livelli ta' protezzjoni tal-ħaddiema u tal-kwalità tal-impjiegi b'mod ġenerali, u għalhekk għandhom jiġu miġġielda; billi t-tendenza dejjem tikber tal-esternalizzazzjoni u tas-sottokuntrattar jistgħu joħolqu possibilitajiet għall-abbuż jew għall-evitar tal-liġi soċjali u tax-xogħol eżistenti; billi huwa essenzjali li dawn l-abbużi jiġu indirizzati sabiex tinżamm il-libertà tal-moviment fis-suq intern u s-solidarjetà fl-Unjoni;

B.  billi l-moviment liberu tal-ħaddiema, kif stabbilit fl-Artikolu 45 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà tal-provvista ta' servizzi huma prinċipji fundamentali tas-suq intern;

C.  billi l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li huma firmatarji tagħha l-Istati Membri kollha, tistipula li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa għandha tiġi żgurata fl-oqsma kollha; billi, fir-rigward tad-dumping soċjali, sfida ewlenija għall-UE hija li żżid il-livell ta' impjieg fost in-nisa, ittejjeb is-sitwazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol u telimina d-disparità bejn is-sessi;

D.  billi wieħed mill-prinċipji ewlenin tal-politiki tal-UE huwa l-koeżjoni soċjali, li tfisser l-approssimazzjoni kostanti u kontinwu tal-pagi u l-protezzjoni ggarantita tas-sigurtà soċjali għall-ħaddiema kollha, kemm jekk ikunu tal-post kif ukoll dawk mobbli; billi għadhom jippersistu differenzi sostanzjali fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-pagi fl-Unjoni u billi l-konverġenza soċjali għall-aħjar hija essenzjali għall-prosperità u domanda interna msaħħa fl-Unjoni kollha; billi d-differenzi fil-pagi huma fost ir-raġunijiet ewlenin li minħabba fihom il-ħaddiema jitilqu minn pajjiżhom;

E.  billi l-Artikolu 9 tat-TFUE jistipula bħala prinċipju fundamentali tal-Unjoni, il-promozzjoni ta' livell għoli ta' impjieg, il-garanzija ta' protezzjoni soċjali xierqa, il-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali kif ukoll livell għoli ta' edukazzjoni, taħriġ u protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem; billi, bħala konsegwenza tal-kriżi u r-rati għolja tal-qgħad fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri, l-inugwaljanza qiegħda tikber;

F.  billi d-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa għadha teżisti, u, minkejja l-leġiżlazzjoni u r-rakkomandazzjonijet ta' liġijiet mhux vinkolanti tal-UE, il-progress f'dan il-qasam huwa ferm limitat; billi s-sitwazzjoni hija mħarrxa mid-dumping soċjali, flimkien mad-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa, li twassal għal diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi li tqiegħed lin-nisa anzjani f'riskju akbar ta' faqar mill-irġiel anzjani;

G.  billi t-traffikar tal-bnedmin – b'mod partikolari t-traffikar tan-nisa, mhux biss minn pajjiżi terzi għall-UE iżda wkoll bejn pajjiżi tal-UE – spiss huwa assoċjat ma' kuntratti ta' impjieg foloz;

H.  wara li kkunsidra li d-"dumping soċjali" qiegħed dejjem jikber minħabba r-relazzjonijiet tax-xogħol li jippreżentaw karatteristiċi extraterritorjali;

I.  billi, fis-settur tat-trasport, is-sigurtà, is-sikurezza tal-passiġġieri u l-kundizzjonijiet tax-xogħol xierqa huma sa ċertu punt interkonnessi;

J.  billi l-ħolqien ta' Żona Unika Ewropea tat-Trasport ġie kkonfermat li huwa l-objettiv aħħari tal-White Paper tal-2011 dwar it-Trasport;

K.  billi l-Kummissjoni ħabbret li matul l-2016 kien biħsiebha tipproponi inizjattivi ġodda li jikkonċernaw it-trasport bit-triq, inklużi l-aspetti soċjali;

L.  billi s-settur tat-trasport bit-triq huwa essenzjali għas-soċjetà u l-ekonomija tal-Unjoni Ewropea u jirrappreżenta kważi tliet kwarti (72 %) mit-total tat-trasport domestiku tal-merkanzija; billi dan jittrasporta aktar passiġġieri mill-ferroviji fuq l-art u taħt l-art u l-linji tat-tramm f'daqqa, u jimpjega aktar minn 2.2 % tal-popolazzjoni totali li taħdem tal-UE (5 miljun ruħ);

M.  billi l-kundizzjonijiet tax-xogħol tajba, li jipproteġu s-saħħa fiżika u mentali huma dritt fundamentali tal-ħaddiema(18), li għandhom valur pożittiv fihom infushom;

N.  billi fil-15 ta' Lulju 2014 u fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2015, il-President tal-Kummissjoni, Jean-Claude Juncker, enfasizza l-ħtieġa għal suq tax-xogħol aktar ġust u tassew pan-Ewropew, li jista' jinkiseb permezz tal-promozzjoni u l-ħarsien "tal-moviment liberu taċ-ċittadini bħala dritt fundamentali tal-UE, filwaqt li nevitaw il-każijiet ta' abbużi u r-riskji tad-dumping soċjali";

O.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-341/05 Laval tat-18 ta' Diċembru 2007(19), enfasizzat id-dritt li tittieħed azzjoni kollettiva kontra dumping soċjali possibbli u enfasizzat li tali azzjoni trid tkun proporzjonata sabiex ma tirrestrinġix il-libertajiet fundamentali tal-UE, bħal-libertà li jiġu pprovduti servizzi;

P.  billi l-Karta Soċjali Ewropea għandha tiġi rrikonoxxuta bħala l-espressjoni tal-kunsens fost l-Istati Membri fil-qasam tad-drittijiet soċjali fundamentali;

Q.  billi t-tkabbir fi prattiki abbużivi u l-eżerċizzju dejjem akbar tad-dumping soċjali jdgħajfu l-appoġġ għall-prinċipju tas-suq intern u l-kompetittività tan-negozji, b'mod partikolari l-SMEs, jimminaw id-drittijiet tal-ħaddiema Ewropej u l-fiduċja fl-integrazzjoni Ewropea u jagħmlu essenzjali l-konverġenza soċjali ġenwina; billi l-agrikoltura, il-bini, il-kostruzzjoni, il-catering u l-ikel, it-trasport, is-servizzi tas-saħħa, tal-kura u dawk domestiċi, huma l-aktar setturi kkonċernati;

R.  billi l-prinċipju tat-trattament ugwali tal-ħaddiema fi ħdan l-Unjoni Ewropea u l-konverġenza soċjali essenzjali fis-suq uniku huma importanti; billi l-Artikolu 45 TFUE jistipula li l-libertà tal-moviment għandha timplika l-abolizzjoni ta' kull diskriminazzjoni minħabba ċittadinanza bejn il-ħaddiema tal-Istati Membri rigward l-impjieg, ir-remunerazzjoni u l-kundizzjonijiet l-oħra tax-xogħol u tal-impjieg;

S.  billi d-dumping, kemm jekk soċjali, fiskali jew ambjentali, imur kontra l-valuri Ewropej minħabba li jipperikola l-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadini Ewropej(20);

T.  billi l-biċċa l-kbira tal-Istati Membri għadhom ma ttrasponewx id-Direttiva 2014/67/UE, avolja d-data tal-iskadenza għat-traspożizzjoni kienet it-18 ta' Ġunju 2016; billi huwa importanti li jiġi evalwat l-impatt tal-implimentazzjoni ta' dik id-Direttiva, ladarba din tkun ġiet trasposta fl-Istati Membri kollha, sabiex jiġi ddeterminat l-impatt reali tagħha fil-ġlieda kontra d-diversi tipi ta' frodi identifikati fil-kuntest tal-istazzjonar tal-ħaddiema u l-protezzjoni tal-ħaddiema stazzjonati;

U.  billi l-ħaddiema stazzjonati jirrappreżentaw madwar 0.7 % tal-forza kollha tax-xogħol tal-UE(21);

V.  billi l-għadd ta' ħaddiema stazzjonati fl-Unjoni huwa ta' 1,92 miljuni, prinċipalment fis-setturi tal-kostruzzjoni (43,7 % tal-għadd totali ta' ħaddiema stazzjonati), tas-servizzi, tat-trasport, tal-komunikazzjoni u tal-agrikoltura;

W.  billi l-moviment liberu tal-persuni huwa indispensabbli għall-proġett Ewropew, iżda wkoll prerekwiżit sabiex jintlaħqu l-għanijiet ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali sabiex tintlaħaq kompetittività b'saħħitha u sostenibbli fl-Istati Membri kollha;

X.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-396/13, enfasizzat li d-Direttiva 96/71/KE hija maħsuba biex, minn naħa, tiżgura kompetizzjoni ġusta bejn l-intrapriżi nazzjonali u l-intrapriżi li jipprovdu prestazzjoni transnazzjonali ta' servizzi u, min-naħa l-oħra, tiżgura l-applikazzjoni ta' nukleu ta' regoli imperattivi ta' protezzjoni minima tal-Istat Membru ospitanti lill-ħaddiema stazzjonati;

Y.  billi l-istazzjonar tal-ħaddiema għandu jiffaċilita l-kondiviżjoni tal-kompetenzi u l-esperjenzi professjonali u mhux ikun sors tad-dumping soċjali;

Z.  billi l-federazzjonijiet ta' min iħaddem u t-trejdjunjins Ewropej jista' jkollhom rwol importanti fil-ġlieda kontra d-dumping soċjali;

AA.  billi ttieħed impenn biex ma jiżdidx il-piż finanzjarju fuq in-negozji, b'mod partikolari l-SMEs;

AB.  billi l-iffissar tal-pagi huwa kompetenza tal-Istat Membru;

AC.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tagħha fil-Kawża C-396/13, enfasizzat li l-Istat Membru ospitanti huwa kompetenti biex jiddetermina l-livell tal-paga minima kif ukoll il-metodu tal-kalkolu u li jevalwa l-kriterji applikati;

AD.  billi l-President tal-Kummissjoni ddikjara li "l-istess xogħol fl-istess post għandu jkun remunerat bl-istess mod"(22); billi tinħtieġ kjarifika ġuridika ta' din id-dikjarazzjoni u tal-applikazzjoni tagħha;

I. It-tisħiħ tal-kontrolli u l-koordinazzjoni bejn u mill-Istati Membri

1.  Iqis li, filwaqt li ma hemm l-ebda definizzjoni legalment rikonoxxuta u aċċettata universalment ta' dumping soċjali, il-kunċett ikopri firxa wiesgħa ta' prattiki abbużivi b'mod intenzjonali u l-evitar tal-leġiżlazzjoni Ewropea u nazzjonali eżistenti (inklużi liġijiet u ftehimiet kollettivi applikabbli universalment), li jippermetti l-iżvilupp ta' kompetizzjoni inġusta billi b'mod illegali jnaqqas l-ispejjeż tax-xogħol u dawk operazzjonali u jwassal għal ksur tad-drittijiet tal-ħaddiema u l-isfruttament tal-ħaddiema; iqis li l-konsegwenzi ta' dawn il-prattiki u sitwazzjonijiet jista' jkollhom impatt fir-rigward ta' tliet dimensjonijiet prinċipali:

   l-aspett ekonomiku: l-użu minn ċerti atturi ekonomiċi ta' prattiki illegali bħal xogħol mhux iddikjarat jew prattiki abbużivi bħal xogħol indipendenti fittizju jistgħu jwasslu għal distorsjonijiet kbar fis-suq li huma detrimentali għall-kumpaniji in bona fide, b'mod partikolari l-SMEs;
   l-aspett soċjali: id-dumping soċjali jista' jwassal għal sitwazzjoni ta' diskriminazzjoni u trattament inġust bejn ħaddiema fl-UE u ma jħallihomx jeżerċitaw b'mod effettiv id-drittijiet soċjali u tax-xogħol tagħhom, inkluż f'dak li għandu x'jaqsam mal-paga u l-protezzjoni soċjali;
   l-aspett finanzjarju u baġitarju: in-nuqqas ta' ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali u tat-taxxa dovuti b'riżultat tad-dumping soċjali jirrappreżentaw theddida għas-sostenibbiltà finanzjarja tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri;

2.  Jemmen li huwa kruċjali li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi u kompetizzjoni ġusta madwar l-UE u li jiġi eliminat id-dumping soċjali; jenfasizza li l-ispettorati tax-xogħol u/jew is-sħab soċjali għandhom rwol ewlieni fl-infurzar tad-drittijiet tal-ħaddiema, fid-definizzjoni ta' paga diċenti skont il-liġi u l-prattika tal-Istati Membri, u fl-għoti ta' konsultazzjoni u gwida lil min iħaddem; jirrimarka li 28 Stat Membru rratifikaw il-Konvenzjoni tal-ILO Nru 81 dwar l-ispezzjonijiet tax-xogħol, u jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li d-dispożizzjonijiet kollha tagħha jiġu implimentati; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-Istati Membri fit-twaqqif ta' spettorati tax-xogħol effettivi u effiċjenti u biex tiżviluppa rakkomandazzjoni bbażata fuq il-Konvenzjoni Nru 81 tal-ILO dwar l-ispezzjonijiet tax-xogħol sabiex tiżgura l-konformità mal-istandards tax-xogħol u l-protezzjoni tal-ħaddiema, inklużi dispożizzjonijiet relatati mal-ħin tax-xogħol, is-sikurezza u s-saħħa; ifakkar ir-rwol importanti tas-sħab soċjali biex tiġi żgurata l-konformità mal-leġiżlazzjoni eżistenti;

3.  Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-effiċjenza u jiżguraw livelli adegwati ta' persunal u riżorsi għall-korpi ta' kontroll tagħhom (inklużi l-ispettorati soċjali u/jew tax-xogħol, l-aġenziji u l-uffiċċji ta' kollegament), inkluż għall-interpretazzjoni u t-traduzzjoni, fost l-oħrajn permezz tal-iskambju tal-aħjar prattiki; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw il-parametru referenzjarju ta' spettur tax-xogħol wieħed għal kull 10 000 ħaddiem, kif irrakkomandat mill-ILO, u jiżguraw li jkunu mgħammra b'mod adegwat biex jinfurzaw il-leġiżlazzjoni Ewropea fil-qasam tal-moviment liberu tal-ħaddiema u s-servizzi;

4.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni transkonfinali bejn is-servizzi ta' spezzjoni u l-iskambju elettroniku ta' informazzjoni u ta' data, sabiex itejbu l-effiċjenza tal-kontrolli maħsuba biex jiġġieldu u jipprevjenu l-frodi soċjali, l-impjieg indipendenti fittizju u x-xogħol mhux iddikjarat, filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-importanza tal-protezzjoni tad-data, u bil-ħsieb li jkun hemm kooperazzjoni u assistenza reċiproka obbligatorji bejn l-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri jfasslu programmi ta' taħriġ waqt is-servizz għall-ispetturi fl-Unjoni kollha, biex jiġu identifikati tekniki ġodda użati biex jiġu evitati r-regoli, u biex tiġi organizzata l-kooperazzjoni transkonfinali; jirrikonoxxi l-ħidma tal-Kummissjoni fil-finanzjament tal-programmi ta' tagħlim reċiproku għall-ispetturi tax-xogħol fl-Istati Membri; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat l-aċċess għall-ispettorati nazzjonali tax-xogħol u/jew is-sħab soċjali għall-postijiet tax-xogħol effettivi kollha u għall-postijiet tal-għajxien assoċjati pprovduti minn min iħaddem, fejn dan ikun permess mil-liġi nazzjonali u bir-rispett dovut għall-privatezza, peress li dan huwa prerekwiżit biex huma jkunu jistgħu jagħmlu xogħolhom u jiċċekkjaw għal każijiet ta' dumping soċjali; jirrakkomanda li l-Kummissjoni tikkunsidra li proġetti Eurodetachement fi pjattaforma permanenti għall-iskambju, it-taħriġ konġunt u l-kollaborazzjoni għall-ispetturi tax-xogħol (u l-uffiċjali pubbliċi fl-uffiċċji ta' kollegament għall-ħaddiema stazzjonati) involuti fil-kontroll u l-monitoraġġ – pjattaforma li tista' tiġi inkluża fil-Pjattaforma Ewropea Kontra x-Xogħol Mhux Iddikjarat, jew li tista' taħdem f'koordinazzjoni magħha;

5.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri joħolqu, fejn applikabbli, task forces bilaterali ad hoc u, fejn meħtieġ, task force multilaterali li tinkludi l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali u l-ispetturi tax-xogħol, biex iwettqu, suġġett għall-approvazzjoni tal-Istati Membri kollha kkonċernati, kontrolli transkonfinali fuq il-post, f'konformità mal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih jitwettqu l-kontrolli, f'każijiet suspettati ta' dumping soċjali, xogħol f'kundizzjonijiet illegali jew ta' frodi, u biex jidentifikaw kumpaniji tal-isem ("letterbox companies"), aġenziji ta' reklutaġġ frawdolenti u abbużi tar-regoli li jirriżultaw fl-isfruttament tal-ħaddiema; jirrimarka li dawn it-task forces jistgħu jaħdmu f'koordinazzjoni mal-Pjattaforma Ewropea Kontra x-Xogħol Mhux Iddikjarat u mal-Kumitat tal-Ispetturi Anzjani tax-Xogħol sabiex jiġi limitat il-piż finanzjarju involut, u li dawn jistgħu joħolqu netwerk ta' servizzi ta' spezzjoni soċjali nazzjonali biex jippromwovu l-iskambju ta' informazzjoni; iqis ukoll li kooperazzjoni effettiva bejn l-awtoritajiet nazzjonali u s-sħab soċjali hija importanti fl-isforz biex jintemm id-dumping soċjali u li tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq uniku;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw implimentazzjoni aktar effettiva tal-leġislazzjoni eżistenti u biex isaħħu l-kooperazzjoni bejn l-entitajiet tal-Istati Membri responsabbli għall-ispezzjonijiet tax-xogħol, speċjalment fir-rigward tal-ispezzjonijiet tax-xogħol transkonfinali; jilqa' t-tnedija tal-Pjattaforma Ewropea Kontra x-Xogħol Mhux Iddikjarat u l-għanijiet stabbiliti minnha bil-ħsieb li ssaħħaħ il-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-iskoraġġiment tax-xogħol mhux iddikjarat; jittama li din il-pjattaforma se tgħin biex tidentifika u tindirizza każijiet ta' ksur tal-liġi tax-xogħol nazzjonali u tal-UE u tad-dispożizzjonijiet tal-UE dwar il-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà ta' stabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi;

7.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li l-azzjoni kontra l-ksur tad-drittijiet soċjali tiġi kkumplimentata minn ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa, sabiex jiġu garantiti kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ekwi għall-intrapriżi;

8.  Jinnota li n-nuqqas ta' dikjarazzjoni jew dikjarazzjonijiet irregolari huma fost l-aktar forom komuni ta' evitar tar-regoli dwar l-istazzjonar; jirrakkomanda li, fil-każ tal-istazzjonar tal-ħaddiema, għandu jkun obbligatorju fl-Istati Membri kollha li tiġi ppreżentata dikjarazzjoni mhux aktar tard minn meta l-provvista tas-servizzi tibda, u li tali dikjarazzjonijiet għandhom jiddaħħlu f'reġistru Ewropew li jagħmilha aktar faċli li jiġu kkonsultati, biex jiffaċilitaw il-koordinazzjoni bejn l-Istati Membri u jillimitaw l-inċertezzi legali attwali li ġejjin mid-differenzi bejn il-proċeduri u d-dokumenti minn pajjiż għal ieħor;

9.  Jenfasizza li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, f'konsultazzjoni ma' dawk tal-Istat li jibgħat, għandhom ikunu jistgħu jivverifikaw l-affidabilità tal-formola A1 f'każ ta' dubji serji dwar kemm stazzjonament huwa ġenwin; jistieden lill-grupp ta' ħidma amministrattiv ad hoc dwar il-formola A1 biex iżid l-isforzi tiegħu billi jtejjeb l-affidabilità tal-formoli A1, u biex jesplora l-possibilità li jiffaċilita l-monitoraġġ billi jiġbor il-formoli A1 f'sistema diġitali unika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-Iskambju Elettroniku ta' Informazzjoni dwar is-Sigurtà Soċjali (EESSI) tkun operazzjonali bis-sħiħ, tintuża mill-Istati Membri kollha u tkun imfassla skont il-ħtiġijiet tal-SMEs; jenfasizza li aċċess imtejjeb għal informazzjoni għall-ħaddiema, min iħaddem u l-ispetturi tax-xogħol, pereżempju permezz ta' sit elettroniku nazzjonali uniku, huwa wieħed mill-għodda ewlenin fil-ġlieda kontra l-ksur tar-regoli;

10.  Jistieden lill-Istati Membri jirratifikaw u jimplimentaw il-Konvenzjoni Nru 189 tal-ILO dwar il-ħaddiema domestiċi; jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu oqfsa legali li jippermettu l-impjieg legali ta' ħaddiema u carers domestiċi, sabiex tkun ipprovduta ċertezza legali għal min iħaddem u kundizzjonijiet ġusti tal-impjieg kif ukoll kundizzjonijiet tax-xogħol diċenti għall-ħaddiema; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw it-termini u l-kundizzjonijiet ta' impjieg tal-ħaddiema domestiċi u, jekk ikun meħtieġ, jissottomettu rakkomandazzjonijiet għal titjib bi qbil mat-Trattati attwali (b'mod partikolari l-Artikolu 153(1) TFUE), inkluż taħriġ xieraq u l-għoti ta' informazzjoni dwar id-drittijiet u l-obbligi ta' din il-kategorija ta' ħaddiema;

11.  Jinnota li n-nisa huma dawk li jintlaqtu l-aktar mid-dumping soċjali f'ċerti setturi, b'mod partikolari s-settur tal-ekonomija domestika u s-settur tal-kura (speċjalment il-kura fid-dar); jistieden lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tevalwa s-sitwazzjonijiet kollha fejn in-nisa jesperjenzaw dumping soċjali u dumping tal-pagi jew jitħaddmu f'xogħol mhux iddikjarat, kif ukoll il-leġiżlazzjoni tal-UE relatata eżistenti;

12.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-kooperazzjoni transnazzjonali u lokali bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi, it-trejdjunjins u l-NGOs, bil-ħsieb li jindirizzaw il-problemi spiss kumplessi ħafna li jħabbtu wiċċhom magħhom il-ħaddiema migranti, u biex iqisu l-kundizzjonijiet tax-xogħol kif ukoll l-elementi l-oħra kollha relatati mal-kwalità tal-ħajja inklużi s-saħħa ġenerali, l-inklużjoni soċjali u l-akkomodazzjoni;

13.  Jenfasizza l-importanza tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/67/UE dwar l-infurzar transkonfinali tal-pieni u/jew is-sanzjonijiet amministrattivi finanzjarji, li se jgħinu jeliminaw il-ksur tal-leġiżlazzjoni; iqis li l-awtoritajiet kompetenti għandhom ikunu jistgħu jimponu sanzjonijiet effettivi, proporzjonati u dissważivi, inkluża l-possibbiltà li jissospendu l-forniment ta' servizzi f'każ ta' ksur serju tal-leġiżlazzjoni dwar l-istazzjonamenti jew ta' ftehimiet kollettivi applikabbli; iqis li l-ammont ta' dawn il-multi għandu jservi ta' deterrent, u li l-għoti ta' informazzjoni lill-SMEs dwar il-leġiżlazzjoni applikabbli dwar l-istazzjonar għandu jittejjeb;

14.  Jistieden lill-Istati Membri jtejbu b'mod konsiderevoli l-iskambju ta' informazzjoni dwar is-sigurtà soċjali għall-ħaddiema stazzjonati, bil-ħsieb li jtejbu l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti; ifakkar fit-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex teżamina l-benefiċċji tal-introduzzjoni, u jekk xieraq, tipprovdi, karta Ewropea tas-sigurtà soċjali li ma tkunx tista' tiġi ffalsifikata, jew dokument elettroniku ieħor fl-UE kollha, li fuqu tinħażen id-data kollha meħtieġa biex jiġi vverifikat l-istatus tas-sigurtà soċjali tad-detentur abbażi tar-relazzjoni tal-impjieg tiegħu jew tagħha(23), kif ukoll l-informazzjoni meħtieġa assoċjata mal-istazzjonar tal-ħaddiem, b'konformità stretta mar-regoli tal-protezzjoni tad-data, b'mod partikolari fejn tiġi pproċessata data personali sensittiva; jenfasizza, madankollu, li dan m'għandux jirrestrinġi jew jimmina b'xi mod id-dritt tal-awtoritajiet u s-sħab soċjali tal-pajjiżi ospitanti, skont il-liġi u l-prattika nazzjonali, milli janalizzaw u jwettqu kontrolli u verifiki tal-kontenut tad-data ta' tali karta;

15.  Jitlob li titfassal lista fil-livell tal-UE ta' intrapriżi, inklużi kumpaniji tal-isem, responsabbli għal ksur serju tal-leġislazzjoni Ewropea tax-xogħol u dik soċjali – wara li jkunu rċevew avviż minn qabel – li tista' tiġi kkonsultata biss mill-awtoritajiet ta' spezzjoni rilevanti; jitlob li dawn l-intrapriżi jiċċaħdilhom l-aċċess għal kuntratti pubbliċi, sussidji pubbliċi u l-fondi tal-UE għal perjodu statutorju;

16.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jikkooperaw minn naħa għall-oħra tal-fruntieri fir-rigward ta' informazzjoni dwar l-infurzar, jagħtu lill-awtoritajiet ta' sorveljanza aċċess aħjar għad-data mniżżla fir-reġistri elettroniċi nazzjonali tal-Istati Membri u fir-Reġistru Ewropew tal-Impriżi tat-Trasport bit-Triq (ERRU) u jikkonsolidaw il-lista ta' ksur li jwasslu għat-telfa tar-reputazzjoni tajba tal-operaturi tat-trasport bit-triq billi jinkludu n-nonkonformità ma' kwalunkwe leġiżlazzjoni tal-UE rilevanti; jenfasizza li r-responsabilità għall-ksur tar-regoli għandha taqa' fuq dawk li jagħtu l-ordnijiet lill-ħaddiema;

II. L-indirizzar ta' diskrepanzi regolatorji sabiex tiġi infurzata l-liġi soċjali u tax-xogħol nazzjonali u Ewropea, u l-indirizzar ta-prinċipju tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni

17.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex telimina n-nuqqasijiet li ġew identifikati fir-regoli attwali, sabiex tiġġieled kontra d-dumping soċjali u l-frodi soċjali u fiskali b'mod effettiv;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja bir-reqqa l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2014/67/UE u l-effikaċja tal-Pjattaforma Kontra x-Xogħol Mhux Iddikjarat fil-ġlieda kontra l-fenomenu tal-kumpaniji tal-isem billi tapplika b'mod aktar ġenerali l-prinċipju li kull kumpanija għandu jkollha kwartier ġenerali korporattivi prinċipali wieħed u billi tiżgura li f'każijiet ta' forniment bla ħlas ta' servizzi bl-użu ta' ħaddiema stazzjonati, kull fornitur ta' servizz involut għandu jwettaq "attività ġenwina" fl-Istat Membru ta' stabbiliment, u għalhekk ikun impriża ġenwina; ifakkar l-importanza li l-intrapriżi jkollhom "attività ġenwina" fl-Istat Membru ta' oriġini bħala ġustifikazzjoni għall-istazzjonar tal-ħaddiema; ifakkar fir-rifjut mill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tiegħu tal-proposta għal direttiva dwar kumpaniji b'responsabilità limitata magħmulin minn persuna waħda, peress li xi wħud mid-dispożizzjonijiet proposti jistgħu jiffaċilitaw il-ħolqien ta' tip ta' entitajiet li l-attivitajiet soċjali u ekonomiċi tagħhom ikunu fittizji, jikkostitwixxu ksur tal-obbligi tagħhom skont il-ftehimiet u l-liġi, u jirriżultaw f'telf ta' biljuni ta' euro fid-dħul mit-taxxi; jitlob lill-Kummissjoni tqis il-possibbiltà li tipproponi reġistru trasparenti u aċċessibbli tan-negozju tal-kumpaniji kollha tal-UE u l-użu obbligatorju tas-sistema EESSI;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni tniedi rapport ġdid dwar il-progress imwettaq mill-Istati Membri fit-titjib neċessarju tal-amministrazzjonijiet u s-sistemi nazzjonali tat-taxxa tagħhom bil-għan li jindirizzaw il-frodi tat-taxxa, kif propost fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-frodi tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa" (COM(2012)0722);

20.  Jinnota li d-Direttiva 96/71/KE tirreferi biss għall-Artikoli 64 u 74 tat-TFUE dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi u l-libertà ta' stabbiliment, filwaqt li wieħed mill-għanijiet prinċipali tad-direttiva huwa li jitħarsu l-ħaddiema; jiġbed l-attenzjoni, barra minn hekk, għall-importanza tal-Artikoli 151 u 153 tat-TFUE, li jistabbilixxu miri għall-UE u l-Istati Membri tagħha rigward il-promozzjoni tal-impjieg, it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-ħajja u x-xogħol, protezzjoni soċjali adegwata, il-promozzjoni ta' djalogu soċjali u l-ġlieda kontra l-esklużjoni;

21.  Jirrikonoxxi r-riskji assoċjati ma' katini twal ta' sottokuntrattar; ifakkar li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu, f'konsultazzjoni mas-sħab soċjali rilevanti, mekkaniżmi ta' "responsabilità solidari" fil-livell nazzjonali li jkunu applikabbli għal kumpaniji lokali u barranin, sabiex il-ħaddiema lokali u barranin ikunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom; ifakkar li din il-possibbiltà kienet ikkonfermata bid-Direttiva 2014/67/UE; jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja bir-reqqa l-applikazzjoni tal-obbligu mqiegħed fuq l-Istati Membri minn din id-Direttiva li jipprevedu miżuri li jiżguraw li, fis-settur tal-kostruzzjoni, il-ħaddiema stazzjonati fil-katini tas-sottokuntrattar, ikunu jistgħu jżommu lill-kuntrattur - li tiegħu min iħaddimhom ikun subkuntrattur dirett - responsabbli fir-rigward tar-rispett għad-drittijiet tagħhom bħala ħaddiema;

22.  Jinnota l-problemi relatati mad-Direttiva 96/71/KE u l-implimentazzjoni tagħha; jenfasizza l-importanza li dawn il-problemi jiġu indirizzati sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, ir-rispett għad-drittijiet tal-ħaddiema u kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji li jistazzjonaw u dawk lokali fil-pajjiż ospitanti, li huwa partikolarment importanti għall-SMEs; jappella għall-implimentazzjoni f'waqtha tad-Direttiva 2014/67/UE; jinnota l-proposta tal-Kummissjoni li tirrevedi d-Direttiva 96/71/KE billi tinkludi limitazzjoni fuq il-perjodi ta' stazzjonar, tintroduċi dispożizzjonijiet dwar ir-remunerazzjoni u tiddefinixxi t-termini u l-kundizzjonijiet tal-impjieg sabiex tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ta' ugwaljanza fit-trattament u l-projbizzjoni ta' kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, kif stabbilit fil-liġi tal-UE sa mit-Trattati fundaturi; jinsisti li r-regoli dwar l-istazzjonar għandhom ikunu ċari, proporzjonati u ġustifikati; jenfasizza l-ħtieġa tal-konformità mal-ftehimiet kollettivi u s-sistemi ta' relazzjonijiet industrijali tal-pajjiż ospitanti;

Il-ħaddiema mobbli: il-ġlieda kontra d-dumping soċjali fil-qasam tat-trasport

23.  Jitlob li jiżdied il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-regoli tal-ħinijiet tax-xogħol u tal-mistrieħ fl-industrija tat-trasport bit-triq; jitlob li jkun hemm titjib fl-apparati ta' monitoraġġ u introduzzjoni f'waqtha ta' takografi intelliġenti għall-użu professjonali bil-ħsieb li tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa, effiċjenti u nondiskriminatorja tal-leġiżlazzjoni eżistenti mill-Istati Membri mingħajr ma jinħoloq l-ebda piż amministrattiv żejjed; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-ħolqien ta' 'fajl elettroniku u integrat tal-operatur' għall-operaturi kollha li joperaw fil-qafas tal-liċenzja Komunitarja, bil-għan li tinġabar id-data rilevanti kollha dwar il-karriera, il-vettura u s-sewwieq li tkun inġabret waqt il-kontrolli fit-triq;

24.  Jitlob biex jiġu intensifikati l-kontrolli fir-rigward tal-konformità mal-ħidma, mad-disponibbiltà għax-xogħol (stand-by), mal-ħin tas-sewqan u tal-mistrieħ fis-setturi rilevanti kollha, bħall-kostruzzjoni, il-catering, is-saħħa u t-trasport, kif ukoll għall-impożizzjoni ta' sanzjonijiet għal nuqqas gravi ta' konformità;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-ħolqien ta' Aġenzija Ewropea għat-Trasport bit-Triq biex tiżgura l-implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tippromwovi l-istandardizzazzjoni u l-kooperazzjoni fost l-Istati Membri kollha rigward it-trasport bit-triq;

26.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina u ssaħħaħ il-kooperazzjoni fil-qasam tal-leġiżlazzjoni tat-trasport bit-triq fost l-awtoritajiet nazzjonali, inkluż permezz tal-iskambju ta' informazzjoni u ta' sforzi oħra intiżi biex jappoġġjaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u biex jiżguraw kundizzjonijiet ekwi għall-operaturi; jinnota li l-infurzar tal-leġiżlazzjoni f'dan il-qasam huwa primarjament ir-responsabilità tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkooperaw aktar mill-qrib mal-Euro Contrôle Route u man-Netwerk Ewropew tal-Pulizija tat-Traffiku (TISPOL) bil-għan li jtejbu l-eżekuzzjoni tal-leġiżlazzjoni tat-trasport bit-triq tal-UE billi jiżguraw l-implimentazzjoni ugwali u xierqa tagħha;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni tapplika b'mod kollettiv, għall-persunal mobbli fl-industrija tat-trasport bit-triq, l-Artikolu 8(2) tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 (Ruma I) kif interpretat mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Koelzsch (C-29/10, sentenza tal-Qorti (Awla Manja)) tal-15 ta' Marzu 2011;

28.  Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jaqsmu l-fehmiet tagħhom sabiex jiċċaraw id-dispożizzjonijiet rilevanti sabiex tiġi stabbilita distinzjoni bejn impjegati u ħaddiema li jaħdmu għal rashom, bil-ħsieb li jiġi miġġieled l-"impjieg indipendenti fittizju", u jitlob lill-Kummissjoni tipproponi rakkomandazzjonijiet speċifiċi msejsa fuq l-indikaturi dwar l-eżistenza ta' relazzjoni ta' impjieg skont ir-Rakkomandazzjoni Nru 198 tal-ILO dwar ir-relazzjoni tax-xogħol, filwaqt li ma ssirx diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema li jaħdmu għal rashom b'mod ġenwin b'għadd żgħir ta' klijenti; jenfasizza l-bżonn li jiġi ssorveljat l-istatus tal-impjieg ta' ħaddiema bħall-bdoti tal-linji tal-ajru u s-sewwieqa tal-ferroviji u r-relazzjoni ta' impjieg tagħhom mal-kumpaniji li jaħdmu magħhom; jenfasizza li l-problema ta' xogħol indipendenti fittizju għandha konsegwenzi sinifikanti fir-rigward tal-protezzjoni soċjali tal-ħaddiema u s-sikurezza, u jista' jkollha effett fuq il-kompetizzjoni ġusta;

29.  Jirrifjuta kwalunkwe liberalizzazzjoni ulterjuri tal-kabotaġġ qabel ma tissaħħaħ l-implimentazzjoni tal-qafas ġuridiku attwali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi regoli mtejba bil-ħsieb li tiżgura implimentazzjoni aħjar u sabiex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva dwar it-Trasport Ikkombinat (92/106/KEE(24)) bil-għan li jiġu eliminati l-prattiki inġusti, u jappella għal aktar miżuri biex ikun hemm konformità mal-leġislazzjoni soċjali relatata mat-trasport ikkombinat;

30.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għandhom sistema ta' pedaġġ iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet ta' sorveljanza d-data tal-pedaġġ miġbura biex tiġi vvalutata ħalli l-operazzjonijiet ta' kabotaġġ ikunu jistgħu jiġu skrutinizzati b'mod aktar effettiv;

31.  Jirrakkomanda li, fil-każ ta' akkwist u trasferimenti tas-sjieda tas-soċjetajiet għandhom jiġu stabbiliti b'mod ċar dawn ir-rekwiżiti u ma jiġux injorati iżda jinżammu fil-kuntratti l-ġodda, fis-sens tad-Direttiva 2001/23/KE(25) dwar is-salvagwardja tad-drittijiet tal-impjegati fil-każ ta' trasferimenti ta' impriżi;

32.  Jitlob li r-Regolament (KE) Nru 1008/2008 jittejjeb sabiex jiżgura l-applikazzjoni vinkolanti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar ix-xogħol għal-linji tal-ajru li jkollhom bażijiet operattivi fl-UE u biex isaħħaħ id-definizzjoni u l-kunċett tat-terminu "post prinċipali tan-negozju", u wkoll, fil-kuntest tal-koordinazzjoni tas-sistemi tas-sigurtà soċjali u l-liġi tax-xogħol, li tiġi allinjata d-definizzjoni ta' "bażi tas-servizz" għall-membri tal-ekwipaġġ skont ir-Regolament (UE) Nru 83/2014(26) u r-Regolament (UE) Nru 465/2012(27);

33.  Iħeġġeġ bil-qawwa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, fir-rigward tar-Regolament tal-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (EASA) u leġiżlazzjoni rilevanti oħra, jappoġġjaw il-kuntratti ta' impjieg dirett bħala l-mudell standard u jirrestrinġu l-użu ta' kuntratti ta' impjieg atipiċi;

34.  Jappella sabiex jitħarsu d-drittijiet soċjali tal-persunal tal-kabina;

35.  Jistieden lill-Istati Membri jirrevedu l-liġijiet tagħhom biex jiżguraw li l-kuntratti kollha fis-settur tal-avjazzjoni jipprovdu impjiegi ta' kwalità u kundizzjonijiet ta' xogħol tajba; iqis li kundizzjonijiet prekarji tax-xogħol jikkostitwixxu fattur aggravanti tar-riskji għas-sigurtà; jissottolinja li l-kompetittività ma għandhiex twassal biex jiġu ssagrifikati s-salvagwardji soċjali tal-ħaddiema u l-kwalità tas-servizzi;

36.  Jenfasizza li d-dimensjoni soċjali tal-Istrateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa ppubblikata mill-Kummissjoni fis-7 ta' Diċembru 2015 għandha tissaħħaħ, peress li l-impjiegi ta' kwalità u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tajba huma marbuta direttament maż-żamma tas-sikurezza u s-sigurtà kemm tal-passiġġieri kif ukoll tal-persunal; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jissorveljaw u jiżguraw l-infurzar xieraq tal-leġiżlazzjoni soċjali nazzjonali u l-ftehimiet kollettivi għal-linji tal-ajru b'bażijiet operattivi fit-territorju tal-UE; ifakkar, f'dan ir-rigward, ir-rabta ta' bejn l-istandards soċjali u ambjentali u l-kwalità tas-servizz, kif ukoll is-sikurezza; jagħraf l-importanza li jiġi stabbilit it-taħriġ minimu għall-persunal tal-manutenzjoni fl-avjazzjoni ċivili; jitlob lill-Kummissjoni tipproponi rieżami tar-Regolament (KE) Nru 868/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' April 2004 li jikkonċerna l-protezzjoni kontra l-issussidjar u l-atti mhux ġusti tal-prezzijiet li jikkawżaw preġudizzju lit-trasportaturi bl-ajru tal-Komunità fil-provvista tas-servizzi bl-ajru minn pajjiżi li ma humiex membri tal-Komunità Ewropea(28), u biex tanalizza l-kawżi tan-nuqqas ta' implimentazzjoni tiegħu; Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrieżaminaw ir-regoli dwar it-taħriġ inizjali u dwar il-liċenzjar tal-ekwipaġġ tal-ajru bil-għan li jeliminaw in-nuqqasijiet li jwasslu għall-isfruttament tal-bdoti; bħal fil-każ tal-kuntratti “pay-to-fly”;

37.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibilità ta' proposta addizzjonali dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol applikabbli fis-settur tat-tbaħħir, inkluż f'dak li għandu x'jaqsam mal-ekwipaġġ tal-bastimenti;

38.  Iqis li, fis-settur marittimu, il-Kummissjoni għandha tiżgura li jkun hemm implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni soċjali, inkluża l-Konvenzjoni dwar ix-Xogħol Marittimu, tal-2006; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistudjaw miżuri li jinkoraġġixxu r-reklutaġġ u ż-żamma ta' baħħara tas-sengħa bbażati fl-Ewropa;

Nantiċipaw l-isfidi marbuta mad-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija

39.  Ifakkar l-importanza li l-iżvilupp tal-ekonomija diġitali u ta' kondiviżjoni jintrabat mal-protezzjoni tal-ħaddiema f'dan is-settur ġdid, fejn prattiki ta' xogħol aktar flessibbli jistgħu jirriżultaw f'forom ta' impjieg bi standards aktar baxxi fir-rigward tas-sigurtà soċjali, il-ħinijiet tax-xogħol, il-post tax-xogħol, it-taħriġ, il-parteċipazzjoni tal-ħaddiema u l-protezzjoni tal-impjegati; jenfasizza li l-libertà tal-assoċjazzjoni u d-dritt għan-negozjar kollettiv għandhom ikunu applikabbli fil-kuntest ta' dawn il-forom ġodda ta' impjieg, f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-prattika nazzjonali; jenfasizza li l-Istati Membri jridu jadattaw il-leġiżlazzjoni tagħhom għall-ekonomija diġitali u ta' kondiviżjoni, u jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-sħab soċjali jevalwaw malajr id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Ewropea applikabbli għal dan is-settur u, jekk ikun meħtieġ, ifasslu proposti biex jirregolaw l-ekonomija diġitali, ta' kondiviżjoni jew kollaborattiva sabiex tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta u l-protezzjoni tad-drittijiet tal-ħaddiema;

40.  Jinnota li d-diġitalizzazzjoni għandha impatt kruċjali fuq is-swieq tax-xogħol Ewropej; jenfasizza li, minn banda, id-diġitalizzazzjoni tista' tiġġenera mudelli kummerċjali ġodda u impjiegi ġodda (speċjalment għall-ħaddiema b'ħiliet għolja iżda wkoll għal ħaddiema b'ħiliet baxxi), iżda mill-banda l-oħra, tista' twassal ukoll għal forom prekarji ta' impjiegi; jenfasizza l-ħtieġa li d-dimensjoni soċjali titqies fl-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali sabiex jittieħed vantaġġ sħiħ mill-potenzjal ta' tkabbir u ta' impjiegi relatat, filwaqt li jiġi żgurat livell għoli ta' protezzjoni tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni tfassal is-suq uniku diġitali b'mod soċjalment ġust u sostenibbli; huwa tal-fehma li l-iskemi ta' protezzjoni soċjali eżistenti għandhom ikunu adattati għall-ħtiġijiet tal-ħaddiema fl-ekonomija diġitali u ta' kondiviżjoni biex tiġi żgurata protezzjoni soċjali adegwata għal dawk il-ħaddiema;

41.  Ifakkar li f'xi setturi ekonomiċi bħall-agrikoltura, is-sigħat tax-xogħol ivarjaw skont limitazzjonijiet staġjonali;

III. Lejn il-konverġenza soċjali 'l fuq

42.  Jenfasizza s-supremazija tad-drittijiet fundamentali; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw u jsaħħu d-djalogu soċjali, li għandu rwol kritiku fil-kisba ta' kundizzjonijiet tax-xogħol ta' livell għoli; jenfasizza li l-liġi tax-xogħol u l-istandards soċjali għoljin għandhom rwol kruċjali fl-ibbilanċjar mill-ġdid tal-ekonomiji, is-sostenn tad-dħul, u l-inkoraġġiment tal-investiment fil-kapaċità; jenfasizza li, f'dan il-kuntest, id-dritt u d-dokumenti ta' politika tal-UE għandhom jirrispettaw id-drittijiet u l-libertajiet tat-trejdjunjins, jikkonformaw mal-ftehimiet kollettivi u jiddefendu t-trattament ugwali tal-ħaddiema;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tieħu miżuri speċifiċi biex tgħin lin-nisa milquta mid-dumping soċjali billi tiffoka fuq il-politiki u l-miżuri ġenerali kollha dwar il-ksib tal-ugwaljanza, filwaqt li tqis is-segregazzjoni li għaddejja fis-suq tax-xogħol u l-inugwaljanza fil-kuntratti ta' impjieg, kif riflessi fid-differenzi li attwalment jeżistu bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa;

44.  Jenfasizza li l-inugwaljanza qed tikber fl-Ewropa, u b'hekk qed timmina l-kisba tal-miri tal-Ewropa 2020 dwar il-faqar u l-impjiegi;

45.  Jenfasizza l-importanza tat-twaqqif ta' mekkaniżmi ekonomiċi, fiskali u soċjali fit-territorju tal-Unjoni u/jew fiż-żona euro, li jtejbu l-livelli tal-ħajja taċ-ċittadini tal-UE billi jnaqqsu l-iżbilanċi ekonomiċi u soċjali; iħeġġeġ, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex, tqis l-opinjonijiet dwar il-kwistjonijiet soċjali bil-għan li ssaħħaħ il-protezzjoni tal-ħaddiema permezz tal-konverġenza;

46.  Ifakkar l-impenn tal-Kummissjoni li tistabbilixxi pilastru tad-drittijiet soċjali u jenfasizza l-ħtieġa għal konverġenza soċjali 'l fuq sabiex jintlaħqu l-għanijiet stipulati fl-Artikolu 151 TFUE; jenfasizza li t-twaqqif ta' kriterji biex jitqabblu flimkien id-diversi sistemi soċjali nazzjonali ma jistax jipprovdi tali pilastru, iżda jista' jservi biss ta' qafas analitiku preliminari; jenfasizza li l-adozzjoni ta' pilastru tad-drittijiet soċjali m'għandhiex twassal biex jitbaxxew l-istandards tax-xogħol u soċjali eżistenti;

47.  Jinnota l-livelli differenti ta' kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tal-impjegati u ta' min iħaddem fl-Istati Membri; jitlob lill-Kummissjoni tevalwa l-impatt ekonomiku u soċjali ta' dawn id-differenzi fil-kuntest tas-suq uniku;

48.  Iqis li l-pagi li jippermettu li l-ħaddiema jgħixu ħajja diċenti huma importanti għall-koeżjoni soċjali u għaż-żamma ta' ekonomija produttiva; jitlob għar-rispett għan-negozjar kollettiv, u għall-promozzjoni tiegħu; jirrakkomanda wkoll l-istabbiliment ta' pagi bażiċi fil-forma ta' paga minima nazzjonali, fejn applikabbli, filwaqt li jiġu rrispettati l-prattiki ta' kull Stat Membru u wara li jiġu kkonsultati s-sħab soċjali, bl-għan li gradwalment tal-anqas jintlaħaq il-livell ta' 60 % tal-paga medja nazzjonali rispettiva, jekk ikun possibbli, biex jiġu evitati d-differenzi eċċessivi fil-pagi, biex jiġu appoġġjati d-domanda aggregata u l-irkupru ekonomiku u biex tissaħħaħ il-konverġenza soċjali 'l fuq;

49.  Jinnota l-valur potenzjali tal-istabbilizzaturi awtomatiċi; jenfasizza l-ħtieġa li dawn l-istabbilizzaturi jiġu akkumpanjati b'politiki effettivi ta' impjieg li l-għan prinċipali tagħhom huwa li joħolqu impjiegi ta' kwalità;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, biex tikkunsidra l-ħtieġa li tieħu azzjoni fil-livell tal-UE biex tindirizza diversi aspetti tal-esternalizzazzjoni, inkluża l-estensjoni tar-responsabilità in solidum fil-katina tas-sottokuntrattar;

51.  Jenfasizza li s-sottokuntratturi kollha, inklużi l-aġenziji temporanji li l-aktar jibagħtu nisa lejn Stati Membri oħra biex iwettqu xogħol domestiku u jipprovdu kura fid-dar, għandhom ikunu responsabbli għall-pagi, il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, l-assigurazzjoni għall-inċidenti u d-dispożizzjonijiet tal-mard u l-korrimenti mhux imħallsa; jisħaq li s-sottokuntratturi jeħtieġ li jkunu kapaċi wkoll jassistu lill-impjegati f'każ ta' trattament ħażin u abbuż mill-klijenti, kif ukoll fir-rimpatriju;

52.  Jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li tistabbilixxi strument li bih il-kumpaniji jistgħu jkunu soġġetti għal obbligu akbar ta' kura li għalih ikunu jistgħu jinżammu responsabbli, kemm fir-rigward tas-sussidjarji tagħhom kif ukoll tas-sottokuntratturi tagħhom li jaħdmu f'pajjiżi terzi, sabiex jiġi evitat il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, il-korruzzjoni, korriment fiżiku jew ħsara ambjentali gravi u l-ksur tal-konvenzjonijiet tal-ILO;

53.  Iqis li d-Direttiva 96/71/KE u r-regoli li jikkoordinaw is-sistemi tas-sigurtà soċjali għandhom ikunu applikabbli għall-impjieg ta' ħaddiema stazzjonati minn pajjiż terz, abbażi tar-Regolament Modalità 4 tad-WTO u fil-qafas tal-ftehimiet kummerċjali, sabiex jiġi evitat li jkun hemm trattament aktar favorevoli tal-intrapriżi u ħaddiema minn pajjiżi terzi milli ta' dawk mill-Istati Membri;

54.  Jitlob lill-Kummissjoni tqis ir-rakkomandazzjonijiet li jinsabu f'din ir-riżoluzzjoni sa fejn ikun possibbli;

55.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' koordinazzjoni aħjar tad-diversi politiki Ewropej;

o
o   o

56.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

(1) ĠU L 18, 21.1.1997, p. 1.
(2) ĠU L 159, 28.5.2014, p. 11.
(3) ĠU L 166, 30.4.2004, p. 1.
(4) ĠU L 284, 30.10.2009, p. 1.
(5) ĠU L 177, 4.7.2008, p. 6.
(6) ĠU L 300, 14.11.2009, p. 72.
(7) ĠU L 300, 14.11.2009, p. 51.
(8) ĠU L 102, 11.4.2006, p. 1.
(9) ĠU L 80, 23.3.2002, p. 35.
(10) ĠU L 293, 31.10.2008, p. 3.
(11) ĠU L 364, 12.12.1992, p. 7.
(12) ĠU L 167, 2.7.1999, p. 33.
(13) ĠU L 124, 20.5.2009, p. 30.
(14) Testi adottati, P7_TA(2014)0012.
(15) ĠU L 65, 11.3.2016, p. 12.
(16) http://www.eurofound.europa.eu/publications/report/2010/working-conditions-industrial-relations/posted-workers-in-the-european-union
(17) https://www.eurofound.europa.eu/observatories/eurwork/industrial-relations-dictionary
(18) L-Artikolu 31(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea: "Kull ħaddiem għandu d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jirrispettaw is-saħħa, is-sigurtà u d-dinjità tiegħu."
(19) EU:C:2007:809
(20) Ara testi adottati, P8_TA(2015)0252.
(21) Ara Pacolet, Jozef, u De Wispelaere, Frederic, ‘Posting of workers: Report on A1 portable documents issued in 2012 and 2013', p. 15. Skont id-data tal-Eurostat, il-forza kollha tax-xogħol tal-UE fl-2013 ammontat għal 243 miljun persuna (Labour Force Survey Overview 2013, Eurostat (http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/Archive:Labour_force_survey_overview_2013).
(22) https://ec.europa.eu/priorities/sites/beta-political/files/juncker-political-guidelines_en.pdf
(23) Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-14 ta' Jannar 2014 dwar spezzjonijiet tax-xogħol effikaċi bħala strateġija biex jittejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol fl-Ewropa (Testi adottati P7_TA(2014)0012).
(24) Direttiva tal-Kunsill 92/106/KEE tas-7 ta' Diċembru 1992 dwar l-istabbiliment ta' regoli komuni għal ċerti tipi ta' trasport ikkombinat ta' prodotti bejn l-Istati Membri (ĠU L 368, 17.12.1992, p. 38).
(25) Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/23/KE tat-12 ta' Marzu 2001 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet ta' l-Istati Membri relatati mas-salvagwardja tad-drittijiet ta' l-impjegati fil-każ ta' trasferiment ta' impriżi, negozji jew partijiet ta' impriżi jew negozji (ĠU L 82, 22.3.2001, p. 16).
(26) Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 83/2014 tad-29 ta' Jannar 2014 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 965/2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u proċeduri amministrattivi relatati mal-operazzjonijiet bl-ajru skont ir-Regolament (KE) Nru 216/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, (ĠU L 28, 31.1.2014, p. 17).
(27) Ir-Regolament (UE) Nru 465/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2012 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni ta' sistemi ta' sigurtà soċjali u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (ĠU L 149, 8.6.2012, p. 4).
(28) ĠU L 162, 30.4.2004, p. 1

Avviż legali